Manteniment tal-familja

Malta
Contenuto fornito da
European Judicial Network
Rete giudiziaria europea (in materia civile e commerciale)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

F’Malta, it-terminu “manteniment” jirreferi għall-ammont dovut lill-kreditur mid-debitur fir-rigward ta’ arranġament ta’ manteniment li jirriżulta minn relazzjoni ta’ familja. Meta r-relazzjonijiet huma regolati permezz taż-żwieġ jew tal-unjoni ċivili, parti waħda f’din ir-relazzjoni hija obbligata li tmantni lill-parti l-oħra.

It-terminu “obbligu ta’ manteniment” jirreferi għall-obbligu li jitħallas ammont ta’ manteniment, liema manteniment irid jingħata mill-kreditur lid-debitur fiċ-ċirkostanzi deskritti. Obbligu ta’ manteniment jeżisti irrispettivament minn jekk l-ammont ta’ manteniment ġiex stabbilit kif ukoll irrispettivament minn jekk il-manteniment qiegħed jitħallas jew le.

L-Artikolu 3b tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li l-konjuġi u l-ekskonjuġi huma obbligati jmantnu lil xulxin u jistipula li l-ġenituri huma obbligati jmantnu lil uliehom. L-Artikolu 4 tal-Att dwar l-Unjonijiet Ċivili jistipula li l-partijiet f’unjoni ċivili jgawdu mill-istess drittijiet u obbligi bħal dawk li huma miżżewġin u għalhekk huma marbuta li jmantnu lil xulxin anki wara li tintemm ir-relazzjoni tagħhom, sakemm ma jkunx hemm raġuni valida sabiex ma jħallsux dan il-manteniment. It-tfal huma, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, marbuta bl-Artikolu 8 tal-Kodiċi Ċivili li jmantnu lill-ġenituri tagħhom jew axxendenti oħra li huma fil-bżonn.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

B’mod ġenerali, il-minuri jibbenefika mill-manteniment sal-età ta’ sittax-il sena. Madankollu, l-Artikolu 3B(2) tal-Kodiċi Ċivili jikkwalifika li l-ġenituri għandhom ukoll jintrabtu li jipprovdu manteniment adegwat għat-tfal tagħhom, jekk dawn għadhom studenti u qegħdin jipparteċipaw f’edukazzjoni, taħriġ jew tagħlim full-time sakemm jilħqu l-età ta’ tlieta u għoxrin sena. L-istess artikolu jipprovdi wkoll li l-ġenituri għandhom imantnu lit-tfal tagħhom jekk dawn isofru minn diżabilità fiżika jew mentali, kif definit fil-Liġi dwar l-Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità).

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Sabiex jingħata digriet li jistabbilixxi l-ammont ta’ manteniment li jrid jitħallas u l-frekwenza ta’ tali pagament irid isir rikors quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja).

F’każ bħal dan, il-proċedura tibda bil-Qorti li taħtar medjatur li mbagħad jistieden lill-partijiet (jew ir-rappreżentanti tagħhom) għal laqgħa fl-awli tal-qrati. Matul din il-laqgħa, il-medjatur jassisti l-partijiet sabiex isibu arranġament amikevoli. Jekk il-partijiet jaqblu dwar it-test ta’ ftehim għall-manteniment, il-medjatur jibgħat kopja tal-abbozz ta’ ftehim lill-imħallef li jippresjedi fuq il-Qorti tal-Familja. Il-qorti tirrevedi l-ftehim u jekk hija temmen li l-ebda waħda mill-partijiet, inkluża l-persuna li għaliha huwa dovut il-manteniment, mhija sejra tkun preġudikata b’dan il-ftehim, il-qorti tiddeċiedi favur dak l-abbozz ta’ deċiżjoni u l-partijiet jistgħu jipproċedu sabiex jiffirmaw dan il-ftehim quddiem in-nutar.

Meta l-partijiet ma jirnexxilhomx jaqblu dwar abbozz ta’ ftehim dwar il-manteniment matul il-proċess ta’ medjazzjoni, il-medjatur jirrinvija l-kawża quddiem l-imħallef li jippresjedi fuq il-Qorti tal-Familja sabiex jibdew il-proċedimenti tal-qorti. F'każ bħal dan, il-Qorti tal-Familja tisma’ l-argumenti tal-avukati taż-żewġ partijiet u tiddeċiedi dwar il-kwistjoni.

