Divorzju u separazzjoni legali

Slovenja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-liġi Slovena tirrikonoxxi:

  1. divorzju abbażi ta’ ftehim bejn il-miżżewġin,
  2. divorzju abbażi ta’ ftehim quddiem nutar pubbliku u
  3. divorzju abbażi ta’ proposta (proċedura ta’ ġuriżdizzjoni volontarja)

a) Fil-każ ta’ divorzju bil-ftehim bejn il-miżżewġin, il-qorti tordna divorzju skont l-Artikolu 96 tal-Kodiċi tal-Familja (Družinski zakonik) jekk ikunu laħqu ftehim dwar l-indukrar, it-trobbija u l-manteniment tat-tfal li jista' jkollhom flimkien u dwar l-aċċess tat-tfal mal-ġenituri, u jekk ikunu ppreżentaw, permezz ta' att notarili eżekuttiv, ftehim dwar id-diviżjoni tal-proprjetà konġunta tagħhom, dwar min minnhom se jibqa' jgħix fiha jew isir l-inkwilin tal-abitazzjoni tagħhom, u dwar il-manteniment tal-konjuġi li ma għandux mezzi biex jgħix u jinsab bla xogħol mingħajr ħtija tiegħu.

Qabel ma qorti tordna divorzju, trid tistabbilixxi jekk il-ftehim bejn il-miżżewġin jiżgurax l-indukrar, it-trobbija u l-manteniment tat-tfal li jista’ jkollhom flimkien, u l-aċċess bejn it-tfal u l-ġenituri skont l-interessi tat-tfal. Jekk il-qorti tistabbilixxi li l-ftehim bejn il-miżżewġin ma jkunx fl-interessi tat-tfal, hija tiċħad il-proposta li ż-żwieġ jintemm b’kunsens reċiproku.

b) Jekk ikunu jixtiequ jiddivorzjaw miżżewġin li m’għandhomx tfal flimkien li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuqhom u dawn jilħqu ftehim dwar id-diviżjoni tal-proprjetà konġunta tagħhom, dwar min minnhom għandu jibqa’ jew isir l-inkwilin tal-abitazzjoni li jgħixu fiha, u dwar il-manteniment tal-konjuġi li ma għandux mezzi biex jgħix u jinsab bla xogħol mingħajr ħtija tiegħu, dawn jitolbu lil nutar pubbliku jfassal att notarili tal-ftehim tagħhom biex itemmu ż-żwieġ. Iż-żwieġ jintemm mal-iffirmar tal-att notarili. L-att huwa l-bażi legali għad-dħul tad-divorzju fir-reġistru ċivili. In-nutar jibgħat l-att lill-unità amministrattiva, li ddaħħal id-divorzju fir-reġistru ċivili, fi żmien tmint ijiem mill-jum tal-iffirmar tal-ftehim quddiem in-nutar pubbliku. (L-Artikolu 97 tal-Kodiċi tal-Familja)

c) Meta għal xi raġuni ż-żwieġ ikun "tkisser irrimedjabbilment", kull konjuġi jista’ jitlob id-divorzju. Meta qorti tħoll żwieġ abbażi tal-paragrafu preċedenti, hija tiddeċiedi wkoll dwar l-indukrar, it-trobbija u l-manteniment ta’ kwalunkwe wild li l-miżżewġin jista’ jkollhom flimkien u dwar il-kuntatt tagħhom mal-ġenituri skont il-Kodiċi. Qabel ma l-qorti tiddeċiedi skont il-paragrafu preċedenti, hija għandha tistabbilixxi kif l-interessi tal-minuri jiġu moqdija l-aħjar. (L-Artikolu 98 tal-Kodiċi tal-Familja)

Qabel ma jiftħu kawża jew jippreżentaw proposta għal divorzju abbażi ta’ ftehim, il-miżżewġin l-ewwel jattendu konsulenza f’ċentru tas-servizzi soċjali (center za socialno delo), għajr jekk:

  • ma jkollhomx tfal flimkien li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuqhom;
  • wieħed mill-miżżewġin ikun mentalment inkompetenti;
  • wieħed mill-miżżewġin ikun bla residenza magħrufa jew ma jkunx magħruf fejn jinsab;
  • wieħed mill-miżżewġin jew it-tnejn li huma jkunu jgħixu barra l-pajjiż.

L-għan tal-konsulenza qabel huwa li jgħin lill-miżżewġin jaċċertaw ruħhom jekk ir-relazzjoni tagħhom tkunx tfarrket sal-punt li ż-żwieġ ikun irrimedjabbli għal mill-inqas wieħed minnhom, jew jekk ikunx hemm il-possibbiltà li ż-żwieġ jiġi salvat. Il-miżżewġin jattendu l-konsulenza ta’ qabel mingħajr il-preżenza tar-rappreżentanti tagħhom. (L-Artikolu 200 tal-Kodiċi tal-Familja)

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Il-Kodiċi tal-Familja jirrikonoxxi raġuni waħda biss għad-divorzju: li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment. Dan ifisser li ż-żwieġ tkisser totalment u li ma hemmx tama ta' rikonċiljazzjoni. Żwieġ jitqies li "tkisser irrimedjabbilment" biss meta r-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin mhux talli tkissru temporanjament iżda għal raġunijiet serji, tkissru għalkollox u mingħajr tama ta' rikonċiljazzjoni. Il-fatt li ż-żwieġ sar irrimedjabbli jiġi evalwat skont is-sitwazzjoni fi żmien is-seduta ta' smigħ, billi jiġu meqjusa ċ-ċirkostanzi kollha li wasslu għas-sitwazzjoni attwali. Il-qorti tistabbilixxi t-tkissir irrimedjabbli wkoll meta l-konjuġi l-ieħor jaqbel li jsir id-divorzju.

Żwieġ jista' jinħall wara talba ta' kull parti, u ma hemmx ħtieġa li ż-żwieġ ikun tkisser irrimedjabbilment għat-tnejn li huma.

Il-kwistjoni dwar ta' min hi l-ħtija li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment ma titqajjimx, u lanqas ma tqajjimha l-qorti matul il-proċedimenti. Għalhekk, żwieġ jista' jinħall ukoll wara talba tal-konjuġi li jkun ħati tat-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

Il-konsegwenzi ġuridiċi tad-divorzju huma mniżżla fid-dettall kif ġej:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Konjuġi li jibdel kunjomu maż-żwieġ jista’, fi żmien sena mis-sentenza finali tad-divorzju jew sentenza li tħoll iż-żwieġ, jew fi żmien sena mill-iffirmar tal-att notarili jew dokument ieħor ekwivalenti dwar id-divorzju bonarju, jippreżenta dikjarazzjoni lill-awtorità kompetenti bl-effett li jixtieq imur lura għall-kunjom li kellu qabel iż-żwieġ. Din id-dikjarazzjoni tista’ tiġi ppreżentata biss minn persuna li ma tkunx bidlet kunjomha ulterjorment matul iż-żwieġ. (l-Artikolu 17 tal-Att dwar l-Ismijiet Personali [Zakon o osebnem imenu]) Il-kwistjoni tal-bdil ta' kunjom hija kwistjoni amministrattiva li ma tiġix deċiża mill-qorti iżda minn korp amministrattiv.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Jekk il-konjuġi ma jkunux daħlu fi ftehim li jorganizza r-relazzjonijiet patrimonjali matrimonjali tagħhom, fid-diviżjoni tal-beni konġunti, il-preżunzjoni legali tkun li s-sehem tal-miżżewġin fil-beni konġunti jkun ugwali; madankollu, il-konjuġi li jaħseb li se jsib ruħu f'pożizzjoni żvantaġġata minħabba d-diviżjoni tal-assi f'ishma ndaqs jista' jitlob li sehmu jiġi stabbilit proporzjonalment skont il-kontribuzzjoni tiegħu fl-assi konġunti. Differenzi insinifikanti fil-kontribuzzjonijiet ta’ kull konjuġi għall-proprjetà matrimonjali ma jitqisux. Il-qorti tqis iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-introjtu ta’ kull konjuġi, l-assistenza li wieħed mill-konjuġi ta lill-ieħor, l-indukrar u t-trobbija tat-tfal, it-twettiq tax-xogħol domestiku, iż-żamma tad-dar u tal-familja, il-manutenzjoni tal-beni, u kwalunkwe forma oħra ta’ xogħol u parteċipazzjoni fil-ġestjoni, iż-żamma u ż-żieda tal-beni konġunti. (L-Artikolu 74 tal-Kodiċi tal-Familja)

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

L-INDUKRAR U T-TROBBIJA TAT-TFAL

Il-ġenituri li ma jgħixux flimkien jew li jkollhom l-intenzjoni li jisseparaw iridu jaqblu dwar it-trobbija u l-indukrar tat-tfal, u dan fl-interess ta’ dawk it-tfal. Huma jistgħu jaqblu li t-tnejn li huma jieħdu ħsieb u jrabbu t-tfal, li t-tfal kollha jiġu fdati għall-indukrar u t-trobbija ta’ wieħed mill-ġenituri, jew li wħud mit-tfal jiġu fdati f’idejn ġenitur wieħed u t-tfal l-oħra lill-ġenitur l-ieħor. Jekk il-ġenituri ma jaqblux bejniethom fuq din il-kwistjoni, jiġu assistiti biex jilħqu ftehim minn ċentru tas-servizzi soċjali. Jistgħu wkoll jitolbu l-medjazzjoni.

Jekk il-ġenituri jsibu qbil dwar l-indukrar u t-trobbija tat-tfal, ikunu jistgħu jipproponu li tiġi ffirmata soluzzjoni bil-qorti. Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-qbil ma jkunx fl-aħjar interessi tat-tfal, il-proposta tiġi miċħuda.

Jekk, anke bl-assistenza ta’ ċentru tas-servizzi soċjali, il-ġenituri jibqgħu ma jaqblux dwar it-trobbija u l-indukrar tat-tfal, il-qorti għandha tiddeċiedi fuq talba ta’ ġenitur wieħed jew tat-tnejn li huma, it-tutur tat-tfal, wild li jkun laħaq l-età ta’ 15-il sena, dment li l-wild ikun kapaċi jifhem it-tifsira u l-konsegwenzi legali tal-azzjonijiet tiegħu, jew ċentru tas-servizzi soċjali, kif ġej:

  • li l-ġenituri jżommu r-responsabbiltà konġunta għall-indukrar u t-trobbija tat-tfal;
  • li l-indukrar u t-trobbija tat-tfal tingħata lil ġenitur minnhom;
  • jew li wħud mit-tfal jingħataw lil ġenitur wieħed u t-tfal l-oħra lill-ieħor;
  • u tista’ wkoll, ex officio u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Familja, tiddeċiedi dwar il-miżuri kollha għas-salvagwardja tal-interessi tat-tfal.

Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar l-indukrar u t-trobbija, il-qorti trid tikkunsidra l-opinjoni tal-wild, jekk ikun hu stess li jesprimiha jew tingħad minn persuna li l-wild jafdaha, u li ntgħażlet minnu stess, u dment li l-wild ikun kapaċi jifhem it-tifsira u l-konsegwenzi tagħha. Meta tasal għal deċiżjoni dwar l-indukrar u t-trobbija fl-interess tat-tfal, il-qorti tqis l-opinjoni taċ-ċentru tas-servizzi soċjali, li hija tikseb f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi li tirregola l-proċedura ċivili ta’ ġuriżdizzjoni volontarja. (L-Artikoli 138 u 143 tal-Kodiċi tal-Familja, l-Artikolu 102 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja [Zakon o nepravdnem postopku])

KUNTATT

It-tfal għandhom id-dritt li jkollhom kuntatt maż-żewġ ġenituri, u viċi versa. Il-kuntatt irid jiżgura li l-interessi tat-tfal jiġu servuti. Il-ġenitur li l-indukrar u t-trobbija tat-tfal ikunu ġew fdati lilu, jew persuna oħra li t-tfal ikunu jgħixu magħha, trid toqgħod lura minn kull imġiba li xxekkel jew tipprevjeni l-kuntatt, u trid tagħmel ħilitha biex tħeġġeġ lit-tfal jadottaw attitudni xierqa lejn il-kuntatt mal-ġenitur l-ieħor jew mal-ġenituri tagħhom. Il-ġenitur li jkollu kuntatt mat-tfal irid joqgħod lura minn kull aġir li jostakola l-kuntatt u indukrar u t-trobbija tat-tfal.

Il-ġenituri li ma jgħixux flimkien jew li jkollhom l-intenzjoni li jisseparaw għandhom isibu qbil dwar il-kuntatt. Jekk il-ġenituri ma jaqblux bejniethom fuq din il-kwistjoni, jiġu assistiti biex jilħqu ftehim minn ċentru tas-servizzi soċjali. Jistgħu wkoll jitolbu l-medjazzjoni. Jekk il-ġenituri jsibu qbil dwar il-kuntatt, ikunu jistgħu jipproponu li tiġi ffirmata soluzzjoni bil-qorti. Jekk il-qorti tistabbilixxi li l-ftehim ma jkunx fl-interess tat-tfal, tiċħad il-proposta. Jekk il-ġenituri jibqgħu ma jaqblux dwar il-kuntatt, il-kwistjoni tiġi deċiża mill-qorti.

Il-proċedimenti ġudizzjarja biex tingħata deċiżjoni dwar il-kuntatt u għall-emendar ta’ deċiżjoni li tirregola l-kwistjoni jinbdew bi proposta minn ġenitur jew miż-żewġ ġenituri, it-tutur tat-tfal, wild li jkun laħaq l-età ta’ 15-il sena, dment li l-wild ikun kapaċi jifhem it-tifsira u l-konsegwenzi legali tal-azzjonijiet tiegħu, jew ċentru tas-servizzi soċjali.

Fil-każ ta’ divorzju abbażi ta’ ftehim bejn il-miżżewġin, il-miżżewġin jridu jinkludu wkoll ftehim dwar il-kuntatt mal-ftehim tad-divorzju, li l-qorti ddaħħal fid-deċiżjoni dwar id-divorzju bonarju, u jridu jinkludu mal-proposta reġistru ta’ attendenza għall-konsulenza ta’ qabel. Jekk il-qorti tilqa’ proposta għal divorzju, proposta biex żwieġ jiġi annullat jew proposta biex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ żwieġ, hija tiddeċiedi wkoll dwar il-kuntatt bejn il-miżżewġin u t-tfal li jista’ jkollhom flimkien.

Il-kuntatt jiġi deċiż fl-ewwel istanza mill-qrati distrettwali (okrožna sodišča) fi proċedura ta’ ġuriżdizzjoni volontarja.

Meta jiġi deċiż il-kuntatt, l-interessi tat-tfal huma ta' importanza assoluta: il-kuntatt jitqies li ma jkunx fl-interess tat-tfal jekk jagħmel pressjoni psikoloġika fuq it-tfal jew jekk jipperikola l-iżvilupp fiżiku jew mentali tagħhom;

it-tfal għandhom ukoll id-dritt għal kuntatt ma’ persuni oħrajn li jkunu qraba u li jkollhom rabta personali mill-qrib mat-tfal (pereżempju n-nanniet u l-aħwa (inkluż aħwa minn ġenitur wieħed).

Il-qorti tista’ tneħħi jew tirrestrinġi d-dritt ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 173 tal-Kodiċi tal-Familja.

Jekk il-ġenitur li t-tfal jgħixu miegħu jipprevjeni l-kuntatt bejn it-tfal u l-ġenitur l-ieħor u ma jkunx jista’ jsir kuntatt lanqas bl-għajnuna speċjalizzata ta’ ċentru tas-servizzi soċjali, il-qorti tista’, fuq proposta tal-ġenitur l-ieħor, tiddeċiedi li tneħħi l-kustodja mill-ġenitur li jkun qed jipprevjeni l-kuntatt u tafda t-tfal lill-ġenitur l-ieħor, jekk il-qorti temmen li l-ġenitur l-ieħor ikun se jippermetti l-kuntatt u jekk dan ikun l-uniku mod biex jitħarsu l-interessi tat-tfal. Il-qorti toħroġ deċiżjoni ġdida dwar il-kuntatt tal-ġenituri meta dan ikun meħtieġ minn bidla fiċ-ċirkostanzi u l-interessi tat-tfal.

Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar l-indukrar u t-trobbija, il-qorti trid tikkunsidra l-opinjoni tal-wild, jekk ikun hu stess li jesprimiha jew tingħad minn persuna li l-wild jafdaha, u li ntgħażlet minnu stess, u dment li l-wild ikun kapaċi jifhem it-tifsira u l-konsegwenzi tagħha.

Meta tasal għal deċiżjoni dwar il-kuntatt fl-interess tat-tfal, il-qorti tqis l-opinjoni taċ-ċentru tas-servizzi soċjali, li hija tikseb f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi li tirregola l-proċedura ċivili ta’ ġuriżdizzjoni volontarja. (L-Artikoli 141, 142 u 143 tal-Kodiċi tal-Familja, l-Artikolu 102 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja)

MANTENIMENT tal-konjuġi u t-tfal

Il-miżżewġin jistgħu jaqblu li jiffirmaw soluzzjoni bil-qorti fir-rigward tal-manteniment tat-tfal. Jekk il-ftehim ma jkunx fl-interess tat-tfal, il-qorti tiċħad il-proposta. (L-Artikolu 191 tal-Kodiċi tal-Familja)

Meta l-miżżewġin ma jaslux għal ftehim la bejniethom u lanqas bl-għajnuna ta' ċentru tas-servizzi soċjali, ikunu jistgħu jitolbu deċiżjoni tal-qorti. Qabel ma tasal għal deċiżjoni, il-qorti trid titlob il-parir ta' ċentru tas-servizzi soċjali u trid tqis ukoll l-opinjoni tat-tfal, jekk ikunu esprimew opinjoni jew jekk ikunu kapaċi jifhmu l-importanza u l-konsegwenzi tagħha. (L-Artikoli 140, u 143 tal-Kodiċi tal-Familja)

Il-ġenituri obbligati jmantnu lil uliedhom sakemm jilħqu l-età maġġuri, b’tali mod li, skont il-kapaċitajiet tagħhom, jipprovdu għall-kundizzjonijiet tal-għajxien meħtieġa għall-iżvilupp tagħhom.

Il-ġenituri obbligati wkoll imantnu tfal li jkunu rreġistrati fi skola ta’ edukazzjoni sekondarja wara li jilħqu l-età maġġuri, jekk ikunu involuti f’edukazzjoni regolari u ma jkunux impjegati, u jekk ma jkunux irreġistrati bħala qiegħda, jiġifieri sal-ewwel tlestija tal-istudji tal-iskola sekondarja jew it-tlestija tal-ogħla livell ta’ edukazzjoni ġenerali jew vokazzjonali li jista’ jinkiseb skont ir-regolamenti dwar l-edukazzjoni sekondarja. L-obbligu tal-manteniment jintemm meta t-tfal jilħqu l-età ta’ 26 sena.

Il-ġenituri obbligati jmantnu tfal li jkunu rreġistrati f’edukazzjoni teknika superjuri jekk ikunu involuti f’edukazzjoni regolari u ma jkunux impjegati, u jekk ma jkunux irreġistrati bħala qiegħda, jiġifieri sal-ewwel tlestija tal-edukazzjoni teknika superjuri skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi li tirregola l-edukazzjoni teknika superjuri. Il-ġenituri obbligati wkoll imantnu tfal li jkunu rreġistrati fi skola ta’ edukazzjoni superjuri jekk ikunu involuti f’edukazzjoni regolari u ma jkunux impjegati, u jekk ma jkunux irreġistrati bħala qiegħda, jiġifieri sal-ewwel tlestija tal-istudji għall-ewwel lawrja jew programm ta’ Master’s jew programm ta’ Master’s integrat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi li tirregola l-edukazzjoni superjuri. Jekk il-programm ta’ studju li jkunu qed jattendu t-tfal idum aktar minn erba’ snin, l-obbligu ta’ manteniment jiġi estiż bl-ammont ta’ żmien li l-programm ta’ studju jaqbeż dawk l-erba’ snin bihom. L-obbligu tal-manteniment jintemm meta t-tfal jilħqu l-età ta’ 26 sena. (L-Artikolu 183 tal-Kodiċi tal-Familja)

Il-manteniment jiġi allokat skont il-bżonnijiet r-rikorrent u skont il-kapaċitajiet materjali u ta’ qligħ tal-persuna li trid tħallas il-manteniment. Fl-allokazzjoni tal-manteniment, il-qorti obbligata tqis l-interessi tat-tfal, sabiex il-manteniment ikun adegwat biex jiżgura l-iżvilupp fiżiku u mentali pożittiv tiegħu. Il-manteniment irid ikopri l-ispejjeż għall-għajxien tat-tfal, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, l-ikel, l-ilbies, iż-żraben, l-indukrar u l-protezzjoni, l-edukazzjoni, l-iskola, ir-rikreazzjoni, id-divertiment u bżonnijiet speċifiċi oħrajn. Il-manteniment jiġi aġġustat darba fis-sena skont l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur fis-Slovenja. (L-Artikoli 189, 190 u 198 tal-Kodiċi tal-Familja)

Konjuġi jew sieħeb/sieħba ekstrakonjugali huma obbligati jmantnu lill-wild minuri tas-sieħeb/sieħba tagħhom li jgħix magħhom, sakemm dak il-ġenitur jew ġenitur ieħor ma jkunx jiflaħ imantni l-wild.

L-obbligu tal-konjuġi jew tas-sieħeb/sieħba ekstrakonjugali jintemm mali jintemm iż-żwieġ tagħhom jew is-sħubija ekstrakonjugali ma’ omm jew missier il-wild, sakemm iż-żwieġ jew is-sħubija ekstrakonjugali ma jiġux fi tmiemhom minħabba l-mewt tal-omm jew tal-missier tal-wild. F’dak il-każ, il-konjuġi jew is-sieħeb/sieħba ekstrakonjugali superstiti jkunu obbligati jmantnu lill-wild tal-konjuġi deċedut jew tas-sieħeb/sieħba ekstrakonjugali tagħhom biss jekk ikunu jgħixu mal-wild fil-mument meta ż-żwieġ jew is-sħubija ekstrakonjugali jkunu ntemmu. (L-Artikolu 187 tal-Kodiċi tal-Familja)

Wild ta’ età maġġuri huwa obbligat imantni lill-ġenituri tiegħu jekk ma jkollhomx il-mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza u ma jkunux jistgħu jiksbu tali mezzi, iżda biss għall-istess ammont ta’ żmien li l-ġenituri jkunu appoġġaw lilu. Wild ta’ età maġġuri mhuwiex meħtieġ imantni ġenitur li, għal raġunijiet mhux raġonevoli, ikun naqas milli jwettaq l-obbligi ta’ manteniment tiegħu lilu. (L-Artikolu 185 tal-Kodiċi tal-Familja)

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Konjuġi li ma għandu l-ebda mezz ta’ sussistenza u li jkun qiegħed mingħajr ħtija tiegħu għandu d-dritt jitlob il-manteniment mingħand il-konjuġi l-ieħor fi proċedimenti ta’ divorzju, kif ukoll permezz ta’ azzjoni speċjali li trid tiġi ppreżentata fi żmien sena mill-ħall finali taż-żwieġ. Il-manteniment jista’ jintalab biss jekk il-kondizzjonijiet għall-manteniment kienu jeżistu fiż-żmien tad-divorzju u jkunu għadhom jeżistu fiż-żmien li l-konjuġi jitlob il-manteniment. (L-Artikolu 100 tal-Kodiċi tal-Familja)

Il-miżżewġin jistgħu jilħqu ftehim dwar il-manteniment fil-każ ta’ divorzju billi jikkonkludu ftehim ta’ manteniment fil-forma ta’ att notarili eżekuttiv maż-żwieġ, matul iż-żwieġ jew mad-divorzju. (L-Artikolu 101 tal-Kodiċi tal-Familja)

Il-manteniment jiġi allokat skont il-bżonnijiet tar-rikorrent u l-kapaċità tal-persuna li trid tħallas il-manteniment. Il-manteniment huwa ddeterminat bħala somma fix-xahar u bil-quddiem, u jista' jintalab minn meta jsir rikors għall-manteniment. F’każijiet eċċezzjonali, tista’ titħallas bħala somma ta’ darba jew b’xi mod ieħor jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet speċjali. Madankollu, il-manteniment iddeterminat b’dan il-mod ma jistax iqiegħed lir-rikorrent f’pożizzjoni konsiderevolment agħar mill-pożizzjoni li kien ikun fiha li kieku l-manteniment tħallas bil-quddiem bħala somma fix-xahar, u lanqas ma jista’ jpoġġi piż eċċessiv fuq il-persuna obbligata li tħallas il-manteniment. (L-Artikolu 104 tal-Kodiċi tal-Familja)

Il-qorti tiċħad talba għal manteniment jekk il-ħlas ta’ manteniment lill-konjuġi li jkun qed jagħmel it-talba jkun inġust fuq il-konjuġi l-ieħor fid-dawl tar-raġunijiet li wasslu biex iż-żwieġ ikun irrimedjabbli, jew jekk il-konjuġi li qed jagħmel it-talba jkun wettaq reat kriminali kontra l-konjuġi l-ieħor jew it-tfal jew il-ġenituri tiegħu qabel jew matul il-proċedimenti tad-divorzju jew wara d-divorzju. (L-Artikolu 100 tal-Kodiċi tal-Familja)

Ma hemm l-ebda obbligu ta’ manteniment bejn divorzjati jekk il-ħlas tal-manteniment jipperikola l-kapaċità tagħhom li jmantnu lilhom infushom jew kwalunkwe minuri li obbligati jmantnu skont il-Kodiċi tal-Familja. (L-Artikolu 105 tal-Kodiċi tal-Familja)

Il-manteniment jiġi aġġornat darba fis-sena skont l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumaturi fis-Slovenja. (L-Artikolu 107 tal-Kodiċi tal-Familja)

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

"Unjoni ta' koabitazzjoni" (življenjska skupnost) hija element essenzjali fi żwieġ (l-Artikolu 3 tal-Kodiċi tal-Familja). It-tmiem tal-koabitazzjoni (prenehanje življenjske skupnosti) jew is-separazzjoni legali, tfisser it-tmiem permanenti tal-elementi essenzjali tar-relazzjonijiet reċiproċi li jeżistu bejn il-miżżewġin. Meta tintemm il-koabitazzjoni, ir-rabtiet ekonomiċi, intimi u emozzjonali bejn il-miżżewġin jaslu wkoll fi tmiemhom, kif ukoll id-dar matrimonjali eċċ.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-liġi ma tispeċifikax il-kundizzjonijiet għas-separazzjoni legali. Il-qrati jiddeċiedu dwar is-separazzjoni legali għal kull każ individwali skont iċ-ċirkostanzi u l-karatteristiċi speċifiċi tal-każ ikkonċernat.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Is-separazzjoni legali ma għandhiex effett fuq l-eżistenza ta' żwieġ; dan ifisser li tintemm biss il-koabitazzjoni u mhux iż-żwieġ. Sabiex jintemm żwieġ, trid tiġi ppreżentata proposta għal divorzju kunsenswali, issir talba lil nutar pubbliku biex ifassal att notarili tal-ftehim tad-divorzju, jew tiġi ppreżentata proposta ta’ divorzju (ara l-punt 1). Konjuġi li ma jkollu l-ebda mezz ta’ sussistenza jista’ jitlob il-manteniment mingħand il-konjuġi l-ieħor fi proċedimenti ta’ divorzju, kif ukoll permezz ta’ azzjoni speċjali li trid tiġi ppreżentata fi żmien sena mill-ħall finali taż-żwieġ.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

L-annullament ifisser li, fil-mument meta l-miżżewġin daħlu għaż-żwieġ, il-kundizzjonijiet rikjesti mil-liġi biex żwieġ ikun validu ma kinux jeżistu, (pereżempju ma kienx hemm kunsens ħieles, il-kunsens kien sfurzat jew ingħata bi żball, iż-żwieġ ma kienx iċċelebrat skont il-proċedura stabbilita, kien iċċelebrat minn minuri jew iċċelebrat minn persuna mentalment inkompetenti jew temporanjament mentalment inkompetenti, eċċ.). Il-konsegwenzi ġuridiċi taż-żwieġ jintemmu dakinhar li jiġi annullat.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Żwieġ ma jsirx null ipso iure, iżda jrid jiġi annullat b'sentenza.

Kawża għall-annullament ta’ żwieġ tista’ tiġi ppreżentata mill-miżżewġin u minn kwalunkwe persuna b’interess legali fl-annullament, jiġifieri jekk iż-żwieġ ikun sar minn minuri jew minn persuna mentalment inkompetenti, jekk żwieġ preċedenti ma jkunx inħall, jekk iż-żwieġ ikun sar bejn qraba, jekk wieħed mill-konjuġi ma kienx preżenti meta ż-żwieġ ġie ċċelebrat, jew jekk iż-żwieġ ma sarx bl-intenzjoni li l-miżżewġin jgħixu flimkien. Il-prosekutur tal-istat jista’ wkoll jippreżenta rikors għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq u fil-każ ta’ żwieġ bejn ġenitur adottiv u wild adottat.

Wieħed jew l-ieħor mill-miżżewġin jista’ jippreżenta rikors għall-annullament ta’ żwieġ wara li r-raġuni tal-inkompetenza mentali ma tibqax teżisti.

