Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Sloven ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Divorzju u separazzjoni legali

Slovenja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-liġi Slovena tirrikonoxxi: a) divorzju bil-ftehim bejn il-miżżewwġin u b) divorzju wara kawża l-qorti.

a) Fil-każ ta' divorzju bil-ftehim bejn il-miżżewwġin, il-qorti tordna divorzju skont l-Artikolu 64 tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjali (Zakon o zakonski zvezi in družinskih razmerjih, ZZZDR) jekk ikunu laħħqu ftehim dwar il-kura, it-trobbija u l-manteniment tat-tfal li jista' jkollhom flimkien u dwar l-aċċess tat-tfal mal-ġenituri (fejn tista' tintalab il-fehma ta' Ċentru tal-Ħidma Soċjali), u jekk ikunu ppreżentaw, permezz ta' att notarili infurzabbli, ftehim dwar id-diviżjoni tal-proprjetà konġunta tagħhom, dwar min minnhom se jibqa' jgħix fiha jew jikri d-dar tagħhom, u dwar il-manteniment tal-konjuġi li ma għandux mezzi biex jgħix u jinsab bla xogħol mingħajr ħtija tiegħu.

b) Fejn għal xi raġuni ż-żwieġ ikun "tkisser irrimedjabilment", kull parti tista' titlob id-divorzju billi tippreżenta rikors għad-divorzju. F'dan il-każ, hija l-qorti wkoll li tiddeċiedi dwar il-kura, it-trobbija u l-manteniment tat-tfal li jista' jkollhom il-miżżewwġin, u l-aċċess tagħhom mal-ġenituri.  Qabel tagħti d-deċiżjoni tagħha, il-qorti trid titlob il-parir ta' Ċentru tal-Ħidma Soċjali.

Fiż-żewġ każijiet, wara li jitressaq quddiemha rikors għad-divorzju abbażi ta' kemm ftehim jew kawża għad-divorzju, il-qorti tordna liċ-Ċentru tal-Ħidma Soċjali kompetenti biex imexxi sessjoni ta' counselling, li għaliha jridu jattendu l-miżżewwġin mingħajr il-preżenza ta' rappreżentanti. Iċ-Ċentru tal-Ħidma Soċjali jagħti rapport lill-qorti dwar l-eżitu tas-sessjoni ta' counselling.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

  • L-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjali jirrikonoxxi raġuni waħda biss għad-divorzju: li ż-żwieġ tkisser irrimedjabilment. Dan ifisser li ż-żwieġ tkisser totalment u li ma hemmx tama ta' rikonċiljazzjoni. Żwieġ jitqies li "tkisser irrimedjabilment" biss meta r-relazzjonijiet bejn il-miżżewwġin mhux talli tkissru temporanjament iżda għal raġunijiet serji, tkissru għal kollox u mingħajr tama ta' rikonċiljazzjoni. Il-fatt li ż-żwieġ sar insopportabbli jiġi evalwat skont is-sitwazzjoni fi żmien is-seduta ta' smigħ, billi jiġu meqjusa ċ-ċirkostanzi kollha li wasslu għas-sitwazzjoni attwali. Il-qorti tistabbilixxi t-tkissir irrimedjabbli wkoll meta l-konjuġi rikorrent jaqbel li jsir id-divorzju.
  • Żwieġ jista' jinħall wara talba ta' kull parti, u ma hemmx ħtieġa li ż-żwieġ ikun tkisser irrimedjabbilment għat-tnejn li huma.
  • Il-kwistjoni dwar ta' min hi l-ħtija li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment ma titqajjimx, u lanqas ma tqajjimha l-qorti matul il-proċedimenti. Żwieġ jista' jinħall ukoll wara talba tal-konjuġi li jkun ħati tat-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