Il-proċedimenti quddiem il-medjatur huma mingħajr ħlas u mhemmx bżonn li l-partijiet ikunu assistiti minn avukat, madankollu huwa dejjem irrakommandat li wieħed isaqsi għal għajnuna legali qabel ma jidħol f’dawn il-ftehimiet. Min-naħa l-oħra, il-proċedimenti quddiem il-qorti jinvolvu l-avukati u l-ispejjeż legali, sakemm il-partijiet ma jitolbux u ma jikkwalifikawx għall-għajnuna legali.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

It-talbiet jistgħu jsiru mill-kreditur, rappreżentant tiegħu jew minn kuratur tat-tfal. Il-manteniment tal-minuri jista’ jintalab minn persuna li għandha l-kura u l-kustodja ta’ dan il-minuri.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Permezz tal-Avviż Legali 396 tal-2003 (Leġislazzjoni Sussidjarja 12.19), il-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet tal-familja hija l-Qorti Ċivili (is-Sezzjoni tal-Familja). B’hekk, hija l-Qorti Ċivili (is-Sezzjoni tal-Familja) li tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ manteniment li jrid jitħallas (sakemm ma ntlaħaqx ftehim quddiem il-medjatur).

Jekk debitur jonqos milli jħallas il-manteniment, il-kreditur jista’ jagħmel ilment quddiem il-pulizija li tista’ tibda proċedimenti kriminali kif xieraq kontra d-debitur. Dawn il-proċedimenti għandhom jinfetħu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Gudikatura Kriminali).

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Sabiex tinbeda kawża dwar il-manteniment minn pajjiż barrani permezz tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 4/2009, wieħed għandu jikkuntattja l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta li mbagħad tibda l-proċess kif xieraq quddiem il-medjatur u quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja), jekk hija tqis li dan huwa meħtieġ.

L-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tassisti wkoll lill-kreditur biex jagħmel l-ilmenti relattivi mal-pulizija sabiex jinbdew il-proċedimenti kriminali jekk ikun hemm bżonn.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Skont ir-Regolament (KE) Nru 4/2009, il-proċedimenti relatati ma’ manteniment tat-tfal jinfetħu mingħajr spejjeż mill-Awtorità Ċentrali.

Fir-rigward ta’ manteniment li għandu x’jaqsmu ma’ manteniment tal-konjuġi, l-Awtorità Ċentrali tassisti l-konjuġi fi proċedimenti li huma mingħajr ħlas, bħalma huma l-medjazzjoni quddiem il-Qorti tal-Familja. Jekk il-medjazzjoni tfalli, il-kreditur ikunu meħtieġ li jfittex l-assistenza ta’ avukat privat li jgħin lir-rikorrent quddiem il-qrati Maltin. It-tariffi relatati mal-qrati u mal-avukati huma previsti fl-Iskeda A tal-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u tal-Proċedura Ċivili (Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta). Jekk rikorrent għal sostenn ta’ konjuġi jikkwalifika għall-għajnuna legali, skont il-liġi Maltija, l-awtorità ċentrali għandha tgħin lil din il-persuna kif meħtieġ.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Il-kalkolu tal-ammont ta’ manteniment li jista' jingħata mill-qorti jvarja billi jiddependi fuq għadd ta’ kriterji. Minkejja l-fatt li mhemm ebda formula għall-kalkolu ta’ manteniment, il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) tieħu kont tal-fatturi li ġejjin:

i. l-istandard ta’ għajxien tad-debitur u dak tal-kreditur u/jew it-tfal;

ii. jekk it-tifel jeħtieġ aktar flejjes addizzjonali minħabba diżabilità jew bżonn li jista’ jkollu; kif ukoll

iii. jekk id-debitur ikunx qiegħed jeżerċita' d-dritt tiegħu ta' aċċess għat-tfal.

Id-deċiżjoni tal-qorti tista’ tkun riveduta. Madankollu, huwa diffiċli li temenda deċiżjoni dwar il-manteniment li għandu jitħallas speċjalment jekk iċ-ċirkustanzi jibqgħu ma jinbidlux. Jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkustanzi (pereż. minorenni jeħtieġ aktar manteniment minħabba mard fit-tul jew ikun hemm bidla sinifikanti fil-pagi tad-debitur) il-qrati jistgħu jibdlu t-termini tal-manteniment.

