Divorzju u separazzjoni legali

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Fir-Repubblika tas-Slovakkja, iż-żwieġ jista’ jiġi xolt biss minn qorti.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Żwieġ jista’ jiġi xolt minn qorti jekk ir-relazzjoni bejn il-konjuġi tkun serjament iddanneġġjata u tkun tkissret b’mod permanenti, sabiex iż-żwieġ ma jkunx jista’ aktar iservi l-iskop tiegħu u l-konjuġi ma jistgħux ikunu mistennija li jkomplu bil-koabitazzjoni konjugali.

Il-qorti tistabbilixxi l-kawżi tat-tkissir serju tar-relazzjoni bejn il-konjuġi u tikkunsidrahom fid-deċiżjoni tagħha dwar id-divorzju. Il-qorti dejjem tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-minuri fid-deċiżjoni tad-divorzju tagħha.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Konjuġi li, meta jiżżewweġ, ħa kunjom il-konjuġi l-ieħor jista’ jinnotifika lill-uffiċċju tar-reġistru fi żmien tliet xhur wara li d-deċiżjoni ta’ divorzju tkun saret finali li hu qed jerġa’ jassumi l-kunjom ta’ qabel.

Konjuġi li, meta jiżżewweġ, ħa kunjom il-konjuġi l-ieħor u fl-istess ħin żamm, bħala t-tieni kunjom tiegħu, il-kunjom li kellu qabel jista’ jinnotifika lill-uffiċċju tar-reġistru fi żmien tliet xhur wara li d-deċiżjoni ta’ divorzju tkun saret finali li hu mhux ser ikompli juża l-kunjom komuni.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Is-sistema ta’ proprjetà matrimonjali tiġi xolta f’dak li għandu x’jaqsam mad-divorzju. Meta r-reġim tal-proprjetà matrimonjali jiġi xolt, dan jiġi likwidat skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 150 tal-Kodiċi Ċivili. Il-likwidazzjoni tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tista' ssir: (a) bi ftehim; (b) b’deċiżjoni tal-ġustizzja; (c) bi skadenza taż-żmien.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

F’deċiżjoni dwar id-divorzju ta’ ġenituri ta’ minorenni, il-qorti tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-ġenituri lejn it-tfal fil-perijodu wara d-divorzju, b’mod partikolari billi tiddetermina liema ġenitur ser jingħata l-kustodja tal-minuri u ser jirrappreżenta lill-minuri u jamministra l-assi tiegħu/tagħha. Id-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri tista’ tiġi sostitwita bi ftehim bejn il-ġenituri.

Jekk il-ġenituri ma jilħqux ftehim dwar id-drittijiet ta’ kuntatt fir-rigward tal-minuri, il-qorti tispeċifika wkoll dawk id-drittijiet fid-deċiżjoni ta’ divorzju. Fejn ikun meħtieġ fl-interess tat-tfal, il-qorti tista’ tirrestrinġi jew tipprojbixxi l-kuntatt ta’ ġenitur mat-tfal.

Barra minn hekk, il-qorti tispeċifika kif il-ġenitur li ma ngħatax il-kustodja tal-wild għandu jikkontribwixxi għall-manteniment tat-tfal, jew tapprova l-ftehim tal-ġenituri dwar l-ammont ta’ manteniment.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Konjuġi ddivorzjat li ma jistax jipprovdi għalih innifsu jista’ jitlob mingħand l-eks konjuġi kontribuzzjoni għall-manteniment essenzjali skont l-abbiltà u l-kapaċità ta’ dan tal-aħħar. Jekk il-konjuġi jonqsu milli jaqblu, id-deċiżjoni dwar tali kontribuzzjoni ta’ manteniment għandha ssir mill-qorti abbażi ta’ rikors ippreżentat minn kwalunkwe waħda mill-partijiet.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Il-liġi Slovakka nazzjonali ma tipprovdix għal separazzjoni legali.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Apparti mid-divorzju, żwieġ jista’ ukoll jiġi ddikjarat invalidu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Żwieġ tali jitqies li ma ġiex konkluż mill-bidu (matrimonium nullum). Barra minn dan, il-qorti tista’ tiddikjara wkoll li ż-żwieġ qatt ma eżista (non matrimonium).

