Divorce and legal separation

When a married couple decide to separate permanently, one of the spouses, or both together, will generally institute divorce proceedings.

In most countries divorce is decided by a court, and that court's judgment dissolves the marriage.

If the couple has children, besides the separation of the spouses, the divorce will lead to a reorganisation of the relationship between each of them and the children they have in common.

It will also lead to a division of the assets owned in common by the spouses, and if necessary to the payment of a contribution or maintenance by one spouse to another, or to support the children.

In the European Union, there are rules for working out to which court an application for divorce must be filed when the couple separates. These rules are particularly useful for couples where the spouses are of different nationalities, or where the spouses have lived in different Member States during the marriage.

The rules also allow a divorce pronounced in one country of the European Union to be more easily recognised in another Member State and have effect there.

Please select the relevant country's flag to obtain detailed national information.

Last update: 18/01/2019

This page is maintained by the European Commission. The information on this page does not necessarily reflect the official position of the European Commission. The Commission accepts no responsibility or liability whatsoever with regard to any information or data contained or referred to in this document. Please refer to the legal notice with regard to copyright rules for European pages.

Divorzju - Bulgarija

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-liġi Bulgara tirrikonoxxi l-forom segwenti għax-xoljiment taż-żwieġ permezz ta' divorzju:

  • id-divorzju permezz ta' kunsens reċiproku - leġiżlazzjoni prevista permezz tal-Artikolu 50 u 51 tal-Kodiċi tal-Familja (Semeen kodeks);
  • id-divorzju kontenzjuż abbażi ta' tkissir serju u irrimedjabbli taż-żwieġ skont l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tal-Familja;
  • id-divorzju kontenzjuż abbażi ta' tkissir serju u irrimedjabbli ta’ żwieġ, mingħajr ma jiġi deċiż dwar il-kwistjoni ta' mingħandu tort, permezz tas-sottomissjoni ta' ftehim bejn il-konjuġi skont l-Artikolu 49(4) tal-Kodiċi tal-Familja;

F'każ ta' divorzju permezz ta' kunsens reċiproku, iż-żewġ konjuġi jagħmlu talba konġunta lill-qorti distrettwali (Rayonen sad), li permezz tagħha huma jippreżentaw il-ftehim skont l-Artikolu 50 tal-Kodiċi tal-Familja. F'dan il-ftehim, il-konjuġi jridu jsolvu l-kwistjonijiet dwar il-post tar-residenza tat-tfal, l-eżerċizzju tad-dritt ta' kustodja, id-dritt ta' aċċess u d-dritt għall-manteniment tat-tfal, kif ukoll il-likwidazzjoni tal-proprjetà, l-użu tad-dar matrimonjali, il-manteniment bejn il-konjuġi u l-kunjom. Il-ftehim irid ikun aċċettat mill-qorti wara li tkun ivverifikat jekk l-interessi tat-tfal ġewx protetti. Jekk il-qorti tqis li l-ftehim mhuwiex komplut jew li l-interessi tat-tfal mhumiex protetti sewwa, il-qorti tistabbilixxi terminu ta' żmien sabiex dawn l-irregolaritajiet jiġu rrimedjati. Jekk dawn l-irregolaritajiet ma jiġux irrimedjati fit-terminu stipulat, il-qorti tiċħad it-talba għad-divorzju.

F'każ ta' divorzju kontenzjuż abbażi ta' tkissir serju u irrimedjabbli taż-żwieġ, it-talba ssir minn waħda mill-konjuġi. Il-qorti kompetenti sabiex teżamina t-talba hija l-qorti distrettwali tal-post tar-residenza tal-parti konvenuta. Il-qorti hija meħtieġa li tiddeċiedi fuq l-inizjattiva tagħha stess dwar il-kwistjoni tat-tort għat-tkissir taż-żwieġ u l-eżerċizzju tad-dritt ta' kustodja, id-dritt ta' aċċess u d-dritt għall-manteniment tat-tfal imwielda fiż-żwieġ, l-użu tad-dar matrimonjali, il-manteniment bejn il-konjuġi u l-użu tal-kunjom tar-raġel. Dawn ir-regoli japplikaw jekk il-partijiet ma jkunux ikkonkludu kuntratt taż-żwieġ li jirregola r-relazzjonijiet fuq imsemmija fil-każ ta' divorzju.

F'każ ta' divorzju kontenzjuż, il-konjuġi jistgħu jiddikjaraw li huma laħqu ftehim li permezz tiegħu huma obbligati li jiftehmu dwar kwistjonijiet dwar id-dritt ta' kustodja, id-dritt ta' aċċess u d-dritt għall-manteniment tat-tfal imwielda fiż-żwieġ, kif ukoll il-likwidazzjoni tal-proprjetà, l-użu tad-dar matrimonjali, il-manteniment bejn il-konjuġi u l-użu tal-kunjom tar-raġel. Il-qorti tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tat-tort biss jekk il-parti jew il-partijiet fil-kawża titlobha/jitolbuha espressament tagħmel dan, iżda hija obbligata tistabbilixxi xorta waħda li jeżistu motivi għax-xoljiment taż-żwieġ, jiġifieri tkissir serju u irrimedjabbli.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

F'każ ta' divorzju permezz ta' kunsens reċiproku:

Id-deċiżjoni li tawtorizza d-divorzju permezz ta' kunsens reċiproku tittieħed abbażi ta' kunsens reċiproku, serju u ferm għax-xoljiment taż-żwieġ iddikjarat mill-konjuġi. Il-qorti ma teżaminax il-motivi tal-konjuġi għax-xoljiment taż-żwieġ.

F'każ ta' divorzju kontenzjuż:

Id-deċiżjoni li tawtorizza d-divorzju kontenzjuż tittieħed abbażi ta' tkissir serju u irrimedjabbli taż-żwieġ. Mhemmx definizzjoni legali ta' "tkissir serju u irrimedjabbli taż-żwieġ" (dalboko i nepopravimo razstroystvo na braka). Skont id-dottrina u l-ġurisprudenza interpretattiva tal-Qorti Suprema ta' Kassazzjoni (Varhoven kasatsionen sad), jeżisti tkissir serju u irrimedjabbli taż-żwieġ meta r-rabta konjugali teżisti formalment, iżda hija totalment imċaħħda mis-sustanza tagħha kif preskritta mil-liġi u l-morali. It-tkissir serju u irrimedjabbli taż-żwieġ hija sitwazzjoni oġġettiva li għandha tiġi stabbilita f'kull każ partikolari. Il-mezzi kollha tal-provi, inkluż l-evidenza orali, huma ammissibbli. Il-liġi ma tistipulax kundizzjonijiet assoluti għal tkissir serju u irrimedjabbli taż-żwieġ. Il-każistika taċċetta bħala tali, għalkemm din il-lista mhijiex eżawrenti, l-adulterju, is-separazzjoni twila de facto, l-abbuż tal-alkoħol u l-abbuż ta' stupefjanti oħrajn, il-krudeltà fiżika u mentali kif ukoll l-abbandunar tal-familja. Il-Kodiċi tal-Familja ġdid ma jirrikjedix aktar li l-qorti tiddeċiedi fuq l-inizjattiva tagħha stess dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw ix-xoljiment taż-żwieġ, bl-eċċezzjoni ta' każijiet li fihom il-parti jew partijiet ikunu espressament talbu li tingħata deċiżjoni dwar din il-kwistjoni. Madankollu, fin-nuqqas ta' ftehim, il-kwistjoni ta' mingħandu tort tibqa' deċiżiva għal deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta' kustodja, id-dritt ta' aċċess u l-manteniment tat-tfal li twieldu fiż-żwieġ, kif ukoll l-użu tad-dar matrimonjali.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Wara d-divorzju, il-qorti tista' treġġa' lura għall-kunjom ta' qabel iż-żwieġ ta' wieħed mill-konjuġi.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Il-Kodiċi tal-Familja ġdid jistipula numru ta' reġimi tal-proprjetà matrimonjali possibbli matul iż-żwieġ: ir-reġim legali tal-proprjetà matrimonjali; ir-reġim legali tas-separazzjoni tal-akkwisti; u r-reġim kuntrattwali.

1. Ir-reġim legali tal-proprjetà matrimonjali hija l-koproprjetà indiviżibbli fuq l-assi kollha, inkluż il-flus depożitati, miksuba matul iż-żwieġ. Dawn l-assi jappartjenu liż-żewġ konjuġi, irrispettivament minn f'isem min inxtraw, jekk ġew akkwistati permezz ta' kontribuzzjoni komuni miż-żewġ konjuġi. Il-kontribuzzjoni konġunta tal-konjuġi tista' tieħu l-forma ta' investiment ta' riżorsi u xogħol, kura għat-tfal u xogħol fid-dar. Il-kontribuzzjoni konġunta hija preżunta suġġetta għall-prova tal-kuntrarju.

Il-beni personali ta' kull wieħed mill-konjuġi jikkonsistu fil-beni miksuba qabel iż-żwieġ, kif ukoll dawk miksuba matul iż-żwieġ permezz ta' suċċessjoni u ta' donazzjoni. Il-beni mobbli miksuba minn konjuġi matul iż-żwieġ għall-użu personali tiegħu jew għall-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu jikkonsistu fi proprjetà privata.

Wara d-divorzju, il-proprjetà matrimonjali hija trasformata fi proprjetà normali.

2. ir-reġim tas-separazzjoni tal-akkwisti:

Id-drittijiet miksuba minn kull wieħed mill-konjuġi matul iż-żwieġ huma parti mill-pussess personali tiegħu, iżda f'każ ta' xoljiment taż-żwieġ permezz ta' proċedura kontenzjuża, kull konjuġi huwa intitolat li jirċievi parti mill-valur tal-beni akkwistati mill-parti l-oħra matul iż-żwieġ safejn huwa jkun ikkontribwixxa permezz tax-xogħol tiegħu, il-mezzi finanzjarji tiegħu, il-kura tat-tfal, ix-xogħol fid-dar jew b'mod ieħor. L-ispejjeż għall-issodisfar tal-bżonnijiet tal-familja jitħallsu miż-żewġ konjuġi; il-konjuġi huma responsabbli in solidum għall-obbligi assunti għall-bżonnijiet kurrenti tal-familja.

3. ir-reġim kuntrattwali

Skont il-Kodiċi tal-Familja ġdid, il-konjuġi jistgħu jikkonkludu kuntratt taż-żwieġ, li hija possibbiltà ġdida offruta mil-liġi Bulgara. Il-konjuġi jistgħu jikkonkludu kuntratt taż-żwieġ qabel jew matul iż-żwieġ. Il-kuntratt taż-żwieġ huwa limitat għal ftehim dwar id-diviżjoni tal-proprjetà bejn il-partijiet, bħal: id-drittijiet tal-partijiet għall-proprjetà akkwistati matul iż-żwieġ; id-drittijiet tal-partijiet għall-proprjetà li kienet tappartjeni lilhom qabel iż-żwieġ; il-mod kif il-proprjetà, inkluż id-dar matrimonjali, hija ġestita u trasferita; il-qsim tal-ispejjeż u tal-obbligi bejn il-partijiet; il-konsegwenzi relatati mal-proprjetà fil-każ ta' divorzju; il-manteniment tal-konjuġi matul iż-żwieġ u fil-każ ta' divorzju; il-manteniment tat-tfal imwielda fiż-żwieġ. Ftehim li jittrasforma kull proprjetà akkwistata qabel iż-żwieġ ta' waħda mill-partijiet fi proprjetà konjugali huwa inammissibbli. Kuntratt taż-żwieġ ma jistax jikkontjeni provvedimenti dwar arranġamenti f'każ ta' mewt, ħlief fir-rigward tal-ishma tal-konjuġi f'każ ta' xoljiment miftiehem tal-komunità tal-akkwisti. Ir-reġim legali tal-proprjetà matrimonjali japplika għar-relazzjonijiet patrimonjali li ma jiġux irregolati fil-kuntratt taż-żwieġ.

Irrispettivament mir-reġim magħżul mill-konjuġi, ir-reġim ġenerali japplika għat-trasferiment tad-dar matrimonjali, jiġifieri meta d-dar matrimonjali tikkostitwixxi l-proprjetà privata ta' wieħed mill-konjuġi, it-trasferiment jirrikjedi l-kunsens tal-konjuġi l-ieħor sakemm iż-żewġ konjuġi ma għandhomx dar oħra li hija l-proprjetà komuni jew il-proprjetà personali ta' kull wieħed minnhom. Fin-nuqqas ta' kunsens, l-att ta' trasferiment jiġi effettwat bl-awtorizzazzjoni tal-qorti distrettwali jekk jiġi ppruvat li dan mhuwiex għad-detriment tat-tfal li għadhom ma sarux adulti u għall-familja. Meta jingħata divorzju, jekk id-dar matrimonjali ma tistax tiġi użata separatament miż-żewġ konjuġi, il-qorti tagħti l-użu tagħha lill-waħda mill-partijiet jekk hija tkun talbet għal dan u jekk ikollha bżonn ta' akkomodazzjoni. Meta jkun hemm tfal minuri mwielda miż-żwieġ, il-qorti tiddeċiedi ex officio dwar l-użu tad-dar matrimonjali, u l-qorti tista' tagħti l-użu tagħha lill-parti li lilha jingħata d-dritt tal-kustodja, sakemm dan id-dritt jiġi eżerċitat.

Wara d-divorzju, l-ekskonjuġi jieqfu jkunu l-werrieta legali ta' xulxin u jitilfu l-vantaġġi kollha li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet f'każ ta' mewt magħmula preċedentement. Wara d-divorzju, id-donazzjonijiet ta' beni ta' valur sinifikattiv magħmula f'rabta maż-żwieġ jew matul iż-żwieġ minn wieħed mill-konjuġi jew mill-qraba tagħhom lill-konjuġi l-ieħor jistgħu jiġu rrevokati, ħlief jekk dan imur kontra l-moralità pubblika. Ir-rikors għall-anullament tad-donazzjoni jista' jitressaq qabel l-iskadenza ta' perjodu ta' sena mill-għoti tad-divorzju.

Ir-reġim legali tal-proprjetà matrimonjali japplika meta l-persuni li sejrin jidħlu għaż-żwieġ ma għażlux reġim ta' relazzjonijiet patrimonjali, kif ukoll meta huma jkunu minuri jew persuni b'kapaċità legali limitata. Ir-reġim ta' relazzjonijiet patrimonjali jiġi rreġistrat fir-reġistru tar-relazzjonijiet patrimonjali tal-miżżewġin. Ir-reġim ta' relazzjonijiet patrimonjali jista' jiġi mmodifikat matul iż-żwieġ. Il-modifika hija msemmija fl-att ta' żwieġ ċivili u fir-reġistru. Il-kuntratti taż-żwieġ u r-reġim legali applikabbli huma rreġistrati f'reġistru elettroniku ċentrali tal-Aġenzija tar-Reġistri. Ir-reġistru huwa pubbliku. F'każ ta' tranżazzjoni bejn parti waħda mill-konjuġi jew it-tnejn li huma ma' parti terza, meta fir-reġistru ma jissemmix ir-reġim ta' relazzjonijiet patrimonjali, ir-reġim legali tal-proprjetà matrimonjali huwa applikabbli.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

It-terminu legali adottat mil-leġiżlazzjoni Bulgara huwa "l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-ġenituri" (yprazhnyavane na roditelski prava).

Bid-deċiżjoni tagħha ta' xoljiment taż-żwieġ permezz ta' divorzju, il-qorti trid tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet li jirrigwardaw id-dritt ta' kustodja, id-dritt ta' aċċess u l-manteniment tat-tfal imwielda fiż-żwieġ, kif ukoll l-użu tad-dar matrimonjali. Meta tagħmel dan, hija tieħu kont tal-interessi tat-tfal. Il-qorti tiddeċiedi lil liema parti mill-konjuġi tagħti d-dritt ta' kustodja, tistabbilixxi l-miżuri dwar l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet, il-kuntatti bejn it-tfal u l-ġenituri u l-manteniment tat-tfal. Sabiex tiddetermina liema ġenitur jingħata d-dritt ta' kustodja, il-qorti tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha li jirrigwardaw l-interessi tat-tfal, tisma' lill-ġenituri u t-tfal jekk huma jkollhom aktar minn għaxar snin.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Skont l-Artikolu 83 tal-Kodiċi tal-Familja, il-manteniment jingħata biss lill-konjuġi li mhuwiex fit-tort għad-divorzju. Il-manteniment jitħallas għal mhux aktar minn tliet snin wara x-xoljiment taż-żwieġ, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu dwar perjodu itwal. Il-qorti tista' testendi dawn il-perjodi jekk l-ekskonjuġi li jirċievi l-manteniment huwa f'sitwazzjoni partikolarment gravi u jekk il-konjuġi l-ieħor jista' iħallas il-manteniment mingħajr diffikultajiet kbar. Id-dritt tal-ekskonjuġi għall-manteniment jintemm meta jerġa' jiżżewweġ. Fil-prattika, il-każijiet li fihom l-ekskonjuġi jingħataw jew jiġi ordnati jħallsu l-manteniment huma estremament rari.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Il-kunċett ta' separazzjoni legali ma jeżistix fil-leġiżlazzjoni Bulgara attwali.

Fil-ġurisprudenza, is-separazzjoni de facto tfisser biss li l-konjuġi mhuma la jgħixu flimkien u lanqas mhuma jaqsmu l-istess abitazzjoni. Din ma għandhiex l-istess tifsira bħal "separazzjoni legali".

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Ara l-punt 4.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Ara l-punt 4.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

It-terminu użat fil-leġiżlazzjoni Bulgara attwali huwa "l-annullament taż-żwieġ" (ynishtozhavane na braka). L-annullament taż-żwieġ huwa wieħed mill-mezzi ta' xoljiment taż-żwieġ. Iż-żwieġ annullabbli għandu l-effetti legali kollha ta' żwieġ validu sax-xoljiment tiegħu permezz ta' proċedura ġudizzjarja. L-annullament taż-żwieġ jista' isir biss permezz ta' proċedura ġudizzjarja: ħadd ma jista' jipprevali ruħu min-nullità taż-żwieġ sakemm l-annullament ma jiġix ordnat mill-qorti.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Sabiex żwieġ jiġi annullat, wieħed mill-konjuġi trid tkun persuna li:

  • kellha anqas minn tmintax-il sena meta sar iż-żwieġ;
  • għadha miżżewġa lil persuna oħra;
  • ġiet iddikjarata bħala legalment inkapaċi jew bħala li tbati minn mard mentali jew diżabbiltà mentali li jikkostitwixxu raġunijiet sabiex tiġi ddikjarata bħala legalment inkapaċi;
  • tbati minn mard li jipperikola serjament il-ħajja jew is-saħħa tat-tfal jew il-konjuġi l-ieħor, ħlief jekk il-marda hija perikoluża biss għall-konjuġi l-ieħor u jekk jaf dwar dan;
  • hija axxendenti jew dixxendenti diretta tal-konjuġi l-ieħor;
  • hija waħda mill-aħwa, min-neputijiet jew minn qraba oħra fil-linja kollaterali, sar-raba' grad inkluż, tal-konjuġi l-ieħor;
  • hija l-ġenitur adottiv jew ġiet adottata mill-konjuġi l-ieħor;
  • ġiet sfurzata tikkonkludi ż-żwieġ wara li ġiet mhedda b'perikolu serju u imminenti għal ħajjitha, saħħitha jew l-unur tagħha jew dak tal-familja tagħha.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Skont id-difett taż-żwieġ, ir-rikors għall-annullament jista' isir mill-konjuġi affettwat b'dan id-difett; kif ukoll mill-prokuratur, mill-konjuġi tal-ewwel żwieġ jew mill-prokuratur pubbliku u l-konjuġi. L-Artikolu 97 tal-Kodiċi tal-Familja telenka espressament u b'mod eżawrjenti l-persuni li huma intitolati jressqu rikors għall-annullament u t-termini ta' skadenza biex jagħmlu dan.

L-effetti tal-annullament taż-żwieġ huma identiċi għall-effetti tad-divorzju fir-rigward tar-relazzjonijiet personali u patrimonjali bejn il-konjuġi, kif ukoll fir-rigward tar-relazzjonijiet bejniethom u t-tfal. Għall-annullament ta' żwieġ, il-mala fede hija ekwivalenti għat-tort fil-każ ta' divorzju. It-tfal ikkonċepiti jew imwielda matul iż-żwieġ annullat huma meqjusa bħala tfal leġittimi u jgawdu mill-preżunzjoni tal-paternità.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

L-uniku mod ta' xoljiment taż-żwieġ permezz ta' divorzju huwa bit-tressiq ta' rikors jew billi ssir talba quiddiem il-qorti.

F'każ fejn il-partijiet jirrikoxxu għall-medjazzjoni, il-kawża tiġi sospiża.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ir-rikorsi għal divorzju minħabba tort jew ir-rikorsi għal annullament taż-żwieġ huma ta' kompetenza tal-qrati distrettwali bħala qrati tal-ewwel istanza. L-istess qrati jeżaminaw ukoll it-talbiet ta' divorzju permezz ta' kunsens reċiproku. Ir-rikorsi għandhom jitressqu quddiem il-qorti tal-post ta' residenza tal-parti konvenuta. Il-qorti ma tivverifikax ex officio li hija għandha kompetenza territorjali, iżda hija obbligata li tirrinvija l-kawża lill-qorti kompetenti f'każ ta' oġġezzjoni mill-parti konvenuta mhux aktar tard mit-terminu previst għall-finijiet ta' risposta għar-rikors.

Ma tistax tingħata sentenza fil-kontumaċja f'każijiet matrimonjali.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-partijiet jistgħu jiksbu għajnuna legali skont il-kundizzjonijiet ġenerali ta' għoti tal-għajnuna legali. Dawn huma stipulati fil-liġi dwar l-għajnuna legali (Zakon za pravnata pomosht).

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Id-deċiżjoni ta' divorzju permezz ta' kunsens reċiproku ma tistax tiġi appellata.

Id-deċiżjonijiet dwar ir-rikorsi għall-annullament taż-żwieġ u r-rikorsi għad-divorzju jistgħu jiġu appellati quddiem il-qrati provinċjali (Okrazhen sad) fiż-żewġ ġimgħat li jsegwu n-notifika tagħhom lill-parti. Id-deċiżjoni ta' divorzju tidħol fis-seħħ anki jekk din tiġi appellata fir-rigward tat-tort tal-parti.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, kif implementat permezz tal-Artikolu 621 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Grazhdanski protsesualen kodeks), japplika f'dan il-każ. Il-qorti territorjalment kompetenti hija l-qorti provinċjali tal-post ta' residenza tal-parti opposta u, jekk din tal-aħħar mhijiex domiċiljata fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgaru, il-qorti kompetenti hija l-qorti tal-post ta' residenza tal-parti interessata; meta l-parti interessata ma għandha lanqas post ta' residenza fir-Repubblika tal-Bulgaru, il-qorti kompetenti hija l-Qorti tal-Belt ta' Sofia (Sofiyski gradski sad).

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, kif implementat permezz tal-Artikoli 622 u 623 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, japplika f'dan il-każ.

Il-parti li toġġezzjona għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni tista' tappella mill-ordni ta' rikonoxximent jew, jekk ikun il-każ, mill-ordni li jawtorizza l-eżekuzzjoni tagħha. L-ordni jista' jiġi appellat quddiem il-Qorti tal-Appell ta' Sofia (Sofiyski apelativen sad), li d-deċiżjoni tagħha hija suġġetta għall-appell f'kassazzjoni quddiem il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-liġi applikabbli għall-annullament ta' żwieġ hija dik tal-post fejn iż-żwieġ ġie konkluż.

Ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi huma rregolati permezz tad-dritt nazzjonali komuni. Meta l-konjuġi għandhom ċittadinanzi differenti, ir-relazzjonijiet tagħhom huma rregolati permezz tal-liġi tal-istat tar-residenza abitwali komuni tagħhom. Fin-nuqqas ta' dan, ir-relazzjonijiet tagħhom huma rregolati permezz tal-liġi tal-istat li miegħu ż-żewġ konjuġi għandhom l-eqreb rabtiet.

Ir-relazzjonijiet patrimonjali bejn il-konjuġi huma rregolati permezz tad-dritt applikabbli għar-relazzjonijiet personali tagħhom.

Id-divorzju bejn il-konjuġi tal-istess nazzjonalità barranija huwa rregolat permezz tad-dritt tal-Istat li tiegħu huma ċittadini meta jsir ir-rikors għad-divorzju. Id-divorzju bejn il-konjuġi ta' nazzjonalitajiet differenti huwa rregolat permezz tad-dritt tal-Istat li fih tinsab ir-residenza abitwali komuni tagħhom fil-mument meta jsir ir-rikors għad-divorzju. Meta l-konjuġi ma għandhom ebda residenza abitwali komuni, id-dritt Bulgaru huwa applikabbli.

L-aħħar aġġornament: 24/11/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Divorzju - Repubblika Ċeka

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-qorti tiddeċiedi dwar id-divorzju fuq it-talba ta' wieħed mill-konjuġi. Matul il-proċedura, hija tiddetermina jekk il-motivi tad-divorzju jeżistux jew le, jiġifieri jekk iż-żwieġ tkissirx u l-kawżi ta' dan it-tkissir.

Iż-żwieġ huwa awtomatikament ikkunsidrat bħala li tkisser jekk ikun dam tal-inqas sena, u jekk il-konjuġi ma jkunux għadhom jikkoabitaw flimkien għal mill-inqas sitt xhur u li l-konjuġi l-ieħor jingħaqad mat-talba għad-divorzju. Il-qorti ma teżaminax il-kawżi tat-tkissir u tagħti d-divorzju jekk hija tikkonkludi favur il-veraċità tad-dikjarazzjonijiet konkordanti tal-konjuġi dwar it-tkissir u l-intenzjoni tagħhom li jiksbu d-divorzju, u bil-kundizzjoni li l-konjuġi jippreżentaw:

deċiżjoni tal-qorti definittiva li tapprova l-ftehim dwar l-adattazzjoni, għall-perjodu wara d-divorzju, tar-relazzjonijiet tal-konjuġi mat-tfal minuri tagħhom li għadhom ma jgawdux minn kapaċità ġuridika sħiħa;

ftehim bil-miktub bil-firem uffiċjalment awtentikati tal-konjuġi, li jirregola r-relazzjonijiet patrimonjali, il-kwistjoni tal-akkomodazzjoni u l-manteniment eventwali għall-perjodu li jiġi wara d-divorzju.

Jekk il-konjuġi għandhom wild minuri, id-divorzju ma jistax jiġi deċiż jekk, għal raġunijiet partikolari (pereżempju, id-diżabbiltà fiżika jew mentali tal-wild), dan ikun kuntrarju għall-interessi ta' dan tal-aħħar. Id-divorzju ma jista' lanqas jiġi deċiż sakemm id-deċiżjoni dwar l-adattazzjoni, għall-perjodu li jiġi wara d-divorzju, tar-relazzjonijiet tal-konjuġi mat-tfal minuri tagħhom ma tkunx saret definittiva.

Jekk iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali jkunu favur iż-żamma taż-żwieġ, il-qorti ma tilqax it-talba għad-divorzju li joġġezzjona għaliha l-konjuġi li ma kkontribwiex prinċipalment għat-tkissir taż-żwieġ bin-nuqqas tat-twettiq tal-obbligi konjugali tiegħu u liema divorzju jikkawżalu preġudizzju partikolarment gravi. Madankollu, jekk il-konjuġi ma jikkoabitawx flimkien għal aktar minn tliet snin, il-qorti tilqa' id-divorzju jekk iż-żwieġ ikun tkisser.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Ir-raġunijiet għad-divorzju huma kkostitwiti minn tkissir profond, permanenti u irreversibbli tar-rabta konjugali, li jeskludu kull kontinwazzjoni tal-ħajja flimkien tal-konjuġi.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Il-konjuġi li adottat il-kunjom tal-konjuġi l-ieħor għandha l-possibbiltà, f'terminu ta' sitt xhur mid-data li fiha d-deċiżjoni ta' divorzju tkun saret definittiva, li tinforma l-uffiċċju tal-insinwa (matriční úřad) li hija tixtieq tadotta l-kunjom preċedenti tagħha jew li ma tridx aktar li kunjom żewġha jagħmel parti minn kunjomha.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Id-divorzju jtemm il-komunità tal-akkwisti tal-konjuġi.

F'każ ta' xoljiment jew ta' estinzjoni tal-komunità tal-akkwisti jew ta' tnaqqis tal-firxa tagħha, id-drittijiet u l-obbligi komuni preċedenti jiġu likwidati. Il-ftehim ta' likwidazzjoni jrid ikun bil-miktub jekk ġie konkluż matul iż-żwieġ jew jekk il-likwidazzjoni tirrigwarda beni li għall-kuntratt tat-trasferiment tiegħu hemm bżonn il-forma bil-miktub. Jekk il-konjuġi ma jirnexxilhomx jiftiehmu dwar il-likwidazzjoni tal-komunità tal-akkwisti, hija l-qorti li tiddeċiedi dwar dan, fuq it-talba ta' waħda mill-konjuġi. Għal-likwidazzjoni tal-komunità tal-akkwisti, il-qorti titlaq mill-assunzjoni tal-ugwaljanza tal-ishma taż-żewġ konjuġi f'din il-komunità. Kull wieħed mill-konjuġi huwa intitolat jitlob ir-rimborż tas-sehem tal-assi proprji tiegħu li kkontribwixxa bihom fil-komunità u huwa obbligat jirrimborża dak li tħallas mill-assi komuni għall-assi esklussivi tiegħu stess. Matul il-likwidazzjoni, jittieħed prinċipalment kont tal-bżonnijiet tat-tfal dipendenti minnu, il-mod li bih kull wieħed mill-konjuġi ħa ħsieb il-familja (b'mod partikolari it-tfal u d-dar matrimonjali) u kif kull wieħed mill-konjuġi kkontribwixxa għall-akkwist u għaż-żamma tal-assi li jagħmlu parti mill-komunità tal-akkwisti.

Jekk, fit-tliet snin li jsegwu x-xoljiment tal-komunità tal-akkwisti tal-konjuġi, din tal-aħħar ma kinitx is-suġġett ta' ftehim ta' likwidazzjoni jew li, fit-tliet snin li jsegwu x-xoljiment tagħha, ma tkunx intalbet il-likwidazzjoni permezz ta' rikors quddiem il-qorti, il-beni mobbli tanġibbli huma meqjusa li jappartjenu lill-parti li tużahom esklussivament bħala sidhom għall-bżonnijiet tagħha, dawk tal-familja tagħha jew dawk tad-dar matrimonjali. Il-beni mobbli tanġibbli l-oħrajn u l-beni immobbli huma meqjusa bħala li jappartjenu lill-koproprjetà diviża u f'ishma ugwali bejn iż-żewġ koproprjetarji; dan il-pinċipju japplika wkoll għad-drittijiet l-oħra ta' proprjetà, krediti u dejn.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Qabel ma tiddeċiedi dwar id-divorzju tal-ġenituri ta' wild minuri li għadu ma jgawdix minn kapaċità ġuridika sħiħa, il-qorti tiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri lejn uliedhom għall-perjodu ta' wara d-divorzju. Hija tispeċifika b'mod partikolari l-konjuġi li jkollu l-kustodja tal-wild u tistabbilixxi l-modalitajiet li skonthom kull wieħed mill-ġenituri jrid jikkontribwixxi għall-manteniment tal-wild.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Konjuġi divorzjat għandu l-obbligu li jħallas manteniment lill-ekskonjuġi tiegħu li mhuwiex kapaċi jmantni lilu nnifsu, fil-każ li inkapaċità tali toriġina miż-żwieġ jew hija relatata miegħu. Fid-determinazzjoni tal-manteniment, jittieħed kont b'mod partikolari tal-età, l-istat ta' saħħa matul id-divorzju u t-tmiem tal-manteniment tat-tfal miż-żwieġ. Jekk il-konjuġi ma jirnexxilhomx jiftiehmu dwar l-ammont tal-manteniment, hija l-qorti li tiddeċiedi dwar dan fuq it-talba ta' waħda mill-konjuġi. Il-manteniment jista' jitħallas f'somma waħda jew f'pagamenti regolari.

Jekk il-konjuġi jew ekskonjuġi ma jirnexxilhomx jiftiehmu dwar il-kwistjoni tal-manteniment, il-qorti tista' tagħtih, għal perjodu massimu ta' tliet snin li jibdew jiskorru mid-data tad-divorzju, fuq it-talba tal-konjuġi li ma kkontribwiex prinċipalment għat-tkissir taż-żwieġ u li, minħabba d-divorzju, sofra preġudizzju partikolarment gravi.

Id-dritt għal manteniment jintilef jekk l-ekskonjuġi intitolat għall-manteniment jerġa' jiżżewweġ jew jikkonkludi sħubija reġistrata.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Il-kunċett ta' separazzjoni legali ma jeżistix fir-Repubblika Ċeka.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Ara r-risposta tad-domanda nru. 4.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Ara r-risposta tad-domanda nru. 4.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Il-qorti tannulla żwieġ - anki fuq l-inizjattiva tagħha stess - jekk iż-żwieġ ikun ġie konkluż bejn raġel jew mara diġà miżżewweġ/miżżewġa, ma' persuna li diġà daħlet fi sħubija reġistrata jew unjoni simili oħra barra mill-pajjiż, jekk dan iż-żwieġ, din is-sħubija jew din l-unjoni simili l-oħra għadha teżisti; jew bejn axxendent u dixxendent, bejn l-aħwa jew bejn persuni relatati permezz tal-adozzjoni.

Il-qorti tannulla ż-żwieġ fuq it-talba tal-konjuġi li l-kunsens tiegħu sabiex jidħol għaż-żwieġ inkiseb taħt pressjoni li tikkonsisti fl-użu tal-forza jew tat-theddida tal-użu tal-forza, jew il-kunsens sabiex jidħol għaż-żwieġ irriżulta minn żball dwar l-identità tal-konjuġi futur tiegħu jew in-natura tan-negozjati ta' żwieġ. It-talba għall-annullament tista' titressaq sa mhux aktar tard minn sena mill-ewwel data minn meta l-konjuġi seta' aġixxa kont meħud taċ-ċirkustanzi jew minn meta s-sitwazzjoni reali saret magħrufa. Il-qorti tiddeċiedi dwar l-annullament taż-żwieġ fuq talba ta' kull persuna li għandha interess leġittimu, jekk iż-żwieġ ikun ġie konkluż minkejja l-eżistenza ta' ostakolu legali (pereżempju l-fatt li persuna tkun taħt l-età jew l-inkapaċità legali, iżda dan ma japplikax f'każ ta' inkapaċità legali limitata).

Iż-żwieġ huwa null jekk, fil-każ ta' għall-inqas parti waħda għaż-żwieġ, il-kundizzjonijiet li trid tikkonforma magħhom bla riżerva ta' xejn kienu neqsin mill-kunsens tagħha għaż-żwieġ jew fiċ-ċerimonja taż-żwieġ jew f'rabta magħha.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Ara r-risposta tad-domanda nru. 7.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Żwieġ li jiġi annullat minn qorti jitqies mill-bidu nett bħala li qatt ma ġie konkluż (ex tunc). Madankollu, dan jitqies validu sal-annullament tiegħu mill-qorti. Id-drittijiet u l-obbligi tal-konjuġi fil-konfront ta' wliedhom komuni u d-drittijiet u l-obbligi tagħhom ta' natura patrimonjali wara l-annullament taż-żwieġ jiġu rregolati permezz tal-istess dispożizzjonijiet bħal dawk applikabbli fil-każ ta' divorzju. Id-deċiżjoni ta' annullament taż-żwieġ timplika li d-dikjarazzjoni tal-allegati konjuġi dwar il-kunjom, hija wkoll, tinsab ivvizjata b'nullità assoluta. Iż-żewġ konjuġi jirkupraw, għalhekk, il-kunjom oriġinali tagħhom u mhumiex intitolati jagħżlu bejn iż-żewġ kunjomiet. Wara l-annullament taż-żwieġ, l-isem tat-tfal jibqa' l-istess. Il-paternità preżunta tibqa' mal-konjuġi tal-omm u dan, anki wara l-annullament taż-żwieġ.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Jeżistu numru ta' servizzi ta' pariri (counselling) fl-oqsma tar-relazzjonijiet familjari, konjugali u interpersonali. Possibbiltà oħra hija l-medjazzjoni. Informazzjoni aktar dettaljata tinsab fuq is-siti web tal-Assoċjazzjoni tal-medjaturi tar-Repubblika Ċeka (Asociace mediátorů České republiky) u tal-Assoċjazzjoni ta' konsulenti konjugali u għall-familja tar-Repubblika Ċeka (Asociace manželských a rodinných poradců České republiky) - ara l-ħoloq aktar 'l isfel. Madankollu, ix-xoljiment taż-żwieġ permezz ta' divorzju huwa possibbli biss abbażi ta' deċiżjoni tal-qorti li saret definittiva.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

It-talbiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' divorzju jew ta' annullament taż-żwieġ jitressqu quddiem il-qorti distrettwali (okresní soud) f'liema disrett il-konjuġi għandhom jew kellhom l-aħħar domiċilju komuni tagħhom fir-Repubblika Ċeka, dment li tal-inqas parti waħda mill-konjuġi jkollha d-domiċilju tagħha fid-distrett tal-qorti. Fin-nuqqas ta' tali qorti, tkun kompetenti l-qorti ordinarja tal-konjuġi li ma ressaqx it-talba tal-ftuħ tal-proċedura u, jekk lanqas din il-qorti ma teżisti, tkun kompetenti l-qorti ordinarja tal-konjuġi li jkun l-awtur tar-rikors li ta lok għall-proċedimenti. Permezz ta' qorti ordinarja ta' persuna fiżika, wieħed jifhem il-qorti distrettwali għad-distrett li din il-persuna hija domiċiljata fih u, fin-nuqqas ta' domiċilju, il-qorti distrettwali għad-distrett li l-persuna tirrisjedi fih. Permezz ta' domiċilju, wieħed jidhem il-post fejn tgħix il-persuna bl-intenzjoni li tibqa' tgħix hemm b'mod permanenti (dawn il-postijiet jistgħu jkunu multipli, f'liema każ il-qrati korrispettivi kollha jitqiesu bħala qrati ordinarji). Għal aktar informazzjoni, ara l-informazzjoni dwar il-kompetenza ġudizzjarja.

It-talba trid issir bil-miktub u tindika b'mod ċar il-qorti destinatarja, l-awtur tagħha, l-identifikazzjoni preċiża tal-partijiet (ismijiet kompluti, kunjom, numru personali tat-twelid jew data tat-twelid, indirizz residenzjali permanenti jew indirizz tal-posta), iż-żwieġ ikkonċernat (konklużjoni taż-żwieġ, ċirkustanzi, żvilupp u kawżi tat-tkissir tiegħu). It-talba trid tiġi ffirmata u ddatata. F'każ ta' talba fejn iż-żewġ konjuġi jkunu qablu dwar id-divorzju, din trid tikkontjeni l-firem taż-żewġ konjuġi. Il-fatti allegati f'din it-talba jridu jiġu elaborati b'evidenza dokumentata.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-partijiet mhumiex ġeneralment intitolati għall-kumpens tal-ispejjeż marbuta mal-proċedimenti ta' divorzju, annullament taż-żwieġ jew dik li tistabbilixxi l-validità taż-żwieġ. Il-qorti tista' tagħti kumpens għat-totalità jew għall-parti minn dawn l-ispejjeż jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ jew is-sitwazzjoni tal-partijiet tiġġustifikah. Fuq talba, il-president tal-awla jista' jeżenta il-partijiet mill-integralità jew minn parti tal-ispejjeż legali jekk is-sitwazzjoni tagħhom tiġġustifikah u li din l-eżenzjoni ma tippermettix lill-partijiet li jsostnu xi drittijiet tagħhom, jew li joġġezzjonaw għal xi drittijiet, b'mod arbitrarju jew b'mod li ma jkunx utli. Jekk jeħtieġ li l-interessi ta' waħda mill-partijiet jiġu protetti, din il-parti tista' titlob ukoll lill-qorti sabiex jinħatrilha avukat. Il-qorti għandha l-possibbiltà wkoll li taħtar avukat qabel il-bidu tal-proċedura, iżda l-parti kkonċernata trid tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' eżenzjoni mill-ispejjeż legali. Il-parti kkonċernata trid tiġġustifika quddiem il-qorti s-sitwazzjoni soċjali u patrimonjali tagħha u tad-dħul tagħha.

Barra minn hekk, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi dwar il-professjoni ta' avukat huma ssodisfatti, huwa possibbli li jintalab lill-Kamra tal-Avukati Ċeka (Česká advokátní komora) sabiex wieħed jibbenefika, b'xejn jew permezz ta' ħlas ridott, mis-servizzi legali ta' avukat.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Huwa possibbli li jsir appell minn deċiżjoni ta' divorzju jew ta' annullament ta' żwieġ fil-ħmistax-il ġurnata li jibdew jiskorru min-notifika tal-kopja bil-miktub tad-deċiżjoni tal-qorti. L-appell isir bil-miktub quddiem il-qorti li l-appell qiegħed isir kontriha. Jekk jingħata digriet ta' rettifika tad-dispożittiv tad-deċiżjoni oriġinali, dan it-terminu jibda jiskorri mid-data li fih dan id-digriet ta' rettifika ikun daħal fis-seħħ. Appell jitqies xorta waħda li jkun sar fil-ħin jekk ikun sar wara l-iskadenza tat-terminu ta' ħmistax-il ġurnata, fil-każ fejn l-appellant ikun mexa mal-istruzzjonijiet żbaljati tal-qorti rigward l-appell. L-appell ikun inammissibbli jekk tkun ġiet milqugħa talba konġunta għad-divorzju.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Jekk deċiżjoni mogħtija fi Stat membru ieħor tal-UE (bl-esklużjoni tad-Danimarka) taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 (iktar 'il quddiem ir-"Regolament Brussell II bis"), din tiġi rikonoxxuta mingħajr proċedura partikolari. L-Uffiċċju tal-Insinwa jieħu sempliċement nota tad-deċiżjoni u jipproċedi b'mod awtomatiku għall-iskrizzjoni addizzjonali (traskrizzjoni) fil-volum korrispettiv tar-reġistru tal-insinwa fuq preżentazzjoni tal-atti meħtieġa, jiġifieri d-deċiżjoni definittiva tal-qorti tal-Istat Membru l-ieħor tal-UE, jew il-kopja ċertifikata bħala konformi, dwar id-divorzju, is-separazzjoni jew l-annullament taż-żwieġ akkumpanjata minn traduzzjoni uffiċjali fil-lingwa Ċeka, u ċ-ċertifikat previst fl-artikolu 39 tar-Regolament Brussell II bis (jew l-Artikolu 33 tal-istess regolament). Iċ-ċertifikati jitqassmu fuq talba minn parti fil-proċedura mill-qrati li jkunu ddeċidew dwar id-divorzju, is-separazzjoni jew l-annullament taż-żwieġ. Tista' issir deroga mir-rekwiżit għas-sottomissjoni ta' dan iċ-ċertifikat jekk il-fatti kollha li kieku kienu jkunu mniżżla fuq iċ-ċertifikat jirriżultaw mid-deċiżjoni nfisha jew minn dokumenti mressqa oħra (pereżempju is-sottomissjoni ta' deċiżjoni li tinkludi klawżola ta' res judicata).

Madankollu, il-persuna kkonċernata tista' titlob lill-qorti distrettwali kompetenti għal deċiżjoni ta' rikonoxximent jew ta' nonrikonoxximent, pereżempju jekk ikun neċessarju li jiġi stabbilit b'mod ċert jekk iż-żwieġ jeżistix jew le (Artikolu 21(3) tar-Regolament Brussell II bis). F'dan il-każ, dan huwa każ ta' dritt u mhux ta' obbligu tal-persuna kkonċernata; deċiżjoni tali mill-qrati mhijiex meħtieġa sabiex wieħed jipproċedi għal iskrizzjoni normali fir-reġistru tal-insinwa.

Jekk id-deċiżjoni tkun ingħatat fi Stat Membru ieħor tal-UE qabel l-1 ta' Mejju 2004 u tal-inqas wieħed mill-partijiet fil-proċedura jkollu ċ-ċittadinanza Ċeka, id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet matrimonjali jkunu rikonoxxuti abbażi ta' deċiżjoni speċjali tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka (Nejvyšší soud České republiky). Id-deċiżjoni barranija, li tinkludi l-klawżola ta' res judicata, jew l-atti meħtieġa l-oħra (pereżempju, il-kuntratt taż-żwieġ) jiġu sottomessi lill-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka akkumpanjati minn traduzzjoni uffiċjali fil-lingwa Ċeka u mill-awtentikazzjoni ogħla meħtieġa (superleġiżlazzjoni, postilla), ħlief jekk ftehim internazzjonali jkun jipprovdi mod ieħor. Informazzjoni aktar dettaljata dwar din il-proċedura tinsab fis-sit web tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka - ara l-ħolqa aktar 'l isfel.

Uħud mill-ftehimiet bilaterali ta' għajnuna legali li huma vinkolanti fuq ir-Repubblika Ċeka (dan jirrigwarda ftehimiet mar-Repubblika Slovakka, l-Ungerija u l-Polonja), fihom dispożizzjonijiet ta' rikonoxximent ta' deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet oħra li mhumiex ta' natura patrimonjali mogħtija mill-awtoritajiet tal-parti l-oħra kuntrattwali (inkluż id-deċiżjonijiet ta' divorzju / separazzjoni legali / annullament taż-żwieġ), li huma rikonoxxuti fir-Repubblika Ċeka mingħajr ebda proċedura partikolari; l-uffiċċju tal-insinwa jieħu sempliċement nota tagħhom. F'każijiet tali, l-uffiċċju tal-insinwa jipproċedi għal iskrizzjoni addizzjonali (traskrizzjoni) fir-reġistru tal-insinwa fuq preżentazzjoni tad-deċiżjoni barranija li tinkludi klawżola ta' res judicata, akkumpanjata minn traduzzjoni uffiċjali fil-lingwa Ċeka u mill-awtentikazzjoni ogħla meħtieġa (superleġiżlazzjoni, postilla), ħlief jekk ftehim internazzjonali jkun jipprovdi mod ieħor. L-iżviluppi li jippreċedu ma jgħoddux madankollu ħlief jekk id-deċiżjoni tkun ingħatat qabel l-1 ta' Mejju 2004; inkella tapplika l-proċedura stabbilita fir-Regolament Brussell II bis - ara aktar 'il fuq.

Ir-Repubblika Ċeka hija parti kuntrattwali fil-Konvenzjoni dwar ir-rikonoxximent tad-divorzji u tas-separazzjonijiet legali (L-Aja, l-1 ta' Ġunju 1970). Jekk id-deċiżjonijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din il-Konvenzjoni, skont il-prattika fis-seħħ fir-Repubblika Ċeka, ir-rikonoxximent tagħhom ma teħtieġ ebda proċedura partikolari quddiem il-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ikunu saru definittivi wara l-11 ta' Lulju 1976, data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija konvenzjoni għar-Repubblika Ċeka. Id-deċiżjoni barranija, li tinkludi l-klawżola ta' res judicata, tiġi ppreżentata lill-uffiċċju tal-insinwa akkumpanjata minn traduzzjoni uffiċjali fil-lingwa Ċeka u mill-awtentikazzjoni ogħla meħtieġa (superleġiżlazzjoni, postilla), ħlief jekk ftehim internazzjonali jkun jipprovdi mod ieħor.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Id-deċiżjoni tista' tiġi kkontestata għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament Brussell II bis. Fit-tali każ, ikun possibbli li titressaq kawża quddiem il-qorti distrettwali territorjalment kompetenti, li hija l-qorti ordinarja tal-persuna fiżika li t-talba hija diretta kontriha.

Ir-rikonoxximent awtomatiku tad-deċiżjoni mill-uffiċċju tal-insinwa f'konformità ma' ftehim bilaterali jew mal-Konvenzjoni dwar ir-rikonoxximent tad-divorzji u tas-separazzjonijiet legali (L-Aya, l-1 ta' Ġunju 1970) jista' jkun is-suġġett ta' appell fi proċedura amministrattiva bil-possibbiltà ta' appell sussegwenti quddiem il-qorti reġjonali kompetenti fil-kuntest tas-sistema ġudizzjarja amministrattiva.

M'hemmx appell mir-rikonoxximent ta' deċiżjonijiet mill-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Fir-Repubblika Ċeka, ix-xoljiment taż-żwieġ permezz ta' divorzju huwa rregolat permezz tas-sistema ġuridika tal-Istat li l-konjuġi kienu ċittadini tiegħu meta fetħu l-proċedimenti tad-divorzju. Jekk il-konjuġi jkunu ċittadini ta' pajjiżi differenti, ix-xoljiment taż-żwieġ permezz ta' divorzju jkun irregolat permezz tas-sistema ġuridika tal-Istat li fih il-konjuġi għandhom ir-residenza abitwali tagħhom u, fin-nuqqas ta' dan, permezz tas-sistema ġuridika Ċeka.

Madankollu, jekk id-divorzju kellu jkun irregolat minn sistema ġuridika barranija li ma tippermettix ix-xoljiment taż-żwieġ permezz ta' divorzju jew li ma tippermettihx ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonalment diffiċli, u sakemm tal-inqas wieħed mill-konjuġi jkun ċittadin tar-Repubblika Ċeka jew ikollu r-residenza abitwali tiegħu fir-Repubblika Ċeka, huwa d-dritt Ċek li jkun applikabbli.

Ħoloq utli

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAssoċjazzjoni ta' medjaturi tar-Repubblika Ċeka

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAssoċjazzjoni ta' konsulenti konjugali u għall-familja tar-Repubblika Ċeka

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaQorti Suprema tar-Repubblika Ċeka – rikonoxximent ta' deċiżjonijiet barranin

L-aħħar aġġornament: 21/08/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Estonjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.

Divorzju - Estonja

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Divorzju jista' jingħata minn uffiċċju tar-reġistru jew minn nutar ladarba l-miżżewġin jaqblu fuq il-bażi ta' talba konġunta bil-miktub, jew minn qorti fuq il-bażi ta' kawża miġjuba minn wieħed mill-miżżewġin kontra l-ieħor. Dan tal-aħħar jiġri f'każ li l-miżżewġin ma jkunux jaqblu dwar id-divorzju jew iċ-ċirkostanzi relatati mad-divorzju jew jekk uffiċċju tar-reġistrazzjoni ma jkunx kompetenti biex jagħti d-divorzju.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Uffiċċju tar-reġistrazzjoni jew nutar jistgħu jagħtu divorzju bi ftehim bejn il-miżżewġin fuq il-bażi ta' talba konġunta bil-miktub u jekk iż-żewġ miżżewġin jkunu residenti l-Estonja.

Divorzju jista' jingħata minn qorti fuq il-bażi ta' kawża miġjuba minn wieħed mill-miżżewġin kontra l-ieħor.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Id-divorzju ma jaffettwax ir-relazzjonijiet personali bejn il-miżżewġin. Mad-divorzju, il-qorti jew l-uffiċċju tar-reġistru jistgħu jirritornaw il-kunjom preċedenti tal-persuna b'talba tagħha; jekk le l-kunjom ta' maż-żwieġ jinżamm.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Mad-divorzju, il-proprjetà tal-konjuġi tinqasam skont ir-reġim patrimonjali ta' bejniethom. Fil-każ ta' koproprjetà, il-miżżewġin ġeneralment jaqsmuha bejniethom f'ishma indaqs skont id-dispożizzjonijiet dwar it-tmiem tas-sjieda komuni. Il-kompożizzjoni tal-proprjetà tiġi stabbilita bħala mill-mument li fih intemmu r-reġim patrimonjali. Ma hemm l-ebda obbligu fuq il-miżżewġin biex jaqsmu l-proprjetà tagħhom malli jiddivorzjaw. Sakemm tinqasam il-koproprjetà, il-miżżewġin jeżerċitaw id-drittijiet u jwettqu l-obbligi relatati magħha flimkien. Barra minn hekk, il-miżżewġin għandhom id-dritt li jippossjedu flimkien kull oġġett li jifforma parti mill-koproprjetà tagħhom. Meta r-reġim patrimonjali, li bih kull żieda fil-beni tinqasam, jintemm, ikunu aċċertati l-beni akkwistati ta' kull wieħed mill-miżżewġin u tiġi ddeterminata l-pretensjoni finanzjarja li tiġi mid-dmir għall-qsim tal-beni akkwistati.

Jekk il-miżżewġin ikunu jixtiequ jaqsmu l-proprjetà tagħhom mad-divorzju, il-proprjetà tinqasam skont ir-reġim patrimonjali magħżul jew skont ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali. Jekk il-miżżewġin jiffirmaw ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali, dan jintemm fil-mument tad-divorzju. Ma' tmiem il-ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali fil-każ ta' divorzju, kull dritt u dmir li joħroġ mill-ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali jintemm ukoll. Il-proprjetà titqassam skont il-ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Id-divorzju ma jaffettwax ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-ġenituri jibqa' jkollhom kustodja konġunta.

B'mod ġenerali, il-ġenituri għandhom jaqblu dwar ma' min se jgħixu t-tfal, min se jkun involut fit-trobbija tat-tfal u sa liema punt, kif ukoll kemm se jitħallas bħala manteniment u għal kemm żmien. Il-ħlas ta' kull xahar tal-manteniment għal tifel wieħed ma jistax ikun inqas minn nofs il-paga minima fix-xahar stabbilita mill-Gvern Estonjan.

Jekk il-ġenituri ma jixtiqux u mhumiex kapaċi jeżerċitaw id-dritt tal-kustodja konġunta, kull ġenitur għandu d-dritt iressaq rikors il-qorti biex jingħatalu parzjalment jew kompletament il-jedd ta' kustodja tat-tifel.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Konjuġi divorzjat huwa intitolat li jirċievi l-manteniment:

1)          sakemm it-tifel jilħaq l-età ta' tliet snin jekk, wara d-divorzju, il-konjuġi divorzjat ma jkunx jiflaħ imantni ruħu minħabba l-kustodja ta' bin il-konjuġi l-ieħor;

2)          jekk, wara d-divorzju, il-konjuġi divorzjat ma jkunx jiflaħ imantni ruħu minħabba l-età jew il-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu u jekk il-bżonn għal għajnuna minħabba l-età jew il-kundizzjoni tas-saħħa kienet diġà teżisti fil-mument tad-divorzju. Il-manteniment dovut minħabba l-età jew l-istat tas-saħħa jista' jintalab ukoll mill-konjuġi divorzjat l-ieħor f'każijiet fejn il-bżonn għal assistenza minħabba l-età jew l-istat tas-saħħa kien diġà jeżisti fil-mument li l-konjuġi tilef id-dritt li jieħu l-manteniment mill-konjuġi l-ieħor għal raġunijiet oħra previsti mil-liġi. Il-manteniment jitħallas sa kemm il-persuna intitolata għall-manteniment ma tkunx tista' tkun mistennija taqla' l-flus.

Missier huwa mistenni jipprovdi manteniment lil omm ibnu għat-tmien ġimgħat li jippreċedu t-twelid tat-tifel u għat-12-il ġimgħa ta' wara.

Qorti tista' teħles lil konjuġi divorzjat mill-obbligu li jipprovdi manteniment għal raġunijiet stipulati fil-liġi.

Konjuġi divorzjat intitolat li jirċievi manteniment jista' biss jitlob l-obbligu legali għall-għoti ta' manteniment wara li jiftaħ kawża.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Il-miżżewġin jitqiesu li jkunu legalment separati meta ma jibqgħux joqogħdu flimkien u ma jkollhomx xi tip ta' koeżistenza matrimonjali u jidher biċ-ċar li tal-inqas wieħed mill-miżżewġin ma għandux ir-rieda li jirritorna għaliha jew joħloqha.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-miżżewġin jgħixu separati.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Jekk miżżewġin ikunu legalment separati, kull wieħed minnhom ikun jista':

1)          jitlob mingħand il-konjuġi l-ieħor kull oġġett li kien jintuża fl-interess tal-familja jekk ikollu bżonn l-oġġett fid-dar separata tiegħu u jkollu interess leġittimu biex ikompli jużah. Kull għamara jew tagħmir domestiku standard tad-dar matrimonjali li jkun taż-żewġ miżżewġin flimkien jinqasam bejniethom fuq il-bażi tal-prinċipju ta' ekwità. B'mod ġenerali, iż-żewġ miżżewġin jistgħu jressqu talba biex jiksbu l-effetti personali li jkunu proprjetà individwali tagħhom. Kull koproprjetà (jiġifieri b'mod partikolari, li tkun koproprjetà tal-miżżewġin) tinqasam b'mod ġust u billi jitqiesu l-interessi ta' kull konjuġi u tat-tfal;

2)          jitlob lill-konjuġi l-ieħor jittrasferixxi d-dar matrimonjali jew parti minnha għall-użu esklussiv tiegħu jekk dan ikun neċessarju biex jiġu evitati kunflitti personali ewlenin. Għalkemm, l-ewwel u qabel kollox, dan għandu jkun ibbażat fuq id-drittijiet preferenzjali ta' sid il-post, il-post jista' jitħalla għall-uzu mill-konjuġi li ma jkunx is-sid, jekk il-qorti tqis li jkun neċessarju meta tqis il-mezzi taż-żewġ miżżewġin u l-interessi tat-tfal.

Jekk il-miżżewġin ikunu legalment separati, kull wieħed mill-miżżewġin irid jipprovdi manteniment fil-forma ta' ammonti ta' flus imħallsa b'mod regolari biex ikopru l-ispejjeż imġarrba mill-konjuġi l-ieħor fl-interess tal-familja.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

L-annullament taż-żwieġ ifisser li ż-żwieġ jitqies li kien null mill-bidu nett. Żwieġ jista' jiġi annullat biss b'sentenza tal-qorti.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Annullament taż-żwieġ jista' jkun ibbażat fuq raġunijiet ta' invalidità taż-żwieġ speċifikati fl-Att dwar il-Liġi tal-Familja (perekonnaseadus), jiġifieri qorti tista' tannulla żwieġ permezz ta' kawża jekk:

1)          ir-rekwiżit li jikkonċerna l-età minima għaż-żwieġ jew li jikkonċerna l-kapaċità legali attiva ma jkunx ġie osservat fil-mument taż-żwieġ;

2)          il-projbizzjoni miż-żwieġ stabbilita fl-Att ma tkunx ġiet osservata fil-mument taż-żwieġ;

3)          ir-rekwiżiti formali stabbiliti fl-Att ma jkunux ġew osservati fil-mument taż-żwieġ;

4)          tal-anqas wieħed mill-miżżewġin kellu disturb mentali temporanju jew ma kienx jista' jeżerċita r-rieda tiegħu għal kull raġuni oħra fil-mument taż-żwieġ;

5)          iż-żwieġ sar bi frodi jew ġegħil, inkluż billi jinħeba l-istat tas-saħħa jew dettalji personali oħrajn tal-konjuġi, meta dawk id-dettalji jkunu rilevanti għall-validità taż-żwieġ;

6)          ma kinitx l-intenzjoni ta' wieħed mill-miżżewġin jew tat-tnejn li huma li jwettqu l-obbligi li jiġu mill-istatus ta' miżżewweġ, imma ż-żwieġ sar għal finijiet oħra, partikolarment bl-intenzjoni li jinkiseb permess ta' residenza Estonjan (żwieġ ta' konvenjenza).

7)          il-konjuġi huma tal-istess sess minħabba bidla fis-sess li saret matul iż-żwieġ.

Barra minn hekk, żwieġ jitqies li jkun null, jekk:

1)          iż-żwieġ ikun bejn persuni tal-istess sess;

2)          il-fatt li ż-żwieġ ikun sar ikun ikkonfermat minn persuna li ma jkollux il-kompetenza ta' reġistratur, jew

3)          tal-inqas parti waħda ma tkunx esprimiet ix-xewqa li tidħol għaż-żwieġ.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Mal-annullament ta' żwieġ, iż-żwieġ jitqies li kien null mill-bidu nett. Persuni li ż-żwieġ tagħhom ikun ġie annullat ma jibqax ikollhom id-drittijiet u d-dmirijiet fir-rigward ta' xulxin li jiġu miż-żwieġ (inklużi dawk li jiġu minn kwalunkwe ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali, li jitqies null ukoll).

Jekk żwieġ jiġi annullat minħabba li wieħed mill-miżżewġin ikun ħeba lill-konjuġi prospettiv l-ieħor li kien diġà miżżewweġ, jew ikun influwenza lill-konjuġi l-ieħor biex jiżżewġu bi frodi jew ġegħil, qorti tista' tordna lil dik il-persuna biex tħallas manteniment lill-persuna li kienet fi żwieġ null magħha billi tapplika r-regoli li jikkonċernaw l-għoti ta' manteniment lil konjuġi. Fuq talba tal-parti li tkun ġiet imġiegħla tiżżewweġ illegalment, qorti tista' tapplika dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-proprjetà matrimonjali għar-reġim patrimonjali tal-partijiet (jiġifieri koproprjetà tal-miżżewġin).

Tfal minn żwieġ annullat ikollhom l-istess drittijiet u dmirijiet bħal tfal minn żwieġ validu.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Uffiċċju tar-reġistru jew nutar jistgħu jagħtu d-divorzju bi ftehim bejn il-miżżewġin. Il-konsegwenzi legali ta' divorzju (eż. il-qsim tal-proprjetà matrimonjali) jistgħu jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-konjuġi involuti.

Fil-każ li l-miżżewġin ikollhom kwalunkwe tilwima fir-rigward taċ-ċirkostanzi tad-divorzju, ma hemm l-ebda mezzi ekstraġudizzjarji biex tinstab soluzzjoni.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Talba għal divorzju tista' tintbagħat lil:

1)          l-uffiċċju tar-reġistru tal-post tar-residenza ta' wieħed mill-miżżewġin (jekk ir-residenza taż-żewġ miżżewġin tkun l-Estonja);

2)          nutar;

3)          il-qorti tal-ewwel istanza li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post tar-residenza tal-intimat (qorti tal-kontea).

Talba għall-annullament ta' żwieġ għandu jitressaq quddiem il-qorti tal-post tar-residenza tal-intimat.

Divorzju jingħata minn uffiċċju tar-reġistru fuq il-bażi ta' talba personali konġunta bil-miktub. Il-konjuġi għandhom jikkonfermaw fit-talba li ma għandhom l-ebda tilwim rigward tfal, il-qsim tal-koproprjetà jew l-ordnijiet għall-manteniment. Talbiet għal divorzju għandhom ikunu akkumpanjati minn dokument li jiċċertifika ż-żwieġ. Jekk konjuġi minħabba raġunijiet validi ma jkunx jista' jidher personalment fl-uffiċċju tar-reġistru biex iressaq it-talba konġunta, huwa jkun jista' jibgħat talba separata li tkun iċċertifikata minn nutar. Dokumenti b'lingwa barranija għandhom jintbagħtu lill-uffiċċju tar-reġistru bi traduzzjoni ċċertifikata minn nutar, uffiċjal konsulari jew traduttur ġuramentat. Kull dokument li jiċċertifika ż-żwieġ li jkun inħareġ minn pajjiż barrani jrid ikun legalizzat jew ikollu postilla, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fi ftehim internazzjonali.

Divorzju jingħata minn nutar fuq il-bażi ta' talba personali konġunta bil-miktub mingħand il-miżżewġin. Talbiet għal divorzju għandhom ikunu akkumpanjati minn dokument li jiċċertifika ż-żwieġ. Jekk konjuġi minħabba raġunijiet validi ma jkunx jista' jidher personalment fl-uffiċċju tan-nutar biex iressaq it-talba konġunta, huwa jkun jista' jibgħat talba separata li tkun iċċertifikata minn nutar. Dokumenti b'lingwa barranija għandhom jintbagħtu lill-uffiċċju tar-reġistru bi traduzzjoni ċċertifikata minn nutar, uffiċjal konsulari jew traduttur ġuramentat. Kull dokument li jiċċertifika ż-żwieġ li jkun inħareġ minn pajjiż barrani jrid ikun legalizzat jew ikollu postilla, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fi ftehim internazzjonali.

Fi kwistjoni matrimonjali biex tkun aġġudikata minn qorti Estonjana, kawża trid titressaq fil-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post tar-residenza matrimonjali tal-miżżewġin jew, jekk din ir-residenza ma teżistix fil-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post tar-residenza tal-intimat. Jekk il-post tar-residenza tal-intimat ma tkunx fl-Estonja, il-kawża trid titressaq fil-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post tar-residenza ta' wild minuri tal-partijiet jew, fin-nuqqas ta' wlied minuri tal-partijeit, fil-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post tar-residenza tar-rikorrent. Biex tinfetaħ kawża l-qorti għal divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament ta' żwieġ, ir-rikors irid jissodisfa r-rekwiżiti formali kollha stabbiliti fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik) fir-rigward ta' kawża ċivili. Ir-rikors u kull evidenza dokumentata għandhom jintbagħtu lill-qorti bil-miktub jew b'mod elettroniku, bl-Estonjan u f'format A4.

Fir-rikors irid jiġi indikat isem il-qorti, id-dettalji personali tar-rikorrent u tal-intimat (il-miżżewġin) u ta' wliedhom, u l-pretensjoni espressa u ċara tar-rikorrent. Barra minn hekk, għandhom jiġu indikati ċ-ċirkostanzi fattwali li jikkostitwixxu l-bażi għall-kawża; ir-rikorrent għandu wkoll jelenka u jippreżenta kull evidenza li jista' jkollu.

Minbarra dan, jekk tkun se tinqasam xi koproprjetà, il-kompożizzjoni tal-proprjetà u fejn tinsab għandu jkun indikat fir-rikors, u għandu jiġi ddeterminat il-valur tal-oġġetti li jappartjenu lir-rikorrent u għandha ssir proposta dwar il-qsim tal-koproprjetà. Jekk il-miżżewġin kienu ffirmaw ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali, dan għandu jinhemeż mar-rikors.

Ir-rikors irid ikun iffirmat mir-rikorrent jew mir-rappreżentant tiegħu. Jekk dan isir minn rappreżentant, għandu jiġi inkluż dokument ta' awtorizzazzjoni jew dokument ieħor li jiċċertifika s-setgħat tar-rappreżentant.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Jekk il-persuna li titlob l-għajnuna legali ma tkunx tiflaħ tħallas l-ispejjeż proċedurali minħabba l-qagħda finanzjarja tiegħu jew jiflaħ iħallas biss parti minnhom jew bin-nifs, u jekk hemm raġuni suffiċenti biex jidher li l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedimenti twassal biex jerbaħ il-kawża, il-qorti tista' tirrilaxxah mill-obbligu li jħallas l-ispejjeż proċedurali kollha jew għal parti minnhom u tħalli lill-istat ikopri dawk l-ispejjeż.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Appell jista' jitressaq kontra sentenza li tirrigwarda divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament taż-żwieġ skont id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-proċedimenti f'każ ta' appell, jekk l-parti li tappella tħoss li s-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza kienet ibbażata fuq interpretazzjoni ħażina tal-liġi (eż. il-qorti tal-ewwel istanza tkun applikat inkorrettament dispożizzjoni ġuridika tad-dritt sostantiv jew tad-dritt proċedurali).

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, sentenza dwar divorzju li ssir fi Stat Membru wieħed tkun rikonoxxuta awtomatikament fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea (ħlief fid-Danimarka) mingħajr il-ħtieġa ta' ebda proċedura speċjali.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Biex tikkontesta r-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament ta' żwieġ, għandha tiġi indirizzata l-qorti tal-appell tal-Istat Membru kif indikat fil-lista ppubblikata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003.

Fl-Estonja din il-funzjoni taqdiha l-qorti distrettwali.

Il-proċedura u l-iskadenza għal appell minn deċiżjoni tal-qorti tiġi stabbilita fid-deċiżjoni tal-qorti.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Fil-każ ta' divorzju, tapplika l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn jinsab il-post tar-residenza komuni tal-miżżewġin. Jekk il-miżżewġin joqogħdu f'pajjiżi differenti imma għandhom l-istess ċittadinanza, il-konsegwenzi ġuridiċi ġenerali taż-żwieġ huma definiti fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li huma ċittadini tiegħu. Jekk il-miżżewġin joqogħdu f'pajjiżi differenti u għandhom ċittadinanza differenti, il-konsegwenzi ġuridiċi ġenerali taż-żwieġ huma determinati fuq il-bażi tal-liġi tal-pajjiż fejn kellhom l-aħħar residenza komuni, sakemm wieħed mill-miżżewġin ikun għadu joqgħod f'dak il-pajjiż. Jekk fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-liġi applikata għall-konsegwenzi ġuridiċi ġenerali taż-żwieġ ma jistgħux jiġu ddeterminati, tapplika l-liġi tal-pajjiż li l-miżżewġin għandhom l-iktar rabta qawwija miegħu fi kwalunkwe mod ieħor.

Jekk id-divorzju mhux permess skont il-liġi msemmija hawn fuq jew hija permessa biss skont kundizzjonijiet stretti ħafna, il-liġi Estonjana tapplika minflok jekk wieħed mill-miżżewġin ikun residenti l-Estonja jew ikollu ċittadinanza Estonjana jew kien residenti l-Estonja jew kellu ċittadinanza Estonjana fil-mument taż-żwieġ.

L-aħħar aġġornament: 23/10/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Divorzju - Irlanda

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Wieħed mill-konjuġi kkonċernati kien domiċiljat fl-Irlanda fid-data tal-ftuħ tal-proċedimenti.

JEW

Wieħed mill-konjuġi kien normalment residenti fl-Irlanda matul il-perjodu ta’ sena li jispiċċa f’dik id-data.

(Artikolu 39 (1) (a) u (b) tal-liġi tal-1996 dwar id-divorzju Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaFamily Law (Divorce) Act, 1996)

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Il-qorti (is-Circuit Court u l-High Court - Artikolu 38(1)) għandha tkun issodisfatta li:

Fid-data tal-ftuħ tal-proċedimenti l-konjuġi jkunu ilhom jgħixu separatament minn xulxin għal perjodu ta’, jew perjodi li jammontaw għal, mill-anqas erba’ snin matul il-ħames snin preċedenti,

U

Li ma hemm l-ebda prospett raġonevoli ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-konjuġi,

KIF UKOLL

Li dispożizzjoni tali li l-qorti tikkunsidra xierqa fiċ-ċirkustanzi ttieħdet jew ser tittieħed għall-konjuġi u kull membru dipendenti tal-familja.

(Artikolu 5(1) tal-Att.)

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Iż-żwieġ, is-suġġett tad-digriet, huwa b’hekk maħlul u parti ta' dak iż-żwieġ tista’ terġa’ tiżżewweġ - Artikolu 10 (1).

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Meta tagħti digriet ta’ divorzju, il-qorti tista’ tordna t-tqassim tal-beni - Artikolu 14 (1) tal-Att - il-proprjetà tista' tinbiegħ, tinqasam ugwalment jew individwalment jew tiġi trasferita biss f'isem waħda mill-partijiet.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Fuq l-għoti ta’ digriet ta’ divorzju, il-qorti tista’ tagħti inġunzjonijiet tali kif hija tikkunsidra xieraq rigward il-benesseri, il-kustodja ta’, jew id-dritt ta’ aċċess għal, kull membru dipendenti tal-familja kkonċernat li hija tarbija - Artikolu 5 (2) tal-Att. Il-benesseri tat-tfal huwa tal-akbar importanza.

(Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ara l-Iskeda Informattiva dwar "Ir-responsabbiltà tal-ġenituri - l-Irlanda").

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Meta tagħti digriet ta' divorzju, il-qorti tista' tagħti ordni ta' manteniment affavur ta' kull konjuġi liema obbligu jintemm meta parti waħda mill-konjuġi li tirċievi l-manteniment terġa' tiżżewweġ.

Il-Qorti tista’ wkoll tagħti ordni ta' aġġustament tal-pensjoni affavur wieħed mill-konjuġi - Artikolu 17 tal-Att

(Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ara l-Iskeda Informattiva dwar "It-talbiet għal Manteniment - l-Irlanda").

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni legali (ġudizzjarja) tippermetti lill-konjuġi separati sabiex jorganizzaw ħajjithom mill-ġdid b'mod faċli biex jgħixu b’mod permanenti l-bogħod minn xulxin.

Id-digriet ta' separazzjoni ġudizzjarja jippermetti lill-qorti li tagħtih biex tagħti ordnijiet anċillari relatati mat-tfal, il-pagamenti ta’ appoġġ, il-pagamenti ta’ kapital, id-drittijiet tal-pensjoni, id-dar tal-familja u proprjetà oħra. Id-digriet ta' separazzjoni ġudizzjarja ma għandhux iħoll iż-żwieġ. Għalhekk il-konjuġi separati li jiksbu digriet ta’ "separazzjoni legali" li jixtiequ jerġgħu jiżżewwġu l-ewwel iridu jiksbu digriet ta’ divorzju.

(Artikolu 8 tal-liġi tal-1989 dwar is-separazzjoni ġudizzjarja u r-riforma tad-dritt tal-familja: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaJudicial Separation and Family Law Reform Act, 1989.)

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

1. li l-konjuġi wettaq adulterju.

2. Imġiba mhux raġonevoli u moħqrija tal-konjuġi.

3. l-abbandun tad-dar matrimonjali għal sena.

4. li l-konjuġi jkunu ilhom jgħixu separatament għal sena u ż-żewġ konjuġi jaċċettaw it-talba.

5. li l-konjuġi jkunu ilhom jgħixu separatament għal tliet snin.

6. li ż-żwieġ tkisser sal-punt li jippermetti lill-qorti tkun sodisfatta li relazzjoni ta’ żwieġ normali ma eżistitx għallinqas għal sena.

(Art. 2 tal-liġi tal-1989 dwar is-separazzjoni ġudizzjarja u r-riforma tad-dritt tal-familja: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaJudicial Separation and Family Law Reform Act, 1989.)

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Is-separazzjoni legali ttemm id-dmir tal-koabitazzjoni mingħajr ma tħoll iż-żwieġ. Il-mara tista’ tkompli tuża l-kunjom ta’ żewġha.

Fuq livell finanzjarju, l-obbligu ta' appoġġ lill-konjuġi l-ieħor huwa miżmum u jista' jingħata manteniment, għalkemm kull attribuzzjoni ta’ ħtija ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. Madankollu, bħal fil-każ ta’ divorzju, is-sentenza tirriżulta fix-xoljiment u fil-likwidazzjoni tar-relazzjonijiet matrimonjali.

Id-drittijiet tas-suċċessjoni huma miżmuma, ħlief fil-każ meta tingħata sentenza ta' separazzjoni fuq il-bażi tat-tort esklussiva ta' wieħed mill-konjuġi.

Il-partijiet jistgħu jitolbu lill-qorti sabiex tannulla d-deċiżjoni. Il-qorti tirrevoka d-digriet fejn tkun sodisfatta li saret rikonċiljazzjoni u l-partijiet għandhom l-intenzjoni li jkomplu l-koabitazzjoni.

Konverżjoni tas-separazzjoni legali f’divorzju:

Fuq it-talba ta’ wieħed mill-konjuġi, sentenza mogħtija għal separazzjoni legali tista’ tiġi kkonvertita ipso jure f’divorzju jekk is-separazzjoni legali tkun damet tliet snin. F’dan il-każ, l-imħallef jagħti d-divorzju u jiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tiegħu.

Jekk is-separazzjoni legali kienet mogħtija fuq talba konġunta, din tista’ tiġi konvertita f’divorzju biss permezz ta’ talba konġunta ulterjuri.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Dan ifisser li kull parti fi żwieġ annullat hija daqslikieku qatt ma kienet miżżewġa lill-parti l-oħra.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Waħda minn dawn li ġejjin hija meħtieġa:

  • Wieħed mill-konjuġi kien domiċiljat fl-Irlanda fid-data tal-ftuħ tal-proċedimenti
  • Wieħed mill-konjuġi kien normalment residenti fl-Irlanda għal sena f’dik id-data
  • Wieħed mill-konjuġi miet qabel dik id-data

kif ukoll

  • kien domiċiljat fl-Irlanda fil-mument tal-mewt jew
  • kien normalment residenti fl-Irlanda għal sena f’dik id-data.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Iż-żwieġ jitqies li qatt ma eżista. Kull parti għandha dritt terġa’ tiżżewweġ. Il-partijiet ma għandhom ebda drittijiet ta’ suċċessjoni fil-konfront ta' xulxin u lanqas ma għandhom xi obbligi ta’ manteniment jew ta' appoġġ lejn xulxin. Kull tifel jew tifla mwieled/mwielda lill-koppja matul iż-żwieġ, j/titqies bħala illeġittimu/a.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Huwa possibbli li l-kwistjonijiet finanzjarji u kwistjonijiet dwar proprjetà u kif ukoll kwistjonijiet dwar dixxendenti dipendenti jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ medjazzjoni mingħajr rikors quddiem il-qorti iżda l-qorti biss tista’ tiddeċiedi dwar separazzjoni ġudizzjarja jew divorzju.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Is-Circuit Court u l-High Court għandhom ġurisdizzjoni sabiex jevalwaw rikors għad-divorzju / għas-separazzjoni ġudizzjarja / għall-annullament.

Azzjoni għad-divorzju / għas-separazzjoni ġudizzjarja tas-Circuit Court issir permezz ta’ rikors introduttiv (Civil Bill) fir-reġistru tas-Circuit Court rilevanti u l-proċedura hija rregolata permezz tar-regola 4 tal-Artikolu 59 tas-Circuit Court Rules 2001.

