Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Divorzju u separazzjoni legali

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Fil-Portugall, divorzju jista’ jinkiseb b’kunsens reċiproku jew mingħajr il-kunsens ta’ wieħed mill-konjuġi permezz ta’ divorzju kkontestat (l-Artikolu 1773(1) tal-Kodiċi Ċivili (Código Civil)).

Tal-ewwel jippresupponi li ż-żewġ konjuġi jaqblu max-xoljiment taż-żwieġ u, fil-prinċipju, mal-ħlas ta’ manteniment lill-konjuġi fil-bżonn, l-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri fir-rigward tal-ulied minuri, id-disponiment tad-dar matrimonjali u l-arranġamenti għal kwalunkwe annimal domestiku (l-Artikolu 1775(1) tal-Kodiċi Ċivili).

Divorzju kkontestat irid jintalab permezz ta’ rikors fil-qorti minn wieħed mill-konjuġi kontra l-ieħor, abbażi ta’ fatti stabbiliti legalment jew fatti oħra li, irrispettivament min-nuqqas attribwit lill-konjuġi, jagħtu prova tat-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ (l-Artikoli 1773(3) u 1781 tal-Kodiċi Ċivili).

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

F’divorzju bil-kunsens reċiproku, il-konjuġi ma hemmx għalfejn jimmotivaw ir-rikors tagħhom.

Dawn li ġejjin huma raġunijiet għal divorzju kkontestat (l-Artikolu 1781 tal-Kodiċi Ċivili):

  1. separazzjoni de facto għal sena sħiħa waħda, huwa mifhum li hemm separazzjoni de facto meta ma jkun hemm l-ebda ħajja konjugali bejn il-konjuġi u wieħed jew waħda minnhom jew it-tnejn li huma ma jkollhomx l-intenzjoni li jerġgħu jistabbilixxu r-relazzjoni (l-Artikolu 1782 tal-Kodiċi Ċivili);
  2. bidla fil-fakultajiet mentali tal-konjuġi l-ieħor li damet għal iktar minn sena u li, minħabba s-serjetà tagħha, tikkomprometti l-possibilità tal-ħajja konjugali;
  3. assenza, mingħajr ebda aħbar mingħand il-parti assenti, għal perjodu ta’ mhux inqas minn sena;
  4. kull fatt ieħor li, irrispettivament mill-ħtija attribwita lill-konjuġi, huwa prova tat-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Id-divorzju ixolji ż-żwieġ u għandu l-istess effetti legali bħad-dissoluzzjoni bil-mewt, ħlief għall-eċċezzjonijiet previsti fil-liġi (l-Artikolu 1788 tal-Kodiċi Ċivili).

L-effetti tad-divorzju fir-rigward tar-relazzjonijiet relatati mal-proprjetà ta’ bejn il-konjuġi jiġu prodotti mill-mument li d-deċiżjoni tad-divorzju ssir res judicata, imma jkollhom effett retroattiv sa mid-data li fiha nbdiet l-azzjoni (l-Artikolu 1789(1) tal-Kodiċi Ċivili).

Jekk fil-proċedimenti tingħata prova tas-separazzjoni de facto tal-konjuġi, kull wieħed minnhom jista’ jitlob li l-effetti tad-divorzju jkunu retroattivi sa mid-data li fiha bdiet is-separazzjoni, kif deċiż fid-deċiżjoni (l-Artikolu 1789(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Minkejja d-divorzju, persuna miżżewġa li tkun ħadet kunjom il-konjuġi tagħha tista’ tibqa’ żżommu sakemm ikollha l-kunsens tiegħu jew tkun awtorizzata mill-qorti, bil-kundizzjoni tal-eżistenza tal-motivazzjonijiet iddikjarati. Il-kunsens mill-eks konjuġi jista’ jingħata b’dokument notarili, dokument imfassal fil-qorti (dikjarazzjoni tal-intenzjoni bil-miktub tal-parti, irreġistrata fil-proċedimenti) jew dikjarazzjoni quddiem uffiċjal tar-reġistru. Ir-rikors għal awtorizzazzjoni mill-qorti għall-użu tal-kunjom tal-eks konjuġi jista’ jiġi ppreżentat bħala parti mill-proċedimenti tad-divorzju jew fil-proċedimenti tas-separazzjoni, anke wara li jiġi dekratat id-divorzju (l-Artikolu 1677-B tal-Kodiċi Ċivili).