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

a. Iċ-ċirkustanzi li jagħtu lok għall-annullament taż-żwieġ huma kif ġej:

  • l-eżistenza ta’ żwieġ ieħor;
  • relazzjoni familjari bejn l-axxendenti u d-dixxendenti u bejn l-aħwa, inkluża relazzjoni familjari stabbilità permezz tal-adozzjoni;
  • età insuffiċjenti, fil-każ ta’ minuri li għandu aktar minn 16-il sena iżda anqas minn 18-il sena;
  • diżabbiltà mentali li tirriżulta fir-restrizzjoni tal-kapaċità legali;
  • dikjarazzjoni taż-żwieġ li ma kinitx magħmula b’mod liberu, serju, espliċitu u mhux ambigwu.

Meta jiġi konkluż żwieġ minkejja l-eżistenza ta’ xi waħda miċ-ċirkustanzi ta’ skwalifika msemmija hawn fuq, din titqies li ġiet fis-seħħ (żwieġ eżistenti) sakemm deċiżjoni ġudizzjarja li tannulla ż-żwieġ issir finali.

b. Iż-żwieġ ma jiġix fis-seħħ jekk id-dikjarazzjoni taż-żwieġ tkun saret:

  • b’mod sforzat;
  • minn minuri taħt is-16 il-sena;
  • quddiem uffiċċju tal-insinwa mhux awtorizzat li jirċieviha, ħlief għall-każijiet speċifikati fl-Artikoli 4(2) u (3), jew quddiem sindku jew membru ta’ kunsill muniċipali li ma jkunx awtorizzat fir-rwol tiegħu;
  • quddiem awtorità tal-knisja jew komunità reliġjuża mhux irreġistrata skont il-leġiżlazzjoni speċjali rilevanti, jew quddiem persuna li ma tkunx awtorizzata twettaq l-attivitajiet ta’ qassis ta’ knisja rreġistrata jew komunità reliġjuża;
  • saret barra mill-pajjiż quddiem awtorità li mhijiex maħtura għal dan il-għan;
  • minn rappreżentant mingħajr awtorizzazzjoni valida, jew jekk l-awtorizzazzjoni ġiet irtirata skont dan l-Att.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Iż-żwieġ li ġie ddikjarat invalidu b’deċiżjoni ġudizzjarja jitqies li ma ġiex konkluż.

Id-drittijiet u d-dmirijiet tal-konjuġi fir-rigward tat-tfal komuni tagħhom, u r-relazzjonijiet patrimonjali tagħhom wara deċiżjoni ġudizzjarja dwar l-annullament taż-żwieġ huma rregolati mill-istess dispożizzjonijiet li japplikaw għall-ġenituri ddivorzjati. Wara deċiżjoni ġudizzjarja dwar l-annullament taż-żwieġ, id-dikjarazzjoni magħmula mill-konjuġi dwar il-kunjom komuni tagħhom tieqaf ukoll milli tkun valida u kull konjuġi jkollu jerġa’ jassumi l-kunjom preċedenti tiegħu/tagħha.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Id-divorzju jista’ jiġi xolt biss minn qorti. Kwistjonijiet assoċjati jistgħu jiġu solvuti bl-applikazzjoni tal-Att dwar il-Medjazzjoni Nru 420/2004.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ir-rikorsi għal divorzju, annullament taż-żwieġ jew dikjarazzjoni li ż-żwieġ qatt ma kien jeżisti huma ppreżentati quddiem qorti distrettwali.

Il-Qorti li jkollha ġurisdizzjoni territorjali hija l-qorti li fit-territorju tagħha l-konjuġi kellhom ir-residenza komuni l-aktar reċenti tagħhom, jekk mill-inqas wieħed minnhom ikun jirrisjedi fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti. Inkella, il-qorti ġenerali tal-konvenut ikollha l-ġurisdizzjoni. Jekk il-ġurisdizzjoni ma tkunx tista’ tiġi stabbilita b’dan il-mod, il-qorti ġenerali tar-rikorrent ikollha l-ġurisdizzjoni.