Ma hemm l-ebda preskrizzjoni fuq l-eżerċitar tad-dritt li jintalab l-annullament ta’ żwieġ. (L-Artikolu 48 tal-Kodiċi tal-Familja)

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Il-konsegwenzi ġuridiċi ta’ annullament taż-żwieġ jibdew minn dakinhar li s-sentenza dwar l-annullament issir finali. Fil-każ ta’ annullament ta’ żwieġ, id-dispożizzjonijiet li japplikaw għal proċedimenti ta’ divorzju jiġu applikati fir-rigward ta’ relazzjonijiet ta’ proprjetà u rigali bejn il-miżżewġin. (L-Artikoli 54 u 55 tal-Kodiċi tal-Familja)

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

L-Att dwar il-Medjazzjoni fil-Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali (Zakon o mediaciji v civilnih in gospodarskih zadevah), li daħal fis-seħħ f'Ġunju 2008, jirregola l-medjazzjoni f'tilwim li jinkludi l-qasam ċivili, kummerċjali, dak relatat max-xogħol, il-familja u relazzjonijiet oħra relatati mal-proprjetà fir-rigward ta' talbiet li l-partijiet jistgħu jressqu u jiftiehmu dwarhom liberament, sakemm ma tipprevedix mod ieħor xi liġi separata għal kwalunkwe wieħed minn dawn it-tipi ta' tilwim. Iż-żwieġ innifsu ma jistax jinħall mingħajr l-intervent tal-qorti; trid tiġi ppreżentata proposta biex jinħall iż-żwieġ bi ftehim (ara l-punt 1).

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Skont l-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja, il-proċeduri f’tilwim matrimonjali huma: proċeduri biex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ żwieġ, annullament ta’ żwieġ u l-ħall ta’ żwieġ.

Il-qrati distrettwali huma kompetenti biex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet bħal dawn fl-ewwel istanza (l-Artikolu 10 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja).

Proċedura biex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ żwieġ tibda fuq proposta ta’ persuna b’interess legali jew tal-prosekutur tal-istat.

Proċedura għall-annullament ta’ żwieġ tibda fuq proposta ta’ wieħed mill-miżżewġin. Tista’ tinbeda wkoll proċedura fuq proposta ta’ persuna b’interess legali jew tal-prosekutur tal-istat, jekk il-Kodiċi tal-Familja jipprevedi hekk.

Proċedura biex jinħall żwieġ tibda fuq proposta ta’ wieħed mill-miżżewġin.

Proċedura għal divorzju kunsenswali tibda fuq proposta taż-żewġ miżżewġin. Jekk tkun ġiet ippreżentata proposta għal divorzju kunsenswali u wieħed mill-miżżewġin jirtira l-proposta matul il-proċedimenti, il-qorti twaqqaf il-proċedimenti. (L-Artikolu 81 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja)

Rigward il-kontenut ta’ proposta f’tilwima matrimonjali, l-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja jipprevedi li proposta f’tilwima matrimonjali jrid ikun fiha wkoll talba li l-qorti għandha tiddeċiedi dwarha. Rekord miċ-ċentru tas-servizzi soċjali dwar l-attendenza għal konsulenza minn qabel trid tinhemeż mal-proposta biex jinħall iż-żwieġ, jekk il-Kodiċi tal-Familja jipprevedi li rikorrent irid jattendi konsulenza minn qabel qabel ma jibdew il-proċedimenti. (L-Artikolu 82 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja)

  • Divorzju kunsenswali: Il-qorti tħoll iż-żwieġ fuq il-bażi ta’ ftehim bejn il-miżżewġin dwar bil-kundizzjoni li jkunu qablu fuq il-kwistjonijiet ta’ importanza legali billi jippreżentaw il-ftehim dwar l-indukrar, it-trobbija u l-manteniment tat-tfal li jista' jkollhom flimkien u dwar il-kuntatt tat-tfal mal-ġenituri, u jekk ikunu ppreżentaw ukoll, fil-forma ta' att notarili eżekuttiv, ftehim dwar id-diviżjoni tal-proprjetà konġunta tagħhom, dwar min minnhom se jsir l-inkwilin tal-abitazzjoni tagħhom, u dwar il-manteniment tal-konjuġi li ma għandux mezzi biex jgħix u jinsab bla xogħol mingħajr ħtija tiegħu. Qabel ma qorti tordna divorzju, trid tistabbilixxi jekk il-ftehim bejn il-miżżewġin jiżgurax l-indukrar, it-trobbija u l-manteniment tat-tfal li jista’ jkollhom flimkien, u l-aċċess bejn it-tfal u l-ġenituri skont l-interessi tat-tfal. Jekk il-qorti tistabbilixxi li l-ftehim bejn il-miżżewġin ma jkunx fl-interessi tat-tfal, hija tiċħad il-proposta għal divorzju kunsenswali. (L-Artikolu 96 tal-Kodiċi tal-Familja)
  • Divorzju abbażi ta’ ftehim quddiem nutar pubbliku: Jekk ikunu jixtiequ jiddivorzjaw miżżewġin li m’għandhomx tfal flimkien li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuqhom u dawn jilħqu ftehim dwar id-diviżjoni tal-proprjetà konġunta tagħhom, dwar min minnhom għandu jibqa’ jew isir l-inkwilin tal-abitazzjoni li jgħixu fiha, u dwar il-manteniment tal-konjuġi li ma għandux mezzi biex jgħix u jinsab bla xogħol mingħajr ħtija tiegħu, dawn jitolbu lil nutar pubbliku jfassal att notarili tal-ftehim tagħhom biex itemmu ż-żwieġ. Iż-żwieġ jintemm mal-iffirmar tal-att notarili. L-att huwa l-bażi legali għad-dħul tad-divorzju fir-reġistru ċivili. In-nutar jibgħat l-att lill-unità amministrattiva, li ddaħħal id-divorzju fir-reġistru ċivili, fi żmien tmint ijiem mill-jum tal-iffirmar tal-ftehim quddiem in-nutar pubbliku. (L-Artikolu 97 tal-Kodiċi tal-Familja)
  • Divorzju: Meta għal xi raġuni ż-żwieġ ikun "tkisser irrimedjabbilment", kull konjuġi jista’ jitlob id-divorzju. Rekord miċ-ċentru tas-servizzi soċjali dwar l-attendenza għal konsulenza minn qabel trid tinhemeż mal-proposta, jekk il-Kodiċi tal-Familja jipprevedi li rikorrent irid jattendi konsulenza minn qabel qabel ma jibdew il-proċedimenti. (L-Artikolu 82 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja, l-Artikolu 98 tal-Kodiċi tal-Familja)

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-qorti teżenta lil parti mit-tariffi tal-qorti jekk il-ħlas tagħhom ikun ifisser tnaqqis sostanzjali fil-fondi disponibbli għall-għajxien ta’ dik il-parti jew għall-membri tal-familja tiegħu. Iċ-ċittadini barranin huma eżenti mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti jekk ikun stabbilit hekk minn trattat internazzjonali jew meta jeżistu kundizzjonijiet ta’ reċiproċità (l-Artikoli 10 u 11 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti [Zakon o sodnih taksah, ZST-1]).

Parti tista' titlob għall-għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż ta' avukat u ta' espert; id-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tingħata l-għajnuna legali ssir mill-qorti distrettwali b'ġuriżdizzjoni fuq iż-żona fejn joqgħod b'mod permanenti r-rikorrent. F'din il-proċedura, il-qorti tivvaluta l-kriterji (pereżempju fuq il-mertu, finanzjarji) b'referenza għad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Għajnuna Legali (Zakon o brezplačni pravni pomoči).

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Appell kontra deċiżjoni mogħtija f’tilwima matrimonjali jista’ jitressaq quddiem qorti superjuri (višje sodišče).

Qorti tal-ewwel istanza tista’ temenda jew tannulla deċiżjoni preċedenti b’reazzjoni għal appell li jkun sar fil-ħin jekk dan ma jaffettwax b’mod negattiv id-drittijiet ta’ persuni oħra li jiddependu fuq din id-deċiżjoni jew jekk dawn il-persuni jaqblu mal-emenda jew l-annullament.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta mingħajr il-ħtieġa ta' xi proċedura ta' rikonoxximent speċjali.

Kull parti interessata tista' titlob li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew le ta' deċiżjoni ġudizzjarja. F'dan il-każ, il-parti trid tressaq talba għal dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà quddiem il-qorti distrettwali kompetenti fis-Slovenja.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Rigward il-proċedura għall-preżentata tat-talba tapplika l-liġi Slovena.

Parti li titlob jew tappella r-rikonoxximent ta' deċiżjoni ġudizzjarja, jew tressaq talba għal dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà, trid tissottometti:

  • kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha;
  • il-konferma, f'forma standard, tad-deċiżjoni ġudizzjarja li ngħatat wara l-kawża matrimonjali.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (Brussell II bis) japplikaw primarjament u direttament għal kwistjonijiet ta' ġuriżdizzjoni internazzjonali li jinvolvu ċittadini jew residenti tal-Istati Membri tal-UE.

Jekk iż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini ta' pajjiżi differenti meta ssir il-kawża, japplikaw il-liġijiet kumulattivi tal-pajjiżi li jkunu ċittadini tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika Slovena (l-Artikolu 37(2) tal-Att dwar id-Dritt Privat Internazzjonali u l-Proċedura [Zakon o mednarodnem zasebnem pravu in postopku]).

Jekk iż-żwieġ ma jistax jinħall skont il-liġi tal-pajjiżi li huma ċittadini l-konjuġi tagħhom, tapplika l-liġi Slovena għall-ħall taż-żwieġ, jekk wieħed mill-miżżewġin kien residenti permanenti fis-Slovenja meta nfetħet il-kawża.

Jekk wieħed mill-miżżewġin huwa ċittadin Sloven mingħajr residenza permanenti fis-Slovenja, u ż-żwieġ ma jistax jinħall skont il-liġi speċifikata fl-Artikolu 37(2) tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u l-Proċedura, tapplika l-liġi Slovena għall-ħall taż-żwieġ.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 10/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.