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Fil-każ ta’ divorzju, l-ebda wieħed mill-konjuġi ma jista’ jirċievi aktar minn dak li kien jirċievi li kieku ż-żwieġ sar skont ir-reġim tal-komunità tal-akkwisti (reġim da comunhão de adquiridos) – l-Artikolu 1790 tal-Kodiċi Ċivili).

Kull konjuġi jitlef il-benefiċċji kollha li jirċievi jew li jkun se jirċievi mingħand il-konjuġi l-ieħor jew mingħand terza persuna fir-rigward taż-żwieġ jew b’kunsiderazzjoni tal-istat ta’ miżżewweġ, irrispettivament minn jekk din l-istipulazzjoni saritx qabel jew wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ. Il-konċedent jista’ jiddetermina li l-benefiċċju jakkumula għat-tfal taż-żwieġ (l-Artikolu 1791 tal-Kodiċi Ċivili).

L-effetti tad-divorzju fir-rigward tar-relazzjonijiet relatati mal-proprjetà ta’ bejn il-konjuġi jiġu prodotti mill-mument li d-deċiżjoni tad-divorzju ssir res judicata, imma jkollhom effett retroattiv sa mid-data li fiha nbdiet l-azzjoni (l-Artikolu 1789(1) tal-Kodiċi Ċivili).

Jekk fil-proċedimenti tingħata prova tas-separazzjoni de facto tal-konjuġi, kull wieħed minnhom jista’ jitlob li l-effetti tad-divorzju jkunu retroattivi sa mid-data li fiha bdiet is-separazzjoni, kif deċiż fid-deċiżjoni (l-Artikolu 1789(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Il-qorti tista’ tagħti b’kiri d-dar matrimonjali li kull wieħed mill-konjuġi, sew jekk tkun koproprjetà u sew jekk tkun tal-konjuġi l-ieħor, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-bżonnijiet ta’ kull wieħed mill-konjuġi u l-interessi tal-ulied minuri miż-żwieġ. Il-kiri huwa suġġett għar-regoli dwar il-kiri ta’ akkomodazzjoni, iżda l-qorti tista’ tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-ftehim, wara li tkun semgħet lill-konjuġi, u tista’ tittermina l-kirja fuq talba ta’ sid il-kera meta dan ikun iġġustifikat minn ċirkostanzi intervenjenti. L-arranġamenti stabbiliti, jew b’approvazzjoni tal-ftehim bejn il-konjuġi jew b’ordni tal-qorti, jistgħu jiġu emendati skont it-termini ġenerali tal-ġuriżdizzjoni volontarja (l-Artikolu 1793 tal-Kodiċi Ċivili).

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Fil-każ ta’ divorzju, separazzjoni legali, dikjarazzjoni ta’ nullità jew annullament taż-żwieġ, l-arranġamenti għat-tfal, il-manteniment dovut lilhom u l-metodu tal-ħlas tal-manteniment ikun irregolat minn ftehim bejn il-ġenituri, suġġett għall-approvazzjoni mill-qorti (jew mir-reġistratur ċivili (Conservador do Registo Civil) fi proċedimenti ta’ separazzjoni u divorzju b’kunsens reċiproku) (l-Artikoli 1905(1) u 1776-A tal-Kodiċi Ċivili).

Il-proċess tar-regolamentazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri fl-uffiċċju tar-reġistru ċivili (Conservatória do Registo Civil) huwa rregolat mill-Artikoli 274-A, 274-B u 274-C tal-Kodiċi Portugiż tar-Reġistrazzjoni Ċivili (Código do Registo Civil).

Fin-nuqqas ta’ ftehim, il-qorti tieħu deċiżjoni skont l-interessi tal-wild minuri, inkluż l-interess li tinżamm relazzjoni mill-qrib maż-żewġ ġenituri, l-inkoraġġiment u l-aċċettazzjoni ta’ ftehimiet jew it-teħid ta’ deċiżjonijiet li jħeġġu opportunitajiet ampji ta’ kuntatt maż-żewġ ġenituri u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejniethom. Il-kustodja tal-wild minuri tista’ tingħata lil kwalunkwe ġenitur, terza persuna jew stabbiliment ta’ riedukazzjoni jew kura (l-Artikolu 1906(8) tal-Kodiċi Ċivili).

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok ara l-iskeda informattiva dwar ir-“Responsabbiltà tal-ġenituri.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Kull konjuġi jrid jipprovdi għas-sussistenza tiegħu wara d-divorzju. Kull konjuġi huwa intitolat għal manteniment, irrispettivament mit-tip ta’ divorzju. Għal raġunijiet manifesti ta’ ġustizzja, id-dritt għall-manteniment jista’ jiġi miċħud (l-Artikolu 2016(1)(2) u (3) tal-Kodiċi Ċivili).

Waqt li tkun qed tistabbilixxi l-ammont tal-manteniment, il-qorti trid tieħu inkunsiderazzjoni t-tul taż-żwieġ, il-kontribuzzjoni li saret lejn il-finanzi tal-familja, l-età u l-istat tas-saħħa tal-konjuġi, il-kwalifiki professjonali u l-possibilitajiet ta’ impjieg tagħhom, iż-żmien li se jkollhom possibbilment iqattgħu jrabbu l-ulied komuni tagħhom, il-qligħ u l-introjti tagħhom, l-eżistenza ta’ żwieġ ġdid jew abitazzjoni mhux matrimonjali u, b’mod ġenerali, iċ-ċirkostanzi kollha li jaffettwaw il-bżonnijiet tal-konjuġi li jirċievi l-manteniment u l-kapaċità finanzjarja tal-persuna li tħallas il-manteniment (l-Artikolu 2016-A(1) tal-Kodiċi Ċivili).

Il-qorti trid tagħti preċedenza lil kull obbligu ta’ manteniment relatat mal-wild minuri tal-konjuġi debitur fuq l-obbligu lejn l-ex konjuġi li jirriżulta mid-divorzju (l-Artikolu 2016-A(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Il-konjuġi kreditur ma għandu l-ebda dritt jitlob li jżomm l-istandard tal-għajxien li gawda matul iż-żwieġ (l-Artikolu 2016-A(3) tal-Kodiċi Ċivili).

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok, ara l-iskeda informattiva dwar il-“Manteniment.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni legali ma xxoljix iż-żwieġ iżda ttemm id-dmirijiet ta’ koabitazzjoni u assistenza, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-manteniment. Fir-rigward tal-proprjetà, is-separazzjoni tipproduċi l-istess effetti bħal dawk prodotti mix-xoljiment taż-żwieġ (l-Artikolu 1795-A tal-Kodiċi Ċivili).

Is-separazzjoni legali tintemm bir-rikonċiljazzjoni tal-konjuġi jew ix-xoljiment taż-żwieġ (l-Artikolu 1795-b tal-Kodiċi Ċivili).

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-kundizzjonijiet għas-separazzjoni legali, kemm jekk ikkontestata kif ukoll jekk b’kunsens reċiproku, huma l-istess bħal dawk għad-divorzju , mutatis mutandis (l-Artikolu 1794 tal-Kodiċi Ċivili).

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija Nru 4, is-separazzjoni ġudizzjarja ttemm id-dmirijiet ta’ koabitazzjoni u assistenza, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-manteniment. Fir-rigward tal-proprjetà, is-separazzjoni legali tipproduċi l-istess effetti bħal dawk prodotti mix-xoljiment taż-żwieġ (l-Artikolu 1795-A tal-Kodiċi Ċivili).

Id-dispożizzjonijiet dwar id-divorzju japplikaw , mutatis mutandis, għas-separazzjoni legali (l-Artikolu 1794 tal-Kodiċi Ċivili).

Is-separazzjoni legali tista’ tiġi kkonvertita f’divorzju, għalkemm din ma hijiex prekundizzjoni jew stadju fil-proċedimenti tad-divorzju. Fil-fatt, jekk il-konjuġi ma jirrikonċiljawx sena wara li d-deċiżjoni li tiddekreta li s-separazzjoni legali (sew jekk ikkontestata u sew jekk b’kunsens reċiproku) tkun saret finali u inappellabbli, kull wieħed minnhom ikun jista’ japplika sabiex is-separazzjoni tiġi kkonvertita f’divorzju. Jekk il-konverżjoni tintalab miż-żewġ konjuġi, il-perjodu speċifikat ma għandux għalfejn jiġi osservat u s-sentenza tingħata minnufih (l-Artikolu 1975-D(1) u (2) tal-Kodiċi Ċivili).

Jekk il-konverżjoni tintalab minn wieħed mill-konjuġi, l-ieħor jiġi nnotifikat personalment jew permezz tar-rappreżentant legali tiegħu, fejn applikabbli, sabiex jikkontesta r-rikors - fejn jista’ jinvoka biss ir-rikonċiljazzjoni tal-konjuġi - fi żmien 15-il jum (l-Artikolu 993(3) u (4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Código de Processo Civil). Wara li jkunu ġew ippreżentati l-provdi, l-imħallef għandu jagħti deċiżjoni dwar kwalunkwe kontestazzjoni fi żmien 15-il jum (l-Artikolu 986(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-konverżjoni tas-separazzjoni legali f’divorzju tista’ tintalab ukoll fi kwalunkwe uffiċċju tar-reġistru ċivili (l-Artikolu 5(1)(e) u l-Artikolu 6 tad-Digriet Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 - Proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili). Ir-rikors, fondat sew fil-fatt u fid-dritt, irid jiġi ppreżentat quddiem l-uffiċċju tar-reġistru ċivili, jipprovdi l-provi u jkollu mehmuż miegħu prova dokumentarja (l-Artikolu 7(1) tad-Digriet Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 - Proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili).

L-intimat jiġi nnotifikat, fi żmien 15-il jum, sabiex jikkontesta r-rikors, jagħti l-provi u jehmeż prova dokumentarja (l-Artikolu 7(2) tad-Digriet Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 - Proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili).

Jekk l-intimat ma jikkontestax ir-rikors, il-fatti indikati mir-rikorrent jitqiesu li ġew ipprovati u r-reġistratur, wara li jivverifika li r-rekwiżiti legali jkunu ġew issodisfati, jilqa’ r-rikors (l-Artikolu 7(3) tad-Digriet Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 - Proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili).

Jekk l-intimat jikkontesta r-rikors, ir-reġistratur jiskeda laqgħa għal tentattiv ta’ rikonċiljazzjoni, li għandha ssir fi żmien 15-il jum, u jista’ jordna t-twettiq ta’ atti legali u l-produzzjoni tal-provi meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali (l-Artikolu 7(4) u (5) tad-Digriet‑Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 - Proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili).

Meta l-intimat jikkontesta r-rikors u ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim, il-partijiet jiġu nnotifikati sabiex jittrattaw u jitolbu l-produzzjoni ta’ provdi ġodda fi żmien tmint’ijiem. Il-kawża mbagħad tiġi rrinvjata lill-qorti ġudizzjarja tal-prim’istanza b’ġuriżdizzjoni fuq il-kwistjoni fiż-żona fejn jinsab l-uffiċċju tar-reġistru (l-Artikolu 8 tad-Digriet Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 - Proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili).

Ladarba l-kawża tiġi rrinvjata lill-qorti, l-imħallef jordna l-preżentata tal-provi u jiskeda s-seduta (l-Artikolu 9 tad-Digriet Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 - Proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili).

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

“Annullament taż-żwieġ” ifisser it-terminazzjoni tal-effett legali taż-żwieġ bl-invokazzjoni ta’ difett sinifikanti li jolqot iż-żwieġ.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Iż-żwiġijiet li jsiru fiċ-ċirkostanzi li ġejjin jistgħu jiġu annullati (l-Artikolu 1631 tal-Kodiċi Ċivili):

  1. jekk ikun hemm impediment li jġib l-invalidità (assolut jew relattiv);
  2. jekk ikun hemm nuqqas ta’ kunsens jew kunsens invalidu minħabba żball jew ġegħil ta’ parti waħda jew tat-tnejn li huma;
  3. jekk jiġi iċċelebrat mingħajr il-preżenza ta’ xhieda, meta dan ikun meħtieġ mil-liġi.

Dawn li ġejjin huma impedimenti assoluti li jġibu l-invalidità, li jostakolaw iż-żwieġ tal-persuna ikkonċernata ma’ kull persuna oħra (l-Artikolu 1601 tal-Kodiċi Ċivili):

  1. età ta’ inqas minn 16-il sena;
  2. demenzja magħrufa, anke waqt perjodi ta’ luċidità, u projbizzjoni jew inabilitazzjoni minħabba diżordni mentali;
  3. żwieġ preċedenti mhux xolt, sew jekk Kattoliku u sew jekk ċivili, anke jekk l-annotazzjoni rispettiva ma tkunx saret fir-reġistru tat-twelid, taż-żwiġijiet u tal-imwiet.

Dawn li ġejjin huma impedimenti relattivi li jġibu l-invalidità, li jostakolaw iż-żwieġ tal-persuni kkonċernati ma’ xulxin (l-Artikolu 1602 tal-Kodiċi Ċivili):

  1. konsangwinità fil-linja diretta;
  2. relazzjoni minn qabel ta’ responsabbiltà tal-ġenituri;
  3. konsangwinità fit-tieni grad tal-linja kollaterali;
  4. affinità fil-linja diretta;
  5. il-kundanna preċedenti ta’ wieħed mill-konjuġi li kien l-awtur jew kompliċi ta’ attentat ta’ qtil, anke jekk ma rnexxiex, tal-konjuġi tal-parti l-oħra.

Żwieġ jista’ jiġi annullat minħabba nuqqas ta’ kunsens (l-Artikolu 1635 tal-Kodiċi Ċivili):

  1. jekk fil-mument li kien qed jiġi ċċelebrat iż-żwieġ, waħda mill-partijiet ma kinitx konxja tal-azzjonijiet tagħha minħabba diżabbiltà aċċidentali jew kawżi oħrajn;
  2. jekk waħda mill-partijiet kienet imqarrqa fir-rigward tal-identità fiżika tal-parti l-oħra;
  3. jekk id-dikjarazzjoni tal-kunsens inkisbet b’koerċizzjoni fiżika;
  4. jekk il-kunsens kien simulat.

L-iżball li jagħmel il-kunsens invalidu huwa rilevanti biss għall-finijiet ta’ annullament meta jkun ibbażat fuq kwalitajiet personali essenzjali tal-konjuġi l-ieħor u jkun skużabbli, u jkun ippruvat li ż-żwieġ ma kienx raġonevolment iseħħ mingħajru (l-Artikolu 1636 tal-Kodiċi Ċivili).

Iż-żwiġijiet li jsiru taħt koerċizzjoni morali jistgħu jiġu annullati jekk waħda mill-partijiet tkun mhedda serjament u illegalment u l-biża’ tagħhom li titwettaq it-theddida tkun ġustifikata (l-Artikolu 1638(1) tal-Kodiċi Ċivili).

Jekk xi ħadd, konxjament u illegalment, jikseb id-dikjarazzjoni tal-kunsens mill-parti l-oħra billi jwegħedha li jilliberaha minn dannu imprevedibbli jew dannu kkawżat minn oħrajn, dan ikun ekwivalenti għal theddida illegali (l-Artikolu 1638(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Id-dikjarazzjoni tal-kunsens, fl-att taċ-ċelebrazzjoni, tikkostitwixxi l-preżunzjoni mhux biss li l-konjuġi jkunu jixtiequ jiżżewġu, iżda li l-kunsens tagħhom ma jkunx ivvizzjat minn żball jew minn koerċizzjoni (l-Artikolu 1634 tal-Kodiċi Ċivili).

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

L-annullament ta’ żwieġ ċivili, meta jkun sar in bona fide miż-żewġ konjuġi, jidħol fis-seħħ fir-rigward tal-konjuġi u ta’ terzi meta s-sentenza rispettiva ssir finali u ma tibqax soġġetta għal appell (l-Artikolu 1647(1) tal-Kodiċi Ċivili).

Jekk wieħed biss mill-konjuġi ikun daħal għaż-żwieġ in bona fide, ikun dak il-konjuġi biss li jkun jista’ jitlob il-benefiċċji ta’ status ta’ miżżewweġ u jinvokahom fir-rigward ta’ terzi, sakemm dan ikun sempliċement riflessjoni tar-relazzjoni bejn il-konjuġi (l-Artikolu 1647(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Il-konjuġi li jkun daħal għaż-żwieġ f’injoranza skużabbli tad-difett li jikkawża n-nullità jew l-annullament jew li d-dikjarazzjoni ta’ kunsens tiegħu inkisbet b’koerċizzjoni fiżika jew morali jitqies li jkun daħal għaż-żwieġ in bona fide (l-Artikolu 1648(1) tal-Kodiċi Ċivili).

Ir-rikonoxximent ta’ bona fide huwa l-prerogattiva tal-qrati tal-Istat. Il-bona fide tal-konjuġi hija preżunta (l-Artikolu 1648(2) u (3) tal-Kodiċi Ċivili).

Ladarba ż-żwieġ jiġi ddikjarat null jew annullat, il-konjuġi in bona fide jżomm id-dritt għall-manteniment wara li d-deċiżjoni ssir finali u ma tibqax soġġetta għal appell, jew is-sentenza tiġi rreġistrata (l-Artikolu 2017 tal-Kodiċi Ċivili).

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Qabel ma jibdew proċedimenti ta’ divorzju, l-uffiċċju tar-reġistru ċivili jew il-qorti jridu jinfurmaw lill-konjuġi bl-eżistenza u bl-objettivi tas-servizzi ta’ medjazzjoni tal-familja (l-Artikolu 1774 tal-Kodiċi Ċivili u l-Artikolu 14(3) tad-Digriet Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 - Proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili).

Il-medjazzjoni familjari hija metodu extraġudizzjarju sabiex issolvi l-kunflitti fir-relazzjonijiet familjari, fejn il-partijiet, bil-parteċipazzjoni personali u diretta tagħhom u bl-għajnuna ta’ medjatur tal-kunflitti, jippruvaw jilħqu ftehim.

L-użu ta’ dan il-mezz alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim jista’ jsolvi l-kunflitti li jirriżultaw mir-regolament, mill-emenda u min-nuqqas ta’ konformità mal-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri, mid-divorzju u mis-separazzjoni legali, mill-konverżjoni tas-separazzjoni legali f’divorzju, mir-rikonċiljazzjoni tal-konjuġi separati, miċ-ċessjoni u mill-emenda tal-manteniment provviżorju jew definittiv, miċ-ċessjoni tad-dar matrimonjali, miċ-ċaħda tad-dritt tal-użu tal-kunjom tal-konjuġi l-ieħor u mill-awtorizzazzjoni sabiex jintuża l-kunjom tal-konjuġi preċedenti (l-Artikolu 4 tal-Ordni Leġiżlattiva (Despacho Normativo) Nru 13/2018 tal-9 ta’ Novembru 2018 li jirregola l-attività tas-sistema ta’ medjazzjoni tal-familja (SMF), maħluqa bl-Ordni Nru 18 778/2007 tat-22 ta’ Awwissu 2007, u li japprova r-Regolament dwar il-proċeduri għall-għażla tal-medjaturi sabiex jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni fis-sistema ta’ medjazzjoni tal-familja).