Ir-rikors irid jissodisfa l-formalitajiet stipulati fl-Artikolu 127 tal-Att Nru 160/2015, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tat-Tilwim (Civilný sporový poriadok) u fl-Artikoli 25 u 26 tal-Att Nru 161/2015, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Mhux Ikkontestata (Civilný mimoporvý poriadok).

Ir-rikors irid jistipula lil liema qorti dan huwa indirizzat, min hu r-rikorrent, liema kwistjoni tikkonċerna u l-għan imfittex, u jrid jiġi ffirmat. Barra minn hekk, ir-rikors irid jistipula l-ismijiet tal-partijiet, ir-rappreżentanti tagħhom (jekk għandhom wieħed), deskrizzjoni leali u sħiħa tal-fatti ewlenin u lista tal-evidenza li r-rikorrent beħsiebu jibbaża fuqhom; ir-rikors irid isemmi b'mod ċar l-għan tar-rikorrent. Ir-rikorrent irid jehmeż mar-rikors l-evidenza dokumentata li fuqha qed jibbaża ruħu.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Il-provvista tal-għajnuna legali hija rregolata permezz tal-Att Nru 327/2005 dwar il-provvista tal-għajnuna legali lill-persuni fi bżonn finanzjarju.

Trid titħallas tariffa tal-qorti għall-proċedimenti tad-divorzju. Kwalunkwe parti għall-proċedimenti tista’ titlob eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti.

Wara li jinġieb rikors, il-qorti tista’ teżenta lill-parti, b’mod sħiħ jew parzjali, mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti, jekk dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi tal-parti u jekk il-każ ma jinvolvix dikjarazzjoni arbitrarja jew manifestament infondata jew il-protezzjoni ta’ dritt. Sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, l-eżenzjoni tapplika għall-proċedura kollha u għandha effett retroattiv; madankollu, it-tariffi mħallsa qabel ma tkun inħarġet id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni mhumiex rimborżati.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Jista’ jsir appell mit-tali deċiżjoni ġudizzjarja fi żmien 15-il jum min-notifika tad-deċiżjoni.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Irid isir rikors għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni. Il-qorti b’ġurisdizzjoni hija l-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava.

Id-deċiżjonijiet definittivi dwar kwistjonijiet matrimonjali mogħtija wara l-1 ta’ Mejju 2004 fl-Istati Membri l-oħra (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka) huma rikonoxxuti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta'Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000. Id-deċiżjonijiet huma rikonoxxuti mingħajr ma jenħtieġu ebda proċedura partikolari; b’mod partikolari mhija meħtieġa ebda proċedura partikolari għall-modifika tal-iskrizzjoni fir-reġistri tal-uffiċċju tal-insinwa. Madankollu, il-parti interessata tista’ titlob li tinħareġ deċiżjoni speċjali dwar ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni barranija fi kwistjonijiet matrimonjali. Il-Qorti Reġjonali fi Bratislava għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet barranin.

Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet maħruġa fid-Danimarka jew deċiżjonijiet maħruġa fi Stati Membri oħra qabel l-1 ta’ Mejju 2004, huwa meħtieġ li jitressaq rikors għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni finali barranija fi kwistjonijiet matrimonjali, jekk mill-inqas waħda mill-partijiet tkun ċittadina Slovakka. It-tali proċedura tinbeda b’rikors, li jista’ jiġi ppreżentat minn persuna maħtura bħala parti fid-deċiżjoni barranija. Il-Qorti Reġjonali fi Bratislava għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet barranin.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni barranija tista’ tiġi appellata. L-appell irid jitressaq quddiem il-Qorti Reġjonali fi Bratislava u jiġi deċiż mill-Qorti Suprema.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Ix-xoljiment taż-żwieġ permezz tad-divorzju huwa rregolat bil-liġi applikabbli tal-Istat li l-konjuġi għandhom ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura. Jekk il-konjuġi għandhom ċittadinanza differenti, id-divorzju huwa rregolat permezz tal-liġi Slovakka.

L-aħħar aġġornament: 12/05/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna