Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ispanjol ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Divorzju u separazzjoni legali

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Minn mindu daħlet fis-seħħ ir-riforma bil-Liġi Nru 15/2005, sabiex jinkiseb divorzju fi Spanja ma hemmx rekwiżiti marbuta ma’ separazzjoni minn qabel jew raġunijiet stabbiliti mil-liġi, għaliex id-divorzju jista’ jiġi ordnat mill-awtorità ġudizzjarja direttament (id-divorzju jrid jingħata permezz ta’ sentenza tal-qorti finali).

Il-proċedimenti tad-divorzju jistgħu jinbdew fuq talba ta’ wieħed mill-konjuġi biss, mit-tnejn li huma jew minn wieħed minnhom bil-kunsens tal-ieħor. Għal sentenza ta’ divorzju jridu jiġu sodisfatti biss ir-rekwiżiti u ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

  1. Ikunu għaddew tliet xhur miż-żwieġ jekk id-divorzju jintalab miż-żewġ konjuġi flimkien jew minn wieħed minnhom bil-kunsens tal-ieħor.
  2. Ikunu għaddew tliet xhur miż-żwieġ jekk id-divorzju jintalab minn konjuġi wieħed biss.
  3. Ir-rikors għad-divorzju jista’ jsir mingħajr perjodu ta’ stennija wara ż-żwieġ fejn ikun hemm prova ta’ riskju għall-ħajja, l-integrità fiżika, il-libertà, l-integrità morali jew il-libertà sesswali u l-integrità tal-konjuġi li jagħmel it-talba jew it-tfal tal-partijiet jew ta’ xi ħadd minnhom.

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq isegwi li huwa biżżejjed għal konjuġi li ma jkunx jixtieq ikompli biż-żwieġ li jitlob id-divorzju u jiksbu mingħajr ma l-konvenut ikollu dritt jopponi għal raġunijiet materjali, meta jkun għadda l-perjodu msemmi hawn fuq u fl-aħħar każ anke mingħajr ma jistenna li jgħaddi dan il-perjodu.

Bħala alternattiva għad-divorzju, il-konjuġi jistgħu jagħżlu s-separazzjoni legali, li hija soġġetta għall-istess rekwiżiti għalkemm ir-rabta taż-żwieġ tibqa’ fis-seħħ. Dan ifisser illi l-koppja ma tibqax tgħix flimkien iżda ż-żwieġ ma jinħallx, għaliex dan jista’ jsir biss permezz ta’ sentenza ta’ divorzju.

Kif imsemmi aktar ’il fuq, iridu jitressqu l-proċedimenti għad-divorzju (u anke għas-separazzjoni legali):

  • fuq talba ta’ wieħed mill-konjuġi;
  • fuq talba taż-żewġ konjuġi jew ta’ wieħed minnhom bil-kunsens tal-ieħor.

Fl-ewwel każ, it-talba tiġi akkumpanjata minn proposta għall-miżuri li jirregolaw l-effetti tad-divorzju jew separazzjoni u li jiġu diskussi matul il-proċedimenti, u l-awtorità ġudizzjarja tiddeċiedi jekk il-konjuġi ma jilħqux ftehim.

Fit-tieni każ, il-konjuġi jistgħu jissottomettu Ftehim ta’ Soluzzjoni (convenio regulador) li jindika l-punti li fuqhom intlaħaq ftehim dwar il-miżuri li jeħtieġu jiġu adottati fir-rigward tad-dar matrimonjali, il-kura u l-manteniment tat-tfal, id-diviżjoni tal-propjetà konġunta u kull pagament ta’ manteniment bejn il-konjuġi. Il-proċedimenti jseħħu quddiem il-qrati, u l-imħallef jiddeċiedi f’każijiet li jinvolvu tfal minorenni mhux emanċipati. Jekk ma jkun hemm l-ebda tfal minorenni mhux emanċipati involuti, it-talba tista’ tiġi pproċessata jew: quddiem il-qrati, għalkemm id-deċiżjoni hija tal-iskrivan tal-qorti (Letrado de la Administración de Justicia), jew permezz ta’ nutar, bl-eżekuzzjoni ta’ att pubbliku.

Ir-regolamenti fuq is-separazzjoni u d-divorzju japplikaw bis-sħiħ għaż-żwiġijiet kollha bejn persuni tal-istess sess jew eterosesswali, minħabba l-fatt li l-Liġi 13/2005 tirrikonoxxi illi l-irġiel u n-nisa għandhom dritt jiżżewġu, bl-istess rekwiżiti u effetti, kemm jekk iż-żewġ partijiet ikunu tal-istess sess kif ukoll jekk ikunu ta’ sessi differenti.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Permezz tar-riforma li daħħlet il-Liġi 15/2005, id-divorzju fi Spanja ma jeħtieġx xi raġunijiet, għaliex iż-żamma tar-rabta taż-żwieġ hija meqjusa bħala manifestazzjoni tar-rieda ħielsa tal-konjuġi.

L-uniku rekwiżit huwa li jiġi osservat perjodu minimu ta’ żmien wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ qabel ma jinbdew il-proċedimenti ta’ divorzju (ħlief f’ċerti każijiet). Dan il-perjodu huwa kif ġej:

  1. Ikunu għaddew tliet xhur miż-żwieġ jekk id-divorzju jintalab miż-żewġ konjuġi flimkien jew minn wieħed minnhom bil-kunsens tal-ieħor.
  2. Ikunu għaddew tliet xhur miż-żwieġ jekk id-divorzju jintalab minn konjuġi wieħed biss.
  3. It-talba għad-divorzju tista’ ssir mingħajr perjodu ta’ stennija wara ż-żwieġ fejn ikun hemm prova ta’ riskju għall-ħajja, l-integrità fiżika, il-libertà, l-integrità morali jew il-libertà sesswali u l-integrità tal-konjuġi li jagħmel it-talba jew it-tfal tal-partijiet jew ta’ xi ħadd minnhom.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

L-ewwel effett tad-divorzju huwa li r-rabta taż-żwieġ tinħall. Id-divorzju jtemm l-obbligu tal-koabitazzjoni u tal-għajnuna reċiproka derivanti minn din ir-rabta, u ż-żewġ konjuġi huma ħielsa li jerġgħu jiżżewġu.

Skont il-liġi Spanjola il-mara ma hemmx għalfejn tieħu kunjom żewġha meta’ tiżżewweġ, kif jiġri f’pajjiżi oħra.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Id-divorzju jġib miegħu il-ħall tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali u l-likwidazzjoni tal-proprjetà konġunta li akkwistaw maż-żmien, u b’hekk id-diviżjoni tal-assi komuni, proċess li jiġi determinat mir-reġim ta’ proprjetà li jirregola ż-żwieġ.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Is-sentenza ta’ divorzju ma taffettwax ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal imwielda fiż-żwieġ, ħlief il-kustodja, li dwarha trid tiddeċiedi l-qorti li tilqa’ d-divorzju, fejn jew tagħti l-kustodja lil wieħed mill-konjuġi u tagħti dritt ta’ aċċess lill-ieħor, jew inkella tipprovdi għall-kustodja konġunta tal-konjuġi.

Il-kustodja konġunta tista’ sseħħ permezz ta’ ftehim bejn il-ġenituri (li jilħqu ftehim jew fil-proposta inizjali għall-ftehim ta’ soluzzjoni, jew matul il-proċedimenti), bl-approvazzjoni tal-qorti. Jekk ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim, il-qorti tista’ tordna l-kustodja konġunta fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, wara rapport mis-Servizz tal-Prosekuzzjoni (Ministerio Fiscal), b’kunsiderazzjoni tal-ħarsien xieraq tal-aħjar interessi tat-tfal. F’xi Komunitajiet Awtonomi fi Spanja, il-kustodja konġunta hija preferuta, li jfisser li l-kustodja konġunta tkun l-arranġament awtomatiku sakemm ma jinstabx li jeżistu ċirkostanzi li jiġġustifikaw arranġament differenti (dan hu l-każ f’Aragona, fil-Pajjiż Bask u, sa ċertu punt, fil-Katalonja). Bl-istess mod, u għal darb’oħra filwaqt li jitqiesu l-aħjar interessi tal-minorenni, tista’ tiġi miftiehma kustodja minn ġenitur wieħed u saħansitra arranġamenti mħallta jew ibridi (tfal f’kustodja ta’ ġenituri differenti jew tfal f’kustodja ta’ ġenitur wieħed u oħrajn f’kustodja konġunta).

Il-prinċipju sottostanti huwa li minkejja d-divorzju l-ġenituri jibqgħu responsabbli għat-tfal tagħhom, u t-tnejn ikunu jeħtieġu jħallsu l-manteniment, kif ukoll jeżerċitaw is-setgħa ta’ ġenituri konġunta fuq it-tfal.

Normalment dan ifisser illi l-konjuġi li ma għandux il-kustodja tat-tfal irid iħallas il-manteniment lill-ġenitur li għandu l-kustodja tagħhom, sakemm it-tfal isiru finanzjarjament indipendenti jew ma rnexxilhomx jagħmlu dan minħabba tort tagħhom. Jekk tingħata kustodja konġunta, normalment kull ġenitur iħallas l-ispejjeż ordinarji tat-tfal matul il-perjodu li matulu jkunu għandu (ħwejjeġ, ikel jew akkommodazzjoni), filwaqt li għall-ispejjeż l-oħra jinfetaħ kont konġunt li fih kull ġenitur iħallas kontribuzzjonijiet kull xahar. Madankollu, jekk iċ-ċirkostanzi finanzjarji taż-żewġ ġenituri jkunu differenti ħafna, ma hemm xejn li jwaqqaf lil ġenitur wieħed milli jagħti somma flus lill-ieħor sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jlaħħaq mal-ispejjeż tat-tfal matul iż-żmien li hu jew hi jkollhom għandhom it-tfal.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Id-divorzju jtemm l-obbligu tal-koabitazzjoni u li tiġi pprovduta għajnuna reċiproka; b’hekk, l-ebda konjuġi ma għandu dmir jgħin lill-ieħor. Madankollu, fejn id-divorzju jwassal għal żbilanċ finanzjarju għal konjuġi wieħed meta’ mqabbel mal-ieħor, u b’hekk l-ewwel konjuġi jsib ruħu f’sitwazzjoni agħar milli kien qabel tkisser iż-żwieġ, huwa għandu dritt għall-manteniment mill-konjuġi l-ieħor biex jagħmel tajjeb għal dak l-iżbilanċ.

Ċerti territorji għandhom arranġamenti speċjali f’dan ir-rigward.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni legali tfisser illi l-konjuġi ma jibqgħux jgħixu flimkien, fi kliem ieħor hija ttemm l-obbligu tal-koabitazzjoni iżda r-rabta taż-żwieġ tibqa’, mingħajr ma taffettwa l-ħlas tal-manteniment li jkun ġie miftiehem bħala xieraq biex jiġi kkoreġut xi żbilanċ. Barra minn hekk, l-ebda konjuġi ma għandu aktar il-possibiltà li juża l-assi tal-ieħor biex iħallas għall-ispejjeż matrimonjali. Bl-istess mod, is-separazzjoni legali (u saħansitra s-separazzjoni fiżika) jtemmu l-preżunzjoni ta’ paternità li biha tfal li jitwieldu anqas minn 300 jum wara s-separazzjoni jkunu preżunti li huma wlied ir-raġel.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Bħad-divorzju, permezz tar-riforma li daħħlet il-Liġi 15/2005, id-divorzju fi Spanja ma jeħtieġx xi raġunijiet, għaliex iż-żamma tar-rabta taż-żwieġ hija meqjusa bħala manifestazzjoni tar-rieda ħielsa tal-konjuġi.

L-uniku rekwiżit huwa li jiġi osservat perjodu minimu ta’ żmien wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ qabel ma jinbdew il-proċedimenti tas-separazzjoni (ħlief f’ċerti każijiet). Dan il-perjodu huwa kif ġej:

  1. Ikunu għaddew tliet xhur miż-żwieġ jekk is-separazzjoni tintalab miż-żewġ konjuġi flimkien jew minn wieħed minnhom bil-kunsens tal-ieħor.
  2. Ikunu għaddew tliet xhur miż-żwieġ jekk is-separazzjoni tintalab minn konjuġi wieħed biss.
  3. It-talba għas-separazzjoni legali tista’ ssir mingħajr perjodu ta’ stennija wara ż-żwieġ fejn ikun hemm prova ta’ riskju għall-ħajja, l-integrità fiżika, il-libertà, l-integrità morali jew il-libertà sesswali u l-integrità tal-konjuġi li jagħmel it-talba jew it-tfal tal-partijiet jew ta’ xi ħadd minnhom.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Il-konsegwenzi legali tas-separazzjoni legali huma l-istess bħal dawk tad-divorzju, bl-unika differenza illi r-rabta taż-żwieġ ma tinħallx. Rikonċiljazzjoni sħiħa bejn il-miżżewġin b’ristwarazzjoni sħiħa taż-żwieġ hija għalhekk possibbli mingħajr ma l-konjuġi jkollhom għalfejn jerġgħu jiżżewġu; sabiex ir-rikonċiljazzjoni jkollha saħħa legali, trid tiġi notifikata lill-qorti. Fl-istess waqt, u jekk il-konjuġi jkunu żżewġu b’reġim ta’ proprjetà komuni (bħal sociedad de gananciales, li bih nofs il-qligħ ta’ kull konjuġi jkun ikkunsidrat li huwa proprjetà tal-konjuġi l-ieħor), mas-separazzjoni legali, dan jiġi xolt u sostitwit minn reġim ta’ separazzjoni tal-proprjetà.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

L-annullament taż-żwieġ (li japplika kemm għaż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess kif ukoll għal dawk ta’ sess differenti) jeħtieġ dikjarazzjoni tal-qorti fejn jingħad illi ż-żwieġ li ġie ċċelebrat kien vizjat b’difetti li għamluh ineffettiv mill-bidu, jiġifieri li ż-żwieġ qatt ma eżista u li għalhekk qatt ma kellu effett legali. B’hekk, il-konjuġi jerġgħu lura għall-istatus ta’ xebba u ġuvni rispettivament.

L-annullament iġib miegħu il-ħall u l-likwidazzjoni tar-reġim tal-propjetà matrimonjali u t-tmiem tal-obbligu tal-koabitazzjoni u tal-għajnuna reċiproka.

Bid-differenza tas-separazzjoni legali jew id-divorzju, il-fatt li ż-żwieġ qatt ma eżista jfisser illi ma għandu jitħallas l-ebda kumpens, ghaliex dan għandu bżonn żwieġ validu li xi darba kien fis-seħħ; din is-sitwazzjoni hija mitigata mill-possibiltà illi l-konjuġi li aġixxa in bona fide jingħata kumpens għad-danni jekk il-konjuġi l-ieħor aġixxa in mala fide meta żżewġu.

L-effetti ġuridiċi diġà prodotti qabel is-sentenza tal-qorti li tannulla ż-żwieġ ikomplu jkollhom effett fir-rigward tat-tfal. Dawn l-effetti għalhekk huma l-istess bħal fil-każijiet ta’ separazzjoni jew ta’ divorzju.

Minbarra d-dikjarazzjoni tal-annullament minn qorti ċivili, fi Spanja jingħata wkoll rikonoxximent lill-effetti ċivili ta’ deċiżjonijiet ta’ qorti ekkleżjastika li jiddikjaraw l-annullament ta’ żwieġ kanoniku jew deċiżjonijiet pontifiċi dwar żwieġ qasir u mhux ikkunsmat, li jeħtieġu proċedura ta’ validazzjoni (simili għall-proċedura tal-exequatur), li ssir mill-Qrati tal-Ewwel Istanza (Juzgados de Primera Instancia) (fejn jeżistu, dawk li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet tal-familja). Il-bażi għal dan ir-rikonoxximent tinsab fil-Ftehim bejn l-Istat Spanjol u s-Santa Sede dwar affarijiet legali, iffirmat fit-3 ta’ Jannar 1979.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Il-kundizzjonijiet li jwasslu għall-annullament taż-żwieġ huma kif ġej:

1. Li wieħed mill-konjuġi ma tax il-kunsens tiegħu biex iż-żwieġ jiġi ċċelebrat.

2. Li ż-żwieġ ġie ċċelebrat minkejja l-eżistenza ta’ wieħed mill-impedimenti għaż-żwieġ, jiġifieri:

1. Wieħed mill-partijiet għaż-żwieġ kien minorenni mhux emanċipat, ħlief fejn il-persuna kkonċernata kellha ’l fuq minn 14-il sena u ngħatat dispensa mill-qorti (impediment minħabba raġunijiet ta’ età).

2. Waħda mill-partijiet kienet diġà miżżewġa meta’ żżewġet għat-tieni darba (il-bigamija).

3. Il-partijiet huma axxendenti jew dixxendenti fil-linja diretta jew wieħed minnhom huwa l-wild adottat tal-ieħor (konsangwinità).

4. Wieħed mill-partijiet jiġi mill-ieħor sat-tielet grad - ziju/zija ma’ neputi/neputija - ħlief fejn tkun ingħatat dispensa tal-qorti (konsangwinità).

3. Waħda mill-partijiet instabet ħatja ta’ qtil, jew li kienet kompliċi għall-qtil, tal-konjuġi ta’ xi ħadd fost il-partijiet ħlief fejn ingħatat maħfra mill-Ministeru għall-Ġustizzja.

4. Iż-żwieġ seħħ mingħajr il-preżenza ta’ mħallef, sindku jew uffiċjal ieħor jew mingħajr il-preżenza tax-xhieda. Madankollu, il-validità taż-żwieġ tiġix affettwata minn nuqqas ta’ kapaċità tal-persuna li ċċelebrat iż-żwieġ jew minħabba l-fatt li ma kellha l-ebda ħatra leġittima, sakemm tal-inqas wieħed mill-konjuġi kien aġixxa in bona fide u li l-uffiċċjal kien wettaq il-funzjonijiet tiegħu pubblikament.

5. Waħda mill-partijiet iżżewġet minkejja li kellha żball dwar l-identità tal-parti l-oħra jew dwar il-kwalitajiet tagħha li setgħu kienu deċiżivi għall-għoti tal-kunsens tagħha għaż-żwieġ.

6. Waħda mill-partijiet iżżewġet għax kienet ġiet mhedda jew minħabba biża’ kbira.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

L-annullament taż-żwieġ jistabbilixxi li kien invalidu mill-mument taċ-ċelebrazzjoni tiegħu. B’hekk, il-konjuġi jerġgħu lura għall-istatus ta’ xebba u ġuvni rispettivament.

Madankollu, l-effetti prodotti fi żwieġ annullat minn meta ġie ċċelebrat sad-data tas-sentenza ta’ annullament jibqgħu validi fir-rigward tat-tfal u tal-konjuġi li aġixxa in bona fide.

Fejn tiġi likwidata l-propjetà matrimonjali, il-konjuġi li aġixxa in mala fide ma jgawdix minn sehmu tal-qligħ tal-konjuġi li aġixxa in bona fide.

Min naħa l-oħra, jekk kien hemm il-koabitazzjoni, il-parti li aġixxiet in bona fide tista’ tikseb kumpens biex tikkoreġi kull żbilanċ finanzjarju li seta’ ġie kkawżat mis-sentenza ta’ annullament.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Fi Spanja, il-medjazzjoni tal-familja tiġi regolata fuq livell Statali, fil-Liġi dwar il-medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali: Il-Liġi 5/2012 tas-6 ta’ Lulju 2012, li tittrasponi fil-liġi Spanjola d-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali. Il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-medjazzjoni huma: in-natura volontarja u l-għażla ħielsa, l-imparzjalità, in-newtralità u l-kunfidenzjalità. Minbarra dawn il-prinċipji hemm ukoll regoli jew linji gwida biex jiggwidaw l-azzjonijet tal-partijiet għall-medjazzjoni, bħar-rieda tajba u r-rispett reċiproku, u l-obbligu ta’ kooperazzjoni u għajnuna lejn il-medjatur.

Il-Liġi 5/2012 msemmija hawn fuq tirregola l-“medjazzjoni fi kwistjonijiet transfruntiera”, jiġifieri dawk fejn tal-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat differenti minn dak fejn huma domiċiljati l-partijiet konċernati l-oħra, fejn jiftehmu li jużaw il-medjazzjoni jew fejn il-medjazzjoni hija obbligatorja skont il-liġi applikabbli. Dan ikopri wkoll kunflitti antiċipati jew deċiżi mill-ftehim ta’ medjazzjoni, irrispettivament mill-post fejn sar il-ftehim, fejn, wara bdil ta’ residenza minn kull parti, huwa maħsub li l-ftehim jew xi konsegwenzi tiegħu jiġu eżegwiti fit-territorju ta’ Stat differenti. F’tilwim transfruntier bejn partijiet residenti fi Stati Membri differenti tal-Unjoni Ewropea, id-domiċilju jiġi determinat skont l-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (Brussell I).

Il-medjazzjoni tal-familja fil-liġi Spanjola hija maħsuba bħala alternativa għar-riżoluzzjoni strettament ġudizzjarja tat-tilwim fil-familja.

Bosta komunitajiet awtonomi, permezz tal-parlamenti awtonomi rispettivi tagħhom, ippromulgaw liġijiet dwar il-medjazzjoni tal-familja, ġeneralment – bl-eċċezzjoni indikata – bħala dispożizzjoni promossa mill-korpi pubbliċi tal-għajnuna soċjali: Andalusija – Liġi 1/2009 tas-27 ta’ Frar 2009, dwar il-medjazzjoni tal-familja fl-Andalusija; Aragona – Liġi 9/2011 tal-24 ta’ Marzu 2011, dwar il-medjazzjoni tal-familja f’Aragona; Asturias – Liġi 3/2007 tat-23 ta’ Marzu 2007, dwar il-medjazzjoni tal-familja; Canary Islands – Liġi 15/2003 tat-8 ta’ April 2003 dwar il-medjazzjoni tal-familja; Cantabria – Liġi 1/2011 tat-28 ta’ Marzu 2011,dwar il-medjazzjoni fil-Komunità Awtonoma tal-Cantabria; Castile-La Mancha – Liġi 4/2005 tal-24 ta’ Mejju 2005, dwar is-servizz soċjali speċjalist ta’ medjazzjoni tal-familja; Castile-Leon – Liġi 1/2006 tas-6 ta’ April 2006 dwar il-medjazzjoni tal-familja f’Castile-Leon; il-Catalonia (partikolarment sinifikanti f’din il-komunità awtonoma, għaliex żviluppat il-kompetenza leġiżlattiva tagħha f’dan il-qasam, fejn tipprovdi fl-Artikolu 233(6) tal-Kodiċi Ċivili tal-Catalonia li l-awtorità ġudizzjarja tista’ tirreferi lill-konjuġi għal sessjoni ta’ tagħrif dwar il-medjazzjoni, fejn tqis li minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ iċ-ċans ta’ ftehim għadu possibbli); Valencia – Liġi 7/2001 tas-26 ta’ Novembru 2001 li tirregola l-medjazzjoni tal-familja f’Valencia; Galicia – Liġi 4/2001 tal-31 ta’ Mejju 2001 dwar il-medjazzjoni tal-familja; Il-Ġżejjer Baleariċi – Liġi 14/2010 tad-9 ta’ Diċembru 2010 dwar il-medjazzjoni tal-familja fil-Ġżejjer Baleariċi; Madrid – Liġi 1/2007 tal-21 ta’ Frar 2007, dwar il-medjazzjoni tal-familja f’Madrid; u l-Pajjiż Bask – Liġi 1/2008 tat-8 ta’ Frar 2008 dwar il-medjazzjoni tal-familja;

Fuq livell tal-Istat, il-Liġi 15/2005 tat-8 ta’ Lulju 2005, li temenda l-Kodiċi Ċivili u l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili rigward is-separazzjoni u d-divorzju, introduċiet regola ġdida Nru 7 fl-Artikolu 770 ta’ dik il-Liġi, li tirregola proċedimenti għas-separazzjoni u d-divorzju (ħlief “bi ftehim reċiproku”) u l-annullament taż-żwieġ, li permezz tagħha l-partijiet jistgħu, bi ftehim reċiproku, jitolbu s-sospensjoni tal-proċedimenti, soġġett għall-arranġamenti ġenerali għall-proċedimenti ċivili stabbiliti fl-Artikolu 19(4) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, biex jgħaddu għall-medjazzjoni.

Fi proċedimenti matrimonjali transfruntieri, japplika l-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) 2201/2003 (Brussell IIa), fejn, fuq talba minn awtorità ċentrali jew minn detentur tas-setgħa tal-ġenitur, l-awtoritajiet ċentrali jridu jikkooperaw fuq każijiet speċifiċi biex jiksbu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Għal dak il-għan,iridu jieħdu l-passi neċessarji meħtieġa biex, fost l-oħrajn, jiffaċilitaw il-kisba ta’ ftehim bejn id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri permezz tal-medjazzjoni jew mezzi oħra.

Il-medjazzjoni hija possibbli wkoll f’każijiet ta’ ħtif internazzjonali ta’ minorenni, għalkemm hawnhekk il-proċess ta’ medjazzjoni jrid ikun veloċi kemm jista’ jkun u kull azzjoni trid tkun ikkonċentrata fl-inqas sessjonijiet possibbli. Is-sospensjoni tal-proċess ta’ medjazzjoni qatt ma tista’ taqbeż il-perjodu previst mil-liġi biex jiġi solvut il-każ ta’ ħtif. Jekk il-medjazzjoni twassal għal ftehim (li jista’ jkopri wkoll kwistjonijiet oħra), dan irid jiġi approvat mill-imħallef, filwaqt li titqies il-leġiżlazzjoni fis-seħħ u l-aħjar interessi tal-minorenni. Madankollu, il-ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mas-sekwestru ta’ minorenni hija differenti minn dik li tkopri l-proċedimenti tal-familja; tal-ewwel hija l-prerogattiva tal-qrati fil-bliet kapitali provinċjali, filwaqt li tal-aħħar tista’ tiġi eżerċitata mill-qrati fi kwalunkwe distrett ġudizzjarju. Konsegwentement, jekk il-ftehim ikopri varjetà ta’ kwistjonijiet, jista’ jkun hemm bżonn li jiġi approvat minn imħallfin separati (jiġifieri l-qorti fil-kapitali provinċjali għal kwistjonijiet relatati mas-sekwestru ta’ minorenni u l-imħallef tal-familja rilevanti għall-aspetti l-oħra).

Fi proċedimenti ċivili fil-qasam tal-liġi tal-familja, li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati li jisimgħu każjijet ta’ vjolenza kontra n-nisa (Juzgados de Violencia sobre la Mujer), il-medjazzjoni mhix permessa.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

(a) Fejn irrid nippreżenta t-talba tiegħi

Ladarba l-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qrati Spanjoli sabiex tisma’ l-kawża tkun ġiet stabbilita (stabbilita fir-Regolament 2101/2003 – annullament taż-żwieġ, separazzjoni legali, divorzju u responsabbiltà parentali; Ir-Regolament 4/2009 – manteniment; mid-29 ta’ Jannar 2019, ir-Regolament (UE) 2016/1103 dwar reġimi ta’ proprjetà matrimonjali, u l-Artikolu 22c tal-Att Ġudizzjarju (Ley Orgánica del Poder Judicial – LOPJ) – għal kwistjonijiet mhux stipulati fir-Regolamenti jew fejn jagħmlu referenza għal-liġi domestika), fit-territorju Spanjol, talba għad-divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ (minbarra dawk ipproċessati minn nutar fil-każijiet ta’separazzjoni legali jew divorzju permezz ta’ qbil reċiproku mingħajr tfal minorenni involuti) trid tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ewwel Istanza. F’xi distretti ġudizzjarji hemm Qrati tal-Ewwel Istanza li jispeċjalizzaw fil-liġi tal-familja. Speċifikament, din hi l-Qorti tal-Ewwel Istanza:

  • Fil-post fejn tinsab id-dar matrimonjali
  • Jekk il-konjuġi jgħixu f’distretti ġudizzjarji differenti, ir-rikorrent jista’ jagħżel bejn il-qorti ta:
    • l-aħħar residenza matrimonjali,
    • jew ir-residenza tal-konvenut;
    • jew jekk il-konvenut ma għandux domiċilju fiss jew post ta’ residenza, it-talba tista’ tiġi ppreżentata fil-post fejn jgħix jew fejn l-aħħar għex il-konvenut, skont l-għażla tar-rikorrent.
  • Jekk minkejja l-kriterji kollha msemmija hawn fuq ma ssirx għażla, it-talba tiġi ppreżentata quddiem l-Imħallef tal-Ewwel Istanza (Juez de Primera Instancia) tad-domiċilju tar-rikorrent.
  • Fejn it-talba għad-divorzju jew separazzjoni legali tiġi ppreżentata b’mod konġunt miż-żewġ konjuġi, huma jistgħu jagħmlu dan quddiem l-imħallef tal-qorti:
    • tal-post fejn l-aħħar għexu flimkien,
    • jew tad-domiċilju ta’ xi ħadd fosthom.
  • Ir-rikors għall-approvazzjoni ta’ miżuri preliminari provviżorji jista’ jinstema’ mill-imħallef tal-ewwel istanza tal-post ta’ domiċilju tar-rikorrent.

Għal informazzjoni dwar l-istituzzjonijiet ġudizzjarji Spanjoli, ara https://www.mjusticia.gob.es/cs/Satellite/Portal/es/administracion-justicia/organizacion-justicia/cartografia-judicial/cartografia-partidos

Għal każijiet indirizzati minn nutar (alternattiva għal proċedimenti quddiem il-qorti fejn il-partijiet ma jkollhomx tfal minorenni mhux emanċipati – għalkemm, f’dawn il-każijiet, id-deċiżjoni ma titteħidx mill-Imħallef, iżda mill-iskrivan tal-qorti), l-att pubbliku rilevanti jrid jiġi esegwit min-Nutar għall-post fejn il-konjuġi jkunu l-aħħar għexu flimkien jew id-domiċilju jew ir-residenza abitwali ta’ xi wieħed mir-rikorrenti.

(b) Formalitajiet u dokumenti

Fejn il-qorti tkun il-perkors magħżul, it-talba għall-annullament taż-żwieġ, is-separazzjoni legali jew id-divorzju trid tiġi ppreżentata bil-miktub u tkun iffirmata mill-avukati tar-rikorrent (il-letrado u l-procurador). Is-servizzi ta’ dawn il-professjonisti jistgħu jinqasmu meta l-konjuġi jkunu qed jippreżentaw rikors konġunt għas-separazzjoni personali jew għad-divorzju.

It-talbiet għas-separazzjoni legali, l-annullament taż-żwieġ jew id-divorzju jridu jiġu akkumpanjati minn:

  • Iċ-ċertifikat taż-żwieġ u tat-twelid tat-tfal; mhux biżżejjed li jiġi ppreżentat biss ir-reġistru tal-familja (Libro de Familia).
  • Id-dokumenti li fuqhom ir-rikorrenti jibbażaw il-każ tagħhom
  • Id-dokumenti meħtieġa għal valutazzjoni tal-qagħda finanzjarja tal-konjuġi u, jekk applikabbli, tat-tfal, bħal dikjarazzjonijiet tat-taxxa, ir-rendikont tal-paga, ċertifikati bankarji, l-atti tat-titoli jew ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-propjetà, meta l-partijiet jippreżentaw talba fuq kwistjoni ta’ propjetà.
  • Proposta għal Ftehim ta’ Soluzzjoni jekk it-talba għas-separazzjoni legali jew id-divorzju ssir permezz ta’ Talba Konġunta.

Jekk in-nutar ikun il-perkors magħżul (separazzjoni legali jew divorzju bi qbil reċiproku mingħajr tfal minorenni mhux emanċipati), id-dokumenti ta’ hawn fuq huma neċessarji sabiex l-att jiġi esegwit, u minkejja li n-nutar ikun preżenti, il-konjuġi jridu jkunu akkumpanjati minn avukat prattikanti għall-eżekuzzjoni tal-att pubbliku.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Spanja tirrikonoxxi d-dritt ta’ ċittadini Spanjoli, ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u ta’ barranin fi Spanja għall-għajnuna legali jekk jistgħu juru li ma għandhomx biżżejjed mezzi finanzjarji biex jiftħu kawża.

L-individwi għandhom dritt għall-għajnuna legali jekk ma jkollhomx biżżejjed assi u jkollhom riżorsi u qligħ gross, ikkalkulat kull sena għal kull intestatura u għal kull unità domestika, li ma jaqbżux il-livelli limiti li ġejjin:

(a) Id-doppju tal-Indiċi Pubbliku tad-Dħul għal Iżjed minn Skop Wieħed (IPREM) fis-seħħ meta’ ssir it-talba għal persuni li mhumiex membri ta’ xi unità domestika.

(b) Darbtejn u nofs l-indiċi pubbliku tad-dħul għal iżjed minn skop wieħed fis-seħħ meta’ ssir it-talba fejn huma membri ta’ kull tip ta’ unità domestika ta’ inqas minn erbgħa min-nies.

(c) Tliet darbiet dan l-indiċi għall-unitajiet domestiċi ta’ erbgħa min-nies jew aktar.

Il-kalkolu tal-IPREM

It-talba trid tiġi ppreżentata lill-Kamra tal-Avukati (Colegio de Abogados) fl-istess lokalità tal-qorti jew tribunal li jisma’ l-kawża prinċipali, jew lill-qorti tal-post ta’ domiċilju tar-rikorrent; f’dan tal-aħħar il-korp ġudizzjarju jibgħat l-applikazzjoni lill-Kamra tal-Avukati b’ġuriżdizzjoni territorjali.

Il-Kmamar tal-Avukati huma maħtura bħala l-awtorità riċeventi għall-applikazzjonijiet minħabba tilwim transfruntier. F’dan it-tip ta’ tilwim, l-awtorità li toħroġ l-applikazzjoni hija l-Kamra tal-Avukati tal-post ta’ residenza abitwali jew tad-domiċilju tar-rikorrent.

Ċittadin Ewropew ta’ Stat li huwa parti mill-Ftehim Ewropew dwar it-Trażmissjoni ta’ Rikorsi għal Għajnuna Legali jista’ jitlob lill-awtorità ċentrali maħtura minn pajjiżha għall-implimentazzjoni tal-ftehim.

Ir-rikors irid isir qabel jibdew il-proċedimenti jew, jekk il-parti li titlob l-għajnuna legali tkun il-konvenuta, qabel topponi r-rikors. Madankollu, kemm ir-rikorrent kif ukoll il-konvenut jistgħu sussegwentement jitolbu l-għajnuna legali wara li jkunu wrew illi nbidlu ċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħhom.

Fejn ma hemmx assi komuni biżżejjed u wieħed mill-konjuġi ma jistax jikseb għajnuna legali għaliex il-qagħda finanzjarja tal-ieħor ma tippermettix dan, dan tal-aħħar jista’ jkollu jħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża jew parti minnhom skont proċedura magħrufa bħala “litis expensas” (spejjeż tal-kawża skont arranġamenti speċjali għall-proċedimenti ta’ divorzju).

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati Spanjoli fi proċedimenti għas-separazzjoni legali, id-divorzju u l-annullament taż-żwieġ huma miftuħa għal appell. L-appelli jridu jiġu ppreżentati fi żmien għoxrin jum quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li tat is-sentenza kkontestata, li quddiemha jiġi formalment imfassal l-appell; il-kwistjoni taqa’ fl-ambitu tal-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Provinċjali korrispondenti (Audiencia Provincial). F’ċerti każijiet, wara li jkun ġie deċiż l-appell, jista’ jiġi ppreżentat appell fil-kassazzjoni u fejn xieraq, appell straordinarju għal ksur tal-proċedura quddiem l-Awla Ċivili tal-Qorti Suprema (Tribunal Supremo).

Fi Spanja, id-deċiżjonijiet mogħtija fi proċedimenti marbuta ma’ annullament taż-żwieġ, separazzjoni personali u divorzju mhumiex soġġetti għal eżekuzzjoni provviżorja meta’ jiġu appellati (ħlief għal deċiżjonijiet dwar l-obbligi u l-proprjetà marbuta mal-kwistjoni prinċipali tal-proċedimenti), għalkemm l-appell ma jissospendix l-effett tal-miżuri ordnati fis-sentenza u li huma direttament eżegwibbli anke jekk ġie ppreżentat appell kontra s-sentenza. Barra minn hekk, jekk l-appell jikkonċerna biss il-miżuri msemmija fid-deċiżjoni, is-sentenza dwar l-annullament taż-żwieġ, is-separazzjoni personali jew id-divorzju tiġi ddikjarata finali anke jekk ikun sar appell.

Fi proċedimenti għal separazzjoni personali u divorzju miġjuba mill-konjuġi b’mod konġunt, is-sentenza tal-qorti jew id-deċiżjoni li tagħti effett lis-separazzjoni personali jew id-divorzju u li tapprova l-proposta għal Ftehim ta’ Soluzzjoni kollha kemm hija, ppreżentata lill-imħallef għall-approvazzjoni tiegħu, ma tistax tiġi appellata, ħlief mis-Servizz tal-Prosekuzzjoni, jekk kien involut, li jista’ jappella fl-interessi ta’ tfal minorenni jew tfal inabilitati. F’dawn il-proċedimenti permezz ta’ Talba Konġunta, id-deċiżjoni tal-qorti li tiċħad it-talba għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali jew il-miżuri kollha jew uħud minnhom proposti mill-konjuġi tista’ tiġi appellata. F’dawn il-każijiet, l-appell kontra d-deċiżjoni dwar il-miżuri ma jissospendix l-effettività tagħhom u ma jkollu l-ebda effett fuq in-natura vinkolanti tas-sentenza dwar is-separazzjoni personali jew id-divorzju.

Rigward il-miżuri provviżorji u preliminari li jista’ jordna mħallef qabel jew matul il-proċedimenti ta’ separazzjoni personali, annullament taż-żwieġ jew divorzju, id-deċiżjonijiet li jordnaw dawn il-miżuri ma jistgħux jiġu appellati, anke jekk ma jikkostitwux sentenza finali u f’dan l-istadju għadhom mhux vinkolanti. Id-deċiżjonijiet dwar miżuri provviżorji jiġu rieżaminati mhux permezz ta’ appell iżda permezz tas-sentenza li ġġib fi tmiemhom il-proċedimenti għas-separazzjoni legali, l-annullament taż-żwieġ jew id-divorzju.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Il-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-qasam hija r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri (Brussell IIa), li huwa fis-seħħ fl-Istati Membri kollha (u fir-Renju Unit sal-31.12.2020; fil-futur se jiddependi mill-ftehim milħuq matul il-fażi tan-negozjati), ħlief għad-Danimarka. Il-leġiżlazzjoni applikabbli fid-Danimarka hija l-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta’ Ottubru 1996 dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal.

Jekk l-uniku għan ikun li tiġi aġġornata d-data fir-Reġistru Ċivili ta’ Stat Membru (u tar-Renju Unit sal-31.12.2020) fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet tal-qorti marbuta ma’ proċedimenti għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor (u fir-Renju Unit sal-31.12.2020), u jekk, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, dawk id-deċiżjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu appellati, tista’ titressaq applikazzjoni għal dak il-għan lir-Reġistru tat-Twelid, taż-Żwiġijiet u tal-Imwiet ta’ kull pajjiż, akkumpanjata minn:

  • kopja tad-deċiżjoni, li tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha skont il-liġi tal-pajjiż minn fejn ingħatat;
  • ċertifikat konformi mal-mudell uffiċjali standardizzat maħruġ mill-qorti jew tribunal nazzjonali jew awtorità kompetenti fl-Istat Membru (u fir-Renju Unit sal-31.12.2020) fejn tkun ingħatat id-deċiżjoni;
  • dokument li juri li l-karti jkunu ġew innotifikati kif xieraq lill-konvenut jew li jiċċertifikaw li l-konvenut aċċetta d-deċiżjoni, f’każ ta’ deċiżjoni mogħtija f’kontumaċja.

F’każ ta’ rikonoxximent fi Spanja ta’ deċiżjoni ta’ divorzju, annullament taż-żwieġ jew separazzjoni personali li ingħatat f’wieħed mill-Istati Membri (u fir-Renju Unit sal-31.12.2020), minbarra fid-Danimarka, irid isir rikors għar-rikonoxximent, mingħajr ma jkollha għalfejn tkun vinkolanti d-deċiżjoni kkonċernata fl-Istat Membru fejn tkun ingħatat, quddiem l-Imħallef tal-Prim’Istanza, fil-post ta’ residenza tal-persuna li kontriha ġie ppreżentat ir-rikors għar-rikonoxximent jew għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent. Jekk il-konvenut ma jgħixx fi Spanja r-rikors jista’ jsir fejn ikun jinsab fi Spanja jew fil-post tal-aħħar residenza tiegħu fi Spanja, jew, jekk ma jkunx hemm għażla oħra, fil-post fejn huwa domiċiljat ir-rikorrent.

It-talba trid tiġi ppreżentata bil-miktub permezz ta’ avukat u prosekutur pubbliku u akkumpanjata mill-istess dokumenti bħal fil-każ preċedenti.

Ir-rikonoxximent fi Spanja ta’ deċiżjonijiet mogħtija fid-Danimarka huwa regolat mil-liġi Spanjola. Il-proċess jibda bil-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-post fejn hija domiċiljata l-persuna li kontriha jintalab ir-rikonoxximent.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Il-proċedura meħtieġa sabiex deċiżjoni ma tiġix rikonoxxuta hija l-istess bħal dik għar-rikonoxximent. Jekk id-deċiżjoni kienet rikonoxxuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, l-oġġezzjoni tista’ tiġi ppreżentata biss wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, u jrid isir appell quddiem il-Qorti Provinċjali rilevanti sal-iskadenza statutorja.

Jekk il-kwistjoni tikkonċerna deċiżjoni mogħtija fid-Danimarka, l-oġġezzjoni trid issir waqt li tkun għadha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza waqt li l-Qorti tkun qegħda tikkunsidra t-talba tal-parti l-oħra għar-rikonoxximent tagħha. F’kull każ, huma meħtieġa s-servizzi ta’ avukat u tal-prosekutur pubbliku sabiex l-oġġezzjoni tiġi ppreżentata formalment.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 fil-21 ta’ Ġunju 2012, u skont l-Artikoli 5 u 8 tiegħu, il-konjuġi jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għas-separazzjoni jew divorzju tagħhom minn fost dawk speċifikati fir-Regolament. Fin-nuqqas ta’ għażla tagħhom, id-divorzju u s-separazzjoni legali għandhom ikunu soġġetti għal-liġi tal-Istat:

(a) fejn il-konjuġi huma abitwalment residenti meta jippreżentaw ir-rikors; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

(b) fejn il-konjuġi kienu abitwalment residenti l-aħħar, jekk il-perjodu ta’ residenza ma ntemmx aktar minn sena qabel sar ir-rikors u jekk wieħed mill-konjuġi jkun għadu residenti f’dak l-Istat meta jsir ir-rikors; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

(c) li tiegħu jkunu ċittadini ż-żewġ konjuġi meta’ jippreżentaw ir-rikors; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

(d) fejn tinsab il-qorti li quddiemha ġie ppreżentat ir-rikors.

Il-leġiżlazzjoni ta’ hawn fuq hija applikabbli għad-divorzju, għalkemm f’termini tal-effetti li tipproduċi, il-liġi applikabbli tista’ tkun differenti:

Fir-rigward tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, u sad-29 ta’ Jannar 2019 (meta r-Regolament 1103/2016 jibda japplika) il-liġi applikabbli hija (jekk ma jkunx ġie stabbilit reġim ta’ proprjetà matrimonjali fi ftehim ta’ proprjetà matrimonjali) il-liġi personali komuni tal-konjuġi fiż-żmien taż-żwieġ (in-nazzjonalità komuni). Fin-nuqqas ta’ dan, hija l-liġi personali (li tappartjeni għan-nazzjonalità tagħhom) jew il-liġi tar-residenza abitwali ta’ xi wieħed mill-konjuġi, magħżula miż-żewġ konjuġi f’att iċċertifikat eżegwit qabel iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ. Fl-assenza ta’ dak li ntqal hawn fuq, tapplika l-liġi tar-residenza komuni abitwali minnufih wara li jkun ġie ċċelebrat iż-żwieġ. Fl-aħħar nett, fl-assenza ta’ tali residenza konġunta, ir-reġim tal-proprjetà supplementari għandu jkun dak tal-post fejn ġie ċċelebrat iż-żwieġ. Mid-29 ta’ Jannar 2019, ir-Regolament 1103/2016 għandu jkun applikabbli b’mod sħiħ, li jfisser li jekk ma ssir l-ebda għażla, għandu japplika r-reġim tal-proprjetà matrimonjali tal-liġi ta’: a) l-Istat fejn l-ewwel residenza abitwali komuni tal-konjuġi kienet fiż-żmien taż-żwieġ, jew, fin-nuqqas ta’ dan, (b) l-Istat li jikkorrispondi man-nazzjonalità komuni tal-konjuġi fiż-żmien taż-żwieġ tagħhom jew, fin-nuqqas ta’ dan (c) l-Istat li miegħu ż-żewġ konjuġi għandhom l-aktar rabtiet mill-qrib fiż-żmien taż-żwieġ, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha. Jekk il-konjuġi jkollhom aktar minn nazzjonalità komuni waħda fiż-żmien taż-żwieġ, il-kriterju tal-liġi tan-nazzjonalità komuni ma japplikax.

Kwistjonijiet relatati mal-kustodja tat-tfal huma rregolati mill-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta’ Ottubru 1996 bil-liġi tal-awtorità li tagħmel id-deċiżjoni.

Fil-kwistjoni tal-miżuri provviżorji u prekawzjonarji, loġikament, għandha tiġi applikata l-istess liġi li tirregola s-separazzjoni legali, l-annullament taż-żwieġ jew id-divorzju f’kull każ, minbarra fir-rigward ta’ miżuri urġenti li jistgħu jiġu adottati fir-rigward tal-persuni jew il-proprjetà li jkunu jinsabu fi Spanja, ukoll fejn ma jkun hemm l-ebda ġuriżdizzjoni biex tinstema’ l-kawża.

Fir-rigward tal-manteniment (inkluż l-użu tad-dar matrimonjali u, fejn applikabbli, konċessjoni kumpensatorja), fl-assenza ta’ ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli, tapplika l-liġi li tappartjenti għar-residenza abitwali tal-kreditur tal-manteniment.

Rigward kif tingħata prova tal-liġi barranija fi Spanja, jekk hekk ikun il-każ, iridu jiġu ppruvati l-kontenut u l-validità tagħha; il-qorti Spanjola tista’ tistabbilixxi dan b’kull mezz li hija tqis neċessarju għal dan l-iskop.

Fl-aħħar, għandu jiġi enfasizzat illi l-proċedimenti mressqa fi Spanja huma dejjem regolati mil-liġi proċedurali Spanjola, irrispettivament mil-liġi applikabbli għad-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 01/06/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.