Il-konsegwenzi ġuridiċi tad-divorzju huma mniżżla fid-dettall kif ġej:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Persuna li tbiddel kunjomha maż-żwieġ tista', fi żmien sitt xhur mis-sentenza finali tad-divorzju jew tas-sentenza li tħoll iż-żwieġ, tippreżenta dikjarazzjoni fejn tgħid li tixtieq terġa' tieħu l-kunjom li kellha qabel iż-żwieġ. Din id-dikjarazzjoni tista' ssir biss minn persuna li ma tkunx reġgħet biddlet kunjomha matul iż-żwieġ (l-Artikolu 17 tal-Att dwar l-Isem Personali/Zakon o osebnem imenu, ZOI-1). Il-kwistjoni tal-bdil ta' kunjom hija kwistjoni amministrattiva li ma tiġix deċiża mill-qorti iżda minn korp amministrattiv.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Fid-diviżjoni tal-assi konġunti, il-preżunzjoni ġuridika hija li s-sehem tal-miżżewwġin fl-assi konġunti huwa ndaqs; madankollu, il-konjuġi li jaħseb li se jsib ruħu f'pożizzjoni żvantaġġata minħabba d-diviżjoni tal-assi f'ishma ndaqs jista' jitlob li sehmu jiġi stabbilit proporzjonalment skont il-kontribuzzjoni tiegħu fl-assi konġunti. B'hekk il-qorti tqis mhux biss l-introjtu tal-miżżewwġin iżda wkoll ċirkostanzi oħra, bħall-għajnuna li jkun ta konjuġi lill-ieħor, il-kura u t-trobbija tat-tfal, ix-xogħol fid-dar, il-manutenzjoni tal-assi, u kull tip ieħor ta' xogħol u parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni, il-manutenzjoni u ż-żieda fl-assi konġunti.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

IL-KURA U T-TROBBIJA TAT-TFAL

Ø Fil-każ ta' divorzju bonarju, il-miżżewwġin iridu jaqblu fuq it-trobbija u l-kura tat-tfal, filwaqt li l-qorti tevalwa jekk dan il-ftehim hux fl-interess tat-tfal. Il-miżżewwġin jistgħu jaqblu li

  • t-tnejn flimkien ikollhom jew ikomplu bil-kura u t-trobbija tat-tfal,
  • jew li l-kura u t-trobbija tat-tfal tingħata lil ġenitur minnhom,
  • jew li wħud mit-tfal jingħataw lil ġenitur wieħed u t-tfal l-oħra lill-ieħor.

Jekk il-ġenituri ma jilħqux ftehim bejniethom fuq din il-kwistjoni, jiġu assistiti biex jilħqu ftehim minn Ċentru tal-Ħidma Soċjali.

Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim fuq il-kura u t-trobbija, jistgħu jissuġġerixxu li l-qorti tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni fi proċedura mhux kontentzjuża.

Jekk ma jilħqux ftehim jew jekk il-ftehim mhuwiex fl-interess tat-tfal, il-qorti ma tordnax il-ħall taż-żwieġ fuq bażi bonarja; minflok, ikun hemm bżonn kawża ta' divorzju.

Jekk anki bl-għajnuna ta' Ċentru ta' Ħidma Soċjali l-ġenituri ma jilħqux qbil dwar il-kura u t-trobbija tat-tfal, il-qorti tiddeċiedi wara talba ta' ġenitur minnhom jew tat-tnejn li huma

  • jew li l-kura u t-trobbija tat-tfal tingħata lil ġenitur minnhom,
  • jew li wħud mit-tfal jingħataw lil ġenitur wieħed u t-tfal l-oħra lill-ieħor.
  • F'każijiet eċċezzjonali, il-qorti tista' tiddeċiedi li l-kura u t-trobbija tat-tfal kollha jew uħud minnhom għandha tingħata lil terza persuna,

il-qorti trid tieħu parir minn Ċentru ta' Ħidma Soċjali qabel tieħu deċiżjoni, u meta tasal għad-deċiżjoni, tikkunsidra l-opinjoni tat-tifel jekk ikun hu stess li jesprimiha jew tingħad minn persuna afdata mit-tifel, u li ntgħażlet mit-tifel stess, sakemm it-tifel huwa kapaċi jifhem xi jrid ifisser u l-konsegwenzi tagħha.

Ø F'każ ta' divorzju abbażi ta' kawża u sabiex jiġu regolati r-relazzjonijiet bejn il-konjuġi divorzjati u t-tfal minuri tagħhom, il-qorti tiddeċiedi dwar il-kura u t-trobbija tat-tfal wara li tistabbilixxi kif għandhom jitħarsu l-aħjar l-interessi tat-tfal. F'dan il-każ ukoll, il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu dwar il-kura u t-trobbija tat-tfal tagħhom fl-interessi tal-istess tfal; Dan japplika mutatis mutandis għall-kura u t-trobbija tat-tfal f'dan il-każ kif ukoll għall-kura u t-trobbija f'każ li d-divorzju jsir bonarjament. Id-deċiżjoni dwar ma' min se jgħixu t-tfal minuri wara d-divorzju, dwar il-kuntatt tagħhom mal-ġenitur li miegħu ma jgħixux u l-manteniment hija parti kostitwenti tas-sentenza tad-divorzju.

KUNTATT

  • Il-ġenituri jridu jippruvaw jaslu għal ftehim dwar kif se jiġi stabbilit il-kuntatt.
  • Jekk jilħqu ftehim, jistgħu jipproponu li l-qorti tagħti deċiżjoni fuq din il-kwistjoni fi proċedura mhux kontenzjuża; jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ftehim mhux fl-aħjar interessi tat-tfal, il-proposta tiġi miċħuda.
  • Jekk il-ġenituri ma jistgħux jaslu għal ftehim, il-qorti tiddeċiedi fuq proposta minn kull waħda mill-partijiet (f'każ ta' divorzju bonarju bejn il-miżżewwġin, il-miżżewwġin iridu jehmżu ftehim dwar il-kuntatt, u l-qorti ddaħħal il-ftehim tagħhom fis-sentenza tad-divorzju bonarju), fejn iridu jissottomettu lill-qorti provi miċ-Ċentru ta' Ħidma Soċjali li juru li ppruvaw l-ewwel jaslu għal ftehim.
  • Il-qorti tiddeċiedi dwar il-kuntatt ex officio biss meta l-kwistjoni tinvolvi kuntatt wara kawża ta' divorzju jew wara t-tmiem taż-żwieġ tal-ġenituri tat-tfal.
    • Il-kuntatt jiġi deċiż fl-ewwel istanza mill-qrati distrettwali (okrožna sodišča) waqt proċedura mhux kontenzjuża, sakemm ma jiġix deċiż flimkien ma' tilwim dwar il-kura u t-trobbija tat-tfal; f'dan il-każ, il-kwistjoni tal-kuntatt tiġi deċiża fi proċedimenti ċivili.
    • Meta jiġi deċiż il-kuntatt, l-interessi tat-tfal huma ta' importanza kbira: il-kuntatt jitqies mhux fl-interess tat-tfal jekk jagħmel pressjoni psikoloġika fuq it-tifel jew jekk iqiegħed f'perikolu l-iżvilupp fiżiku jew mentali tiegħu.
    • Qabel ma tieħu deċiżjoni, il-qorti trid tikkunsidra l-opinjoni tat-tifel jekk ikun hu stess li jesprimiha jew tingħad minn persuna fdata mit-tifel, u li ntgħażlet mit-tifel stess, sakemm it-tifel huwa kapaċi jifhem xi jrid ifisser u l-konsegwenzi tagħha.
    • Tifel għandu dritt għal kuntatt ma persuni oħra li jiġu mill-familja u li għandhom rabta personali mill-qrib mat-tifel (pereżempju n-nanniet tat-tifel u ħutu subien u bniet mill-istess omm iżda mhux mill-istess missier).

MANTENIMENT tal-konjuġi u t-tfal

  • Il-konjuġi jistgħu, rigward il-manteniment tat-tfal, jilħqu ftehim billi jiffirmaw ftehim dwar il-manteniment tat-tfal, li jrid jiġi ffirmat quddiem il-qorti; f'dan il-każ, il-qorti tagħti deċiżjoni speċjali fi proċedura mhux kontenzjuża. Meta l-ftehim mhux fl-interess tat-tifel, il-qorti tiċħad il-proposta biex tagħti deċiżjoni li tilqa' l-ftehim.
  • Meta l-ġenituri ma jaslux għal ftehim jew bejniethom jew bl-għajnuna ta' Ċentru ta' Ħidma Soċjali, huma jistgħu jitolbu deċiżjoni tal-qorti. Qabel ma tasal għal deċiżjoni, il-qorti trid titlob il-parir ta' Ċentru ta' Ħidma Soċjali u trid tqis ukoll l-opinjoni tat-tifel, jekk hu jew hi jkunux esprimew opinjoni jew jekk hu jew hi humiex kapaċi jifhmu l-importanza tagħha u l-konsegwenzi.
  • Il-ġenituri għandhom id-dmir li jmantnu lit-tfal tagħhom sakemm jilħqu l-età adulta, jew tifel tal-età adulta sakemm jispiċċa l-iskola u sakemm jagħlaq is-26 sena, sa fejn materjalment u bil-kapaċità li jaħdmu jistgħu jħarsu l-interessi tat-tfal (l-iżvilupp globali tat-tifel).
  • Il-manteniment tat-tfal jiġi allokat skont il-bżonnijiet tat-tfal li jeħtiġuh u skont l-introjtu u l-kapaċitajiet tal-persuna li trid tħallas il-manteniment. Fl-għoti tal-manteniment, il-qorti għandha l-obbligu tqis l-interessi tat-tfal, sabiex il-manteniment ikun xieraq biex jiżgura l-iżvilupp fiżiku u mentali pożittiv tiegħu. Il-manteniment tat-tfal jiġi aġġornat darba fis-sena skont l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur fis-Slovenja.
  • Konjuġi jew l-imsieħeb barra ż-żwieġ għandhom id-dmir imantnu t-tifel minuri tas-sieħeb / sieħba tagħhom jekk xi ħadd mill-ġenituri tat-tifel ma jistax imantnih u jgħixu mat-tifel minuri tal-sieħeb / sieħba tagħhom.
  • It-tfal tal-età adulta għandhom id-dmir imantnu lill-ġenituri tagħhom jekk dawn tal-aħħar ma għandhomx biżżejjed mezzi biex jgħixu u ma jistax ikollhom dawn il-mezzi, u jekk ġenitur dipendenti ma jistax jiġi mantnut mill-konjuġi tiegħu jew tagħha.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

  • Konjuġi li ma għandux mezzi biex jgħix u ma għandux impjieg mingħajr ħtija tiegħu nnifsu għandu dritt għall-manteniment.
  • Il-manteniment jista' jintalab matul il-proċedimenti għad-divorzju jew matul kawża speċjali fi żmien sena mit-tmiem finali taż-żwieġ, jekk il-kundizzjonijiet għall-manteniment kienu jeżistu fi żmien id-divorzju u għadhom jeżistu meta l-konjuġi jitlob il-manteniment.
  • Il-konjuġi jistgħu jilħqu ftehim dwar il-manteniment f'każ ta' divorzju billi jikkonkludu ftehim ta' manteniment quddiem nutar pubbliku f'forma ta' att notarili infurzabbli.
  • Il-manteniment jiġi stabbilit għal perjodu indeterminat jew għal perjodu fiss kif meħtieġ biex jippermetti lill-konjuġi jsib xogħol ieħor u jirregola l-affarijiet tiegħu.
    • Il-manteniment jiġi allokat skont il-bżonnijiet tar-rikorrent u l-kapaċità tal-persuna li trid tħallas il-manteniment. Il-manteniment huwa ddeterminat bħala somma fix-xahar u bil-quddiem, u jista' jintalab minn meta jsir rikors għall-manteniment. F'każijiet eċċezzjonali, jista' jitħallas bħala somma ta' darba u f'daqqa.
    • Il-qorti tiċħad talba għal manteniment jekk il-ħlas tal-manteniment lill-persuna intitolata għalih ikun inġust minħabba r-raġunijiet li wasslu biex iż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment, jew jekk il-persuna intitolata għall-manteniment wettqet reat kriminali kontra l-persuna li trid tħallas il-manteniment jew kontra xi ħadd mill-familja tiegħi qabel jew wara l-proċedimenti ta' divorzju.
    • Konjuġi mhux obbligat imantni lill-konjuġi l-ieħor jekk biex jagħmel hekk ikun ifisser iqiegħed fil-perikolu l-kapaċità tiegħu jew tagħha biex imantni lilu / lilha nnifsu / innifisha jew il-minuri li hu jew hi jrid imantni bil-liġi.
    • Il-manteniment jiġi aġġornat darba fis-sena skont l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumaturi fis-Slovenja.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

"Unjoni ta' koabitazzjoni" (življenjska skupnost) hija element essenzjali fi żwieġ (l-Artikolu 3 tal-Att dwar iż-Żwieġ u r-Relazzjonijiet Familjali). It-tmiem tal-koabitazzjoni (prenehanje življenjske skupnosti) jew is-separazzjoni legali, tfisser it-tmiem permanenti tal-elementi essenzjali tar-relazzjonijiet reċiproċi li jeżistu bejn il-miżżewwġin. Meta tintemm il-koabitazzjoni, ir-rabtiet ekonomiċi, intimi u emozzjonali bejn il-miżżewwġin jaslu wkoll fi tmiemhom, kif ukoll id-dar matrimonjali eċċ.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-liġi ma tispeċifikax il-kundizzjonijiet għas-separazzjoni legali. Il-qrati jiddeċiedu dwar is-separazzjoni legali għal kull każ individwali skont iċ-ċirkostanzi u l-karatteristiċi speċifiċi tal-każ ikkonċernat.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Is-separazzjoni legali ma għandhiex effett fuq l-eżistenza ta' żwieġ; dan ifisser li tintemm biss il-koabitazzjoni u mhux iż-żwieġ. Huma meħtieġa kawża jew rikors biex jintemm żwieġ bonarjament. Bis-separazzjoni legali, il-miżżewwġin iġibu fi tmiem il-komunjoni tal-assi. Konjuġi dipendenti jista' jitlob għall-manteniment billi jiftaħ kawża fi żmien sena mis-separazzjoni legali.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

L-annullament ifisser li, fi żmien meta l-miżżewwġin daħħlu għaż-żwieġ, il-kundizzjonijiet rikjesti mil-liġi sabiex iż-żwieġ ikun validu ma kinux jeżistu, (pereżempju ma kienx hemm rieda ħielsa, il-kunsens kien vizjat jew ingħata bi żball, iż-żwieġ ma kienx iċċelebrat skont il-proċedura stabbilita, kien iċċelebrat bejn qraba mill-qrib, jew iċċelebrat bejn persuna b'mard tal-moħħ serju jew b'nuqqas ta' ħsieb minn qabel). Il-konsegwenzi ġuridiċi taż-żwieġ jintemmu dakinhar li tingħata s-sentenza dwar l-annullament.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Ø Żwieġ ma jsirx null ipso iure, iżda jrid jiġi annullat b'sentenza.

Ø Il-liġi Slovena tagħmel distinzjoni bejn żwieġ relattivament null u żwieġ assolutament null. Id-differenza tinsab fil-grupp ta' nies li jistgħu jitolbu l-annullament taż-żwieġ.

a) Ir-raġunijiet għan-nullità relattiva huma:

  • mard tal-moħħ serju jew difett ta' diskrezzjoni ta' ġudizzju meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ (wara talba ta' waħda mill-partijiet, iżda biss wara li ċ-ċirkostanza tkun intemmet),
  • jekk il-kunsens għaż-żwieġ ikun inkiseb bi vjolenza jew minħabba żball (il-konjuġi li ġie sfurzat jew daħal għaż-żwieġ bi żball),
  • jekk il-parti li daħlet għaż-żwieġ kienet taħt it-18-il sena (ġenitur jew tutur).

b) Ir-raġunijiet għan-nullità assoluta huma: (il-persuni li jistgħu jiftħu kawża huma, minbarra ż-żewġ konjuġi, ċerti persuni oħra li jgawdu minn benefiċċju ġuridiku dirett mill-annullament taż-żwieġ, (pereżempju l-eredi oħra ta' konjuġi mejjet jistgħu, mal-mewt ta' dak il-konjuġi, jiftħu kawża għall-annullament taż-żwieġ sabiex il-konjuġi li jkun għadu ħaj jitlef id-dritt ta' suċċessjoni tiegħu); barra minn hekk, il-benefiċjarji jistgħu jiftħu kawża wara l-annullament taż-żwieġ); kawża tista' tinfetaħ ukoll mill-prosekutur tal-Istat:

  • mard tal-moħħ serju jew difett ta' diskrezzjoni ta' ġudizzju min-naħa ta' konjuġi, b'dan l-istat ta' fatt jippersisti meta jintalab l-annullament,
  • konjuġi kien għadu miżżewweġ meta ġie ċċelebrat it-tieni żwieġ;
  • il-konjuġi jiġu minn xulxin f'linja diretta jew miż-żwieġ sa u inkluż ir-raba' grad,
  • il-konjuġi ma kenux preżenti meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ jew parti minnhom u l-persuna bil-prokura mill-parti l-oħra ma kenux preżenti,
  • il-konjuġi ma daħlux għaż-żwieġ bil-ħsieb li jaqsmu dar waħda.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Il-konsegwenzi ġuridiċi tal-annullament taż-żwieġ jidħlu fis-seħħ dakinhar li s-sentenza dwar l-annullament issir finali. Fir-rigward tal-proprjetà bejn il-konjuġi, il-manteniment ta' konjuġi dipendenti, l-għoti lura ta' rigali bejn il-konjuġi u r-relazzjoni tal-konjuġi mat-tfal komuni tagħhom, il-konsegwenzi ġuridiċi huma l-istess kemm għall-annullament u għad-divorzju.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

L-Att dwar il-Medjazzjoni fil-Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali (Zakon o mediaciji v civilnih in gospodarskih zadevah), li daħal fis-seħħ f'Ġunju 2008, jirregola l-medjazzjoni f'tilwim li jinkludi l-qasam ċivili, kummerċjali, dak relatat max-xogħol, il-familja u relazzjonijiet oħra relatati mal-proprjetà fir-rigward ta' talbiet li l-partijiet jistgħu jressqu u jiftehmu dwarhom, sakemm xi liġi separata tipprovdi xort'oħra għal kull wieħed minn dawn it-tipi ta' tilwim. Iż-żwieġ innifsu ma jistax jinħall mingħajr l-intervent ta' qorti, għaliex għandha titressaq kawża jew talba biex iż-żwieġ jinħall bonarjament.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

  • Skont l-Artikolu 32 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku), il-qrati distrettwali huma kompetenti biex jiddeċiedu dwar kawżi tal-familja (rigward divorzju jew annullament taż-żwieġ – il-liġi Slovena ma tirrikonoxxix talba separata għas-separazzjoni legali).

Għandhom jiġu mehmuża estratt mir-reġistru taż-żwieġ u estratti mir-reġistru taċ-ċertifikati tat-twelid mal-kawża jew talba, filwaqt li jrid jiġi ppreżentat dokument tal-identità personali waqt is-seduta.

  • Il-konjuġi jridu jehmżu wkoll dan li ġej flimkien mat-talba għall-ħall taż-żwieġ bonarjament:              
    • ftehim dwar il-kura, it-trobbija u l-manteniment tat-tfal li jista' jkollhom il-konjuġi, u tal-aċċess tagħhom mal-ġenituri (għandu jintalab il-parir ta' Ċentru ta' Ħidma Soċjali),
    • ftehim dwar id-diviżjoni tal-assi komuni permezz ta' att nutarili infurzabbli,
    • ftehim dwar min se jibqa' jgħix ġewwa jew se jikri l-eks dar matrimonjali,
    • ftehim dwar il-manteniment tal-konjuġi li ma għandux mezzi għall-għajxien u bla xogħol mingħajr ħtija tiegħu nnifsu.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-qorti teżenta lil parti mit-tariffi tal-qorti jekk il-ħlas tagħhom ikun ifisser tnaqqis sostanzjali fil-fondi disponibbli għal dik il-parti jew għall-membri tal-familja tiegħu. Iċ-ċittadini barranin hekk ikklassifikati permezz ta' trattat internazzjonali, jew fejn jeżistu l-kundizzjonijiet għar-reċiproċità, huma eżenti mit-tariffi tal-qorti (l-Artikoli 10 u 11 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti/Zakon o sodnih taksah, ZST-1).

Parti tista' titlob għall-għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż ta' avukat u ta' espert; id-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tingħata l-għajnuna legali ssir mill-qorti distrettwali b'ġuriżdizzjoni fuq iż-żona fejn joqgħod b'mod permanenti r-rikorrent. F'din il-proċedura, il-qorti tevalwa l-kriterji (pereżempju fuq il-mertu, finanzjarji) b'referenza għad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Għajnuna Legali (Zakon o brezplačni pravni pomoči).

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Jista' jsir appell minn sentenza ta' divorzju jew annullament taż-żwieġ lil qorti superjuri (višje sodišče), ġeneralment fi żmien 15-il ġurnata. Sentenza ta' divorzju li tingħata abbażi tal-ftehim tal-konjuġi li jħollu ż-żwieġ tagħhom bonarjament tista' tiġi appellata:

  • jekk jeżisti ksur importanti tad-dispożizzjonijiet tal-proċedura ċivili;
  • jekk il-parti ressqet it-talba bi żball jew minħabba vjolenza jew frodi;
  • jekk il-kundizzjonijiet ġuridiċi għad-divorzju bonarju ma ġewx sodisfatti.

Ir-ritrattazzjoni (rimedju ġuridiku straordinarju) mhix permessa f'kawżi tal-familja.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 2210/2003, deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta mingħajr il-ħtieġa ta' xi proċedura ta' rikonoxximent speċjali.

Kull parti interessata tista' titlob li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew le ta' deċiżjoni ġudizzjarja. F'dan il-każ, il-parti trid tressaq talba għal dikjarazzjoni ta' infurzar quddiem il-qorti distrettwali kompetenti fis-Slovenja.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Rigward il-proċedura għall-preżentata tat-talba tapplika l-liġi Slovena.

Parti li titlob jew tappella r-rikonoxximent ta' deċiżjoni ġudizzjarja, jew tressaq talba għal dikjarazzjoni ta' infurzar, trid tissottometti:

  • kopja tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex turi l-awtentiċità tagħha;
  • il-konferma, f'forma standard, tad-deċiżjoni ġudizzjarja li ngħatat wara l-kawża matrimonjali.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (Brussell II bis) japplikaw primarjament u direttament għal kwistjonijiet ta' ġuriżdizzjoni internazzjonali li jinvolvu ċittadini jew residenti tal-Istati Membri tal-UE.

Jekk iż-żewġ konjuġi huma ċittadini ta' pajjiżi differenti meta ssir il-kawża, japplikaw il-liġijiet kumulattivi tal-pajjiżi li tagħhom huma ċittadini, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika Slovena (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 37 tal-Att dwar id-Dritt Privat Internazzjonali u l-Proċedura / Zakon o mednarodnem zasebnem pravu in postopku).

Jekk iż-żwieġ ma jistax jinħall skont il-liġi tal-pajjiżi li tagħhom huma ċittadini l-konjuġi, tapplika l-liġi Slovena għall-ħall taż-żwieġ, jekk wieħed mill-konjuġi kien residenti permanenti fis-Slovenja meta nfteħet il-kawża.

Jekk wieħed mill-konjuġi huwa ċittadin Sloven mingħajr residenza permanenti fis-Slovenja, u ż-żwieġ ma jistax jinħall skont il-liġi speċifikata fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 37 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u l-Proċedura, tapplika l-liġi Slovena għall-ħall taż-żwieġ.

Ħoloq relatati

http://www.pisrs.si/Pis.web/

https://www.uradni-list.si/

http://www.dz-rs.si/wps/portal/Home/deloDZ/zakonodaja/preciscenaBesedilaZakonov

http://www.sodisce.si/

L-aħħar aġġornament: 05/03/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.