Azzjoni għad-divorzju / għas-separazzjoni ġudizzjarja fil-qorti għolja (High Court) issir permezz ta’ taħrika speċjali (special summons) li tinħareġ mill-uffiċċju ċentrali (Central Office). Il-proċedimenti huma rregolati permezz tal-Artikolu 70A tar-Regoli tal-Qrati Superjuri (S.I. No. 343/1997). Azzjoni għall-annullament quddiem il-High Court issir bit-tressiq ta’ rikors fl-uffiċċju ċentrali. Dawn il-proċedimenti huma rregolati permezz tal-Artikolu 70 tar-Regoli tal-Qrati Superjuri.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, mingħand l-uffiċċju tal-għajnuna legali (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaLegal Aid Board), suġġett għall-ittestjar tal-mezzi.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Id-deċiżjoni tal-High Court dwar appell minn deċiżjoni tas-Circuit Court fi proċedimenti ta' divorzju / separazzjoni ġudizzjarja / annullament hija finali u definittiva u ma tistax tiġi appellata - Art. 39 tal-liġi tal-1936 dwar il-qrati (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaCourts of Justice Act, 1936).

Jista’ jsir appell mid-deċiżjonijiet kollha tal-High Court quddiem il-qorti suprema (Supreme Court) fi proċedimenti ta' divorzju / separazzjoni ġudizzjarja / annullament li jibdew fil-High Court.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Ressaq rikors quddiem il-qorti kompetenti (Circuit Court jew High Court) fl-Irlanda, skont l-Art. 29(1)(d)(e) tal-liġi tal-1995 dwar il-familja (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaFamily Law Act 1995). L-azzjoni ssir quddiem is-Circuit Court permezz ta’ rikors introduttiv u quddiem il-High Court permezz ta’ taħrika speċjali.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Fid-dawl tan-natura kostituzzjonali ta’ divorzju, il-qrati Irlandiżi (il-High Court jew is-Circuit Court) jiddeterminaw jekk divorzju mogħti barra mill-pajjiż jistax jiġi rrikonoxxut fl-Irlanda.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-kundizzjonijiet għall-kisba tad-divorzju fl-Irlanda huma dawk stabbiliti fl-Artikolu 38 tal-liġi tal-1996 dwar id-divorzju (Family Law (Divorce) Act, 1996).

Konjuġi li ma jgħix fl-Irlanda jew li mhuwiex Irlandiż jista' japplika għal divorzju fl-Irlanda jekk huwa jissodisfa tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Art. 39(1)(a) u (b) tal-liġi tal-1996 dwar id-divorzju (Family Law (Divorce) Act, 1996). Fl-Irlanda, hija r-residenza u mhux iċ-ċittadinanza li tistabbilixxi l-kompetenza ġudizzjarja fir-rigward tad-divorzju.

Ħoloq relatati

Informazzjoni dwar is-servizz ġudizzjarju Irlandiż:  Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaCourts Service Ireland

Informazzjoni dwar is-servizzi pubbliċi:  Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaOasis : Information on Public Services

L-aħħar aġġornament: 12/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Divorzju - Greċja

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Id-divorzju jeħtieġ sentenza tal-qorti li saret res judicata (l-Artikoli 1438 et seq. tal-Kodiċi Ċivili (Αστικός Κώδικας)).

Hemm żewġ tipi ta' proċedimenti għad-divorzju:

  1. F'divorzju bonarju (συναινετικό διαζύγιο), il-konjuġi jifthemu li jħollu ż-żwieġ ta' bejniethom, permezz ta' ftehim bil-miktub iffirmat minnhom u mill-avukati tagħhom, jew mill-avukati tagħhom biss jekk l-avukati ingħataw is-setgħa speċifika li jaġixxu f'isimhom. F'dan il-każ il-koppja trid tkun ilha miżżewwġa għal inqas sitt xhur. Jekk ma jkunx hemm tfal minuri, iż-żwieġ jinħalla mingħajr l-intervent tal-qorti, jiġifieri l-konklużjoni tal-ftehim imsemmi hawn qabel huwa biżżejjed. Madankollu, jekk ikun hemm tfal minuri, dal il-ftehim irid jiġi akkumpanjat minn ftehim miktub ieħor bejn il-konjuġi dwar il-kustodja tat-tfal u l-komunikazzjoni magħhom. Dawn il-ftehimiet kollha jiġu sottomessi lill-qorti kompetenti b'ġudikant uniku tal-ewwel istanza (Μονομελές Πρωτοδικείο), li jirratifika l-ftehimiet u jiddikjara l-ħall taż-żwieġ permezz tal-proċedura segwita f'każijiet mhux kontenzjużi.
  2. F'divorzju kontestat (διαζύγιο κατ' αντιδικία), fuq raġunijiet li jistabbilixxu t-tkissir taż-żwieġ, wieħed mill-konjuġi jiftaħ kawża għall-ħall taż-żwieġ quddiem il-qorti tal-post tal-ewwel istanza b'ġudikant uniku, jew inkella ż-żewġ konjuġi jiftżu żewġ kawżi separati.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

F'divorzju kontestat ir-raġunijiet għal divorzju (l-Artikolu 1439 tal-Kodiċi Ċivili) huwa kif ġej:

  1. Iż-żwieġ ikun tkisser irrimedjabilment, bi ħtija tal-konvenut jew taż-żewġ konjuġi, b'mod illi hemm raġuni tajba biex wieħed jaħseb illi r-relazzjoni matrimonjali hija intollerabbli għar-rikorrent. Hemm il-preżunzjoni ta' tkissir, li r-rikorrent jista' jopponi, f'każijiet ta' bigamija, adulterju, abbandun tar-rikorrent, attentat tal-konvenut fuq il-ħajja tar-rikorrent, jew vjolenza domestika imwettqa mill-konvenut fuq ir-rikorrent.
    Jekk il-konjuġi ilhom separati għal mill-inqas sentejn, hemm preżunzjoni inkofutabbli ta' tkissir taż-żwieġ, u d-divorzju jista' jintalab minkejja li t-tkissir kien ħtija tar-rikorrent.
  2. Jekk wieħed mill-konjuġi jiġi ddikjarat nieqes u preżunt mejjet, il-konjuġi l-ieħor jista' jitlob għad-divorzju.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Meta ż-żwieġ jinħall bid-divorzju, il-konjuġi ma jibqgħux taħt l-obbligu li jgħixu flimkien u li jieħdu d-deċiżjonijiet flimkien. Il-konjuġi li jkunu ħadu l-kunjom tal-ieħor ġeneralment jerġgħu jmorru lura għal kunjomhom, sakemm ma jkunux jixtiequ jżommu kunjom il-konjuġi l-ieħor minħabba li jkunu kisbu reputazzjoni professjonali jew artistika b'dak il-kunjom. Ir-responsabbiltà tal-konjuġi għas-sodisfazzjon tal-obbligi reċiproċi tagħhom tasal fi tmiemha. Il-bigamija ma tibqax ta' impediment għaż-żwieġ. Matul iż-żwieġ, il-preskrizzjoni tiġi sospiża f'każ ta' talbiet li jsiru minn konjuġi kontra l-ieħor; din is-sospensjoni issa tispiċċa. Id-divorzju ma jġibx fi tmiemha r-relazzjoni biż-żwieġ bejn il-qraba mil-linja diretta ta' konjuġi wieħed ma tal-ieħor.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

F'divorzju kull wieħed mill-konjuġi għandu dritt jirkupraw l-propjetà mobbli li hija tiegħu, jew li hija preżunta tiegħu anke jekk qed tintuża miż-żewġ konjuġi flimkien jew minn konjuġi wieħed minnhom, sakemm il-konjuġi l-ieħor ma jopponix din il-preżunzjoni; anke jekk dan l-oġġett jista' jiġi kkunsidrat neċċessarju għall-konjuġi l-ieħor. Jekk konjuġi fil-pussess ta' oġġett jirrifjuta li jagħtih lura lil sidu, is-sid jista' jiftaħ kawża in rem, kawża għall-pussess, jew kawża li tinvoka l-liġi tal-obbligazzjonijiet. Wara l-ħall taż-żwieġ, konjuġi li huwa l-propjetarju tad-dar matrimonjali jista' jiftaħ kawża in rem jew kawża skont il-liġi tal-obbligazzjonijiet kontra l-konjuġi l-ieħor li qed jagħmel użu mid-dar. Is-sjieda konġunta tintemm bid-divorzju, u kull wieħed mill-konjuġi jirċievi dak li għandu dritt għalih skont ir-regoli dwar is-sjieda konġunta u t-tqassim tal-propjetà konġunta. Fejn parti mill-propjetà tiġi akkwistata minn wieħed mill-konjuġi matul iż-żwieġ, il-konjuġi l-ieħor għandu dritt jitlob sehemu fiha.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Meta ż-żwieġ jinħall bid-divorzju, il-qorti tista' tistabbilixxi s-setgħa tal-ġenitur kif ġej:

(a) tista' tagħti s-setgħa tal-ġenitur jew il-kustodja lil xi ħadd mill-ġenituri;

(b) tista' tagħti s-setgħa tal-ġenitur jew il-kustodja liż-żewġ ġenituri flimkien;

(c) tista' taqsam is-setgħa tal-ġenitur bejn iż-żewġ ġenituri; jew

(d) tista' tagħti s-setgħa tal-ġenitur lil parti terza.

Il-ġenituri divorzjati jibqgħu bl-obbligu li jmantnu lit-tfal tagħhom li huma minuri u li ma għandhomx introjtu minn xi impjieg jew minn xi propjetà tagħhom stess, jew li għandhom introjtu li mhux biżżejjed għall-għajxien tagħhom. Dan l-obbligu jinqasam mill-ġenituri jew, f'każ ta' tilwim, mill-qorti.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Meta ż-żwieġ jinħall bid-divorzju, l-eks konjuġi li ma jistax imantni lilu nnifsu bl-introjtu jew propjetà tiegħu stess għandu dritt jitlob għall-manteniment mingħand il-konjuġi l-ieħor:

  1. jekk meta tingħata s-sentenza ta' divorzju l-età jew l-istat ta' saħħa tal-konjuġi li jitlob għall-manteniment huma tali illi ma jistax jintalab isib xogħol jew ikompli jaħdem biex imantni lilu nnifsu;
  2. jekk il-konjuġi li qed jitlob għall-manteniment għandu l-kustodja ta' wild minuri, u b'hekk ma jistax ikompli jaħdem;
  3. jekk il-konjuġi li qed jagħmel it-talba ma jistax isib impjieg regolari xieraq, jew għandu bżonn taħriġ vokazzjonali; f'kull wieħed minn dawn il-każijiet id-dritt għall-manteniment huma limitat għal massimu ta' tliet snin minn meta' tingħata s-sentenza ta' divorzju; jew
  4. f'kull każ ieħor fejn l-għoti tal-manteniment meta tingħata s-sentenza ta' divorzju huwa meħtieġ minħabba raġunijiet ta' ekwità.

Il-manteniment jista' jiġi miċħud jew limitat għal raġuni tajba, speċjalment jekk iż-żwieġ kien qasir, jew jekk il-konjuġi li jista' jkollu dritt għall-manteniment huwa ħati għad-divorzju jew volontarjament spiċċa fqir. Id-dritt għall-manteniment jintemm jekk il-persuna intitolata terġa' tiżżewweġ jew tikkoabita ma' persuna oħra. Id-dritt għall-manteniment ma jintemmx jekk imut il-konjuġi li għandu obbligu jħallsu. Madankollu jintemm jekk tmut il-persuna li għandha dritt tirċievi l-pagamenti, sakemm id-dritt mhux marbut ma' perjodu li għadda jew pagamenti li għadhom dovuti fi żmien il-mewt.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

L-annullament taż-żwieġ ifisser illi minħabba xi irregolarità żwieġ li għandu effett ġuridiku sħiħ jiġi annullat b'sentenza tal-qorti u b'hekk jieqaf ikollu effett, ħlief illi t-tfal li jkunu twieldu fiż-żwieġ annullat jibqgħu jiġu meqjusa tfal li twieldu fiż-żwieġ. Ir-regoli dwar l-annullament ta' kull att annullabbli japplikaw ukoll għall-annullament ta' żwieġ null jew annullabbli (l-Artikoli 1372 et seq. tal-Kodiċi Ċivili).

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Żwieġ jista' jiġi annullat għar-raġuni illi wieħed mir-rekwiżiti pożittivi għaż-żwieġ ma ġiex sodisfatt, jew illi kien hemm impediment assolut, jew illi ż-żwieġ kien annullabbli minħabba żball jew theddid.

Rekwiżit pożittiv jingħad li huwa nieqes meta d-dikjarazzjonijiet tal-koppja ma jsirux personalment, jew huma kundizzjonali jew soġġetti għal limitu taż-żmien; jekk il-konjuġi huma minuri, u ż-żwieġ ma ġiex awtorizzat mill-qrati; jekk xi ħadd minnhom għandu tutur maħtur mill-qorti li ma tax il-kunsens għaż-żwieġ, u l-anqas il-qorti ma tat l-awtorizzazzjoni tagħha; jew jekk xi ħadd minnhom dakinhar taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ ma kienx konxju ta' x'kien qiegħed jagħmel jew huma nieqes mill-fakultajiet tar-raġuni minħabba mard mentali. Hemm impediment assolut jekk il-konjuġi huma qraba fil-linja diretta axxendenti jew dixxendenti, mingħajr limitu ta' gradi, jew kollaterali, fir-rabà grad; jekk il-konjuġi huma qraba biż-żwieġ fil-linja diretta axxendenti jew dixxendenti, mingħajr limitu ta' gradi, jew kollaterali, fit-tielet grad; jew f'każ ta' bigamija jew adozzjoni.

In-nullità tintemm wara ż-żwieġ jekk il-konjuġi jagħtu l-kunsens għaż-żwieġ b'mod sħiħ u ħieles; jekk il-minuri mingħajr awtorizzazzjoni sussegwentement jingħataw dik l-awtorizzazzjoni mill-qorti; jekk il-minuri mingħajr awtorizzazzjoni jagħlaq 18-il sena u jirrikonoxxi ż-żwieġ; jekk konjuġi li bil-liġi ma setgħax jiżżewweġ jikseb din il-kapaċità u jirrikonoxxi ż-żwieġ; jekk it-tutur, jew il-qorti, jew konjuġi li riċentement kiseb il-kapaċità għaż-żwieġ, jirrikonoxxu ż-żwieġ; jew jekk persuna li aġixxiet minħabba żball jew theddid tirrikonoxxi ż-żwieġ wara li jkun għadda l-iżball jew it-theddid. Iż-żwieġ ma jitqies li jkun seħħ jekk ma tkun saret l-ebda dikjarazzjoni quddiem is-sindku u x-xhieda, f'każ ta' żwieġ biċ-ċivil, jew, f'każ ta' żwieġ reliġjuż jekk iż-żwieġ ma ġiex iċċelebrat quddiem qassis tal-Knisja Ortodossa tal-Lvant jew quddiem ministru ta' denominazzjoni jew twemmin ieħor magħruf fil-Greċja. F'dak il-każ iż-żwieġ ma għandux effett ġuridiku, u tista' ssir kawża għal dikjarazzjoni ta' non-eżistenza minn kull min għandu interess ġuridiku fil-kwistjoni.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Fil-prinċipju, l-effetti taż-żwieġ jiġu annullati b'mod retroattiv. Dan japplika għar-relazzjonijiet personali, familjali u marbuta mal-propjetà bejn il-konjuġi. Għalhekk in-nullità taż-żwieġ tneħħi d-dritt tal-konjuġi li jirtu lil xulxin ab intestato, u dan iseħħ mill-bidu nett.  Jsiru nulli wkoll it-tranżazzjonijiet ġuridiċi kollha bejn il-konjuġi u l-partijiet terzi li daħlu għalihom fil-kapaċità tagħhom ta' koppja miżżewwġa, jew fuq il-bażi tal-bżonnijiet tagħhom għall-ħajja bħala raġel u mara jew għal raġunijiet ta' ġestjoni tal-propjetà tal-konjuġi l-ieħor, madankollu skont il-bona fede tal-partijiet terzi li kellhom xi ftehim mal-koppja. Jekk fi żmien iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ il-konjuġi jew xi ħadd minnhom ma kienx jaf bin-nullità, il-nullità topera fir-rigward ta' dak il-konjuġi biss fil-futur; konjuġi li fi żmien iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ ma kienx jaf bin-nullità għandu dritt għall-manteniment mill-konjuġi l-ieħor jekk dan tal-aħħar kien jaf bin-nullità mil-bidu nett, u dritt għall-manteniment mis-suċċessuri tal-konjuġi l-ieħor jekk dan tal-aħħar imut wara l-annullament taż-żwieġ, skont l-istess regoli li jirregolaw id-divorzju, li japplikaw mutatis mutandi. L-istess dritt għall-manteniment jitgawda wkoll minn konjuġi li safà mġiegħel jiżżewweġ b'theddid, jew kontra l-liġi, jew kontra l-morali aċċettata, jekk iż-żwieġ jiġi annullat jew jintemm bil-mewt tal-konjuġi l-ieħor (l-Artikolu 1383 tal-Kodiċi Ċivili).

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Le.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Il-qorti tal-ewwel istanza b'ġudikant uniku (l-Artikolu 17(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili(Κώδικας Πολιτικής Δικονομίας)) għandu ġuriżdizzjoni biex iħoll iż-żwiġijiet bid-divorzju minħabba t-tkissir ikkawżat minn wieħed jew iż-żewġ konjuġi, jew għaliex wieħed mill-konjuġi huwa nieqes u preżunt mejet; biex jannulla żwieġ null jew li jista' jiġi annullat; biex jiddikjara illi ż-żwieġ ma jeżistix; u matul iż-żwieġ biex jiddeċiedi dwar ir-relazzjonijiet bejn il-konjuġi marbuta maż-żwieġ. Il-proċedura tal-qorti li tiġi segwita hija dik stabbilita għat-tilwim matrimonjali, li ġiet emendata mil-Liġi 4055/2012.

F'każ ta' divorzju bonarju il-qorti b'ġuriżdizzjoni wkoll hija l-qorti tal-ewwel istanza b'ġudikant uniku, iżda f'dan il-każ il-proċedura segwita hija dik għall-każijiet mhux kontenzjużi. Il-qorti b'ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn il-konjuġi kellhom l-aħħar residenza konġunta tagħhom (l-Artikolu 30 tal-Kodiċi dwar il-Proċedura Ċivili); jew il-post fejn għandhom ir-residenza abitwali tagħhom, jekk wieħed minnhom għadu joqgħod hemm; jew il-post fejn huma abitwalment residenti l-konvenut (l-Artikolu 22 tal-Kodiċi); jew f'każ ta' applikazzjoni konġunta, il-post fejn huwa residenti abitwalment wieħed mill-konjuġi; jew il-post fejn ir-rikorrent huwa abitwalment residenti, jekk kien jgħix hemmhekk għal mill-inqas sena immedjatament qabel saret l-applikazzjoni, jew għal minimu ta' sitt xhur jekk huwa ċittadin Grieg jew it-tnejn huma ċittadini Griegi. Kull kontro talba tinstema' mill-istess qorti. Il-kawżi għall-manteniment jistgħu isiru flimkien ma' kawżi għad-divorzju, l-annullament jew rikonoxximent ta' żwieġ null, u jinstemgħu flimkien mill-qorti tal-ewwel istanza b'ġudikant uniku, skont il-proċedura għal kwistjonijiet matrimonjali u skont il-limitazzjonijiet imposti minn dik il-proċedura. Fl-aħħarnett, il-kawżi dwar min għandu s-setgħa tal-ġenitur u l-arranġamenti għall-aċċess jistgħu jinstemgħu wkoll flimkien ma' rikors u deċiżi mill-qorti tal-ewwel istanza b'ġudikant uniku skont il-proċedura speċjali stabbilita fl-Artikoli 681B et seq. tal-Kodiċi.

Ir-rikors jiġi ppreżentat mar-reġistru tal-qorti; ir-reġistratur jistabbilixxi data għas-smigħ u jdaħħal dik id-data fil-kopji tar-rikors. L-avukat tar-rikorrent imbagħad jitlob lill-bailiff tal-qorti biex jinnotifika kopja bid-data tas-smigħ u joħroġ ċitazzjoni għad-dehra fil-post u l-ħin indikata mill-qorti. Il-bailiff jinnotifika l-kopja tar-rikors fuq il-konvenut. Il-bailiff irid jinnotifika l-kopja tar-rikors fi żmien 60 jum jekk ir-rikorrent huma domiċiljat jew residenti l-Greċja, u fi żmien 90 jum jekk ir-rikorrent huma domiċiljat jew residenti barra l-pajjiż jew jekk l-indirizz tiegħu mhux magħruf. Jekk in-notifika trid issir barra l-pajjiż lil persuna b'indirizz magħruf, id-dispożizzjonijiet li jridu jiġu applikati, mutatis mutandis, għan-notifika tal-rikors promotorju tal-proċedimenti, huma dawk stabbiliti fir-Regolamenti tal-UE, u b'mod aktar speċifiku fir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, jew il-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965, fejn japplika, jew ir-regoli stabbiliti fi trattati bilaterali jew multilaterali.

Il-liġi sostantiva li tapplika għar-relazzjonijiet fuq propjetà personali tal-konjuġi, għad-divorzju u s-separazzjoni personali (l-Artikoli 14, 15 u 16 tal-Kodiċi Ċivili) hija kif ġejja, fl-ordni ta' preċedenza:

  1. il-liġi tal-post tal-aħħar ċittadinanza komuni tagħhom matul iż-żwieġ, jekk wieħed mill-konjuġi għadu jżomm dik iċ-ċittadinanza;
  2. il-liġi tal-post tal-aħħar residenza abitwali konġunta tagħhom matul iż-żwieġ; jew
  3. il-liġi li magħha għandhom l-aktar rabta b'saħħitha.

Ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal (l-Artikoli 18 u 19 tal-Kodiċi Ċivili) huma regolati kif ġej, skont l-ordni ta' preċedenza:

a) il-liġi tal-post tal-aħħar ċittadinanza konġunta tagħhom;

b) il-liġi tal-post tal-aħħar residenza abitwali konġunta tagħhom; jew

c) il-liġi taċ-ċittadinanza tat-tifel; jekk it-tifel għandu kemm iċ-ċittadinanza Griega kif ukoll waħda barranija, tapplika l-liġi Griega, u jekk it-tifel għandu aktar minn ċittadinanza barranija waħda tapplika l-liġi tal-istat li għandu l-aktar rabtiet b'saħħithom mat-tifel.

Skont il-prinċipju tal-lex fori, il-liġi proċedurali applikabbli hija l-liġi proċedurali Griega, iżda din tista' tiġi megħluba mil-liġi tal-Unjoni Ewropea u minn trattati internazzjonali oħra skont l-Artikolu 28 tal-Kostituzzjoni. L-avukati li jirrapreżentaw lill-partijiet iridu jingħataw setgħa speċifika biex jaġixxu f'isem il-partijiet jew iridu jidru l-qorti flimkien magħhom. Iċ-ċertifikat taż-żwieġ, iċ-ċertifikat tal-istatus ta' miżżewweġ u provi dokumentarji oħra jridu jiġu ppreżentati l-qorti matul il-kumpilazzjoni tal-provi. Ix-xhieda jiġu eżaminati u jsiru s-sottomissjonijiet quddiem il-qorti. F'każ ta' divorzju bonarju, il-partijiet iridu jiddikjaraw illi jixtiequ jħollu ż-żwieġ tagħhom permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub iffirmata minnhom it-tnejn jew mill-avukati tagħhom jew mit-tnejn, u jrid jiġi ppreżentat ukoll ftehim dwar l-arranġamenti għall-kustodja u l-aċċess tat-tfal tagħhom. Il-qorti tirratifika l-ftehim u tiddikjara l-ħall taż-żwieġ. Id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet jiġu evalwati fid-diskrezzjoni tal-qorti. Il-qorti ma tismax lill-partijiet jixhdu taħt ġurament, u ma tismax ix-xhieda mit-tfal tal-koppja, iżda x-xhieda u l-esperti jridu jixhdu taħt ġurament. Il-qorti li tkun qed tisma' l-kawża ta' divorzju tipprova tirrikonċilja lill-partijiet. Il-fatt illi r-rikorrent ma jidhirx quddiem il-qorti ma jaffetwax is-sentenza tal-kawża. Jekk xi ħadd mill-partijiet imut waqt li s-sentenza tkun għadha miftuħa għal appell, il-kawża taqa'. Rikors għall-annullament taż-żwieġ jista' jitressaq ukoll mill-prosekutur pubbliku li jintalab jippreżenta s-sottomissjonijiet tiegħu.  Jekk imut xi ħadd mill-partijiet, il-proċedimenti jiġu sospiżi, u jistgħu jitkomplew mill-werrieta ta' dik il-parti. Jekk il-kawża għall-annullament taż-żwieġ jew għar-rikonoxximent tan-nullità ta' żwieġ tinfetaħ mill-prosekutur pubbliku, din isir kontra ż-żewġ partijiet,u jekk safrattant ikun miet xi ħadd minnjom, il-kawża ssir kontra l-werrieta tagħha.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, taħt ċerti kundizzjonijiet. B'mod partikolari, l-għajnuna legali tingħata jekk jista' jintwera illi parti ma tistax tħallas l-ispejjeż tal-proċess mingħajr ma tippreġudika dawk il-mezzi meħtieġa għall-manteniment tagħha jew tal-familja tagħha, sakemm ma jinstabx illi l-kawża mhix manifestament ġustifikata jew fondata. Ir-rikorsi jridu jiġu ppreżentati lill-imħallef li quddiemu qed tinstema' l-kawża pendenti, jew l-imħallef li quddiemu għandha tinfetaħ; fil-każ ta' qorti tal-ewwel istanza b'aktar minn membru wieħed ir-rikors isir quddiem il-President tal-qorti, u fi kwistjonijiet mhux marbuta ma' proċess ir-rikors isir lill-qorti ċivili distrettwali (ειρηνοδικείο) tal-post ta' residenza tar-rikorrent (l-Artikoli 194 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Fil-qosor ir-rikors għandu jiddeskrivi s-suġġett tal-proċedimenti, il-provi li jiġu ppreżentati waqt il-proċess, u l-provi li jikkonfermaw illi ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-għajnuna legali. Għandhom jiġu annessi numru ta' dokumenti ta' appoġġ:

  1. ċertifikat maħruġ (mingħajr ħlas) mis-sindku jew chairman tal-kunsill tar-raħal tad-domiċilju jew residenza permanenti tar-rikorrent, li jindika l-impjieg tar-rikorrent, kif ukoll il-qagħda finanzjarja u familjari tiegħu;
  2. ċertifikat maħruġ (mingħajr ħlas) mill-ispettur tat-taxxa tad-domiċilju jew residenza permanenti tar-rikorrent, li jindika illi fl-aħħar tliet snin ir-rikorrent issottometta dikjarazzjoni dwar it-taxxa fuq il-qligħ, jew dikjarazzjoni għal kull taxxa diretta oħra, u wara eżaminazzjoni tagħha d-dikjarazzjoni ġiet approvata; u

Il-qorti li tiddeċiedi dwar ir-rikors tista' ssejjaħ lill-konvenut mingħajr ħlas. Il-preżenza ta' avukati mhux meħtieġa. Jekk il-qorti ssib illi huwa probabbli illi l-kundizzjonijiet msemmija hawn fuq ġew sodisfatti, hija tagħti l-benefiċċju tal-għajnuna legali. Din il-proċedura għandha ssir separatament għal kull kawża. Hija tapplika għal dik il-kawża anke f'kull stadju fl-appell, u tkopri wkoll l-eżekuzzjoni tas-sentenza finali. Parti li d-dritt tagħha għall-għajnuna legali ġie rikonoxxut b'dan il-mod hija eżentata b'mod provviżorju mill-obbligu li tħallas l-ispejjeż tal-qorti u tal-proċedimenti in ġenerali, pereżempju it-tariffi tan-nutara u tal-bailiffs, l-ispejjeż tax-xhieda, u t-tariffi tal-esperti, l-avukati u rappreżentanti oħra, u mill-obbligu li jipprovdu garanziji għal dawn l-ispejjeż. L-eżenzjoni parzjali tista' tingħata wkoll għal parti mill-ispejjeż biss.

L-għajnuna legali ma taffettwax l-obbligu ta' ħlas tal-ispejjeż tal-parti rebbieħa. Fuq talba tar-rikorrent il-qorti tista, fid-deċiżjoni dwar l-għajnuna legali jew wara, taħtar avukat, nutar jew bailiff biex jassistih. Il-persuna maħtura għandha l-obbligu taċċetta l-istruzzjonijiet, u d-deċiżjoni nnifisha sservi ta' awtorizzazzjoni għall-att.

Il-benefiċċju tal-għajnuna legali jiġi fi tmiemu mal-mewt tal-persuna intitolata għalih, iżda atti li ma jistgħux jiġu diferiti jistgħu isiru wara skont l-istruzzjonijiet mogħtija minn qabel. Barra minn hekk, il-benefiċċju tal-għajnuna legali jista' jiċċaħħad jew jiġi limitat mill-qorti ex officio, jew fuq talba tal-prosekutur pubbliku, jekk jintwera illi l-kundizzjoni għal għoti ta' dan il-benefiċċju qatt ma kienu ġew sodisfati, jew ma għadhomx japplikaw, jew inbiddlu. Il-ħlas tal-ispejjeż huwa regolat mill-Artikoli 190 sa 193 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Għalhekk jekk is-sentenza tordna l-ħlas tal-ispejjeż tal-parti rebbieħa lill-persuna bl-għajnuna legali, il-boll, il-kopja għall-eżekuzzjoni u tariffi oħra jitħallsu skont il-liġi dwar il-ġbir tad-dħul pubbliku, filwaqt li l-ispejjeż li jridu jingħataw tal-persuna bl-għajnuna legali, tal-avukati jew rappreżentanti legali oħra tagħha jew uffiċċjali tal-qorti jridu jitħallsu lill-persuni konċernati, u jinġabru skont il-proċeduri għall-eżekuzzjoni. Bl-istess mod l-ispejjeż li jridu jitħallsu mill-persuna bl-għajnuna legali jinġabru hekk kif jiġu fi tmiemhom il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna legali u dawn jiġu konfermati. Jekk il-partijiet kisbu l-għajnuna legali permezz ta' dikjarazzjonijiet jew informazzjoni foloz, l-imħallef li jiddeċiedi li jicħdilhom il-benefiċċju tal-għajnuna legali iwaħħalhom penali finanzjarja ta bejn EUR 100 u EUR 200, li tmur fil-Fond ta' Assigurazzjoni tal-Professjonisti Legali; dan ma jtemmx l-obbligu tagħhom li jħallsu s-somom li ġew eżentati minnhom, kif ukoll ma tiġix prekluża l-possibiltà ta' prosekuzzjoni kriminali.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Iva. Il-parti telliefa tista' tippreżenta appell, quddiem il-qorti tal-appell (Εφετείο), mis-sentenza ta' divorzju, jew annullament ta' żwieġ null jew annullabbli, jew ir-rikonoxximent tan-nullità ta' żwieġ, fi żmien 30 jum mid-data li fiha ġiet innotifikata s-sentenza jekk huwa domiċiljat jew abitwalment residenti fil-Greċja; jew fi żmien 60 jum jekk huwa domiċiljat jew abitwalment residenti barra l-pajjiż jew jekk ir-residenza tiegħui mhix magħrufa; u jekk is-sentenza ma ġietx innotifikata, fi żmien tliet snin mill-għotja tagħha. Jekk tmut il-parti li għandha dritt tappella, il-preskrizzjoni għall-appell tibda għaddejja mid-data li fiha tiġi nnotifikata s-sentenza fuq il-werrieta universali jew legatarji tagħha.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, bħalissa fis-seħħ, jistabbilixxi l-prinċipju illi sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta' ebda proċedura speċjali. Kull min jixtieq li deċiżjoni ta' divorzju, separazzjoni personali jew annullament taż-żwieġ tiġi rikonoxxuta fil-Greċja jrid jitlob lill-qorti tal-ewwel istanza b'ġudikant uniku jew tal-post tar-residenza abitwali tal-persuna li ir-rigward tagħha tiġi eżegwita s-sentenza jew tal-post ta' eżekuzzjoni.

Tiġi ffissata data għas-smigħ, u trid issir in-notifika tal-kopja tar-rikors fuq il-parti l-oħra flimkien mad-dokument li jiffissa d-data u ċitazzjoni biex tidher il-qorti għas-smigħ. Il-qorti ma tistax tidħol fil-mertu tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li tat is-sentenza. Hija tikkunsidra jekk ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni jmurx kontra l-ordni pubblika tagħha; jekk id-dokument li stitwixxa l-proċedimenti ma ġiex innotifikat lill-konvenut fi żmien suffiċjenti u b'mod li jħallih jirranġa għad-difiża tiegħu ħlief, jew jekk huwa ddeterminat li l-konvenut aċċetta s-sentenza inekwivokabilment; u jekk is-sentenza hija rrekonċiljabbli ma' sentenza mogħtija fi proċedimenti bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih qiegħed jiġi mitlub r-rikonoxximent, jew fi Stat Membru ieħor jew fi Stat mhux membru tal-Unjoni Ewropea jekk is-sentenza tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru fejn qed jintalab ir-rikonoxximent. Jekk il-qorti hija sodisfatta, tirrikonoxxi s-sentenza.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Il-qorti b'ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar sentenza Griega li tirrikonoxxi sentenza mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tal-UE, hija l-qorti tal-appell li tisma' l-appelli mis-sentenzi tal-qorti inferjuri rilevanti. Il-preskrizzjoni għall-appelli hija ta' xahar mid-data ta' notifika tas-sentenza, ħlief jekk il-parti li kontriha qed jintalab ir-rikonoxximent hija abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor li mhux dak fejn ingħata is-sentenza eżegwibbli, li f'dan il-każ il-preskrizzjoni għall-appell hija ta' xahrejn mid-data ta' notifika tas-sentenza. Din il-preskrizzjoni ma tistax tiġi estiża minħabba raġunijiet ta' distanza. Jekk il-parti li kontriha qed jintalab ir-rikonoxximent ma tidhirx il-qorti, il-qorti trid tissospendi l-proċedimenti sabiex jiġi aċċertat illi dik il-parti ġie innotifikata kif xieraq u fil-ħin, jew li ttieħdu l-passi kollha raġonevoli għal dan il-għan. Id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell tista' tiġi kkontestata fuq punti ta' liġi quddiem il-Qorti Suprema (Άρειος Πάγος).

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-liġi sostantiva li tapplika għad-divorzju hija kif ġej, skont l-ordni ta' preċedenza:

  1. il-liġi tal-aħħar ċittadinanza komuni tal-konjuġi, jekk wieħed minnhom għad għandu dik iċ-ċittadinanza;
  2. il-liġi tal-post tal-aħħar residenza abitwali konġunta tagħhom matul iż-żwieġ; jew
  3. il-liġi li magħha għandhom l-aktar rabta b'saħħitha.

Skont il-prinċipju tal-lex fori, il-liġi proċedurali applikabbli hija l-liġi proċedurali Griega, iżda din tista' tiġi megħluba mil-liġi tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 28 tal-Kostituzzjoni Griega.

L-aħħar aġġornament: 26/11/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ispanjol ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Divorzju - Spanja

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Minn mindu daħlet fis-seħħ ir-riforma bil-Liġi Nru 15/2005, sabiex jinkiseb divorzju fi Spanja ma hemmx rekwiżiti marbuta ma' separazzjoni minn qabel jew raġunijiet stabbiliti mil-liġi, għaliex id-divorzju jista' jiġi ordnat mill-awtorità ġudizzjarja direttament (id-divorzju jrid jingħata permezz ta' sentenza tal-qorti finali).

Il-proċedimenti tad-divorzju jistgħu jinbdew fuq talba ta' wieħed mill-konjuġi biss, mit-tnejn li huma jew minn wieħed minnhom bil-kunsens tal-ieħor. Għal sentenza ta' divorzju jridu jiġu sodisfatti biss ir-rekwiżiti u ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

  1. Ikunu għaddew tliet xhur miż-żwieġ jekk id-divorzju jintalab miż-żewġ konjuġi flimkien jew minn wieħed minnhom bil-kunsens tal-ieħor.
  2. Ikunu għaddew tliet xhur miż-żwieġ jekk id-divorzju jintalab minn konjuġi wieħed biss.
  3. Ir-rikors għad-divorzju jista' isir mingħajr perjodu ta' stennija wara ż-żwieġ fejn ikun hemm prova ta' riskju għall-ħajja, l-integrità fiżika, il-libertà, l-integrità morali jew il-libertà sesswali u l-integrità tal-konjuġi li jagħmel it-talba jew it-tfal tal-partijiet jew ta' xi ħadd minnhom.

Minn dak li ntqal iktar 'il fuq huwa biżżejjed għal konjuġi li ma jkunx jixtieq ikompli biż-żwieġ li jitlob għal u jikseb divorzju mingħajr ma l-konvenut ikollu dritt jopponi għal raġunijiet materjali, meta jkun għadda l-perjodu msemmi hawn fuq u fl-aħħar każ anke mingħajr ma jistenna li jgħaddi dan il-perjodu.

Bħala alternattiva għad-divorzju, il-konjuġi jistgħu jagħżlu s-separazzjoni legali, li hija soġġetta għall-istess rekwiżiti għalkemm ir-rabta taż-żwieġ tibqa' fis-seħħ. Dan ifisser illi l-koppja ma tibqax tgħix flimkien iżda ż-żwieġ ma jinħallx, għaliex dan jista' jsir biss permezz ta' sentenza ta' divorzju.

Kif imsemmi aktar 'il fuq, iridu jitressqu l-proċedimenti għad-divorzju (u anke għas-separazzjoni legali):

  • fuq talba ta' wieħed mill-konjuġi;
  • fuq talba taż-żewġ konjuġi jew ta' wieħed minnhom bil-kunsens tal-ieħor.

Fl-ewwel każ, it-talba tiġi akkumpanjata minn proposta għall-miżuri li jirregolaw l-effetti tad-divorzju jew separazzjoni u li jiġu diskussi matul il-proċedimenti, u l-awtorità ġudizzjarja tiddeċiedi jekk il-konjuġi ma jilħqux ftehim.

Fit-tieni każ, il-konjuġi jistgħu jissottomettu Ftehim ta' Soluzzjoni (convenio regulador) li jindika l-punti li fuqhom intlaħaq ftehim dwar il-miżuri li jeħtieġu jiġu adottati fir-rigward tad-dar matrimonjali, il-kura u l-manteniment tat-tfal, id-diviżjoni tal-propjetà konġunta u kull pagament ta' manteniment bejn il-konjuġi. Il-proċedimenti jseħħu quddiem il-qrati, u l-imħallef jiddeċiedi f’każijiet li jinvolvu tfal minorenni mhux emanċipati. Jekk ma jkun hemm l-ebda tfal minorenni mhux emanċipati involuti, it-talba tista’ tiġi pproċessata jew: quddiem il-qrati, għalkemm id-deċiżjoni hija tal-iskrivan tal-qorti (Letrado de la Administración de Justicia), jew permezz ta’ nutar, bl-eżekuzzjoni ta’ att pubbliku.

Ir-regolamenti fuq is-separazzjoni u d-divorzju japplikaw bis-sħiħ għaż-żwiġijiet kollha bejn persuni tal-istess sess jew eterosesswali, minħabba l-fatt illi l-Liġi 13/2005 tirrikonoxxi illi l-irġiel u n-nisa għandhom dritt jiżżewwġu, bl-istess rekwiżiti u effetti, minkejja li ż-żewġ partijiet huma tal-istess sess jew eterosesswali.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Permezz tar-riforma li daħħlet il-Liġi 15/2005, id-divorzju fi Spanja ma jeħtieġx xi raġunijiet, għaliex iż-żamma tar-rabta taż-żwieġ hija meqjusa bħala manifestazzjoni tar-rieda tal-konjuġi.

L-uniku rekwiżit huwa li jiġi osservat perjodu minimu ta' żmien wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ qabel ma jinbdew il-proċedimenti ta' divorzju (ħlief f'ċerti każijiet). Dan il-perjodu huwa kif ġej:

  1. Ikunu għaddew tliet xhur miż-żwieġ jekk id-divorzju jintalab miż-żewġ konjuġi flimkien jew minn wieħed minnhom bil-kunsens tal-ieħor.
  2. Ikunu għaddew tliet xhur miż-żwieġ jekk id-divorzju jintalab minn konjuġi wieħed biss.
  3. It-talba għad-divorzju tista' ssir mingħajr perjodu ta' stennija wara ż-żwieġ fejn ikun hemm prova ta' riskju għall-ħajja, l-integrità fiżika, il-libertà, l-integrità morali jew il-libertà sesswali u l-integrità tal-konjuġi li jagħmel it-talba jew it-tfal tal-partijiet jew ta' xi ħadd minnhom.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

L-ewwel effett tad-divorzju huwa li r-rabta taż-żwieġ tinħall. Id-divorzju jtemm l-obbligu tal-koabitazzjoni u tal-għajnuna reċiproka derivanti minn din ir-rabta, u ż-żewġ konjuġi huma ħielsa li jerġgħu jiżżewwġu.

Skont il-liġi Spanjola il-mara m’hemmx għalfejn tieħu kunjom żewġha meta' tiżżewweġ, kif jiġri f'pajjiżi oħra.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Id-divorzju jġib miegħu il-ħall tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali u l-likwidazzjoni tal-propjetà konġunta li akkwistaw maż-żmien, u b'hekk id-diviżjoni tal-assi komuni, proċess li jiġi determinat mir-reġim ta' proprjetà li jirregola ż-żwieġ.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Is-sentenza ta' divorzju ma taffettwax ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal imwielda fiż-żwieġ, ħlief il-kustodja, li dwarha trid tiddeċiedi l-qorti li tilqa' d-divorzju, fejn jew tagħti l-kustodja lil wieħed mill-konjuġi u tagħti dritt ta' aċċess lill-ieħor, jew inkella tipprovdi għall-kustodja konġunta tal-konjuġi.

Il-kustodja konġunta tista' sseħħ permezz ta' ftehim bejn il-ġenituri (li jilħqu ftehim jew fil-proposta inizjali għall-ftehim ta' soluzzjoni, jew matul il-proċedimenti), bl-approvazzjoni tal-qorti. Jekk ma nkun intlaħaq l-ebda ftehim, il-qorti tista' tordna l-kustodja konġunta fuq talba ta' waħda mill-partijiet, wara rapport mis-Servizz tal-Prosekuzzjoni (Ministerio Fiscal), b'kunsiderazzjoni tal-ħarsien xieraq tal-aħjar interessi tat-tfal. F’xi Komunitajiet Awtonomi fi Spanja, il-kustodja konġunta hija preferuta, li jfisser li l-kustodja konġunta tkun l-arranġament awtomatiku sakemm ma jinstabx li jeżistu ċirkostanzi li jiġġustifikaw arranġament differenti (dan hu l-każ f’Aragona, fil-Pajjiż Bask u, sa ċertu punt, fil-Katalonja). Bl-istess mod, u għal darb’oħra filwaqt li jitqiesu l-aħjar interessi tal-minorenni, tista’ tiġi miftiehma kustodja minn ġenitur wieħed u saħansitra arranġamenti mħallta jew ibridi (tfal f’kustodja ta’ ġenituri differenti jew tfal f’kustodja ta’ ġenitur wieħed u oħrajn f’kustodja konġunta).

Il-prinċipju sottostanti huwa li minkejja d-divorzju l-ġenituri jibqgħu responsabbli għat-tfal tagħhom, u t-tnejn jkunu jeħtieġu jħallsu l-manteniment, kif ukoll setgħa tal-ġenituri konġunta fuq it-tfal.

Normalment dan ifisser illi l-konjuġi li ma għandux il-kustodja tat-tfal irid iħallas il-manteniment lill-ġenitur li għandu l-kustodja tagħhom, sakemm it-tfal isiru finanzjarjament indipendenti jew ma rnexxilhomx jagħmlu dan minħabba tort tagħhom. Jekk tingħata kustodja konġunta, normalment kull ġenitur iħallas l-ispejjeż ordinarji tat-tfal matul il-perjodu li matulu jkunu għandu (ħwejjeġ, ikel jew akkommodazzjoni), filwaqt li għall-ispejjeż l-oħra jinfetaħ kont konġunt li fih kull ġenitur iħallas kontribuzzjonijiet kull xahar. Madankollu, jekk iċ-ċirkostanzi finanzjarji taż-żewġ ġenituri jkunu differenti ħafna, ma hemm xejn li jwaqqaf lil ġenitur wieħed milli jagħti somma flus lill-ieħor sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jlaħħaq mal-ispejjeż tat-tfal matul iż-żmien li hu jew hi jkollhom għandhom it-tfal.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Id-divorzju jtemm l-obbligu tal-koabitazzjoni u li tiġi pprovduta għajnuna reċiproka; b'hekk, l-ebda konjuġi ma għandu dmir jgħin lill-ieħor. Madankollu, fejn id-divorzju jwassal għal żbilanċ finanzjarju għal konjuġi wieħed meta' mqabbel mal-ieħor, u b'hekk l-ewwel konjuġi jsib ruħu f'sitwazzjoni agħar milli kien qabel tkisser iż-żwieġ, huwa għandu dritt għall-manteniment mill-konjuġi l-ieħor biex jagħmel tajjeb għal dak l-iżbilanċ.

Ċerti territorji għandhom arranġamenti speċjali f'dan ir-rigward.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni legali tfisser illi l-konjuġi ma jibqgħux jgħixu flimkien, fi kliem ieħor hija ttemm l-obbligu tal-koabitazzjoni iżda r-rabta taż-żwieġ tibqa', mingħajr ma taffetwa l-ħlas tal-manteniment li jkun ġie miftiehem bħala xieraq biex jiġi kkoreġut xi żbilanċ. Barra minn hekk, l-ebda konjuġi ma għandu l-possibiltà li juża l-assi tal-ieħor biex iħallas għall-ispejjeż matrimonjali. Bl-istess mod, is-separazzjoni legali (u wkoll is-separazzjoni fiżika) jtemmu l-preżunzjoni ta’ paternità li biha tfal li jitwieldu anqas minn 300 jum wara s-separazzjoni jkunu preżunti li huma wlied ir-raġel.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Bħad-divorzju, permezz tar-riforma li daħħlet il-Liġi 15/2005, id-divorzju fi Spanja ma jeħtieġx xi raġunijiet, għaliex iż-żamma tar-rabta taż-żwieġ hija meqjusa bħala manifestazzjoni tar-rieda ħielsa tal-konjuġi.

L-uniku rekwiżit huwa li jiġi osservat perjodu minimu ta' żmien wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ qabel ma jinbdew il-proċedimenti tas-separazzjoni (ħlief f'ċerti każijiet). Dan il-perjodu huwa kif ġej:

  1. Ikunu għaddew tliet xhur miż-żwieġ jekk is-separazzjoni tintalab miż-żewġ konjuġi flimkien jew minn wieħed minnhom bil-kunsens tal-ieħor.
  2. Ikunu għaddew tliet xhur miż-żwieġ jekk is-separazzjoni tintalab minn konjuġi wieħed biss.
  3. It-talba għas-separazzjoni legali tista' ssir mingħajr perjodu ta' stennija wara ż-żwieġ fejn ikun hemm prova ta' riskju għall-ħajja, l-integrità fiżika, il-libertà, l-integrità morali jew il-libertà sesswali u l-integrità tal-konjuġi li jagħmel it-talba jew it-tfal tal-partijiet jew ta' xi ħadd minnhom.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Il-konsegwenzi legali tas-separazzjoni legali huma l-istess bħal dawk għad-divorzju, bl-unika differenza illi r-rabta taż-żwieġ ma tinħallx. Rikonċiljazzjoni sħiħa bejn il-miżżewġin b’ristwarazzjoni sħiħa taż-żwieġ hija għalhekk possibbli mingħajr ma l-konjuġi jkollhom għalfejn jerġgħu jiżżewġu; sabiex ir-rikonċiljazzjoni jkollha saħħa legali, trid tiġi notifikata lill-qorti. Fl-istess waqt, u jekk il-konjuġi jkunu żżewġu b’reġim ta’ proprjetà komuni (bħal sociedad de gananciales, li bih nofs il-qligħ ta’ kull konjuġi jkun ikkunsidrat li huwa proprjetà tal-konjuġi l-ieħor), mas-separazzjoni legali, dan jiġi xolt u sostitwit minn reġim ta’ separazzjoni tal-proprjetà.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

L-annullament taż-żwieġ (li japplika kemm għaż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess u dawk b'sess differenti) jeħtieġ dikjarazzjoni tal-qorti fejn jingħad illi ż-żwieġ li ġie ċċelebrat kien vizjat b'difetti li għamluh ineffettiv mill-bidu, jiġifieri illi ż-żwieġ qatt ma eżista u illi għalhekk ma għandux effett legali. B'hekk, il-konjuġi jerġgħu lura għall-istatus ta' xebba u ġuvni rispettivament.

L-annullament iġib miegħu il-ħall u l-likwidazzjoni tar-reġim tal-propjetà matrimonjali u t-tmiem tal-obbligu tal-koabitazzjoni u tal-għajnuna reċiproka.

Bid-differenza tas-separazzjoni legali jew id-divorzju, il-fatt li ż-żwieġ qatt ma eżista jfisser illi ma għandu jitħallas l-ebda kumpens, ghaliex dan għandu bżonn żwieġ validu li xi darba kien fis-seħħ; din is-sitwazzjoni hija mitigata mill-possibiltà illi l-konjuġi li aġixxa b'bona fede jingħata kumpens għad-danni jekk il-konjuġi l-ieħor aġixxa in mala fede meta żżewwġu.

L-effetti ġuridiċi diġa prodotti qabel is-sentenza tal-qorti li tannulla ż-żwieġ ikomplu jkollhom effett fir-rigward tat-tfal. Dawn l-effetti għalhekk huma l-istess fil-każijiet ta' separazzjoni jew divorzju.

Minbarra d-dikjarazzjoni tal-annullament minn qorti ċivili, fi Spanja jingħata wkoll rikonoxximent lill-effetti ċivili ta’ deċiżjonijiet ta’ qorti ekkleżjastika li jiddikjaraw l-annullament ta’ żwieġ kanoniku jew deċiżjonijiet pontifiċi dwar żwieġ qasir u mhux ikkunsmat, li jeħtieġu proċedura ta’ validazzjoni (simili għall-proċedura tal-exequatur), li ssir mill-Qrati tal-Ewwel Istanza (Juzgados de Primera Instancia) (fejn jeżistu, dawk li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet tal-familja). Il-bażi għal dan ir-rikonoxximent tinsab fil-Ftehim bejn l-Istat Spanjol u s-Santa Sede dwar affarijiet legali, iffirmat fit-3 ta’ Jannar 1979.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Il-kundizzjonijiet li jwasslu għall-annullament taż-żwieġ huma kif ġej:

1. Illi wieħed mill-konjuġi ma tax il-kunsens tiegħu għaż-żwieġ li ġie ċċelebrat.

2. Illi ż-żwieġ ġie ċċelebrat minkejja l-eżistenza ta' wieħed mill-impedimenti għaż-żwieġ, jiġifieri:

1. Wieħed mill-partijiet għaż-żwieġ kien minuri mhux emanċipat, ħlief fejn il-persuna kkonċernata kellha 'l fuq minn 14-il sena u ngħatat dispensa mill-qorti (impediment minħabba raġunijiet ta' età).

2. Waħda mill-partijiet kienet diġà miżżewwġa meta' żżewwġet għat-tieni darba (il-bigamija).

3. Il-partijiet huma axxendenti fil-linja diretta jew dixxendenti jew wieħed minnhom huwa l-wild adottat tal-ieħor (konsangwinità).

4. Wieħed mill-partijiet jiġi mill-ieħor sat-tielet grad - ziju/zija ma' neputi/neputija - ħlief fejn tkun ingħatat dispensa tal-qorti (konsangwinità).

3. Waħda mill-partijiet instabet ħatja ta' qtil, jew li kienet kompliċi għall-qtil, tal-konjuġi ta' xi ħadd fost il-partijiet ħlief fejn ingħatat maħfra mill-Ministeru għall-Ġustizzja.

4. Iż-żwieġ seħħ mingħajr il-preżenza ta' mħallef, sindku jew uffiċjal ieħor jew mingħajr il-preżenza tax-xhieda. Madankollu, il-validità taż-żwieġ ma kinitx tiġi affettwata minn nuqqas ta' kapaċità tal-persuna li ċċelebrat iż-żwieġ jew minħabba l-fatt li ma kellha l-ebda ħatra leġittima, sakemm tal-inqas wieħed mill-konjuġi aġixxa in bona fede u li l-uffiċċjal eżerċizza l-funzjonijiet tiegħu pubblikament.

5. Waħda mill-partijiet iżżewġet minkejja li kellha żball dwar l-identità tal-parti l-oħra jew dwar il-kwalitajiet tagħha li setgħu kienu deċiżivi għall-għoti tal-kunsens tagħha għaż-żwieġ.

6. Waħda mill-partijiet iżżewġet għax kien ġie mhedded jew minħabba biża’ kbira.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

L-annullament taż-żwieġ jistabbilixxi li kien invalidu mill-mument ta' ċelebrazzjoni tiegħu. B'hekk, il-konjuġi jerġgħu lura għall-istatus ta' xebba u ġuvni rispettivament.

Madankollu, l-effetti prodotti fi żwieġ annullat minn meta ġie ċċelebrat sad-data tas-sentenza ta' annullament jibqgħu validi fir-rigward tat-tfal u tal-konjuġi li aġixxa in bona fede.

Fejn tiġi likwidata l-propjetà matrimonjali, il-konjuġi li aġixxa in mala fede ma jgawdix minn sehmu tal-qligħ tal-konjuġi li aġixxa in bona fede.

Min naħa l-oħra, jekk kien hemm il-koabitazzjoni, il-parti li aġixxiet in bona fede tista' tikseb kumpens biex tikkoreġi kull żbilanċ finanzjarju li seta' ġie kkawżat mis-sentenza ta' annullament.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Fi Spanja, il-medjazzjoni tal-familja tiġi regolata fuq livell Statali, fil-Liġi dwar il-medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali: Il-Liġi 5/2012 tas-6 ta' Lulju 2012, li tittrasponi fil-liġi Spanjola d-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali. Il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-medjazzjoni huma: in-natura volontarja u l-għażla ħielsa, l-imparzjalità, in-newtralità u l-kunfidenzjalità. Minbarra dawn il-prinċipji hemm ukoll regoli jew linji gwida biex jiggwidaw l-azzjonijet tal-partijiet għall-medjazzjoni, bħal "bona fede" u r-rispett reċiproku, u l-obbligu ta' kooperazzjoni u għajnuna lejn il-medjatur.

Il-Liġi 5/2012 msemmija hawn fuq tirregola l-"medjazzjoni fi kwistjonijiet transfruntiera", jiġifieri dawk fejn tal-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat differenti minn dak fejn huma domiċiljati l-partijiet konċernati l-oħra, fejn jiftehmu li jużaw il-medjazzjoni jew fejn il-medjazzjoni hija obbligatorja skont il-liġi applikabbli. Dan ikopri wkoll kunflitti antiċipati jew deċiżi mill-ftehim ta' medjazzjoni, irrispettivament mill-post fejn sar il-ftehim, fejn, wara bdil ta' residenza minn kull parti, huwa maħsub li jeżegwixxi l-ftehim jew xi konsegwenzi tiegħu fit-territorju ta' Stat differenti. F'tilwim transfruntier bejn partijiet residenti fi Stati Membri differenti tal-Unjoni Ewropea, id-domiċilju jiġi determinat skont l-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (Brussell I).

Il-medjazzjoni tal-familja fil-liġi Spanjola hija maħsuba bħala alternativa għar-riżoluzzjoni strettament ġudizzjarja tat-tilwim fil-familja.

Bosta komunitajiet awtonomi, permezz tal-parlamenti awtonomi rispettivi tagħhom, ippromulgaw liġijiet dwar il-medjazzjoni tal-familja, ġeneralment – bl-eċċezzjoni indikata – bħala dispożizzjoni promossa mill-korpi pubbliċi tal-għajnuna soċjali: Andalusija – Liġi 1/2009 tas-27 ta' Frar 2009, dwar il-medjazzjoni tal-familja fl-Andalusija; Aragona – Liġi 9/2011 tal-24 ta' Marzu 2011, dwar il-medjazzjoni tal-familja f'Aragona; Asturias – Liġi 3/2007 tat-23 ta' Marzu 2007, dwar il-medjazzjoni tal-familja; Canary Islands – Liġi 15/2003 tat-8 ta' April 2003 dwar il-medjazzjoni tal-familja; Cantabria – Liġi 1/2011 tat-28 ta' Marzu 2011,dwar il-medjazzjoni fil-Komunità Awtonoma tal-Cantabria; Castile-La Mancha – Liġi 4/2005 tal-24 ta' Mejju 2005, dwar is-servizz soċjali speċjalist ta' medjazzjoni tal-familja; Castile-Leon – Liġi 1/2006 tas-6 ta' April 2006 dwar il-medjazzjoni tal-familja f'Castile-Leon; il-Catalonia (sinifikanti b'mod partikolari f'din il-komunità awtonoma, għaliex żviluppat il-kompetenza leġiżlattiva tagħha f'dan il-qasam, fejn tipprovdi fl-Artikolu 233(6) tal-Kodiċi Ċivili tal-Catalonia illi l-awtorità ġudizzjarja tista' tirreferi lill-konjuġi għal sessjoni ta' tagħrif dwar il-medjazzjoni, fejn tqis illi minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ iċ-ċans ta' ftehim għadu possibbli); Valencia – Liġi 7/2001 tas-26 ta' Novembru 2001 li tirregola l-medjazzjoni tal-familja f'Valencia; Galicia – Liġi 4/2001 tal-31 ta' Mejju 2001 dwar il-medjazzjoni tal-familja; Il-Ġżejjer Baleariċi – Liġi 14/2010 tad-9 ta' Diċembru 2010 dwar il-medjazzjoni tal-familja fil-Ġżejjer Baleariċi; Madrid – Liġi 1/2007 tal-21 ta' Frar 2007, dwar il-medjazzjoni tal-familja f'Madrid; u l-pajjiż Bask – Liġi 1/2008 tat-8 ta' Frar 2008 dwar il-medjazzjoni tal-familja;

Fuq livell tal-Istat, il-Liġi 15/2005 tat-8 ta' Lulju 2005, li temenda l-Kodiċi Ċivili u l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili rigward is-separazzjoni u d-divorzju, introduċiet regola ġdida Nru 7 fl-Artikolu 770 ta' dik il-Liġi, li tirregola proċedimenti għas-separazzjoni u d-divorzju (ħlief "bi ftehim reċiproku") u l-annullament taż-żwieġ, li permezz tagħha il-partijiet jistgħu, bi ftehim reċiproku, jitolbu s-sospensjoni tal-proċedimenti, soġġett għall-arranġamenti ġenerali għall-proċedimenti ċivili stabbiliti fl-Artikolu 19 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, biex jgħaddu għall-medjazzjoni.

Fi proċedimenti matrimonjali transfruntiera, japplika l-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (Brussels IIa), fejn, fuq talba minn awtorità ċentrali jew minn detentur tas-setgħa tal-ġenitur, l-awtoritajiet ċentrali jridu jikkooperaw fuq każijiet speċifiċi biex jiksbu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament. Għal dak il-għan,iridu jieħdu l-passi neċessarji meħtieġa biex, inter alia, jiffaċilitaw il-kisba ta' ftehim bejn id-detenturi tas-setgħa tal-ġenituri permezz tal-medjazzjoni jew mezzi oħra.

Fi proċedimenti ċivili fil-qasam tal-liġi tal-familja, li taqa' taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati li jisimgħu każjijet ta' vjolenza kontra n-nisa (Juzgados de Violencia sobre la Mujer), il-medjazzjoni mhix permessa.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

(a) Fejn irrid nippreżenta t-talba tiegħi

Ladarba l-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qrati Spanjoli sabiex tisma’ l-kawża tkun ġiet stabbilita (stabbilita fir-Regolament 2101/2003 – annullament taż-żwieġ, separazzjoni legali, divorzju u responsabbiltà parentali; Ir-Regolament 4/2009 – manteniment; mid-29 ta’ Jannar 2019, ir-Regolament (UE) 2016/1103 dwar reġimi ta’ proprjetà matrimonjali, u l-Artikolu 22c tal-Att Ġudizzjarju (Ley Orgánica del Poder Judicial – LOPJ) – għal kwistjonijiet mhux stipulati fir-Regolamenti jew fejn jagħmlu referenza għal-liġi domestika), fit-territorju Spanjol, talba għad-divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ (minbarra dawk ipproċessati minn nutar fil-każijiet ta’separazzjoni legali jew divorzju permezz ta’ qbil reċiproku mingħajr tfal minorenni involuti) trid tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ewwel Istanza. F'xi distretti ġudizzjarji hemm Qrati tal-Ewwel Istanza li jispeċjalizzaw fil-liġi tal-familja. Speċifikament, din hi l-Qorti tal-Ewwel Istanza:

  • Fil-post fejn tinsab id-dar matrimonjali
  • Jekk il-konjuġi jgħixu f'distretti ġudizzjarji differenti, ir-rikorrent jista' jagħżel bejn il-qorti ta:
    • l-aħħar residenza matrimonjali,
    • jew ir-residenza tal-konvenut;
    • jew jekk il-konvenut ma għandux domiċilju fiss jew post ta' residenza, it-talba tista' tiġi ppreżentata fil-post fejn jgħix jew fejn l-aħħar għex il-konvenut, skont l-għażla tar-rikorrent.
  • Jekk minkejja l-kriterji kollha msemmija hawn fuq ma ssirx għażla, it-talba tiġi ppreżentata quddiem l-Imħallef tal-Ewwel Istanza (Juez de Primera Instancia) tad-domiċilju tar-rikorrent.
  • Fejn it-talba għad-divorzju jew separazzjoni legali tiġi ppreżentata b'mod konġunt miż-żewġ konjuġi, huma jistgħu jagħmlu dan quddiem l-imħallef tal-qorti:
    • tal-post fejn l-aħħar għexu flimkien,
    • jew tad-domiċilju ta' xi ħadd fosthom.
  • Ir-rikors għall-approvazzjoni ta' miżuri preliminari provviżorji jista' jinstema' mill-imħallef tal-ewwel istanza tal-post ta' domiċilju tar-rikorrent.

Għal informazzjoni dwar l-istituzzjonijiet ġudizzjarji Spanjoli, ara Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.mjusticia.gob.es/cs/Satellite/Portal/es/administracion-justicia/organizacion-justicia/organizacion-juzgados.

Għal każijiet indirizzati minn nutar (alternattiva għal proċedimenti quddiem il-qorti fejn il-partijiet ma jkollhomx tfal minorenni mhux emanċipati – għalkemm, f’dawn il-każijiet, id-deċiżjoni ma titteħidx mill-Imħallef, iżda mill-iskrivan tal-qorti), l-att pubbliku rilevanti jrid jiġi esegwit min-Nutar għall-post fejn il-konjuġi jkunu l-aħħar għexu flimkien jew id-domiċilju jew ir-residenza abitwali ta’ xi wieħed mir-rikorrenti.

(b) Formalitajiet u dokumenti

Fejn il-qorti tkun il-perkors magħżul, it-talba għall-annullament taż-żwieġ, is-separazzjoni legali jew id-divorzju trid tiġi ppreżentata bil-miktub u tkun iffirmata mill-avukati tar-rikorrent (il-letrado u l-procurador). Is-servizzi ta' dawn il-professjonisti jistgħu jinqasmu meta l-konjuġi jkunu qed jippreżentaw rikors konġunt għas-separazzjoni personali jew għad-divorzju.

It-talbiet għas-separazzjoni legali, l-annullament taż-żwieġ jew id-divorzju jridu jiġu akkumpanjati minn:

  • Iċ-ċertifikat taż-żwieġ u tat-twelid tat-tfal; mhux biżżejjed li jiġi ppreżentat biss ir-reġistru tal-familja (Libro de Familia).
  • Id-dokumenti li fuqhom ir-rikorrenti jibbażaw il-każ tagħhom
  • Id-dokumenti meħtieġa għal valutazzjoni tal-qagħda finanzjarja tal-konjuġi u, jekk applikabbli, tat-tfal, bħal dikjarazzjonijiet tat-taxxa, ir-rendikont tal-paga, ċertifikati bankarji, l-atti tat-titoli jew ċertifikati ta' reġistrazzjoni tal-propjetà, meta l-partijiet jippreżentaw talba fuq kwistjoni ta' propjetà.
  • Proposta għal Ftehim ta' Soluzzjoni jekk it-talba għas-separazzjoni legali jew id-divorzju issir permezz ta' Talba Konġunta.

Jekk in-nutar ikun il-perkors magħżul (separazzjoni legali jew divorzju bi qbil reċiproku mingħajr tfal minorenni mhux emanċipati), id-dokumenti ta’ hawn fuq huma neċessarji sabiex l-att jiġi esegwit, u minkejja li n-nutar ikun preżenti, il-konjuġi jridu jkunu akkumpanjati minn avukat prattikanti għall-esekuzzjoni tal-att pubbliku.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Spanja tirrikonoxxi d-dritt ta' ċittadini Spanjoli, ta' ċittadini ta' Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u ta' barranin fi Spanja għall-għajnuna legali jekk jistgħu juru li ma għandhomx biżżejjed mezzi finanzjarji biex jiftħu kawża.

L-individwi għandhom dritt għall-għajnuna legali jekk ma jkollhomx biżżejjed assi u jkollhom riżorsi u qligħ gross, ikkalkulat kull sena għal kull intestatura u għal kull unità domestika, li ma jaqbżux il-livelli limiti li ġejjin:

(a) Id-doppju tal-Indiċi Pubbliku tad-Dħul għal Iżjed minn Skop Wieħed (IPREM) fis-seħħ meta' ssir it-talba għal persuni li mhumiex membri ta' xi unità domestika.

(b) Darbtejn u nofs l-indiċi pubbliku tad-dħul għal iżjed minn skop wieħed fis-seħħ meta' ssir it-talba fejn huma membri ta' kull tip ta' unità domestika ta' inqas minn erbgħa min-nies.

(c) Tliet darbiet dan l-indiċi għall-unitajiet domestiċi ta' erbgħa min-nies jew aktar.

Il-kalkolu tal-IPREM

It-talba trid tiġi ppreżentata lill-Kamra tal-Avukati (Colegio de Abogados) fl-istess lokalità tal-qorti jew tribunal li jisma' l-kawża prinċipali, jew lill-qorti tal-post ta' domiċilju tar-rikorrent; f'dan tal-aħħar il-korp ġudizzjarju jibgħat l-applikazzjoni lill-Kamra tal-Avukati b'ġurisdizzjoni territorjali.

Il-Kmamar tal-Avukati huma maħsuba bħala l-awtorità riċeventi għall-applikazzjonijiet minħabba tilwim transfruntier. F'dan it-tip ta' tilwim, l-awtorità li toħroġ l-applikazzjoni hija l-Kamra tal-Avukati tal-post ta' residenza abitwali jew tad-domiċilju tar-rikorrent.

Ċittadin Ewropew ta' Stat li huwa parti mill-Ftehim Ewropew dwar it-Trażmissjoni ta' Rikorsi għal Għajnuna Legali jista' jitlob lill-awtorità ċentrali maħtura minn pajjiżha għall-implimentazzjoni tal-ftehim.

Ir-rikors irid isir qabel jibdew il-proċedimenti jew, jekk il-parti li titlob l-għajnuna legali hija l-intimata, qabel topponi r-rikors. Madankollu, kemm ir-rikorrent kif ukoll il-konvenut jistgħu sussegwentement jitolbu l-għajnuna legali wara li jkunu wrew illi nbiddlu ċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħhom.

Fejn m’hemmx assi komuni biżżejjed u wieħed mill-konjuġi ma jistax jikseb għajnuna legali għaliex il-qagħda finanzjarja tal-ieħor ma tippermettihx, dan tal-aħħar jista' jkollu jħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża jew parti minnhom skont proċedura magħrufa bħala "litis expensas" (spejjeż tal-kawża skont arranġamenti speċjali għall-proċedimenti ta' divorzju).

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati Spanjoli fi proċedimenti għas-separazzjoni legali, id-divorzju u l-annullament taż-żwieġ huma miftuħa għal appell. L-appelli jridu jiġu ppreżentati fi żmien għoxrin jum quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li tat is-sentenza kkontestata, li quddiemha jiġi formalment imfassal l-appell; il-kwistjoni taqa' fl-ambitu tal-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Provinċjali korrispondenti (Audiencia Provincial). F'ċerti każijiet, wara li jkun ġie deċiż l-appell, jista' jiġi ppreżentat appell fil-kassazzjoni u fejn xieraq, appell straordinarju għal ksur tal-proċedura quddiem l-Awla Ċivili tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo).

Fi Spanja, id-deċiżjonijiet mogħtija fi proċedimenti marbuta ma' annullament taż-żwieġ, separazzjoni personali u divorzju mhumiex soġġetti għal eżekuzzjoni provviżorja meta' jiġu appellati (ħlief għal deċiżjonijiet dwar l-obbligi u l-propjetà marbuta mal-kwistjoni prinċipali tal-proċedimenti), għalkemm l-appell ma jissospendix l-effett tal-miżuri ordnati fis-sentenza u li huma direttament eżegwibbli anke jekk ġie ppreżentat appell kontra s-sentenza. Barra minn hekk, jekk l-appell jikkonċerna biss il-miżuri msemmija fid-deċiżjoni, is-sentenza dwar l-annullament taż-żwieġ, is-separazzjoni personali jew id-divorzju tiġi ddikjarata finali anke jekk ikun sar appell.

Fi proċedimenti għal separazzjoni personali u divorzju miġjuba mill-konjuġi b'mod konġunt, is-sentenza tal-qorti jew id-deċiżjoni li tagħti effett lis-separazzjoni personali jew id-divorzju u li tapprova l-proposta għal Ftehim ta' Soluzzjoni kollha kemm hija, ppreżentata lill-imħallef għall-approvazzjoni tiegħu, ma tistax tiġi appellata, ħlief mis-Servizz tal-Prosekuzzjoni, jekk kien involut, li jista' jappella fl-interessi ta' tfal minuri jew tfal inabilitati. F'dawn il-proċedimenti permezz ta' Talba Konġunta, id-deċiżjoni tal-qorti li tiċħad it-talba għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali jew il-miżuri kollha jew uħud minnhom proposti mill-konjuġi tista' tiġi appellata. F'dawn il-każijiet, l-appell kontra d-deċiżjoni dwar il-miżuri ma tissospendix l-effettività tagħhom jew ikollha xi effett fuq in-natura vinkolanti tas-sentenza dwar is-separazzjoni personali jew id-divorzju.

Rigward il-miżuri provviżorji u preliminari li jista' jordna mħallef qabel jew matul il-proċedimenti ta' separazzjoni personali, annullament taż-żwieġ jew divorzju, id-deċiżjonijiet li jordnaw dawn il-miżuri ma jistgħux jiġu appellati, anke jekk ma jikkostitwux sentenza finali u f'dan l-istadju għadhom mhux vinkolanti. Id-deċiżjonijiet dwar miżuri provviżorji jiġu rieżaminati mhux permezz ta' appell iżda permezz tas-sentenza li ġġib fi tmiemhom il-proċedimenti għas-separazzjoni legali, l-annullament taż-żwieġ jew id-divorzju.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Il-leġiżlazzjoni applikabbli f'dan il-qasam hija r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri (Brussell IIa), li huwa fis-seħħ fl-Istati Membri kollha ħlief fid-Danimarka. Il-leġiżlazzjoni applikabbli fid-Danimarka hija l-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta' Ottubru 1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal.

Jekk l-uniku għan huwa li tiġi aġġornata l-informazzjoni fir-Reġistru Ċivili ta' Stat Membru fuq il-bażi ta' deċiżjonijiet tal-qorti marbuta ma' proċedimenti għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor, u jekk, skont il-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat Membru, dawk id-deċiżjonijiet ma jistgħux jiġu appellati, tista' titressaq applikazzjoni għal dak il-għan lir-Reġistru tat-Twelid, taż-Żwiġijiet u tal-Imwiet ta' kull pajjiż, akkumpanjata minn:

  • kopja tad-deċiżjoni, li tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha skont il-liġi tal-pajjiż minn fejn ingħatat;
  • ċertifikat konformi mal-mudell uffiċjali standardizzat maħruġ mill-qorti nazzjonali jew tribunal jew awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn ingħatat id-deċiżjoni;
  • dokument li juri illi l-karti ġew innotifikati kif xieraq lill-konvenut jew li jiċċertifika li l-konvenut aċċetta d-deċiżjoni, f'każ ta' deċiżjoni mogħtija f'kontumaċja.

F'każ ta' rikonoxximent fi Spanja ta' deċiżjoni ta' divorzju, annullament taż-żwieġ jew separazzjoni personali li ingħatat f'wieħed mill-Istati Membri, minbarra fid-Danimarka, irid isir rikors għar-rikonoxximent, mingħajr ma jkollha għalfejn tkun vinkolanti d-deċiżjoni kkonċernata fl-Istat Membru fejn ingħatat, quddiem l-Imħallef tal-Prim'Istanza, fil-post ta' residenza tal-persuna li kontriha ġie ppreżentat ir-rikors għar-rikonoxximent jew għal dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' rikonoxximent. Jekk il-konvenut ma jgħix Spanja r-rikors jista' isir fejn ikun jinsab fi Spanja jew fil-post tal-aħħar residenza tiegħu fi Spanja, jew, jekk ma jkunx hemm għażla oħra, fil-post fejn huwa domiċiljat ir-rikorrent.

It-talba trid tiġi ppreżentata bil-miktub permezz ta' avukat u prosekutur pubbliku u akkumpanjata mill-istess dokumenti bħal fil-każ preċedenti.

Ir-rikonoxximent fi Spanja ta' deċiżjonijiet mogħtija fid-Danimarka huwa regolat mil-liġi Spanjola. Il-proċess jibda bil-preżentata ta' rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-post fejn hija domiċiljata l-persuna li kontriha jintalab ir-rikonoxximent.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Il-proċedura meħtieġa sabiex deċiżjoni ma tiġix rikonoxxuta hija l-istess bħal dik għar-rikonoxximent. Jekk id-deċiżjoni kienet rikonoxxuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, l-oġġezzjoni tista' tiġi ppreżentata biss wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' rikonoxximent, u jrid isir appell quddiem il-Qorti Provinċjali rilevanti sal-iskadenza statutorja.

Jekk il-kwistjoni tikkonċerna deċiżjoni mogħtija fid-Danimarka, l-oġġezzjoni trid issir waqt li tkun għadha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza waqt li l-Qorti tkun qegħda tikkunsidra t-talba tal-parti l-oħra għar-rikonoxximent tagħha. F'kull każ, huma meħtieġa s-servizzi ta' avukat u tal-prosekutur pubbliku sabiex l-oġġezzjoni tiġi ppreżentata formalment.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 fil-21 ta' Ġunju 2012, u skont l-Artikoli 5 u 8 tiegħu, il-konjuġi jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għas-separazzjoni jew divorzju tagħhom minn fost dawk speċifikati fir-Regolament. Fin-nuqqas ta' għażla tagħhom, id-divorzju u s-separazzjoni legali huma soġġetti għal-liġi tal-Istat:

(a) fejn il-konjuġi huma abitwalment residenti meta jippreżentaw ir-rikors; jew, fin-nuqqas ta' dan,

(b) fejn il-konjuġi kienu abitwalment residenti l-aħħar, jekk il-perjodu ta' residenza ma ntemmx aktar minn sena qabel sar ir-rikors u jekk wieħed mill-konjuġi għadu residenti f'dak l-Istat meta sar ir-rikors; jew, fin-nuqqas ta' dan,

(c) li tiegħu huma ċittadini ż-żewġ konjuġi meta' jippreżentaw ir-rikors; jew, fin-nuqqas ta' dan,

(d) fejn tinsab il-qorti li quddiemha ġie ppreżentat ir-rikors.

Il-leġiżlazzjoni ta’ hawn fuq hija applikabbli għad-divorzju, għalkemm f’termini tal-effetti li tipproduċi, il-liġi applikabbli tista’ tkun differenti:

Fir-rigward tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, u sad-29 ta’ Jannar 2019 (meta r-Regolament 1103/2016 jibda japplika) il-liġi applikabbli hija (jekk ma jkunx ġie stabbilit reġim ta’ proprjetà matrimonjali fi ftehim ta’ proprjetà matrimonjali) il-liġi personali komuni tal-konjuġi fiż-żmien taż-żwieġ (in-nazzjonalità komuni). Fin-nuqqas ta’ dan, hija l-liġi personali (li tappartjeni għan-nazzjonalità tagħhom) jew il-liġi tar-residenza abitwali ta’ xi wieħed mill-konjuġi, magħżula miż-żewġ konjuġi f’att iċċertifikat eżegwit qabel iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ. Fl-assenza ta’ dak li ntqal hawn fuq, tapplika l-liġi tar-residenza komuni abitwali minnufih wara li jkun ġie ċċelebrat iż-żwieġ. Fl-aħħar nett, fl-assenza ta’ tali residenza konġunta, ir-reġim tal-proprjetà supplementari għandu jkun dak tal-post fejn ġie ċċelebrat iż-żwieġ. Mid-29 ta’ Jannar 2019, ir-Regolament 1103/2016 għandu jkun applikabbli b’mod sħiħ, li jfisser li jekk ma ssir l-ebda għażla, għandu japplika r-reġim tal-proprjetà matrimonjali tal-liġi ta’: a) l-Istat fejn l-ewwel residenza abitwali komuni tal-konjuġi kienet fiż-żmien taż-żwieġ, jew, fin-nuqqas ta’ dan, (b) l-Istat li jikkorrispondi man-nazzjonalità komuni tal-konjuġi fiż-żmien taż-żwieġ tagħhom jew, fin-nuqqas ta’ dan (c) l-Istat li miegħu ż-żewġ konjuġi għandhom l-aktar rabtiet mill-qrib fiż-żmien taż-żwieġ, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha. Jekk il-konjuġi jkollhom aktar minn nazzjonalità komuni waħda fiż-żmien taż-żwieġ, il-kriterju tal-liġi tan-nazzjonalità komuni ma japplikax.

Kwistjonijiet relatati mal-kustodja tat-tfal huma rregolati mill-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta’ Ottubru 1996 bil-liġi tal-awtorità li tagħmel id-deċiżjoni.

Fil-kwistjoni tal-miżuri provviżorji u prekawzjonarji, loġikament, għandha tiġi applikata l-istess liġi li tirregola s-separazzjoni legali, l-annullament taż-żwieġ jew id-divorzju f’kull każ, minbarra fir-rigward ta’ miżuri urġenti li jistgħu jiġu adottati fir-rigward tal-persuni jew il-proprjetà li jkunu jinsabu fi Spanja, ukoll fejn ma jkun hemm l-ebda ġuriżdizzjoni biex tinstema’ l-kawża.

Fir-rigward tal-manteniment (inkluż l-użu tad-dar matrimonjali u, fejn applikabbli, konċessjoni kumpensatorja), fl-assenza ta’ ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli, tapplika l-liġi li tappartjenti għar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment.

Rigward kif tingħata prova tal-liġi barranija fi Spanja, jekk hekk ikun il-każ, iridu jiġu murija l-kontenut u l-validità tagħha; il-qorti Spanjola tista' tistabbilixxi dan b'kull mezz li hija tqis neċessarju għal dan l-iskop.

Fl-aħħar, għandu jiġi enfasizzat illi l-proċedimenti mressqa fi Spanja huma dejjem regolati mil-liġi proċedurali Spanjola, irrispettivament mil-liġi applikabbli għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ.

L-aħħar aġġornament: 05/04/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.

Divorzju - Franza

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Hemm erba' tipi ta' divorzju:

  • id-divorzju kunsenswali,
  • id-divorzju bl-aċċettazzjoni tal-prinċipju tat-tkissir taż-żwieġ jew "divorzju aċċettat",
  • divorzju minħabba t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ,
  • divorzju minħabba ħtija.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

  • Il-konjuġi jistgħu jitolbu divorzju kunsenswali meta jaqblu fuq il-prinċipju tat-tkissir u jaċċettaw il-konsegwenzi kollha tiegħu. F'dan il-każ, ma għandhomx għalfejn jikxfu r-raġunijiet għad-divorzju u jridu jissottomettu biss abbozz ta' ftehim dwar il-konsegwenzi tad-divorzju għall-approvazzjoni tal-imħallef. L-imħallef ma japprovax dan il-ftehim biss f'każijiet fejn ma jiġux imħarsa b'mod suffiċjenti l-interessi tat-tfal jew ta' wieħed mill-konjuġi.
  • Id-"divorzju aċċettat" jista' jintalab minn wieħed mil-konjuġi u aċċettat mill-ieħor jew mit-tnejn li huma. Għall-kuntrarju tad-divorzju kunsenswali, il-konjuġi jaċċettaw il-prinċipju tad-divorzju iżda jkunu għadhom ma kisbux ftehim dwar il-konsegwenzi tiegħu. Għalhekk huwa l-imħallef li jrid jiddeċiedi f'dan ir-rigward.
  • Id-divorzju minħabba t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ jista' jintalab minn wieħed mill-konjuġi sakemm il-koppja tkun ilha ma tgħix flimkien għal sentejn mid-data tal-preżentata tar-rikors għad-divorzju. Dan jippreżumi nuqqas ta' koabitazzjoni u xewqa biex jintemm iż-żwieġ.
  • Id-divorzju minħabba ħtija jista' jintalab minn wieħed mill-konjuġi għal atti ħtija tal-konjuġi l-ieħor fejn dawn l-atti jikkostitwixxu ksur serju jew ripetut tad-dmirijiet u obbligi matrimonjali li jrendu l-ħajja flimkien impossibbli.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

  • L-obbligi tal-fedeltà, il-koabitazzjoni u l-assistenza jiġu fi tmiemhom meta' tkun għaddiet res judicata d-deċiżjoni tal-qorti li tilqa' d-divorzju, jiġifieri ma jkunx hemm aktar il-possibiltà ta' appell.
  • Kull wieħed mill-konjuġi mbagħad huwa liberu li jerġa jiżżewweġ.
  • Wara d-divorzju, kull wieħed mill-konjuġi jitlef id-dritt li juża isem l-ieħor. Madankollu, konjuġi jista' jibqa' juża isem l-ieħor, jew bil-kunsens tiegħu jew bl-awtorizzazzjoni tal-imħallef jekk jista' jressaq argumenti għalfejn huwa partikolarment importanti għalih jew għat-tfal.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

  • Id-divorzju jwassal għat-tmiem tar-reġim tal-propjetà matrimonjali, u fejn xieraq, id-diviżjoni tal-assi.
  • Id-divorzju ma għandux impatt fuq il-benefiċċji matrimonjali li seħħew matul iż-żwieġ jew fuq assi li ngħataw b'rigal. Għal kuntrarju, id-divorzju jwassal għar-revoka awtomatika tal-benefiċċji matrimonjali li seħħew mat-tmiem tar-reħim tal-propjetà matrimonjali, mal-mewt ta' xi ħadd mill-konjuġi jew fuq trasferimenti causa mortis.
  • F'każ ta' divorzju kunsenswali, l-għoti tad-divorzju jiddependi fuq il-ftehim tal-konjuġi dwar il-likwidazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom. F'tipi oħra ta' divorzju, il-konjuġi jistgħu jaqblu dwar dan qabel ma jingħata d-divorzju iżda mhux dan mhux obbligatorju. F'dan il-każ, il-likwidazzjoni sseħħ aktar tard.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Id-divorzju ma għandux konsegwenzi partikolari fuq ir-regoli dwar l-eżerċizzju tal-patria potestà li, fil-prinċipju, għalhekk tibqa' f'idejn iż-żewġ ġenituri. Madankollu, l-imħallef jista' jiddeċiedi li jafda l-eżerċizzju tal-patria potestà lil ġenitur wieħed biss jekk dan ikun fl-interessi tat-tfal.

Il-ġenituri jridu jibqgħu jikkontribwixxu għall-manteniment u l-edukazzjoni tat-tfal. Dan il-kontribut jieħu l-forma ta' manteniment imħallas minn wieħed mill-ġenituri lill-ieħor iżda jistaż jieħu l-forma ta', kollhu kemm hu jew parzjalment, tal-ħlas dirett tal-ispejjeż tat-tfal. Jista' jieħu wkoll il-forma ta' dritt ta' użu u ta' abitazzjoni.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Ħu nota: Il-ħlas tal-manteniment minn wieħed mill-konjuġi lill-ieħor huwa miżura temporanja, jiġifieri l-manteniment jitħallas biss sakemm jingħata d-divorzju. Ladarba jkun ingħata d-divorzju, wieħed mill-konjuġi jista' jitlob biss għal ħlas ta' kumpens (‘prestation compensatoire’) jew għad-danni mill-parti l-oħra.

  • L-għan ta' dan il-ħlas huwa biex jagħmel tajjeb għall-inugwaljanza li joħloq it-tkissir taż-żwieġ fl-istandard ta' għajxien tal-konjuġi. L-ammont ta' ħlas jiġi stabbilit mill-imħallef skont l-introjtu u l-bżonnijiet ta' kull konjuġi. Min-natura tiegħu huwa somma ta' flus imħallsa, fil-prinċipju, f'forma ta' kapital:
    • jew permezz tal-ħlas ta' sommat ta' flus, bi ftehim dwar il-metodu għall-ħlas;
    • jew permezz tal-allokazzjoni tal-assi għas-sjieda jew għad-dritt tal-użu, l-abitazzjoni jew l-użufrutt, fuq bażi temporanja jew għal tul il-ħajja.

B'mod eċċezzjonali, l-għajnuna ta' kumpens tista' tieħu wkoll il-forma ta' vitalizju li jista', f'każ ta' tibdil fir-riżorsi jew fil-bżonnijiet tal-konjuġi, jiġi rivedut u mnaqqas.

  • Id-danni jistgħu jingħataw lil konjuġi jekk id-divorzju jkollhu konsegwenzi partikolarment serji għalih:
    • jekk huwa kien il-konvenut f'kawża ta' divorzju li ngħata minħabba t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ u ma kienx hu li ressaq ir-rikors għad-divorzju,
    • jew fejn id-divorzju jingħata kontra l-konjuġi l-ieħor għaliex il-ħtija tkun kollha tiegħu.

(Ara ‘Talbiet għall-manteniment - Franza’.)

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni legali hija arranġament legali li jtemm ċerti obbligi matrimonjali, bħal pereżempju l-obbligu tal-koabitazzjoni, iżda li ma jħollx iż-żwieġ innifsu. Iż-żwieġ għat-tieni darba għalhekk mhux possibbli u jibqa' d-dmir tal-għajnuna.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

  • Il-każijiet u l-proċedura huma l-istess bħal tad-divorzju.
  • Fil-prinċipju, il-konjuġi li kontrih infetħet kawża għas-separazzjoni jista' jippreżenta kontro talba għad-divorzju jew separazzjoni legali u, viċe versa, il-konjuġi li kontrih infetħet kawża għad-divorzju jista' jiftaħ kawża għad-divorzju jew separazzjoni legali.
  • Fil-każ ta' divorzju minħabba t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ, ma tistax issir kontro talba għas-separazzjoni legali, iżda biss għad-divorzju.
  • Meta' t-talba għad-divorzju u rikors għas-separazzjoni legali jsiru fl-istess ħin, l-imħallef l-ewwel jisma' t-talba għad-divorzju. Huwa biss jekk l-imħallef jiddeċiedi li ma' jilqax it-talba għad-divorzju illi mbagħad jgħaddi biex jeżamina r-rikors għas-separazzjoni legali. Meta' ż-żewġ talbiet jkunu bbażati fuq il-ħtija, l-imħallef jikkunsidrahom flimkien u, jekk jaċċettahom, jilqa' t-talba għad-divorzju fuq il-bażi ta' ħtija konġunta.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

L-effetti tas-separazzjoni legali.

  • Is-separazzjoni legali ġġib fi tmiemu l-obbligu tal-koabitazzjoni għalkemm jibqgħu fis-seħħ l-obbligi tal-għajnuna, il-fedeltà u l-assistenza. Barra minn hekk, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-imħallef, il-mara tista' tkompli tuża kunjom żewġha. L-obbligu tal-għajnuna jfisser illi wieħed mill-konjuġi jista' jkollu jħallas manteniment lill-ieħor jekk ikun fil-bżonn. L-ammont ta' dan il-manteniment huwa stabbilit irrispettivament mill-ħtija sakemm il-konjuġi li qed jirċievi l-ħlas ma jkunx naqas serjament milli jissodisfa l-obbligi tiegħu matul iż-żwieġ. Il-manteniment jista' jiġi mibdul minn somma ta' kapital jekk l-assi tal-konjuġi li jrid iħallas hekk jippermettu.
  • Fir-rigward tal-assi, il-konsegwenzi tas-sentenza huma l-ħall u l-likwidazzjoni tar-reġim tal-propjetà matrimonjali, bħal f'każ ta' divorzju. Il-konjuġi huma soġġetti għar-reġim tas-separazzjoni tal-beni.
  • F'każ ta' mewt ta' wieħed mill-konjuġi, id-drittijiet ta' suċċessjoni tal-ieħor jibqgħu l-istess u jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ġuridiċi stabbiliti għall-konjuġi superstiti. Madankollu, f'separazzjoni legali kunsenswali, il-konjuġi jistgħu jiddeċiedu li jinkludu rinunzja tad-drittijiet ta' suċċessjoni fil-ftehim.

Konverżjoni ta' separazzjoni legali f’divorzju

Fuq talba ta' wieħed mill-konjuġi, sentenza mogħtija f'separazzjoni legali tista' tiġi konvertita f'sentenza ta' divorzju jekk is-separazzjoni legali damet sentejn. F’dan il-każ, l-imħallef jilqa' t-talba  għad-divorzju u jiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tiegħu. I-raġunijiet għas-separazzjoni legali jsiru r-raġunijiet għad-divorzju. L-għoti tal-ħtija ma jistax jinbidel.

Kull kawża ta' separazzjoni legali tista' tinbidel f'kawża ta' divorzju kunsenswali, fuq talba taż-żewġ partijiet. Madankollu, fejn it-talba għas-separazzjoni legali bonarja tiġi milqugħa, tista' tiġi konvertita f'divorzju biss b'mod kunsenswali.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

L-annullament taż-żwieġ, li jippreżumi sentenza, jannulla b'md retroattiv l-effetti kollha taż-żwieġ, daqslikieku qatt ma eżista.

Dan huwa differenti minn divorzju jew separazzjoni legali, għaliex l-effetti tagħhom jinħassu biss fil-futur.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Ir-raġunijiet għall-annullament taż-żwieġ huma varji, skont jekk huwiex żwieġ annullabbli (fejn il-kunsens ikun vizzjat jew jiġi mqajjem in-nuqqas ta' awtorizzazzjoni tal-persuni li kellhom jawtorizzaw iż-żwieġ) jew żwieġ null (fejn ma jkunx ġie ssodisfat ir-rekwiżit tal-ordni pubbliku).

Żwieġ annullabbli

Hemm tliet każijiet possibbli:

  • kien hemm żball dwar il-persuna, jew dwar il-kwalitajiet essenzjali tagħha
  • il-koerċizzjoni
  • ma nkisbitx, mingħand il-persuni li mingħandhom hija neċessarja, l-awtorizzazzjoni għaż-żwieġ.

Ir-rikors għall-annullament jista' jsir biss minn ċerti persuni: il-konjuġi li l-kunsens tagħhom kien vizzjat jew li kien legalment inkapaċi meta' ġie ċċelebrat iż-żwieġ u l-persuni li suppost taw il-kunsens tagħhom għaż-żwieġ jew il-Prosekutur Pubbliku.

Rikors għall-annullament huwa ammissibbli biss jekk isir fi żmien ħames snin mid-data tat-tieġ jew mid-data li fiha l-konjuġi kiseb il-libertà sħiħa tiegħu jew kixef l-iżball.

Żwieġ null

In-nuqqas totali tal-kunsens, żwieġ ma' minuri, il-bigamija, l-inċest, in-nuqqas ta' wieħed mill-konjuġi dakinhar tat-tieġ, l-inkompetenza tar-reġistratur u żwieġ klandestin.

Ir-rikors jista' jsir minn kull persuna li għandha interess fit-teħid ta' azzjoni jew il-Prosekutur Pubbliku, fi żmien tletin sena.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

L-effettio huma identiċi f'każ ta' żwieġ annullabli jew null.

  • L-effetti personali u finanzjarji taż-żwieġ jiġu nulli, għaliex ir-rabta taż-żwieġ titqies li qatt ma eżistiet. Pereżempju, jekk imut wieħed mill-konjuġi, l-annullament taż-żwieġ jiċħad lill-konjuġi l-ieħor mid-drittijiet ta' suċċessjoni.

    Madankollu, dan il-prinċipju jista' jiġi mitigat jekk wieħed jew iż-żewġ konjuġi aġixxew in bona fide matul iż-żwieġ. F'dan il-każ, iż-żwieġ putattiv jibqa' null u bla effett iżda jiġi meqjus bħala maħlul. B'hekk, l-effetti ċivili, personali u finanzjarji qabel l-għoti tal-annullament jibqgħu fis-seħħ.
  • Fir-rigward tat-tfal, l-annullament taż-żwieġ tal-ġenituri tagħhom ma għandux effetti legali u s-sitwazzjoni tagħhom tiġi trattata bħal f'każijiet ta' divorzju.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Id-divorzju u l-konsegwenzi tiegħu jridu jiġu deċiżi permezz ta' deċiżjoni tal-qorti.

Madankollu, trid issir proċedura ta' konċiljazzjoni mill-imħallef matul il-proċedimenti tad-divorzju, sakemm mhux divorzju kunsenswali. L-imħallef jista' jipproponi l-medjazzjoni. Il-medjazzjoni tiġi fdata f'idejn persuna fiżika jew lill-assoċjazzjoni li hija responsabbli għas-smigħ tal-partijiet, li jqisu l-fehmiet tagħhom u jgħinuhom isibu soluzzjoni għat-tilwima tagħhom.

Wara l-medjazzjoni, l-partijiet li jkunu laħqu ftehim jistgħu jissottomettu l-ftehim tagħhom lill-imħallef għall-approvazzjoni.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Fejn nippreżenta r-rikors tiegħi

  • Ir-rikors għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali

Dawn ir-rikorsi jieħdu l-forma ta' talba ppreżentata minn avukat lir-reġistru tal-qorti reġjonali (‘Tribunal de grande instance’).

Il-qorti b'ġurisdizzjoni territorjali hija:

  • il-qorti tal-post ta' residenza tal-familja;
  • jekk il-konjuġi ma jgħixux flimkien u għandhom is-setgħa tal-ġenituri, il-qorti tal-post ta' residenza tal-konjuġi li miegħu jgħixu t-tfal minuri;
  • jekk il-konjuġi ma jgħixux flimkien u s-setgħa tal-ġenituri hija eżerċitata minn wieħed minnhom biss, il-qorti tal-post ta' residenza ta' dak il-ġenitur;
  • f'każijiet oħra, il-qorti tal-post ta' residenza tal-konjuġi li ma ppreżentax ir-rikors;
  • fil-każ ta' rikors konġunt, skont l-għażla tal-konjuġi, il-qorti tal-post ta' residenza ta' xi ħadd minnhom.
  • Rikors għall-annullament

It-talba għal annullament taż-żwieġ trid issir lill-qorti reġjonali tal-post ta' residenza tal-konvenut. It-talba ssir permezz ta' ċitazzjoni nnotifikata mill-bailiff.

Id-dokumenti li jridu jiġu fornuti

  • Ir-rikors għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali

Fil-kawżi kollha għad-divorzju, il-konjuġi jridu jipprovdu l-informazzjoni neċessarja kollha biex jidentifikaw ruħhom u l-fond tal-assigurazzjoni medika tagħhom, kif ukoll informazzjoni dwar is-servizzi u l-organizzazzjonijiet li jipprovdulhom b'pagamenti, pensjonijiet u benefiċċji oħra.

Fejn issir talba għall-għajnuna kumpensatorja lill-imħallef, il-konjuġi jridu jipprovdu dikjarazzjoni li tiċċertifika b'ġurament il-korrettezza tal-introjtu, riżorsi, assi u kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom.

F'każ ta' divorzju kunsenswali, it-talba mhemmx għalfejn tindika r-raġunijiet għad-divorzju iżda trid tinkludi ftehim anness, iddatat u ffirmat mill-konjuġi u mill-avukati tagħhom, fejn jifthemu dwar l-effetti kollha tad-divorzju u li jinkludi, fejn xieraq, dikjarazzjoni dwar il-likwidazzjoni tar-reġim tal-propjetà matrimonjali (‘état liquidatif du régime matrimonial’).

F'każijiet oħra, ir-rikors ma għandux għalfejn isemmi l-bażi ġuridika jew ir-raġunijiet għad-divorzju iżda jrid jinkludi, fejn xieraq, it-talbiet għall-miżuri provviżorji.

  • Rikors għall-annullament

Mhuma meħtieġa l-ebda dokumenti partikolari.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

L-għajnuna legali, kemm jekk sħiħa jew parzjali, tista' tinkiseb skont il-mezzi finanzjarji tal-persuna konċernata (Ara "Għajnuna Legali - Franza").

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Dawn id-deċiżjonijiet huma soġġetti għall-proċeduri normali ta' appell.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Id-deċiżjonijiet mogħtija matul proċedimenti ta' divorzju jiġu rikonoxxuti awtomatikament mingħajr il-bżonn ta' xi proċedura partikolari.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Għal appell kontra r-rikonoxximent ta' dawn id-deċiżjonijiet, trid tiġi preżentata kawża sabiex is-sentenza tiġi ddikjarata mhux eżegwibbli (‘action en inopposabilité’) permezz tal-qorti reġjonali. Deċiżjoni ta' non eżegwibilità tipprovdi l-bażi sabiex tiġi opposta kull talba ulterjuri għall-exequatur mill-parti l-oħra (pereżempju talba sabiex id-deċiżjoni ta' Stat ieħor tiġi ddikjarata eżegwibbli fi Franza). Inkella, iċ-ċaħda hija ekwivalenti għall-exequatur.

Il-proċedura hija l-istess bħal dik għal kawża ta' exequatur.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta' Diċembru 2010  li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali, il-konjuġi jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali tagħhom.

Fin-nuqqas ta' għażla, id-divorzju jew is-separazzjoni legali huma soġġetti għal-liġi tal-Istat:

  • fejn il-konjuġi jkunu residenti abitwali fiż-żmien li jinġieb il-każ quddiem il-Qorti; jew fin-nuqqas ta' dan,
  • fejn il-konjuġi kienu residenti abitwali l-aħħar, sakemm il-perijodu ta’ residenza ma ntemmx aktar minn sena qabel li nġieb il-każ quddiem il-Qorti, sa fejn wieħed mill-konjuġi jkun għadu jirrisjedi f’dak l-Istat fiż-żmien meta jinġieb il- każ quddiem il-qorti; jew fin-nuqqas ta' dan,
  • li tiegħu ż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini fiż-żmien li jinġieb il-każ quddiem il-Qorti; jew fin-nuqqas ta' dan,
  • fejn jinġieb il-każ quddiem il-Qorti.

Madankollu, jekk ir-rikors jikkonċerna l-konverżjoni tas-separazzjoni legali f’divorzju, il-liġi applikabbli għad-divorzju għandha tkun il-liġi applikata għas-separazzjoni legali, sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIs-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIs-sit web Legifrance

L-aħħar aġġornament: 30/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Divorzju - il-Kroazja

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-prekundizzjoni sabiex tinkiseb deċiżjoni tal-qorti dwar divorzju hija l-bidu tal-proċeduri tal-qorti xierqa għad-divorzju (ċivili jew mhux kontenzjuż) mill-persuna/i awtorizzata/i (locus standi), skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50, tal-Artikolu 369 u tal-Artikolu 453 tal-Att dwar il-Proċedimenti tal-Familja (Obiteljski zakon) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nru 103/15, minn hawn ’il quddiem: ObZ 2015). Jekk il-konjuġi jkollhom wild minuri komuni, it-talba għal divorzju kunsenswali trid tkun akkumpanjata mid-dokumenti mehmuża xierqa (rapport dwar il-konsultazzjoni obbligatorja u pjan għal kontroll konġunt tal-ġenituri - l-Artikolu 55 flimkien mal-Artikolu 456 ObZ 2015). Japplikaw regolamenti simili meta l-konjuġi jkollhom wild minuri komuni u parti waħda biss mill-konjuġi tibgħat talba għal divorzju (rapport dwar il-konsultazzjoni obbligatorja u prova tal-parteċipazzjoni fl-ewwel laqgħa ta’ medjazzjoni tal-familja - l-Artikolu 57 flimkien mal-Artikolu 379 ObZ 2015).

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Il-prekundizzjonijiet għad-divorzju huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 tal-ObZ 2015. Skont id-dispożizzjonijiet legali msemmija qabel, il-qorti xxolji żwieġ: 1. jekk ikun hemm ftehim bejn il-konjuġi rigward id-divorzju, 2. jekk ikun ġie stabbilit li r-relazzjoni matrimonjali li bejn il-konjuġi tkissret b’mod sever u permanenti, jew 3. jekk tkun għaddiet sena mit-“terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali”.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Konsegwenza legali ta’ terminazzjoni taż-żwieġ hija l-waqfien tad-drittijiet u d-dmirijiet individwali tal-konjuġi (l-Artikoli 30-33 tal-Obz 2015). L-Att dwar il-Proċedimenti tal-Familja jistabbilixxi espressament li fil-każ ta’ terminazzjoni taż-żwieġ (permezz ta’ annullament jew divorzju), kull parti mill-ex-konjuġi tista’ żżomm il-kunjom li kellha fil-mument li kien itterminat iż-żwieġ (l-Artikolu 48 tal-Obz 2015).

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Qabel ix-xoljiment ta’ proprjetà matrimonjali (bi qbil jew permezz ta’ terminazzjoni ġudizzjarja - fi proċedimenti mhux kontenzjużi), l-aktar kwistjoni komuni hija dik li tiddistingwi d-drittijiet u l-oġġetti li huma parti mill-proprjetà matrimonjali mid-drittijiet u l-oġġetti li huma l-assi individwali ta’ parti waħda mill-konjuġi jew tal-oħra (li tiddistingwi t-tliet settijiet ta’ assi). Dawn il-kwistjonijiet jiġu riżolti billi jinbdew proċeduri ċivili abbażi tad-dispożizzjonijiet xierqa tal-ObZ (l-Artikoli 34-39 u l-Artikoli 43-46 tal-ObZ 2015), jekk il-konjuġi ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar id-diviżjoni tar-relazzjonijiet ta’ proprjetà reċiproka (kuntratt taż-żwieġ - l-Artikoli 40-42 tal-ObZ 2015), bl-applikazzjoni alternattiva tal-Att dwar is-Sjieda u Drittijiet Reali Oħrajn, l-Att dwar l-Obbligi Ċivili, l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Artijiet, l-Att dwar il-Kumpaniji, l-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Att dwar il-Proċedura Ċivili (l-Artikoli 38, 45 u 346 tal-ObZ 2015).

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Il-konsegwenzi legali tat-terminazzjoni ta’ żwieġ li japplikaw għal tfal minuri jinkludu bosta kwistjonijiet importanti: ma’ liema ġenitur se jgħix il-wild wara t-terminazzjoni taż-żwieġ, li jiġu stabbiliti l-arranġamenti mal-ġenitur l-ieħor, il-manteniment tal-wild, kif se jiġu organizzati l-oqsma li jifdal tal-kustodja tal-ġenituri (ir-rappreżentanza tal-wild, it-twettiq ta’ atti legali, il-ġestjoni u d-disponiment tal-assi tal-wild, l-edukazzjoni u s-saħħa tal-wild, eċċ.). Il-konjuġi jistgħu jaslu għal ftehim rigward dawn il-konsegwenzi legali tad-divorzju (ftehim dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri) u b’hekk jagħżlu proċediment ta’ divorzju mhux ġudizzjarju li jkun aktar sempliċi u aktar mgħaġġel. (l-Artikoli 52, 54-55, 106, 453-460 tal-ObZ 2015). Jekk il-konjuġi ma jipproduċu ebda ftehim dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri li jkun jinkludi ftehim dwar il-konsegwenzi legali rilevanti tad-divorzju, id-deċiżjoni dwar dawn il-kwistjonijiet tinħareġ awtomatikament mill-qorti fi proċediment ġudizzjarju mibdi permezz ta’ kawża ta’ divorzju (l-Artikoli 53-54, 56-57 u 413 tal-ObZ 2015). Madankollu, teżisti l-possibbiltà li l-ġenituri jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-konsegwenzi legali tad-divorzju matul il-proċedimenti ġudizzjarji tad-divorzju. F’dan il-każ, il-qorti tasal għad-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi tal-ftehim tal-ġenituri jekk hija tħoss li dan il-ftehim ikun fl-aħjar interess tat-tfal (l-Artikolu 104/3 flimkien mal-Artikolu 420 tal-ObZ 2015).

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

L-Att dwar il-Proċedimenti tal-Familja jipprevedi l-possibbiltà li konjuġi jitlob manteniment qabel jiġi konkluż il-proċess tad-divorzju. Jekk ma tkun ġiet ippreżentata ebda talba għal manteniment matul il-proċess tad-divorzju, ex-konjuġi jista’ jiftaħ kawża sabiex jitlob għal manteniment fi żmien sitt xhur mit-terminazzjoni finali taż-żwieġ, jekk il-kundizzjonijiet għall-manteniment kienu jeżistu fil-ħin tal-konklużjoni tal-proċess tad-divorzju u komplew jeżistu b’mod kontinwu sakemm ġie konkluż il-proċess tal-manteniment (l-Artikoli 295-301, 423-432 tal-ObZ 2015). Il-kundizzjonijiet legali għall-manteniment huma li r-rikorrent ma għandux mezzi suffiċjenti sabiex isostni lilu nnifsu jew ma jkunx jista’ jasal għal dan mill-assi tiegħu, u ma jkunx jista’ jaħdem jew isib impjieg, diment li l-konjuġi li jħallas il-manteniment ikollu mezzi u kapaċitajiet suffiċjenti sabiex jissodisfa dan l-impenn (l-Artikolu 295 tal-ObZ 2015). Il-manteniment jiġi ddeterminat għal perjodu ta’ żmien fiss. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 298 tal-ObZ 2015 jiddikjaraw li l-manteniment ta’ konjuġi jista’ jkompli jingħata sa sena, skont it-tul taż-żwieġ u l-possibbiltà tar-rikorrent li jikseb għajxien adegwat fil-futur prevedibbli b’mod ieħor. L-ObZ 2015 jipprevedi wkoll il-modalitajiet tal-ħlas tal-manteniment. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 296 tal-ObZ 2015, il-manteniment huwa ddeterminat bħala somma regolari ta’ kull xahar li titħallas bil-quddiem. Madankollu, huwa possibbli li l-qorti, fuq talba ta’ parti waħda mill-konjuġi jew tat-tnejn li huma, tordna l-ħlas bħala somma ta’ darba, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 302 tal-ObZ 2015, il-konjuġi jistgħu jikkonkludu ftehim għal manteniment fil-każ ta’ divorzju (l-Artikoli 302 u 470-473 tal-ObZ 2015).

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Ma jeżisti ebda terminu ekwivalenti għal “separazzjoni legali” fil-liġi tal-familja Kroata. Terminu korrispondenti għal “separazzjoni legali” li jinstab fil-leġiżlazzjoni attwali jkun “terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali” (prestanak bračne zajednice). It-“terminazzjoni ta’ unjoni matrimonjali” sseħħ jekk il-konjuġi jitterminaw ir-relazzjonijiet reċiproċi kollha li normalment jeżistu f’koabitazzjoni, jiġifieri jekk ma jkunx għad għandhom ix-xewqa li jgħixu flimkien bħala konjuġi u li jaqsmu u jirrealizzaw il-kontenut speċifiku tal-ħajja konjugali. It-terminazzjoni ta’ unjoni matrimonjali għandha tifsira fil-qasam tal-liġi matrimonjali minħabba li, f’konformità mal-Artikolu 51 tal-ObZ 2015, waħda mill-bażijiet legali tat-terminazzjoni taż-żwieġ hija li tkun għaddiet sena mit-terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali. It-terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali għandha wkoll tifsira speċifika meta jiġu ddeterminati r-relazzjonijiet tal-proprjetà bejn il-konjuġi minħabba li, skont l-Artikolu 36 tal-ObZ 2015, il-proprjetà li l-konjuġi jkunu akkwistaw permezz tal-ħidma tagħhom matul l-unjoni matrimonjali (kuntrarju għal matul iż-żwieġ), jew li toriġina minn din il-proprjetà, titqies bħala proprjetà matrimonjali.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Ma jeżisti ebda terminu ekwivalenti għal “separazzjoni legali” fil-liġi tal-familja Kroata. Terminu korrispondenti għal “separazzjoni legali” li jinstab fil-leġiżlazzjoni attwali jkun “terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali” (prestanak bračne zajednice). L-Att dwar il-Proċedimenti tal-Familja ma jipprovdix kundizzjonijiet għat-“terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali” minħabba li l-unjoni matrimonjali hija standard legali u tirrappreżenta l-kontenut tal-ħajja konjugali. It-terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali tirriżulta jekk il-konjuġi jitterminaw ir-relazzjonijiet reċiproċi kollha li altrimenti jinkludu l-ħajja konjugali, jiġifieri, jekk ma għadx għandhom ix-xewqa li jgħixu bħala koppja miżżewġa u li jirrealizzaw il-kontenut speċifiku ta’ tali relazzjoni (eż. jieqfu jikkomunikaw, eċċ.). It-terminazzjoni ta’ unjoni matrimonjali tintwera fil-prattika bl-aktar mod komuni meta parti waħda mill-konjuġi tħalli d-dar komuni u titlaq lill-parti l-oħra.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Ma jeżisti ebda terminu ekwivalenti għal “separazzjoni legali” fil-liġi tal-familja Kroata. Terminu korrispondenti għal “separazzjoni legali” li jinstab fil-leġiżlazzjoni attwali jkun “terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali” (prestanak bračne zajednice). “Terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali” għandha tifsira fil-qasam tal-liġi matrimonjali minħabba li, skont l-Artikolu 51 tal-ObZ 2015, waħda mill-bażijiet legali tat-terminazzjoni taż-żwieġ hija li jkunu għaddew aktar minn sena mit-“terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali”. “Terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali” għandha wkoll tifsira speċifika meta jiġu definiti r-relazzjonijiet tal-proprjetà bejn il-konjuġi minħabba li, skont l-Artikolu 36 tal-ObZ 2015, il-proprjetà li l-konjuġi jkunu akkwistaw permezz tal-ħidma tagħhom matul l-unjoni matrimonjali (kuntrarju għal matul iż-żwieġ), jew li toriġina minn din il-proprjetà, titqies bħala proprjetà matrimonjali. Il-loġika li hija l-bażi ta' din il-leġiżlazzjoni hija li t-tul tal-unjoni matrimonjali ma għandhiex bżonn tikkoinċidi eżattament mat-tul taż-żwieġ, speċjalment meta ż-żwieġ jintemm f’divorzju. Bħala regola, it-terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali sseħħ qabel ma jinbdew il-proċedimenti tad-divorzju. Għalhekk, il-proċedimenti tad-divorzju jistgħu jkunu għadhom għaddejjin wara t-“terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali” u ġeneralment fil-fatt hekk ikun (speċjalment jekk jiġu applikati rimedji legali fil-proċedimenti).

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

“Annullament taż-żwieġ” (poništaj braka) huwa waħda mill-bażijiet għat-terminazzjoni taż-żwieġ (l-Artikoli 47 tal-ObZ 2015) u jikkostitwixxi waħda mit-tliet tilwimiet matrimonjali rregolati mis-sistema legali Kroata (l-Artikolu 369 tal-Obz 2015). “Annullament taż-żwieġ” jirrappreżenta sanzjoni tal-liġi tal-familja fuq żwieġ li sar kontra d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-validità taż-żwieġ (l-Artikolu 25-29 tal-ObZ 2015) u tiġi effettwata fi proċedimenti ġudizzjarji istitwiti minn azzjoni (l-Artikolu 369 tal-ObZ 2015). Id-dispożizzjonijiet dwar l-“annullament taż-żwieġ” japplikaw jekk żwieġ ma jkunx validu (l-Artikoli 29, 49, 369-378 tal-ObZ 2015).

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Żwieġ li jkun sar kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 25 sa 28 tal-ObZ 2015 (żwieġ bejn persuni taħt l-età, persuni li ma kellhomx il-kapaċità li jagħmlu distinzjoni bejn it-tajjeb u l-ħażin, persuni mċaħħdin mill-kapaċità legali li jagħmlu dikjarazzjonijiet rigward is-sitwazzjoni personali tagħhom, persuni li huma qraba mid-demm, persuni li kienu ġew adottati jew jekk l-għarus jew l-għarusa kellhom żwieġ eżistenti jew sħubija stabbli qabel) huwa invalidu u għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar l-“annullament taż-żwieġ” (l-Artikolu 29 tal-ObZ 2015).

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Il-konsegwenzi legali tal-“annullament taż-żwieġ” huma rregolati bl-istess mod bħal fit-terminazzjoni taż-żwieġ permezz ta’ divorzju (ara r-risposta għall-mistoqsija nru. 3).

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Fis-sistema legali Kroata, id-divorzju huwa rregolat bħala proċediment ġudizzjarju, u ma teżisti ebda possibbiltà ta’ proċedimenti mhux ġudizzjarji tad-divorzju. Madankollu, wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-familja, li hija partikolarment importanti fil-proċedimenti tad-divorzju, huwa l-prinċipju tar-riżoluzzjoni tar-relazzjonijiet familjari b’mod kunsenswali, li jinkoraġġixxi r-riżoluzzjoni kunsenswali tar-relazzjonijiet familjari u jenfasizza li dan huwa l-kompitu tal-korpi kollha li jipprovdu għajnuna professjonali lill-familja jew li jiddeċiedu dwar ir-relazzjonijiet familjari (l-Artikolu 9 tal-ObZ 2015). Għalhekk, il-liġi tal-familja tipprevedi żewġ tipi ta’ proċedimenti mhux ġudizzjarji, li l-għan tagħhom jinkludi r-riżoluzzjoni kunsenswali ta’ kwistjonijiet relatati mad-divorzju: counselling mandatorju (l-Artikolu 321-330 tal-ObZ 2015) u medjazzjoni tal-familja (l-Artikoli 331-344 tal-ObZ 2015). Il-counselling mandatorju jsir minn tim ta’ esperti mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali u jikkostitwixxi forma ta’ appoġġ għall-membri tal-familja (eż. konjuġi li għandhom il-ħsieb li jibdew proċedimenti ta’ divorzju u li għandhom wild minuri komuni) sabiex jaslu għal deċiżjonijiet kunsenswali dwar ir-relazzjonijiet familjari, billi tingħata attenzjoni partikolari għall-ħarsien tar-relazzjonijiet familjari li jinvolvu kwalunkwe wild (eż. billi jitfassal pjan dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri, li għandu jistipula fid-dettall: il-post u l-indirizz tar-residenza tal-wild, il-ħin li l-wild se jqatta’ ma’ kull wieħed mill-ġenituri, kif se tiġi kondiviża l-informazzjoni rigward il-kunsens għal deċiżjonijiet importanti, kif se tiġi kondiviża l-informazzjoni importanti dwar il-wild, l-ammont ta’ manteniment bħala obbligu tal-ġenitur li miegħu ma jkunx jirrisjedi l-wild, kif ukoll kif se jiġu riżolti l-kwistjonijiet futuri) u dwar il-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta’ lħuq ta’ ftehim u l-bidu ta’ proċeduri tal-qorti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar id-drittijiet personali tal-wild. Il-medjazzjoni tal-familja hija proċess li fih il-partijiet jipprovaw isolvu t-tilwimiet familjari b’mod kunsenswali bl-għajnuna ta’ medjatur tal-familja wieħed jew aktar. L-iskop prinċipali tal-proċess huwa li jistabbilixxi pjan dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri u ftehimiet oħrajn konnessi mal-wild, kif ukoll mal-kwistjonijiet l-oħrajn kollha ta’ natura materjali u mhux materjali.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Il-konjuġi mingħajr wild minuri komuni jistgħu jibdew kawża ġudizzjarja billi parti waħda mill-konjuġi tressaq rikors għad-divorzju, jew iż-żewġ konjuġi jressqu rikors għal divorzju kunsenswali (l-Artikolu 50 tal-ObZ 2015). F’dawn iż-żewġ każijiet, il-proċediment mhux ġudizzjarju tal-counselling mandatorju (forma ta’ għajnuna esperta lill-membri tal-familja sabiex jaslu għal deċiżjonijiet kunsenswali dwar ir-relazzjonijiet familjari, imwettqa minn tim ta’ esperti mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali) ma jiġix implimentat (l-Artikoli 321-322 tal-ObZ 2015) u l-konjuġi jidħlu fi proċeduri tal-qorti (ġudizzjarji jew mhux ġudizzjarji) tad-divorzju immedjatament, li jista’ jsir b’mod relattivament faċli u malajr. Dan kollu li ntqal hawn fuq japplika, kif xieraq, għall-proċeduri tal-qorti dwar l-annullament taż-żwieġ meta l-konjuġi ma jkollhomx wild minuri komuni.

Il-konjuġi b’wild minuri komuni jistgħu jistitwixxu proċeduri tal-qorti billi parti waħda mill-konjuġi tiftaħ kawża jew billi ż-żewġ konjuġi jressqu rikors għal divorzju kunsenswali (l-Artikolu 50 tal-ObZ 2015). Madankollu, qabel jistitwixxu proċedimenti ta’ divorzju (permezz ta’ kawża jew billi jressqu rikors għal divorzju kunsenswali) meta jkun hemm wild minuri komuni, il-konjuġi huma obbligati li jieħdu sehem fil-proċediment ekstraġudizzjarju ta’ counselling mandatorju (forma ta’ għajnuna esperta lill-membri tal-familja sabiex jaslu għal deċiżjonijiet kunsenswali dwar ir-relazzjonijiet familjari, imwettqa minn tim ta’ esperti mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali) (l-Artikoli 321-322 tal-ObZ 2015). L-iskop ta’ proċeduri bħal dawn huwa li l-konjuġi jiġu pprovduti b’għajnuna professjonali, li tinkludi l-produzzjoni ta’ ftehim dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri - ftehim dwar il-konsegwenzi legali tad-divorzju, li għandu jistipula fid-dettall: il-post u l-indirizz tar-residenza tal-wild, il-ħin li l-wild se jqatta’ ma’ kull wieħed mill-ġenituri, kif se tiġi kondiviża l-informazzjoni rigward il-kunsens għal deċiżjonijiet importanti, kif se tiġi kondiviża l-informazzjoni importanti dwar il-wild, l-ammont ta’ manteniment bħala obbligu tal-ġenitur li miegħu ma jkunx jirrisjedi l-wild, kif ukoll kif se jiġu riżolti l-kwistjonijiet futuri). Il-ġenituri jistgħu jipproduċu l-ftehim dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri matul il-proċess tal-counselling mandatorju, madankollu, huma jistgħu jipproduċuh ukoll b’mod indipendenti jew matul il-proċedura tal-medjazzjoni tal-familja (proċess mhux ġudizzjarju li fih il-partijiet jipprovaw isolvu t-tilwimiet mir-relazzjonijiet familjari b’mod kunsenswali bl-għajnuna ta’ medjatur tal-familja wieħed jew aktar - l-Artikolu 331 tal-ObZ 2015). Billi jipproduċu ftehim dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri, il-konjuġi jistgħu jibdew proċediment ekstraġudizzjarju aktar sempliċi u mgħaġġel tad-divorzju, li jitnieda bil-preżentata ta' rikors (l-Artikoli 52, 54-55, 106, 453-460 tal-ObZ 2015). Il-konjuġi b’wild minuri komuni huma obbligati li jippreżentaw rapport dwar il-counselling mandatorju msemmi fl-Artikolu 324 tal-ObZ 2015 mar-rikors tagħhom għal divorzju kunsenswali, kif ukoll ftehim dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri, kif imsemmi fl-Artikolu 106 tal-ObZ 2015 (l-Artikolu 456 tal-ObZ 2015).

Jekk il-konjuġi ma jipproduċu ebda ftehim dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri li jkun jinkludi ftehim dwar il-konsegwenzi legali tad-divorzju msemmija hawn fuq, id-deċiżjoni dwar dawn il-kwistjonijiet tinħareġ mill-qorti ex officio fi proċediment ġudizzjarju mibdi permezz ta’ kawża ta’ divorzju (l-Artikoli 53-54, 56-57 u 413 tal-ObZ 2015). Jekk il-konjuġi jkollhom wild minuri komuni, huma obbligati li jehmżu rapport dwar il-counselling mandatorju mill-Artikolu 324 tal-ObZ 2015 mal-kawża tad-divorzju tagħhom, kif ukoll prova tal-parteċipazzjoni fl-ewwel laqgħa ta’ medjazzjoni tal-familja (l-Artikolu 379 tal-ObZ 2015).

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Fil-Kroazja, l-għajnuna legali u l-possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-ħlas għall-proċeduri tal-qorti u eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti huma rregolati mill-Att dwar l-Għajnuna Legali Mingħajr Ħlas (Zakon o besplatnoj pravnoj pomoći) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nru 143/2013 - minn hawn ’il quddiem ZBPP). Il-persuni jistgħu jikkwalifikaw għal għajnuna legali primarja fil-proċedimenti kollha, inklużi tilwimiet matrimonjali u proċedimenti oħrajn relatati mal-liġi tal-familja, diment li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali (l-Artikoli 9-11 taz-ZBPP). Il-persuni jistgħu jikkwalifikaw għal għajnuna legali sekondarja fil-proċedimenti relatati mal-liġi tal-familja u fi proċedimenti oħrajn stipulati fil-liġi, diment li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali (l-Artikoli 12-25 taz-ZBPP). Il-kwistjoni tal-kisba tad-deċiżjoni li tagħti eżenzjoni mill-ħlas tal-proċeduri tal-qorti għal proċedimenti speċifiċi, inklużi proċedimenti relatati mal-liġi tal-familja, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(3) taz-ZBPP. Il-kwistjoni tal-kisba tad-deċiżjoni li tagħti eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti għall-proċedimenti kollha, inklużi proċedimenti relatati mal-liġi tal-familja, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(4) taz-ZBPP. Għandha ssir enfasi partikolari fuq id-dispożizzjonijiet: a) li jirregolaw l-għoti ta’ għajnuna legali sekondarja mingħajr ma tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna inkwistjoni (l-Artikolu 15 taz-ZBPP), b) li jirregolaw il-proċess għall-kisba ta’ għajnuna legali sekondarja (l-Artikoli 16-18 taz-ZBPP), ċ) li jirregolaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-għoti ta’ għajnuna legali sekondarja (l-Artikolu 19 taz-ZBPP), d) li jirregolaw il-kwistjonijiet proċedurali u kwistjonijiet oħrajn li huma importanti sabiex tinkiseb għajnuna legali mingħajr ħlas (l-Artikoli 20-25 taz-ZBPP). Fl-istess ħin, tinġibed l-attenzjoni għall-Artikolu 6 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (Zakon o sudskim pristojbama) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 74/95, 57/96, 137/02, (26/03), 125/11, 112/12, 157/13, 110/15), fir-rigward tal-partijiet li huma dejjem eżentati mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Huwa possibbli li sentenza relatata ma’ divorzju jew annullament taż-żwieġ tiġi appellata. Iż-żewġ partijiet għandhom dan id-dritt matul il-proċedimenti. L-Att dwar il-Proċedimenti tal-Familja ma jirregolax espressament l-appell f’tilwimiet matrimonjali, iżda d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 346 jistipulaw l-applikazzjoni alternattiva tad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 53/91, 91/92, 58/93, 112/99, 88/01, 117/03, 88/05, 02/07, 84/08, 123/08, 57/11, 148/11, 25/13 u 89/14 - minn hawn ’il quddiem: ZPP).

Fl-Artikolu 348, iz-ZPP jirregola l-appelli kontra verdett, filwaqt li l-Artikolu 378 jirregola l-appelli kontra deċiżjoni. Fir-rigward tar-rimedji legali, l-ObZ 2015 jistipula li reviżjoni mhijiex permessibbli (l-Artikolu 373 tal-ObZ 2015) kontra verdetti tat-tieni istanza mogħtija f’tilwima matrimonjali.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (ir-Regolament Brussell IIa), sentenza mogħtija fi Stat Membru tiġi rikonoxxuta fl-Istat Membru l-ieħor mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura speċjali (l-Artikolu 21(1)), madankollu, skont l-Artikolu 21(3), kwalunkwe parti interessata tista’ tippreżenta rikors għal deċiżjoni li s-sentenza tkun jew ma tkunx rikonoxxuta. F’dak il-każ, ir-rikorsi għal rikonoxximent jew nuqqas ta’ rikonoxximent huma soġġetti għall-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti rilevanti mil-lista nnotifikata minn kull Stat Membru lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 68 fil-formola prevista mill-Artikolu 37 tar-Regolament Brussell IIa. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(3) tar-Regolament Brussell IIa, ma hija meħtieġa ebda proċedura speċjali sabiex jiġu aġġornati r-reġistri tal-istat ċivili ta’ Stat Membru abbażi ta’ sentenza relatata ma’ divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor, u li kontra tagħha ma hemm ebda appell ulterjuri li jaqa’ taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Ir-rikorsi għal rikonoxximent jew nuqqas ta’ rikonoxximent (l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Brussell IIa) huma soġġetti għall-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti rilevanti mil-lista, kif iddikjarat fir-risposta għall-mistoqsija Nru 14. F’dan il-każ, tiġi applikata l-proċedura skont it-taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament Brussell IIa.

Ir-rimedju legali, jiġifieri appell skont l-Artikolu 33 tar-Regolament Brussell IIa, jiġi ppreżentat lill-qrati (tal-kontea) tat-tieni istanza permezz tal-qorti tal-prim’istanza li tkun tat id-deċiżjoni (il-qorti tal-ġuriżdizzjoni lokali mil-lista msemmija hawn fuq).

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-liġi applikabbli għal divorzju hija dik tal-pajjiż li l-konjuġi jkunu ċittadini tiegħu fil-ħin li tinfetaħ il-kawża.

Jekk fil-ħin li tinfetaħ il-kawża, il-konjuġi jkunu ċittadini ta’ pajjiżi differenti, jiġu applikati l-liġijiet kumulattivi tal-pajjiżi li jkunu ċittadini tagħhom, skont l-Artikolu 35(2) tal-Att dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitti tal-Liġi mar-Regolamenti ta’ Pajjiżi Oħrajn f’Ċerti Relazzjonijiet (Zakon o rješavanju sukoba zakona s propisima drugih zemalja u određenim odnosima) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 53/91, 88/01). Jekk żwieġ ma jkunx jista’ jiġi tterminat skont il-liġi tal-pajjiżi li l-konjuġi jkunu ċittadini tagħhom, tiġi applikata l-liġi Kroata għat-terminazzjoni taż-żwieġ, jekk parti waħda mill-konjuġi kienet qed tirrisjedi b’mod permanenti fil-Kroazja fil-ħin li tinfetaħ il-kawża.

Jekk wieħed mill-konjuġi jkun ċittadin Kroat mingħajr residenza permanenti fil-Kroazja u ż-żwieġ ma jkunx jista’ jiġi tterminat skont il-liġi speċifikata fl-Artikolu 35(2) tal-Att dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitti tal-Liġi mar-Regolamenti ta’ Pajjiżi Oħrajn f’Ċerti Relazzjonijiet, mela tiġi applikata l-liġi Kroata.

L-aħħar aġġornament: 23/08/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.

Divorzju - Italja

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-liġi tistabbilixxi r-rekwiżiti ġuridiċi għad-divorzju  (ara t-Taqsima 2). Il-qorti trid  taċċerta ruħha li ġew issodisfati r-rekwiżiti kollha għas-sentenza ta' divorzju.

Din il-verifika trid issir anki f'każ ta' rikors kunġunt ta' divorzju; il-ftehim tal-partijiet mhux fih innifsu raġuni għad-divorzju (għalhekk ma hemmx divorzju proprjament konġunt), iżda għall-finijiet ta' sentenza favorevoli trid issir verifika ġudizzjarja tal-fatti li fuqhom hija bbażata t-talba tal-partijiet.

Jekk iż-żwieġ ġie ċċelebrat skont ir-rekwiżiti tal-Kodiċi Ċivili, id-divorzju jħollu, u jekk iż-żwieġ sar bil-Knisja u ġie rreġistrat fir-reġistru pubbliku tat-twelid, taż-żwieġ u l-mewt, id-divorzju jġib fi tmiemhom l-effetti ċivili. Il-prosekutur pubbliku jieħu sehem f'dawn il-proċedimenti.

Sorsi: l-Att Nru 898 tal-1 ta' Diċembru 1970, kif emendat mill-Att Nru 436 tal-1 ta' Awwissu 1978 u mill-Att Nru 74 tas-6 ta' Marzu 1987.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Kull wieħed mill-konjuġi jista' jitlob għad-divorzju:

1) meta l-konjuġi l-ieħor, wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, jiġi kkundannat, b'sentenza li għaliha ma jkunx sar appell, minħabba reati - anki qabel iż-żwieġ – partikolarment serji, jiġifieri:

għal piena ta' għomor il-ħabs jew għal piena ta' ħabs għal aktar minn 15-il sena, li tista' tkun is-somma ta' bosta sentenzi f'daqqa, għal reati volontarji, bl-eċċezzjoni ta' reati politiċi jew reati li jkunu saru minħabba raġunijiet ta' valur morali u soċjali speċjali;

minħabba kull piena ta' ħabs għal reati ta' inċest (l-Artikolu 564 tal-Kodiċi Kriminali) u għal reati ta' abbuż sesswali msemmija fl-Artikoli 609 bis (abbuż sesswali), 609(c), 609(d), 609(g) (miżjuda mill-Att Nru 66 tal-1996);

minħabba kundanna ta' ħabs għall-qtil tat-tfal jew għall-attentat qtil tal-konjuġi jew tat-tfal;

minħabba sentenza ta' piena ta' priġunerija, b'żewġ kundanni jew aktar, għal reat ta' offiża gravi fuq il-persuna, ta' ksur tal-obbligu ta' manteniment tal-familja, maltrattament fil-familja jew tal-minuri, jew influwenza żejda fuq persuni b'mard mentali, ħsara lill-konjuġi jew lit-tfal, ħlief fejn ir-rikorrent ġie kkundannat ukoll bħala kompliċi għar-reat jew fejn il-koppja reġgħet stabbilixxiet il-koabitazzjoni;

2) f’każijiet fejn:

il-konjuġi l-ieħor ġie liberat mill-akkuża ta' reati ta' inċest jew abbuż sesswali msemmija fil-punt 1(b) u (c), jekk il-qorti hija tal-fehma li l-konvenut mhux f'pożizzjoni li jkompli jew imur lura jgħix mal-familja tiegħu;

il-koppja sseparat legalment jew bil-kunsens tat-tnejn li huma jew b'talba ta' waħda mill-partijiet, għal minimu ta' tliet snin minn mindu dehru l-qorti għal proċedimenti ta' separazzjoni;

il-proċediment kriminali għal wieħed mir-reati msemmija fil-punt 1(b) u (c) twaqqaf għaliex ir-reat kien preskritt, iżda l-qorti li qed tisma' d-divorzju tistabbilixxi li r-reat fih innifsu xorta kien jagħti lok għal responsabbiltà kriminali;

il-proċediment kriminali għar-reat ta' inċest ikkonkluda li ma kienx hemm responsabbiltà kriminali għaliex ir-reat ma' ħoloqx "skandlu pubbliku";

il-konjuġi l-ieħor li huwa ċittadin barrani ġab l-annullament jew il-ħall taż-żwieġ f'pajjiż ieħor jew reġa' żżewweġ f'post barrani;

iż-żwieġ ma ġiex ikkunsmat;

wieħed mill-konjuġi biddel is-sess b'mod uffiċjali: f'dan il-każ it-talba għad-divorzju tista' titressaq jew mill-konjuġi li biddel is-sess jew mill-konjuġi l-ieħor;

Għalhekk fil-qosor, minbarra l-każijiet ta' liġi kriminali (li jinkludu, minbarra l-kundanni għal reati serji, każijiet fejn il-persuna tiġi liberata minħabba nuqqas ta' kapaċità ġuridika, każijiet fejn ir-reat ikun preskritt, u f'każ ta' inċest meta r-rekwiżit oġġettiv għar-responsabbiltà kriminali jkun nieqes), ir-raġunijiet li għalihom jista' jintalab id-divorzju huma; l-annullament, is-separazzjoni legali, il-ħall taż-żwieġ jew żwieġ ġdid tal-konjuġi l-ieħor iċċelebrat barra l-pajjiż; iż-żwieġ ma ġiex ikkunsmat; il-bdil fis-sess.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

L-għoti ta' sentenza ta' divorzju tfisser li:

l-ewwel nett, tintemm ir-relazzjoni bejn il-konjuġi, b'hekk kull parti terġa' tmur lura għall-istatus  ta' xebba/ġuvni  u għandha dritt terġa' tiżżewweġ.

Il-mara titlef kunjom żewġha jekk tkun żiditu ma' kunjomha ta' xebba; madankollu l-qorti tista' tawtorizza lill-mara, b'talba tagħha biex iżżomm kunjom żewġha flimkien ma' kunjomha ta' xebba, fejn dan ikun fl-interess tagħha jew tat-tfal għal raġunijiet li jistħoqqilhom protezzjoni.

Id-divorzju ma jħollx l-irbit bl-affinità u b'mod partikolari ma jneħħix l-impediment ta' żwieġ kostitwit miż-żwieġ fil-linja diretta (It-Taqsima 87(4) tal-Kodiċi Ċivili).

Il-konjuġi barranin ma jitilfux iċ-ċittadinanza li jkunu kisbu biż-żwieġ.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Id-divorzju jħoll il-komunjoni tal-akkwisti stabbilita bil-liġi (li tinkludi l-akkwisti kollha li jkunu saru mill-konjuġi flimkien jew separatament matul iż-żwieġ, minbarra l-oġġetti personali mniżżla fit-Taqsima 179 tal-Kodiċi Ċivili) kif ukoll kull fond li jkun ġie mwaqqaf għall-bżonnijiet tal-familja (fondo patrimoniale); dan il-fond jibqa' jeżisti sakemm it-tfal ikunu laħħqu l-età adulta. Id-divorzju ma jaffettwax il-proprjetà konġunta regolata minn ftehim ieħor (comunione ordinaria, pereżempju, għal akkwisti li jkunu saru qabel iż-żwieġ pro rata, jew matul iż-żwieġ fi żmien meta kien ġie miftiehem li l-proprjetà tal-miżżewwġin tibqa' separata (is-separazzjoni tal-beni): ir-rabta fir-rigward tal-proprjetà konġunta ta' dan it-tip tista' tinħall b'talba ta' wieħed mill-konjuġi.

Ġenitur  li jgħix mat-tifel minuri jista' jingħata d-dritt li jibqa' jgħix fid-dar matrimonjali  jekk ikun fl-interess tal-minuri li jibqa' jgħix f'dik id-dar.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Il-qorti li tordna d-divorzju tagħti kustodja konġunta tat-tfal minuri; il-kustodja lil ġenitur wieħed esklussivament isseħħ f'każijiet eċċezzjonali; tistabbilixxi wkoll ir-regoli dwar il-ħin li t-tfal iqattgħu mal-ġenitur  li ma jkunx jgħix fid-dar matrimonjali magħhom. tagħti struzzjonijiet dwar l-amministrazzjoni tal-proprjetà tat-tfal u tiffissa ammont li jrid jitħallas għall-manteniment tat-tfal mill-ġenitur li ma jibqax joqgħod fid-dar matrimonjali.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Meta tordna d-divorzju, l-qorti, b'talba ta' waħda mill-partijiet, tordna li jsir ħlas regolari ta' manteniment  lill-parti li ma jkollhiex biżżejjed mezzi ta' għajxien jew li mhix kapaċi tipprovdi għaliha nnfisha għal raġunijiet oġġettivi. L-obbligu ta' ħlas ta' manteniment jieqaf jekk il-benefiċjarju jerġa' jiżżewweġ. Jekk il-partijiet jaqblu, il-ħlas tal-manteniment jista' jsir ukoll f'darba bit-trasferiment tad-drittijiet fuq il-proprjetà lill-konjuġi benefiċjarju (għal aktar informazzjoni ara: "Talbiet għall-Manteniment – l-Italja")

Il-konjuġi li jonqos li jħallas il-manteniment f'każ ta' separazzjoni jew wara d-divorzju  jkun ħati ta' reat ta' ksur tal-obbligu tal-għajnuna lill-familja (l-Artikolu 570 tal-Kodiċi Kriminali).

Hemm effetti oħra. Il-konjuġi li huwa divorzjat iżda li ma reġax iżżewweġ u li għandu dritt għall-manteniment għandu dritt ukoll għal sehem minn kull ħlas minħabba t-terminazzjoni tal-impjieg li jsir lill-konjuġi l-ieħor. F'każ tal-mewt tal-eks konjuġi, il-konjuġi superstiti għandu dritt jirċievi l-pensjoni tad-decujus, jew li jaqsam din il-pensjoni ma' kull konjuġi superstiti ieħor, u li jirċievi ħlas mill-wirt tad-decujus, jekk ikun f'qagħda finanzjarja diffiċli. Il-liġi tipprovdi wkoll li konjuġi li għandu dritt għall-manteniment għandu dritt għall-iskrizzjoni ta' ipoteka ġudizzjarja jew li jitlob is-sekwestru tal-assi tal-konjuġi li jrid iħallas il-manteniment.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni personali tfisser li l-liġi ma teħtiġx aktar li jkun hemm il-koabitazzjoni. Is-separazzjoni de facto waħedha ma għandhiex effetti (ħlief f'sitwazzjonijiet li seħħew qabel l-Att ta' Riforma Nru 151 tal- 1975).

Is-separazzjoni personali ma tħollx ir-relazzjoni matrimonjali iżda ddgħajjifha.

Is-separazzjoni personali tista' sseħħ b'ordni tal-qorti jew b'mod bonarju.

Sorsi: ir-regoli sostantivi qiegħdin fil-Kodiċi Ċivili (l-Artikoli 150 et seq dwar kwistjonijiet ta' suċċessjoni ara l-Artikoli 548 u 585 tal-Kodiċi Ċivili).

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Is-separazzjoni personali jiġifieri s-separazzjoni personali bil-qorti teħtieġ il-prova li l-konjuġi ma jistgħux jibqgħu jgħixu flimkien.

Meta din il-kundizzjoni tkun issodisfata, il-qorti tordna s-separazzjoni, b'talba ta' waħda mill-partijiet, anki kontra x-xewqat tal-parti l-oħra.

F'każijiet eċċezzjonali, il-qorti tista' issib ukoll li waħda mill-partijiet kienet ħatja tas-separazzjoni: dan għandu konsegwenzi għall-għoti ta' manteniment waqt is-separazzjoni u wara d-divorzju, u fir-rigward ta' drittijiet ta' suċċessjoni. Il-prosekutur pubbliku jieħu sehem f'dawn il-proċedimenti.

Is-separazzjoni personali bonarja hija bbażata fuq ftehim bejn il-konjuġi, iżda ssir effettiva biss wara l-approvazzjoni tal-qorti, li hija responsabbli biex tara li l-ftehim milħuq mill-konjuġi jkun fl-interessi superjuri tal-familja. B'mod partikolari, fejn il-ftehim dwar il-kustodja u l-manteniment tat-tfal ma jkunx fl-interessi tat-tfal stess, il-qorti terġa' ssejjaħ lill-partijiet u titlobhom ibiddlu l-ftehim. Jekk il-partijiet ma jagħmlux dan, il-qorti tista' tirrifjuta li tawtorizza s-separazzjoni.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Ir-relazzjonijiet personali: is-separazzjoni personali (kemm bil-qorti kif ukoll bonarja) tneħħi r-rekwiżit ta' kull forma ta' għajnuna assoċjata mal-koabitazzjoni. Hija tħassar ukoll il-preżunzjoni tal-paternità. Il-mara ma titlifx kunjom żewġha jekk tkun żiditu wara kunjomha ta' xebba, iżda b'talba ta' żewġha l-qorti – tista' ma tħallihiex tużah fejn l-użu ta' kunjom żewġha jista' jikkawżalu dannu serju.

Is-sjieda tal-proprjetà konġunta: is-separazzjoni tħoll il-komunjoni tal-beni stabbilita bil-liġi (comunione legale).

Is-setgħa tal-ġenitur: il-qorti li tordna s-separazzjoni tirregola l-kustodja tat-tfal minuri u tistabbilixxi l-ammont ta' manteniment għat-tfal li jrid jitħallas mill-ġenitur li ma jgħix magħhom (jew fil-każ eċċezzjonali ta' kustodja esklussiva,  il-manteniment li jrid jitħallas mill-ġenitur li lilu ma ngħatatx il-kustodja). Fl-għoti tad-dritt ta' abitazzjoni fid-dar matrimonjali, il-ġenitur li jgħix mal-minuri jingħata prijorità (għal aktar informazzjoni ara "Kustodja u aċċess għat-tfal" – l-Italja) .

L-obbligu tal-manteniment: b'talba ta' waħda mill-partijiet, il-qorti tista' tagħti lill-konjuġi mhux ħati tas-separazzjoni d-dritt għal manteniment mill-konjuġi l-ieħor, jekk huwa ma jkollux biżżejjed mezzi għall-għajxien. Konjuġi fil-bżonn xorta għandu dritt għall-manteniment, jiġifieri somma regolari meħtieġa għall-għajxien, anki jekk kien ħati tas-separazzjoni (għal aktar dettalji ara "Talbiet għall-manteniment"– l-Italja)

L-aġġustament awtomatiku tal-ħlas tal-manteniment minħabba l-inflazzjoni huwa provdut espressament fil-każ ta' koppji divorzjati; il-ġurisprudenza estendiet dan il-prinċipju wkoll għall-koppji separati.

Il-miżuri stabbiliti mill-qorti dwar il-kustodja tat-tfal u l-kalkolu tal-ammont ta' manteniment għall-konjuġi u għat-tfal jista' jiġu emendati aktar tard.  In-nuqqas ta' ħlas tal-manteniment huwa reat skont l-Artikolu 570 tal-Kodiċi Kriminali.

Is-separazzjoni bi jew mingħajr ħtija: il-konjuġi separati li mhumiex ħatja tas-separazzjoni jkompli jgawdu mill-istess drittijiet tas-suċċessjoni daqs il-konjuġi mhux separati.

Il-konjuġi ħatja tas-separazzjoni min-naħa l-oħra għandhom biss dritt għall-manteniment mill-wirt tad-decujus, u dan biss jekk fi żmien li jkunu għaddejjin il-proċedimenti tas-suċċessjoni kienu intitolati għall-manteniment mingħand id-decujus (l-Artikoli 548 u 585 tal-Kodiċi Ċivili).

Effetti oħra: fin-nuqqas ta' konformità is-sentenza ta' separazzjoni tagħti d-dritt ta' iskrizzjoni ta' ipoteka ġudizzjarja u; b'talba tal-persuna intitolata, il-qorti tista' tordna l-qbid tal-assi tal-konjuġi ħati tas-separazzjoni jew toħroġ mandat ta' sekwestru fuq is-salarju tiegħu.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Skont l-Artikoli 117 et seq tal-Kodiċi Ċivili, żwieġ jitqies null u bla effett f'numru ta' każijiet differenti. Is-suġġett irid jitqies f'termini ta' nullità, billi wieħed iħares lejn ir-raġunijiet għan-nullità u l-liġi li tapplika għal kull każ.

Iż-żwieġ ikun null jekk ikun vizzjat minn wieħed mid-difetti stabbiliti mil-liġi, iżda d-difett irid jitqajjem il-qorti permezz ta' kawża.

Il-kawża għall-annullament taż-żwieġ ma tintiritx mill-eredi sakemm is-sentenza ma tkunx diġà pendenti. Il-prosekutur pubbliku jieħu sehem f'dawn il-proċedimenti.

Sorsi: ir-regoli sostantivi qiegħdin fil-Kodiċi Ċivili (l-Artikoli 177 – 129 bis).

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Żwieġ jista' jiġi ddikjarat null minħabba waħda mir-raġunijiet li ġejjin (l-Artikoli 177 et seq tal-Kodiċi Ċivili):

  1. Wieħed mill-konjuġi kien għadu marbut bl-ewwel żwieġ; in-nullità hija assoluta u mingħajr preskrizzjoni; il-kawża tista' ssir minn kull waħda mill-partijiet, minn qraba diretta fil-linja axxendenti, mill-prosekutur pubbliku, jew minn kull min għandu interess leġittmu;
  2. impedimentum criminis; iż-żwieġ ġie ċċelebrat bejn żewġ persuni li waħda minnhom kienet instabet ħatja ta' qtil jew attentat qtil tal-konjuġi tal-ieħor;  in-nullità hija assoluta u ma hemmx rimedju għalija, u tista' titqajjem miż-żewġ partijiet, mill-prosekutur pubbliku jew minn kull min għandu interess leġittmu.
  3. Iż-żwieġ ma setax jiġi ċċelebrat minħabba l-mard mentali ta' waħda mill-partijiet; l-ordni li jiddikjara din l-inkapaċità jista' jinħareġ anki wara ż-żwieġ, sakemm jiġi ppruvat li l-inkapaċità kienet teżisti meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ; iż-żwieġ jista' jiġi kkontestat mit-tutur, mill-prosekutur pubbliku jew minn kull min għandu interess leġittmu;
  4. Wieħed mill-konjuġi ma kellux il-fakultajiet intellettwali meħtieġa (incapacità naturale); iż-żwieġ jista' jiġi kkontestat minn konjuġi li – minkejja li mhux interdett – juri li daħal għaż-żwieġ meta ma kellux il-fakultajiet intellettwali meħtieġa. Ir-rikors ma jistax isir jekk il-koppja għexet flimkien għal aktar minn sena minn meta r-rikorrent reġa' akkwista l-fakultajiet intellettwali – tiegħu.
  5. Wieħed mill-konjuġi kien taħt l-età; ir-rikors jista' jsir mill-konjuġi, mill-prosekutur pubbliku jew mill-ġenituri; id-dritt tal-minuri biex iressaq ir-rikors jaqa' sena wara li jkun laħaq l-età adulta.
  6. Kien hemm rabtiet familjali, affinità, adozzjoni jew affiljazzjoni; din ir-raġuni ta' nullità tista' titqajjem mill-konjuġi, mill-prosekutur pubbliku jew minn kull min għandu interess leġittmu, sakemm ma tkunx għaddiet sena jew aktar miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ u l-każ huwa wieħed fejn l-awtorizzazzjoni għaż-żwieġ setgħet tintalab minkejja r-rabtiet.
  7. Vjolenza, biża' u żball: il-kunsens inkiseb bi vjolenza, jew minħabba biża' eċċezzjonalment serja ta' avvenimenti mhux fil-kontroll tal-konjuġi, minħabba żball fl-identità tal-persuna jew żball essenjali dwar kwalità personali tal-persuna l-oħra, skont l-Artikolu 122 tal-Kodiċi Ċivili); ir-rikors jista' jitressaq mill-konjuġi bil-kunsens vizjat minħabba waħda minn dawn ir-raġunijiet, sakemm il-konjuġi ma jkunux għexu flimkien għal sena wara li jkun intemm it-theddid ta' vjolenza jew is-sors tal-biża', jew wara li jkun inkixef l-iżball.
  8. Is-simulazzjoni: iż-żwieġ jista' jiġi kkontestat minn kull wieħed mill-konjuġi fejn huma żżewwġu bil-qbil li ma jidħlux għall-obbligi tiegħu jew li ma jeżerċitawx id-drittijiet ġejjin minnu.  Ir-rikors għall-annullament jrid jitressaq fi żmien sena mit-tieġ; ma jistax jitressaq jekk il-konjuġi għexu flimkien bħala raġel u mara wara t-tieġ, anki jekk għal żmien qasir.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Jekk il-konjuġi kienu in bona fide (jiġifieri ma kenux jafu bl-impediment meta żżewwġu), iż-żwieġ jiġi ddikjarat validu sakemm jiġi annullat, u l-annullament ikun effettiv biss minn meta tingħata s-sentenza (il-prinċipju taż-"żwieġ putattiv"). It-tfal li jitwieldu jew konċepiti matul iż-żwieġ dikjarat null jitqiesu leġittmi u għalhekk huma koperti mir-regoli dwar is-separazzjoni tal-koppji bit-tfal.

Il-qorti tista' wkoll tordna li wieħed mill-konjuġi jibgħat ħlas regolari lill-konjuġi l-ieħor, għal mhux aktar minn tliet snin, jekk il-konjuġi l-ieħor ma jkollux biżżejjed mezzi għall-għajxien u ma jkunx reġa' żżewweġ.

Jekk wieħed mil-konjuġi biss kien in bona fide, l-effetti ta' żwieġ validu jitiqiesu li dejjem kienu jeżistu favur dak il-konjuġi u t-tfal.  Il-konjuġi in mala fede jkollu jħallas kumpens ġust ekwivalenti għal manteniment ta' tliet snin u jħallas ukoll manteniment addizzjonali jekk ma jkun hemm ħadd aktar obbligat iħallas il-manteniment.

Jekk iż-żewġ konjuġi kienu in mala fede, l-effetti ta' żwieġ validu jitqiesu li dejjem kienu jeżistu favur it-tfal imwielda jew konċepiti matul iż-żwieġ, sakemm ir-raġuni għall-annullament mhux il-bigamija jew l-inċest;  it-tfal imwielda matul żwieġ iddikjarat null minħabba l-bigamija jistgħu jingħataw l-istatus ta' tfal naturali ta' paternità rikonoxxuta.

Il-bona fide hija preżunta, u hija meħtieġa biss dakinhar tat-tieġ.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Ma hemmx dispożizzjonijiet għal metodi alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet marbuta mad-divorzju (jew separazzjoni). Il-partijiet ikollhom aċċess liberu għas-servizzi ta' medjazzjoni tal-familja li jgħinuhom jilħqu ftehim dwar l-arranġamenti rigward il-kustodja tat-tfal.

Il-partijiet jistgħu ukoll jiftehmu dwar arranġamenti finanzjarji għall-manteniment tat-tfal u għal kull konjuġi.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ir-regoli dwar proċedimenti ta' divorzju japplikaw ukoll għall-proċedimenti ta' separazzjoni, mutatis mutandis; u fuq skala iżgħar, japplikaw ukoll l-Artikoli  706 et seq tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Il-proċedimenti għandhom l-għamla ta' proċedura speċjali ta' tiftix tal-fatti, iggvernata minn regoli differenti minn dawk li japplikaw għall-proċedimenti ordinarji, partikolarment fl-istadju preliminari (bażikament dan huwa proċess b'żewġ fażijiet: il-fażi ta' konċiljazzjoni u l-fażi struttorja, sewwa sew kontenzjuża).

Ġuriżdizzjoni: il-qorti kompetenti hija l-qorti ġenerali (tribunale), iffurmata minn kulleġġ ta' imħallfin, tal-post tal- aħħar residenza konġunta tal-konjuġi, jew ta' kull post ieħor indikat mil-liġi (l-Artikolu 706 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) , jew fejn ma jistax isir kuntatt mal-konvenut jew għaliex jgħix barra l-Italja, tal-post ta' residenza jew domiċilju tar-rikorrent; u fejn iż-żewġ partijiet jgħixu barra l-Italja, kull qorti fil-pajjiż tista' tisma' l-kawża. Jekk id-divorzju jkun kunsenswali, il-konjuġi jistgħu jagħżlu bejn il-post ta' residenza jew domiċilju ta' kull wieħed minnhom.

Il-proċedimenti: It-talba għad-divorzju jew separazzjoni ssir permezz ta' rikors li jiġi ppreżentat fir-reġistru tal-qorti kompetenti; mar-rikors jiġu mehmuża d-dokumenti ta' sostenn iżda dawn jistgħu jiġu ppreżentati wkoll waqt is-seduta. Ir-rikorrent għandu jassigura li l-konvenut jiġi nnotifikat bir-rikors u bl-ordni tal-imħallef presjedenti fejn tkun ġiet iffissata d-data għas-smigħ tal-partijiet. Jekk it-tentattiv ta' rikonċilazzjoni tal-partijiet waqt l-ewwel seduta ma jirnexxix, l-imħallef presjedenti jagħti ordnijiet provviżorji fl-interess tal-partijiet u tat-tfal tagħhom, u jiffissa data għas-smigħ quddiem il-qorti struttorja, li teżamina l-każ skont ir-regoli ordinarji dwar il-provi.

Id-divorzju kunsenswali: rikors konġunt jeħtieġ ftehim bejn il-konjuġi għad-divorzju u għall-kundizzjonijiet  dwar it-tfal tagħhom u l-kwistjonijiet finanzjarji. Il-proċediment huwa sempliċi.

Sorsi: l-Att Nru 88 tal-1970 kif emendat; f'każ ta' separazzjoni personali japplikaw l-Artikoli 706-711 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-benefiċċju tal-għajnuna legali huwa possibbli (patrocinio a spese dello Stato) jiġifieri l-possibiltà ta' avukat mingħajr ħlas tad-drittijiet tiegħu u l-ispejjeż l-oħra tal-qorti. L-għajnuna legali hija disponibbli wkoll għaċ-ċittadini barranin li għandhom residenza fl-Italja. Il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà jinsabu fl-Att Nru 1990/217 u fl-iskeda dwar l-għajnuna legali. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali jridu jiġu ppreżentati lill-Kamra tal-Avukati rilevanti (consiglio dell'ordine degli avvocati); ara s-siti elettroniċi rilevanti (għall-Kamra tal-Avukati ta' Ruma) u s-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Sorsi: l-Att Nru 217 tal-1990, kif emendat mill-Att Nru 134 tal-2001.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Jista' jsir appell mis-sentenzi ta' separazzjoni personali, divorzju jew annullament. Is-sentenzi mhux finali fi proċedimenti ta' divorzju, (jiġifieri deċiżjonijiet dwar l-istatus tal-konjuġi)  jew fi proċedimenti ta' separazzjoni (pereżempju deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà jew il-ħlas tal-manteniment) ma jistgħux jiġu appellati fi stadju ulterjuri, jiġifieri flimkien ma' appell mis-sentenza finali: iridu jiġu appellati fil-limiti taż-żmien ordinarji.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Hawnhekk japplika r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003. Huwa jipprovdi għal proċedura standard fl-Istati Membri kollha tal-UE.

Ir-rikonoxximent huwa awtomatiku. Għalhekk ma hemmx bżonn ta' xi proċedura speċjali sabiex jiġi aġġornat ir-reġistru taż-żwieġ, twelid u mwiet tal-Istat Membru wara sentenza finali ta' divorzju, separazzjoni personali jew annullament.

Madankollu, kull parti interessata tista' tapplika għal dikjarazzjoni li tgħid li sentenza barranija għandha jew ma għandhiex tiġi rikonoxxuta. Ir-raġunijiet speċifiċi biex ma jsirx ir-rikonoxximent huma mniżżla fir-Regolament. L-azzjoni, f'forma ta' rikors lill-qorti, trid tiġi ppreżentata quddiem il-qorti tal-appell b'ġuriżdizzjoni territorjali fil-post ta' implimentazzjoni tas-sentenza kif previst mid-dritt intern tal-Italja. Il-qorti għandha tagħti deċiżjoni mingħajr dewmien, bi jew mingħajr is-smigħ tal-parti l-oħra, u s-sentenza għandha tiġi nnotifikat lir-rikorrent.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Kull parti tista' tappella minn deċiżjoni ta' rikonoxximent quddiem il-qorti tal-appell li tat id-deċiżjoni, fi żmien xahar min-notifika tagħha (jew xahrejn jekk il-parti l-oħra tgħix f'pajjiż ieħor). F'dan it-tieni stadju, il-partijiet iridu jinstemgħu skont il-prinċipju tal-kontradittorju, u japplikaw ir-regoli ordinarji tal-litigazzjoni.

Is-sentenza mogħtija dwar din l-oġġezzjoni ta' rikonoxximent tista' mbagħad tiġi appellata quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni (ara l-Annessi tar-Regolament).

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Is-separazzjoni personali u d-divorzju huma regolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali komuni għaż-żewġ partijiet fi żmien li jsir ir-rikors għas-separazzjoni personali jew id-divorzju. F'każ ta' konjuġi b'ċittadinanzi differenti, il-qorti trid tidentifika l-liġi li tapplika skont il-pajjiż fejn il-koppja qattgħet il-biċċa l-kbira tal-ħajja miżżewwġa tagħha; il-qorti għandha dritt ta' diskrezzjoni f'dan ir-rigward.

Jekk il-liġi barranija li għandha tapplika ma jkollhiex dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni personali jew id-divorzju, tapplika l-liġi Taljana (l-Artikolu 31 tal-Att Nru 218 tal-1995) jiġifieri tapplika l- lex fori. Għandu jiġi nnutat li l-liġi Taljana tapplika indipendentement jekk ir-rikorrent huwiex ċittadin Taljan, u l-liġi Taljana tista' titqajjem ukoll minn persuna mingħajr ċittadinanza Taljana fi żwieġ imħallat jew bejn persuni mhux b'ċittadinanza Taljana.

Il-konjuġi Taljani li jiftħu kawżi għas-separazzjoni personali jew għad-divorzju fl-Italja huma soġġetti għal-liġi Taljana anki jekk mhumiex residenti l-Italja. Il-konjuġi b'ċittadinanzi differenti huma soġġetti għal-liġi tal-pajjiż fejn huma jqattgħu l-biċċa l-kbira tal-ħajja miżżewwġa tagħhom; madankollu, fejn il-liġi tal-pajjiż ikkonċernat ma għandhiex dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni personali jew id-divorzju, il-qorti Taljana tapplika l-liġi Taljana.

L-aħħar aġġornament: 15/10/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Divorzju - Ċipru

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

F’każ ta’ żwieġ bil-knisja, il-proċedimenti ta’ divorzju jistgħu jinbdew biss wara li ssir notifika lill-isqof tad-distrett fejn jgħix ir-rikorrent. Rikors għal divorzju jista' jiġi ppreżentat tliet xhur wara li tkun intbagħtet in-notifika lill-isqof kompetenti.  Ma hemmx għalfejn tintbagħat notifika fejn ir-raġuni għad-divorzju hija l-għajbien jew il-mard mentali.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

  • l-adulterju
  • Imġieba immorali, diżonorevoli jew imġieba oħra ripetuta li ma tistax tinħafer li twassal għal deterjorazzjoni serja fir-relazzjoni matrimonjali, fejn ir-rikorrent ma jkunx jista' jittollera jgħix mal-konjuġi tiegħu.
  • Attentat kontra l-ħajja, pereż. abbuż fiżiku.
  • Mard mentali għal tliet snin, li jwassal għal koabitazzjoni intollerabbli.
  • Sentenza finali għal piena ta' priġunerija għal aktar minn seba' snin
  • L-għajbien
  • Inkapaċità sesswali meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ u li kompliet għal sitt xhur sa u inkluż iż-żmien li fih infetħet il-kawża.
  • Abbandun mhux skużabbli għal sentejn. Perjodi twal ta' assenza, li jaqbżu s-sentejn fit-total. Trid tkun intbagħtet stedina għar-ritorn.
  • Bidla fir-reliġjon jew denominazzjoni, jew l-użu ta' forza morali jew attentat ta' konverżjoni tal-konjuġi lejn setta.
  • Ir-rifjut persistenti għat-tfal minkejja x-xewqa tal-konjuġi l-ieħor għat-tfal.
  • It-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ.
  • Is-separazzjoni għal ħames snin.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Id-divorzju jħoll iż-żwieġ, iżda ma jġibx miegħu bidla awtomatika fil-kunjom. Hija l-parti konċernata li trid tagħmel dikjarazzjoni ġuramentata biex tbiddel kunjomha.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Id-divorzju ma għandux konsegwenzi fuq it-tilwim dwar propjetà. Kull tilwim dwar propjetà jrid jiġi indirizzat permezz ta’ rikors separat, għaliex il-proċeduri huma differenti.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Ma hemmx, peress li l-proċedimenti ta’ divorzju huma separati minn u indipendenti mill-proċedimenti ta’ kustodja, sakemm id-divorzju ma ngħatax minħabba attentat fuq ħajjet it-tfal jew abbuż fiżiku fuqhom.

Id-divorzju ma għandux konsegwenzi fuq il-kwistjonijiet relatati mat-tfal minuri (pereż. l-manteniment, ir-responsabbiltà tal-ġenituri, il-komunikazzjoni). Għandhom isiru rikorsi separati għal dawn il-kwistjonijiet.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Id-divorzju ma jġibx miegħu l-obbligu awtomatiku tal-ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor. Mas-separazzjoni għandu jiġi ppreżentat rikors separat.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

It-terminu “separazzjoni legali” ma teżistix fil-liġi tal-familha Ċiprijotta.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Mhux applikabbli.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Mhux applikabbli.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Dak ifisser li, dakinhar tas-sentenza ta' annullament, iż-żwieġ jiġi ddikjarat null u bla effett.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Skont l-Artikolu 17 tal-Att dwar iż-Żwieġ, il-Liġi Nru 104(I)/2003, kif emendata mil-Liġi Nru 66(I)/2009, iż-żwieġ mhux validu jekk ikun seħħ:

(a) qabel il-ħall jew annullament finali ta’ xi żwieġ preċedenti ta’ xi ħadd mill-partijiet, inkluż żwieġ reliġjuż jew ċivili;

(b) bejn qraba f’relazzjoni ta’ konsanguinità ta' axxendenza jew kollaterali sal-ħames grad;

(c) bejn qraba li jiġu minn xulxin biż-żwieġ fil-linja axxendenti jew kollaterali sat-tielet grad;

(d) bejn min jadotta u l-persuna adottata jew id-dixxendenti tagħhom;

(e) bejn wild li twieled barra ż-żwieġ u l-missier li rrikonoxxieh jew il-qraba tiegħu.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Jekk iż-żwieġ huwa null jew jiġi ddikjarat null minn sentenza tal-qorti li għaddiet in ġudikat, iż-żwieġ isir null għal kollox minn dakinhar tas-sentenza.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Attwalment ma hemmx mezzi alternattivi. Bħalissa qed jiġi ppreparat abbozz ta' liġi dwar il-medjazzjoni fi kwistjonijiet tal-familja mill-Kummissarju għall-Ġustizzja.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ir-rikors għall-ħall/annullament taż-żwieġ għandu jiġi ppreżentat fil-qorti tal-familja (oikogeneiakó dikastírio) tad-distrett (eparchía) fejn jgħixu l-partijiet jew wieħed minnhom. Ir-rikors irid isir b’konformità mal-Mudell 1 tar-Regolamenti Proċedurali tal-Qorti Suprema tal-1990 (Týpo 1 ton Diadikastikón Kanonismón tou Anótatou Dikastiríou tou 1990).  Għandhom jiġu mehmuża mar-rikors bħala provi l-prova tal-posta mħallsa għan-notifika mibgħuta lill-isqof jew prova tal-irċevuta ta' ittra reġistrata dwar in-notifika mill-isqof kompetenti, kif ukoll iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-partijiet.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva. Għandu jsir rikors quddiem il-qorti tal-familja kompetenti.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Iva, jista' jsir appell kontra deċiżjoni dwar divorzju jew annullament taż-żwieġ quddiem il-qorti tal-familja tat-tieni istanza (devterováthmio oikogeneiakó dikastírio).

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-familja kompetenti tar-Repubblika ta' Ċipru skont ir-Regolament 44/2001.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Jista' jsir appell quddiem il-qorti tal-familja li quddiemha tressaq ir-rikors għar-rikonoxximent u r-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni tal-Istat Membru l-ieħor.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-qrati tal-familja tar-Repubblika ta' Ċipru jakkwistaw il-ġuriżdizzjoni biex jisimgħu każ relatat mal-ħall jew l-annullament ta' żwieġ f'dawn il-każijiet biss meta l-partijiet fil-kawża jkunu għexu f'Ċipru għal mill-inqas tliet xhur. Il-qorti tapplika l-liġi Ċiprijotta.

L-aħħar aġġornament: 13/05/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Divorzju - Latvja

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-każijiet fejn jista' jinħall żwieġ huma deskritti fid-dettall fit-taqsima tal-Liġi tal-Familja fil-Liġi Ċivili tal-Latvja u fit-Taqsima P tal-Liġi dwar in-Nutara. Il-qafas ġenerali tal-istituzzjoni taż-żwieġ huwa stabbilit fit-taqsima tal-Liġi tal-Familja fil-Liġi Ċivili.

Fil-Latvja, żwieġ jista' jinħall biss minn qorti jew minn nutar (notārs). Qorti tista' tordna l-ħall taż-żwieġ fuq rikors tal-konjuġi flimkien jew ta' wieħed minnhom biss. Nutar jista' jordna l-ħall taż-żwieġ jekk il-konjuġi jkunu laħqu ftehim dwar il-ħall taż-żwieġ tagħhom u ma għandhomx wild minuri jew proprjetà matrimonjali, jew, fejn il-konjuġi jkollhom it-tfal jew proprjetà matrimonjali, ikollhom ftehim bil-miktub dwar il-kustodja tat-tfal, drittijiet ta' aċċess, manteniment tat-tfal u d-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali.

Wieħed mill-prerekwiżiti għal divorzju ta' din ix-xorta, għalhekk, huwa ftehim bejn il-konjuġi dwar il-kustodja ta' tfal li twieldu fiż-żwieġ, il-manteniment tat-tfal u d-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali.

Jekk iż-żwie[ jinħall minn qorti, il-qorti trid tistabbilixxi li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment. Żwieġ jitqies li tkisser irrimedjabbilment jekk il-konjuġi ma jibqgħux jgħixu flimkien u mhux mistenni li jerġgħu jibdew jgħixu flimkien.

Wieħed mill-prerekwiżiti għall-ħall taż-żwieġ minn nutar huwa ftehim bejn il-konjuġi dwar il-kustodja ta' tfal li twieldu fiż-żwieġ, il-manteniment tat-tfal u d-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali. Jekk il-konjuġi ma jilħqux ftehim, dawn it-talbiet iridu jiġu deċiżi l-qorti flimkien ma' rikors għad-divorzju.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Il-ħall taż-żwieġ minn nutar

Żwieġ jista' jinħall jekk ikun tkisser irrimedjabbilment u l-konjuġi jkunu laħqu ftehim dwar il-ħall taż-żwieġ tagħhom, u n-nutar jirċievi rikors konġunt iffirmat minnhom it-tnejn. Jekk il-konjuġi għandhom it-tfal jew proprjetà matrimonjali, mar-rikors irid jiġi anness ftehim bil-miktub dwar il-kustodja tat-tfal, il-manteniment tat-tfal, id-drittijiet ta' aċċess u d-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali.

Il-ħall taż-żwieġ mill-qorti

Żwieġ jista' jinħall minn qorti f'każijiet fejn il-konjuġi ma jkunux laħqu ftehim dwar il-ħall taż-żwieġ tagħhom u jissodisfaw waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

Il-konjuġi ilhom jgħixu separatament għal aktar minn tliet snin: il-konjuġi jgħixu separatament, ma hemmx ħajja konjugali u wieħed mill-konjuġi deċiż li ma jkunx hemm ħajja konjugali, li b'hekk iċaħħad il-possibiltà li jkun hemm il-koabitazzjoni matrimonjali. Il-ħajja konjugali tista' tkun assenti wkoll minkejja li l-konjuġi jgħixu taħt l-istess saqaf.

Jekk il-konjuġi ilhom jgħixu separatament għal inqas minn tliet snin, il-qorti tista' tordna l-ħall taż-żwieġ biss jekk:

ir-raġuni għat-tkissir taż-żwieġ tkun vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika minn konjuġi fuq il-konjuġi l-ieħor li qed jitlob il-ħall taż-żwieġ, jew fuq it-tfal tiegħu minn relazzjoni oħra, jew kontra t-tfal tagħhom miż-żwieġ;

konjuġi minnhom jaċċetta li l-konjuġi l-ieħor iressaq rikors għall-ħall taż-żwieġ;

wieħed mill-konjuġi beda jgħix ma persuna oħra, u kellhom jew se jkollhom tarbija minn din ir-relazzjoni.

Fejn fiċ-ċirkostanzi li għadhom kif ġew deskritti l-qorti temmen li ż-żwieġ għad jista' jiġi salvat, il-proċedimenti ta' divorzju jistgħu jiġu posposti sa massimu ta' sitt xhur minħabba l-possibiltà ta' rikonċiljazzjoni tal-konjuġi.

Jekk qabel ma bdew jgħixu għal rashom għal tliet snin wieħed mill-konjuġi jippreżenta rikors għad-divorzju għal raġunijiet oħra li mhumiex wieħed mit-tlieta msemmija hawn qabel, il-qorti ma tistax tħoll iż-żwieġ qabel it-terminu statutorju ta' tliet snin separazzjoni, u trid tipposponi l-eżami tal-każ minħabba l-possibiltà ta' rikonċiljazzjoni tal-konjuġi.

Jekk il-miżżewwġin ikunu għexu separatament għal inqas minn tliet snin, nutar jista' jħoll iż-żwieġ biss bil-kunsens taż-żewġ konjuġi u jekk ikunu ppreżentawlu rikors għall-ħall taż-żwieġ skont il-proċedura prevista fil-Liġi dwar in-Nutara.

Qorti ma tistax tħoll żwieġ anki jekk ikun tkisser irrimedjabbilment jekk u sa fejn iż-żwieġ irid jiġi preservat eċċezzjonalment fl-interessi tat-tfal tal-konjuġi.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Mad-dħul fis-seħħ ta' sentenza ta' divorzju jew eżatt kif nutar ċertifikat joħroġ ċertifikat ta' divorzju, jintemmu d-drittijiet u l-obbligi ġejjin mir-relazzjoni legali bejn il-konjuġi. Id-divorzju jista' jimponi drittijiet u obbligi ġodda fuq l-eks konjuġi. Mal-ħall taż-żwieġ, kull parti tista' terġa tiżżewweġ.

Skont il-Liġi Ċivili, konjuġi li jkun biddel kunjomu maż-żwieġ jista' juża dan il-kunjom wara l-ħall taż-żwieġ, jew alternattivament, jekk hekk jitlob, jista' jġib il-permess ta' qorti jew nutar biex juża kunjomu ta' ġuvni jew xebba.

B'rikors tal-konjuġi l-ieħor, qorti tista' tipprojbixxi konjuġi li jkun ħati tat-tkissir taż-żwieġ milli juża l-kunjom fiż-żwieġ, mingħajr preġudizzju għall-interessi tat-tfal.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Nutar jista' jħoll żwieġ jekk il-konjuġi jkunu laħħqu ftehim minn qabel bil-miktub fuq id-diviżjoni ta' kull proprjetà matrimonjali u jekk dan il-ftehim ikun mehmuż mar-rikors għad-divorzju.

Meta ż-żwieġ jinħall minn qorti, il-konjuġi jistgħu jiftehmu dwar id-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali. Jekk il-konjuġi ma jilħqux qbil, it-talbiet tagħhom jiġu solvuti mill-qorti fuq il-bażi tal-Liġi Ċivili jew tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt taż-żwieġ. Il-Liġi Ċivili tipprovdi għal żewġ tipi ta' reġimi dwar il-proprjetà, jiġifieri reġimi regolati mil-leġiżlazzjoni u reġimi regolati mill-kuntratt taż-żwieġ, u dawn ifissru l-proċedura għad-diviżjoni tal-proprjetà f'każ ta' divorzju.

Meta r-reġim ta' proprjetà huwa regolat mil-liġi, f'każ ta' diviżjoni tal-proprjetà, kull konjuġi għandu dritt iżomm il-proprjetà li kienet tiegħu qabel iż-żwieġ u kull proprjetà separata li huwa akkwista matul iż-żwieġ. Kull ma kien inxtara matul iż-żwieġ mill-konjuġi flimkien, jew minn wieħed minnhom bir-riżorsi tat-tnejn, ikun il-proprjetà konġunta taż-żewġ konjuġi. Il-proprjetà konġunta titqies li tappartjeni liż-żewġ konjuġi f'ishma ndaqs, sakemm xi ħadd minnhom jista' juri li l-proprjetà għandha tinqasam f'ishma differenti.

Fejn ir-reġim ta' proprjetà huwa regolat mill-kuntratt taż-żwieġ, il-kuntratt jista' jipprovdi għas-sjieda separata jew għas-sjieda konġunta tal-proprjetà kollha tal-konjuġi, u d-diviżjoni tal-proprjetà mbagħad issir skont il-proċedura stabbilita fil-leġiżlazzjoni dwar ir-reġim kuntrattwali ta' proprjetà rilevanti.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

F'każijiet ta' divorzju, il-kwistjonijiet tar-relazzjonijiet legali fil-familja li ġew deskritti hawn qabel, u b'mod partikolari dawk ġejjin mir-relazzjonijiet legali bejn il-ġenituri u t-tfal, ma jistgħux jiġu kkunsidrati separatament.

Jekk iż-żwieġ jinħall minn nutar, il-konjuġi jridu jaqblu mhux biss fuq id-divorzju iżda wkoll fuq il-kustodja, id-drittijiet ta' aċċess u l-manteniment tat-tfal. Mar-rikors għad-divorzju jrid jiġu mehmuż ftehim minn qabel bil-miktub dwar il-kustodja, id-drittijiet ta' aċċess u l-manteniment tat-tfal.

Jekk iż-żwieġ jinħall minn qorti, il-konjuġi jridu jaqblu fuq il-kustodja, id-drittijiet ta' aċċess u l-manteniment tat-tfal. Jekk dan il-ftehim ma jkunx intlaħaq, u jekk safrattant dawn it-talbiet ma jkunux ġew sodisfatti, it-talbiet iridu jiġu ppreżentati flimkien mar-rikors għad-divorzju; inkella l-qorti ma tilqax it-talba għad-divorzju.

Il-konsegwenzi tad-divorzju fir-rigward tas-setgħa tal-ġenituri

Il-kura tat-tfal ma tiqafx hekk kif it-tfal ma jibqgħux jgħixu mal-ġenituri jew ma xi ħadd minnhom.

Jekk il-ġenituri jgħixu separatament, ir-responsabbiltà konġunta tagħha tibqa' sħiħa. Il-kura u s-superviżjoni tat-tfal trid tiġi żguarata mill-ġenitur li miegħu jgħixu t-tfal.

Il-ġenituri għandhom jieħdu deċiżjonijiet li jista' jkollhom effett sinifikanti fuq l-iżvilupp tat-tfal flimkien. It-tilwim bejn il-ġenituri jinstema' mill-qorti tat-tfal (bāriņtiesa), sakemm il-leġiżlazzjoni ma tipprovdix mod ieħor.

Il-kustodja konġunta tal-ġenituri tintemm meta ftehim bejn il-ġenituri jew deċiżjoni tal-qorti jistabbilixxu l-kustodja esklussiva ta' wieħed mill-ġenituri.

Jekk it-tfal qiegħdin fil-kustodja esklussiva ta' ġenitur wieħed, dak il-ġenitur għandu d-drittijiet u l-obbligi derivanti minn din il-kustodja. Il-ġenitur l-ieħor irid ikollu drittijiet ta' aċċess (id-dritt li jżomm kuntatt ma u jkollu relazzjoni privata mat-tfal tiegħu).

Il-konsegwenzi tad-divorzju fir-rigward tal-manteniment tat-tfal

Il-kwistjoni tal-manteniment tat-tfal trid tiġi deċiża matul il-proċedimenti tad-divorzju. Il-ġenituri għandhom l-obbligu jmantnu lit-tfal tagħhom skont il-kapaċitajiet u l-mezzi finanzjarji tagħhom. L-obbligu tal-manteniment huwa tal-missier u tal-omm sakemm it-tifel ikun jista' jmantni lilu nnifsu. L-obbligu tal-manteniment ma jiqafx sempliċement għaliex it-tfal ma jibqgħux jgħixu mal-ġenituri jew ma xi ħadd minnhom jew ma jgħixux mal-familja. Mal-ħall taż-żwieġ tagħhom il-ġenituri jistgħux jaqblu fuq il-manteniment tat-tfal, iżda fin-nuqqas ta' ftehim, il-kwistjoni tiġi deċiża mill-qorti matul il-proċedimenti tad-divorzju.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Il-Liġi Ċivili tgħid li meta jinħall iż-żwieġ, jew anki wara, eks konjuġi jista' jitlob pagamenti mill-konjuġi l-ieħor skont iċ-ċirkustanzi finanzjarji ta' dan il-konjuġi sabiex jiżgura l-livell ta' għajxien preċedenti tiegħu. L-obbligu taż-żamma tal-istess livell ta' għajxien ta' ekx konjuġi jintemm meta:

  • iż-żmien li jkun għadda minn mindu ngħata d-divorzju jew l-annullament taż-żwieġ ikun l-istess daqskemm dam iż-żwieġ, jew f'każ ta' żwieġ li ġie annullat, kemm damet il-koabitazzjoni;
  • l-eks konjuġi reġa' żżewweġ;
  • l-introjtu tal-ekx konjuġi huwa biżżejjed għall-manteniment tiegħu;
  • l-eks konjuġi jevita li jkollu l-mezzi biex jgħix billi ma jaħdimx;
  • l-eks konjuġi li kellu jmantni lill-eks konjuġi l-ieħor ma għandux biex jgħix jew ma jistax jibqa' jaħdem minħabba inkapaċità;
  • l-eks konjuġi li jrid jiġi mantnut wettaq reat kontra l-eks konjuġi l-ieħor jew kontra l-ħajja, is-saħħa, il-libertà, il-proprjetà jew l-unur tal-konjuġi l-ieħor jew kontra xi qraba tiegħu fil-linja axxendenti jew dixxendenti;
  • l-eks konjuġi ħalla lill-konjuġi l-ieħor mingħajr għajnuna meta seta' jgħinu;
  • l-eks konjuġi bi ħsieb ippreżenta akkużi foloz dwar reat kontra l-konjuġi l-ieħor jew kontra xi ħadd mill-qraba tiegħu fil-linja axxendenti jew dixxendenti;
  • l-eks konjuġi għandu stil ta' ħajja ta' ħela jew immorali;
  • l-eks konjuġi li kellu jmantni lill-konjuġi l-ieħor imut jew jiġi ddikjarat mejjet, jew imut jew jiġi ddikjarat mejjet il-konjuġi l-ieħor.
  • ikun hemm raġunijiet importanti oħra biex jispiċċa dan l-obbligu.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

It-terminu "separazzjoni legali" ma jeżistix fis-sistema ġuridika tal-Latvja.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

It-terminu "separazzjoni legali" ma jeżistix fis-sistema ġuridika tal-Latvja.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

It-terminu "separazzjoni legali" ma jeżistix fis-sistema ġuridika tal-Latvja.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Żwieġ jista' jiġu annullat jekk ġie ċċelebrat bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi li jipprojbixxu ċ-ċelebrazzjoni legali tiegħu. Mad-dħul fis-seħħ tas-sentenza ta' annullament taż-żwieġ, il-partijiet jitqiesu li qatt ma kienu miżżewwġin, u ż-żwieġ huwa null u bla effett mid-data ta' ċelebrazzjoni tiegħu. Għandu jiġi nnutat li l-annullament taż-żwieġ jista' jsir ukoll wara divorzju.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Annullament taż-żwieġ jingħata biss fil-każijiet li ġejjin kif stabbiliti mil-leġiżlazzjoni:

  • iż-żwieġ ma kienx irreġistrat minn uffiċjal tar-reġistru jew minn ministru reliġjuż ta' waħda mid-denominazzjonijiet imniżżla fil-Liġi Ċivili;
  • iż-żwieġ ġie ċelebrat b'mod fittizju mingħajr ma kien hemm il-ħsieb għat-tfal;
  • iż-żwieġ ġie ċelebrat qabel iż-żewġ konjuġi għalqu t-tmintax-il sena, jew f'ċerti każijiet qabel wieħed mill-konjuġi għalaq is-16-il sena, fejn iż-żwieġ jista' jkun validu jekk jiġi ċelebrat bejn adulti u jingħata l-kunsens tal-ġenituri jew tal-kuraturi; madankollu, dan iż-żwieġ ma jistax jiġi annullat jekk it-tfal twieldu fiż-żwieġ jew jekk iż-żewġ konjuġi jkunu għalqu l-età maġġuri sakemm tingħata s-sentenza tal-qorti;
  • meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ, wieħed mill-konjuġi kien ibati minn kundizzjoni li biha ma setax jifhem il-konsegwenzi tal-aġir tiegħu jew ma setax jikkontrollahom;
  • iż-żwieġ ġie ċċelebrat bejn persuni li jiġi minn xulxin fil-grad projbit mil-liġi, jiġifieri, qraba fil-linja diretta axxendenti jew dixxendenti, bejn l-aħwa, jew bejn aħwa mill-missier jew omm biss;
  • iż-żwieġ ġie ċċelebrat bejn il-persuna li se tadotta u l-persuna adottata, jekk ma jkunux tħassru r-relazzjonijiet legali stabbiliti bl-adozzjoni;
  • iż-żwieġ ġie ċċelebrat bejn kuratur u minuri, jew bejn trustee u persuna taħt trusteeship, qabel ma tkun spiċċat ir-relazzjoni ta' kurazija jew trusteeship;
  • wieħed mill-konjuġi kien diġa miżżewweġ.

F'dawn il-każijiet kollha, rikors għall-annullament taż-żwieġ jista' jitressaq f'kull ħin mingħajr skadenza, minn kull parti interessata jew minn prosekutur pubbliku. Jekk iż-żwieġ jispiċċa minħabba mewt jew divorzju, ir-rikors għall-annullament jista' jitressaq biss mill-persuni bi drittijiet affettwati minn dawn iċ-ċirkostanzi. Jekk ikunu mietu ż-żewġ konjuġi, ma jistax jitressaq rikors għall-annullament taż-żwieġ tagħhom.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Konjuġi bi żwieġ annullat jerġa lura għall-kunjom ta' ġuvni jew xebba tiegħu. Jekk meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ il-konjuġi ma kienx jaf li ż-żwieġ kellu jiġi annullat, huwa jista' jitlob lill-qorti biex iżomm il-kunjom taż-żwieġ.

Jekk meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ wieħed mill-konjuġi kien jaf li ż-żwieġ seta' jiġi annullat, il-konjuġi l-ieħor għandu dritt jitlob mill-konjuġi l-ieħor mhux biss mezzi finanzjarji biex iżomm l-istess livell ta' għajxien li kellu iżda wkoll kumpens għad-danni morali.

Meta ż-żwieġ jiġi annullat, iċ-ċirkostanzi li fihom jintemm l-obbligu ta' eks konjuġi li jmantni lill-ieħor bl-istess livell ta' għajxien huma l-istess bħal f'każ ta' divorzju (ara l-mistoqsija 3.4).

F'dak li jikkonċerna d-diviżjoni tal-proprjetà minħabba annullament taż-żwieġ, kull konjuġi għandu dritt iżomm il-proprjetà li jkun xtara qabel iż-żwieġ u l-proprjetà mixtrija minnu matul il-koabitazzjoni. Il-proprjetà mixtrija bejniethom trid tinqasam f'partijiet indaqs bejn l-eks konjuġi.

Jekk meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ l-ebda wieħed mill-konjuġi ma kien jaf li ż-żwieġ kellu jiġi annullat, il-proprjetà tinqasam skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Ċivili li tirregola d-diviżjoni tal-proprjetà mixtrija waqt żwieġ validu. Madankollu, jekk wieħed biss mill-konjuġi ma kienx jaf li ż-żwieġ kellu jkun annullat, il-proċedura dwar id-diviżjoni tal-proprjetà mixtrija waqt żwieġ validu f'każ ta' divorzju tapplika biss fir-rigward tal-konjuġi li ma kienx jaf li ż-żwieġ kellu jkun null.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Fil-Latvja, iż-żwieġ jista' jinħall minn nutar b'rikors konġunt tal-partijiet. Il-proċedura għall-ħall taż-żwieġ minn nutar hija prevista fit-Taqsima P tal-Liġi dwar in-Nutara. Nutar ċertifikat jista' jordna l-ħall taż-żwieġ jekk il-konjuġi jkunu laħqu ftehim dwar id-divorzju u ma jkollhomx wild minuri jew proprjetà matrimonjali, jew, fejn il-konjuġi jkollhom it-tfal jew proprjetà matrimonjali, ikollhom ftehim bil-miktub dwar il-kustodja tat-tfal, drittijiet ta' aċċess, manteniment tat-tfal u d-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Il-ħall taż-żwieġ minn nutar

Jekk iż-żwieġ jinħall minn nutar, ma hemmx ġurisdizzjoni territorjali speċifika - il-partijiet jistgħu jmorru għand liema nutar iridu fil-pajjiż. Dan ma jinkludix il-każijiet tranfruntiera fejn il-ġurisdizzjoni hija regolat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003. Jekk skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew leġiżlazzjoni internazzjonali oħra, divorzju transfruntiera ma jaqax fil-ġurisdizzjoni tal-Latvja, nutar ċertifikat ma jistax jibda l-proċedimenti ta' divorzju u jrid jinforma kif xieraq lill-konjuġi.

F'kawżi tranfruntiera ta' divorzju l-liġi applikabbli tiġi deċiża skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta' Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali.

Rikors għad-divorzju mressaq quddiem nutar irid jindika dan li ġej:

  • l-isem, il-kunjom u n-numru tal-identità personali ta' kull konjuġi (jekk il-konjuġi ma għandux numru tal-identità personali, is-sena, il-jum u x-xahar tat-twelid);
  • id-data sħiħa ta' jum it-tieġ u n-numru tal-entrata fir-reġistru;
  • il-pajjiż fejn ġie rreġistrat iż-żwieġ u l-awtorità, jew denominazzjoni reliġjuża u l-ministru tar-reliġjon, li quddiemu ġie ċċelebrat iż-żwieġ;
  • jekk il-konjuġi għandhomx tfal u jekk laħqux ftehim dwar il-kustodja tagħhom, kif ukoll l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' aċċess, u l-manteniment;
  • jekk il-konjuġi għandhomx proprjetà konġunta, u jekk laħqux ftehim dwar id-diviżjoni ta' din il-proprjetà;
  • il-kunjomijiet tal-konjuġi wara d-divorzju.

Ir-rikors irid ikollu mehmuż miegħu ċ-ċertifikat oriġinali taż-żwieġ, jew kopja jew estratt maħruġ mill-uffiċċju tar-reġistru pubbliku, jew dikjarazzjoni mill-istess uffiċċju.

Jekk il-konjuġi għandhom it-tfal jew proprjetà matrimonjali, mar-rikors irid jiġi anness ftehim bil-miktub dwar il-kustodja tat-tfal, il-manteniment tat-tfal, drittijiet ta' aċċess u d-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali.

Il-ħall taż-żwieġ mill-qorti

Rikors għal divorzju jew annullament taż-żwieġ irid jitressaq quddiem il-qorti distrettwali jew tal-belt (rajona (pilsētas) tiesa) li għandha ġurisdizzjoni - normalment il-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tal-konvenut, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tiegħu. Rikors jista' jitressaq quddiem il-qorti tal-post ta' residenza dikjarata tar-rikorrent, jew fin-nuqqas il-post ta' residenza de facto tiegħ, jekk:

  • it-tfal jgħixu mar-rikorrent;
  • iż-żwieġ li se jinħall ġie ċċelebrat ma' persuna li qiegħda tiskonta piena ta' priġunerija;
  • iż-żwieġ li se jinħall ġie ċċelebrat ma' persuna li ma għandhiex post ta' residenza dikjarat jew residenza de facto mhux magħrufa, jew tgħix f'pajjiż barrani.

Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta' divorzju, separazzjoni legali u annullament taż-żwieġ meta wieħed mill-konjuġi huwa abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor, jew huwa ċittadin ta' Stat Membru ieħor, huwa previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000.

Hekk kif jiġi determinat liema huwa l-Istat Membru adattat, tapplika l-proċedura ċivili domestika ta' dak l-Istat Membru.

Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta' divorzju huma stabbiliti wkoll fi ftehimiet internazzjonali bilaterali dwar l-għajnuna u l-assistenza legali li ġew konklużi ma' pajjiżi mhux Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u li huma vinkolanti fuq il-Latvja.

Skont l-Artikolu 128 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili rikors tal-qorti jrid jindika dan li ġej:

  • l-isem tal-qorti li quddiemha se jiġi ppreżentat ir-rikors;
  • l-isem, il-kunjom, in-numru tal-identità personali u l-post dikjarat ta' residenza tar-rikorrent (jekk ir-rikorrent ma għandux post dikjarat ta' residenza, il-post ta' residenza de facto tiegħu); f'każ ta' persuna ġuridika, l-isem, in-numru ta' reġistrazzjoni u l-uffiċċju reġistrat; ir-rikorrent jista' jindika wkoll indirizz ieħor minħabba l-korrispondenza mal-qorti;
  • l-isem, il-kunjom, in-numru tal-identità personali, il-post dikjarat ta' residenza u kull indirizz addizzjonali ieħor tal-konvenut jew ta' parti interessata, jew fin-nuqqas, il-post ta' residenza de facto tiegħu; f'każ ta' persuna ġuridika, l-isem, in-numru ta' reġistrazzjoni u l-uffiċċju reġistrat; in-numru tal-identità personali jew in-numru ta' reġistrazzjoni tal-konvenut iridu jiġu indikati jekk magħrufa;
  • l-isem, il-kunjom, in-numru tal-identità personali u indirizz għall-korrispondenza mal-qorti ta' rappreżentant tar-rikorrent, jekk il-kawża ssir minn rappreżentant, jew f'każ ta' persuna ġuridika, l-isem, in-numru ta' reġistrazzjoni u l-uffiċċju reġistrat;
  • f'talba għall-irkupru tal-flus, l-isem tal-istituzzjoni ta' kreditu u n-numru tal-kont li fih jista' jsir il-pagament, jekk meħtieġ;
  • is-suġġett tat-talba;
  • l-ammont tat-talba, jekk it-talba tista' tiġi kwantifikata fi flus, kif ukoll il-metodu tal-kalkolu tal-ammont li jrid jiġi rkuprat jew qed jiġi kontestat;
  • il-fatti li fuqhom ir-rikorrent qed jibbaża t-talba tiegħu, u l-provi li jikkorborawhom;
  • il-liġi li fuq hija bbażata t-talba;
  • it-talbiet tar-rikorrent;
  • lista tad-dokumenti mehmuża mar-rikors;
  • id-data li fiha sar ir-rikors, u kull informazzjoni oħra li hija rilevanti.

Skont it-Taqsima 235.1 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, rikors għad-divorzju jrid jindika wkoll:

  • id-data minn meta l-partijiet bdew jgħixu separatament;
  • jekk il-konjuġi l-ieħor jaqbilx mad-divorzju;
  • jekk il-partijiet laħqux ftehim dwar il-kustodja tat-tfal, il-proċeduri għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta' aċċess tal-ġenitur l-ieħor, il-manteniment, u d-diviżjoni tal-proprjetà mixtrija fiż-żwieġ, jew jekk humiex se jressqu talbiet separati lill-qorti f'dan ir-rigward.

Ir-rikors irid ikun iffirmat mir-rikorrent jew mir-rappreżentant tiegħu. Fi kwistjoni ta' divorzju jew ta' annullament, ir-rappreżentant tal-parti għandu jkollu awtorizzazzjoni speċifika biex ikun jista' jmexxi l-kawża. L-awtorizzazzjoni tar-rappreżentant f'kaz ta' divorzju jew annullament tkopri wkoll kull talba relatata.

Dawn li ġejjin iridu jiġu mehmuża mar-rikors:

  • kopja awtentika tar-rikors, biex tintbagħat lill-konvenut;
  • dokument li juri li tħallset it-tariffa tal-Istat u spejjeż oħra tal-Qorti skont il-proċedura u fl-ammont iffissat mil-liġi;
  • dokument jew dokumenti li jaċċertaw iċ-ċirkostanzi li fuqhom hija bbażata t-talba (bħal ċertifikat tar-reġistrazzjoni taż-żwieġ).

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

B'mod ġenerali, l-Istat jagħti għajnuna legali jekk il-mezzi jew livell ta' introjtu ta' persuna ma jippermettulix li tħares lid-drittijiet tagħha, jew jekk f'daqqa waħda ssib ruħha f'diffikultà finanzjarja li wkoll ma tħallihiex tħares lilha nfisha (pereżempju diżastru naturali, force majeure jew ċirkostanzi oħra mhux fil-kontroll tagħha), jew il-persuna hija għal kollox dipendenti fuq l-Istat jew l-awtorità lokali, li għalhekk tagħmilha oġġettivament diffiċli biex il-persuna tħares id-drittijiet tagħha. L-għajnuna legali tingħata skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali mill-Istat ((Valsts nodrošinātās juridiskās palīdzības likums).

L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż relatati mat-tħejjija tad-dokumenti proċedurali, il-konsultazzjoni mal-avukat matul il-proċedimenti, ir-rappreżentazzjoni fil-qorti, u l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti.

Il-Latvja tipprovdi għajnuna legali wkoll skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Fl-ewwel istanza, il-kawża tinstema' minn qorti distrettwali jew tal-belt (rajona (pilsētas) tiesa). Jista' jsir appell mid-deċiżjoni tagħha quddiem il-qorti reġjonali (apgabaltiesa), kif ukoll appell fuq punt tal-liġi (kasācija).

Jekk iż-żwieġ jinħall minn nutar, għandu jiġi nnutat li l-veraċità tad-dokumenti ċertifikati skont il-proċedura statutorja ma tistax tiġi kontestata. Id-dokumenti jistgħu jiġu kontestati permezz ta' kawża separata.

Kull ilment dwar nutar ċertifikat li ma jkunx mexa sew fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu, jew ikun irrifjuta li jwettaq d-dmirijiet tiegħu, għandu jiġi ppreżentat lill-qorti reġjonali li tissorvelja lin-nutar fi żmien xahar mid-data li fiha n-nutar wettaq l-azzjoni li dwarha sar l-ilment jew irrifjuta li jwettaq.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Sentenza ta' divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tiġi rikonoxxuta fil-Latvja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003. Ir-Regolament jgħid li sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fi Stati Membri oħra mingħajr il-ħtieġa ta' xi proċedura speċjali.

Kull parti interessata li tixtieq tiggarantixxi r-rikonoxximent fil-Latvja ta' sentenza ta' divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor tista', skont il-proċedura previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tapplika għal dikjarazzjoni li s-sentenza għandha tiġi rikonoxxuta, jew le, permezz ta' applikazzjoni għar-rikonoxximent (atzīšana) jew għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni (atzīšana un izpildīšana) tas-sentenza barranija lill-qorti distrettwali jew tal-belt tal-post fejn se tiġi eżegwita s-sentenza, jew tal-post ta' residenza dikjarat tal-konvenut, jew fin-nuqqas, dak tal-qorti tal-post ta' residenza de facto tiegħu.

Deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenza mogħtija minn qorti barranija tittieħed minn imħallef uniku, fuq il-bażi tal-applikazzjoni mressqa u d-dokumenti mehmuża magħha, fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, mingħajr ma jkollhom għalfejn jidhru l-qorti l-partijiet. L-imħallef jista' jiċħad ir-rikonoxximent tas-sentenza fil-Latvja biss għal waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta' rikonoxximent imniżżla fl-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003. Dawn jippermettu ċ-ċaħda ta' rikonoxximent fil-Latvja ta' sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, fil-każijiet li ġejjin:

  • jekk ir-rikonoxximent manifestament imur kontra l-politika pubblika tal-Latvja;
  • fejn is-sentenza tingħata b'kontumaċja, jekk il-konvenut ma ġiex innotifikat bid-dokument li beda l-proċedimenti jew b'dokument ekwivalenti b'ħin biżżejjed u b'tali mod li l-konvenut ikun jista' jipprepara d-difiża tiegħu sakemm ma jiġix deċiż li l-konvenut aċċetta s-sentenza mingħajr l-ebda dubju;
  • jekk is-sentenza ma tistax tiġi konċiljata ma' sentenza mogħtija fi proċedimenti bejn l-istess partijiet fil-Latvja;
  • jekk is-sentenza ma tistax tiġi konċiljata ma' sentenza preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż li mhux Stat Membru bejn l-istess partijiet, sakemm is-sentenza preċedenti tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fil-Latvja.

Skont it-Taqsima 638 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, rikors dwar ir-rikonoxximent ta' sentenza jrid jindika wkoll:

  • l-isem tal-qorti li quddiemha se jiġi ppreżentat ir-rikors;
  • l-isem, il-kunjom, in-numru tal-identità personali (jew, fin-nuqqas, id-dejta ta' identifikazzjoni oħra) u l-indirizz għall-korrispondenza mal-qorti; f'każ ta' persuna ġuridika, l-isem, in-numru ta' reġistrazzjoni u l-uffiċċju reġistrat;
  • l-isem, il-kunjom, in-numru tal-identità personali (jew, fin-nuqqas, id-dejta ta' identifikazzjoni oħra), il-post ta' residenza dikjarata u kull indirizz addizzjonali ieħor, jew, fin-nuqqas, il-post ta' residenza de facto tal-konvenut; f'każ ta' persuna ġuridika, l-isem, in-numru ta' reġistrazzjoni u l-uffiċċju reġistrat;
  • is-suġġett tar-rikors u ċ-ċirkostanzi li fuqhom huwa bbażat;
  • it-talba tar-rikorrent li tiġi rikonoxxuta s-sentenza mogħtija minn qorti barranija, jew rikonoxxuta u eżegwita, bi sħiħ jew parzjalment;
  • ir-rappreżentant awtorizzat u l-indirizz tiegħu, jekk ġie mqabbad rappreżentant biex imexxi l-kawża fil-Latvja;
  • lista tad-dokumenti mehmuża mar-rikors;
  • id-data u l-ħin li fih tfassal ir-rikors.

Skont l-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, rikors dwar ir-rikonoxximent ta' sentenza mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor għandu jkun akkumpanjat minn:

  • kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità;
  • jekk is-sentenza ngħata b'kontumaċja, dokument li jistabbilixxi li l-konvenut ġie nnotifikat bid-dokument li beda l-proċedimenti (għad-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ); alternattivament, ir-rikorrent jista' jissottometti dokumenti li jindika li l-konvenut aċċetta mingħajr l-ebda dubju s-sentenza mogħtija b'kontumaċja;
  • ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti jew qorti tal-Istat Membru tal-oriġini tas-sentenza skont l-Artikolu 39 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, hemm żewġ modi kif parti interessata tista' toġġezzjona fil-Latvja għar-rikonoxximent ta' sentenza ta' divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor.

Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsul (KE) Nru 2201/2003, kull parti interessata tista' titlob lil qorti għal deċiżjoni li sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor ma għandhiex tiġi rikonoxxuta fil-Latvja.

Fit-tieni lok, il-konvenut f'każ dwar ir-rikonoxximent ta' sentenza jista' jikkontesta r-rikonoxximent ta' sentenza fil-Latvja anki jekk persuna oħra tkun diġà ppreżentat rikors għar-rikonoxximent tas-sentenza, u fejn fuq il-bażi ta' dak ir-rikors il-qorti distrettwali jew tal-belt tkun diġà rrikonoxxiet is-sentenza. Il-konvenut jista' jqajjem eċċezzjonijiet għar-rikonoxximent fil-Latvja ta' sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor billi jappella d-deċiżjoni tal-qorti distrettwali jew tal-belt li rrikonoxxiet is-sentenza. Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, id-deċiżjoni ta' qorti distrettwali jew tal-belt li tirrikonoxxi sentenza mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor tista' tiġi appellata quddiem qorti reġjonali bil-preżentata ta' eċċezzjoni anċillari (blakus sūdzība) lill-qorti li tkun ħadet id-deċiżjoni, u n-notifika tar-rikors lill-qorti reġjonali rilevanti. Il-konvenut jew ir-rikorrent jistgħu jressqu d-deċiżjoni tal-qorti reġjonali dwar ir-rikonoxximent ta' sentenza quddiem is-Senat tal-Qorti Suprema (Augstākās tiesas Senāts) permezz ta' eċċezzjoni anċillari quddiem il-qorti li ħadet id-deċiżjoni u n-notifika tar-rikors lit-Taqsima tal-Kawżi Ċivili tas-Senat tal-Qorti Suprema.

Il-konvenut jista' joġġezzjoni għar-rikonoxximent ta' sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor biss fuq il-bażi ta' waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta' rikonoxximent previsti fl-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 (ara l-mistoqsija 14).

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-proċedura għall-għażla tal-liġi applikabbli hija prevista fir- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaRegolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta' Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ir-Regolament Rome III.

Ħoloq

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.tiesas.lv/

http://www.llrx.com/features/latvia.htm Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaEnglish

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.vvc.gov.lv/

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.tm.gov.lv/

L-aħħar aġġornament: 07/02/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Litwan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Divorzju - Litwanja

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Żwieġ jista' jinħall bil-kunsens reċiproku tal-konjuġi, jekk jiġu sodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

  1. għaddiet aktar minn sena mid-data tat-tieġ;
  2. il-konjuġi ffirmaw ftehim ta' soluzzjoni għad-divorzju (diviżjoni tal-proprjetà, manteniment tat-tfal, eċċ);
  3. iż-żewġ konjuġi għandhom kapaċità ġuridika sħiħa.

Fil-każijiet provduti f'dan l-Artikolu, id-divorzju jinkiseb skont proċedura simplifikata.

Iż-żwieġ jista' jinħall jekk wieħed mill-konjuġi jippreżenta rikors quddiem il-qorti distrettwali (apylinkės teismas) tal-post tar-residenza tiegħu, jekk jissodisfa mill-inqas wieħed mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

  1. il-konjuġi ilhom li sseparaw il-fuq minn sena;
  2. wieħed mill-konjuġi ġie ddikjarat ġuridikament inkapaċi permezz ta' sentenza tal-qorti wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ;
  3. ingħatat sentenza tal-qorti illi tirrikonoxxi illi mhux magħruf fejn jinsab wieħed mill-konjuġi;
  4. wieħed mill-konjuġi qiegħed jiskonta piena ta' priġunerija ta' aktar minn sena minħabba li wettaq reat mhux premeditat.

Id-divorzju minħabba l-ħtija ta' wieħed jew iż-żewġ konjuġi. Konjuġi jista' jitlob id-divorzju jekk iż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment bi ħtija tal-konjuġi l-ieħor. Konjuġi jiġi rikonoxxut ħati għat-tkissir taż-żwieġ jekk ikun kiser b'mod sostanzjali l-obbligi taż-żwieġ kif stabbiliti fit-Tielet Ktieb (Liġi tal-Familja) tal-Kodiċi Ċivili Litwan (Civilinis kodeksas), biex b'hekk il-ħajja miżżewwġa flimkien saret impossibbli.

Żwieġ jitqies li tkisser minħabba l-ħtija tal-konjuġi l-ieħor jekk huwa nstab ħati ta' reat premeditat jew jekk ikkommetta l-adulterju jew kien abbużiv fil-konfront tal-konjuġi l-ieħor jew mal-membri tal-familja tiegħu jew abbanduna lill-familtu u ma kienx jieħu ħsiebha għal aktar minn sena.

Il-konvenut fi proċedimenti ta' divorzju jista' jikkontesta l-ħtija tiegħu u jressaq provi li juru illi r-rikorrent huwa responsabbli għat-tkissir taż-żwieġ. Wara li tkun ikkunsidrat iċ-ċirkostanzi tal-każ, il-qorti tista' tiddikjara illi ż-żewġ konjuġi huma ħatja tat-tkissir taż-żwieġ. Jekk il-qorti ssib illi ż-żewġ konjuġi huma ħatja tat-tkissir taż-żwieġ, il-konsegwenzi huma l-istess bħall-ħall kunsenswali taż-żwieġ.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Żwieġ jintemm bil-mewt ta' wieħed mill-konjuġi jew bil-ħall mil-liġi. Żwieġ jista' jinħall bil-kunsens reċiproku tal-konjuġi, fuq talba ta' wieħed minnhom jew minħabba l-ħtija ta' wieħed minnhom jew tat-tnejn li huma.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

Żwieġ jitqies li nħall mid-data li fiha tidħol fis-seħħ is-sentenza ta' divorzju. Fi żmien tliet ijiem mid-dħul fis-seħħ tas-sentenza ta' divorzju, il-qorti trid tibgħat kopja ta' dik is-sentenza lir-reġistru tal-qorti ċivili, biex jirreġistra d-divorzju.

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Wara d-divorzju, il-konjuġi jista' jżomm kunjomu taż-żwieġ jew il-kunjom li kellu qabel iż-żwieġ. Meta ż-żwieġ jinħall minħabba l-ħtija ta' xi ħadd mill-konjuġi, il-qorti tista', fuq talba tal-konjuġi l-ieħor, ma tħallix lill-konjuġi ħati milli jżomm kunjomu fiż-żwieġ, ħlief jekk kellhom it-tfal.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Id-diviżjoni tal-proprjetà tal-konjuġi tiddependi fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali, li jista' jiġi stabbilit bil-liġi jew b'kuntratt. Fin-nuqqas ta' kuntratt taż-żwieġ, il-proprjetà tal-konjuġi hija koperta mir-reġim ta' proprjetà previst mil-liġi. Id-diversi reġimi ta' proprjetà matrimonjali huma regolati mill-Kapitolu VI tal-Parti III tat-Tielet Ktieb tal-Kodiċi Ċivili  (Civilinis kodeksas).

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Jekk id-dar matrimonjali hija l-proprjetà ta' wieħed mill-konjuġi, il-qorti tista' tistabbilixxi l-użufrutt u tħalli lill-konjuġi l-ieħor jgħix fiha jekk it-tfal minuri jibqgħu jgħixu miegħu wara d-divorzju. L-użufrutt jibqa' validu sakemm it-tfal jilħqu l-età adulta. Jekk id-dar matrimonjali kienet mikrija, il-qorti tista' tittrasferixxi l-kirja lill-konjuġi ma' min sejrin jgħixu t-tfal minuri jew lil konjuġi li mhux kapaċi jaħdem u tista' tiżgombra lill-konjuġi l-ieħor jekk ġie ordnat imur jgħix għal rasu.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Meta tkun qed tagħti s-sentenza ta' divorzju, il-qorti tista' wkoll tordna l-ħlas ta' manteniment lil ekskonjuġi fil-bżonn, sakemm il-kwistjoni tal-manteniment ġiet miftiehma fil-ftehim dwar id-divorzju imfassal bejn il-konjuġi. Il-konjuġi ma għandhomx dritt għall-manteniment jekk għandhom biżżejjed  assi jew introjtu għall-għajxien tagħhom. Huwa preżunt illi konjuġi jkollu bżonn il-manteniment jekk qiegħed irabbi t-tfal imwielda fiż-żwieġ, jew jekk ma jistax jaħdem minħabba l-età avvanzata jew mard. Konjuġi li ma kisibx kwalifiki (ma lestiex l-istudji tiegħu) minħabba ż-żwieġ u l-interessi komuni tal-familja jew il-bżonn li jieħu ħsieb it-tfal għandu dritt jitlob lill-ekskonjuġi tiegħu jkopri l-ispejjeż meħtieġa biex ilesti l-istudji tiegħu jew biex jerġa jitħarreġ.

Il-konjuġi ħati f'divorzju ma għandux dritt għall-manteniment.

Fl-għoti tal-manteniment u l-iffissar tal-ammont, il-qorti trid tqis kemm dam iż-żwieġ, il-bżonn għall-manteniment, l-assi taż-żewġ ekskonjuġi, l-istat ta' saħħa tagħhom, l-età u l-kapaċità għax-xogħol, kemm huwa possibbli illi jsib xogħol il-konjuġi mingħajr xogħol u ċirkostanzi importanti oħra.

Il-ħlas tal-manteniment jitnaqqas, jingħata fuq bażi temporanja jew jiġi miċħud jekk ikun hemm waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  1. iż-żwieġ dam inqas minn sena;
  2. il-konjuġi bi dritt għall-manteniment wettaq reat kontra l-konjuġi l-ieħor jew xi qraba tiegħu;
  3. id-diffikultajiet finanzjarji li qiegħed iġarrab il-konjuġi bi dritt għall-manteniment huma riżultat tal-imġiba ħażina tiegħu;
  4. il-konjuġi li qiegħed jitlob il-manteniment ma tax sehmu fit-tkattir tal-assi komuni jew ikkawża ħsara b'mod intenzjonali lill-interessi tal-konjuġi l-ieħor jew tal-familja matul iż-żwieġ.

Il-qorti tista' tordna lill-ekskonjuġi li jrid iħallas il-manteniment lill-konjuġi l-ieħor biex jagħti garanzija xierqa għat-twettiq ta' dan l-obbligu. Il-manteniment jista' jingħata bħala somma waħda jew fil-forma ta' pagamenti regolari fix-xahar (bin-nifs) jew permezz ta' trasferiment tal-assi.

Jekk il-konjuġi jitlob id-divorzju minħabba l-inkapaċità tal-konjuġi l-ieħor, il-konjuġi li beda l-proċedimenti ta' divorzju jrid iħallas għat-trattament u l-kura tal-ekskonjuġi inkapaċitat, sakemm ma jkunx kopert mill-fondi tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

Ordni ta' manteniment jikkostitwixxi raġuni għal ipoteka ġuridika tal-assi tal-konvenut. Jekk l-ekskonjuġi jonqos mill-obbligu tal-ħlas tal-manteniment, l-assi tiegħu jistgħu jintużaw biex isiru l-pagamenti skont il-proċedura prevista mil-liġi.

F'każ li jmut l-ekskonjuġi li jrid iħallas il-manteniment, l-obbligu jmur għand is-suċċessuri tiegħu sa fejn jippermetti l-wirt, irrispettivament minn kif ġie aċċettat il-wirt.

Jekk ekskonjuġi li ngħata l-manteniment imut jew jerġa jiżżewweġ. il-pagament tal-manteniment jieqaf. F'każ ta' mewt, id-dritt biex jintalbu l-arretrati jew il-pagamenti dovuti tal-manteniment jgħaddi għand is-suċċessuri tal-ekskonjuġi li jkun miet. Jekk jinħall iż-żwieġ il-ġdid, l-ekskonjuġi jista' japplika għat-tiġdid tal-pagamenti tal-manteniment jekk ikun qiegħed irabbi t-tfal jew jieħu ħsieb tfal bi bżonnijiet speċjali mill-ewwel żwieġ. F'każijiet oħra l-obbligu tal-konjuġi mit-tieni żwieġ li jħallas il-manteniment jegħleb l-obbligu tal-ekskonjuġi mill-ewwel żwieġ.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Meta l-qorti tagħti sentenza fejn tilqa' it-talba għas-separazzjoni legali, il-konjuġi ma jibqgħux bl-obbligu tal-koabitazzjoni, iżda d-drittijiet u l-obbligi l-oħra tagħhom jibqgħu fis-seħħ. Is-separazzjoni legali tista' tkun l-ewwel pass lejn id-divorzju. Madankollu, dan ma jfissirx illi l-konjuġi ma jistgħux jerġgħu jibdew jgħixu flimkien. Għall-kuntrarju tad-divorzju, il-konjuġi li huma separati ma jistgħux jerġgħu jiżżewwġu, għaliex ma jkunux formalment divorzjati.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Wieħed mill-konjuġi jista' jitlob lill-qorti għas-separazzjoni legali jekk minħabba ċerti ċirkostanzi, li jistgħu ma jiddependux mill-konjuġi l-ieħor, il-ħajja flimkien tkun saret intollerabbli/impossibbli jew tista' tikkawża ħsara sostanzjali lill-interessi tat-tfal minuri tagħhom, jew il-konjuġi ma għandhomx interess jibqgħu jgħixu flimkien. Il-konjuġi jistgħu iressqu rikors konġunt quddiem il-qorti għas-separazzjoni legali jekk ikunu ffirmaw ftehim għas-separazzjoni dwar l-arranġamenti ta' akkomodazzjoni, manteniment u edukazzjoni tat-tfal tagħhom, id-diviżjoni tal-proprjetà u l-manteniment reċiproku.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Is-separazzjoni ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-konjuġi fir-rigward tat-tfal minuri tagħhom; huma sempliċement jgħixu separatament. Fl-għoti ta' ordni ta' separazzjoni, il-qorti trid dejjem toħroġ ordni ta' likwidazzjoni tal-proprjetà, sakemm dawk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew miftehma fil-kuntratt taż-żwieġ mill-konjuġi. Il-konsegwenzi legali tas-separazzjoni fuq id-drittijiet tal-proprjetà tal-konjuġi jidħlu fis-seħħ mill-ftuħ tal-proċedimenti. Madankollu, sakemm konjuġi ma jkunx meqjus ħati għas-separazzjoni, huwa jista' jitlob lill-qorti sabiex il-konsegwenzi legali tas-separazzjoni fuq id-drittijiet ta' proprjetà tal-konjuġi jidħlu fis-seħħ retroattivament mid-data li fiha l-konjuġi verament ma jibqgħux jgħixu flimkien. Jekk wieħed mill-konjuġi separati jmut wara li jkun ħareġ l-ordni ta' separazzjoni, is-superstiti jżomm id-drittijiet previsti mil-liġi ta' konjuġi superstiti, sakemm dan tal-aħħar ma jkunx ġie ddikjarat ħati għas-separazzjoni mill-qorti. L-istess regola tapplika fejn il-qorti tilqa' t-talba għas-separazzjoni fuq il-bażi ta' rikors konġunt tal-konjuġi, sakemm il-ftehim dwar is-separazzjoni tal-konjuġi ma jipprovdix mod ieħor. Madankollu, l-konjuġi superstiti ma jistax jiret lill-konjuġi mejjet.

Meta tilqa' talba ta' separazzjoni, il-qorti tista' tordna lill-konjuġi ħati għas-separazzjoni biex iħallas il-manteniment lill-konjuġi l-ieħor jekk ikun fil-bżonn, jekk il-kwistjoni dwar il-manteniment ma tkunx ġiet miftehma fil-ftehim dwar is-separazzjoni mill-konjuġi.

Is-separazzjoni tintemm jekk il-konjuġi jerġgħu jibdew jgħixu flimkien u l-ħajja flimkien tikkonferma l-ħsieb tagħhom li jgħixu flimkien b'mod permanenti. Is-separazzjoni tispiċċa meta l-qorti toħroġ ordni li tilqa' r-rikors konġunt tal-konjuġi biex itemmu s-separazzjoni u tirrevoka l-ordni ta' separazzjoni preċedenti tagħha.

Hekk kif jerġgħu jibdew jgħixu flimkien, il-proprjetà tal-konjuġi tibqa' separata sakemm jikkonkludu kuntratt taż-żwieġ u jagħżlu reġim ta' proprjetà matrimonjali ġdid. It-tmiem tas-separazzjoni legali tipproduċi effetti legali għal terzi biss jekk il-konjuġi jikkonkludu kuntratt taż-żwieġ ġdid u jirreġistrawh skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 3.103 tal-Kodiċi Ċivili (Civilinis kodeksas).

Jekk il-konjuġi kienu separati għal aktar minn sena mid-dħul fis-seħħ tal-ordni tal-qorti, kull konjuġi jista' jitlob għad-divorzju.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Il-qrati biss jistgħu jannullaw żwieġ. Żwieġ li jkun ġie ddikjarat null mill-qorti huwa null ab initio. Il-konsegwenza legali tal-annullament taż-żwieġ (ara punt 9) jiddependu fuq jekk il-konjuġi, jew xi ħadd minnhom, aġixxa in bona fede meta' daħal għaż-żwieġ. Madankollu, f'kull każ, il-liġi tiddefendi d-drittijiet tat-tfal imwielda fi żwieġ li ġie annullat (jitqiesu li twieldu fiż-żwieġ). Wara l-annullament taż-żwieġ tagħhom, il-partijiet jistgħu jerġgħu jiżżewwġu jew jirreġistraw sħubija.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Żwieġ jista' jiġi ddikjarat null jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin għaċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ ma' jiġux issodisfati:

Żwieġ jista' jiġi ċċelebrat biss ma' persuna ta' sess differenti.

Raġel u mara jridu jidħlu għaż-żwieġ minn jeddhom. Kull theddid, koerċizzjoni, ingann jew nuqqas ta' rieda ħielsa oħra tikkostitwixxi bażi għall-annullament taż-żwieġ.

Żwieġ jista' jiġi ċċelebrat bejn persuni li għandhom 18-il sena jew aktar f'jum it-tieġ.  Fuq talba ta' persuna li tixtieq tiżżewweġ qabel ma tagħlaq tmintax-il sena, il-qorti tista' tnaqqas l-età tal-kunsens għaż-żwieġ għal dik il-persuna permezz tal-proċedura simplifikata, iżda b'mhux aktar minn sentejn. It-tqala hija raġuni importanti għat-tnaqqis tal-età tal-kunsens għaż-żwieġ. Jekk il-persuna hija tqila, il-qorti tista' tħalliha tiżżewweġ qabel ma tagħlaq 16-il sena.

Persuna li ġiet iddikjarata legalment inabilitata permezz ta' sentenza tal-qorti li daħħlet fis-seħħ ma tistax tiżżewweġ. Jekk jiġi magħruf illi nfetħet kawża l-qorti sabiex waħda mill-partijiet li sejra tiżżewweġ tiġi ddikjarata legalment inabilitata, ir-reġistrazzjoni taż-żwieġ tiġi posposta sakemm is-sentenza ta' dik il-kawża tidħol fis-seħħ.

Persuna miżżewwġa u li għadha ma kisbitx id-divorzju skont il-proċedura stabbilita mil-liġi ma tistax terġa tiżżewweġ.

Iż-żwieġ bejn ġenituri u tfal, ġenituri adottivi u tfal adottati, bejn nanniet u neputijiet, aħwa jew aħwa tar-rispett, kuġini, zijiet u neputijiet huwa projbit.

Żwieġ fittizju wkoll jista' jiġi annullat. Żwieġ li jiġi ċċelebrat biss għall-apparenzi u mingħajr il-ħsieb li tinħoloq relazzjoni ta' familja jista' jiġi annullat fuq talba ta' kull wieħed mill-konjuġi jew minn prosekutur pubbliku.

Żwieġ jista' jiġi annullat jekk il-konjuġi ma jkunux daħlu għalih b'rieda ħielsa. Konjuġi jista' jitlob għall-annullament jekk jista' juri illi, fi żmien iż-żwieġ, ma kienx kapaċi jifhem l-azzjonijiet tiegħu jew ma setgħax jikkontrollahom.  Annullament jista' jintalab minn konjuġi li ġie mġiegħel jiżżewweġ minħabba theddid, pressjoni jew frodi.

Konjuġi li jkun ta l-kunsens għaż-żwieġ minħabba żball sostanzjali jista' jfittex l-annullament taż-żwieġ. Żball jitqies li huwa sostanzjali jekk jikkonċerna ċirkostanzi marbuta mal-parti l-oħra li, kieku magħrufa, kienu jżommuh milli jidħol għaż-żwieġ. L-iżball huwa preżunt sostanzjali jekk huwa dwar: (i) is-saħħa tal-parti l-oħra jew anormalità sesswali li tirrendi l-ħajja normali tal-familja impossibbli; jew (ii) reat serju mwettaq mill-parti l-oħra.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

It-tfal imwielda minn żwieġ li wara jiġi annullat jitqiesu li twieldu fiż-żwieġ. Fejn iż-żewġ konjuġi aġixxew in bona fede, jiġifieri ma kienux jafu u ma setgħux ikunu jafu dwar l-impedimenti għaż-żwieġ tagħhom, il-konsegwenzi legali taż-żwieġ tagħhom, anke jekk ikun ġie ddikjarat null, huma l-istess bħal ta' żwieġ validu, ħlief għad-dritt ta' suċċessjoni. Fis-sentenza tal-qorti jrid ikun hemm provi illi l-konjuġi aġixxew in bona fede.

Il-konsegwenzi legali ta' annullament fejn wieħed jew iż-żewġ konjuġi aġixxew in mala fede: fejn wieħed biss mill-partijiet aġixxa in bona fede, id-drittijiet mogħtija lilu permezz ta' żwieġ null huma l-istess bħal ta' persuna miżżewwġa. Fejn iż-żewġ partijiet aġixxew in mala fede, iż-żwieġ null ma jagħtihom l-ebda mid-drittijiet jew obbligi ta' persuni miżżewwġa. Kull wieħed minnhom għandu dritt jirkupra l-proprjetà personali tiegħu, inkluż rigali lill-parti l-oħra. Jekk ikollu bżonn il-manteniment, il-konjuġi li jkun aġixxa in bona fede għandu dritt jitlob għall-manteniment mingħand il-konjuġi li aġixxa in mala fede għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet snin. L-ammont jiġi determinat mill-qorti, b'kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja taż-żewġ partijiet. Il-qorti tista' tordna l-ħlas ta' pagamenti fix-xahar jew ta' somma waħda f'daqqa. Jekk is-sitwazzjoni finanzjarja ta' waħda mill-partijiet tinbidel, il-parti interessata tista' titlob lill-qorti biex iżżid, tnaqqas jew ittemm il-pagamenti tal-manteniment. Ordni għall-ħlas tal-manteniment lill-konjuġi li aġixxa in bona fede jintemm awtomatikament jekk il-konjuġi jerġa jiżżewweġ jew fi tmiem il-perjodu ta' tliet snin li għalih irid jitħallas il-manteniment.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Fil-leġiżlazzjoni Litwana mhemmx mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex tinsab soluzzjoni dwar kwistjonijiet relatati mad-divorzju, għalhekk l-unika soluzzjoni hija l-qorti.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Rikors għal divorzju kunsenswali jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti distrettwali (apylinkės teismas) tal-post ta' residenza ta' wieħed mill-konjuġi. Ir-rikors irid jindika r-raġunijiet għad-divorzju u kif ir-rikorrent sejjer jissodisfa l-obbligi tiegħu fil-konfront tal-konjuġi l-ieħor u t-tfal minuri tagħhom u jrid ikun fih kull informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 384 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (Civilinio proceso kodeksas).

Rikors għal divorzju fuq talba ta' wieħed mill-konjuġi jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti distrettwali tal-post ta' residenza tar-rikorrent.

Rikors għal divorzju minħabba l-ħtija ta' wieħed mill-konjuġi jrid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti distrettwali tal-post ta' residenza tal-konvenut. F'każ li mar-rikorrent jgħixu t-tfal minuri, ir-rikors għad-divorzju jista' jiġi ppreżentat ukoll quddiem il-qorti distrettwali tal-post ta' residenza tar-rikorrent.

Rikors għall-annullament taż-żwieġ irid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-post ta' residenza tal-konvenuti jew ta' wieħed minnhom.

Ir-rikorsi għas-separazzjoni legali jiġu eżaminati mill-qorti tal-post ta' residenza tal-konvenut.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-għajnuna legali garantita mill-Istat (Lietuvos Respublikos Valstybės garantuojamos teisinės pagalbos įstatymas) tirregola l-għoti tal-għajnuna legali lil dawk b'introjtu baxx. Din l-għajnuna legali tkopri wkoll kwistjonijiet tal-familja.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Iva. Deċiżjoni dwar id-divorzju/annullament taż-żwieġ tista' tiġi appellata skont id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-proċeduri għall-appell.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Deċiżjoni tal-qorti dwar id-divorzju/separazzjoni legali/annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor hija rikonoxxuta fir-Repubblika tal-Litwanja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003. Skont dak ir-Regolament, sentenza li tingħata fi Stat Membru partikolari tiġi awtomatikament rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' xi proċedura speċjali.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, parti interessata tista' topponi r-rikonoxximent fir-Repubblika tal-Litwanja ta' deċiżjoni dwar id-divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor.

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, kull parti interessata tista' tippreżenta rikors quddiem il-qorti distrettwali (apylinkės teismas) sabiex sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor ma tiġix rikonoxxuta fil-Litwanja.

Persuna li fil-konfront tagħha jixtieq jinkiseb ir-rikonoxximent ta' sentenza tista' topponi wkoll ir-rikonoxximent tagħha fil-Litwanja minħabba l-proċedimenti ta' rikonoxximent li diġà għaddejjin u wara d-deċiżjoni tal-qorti distrettwali li tirrikonoxxi s-sentenza. Għalhekk, il-konvenut jista' jopponi r-rikonoxximent fil-Litwanja tas-sentenza f'dak il-każ permezz ta' appell minn deċiżjoni tal-qorti distrettwali li rrikonoxxietha. Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kunsil (KE) Nru 2201/2003, id-deċiżjoni tal-qorti distrettwali dwar ir-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor tista' tiġi appellata fil-qorti reġjonali (apygardos teismas).

Il-konvenut jista' jopponi r-rikonoxximent ta' sentenza mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor permezz tar-raġunijiet għan-non rikonoxximent stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Is-separazzjoni legali u d-divorzju huma suġġetti għal-liġijiet tal-post ta' residenza abitwali tal-konjuġi. Jekk il-konjuġi ma għandhomx post komuni ta' residenza abitwali, japplikaw il-liġijiet tal-pajjiż fejn kellhom l-aħħar post komuni ta' residenza abitwali, jew fin-nuqqas, il-liġijiet tal-pajjiż fejn tinsab il-qorti. Jekk il-liġijiet tal-pajjiż li tiegħu huma ċittadini l-konjuġi ma jippermettux id-divorzju jew jimponu kundizzjonijiet speċjali għad-divorzju, divorzju jista' jinkiseb skont il-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja jekk wieħed mill-konjuġi huwa wkoll ċittadin Litwan jew huwa abitwalment residenti fir-Repubblika Litwana.

L-aħħar aġġornament: 27/11/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Divorzju - Lussemburgu

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Fil-liġi Lussemburgiża hemm żewġ forom ta' divorzju, id-divorzju kunsenswali u d-divorzju minħabba ksur irrimedjabbli tar-relazzjonijiet konjugali.

  • Divorzju kunsenswali

Id-divorzju kunsenswali jista’ jintalab b’mod konġunt mill-konjuġi meta jaqblu dwar it-terminazzjoni taż-żwieġ u l-konsegwenzi tagħha.

Jekk il-konjuġi jkollhom beni li jridu jinqasmu, ikollhom isiru inventarju u stima minn nutar. Imbagħad, il-konjuġi jkunu jistgħu jiftiehmu liberament dwar id-drittjiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-beni kkonċernati. Jekk ma jkunx hemm beni li jirrikjedu inventarju, ma jkunx hemm bżonn tas-servizzi ta' nutar.

Il-konjuġi jridu jiftiehmu wkoll dwar ir-residenza tagħhom waqt il-proċess tad-divorzju, dwar x'se jagħmlu bi wliedhom waqt u wara dak il-proċess, dwar il-kontribuzzjoni ta' kull wieħed mill-konjuġi għall-edukazzjoni u t-trobbija tat-tfal qabel u wara d-divorzju u finalment dwar l-ammont tal-manteniment eventwali pprovdut minn wieħed mill-konjuġi lill-ieħor waqt il-proċess u wara s-sentenza tad-divorzju. Dan il-ftehim irid ikun iddokumentat bil-miktub (la convention) u mfassal minn avukat tal-Qorti jew minn nutar. Il-ftehim irid jiġi approvat minn qorti li tivverifika li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu ssalvagwardjati u li ma jkunx jippreġudika b’mod manifestament sproporzjonat l-interessi ta’ wieħed mill-konjuġi. Il-ftehim approvat huwa parti integrali mis-sentenza ta’ divorzju.

  • Divorzju minħabba ksur irrimedjabbli tar-relazzjonijiet konjugali

Id-divorzju minħabba ksur irrimedjabbli tar-relazzjonijiet konjugali jista’ jintalab minn wieħed mill-konjuġi, jew, meta jkun hemm ftehim dwar il-prinċipju tad-divorzju iżda mhux il-konsegwenzi kollha tiegħu, miż-żewġ partijiet b’mod konġunt.

Il-ksur irrimedjabbli jiġi stabbilit bil-qbil tal-konjuġi dwar il-prinċipju tad-divorzju jew b’talba ta’ wieħed mill-konjuġi li jżommha għaddejja wara perjodu ta’ riflessjoni ta’ mhux aktar minn tliet xhur, li jista’ jiġġedded darba.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Fil-liġi Lussemburgiża hemm żewġ forom ta' divorzju, id-divorzju kunsenswali u d-divorzju minħabba ksur irrimedjabbli tar-relazzjonijiet konjugali.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Iż-żwieġ jinħall bid-deċiżjoni tad-divorzju. Id-dmirijiet rispettivi, jiġifieri l-obbligi ta' fidelità, appoġġ u assistenza, jintemmu.

Il-liġi Lussemburgiża tistipula li l-ebda ċittadin ma jista' juża isem jew kunjom differenti minn dak imniżżel fiċ-ċertifikat tat-twelid: dawk li jkunu waqfu jużawh ikollhom jerġgħu joħduh. Bidla fl-istat ċivili, pereżempju permezz taż-żwieġ, għalhekk ma jwassalx għal bdil fl-isem ta' wieħed mill-miżżewġin. Li tieħu kunjom il-konjuġi tiegħek mhux dritt akkwiżit. Il-konjuġi jrid jagħti l-kunsens tiegħu biex tuża kunjomu.

L-imħallfin Lussemburgiżi ħadu deċiżjonijiet dwar l-effett tad-divorzju fuq il-kunjom użat:

Il-mara divorzjata ma tistax tibqa' tuża kunjom l-eks raġel tagħha mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, u l-awtorizzazzjoni tista' tiġi revokata f'kull ħin. Id-dritt tal-eks raġel li jopponi l-użu ta' kunjomu huwa fid-diskrezzjoni tiegħu, u għalhekk il-qrati ma jistgħux jawtorizzaw mara divorzjata biex tibqa' tuża kunjom l-eks raġel b'mod illimitat, lanqas għall-bżonnijiet ta' xogħolha, ladarba l-eks raġel joġġezzjona. Il-qorti tista' madankollu, wara li tqis il-fama li l-eks mara tkun kisbet fil-professjoni tagħha b'kunjom l-eks raġel tagħha u biex jiġi evitat preġudizzju ekonomiku fil-konfront tagħha, tikkonċedilha ammont ta' żmien biex il-klijenti tagħha jsiru jafuha b'kunjomha. – Il-Qorti tal-Appell (Cour) l-24 ta' Mejju 2006, p. 33, 258

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

  • Id-deċiżjoni tad-divorzju tordna l-likwidazzjoni u l-qsim tal-patrimonju matrimonjali tal-konjuġi. Fin-nuqqas ta' kuntratt taż-żwieġ, ir-reġim statutorju li japplika huwa dak tal-komunità tal-akkwisti, jiġifieri li l-komunità tal-beni tapplika biss għall-akkwisti. Id-divorzju jxolji l-komunità. Fil-qsim tal-beni, hemm żewġ stadji ewlenin:
    • Fl-ewwel stadju, kull wieħed mill-konjuġi jieħu lura l-beni tiegħu li ma kinux jiffurmaw parti mill-komunità tal-akkwisti, jekk ma jkunux beni finanzjarji, jew kwalunkwe beni li jkunu ssotitwewhom.
    • Fit-tieni stadju, il-patrimonju komuni (assi u obbligazzjonijiet), jiġi likwidat. Għal kull wieħed mill-konjuġi, titfassal dikjarazzjoni ta' xi jkollu jieħu mill-komunità u xi jkollu jagħti lill-komunità.
  • Meta konjuġi ikun ġie kkundannat b’deċiżjoni li saret res judicata, fuq reat previst mill-Artikoli 372, 375, 376, 377, 393, 394, 396, 397, 398, 399, 400, 401, 401bis, 402, 403, 404, 405 u 409 tal-Kodiċi Kriminali (attentat għall-pudur, stupru, offiża ħafifa fuq il-persuna, omiċidju u offiża gravi fuq il-persuna, qtil, assassinju, infantiċidju u avvelenament) imwettaq matul iż-żwieġ fil-konfront tal-konjuġi l-ieħor jew ta’ tfal li jgħixu fl-istess abitazzjoni jew attentat li jitwettaq reat previst mill-Artikoli 372, 375, 376, 377, 393, 394, 396, 397, 401, 403, 404 u 405 tal-Kodiċi Kriminali fil-konfront tal-istess persuni matul iż-żwieġ, huwa jitlef, fuq talba tal-konjuġi l-ieħor, il-benefiċċji matrimonjali li dan tal-aħħar jagħtih. Il-konjuġi innoċenti madankollu jibqa’ jgawdi l-benefiċċji li jkunu ngħatawlu mill-konjuġi tiegħu, u dan anke jekk dawn il-benefiċċji kellhom ikunu reċiprokati u din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfata.
  • Jekk konjuġi jitlaq jew inaqqas l-attività professjonali tiegħu matul iż-żwieġ, huwa jkun jista’ jakkwista retroattivament il-pensjoni bl-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni, skont il-kundizzjonijiet u l-kriterji speċifikati mil-liġijiet applikabbli f’materji ċivili u ta’ sigurtà soċjali. Għal dan l-għan, qabel is-sentenza tad-divorzju u bil-kundizzjoni li fil-mument tat-talba ma jkunx qabeż l-età ta’ ħamsa u sittin sena, il-konjuġi jista’ jitlob lill-qorti li tiddeċiedi dwar id-divorzju biex tagħmel il-kalkolu ta’ “ammont ta’ referenza”, ibbażat fuq id-differenza bejn id-dħul rispettiv tal-konjuġi matul il-perijodu ta’ tluq jew tnaqqis tal-attività professjonali. Il-modalitajiet tal-kalkolu ta’ dan l-ammont huma stabbiliti mir-Regolament Gran Dukali tal-11 ta’ Settembru 2018 dwar il-kalkolu tal-ammont ta’ referenza u l-proċeduri tal-ħlas u tar-restituzzjoni tal-ammonti previsti mill-Artikolu 252 tal-Kodiċi Ċivili (règlement grand-ducal du 11 septembre 2018 relatif au calcul du montant de référence et aux modalités de versement et de restitution des montants visés à l’article 252 du Code civil). Għall-fini ta’ dan ix-xiri retroattiv, il-konjuġi li telaq jew naqqas l-attività professjonali tiegħu għandu pretensjoni kontra l-konjuġi l-ieħor sa ħamsin fil-mija tal-ammont ta’ referenza, limitat għall-beni komuni jew indiviżi li jkun hemm wara s-saldu tal-obbligazzjonijiet. Il-konjuġi kreditur ikollu jħallas ammont ekwivalenti għal dan l-ammont dovut.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Fil-prinċipju, id-divorzju tal-ġenituri ma jibdilx il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, li tibqa’ tiġi eżerċitata b’mod konġunt miż-żewġ ġenituri. Dawn għandhom ikomplu jieħdu kull deċiżjoni importanti dwar il-ħajja tat-tfal flimkien (trobbija, edukazzjoni, gwida edukattiva,...).

Il-qorti tagħti l-eżerċizzju tas-setgħa tal-ġenituri lil ġenitur wieħed waħdu meta dan ikun fl-aħjar interess tat-tfal biss. F’dan il-każ, il-ġenitur magħżul jieħu id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw it-tfal waħdu. Madankollu, il-ġenitur l-ieħor jibqagħlu d-dritt li jkun infurmat u li jkun involut fit-trobbija u l-edukazzjoni tal-wild. Ħlief għal raġunijiet serji, huwa jkollu wkoll id-dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni. Għalhekk, f’każ ta’ separazzjoni tal-ġenituri, kull wieħed minnhom għandu jżomm relazzjoni personali mat-tfal u jirrispetta r-relazzjoni tat-tfal mal-ġenitur l-ieħor.

F’każ ta’ divorzju, il-ġenituri għandhom ikomplu jikkontribwixxu flimkien għall-ispejjeż tat-trobbija u tal-edukazzjoni tat-tfal, sakemm ma jkunx ġie deċiż mod ieħor. Dan il-kontribut jieħu l-forma ta’ ħlas ta’ manteniment li ma jieqafx awtomatikament meta t-tfal jilħqu l-età maġġuri. Dan jista’ jitħallas direttament lit-tfal ta’ età maġġuri u jista’’ jiġi rivedut skont il-bżonnijiet tat-tfal u l-evoluzzjoni tar-riżorsi u l-piżijiet ta’ kull wieħed mill-ġenituri.

Fir-rigward tar-residenza tat-tfal, hemm żewġ xenarji possibbli (minbarra l-każijiet eċċezzjonali fejn il-qorti tiddeċiedi li tagħti lill-minuri lil parti terza):

  • Jew ir-residenza tal-minuri tkun stabbilita fid-dar ta’ wieħed mill-ġenituri. F’dan il-każ, il-ġenitur l-ieħor jingħata dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji biex dan ma jseħħx.
  • Jew ir-residenza tkun stabbilita b’alternanza fir-residenza ta’ kull wieħed mill-ġenituri u f’dak il-każ il-qorti tivverifika li residenza alternata tkun fl-interess tal-minuri. Il-każ ta’ residenza alternata ma jimplikax neċessarjament il-kondiviżjoni strettament ugwali tal-ħin ta’ residenza tal-minuri fir-residenza ta’ kull ġenitur.

Jekk il-konjuġi jaqblu bejniethom dwar il-metodi tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, id-domiċilju u r-residenza tal-minuri, id-dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni, kif ukoll il-kontribut għat-trobbija u l-edukazzjoni tat-tfal, huma jkunu jistgħu jippreżentaw il-ftehim lill-imħallef waqt il-proċedimenti tad-divorzju. Il-qorti tista’ tqis fis-sentenza tagħha jekk il-ftehim iħarisx biżżejjed l-interessi tal-minuri u jekk il-kunsens tal-konjuġi ingħatax liberament.

Id-divorzju tal-ġenituri ma jiċħadx lit-tfal mill-benefiċċji li kienu jingħataw f’ċirkostanzi differenti. F’dan ir-rigward, huma jiġu trattati kompletament bħat-tfal ta’ ġenituri mhux divorzjati.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Il-Qorti tista’ timponi fuq wieħed mill-konjuġi l-obbligu li jħallas il-manteniment lill-ieħor. Il-manteniment jiġi stabbilit skont il-bżonnijiet tal-konjuġi li jitħallas lilu u fil-limiti tal-kapaċitajiet tal-konjuġi l-ieħor li jikkontribwixxi. F’każ ta’ qbil bejn il-konjuġi, il-qorti tista’ tiddeċiedi li l-manteniment jitħallas f’salt u tiffissa l-ammont u l-modalitajiet tiegħu.

Biex tiddetermina l-bżonnijiet u l-kapaċitajiet kontributtivi, il-qorti tqis fost l-oħrajn l-elementi li ġejjin:

1. l-età u l-istat tas-saħħa taż-żewġ konjuġi;

2. it-tul taż-żwieġ;

3. il-ħin li diġà ddedikaw jew li se jkollhom jiddedikaw għall-edukazzjoni tat-tfal;

4. il-kwalifiki tagħhom u s-sitwazzjoni professjonali tagħhom fir-rigward tas-suq tax-xogħol;

5. id-disponibbiltà tagħhom biex isibu impjiegi ġodda;

6. id-drittijiet eżistenti u prevedibbli tagħhom;

7. il-patrimonju tagħhom, kemm f’kapital kif ukoll f’introjtu, wara l-qsim tal-beni bejn il-miżżewġin.

It-tul tal-perjodu ta’ għoti ta’ manteniment ma jistax jaqbeż it-tul taż-żwieġ, ħlief fil-każ

ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali.

Il-manteniment, ħlief meta jitħallas f’salt, huwa suġġett għal reviżjoni u revoka.

Meta konjuġi ikun ġie kkundannat b’deċiżjoni li saret res judicata, fuq reat previst mill-Artikoli 372, 375, 376, 377, 393, 394, 396, 397, 398, 399, 400, 401, 401bis, 402, 403, 404, 405 u 409 tal-Kodiċi Kriminali (attentat għall-pudur, stupru, offiża ħafifa fuq il-persuna, omiċidju u offiża gravi fuq il-persuna, qtil, assassinju, infantiċidju u avvelenament) imwettaq matul iż-żwieġ fil-konfront tal-konjuġi l-ieħor jew ta’ tfal li jgħixu fl-istess abitazzjoni jew attentat li jitwettaq reat previst mill-Artikoli 372, 375, 376, 377, 393, 394, 396, 397, 401, 403, 404 u 405 tal-Kodiċi Kriminali fil-konfront tal-istess persuni matul iż-żwieġ, huwa jitlef, fuq talba tal-konjuġi l-ieħor, kull dritt għal manteniment.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni ġudizzjarja ma tħollx iż-żwieġ imma tnaqqas xi obbligi. Hija ttemm id-dmir tal-koabitazzjoni, imma l-obbligu tal-fedeltà u l-obbligu tal-manteniment jibqgħu jgħoddu.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-motivi tas-separazzjoni ġudizzjarja huma identiċi għal dawk tad-divorzju minħabba ksur irrimedjabbli tar-relazzjonijiet konjugali.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Is-separazzjoni ġudizzjarja tinvolvi dejjem is-separazzjoni tal-beni. Jekk is-separazzjoni ġudizzjarja ddum tliet snin, kull wieħed mill-konjuġi jista' jitlob divorzju lill-qorti. Il-qorti tikkonċedi d-divorzju, jekk il-konjuġi l-ieħor ma jagħtix mill-ewwel il-kunsens għat-tmiem tas-separazzjoni.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

L-annullament taż-żwieġ ifisser li ż-żwieġ huwa null u bla effett b'deċiżjoni ġudizzjarja. Fi kliem ieħor, ikun qisu ż-żwieġ qatt ma kien.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Hemm diversi raġunijiet għall-annullament taż-żwieġ:

  • iż-żwieġ ikun sar mingħajr il-kunsens liberu tal-konjuġi: dan ikun il-każ jekk kien hemm vjolenza jew żball dwar il-kwalitajiet essenzjali tal-persuna;
  • iż-żwieġ ikun sar mingħajr il-kunsens tal-ġenituri (jew l-awtorizzazzjoni tal-qorti) meta wieħed mill-konjuġi jkun minuri fil-mument taż-żwieġ;
  • il-bigamija: dan ikun il-każ jekk wieħed mill-konjuġi kien fl-istess ħin diġà miżżewweġ ma' ħaddieħor;
  • il-konjuġi jkollhom ċertu grad ta’ parentela;
  • iż-żwieġ ikun żwieġ ta’ konvenjenza biex jinkiseb benefiċċju ta’ residenza;
  • il-formalitajiet taż-żwieġ ma kinux ġew osservati: iż-żwieġ ma jkun sar pubblikament, iż-żwieġ ikun ġie ċċelebrat quddiem uffiċjal pubbliku bla kompetenza.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Iż-żwieġ iddikjarat null madankollu jħalli xi effetti (teorija taż-żwieġ putattiv):

  • fir-rigward taż-żewġ konjuġi, jekk iż-żwieġ ikun sar b'bona fide tat-tnejn;
  • fir-rigward ta' konjuġi wieħed li jkun aġixxa b'bona fide;
  • fir-rigward tat-tfal taż-żwieġ, anke jekk iż-żewġ konjuġi kienu f'mala fide.

Min-naħa l-oħra, iż-żwieġ annullat ma jipproduċi l-ebda effett ġuridiku fir-rigward tal-konjuġi li jkun aġixxa b'mala fide.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Fil-Gran Dukat, iż-żwieġ jista' jinħall biss b'deċiżjoni ġudizzjarja, u qatt b'mezzi ekstraġudizzjarji alternattivi jew bil-medjazzjoni. Madankollu l-medjazzjoni familjari tista' tintuża għal kwistjonijiet li jirrigwardaw il-likwidazzjoni u l-qsim tal-komunità tal-beni, l-obbligi tal-manteniment u tal-kontribuzzjoni għall-ħtiġijiet tal-familja, l-obbligu tal-manteniment tat-tfal u l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Fejn nibgħat it-talba tiegħi

  • It-talba għal divorzju jew għal separazzjoni ġudizzjarja trid tiġi ppreżentata lill-qorti distrettwali ta’ fejn ikollhom id-domiċilju komuni tagħhom il-konjuġi jew, fin-nuqqas ta’ dan, ta’ fejn il-konvenut jew, f’każ ta’ divorzju kunsenswali, waħda mill-partijiet, ikollha d-domiċilju tagħha, soġġett għar-rispett tar-regoli previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000.
  • It-talba għal annullament taż-żwieġ trid tiġi ppreżentata lill-qorti distrettwali tal-post ta’ fejn jinsab id-domiċilju tal-familja jew, jekk il-ġenituri jgħixu separatament, lill-qorti distrettwali tal-post tad-domiċilju tal-ġenitur li normalment t-tfal minuri jgħixu miegħu f’każ tal-eżerċizzju konġunt tal-awtorità tal-ġenituri, jew tal-post tad-domiċilju tal-ġenitur li jeżerċita dik l-awtorità waħdu jew, fil-każijiet l-oħra, fil-qorti distrettwali tal-post fejn jirrisjedi dak li ma jkunx ħa l-inizjattiva tal-proċedura. Fil-każ ta’ talba konġunta, il-qorti distrettwali kompetenti tkun il-qorti tad-domiċilju ta’ waħda jew l-oħra mill-partijiet, skont liema minnhom jagħżlu huma. Dawn ir-regoli japplikaw bil-kundizzjoni li jkunu rispettati r-regoli previsti fir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 msemmi iktar ’il fuq.

It-talbiet jiġu ttrattati minn imħallef tal-qorti tal-familja (juge aux affaires familiales).

Formalitajiet li jridu jiġu rispettati u dokumenti li jridu jiġu ppreżentati

  • F'każ ta' divorzju kunsenswali, hemm bosta stadji fil-proċedura: jekk ikun hemm xi beni x’jinqasmu, il-konjuġi jridu jitolbu nutar jagħmlilhom inventarju u stima tal-beni mobbli u immobbli kollha tagħhom. Il-konjuġi jkunu jistgħu jiftiehmu liberament dwar id-drittjiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-beni kkonċernati. Barra minn hekk, iridu jħejju ftehim dwar għadd ta' punti, fosthom ir-residenza tal-konjuġi waqt il-proċess, l-amministrazzjoni tal-persuna u tal-beni tat-tfal, id-dritt ta' aċċess, il-kontribuzzjoni tal-konjuġi għat-trobbija u l-edukazzjoni tat-tfal kif ukoll il-manteniment eventwali li jrid jitħallas minn parti lill-oħra. Dan il-ftehim irid jinkiteb minn avukat jew minn nutar.

    Imbagħad, il-kawża tersaq il-qorti permezz ta’ rikors konġunt miż-żewġ konjuġi ppreżentat fir-reġistru tal-qorti. Mhuwiex obbligatorju li jintuża avukat biex tinfetaħ il-kawża l-qorti.

It-rikors irid jinkludi:

1. id-data tagħha;

2. il-kunjom, l-isem, il-professjoni u l-indirizz(i) taż-żewġ konjuġi;

3. id-data u l-post tat-twelid taż-żewġ konjuġi;

4. meta jkun il-każ, l-identità tal-ulied komuni;

5. l-objettiv tat-talba;

6. spjegazzjoni fil-qosor tal-fatti u tal-motivi invokati.

Minbarra l-ftehim imsemmi fuq, id-dokumenti li ġejjin iridu jinhemżu mar-rikors:

1. estratt taċ-ċertifikat taż-żwieġ;

2. estratt taċ-ċertifikati tat-twelid tal-konjuġi;

3. estratt taċ-ċertifikati tat-twelid tal-ulied komuni;

4. dokument li jiċċertifika n-nazzjonalità tal-konjuġi;

5. jekk ikun il-każ, il-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għad-divorzju mill-konjuġi skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali u skont il-modalitajiet previsti minn dan ir-Regolament. Il-konjuġi jistgħu wkoll jagħżlu l-liġi applikabbli għad-divorzju skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 u skont il-modalitajiet previsti minn dan ir-Regolament fil-ftehim ta’ divorzju kunsenswali;

6. kull dokument ieħor li l-konjuġi beħsiebhom jużaw.

Iċ-ċertifikati u d-dokumenti ppreżentati mar-rikors li l-partijiet ikun beħsiebhom jużaw iridu jkunu legalizzati meta dawn jkunu nħarġu minn awtorità pubblika barranija, skont il-każ.

  • Fil-każ ta’ divorzju minħabba ksur irrimedjabbli tar-relazzjonijiet konjugali jew ta’ separazzjoni ġudizzjarja, ir-rappreżentanza minn avukat hija obbligatorja. Il-kawża tinfetaħ quddiem il-qorti distrettwali bil-preżentazzjoni tar-rikors fir-reġistru tal-qorti.

It-rikors irid jinkludi:

1. id-data tagħha;

2. il-kunjom, l-isem, il-professjoni u l-indirizz(i) taż-żewġ konjuġi;

3. id-data u l-post tat-twelid taż-żewġ konjuġi;

4. meta jkun il-każ, l-identità tal-ulied komuni;

5. l-objettiv tat-talba;

6. spjegazzjoni fil-qosor tal-fatti u tal-motivi invokati.

Ir-rikors jista' jkun fih ukoll talbiet għal miżuri provviżorji li jikkonċernaw il-persuna, il-manteniment u l-beni kemm tal-konjuġi kif ukoll ta' wliedhom.

Id-dokumenti li ġejjin iridu jinhemżu mar-rikors:

1. estratt taċ-ċertifikat taż-żwieġ;

2. estratt taċ-ċertifikati tat-twelid tal-konjuġi jew tar-rikorrent;

3. estratt taċ-ċertifikati tat-twelid tal-ulied komuni;

4. dokument li jiċċertifika n-nazzjonalità tal-konjuġi jew tar-rikorrent;

5. jekk ikun il-każ, il-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għad-divorzju mill-konjuġi skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali u skont il-modalitajiet previsti minn dan ir-Regolament;

6. jekk ikun il-każ, abbozz tal-ftehim dwar l-effetti tad-divorzju li l-konjuġi qablu dwarhom;

7. jekk ikun il-każ, kopja tas-sentenza ta’ kundanna ta’ konjuġi għal wieħed mir-reati msemmijin fil-punti 3.2 u 3.4 iktar ’il fuq;

8. kull dokument ieħor li r-rikorrent(i) beħsiebu/hom juża(w).

Iċ-ċertifikati u d-dokumenti ppreżentati mar-rikors li l-partijiet ikun beħsiebhom jużaw iridu jkunu legalizzati meta dawn jkunu nħarġu minn awtorità pubblika barranija, skont il-każ.

  • Fil-każ ta’ talba għal annullament taż-żwieġ, il-kawża titressaq quddiem il-qorti permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-qorti. Mhuwiex obbligatorju li jintuża avukat biex tinfetaħ il-kawża l-qorti. It-rikors irid jinkludi:

1. id-data tagħha;

2. il-kunjom, l-isem u l-indirizzi tal-partijiet;

3. id-data u l-post tat-twelid tal-partijiet;

4. l-objettiv tat-talba;

5. spjegazzjoni fil-qosor tal-fatti u tal-motivi invokati.

Iċ-ċertifikati u d-dokumenti ppreżentati mar-rikors li l-partijiet ikun beħsiebhom jużaw iridu jkunu legalizzati meta dawn jkunu nħarġu minn awtorità pubblika barranija, skont il-każ.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Persuni bi dħul insuffiċenti skont il-liġi Lussemburgiża jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna legali. Għal dan l-għan, huma jridu jimlew kwestjonarju li jistgħu jiġbru mill-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu (Barreau de Luxembourg) u jibagħtuh lill-President tal-Kamra tal-Avukati (Bâtonnier de l'Ordre) tat-territorju kompetenti.

L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha marbuta mal-proċedimenti, proċeduri jew atti ġudizzjarji li tkun ingħatat għalihom. Hija tinkludi fost l-oħrajn id-drittijiet tal-bolla u tar-reġistrazzjoni, l-ispejjeż tal-iskravana, l-onorarji tal-avukati, id-drittijiet u l-ispejjeż tal-marixxall tal-qorti, l-ispejjeż u l-onorarji tan-nutara, l-ispejjeż u l-onorarji tal-esperti, il-ħlas lix-xhieda, l-onorarji tat-tradutturi u l-interpreti, l-ispejjeż għaċ-ċertifikati minn Stat barrani, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, id-drittijiet u l-ispejjeż tal-formalitajiet tar-reġistrazzjoni, tal-ipoteki u tar-rahan kif ukoll l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni fil-gazzetti jekk ikun hemm bżonn.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Fil-Gran Dukat, huwa possibbli li jitressaq appell kontra deċiżjoni ta' dan it-tip. It-terminu għall-appell fil-prinċipju huwa ta' 40 jum, imma dan jista' jiżdied jekk l-appellant ikun joqgħod f'pajjiż ieħor. Il-ġuriżdizzjoni tal-appell hija tal-Qorti superjuri tal-ġustizzja.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Deċiżjoni dwar divorzju / separazzjoni ġudizzjarja / annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta’ pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 jibbenefika mill-prinċipju ta’ rikonoxximent awtomatiku fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Dan ifisser li ma hemm bżonn tal-ebda proċedura biex tiġi rikonoxxuta d-deċiżjoni.

Fil-Lussemburgu ma hemmx għalfejn wieħed jirrikorri għal proċedura preliminari biex jikseb rettifika tar-reġistri wara sentenza maqtugħa minn imħallef ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li saret res judicata. Id-deċiżjoni tal-qorti li tagħti d-divorzju trid titniżżel fil-marġini taċ-ċertifikat taż-żwieġ u taċ-ċertifikat tat-twelid tal-konjuġi. Jekk iż-żwieġ ikun sar f'pajjiż ieħor, id-deċiżjoni tal-qorti trid tiġi traskritta fir-reġistri tal-istat ċivili tal-muniċipalità fejn ġie traskritt iċ-ċertifikat taż-żwieġ, jew fir-reġistru ċivili tal-Belt tal-Lussemburgu, b'referenza fil-marġini tal-atti tat-twelid ta' kull konjuġi.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Kull parti interessata tista' titlob lill-president tal-qorti distrettwali biex jagħti deċiżjoni ta' nonrikonixximent ta' deċiżjoni ta' divorzju / separazzjoni ġudizzjarja / annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.

Il-president tal-qorti distrettwali jiddeċiedi fi żmien qasir, mingħajr ma l-persuna li qed jintalab in-nonrikonoxximent kontriha ma tkun tista' tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f'dan l-istadju. It-talba tista' tiġi miċħuda biss għar-raġunijiet li ġejjin:

  • tkun tmur manifestament kontra l-politika pubblika;
  • id-drittijiet tad-difiża ma jkunux ġew rispettati;
  • l-inkompatibilità ma' deċiżjoni mogħtija fi proċedimenti relatati.

Kull waħda mill-partijiet tista' tressaq rikors kontra d-deċiżjoni tal-qorti distrettwali quddiem il-Qorti tal-Appell. L-appell għandu jiġi ttrattat skont ir-regoli li jirregolaw il-proċeduri kontenzjużi. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell tista' tiġi kkontestata fuq punti tad-dritt quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/2010 tal-20 ta' Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali li daħal fis-seħħ fil-21 ta' Ġunju 2012 fil-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, Spanja, l-Estonja (mill-11 ta' Frar 2018), Franza, il-Greċja (mid-29 ta' Lulju 2015), l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja (mit-22 ta' Mejju 2014), il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja li jistipula li l-konjuġi jistgħu jiddeċiedu liema liġi tapplika għad-divorzju jew is-separazzjoni ġudizzjarja, sakemm tkun waħda minn dawn li ġejjin:

  • il-liġi tal-Istat fejn il-konjuġi ikunu abitwalment residenti fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim; jew
  • il-liġi tal-Istat fejn il-konjuġi kienu abitwalment residenti l-aħħar, sa fejn wieħed minnhom ikun għadu residenti hemm fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim; jew
  • il-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza ta’ xi wieħed mill-konjuġi fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim; jew
  • il-liġi tal-forum.

Skont l-istess Regolament, fin-nuqqas ta’ għażla skont il-paragrafu preċedenti, id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja għandhom ikunu soġġetti għal-liġi tal-Istat:

  • fejn il-konjuġi jkunu residenti abitwali fiż-żmien li jinġieb il-każ quddiem il-Qorti; jew, fin-nuqqas ta' dan,
  • fejn il-konjuġi kienu residenti abitwali l-aħħar, sakemm il-perjodu ta’ residenza ma ntemmx aktar minn sena qabel li nġieb il-każ quddiem il-Qorti, sa fejn wieħed mill-konjuġi jkun għadu jirrisjedi f’dak l-Istat fiż-żmien meta jinġieb il-każ quddiem il-qorti jew, fin-nuqqas ta' dan,
  • li tiegħu ż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini fiż-żmien li jinġieb il-każ quddiem il-Qorti; jew, fin-nuqqas ta' dan,
  • fejn jinġieb il-każ quddiem il-Qorti.

Meta r-Regolament (KE) Nru 1259/2010 ma jkunx japplika, id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja jkunu rregolati mil-liġi Lussemburgiża:

  • mil-liġi nazzjonali tal-konjuġi, jekk ikollhom l-istess nazzjonalità;
  • mil-liġi tal-pajjiż tad-domiċilju komuni effettiv, jekk ikollhom nazzjonalità differenti;
  • mil-liġi tal-forum meta l-miżżewġin ikunu ta' nazzjonalità differenti u ma jkollhomx domiċilju komuni effettiv.

Ħoloq relatati

Ktejjeb: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaLe divorce au Grand-Duché de Luxembourg;

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaLEGILUX;

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-portal tal-Ġustizzja.

L-aħħar aġġornament: 28/05/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Divorzju - Ungerija

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-Qorti tista' tagħti divorzju fuq talba ta' kwalunkwe wieħed mill-konjuġi jew tagħhom it-tnejn jekk iż-żwieġ tagħhom ikun tkisser kompletament u b'mod irrimedjabbli. Meta jingħata divorzju, l-aħjar interess ta' tfal minorenni komuni tal-konjuġi għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Id-divorzju jista' jingħata fuq il-bażi li ż-żwieġ ikun tkisser kompletament u b'mod irrimedjabbli. Il-qorti tagħmel il-kumpilazzjoni tal-provi f'dan ir-rigward. Il-Qorti tista' tordna l-kumpilazzjoni tal-provi meħtieġa b'inizjattiva tagħha wkoll. Id-dikjarazzjoni finali u komuni tar-rieda tal-konjuġi (il-kunsens reċiproku tagħhom) għad-divorzju magħmula mingħajr influwenza mhux xierqa hija indikattiva tat-tkissir komplet u irrimedjabbli taż-żwieġ tagħhom. Jista' jiġi stabbilit li ż-żwieġ ikun tkisser kompletament u b'mod irrimedjabbli b'mod partikolari jekk il-konjuġi ma jkunux għadhom qed jgħixu flimkien bħala koppja u - ibbażat fuq il-proċess li jwassal għas-separazzjoni tal-koppja u t-tul ta' żmien li jkunu ilhom jgħixu separatament - ir-rikonċiljazzjoni tagħhom tkun improbabbli.

Id-dikjarazzjoni komuni u finali tar-rieda tal-konjuġi għad-divorzju, magħmula mingħajr influwenza mhux xierqa, hija kkunsidrata prova biżżejjed tat-tkissir taż-żwieġ. B'hekk, f'każ ta' tali dikjarazzjoni komuni, ma jkun hemm ebda ħtieġa għal eżami dettaljat tar-raġunijiet hawn fuq imsemmija li wasslu għas-separazzjoni.

Id-deċiżjoni tal-konjuġi tista' titqies bħala finali jekk dawn ikunu laħqu ftehim dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq it-tfal komuni tagħhom, iż-żamma tal-kuntatt bejn il-ġenitur assenti u l-wild, l-allowance għall-manteniment, l-użu tad-dar matrimonjali u - jekk ikun meħtieġ - manteniment lill-konjuġi (il-ftehim tagħhom irid ikun approvat mill-qorti). Jekk il-konjuġi jaqblu dwar l-eżerċizzju ta' responsabbilità tal-ġenituri b'mod konġunt, ma jkunx meħtieġ ftehim dwar it-termini ta' żamma ta' kuntatt mat-tfal. Madankollu, huma jkollhom jiddefinixxu l-post ta' residenza tat-tfal. B'riżultat ta' dan, l-ambitu tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu miftiehma bejn il-konjuġi li jkunu qed jiksbu d-divorzju bbażat fuq kunsens reċiproku jiddependi fuq jekk huma jagħżlux li jeżerċitaw ir-responsabbiltà ta' ġenituri b'mod konġunt jew le.

Huwa importanti li wieħed jinnota li, b'kuntrast mal-leġiżlazzjoni preċedenti, ftehim bejn il-konjuġi dwar id-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali ma għadux previst mill-Kodiċi Ċivili.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

Iż-żwieġ jispiċċa bid-divorzju tal-konjuġi. Meta jinkiseb divorzju, id-dritt tal-kustodja u l-manteniment tat-tfal komuni, il-kuntatt bejn il-ġenitur u t-tfal, il-manteniment ta' xi wieħed mill-konjuġi, l-użu tad-dar matrimonjali u, f'każ ta' responsabbiltà konġunta ta' ġenituri, ir-residenza tat-tfal huma rregolati minn ftehim fil-qorti jekk il-partijiet jistgħu jaslu għal ftehim - li jissodisfa r-rekwiżiti statutorji - jew, fin-nuqqas ta' ftehim bejn il-konjuġi, b'sentenza tal-qorti. Il-konjuġi ma għandhomx għalfejn jaqblu dwar id-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali komuni sabiex jiksbu divorzju mill-qorti.

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Wara d-divorzju jew l-annullament taż-żwieġ l-eks konjuġi jkomplu jużaw l-istess ismijiet li użaw matul iż-żwieġ tagħhom. Jekk ikollhom xewqa differenti, huma jistgħu jgħarrfu b'dan lis-supretendent reġistratur wara d-divorzju jew l-annullament taż-żwieġ. L-eks mara, madankollu, ma tista' qatt tuża l-isem ta' dak li kien żewġha bis-suffiss li jindika l-istatus ta' miżżewġa tagħha jekk hija ma kenitx tuża dak l-isem waqt iż-żwieġ tagħha. Fuq talba ta' dak li qabel kien żewġha, il-qorti tista' tipprojbixxi lil eks martu milli tuża ismu f'forma li fuq il-bażi tagħha huwa jista' jiġi identifikat, jekk il-mara tkun ingħatat sentenza ta' priġunerija għal reati kriminali intenzjonali. Jekk l-eks mara terġa' tiżżewweġ, hija ma tistax tibqa' tuża l-isem ta' dak li kien żewġha b'suffiss li jindika l-istatus ta' miżżewġa tagħha. Dan id-dritt ma jistax jerġa' jiġi rkuprat lanqas jekk hija tiddivorzja mill-ġdid.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Fil-każ ta' divorzju, l-eks konjuġi ma jkollhomx aktar komunjoni tal-beni u kull wieħed minnhom jista' japplika għall-qsim tal-proprjetà matrimonjali. Huma jistgħu jitolbu kumpens għal investimenti mill-assi komuni tagħhom għall-assi separati tagħhom jew investimenti mill-assi separati tagħhom għall-assi komuni kif ukoll għall-ispejjeż tal-ġestjoni u tal-manutenzjoni. Ebda kumpens ma jista' jintalab għal spejjeż jekk il-konjuġi jkunu rrinunzjaw id-drittijiet tagħhom għall-fondi kkonċernati. Kumpens għal assi separati użati jew ikkunsmati kompletament fir-relazzjoni matrimonjali jista' jingħata biss f'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati. Is-sehem tal-eks konjuġi mill-proprjetà konġunta li jkollhom fiż-żmien tad-divorzju jrid jiġi allokat lilhom in natura, jekk ikun possibbli. Assi miżmuma separati fil-mument tad-divorzju għandhom ukoll jiġu allokati in natura. Jekk, għal xi raġuni, dan ma jkunx possibbli jew jirriżulta f'telf sinifikanti fil-valur tal-assi, f'każ ta' tilwima, il-metodu ta' qsim jiġi speċifikat mill-qorti. Ebda kumpens ma jista' jkun mitlub għal assi komuni u separati nieqsa, jekk il-konjuġi ma jkollhom l-ebda proprjetà matrimonjali komuni fil-mument tad-divorzju tagħhom u l-parti fid-dejn ma jkollha l-ebda assi separati.

Jekk tinqasam proprjetà matrimonjali komuni abbażi ta' kuntratt konkluż bejn il-konjuġi, tali kuntratt ikun ikkunsidrat validu biss jekk ikun stipulat bil-miktub f'xi strument pubbliku jew privat iffirmat minn avukat. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għad-diviżjoni ta' proprjetà mobbli li tifforma parti mill-komunjoni tal-beni tal-konjuġi jekk id-diviżjoni tkun saret permezz ta' infurzar.

Jekk il-konjuġi ma jkunux ikkonkludew kuntratt dwar id-diviżjoni ta' assi komuni jew il-kuntratt konkluż ma jkunx jirregola l-pretensjonijiet li jistgħu joriġinaw mid-divorzju, id-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali komuni u l-ħlas ta' pretensjonijiet jistgħu jiġu mitluba mill-qorti. Il-qorti għandha tiżgura li l-ebda wieħed mill-konjuġi ma jingħata benefiċċji finanzjarji mhux dovuti meta jkunu qed jitħallsu l-pretensjonijiet għall-proprjetà.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Il-ġenituri huma obbligati li jikkondividu mat-tfal minorenni tagħhom ir-riżorsi disponibbli għall-manteniment tat-tnejn li huma, ukoll għad-detriment tar-riżorsi tagħhom stess. Din ir-regola ma tapplikax jekk it-tfal jistgħu jkopru l-bżonnijiet raġonevoli tagħhom minn salarju minn impjieg jew mill-introjtu fuq l-assi tagħhom, jew jekk it-tfal ikollhom qarib dirett li jista' jiġi obbligat li jħallas il-manteniment. Il-ġenitur li jkollu d-dritt ta' kustodja jipprovdi l-manteniment in natura filwaqt li l-ġenitur assenti jipprovdih primarjament fi flus (allowance għall-manteniment).

Jekk ħlas tal-manteniment jingħata b'ordni tal-qorti, l-ammont pagabbli bħala manteniment jiġi ffissat. Il-qorti tista' tipprovdi, fis-sentenza tagħha, li l-ammont tal-ħlas pagabbli għandu jiġi aġġustat kull sena awtomatikament skont l-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur ippubblikat kull sena mill-Uffiċċju tal-Istatistika Ċentrali Ungeriż mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara.

Sa fejn ikun prattikabbli, kwistjonijiet ta' eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq it-tfal għandhom ikunu deċiżi bi ftehim komuni bejn il-ġenituri.

Jekk il-ġenituri ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim f'dawn il-kwistjonijiet, il-qorti tagħti d-drittijiet ta' kustodja lill-ġenitur li, skont il-valutazzjoni tal-qorti, jista' jippromwovi aħjar l-iżvilupp fiżiku, mentali u morali tat-tfal. Jekk it-tqegħid tal-minorenni ma' kwalunkwe wieħed mill-ġenituri jpoġġi l-aħjar interessi tiegħu jew tagħha f'riskju, il-qorti tista' tagħti d-dritt tal-kustodja lil terza persuna, sakemm dik il-persuna tfittex li teżerċita d-dritt ta' kustodja hija stess.

It-tifel għandu d-dritt li jżomm kuntatt personali dirett mal-ġenitur li jkun assenti. Huwa d-dritt u d-dmir tal-ġenitur assenti li jżomm relazzjonijiet personali u kuntatt dirett mat-tifel/tifla fuq bażi regolari (dritt ta' aċċess). Il-ġenitur jew persuna oħra li għandhom id-dritt ta' kustodja ma għandhomx jiksru d-dritt ta' aċċess.

Il-ġenitur li għandu d-dritt ta' kustodja u l-ġenitur assenti għandhom jikkooperaw ma' xulxin - fir-rispett tal-ħajja familjari u d-dritt għal paċi tal-parti l-oħra - biex jiżguraw l-iżvilupp ibbilanċjat tat-tfal. Il-ġenitur li jkollu d-dritt ta' kustodja għandu jipprovdi l-informazzjoni lill-ġenitur assenti dwar l-iżvilupp, is-saħħa u l-istudji tat-tfal fuq bażi regolari u ma jistax iżomm lura din l-informazzjoni, meta jitlobhielu l-ġenitur assenti.

Ġenituri li jgħixu separatament jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod konġunt fir-rigward ta' kwistjonijiet essenzjali li jikkonċernaw il-futur tat-tfal, ukoll jekk id-dritt ta' kustodja jingħata lil wieħed minnhom abbażi tal-ftehim komuni tagħhom jew id-deċiżjoni tal-qorti, minbarra jekk ir-responsabbiltà ta' ġenitur tal-ġenitur assenti tiġi limitata jew imneħħija mill-qorti. Kwistjonijiet essenzjali li jikkonċernaw il-futur tat-tfal jinvolvi l-użu jew bdil tal-isem tat-tfal minorenni, il-post ta' residenza tagħhom għajr ir-residenza kondiviża mal-ġenitur li jkollu l-kustodja, il-post ta' residenza tagħhom barra mill-pajjiż għal residenza jew stabbiliment permanenti, kif ukoll in-nazzjonalità, l-edukazzjoni u l-karriera tat-tfal.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Wieħed mill-konjuġi jista' jitlob manteniment mingħand il-konjuġi l-ieħor wara separazzjoni legali jew, fil-każ ta' divorzju, eks konjuġi jista' jitlob tali manteniment lill-eks konjuġi l-ieħor jekk ikun jeħtieġu għal raġunijiet li mhumiex tort tiegħu, dment li l-(eks) konjuġi li jkun qed jitlob manteniment ma jkunx sar mhux denju tiegħu, minħabba l-imġiba tiegħu matul iż-żwieġ. Il-ħlas ta' manteniment ma għandu bl-ebda mod jipperikola l-għajxien tal-eks konjuġi obbligat iħallas il-manteniment, u dak tal-persuna/i li dan tal-aħħar għandu jmantni b'mod konġunt mal-eks konjuġi li jeħtieġ manteniment. L-obbligu li jitħallas manteniment jista' jkollu terminu limitat jekk wieħed jista' jassumi li l-parti li titlob manteniment ma tkunx aktar fil-bżonn wara l-iskadenza ta' dak it-terminu.

Jekk il-konjugi jew l-eks konjuġi jitlob manteniment minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni tiegħu aktar minn ħames snin wara s-separazzjoni legali, din it-talba tista' tingħata biss għal raġunijiet ta' ekwità u f'każijiet eċċezzjonali. Jekk il-konjuġi għexu flimkien bħala koppja għal inqas minn sena u ma għandhom l-ebda tfal komuni minn dan iż-żwieġ, l-eks konjuġi fil-bżonn hu intitolat għall-manteniment biss għal perjodu ekwivalenti għat-tul tal-ħajja komuni tagħhom. Għal raġunijiet ta' ekwità u f'każijiet eċċezzjonali l-qorti tista' tordna l-ħlas ta' manteniment għal perjodu itwal.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni legali tal-miżżewġin timmarka t-tmiem tal-ħajja matrimonjali komuni tagħhom. Ladarba din tkun saret, fost affarijiet oħra tista' tintalab id-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali  mingħand il-qorti.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-bidu u t-tmiem tal-ħajja komuni tal-konjuġi bħala koppja u, konsegwentement, il-perjodu li għalih kellhom proprjetà konġunta, jiġu stabbiliti b'diskrezzjoni ġudizzjarja. Meta teżerċita l-poteri ta' diskrezzjoni tagħha, il-qorti għandha tanalizza l-aspetti varji tal-ħajja tal-konjuġi bħala koppja miżżewġa taħt skrutinju (ir-relazzjoni sesswali, l-interdipendenza ekonomika, id-dar komuni tal-familja, espressjonijiet ta' unità tal-koppja, ulied komuni mrobbija, qraba, kura tat-tfal ta' wieħed mill-konjuġi, eċċ.). Għaldaqstant, il-Qorti tistabbilixxi jekk il-ħajja komuni bħala koppja miżżewġa tkunx għadha għaddejja jew tkunx intemmet b'analiżi konġunta tal-fatturi interrelatati ekonomiċi, familjari, emozzjonali u intenzjonali kollha involuti. Il-fatt li xi wieħed jew xi wħud minn dawn ikunu nieqsa ma jfissirx neċessarjament li l-ħajja komuni tal-konjuġi bħala koppja miżżewġa tkun intemmet, speċjalment jekk ikun hemm raġuni oġġettiva għal dan in-nuqqas.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Bħala riżultat ta' separazzjoni legali, li timmarka t-tmiem tal-ħajja komuni matrimonjali tagħhom, il-konjuġi jkunu liberi li jitolbu d-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali. F'dan il-punt, iż-żwieġ ma jkunx għadu legalment annullat iżda l-konjuġi jistgħu jiksbu assi b'mod indipendenti, minbarra għall-proprjetà komuni preeżistenti. Fir-rigward ta' din tal-aħħar, il-miżżewġin jistgħu jiddeċiedu b'mod konġunt biss peress li l-preżunzjoni ta' kunsens ma tibqax preżenti. Jekk il-konjuġi jkollhom ulied komuni, iridu jaqblu dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà ta' ġenituri.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Żwieġ jista' jiġi kkunsidrat biss null jekk ikun ġie ddikjarat null  b'sentenza mogħtija mill-qorti fi proċedimenti ta' annullament. Id-deċiżjoni li tiddikjara żwieġ null tapplika għal kull persuna involuta. Il-konsegwenzi ġuridiċi tal-annullament taż-żwieġ huma stabbiliti mil-leġiżlazzjoni.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Iż-żwieġ huwa null jekk ikun għadu fis-seħħ  żwieġ minn qabel jew sħubija rreġistrata ta' waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, iż-żwieġ ikun null jekk il-partijiet fiż-żwieġ ikunu qraba ta' xulxin f'linja diretta jew aħwa ta' xulxin, jekk xi waħda mill-partijiet fiż-żwieġ tkun dixxendent dirett minn twelid tal-aħwa tal-parti l-oħra fiż-żwieġ, jew jekk xi waħda mill-partijiet fiż-żwieġ tkun adottat lill-parti l-oħra taż-żwieġ. Jekk waħda mill-partijiet tkun daħlet fiż-żwieġ bħala suġġett inabilitat bħala riżultat ta' dikjarazzjoni ta' kapaċità, iż-żwieġ huwa null. Iż-żwieġ huwa wkoll null jekk, minkejja li n-nuqqas ta' kapaċità ma ġietx iddikjarata fir-rigward tal-parti kkonċernata fil-mument taż-żwieġ, hi kienet fi stat ta' inkapaċità totali. Iż-żwieġ huwa null jekk il-partijiet fiż-żwieġ ma kinux it-tnejn preżenti flimkien meta ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jiżżewġu. Jekk xi waħda mill-partijiet fiż-żwieġ tkun minorenni, iż-żwieġ huwa null. Bħala eċċezzjoni, minorenni jista' jidħol fi żwieġ bl-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità ta' tutela u l-protezzjoni tat-tfal. L-awtorità tat-tutela u l-protezzjoni tat-tfal tista' tagħti tali approvazzjoni biss f'każijiet debitament ġustifikati u biss jekk il-parti minorenni kkonċernata jkollha mill-inqas 16-il sena.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Jekk iż-żewġ konjuġi daħlu in bona fede fi żwieġ li sussegwentement ġie annullat, il-konsegwenzi ġuridiċi taż-żwieġ f'termini ta' proprjetà huma l-istess bħal fil-każ ta' żwieġ validu. Meta żwieġ jiġi annullat, il-konjuġi jistgħu jinfurzaw it-talbiet tagħhom għall-proprjetà skont l-istess regoli li japplikaw fil-każ ta' divorzju mogħti mill-qorti. Jekk wieħed biss mill-konjuġi daħal fiż-żwieġ in bona fede, dawn ir-regoli japplikaw biss fuq talba tiegħu jew tagħha.

Wara l-annullament taż-żwieġ, il-konjuġi jżommu l-kunjom li kienu jużaw waqt iż-żwieġ tagħhom. Jekk ikollhom xewqa differenti, huma jistgħu jgħarrfu b'dan lis-supretendent reġistratur wara l-annullament. L-eks mara, madankollu, ma tistax tuża l-isem ta' dak li kien żewġha bis-suffiss li jindika l-istatus ta' miżżewġa tagħha jekk hija ma tkunx tuża dak l-isem matul iż-żwieġ.

L-annullament taż-żwieġ ma jaffettwax il-preżunzjoni ta' paternità.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Fi kwistjonijiet ta' annullament ta' żwieġ u divorzju , il-qrati għandhom il-kompetenza esklussiva.

Jekk żwieġ jiġi annullat jew jingħata divorzju, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar il-kustodja u l-manteniment tat-tfal minorenni taż-żwieġ, anki fin-nuqqas ta' kwalunkwe applikazzjonijiet korrispondenti, jekk ikun xieraq. Il-qorti tiddeċiedi dwar kwistjonijiet anċillari (pereżempju manteniment għall-konjuġi, l-użu tad-dar matrimonjali, id-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali komuni) jekk tkun ippreżentata applikazzjoni f'dan is-sens. Fin-nuqqas ta' rikors, il-Qorti ma tiddeċidix dwar dawn il-kwistjonijiet, li jistgħu jiġu solvuti mill-partijiet barra l-qorti f'kuntratt.

Qabel jew matul il-proċedimenti tad-divorzju l-konjuġi jistgħu jitolbu l-medjazzjoni waħedhom jew fuq l-inizjattiva tal-qorti sabiex jaslu għal ftehim fi kwistjonijiet ta' tilwim dwar ir-relazzjoni tagħhom u x-xoljiment taż-żwieġ tagħhom. Il-ftehim innegozjat mill-partijiet bħala riżultat ta' medjazzjoni jista' jiġi inklużi fil-ftehim fil-qorti.

Jekk ikun meħtieġ, il-qorti tista' tobbliga lill-ġenituri li qed jitolbu divorzju ifittxu medjazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet anċillari, biex jiġi żgurat arranġament xieraq f'termini ta' responsabbiltà tal-ġenituri u l-kooperazzjoni meħtieġa bejn il-partijiet.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Sabiex jiksbu divorzju, il-konjuġi għandhom iressqu proċedimenti ta' divorzju kontra l-konjuġi l-ieħor. Proċedimenti għal annullament għandhom jitressqu minn wieħed mill-konjuġi kontra l-konjuġi l-ieħor, jew mill-prosekutur jew persuna terza intitolata li tressaq proċedimenti kontra ż-żewġ konjuġi. Jekk il-parti li kontra tagħha tnedew il-proċedimenti ma għadhiex ħajja, għandhom jitressqu proċedimenti kontra kuratur maħtur mill-qorti.

Il-proċedimenti għandhom jitnedew, permezz ta' talba, li għandha tinkludi dan li ġej: il-qorti kompetenti; l-ismijiet, il-postijiet ta' residenza tagħhom, u l-istatus fil-proċedimenti tal-partijiet u r-rappreżentant(i) tagħhom, jekk ikun hemm; id-dritt li tiġi infurzata u l-fatti kompluti b'evidenza li sservi bħala bażi għal dan id-dritt; dettalji li minnhom jistgħu jiġu stabbiliti l-ambitu tal-awtorità u l-ġuriżdizzjoni tal-Qorti ; u talba espliċita (applikazzjoni) għal deċiżjoni mill-qorti. L-applikazzjoni li tibda proċedimenti ta' divorzju għandha tinkludi dettalji dwar iż-żwieġ, dwar it-twelid ta' kull wild ħaj minn dan iż-żwieġ u, jekk meħtieġ, kull dejta li minnha jista' jiġi stabbilit il-jedd li tkun ippreżentata applikazzjoni. F'dokument mehmuż, l-applikazzjoni għandha tinkludi wkoll dokumenti li jissostanzjaw id-dejta ta' hawn fuq kif ukoll id-dokument (jew kopja tiegħu jew estratt) li jiddeskrivi l-fatti msemmija mill-applikant bħala evidenza u dokumenti li minnhom l-ambitu tal-awtorità u l-ġuriżdizzjoni tal-qorti, kif ukoll ċirkostanzi oħrajn li għandhom awtomatikament jiġu kkunsidrati, jistgħu jiġu stabbiliti, bl-eċċezzjoni ta' dejta li tista' tiġi vverifikata permezz ta' karta tal-identità. F'dan l-aħħar każ, dan għandu jkun indikat fl-applikazzjoni.

Skont id-dispożizzjonijiet ġenerali fuq il-ġuriżdizzjoni, il-qorti kompetenti fil-proċedimenti tad-divorzju ser tkun il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni fuq il-post ta' residenza tal-konvenut. Jekk il-konvenut ma jkollux post ta' residenza fl-Ungerija, il-ġuriżdizzjoni hija stabbilita fuq il-bażi tal-post ta' domiċilju tal-konvenut. Jekk il-post ta' residenza tal-konvenut ma jkunx magħruf jew ikun barra mill-pajjiż, jiġi kkunsidrat l-aħħar post ta' residenza tiegħu fl-Ungerija. Jekk dan ma jistax jiġi stabbilit jew jekk il-konvenut ma jkollux post ta' residenza, il-ġuriżdizzjoni tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-post ta' residenza tar-rikorrent jew, fin-nuqqas ta' dan, il-post ta' residenza tiegħu jew tagħha. Barra minn hekk, il-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni fiż-żona fejn jinsab l-aħħar post ta' residenza komuni tal-miżżewġin ikollha wkoll kompetenza fil-każ. Dan ifisser li r-rikorrent jista' liberament jagħżel li jissottometti l-applikazzjoni lill-qorti li jkollha l-kompetenza f'konformità mar-regoli ġenerali dwar il-ġuriżdizzjoni jew il-qorti li għandha kompetenza bbażata fuq l-aħħar post ta' residenza komuni tal-konjuġi.

Jekk l-ebda qorti nazzjonali kompetenti ma tista' tinħatar sabiex tipproċedi fil-każ ta' divorzju f'konformità mar-regoli ta' hawn fuq, ikollha l-kompetenza l-Qorti tad-Distrett Ċentrali ta' Pest.

Ladarba jkunu nbdew proċeduri matrimonjali quddiem qorti partikolari, din il-qorti jkollha kompetenza esklussiva fi kwalunkwe proċedimenti ġodda mressqa fir-rigward tal-istess żwieġ fi kwistjonijiet matrimonjali dwar id-drittijiet fuq proprjetà derivanti mir-relazzjoni matrimonjali.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Ara t-tema "Għajnuna legali".

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Jista' jsir appell kontra d-deċiżjoni. Madankollu, l-ebda azzjoni ma tista' titressaq għal reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni ta' sentenzi li jannullaw ż-żwieġ jew ta' divorzju f'termini tal-annullament jew id-divorzju innifsu.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, sentenza mogħtija fi Stat Membru tiġi rrikonoxxuta awtomatikament fl-Istati Membri l-oħra; Għalhekk, bħala regola ġenerali, ma hemm ħtieġa ta' ebda proċedura speċjali għar-rikonoxximent. Skont l-Artikolu 37 tar-Regolament, il-parti li qed titlob ir-rikonoxximent għandha tipproduċi d-dokumenti li ġejjin:

  • kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha; kif ukoll
  • iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 39 tar-Regolament maħruġ minn qorti jew awtorità tal-Istat Membru ta' oriġini fuq il-formola li tinsab fl-Anness I tar-Regolament; u
  • minbarra dan, fil-każ ta' sentenza mogħtija fil-kontumaċja tal-konvenut, l-oriġinal jew il-kopja ċċertifikata vera tad-dokument li jistabbilixxi li l-parti kontumaċi kienet ġiet notifikata bid-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew b'dokument ekwivalenti, jew xi dokument li jindika li l-konvenut aċċetta s-sentenza b'mod inekwivokabbli.

Skont l-Artikolu 38 tar-Regolament, il-qorti jew l-awtorità tista' ma teħtieġx il-produzzjoni ta' dawn l-aħħar żewġ dokumenti jekk tikkunsidra li għandha biżżejjed informazzjoni quddiemha. Il-qorti/awtorità jistgħu jirrikjedu wkoll li tiġi mehmuża traduzzjoni ta' dawn id-dokumenti  mad-dokumenti ta' hawn fuq li l-qrati u l-awtoritajiet Ungeriżi ġeneralment jistgħu jissodisfaw.

Skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, kull parti interessata tista' tapplika għal deċiżjoni li s-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor tkun rikonoxxuta. F'dan il-każ, il-parti li qed titlob ir-rikonoxximent trid tissottometti t-talba tagħha bid-dokumenti msemmija hawn fuq mehmuża lill-qorti kompetenti, li ser tkun il-qorti distrettwali (járásbíróság) li topera fis-sede tal-qorti reġjonali (törvényszék) tal-post ta' residenza jew residenza abitwali tal-kontroparti fl-Ungerija (il-Qorti tad-Distrett Ċentrali ta' Buda, fil-każ ta' Budapest) jew, jekk il-kontroparti la jkollha post ta' residenza u lanqas residenza abitwali fl-Ungerija, il-qorti distrettwali li topera fis-sede tal-qorti tal-kontea tal-post ta' residenza jew residenza abitwali fl-Ungerija tal-parti li titlob rikonoxximent (il-Qorti tad-Distrett Ċentrali ta' Buda, fil-każ ta' Budapest). Jekk il-parti li qed titlob rikonoxximent ma jkollhiex lanqas post ta' residenza jew residenza abitwali fl-Ungerija, l-applikazzjoni tista' tiġi mressqa lill-Qorti tad-Distrett Ċentrali ta' Buda. Il-qorti tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28-36 tar-Regolament fil-proċedura, kif xieraq.

Jekk ir-rikonoxximent tas-sentenza jkun meħtieġ biex issir reġistrazzjoni fir-reġistru taż-żwieġ Ungeriż, skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament, it-talba għal rikonoxximent flimkien mad-dokumenti elenkati hawn fuq għandhom jitressqu lis-supretendent reġistratur.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Skont l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, kull parti interessata tista' tapplika għal deċiżjoni li s-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor ma tiġix rikonoxxuta. F'dan il-każ, il-parti li tikkontesta r-rikonoxximent għandha tehmeż kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha mal-applikazzjoni tagħha kif ukoll iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 39 tar-Regolament maħruġ minn qorti jew awtorità tal-Istat Membru ta' oriġini fil-formola fl-Anness I tar-Regolament. Il-qorti kompetenti hija l-qorti distrettwali li topera fis-sede tal-qorti tal-kontea tal-post ta' residenza jew residenza abitwali tal-kontroparti fl-Ungerija (il-Qorti tad-Distrett Ċentrali ta' Buda, fil-każ ta' Budapest) jew, jekk il-kontro-parti la jkollha post ta' residenza u lanqas residenza abitwali fl-Ungerija, il-qorti distrettwali li topera fis-sede tal-qorti tal-kontea tal-post ta' residenza jew residenza abitwali fl-Ungerija tal-parti li tikkontesta r-rikonoxximent (il-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda fil-każ ta' Budapest). Jekk il-parti li tikkontesta r-rikonoxximent ma jkollhiex lanqas post ta' residenza jew residenza abitwali fl-Ungerija, l-applikazzjoni tista' tiġi ffajljata mal-Qorti Ċentrali tad-Distrett ta' Buda. Il-qorti se tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28-36 tar-Regolament għall-proċedura, kif xieraq.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali huwa applikabbli fl-Ungerija. Għaldaqstant, fil-każijiet kollha b'aspett barrani, il-liġi applikata mill-qrati tal-Ungerija ser tkun il-liġi speċifikata minn dan ir-Regolament. Ir-Regolament - soġġett għal limitazzjonijiet - jagħti lill-konjuġi l-libertà biex jagħżlu l-liġi applikabbli (l-Artikoli 5-7) u fatturi ta' konnessjoni huma stabbiliti biex jispeċifikaw il-liġi applikabbli biss fin-nuqqas ta' għażla valida mill-partijiet (l-Artikoli 8-10).

L-aħħar aġġornament: 04/07/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Divorzju - Malta

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Biex jinkiseb divorzju ġewwa Malta, irrid ikun hemm talba taż-żewġ persuni miżżewġa flimkien jew fuq talba ta’ waħda mill-miżżewgin kontra l-persuna l-oħra. Fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju, il-miżżewgin ikunu jridu għexu mhux flimkien għal perjodu ta’, jew perjodi li jammontaw għal, mill-anqas erba’ snin matul il-ħames snin minnufih qabel ma ssir it-talba, jew ikunu għaddew mill-inqas erba’ snin mid-data tas-separazzjoni legali. Ma’ dan il-Qorti trid tkun sodisfatta li ma hemm l-ebda prospett raġenovoli għal rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewġin. Kundizzjoni oħra hija li fejn hu dovut, il-miżżewġin u kull wild tagħhom qed jirċievu manteniment adegwat, iżda dan id-dritt għall-manteniment jista’ jiġi irrinunzjat mill-partijiet f’kull żmien. Divorzju ppronunzjat bejn persuni miżżewgin li kienu separati b’kuntratt jew b’sentenza ma jġib ebda bidla f’dak ordnat jew miftiehem bejniethom, ħlief għall-effetti tad-divorzju li joħorġu mil-liġi. Wieħed għandu jinnota li ma jkunx meħtieg illi qabel ma jiġi mitlub id-divorzju, il-miżżewġin ikunu infirdu minn xulxin b’kuntratt jew b’sentenza.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Il-liġi ma tagħmilx referenza għal x’jistgħu jkunu r-raġunijiet tad-divorzju. Iżda kif ġa ingħad taħt il-mistoqsija tal-kundizzjonijiet, fid-data li jibdew il-proċeduri ta’ divorzju, il-miżżewgin iridu jkunu għexu mhux flimkien għal perjodu ta’, jew perjodi li jammontaw għal, mill-anqas erba’ snin matul il-ħames snin minnufih qabel ma’ ssir it-talba, jew ikunu għaddew mill-inqas erba’ snin mid-data tas-separazzjoni legali.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Divorzju ppronunzjat bejn persuni miżżewgin li kienu separati b’kuntratt jew b’sentenza ma jġib ebda bidla f’dak ordnat jew miftiehem bejniethom, ħlief għall-effetti tad-divorzju li joħorġu mil-liġi. Il-liġi ta’ separazzjoni tapplika fil-kwistjoni ta’ kunjomijiet u allura, il-mara tista’ wara s-separazzjoni tagħżel li tirreverti għal kunjom xbubitha iżda din l-għażla għandha ssir b’dikjarazzjoni fl-att pubbliku ta’ separazzjoni, u f ’każ ta’ separazzjoni ġudizzjarja, il-mara għandha tagħmel dik id-dikjarazzjoni b’nota ppreżentata fl-atti tal-kawża qabel is-sentenza. Bil-pronunzjament tad-divorzju l-effetti kollha ċivili u l-obbligu tal-partijiet li jgħixu flimkien jispiċċa. Ma’ dawn jispiċċaw ukoll id-drittijiet tal-miżżewġin għas-suċċessjoni ta’ xulxin, b’effett minn dak inhar meta d-digriet jew sentenza ta’ divorzju jkunu saru res judicata.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Divorzju ppronunzjat bejn persuni miżżewġin li kienu separati b’kuntratt jew b’sentenza ma jġib ebda bidla f’dak ordnat jew miftiehem bejniethom. L-Artikolu 66D (5) tal-Kodiċi Ċivili ta’ Malta jgħid li meta l-propjeta tal-miżżewġin tkun regolata permezz tal-komunjoni tal-akkwisti jew il-komunjoni ta’ residwu taħt amministrazzjoni separata, il-partijiet ikollhom dritt li f’kull każ, bi qbil bejniethom, jgħaddu għad-divorzju mingħajr ma jillikwidaw l-assi komuni ta’ bejniethom.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Il-pronunzjament tad-divorzju m’għandu l-ebda effett fuq id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-partijiet bħala ġenituri fuq uliedhom jew fuq kull ftehim li jkun intlaħaq bejn dawk il-partijiet dwar il-kustodja ta’ uliedhom. Iżda fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tiddikjara li l-parti l-oħra ma tkunx tajba biex ikollha l-kustodja tal-ulied minuri tal-partijiet, u fejn il-qorti tagħmel dikjarazzjoni bħal din, il-parti hekk iddikjarata ma tkunx tista’, mal-mewt tal-parti l-oħra, tieħu l-kustodja ta’ l-ulied minuri mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-qorti. Il-manteniment favur il-minorenni jibqa' in forza u dawn sakemm jagħlqu l-eta ta’ tmintax u f’każ li l-wild ikompli jistudja, il-manteniment jibqa għaddej sa l-eta ta’ tlieta u għoxrin sakemm ma jkunx hemm ftiehem mod ieħor.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Divorzju ppronunzjat bejn persuni miżżewġin li kienu separati b’kuntratt jew b’sentenza ma jġib ebda bidla f’dak ordnat jew miftiehem bejniethom. Għalhekk, l-obbligu tal-manteniment ma jitneħħix bid-divorzju sakemm il-partijiet ma jiddeċidux mod ieħor. Fis-sentenza illi biha tilqa’ t-talba għad-divorzju, il-qorti tista’, fuq talba tal-parti illi matul is-smigħ tal-kawża ta’ divorzju jkun dovut għaliha jew għall-ulied manteniment mingħand il-parti l-oħra, tordna illi l-ħlas tal-manteniment mill-parti l-oħra jiġi żgurat b’garanzija xierqa u raġonevoli skont iċ-ċirkostanzi tal-partijiet. Dik il-garanzija m’għandhiex tkun f’ammont li jeċċedi l-ammont ta’ manteniment għal ħames snin. Din it-talba tista’ wkoll issir f’kull żmien wara s-sentenza msemmija meta jkun dovut il-manteniment.

Fejn issir talba għad-divorzju lill-qorti ċivili kompetenti minn wieħed mill-miżżewġin, jew miż-żewġ miżżewġin li jkunu qablu li jirrikorru għad-divorzju, u fejn il-miżżewġin ma jkunux separati b’kuntratt jew b’sentenza tal-qorti, qabel ma l-qorti tagħti l-awtorizzazjoni biex il-miżżewġin jipproċedu għad-divorzju, il-qorti għandha ssejjaħ lill-partijiet sabiex jidhru quddiem medjatur li jkun maħtur minnha jew bil-kunsens taż-żewġ partijiet u dan bil-għan li jsir tentattiv ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewġin. Jekk dik ir-rikonċiljazzjoni ma sseħħx, u l-partijiet ma jkunux diġà qablu bejniethom dwar il-pattijiet tad-divorzju, il-medjatur jgħin lill-partijiet biex jaslu għad-divorzju fuq bażi ta’ qbil. Dan il-qbil għandu jkun dwar xi wħud, jew il-pattijiet kollha, minn dawn li ġejjin:

  • il-kura u l-kustodja tal-ulied;
  • l-aċċess taż-żewġ partijiet għall-ulied;
  • il-manteniment tal-miżżewġin, jew ta’ parti waħda minnhom, u ta’ kull wild;
  • ir-residenza fid-dar konjugali;
  • id-diviżjoni tal-komunjoni tal-akkwisti jew tal-komunjoni ta’ residwu taħt amministrazzjoni separata.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Separazzjoni ġudizzjarja tirreferi għal meta waħda mill-miżżewġin tiftaħ kawża kontra l-parti l-oħra taż-żwieġ u l-Qorti tagħti sentenza fuq id-drittijiet u l-obbligi li miżżewġin għandhom meta jkunu legalment separati.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja hija waħda jew aktar minn dawn li ġejjien:

  • Adulterju;
  • Attijiet ta’ vjolenza domestika;
  • Eċessi, moħqrija, theddid jew offiżi gravi tal-parti l-oħra kontra l-attur jew kontra xi wieħed jew ieħor mit-tfal tiegħu;
  • Il-ħajja flimkien ma tkunx għadha possibbli għax iż-żwieġ ikun tkisser irremedjabilment;
  • Abbandun

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Rigward manteniment, il-parti li kontra tagħha tinqata s-separazzjoni għandha l-obbligu tal-manteniment tal-parti l-oħra kif ukoll ta’ l-ulied sakemm jagħlqu l-eta ta’ tmintax u f’każ li jkunu studenti li qegħdin jipparteċipaw f’edukazzjoni, taħriġ jew tagħlim full-time u huma taħt l-età ta’ tlieta u għoxrin sena. L-ammont dovut lill-parti l-oħra u lill-ulied jiġi stabbilit billi jitqiesu l-mezzi tal-miżżewġin, il-ħila tagħhom li jaħdmu u l-bżonnijiet tagħhom, u għandhom jitqiesu wkoll iċ-ċirkostanzi l-oħra kollha tal-miżżewġin u tal-ulied, inkluż dan li ġej:

  • il-bżonnijiet tal-ulied, wara li jkunu tqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tagħhom;
  • xi diżabilità, kemm jekk hija fiżika jew mentali;
  • ċirkostanzi ta’ mard li tant ikunu serji u gravi li jikkompromettu l-kapaċità tal-miżżewġin jew ta’ l-ulied
  • li jmantnu lilhom infushom;
  • jekk il-ħila tal-parti li jkun dovut lilha l-manteniment illi tagħmel qligħ ta’ kull xorta ġietx imnaqqsa għaliex dik il-parti tkun, matul iż-żwieġ, ħadet ħsieb id-dar, il-parti l-oħra u t-trobbija tat-tfal taż-żwieġ;
  • kull qligħ jew benefiċċju li l-miżżewġin, jew min minnhom, jirċievu skont il-liġi;
  • il-ħtiġiet għall-akkomodazzjoni tal-miżżewġin u tal-ulied;
  • l-ammont li kien ikun dovut lil kull waħda mill-partijiet bħala benefiċċju, inkluż, iżda mhux limitat għal, benefiċċju taħt skema ta’ pensjoni, liema benefiċċju dik il-parti tkun ser titlef l-opportunità jew il-possibbiltà li tikseb bħala riżultat tal-firda.

Id-dar taż-żwieġ tista tingħata mill-qorti fuq talba ta’ waħda mill-partijiet lil xi parti, ad esklużjoni tal-parti l-oħra, u għal dak il-perjodu u taħt dawk il-kondizzjonijiet li l-qorti jidhrilha xierqa, jew li d-dar taż-żwieġ għandha tinbiegħ, fejn tkun sodisfatta illi ż-żewġ partijiet u uliedhom ser ikollhom akkomodazzjoni oħra xierqa, u li r-rikavat tal-bejgħ għandu jiġi assenjat lill-partijiet kif il-qorti jidhrilha xieraq, jew fejn id-dar taż-żwieġ tkun tappartjeni liż-żewġ partijiet, li tassenja d-dar taż-żwieġ lil xi parti minnhom, liema parti jkollha tikkumpensa lill-parti l-oħra għat-telf finanzjarju soffert.

Meta tagħti s-sentenza ta’ separazzjoni, il-qorti għandha tordna lil liema waħda mill-partijiet għandha tiġi fdata l-kustodja tat-tfal u l-konsiderazzjoni ewlenija tkun il-ġid tal-ulied. Iżda fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tiddikjara li l-parti l-oħra ma tkunx tajba biex ikollha l-kustodja tal-ulied minuri tal-partijiet, u fejn il-qorti tagħmel dikjarazzjoni bħal din, il-parti hekk iddikjarata ma tkunx tista’, mal-mewt tal-parti l-oħra, tieħu l-kustodja ta’ l-ulied minuri, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-qorti.

Il-mara tista’ wara s-separazzjoni tagħżel li tirreverti għal kunjom xbubitha iżda din l-għażla għandha ssir b’dikjarazzjoni fl-att pubbliku ta’ separazzjoni, u f ’każ ta’ separazzjoni ġudizzjarja, il-mara għandha tagħmel dik id-dikjarazzjoni b’nota ppreżentata fl-atti tal-kawża qabel is-sentenza.

Fir-rigward ta’ terzi, is-separazzjoni personali ma għandha ebda effett kontra tagħhom ħlief minn dak in-nhar li s-sentenza jew il-kuntratt, skont il-każ, jiġu mniżżla fir-Reġistru Pubbliku.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Anullament taż-żwieġ jfisser li ż-żwieġ m’għandux effett. Dan iż-żwieġ jiġi ddikjarat null.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Iż-żwieġ ikun null:

  • jekk ikun hemm nuqqas ta’ tħaris ta’ xi formalità jew ta’ xi ħtieġa oħra simili dwar iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ jew li ssir bi tħejjija għalih
  • jekk il-kunsens ta’ xi waħda mill-partijiet ikun inkiseb bi vjolenza, sew fiżika sew morali, jew biża;
  • jekk il-kunsens ta’ xi waħda mill-partijiet ikun eskluż minħabba żball fuq l-identità tal-parti l-oħra;
  • jekk il-kunsens ta’ xi waħda mill-partijiet ikun inkiseb b’qerq dwar xi kwalità tal-parti l-oħra li tista’ mix-xorta tagħha tfixkel serjament il-ħajja miżżewġa;
  • jekk il-kunsens ta’ xi waħda mill-partijiet ikun vizjat b’difett serju ta’ diskrezzjoni ta’ ġudizzju fuq il-ħajja miżżewġa, jew fuq id-drittijiet u d-dmirijiet essenzjali tagħha, jew b’anomalija psikoloġika serja li tagħmilha impossibbli għal dik il-parti li taqdi l-obbligazzjonijiet essenzjali taż-żwieġ;
  • jekk xi waħda mill-partijiet jkun impotenti, sew jekk dik l-impotenza tkun assoluta jew relattiva, iżda biss jekk dik l-impotenza tkun teżisti qabel iż-żwieġ;
  • jekk il-kunsens ta’ xi waħda mill-partijiet ikun inkiseb bl-esklużjoni pożittiva taż-żwieġ innifsu, jew ta’ xi wieħed jew aktar mill-elementi essenzjali tal-ħajja miżżewġa, jew tad-dritt għall-att taż-żwieġ;
  • jekk xi waħda mill-partijiet torbot il-kunsens tagħha ma’ kondizzjoni li tirriferi għall-futur;
  • jekk xi waħda mill-partijiet, għalkemm ma tkunx interdetta jew marida b’moħħha, ma kellhiex fiż-żmien li sar iż-żwieġ, ukoll minħabba raġuni temporanja, setgħat intelletwali jew ta’ rieda biżżejjed biex jinħoloq kunsens għaż-żwieġ;
  • jekk iż-żwieġ ma jkunx ġie kunsmat.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

L-effetti ta’ żwieġ validu jitqiesu li dejjem kienu jeżistu għal dak li jirrigwarda t-tfal li jitwieldu jew ġew konċepiti matul żwieġ li ġie ddikjarat null kif ukoll għal dak li jirrigwarda tfal li jitwieldu qabel dak iż-żwieġ u li jkunu rikonoxxuti qabel ma tingħata s-sentenza ta’ nullità. Jekk waħda biss mill-partijiet kienet in bona fide dawk l-effetti japplikaw favur tagħha u favur l-ulied. Jekk ebda waħda mill-partijiet ma kienet in bona fide l-effetti ta’ żwieġ validu għandhom japplikaw biss favur l-ulied li jitwieldu jew konċepiti matul iż-żwieġ dikjarat null. Il-parti responsabbli għan-nullità taż-żwieġ hija obbligata tħallas manteniment lill-parti l-oħra li tkun in bona fide għal perijodu ta’ ħames snin, liema obbligu jispiċċa jekk il-parti in bona fide tiżżewweġ matul dak iż-żmien.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Le m’hemmx alternattivi oħra; dan jista ssir biss permezz ta’ rikors.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ir-rikors ta’ divorzju, ta’ separazzjoni ġudizzjarja jew annullament taż-żwieġ ċivili għandu jiġi ppreżentat fil-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja), filwaqt li reġistrazzjoni ta’ annullament mogħti mit-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ Malta għandhu jiġi ppreżentat fil-Qorti ta’ l-Appell. Ir-rikors ta’ divorzju, separazzjoni u annullament taż-żwieġ ċivili jrid ikun ġuramentat. Ir-risposta ghar-rikors trid tiġi ppreżentata fi żmien għoxrin ġurnata. Id-dokumenti li jiġu mhemuża vvarjaw skont ta’ x’wiehed irrid jipprova. Iżda fil-każ ta’ reġistrazzjoni ta’ annullament mit-Tribunal Ekkleżjastiku, wieħed għandhu jannetti kopja tas-sentenzi mogħtija mit-Tribunal Metropolitan ta’ Malta, id-digriet maħruġ mit-Tribunal Reġjonali tat-Tieni Istanza, id-digriet ta’ eżekutivita u ċ-ċertifikat taż-żwieġ.

Kull parti f’kawża ta’ separazzjoni, tista’ f’kull waqt matul dik il-kawża, iżda qabel ma l-kawża tiġi mħollija għas-sentenza, titlob b’rikors illi t-talba għas-separazzjoni magħmula f’dik il-kawża titqies minflok bħala talba għall-pronunzjament ta’ divorzju.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva wieħed jista’ jingħata għajnuna legali diment li r-rekwiżiti rikjesti mill-Artikolu 912 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili jkunu sodisfati.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Iva huwa possibli li jkun hemm appell mid-deċizjoni relatata ma’ divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament. Biss wieħed għandu jżomm f’moħħu li diġriet għar-reġistrazzjoni ta’ annullament mogħti mit-Tribunal Ekklezjastiku ta’ Malta ma jistax jiġi appellat.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Deċiżjoni ta’ qorti barranija dwar l-istat ta’ persuna miżżewġa jew li tolqot dak l-istat għandha tkun rikonoxxuta għall-finijiet kollha ta’ liġi f’Malta jekk id-deċiżjoni tingħata minn qorti kompetenti tal-pajjiż li fih xi waħda mill-partijiet fil-proċedimenti tkun domiċiljata jew li tiegħu xi waħda minn dawk il-partijiet tkun ċittadin. Biex isir dan wieħed għandu jmur ir-Reġistru Pubbliku (Evans Building, Triq Merkanti, Valletta VLT 2000).

Apparti l-liġi nostrana, tapplika wkoll il-liġi Ewropeja u ċioe Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000. Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament jagħmel referenza għar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali, jew l-annulament taż-żwieġ u ċioe:

‘(a) jekk jidher ċar li l-imsemmi rikonoxximent huwa kuntrarju għall-politika pubblika ta' l-Istat Membru fejn ir-rikonoxximent qiegħed jiġi mitlub;

(b) Fejn ġie mogħti b'kontumaċja, jekk il-konvenut ma ġiex/tx notifikat bid-dokument li stitwixxa l-proċedimenti jew b'dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b'mod li jħallu l-konvenut jirranġaw għad-difiża tagħhom ħlief jekk huwa ddeterminat li l-konvenut aċċetta s-sentenza inekwivokabilment;

(ċ) jekk hija rrekonċiljabbli ma' sentenza mogħtija fi proċedimenti bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih qiegħed jiġi mitlub r-rikonoxximent; jew

(d) jekk hija rrekonċiljabbli ma' sentenza mogħtija qabel fi Stat Membru ieħor jew fi Stat li m'huwiex Membru bejn l-istess partijiet, kemm-il darba s-sentenza li ngħatat qabel tissodisfa l-kondizzjonijiet neċessarji għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru fejn huwa mitlub ir-rikonoxximent’.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Biex jopponi għar-rikonoxximent ta’ deċizjoni dwar divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament, wieħed għandu jmur quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja). Il-proċeduri applikabbli hija dik ta’ Malta ai termini tal-Kap 12 tal-Liġijiet ta’ Malta.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-qrati ta’ ġurisdizzjoni ċivili jkollhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu u jiddeċiedu talba għad-divorzju biss jekk, mill-inqas waħda mill-ħtiġiet li ġejjin tkun sodisfatta:

  • mill-inqas waħda mill-miżżewġin kellha d-domiċilju tagħha f’Malta fid-data meta tkun saret it-talba għad-divorzju lill-qorti ċivili kompetenti; jew
  • mill-inqas waħda mill-miżżewġin kellha r-residenza ordinarja tagħha f’Malta matul il-perjodu ta’ sena, immedjatament qabel ma tkun saret talba għad-divorzju.
L-aħħar aġġornament: 22/03/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Divorzju - Olanda

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Rikors għal divorzju jista' jiġi ppreżentat minn wieħed mill-konjuġi (rikors unilaterali) jew miż-żewġ konjuġi flimkien (rikors konġunt). Il-proċedura hija l-istess (ara l-mistoqsija Nru 11).

F'kull każ il-partijiet iridu jiġu rappreżentati minn avukat matul il-proċedimenti. Rikors għad-divorzju jinstema' mill-qorti distrettwali (rechtbank) tal-post fejn huwa/huma residenti r-rikorrent/i. Rikors għad-divorzju jista' jiġi ppreżentat f'kull ħin wara ż-żwieġ; il-partijiet ma għandhomx għalfejn ikunu ilhom miżżewwġin għal xi perjodu partikolari ta' żmien. Id-divorzju jidħol fis-seħħ metà tiġi rreġistrata s-sentenza tal-qorti fir-reġistru tat-twelid, taż-żwiġijiet u tal-imwiet (burgerlijke stand). Id-divorzju jista' jiġi mdaħħal fir-reġistru biss ladarba s-sentenza ma tkunx għadha miftuħa għall-appell (issir res judicata). Id-divorzju jrid jiġi rreġistrat fir-reġistru fi żmien sitt xhur minn meta s-sentenza ssir res judicata, inkella s-sentenza titlef l-effett tagħha, f'liema każ id-divorzju ma jkunx jista jiġi rreġistrat fir-reġistru. Jekk iż-żwieġ ikun ġie ċċelebrat barra l-pajjiż u ċ-ċertifikat taż-żwieġ barrani ma jkunx ġie reġistrat fir-reġistru Netherlandiż, is-sentenza ta' divorzju Netherlandiża tiddaħħal fir-reġistru speċjali tat-twelid, taż-żwiġijiet u tal-imwiet fl-Aja, in-Netherlands.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Skont il-liġi Netherlandiża, l-unika raġuni sabiex wieħed jitlob id-divorzju hija t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ. Żwieġ jitqies li tkisser irrimedjabbilment jekk il-konjuġi jsibu li l-koabitazzjoni hija intollerabbli u li mhemmx tama illi jerġa' jkun hemm relazzjonijiet maritali xierqa.  Jekk ir-rikors jitressaq minn wieħed mill-konjuġi biss, ir-rikorrent irid jiddikjara illi ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment, u jekk din id-dikjarazzjoni tiġi miċħuda mill-konjuġi l-ieħor, ir-rikorrent irid jipprovdi provi. Hija l-qorti li tiddeċiedi jekk iż-żwieġ tkissirx irrimedjabbilment. F'każ ta' rikors konġunt, is-sentenza ta' divorzju tingħata abbażi tal-fatt illi ż-żewġ konjuġi jemmnu illi ż-żwieġ tagħhom tkisser irrimedjabbilment.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Id-divorzju jista' jkollu implikazzjonijiet għall-użu tal-kunjom ta' ekskonjuġi. Hekk kif id-divorzju jsir finali, persuna divorzjata tista' terġa tiżżewweġ jew tidħol fi sħubija ċivili.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Reġim previst mil-liġi (sjieda konġunta tal-proprjetà kollha)

In-Netherlands għandha reġim pjuttost partikolari rigward it-trattament tal-introjtu u l-proprjetà matul iż-żwieġ. L-arranġament ordinarju, previst mill-istatut, huwa s-sjieda konġunta tal-proprjetà kollha (algehele gemeenschap van goederen).  Normalment, il-proprjetà kollha akkwistata minn kull konjuġi qabel jew matul iż-żwieġ jifforma parti mill-proprjetà konġunta. L-assi taż-żewġ konjuġi jingħaqdu. Normalment, id-dejn imġarrab qabel jew matul iż-żwieġ huwa wkoll responsabbiltà konġunta, irrispettivament minn min daħal għad-dejn. Kreditur jista' jirkupra d-dejn mill-proprjetà konġunta tal-konjuġi. Il-proprjetà ma tibqax konġunta mad-divorzju, jiġifieri metà s-sentenza ta' divorzju tiġi rreġistrata fir-reġistru tat-twelid, taż-żwieġ u tal-imwiet. L-assi tal-konjuġi ma jibqgħux magħquda, għaliex il-proprjetà konġunta trid tinqasam. Irid jiġi stabbilit x'għandu dritt għalih kull konjuġi mill-proprjetà konġunta. Ir-regola ġenerali hija li kull konjuġi għandu dritt għal nofs il-proprjetà. Il-konjuġi jistgħu jiddeċiedu li ma jimxux ma' din ir-regola, u jagħmlu arranġamenti oħra, fi ftehim dwar id-divorzju (echtscheidingsconvenant) jew fi żmien id-diviżjoni (verdeling).

Il-ftehimiet ta' qabel u wara ż-żwieġ

Il-konjuġi jistgħu jagħżlu reġim differenti mill-arranġament ordinarju previst mil-liġi jekk jiftehmu dwar ftehim ta' qabel iż-żwieġ jew (rari) ftehim wara ż-żwieġ. Dawn il-ftehimiet jistabbilixxu wkoll ir-regoli għad-diviżjoni tal-proprjetà f'każ ta' divorzju.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Il-kustodja

Wara d-divorzju, il-ġenituri jibqgħu bil-kustodja konġunta ta' uliedhom, kif kellhom matul iż-żwieġ. Il-qorti tista' tintalab tagħti l-kustodja lil ġenitur wieħed biss f'ċirkustanzi eċċezzjonali. Ir-rikors għall-kustodja esklussiva jista' jiġi ppreżentat minn kull ġenitur waħdu jew mit-tnejn li huma. Ġenitur li ma ngħatax il-kustodja tat-tfal għandu dritt għall-aċċess. Kull ġenitur jew it-tnejn li huma jistgħu jitolbu lill-qorti biex tistabbilixxi r-regoli dwar id-drittijiet ta' aċċess.

Il-manteniment tat-tfal

Jekk il-ġenituri jkomplu jaqsmu l-kustodja wara d-divorzju, il-ħsieb huwa li jaslu għal ftehim dwar kif jaqsmu l-ispejjeż għat-trobbija ta' uliedhom. Huma jistgħu ukoll jitolbu lill-qorti biex tniżżel dak li jkunu ftehmu dwaru. Jekk ma jistgħux jilħqu ftehim, il-qorti tista' tistabbilixxi somma biex titħallas bħala manteniment. Jekk wieħed mill-ġenituri biss għandu l-kustodja esklussiva, huwa jista' jitlob lill-qorti biex issir taf kemm għandu jikkontribwixxi l-ġenitur l-ieħor għall-ispejjeż ta' kuljum tat-tfal. Bħala regola ġenerali, il-ġenituri huma mistennija jiftehmu dwar kif sejrin iħallsu l-manteniment bejniethom. Għal aktar informazzjoni f'dan ir-rigward, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Ġbir tal-Pagamenti tal-Manteniment (Landelijk Bureau Inning Onderhoudsbijdragen) (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.lbio.nl/).

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

L-obbligu tal-konjuġi biex imantnu lil xulxin ikompli wara l-ħall taż-żwieġ. Jekk l-introjtu ta' ekskonjuġi mhux biżżejjed għall-għajxien tiegħu, u ma jistax jiġi mistenni li jaqla' l-ammont ta' introjtu neċessarju, huwa jista' jitlob lill-qorti biex tordna lill-ekskonjuġi l-ieħor biex iħallas il-manteniment għall-għajxien tiegħu. Il-qorti tista' tagħmel hekk fis-sentenza ta' divorzju jew wara. Meta tikkalkula kemm għandu jitħallas manteniment, il-qorti tikkunsidra l-bżonnijiet tal-konjuġi li sejjer jirċievi l-ħlas u l-mezzi tal-konjuġi l-ieħor. Jistgħu jitqiesu wkoll fatturi mhux finanzjarji, bħal kemm dam iż-żwieġ, jew kemm kienu ilhom jgħixu flimkien il-konjuġi. Jekk il-qorti ma tistabbilixix terminu għal kemm għandu jdum jitħallas il-manteniment, l-obbligu jintemm wara tnax-il-sena. F'każ fejn il-konjuġi li għandu bżonn il-manteniment għaddej minn diffikultà finanzjarja partikolari, huwa jista' jitlob lill-qorti biex testendi dan il-perjodu. Normalment, jekk iż-żwieġ kien qasir (inqas minn ħames snin) u ma kienx hemm tfal, il-perjodu li matulu jrid jitħallas il-manteniment ma jaqbiżx il-perjodu taż-żwieġ innifsu. Jekk il-konjuġi jew ekskonjuġi laħqu ftehim dwar il-ħlas tal-manteniment huma jistgħu iniżżlu dan il-ftehim f'dak dwar id-divorzju.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni legali (scheiding van tafel en bed) hija mezz legali li bih il-konjuġi ma jibqgħux jgħixu flimkien iżda mingħajr ma jinħall iż-żwieġ ta' bejniethom. Is-separazzjoni legali hija ta' interess għall-konjuġi li jixtiequ jisseparaw u jindirizzaw il-konegwenzi legali tiegħu, iżda li jixtiequ jibqgħu miżżewwġin, forsi għal raġunijiet finanzjarji jew reliġjużi. Is-separazzjoni legali tħalli l-bieb miftuħ għal rikonċiljazzjoni, iżda tista' sservi wkoll bħala l-ewwel pass fil-ħall taż-żwieġ. Separazzjoni legali tidħol fis-seħħ meta s-sentenza tal-qorti tidħol fir-reġistru tal-proprjetà matrimonjali. Bħal fil-każ ta' divorzju, dan irid isir fi żmien sitt xhur.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

L-unika raġuni sabiex wieħed jitlob għas-separazzjoni legali hija t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

L-implikazzjonijiet tas-separazzjoni legali fuq il-proprjetà matrimonjali, il-kustodja tat-tfal (drittijiet ta' aċċess), ħlas tal-manteniment u l-pensjonijiet huma l-istess bħal f'każ ta' divorzju. Iż-żwieġ ikompli jeżisti. Il-liġi tistipula illi l-konjuġi li għażlu s-separazzjoni legali ma jirtux il-propjetà ta' xulxin f'każ ta' mewt. Jekk, wara separazzjoni legali, il-konjuġi jiddeċiedu illi jridu jisseparaw għalkollox, xorta jistgħu jitolbu d-divorzju. Il-partijiet f'separazzjoni legali jistgħu jgħixu ma' persuna ġdida u jibnu ħajja ġdida, iżda ma jistgħux jerġgħu jiżżewwġu jew jidħlu fi sħubija ċivili.

Jekk wara separazzjoni legali ssir talba unilaterali għad-divorzju, japplikaw ċerti restrizzjonijiet. It-talbiet unilaterali huma suġġetti għal perjodu ta' stennija ta' tliet snin. Dan il-perjodu jista' jiġi mnaqqas għal sena mill-qorti f'ċerti każijiet. Il-perjodu ta' tliet snin jibda mid-data li fiha tiġi rreġistrata s-separazzjoni legali fir-reġistru. Jekk it-talba għad-divorzju wara separazzjoni legali ssir unilateralment, mhemmx perjodu ta' stennija. Il-ħall taż-żwieġ jidħol fis-seħħ metà tiġi rreġistrata s-sentenza fir-reġistru tat-twelid, taż-żwiġijiet u tal-imwiet.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Iż-żwieġ jista' jiġi annullat biss permezz ta' sentenza tal-qorti. Il-proċedimenti tal-annullament jibdew bil-preżentata ta' rikors. Għalhekk żwieġ iċċelebrat bejn il-partijiet qatt ma jkun awtomatikament null u bla effett: żwieġ jibqa' validu sakemm jiġi annullat. Il-liġi tindika x'raġunijiet jikkostitwixxu bażi għall-annullament u min jista' jippreżenta rikors.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Il-liġi tipprovdi r-raġunijiet li ġejjin biex fuqhom jiġi bbażat ir-rikors għall-annullament: il-partijiet iżżewwġu minkejja li kien hemm:

  • impedimenti għaż-żwieġ (rekwiżiti ta' età minima), nuqqas ta' kunsens għaż-żwieġ ta' minuri, il-bigamija, grad projbit ta' parentela);
  • pressjoni jew żball;
  • żwieġ ta' konvenjenza;
  • mard mentali ta' wieħed mill-konjuġi;
  • nuqqas ta' kompetenza tar-reġistratur; jew
  • nuqqas ta' xhieda.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Annullament għandu effett retroattiv u japplika minn metà seħħ iż-żwieġ. Dan ifisser li, wara l-annullament mill-qorti, iż-żwieġ jitqies li qatt ma eżista. Issir eċċezzjoni f'ċerti ċirkonstanzi, f'liema każ l-annullament ikollu l-istess effett daqs divorzju. Pereżempju, it-tfal imwielda minn żwieġ annullat jibqgħu it-tfal tal-ġenituri. Eċċezzjoni oħra tikkonċerna konjuġi puttativ, jiġifieri l-konjuġi li ma kienx jaf li ż-żwieġ kien difettuż. Jekk jogħġbok ara l-kundizzjonijiet għall-annullament taż-żwieġ, kif imniżżla taħt il-mistoqsija 8. Konjuġi in bona fede jista, pereżempju, jitlob lill-konjuġi l-ieħor għall-manteniment.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Il-medjazzjoni hija komunu f'każijiet ta' divorzju fin-Netherlands. Bl-għajnuna ta' medjatur u, fejn ikunu meħtieġa, l-avukati tal-partijiet, il-konjuġi jistgħu jippruvaw jaslu għal ftehim dwar id-divorzju u l-konsegwenzi tiegħu. Dawn l-arranġamenti jitniżżlu fi ftehim dwar id-divorzju (echtscheidingsconvenant), li huwa dokument bil-miktub. Dan il-ftehim jista' jkopri kwistjonijiet bħad-diviżjoni tal-proprjetà, kull obbligu ta' ħlas tal-manteniment lil konjuġi, u pjan għat-trobbija tat-tfal. Il-qorti tista' tinkorpora l-ftehim imfassal matul il-proċess ta' medjazzjoni fis-sentenza tagħha.

Hemm Assoċjazzjoni ta' Avukati tal-Familja u Medjaturi għad-Divorzju (Vereniging van Familierechtadvocaten en Scheidingsbemiddelaars) b'membri speċjalizzati f'oqsma bħad-divorzju u l-ħlas tal-manteniment. Huma jispeċjalizzaw ukoll fil-medjazzjoni f'divorzju u f'dak kollu li jġib miegħu. Għal aktar informazzjoni, irreferi għal: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.vas-scheidingsbemiddeling.nl/.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Rikors

Il-proċedimenti għad-divorzju kollha jibdew b'rikors il-qorti (verzoekschrift). Ir-rikors irid jispeċifika l-kunjom, l-isem u d-domiċilju jew il-post ta' residenza tal-konjuġi. Jekk hemm tfal minuri affettwati mid-divorzju, iridu jingħataw l-istess dettalji fir-rigward tagħhom. Ir-rikorrent jista' japplika wkoll għall-għajnuna anċillari (nevenvoorzieningen). Dan ir-rikors huwa relatat mad-divorzju. Il-qorti tista' tagħti għajnuna anċillari għal dawn l-affarijiet li ġejjin, fost l-oħrajn:

  • il-kustodja u d-drittijiet ta' aċċess għat-tfal minuri;
  • il-manteniment tat-tfal jew tal-konjuġi;
  • id-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali jew l-eżekuzzjoni tar-reġim miftiehem fil-ftehim ta' qabel jew ta' wara ż-żwieġ;
  • l-użu tad-dar matrimonjali; u
  • l-ugwalizzazzjoni tal-pensjoni.

L-avukat tar-rikorrent (advocaat) irid jippreżenta r-rikors quddiem il-qorti distrettwali (rechtbank). Jekk ir-rikorrent jgħix in-Netherlands, ir-rikors jista' jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tad-distrett fejn jgħix. Jekk ir-rikorrent ma jgħix in-Netherlands, iżda jgħix hemmhekk il-konjuġi l-ieħor, ir-rikors irid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tad-distrett fejn jgħix il-konjuġi l-ieħor. Jekk iż-żewġ konjuġi jgħixu barra min-Netherlands, ir-rikors irid jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Distrettwali tal-Aja.

Liema dokumenti jridu jiġu ppreżentati?

  • estratti oriġinali (maħruġa fl-aħħar tliet xhur) mir-reġistru tal-popolazzjoni, għaż-żewġ konjuġi, li jindikaw iċ-ċittadinanza, l-istat ċivili u, f'każ ta' ċittadini mhux Netherlandiżi, id-data metà daħħlu fin-Netherlands; f'każijiet fejn wieħed mill-konjuġi huwa ċittadin Netherlandiż u l-ieħor mhuwiex, trid tiġi speċifikata d-data metà stabbilixxa ruħu fin-Netherlands;
  • estratti oriġinali mir-reġistru tat-twelid (maħruġa fl-aħħar tliet xhur) tat-tfal minuri;
  • estratt oriġinali mir-reġistru taż-żwiġijiet (li jista' jinkiseb mill-kunsill fil-post fejn iżżewwġu, li jrid ikun inħareġ fl-aħħar tliet xhur); f'każ ta' żwiġijiet li seħħew f'post barrani, ikun biżżejjed iċ-ċertifikat oriġinali taż-żwieġ jew estratt antik; u
  • jekk hemm tfal, pjan għat-trobbija tagħhom; il-pjan għat-trobbija jistabbilixxi l-arranġamenti mifthiema bejn il-ġenituri fir-rigward tat-tfal tagħhom, u jista' jipprovdi għal kura ta' kuljum tat-tfal, l-edukazzjoni tagħhom, il-parteċipazzjoni fl-isports, il-kura medika, l-arranġamenti għal jiem speċjali bħal vaganzi u vaganzi pubbliċi, il-finanzi, u arranġamenti prattiċi (it-teħid tat-tfal lejn u lura mil-iskola).

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Jekk ir-rikorrent ma jistax iħallas l-ispejjeż ta' avukat jew medjatur, huwa jista' jkun eliġibbli għall-għajnuna legali, skont ċerti kundizzjonijiet. Il-Bord tal-Għajnuna Legali (Raad voor de rechtsbijstand)  jagħti l-għajnuna legali biss permezz ta' medjaturi li huma rreġistrati miegħu. Għal aktar informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà, irreferi għal Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.rvr.org/.

Id-dritt għall-għajnuna legali japplika wkoll għall-kwistjonijiet transfruntiera jekk ir-rikorrent jgħix barra min-Netherlands iżda ġewwa l-UE. Dan huwa regolat mid-Direttiva Ewropea dwar l-għajnuna legali fi kwistjonijiet transfruntiera (ĠU L 26, 31.1.2003). Talba għall-għajnuna legali tista' titressaq lill-Bord tal-Għajnuna Legali fl-Aja permezz ta' formola standard imfassla skont id-Direttiva, li hija identika fl-Istati Membri kollha. Jekk ikun meħtieġ, il-Bord tal-Għajnuna Legali jista' jgħin lill-applikanti jagħżel avukat. Għal aktar informazzjoni, irreferi għal: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.rvr.org/.

F'ċerti każijiet, fejn ikun hemm trattat, litigant li jgħix barra mill-UE jista' jikseb għajnuna legali fin-Netherlands. It-trattati li ġejjin huma rilevanti f'dan ir-rigward: il-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Proċedura Ċivili (1954), il-Ftehim Ewropew dwar it-Trażmissjoni ta' Applikazzjonijiet għal Għajnuna Legali (1977) u l-Konvenzjoni dwar l-Aċċess Internazzjonali għall-Ġustizzja (1980). Dawn it-trattati jinkludu dispożizzjoni li essenzjalment tistipula illi ċ-ċittadini tal-Istati kontraenti huma eliġibbli għall-għajnuna legali fl-Istati kontraenti l-oħra, skont l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dawk l-Istati l-oħra. Fejn iqumu dawn il-każijiet fin-Netherlands, trid tintalab dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' fondi (verklaring van onvermogen) mill-awtorità kompetenti tal-post ta' residenza abitwali tar-rikorrent. Ir-rikors għall-għajnuna legali u d-dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' fondi jintbagħtu minn din l-awtorità lill-awtorità kompetenti fil-pajjiż fejn għandha tingħata l-għajnuna legali. Din tal-aħħar imbagħad tevalwa jekk ir-rikorrent huwiex intitolat għall-għajnuna legali.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Iva, jista' jsir appell fir-reġistru tal-qorti tal-appell (gerechtshof) fi żmien tliet xhur mid-data tas-sentenza ta' divorzju. Is-sentenza tal-qorti tal-appell normalment tista' tiġi kkontestata fuq punt ta' liġi fil-Qorti Suprema (Hoge Raad der Nederlanden). Il-partijiet għandhom bżonn rappreżentazzjoni legali f'dawn il-proċedimenti.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Fl-1 ta' Marzu 2005, dak li huwa magħruf bħala "Ir-Regolament Brussell II bis" (jew ir-Regolament ta' Brussell IIa) daħal fis-seħħ fl-Istati Membri tal-UE; l-isem sħiħ tiegħu huwa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000. Ir-Regolament Brussell II bis japplika f'każ ta' divorzju, separazzjoni legali u annullament taż-żwieġ. Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament, is-sentenzi ta' divorzju maħruġa fl-Istati Membri l-oħra (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka) jiġu rikonoxxuti fin-Netherlands mingħajr il-bżonn ta' xi proċedura speċjali (l-Artikolu 21(1)). Bl-istess mod, l-ebda proċedura speċjali mhija meħtieġa għall-aġġornament tar-rekords dwar l-istat ċivili, pereżempju metà tiddaħħal annotazzjoni dwar divorzju f'ċertifikat taż-żwieġ.

Kull parti interessata tista' tiftaħ proċedimenti legali biex tiddetermina jekk għandhiex tiġi rikonoxxuta sentenza ta' divorzju minn pajjiż ieħor. Ir-Regolament Brussell II bis jipprovdi numru ta' raġunijiet li bihom jista' jiġi rifjutat ir-rikonoxximent tad-divorzju. Pereżempju, ir-rikonoxximent tad-divorzju ma jistax imur kontra l-ordni pubbliku. Jiġi meqjus ukoll jekk il-konvenut (il-parti li ma ppreżentatx ir-rikors għad-divorzju) kienx ġie infurmat kif xieraq bil-proċedimenti. Is-sentenza nfisha, madankollu, ma tistax tiġi rieżaminata. Skont ir-Regolament Brussell II bis, il-qorti tal-Istat Membru fejn oriġinat is-sentenza trid, fuq talba ta' kull parti interessata, toħroġ ċertifikat rigward din is-sentenza (permezz ta' formularju standardizzat). Dan iċ-ċertifikat jinkludi informazzjoni dwar il-pajjiż tal-oriġini tas-sentenza, id-dettalji tal-partijiet, jekk is-sentenza ingħatatx b'kontumaċja, it-tip ta' sentenza, pereżempju divorzju jew separazzjoni legali, id-data tas-sentenza, u liema qorti tat is-sentenza.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Jekk parti interessata tixtieq topponi r-rikonoxximent ta' sentenza ta' divorzju barrani fin-Netherlands, hija tista' tippreżenta rikors kontra r-rikonoxximent quddiem l-imħallef għall-għajnuna provviżorja (voorzieningenrechter) tal-qorti distrettwali fejn hija abitwalment residenti.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Fl-1 ta' Jannar 2012 daħal fis-seħħ Ktieb 10 tal-Kodiċi Ċivili tan-Netherlands (Burgerlijk Wetboek). Il-Ktieb 10 tal-Kodiċi Ċivili jinkludi r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li jistabbilixxu l-liġi applikabbli.

Ir-regola ewlenija hija li l-qrati dejjem japplikaw il-liġi tad-divorzju tan-Netherlands, irrispettivament miċ-ċittadinanza u mir-residenza abitwali tal-konjuġi. Jekk, pereżempju, it-talba għad-divorzju ssir fin-Netherlands minn koppja miżżewwġa ta' ċittadini Belġjani li jgħixu n-Netherlands, il-liġi tad-divorzju tan-Netherlands tiġi applikata awtomatikament. L-uniku każ fejn dan mhuwiex l-każ huwa meta l-konjuġi jagħżlu liema liġi għandha tapplika f'każ ta' divorzju. Il-konjuġi jistgħu speċifikament jagħżlu l-liġi nazzjonali komuni tagħhom biex tkun applikabbli matul il-proċedimenti ta' divorzju, minflok il-liġi Netherlandiża. Għalhekk koppja Belġjana tista' tagħżel il-liġi tad-divorzju tal-Belġju għall-każ tagħha.

L-aħħar aġġornament: 23/10/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Divorzju - Awstrija

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-liġi Awstrijaka tirrikonoxxi tliet tipi ta' divorzju: divorzju abbażi ta’ nuqqas/ħtija, divorzju li jsegwi separazzjoni ta' mill-anqas tliet snin u divorzju b’kunsens.

Il-konjuġi jista' jressaq petizzjoni għal divorzju jekk iż-żwieġ tkisser b’mod irrimedjabbli bħala riżultat ta’ nuqqas matrimonjali serju jew ta’ kondotta immorali jew ta' diżunur min-naħa tal-konjuġi l-ieħor/l-oħra li r-restawr ta’ relazzjoni li hija essenzjalment ekwivalenti għal żwieġ ma jistax ikun mistenni.

Jekk il-koppja tkun ilha tgħix separata għal tliet snin, wieħed mill-konjuġi jista’ jressaq petizzjoni għad-divorzju minħabba li ż-żwieġ ikun tkisser b’mod irrimedjabbli.

Jekk is-sħubija matrimonjali ma kinitx teżisti għal mill-inqas sitt xhur, it-tnejn jammettu li ż-żwieġ ikun tkisser b’mod irreparabbli u jaqblu li jiddivorzjaw, dawn jistgħu iressqu petizzjoni konġunta għal divorzju.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Ir-raġuni prinċipali għad-divorzju hija ta’ tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ. It-tkissir seta' ġie kkawżat minn nuqqas matrimonjali serju min-naħa ta’ sieħeb wieħed, speċjalment meta wieħed mill-konjuġi ma jibqax fidil jew jkun fiżikament vjolenti jew jikkawża tbatija emozzjonali serja fuq il-persuna l-oħra. Il-konjuġi l-ieħor jista’ jressaq petizzjoni għal divorzju anki jekk l-imġiba ma tistax titqies bħala nuqqas matrimonjali, minħabba li tkun dovuta għal disturbi mentali serji, imma ż-żwieġ ikun madankollu tkisser sal-punt li r-restawr ta’ relazzjoni li hija essenzjalment ekwivalenti għal żwieġ ma jistax ikun mistenni, jew jekk xi wieħed mill-konjuġi jkun persuna mentalment marida jew tbati minn marda infettiva jew li tittieħed ħafna jew marda li tikkawża stmerrija. F’dawn il-każijiet kollha, il-konjuġi li qed iressaq il-petizzjoni għad-divorzju jrid jagħti prova tar-raġunijiet allegati. Madankollu, jekk il-konjuġi jkunu ilhom jgħixu separati għal tliet snin, in-nuqqas matrimonjali m'għandux għalfejn jiġi affermat jew stabbilit.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Bħala regola, iż-żewġ konjuġi jżommu l-kunjom li kienu jużaw waqt li kienu miżżewġin. Jekk wieħed mill-konjuġi adotta l-kunjom tal-konjuġi 1-ieħor maż-żwieġ, dan jista' jmur lura biex juża l-isem preċedenti tiegħu.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Fil-prinċipju, il-konjuġi jistgħu jaqblu li jaqsmu l-beni tagħhom kif jixtiequ. Dan jista’ jsir permezz ta’ rinunzja reċiproka (li jfisser li s-separazzjoni legali tal-beni matul iż-żwieġ tinżamm wara li ż-żwieġ jiġi xolt), billi jinqasmu l-beni kollha miksuba b’kuntratt u li jkunu miżmuma b’mod konġunt jew permezz ta' trasferiment ta' proprjetà minn konjugi wieħed għall-ieħor.

Jekk il-konjuġi ma jkunux laħqu ftehim dwar il-beni tagħhom, kull wieħed minnhom jista’ jitlob lill-Qorti biex taqsam ċerti beni li jappartjenu liż-żewġ konjuġi. Il-beni magħrufa bħala “l-assi matrimonjali” u l-“investimenti matrimonjali” jinqasmu bejniethom. “L-assi matrimonjali” huma d-dar matrimonjali u l-oġġetti tad-dar u l-affarijiet l-oħra kollha attwalment użati miż-żewġ konjuġi fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum waqt li kienu miżżewġin. L-“investimenti matrimonjali”, huma l-investimenti kollha akkumulati mill-koppja waqt li kienu qed jgħixu flimkien bħala raġel u mara.

Kull ħaġa li l-miżżewġin ġabu magħhom fiż-żwieġ jew li wirtu jew li rċevew bħala rigal minn parti terza hija eskluża mill-qsim ta' beni, bħalma huwa dak kollu li konjuġi waħdu uża għal skopijiet personali jew professjonali tiegħu, inklużi kumpaniji u ishma f’kumpaniji, sakemm dawn ma kinux biss investimenti.

Il-Qorti għandha tqassam l-assi b’mod ekwu, b’kunsiderazzjoni xierqa taċ-ċirkostanzi relevanti kollha, b’attenzjoni partikolari lejn l-importanza u d-daqs ta’ kull kontribuzzjoni tal-konjuġi lejn l-akkwist ta’ assi matrimonjali u l-akkumulazzjoni ta’ investimenti matrimonjali, u lejn il-ġid tat-tfal. Il-ħlas ta’ manteniment, l-għajnuna għall-għajxien ta' kuljum, iż-żamma u l-kura tad-dar konġunta u t-trobbija tat-tfal taż-żewġ konjuġi u kwalunkwe assistenza matrimonjali oħra jitqiesu bħala kontribuzzjoni.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Peress li l-Att tal-2001 li jemenda l-Att dwar it-Tfal daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2001, il-ġenituri separati kellhom ambitu estensiv biex jagħmlu l-arranġamenti proprji tagħhom ta’ kustodja. F’każ ta’ divorzju, iż-żewġ konjuġi normalment iżommu r-responsabbiltà konġunta tal-ġenituri ta’ tfal taħt l-età. Madankollu, jekk il-ġenituri jixtiequ jżommu r-responsabbiltà ta' ġenituri konġunta sħiħa, kif kienu fiż-żwieġ, iridu jippreżentaw ftehim dwar il-post primarju ta’ residenza tat-tifel/tifla fil-qorti f’limitu ta’ żmien raġonevoli. Il-ġenituri jistgħu wkoll jidħlu fi ftehim fil-qorti li taħtu ġenitur wieħed biss ikollu responsabbiltà tal-ġenituri esklużiva jew ir-responsabbiltà ta' ġenitur wieħed tkun limitata għal kwistjonijiet speċifiċi.

Mill-Att tal-2013 li Jemenda l-Att dwar it-Tfal u dwar l-Ismijiet (Kindschaftsrechts-Änderungsgesetz) il-Qorti tista' tagħti l-ġenituri r-responsabbiltà ta' ġenituri konġunta kontra x-xewqat ta’ ġenitur wieħed jew iż-żewġ ġenituri jekk tqis li r-responsabbiltà ta' ġenituri konġunta hija fl-aħjar interess tat-tifel/tifla. Il-ġenituri jridu mbagħad jaqblu ma' liema ġenitur it-tifel/tifla se jgħix/tgħix. Jekk ir-responsabbiltà ta' ġenituri konġunta mhijiex fl-aħjar interess tat-tifel/tifla, il-qorti għandha tiddeċiedi liema ġenitur ikun irid jingħata r-responsabbiltà ta' ġenituri esklużiva.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Il-konjuġi li jaħti kemm b’mod esklużiv kif ukoll b'mod predominanti jrid iħallas manteniment suffiċjenti lill-konjuġi l-ieħor biex dan tal-aħħar iżomm l-istil ta’ ħajja tiegħu jekk ma għandux introjtu biżżejjed minn assi jew mix-xogħol li dan jista' jkun mistenni li jwettaq raġonevolment fiċ-ċirkostanzi. Jekk iż-żewġ konjuġi jaħtu għad-divorzju, iżda wieħed ma jaħtix aktar mill-ieħor, il-konjuġi li ma jistax imantni lilu nnifsu jista’ jingħata kontribuzzjoni għal manutenzjoni tiegħu nnifsu jekk dan huwa ekwu, bbażata fuq il-ħtiġijiet, l-assi u d-dħul tal-konjuġi l-ieħor. Kwalunkwe obbligu obbligatorju bħal dan jista’ jkun soġġett għal limitu ta’ żmien. Fil-każ ta’ divorzju bil-kunsens, il-konjuġi jistgħu jaqblu b’mod ħieles dwar jekk wieħed għandux iħallas il-manteniment tal-ieħor jew jekk iż-żewġ konjuġi humiex se jirrinunzjaw kull talba ta’ manteniment.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Ma hemm l-ebda arranġament bħal dan skont il-liġi Awstrijaka.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija Nru 4.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija Nru 4.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Il-liġi taż-żwieġ Awstrijaka tipprovdi għal “annullament taż-żwieġ” (“Ehenichtigkeit”). Żwieġ ikun null u bla effett jekk dan ma kienx b’kuntratt fil-forma preskritta, jekk wieħed mill-konjuġi kien legalment inkapaċitat, inkonxju jew temporanjament disturbat mentalment meta ż-żwieġ ġie kkuntrattat jew jekk iż-żwieġ sar biss jew primarjament għall-finijiet li wieħed mill-konjuġi jieħdu kunjom il-persuna l-oħra jew jakkwista ċ-ċittadinanza tal-konjuġi 1-ieħor, mingħajr ebda intenzjoni li tinħoloq relazzjoni matrimonjali. Żwieġ huwa wkoll null u bla effett jekk wieħed mill-konjuġi kien jgħix ma’ parti terza fi żwieġ legali meta ż-żwieġ ġie kkuntrattat jew jekk iż-żwieġ kien illegalment ikkuntrattat bejn il-qraba familjari.

Żwieġ jista’ jiġi annullat b’sentenza tal-qorti jekk, meta ż-żwieġ ikun ġie konkluż, il-kapaċità ġuridika ta’ wieħed mill-konjuġi tkun limitata u r-rappreżentant statutorju tagħhom ma jkunx ta l-kunsens għaż-żwieġ, jekk wieħed mill-konjuġi ma kienx jaf li kien se jidħol fi żwieġ jew kien jaf li kien se jidħol fir-rabta taż-żwieġ iżda ma xtaqx jiddikjara r-rieda tiegħu għal dan, jekk wieħed mill-konjuġi kellu żball rigward l-identità tal-persuna l-oħra, jekk wieħed mill-konjuġi kien żbaljat rigward kull ċirkostanza li tappartjeni lill-konjuġi l-ieħor u li kienet tipprekludih milli jidħol fir-rabta taż-żwieġ li kieku kien jaf bis-sitwazzjoni u apprezza kif xieraq l-implikazzjonijiet taż-żwieġ, jekk il-konjuġi ġew imġiegħla jidħlu għaż-żwieġ b’ingann malizzjuż dwar fatti essenzjali, jew jekk il-konjuġi kienu illegalment imġiegħla (mhedda) jidħlu għaż-żwieġ.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija Nru 7.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Jekk żwieġ jiġi annullat, iż-żwieġ ikun ittrattat bħalli kieku qatt ma seħħ. Jekk wieħed biss mill-konjuġi kien jaf li ż-żwieġ kien null u bla effett meta kien ikkuntrattat, is-sitwazzjoni bejn il-konjuġi dwar il-proprjetà tagħhom tiġi solvuta f’konformità mad-dispożizzjonijiet li japplikaw fil-każ ta’ divorzju. Kull tifel jew tifla mwieled/mwielda miż-żwieġ jiġi kkunsidrat/tiġi kkunsidrata bħala leġittimu/a anki wara li ż-żwieġ ikun ġie annullat.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Id-divorzju jew l-annullament jistgħu jingħataw biss mill-qrati, iżda problemi b’rabta mad-divorzju jistgħu jiġu solvuti barra mill-qrati (eż. permezz ta’ medjazzjoni).

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Tilwim relatat ma’ divorzju jew annullament jew l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ żwieġ jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qrati Distrettwali (Bezirksgerichte). Tali tilwim jaqa’ fil-ġurisdizzjoni esklussiva tal-Qorti Distrettwali minn fejn il-konjuġi jkunu jew kienu residenti abitwalment l-aħħar flimkien. Jekk, meta l-petizzjoni ġiet ippreżentata, l-ebda wieħed mill-konjuġi ma kien abitwalment residenti f’dak id-distrett jew jekk huma ma kellhomx residenza abitwali komuni fl-Awstrija, il-qorti fid-distrett fejn l-intimat huwa abitwalment residenti jew, jekk l-intimat ma għandu l-ebda residenza abitwali fl-Awstrija, il-qorti fid-distrett fejn il-petizzjonant huwa abitwalment residenti jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-Qorti Distrettwali taċ-Ċentru ta' Vjenna (Bezirksgericht Innere Stadt Wien) għandu jkollha l-ġurisdizzjoni esklussiva. Kwistjonijiet bħal dawn jaqgħu taħt il-kompetenza interna tal-qrati Awstrijaċi jekk wieħed mill-konjuġi huwa ċittadin Awstrijak, jekk l-intimat jew, fil-każ ta’ petizzjoni għal annullament miż-żewġ konjuġi, mill-inqas wieħed minnhom huwa abitwalment residenti fl-Awstrija jew jekk il-petizzjonant huwa abitwalment residenti fl-Awstrija u jew iż-żewġ konjuġi kellhom l-aħħar residenza komuni abitwali fl-Awstrija jew il-petizzjonant huwa persuna apolida jew kien ċittadin Awstrijak meta sar iż-żwieġ. Għalkemm dan huwa l-post esklussiv ta' ġurisdizzjoni, jista' jiġi miftiehem forum differenti.

Il-petizzjonijiet għad-divorzju għandhom iħarsu l-formalitajiet ġenerali għal petizzjoni. Petizzjonijiet għal divorzju b’kunsens, li fihom hemm deċiżjoni mogħtija taħt proċedura mhux kontenzjuża, għandhom jiġu ffirmati miż-żewġ konjuġi. Fil-każijiet kollha, għandu jinthemeż ċertifikat taż-żwieġ. Huwa rrakkomandat ukoll li jinthemżu d-dokumenti l-oħrajn kollha li jappoġġjaw il-petizzjoni.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Huwa possibbli li wieħed japplika għall-għajnuna legali f’każijiet ta’ divorzju skont ir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna legali (ara “Għajnuna Legali - l-Awstrija”). Fi proċedimenti ta’ divorzju hemm rekwiżit legali relattiv għal avukat; jekk parti ma tixtieqx tidher fil-qorti personalment, tista' biss tiġi rrappreżentata minn avukat.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Jistgħu jiġu ppreżentati appelli kontra sentenzi mill-Qorti tal-Prim’ Istanza dwar divorzju jew annullament jew dwar jekk żwieġ kienx jeżisti jew le quddiem il-Qorti Superjuri rilevanti, jiġifieri l-Qorti Reġjonali (Landesgericht) li jaġixxi bħala l-Qorti tat-Tieni Istanza għall-Qorti Distrettwali kompetenti.

Deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Appell jistgħu jiġu appellati biss fuq punt ta’ liġi jekk id-deċiżjoni tiddependi mit-tweġiba għal mistoqsija ta’ liġi sostantiva jew minn liġi proċedurali li hija importanti f’termini ta’ żamma ta’ konsistenza legali jew ta’ ċertezza legali jew ta’ żvilupp tal-liġi, pereżempju għax il-Qorti tal-Appell tiddevja mill-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema jew għax ma hemm l-ebda tali ġurisprudenza jew għax din tal-aħħar tkun inkonsistenti.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Mill-1 ta’ Marzu 2001, ir-rikonoxximent ta’ digrieti ta’ divorzju bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ħlief id-Danimarka) kien ibbażat fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidair-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 tad- 29 ta’ Mejju 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU L 2000/160, p. 19). Skont dan ir-Regolament, magħruf bħala r-Regolament II ta' Brussell, deċiżjoni espliċita li tirrikonoxxi digriet ta’ divorzju mogħti fi Stat Membru ieħor mhijiex aktar meħtieġa. Minflok, il-qrati individwali jew l-awtoritajiet amministrattivi għandhom jiddeċiedu dwar ir-rikonoxximent bħala kwistjoni preliminari għall-proċedimenti legali. Dan japplika partikolarment għall-kontrolli li għandhom jitwettqu mill-uffiċċju tar-reġistrazzjoni biex jiddetermina jekk divorzju mogħti fi Stat Membru jippermettix iż-żwieġ mill-ġdid.

Kull parti b’interess leġittimu tista’ tapplika għal dikjarazzjoni li digriet ta’ divorzju mogħti barra mill-pajjiż għandu jew ma għandux jiġi rikonoxxut. Ġeneralment, il-proċedimenti għal rikonoxximent jew nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi barranin dwar l-eżistenza ta' żwieġ jitwettqu quddiem il-Qrati Distrettwali. Applikazzjonijiet biex jiġu jew biex ma jiġux rikonoxxuti d-digrieti tad-divorzju għandhom jiġu ppreżentati lill-Qorti Distrettwali tad-distrett fejn l-applikant huwa abitwalment residenti jew, jekk il-konuġi ma jkollhomx residenza abitwali fl-Awstrija, lill-qorti fid-distrett fejn l-intimat huwa abitwalment residenti jew, fin-nuqqas ta’ dan, lill-Bezirksgericht Innere Stadt Wien.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Ara t-tweġiba għall-Mistoqsija Nru 14. Id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati huma elenkati fl-Artikolu 32 tar-Regolament ta' Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaBrussell II .

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-liġi li tirregola l-kundizzjonijiet għad-divorzju hija determinata skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ĠU L 343/10 tad-29.12.2010). magħruf bħala r-Regolament ta' Ruma III. Il-koppja tista’ tagħżel il-liġi li jixtiequ japplikaw. Din tista’ tkun il-liġi tal-Istat li fih ikunu abitwalment residenti meta ssir l-għażla jew il-liġi tal-Istat li fih kienu residenti abitwali l-aħħar, sakemm wieħed minnhom għadu abitwalment residenti hemm meta tkun saret l-għażla, jew il-liġi tal-Istat li tiegħu wieħed mill-konjuġi hu ċittadin meta ssir l-għażla jew il-liġi tal-Istat li fih il-petizzjoni tiġi preżentata. Jekk il-koppja ma tagħżilx forum, tapplika l-liġi tal-Istat li fih il-koppja tkun abitwalment residenti meta l-petizzjoni tiġi ppreżentata jew, jekk ma jkollhomx residenza abitwali, tapplika l-liġi tal-Istat li fih il-koppja kienet residenti abitwali l-aħħar, sakemm huma ma jibqgħux jirrisjedu abitwalment hemmhekk sa sena qabel tiġi ppreżentata l-petizzjoni u wieħed mill-konjuġi jkun għadu abitwalment residenti hemm meta l-petizzjoni tiġi ppreżentata jew, fin-nuqqas ta’ dan, tapplika l-liġi tal-Istat li lilu jappartjenu ż-żewġ konjuġi meta l-petizzjoni tiġi ppreżentata jew il-liġi tal-Istat fejn il-petizzjoni tiġi preżentata.

L-aħħar aġġornament: 01/03/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Pollakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Divorzju - Polonja

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-qorti toħroġ digriet ta' divorzju, li jiddetermina jekk wieħed mill-konjuġi huwiex responsabbli għall-falliment taż-żwieġ, u jekk iva, liema minnhom. Jekk jitolbuha ż-żewġ konjuġi, il-qorti ma tiddeċidix dwar ir-responsabbiltà.

Divorzju ma jiddependix minn separazzjoni qabel.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Ir-raġunijiet għal divorzju huma li ż-żwieġ ikun sfaxxa kompletament u b'mod irrimedjabbli. Iż-żewġ kundizzjonijiet (l-Artikolu 56(1) tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela) iridu jiġu ssodisfati).

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Fi żmien tliet xhur wara li digriet ta' divorzju jsir finali, konjuġi ddivorzjat li jkun biddel kunjomu meta żżewweġ jista' jmur lura għal kunjom xbubitu billi jippreżenta dikjarazzjoni ta' volontà lill-kap tar-reġistru pubbliku.

Konjuġi li jkun iddivorzjat jista' jerġa' jiżżewweġ.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Il-proprjetà komuni tal-konjuġi, li tinkludi l-proprjetà li jkunu kisbu flimkien, hija stabbilita mil-liġi maż-żwieġ (sjieda konġunta statutorja). Is-sjieda konġunta statutorja tispiċċa meta ż-żwieġ jinħall, jiġifieri meta d-digriet tad-divorzju li jħoll żwieġ isir finali.

Fuq talba ta' wieħed mill-konjuġi, il-qorti tista' taqsam il-proprjetà komuni fid-digriet tad-divorzju. Il-proprjetà tal-konjuġi miksuba flimkien tikkonsisti f'dawk l-oġġetti miksuba minn konjuġi wieħed jew it-tnejn flimkien matul iż-żmien kemm iddum is-sjieda konġunta statutorja.

Iż-żewġ konjuġi għandhom sehem indaqs mill-proprjetà komuni.

Għal raġunijiet importanti, kull wieħed mill-konjuġi jista' jitlob li l-qorti taqsam il-proprjetà komuni skont kemm il-konjuġi jkun ikkontribwixxa biex tinkiseb dik il-proprjetà.

Barra minn hekk, meta l-konjuġi jikkondividu akkomodazzjoni, fid-digriet tad-divorzju l-qorti tiddetermina kif għandha tintuża l-akkomodazzjoni filwaqt li l-konjuġi ddivorzjati jkomplu jikkondividuha. Fuq talba taż-żewġ konjuġi, il-qorti tista' taqsam l-akkomodazzjoni kondiviża jew tassenja l-akkomodazzjoni lil wieħed mill-konjuġi jekk il-konjuġi l-ieħor jaqbel li jitlaq minnha mingħajr ma jingħata akkomodazzjoni alternattiva.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

F'digriet ta' divorzju l-qorti tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri għat-tfal kollha minorenni taż-żewġ konjuġi u dwar il-kuntatt bejn il-ġenituri u t-tfal. Il-qorti tiddetermina wkoll l-ammont li jrid jitħallas minn kull konjuġi biex ikopri l-manteniment u t-trobbija tat-tfal (l-Artikolu 56(1) tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela).

Il-qorti tista' tafda l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri lil ġenitur wieħed, filwaqt li tillimita r-responsabbiltà tal-ġenituri tal-ġenitur l-ieħor għal obbligi u drittijiet speċifiċi fir-rigward tal-wild/ulied.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Konjuġi ddivorzjat li jinstab li ma kienx unikament responsabbli għall-falliment taż-żwieġ u jkun jinsab f'diffikultajiet finanzjarji jista' jitlob għal manteniment mill-konjuġi l-ieħor skont il-ħtiġijiet raġonevoli tiegħu jew tagħha u l-kapaċitajiet finanzjarji u ta' qligħ tal-konjuġi l-ieħor (l-Artikolu 60(1) tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela).

Jekk divorzju jirrikjedi deterjorament sostanzjali fil-qagħda finanzjarja ta' konjuġi li ma jkunx responsabbli għall-falliment taż-żwieġ, il-konjuġi li jinstab unikament responsabbli għall-falliment taż-żwieġ huwa meħtieġ li jipprovdi fondi biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-konjuġi l-ieħor, anke jekk hu jew hi jkun jinstab f'diffikultajiet finanzjarji (l-Artikolu 60(2) tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela).

L-obbligu tal-manteniment jispiċċa meta l-konjuġi li jkun qed jirċievi l-manteniment jerġa' jiżżewweġ. Meta l-konjuġi li jkun meħtieġ iħallas il-manteniment ma jinstabx li kien unikament responsabbli għall-falliment taż-żwieġ, l-obbligu kkonċernat jispiċċa ħames snin wara d-divorzju (l-Artikolu 60(3) tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela).

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Din hija separazzjoni formali, jiġifieri hija deċiża mill-qorti skont l-Artikoli 611 sa 616 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-kundizzjoni għal separazzjoni hija jekk jinstab li żwieġ ikun falla kompletament.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Il-konsegwenzi legali ta' separazzjoni huma l-istess bħal dawk ta' divorzju. Madankollu, konjuġi sseparat ma jistax jerġa' jiżżewweġ.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

“Annullament taż-żwieġ” tfisser il-kanċellazzjoni ta' kull effett ta' żwieġ b'effett retroattiv, ħlief għall-istatus tat-tfal minn żwieġ annullat, li jżommu l-istatus ta' tfal imwielda fi żwieġ.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Ir-raġunijiet biex jiġi annullat żwieġ huma elenkati fil-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela:

  • konjuġi li jkun taħt l-età għal żwieġ (l-Artikolu 10 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela),
  • konjuġi jkun kompletament ġuridikament diżabbli (l-Artikolu 11 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela),
  • konjuġi jkollu mard mentali jew diżabbiltà intellettwali (l-Artikolu 12 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela),
  • konjuġi jkun diġà miżżewweġ ma' persuna oħra (l-Artikolu 13 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela),
  • il-konjuġi jiġu minn xulxin b'konsanguinità ta' axxendenza, konsanguinità kollaterali (aħwa, inkluż aħwa fardsieq, u aħwa mwielda barra miż-żwieġ) jew affinità axxendenti (l-Artikolu 14 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela),
  • il-konjuġi jiġu minn xulxin b'adozzjoni (l-Artikolu 15 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela),
  • tkun ġiet ippreżentata dikjarazzjoni li, fil-mument taż-żwieġ, konjuġi kien, għal kwalunkwe raġuni, inkapaċi li liberament jesprimi r-rieda tiegħu, żbaljat dwar l-identità tal-parti l-oħra jew taħt theddida illegali (l-Artikolu 151 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela).

Kull waħda minn dawn il-kawżi trid tkun tqajmet ladarba jkun sar iż-żwieġ.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Sentenza li tannulla iż-żwieġ hija kostituttiva u għandha konsegwenzi għal partijiet terzi (erga omnes). Hemm żewġ tipi ta' konsegwenzi:

  • ex tunc, jiġifieri konsegwenzi li jmorru lura għad-data meta jkun sar iż-żwieġ, pereżempju, il-konjuġi jmorru lura għall-istat ċivili li kellhom qabel iżżewġu u jaqilbu għall-kunjom li kellhom qabel, il-konjuġi u l-familja tal-konjuġi l-ieħor ma jibqgħux jiġu minn xulxin b'affinità u mhix possibbli s-suċċessjoni testamentarja;
  • ex nunc, jiġifieri konsegwenzi li jirriżultaw biss wara li s-sentenza li tannulla ż-żwieġ issir finali, pereżempju, rigward ir-relazzjonijiet ta' proprjetà.

Il-konsegwenzi ta' annullament ta' żwieġ għar-relazzjoni bejn il-konjuġi u t-tfal miż-żwieġ ta' bejniethom u għar-relazzjonijiet ta' proprjetà bejn il-konjuġi huma skont ir-regoli relevanti dwar id-divorzju. Importanti li l-konjuġi li jidħol fiż-żwieġ b'mala fede huwa kkunsidrat bħala l-konjuġi responsabbli għall -falliment taż-żwieġ.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Il-konjuġi fil-Polonja jistgħu jirrikorru għall-medjazzjoni tal-familja. L-għanijiet ewlenin huma li l-kunflitti bejn il-konjuġi jiġu riżolti b'mod li jiġu evitati d-divorzju jew is-separazzjoni, u tinstab soluzzjoni bonarja tat-termini tad-divorzju (kwistjonijiet ta' proprjetà, il-kura tat-tfal). Is-servizzi ta' medjazzjoni jipprovduhom l-aktar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-fondazzjonijiet u l-Knisja.

Il-konjuġi li jkollhom kunflitti fiż-żwieġ jistgħu jibbenefikaw minn diversi forom ta' terapija għall-familja kif ukoll ifittxu l-għajnuna ta' psikologi, psikoterapisti, gruppi ta' appoġġ, eċċ.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

L-applikazzjonijiet għad-divorzju, is-separazzjoni jew l-annullament taż-żwieġ iridu jiġu ppreżentati fil-qorti reġjonali (sąd okręgowy) li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar post ta' residenza komuni tal-konjuġi. Fin-nuqqas ta' tali qorti, l-applikazzjonijiet iridu jiġu ppreżentati fil-qorti reġjonali li jkollha ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar post ta' residenza tal-applikant.

Applikazzjonijiet bħal dawn huma soġġetti għal tariffa tal-qorti. Madankollu, parti li l-qagħda finanzjarja tagħha ma tippermettilhiex li tħallas it-tariffa tista' titlob lill-qorti biex tiġi eżentata milli tħallas l-ispejjeż tal-qorti kollha jew parti minnhom, u tista' wkoll titlob lill-qorti biex taħtar avukat ex officio għalih jew għaliha.

Id-dokumenti li ġejjin iridu jkunu mehmuża mal-applikazzjoni: kopji tal-istat ċivili (iċ-ċertifikat taż-żwieġ, iċ-ċertifikati tat-twelid tat-tfal), prova tal-qligħ (introjtu), dokument li jawtorizza avukat biex jirrappreżenta lil parti (jekk dik il-parti tkun iddeċidiet li tagħżel l-avukat tiegħu jew tagħha) u kwalunkwe ċertifikat ieħor li jista' jkun relevanti għall-każ (ċertifikati mediċi, deċiżjonijiet amministrattivi, eċċ).

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Ara il-punt 11.

Persuna li tapplika għal eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-ispejjeż tal-Qorti jew għall-ħatra ex officio ta' avukat trid tehmeż mal-applikazzjoni dikjarazzjoni tal-qagħda finanzjarja tiegħu jew tagħha (fuq formola apposta, li tinġieb mill-qorti).

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Iva, f'dawn il-kawżi kollha huwa possibbli li jsir appell fil-qorti tat-tieni istanza. Il-konjuġi jistgħu jikkontestaw fil-qrati tal-appell id-deċiżjonijiet tal-qrati reġjonali.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

B'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "Ir-Regolament Brussell IIa"), tali deċiżjonijiet huma awtomatikament rikonoxxuti fil-Polonja mingħajr il-ħtieġa ta' xi proċedura ta' rikonoxximent speċjali. (l-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell IIa).

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Kull parti interessata tista' tapplika għal deċiżjoni li sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta (l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Brussell IIa). Fil-Polonja, applikazzjonijiet bħal dawn jiġu ppreżentati fil-qrati reġjonali. Il-ġuriżdizzjoni lokali tiġi deċiża b'referenza għall-post ta' residenza abitwali tal-persuna kontra min qed tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal deċiżjoni li sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta. Jekk ebda wieħed mill-postijiet li hemm referenza għalihom hawn fuq ma jinsab fil-Polonja, il-ġuriżdizzjoni lokali tiġi ddeterminata b'referenza għall-post tal-infurzar (L-Artikolu 29(2) tar-Regolament Brussell IIa).

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-Polonja hija parti għal ħafna ftehimiet internazzjonali li jirregolaw il-kwistjoni ta' hawn fuq. Dawn ir-regoli jieħdu preċedenza fuq il-liġi internazzjonali privata Pollakka. Għaldaqstant, regoli differenti jistgħu jkunu applikabbli kull meta l-konjuġi jkunu ta' nazzjonalitajiet differenti. Fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali, japplika l-Att dwar il-Liġi Internazzjonali Privata tal-14 ta' Frar 2011. B'konformità mal-Artikolu 54 ta' dan l-Att, żwieġ jista' jinħall taħt il-liġi nattiva komuni (Lex Patriae Communis) tal-konjuġi applikabbli fiż-żmien meta tiġi ppreżentata talba biex jinħall iż-żwieġ. Fin-nuqqas ta' liġi nattiva komuni tal-konjuġi, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-pajjiż fejn ikunu jirrisjedu ż-żewġ konjuġi meta tiġi ppreżentata t-talba biex jinħall iż-żwieġ. Jekk il-konjuġi ma jkollhomx post ta' residenza komuni fiż-żmien meta tiġi ppreżentata din it-talba, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-aħħar pajjiż fejn il-konjuġi kellhom residenza komuni, bil-kundizzjoni li wieħed mill-konjuġi jkun għad għandu l-post ta' residenza abitwali tiegħu jew tagħha hemmhekk. F'każi oħra, iż-żwiġijiet jinħallu skont il-liġi Pollakka.

L-aħħar aġġornament: 03/12/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Divorzju - Portugall

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Fil-Portugall, divorzju jista' jinkiseb bil-kunsens tat-tnejn jew b'azzjoni kkontestata.

L-ewwel metodu jinvolvi l-qbil taż-żewġ konjuġi għall-ħall taż-żwieġ u, fil-prinċipju, għall-ħlas tal-manteniment lill-konjuġi fil-bżonn, l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fir-rigward ta' tfal taħt l-età, u x'se jsir mid-dar matrimonjali.

Divorzju kkontestat isir b'rikors il-qorti minn wieħed mill-miżżewġin kontra l-ieħor, abbażi ta' fatti stabbiliti legalment li, irrispettivament mill-ħtija marbuta mal-miżżewġin, juru t-tifrik irrimedjabbli taż-żwieġ.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

F'divorzju bil-kunsens tat-tnejn, il-miżżewġin ma hemmx għalfejn jagħtu l-motivazzjoni għar-rikors tagħhom.

Dawn li ġejjin huma motivazzjonijiet ulterjuri għal divorzju kkontestat:

a) Separazzjoni de facto għal sena sħiħa. Huwa mifhum li separazzjoni de facto teżisti għal dawn il-finijiet meta ma jkunx hemm ħajja konjugali bejn il-miżżewġin u wieħed minnhom jew it-tnejn li huma ma għandhom l-ebda intenzjoni li jistabbiluha mill-ġdid;

b) Bidla fil-fakultajiet mentali tal-konjuġi l-ieħor li damet għal iktar minn sena u li, minħabba s-serjetà tagħha, tikkomprometti l-possibilità ta' ħajja konjugali;

c) Assenza, mingħajr ebda aħbar mingħand il-parti nieqsa, għal perjodu ta' mhux inqas minn sena;

d) Kull fatt ieħor li, irrispettivament mill-ħtija marbuta mal-miżżewġin, huwa prova tat-tifrik irrimedjabbli taż-żwieġ.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Id-divorzju jħoll iż-żwieġ u għandu l-istess effetti ġuridiċi bħall-ħall minħabba l-mewt, ħlief għall-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-liġi.

L-effetti tad-divorzju jiġu prodotti mill-mument li d-deċiżjoni rispettiva ssir finali u inappellabbli, imma huma retroattivi mid-data li fiha nfetħet il-kawża fir-rigward tar-relazzjonijiet relatati mal-proprjetà ta' bejn il-miżżewġin.

Jekk il-proċess juri s-separazzjoni de facto tal-miżżewġin, kull wieħed minnhom jista' jitlob li l-effetti tad-divorzju jkunu retroattivi minn dakinhar li bdiet is-separazzjoni, kif deċiż fid-deċiżjoni.

Minkejja d-divorzju, persuna miżżewġa li tkun ħadet  kunjom il-konjuġi tagħha tista' tibqa' żżommu sakemm ikollha l-kunsens tiegħu jew tkun awtorizzata mill-qorti, bil-kundizzjoni tal-eżistenza tal-motivazzjonijiet iddikjarati. Il-kunsens mill-ekskonjuġi jista' jingħata b'dokument notarili, dokument imfassal fil-qorti (dikjarazzjoni tal-intenzjoni bil-miktub tal-parti, irreġistrata fil-proċedimenti) jew dikjarazzjoni quddiem uffiċjal tar-reġistru. Ir-rikors għal awtorizzazzjoni mill-qorti għall-użu tal-kunjom tal-ekskonjuġi jista' jitressaq fil-proċedimenti tad-divorzju jew fil-proċedimenti tas-separazzjoni, anke wara li jiġi dekratat id-divorzju.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Fil-każ ta' divorzju, l-ebda waħda mill-persuni miżżewġin ma tista' tirċievi iktar milli kienet tirċievi li kieku ż-żwieġ kien bis-sistema tal-komunità tal-akkwisti miksuba ex post facto.

Kull konjuġi jitlef il-benefiċċji kollha li jirċievi jew li jkun se jirċievi mingħand il-konjuġi l-ieħor jew mingħand parti terza fir-rigward taż-żwieġ jew b'kunsiderazzjoni tal-istat ta' miżżewweġ, irrispettivament minn jekk l-istipulazzjoni saritx qabel jew wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ. Id-donatur jista' jiddetermina li l-benefiċċju jmur għand it-tfal taż-żwieġ.

L-effetti tad-divorzju fir-rigward tar-relazzjonijiet relatati mal-proprjetà ta' bejn il-miżżewġin jiġu prodotti mill-mument li d-deċiżjoni tad-divorzju ssir finali u inappellabbli, imma jkollha effett retroattiv minn dakinhar li nfetħet il-kawża.

Jekk fil-proċedimenti tkun ippruvata s-separazzjoni de facto tal-miżżewġin, kull wieħed minnhom jista' jitlob li l-effetti tad-divorzju jkunu retroattivi minn dakinhar li bdiet is-separazzjoni, kif deċiż fid-deċiżjoni.

Il-qorti tista' tikri d-dar matrimonjali li kull wieħed mill-miżżewġin, sew jekk tkun koproprjetà u sew jekk tkun tal-konjuġi l-ieħor, filwaqt li tqis il-bżonnijiet ta' kull konjuġi u l-interessi tat-tfal taż-żwieġ. Il-kiri huwa suġġett għar-regoli dwar il-kiri ta' akkomodazzjoni, imma l-qorti tista' tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-ftehim, wara li tkun semgħet il-miżżewġin, u tista' ttemm il-kirja fuq talba ta' sid il-kera meta dan ikun iġġustifikat minn ċirkostanzi intervenjenti. L-arranġamenti stabbiliti, jew b'approvazzjoni tal-ftehim bejn il-miżżewġin jew b'ordni ġudizzjarju, jistgħu jiġu emendati skont it-termini ġenerali tal-ġuriżdizzjoni volontarja.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Fil-każ ta' divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, dikjarazzjoni ta' nullità jew annullament taż-żwieġ, l-arranġamenti għat-tfal, il-manteniment dovut lilhom u l-metodu tal-ħlas tal-manteniment ikun irregolat minn ftehim bejn il-ġenituri, suġġett għall-approvazzjoni mill-qorti (jew tar-Reġistratur Pubbliku fi proċedimenti ta' separazzjoni u divorzju bil-kunsens tat-tnejn).

Fin-nuqqas ta' ftehim, il-qorti tieħu deċiżjoni skont l-interessi tal-minuri, inkluż l-interess li tinżamm relazzjoni mill-qrib maż-żewġ ġenituri, l-inkoraġġiment u l-aċċettazzjoni ta' ftehimiet jew it-teħid ta' deċiżjonijiet li jħeġġu opportunitajiet ampji ta' kuntatt maż-żewġ ġenituri u l-qsim tar-responsabbiltà bejniethom. Il-kustodja ta' minuri tista' tingħata lil kwalunkwe ġenitur, persuna terza jew stabbiliment ta' riedukazzjoni jew kura.

Għal aktar tagħrif ara l-iskeda informattiva relatata mar-"Responsabbiltà tal-ġenituri"

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Kull konjuġi jrid jipprovdi għas-sussistenza tiegħu wara d-divorzju. Kull wieħed mill-miżżewġin huwa intitolat għal manteniment, irrispettivament mit-tip ta' divorzju. Għal raġunijiet ovvji ta' ġustizzja, id-dritt għall-manteniment jista' jiġi miċħud.

Waqt li tkun qed tistabbilixxi l-ammont tal-manteniment, il-qorti trid tqis it-tul taż-żwieġ, il-kontribuzzjoni li saret lejn il-finanzi tal-familja, l-età u l-istat tas-saħħa tal-miżżewġin, il-kwalifiki professjonali u l-possibilitajiet ta' impjieg tagħhom, iż-żmien li se jkollhom possibbilment iqattgħu jrabbu t-tfal komuni tagħhom, il-qligħ u l-introjti tagħhom u, b'mod ġenerali, iċ-ċirkostanzi kollha li jaffettwaw il-bżonnijiet tal-konjuġi li jirċievi l-manteniment u l-possibilitajiet li l-persuna tħallas il-manteniment.

Il-qorti trid tagħti preċedenza lil kull obbligu ta' manteniment relatat mat-tfal tal-konjuġi debitur fuq l-obbligu lejn l-ekskonjuġi li jiġi mid-divorzju.

Il-konjuġi kreditur ma għandu l-ebda dritt jitlob li jżomm l-istandard tal-għajxien li gawda matul iż-żwieġ.

Għal aktar tagħrif ara l-iskeda informattiva relatata mal-"Manteniment".

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni ġudizzjarja ma tħollx iż-żwieġ imma ttemm id-dmirijiet ta' koabitazzjoni u assistenza, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-manteniment.

Fir-rigward tal-proprjetà, is-separazzjoni tipproduċi l-istess effetti li jipproduċi l-ħall taż-żwieġ.

Is-separazzjoni ġudizzjarja tintemm bir-rikonċiljazzjoni tal-miżżewġin jew il-ħall taż-żwieġ.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja, sew jekk ikkontestata u sew jekk bil-kunsens tat-tnejn, huma l-istess bħal għal divorzju b'azzjoni kkontestata, mutatis mutandis.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija Nru 4, is-separazzjoni ġudizzjarja ttemm id-dmirijiet ta' koabitazzjoni u assistenza, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-manteniment. Fir-rigward tal-proprjetà, is-separazzjoni ġudizzjarja tipproduċi l-istess effetti li jipproduċi l-ħall taż-żwieġ.

Id-dispożizzjonijiet dwar id-divorzju japplikaw, mutatis mutandis, għas-separazzjoni ġudizzjarja.

Is-separazzjoni ġudizzjarja tista' tinbidel f'divorzju, għalkemm din mhix prekundizzjoni għal divorzju jew stadju fil-proċedimenti tad-divorzju.

Fil-fatt, jekk il-miżżewġin ma jirrikonċiljawx sena wara d-deċiżjoni li tiddekreta li s-separazzjoni ġudizzjarja (sew jekk ikkontestata u sew jekk bil-kunsens tat-tnejn) tkun saret finali u inappellabbli, kull wieħed minnhom ikun jista' japplika biex is-separazzjoni tiġi kkonvertita f'divorzju. Jekk it-tnejn li huma jitolbu l-konverżjoni, il-perjodu speċifikat ma hemmx għalfejn jiġi osservat u tingħata s-sentenza direttament.

Jekk il-konverżjoni tintalab minn wieħed mill-miżżewġin, il-parti l-oħra tkun innotifikata personalment jew permezz tar-rappreżentant legali tagħha biex iressaq appell - li jista' jkun ibbażat biss fuq ir-rikonċiljazzjoni tal-miżżewġin- fi żmien 15-il jum. Wara li tiġi ppreżentata l-evidenza, l-imħallef jaqta' s-sentenza dwar l-appell fi żmien 15-il jum.

Il-konverżjoni minn separazzjoni ġudizzjarja għal divorzju tista' tintalab ukoll fi kwalunkwe uffiċċju tar-reġistru ċivili. It-talba, motivata bil-fatti u bil-liġi, trid issir permezz ta' rikors ippreżentat fl-uffiċċju tar-reġistru u tipprovdi l-evidenza u l-provi dokumentati mehmużin miegħu.

L-intimat jiġi nnotifikat biex iressaq appell fi żmien 15-il jum, jippreżenta l-evidenza u jehmeż il-provi dokumentati.

Jekk ma jkun hemm l-ebda appell u jitqies li l-fatti indikati mir-rikorrent ġew ikkonfermati, ir-reġistratur, wara li jara li r-rekwiżiti ġuridiċi jkunu ġew issodisfati, jiddikjara r-rikors milqugħ.

Jekk jiġi ppreżentat appell, ir-reġistratur jiskeda tentattiv ta' rikonċiljazzjoni, li jrid isir fi żmien 15-il jum, u jista' jordna l-prestazzjoni ta' atti ġuridiċi u l-produzzjoni tal-evidenza meħtieġa biex jivverifika r-rekwiżiti ġuridiċi.

Jekk l-intimat jappella u jkun jidher biċ-ċar li impossibbli li jinstab qbil, il-partijiet ikunu nnotifikati biex jitolbu l-produzzjoni ta' evidenza ġdida fi żmien tmint ijiem. Il-każ imbagħad jiġi rinvijat lill-qorti ġudizzjarja tal-ewwel istanza b'ġuriżdizzjoni fuq il-materja li tkun tal-istess kostitwenza tal-uffiċċju tar-reġistru.

Bil-każ rinvijat lill-qorti tal-ġustizzja, l-imħallef jordna l-preżentazzjoni tal-evidenza u jiskeda s-seduta.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

"Annullament taż-żwieġ" ifisser it-tmiem tal-effett ġuridiċi taż-żwieġ bl-invokazzjoni ta' difett sinifikanti li jaffettwa ż-żwieġ.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Żwiġijiet ikkuntrattati fiċ-ċirkostanzi li ġejjin jistgħu jiġu annullati:

a) jekk ikun hemm impediment li jġib in-nullità (assolut jew relattiv);

b) jekk ikun hemm nuqqas ta' kunsens jew kunsens li jġib in-nullità minħabba żball jew ġegħil ta' parti waħda jew tat-tnejn li huma;

c) jekk jkun ġie ċċelebrat mingħajr xhieda meta l-liġi titlob li jkun hemm ix-xhieda.

Dawn li ġejjin huma impedimenti assoluti li jġibu n-nullità, li jostakolaw iż-żwieġ tal-persuna ikkonċernata ma' kull persuna oħra:

a) età ta' inqas minn 16-il sena;

b) demenzja, anke waqt perjodi ta' luċidità, u projbizzjoni jew inabilitazzjoni minħabba diżordni mentali;

c) żwieġ preċedenti mhux maħlul, sew jekk Kattoliku u sew jekk ċivili, anke jekk l-annotazzjoni rispettiva ma tkunx saret fir-reġistru tat-twelid, taż-żwiġijiet u tal-imwiet.

Dawn li ġejjin huma impedimenti relattivi li jġibu n-nullità, li jostakolaw iż-żwieġ tal-persuni kkonċernati ma' xulxin:

a) konsangwinità fil-linja diretta;

b) konsangwinità fit-tieni grad tal-linja kollaterali;

c) affinità fil-linja diretta;

d) il-kundanna preċedenti ta' wieħed mill-miżżewġin li kien l-awtur jew kompliċi ta' attentat ta' qtil, anke jekk ma rnexxiex, tal-konjuġi tal-parti l-oħra.

Iż-żwieġ jista' jiġi annullat fuq il-bażi ta' nuqqas ta' kunsens:

a) jekk fil-mument li kien qed jiġi ċċelebrat iż-żwieġ, waħda mill-partijiet ma kinitx konxja tal-azzjonijiet tagħha minħabba diżabbiltà aċċidentali jew kawżi oħrajn;

b) jekk waħda mill-partijiet kienet imqarrqa fir-rigward tal-identità fiżika tal-parti l-oħra;

c) jekk id-dikjarazzjoni tal-kunsens inkisbet b'ġegħil fiżiku;

d) jekk il-kunsens kien simulat.

L-iżball li jagħmel il-kunsens vizzjat huwa rilevanti biss għall-finijiet ta' annullament meta jkun ibbażat fuq kwalitajiet personali essenzjali tal-konjuġi l-ieħor u jkun ippruvat li ż-żwieġ ma kienx raġonevolment iseħħ mingħajru.

Żwiġijiet iċċelebrati b'ġegħil morali jistgħu jkunu annullati jekk waħda mill-partijiet tkun qiegħda tiġi mhedda illegalment u serjament u l-biża' tagħha li t-theddida sseħħ realment hija ġġustifikata.

Jekk xi ħadd, konxjament u illegalment, jikseb id-dikjarazzjoni tal-kunsens mill-parti l-oħra billi jwegħedha li jilliberaha minn dannu imprevedibbli jew dannu kkawżat minn oħrajn, dan ikun ekwivalenti għal theddida illegali.

Id-dikjarazzjoni tal-kunsens, fl-att taċ-ċelebrazzjoni, tikkostitwixxi l-preżunzjoni mhux biss li l-konjuġi jkunu jixtiequ jiżżewġu, imma li kunsens tagħhom ma jkunx vizzjat bi żball jew ġegħil.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

L-annullament ta' żwieġ ċivili, meta iż-żewġ partijiet jkunu daħlu għalih b'bona fide, jieħu effett b'relazzjoni ma' xulxin u ma' partijiet terzi meta d-deċiżjoni rispettiva ssir finali u inappellabbli.

Jekk wieħed biss mill-miżżewġin ikun daħal fil-kuntratt b'bona fide, ikun dak il-konjuġi biss li jkun jista' jitlob il-benefiċċji ta' status ta' miżżewweġ u jikkontestahom fir-rigward ta' partijiet terżi, sakemm dan ikun sempliċement riflessjoni tar-relazzjoni bejn il-miżżewġin.

Il-konjuġi li jkun daħal għall-kuntratt taż-żwieġ f'injoranza skużabbli tad-difett li jikkawża n-nullità jew l-annullament jew li d-dikjarazzjoni ta' kunsens tiegħu inkisbet b'ġegħil fiżiku jew morali jitqies li jkun daħal għaż-żwieġ b'bona fide.

Il-qrati Statali huma responsabbli biss għall-għarfien ġudizzjarju tal-bona fide. Il-bona fide tal-miżżewġin hija preżunta.

Ladarba ż-żwieġ ikun iddikjarat null jew annullat, il-konjuġi b'bona fide jibqa' bid-dritt għall-manteniment wara li d-deċiżjoni ssir finali u inappellabbli jew id-deċiżjoni tiġi rreġistrata.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Qabel il-bidu tal-proċess tad-divorzju, l-Uffiċċju tar-Reġistru Ċivili jew il-qorti trid tinforma lill-miżżewġin bl-eżistenza u bl-għanijiet tas-servizzi tal-medjazzjoni familjari.

Il-medjazzjoni familjari hija metodu ekstraġudizzjarju biex issolvi l-kunflitti fir-relazzjonijiet familjari, fejn il-partijiet, bil-parteċipazzjoni personali u diretta tagħhom u bl-għajnuna ta' medjatur tal-kunflitti, jippruvaw jilħqu ftehim.

L-użu ta' dan il-mezz alternattiv ta' soluzzjoni għat-tilwim jista' jsolvi kunflitti li jirriżultaw mir-regolamentazzjoni, l-emenda u n-nuqqas ta' konformità mal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja, il-konverżjoni ta' separazzjoni ġudizzjarja f'divorzju, ir-rikonċiljazzjoni ta' konjuġi separati, l-assenjazzjoni u l-emenda tal-manteniment provviżorju u definittiv, l-assenjazzjoni tad-dar matrimonjali, iċ-ċaħda tad-dritt tal-użu ta' kunjom il-konjuġi l-ieħor u l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-kunjom tal-ekskonjuġi.

Il-Medjatur Familjari huwa professjonist b'liċenzja mill-Ministeru tal-Ġustizzja [Ministério da Justiça] li huwa responsabbli għat-tmexxija ta' laqgħat b'indipendenza u imparzjalità biex jgħin lill-partijiet jaslu għal qbil bejniethom.

Id-divorzju b'kunsens tat-tnejn jintalab fl-uffiċċju tar-reġistru ċivili, ħlief f'sitwazzjonijiet li jiġu minn ftehim miksub fil-proċedimenti għal divorzju kkontestat u bil-kundizzjoni li t-talba għal divorzju b'kunsens tat-tnejn ikun akkumpanjat minn lista dettaljata tal-beni komuni, qbil dwar x'se jsir mid-dar matrimonjali, qbil dwar il-ħlas tal-manteniment lill-konjuġi li jkun jeħtieġ manteniment u ċertifikat tas-sentenza tal-qorti li tirregola l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew qbil dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta' kwalunkwe tfal taħt l-età, meta dan ma jkunx diġà ġie deċiż mill-qrati.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Separazzjoni u divorzju bil-kunsens tat-tnejn

It-talba għas-separazzjoni u d-divorzju bil-kunsens tat-tnejn issir fl-uffiċċju tar-reġistru ċivili miż-żewġ konjuġi, bi qbil reċiproku. It-talba trid tkun akkumpanjata mid-dokument li ġejjin:

a) lista dettaljata tal-beni komuni bi speċifikazzjoni tal-valuri rispettivi tagħhom, jew, jekk il-miżżewġin jagħżlu li jaqsmu dawn il-beni, ftehim dwar il-qsim jew talba biex jitfassal dan il-ftehim;

b) ċertifikat tas-sentenza tal-qorti dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew ftehim dwar l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fir-rigward ta' tfal taħt l-età, meta din ma tkunx diġà ġiet deċiża mill-qrati;

c) ftehim dwar il-ħlas tal-manteniment lill-konjuġi li jeħtieġ il-manteniment;

d) ftehim dwar x'se jiġri mid-dar matrimonjali;

e) ċertifikat tal-ftehim ta' qabel iż-żwieġ, jekk ikun hemm wieħed.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fid-dokumenti mibgħuta, huwa mifhum li l-ftehimiet japplikaw kemm għall-perjodu tal-proċedimenti u kemm għall-perjodu sussegwenti.

Il-proċedimenti għal separazzjoni ġudizzjarja jew divorzju bil-kunsens tat-tnejn jinfetħu b'rikors iffirmat mill-miżżewġin jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-uffiċċju tar-reġistru ċivili. Ir-rikors jiġi ppreżentat bid-dokumenti msemmijin fuq u ċertifikat li jinkludi kopja sħiħa taċ-ċertifikat taż-żwieġ.

Wara li jirċievi r-rikors, ir-reġistratur jistieden lill-miżżewġin għal laqgħa li matulha jridu jaraw li l-prerekwiżiti ġuridiċi jkunu ssodisfati. Fil-laqgħa, il-miżżewġin ikunu infurmati bl-eżistenza tas-servizzi tal-medjazzjoni familjari; jekk il-miżżewġin xorta jkun beħsiebhom jiddivorzjaw, jiġu kkunsidrati l-ftehimiet u l-miżżewġin ikunu mistiedna jemendawhom jekk ma jħarsux dovutament l-interessi ta' wieħed minnhom jew tat-tfal. Għal din il-fini jistgħu jsiru atti ġuridiċi u tinġabar l-evidenza. Jekk ir-rekwiżiti ġuridiċi u l-proċeduri msemmija fuq ikunu osservati, ir-reġistratur jilqa' r-rikors.

Meta jiġi ppreżentat ftehim dwar l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fuq tfal taħt l-età, il-proċedimenti jiġu rinvijati lill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-qorti tal-ewwel istanza li jkollha ġuriżdizzjoni fil-kwistjoni fl-istess distrett ġudizzjarju fejn jinsab l-uffiċċju tar-reġistru ċivili, biex dan l-uffiċċju jagħti opinjoni dwar il-ftehim fi żmien 30 jum.

Jekk l-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jqis li l-ftehim ma jħarisx dovutament l-interessi tal-minuri, ir-rikorrenti jkunu jistgħu jalterawh kif mitluba jew jibagħtu ftehim ġdid. Fil-każ tal-aħħar, il-ftehim jerġa' jintbagħat lill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku. Jekk dan iqis li l-ftehim iħares dovutament l-interessi tal-minuri jew jekk il-miżżewġin ikunu alteraw il-ftehim kif indikat mill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, jiġi dekratat id-divorzju.

Fil-każijiet fejn ir-rikorrenti ma jaqblux mal-alterazzjonijiet indikati mill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u xorta jkun beħsiebhom jiddivorzjaw u/jew il-ftehimiet mibgħuta ma jkunux iħarsu biżżejjed l-interessi ta' wieħed mill-miżżewġin, l-approvazzjoni ma tingħatax u l-proċediment tad-divorzju jiġi rinvijat lill-qorti tad-distrett fejn jinsab l-uffiċċju tar-reġistru ċivili.

Wara li jirċievi l-każ, l-imħallef iqis il-ftehimiet li ppreżentaw il-miżżewġin, u jistedinhom jemendawhom jekk ma jkunux iħarsu l-interessi ta' wieħed minnhom jew tat-tfal tagħhom.

L-imħallef imbagħad jiddetermina l-konsegwenzi tad-divorzju fuq il-kwistjonijiet li l-miżżewġin ma jkunux emendaw. Jekk kwalunkwe ftehim ma jkunx iħares biżżejjed l-interessi ta' kwalunkwe wieħed mill-miżżewġin huma jistgħu, għal din il-fini u għall-konsiderazzjoni tal-ftehimiet proposti, jordnaw il-prestazzjoni tal-atti u l-produzzjoni tal-evidenza meħtieġa. Meta jkunu ddeterminati l-konsegwenzi tad-divorzju, l-imħallef ma għandux biss iħeġġeġ imma anke jqis il-ftehim tal-miżżewġin.

Id-divorzju bil-kunsens tat-tnejn jiġi mbagħad dekretat u annotat fir-reġistru korrispondenti.

Rikorsi għal separazzjoni ġudizzjarja jew divorzju bil-kunsens tat-tnejn jiġu ppreżentati fil-qorti, sakemm il-partijiet ma jehmżu l-ebda wieħed mill-ftehimiet imsemmija fuq miegħu.

F'dak il-każ, ir-rikors għad-divorzju jiġi ppreżentat il-qorti. Wara li jidħol ir-rikors, l-imħallef iqis il-ftehimiet li ppreżentaw il-miżżewġin, u jistedinhom jemendawhom jekk ma jkunux iħarsu l-interessi ta' wieħed minnhom jew tat-tfal tagħhom. L-imħallef jiddetermina l-konsegwenzi tad-divorzju fuq kwistjonijiet li l-miżżewġin ma jkunux ftiehmu dwarhom, u jista', għal din il-fini u għall-konsiderazzjoni tal-ftehimiet ippreżentati, jordna l-prestazzjoni tal-atti u l-produzzjoni tal-evidenza meħtieġa. Filwaqt li jiddetermina l-konsegwenzi tad-divorzju, l-imħallef ma għandux biss iħeġġeġ imma anke jqis il-ftehim tal-miżżewġin. Id-divorzju bil-kunsens tat-tnejn jiġi mbagħad dekretat u annotat fir-reġistru korrispondenti.

Separazzjoni jew divorzju kkontestat

Ir-rikorsi għal separazzjoni jew divorzju kkontestat jiġu ppreżentati lill-Qorti tal-Proċedimenti tal-Familja jew, jekk ma teżisti l-ebda qorti tali, lill-qorti tad-distrett b'ġuriżdizzjoni territorjali. Il-ġuriżdizzjoni territorjali hija definita skont id-domiċilju jew ir-residenza tar-rikorrent (il-persuna li tiftaħ il-kawża).

Id-dispożizzjonijiet dwar id-divorzju japplikaw, mutatis mutandis, għas-separazzjoni ġudizzjarja.

Is-separazzjoni ġudizzjarja tintemm bir-rikonċiljazzjoni tal-miżżewġin jew il-ħall taż-żwieġ.

Kull wieħed mill-miżżewġin jista' jitlob divorzju kkontestat fuq il-bażi ta' separazzjoni de facto għal sena sħiħa, bidla fil-fakultajiet mentali tal-konjuġi l-ieħor li ilha iktar minn sena u li, minħabba s-serjetà tagħha, tikkomprometti l-possibbiltà ta' ħajja konjugali, l-assenza, mingħajr ebda aħbar mill-persuna nieqsa, għal perjodu ta' mhux inqas minn sena, u fatti oħrajn li, irrispettivament mill-ħtija tal-miżżewġin, jippruvaw it-tifrik irrimedjabbli taż-żwieġ.

Il-konjuġi offiż għandu d-dritt li jitlob il-kumpens għad-danni kkawżati mill-konjuġi l-ieħor skont it-termini ġenerali tar-responsabbiltà ċivili u fil-qrati ordinarji.

Il-konjuġi li talab id-divorzju fuq il-bażi ta' bidla fil-fakultajiet mentali tal-konjuġi l-ieħor irid jikkumpensah tad-dannu personali kkawżat mill-ħall taż-żwieġ; ir-rikors irid jiġi ppreżentat waqt il-proċedimenti tad-divorzju stess.

Jekk ir-raġuni għad-divorzju tkun bidla fil-fakultajiet mentali tal-konjuġi l-ieħor li ilha iktar minn sena u li, minħabba s-serjetà tagħha, tikkomprometti l-possibbiltà ta' ħajja konjugali, u l-assenza, mingħajr ebda aħbar mill-persuna nieqsa, għal perjodu ta' mhux inqas minn sena, huwa biss il-konjuġi li jinvoka l-bidla fil-fakultajiet mentali jew l-assenza tal-konjuġi l-ieħor li jista' jiftaħ il-kawża għad-divorzju.

Meta l-konjuġi li jkun jista' jiftaħ kawża għal divorzju jkun ipprojbit milli jagħmel dan, il-kawża tkun tista' tinfetaħ mir-rappreżentanza legali tiegħu, b'awtorizzazzjoni mill-kunsill tal-familja; meta r-rappreżentant legali ikun il-konjuġi l-ieħor, il-kawża tista' tinfetaħ, f'isem id-detentur tad-dritt li jiftaħ il-kawża, minn kwalunkwe persuna li tiġi minnu fil-linja diretta jew sat-tielet grad fil-linja kollaterali, sakemm dan ikun awtorizzat ukoll mill-kunsill tal-familja.

Id-dritt għad-divorzju ma jiġix trasferit mal-mewt, imma l-werrieta tar-rikorrent jistgħu jkomplu l-kawża għall-finijiet tal-patrimonju jekk huwa jmut matul il-proċedimenti; għall-istess raġuni, il-kawża tista' tkompli kontra l-werrieta tal-intimat.

Ladarba tiġi ppreżentata l-petizzjoni, jekk il-kawża tkun tista' tipproċedi, l-imħallef jiskeda ħin għal tentattiv ta' rikonċiljazzjoni u kemm ir-rikorrent u kemm l-intimat jitħarrku biex jidhru personalment.

Jekk ir-rikonċiljazzjoni ma tirnexxix, il-qorti tipprova tikseb il-qbil tal-miżżewġin għal divorzju bil-kunsens tat-tnejn; jekk jintlaħaq ftehim jew il-miżżewġin jagħżlu divorzju b'kunsens tat-tnejn fi kwalunkwe mument tal-proċess, il-proċess ikompli għaddej skont dak it-tip ta' divorzju, mutatis mutandis.

Jekk l-imħallef ma jkunx jista' jikseb il-qbil tal-miżżewġin rigward divorzju jew separazzjoni bil-kunsens tat-tnejn, huwa jipprova jikseb il-qbil tal-miżżewġin dwar il-manteniment u r-regolamentazzjoni tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri. L-imħallef jipprova wkoll jikseb il-ftehim tal-miżżewġin dwar l-użu tad-dar matrimonjali waqt li l-kawża tkun pendenti, fejn applikabbli.

F'tentattiv ta' rikonċiljazzjoni jew fi kwalunkwe mument ieħor matul il-proċedimenti, il-partijiet jistgħu jaqblu li jiddivorzjaw jew jisseparaw bil-kunsens tat-tnejn, sakemm ikunu ssodisfati l-prerekwiżiti neċessarji.

Meta ma jkunx hemm il-qbil ta' parti waħda jew ir-rikonċiljazzjoni ma tidhirx li tkun possibbli, l-imħallef jordna lill-intimat jippreżenta d-difiża tiegħu fi żmien 30 jum; fil-mument tan-notifika, kopja tat-talba oriġinali tiġi kkonsenjata lill-intimat.

Jekk mhux magħruf fejn jinsab l-intimat, jkunu saru l-isforzi kollha stipulati fil-liġi proċedurali biex jinstab, u kollha kienu għalxejn, il-jum skedat għar-rikonċiljazzjoni jkun null u l-intimat jitħarrek b'avviż pubbliku biex jippreżenta d-difiża tiegħu.

Wara li jiskadi ż-żmien għall-preżentazzjoni tad-difiża, il-proċess isegwi t-termini tal-proċedura komuni. Matul dik il-proċedura, ikun identifikat l-oġġett tat-tilwima u titħabbar il-bażi tal-evidenza. Is-seduta finali sseħħ waqt dan il-proċess flimkien mal-produzzjoni tal-evidenza. Wara l-konklużjoni tal-aħħar seduta, il-kawża tingħalaq u tiġi rinvijata lill-imħallef, li jagħti d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 30 jum.

Tista' ssir kontrotalba għal separazzjoni ġudizzjarja, anke jekk ir-rikorrent ikun talab id-divorzju; jekk ir-rikorrent ikun talab is-separazzjoni ġudizzjarja, l-intimat jista' wkoll jagħmel kontrotalba għad-divorzju. F'dawn il-każijiet, għandu jiġi dekretat id-divorzju jekk ir-rikors għall-kawża u l-kontrotalba jkunu milqgħuha.

Annullament taż-żwieġ

L-annullament taż-żwieġ ma jista' jiġi invokat fl-ebda termini, la ġudizzjarji u lanqas nonġudizzjarji, sakemm ikun rikonoxxut b'sentenza f'kawża miftuħa speċifikament għal din il-fini.

Din il-kawża tinfetaħ fil-Qorti tal-Familja u t-Tfal billi jiġi ppreżentat rikors inizjali li, fil-forma ta' artikoli, jidentifika l-partijiet, jiddeskrivi l-fatti rilevanti u jagħlaq b'talba.

Il-leġittimità biex tinfetaħ din il-kawża tiddependi mir-raġunijiet għat-talba (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 8).

Il-miżżewġin jew kull persuna li tiġi minnhom fil-linja diretta jew sar-raba' grad tal-linja kollaterali, il-werrieta u l-ġenituri adottivi tal-miżżewġin u l-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandhom id-dritt ġuridiku li jiftħu jew ikomplu kawża ta' annullament ibbażata fuq impediment li jġib in-nullità. Barra minn hekk, it-tutur jew fiduċjarju fil-każ ta' minuri, projbizzjoni jew inkompetenza minħabba diżordni mentali u l-ewwel konjuġi tat-trażgressur fil-każ ta' bigamija jistgħu wkoll jiftħu jew ikomplu kawża.

Annullament minħabba dikjarazzjoni falza jista' jintalab mill-miżżewġin stess jew minn kwalunkwe persuna li ssofri preġudizzju minħabba ż-żwieġ. F'każijiet oħra li jinvolvu nuqqas ta' kunsens, il-proċedimenti għal annullament jistgħu jinfetħu mill-konjuġi li jkun nieqes il-kunsens tiegħu. Madankollu, nies li jiġu minnu fil-linja diretta u l-werrieta jew ġenituri adottivi tagħhom jistgħu jkompli l-kawża jekk ir-rikorrent imut waqt il-proċedimenti.

Proċedimenti ta' annullament ibbażati fuq difetti fil-kunsens jistgħu jinfetħu biss mill-konjuġi li jkun il-vittma tal-iżball jew tal-ġegħil, imma nies li jiġu minnu fil-linja diretta u l-werrieta jew ġenituri adottivi tagħhom jistgħu jkompli l-kawża jekk ir-rikorrent imut waqt il-proċedimenti.

Proċedimenti ta' annullament minħabba nuqqas ta' xhieda jistgħu jinfetħu biss mill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku.

Proċedimenti ta' annullament ibbażati fuq impediment li jġib in-nullità għandhom jinfetħu:

a) F'każijiet ta' minuri, projbizzjoni jew inkompetenza minħabba diżordni mentali jew ġenn magħruf, meta jinfetħu mill-persuna inkompetenti, fi żmien sitt xhur minn meta ssir tal-età, titneħħa l-projbizzjoni jew l-inkompetenza jew jintemm il-ġenn; meta tinfetaħ minn persuna oħra fi żmien tliet snin miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, imma mhux wara li l-persuna li tkun iżżewġet issir tal-età, it-tneħħija tal-inkapaċità jew it-tmiem tal-ġenn;

b) Fil-każ ta' kundanna għal omiċidju volontarju tal-konjuġi ta' waħda mill-partijiet, fi żmien tliet snin miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ;

c) F'każijiet oħrajn, fi żmien sitt xhur mill-ħall taż-żwieġ.

L-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku biss jista' jiftaħ kawża qabel ma ż-żwieġ jinħall.

Ma jistgħux jinfetħu jew jitkomplew proċedimenti ta' annullament ibbażati fuq l-eżistenza ta' żwieġ preċedenti mhux maħlul meta jkun hemm proċedimenti pendenti biex tiġi ddikjarata n-nullità jew l-annullament tal-ewwel żwieġ ta' bigamu.

Proċedimenti ta' annullament ibbażati fuq nuqqas ta' kunsens ta' parti waħda jew taż-żewġ partijiet jistgħu jinfetħu biss fi żmien tliet snin miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ jew, jekk ir-rikorrent ma kienx jaf bih, fi żmien sitt xhur mill-mument li sar jaf bih.

Il-proċedimenti ta' annullament ibbażati fuq difetti fil-kunsens jiġu preskritti jekk ma jinfetħux fi żmien sitt xhur minn meta ma baqax jeżisti d-difett.

Proċedimenti ta' annullament ibbażati fuq nuqqas ta' xhieda jistgħu jinfetħu biss sa sena miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ..

Iċ-ċertifikat taż-żwieġ u possibbilment (jekk ir-raġuni tar-rikors tkun l-età) iċ-ċertifikat tat-twelid tal-parti kkonċernata jridu jakkumpanjaw ir-rikors inizjali.

Wara li jiskadi ż-żmien għall-preżentazzjoni tad-difiża, il-proċess isegwi t-termini msemmija fuq tal-proċedura komuni.

L-annullament jitqies li jkun solvut u ż-żwieġ jitqies li jkun validu mill-mument taċ-ċelebrazzjoni tiegħu jekk iseħħ wieħed mill-avvenimenti li ġejjin qabel ma s-sentenza ta' annullament issir finali u inappellabbli:

a) jekk persuna ta' età iżgħar mill-età minima għaż-żwieġ tikkonferma ż-żwieġ tagħha quddiem uffiċjal tar-reġistru ċivili u żewġ xhieda, wara li tkun saret tal-età;

b) jekk persuna li tkun ġuridikament inabilitata jew diżabbli b'diżordni mentali tikkonferma ż-żwieġ tagħha, fit-termini tal-paragrafu preċedenti, wara li d-diżabbiltà jew l-inabilitazzjoni tagħha titneħħa jew, fil-każ ta' ġenn, wara li l-persuna li tbati mill-ġenn tkun ikkontrollat ġudizzjarjament l-istat tas-saħħa mentali tagħha;

c) jekk l-ewwel żwieġ ta' bigamu jkun iddikjarat null jew annullat;

d) jekk in-nuqqas ta' xhieda jkun minħabba ċirkostanzi ġġustifikati, bħal dawk rikonoxxuti mir-reġistratur, sakemm ma jkun hemm l-ebda dubju dwar iċ-ċelebrazzjoni tal-att.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, l-iskema ta' għajnuna legali tapplika fil-qrati kollha, tkun xi tkun il-forma tal-proċediment.

Għal aktar tagħrif ara l-iskeda informattiva dwar l-"Għajnuna legali".

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Iva. F'dawn il-kawżi l-appell huwa dejjem possibbli.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Jekk id-deċiżjoni kkonċernata tkun ittieħdet fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ħlief id-Danimarka, tkun rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra kollha b'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003.

Jekk id-deċiżjoni tittieħed id-Danimarka, tapplika l-proċedura speċjali għal stħarriġ ta' sentenza barranija.

F'din il-proċedura, id-dokument li fih id-deċiżjoni li trid tiġi mistħarrġa jiġi ppreżentat mar-rikors u l-parti avversarja nnotifikata jkollha 15-il jum biex tibgħat it-tweġiba tagħha. Ir-rikorrent jista' jwieġeb fi żmien 10 ijiem mill-avviż ta' preżentazzjoni ta' dik it-tweġiba. Ladarba l-partijiet ikunu ppreżentaw l-argumenti kollha tagħhom u l-passi essenzjali jkunu ttieħdu kollha, id-dokumenti kollha jiġu pprovduti lill-partijiet u lill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, għal 15-il jum kull wieħed.

Biex is-sentenza tkun ikkonfermata:

a) ma jridx ikun hemm dubji dwar l-awtentiċità tad-dokument li fih is-sentenza jew ir-raġonevolezza tad-deċiżjoni;

b) is-sentenza trid tkun saret finali skont il-liġi tal-pajjiż fejn tkun ingħatat;

c) is-sentenza trid tkun ġejja minn qorti barranija li l-ġuriżdizzjoni tagħha ma ġietx invokata bi ksur tal-liġi u ma tridx tkun tinvolvi materja li taqa' fil-ġuriżdizzjoni esklussiva tal-qrati Portugiżi;

d) ma jridx ikun possibbli li tkun invokata d-difiża ta' lis pendens jew res judicata abbażi ta' kawża f'qorti Portugiża, ħlief meta tkun il-qorti barranija li tkun ippreveniet il-ftuħ tal-proċedimenti;

e) l-intimat irid ikun dovutament innotifikat bil-kawża, skont il-liġi tal-pajjiż tal-qorti tal-oriġini, u l-prinċipji tad-dritt tad-difiża u l-ħarsien ugwali tal-partijiet iridu jkunu ġew osservati tul il-proċess;

f) ma tridx tkun tinvolvi deċiżjoni li r-rikonoxximent tagħha jwassal għal riżultat manifestament inkompatibbli mal-prinċipji tal-ordni pubblika internazzjonali tal-Portugall.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ħlief id-Danimarka, jekk il-parti kkonċernata tiddeċiedi li titlob ir-rikonoxximent ta' sentenza li tiddekreta divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament taż-żwieġ, ir-rikors jiġi ppreżentat fil-Qorti tal-Proċedimenti tal-Familja. Il-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali tiġi ddeterminata mil-liġi interna tal-Istat Membru fejn ikun sar ir-rikors għar-rikonoxximent.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Skont ir-regoli dwar il-kunflitt ta' liġijiet, fid-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja tapplika l-liġi nazzjonali komuni tal-miżżewġin. Jekk ma jkunu tal-istess nazzjonalità, tapplika l-liġi tar-residenza abitwali konġunta; fin-nuqqas ta' dan, tapplika l-liġi tal-pajjiż li l-ħajja familjari tagħhom hija l-iktar waħda assoċjata magħhom mill-qrib.

Jekk madankollu, waqt iż-żwieġ, ikun hemm bidla fil-liġi applikabbli, fatt rilevanti f'dak il-mument biss jista' jipprovdi raġuni għal separazzjoni jew divorzju.

Aktar tagħrif

Jista' jinkiseb aktar tagħrif mis-sit li ġej:

L-aħħar aġġornament: 30/04/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Divorzju - Rumanija

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Divorzju jista' jinkiseb b'kunsens reċiproku (permezz ta' proċedura ġudizzjarja, amministrattiva jew notarili). Fin-nuqqas ta' kunsens reċiproku, divorzju jista' jingħata minn qorti.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Skont l-Artikolu 373 tal-Kodiċi Ċivili, divorzju jista' jinkiseb fil-każi li ġejjin:

  • permezz ta' kunsens reċiproku tal-konjuġi;
  • meta r-relazzjoni bejn il-konjuġi tkun iddeterjorat serjament u ma jkunx aktar possibbli li r-relazzjoni tkompli;
  • fuq talba ta' wieħed mill-konjuġi, wara separazzjoni de facto li tkun ilha mill-inqas sentejn;
  • fuq talba tal-konjuġi li minħabba l-kundizzjoni ta' saħħtu ma jkunx aktar possibbli li r-relazzjoni tkompli.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

  • l-istatus ta' konjuġi ma jibqax jeżisti u kull wieħed mill-konjuġi ddivorzjati jista' jerġa' jiżżewweġ;
  • malli jinħall iż-żwieġ permezz ta' divorzju, il-konjuġi jistgħu jaqblu li jżommu l-ismijiet li kellhom fiż-żwieġ. Jekk ma jkunx hemm qbil, il-qorti tista', f'każijiet debitament ġustifikati, tippermetti li l-konjuġi jżommu l-ismijiet li kellhom fiż-żwieġ. Jekk ma jkun hemm la qbil u lanqas deċiżjoni tal-qorti, kull eks-konjuġi jmur lura għall-isem li kellu jew kellha qabel iż-żwieġ.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Bħala riżultat tad-divorzju, ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali bejn il-konjuġi ma jibqax japplika mid-data tal-applikazzjoni għad-divorzju. Madankollu, kull wieħed mill-konjuġi – jew it-tnejn flimkien, fil-każ ta' divorzju kunsenswali – jista' jitlob lit-tribunal tad-divorzju biex jiddikjara li r-reġim tal-proprjetà matrimonjali ma jibqax japplika mid-data tas-separazzjoni de facto.

Jekk ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali ma jibqax japplika permezz tax-xoljiment taż-żwieġ, l-eks konjuġi jibqgħu koproprjetarji tal-proprjetà konġunta sakemm jiġu ddeterminati l-ishma rispettivi tagħhom.

Matul it-terminazzjoni tal-komunjoni tal-akkwist, kull konjuġi jieħu kontroll tal-proprjetà tiegħu jew tagħha, u wara dan il-proprjetà konġunta tinqasam u jsir is-saldu tad-dejn. Għal dan il-għan, is-sehem mill-proprjetà li jikkorrispondi għal kull konjuġi jiġi l-ewwel determinat abbażi tal-kontribuzzjoni tiegħu jew tagħha sabiex tkun inkisbet il-proprjetà konġunta u biex ikunu ssodisfati l-obbligi konġunti. Sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor, wieħed jassumi li l-konjuġi jkunu kkontribwew indaqs.

Irrispettivament minn kull obbligu ta' manteniment bejn l-eks konjuġi, u mill-provvediment ta' kumpens, il-konjuġi li ma jaħtix li jsofri telf materjali bħala riżultat tax-xoljiment taż-żwieġ jista' jitlob li l-konjuġi li jaħti jikkumpensa lilu jew lilha. Il-qorti tal-familja tiddeċiedi dwar din it-talba permezz tad-deċiżjoni dwar id-divorzju.

Barra minn hekk. wara d-divorzju, id-drittijiet reċiproċi ta' suċċessjoni jintilfu.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Ladarba d-digriet tad-divorzju jinħareġ, il-qorti tal-familja tiddeċiedi fuq ir-relazzjoni bejn il-ġenituri ddivorzjati u t-tfal minorenni. Bħala regola, wara divorzju, il-konjuġi jkollhom awtorità konġunta tal-ġenituri fuq it-tfal. Il-qorti tal-familja tistabbilixxi l-post ta' domiċilju ta' tfal minorenni fid-dar tal-ġenitur ma' min normalment jgħixu, filwaqt li l-ġenitur separat mit-tfal ikollu d-dritt għall-kuntatt personali magħhom. Il-qorti tistabbilixxi l-kontribuzzjoni li kull ġenitur jagħmel għall-ispejjeż relatati mat-trobbija, l-edukazzjoni, l-iskola u t-taħriġ vokazzjonali tat-tfal.

Jekk iċ-ċirkostanzi jinbidlu, il-qorti tal-familja tista' timmodifika l-miżuri li jikkonċernaw id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri ddivorzjati fir-rigward tat-tfal minorenni tagħhom jekk tkun mitluba tagħmel dan minn wieħed mill-ġenituri jew minn membru ieħor tal-familja, mit-tifel jew tifla, mill-awtorità tutelari, mill-istituzzjoni pubblika għall-protezzjoni tat-tfal jew mill-prosekutur pubbliku.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Bħala riżultat tax-xoljiment taż-żwieġ l-obbligu tal-manteniment bejn il-konjuġi ma jibqax japplika. Il-konjuġi ddivorzjat ikun intitolat għal manteniment jew huwa jew hija tkun f'diffikultà finanzjarja minħabba inkapaċità li taħdem li tirriżulta qabel jew waqt iż-żwieġ jew fi żmien sena mix-xoljiment taż-żwieġ (iżda biss jekk l-inkapaċità tiġi kkawżata minn ċirkostanza relatata maż-żwieġ).

Il-konjuġi li japplika għal allowance għall-manteniment ma jistax jitlob ukoll għal kumpens. Meta d-divorzju jkun ingħata minħabba l-ħtija esklussiva tal-konjuġi konvenut, il-konjuġi rikorrent jista' jirċievi kumpens. Il-kumpens jista' jingħata biss jekk iż-żwieġ ikun dam għal mill-inqas 20 sena.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Fil-liġi Rumena ma hemm l-ebda kunċett ta' "separazzjoni legali" iżda biss ta' "separazzjoni de facto" u l-qsim ġudizzjarju tal-proprjetà. Din hija sitwazzjoni li trid tiġi ppruvata quddiem il-qorti. Fil-każ ta' separazzjoni de facto li tkun damet għal mill-inqas sentejn, din tkun raġuni biżżejjed għall-ħruġ ġudizzjarju ta' divorzju.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Żwieġ jiġi annullat minħabba l-ksur ta' wieħed mir-rekwiżiti ġuridiċi li jikkonċernaw il-kuntratt taż-żwieġ. Żwieġ jista' jiġi annullat biss permezz ta' deċiżjoni tal-qorti. Annullament għandu effett fir-rigward tal-passat kif ukoll tal-futur; iż-żwieġ huwa kkunsidrat li ma seħħx.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Ksur fid-dispożizzjonijiet ġuridiċi relatati mal-kuntratt taż-żwieġ, bħal dawn li ġejjin, jikkostitwixxi raġunijiet assoluti għal annullament:

  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat mingħajr kunsens;
  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat bejn żewġ persuni tal-istess sess;
  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat minn persuna li kienet diġà miżżewġa;
  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat bejn persuni li jiġu minn xulxin f'linja diretta jew f'linja kollaterali sa u inkluż ir-raba' grad;
  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat minn persuna miġnuna jew mentalment marida;
  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat mingħajr il-kunsens tal-konjuġi futuri, jew tali kunsens ma ngħatax skont il-proċedura legali meħtieġa;
  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat  minn persuna minorenni taħt is-16-il sena;
  • iż-żwieġ ġie kkuntrattat għal raġunijiet li mhumiex dawk li tinbeda familja.

Raġunijiet relattivi għal annullament ta' żwieġ huma:

  • meta jiġi kkuntrattat minn persuna minorenni ta' 16-il sena abbażi ta' opinjoni medika, mingħajr il-kunsens tal-ġenituri/il-ġenitur li jkollu t-tutela legali jew mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-persuna li jkollha d-drittijiet ta' ġenitur;
  • meta jkun hemm difett fil-kunsens: żball (rigward l-identità fiżika tal-konjuġi l-oħra), frodi jew vjolenza;
  • meta jiġi kkuntrattat minn persuna li temporanjament tkun nieqsa mill-fakultà li tagħmel ġudizzju;
  • meta żwieġ jiġi kkuntrattat bejn ġenitur adottiv u minorenni taħt it-tutela tiegħu jew tagħha.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Sakemm tinħareġ deċiżjoni finali tal-qorti, il-konjuġi li jkun daħal fi żwieġ invalidu jew annullat b'intenzjoni tajba iżomm l-istatus tiegħu jew tagħha bħala konjuġi fi żwieġ validu, u r-relazzjonijiet bejn l-eks konjuġi rigward il-proprjetà jkunu suġġetti, mutatis mutandis, għad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw divorzju.

L-invalidità taż-żwieġ ma għandhiex effett fuq it-tfal, li jżommu l-istatus tagħhom ta' tfal fiż-żwieġ. Għal dak li jirrigwarda d-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri u tat-tfal lejn xulxin, japplikaw id-dispożizzjonijiet rigward id-divorzju mutatis mutandis.

Deċiżjoni tal-qorti li tiddikjara żwieġ invalidu jew li tannullah hija ġuridikament eżegwibbli kontra terzi persuni; id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-formalitajiet tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, il-karattru pubbliku tal-kuntratt taż-żwieġ u l-ineżegwibbiltà tal-kuntratt taż-żwieġ huma applikabbli b'mod korrispondenti.

L-invalidità taż-żwieġ ma tistax tkun eżegwibbli kontra parti terza fir-rigward ta' att li jiġi konkluż qabilha ma' wieħed mill-konjuġi, sakemm ma jkunux ġew konklużi d-divulgazzjonijiet formali stipulati mil-liġi rigward l-azzjoni għad-dikjarazzjoni tal-invalidità jew l-azzjoni għan-nullità, jew il-parti terza tkun mod ieħor konxja mir-raġunijiet għall-invalidità taż-żwieġ qabel il-konklużjoni tal-att.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Il-medjazzjoni hija opzjoni qabel jinbdew il-proċedimenti fil-qorti. Matul il-proċedimenti, l-awtoritajiet ġudizzjarji huma obbligati jinfurmaw lill-partijiet dwar il-possibbiltà u l-vantaġġ li jużaw il-medjazzjoni.

Permezz tal-medjazzjoni, in-nuqqas ta' ftehim bejn il-konjuġi rigward il-kontinwazzjoni taż-żwieġ, it-tħaddim tad-drittijiet tal-ġenituri, l-istabbiliment tad-domiċilju tat-tfal, jew kwalunkwe nuqqas ta' ftehim ieħor li jirriżulta mir-relazzjoni tal-konjuġi rigward id-drittijiet disponibbli għalihom bil-liġi, jistgħu jissolvew. Il-medjatur jiżgura li r-riżultat tal-medjazzjonijiet ma jkunx kuntrarju għall-aħjar interessi tat-tfal u jinkoraġġixxi lill-ġenituri biex jiffukaw l-ewwel nett fuq il-ħtiġijiet tat-tfal filwaqt li jassumu r-responsabbiltà ta' ġenituri biex ikun żgurat li s-separazzjoni de facto jew id-divorzju ma jostakolawx it-trobbija jew l-iżvilupp tat-tfal.

Il-ftehim ta' medjazzjoni li jkun jinkludi l-ftehim bejn il-partijiet rigward it-tħaddim tad-drittijiet tal-ġenituri, il-kontribuzzjoni tal-ġenituri għall-manteniment tat-tfal, u l-istabbiliment tad-domiċilju tat-tfal għandu jkun suġġett għall-permess tal-qorti, li għandha l-obbligu tivverifika jekk il-ftehim sarx fl-interess tat-tfal.

Jekk il-konjuġi jaqblu li jiddivorzjaw u ma għandhomx tfal minorenni li twieldu barra miż-żwieġ jew adottati, ir-reġistratur pubbliku jew in-nutar pubbliku fil-post fejn ikun sar iż-żwieġ jew fejn ikun ġie rreġistrat l-aħħar domiċilju konġunt tal-konjuġi jista' jiddikjara li ż-żwieġ inħall permezz ta' ftehim bejn il-konjuġi u jinħarġilhom ċertifikat tad-divorzju.

Divorzju permezz ta' ftehim bejn il-konjuġi jista' jiġi ddikjarat minn nutar pubbliku anke fil-każ li jkun hemm tfal minorenni li twieldu fiż-żwieġ jew barra minnu jew adottati, jekk il-konjuġi jaqblu fuq l-aspetti kollha li rigward l-ismijiet, it-tħaddim tal-awtorità tal-ġenituri, l-istabbiliment tad-domiċilju tat-tfal, metodi biex jinżammu r-relazzjonijiet personali, u l-istabbiliment tal-kontribuzzjoni tal-ġenituri għall-ispejjeż relatati mat-trobbija, l-edukazzjoni, l-iskola u t-taħriġ vokazzjonali tat-tfal.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

L-applikazzjoni għad-divorzju taqa' fil-kompetenzi tal-qorti.

Minn perspettiva territorjali, il-ġuriżdizzjoni hija tal-qorti fil-post fejn tkun tinsab l-aħħar dar li l-konjuġi jkunu qasmu flimkien. Jekk il-konjuġi ma kellhomx dar komuni jew jekk l-ebda wieħed mill-konjuġi ma għadu jgħix fil-post fejn tinsab l-aħħar dar li qasmu flimkien, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni fil-post fejn tinsab id-dar tal-konvenut. Madankollu, jekk il-konvenut ma għandux post ta' domiċilju fir-Rumanija, u l-qrati Rumeni għandhom ġuriżdizzjoni internazzjonali, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata fil-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni għall-post fejn jinsab domiċiljat l-applikant. Jekk la l-applikant u lanqas il-konvenut ma għandu d-domiċilju fir-Rumanija, il-partijiet jistgħu jaqblu li jippreżentaw l-applikazzjoni għal divorzju fi kwalunkwe qorti fir-Rumanija. Fin-nuqqas ta' tali ftehim, l-applikazzjoni għad-divorzju għandha tiġi ppreżentata fil-Qorti tas-Settur 5 f'Bukarest.

L-applikazzjoni għad-divorzju għandha tinkludi, apparti r-rimarki miċ-ċitazzjoni, l-ismijiet tat-tfal minorenni. It-talba għandha tkun akkumpanjata miċ-ċertifikat taż-żwieġ, kopji tat-twelid tat-tfal minorenni u, fejn xieraq, il-ftehim bejn il-konjuġi wara l-medjazzjoni.

F'sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni għal divorzju hija bbażata fuq il-ftehim tal-partijiet, din tiġi ffirmata miż-żewġ partijiet jew minn rappreżentat konġunt awtorizzat mogħti s-setgħa permezz ta' prokura speċjali awtentikata. Jekk ir-rappreżentant awtorizzat ikun avukat, huwa jew hija jiċċertifikaw il-firem tal-konjuġi, b'konformità mal-liġi.

Quddiem il-qrati tal-ewwel istanza, il-partijiet iridu jidhru personalment, sakemm wieħed minnhom ma jkunx qed iservi priġunerija, ikun ostakolat minn mard serju, ikun taħt inibizzjoni tal-qorti, ikun jgħix barra mill-pajjiż jew ikun f'qagħda li ma tipprevjeni lilu jew lilha milli tidher personalment; f'tali sitwazzjonijiet, il-persuna kkonċernata tista' tkun rappreżentata minn avukat, rappreżentant awtorizzat jew, fejn xieraq, kustodju jew rappreżentant irreġistrat (kuratur). Jekk sad-data tas-smigħ fil-qorti tal-ewwel istanza, l-applikant huwa assenti mingħajr raġuni ġustifikata, u jidher biss il-konvenut, l-applikazzjoni tiġi miċħuda bħala mhux sostanzjata.

Il-qorti tad-divorzju tieħu deċiżjoni, anke jekk ma tkunx intalbet li tagħmel dan fl-applikazzjoni għad-divorzju, rigward it-tħaddim tal-awtorità tal-ġenituri, il-kontribuzzjoni tal-ġenituri għall-ispejjeż relatati mat-trobbija u l-edukazzjoni tat-tfal, id-domiċilju tat-tfal u d-dritt tal-ġenituri li jkollhom relazzjoni personali mat-tfal.

Applikazzjoni biex żwieġ jiġi dikjarat invalidu għal raġunijiet assoluti tista' tiġi ppreżentata minn kwalunkwe parti interessata. L-applikazzjoni għal annullament taż-żwieġ hija personali fil-karattru tagħha, u ebda effett ma jgħaddi lill-werrieta. Madankollu, jekk l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata minn wieħed mill-konjuġi, tista' titkompla minn kwalunkwe wieħed mill-eredi tiegħu jew tagħha.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

L-għajnuna legali tista' tinkiseb skont il-kundizzjonijiet stipulati mill-Ordni ta' Emerġenza tal-Gvern Nru 51/2008 dwar l-għajnuna legali f'materji ċivili, kif approvata bl-emendi u ż-żidiet permezz tal-Att Nr 193/2008, kif emendat sussegwentement.

L-għajnuna legali tista' tingħata, separatament jew kumulattivament, fil-forma ta' assistenza ta' avukat; ħlas ta' tariffa ta' espert, traduttur jew interpretu; ħlas ta' tariffa ta' marixxall tal-qorti; u f'termini ta' eżenzjonijiet minn, skontar fuq, jew ħlas parzjali jew differimenti fuq ħlas tat-tariffi legali.

Sabiex ikunu eliġibbli għal għajnuna legali sħiħa, persuni għandu jkollhom dħul medju nett mensili għal kull membru tal-familja inqas minn RON 300 fl-aħħar xahrejn qabel tiġi ppreżentata l-applikazzjoni. Jekk id-dħul ikun inqas minn RON 600, il-proporzjon tal-għajnuna legali mogħtija jkun ta' 50%. Tista' tingħata wkoll għajnuna legali fi proporzjon mal-ħtiġijiet tal-applikant f'sitwazzjonijiet oħrajn meta ċerti kostijiet jew kostijiet stmati tal-proċedimenti x'aktarx ikunu se jirrestrinġu l-aċċess għall-ġustizzja, minħabba pereżempju d-differenza bejn l-għoli tal-ħajja fl-Istat Membru fejn jgħix l-applikant u dak tar-Rumanija.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid, il-perjodu ta' żmien għall-appell kontra deċiżjoni huwa ta' 30 jum minn notifika tad-deċiżjoni.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Il-leġiżlazzjoni applikabbli li tirrigwarda r-rikonoxximent ta' digriet tad-divorzju hija r-Regolament (KE) Nru 2201/2003. L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata fil-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni fil-post tad-domiċilju jew ir-residenza fir-Rumanija tal-intimat. Jekk l-intimat ma għandux residenza magħrufa, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata fil-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni fil-post tad-domiċilju jew ir-residenza tal-applikant.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Deċiżjoni ta' rikonoxximent tista' tiġi kkontestata billi tiġi ppreżentata applikazzjoni fil-qorti tal-appell li għandha l-ġurisdizzjoni territorjali jew jiġi ppreżentat appell lill-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għal relazzjonijiet internazzjonali rigward id-dritt privat il-qorti Rumena tapplika jew ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali jew l-Artikolu 2957 u l-Artikoli sussegwenti tal-Kodiċi Ċivili.

Il-konjuġi jistgħu jagħżlu l-liġi tal-Istat fejn għandhom il-post ta' domiċilju komuni abitwali tagħhom jew fejn kellhom l-aħħar residenza komuni abitwali (jekk tal-inqas wieħed minnhom kien jgħix hemmhekk fid-data meta sar il-ftehim li tintuża l-liġi applikabbli), il-liġi tal-Istat li tiegħu wieħed mill-konjuġi huwa ċittadin, il-liġi tal-Istat fejn il-konjuġi kienu jgħixu għal mill-inqas tliet snin, jew il-liġi Rumena.

Jekk il-konjuġi ma jkunux għamlu għażla, il-liġi applikabbli tkun dik tal-Istat fejn kellhom id-domiċilju komuni abitwali tagħhom, jew fin-nuqqas ta' dan, il-liġi tal-Istat fejn il-konjuġi kellhom l-aħħar domiċilju komuni abitwali tagħhom (jekk mill-inqas wieħed mill-konjuġi ikun għad għandu d-domiċilju abitwali tiegħu jew tagħha f'dak l-Istat fid-data meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għad-divorzju); meta wieħed mill-konjuġi ma jkollux domiċilju abitwali, tapplika l-liġi tal-Istat li tiegħu kienu t-tnejn ċittadini fid-data meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għad-divorzju; jew, meta l-konjuġi jkollhom ċittadinanzi differenti, il-liġi tal-pajjiż fejn kellhom l-aħħar ċittadinanza komuni (jekk mill-inqas wieħed minnhom ikun għad għandu din iċ-ċittadinanza fid-data meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għad-divorzju). F'kull sitwazzjoni oħra, il-liġi applikabbli hija dik tar-Rumanija.

L-aħħar aġġornament: 03/12/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Sloven ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.

Divorzju - Slovenja

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-liġi Slovena tirrikonoxxi: a) divorzju bil-ftehim bejn il-miżżewwġin u b) divorzju wara kawża l-qorti.

a) Fil-każ ta' divorzju bil-ftehim bejn il-miżżewwġin, il-qorti tordna divorzju skont l-Artikolu 64 tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjali (Zakon o zakonski zvezi in družinskih razmerjih, ZZZDR) jekk ikunu laħħqu ftehim dwar il-kura, it-trobbija u l-manteniment tat-tfal li jista' jkollhom flimkien u dwar l-aċċess tat-tfal mal-ġenituri (fejn tista' tintalab il-fehma ta' Ċentru tal-Ħidma Soċjali), u jekk ikunu ppreżentaw, permezz ta' att notarili infurzabbli, ftehim dwar id-diviżjoni tal-proprjetà konġunta tagħhom, dwar min minnhom se jibqa' jgħix fiha jew jikri d-dar tagħhom, u dwar il-manteniment tal-konjuġi li ma għandux mezzi biex jgħix u jinsab bla xogħol mingħajr ħtija tiegħu.

b) Fejn għal xi raġuni ż-żwieġ ikun "tkisser irrimedjabilment", kull parti tista' titlob id-divorzju billi tippreżenta rikors għad-divorzju. F'dan il-każ, hija l-qorti wkoll li tiddeċiedi dwar il-kura, it-trobbija u l-manteniment tat-tfal li jista' jkollhom il-miżżewwġin, u l-aċċess tagħhom mal-ġenituri.  Qabel tagħti d-deċiżjoni tagħha, il-qorti trid titlob il-parir ta' Ċentru tal-Ħidma Soċjali.

Fiż-żewġ każijiet, wara li jitressaq quddiemha rikors għad-divorzju abbażi ta' kemm ftehim jew kawża għad-divorzju, il-qorti tordna liċ-Ċentru tal-Ħidma Soċjali kompetenti biex imexxi sessjoni ta' counselling, li għaliha jridu jattendu l-miżżewwġin mingħajr il-preżenza ta' rappreżentanti. Iċ-Ċentru tal-Ħidma Soċjali jagħti rapport lill-qorti dwar l-eżitu tas-sessjoni ta' counselling.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

  • L-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjali jirrikonoxxi raġuni waħda biss għad-divorzju: li ż-żwieġ tkisser irrimedjabilment. Dan ifisser li ż-żwieġ tkisser totalment u li ma hemmx tama ta' rikonċiljazzjoni. Żwieġ jitqies li "tkisser irrimedjabilment" biss meta r-relazzjonijiet bejn il-miżżewwġin mhux talli tkissru temporanjament iżda għal raġunijiet serji, tkissru għal kollox u mingħajr tama ta' rikonċiljazzjoni. Il-fatt li ż-żwieġ sar insopportabbli jiġi evalwat skont is-sitwazzjoni fi żmien is-seduta ta' smigħ, billi jiġu meqjusa ċ-ċirkostanzi kollha li wasslu għas-sitwazzjoni attwali. Il-qorti tistabbilixxi t-tkissir irrimedjabbli wkoll meta l-konjuġi rikorrent jaqbel li jsir id-divorzju.
  • Żwieġ jista' jinħall wara talba ta' kull parti, u ma hemmx ħtieġa li ż-żwieġ ikun tkisser irrimedjabbilment għat-tnejn li huma.
  • Il-kwistjoni dwar ta' min hi l-ħtija li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment ma titqajjimx, u lanqas ma tqajjimha l-qorti matul il-proċedimenti. Żwieġ jista' jinħall ukoll wara talba tal-konjuġi li jkun ħati tat-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

Il-konsegwenzi ġuridiċi tad-divorzju huma mniżżla fid-dettall kif ġej:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Persuna li tbiddel kunjomha maż-żwieġ tista', fi żmien sitt xhur mis-sentenza finali tad-divorzju jew tas-sentenza li tħoll iż-żwieġ, tippreżenta dikjarazzjoni fejn tgħid li tixtieq terġa' tieħu l-kunjom li kellha qabel iż-żwieġ. Din id-dikjarazzjoni tista' ssir biss minn persuna li ma tkunx reġgħet biddlet kunjomha matul iż-żwieġ (l-Artikolu 17 tal-Att dwar l-Isem Personali/Zakon o osebnem imenu, ZOI-1). Il-kwistjoni tal-bdil ta' kunjom hija kwistjoni amministrattiva li ma tiġix deċiża mill-qorti iżda minn korp amministrattiv.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Fid-diviżjoni tal-assi konġunti, il-preżunzjoni ġuridika hija li s-sehem tal-miżżewwġin fl-assi konġunti huwa ndaqs; madankollu, il-konjuġi li jaħseb li se jsib ruħu f'pożizzjoni żvantaġġata minħabba d-diviżjoni tal-assi f'ishma ndaqs jista' jitlob li sehmu jiġi stabbilit proporzjonalment skont il-kontribuzzjoni tiegħu fl-assi konġunti. B'hekk il-qorti tqis mhux biss l-introjtu tal-miżżewwġin iżda wkoll ċirkostanzi oħra, bħall-għajnuna li jkun ta konjuġi lill-ieħor, il-kura u t-trobbija tat-tfal, ix-xogħol fid-dar, il-manutenzjoni tal-assi, u kull tip ieħor ta' xogħol u parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni, il-manutenzjoni u ż-żieda fl-assi konġunti.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

IL-KURA U T-TROBBIJA TAT-TFAL

Ø Fil-każ ta' divorzju bonarju, il-miżżewwġin iridu jaqblu fuq it-trobbija u l-kura tat-tfal, filwaqt li l-qorti tevalwa jekk dan il-ftehim hux fl-interess tat-tfal. Il-miżżewwġin jistgħu jaqblu li

  • t-tnejn flimkien ikollhom jew ikomplu bil-kura u t-trobbija tat-tfal,
  • jew li l-kura u t-trobbija tat-tfal tingħata lil ġenitur minnhom,
  • jew li wħud mit-tfal jingħataw lil ġenitur wieħed u t-tfal l-oħra lill-ieħor.

Jekk il-ġenituri ma jilħqux ftehim bejniethom fuq din il-kwistjoni, jiġu assistiti biex jilħqu ftehim minn Ċentru tal-Ħidma Soċjali.

Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim fuq il-kura u t-trobbija, jistgħu jissuġġerixxu li l-qorti tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni fi proċedura mhux kontentzjuża.

Jekk ma jilħqux ftehim jew jekk il-ftehim mhuwiex fl-interess tat-tfal, il-qorti ma tordnax il-ħall taż-żwieġ fuq bażi bonarja; minflok, ikun hemm bżonn kawża ta' divorzju.

Jekk anki bl-għajnuna ta' Ċentru ta' Ħidma Soċjali l-ġenituri ma jilħqux qbil dwar il-kura u t-trobbija tat-tfal, il-qorti tiddeċiedi wara talba ta' ġenitur minnhom jew tat-tnejn li huma

  • jew li l-kura u t-trobbija tat-tfal tingħata lil ġenitur minnhom,
  • jew li wħud mit-tfal jingħataw lil ġenitur wieħed u t-tfal l-oħra lill-ieħor.
  • F'każijiet eċċezzjonali, il-qorti tista' tiddeċiedi li l-kura u t-trobbija tat-tfal kollha jew uħud minnhom għandha tingħata lil terza persuna,

il-qorti trid tieħu parir minn Ċentru ta' Ħidma Soċjali qabel tieħu deċiżjoni, u meta tasal għad-deċiżjoni, tikkunsidra l-opinjoni tat-tifel jekk ikun hu stess li jesprimiha jew tingħad minn persuna afdata mit-tifel, u li ntgħażlet mit-tifel stess, sakemm it-tifel huwa kapaċi jifhem xi jrid ifisser u l-konsegwenzi tagħha.

Ø F'każ ta' divorzju abbażi ta' kawża u sabiex jiġu regolati r-relazzjonijiet bejn il-konjuġi divorzjati u t-tfal minuri tagħhom, il-qorti tiddeċiedi dwar il-kura u t-trobbija tat-tfal wara li tistabbilixxi kif għandhom jitħarsu l-aħjar l-interessi tat-tfal. F'dan il-każ ukoll, il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu dwar il-kura u t-trobbija tat-tfal tagħhom fl-interessi tal-istess tfal; Dan japplika mutatis mutandis għall-kura u t-trobbija tat-tfal f'dan il-każ kif ukoll għall-kura u t-trobbija f'każ li d-divorzju jsir bonarjament. Id-deċiżjoni dwar ma' min se jgħixu t-tfal minuri wara d-divorzju, dwar il-kuntatt tagħhom mal-ġenitur li miegħu ma jgħixux u l-manteniment hija parti kostitwenti tas-sentenza tad-divorzju.

KUNTATT

  • Il-ġenituri jridu jippruvaw jaslu għal ftehim dwar kif se jiġi stabbilit il-kuntatt.
  • Jekk jilħqu ftehim, jistgħu jipproponu li l-qorti tagħti deċiżjoni fuq din il-kwistjoni fi proċedura mhux kontenzjuża; jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ftehim mhux fl-aħjar interessi tat-tfal, il-proposta tiġi miċħuda.
  • Jekk il-ġenituri ma jistgħux jaslu għal ftehim, il-qorti tiddeċiedi fuq proposta minn kull waħda mill-partijiet (f'każ ta' divorzju bonarju bejn il-miżżewwġin, il-miżżewwġin iridu jehmżu ftehim dwar il-kuntatt, u l-qorti ddaħħal il-ftehim tagħhom fis-sentenza tad-divorzju bonarju), fejn iridu jissottomettu lill-qorti provi miċ-Ċentru ta' Ħidma Soċjali li juru li ppruvaw l-ewwel jaslu għal ftehim.
  • Il-qorti tiddeċiedi dwar il-kuntatt ex officio biss meta l-kwistjoni tinvolvi kuntatt wara kawża ta' divorzju jew wara t-tmiem taż-żwieġ tal-ġenituri tat-tfal.
    • Il-kuntatt jiġi deċiż fl-ewwel istanza mill-qrati distrettwali (okrožna sodišča) waqt proċedura mhux kontenzjuża, sakemm ma jiġix deċiż flimkien ma' tilwim dwar il-kura u t-trobbija tat-tfal; f'dan il-każ, il-kwistjoni tal-kuntatt tiġi deċiża fi proċedimenti ċivili.
    • Meta jiġi deċiż il-kuntatt, l-interessi tat-tfal huma ta' importanza kbira: il-kuntatt jitqies mhux fl-interess tat-tfal jekk jagħmel pressjoni psikoloġika fuq it-tifel jew jekk iqiegħed f'perikolu l-iżvilupp fiżiku jew mentali tiegħu.
    • Qabel ma tieħu deċiżjoni, il-qorti trid tikkunsidra l-opinjoni tat-tifel jekk ikun hu stess li jesprimiha jew tingħad minn persuna fdata mit-tifel, u li ntgħażlet mit-tifel stess, sakemm it-tifel huwa kapaċi jifhem xi jrid ifisser u l-konsegwenzi tagħha.
    • Tifel għandu dritt għal kuntatt ma persuni oħra li jiġu mill-familja u li għandhom rabta personali mill-qrib mat-tifel (pereżempju n-nanniet tat-tifel u ħutu subien u bniet mill-istess omm iżda mhux mill-istess missier).

MANTENIMENT tal-konjuġi u t-tfal

  • Il-konjuġi jistgħu, rigward il-manteniment tat-tfal, jilħqu ftehim billi jiffirmaw ftehim dwar il-manteniment tat-tfal, li jrid jiġi ffirmat quddiem il-qorti; f'dan il-każ, il-qorti tagħti deċiżjoni speċjali fi proċedura mhux kontenzjuża. Meta l-ftehim mhux fl-interess tat-tifel, il-qorti tiċħad il-proposta biex tagħti deċiżjoni li tilqa' l-ftehim.
  • Meta l-ġenituri ma jaslux għal ftehim jew bejniethom jew bl-għajnuna ta' Ċentru ta' Ħidma Soċjali, huma jistgħu jitolbu deċiżjoni tal-qorti. Qabel ma tasal għal deċiżjoni, il-qorti trid titlob il-parir ta' Ċentru ta' Ħidma Soċjali u trid tqis ukoll l-opinjoni tat-tifel, jekk hu jew hi jkunux esprimew opinjoni jew jekk hu jew hi humiex kapaċi jifhmu l-importanza tagħha u l-konsegwenzi.
  • Il-ġenituri għandhom id-dmir li jmantnu lit-tfal tagħhom sakemm jilħqu l-età adulta, jew tifel tal-età adulta sakemm jispiċċa l-iskola u sakemm jagħlaq is-26 sena, sa fejn materjalment u bil-kapaċità li jaħdmu jistgħu jħarsu l-interessi tat-tfal (l-iżvilupp globali tat-tifel).
  • Il-manteniment tat-tfal jiġi allokat skont il-bżonnijiet tat-tfal li jeħtiġuh u skont l-introjtu u l-kapaċitajiet tal-persuna li trid tħallas il-manteniment. Fl-għoti tal-manteniment, il-qorti għandha l-obbligu tqis l-interessi tat-tfal, sabiex il-manteniment ikun xieraq biex jiżgura l-iżvilupp fiżiku u mentali pożittiv tiegħu. Il-manteniment tat-tfal jiġi aġġornat darba fis-sena skont l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur fis-Slovenja.
  • Konjuġi jew l-imsieħeb barra ż-żwieġ għandhom id-dmir imantnu t-tifel minuri tas-sieħeb / sieħba tagħhom jekk xi ħadd mill-ġenituri tat-tifel ma jistax imantnih u jgħixu mat-tifel minuri tal-sieħeb / sieħba tagħhom.
  • It-tfal tal-età adulta għandhom id-dmir imantnu lill-ġenituri tagħhom jekk dawn tal-aħħar ma għandhomx biżżejjed mezzi biex jgħixu u ma jistax ikollhom dawn il-mezzi, u jekk ġenitur dipendenti ma jistax jiġi mantnut mill-konjuġi tiegħu jew tagħha.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

  • Konjuġi li ma għandux mezzi biex jgħix u ma għandux impjieg mingħajr ħtija tiegħu nnifsu għandu dritt għall-manteniment.
  • Il-manteniment jista' jintalab matul il-proċedimenti għad-divorzju jew matul kawża speċjali fi żmien sena mit-tmiem finali taż-żwieġ, jekk il-kundizzjonijiet għall-manteniment kienu jeżistu fi żmien id-divorzju u għadhom jeżistu meta l-konjuġi jitlob il-manteniment.
  • Il-konjuġi jistgħu jilħqu ftehim dwar il-manteniment f'każ ta' divorzju billi jikkonkludu ftehim ta' manteniment quddiem nutar pubbliku f'forma ta' att notarili infurzabbli.
  • Il-manteniment jiġi stabbilit għal perjodu indeterminat jew għal perjodu fiss kif meħtieġ biex jippermetti lill-konjuġi jsib xogħol ieħor u jirregola l-affarijiet tiegħu.
    • Il-manteniment jiġi allokat skont il-bżonnijiet tar-rikorrent u l-kapaċità tal-persuna li trid tħallas il-manteniment. Il-manteniment huwa ddeterminat bħala somma fix-xahar u bil-quddiem, u jista' jintalab minn meta jsir rikors għall-manteniment. F'każijiet eċċezzjonali, jista' jitħallas bħala somma ta' darba u f'daqqa.
    • Il-qorti tiċħad talba għal manteniment jekk il-ħlas tal-manteniment lill-persuna intitolata għalih ikun inġust minħabba r-raġunijiet li wasslu biex iż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment, jew jekk il-persuna intitolata għall-manteniment wettqet reat kriminali kontra l-persuna li trid tħallas il-manteniment jew kontra xi ħadd mill-familja tiegħi qabel jew wara l-proċedimenti ta' divorzju.
    • Konjuġi mhux obbligat imantni lill-konjuġi l-ieħor jekk biex jagħmel hekk ikun ifisser iqiegħed fil-perikolu l-kapaċità tiegħu jew tagħha biex imantni lilu / lilha nnifsu / innifisha jew il-minuri li hu jew hi jrid imantni bil-liġi.
    • Il-manteniment jiġi aġġornat darba fis-sena skont l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumaturi fis-Slovenja.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

"Unjoni ta' koabitazzjoni" (življenjska skupnost) hija element essenzjali fi żwieġ (l-Artikolu 3 tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjali). It-tmiem tal-koabitazzjoni (prenehanje življenjske skupnosti) jew is-separazzjoni legali, tfisser it-tmiem permanenti tal-elementi essenzjali tar-relazzjonijiet reċiproċi li jeżistu bejn il-miżżewwġin. Meta tintemm il-koabitazzjoni, ir-rabtiet ekonomiċi, intimi u emozzjonali bejn il-miżżewwġin jaslu wkoll fi tmiemhom, kif ukoll id-dar matrimonjali eċċ.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-liġi ma tispeċifikax il-kundizzjonijiet għas-separazzjoni legali. Il-qrati jiddeċiedu dwar is-separazzjoni legali għal kull każ individwali skont iċ-ċirkostanzi u l-karatteristiċi speċifiċi tal-każ ikkonċernat.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Is-separazzjoni legali ma għandhiex effett fuq l-eżistenza ta' żwieġ; dan ifisser li tintemm biss il-koabitazzjoni u mhux iż-żwieġ. Huma meħtieġa kawża jew rikors biex jintemm żwieġ bonarjament. Bis-separazzjoni legali, il-miżżewwġin iġibu fi tmiem il-komunjoni tal-assi. Konjuġi dipendenti jista' jitlob għall-manteniment billi jiftaħ kawża fi żmien sena mis-separazzjoni legali.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

L-annullament ifisser li, fi żmien meta l-miżżewwġin daħħlu għaż-żwieġ, il-kundizzjonijiet rikjesti mil-liġi sabiex iż-żwieġ ikun validu ma kinux jeżistu, (pereżempju ma kienx hemm rieda ħielsa, il-kunsens kien vizjat jew ingħata bi żball, iż-żwieġ ma kienx iċċelebrat skont il-proċedura stabbilita, kien iċċelebrat bejn qraba mill-qrib, jew iċċelebrat bejn persuna b'mard tal-moħħ serju jew b'nuqqas ta' ħsieb minn qabel). Il-konsegwenzi ġuridiċi taż-żwieġ jintemmu dakinhar li tingħata s-sentenza dwar l-annullament.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Ø Żwieġ ma jsirx null ipso iure, iżda jrid jiġi annullat b'sentenza.

Ø Il-liġi Slovena tagħmel distinzjoni bejn żwieġ relattivament null u żwieġ assolutament null. Id-differenza tinsab fil-grupp ta' nies li jistgħu jitolbu l-annullament taż-żwieġ.

a) Ir-raġunijiet għan-nullità relattiva huma:

  • mard tal-moħħ serju jew difett ta' diskrezzjoni ta' ġudizzju meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ (wara talba ta' waħda mill-partijiet, iżda biss wara li ċ-ċirkostanza tkun intemmet),
  • jekk il-kunsens għaż-żwieġ ikun inkiseb bi vjolenza jew minħabba żball (il-konjuġi li ġie sfurzat jew daħal għaż-żwieġ bi żball),
  • jekk il-parti li daħlet għaż-żwieġ kienet taħt it-18-il sena (ġenitur jew tutur).

b) Ir-raġunijiet għan-nullità assoluta huma: (il-persuni li jistgħu jiftħu kawża huma, minbarra ż-żewġ konjuġi, ċerti persuni oħra li jgawdu minn benefiċċju ġuridiku dirett mill-annullament taż-żwieġ, (pereżempju l-eredi oħra ta' konjuġi mejjet jistgħu, mal-mewt ta' dak il-konjuġi, jiftħu kawża għall-annullament taż-żwieġ sabiex il-konjuġi li jkun għadu ħaj jitlef id-dritt ta' suċċessjoni tiegħu); barra minn hekk, il-benefiċjarji jistgħu jiftħu kawża wara l-annullament taż-żwieġ); kawża tista' tinfetaħ ukoll mill-prosekutur tal-Istat:

  • mard tal-moħħ serju jew difett ta' diskrezzjoni ta' ġudizzju min-naħa ta' konjuġi, b'dan l-istat ta' fatt jippersisti meta jintalab l-annullament,
  • konjuġi kien għadu miżżewweġ meta ġie ċċelebrat it-tieni żwieġ;
  • il-konjuġi jiġu minn xulxin f'linja diretta jew miż-żwieġ sa u inkluż ir-raba' grad,
  • il-konjuġi ma kenux preżenti meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ jew parti minnhom u l-persuna bil-prokura mill-parti l-oħra ma kenux preżenti,
  • il-konjuġi ma daħlux għaż-żwieġ bil-ħsieb li jaqsmu dar waħda.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Il-konsegwenzi ġuridiċi tal-annullament taż-żwieġ jidħlu fis-seħħ dakinhar li s-sentenza dwar l-annullament issir finali. Fir-rigward tal-proprjetà bejn il-konjuġi, il-manteniment ta' konjuġi dipendenti, l-għoti lura ta' rigali bejn il-konjuġi u r-relazzjoni tal-konjuġi mat-tfal komuni tagħhom, il-konsegwenzi ġuridiċi huma l-istess kemm għall-annullament u għad-divorzju.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

L-Att dwar il-Medjazzjoni fil-Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali (Zakon o mediaciji v civilnih in gospodarskih zadevah), li daħal fis-seħħ f'Ġunju 2008, jirregola l-medjazzjoni f'tilwim li jinkludi l-qasam ċivili, kummerċjali, dak relatat max-xogħol, il-familja u relazzjonijiet oħra relatati mal-proprjetà fir-rigward ta' talbiet li l-partijiet jistgħu jressqu u jiftehmu dwarhom, sakemm xi liġi separata tipprovdi xort'oħra għal kull wieħed minn dawn it-tipi ta' tilwim. Iż-żwieġ innifsu ma jistax jinħall mingħajr l-intervent ta' qorti, għaliex għandha titressaq kawża jew talba biex iż-żwieġ jinħall bonarjament.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

  • Skont l-Artikolu 32 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku), il-qrati distrettwali huma kompetenti biex jiddeċiedu dwar kawżi tal-familja (rigward divorzju jew annullament taż-żwieġ – il-liġi Slovena ma tirrikonoxxix talba separata għas-separazzjoni legali).

Għandhom jiġu mehmuża estratt mir-reġistru taż-żwieġ u estratti mir-reġistru taċ-ċertifikati tat-twelid mal-kawża jew talba, filwaqt li jrid jiġi ppreżentat dokument tal-identità personali waqt is-seduta.

  • Il-konjuġi jridu jehmżu wkoll dan li ġej flimkien mat-talba għall-ħall taż-żwieġ bonarjament:              
    • ftehim dwar il-kura, it-trobbija u l-manteniment tat-tfal li jista' jkollhom il-konjuġi, u tal-aċċess tagħhom mal-ġenituri (għandu jintalab il-parir ta' Ċentru ta' Ħidma Soċjali),
    • ftehim dwar id-diviżjoni tal-assi komuni permezz ta' att nutarili infurzabbli,
    • ftehim dwar min se jibqa' jgħix ġewwa jew se jikri l-eks dar matrimonjali,
    • ftehim dwar il-manteniment tal-konjuġi li ma għandux mezzi għall-għajxien u bla xogħol mingħajr ħtija tiegħu nnifsu.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-qorti teżenta lil parti mit-tariffi tal-qorti jekk il-ħlas tagħhom ikun ifisser tnaqqis sostanzjali fil-fondi disponibbli għal dik il-parti jew għall-membri tal-familja tiegħu. Iċ-ċittadini barranin hekk ikklassifikati permezz ta' trattat internazzjonali, jew fejn jeżistu l-kundizzjonijiet għar-reċiproċità, huma eżenti mit-tariffi tal-qorti (l-Artikoli 10 u 11 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti/Zakon o sodnih taksah, ZST-1).

Parti tista' titlob għall-għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż ta' avukat u ta' espert; id-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tingħata l-għajnuna legali ssir mill-qorti distrettwali b'ġuriżdizzjoni fuq iż-żona fejn joqgħod b'mod permanenti r-rikorrent. F'din il-proċedura, il-qorti tevalwa l-kriterji (pereżempju fuq il-mertu, finanzjarji) b'referenza għad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Għajnuna Legali (Zakon o brezplačni pravni pomoči).

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Jista' jsir appell minn sentenza ta' divorzju jew annullament taż-żwieġ lil qorti superjuri (višje sodišče), ġeneralment fi żmien 15-il ġurnata. Sentenza ta' divorzju li tingħata abbażi tal-ftehim tal-konjuġi li jħollu ż-żwieġ tagħhom bonarjament tista' tiġi appellata:

  • jekk jeżisti ksur importanti tad-dispożizzjonijiet tal-proċedura ċivili;
  • jekk il-parti ressqet it-talba bi żball jew minħabba vjolenza jew frodi;
  • jekk il-kundizzjonijiet ġuridiċi għad-divorzju bonarju ma ġewx sodisfatti.

Ir-ritrattazzjoni (rimedju ġuridiku straordinarju) mhix permessa f'kawżi tal-familja.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 2210/2003, deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta mingħajr il-ħtieġa ta' xi proċedura ta' rikonoxximent speċjali.

Kull parti interessata tista' titlob li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew le ta' deċiżjoni ġudizzjarja. F'dan il-każ, il-parti trid tressaq talba għal dikjarazzjoni ta' infurzar quddiem il-qorti distrettwali kompetenti fis-Slovenja.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Rigward il-proċedura għall-preżentata tat-talba tapplika l-liġi Slovena.

Parti li titlob jew tappella r-rikonoxximent ta' deċiżjoni ġudizzjarja, jew tressaq talba għal dikjarazzjoni ta' infurzar, trid tissottometti:

  • kopja tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex turi l-awtentiċità tagħha;
  • il-konferma, f'forma standard, tad-deċiżjoni ġudizzjarja li ngħatat wara l-kawża matrimonjali.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (Brussell II bis) japplikaw primarjament u direttament għal kwistjonijiet ta' ġuriżdizzjoni internazzjonali li jinvolvu ċittadini jew residenti tal-Istati Membri tal-UE.

Jekk iż-żewġ konjuġi huma ċittadini ta' pajjiżi differenti meta ssir il-kawża, japplikaw il-liġijiet kumulattivi tal-pajjiżi li tagħhom huma ċittadini, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika Slovena (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 37 tal-Att dwar id-Dritt Privat Internazzjonali u l-Proċedura / Zakon o mednarodnem zasebnem pravu in postopku).

Jekk iż-żwieġ ma jistax jinħall skont il-liġi tal-pajjiżi li tagħhom huma ċittadini l-konjuġi, tapplika l-liġi Slovena għall-ħall taż-żwieġ, jekk wieħed mill-konjuġi kien residenti permanenti fis-Slovenja meta nfteħet il-kawża.

Jekk wieħed mill-konjuġi huwa ċittadin Sloven mingħajr residenza permanenti fis-Slovenja, u ż-żwieġ ma jistax jinħall skont il-liġi speċifikata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 37 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u l-Proċedura, tapplika l-liġi Slovena għall-ħall taż-żwieġ.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.pisrs.si/Pis.web/

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.uradni-list.si/

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.dz-rs.si/wps/portal/Home/deloDZ/zakonodaja/preciscenaBesedilaZakonov

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.sodisce.si/

L-aħħar aġġornament: 05/03/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Slovakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Divorzju - Slovakkja

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Fis-Slovakkja, iż-żwieġ jista' jiġi xolt minn qorti.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Il-qorti tista' xxolji ż-żwieġ fuq l-inizjattiva ta' wieħed mill-konjuġi jekk ir-relazzjonijiet bejn il-konjuġi huma danneġġati b'mod serju u permanenti b'tali mod li ż-żwieġ ma jistax iservi l-għan tiegħu u li l-konjuġi ma jistgħux jiġu mistennija li jkomplu l-ħajja konjugali.

Il-qorti tidentifika l-motivi li wasslu għat-tkissir tar-relazzjonijiet bejn il-konjuġi u teħodhom inkunsiderazzjoni meta tiddeċiedi dwar id-divorzju. Meta tiddeċiedi dwar divorzju, il-qorti dejjem tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ta' kull minuri.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Il-konjuġi li tkun adottat il-kunjom tal-konjuġi l-ieħor wara ż-żwieġ tista' tinnotifika lill-uffiċċju tal-insinwa (matričný úrad) li trid terġa' tadotta kunjomha xebba fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni finali tad-divorzju.

Il-konjuġi li tkun adottat l-kunjom tal-konjuġi l-ieħor wara ż-żwieġ u żammet kunjomha xebba bħala t-tieni kunjom tagħha tista' tinnotifika lill-uffiċċju tal-insinwa li mhijiex ser tuża aktar il-kunjom ta' żewġha fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni finali tad-divorzju.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Id-divorzju jwassal għax-xoljiment tal-komunità tal-akkwisti tal-konjuġi. F'dan il-każ, il-beni jiġu likwidati f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 150 tal-Kodiċi Ċivili (Občiansky zákonník). Il-likwidazzjoni tal-komunità tal-akkwisti tista' ssir: (a) bi ftehim; (b) b'deċiżjoni tal-ġustizzja; (c) fuq l-iskadenza tat-terminu stabbilit.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Fid-deċiżjoni dwar id-divorzju tal-ġenituri ta' minorenni, il-qorti tispeċifika wkoll l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-obbligi tal-ġenituri lejn it-tifel tagħhom wara d-divorzju, b'mod partikolari billi tistabbilixxi liema ġenitur jingħata l-kustodja tal-minuri u min jirrapreżenta u jamministra l-beni tiegħu. Id-deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri tista' tiġi sostitwita bi ftehim bejn il-ġenituri.

Meta l-ġenituri ma jirnexxilhomx jiftehmu dwar id-drittijiet ta' aċċess tagħhom għall-minuri, il-qorti tispeċifika wkoll id-drittijiet ta' aċċess tal-ġenituri fid-deċiżjoni tad-divorzju. Fejn meħtieġ il-qorti tirrestrinġi id-drittijiet ta' aċċess tal-ġenitur jew tipprojbixxi l-aċċess, jekk dan ikun fl-interess tal-minuri.

Il-qorti tistabbilixxi wkoll il-modalitajiet ta' kontribuzzjoni tal-ġenitur, li ma ngħatax il-kustodja tal-minuri, lejn il-manteniment tal-minuri; b'mod alternattiv il-qorti tapprova ftehim bejn il-ġenituri dwar il-livell ta' manteniment.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Konjuġi divorzjat li mhuwiex kapaċi jipprovdi għalih innifsu jista' jitlob manteniment xieraq mingħand l-ekskonjuġi l-ieħor, f'konformità ma' dak li jista' jaffordja l-ekskonjuġi. Jekk il-konjuġi ma jirnexxilhomx jaqblu bejniethom, il-qorti tiddeċiedi dwar l-ammont ta' dawn il-pagamenti ta' manteniment f'risposta għat-talba minn wieħed mill-konjuġi.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Il-liġi Slovakka ma tipprovdix għal separazzjoni legali.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Barra mid-divorzju, żwieġ jista' ukoll jiġi ddikjarat invalidu f'deċiżjoni ġudizzjarja. Żwieġ tali jitqies li ma ġiex konkluż mill-bidunett (matrimonium nullum). Il-qorti tista' tiddikjara wkoll li ż-żwieġ qatt ma eżista (non matrimonium).

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

a. Żwieġ jista' jiġi annullat għall-motivi li ġejjin:

  • l-eżistenza ta' żwieġ ieħor;
  • rabta ta' parantela bejn axxendenti diretti u dixxendent u bejn l-aħwa, inkluża rabta ta' parantela permezz tal-adozzjoni;
  • età insuffiċjenti, jekk dan jinvolvi lil minuri li għandu aktar minn 16-il sena iżda anqas minn 18-il sena;
  • diżabbiltà mentali li tirriżulta fir-restrizzjoni tal-kapaċità legali;
  • dikjarazzjoni dwar il-konklużjoni ta' żwieġ li ma sarx liberament, b'mod serju, definittiv u ċar.

Jekk żwieġ jiġi kkuntrattat minkejja l-eżistenza ta' ċerti ċirkustanzi msemmija hawn fuq, dan jitqies bħala li jkun eżista sal-annullament tiegħu f'konformità ma' deċiżjoni definittiva tal-qorti.

b. Iż-żwieġ huwa null jekk id-dikjarazzjoni dwar il-konklużjoni ta' żwieġ:

  • kienet sfurzata;
  • saret minn minuri taħt is-16 il-sena;
  • saret quddiem uffiċċju tal-insinwa li ma kienx kompetenti, ħlief għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) u (3), jew jekk id-dikjarazzjoni dwar il-konklużjoni ta' żwieġ saret quddiem sindku jew membru ta' kunsill muniċipali li mhuwiex kompetenti;
  • saret quddiem awtorità ekklesjastika jew komunità reliġjuża li mhijiex irreġistrata skont il-leġiżlazzjoni speċifika, jew jekk id-dikjarazzjoni dwar il-konklużjoni ta' żwieġ saret quddiem persuna li mhijiex awtorizzata biex taġixxi bħala persuna responsabbli mill-kult ta' knisja reġistrata jew komunità reliġjuża;
  • saret barra mill-pajjiż quddiem awtorità li mhijiex maħtura għal dan il-għan;
  • saret minn rappreżantant mingħajr prokura valida, jew jekk il-prokura ġiet revokata skont l-Att rilevanti.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Żwieġ li ġie ddikjarat bħala invalidu jitqies bħala qatt ma sar.

Wara d-deċiżjoni ta' annullament ta' żwieġ mogħtija mill-qorti, l-ekskonjuġi huma suġġetti għall-istess provvedimenti bħall-konjuġi divorzjati fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom fil-konfront tat-tfal komuni u l-patrimonju tagħhom. Id-deċiżjoni ta' annullament taż-żwieġ twassal għan-nullità tad-dikjarazzjoni tal-konjuġi dwar il-kunjom komuni tagħhom u kull wieħed mill-konjuġi huwa obbligat jerġa' juża' l-kunjom oriġinali preċedenti tiegħu.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Id-divorzju jista' jiġi ddikjarat biss minn qorti. Ir-riżolviment ta' kwistjonijiet relatati jista' jiġi effettwat permezz tal-applikazzjoni tal-Att dwar il-Medjazzjoni Nru 420/2004 (zákon č. 420/2004 Z.z. o mediácii).

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

It-talbiet għal divorzju, annullament taż-żwieġ jew għal dikjarazzjoni li ż-żwieġ huwa null iridu jitressqu quddiem qorti distrettwali (okresný súd).

Il-qorti territorjalment kompetenti hija l-qorti li fid-distrett tagħha l-konjuġi kellhom l-aħħar residenza komuni tagħhom fis-Slovakkja, sakemm tal-inqas wieħed mill-konjuġi jgħix hemmhekk. Fin-nuqqas ta' tali qorti, il-qorti ġenerali (všeobecný súd) tal-intimat għandha ġurisdizzjoni, jew fin-nuqqas ta' dan, il-qorti ġenerali tal-parti attriċi.

It-talba trid tkun tinkludi l-elementi previsti fl-Artikoli 42(3) u 79(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (Občiansky súdny poriadok).

Irid jirriżulta b'mod ċar mit-talba l-qorti li quddiemha qedha titressaq din it-talba, l-identità tal-intimat, is-suġġett u t-talbiet tat-talba. Din trid tkun iffirmata u ddatata. Barra minn hekk, din trid tinkludi l-ismijiet, il-kunjomijiet u l-postijiet ta' residenza tal-partijiet (u l-istess għar-rappreżentanti tagħhom, jekk ikollhom), iċ-ċittadinanza tagħhom, deskrizzjoni sinċiera tal-fatti salienti u lista tal-evidenza li tirreferi għaliha l-parti attriċi; it-talba trid issemmi b'mod ċar l-għan tagħha.

Il-parti attriċi trid tehmeż il-provi dokumentati li hija qedha tibbaża fuqhom, bl-eċċezzjoni ta' dawk li hija tista' tipproduċi biss billi twettaq żball.

It-talba trid tinkludi n-numru neċessarju ta' kopji u ta' annessi, b'mod li kopja waħda tingħata lill-qorti u li kull parti tikseb waħda, jekk ikun il-każ. Jekk l-intimat ma jressaqx in-numru neċessarju ta' kopji u ta' annessi, il-qorti tagħmel il-kopji tagħha bl-ispejjeż tiegħu. Jekk il-parti ma tressaqx in-numru meħtieġ ta' duplikati u ta' annessi, il-qorti tagħmel il-kopji bl-ispejjeż tal-parti.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

L-għajnuna legali hija rregolata permezz tal-liġi nru 327/2005 dwar il-provvista tal-għajnuna legali lill-persuni fil-bżonn.

Titħallas miżata tal-qorti għall-proċeduri tad-divorzju. Il-partijiet jistgħu jitolbu sabiex jiġu eżenti minn dawn l-ispejjeż.

Fuq talba, il-qorti tista' tagħti lill-parti eżenzjoni totali jew parzjali tal-ispejjeż legali jekk is-sitwazzjoni tagħha jiġġustifikawha u jekk din il-miżura ma tikkostitwixxix l-eżerċizzju jew id-difiża ta' dritt arbitrarju jew manifestament bla suċċess. Sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, l-eżenzjoni tirrigwarda l-integralità tal-proċeduri u għandha effett retroattiv;  madankollu l-ispejjeż imħallsa qabel id-deċiżjoni ta' eżenzjoni ma jiġux rimborżati.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Huwa possibbli li jsir appell minn deċiżjoni fi 30 jum min-notifika tagħha.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Huwa meħtieġ li titressaq talba ta' rikonoxximent ta' tali deċiżjoni. Il-Qorti Reġjonali ta' Bratislava (Krajský súd v Bratislave) għandha ġurisdizzjoni.

Id-deċiżjonijiet definittivi dwar kwistjonijiet matrimonjali mogħtija wara l-1 ta' Mejju 2004 fl-Istati Membri l-oħra (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka) huma rikonoxxuti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta'Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000. Id-deċiżjonijiet huma rikonoxxuti mingħajr ebda proċedura partikolari; b'mod partikolari mhija meħtieġa ebda proċedura partikolari għall-modifika tal-iskrizzjoni fir-rekords tal-uffiċċju tal-insinwa. Madankollu, il-parti interessata tista' titlob li tingħata deċiżjoni speċjali għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar kwistjonijiet matrimonjali li ttieħdet fi Stat Membru ieħor. Il-proċedura ta' rikonoxximent ta' deċiżjoni barranija taqa' fi ħdan il-kompetenza tal-Qorti Reġjonali ta' Bratislava.

Fil-każ ta' deċiżjonijiet mogħtija fid-Danimarka jew ta' deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru ieħor qabel l-1 ta' Mejju 2004, jeħtieġ issir talba għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni barranija dwar kwistjonijiet matrimonjali jekk tal-inqas wieħed mill-partijiet għandu ċ-ċittadinanza Slovakka. Tali proċeduri huma miftuħa fuq talba mressqa minn persuna li kienet parti fid-deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor. Il-proċedura ta' rikonoxximent ta' deċiżjoni barranija taqa' fi ħdan il-kompetenza tal-Qorti Reġjonali ta' Bratislava.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Jista' isir appell minn deċiżjoni ta' rikonoxximent jew ta' nonrikonoxximent ta' deċiżjoni barranija. Appell tali għandu jitressaq quddiem il-Qorti Reġjonali ta' Bratislava u d-deċiżjoni tingħata mill-Qorti Suprema (Najvyšší súd).

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Ix-xoljiment taż-żwieġ permezz tad-divorzju huwa rregolat bil-liġi tal-Istat li l-konjuġi għandhom ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura. Jekk il-konjuġi għandhom ċittadinanza differenti, id-divorzju huwa rregolat permezz tal-liġi Slovakka.

L-aħħar aġġornament: 14/01/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Finlandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.

Divorzju - Finlandja

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

It-talbiet għad-divorzju jiġu ttrattati mill-Qrati Distrettwali (käräjäoikeus). Id-divorzju jista' jintalab minn wieħed mill-konjuġi jew inkella miż-żewġ konjuġi flimkien.

Il-konjuġi jkunu jistgħu jingħataw id-divorzju wara li jgħaddi perjodu ta’ riflessjoni ta' sitt xhur. Mhux meħtieġ perjodu ta’ riflessjoni għall-konjuġi li jkunu ilhom jgħixu separatament għal minn tal-inqas sentejn qabel ma jkunu talbu d-divorzju.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Fit-talba, ma hemmx għalfejn jiġu elenkati r-raġunijiet għad-divorzju. Il-Qrati Distrettwali ma jeżaminawx ir-rabtiet personali li jkollhom il-konjuġi u lanqas ma jaraw ir-raġunijiet għalfejn ikunu qed jitolbu d-divorzju. Ara l-mistoqsija nru 1.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Hekk kif jingħataw id-divorzju, il-konjuġi jibqgħu jżommu l-kunjom li kellhom fiż-żwieġ. Jekk il-kunjom ta' wieħed mill-konjuġi jkun inbidel biż-żwieġ, huwa jista' japplika biex jibdlu wara li jingħata d-divorzju.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

L-għoti ta' divorzju u l-qsim tal-beni f'komunjoni jitqiesu bħala kwistjonijiet separati. Max-xoljiment taż-żwieġ, il-konjuġi jistgħu jiftiehmu dwar il-qsim tal-beni f'komunjoni bejniethom, jew inkella jitolbu l-qorti taħtrilhom eżekutur. Ir-regola ġenerali hija li l-assi kollha tal-konjuġi jinqasmu b'mod indaqs. Huwa possibbli li wieħed jidderoga minn din ir-regola skont il-ftehim li jkun sar qabel iż-żwieġ. Il-qsim jista' jiġi aġġustat ukoll jekk dan jirriskja li jwassal għal riżultat finali inadegwat. Il-beni f'komunjoni jistgħu jinqasmu hekk kif jibda l-perjodu ta’ riflessjoni.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Kwistjonijiet fir-rigward ta' tfal minorenni li l-konjuġi jkollhom flimkien, bħall-kustodja u l-arranġamenti ta' għajxien u d-drittijiet għall-manteniment u għaż-żjarat, jistgħu jiġu miftiehma flimkien mat-talba għad-divorzju. Ara "Il-Kustodja tat-Tfal – Il-Finlandja" u "Talbiet għall-Manteniment – Il-Finlandja".

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Meta l-qorti tippronunzja d-divorzju, hija tista', fuq talba ta' wieħed mill-konjuġi, tobbliga lill-ieħor iħallaslu l-manteniment, jekk hija tqis li tali miżura tkun raġonevoli. (Ara "Talbiet għall-Manteniment – Il-Finlandja".) Madankollu, dan jiġri rarament.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-sistema legali Finlandiża ma tirrikonoxxix is-separazzjoni ġudizzjarja. Fil-prattika, is-separazzjoni tfisser li l-konjuġi jkunu jgħixu separatament, f'indirizzi differenti.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Ara l-mistoqsija nru 4.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Ara l-mistoqsija nru 4.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Fil-leġiżlazzjoni Finlandiża ma hemm l-ebda dispożizzjoni fir-rigward tal-annullament taż-żwieġ. Madankollu, il-prosekutur pubbliku huwa mistenni li jiftaħ kawża biex jiġi ppronunzjat id-divorzju ta' konjuġi immedjatament, jekk jirriżulta li l-konjuġi jkunu qraba mill-qrib jew li wieħed mill-konjuġi jkun diġà miżżewweġ legalment fil-mument li jidħol għaż-żwieġ.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Ara l-mistoqsija nru 7.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Ara l-mistoqsija nru 7.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

It-talbiet għad-divorzju dejjem iridu jsiru ma' Qorti Distrettwali. Madankollu, il-liġi tistipula li, fejn ikun possibbli, kwalunkwe tilwim fi ħdan il-familja irid, qabel xejn, jiġi solvut mill-konjuġi billi jinnegozjaw bejniethom u billi jaslu għal rikonċiljazzjoni. Sabiex jagħmlu dan, il-konjuġi jistgħu jitolbu l-assistenza ta' medjaturi tal-familja li jiffurmaw parti mill-bord tas-servizzi soċjali fil-komun tagħhom (sosiaalilautakunta). Il-Qrati Distrettwali huma wkoll fid-dmir li jinformaw lill-konjuġi bil-possibbiltà li jagħmlu użu mis-servizz ta' medjazzjoni għall-familji. Il-medjaturi jippruvaw jgħinu lill-konjuġi jilħqu fehim reċiproku dwar kif tista' tinstab soluzzjoni għat-tilwim tal-familja b'tali mod li jiġu rispettati l-interessi tal-membri kollha tal-familja. Huma jistgħu jassistu wkoll lill-konjuġi biex ifasslu ftehimiet u biex jagħtu bidu għal proċeduri oħrajn maħsuba biex isolvu t-tilwim. Il-medjaturi għandhom partikolarment id-dmir li jħarsu l-interessi tat-tfal minorenni li jista' jkun hemm fil-familja kkonċernata. Il-medjazzjoni hija dejjem volontarja.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Id-divorzju jista' jintalab miż-żewġ konjuġi flimkien, jew inkella individwalment minn wieħed mill-konjuġi. It-talba għad-divorzju, li trid tkun bil-miktub, trid tiġi ppreżentata lill-Qorti Distrettwali tal-lokalità fejn wieħed mill-konjuġi jkollu l-post tar-residenza tiegħu. It-talbiet għad-divorzju jistgħu jiġu ppreżentati personalment jew inkella minn rappreżentant awtorizzat. Dawn it-talbiet jistgħu jintbagħtu wkoll lill-Qorti Distrettwali bil-posta, bil-faks jew bil-posta elettronika.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Tista' tintalab għajnuna legali għall-kawżi ta' divorzju. (Ara "L-għajnuna legali – Il-Finlandja".)

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Sentenza ta' divorzju tista' tiġi appellata quddiem il-Qorti tal-Appell (hovioikeus).

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Bħala regola ġenerali, ir-rikonoxximent ta' sentenza ta' divorzju mogħtija fi Stat Membru ieħor, huwa bbażat fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003. Ara "Id-Divorzju – Id-Dritt Komunitarju".

Skont dan ir-Regolament, sentenza li tingħata fi Stat Membru partikolari tiġi awtomatikament rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' xi proċedura speċjali. Madankollu, kwalunkwe parti interessata, tista' titlob li tingħatalha konferma dwar ir-rikonoxximent jew le tas-sentenza.

It-talbiet għall-konferma tar-rikonoxximent tas-sentenzi jiġu ttrattati mill-Qrati Distrettwali.

Madankollu, fir-rigward ta' talbiet għad-divorzju ppreżentati f'pajjiżi Nordiċi, tapplika l-Konvenzjoni Nordika tal-1931 dwar iż-Żwiġijiet. Fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-partijiet għal din il-Konvenzjoni jinkludu l-Finlandja, l-Isvezja u d-Danimarka. Sentenza ta' divorzju mogħtija f'konformità mal-Konvenzjoni Nordika dwar iż-Żwiġijiet titqies valida fil-pajjiżi Nordiċi kollha mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' konferma supplimentari.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Il-proċedura hija l-istess bħal dik imsemmija fil-mistoqsija nru 14.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-liġi Finlandiża tapplika għall-kawżi kollha ta' divorzju li jitressqu fil-Finlandja.

L-aħħar aġġornament: 02/03/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Divorzju - Svezja

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Kemm wieħed kif ukoll iż-żewġ konjuġi flimkien jistgħu jitolbu għad-divorzju. Din it-talba trid issir wara perjodu ta' sitt xhur sabiex il-partijiet jerġgħu jikkunsidraw f'ċerti ċirkustanzi. Dawn iċ-ċirkustanzi japplikaw:

  • jekk iż-żewġ konjuġi jitolbu għalih;
  • jekk wieħed mill-konjuġi jgħix b'mod permanenti ma' wild minn tagħhom li għandu inqas minn 16-il sena u għandu l-kustodja tiegħu; jew
  • jekk wieħed mill-miżżewwġin biss jixtieq il-ħall taż-żwieġ.

F'ċerti każijiet eċċezzjonali, madankollu, il-koppji li jaqgħu fil-punti msemmija hawn fuq għandhom ukoll id-dritt għad-divorzju mingħajr il-perjodu biex jerġgħu jikkunsidraw. Dan japplika wkoll jekk il-koppja ilha tgħix separatament għal sentejn. Wieħed mill-konjuġi għandu dritt għad-divorzju wkoll mingħajr dak il-perjodu jekk jinsab li x'aktarx ġie sfurzat jiżżewweġ, jew jekk il-konjuġi żżewweġ qabel ma għalaqx it-18-il sena mingħajr liċenzja uffiċjali. Jekk iż-żwieġ ġie ċelebrat anki jekk il-konjuġi kienu jiġu minn xulxin, jew jekk iż-żwieġ ġie ċelebrat anki jekk wieħed mill-konjuġi kien diġà miżżewweġ jew kien fi sħubija reġistrata u ż-żwieġ ta' qabel jew is-sħubija kienu għadhom fis-seħħ, kull konjuġi għandu dritt għad-divorzju mingħajr dak il-perjodu biex jerġa' jikkunsidra.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Konjuġi dejjem għandu dritt jikseb sentenza ta' divorzju u ma għandux għalfejn jistrieħ fuq xi raġunijiet speċjali biex jiksibha.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Jekk wieħed mill-konjuġi jieħu kunjom l-ieħor, dan il-konjuġi għandu dritt jerġa' juża l-kunjom li kellu qabel iżżewweġ.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Wara d-divorzju, il-proprjetà tal-koppja tinqasam bejniethom. Il-prinċipju ġenerali huwa li l-proprjetà tinqasam f'ishma ndaqs. Ir-raġuni għall-ħall taż-żwieġ mhix importanti għad-diviżjoni tal-proprjetà tal-koppja.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Wara divorzju, il-konjuġi awtomatikament ikomplu jkollhom il-kustodja konġunta tat-tfal tagħhom. Il-kustodja konġunta, madankollu, tista' tintemm minn qorti:

  • ex officio mill-qorti, jekk il-qorti ssib li l-kustodja konġunta kjarament hija inkompatibbli mal-aħjar interessi tat-tfal; jew
  • b'talba ta' wieħed mill-konjuġi, jekk il-qorti ssib li huwa fl-aħjar interessi tat-tfal li wieħed mill-konjuġi jkollu l-kustodja esklussiva.

Jekk iż-żewġ konjuġi jitolbu li tintemm il-kustodja konġunta, il-qorti obbligata taċċetta din it-talba.

Iż-żewġ ġenituri jibqgħu responsabbli għall-manteniment ta' uliedhom. Il-ġenitur li ma jgħix ma' uliedu jissodisfa l-obbligu ta' manteniment billi jħallas il-manteniment ta' uliedu lill-ġenitur l-ieħor.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Wara d-divorzju, kull konjuġi huwa responsabbli biex imantnu lilhom ifushom. L-eċċezzjonijiet japplikaw biss f'ċerti sitwazzjonijiet speċjali, pereżempju fejn konjuġi wieħed qed isibha diffiċli jmantni lilu nnifsu wara li jkun inħall żwieġ twil jew jekk ikun hemm raġunijiet validi oħra.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Mhemmx regoli dwar is-separazzjoni personali skont il-liġi Svediża.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Mhemmx regoli dwar is-separazzjoni personali skont il-liġi Svediża.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Mhemmx regoli dwar is-separazzjoni personali skont il-liġi Svediża.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Mhemmx regoli dwar l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Svediża. Żwieġ jista' jinħall jew jekk imut wieħed mill-konjuġi jew jekk il-qorti tagħti sentenza ta' divorzju.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Mhemmx regoli dwar l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Svediża.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Mhemmx regoli dwar l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Svediża.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Il-qorti biss tista' tħoll żwieġ permezz tad-divorzju. Madankollu, hemm alternattivi sabiex jiġu solvuti l-kwistjonijiet varji li jistgħu jinqalgħu b'rabta ma' divorzju.

Il-konjuġi jistgħu jiksbu dak li huwa magħruf bħala" medjazzjoni tal-familja" li għandha l-għan li tittratta kunflitti tal-koabitazzjoni. B'dan il-mod, il-koppji jistgħu jfittxu għall-għajnuna biex isolvu l-problemi u l-kunflitti tagħhom sabiex jistgħu jkomplu biż-żwieġ tagħhom. Jekk ikun hemm diġà separazzjoni de facto, il-medjazzjoni tal-familja minflok tista' tgħin sabiex tiffaċilita l-kunflitt u tagħmilha possibbli sabiex l-adulti jaħdmu flimkien fir-rwol tagħhom ta' ġenitur. Il-medjazzjoni tal-familja tingħata mis-settur pubbliku (awtoritajiet lokali), għaqdiet tal-knisja, u individwi oħra. L-awtoritajiet lokali huma responsabbli biex jiżguraw li l-medjazzjoni tal-familja tiġi offruta lil kull min jitlob għaliha.

Il-konjuġi għandhom ukoll id-dritt għal hekk imsejħa "diskussjonijiet ta' kooperazzjoni". Dawn id-diskussjonijiet mhumiex maħsuba għar-relazzjoni bejn l-adulti, iżda għat-tfal. Id-diskussjonijiet ta' kooperazzjoni għandhom l-għan li jwasslu għal ftehim dwar kwistjonijiet dwar il-kustodja tat-tfal, fejn jgħixu t-tfal, u l-aċċess għat-tfal. Id-diskussjonijiet ta' kooperazzjoni jsiru taħt is-superviżjoni ta' esperti. L-awtoritajiet lokali huma responsabbli biex jiżguraw li d-diskussjonijiet ta' kooperazzjoni jiġu offruti lil kull min jitlob għalihom.

Jekk il-konjuġi jixtiequ jagħmlu xi tibdil rigward il-kustodja tat-tfal tagħhom, fejn jgħixu t-tfal, jew l-aċċess għalihom, dan jista' jsir bil-konklużjoni ta' ftehim fuq din il-kwistjoni. Dan il-ftehim jrid jiġi approvat mill-kumitat tas-servizzi soċjali tal-awtorità lokali.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Mhemmx regoli dwar is-separazzjoni personali jew l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Svediża.

L-ewwel kundizzjoni għall-preżentata ta' talba għal divorzju quddiem qorti Svediża hija li l-qorti Svediża jrid ikollha ġuriżdizzjoni biex tisma' l-każ. Dan naturalment japplika meta ż-żewġ konjuġi huma ċittadini Svediżi u jgħixu l-Isvezja. Madankollu, il-qrati Svediżi għandhom ġuriżdizzjoni fil-każijiet li ġejjin:

  • meta ż-żewġ konjuġi huma ċittadini Svediżi;
  • meta r-rikorrent huwa ċittadin Svediż u residenti l-Isvezja jew qabel kien residenti l-Isvezja minn mindu għalaq it-18-il sena;
  • meta r-rikorrent mhux ċittadin Svediż, iżda ilu residenti l-Isvezja għal tal-inqas sena; jew
  • jekk il-konvenut huwa residenti l-Isvezja.

Jekk jintwera li qorti Svediża għandha ġuriżdizzjoni biex tisma' proċedimenti ta' divorzju, il-każ jinstema' mill-qorti distrettwali ("tingsrätt") fl-Isvezja fiż-żona fejn huwa residenti wieħed mill-konjuġi. Jekk ħadd minnhom mhuwa residenti l-Isvezja, il-każ jinstema' mill-Qorti Distrettwali ta' Stokkolma ("Stockholms tingsrätt").

Hemm żewġ modi differenti kif titressaq kawża ta' divorzju quddiem il-qorti distrettwali. Jekk iż-żewġ konjuġi jridu d-divorzju, jistgħu jippreżentaw rikors konġunt. Madankollu, jekk wieħed minnhom biss jixtieq id-divorzju, dak il-konjuġi jrid jippreżenta rikors lill-qorti distrettwali. Fiż-żewġ każijiet, iridu jinthemżu l-kopji taċ-ċertifikati tat-twelid taż-żewġ konjuġi. Dawn jistgħu jintalbu mill-Aġenzija Svediża dwar it-Taxxa ("Skatteverket").

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

F'każ li jikkonċerna d-divorzju u kwistjonijiet relatati, l-għajnuna legali tista' tingħata biss jekk hemmraġunijiet speċjali.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Mhemmx regoli dwar is-separazzjoni personali jew l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Svediża.

Iva, jista' jsir appell minn sentenza ta' divorzju.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ir-Regolament Brussell II), sentenza li tingħata fi Stat Membru tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun tinħtieġ xi proċedura speċjali. Madankollu hemm ċerti raġunijiet għan-nuqqas ta' rikonoxximent.

Ir-regola prinċipali fir-Regolament Brussell II għalhekk hija li sentenza ta' divorzju jew separazzjoni personali jew annullament taż-żwieġ li ngħatat f'xi Stat Membru trid tiġi awtomatikament trattata bl-istess mod u għandu jkollha l-istess effetti legali daqs deċiżjoni Svediża ekwivalenti. Anki jekk ir-regolament huwa għalhekk ibbażat fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, parti interessata tista' xorta tikseb dikjarazzjoni li s-sentenza barranija ġiet jew ma ġietx rikonoxxuta fl-Isvezja. Dan ir-rikors isir lill-Qorti tal-Appell Svea ("Svea hovrätt"), li f'dan l-istadju tieżu deċiżjoni dwar ir-rikors mingħajr ma tikkonsulta mal-parti l-oħra.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Irid isir rikors lill-Qorti tal-Appell ta' Svea ("Svea hovrätt") sabiex tintuża l-opportunità prevista fir-Regolament Brussell II sabiex tinkiseb dikjarazzjoni li sentenza barranija ġiet rikonoxxuta fl-Isvezja (ara l-mistoqsija nru 14 iktar 'il fuq) Jekk il-Qorti tal-Appell ta' Svea ddikjarat f'dawn il-proċedimenti li s-sentenza inkwistjoni trid tiġi rikonoxxuta fl-Isvezja, il-parti l-oħra tista' tapplika għal rieżami ta' dik id-deċiżjoni. Rikors għal dan ir-rieżami jitressaq quddiem il-Qorti tal-Appell ta' Svea, li tisma' liż-żewġ partijiet għall-bqija tal-proċedimenti. Jista' jitressaq appell mal-Qorti Suprema ("Högsta domstolen") kontra deċiżjoni dwar ir-rikors għar-rieżami mill-Qorti tal-Appell ta' Svea.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Talba għad-divorzju li tinstema' minn qorti Svediża trid dejjem tiġi eżaminata skont il-liġi Svediża (il-prinċipju tal-lex fori ).

F'ċerti każijiet, madankollu, iridu jtiqiesu wkoll id-dispożizzjonijiet tal-liġi barranija. Dan japplikaw fil-każijiet li ġejjin:

  • Fejn iż-żewġ konjuġi huma ċittadini barranin u l-ebda wieħed minnhom ma għex fl-Isvezja għal mill-inqas sena, sentenza għal divorzju ma tistax tingħata kontra x-xewqat ta' wieħed mill-konjuġi jekk mhemmx raġunijiet biex isir hekk skont il-liġi tal-Istat li tiegħu huwa ċittadin wieħed mill-konjuġi.
  • Jekk iż-żewġ konjuġi huma ċittadini barranin u wieħed minnhom jsostni li mhemmx raġunijiet għall-ħall taż-żwieġ skont il-liġi tal-Istat li tiegħu huwa ċittadin, sentenza ta' divorzju ma tistax tinħareġ jekk, tenut kont tal-interessi tal-konjuġi jew tat-tfal tal-konjuġi, hemm raġunijiet partikolari sabiex dan ma jsirx.

Irid jiġi enfassizat li, anki fiż-żewġ każijiet imsemmija hawn fuq, hija sempliċement kwistjoni tal-applikazzjoni tal-liġi Svediża, iżda b'ċerta protezzjoni sabiex ma tinħariġx sentenza ta' divorzju skont il-liġi Svediża f'każijiet fejn il-konjuġi għandhom rabta solida mal-Isvezja u fejn hemm raġunijiet serji sabiex ma tinħariġx din is-sentenza..

L-aħħar aġġornament: 21/12/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Divorzju - L-Ingilterra u Wales

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Irid jitressaq rikors miktub (petition) fil-qorti minn wieħed mill-miżżewġin.  Rikorsi għal divorzju jiġu ttrattati mill-Qorti tal-Familja u l-miżżewġin iridu jressqu r-rikors tagħhom f'dik il-qorti biex jiksbu d-divorzju. Ir-rikorrent irid juri li ż-żwieġ tfarrak b'mod irrimedjabbli u jrid iġib provi ta' wieħed mill-ħames fatti elenkati hawn taħt.

L-ebda rikors għal divorzju ma jista' jsir qabel tal-inqas sena mid-data taż-żwieġ, għalkemm rikors għall-annullament jista' jsir fi kwalunkwe mument taż-żwieġ. Madankollu, jistgħu jinġabu provi f'perjodu ta' sena mid-data taż-żwieġ li juru li ż-żwieġ tfarrak b'mod irrimedjabbli.

Minn Marzu 2014 kopji tal-istess sess jistgħu jiżżewġu fl-Ingilterra u Wales. L-istess kundizzjonijiet japplikaw għad-divorzju kemm għall-koppji ta' sess differenti u kemm għall-koppji tal-istess sess.

Mill-2005 'il quddiem koppji tal-istess sess fir-Renju Unit kienu jistgħu jifformalizzaw legalment ir-relazzjoni tagħhom billi jidħlu fi sħubija ċivili.  Il-partijiet fi sħubija ċivili jistgħu jxoljuha jew jitolbu ordni ta' separazzjoni meta r-relazzjoni tagħhom titfarrak. Il-proċess huwa analogu għad-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja u l-annullament taż-żwieġ kif deskritt hawn taħt. Għal iktar informazzjoni żur is-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidasit web tal-Gvern.

Fi żwieġ bejn persuni tal-istess sess il-koppja tkun raġel u raġel (husband and husband) jew mara u mara (wife and wife).

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

L-unika bażi għad-divorzju hija t-tifrik irrimedjabbli taż-żwieġ. Biex jintwera li ż-żwieġ ikun tfarrak b'mod irrimedjabbli jridu jiġu ppreżentati provi ta' "fatt" taż-żwieġ jew iktar.

  • li l-konjuġi l-ieħor wettaq adulterju ma' persuna tas-sess oppost u li r-rikorrent ma jittollerax li jgħix miegħu;
  • imġiba irraġonevoli, jiġifieri li l-konjuġi l-ieħor ikun ġab ruħu b'tali mod li r-rikorrent ma jistax ikun raġonevolment mistenni jibqa' jgħix miegħu;
  • abbandun, jiġifieri li l-konjuġi l-ieħor ikun telaq lir-rikorrent għal perjodu ta' sentejn qabel iż-żmien tar-rikors għad-divorzju;
  • separazzjoni tal-partijiet għal perjodu ta' sentejn qabel ir-rikors għad-divorzju (bil-kunsens tal-konjuġi l-ieħor);
  • separazzjoni għal perjodu ta' ħames snin qabel ir-rikors għad-divorzju (mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor).

Il-qorti hija obbligata tinvestiga kemm tista' l-fatti allegati mir-rikorrent (petitioner) u l-fatti allegati mill-intimat (respondent). Jekk il-qorti tkun sodisfatta bil-provi li ż-żwieġ tfarrak b'mod irrimedjabbli,  jingħata digriet ta' divorzju mill-Imħallef tal-Qorti tal-Familja.

Jekk il-qorti tkun sodisfatta li ż-żwieġ tfarrak b'mod irrimedjabbli, l-ewwel toħroġ "decree nisi" (digriet interim ta' divorzju). Wara perjodu ta' sitt ġimgħat jista' jsir rikors mill-parti li tkun talbet lill-qorti għad-divorzju, biex tikseb id-"decree absolute" (id-digriet finali ta' divorzju). Ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ma hemm l-ebda terminu perentorju għal rikors biex digriet isir assolut (finali).

Madankollu, jekk ir-rikors għal decree absolute jitressaq iktar minn 12-il xahar wara d-decree nisi, ir-rikorrent ikollu jagħti spjegazzjoni bil-miktub miegħu fejn:

  • jispjega d-dewmien;
  • jiddikjara jekk hu u l-konjuġi tiegħu ikunux għexu flimkien wara d-decree nisi u, jekk ikunu għamlu hekk, f'liema dati; u
  • jiddikjara jekk il-mara, li għal koppji miżżewġa tal-istess sess jinkludu kwalunkwe konjuġi mara, tkunx, jew jaħsibx li kienet, welldet xi tarbija wara d-decree nisi u, jekk ikun il-każ, jekk ikunx allegat li t-tarbija hija tal-familja jew tista' tkun tal-familja.

L-Imħallef tal-Qorti tal-Familja jista' jitlob li r-rikorrent jagħmel dikjarazzjoni ġuramentata fejn jivverifika l-ispjegazzjoni li jkun ta u jista' jagħti kwalunkwe ordni dwar ir-rikors li l-Imħallef tal-Qorti tal-Familja jaħseb li tkun xierqa.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Il-partijiet huma liberi li jerġgħu jiżżewġu (jew jidħlu fi sħubija ċivili) jekk ikunu jixtiequ. Huma jistgħu jagħżlu li jżommu kunjomhom ta' miżżewġin jew jaqilbu lura għall-kunjom ta' qabel iż-żwieġ jew sħubija, kif ikunu jixtiequ.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Il-qorti, fl-għotja ta' digriet ta' divorzju, nullità jew separazzjoni ġudizzjarja, jew wara, tista' tordna li proprjetà tiġi ttrasferita minn konjuġi għall-ieħor, jew lil wild tal-familja, jew lil persuna oħra għall-benefiċċju ta' wild tal-familja.

Il-Qrati għandhom ukoll is-setgħa li jordnaw il-ħlas ta' pagamenti perjodiċi, jordnaw il-bejgħ ta' proprjetà, jagħtu ordnijiet rigward il-pensjonijiet, jordnaw pagamenti ta' ammont f'daqqa ta' darba u ordnijiet oħrajn. Huma għandhom id-diskrezzjoni dwar x'ordnijiet jagħtu fi kwalunkwe każ partikolari, li jsolvu il-kwistjonijiet ta' dak il-każ skont iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu.

Meta jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom, il-qrati jridu jqisu l-aħjar interessi ta' kull wild tal-familja li jkun taħt l-età ta' 18-il sena flimkien mal-kwistjonijiet li ġejjin:

  • id-dħul, il-kapaċità ta' qligħ, il-proprjetà u r-riżorsi finanzjarji l-oħrajn li jkollu kull wieħed mill-miżżewġin jew li x'aktarx ikollu fil-ġejjin prevedibbli;
  • il-kontribuzzjoni, kemm finanzjarja u kemm le, li ta kull konjuġi biex jieħu ħsieb id-dar u t-tfal titqies ukoll
  • il-bżonnijiet, l-obbligi u r-responsabilitajiet finanzjarji l-oħrajn li jkollu wieħed mill-miżżewġin jew li x'aktarx ikollu fil-ġejjin prevedibbli;
  • l-istandard tal-għajxien li gawdiet minnu il-familja qabel it-tifrik taż-żwieġ;
  • l-età ta' kull parti u d-durata taż-żwieġ;
  • kwalunkwe diżabilità fiżika jew mentali li tkun tbati minnha waħda mill-partijiet;
  • il-kontribuzzjonijiet li tat kull parti, jew li x'aktarx tagħti fil-ġejjieni għall-aħjar interessi tal-familja;
  • l-imġiba tal-miżżewġin, jekk tkun tali li jkun inġust li din tiġi injorata meta jiġu kkunsidrat kif se tinqasam il-proprjetà;
  • il-valur ta' kwalunkwe benefiċċju għal kull wieħed mill-miżżewġin  li l-parti tkun se titlef l-opportunità li tikseb minħabba d-divorzju jew l-annullament.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Wara d-divorzju, iż-żewġ ġenituri jibqa' jkollhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri għat-tfal miż-żwieġ. Kull ġenitur jibqa' jkollu r-responsabbiltà tal-ġenitur għall kull wild minn relazzjonijiet oħrajn li jkollu r-responsabbiltà tal-ġenitur għalih fil-mument tad-divorzju. Iż-żewġ ġenituri jkollhom dmir kontinwu li jmantnu lill-ulied minorenni li jkunu għexu bħala tfal tal-familja.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Id-dmir ta' manteniment tal-konjuġi l-ieħor fil-parti l-kbira tal-każijiet jintemm malli d-divorzju jiġi ffinalizzat (mal-għoti tad-decree absolute), ħlief f'każijiet fejn ikun hemm ordni għal manteniment konjugali bħala parti mill-proċedimenti tad-divorzju.  Barra minn hekk, kwalunkwe dmir relatat ma' ordni ġudizzjarja eżistenti (pereżempju dwar il-manteniment konjugali) jibqa' attiv, u jista' jkun possibbli li ordni eżistenti tvarja f'data futura jekk ikun hemm bidliet sinifikanti għar-raġunijiet li l-ordni oriġinali tal-qorti tkun ibbażata fuqhom.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Fl-Ingilterra u Wales, is-"separazzjoni legali" hija magħrufa bħala "Separazzjoni Ġudizzjarja". Meta l-qorti tagħti din l-ordni ma jibqax ikun hemm aspettazzjonijiet li l-konjuġi li jkun talab l-ordni jkompli jgħix mar-raġel jew il-mara tiegħu. Madankollu, ma jkunx jista' jerġa' jiżżewweġ. Effettivament, is-separazzjoni ġudizzjarja hija għażla għal miżżewġin li ż-żwieġ tagħhom ikun tfarrak imma li ma jkunux jixtiequ jerġgħu jiżżewġu. Rikorrent f'każ ta' separazzjoni ġudizzjarja mhux mistenni juri li ż-żwieġ tiegħu tfarrak b'mod irrimedjabbli. Huwa possibbli li titlob ordni għal divorzju wara li jingħata ordni għal separazzjoni ġudizzjarja.

Sħab irreġistrati jistgħu jitolbu ordni ta' separazzjoni, li jkollha preċiżament l-istess effett.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Ir-rikorrent irid jipprovdi provi ta' fatt wieħed jew iktar meħtieġa biex juru t-tifrik taż-żwieġ, u, kuntrarjament għal dawk li jitolbu d-divorzju, ma għandux għalfejn jistenna sena mid-data taż-żwieġ biex jibda l-proċeduri.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Jekk parti f'separazzjoni ġudizzjarja tmut mingħajr ma tkun għamlet testment, il-proprjetà tagħha titqassam skont ir-regoli ab intestato u digriet ta' separazzjoni ġudizzjarja jkollu l-istess effett bħal divorzju. Għalhekk, l-ebda wieħed mill-konjuġi ma jista' jkollu l-ebda dritt fuq il-proprjetà tal-parti intestata.  Jekk parti f'separazzjoni ġudizzjarja tmut b'testment, is-separazzjoni ġudizzjarja ma jkollha l-ebda effett fuq l-intitolament skont dak it-testment meta, pereżempju, il-parti separata superstiti tkun nominata bħala benefiċjarju fit-testment.

L-istess dispożizzjonijiet għall-qsim tal-proprjetà li japplikaw għad-divorzju japplikaw ukoll għas-separazzjoni ġudizzjarja.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Hemm żewġ forom ta' annullament taż-żwieġ. Iż-żwieġ jista' jew jiġi ddikjarat "null", li jfisser li ż-żwieġ qatt ma kien validu u qatt ma eżista. F'ċirkostanzi differenti, iż-żwieġ jista' jkun "annullabbli", li jfisser li wieħed mill-miżżewġin jista' jitlob li ż-żwieġ jiġi ddikjarat invalidu. Huwa possibbli li ż-żwieġ ikompli jekk il-miżżewġin ikunu kuntenti hekk.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Żwieġ ikun null u invalidu jekk:

  • ma jkunx jissodisfa t-termini tal-Atti tal-1949 u tal-1986 dwar iż-Żwieġ billi:
    • il-partijiet ikunu relatati mill-qrib wisq.
    • Kull waħda mill-partijiet tkun taħt l-età ta' sittax-il sena.
    • Il-formalitajiet neċessarji għaż-żwieġ ma ġewx issodisfati.
  • Fil-mument taż-żwieġ waħda mill-partijiet kienet diġà legalment miżżewġa jew kienet sieħba rreġistrata.
  • F'każ ta' żwieġ poligamu konkluż barra mill-Ingilterra u Wales, fejn wieħed mill-konjuġi jkun domiċiljat fl-Ingilterra u Wales fil-mument taż-żwieġ.

Żwieġ huwa annullabbli fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  • Li ż-żwieġ ma jkunx ġie kkonsmat minħabba l-inkapaċità ta' wieħed mill-miżżewġin li jikkunsmah. Dan japplika biss għal żwiġijiet bejn persuni ta' sess oppost.
  • Li ż-żwieġ ma jkunx ġie kkonsmat minħabba li l-intimat volontarjament jirrifjuta li jikkunsmah. Dan japplika biss għal żwiġijiet bejn persuni ta' sess oppost.
  • Li wieħed mill-miżżewġin ma jkunx ta l-kunsens għaż-żwieġ kif suppost, minħabba li kien taħt pressjoni u kien sfurzat jaqbel, kellu żball dwar l-effetti legali taż-żwieġ, jew ma kienx mentalment kapaċi japprezza l-effetti tad-deċiżjoni li jiżżewweġ.
  • Li fil-mument taż-żwieġ wieħed mill-miżżewġin kien ibati minn mard mentali tat-tip li jagħmluh inkapaċi li jiżżewweġ jew minn mard trażmess sesswalment f'forma li tittieħed u r-rikorrent ma kienx jaf b'dan il-fatt f'dak il-mument.
  • Li fil-mument taż-żwieġ l-intimata kienet tqila b'wild xi ħadd li mhux ir-rikorrent u r-rikorrent ma kienx jaf b'dan il-fatt f'dak il-mument.
  • Li wara l-mument taż-żwieġ ikun inħareġ Ċertifikat interim ta' Rikonoxximent tal-Ġeneru lil kull parti.
  • Li l-intimat ikun persuna li l-ġeneru tiegħu fil-mument taż-żwieġ ikun dak akkwiżit skont l-Att tal-2004 dwar ir-Rikonoxximent tal-Ġeneru u r-rikorrent ma kienx jaf b'dan il-fatt f'dak il-mument.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Jekk iż-żwieġ ikun null ikun kompletament invalidu u jiġi ttrattat daqslikieku qatt ma eżista. Dan ma jaffettwax l-istatus tat-tfal.

Jekk żwieġ ikun annullabbli jiġi ttrattat daqslikieku kien invalidu mid-data li fiha l-ordni ta' annullament taż-żwieġ issir assoluta. Iż-żwieġ jitqies li kien jeżisti sa dak il-mument.

Kemm f'każ ta' żwieġ null u kemm f'każ ta' żwieġ annullabbli, il-qorti tista' tagħmel arranġamenti għall-qsim tal-proprjetà bl-istess mod bħal fil-każ ta' divorzju.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Il-Gvern iħeġġeġ l-użu tal-medjazzjoni tal-familja biex isolvi tilwim f'każijiet xierqa. Il-medjazzjoni tista' tkun xierqa għal tilwim relatat mat-tfal u anke għal tilwim li jikkonċerna l-proprjetà u l-finanzi. F'xi oqsma l-uffiċjali tas-Servizz ta' Appoġġ u Konsulenza tal-Qorti tal-Familja u tat-Tfal Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaCAFCASS (l-Ingilterra) jew Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaCAFCASS Cymru (Wales) jipprovdu faċilitajiet għas-soluzzjoni għat-tilwim li jirrigwardaw lit-tfal fil-qorti. Il-qorti tista' taġġorna kawża biex isir tentattiv li t-tilwima tissolva b'dan il-mod.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ir-rikors għat-talba jista' jsir fi kwalunkwe lok tal-Qorti tal-Familja u jridu juri jekk ir-rikors hux għal divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament. Id-dettalji għall-qrati u l-forom neċessarji jinsabu fis-sit tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaMinisteru tal-Ġustizzja.

Normalment ikun irid isir ħlas mal-preżentata tar-rikors, imma hemm eżenzjonijiet għal dawk li jirċievu benefiċċju mill-istat jew li jkunu jistgħu juru li l-ħlas tat-tariffa jikkawżalhom diffikultajiet żejda. Iktar dettalji dwar dan jinsabu fis-sit tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaMinisteru tal-Ġustizzja.

Parti għand tuża l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaformola għal talba (D8) u tibagħtu fi:

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

L-għajnuna legali ma tkunx normalment disponibbli għad-divorzju jew għal tilwim relatat ma' tfal u tilwim relatat mal-proprjetà sakemm ma jkunx hemm vjolenza domestika. F'dak il-każ ikun hemm ukoll test tal-mezzi u tal-merti.  Għal iktar informazzjoni żur is-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidasit tal-Gvern.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Meta jingħataw miżuri provviżorji, huwa possibbli li wieħed mill-miżżewġin jippreżenta rikors il-qorti biex iressaq provi għalfejn dawn ma għandhomx isiru finali. Il-qorti tista' jew twarrabha, tordna li ssir finali, tordna li jsiru inkjesti ulterjuri jew tittratta l-kawża b'mod ieħor li tħoss li jkun l-aħjar.

Wara ordni finali, ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jistax ikun hemm appelli ulterjuri.

Mhux possibbli li tappella minn ordni għal separazzjoni ġudizzjarja imma jista' jkun possibbli li tibdlu jekk iż-żewġ partijiet jaqblu.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li deċiżjoni li twassal għal divorzju, separazzjoni legali (separazzjoni ġudizzjarja) jew annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru tista' tkun rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor. Id-dokumenti meħtieġa jistgħu jinkisbu mill-qorti li tkun għamlet l-ordni u għandhom jiġu ppreżentati lill-Qorti Superjuri (High Court).

Dan ir-Regolament ma jaffettwax kwistjonijiet ta' ħtija, konsegwenzi taż-żwieġ fuq il-proprjetà, manteniment jew kwistjonijiet anċillari oħrajn. Irid ikun hemm rabta reali bejn il-parti kkonċernata u l-Istat Membru li jkun qed jeżerċita l-ġuriżdizzjoni.

Ir-rikonoxximent jista' jkun miċħud jekk id-deċiżjoni tmur kontra l-ordni pubbliku, jekk tingħata f'kontumaċja, jekk l-intimat ma jkunx ġie nnotifikat bid-dokumenti rilevanti fil-ħin, jew jekk tkun irrikonċiljabbli ma' sentenza fi proċedimenti bejn l-istess partijiet fl-Ingilterra u Wales, jew tkun irrikonċiljabbli ma' sentenza preċedenti f'pajjiżi ieħor, sakemm is-sentenza preċedenti tkun tista' tiġi rikonoxxuta fl-Ingilterra u Wales.

Kull parti interessata tista' titlob deċiżjoni biex is-sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta. Il-Qorti Superjuri (High Court) tista' twaqqaf il-proċedimenti jekk jiġi ppreżentat appell kontra s-sentenza li jkun qed jintalab ir-rikonoxximent tagħha.

Jekk id-deċiżjoni ma tkunx tista' tiġi rikonoxxuta skont dan ir-Regolament, l-arranġamenti għar-rikonoxximent tad-divorzji miksuba f'pajjiżi oħra jinsabu fl-Att tal-1986 dwar il-Liġi tal-Familja. L-Artikolu 46 tiegħu jistipula li:

  • Il-validità ta' divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja miksuba f'pajjiż ieħor permezz ta' proċedimenti tkun rikonoxxuta jekk:
    • id-divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja tkun effettiva skont il-liġi tal-pajjiż fejn inkisbet; u
    • fid-data rilevanti (jiġifieri fid-data meta bdew il-proċedimenti għall-ksib tad-divorzju) tal-inqas waħda mill-partijiet fiż-żwieġ
      • kienet residenti abitwali fil-pajjiż fejn inkiseb id-divorzju, l-annullament jew is-separazzjoni ġudizzjarja; jew
      • kienet domiċiljata f'dak il-pajjiż; jew
      • kienet ċittadina ta' dak il-pajjiż.
  • Il-validità ta' divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja miksuba f'pajjiż ieħor imma mhux permezz ta' proċedimenti tkun rikonoxxuta jekk -
    • id-divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja tkun effettiva skont il-liġi tal-pajjiż fejn inkisbet;
    • fid-data rilevanti (jiġifieri fid-data meta nkiseb id-divorzju) -
      • kull parti fiż-żwieġ kienet domiċiljata f'dak il-pajjiż; jew
      • kull parti fiż-żwieġ kienet domiċiljata f'dak il-pajjiż u l-parti l-oħra kienet domiċiljata f'pajjiż li skont il-liġi tiegħu d-divorzju, l-annullament jew is-separazzjoni ġudizzjarja tkun rikonoxxuta bħala valida; u
  • L-ebda parti fiż-żwieġ ma kienet residenti abitwali fir-Renju Unit tul il-perjodu ta' sena li tippreċedi minnufih dik id-data.

Kull persuna tista' titlob lill-qorti għal dikjarazzjoni li divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja miksuba barra mill-Ingilterra u Wales għandha tkun rikonoxxuta fl-Ingilterrra u Wales. Il-qorti tista' tittratta t-talba sakemm ir-rikorrent

  • ikun domiċiljat l-Ingilterra jew Wales fid-data ta' meta nfetħu l-proċedimenti; jew
  • kien residenti abitwali fl-Ingilterra jew Wales tul il-perjodu ta' sena li jintemm b'dik id-data.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Kull persuna, suġġetta għall-kundizzjonijiet spjegati iktar 'il fuq, tista' titlob lill-Qorti tal-Familja għal dikjarazzjoni li divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja ma għandhiex tkun rikonoxxuta fl-Ingilterrra u Wales.

Talbiet għal rikonoxximent skont ir-Regolament KE jridu jsiru lill-Qorti Superjuri (High Court). Ir-rikorrent irid jinforma lill-intimat bir-rikors biex jagħtih il-possibilità li jopponi r-rikonoxximent tad-deċiżjoni billi jibgħat il-karti, sakemm il-qorti ma tiddeċidix li l-intimat ikun aċċetta s-sentenza b'mod inekwivoku.

Ir-Regolament jgħid li kull parti interessata tista' titlob deċiżjoni biex is-sentenza tkun jew ma tkunx rikonoxxuta. Il-Qorti Superjuri (High Court) tista' twaqqaf il-proċedimenti jekk jiġi ppreżentat appell mis-sentenza li jkun qed jintalab ir-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru fejn tkun saret is-sentenza.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-qrati fl-Ingilterra u Wales japplikaw dejjem il-liġi tal-Ingilterra u Wales fil-kawżi li jinstemgħu quddiemhom. Il-qrati għandhom il-ġuriżdizzjoni biex jittrattaw divorzju, anke jekk iż-żwieġ ikun seħħ f'pajjiż ieħor, jekk tal-inqas waħda mill-partijiet fiż-żwieġ:

  • tkun domiċiljata l-Ingilterra jew Wales fid-data ta' meta nfetħu l-proċedimenti; jew
  • kienet residenti abitwali fl-Ingilterra jew Wales tul il-perjodu ta' sena li jintemm b'dik id-data.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaId-divorzju, is-separazzjoni u tifrik ta' relazzjoni

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaGħajnuna Legali

L-aħħar aġġornament: 20/02/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Divorzju - L-Irlanda ta’ fuq

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Fl-Irlanda ta’ Fuq il-liġi dwar id-divorzju hija stabbilita fil-Matrimonial Causes (Northern Ireland) Order 1978 (iktar 'il quddiem "l-Ordni tal-1978").

Ir-raġel jew il-mara jista’ jikseb id-divorzju bil-preżentazzjoni ta' talba bil-miktub (imsejħa petition) quddiem il-qorti. Il-persuna li tapplika għad-divorzju tissejjaħ petizzjonant u l-parti l-oħra tissejjaħ l-intimat. Il-petizzjonant irid jipprova li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment u jipprovdi evidenza ta’ wieħed minn ħames fatti (ara l-mistoqsija 2 hawn taħt). Il-petition għal divorzju ma tistax tiġi ppreżentata matul l-ewwel sentejn taż-żwieġ. Madankollu, l-evidenza minn dak il-perjodu ta’ sentejn tista' tintuża bħala prova li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

L-uniku bażi għal divorzju hija l-ħsara irrimedjabbli taż-żwieġ. B’mod ġenerali, sabiex jiġi ppruvat li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment il-petizzjonant għandu jistabbilixxi wieħed jew aktar minn dawn il-fatti li ġejjin:

li l-intimat wettaq adulterju. Dan il-fatt ma jistax jiġi invokat jekk, wara li l-petizzjonant isir jaf bl-adulterju, huwa jibqa’ jgħix mal-intimat għal perjodu li jaqbeż, jew perjodi flimkien ta' aktar minn 6 xhur;

  • li l-intimat kien aġixxa b’mod li l-petizzjonant ma jistax ikun raġonevolment mistenni li jkompli jgħix miegħu jew magħha. Dan il-fatt ma jistax jiġi invokat jekk il-partijiet komplew jgħixu flimkien għal 6 xhur jew aktar wara l-aħħar inċident ta’ mġiba mhux raġonevoli;
  • li l-intimat kien abbanduna l-applikant għal perjodu kontinwu ta’ sentejn immedjatament qabel il-preżentazzjoni ta’ din il-petition;
  • li l-partijiet għexu separati minn xulxin għal perjodu kontinwu ta’ sentejn immedjatament qabel il-preżentazzjoni tal-petition u l-intimat taqbel mal-għoti ta' divorzju;
  • li l-partijiet kienu għexu separati għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin immedjatament qabel il-preżentazzjoni ta’ din il-petition; Il-kunsens tal-intimat mhuwiex meħtieġ u huwa jista' jopponi divorzju abbażi li dan jirriżulta fi tbatija finanzjarja jew ta’ xort’ oħra gravi.

Fil-kunsiderazzjoni dwar jekk l-intimat ikun abbanduna l-petizzjonant jew jekk il-partijiet għexux separatament għal perjodu kontinwu, ma jittieħidx inkunsiderazzjoni kull perjodu (ta’ mhux aktar minn 6 xhur b’kollox) li l-partijiet ikunu reġgħu bdew jgħixu flimkien. Madankollu, kull perjodu tali ma jgħoddx bħala parti mill-perjodu ta’ diżerzjoni jew separazzjoni.

Jekk il-qorti tkun konvinta fuq l-evidenza li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment, hija tagħti decree nisi (l-ordni tal-qorti li jwassal għal divorzju).

Il-proċess għad-divorzju jintemm meta d-decree nisi jsir definittiv. It-talba sabiex id-decree nisi jsir definittiv tista’ ssir sitt ġimgħat u ġurnata wara d-data tad-decree nisi. Jekk ma tkunx saret talba fi żmien 12-il xahar mid-decree nisi, il-petizzjonant jista’ jintalab li jippreżenta dikjarazzjoni taħt ġurament (affidavit) li jispjega dan id-dewmien. F’ċerti ċirkostanzi, l-intimat jista’ jitlob li din id-deċiżjoni issir definittiva. Il-partijiet ma jistgħux jiżżewġu mill-ġdid sakemm ma jkunu ingħataw deċiżjoni definittiva.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Ma hemmx regoli partikolari li jirregolaw ir-relazzjonijiet wara d-divorzju. Madankollu, il-partijiet ma jkunux mistennija aktar li jgħixu flimkien u, jekk il-mara adottat il-kunjom ta’ żewġha, hija tista’ tiddeċiedi li teqleb lura għall-kunjom ta’ meta kienet xebba.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

L-Ordni tal-1978 jinkludi dispożizzjonijiet b’firxa wiesgħa li jippermettu lill-qorti li tittratta l-proprjetà tal-partijiet u tirregola l-arranġamenti finanzjarji tagħhom, kemm f’relazzjoni ma’ xulxin jew mat-tfal tal-familja.

Il-qorti tista’, meta tagħti deċiżjoni ta’ divorzju, jew wara, tagħmel waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

  • tordna ħlasijiet perjodiċi;
  • tordna l-ħlas ta' somma f’daqqa;
  • tordna t-tqassim tal-beni;
  • tordna l-qsim ta' drittijiet tal-pensjoni jew l-allokazzjoni ta’ fondi tal-pensjoni.

Qabel ma toħroġ ordni, il-qorti tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Madankollu, l-ewwel kunsiderazzjoni tagħha jkun il-benesseri ta’ kull wild tal-familja ta' inqas minn 18-il sena.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Wara d-divorzju, iż-żewġ ġenituri jkomplu jeżerċitaw is-setgħa tal-ġenituri għall-uliedhom li jirriżultaw miż-żwieġ u jkollhom id-dmir ta' manteniment tal-ulied minuri tal-familja.

Jekk hemm tifel jew tifla minorenni (taħt is-16-il sena) jew tifel/tifla ta’ aktar minn 16 li qedha tistudja jew qedha titħarreġ għal kummerċ, professjoni jew vokazzjoni, il-petizzjonant għandu jimla formularju (M4) li jindika l-arranġamenti għal dan il-wild. Il-formolarju jinkoraġġixxi lill-partijiet biex jiftehmu dwar l-edukazzjoni tal-minuri u l-futur tiegħu. Madankollu, jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim, l-intimat ikollu l-opportunità li jikkummenta dwar l-arranġamenti proposti u l-qorti tista’ teżerċita s-setgħat tagħha skont il-liġi tal-1995 dwar it-tfal [Children (Northern Ireland) Order 1995], pereżempju biex tiġi stabbilita r-residenza tal-minuri.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Id-dmir ta' manutenzjoni lejn il-konjuġi l-ieħor jispiċċa f’divorzju, sakemm il-qorti ma tagħtix ordni ta’ ħlas jew tordna d-diviżjoni/l-likwidazzjoni tal-beni.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Tista' tiġi ppreżentata petition għal separazzjoni ġudizzjarja jekk iż-żwieġ ikun spiċċa iżda, għal xi raġuni jew oħra, il-petizzjonant ma jridx jikseb divorzju. Jekk il-petizzjonant jikseb deċiżjoni ta' separazzjoni legali mhuwiex meħtieġ jibqa' jgħix mal-konjuġi tiegħu. Madankollu, ma jkunx jista’ jerġa’ jiżżewweġ. Huwa possibbli li wieħed jagħmel rikors għal divorzju wara li tkun ingħatat deċiżjoni ta' separazzjoni legali.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Fuq il-preżentazzjoni ta’ rikors għal separazzjoni ġudizzjarja, mhemmx bżonn li wieħed juri li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Il-konjuġi ma jkunux mistennija li jgħixu flimkien. Meta deċiżjoni ta' separazzjoni legali tkun fis-seħħ u wieħed mill-konjuġi jmut mingħajr ma jkun għamel testment (ab intestato), il-proprjetà tiegħu titqassam bħallikieku l-konjuġi l-ieħor kien diġà miet u kull benefiċċju li huwa kien jirċievi jintilef. F’dak li għandu x’jaqsam mad-diviżjoni/mal-likwidazzjoni ta’ beni, il-kompetenzi tal-qorti huma ġeneralment l-istess dwar is-separazzjoni legali għal dawk tad-divorzju. Madankollu, il-qorti ma tistax tordna l-qsim ta' drittijiet tal-pensjoni.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Jingħata digriet ta’ nullità jekk il-petizzjonant jipprova li ż-żwieġ huwa null jew annullabbli. Żwieġ null huwa wieħed li qatt ma kellu jiġi ċċelebrat u li huwa meqjus bħala li qatt ma kellu status legali. Żwieġ annullabbli huwa rikonoxxut u jkompli sakemm jiġi annullat.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Iż-żwieġ huwa null u invalidu jekk wieħed mill-fatti li ġejjin jiġi ppruvat:

  • il-partijiet għandhom rabta ta' parantela viċina wisq;
  • wieħed mill-partijiet għandu inqas minn sittax-il sena;
  • iż-żwieġ ma ġiex iċċelebrat skont il-formalitajiet neċessarji;
  • fil-mument taż-żwieġ, waħda mill-partijiet kienet diġà miżżewġa legalment;
  • il-konjuġi mhumiex ta’ sess differenti (raġel u mara);
  • fil-każ ta’ żwieġ poligamu konkluż barra mill-Irlanda ta’ Fuq, wieħed mill-konjuġi kien residenti fl-Irlanda ta’ Fuq fil-mument taż-żwieġ.

Iż-żwieġ huwa annullabbli jekk wieħed mill-fatti li ġejjin jiġi ppruvat:

  • ma ġiex ikkunsmat minħabba l-inkapaċità ta’ wieħed mill-konjuġi;
  • wieħed mill-konjuġi jkun irrifjuta li jikkunsmah;
  • wieħed mill-konjuġi ma tax validament il-kunsens tiegħu għaż-żwieġ (pereżempju minħabba li kien taħt pressjoni u kien sfurzat jaċċetta ż-żwieġ jew kien żbalja dwar in-natura taċ-ċerimonja);
  • fid-data taż-żwieġ, wieħed mill-konjuġi kien qiegħed isofri minn mard mentali;
  • fid-data taż-żwieġ, wieħed mill-konjuġi kien qiegħed isofri minn mard sesswalment trażmissibbli;
  • fid-data taż-żwieġ, il-mara kienet tqila minn raġel differenti minn żewġha.

Talba għal annullament ibbażata fuq wieħed mill-aħħar erba' motivi għandha tiġi ppreżentata fi żmien tliet snin taż-żwieġ. Madankollu, il-qorti tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tippermetti perjodu ta' żmien supplementarju.

Jekk it-talba hija bbażata fuq l-aħħar żewġ motivi, il-petizzjonant ikollu jipprova li, fil-mument taż-żwieġ, huwa ma kienx konxju bil-mard jew bit-tqala.

Il-qorti ma tannullax żwieġ annullabbli jekk l-intimat juri:

  • li l-petizzjonant kien jaf li ż-żwieġ seta' jiġi annullat, iżda aġixxa b’tali mod li ta lil-parti l-oħra x'taħseb b'mod raġonevoli li ma kienx ħa jitlob l-annullament; kif ukoll
  • li l-annullament ma kienx korrett.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Żwieġ null huwa assolutament bla effett u jitqies bħallikieku qatt ma eżista. Jekk żwieġ ikun annullabbli jitqies bħala invalidu mid-data li fiha d-deċiżjoni ta'annullament issir definittiva.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Hemm għadd ta’ aġenziji fl-Irlanda ta’ Fuq li jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni (pereżempju Relate). Il-medjazzjoni tista’ tgħinek bil-prattikalitajiet ta’ divorzju, inklużi l-arranġamenti finanzjarji u l-kwistjonijiet parentali.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Il-petizzjonijiet għal divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament ta’ żwieġ jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-High Court jew qorti tal-kontea għad-divorzju (county court). Madankollu, jekk l-intimat jirrispondi għal petizzjoni mressqa f’qorti tal-kontea, il-kwistjoni tiġi rrinvijata lill-High Court.

L-indirizzi u n-numri tat-telefown tal-qrati huma disponibbli fuq is-sit web tas-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaServizz Ġudizzjarju tal-Irlanda ta' Fuq (Northern Ireland Courts and Tribunals Service).

Sabiex jinbdew il-proċeduri, inti trid tibgħat sett ta’ formularji lill-qorti rilevanti flimkien ma’:

  • l-att oriġinali taż-żwieġ tiegħek (mhux fotokopja), akkumpanjat minn traduzzjoni attestata u affidavit legali jekk iż-żwieġ sar barra mill-Irlanda ta’ Fuq;
  • l-att oriġinali tat-twelid ta’ kull tifel/tifla tal-familja taħt l-età ta’ 18-il sena (dan għandu jkun f’forma twila, li jistabbilixxi d-dettalji kollha tal-ġenituri u l-wild);
  • kopja ta’ kull ordni tal-qorti msemmi fil-petizzjoni;
  • il-kopja oriġinali, flimkien ma’ żewġ kopji, ta’ kull ftehim (pereż. finanzjarju) li għandu jsir ordni tal-qorti; kif ukoll
  • il-miżata tal-qorti (ir-reġistru jkun jista’ jagħti informazzjoni dwar il-miżata attwali).

Ir-reġistru jkun jista’ jipprovdi kopji tal-formularji u jispjega kif jistgħu jiġu mimlija. Madankollu, il-persunal tar-reġistru ma jistax jagħti pariri legali jew jgħidlek x’għandu jingħad.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Inti intitolat li tapplika għall-għajnuna legali. Madankollu, l-għoti ta' assistenza finanzjarja prevista (jekk applikabbli) huwa suġġett għal valutazzjoni tal-mezzi finanzjarji. Anki jekk inti tiġi rikonoxxut bħala finanzjarjament eliġibbli, jista’ jkollok tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja lejn l-ispejjeż. Bi ftehim, din il-kontribuzzjoni tista’ titħallas lura lid-Dipartiment tal-Għajnuna Legali (Legal Aid Department) fuq perjodu ta’ żmien. Minbarra l-kriterji ta’ eliġibbiltà finanzjarja inti trid tissodisfa wkoll it-test tal-merti, jiġifieri għandu jkun hemm raġunijiet raġonevoli għall-bidu tal-proċeduri, jew għad-difiża tiegħek fil-proċeduri u jrid ikun raġonevoli li tingħata l-għajnuna legali.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Deċiżjoni definittiva għall-ħall jew l-annullament taż-żwieġ ma tistax tiġi appellata jekk il-parti leża kellha l-possibbiltà li tappella mid-decree nisi, iżda ma għamlitx dan. Barra minn dan, ma jistax isir appell minn deċiżjoni mogħtija bil-kunsens tal-partijiet ħlief bl-approvazzjoni tal-imħallef. Il-qorti tal-appell għandha firxa ta’ setgħat għad-dispożizzjoni tagħha u tista’ tikkonferma, tannulla jew timmodifika d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 ("ir-Regolament") jipprevedi li deċiżjoni dwar divorzju, separazzjoni legali jew annullament ta’ żwieġ mogħtija fi Stat Membru għandha tkun rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali (ħlief dik stipulata fir-Regolament innifsu).

Kull parti interessata tista’ titlob biex id-deċiżjoni tiġi rikonoxxuta u li r-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent ikunu strettament limitati (pereżempju, ir-rikonoxximent jista’ jiġi rrifjutat jekk id-deċiżjoni tkun kuntrarja għall-ordni pubbliku).

Talba għal rikonoxximent għandha ssir quddiem l-High Court fl-Irlanda ta’ Fuq.

Jekk ir-Regolament mhuwiex applikabbli, id-deċiżjoni tista’ tiġi koperta mill-Artikolu 46 tal-liġi dwar il-familja tal-1986, li jistipula l-kundizzjonijiet ġenerali għar-rikonoxximent ta' deċiżjonijiet dwar divorzju, separazzjoni legali jew annullament mogħtija barra mill-pajjiż.

Kull talba għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar divorzju, separazzjoni jew annullament mogħtija barra mill-pajjiż għandha issir quddiem il-High Court. It-talba ssir permezz ta’ petizzjoni, li jiġi anness magħha kopja tad-deċiżjoni ta' divorzju, separazzjoni jew annullament.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Billi l-High Court tittratta r-rikonoxximent ta’ divorzju, separazzjoni jew annullament (kemm skont ir-Regolament u l-liġi tal-familja tal-1986), kull oġġezzjoni għall-proposta ta’ rikonoxximent tiġi ttrattata wkoll f’dik il-qorti. Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent huma stabbiliti fl-Artikolu 15 tar-Regolament u fl-Artikolu 51 tal-liġi tal-familja tal-1986.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Jekk il-qorti fl-Irlanda ta’ Fuq tiddeċiedi li għandha ġurisdizzjoni sabiex tittratta divorzju, separazzjoni jew annullament, hija tapplika l-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq.

Il-qorti fl-Irlanda ta’ Fuq ikollha ġurisdizzjoni li titratta divorzju jew separazzjoni legali (anki jekk iż-żwieġ sar barra mill-pajjiż) jekk -

  • il-qorti għandha ġurisdizzjoni skont ir-Regolament; jew
  • l-ebda qorti ta’ Stat kontraenti (jiġifieri Stat li kien parti oriġinali għar-regolament jew Stat li minn dak iż-żmien adottah) ma jkollha ġurisdizzjoni skont ir-regolament u waħda mill-partijiet fiż-żwieġ tkun domiċiljata fl-Irlanda ta’ Fuq meta jkunu bdew il-proċeduri.

Il-qorti fl-Irlanda ta’ Fuq ikollha ġurisdizzjoni li titratta proċeduri għall-annullament ta' żwieġ (anki jekk iż-żwieġ sar barra mill-pajjiż), jekk -

  • il-qorti għandha ġurisdizzjoni skont ir-regolament; jew
  • l-ebda qorti ta’ Stat Kontraenti ma għandha ġurisdizzjoni skont ir-regolament u waħda mill-partijiet fiż-żwieġ -
  • hija domiċiljata fl-Irlanda ta' Fuq fid-data ta' bidu tal-proċeduri; jew
  • tkun mietet qabel dik id-data u kienet jew iddomiċiljata fl-Irlanda ta’ Fuq meta mietet jew kienet residenti abitwali fl-Irlanda ta’ Fuq matul il-perjodu ta’ sena li jippreċedi d-data tal-mewt tagħha.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaServizz Ġudizzjarju tal-Irlanda ta' Fuq

L-aħħar aġġornament: 08/01/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Divorzju - Ġibiltà

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-konjuġi jagħmel talba bil-miktub (petition) lill-qorti kompetenti.  Ir-rikorsi għad-divorzju jiġu ttrattati mill-Qorti Suprema (Supreme Court) u l-konjuġi jridu jressqu l-każ tagħhom quddiem dik il-qorti għad-divorzju tagħhom. Ir-rikorrent irid jipprova li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment u għandu jipprovdi evidenza ta’ wieħed mill-ħames fatti elenkati hawn taħt.

Ebda rikors għal divorzju ma jista’ jiġi ppreżentat fi żmien tliet snin mid-data taż-żwieġ. L-uniċi eċċezzjonijiet għal din ir-regola huma meta r-rikorrent ikun sofra tbatija eċċezzjonali, jew il-konvenut ikun wera tħassir morali eċċezzjonali, jew fejn ir-rikorrent kellu anqas minn 16-il sena fid-data taż-żwieġ.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

L-unika raġuni għal divorzju huwa t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ. Sabiex jipprova li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment, huwa meħtieġ li titressaq evidenza ta’ "fatt" konjugali wieħed jew aktar kif ġej:

  • li l-konjuġi l-ieħor wettaq adulterju u li r-rikorrent iqis li huwa intollerabbli li jgħix miegħu jew magħha;
  • l-imġiba mhux raġonevoli, li jfisser li l-konjuġi l-ieħor aġixxa b’mod li r-rikorrent ma jistax raġonevolment jiġi mistenni li jkompli jgħix miegħu jew magħha;
  • l-abbandun, li jfisser li l-konjuġi l-ieħor ikun telaq lir-rikorrent għal perjodu ta’ sentejn qabel ir-rikors għal divorzju;
  • is-separazzjoni tal-partijiet għal perjodu ta’ sentejn qabel ir-rikors għal divorzju (bil-kunsens tal-konjuġi l-ieħor);
  • is-separazzjoni għal perjodu ta’ ħames snin qabel ir-rikors għal divorzju (mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor).

Il-qorti tivverifika sa fejn huwa possibbli l-fatti allegati mir-rikorrent u kull fatt allegat mill-konjuġi l-ieħor (intimat). Jekk il-qorti tkun konvinta dwar l-evidenza li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment, jingħata digriet ta’ divorzju minn imħallef tal-Qorti Suprema, sakemm il-qorti tkun sodisfatta bl-arranġamenti rigward it-tfal tal-partijiet li jkunu qegħdin jiddivorzjaw.

Jekk il-qorti tkun sodisfatta li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment, hija l-ewwel tagħti deċiżjoni provviżorja ta' divorzju (decree nisi). Wara perjodu ta’ sitt ġimgħat tista’ issir talba mill-parti li talbet id-divorzju, sabiex tikseb deċiżjoni finali ta' divorzju (decree absolute). Ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-liġi ma tipprevedix terminu għat-tressiq ta' din it-talba.

Madankollu, jekk it-talba ta’ deċiżjoni finali ssir aktar minn 12-il xahar wara d-decree nisi, il-parti attriċi tkun meħtieġa tippreżenta magħha spjegazzjoni bil-miktub:

  • billi tagħti r-raġunijiet għal dan id-dewmien;
  • billi tiddikjara jekk il-konjuġi għexux ma’ xulxin mill-għoti tad-decree nisi u, jekk iva, f'liema dati; kif ukoll
  • billi tindika jekk, bħala mara, hija wellditx xi tfal wara l-għoti tad-decree nisi u, jekk iva, billi tiddikjara l-fatti rilevanti u jekk huwa jew mhuwiex qiegħed jiġi allegat li t-tfal huma jew jistgħu jkunu t-tfal tar-raġel.

L-imħallef jista’ jitlob lill-parti attriċi sabiex tippreżenta dikjarazzjoni ġuramentata li tattesta l-ispjegazzjoni li hija tkun tat, u jista’ jagħti kull ordni dwar ir-rikors kif jidhirlu xieraq.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Iż-żwieġ jinħall b’tali mod li ma hemm l-ebda dmir ieħor ta' koabitazzjoni jew ta' tkomplija ta' kull relazzjoni personali ulterjuri sakemm il-partijiet ma jkunux jixtiequ dan. Il-partijiet huma liberi li jerġgħu jiżżewġu jekk ikunu jixtiequ. Huma jistgħu jagħżlu li jżommu kunjomhom ta' miżżewġin jew jerġgħu lura għal kunjomhom ta' qabel iż-żwieġ jekk jixtiequ.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Dan jiġi ddeterminat mill-qorti fis-smigħ tal-fatti ta’ kull każ. Anki meta jkun hemm ftehim bejn il-partijiet, il-qorti għandha s-setgħa b’mod ġenerali li tapprovah jew li temendah.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Jew qabel jew wara li l-Qorti Suprema tagħti d-deċiżjoni finali, hija għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar il-kustodja, il-manteniment u l-edukazzjoni tat-tfal taż-żwieġ jew anki tordna li jinbdew il-proċedimenti biex it-tfal jitqiegħdu taħt il-protezzjoni tal-Qorti. Il-Qorti Suprema ma tistax tagħti deċiżjoni definittiva ta’ divorzju sakemm ma tkunx issodisfatta li jkunu saru arranġamenti sodisfaċenti għat-tfal.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Fuq l-għoti ta' decree nisi għad-divorzju jew f'kull ħin sussegwenti, il-Qorti Suprema għandha s-setgħa li tordna li r-raġel iħallas lil martu, matul il-ħajja komuni tagħhom, tali somma kull xahar jew kull ġimgħa għall-manteniment u appoġġ tal-mara kif il-Qorti jidhrilha xieraq. L-intitolament tal-mara għal manteniment jieqaf ladarba hija terġa' tiżżewweġ iżda kull manteniment għat-tfal ta’ żwieġ ma jiġix affettwat minn żwieġ mill-ġdid tal-omm.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Skont il-liġi ta’ Ġibiltà, is-separazzjoni legali hija riferuta bħala “separazzjoni ġudizzjarja”. Meta jingħata tali ordni, ir-rikorrent ikun liberu li ma jgħixx aktar taħt l-istess saqaf bħall-konjuġi tiegħu. Madankollu, huwa ma jkunx jista' jerġa’ jiżżewweġ. Fil-fatt, is-separazzjoni ġudizzjarja hija għażla għal konjuġi li ż-żwieġ tagħhom tkisser iżda li ma jixtiqux jerġgħu jiżżewġu. Rikorrent għal separazzjoni ġudizzjarja mhuwiex obbligat jipprova li ż-żwieġ tiegħu jkun tkisser b’mod irrimedjabbli. Huwa possibbli li ssir talba għal ordni ta' divorzju wara li jingħata ordni ta’ separazzjoni ġudizzjarja.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Ir-rikorrent għandu jipprovdi evidenza ta’ wieħed jew aktar mill-fatti meħtieġa biex jiġi ppruvat ix-xoljiment taż-żwieġ, u, għall-kuntrarju għat-talba ta' divorzju, ma għandux għalfejn jistenna tliet snin mid-data taż-żwieġ biex jibda l-proċeduri.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Jekk parti f'separazzjoni ġudizzjarja tmut mingħajr ma tkun għamlet testment, il-proprjetà tagħha titqassam abbażi tar-regoli ta’ suċċessjoni ab intestato u deċiżjoni għal separazzjoni ġudizzjarja għandha l-istess effett bħal divorzju. Għalhekk, ebda konjuġi ma jkollu sussegwentement dritt ta’ proprjetà tal-parti ab intestato.  Madankollu, jekk parti f'separazzjoni ġudizzjarja tmut wara li tkun għamlet testment, is-separazzjoni ġudizzjarja ma jkollhiex effett fuq l-intitolament abbażi ta' dak it-testment meta, pereżempju, il-parti superstiti li tkun separata b'ordni tal-qorti tiġi nnominata bħala benefiċjarja abbażi ta' dak it-testment.

Fir-rigward tat-tqassim tal-beni, id-dispożizzjonijiet applikabbli għal divorzju jgħoddu wkoll għal separazzjoni ġudizzjarja.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Hemm żewġ forom ta’ annullament taż-żwieġ. Iż-żwieġ jista’ jiġi ddikjarat “null”, li jfisser li ż-żwieġ qatt ma kien validu u qatt ma eżista. F'ċerti ċirkustanzi, iż-żwieġ jista’ jiġi vvizzjat b'nullità relattiva (voidable marriage), li tfisser li wieħed mill-konjuġi jista’ jitlob sabiex iż-żwieġ jiġi ddikjarat bħala invalidu. Huwa possibbli li ż-żwieġ ikompli jekk iż-żewġ konjuġi jkunu kuntenti b'dan.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Żwieġ ikun null u invalidu jekk:

  • ma jissodisfax id-dispożizzjonijiet tal-Att taż-Żwieġ;
  • fil-mument taż-żwieġ waħda mill-partijiet kienet diġà miżżewġa legalment;
  • il-partijiet mhumiex ta’ sess differenti; parti waħda mill-konjuġi jrid ikun raġel u l-parti l-oħra trid tkun mara biex żwieġ ikun validu;
  • fil-każ ta’ żwieġ poligamu mwettaq barra minn Ġibiltà, fejn wieħed mill-konjuġi kien residenti f’Ġibiltà fil-mument taż-żwieġ.

Żwieġ huwa vvizzjat b'nullità relattiva meta:

  • iż-żwieġ ma ġiex ikkunsmat minħabba l-inkapaċità ta’ wieħed mill-konjuġi;
  • iż-żwieġ ma ġiex ikkunsmat minħabba r-rifjut intenzjonali tal-intimat;
  • wieħed mill-konjuġi ma jkunx ta il-kunsens liberu tiegħu għaż-żwieġ, minħabba li kien taħt pressjoni u kien mġiegħel jaqbel, kellu idea żbaljata dwar l-effetti legali taż-żwieġ, jew kien mentalment inkapaċi li japprezza l-effetti tad-deċiżjoni tiegħu li jiżżewweġ;
  • fid-data taż-żwieġ wieħed mill-konjuġi kien isofri minn mard mentali ta’ tip tali li tagħmlu mhux xieraq għal żwieġ jew minn mard sesswali li jittieħed, u r-rikorrent ma kienx konxju ta’ dan il-fatt f’dak iż-żmien;
  • fid-data taż-żwieġ il-konjuġi kienet tqila minn xi ħaddieħor li ma kienx ir-rikorrent u r-rikorrent ma kienx konxju ta’ dan il-fatt f’dak iż-żmien.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Ladarba tiġi ddikjarata n-nullità ta’ żwieġ, dan ikun null u bla effett. Madankollu, meta jkun hemm xi tfal minn dan iż-żwieġ, il-Qorti Suprema trid tkun issodisfata li jkunu saru arranġamenti xierqa. Jista' jsir provvediment għall-ħlas ta’ manteniment u għall-kustodja / manteniment tat-tfal.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Il-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà biss hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar id-divorzju. Madankollu, tista' tinkiseb xi assistenza soċjali permezz ta’ konsulenzi matrimonjali.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Suprema: Supreme Court Registry, 277 Main Street, Gibraltar.

It-talba ssir permezz ta’ rikors u għandha tkun sostnuta permezz ta' evidenza ġuramentata, inkluż kopja taċ-ċertifikat taż-żwieġ, kopji taċ-ċertifikati tat-twelid tat-tfal, u mir-raġunijiet għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament. Għandha ssir referenza wkoll għat-tfal taż-żwieġ u ċ-ċirkustanzi finanzjarji tar-rikorrent. Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mir-Reġistru tal-Qorti Suprema: Supreme Court Registry, 277 Main Street, Gibraltar, telefown (+ 350) 200 75608.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

L-għajnuna legali tista’ tinkiseb jekk il-kriterji rilevanti ta’ dħul jiġu sodisfatti. Il-formularji u aktar dettalji huma disponibbli mir-Reġistru tal-Qorti Suprema: Supreme Court Registry, 277 Main Street, Gibraltar.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Ir-revoka ta’ deċiżjoni ta’ divorzju jew annullament tista’ ssir f’kull ħin qabel ma d-deċiżjoni ssir definittiva. F’każ ta’ separazzjoni ġudizzjarja, f’ċerti ċirkustanzi, id-deċiżjoni tista’ tiġi annullata f'kull ħin wara l-għoti tagħha. L-ordnijiet dwar il-manteniment u l-kustodja u l-manteniment tat-tfal jistgħu jiġu riveduti wara li d-deċiżjoni ssir definittiva.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Ir-Regolament tal-Unjoni Ewropea (KE) Nru 2201/2003 jipprovdi li deċiżjoni li twassal għal divorzju, separazzjoni legali (separazzjoni ġudizzjarja) jew annullament ta’ żwieġ mogħtija fi Stat Membru wieħed tkun tista' tiġi rikonoxxuta fi Stati Membri oħra. Id-dokumenti meħtieġa jistgħu jinkisbu mill-qorti li ħarġet l-ordni u għandhom jitressqu quddiem il-Qorti Suprema.

Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kwistjonijiet ta’ tort, il-konsegwenzi tal-proprjetà fiż-żwieġ, il-manteniment jew xi kwistjonijiet anċillari oħra. Għandu jkun hemm rabta vera bejn il-parti kkonċernata u l-Istat Membru li jeżerċita l-ġuriżdizzjoni.

Ir-rikonoxximent jista’ jiġi rrifjutat jekk id-deċiżjoni tkun kuntrarja għall-ordni pubbliku, meta tingħata b’kontumaċja, jekk il-konvenut ma jkunx ġie notifikat b’dokumenti rilevanti fi żmien suffiċjenti, jew jekk tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi proċedimenti bejn l-istess partijiet f’Ġibiltà, jew jekk tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza preċedenti f’pajjiż ieħor, sakemm is-sentenza preċedenti tista' tiġi rikonoxxuta f’Ġibiltà.

Kull parti interessata tista' titlob għal deċiżjoni ta' rikonoxximent jew ta' nonrikonoxximent tas-sentenza. Il-Qorti Suprema tista’ tissospendi l-proċedimenti jekk ikun ġie preżentat appell mis-sentenza li tagħha qiegħed jintalab ir-rikonoxximent.

Jekk id-deċiżjoni ma tistax tiġi rikonoxxuta skont dan ir-Regolament l-arranġamenti għar-rikonoxximent ta’ divorzji miksuba barra mill-pajjiż huma previsti fl-Att dwar il-Kawżi Matrimonjali (Matrimonial Causes Act). Dan jipprovdi li:

Il-validità ta' divorzju jew separazzjoni legali miksuba barra mill-pajjiż permezz ta' proċedimenti ġudizzjarji għandha tkun rikonoxxuta jekk:

  • id-divorzju jew is-separazzjoni legali tkun effettiva skont il-liġi tal-pajjiż fejn inkisbet; kif ukoll
  • fid-data rilevanti (jiġifieri fid-data meta bdew il-proċeduri biex jinkiseb divorzju), parti fiż-żwieġ
    • kienet residenti abitwali fil-pajjiż fejn inkiseb id-divorzju jew is-separazzjoni ġudizzjarja; jew
    • kienet domiċiljata f'dak il-pajjiż; jew
    • kienet ċittadina ta' dak il-pajjiż.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Id-divorzji u s-separazzjonijiet legali f’pajjiżi oħra jkunu rikonoxxuti mil-liġi ta’ Ġibiltà jekk ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Jekk issir oġġezzjoni għar-rikonoxximent ta’ tali divorzju/separazzjoni legali, jista’ jkun minħabba li waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att dwar il-Kawżi Matrimonjali ma tkunx ġiet sodisfatta. Fit-tali każ, jista’ jkun xieraq li ssir talba lill-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà sabiex tinkiseb dikjarazzjoni li tikkonstata l-invalidità ta' divorzju / separazzjoni legali partikolari miksuba f’pajjiż ieħor.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-qrati f’Ġibiltà dejjem japplikaw il-liġi f’Ġibiltà għall-kawżi mressqa quddiemhom. Il-qrati jkollhom ġuriżdizzjoni biex jittrattaw każijiet ta' divorzju, anki jekk iż-żwieġ ikun sar barra mill-pajjiż, jekk xi waħda mill-partijiet fiż-żwieġ:

  • tkun domiċiljata f’Ġibiltà fid-data meta jinbdew il-proċedimenti; jew
  • kienet abitwalment residenti f’Ġibiltà matul il-perjodu ta’ sena li jintemm f’dik id-data.
L-aħħar aġġornament: 15/12/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.