Il-Qorti tal-Familja normalment tirrikjedi li l-ammont ta’ manteniment jiżdied kull sena skont ir-rata nazzjonali ta’ inflazzjoni. Bl-istess mod, klawsola għal żieda dovuta fil-manteniment minħabba r-rata ta’ inflazzjoni normalment hija inserita fl-arranġament ta' manteniment li ntlaħaq qbil dwaru matul il-proċess ta’ medjazzjoni.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-manteniment jista’ jitħallas direttament mid-debitur lill-kreditur permezz ta’ flus kontanti, ċekk jew trasferiment bankarju. Il-qorti tista’ tiddeċiedi li l-ammont dovut fil-manteniment għandu jitnaqqas mid-dħul tad-debituri u l-ammont imnaqqas jintbagħat direttament lill-kreditur. L-aħħar għażla ġeneralment iseħħ meta d-debitur jonqos ripetutament milli jħallas il-manteniment.

Jekk l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tintalab tibda proċedimenti f’isem il-kreditur, l-imsemmija awtorità tieħu passi sabiex tħeġġeġ lid-debitur jibgħat il-flus direttament lill-kreditur. Jekk id-debitur jirrifjuta li jħallas, il-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-qorti.

F’dan il-każ, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta titlob lill-qorti biex toħroġ l-inġunzjoni meħtieġa sabiex il-kontijiet bankarji tad-debitur jiġu sekwestrati u l-flus jintbagħtu lill-kreditur.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

L-Awtorità Ċentrali tagħmel użu mir-rimedji kollha disponibbli skont il-liġi Maltija. B’mod partikolari, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta għandha l-ewwel tibgħat ittra li tiddikjara li sejrin jinbdew proċedimenti ġudizzjarji kontra t-tali persuna. Jekk il-persuna tikkontesta din l-ittra, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta titlob lill-kreditur jagħmel affidavit u l-kwistjoni tiġi rreferuta lill-pulizija Maltija sabiex tipproċedi kontra d-debitur skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali.

Fejn ikun meħtieġ, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tgħin lill-applikant sabiex l-avukati mill-unità tal-għajnuna legali jew mill-Awtorità Ċentrali jibdew proċedimenti ċivili kontra d-debitur b’tali mod li jitħallsu l-arretrati. F’każ bħal dan, jekk id-debitur ikollu dħul tista’ ssir talba lill-qorti sabiex parti mid-dħul tiġi sekwestrata u trasferita direttament lill-kreditur. Jekk id-debitur għandu assi ta’ valur iżda ma għandu l-ebda dħul, il-qorti tista’ tillikwida l-assi u tordna lill-Awtorità Ċentrali sabiex tibgħat il-flus lill-kreditur.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

Il-terminu preskritt għal azzjoni kriminali wara l-inadempjenza ta’ ħlas ta' manteniment huwa ta’ sitt (6) xhur. Azzjoni kriminali tfalli jekk id-debitur ikun naqas milli jagħmel ilment mal-pulizija fi żmien sitt xhur mill-jum li l-manteniment ikun sar dovut.

L-Artikolu 2156 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi li l-azzjonijiet għal ħlas ta’ manteniment huma preskritti wara perjodu ta’ ħames snin.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

L-Awtorità Ċentrali f’Malta tgħin lill-:

a. kredituri li jgħixu barra minn Malta, meta jkollhom bżonn li jħarrku lil debitur f’Malta, jiġifieri billi tfittex id-debitur u tiffaċilita l-proċedimenti kontra d-debitur (talbiet bħal dawn huma trattati bħala “kawżi li jkunu deħlin”);

b. kredituri li jgħixu f’Malta, meta huma jkollhom bżonn li jħarku debitur li jgħix barra minn Malta billi titlob lil Awtorità Ċentrali oħra sabiex tfittex u tħarrek id-debitur.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

Le, dan mhuwiex possibbli.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Jekk il-kreditur huwa residenti f’Malta u d-debitur jinsab fi Stat Membru ieħor, it-tali kreditur jista’ jitlob lill-Awtorità Ċentrali ta’ Malta biex taħdem mal-Awtorità Ċentrali f’dak l-Istat Membru l-ieħor sabiex jinsab id-debitur, jiġi kkuntattjat u infurmat dwar l-obbligu tiegħu li jħallas il-manteniment.

Jekk ma tingħatax deċiżjoni dwar l-ammont ta’ manteniment dovut, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta għandha tibqa' f'kuntatt mal-Awtorità Ċentrali fl-Istat Membru l-ieħor u tfittex l-għajnuna b’tali mod li l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru jagħtu deċiżjoni li tistabbilixxi l-ammont ta’ manteniment li għandu jiġi riċevut mingħand id-debitur.

Sussegwentement, l-Awtorità Ċentrali ta' Malta għandha tikkomunika mal-Awtorità Ċentrali barranija sabiex tirċievi informazzjoni dwar l-aħjar modi possibbli sabiex jiġi żgurat li t-tali deċiżjoni ta' manteniment tiġi infurzata, sakemm id-debitur ma jikkoperax b’mod volontarju.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

L-Awtorità Ċentrali ta’ Malta għandha d-dettalji ta’ kuntatt tagħha ppubblikati fuq is-sit tal-web tal-Atlas Ġudizzjarju tal-UE.

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

F’każijiet transfruntiera li jirrigwardaw il-manteniment, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tassisti lill-kreditur minn barra mill-pajjiż biex jiġi żgurat l-obbligu ta’ manteniment. F’dan il-każ, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tirrappreżenta lill-kreditur qabel l-awtoritajiet amministrattivi l-oħra kollha jew quddiem il-qrati skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. L-Awtorità Ċentrali ta’ Malta teħtieġ il-mili tal-formolarji meħtieġa u tista' ukoll teħtieġ awtorizzazzjoni mingħand il-kreditur qabel ma tibda xi proċedimenti quddiem il-qorti.

Meta l-kreditur ikun qiegħed jipprova jirkupra mingħand id-debitur manteniment fil-forma ta’ manteniment tal-konjuġi, l-għajnuna legali mingħajr ħlas biex jiġi assistit tali kreditur quddiem il-qrati tista’ tingħata biss jekk tali kreditur jissodisfa l-istess kriterji għal għajnuna legali mingħajr ħlas kif mogħtija lil persuni residenti f’Malta.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Awtorità Ċentrali ta’ Malta jistgħu jinstabu fuq l-Atlas Ġudizzjarju tal-UE. L-Awtorità Ċentrali twettaq il-funzjonijiet kif deskritti f’aktar dettall fid-Domanda 21, il-funzjonijiet (i) sa (j) li prinċipalment jikkonsistu f'li jiġi lokalizzat id-debitur, li jiġi żgurat li jkun hemm deċiżjoni ta' eżekuzzjoni kontra d-debitur (u jekk le, tassisti lill-kreditur biex jikseb deċiżjoni ta' eżekuzzjoni) u tassisti d-debitur fl-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni.

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Iva, Malta hija marbuta bil-Protokoll tal-Aja tal-2007.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

Mhux applikabbli

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

L-Awtorità Ċentrali toffri gwida b’xejn għal persuni li jikkuntattjaw lill-Awtorità Ċentrali dwar il-każijiet transfruntiera ta’ manteniment. Meta t-talba ssir minn persuna li tgħix f’pajjiż barrani, l-Awtorità Ċentrali ta' Malta tiżgura li l-persuna tkun qegħda tiġi pprovduta bl-appoġġ individwali meħtieġ, skont in-natura tat-talba magħmula. B’mod partikolari jekk issir talba għal appoġġ personali, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tipprovdi lill-applikant b’pariri u gwida ġenerali.

F’każ li t-talba għall-manteniment tirrigwarda t-tfal, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tiżgura li l-proċedimenti legali kontra d-debitur jiġu mibdija mingħajr ebda spejjeż.

Meta l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tintalab minn kreditur li jgħix f’Malta sabiex tassistih fl-irkupru tal-manteniment minn pajjiż barrani, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tassisti lil dik il-persuna biex tressaq il-każ tagħha quddiem il-qrati u tibqa’ f’kuntatt mal-Awtorità Ċentrali barranija, dwar ir-riżultat tal-każ u biex tiddiskuti l-possibbiltà ta’ rkupru ta’ dan il-manteniment dovut.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

L-uffiċjali jiġu assenjati għal kull każ sabiex jiġi żgurat li l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tittrażmetti u tirċievi l-applikazzjonijiet, iżżomm f’kuntatt mad-debitur u l-kreditur u żżomm lill-Awtorità Ċentrali barranija aġġornata dwar l-iżviluppi f’kull każ. L-uffiċjal tal-każ ikun assistit minn avukati li jkollhom snin ta’ esperjenza fil-proċeduri tad-dritt tal-familja u tad-dritt amministrattiv.

F'każijiet li jkunu għaddejja, l-uffiċjal tal-każ jikkorrispondi direttament mal-persuna ta’ kuntatt f’Malta u l-Awtorità Ċentrali barranija. Normalment, il-komunikazzjoni tintbagħat permezz tal-posta elettronika u/jew permezz tal-posta normali. Madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet, it-telefonati jsiru lill-Awtorità Ċentrali barranija jew lill-persuna li qegħda titlob is-servizzi tal-Awtorità Ċentrali ta’ Malta. F’kawżi li jkunu deħlin, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tipprova żżomm il-klijent involut f’kull korrispondenza bejn l-Awtoritajiet Ċentrali.

Dawn li ġejjin huma wħud mill-miżuri meħuda fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a) meta ċ-ċirkustanzi jeħtieġu dan, l-għoti u l-iffaċilitar tal-għoti tal-għajnuna legali: jekk meħtieġ, l-Awtorità Ċentrali tista’ tqabbad avukat biex jirrappreżenta lill-klijent jew hija tista’ tordna li l-klijent ikun assistit minn avukati tal-unità tal-għajnuna legali jew avukati oħrajn, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

(b) l-għajnuna biex jiġu lokalizzati d-debitur jew il-kreditur, b’mod partikolari skont l-Artikoli 61, 62 u 63 tar-Regolament: f’ċirkustanzi bħal dawn, l-Awtorità Ċentrali l-ewwel twettaq tiftix preliminari f’bażijiet tad-data pubbliċi għall-indirizzi reġistrati u l-informazzjoni ta’ kuntatt ta’ dak l-individwu. Fejn tingħata aktar informazzjoni lill-Awtorità Ċentrali ta’ Malta, it-tiftix għandu jsir b'dan il-mod u l-entitajiet governattivi oħra jiġu kkuntattjati biex jipprovdu informazzjoni dwar l-assi tad-debitur.

(ċ) l-għajnuna biex tinkiseb l-informazzjoni rilevanti dwar id-dħul u, jekk meħtieġ, iċ-ċirkustanzi finanzjarji oħra tad-debitur jew tal-kreditur, inkluż il-post fejn jinsabu l-assi, b'mod partikolari skont l-Artikoli 61, 62 u 63 tar-Regolament: l-Awtorità Ċentrali tikkuntattja l-uffiċċju nazzjonali għall-impjiegi u tiddetermina jekk it-tali persuna tkun attwalment impjegata jew le. Jekk tinfetaħ kawża quddiem il-qorti kontra d-debitur, l-Awtorità Ċentrali tissuġġerixxi sabiex l-avukat li jirrappreżenta lill-kreditur jitlob lill-qorti biex tħarrek lid-dipartimenti l-oħra tal-gvern bħad-Dipartiment tat-Taxxi Interni, l-Awtorità tat-Trasport u l-banek lokali jew kull entità rilevanti oħra, sabiex jagħtu x-xhieda tagħhom dwar id-dħul u l-assi tad-debitur;

(d) l-inkoraġġiment ta' soluzzjonijiet bonarji bl-għan li jsir ħlas volontarju tal-manteniment, meta jkun xieraq permezz ta’ medjazzjoni, konċiljazzjoni jew proċessi simili: qabel tibda kwalunkwe forma ta’ proċedimenti legali, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tikkuntattja lid-debitur u tinkoraġġixxi ftehim amikevoli, u tispjega għaliex dan huwa dejjem fl-aħjar interess ta’ dak li jkun. Madankollu, meta l-possibbiltajiet ta’ medjazzjoni jkunu għoljin, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tirreferi l-kwistjoni lill-medjaturi professjonali, madankollu jekk ma jkun hemm l-ebda prospett li l-partijiet isolvu t-tilwima b’mod amikevoli, allura jiġu istitwiti l-proċedimenti tal-qorti;

(e) l-iffaċilitar tal-eżekuzzjoni li għadha għaddejja ta’ deċiżjonijiet ta’ manteniment, inkluż l-arretrat kollha: l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tista’ tibda proċedimenti jew tissuġġerixxi li jinbdew proċedimenti ġudizzjarji kontra d-debitur individwali sabiex il-qorti tillikwida l-assi kollha tad-debitur jew tordna li tiġi ssekwestrata parti mis-salarju tiegħu;

(f) l-iffaċilitar tal-ġbir u t-trasferiment malajr ta’ pagamenti ta’ manteniment: l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tiftaħ proċedimenti fil-qrati u titlob lill-qorti sabiex tordna lid-debitur iħallas direttament lill-kreditur. Jekk id-debitur jonqos milli jagħmel it-tali pagamenti, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta, fil-każ ta’ manteniment tat-tfal, titlob lill-qrati sabiex tordna s-sekwestru tal-assi tad-debitur u r-rikavat tagħhom jingħata lill-kreditur. Fil-każ ta’ manteniment tal-konjuġi, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tassisti lill-applikant biex jirkuprah permezz ta’ avukati privati jew permezz tas-sistema tal-għajnuna legali;

(g) l-iffaċilitar tal-kisba ta’ evidenza dokumentata jew evidenza oħra, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1206/2001: jekk id-dokumenti jew l-informazzjoni meħtieġa diġà ħarġet fil-pubbliku, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tiġbor dan it-tagħrif u tagħtiha lill-kreditur. Jekk l-informazzjoni ħarġet fil-pubbliku, issir talba speċjali lill-awtorità jew l-entità li jkollha t-tali informazzjoni. Jekk it-tali informazzjoni ma tistax tingħata, l-Awtorità Ċentrali tista’ titlob lill-qorti biex tordna li tingħata t-tali informazzjoni, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ;

(h) il-provvista ta' assistenza biex tiġi stabbilita l-filjazzjoni, fejn meħtieġ, għall-irkupru tal-manteniment: l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tiggwida l-applikant fil-proċess legali biex tiġi stabbilita l-filjazzjoni u tipprovdi lill-applikant b’informazzjoni dwar is-servizzi privati meħtieġa għat-tali proċess, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ testijiet tad-DNA, fejn applikabbli;

Fejn meħtieġ, l-Awtorità Ċentrali tgħin lill-barrani/ja fil-ksib ta’ rappreżentant li jista' jidher f’Malta f’ismu jew f’isimha fuq l-att pubbliku kkonċernat. Alternattivament, il-kwistjoni ta’ filjazzjoni tista’ jkollha tiġi deċiża mill-qrati u għaldaqstant l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tara' li l-kwistjoni titressaq quddiem qorti sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kwistjoni;

(i) il-ftuħ u l-iffaċilitar tal-introduzzjoni ta' proċedimenti sabiex tinkiseb kull miżura proviżorja meħtieġa li tkun ta’ natura territorjali u li l-għan tagħha jkun li jiġi żgurat l-eżitu ta’ applikazzjoni ta’ manteniment pendenti: jekk l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tissuspetta li debitur qiegħed jieħu miżuri li jiggravaw il-pożizzjoni ekonomika tiegħu, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tara' li jinkisbu d-digrieti tal-qorti meħtieġa sabiex id-debitur ikun ipprojbit milli jnaqqar mill-patrimonju kontra l-interess tal-kreditur;

(j) l-iffaċilitar in-notifika ta’ dokumenti, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1393/2007: fejn aktar informazzjoni dwar id-debitur hija meħtieġa u t-tali informazzjoni tista’ tiġi legalment miġbura u trażmessa minn kull persuna privata f’Malta, l-Awtorità Ċentrali ta' Malta tordna lill-persunal tagħha biex tiġbor din l-informazzjoni. It-tali informazzjoni tista’ tinġabar minn entitajiet pubbliċi jew privati.

Kull meta jkun meħtieġ, l-Awtorità Ċentrali ta’ Malta tikkollabora mal-aġenziji ta' oriġini u mal-aġenziji meħtieġa msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 sabiex jiġi żgurat li ċerti dokumenti jiġu debitament innotifikati.

L-aħħar aġġornament: 04/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Commenti

Usa il formulario qui di seguito per condividere i tuoi commenti e le tue osservazioni sul nostro nuovo sito web