Il-medjaturi tal-familja huma professjonisti liċenzjati mill-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministéro da Justiça) u huma responsabbli għat-twettiq ta’ laqgħat b’indipendenza u imparzjalità sabiex jgħinu lill-partijiet jilħqu ftehim bejniethom (l-Artikolu 7 tal-Ordni Leġiżlattiva Nru 13/2018 tad-9 ta’ Novembru 2018 li jirregola l-attività tas-sistema ta’ medjazzjoni tal-familja (SMF), maħluqa bl-Ordni Nru 18 778/2007 tat-22 ta’ Awwissu 2007, u li japprova r-Regolament dwar il-proċeduri għall-għażla tal-medjaturi sabiex jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni fis-sistema ta’ medjazzjoni tal-familja).

Id-divorzju b’kunsens reċiproku jitsa’ jintalab fl-uffiċċju tar-reġistru ċivili, ħlief f’sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn ftehim miksub fil-proċedimenti għal divorzju kkontestat (l-Artikolu 1779 tal-Kodiċi Ċivili) u bil-kundizzjoni li r-rikors għal divorzju b’kunsens reċiproku jkun akkumpanjat minn lista dettaljata tal-proprjetà komuni tal-koppja, ftehim dwar id-disponiment mid-dar matrimonjali, ftehim dwar il-ħlas tal-manteniment lill-konjuġi li jkun jeħtieġ manteniment u ċertifikat tas-sentenza tal-qorti li tirregola l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew ftehim dwar l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ kwalunkwe wild minuri, meta dan ma jkunx diġà ġie deċiż mill-qrati (l-Artikolu 272(1) tal-Kodiċi ta’ Reġistrazzjoni Ċivili Portugiż).

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Separazzjoni u divorzju b’kunsens reċiproku

It-talba għas-separazzjoni u d-divorzju b’kunsens reċiproku issir fl-uffiċċju tar-reġistru ċivili miż-żewġ konjuġi, bi qbil reċiproku. Ir-rikors irid ikun akkumpanjat mid-dokumenti li ġejjin (l-Artikolu 272(1) tal-Kodiċi ta’ Reġistrazzjoni Ċivili Portugiż):

  1. lista dettaljata tal-proprjetà komuni bi speċifikazzjoni tal-valuri rispettivi tagħhom, jew, jekk il-konjuġi jagħżlu li jikkondividu dawn il-beni, ftehim dwar il-kondiviżjoni jew talba sabiex jitfassal dan il-ftehim;
  2. ċertifikat tas-sentenza tal-qorti dwar l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew ftehim dwar l-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri fir-rigward tal-ulied minuri, meta din ma tkunx diġà ġiet deċiża mill-qrati;
  3. ftehim dwar il-ħlas tal-manteniment lill-konjuġi li jeħtieġ il-manteniment;
  4. ftehim dwar id-disponiment mid-dar matrimonjali;
  5. ċertifikat tal-ftehim ta’ qabel iż-żwieġ, jekk dan ikun jeżisti.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fid-dokumenti mibgħuta, huwa mifhum li l-ftehimiet japplikaw kemm għall-perjodu tal-proċedimenti u kemm għall-perjodu sussegwenti (l-Artikolu 272(4) tal-Kodiċi Ċivili).

Il-proċedimenti għal separazzjoni legali jew divorzju b’kunsens reċiproku jinbdew b’rikors iffirmat mill-konjuġi jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-uffiċċju tar-reġistru ċivili (conservatória do registo civil). Ir-rikors irid jiġi ppreżentat bid-dokumenti msemmija hawn fuq u ċ-ċertifikat taż-żwieġ (l-Artikolu 14(1) u (2) tad-Digriet Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 - Proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili).

Wara li jirċievi r-rikors, ir-reġistratur jistieden lill-konjuġi għal laqgħa li matulha r-reġistratur jivverifika jekk ir-rekwiżiti legali humiex issodisfati (l-Artikolu 1776(1) tal-Kodiċi Ċivili). Fil-laqgħa, il-konjuġi jiġu infurmati bl-eżistenza tas-servizzi tal-medjazzjoni familjari; jekk il-konjuġi xorta jkun beħsiebhom jiddivorzjaw, jiġu kkunsidrati l-ftehimiet u l-konjuġi jiġu mistiedna jemendawhom jekk ma jħarsux debitament l-interessi ta’ wieħed minnhom jew tal-ulied minuri. Għal din il-fini jistgħu jitwettqu atti legali u jinġabru l-provi. Meta r-rekwiżiti legali jiġu ssodisfati u l-proċeduri msemmija hawn fuq ikunu ġew segwiti, ir-reġistratur jilqa’ r-rikors (l-Artikolu 14(3) tad-Digriet Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 - Proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili).

Meta jiġi ppreżentat ftehim dwar l-eżerċitar tal-awtorità tal-ġenituri fuq l-ulied minuri, il-proċedimenti jiġu riferuti lill-Uffiċċju tal-Prosekutur pubbliku (Ministéro Público) fil-qorti tal-Ewwel Istanza b’ġuriżdizzjoni fuq il-kwistjoni fiż-żona fejn jinsab l-uffiċċju tar-reġistru ċivili, b’tali mod li deċiżjoni dwar il-ftehim tista’ tingħata fi żmien 30 jum (l-Artikolu 14(4) tad-Digriet Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 - Proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili).

Jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jqis li l-ftehim ma jħarisx debitament l-interessi tal-ulied minuri, ir-rikorrenti jkunu jistgħu jemendawh kif mitluba jew jippreżentaw ftehim ġdid. Fil-każ tal-aħħar, il-ftehim jiġi ppreżentat mill-ġdid quddiem l-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku. Jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur pubbliku jqis li l-ftehim jipproteġi kif xieraq l-interess tal-minorenni jew fejn il-konjuġi jkunu emendaw il-ftehim kif indikat mill-Uffiċċju tal-Prosekutur pubbliku, id-divorzju jiġi ddekretat (l-Artikolu 14(5) u (6) tad-Digriet Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 - Proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili).

F’każijiet li fihom ir-rikorrenti ma jaqblux mal-emendi indikati mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u li għad għandhom l-intenzjoni li jiddivorzjaw u/jew il-ftehimiet sottomessi ma jipproteġux biżżejjed l-interessi ta’ wieħed mill-konjuġi, l-approvazzjoni ma tingħatax u l-proċedimenti tad-divorzju jiġu riferuti lill-qorti fiż-żona fejn jinsab l-uffiċċju tar-reġistru ċivili (l-Artikolu 14(7) tad-Digriet‑Liġi Nru 272/2001 tat-13 ta’ Ottubru 2001 - Proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili).

Wara li jirċievi l-każ, l-imħallef iqis il-ftehimiet li ppreżentaw il-konjuġi, u jistedinhom jemendawhom jekk ma jkunux iħarsu l-interessi ta’ wieħed minnhom jew ta’ wliedhom (l-Artikolu 1778-A(2) tal-Kodiċi Ċivili).

L-imħallef imbagħad jiddetermina l-konsegwenzi tad-divorzju fuq il-kwistjonijiet li l-konjuġi ma jkunux emendaw. Jekk kwalunkwe ftehim ma jkunx iħares biżżejjed l-interessi ta’ kwalunkwe wieħed mill-konjuġi, l-Imħallef jista’, għal dan l-iskop u b’kunsiderazzjoni tal-ftehimiet proposti, jordna t-twettiq ta’ atti u l-produzzjoni tal-provi meħtieġa (l-Artikolu 1178-A(3) u (4) tal-Kodiċi Ċivili).

Meta jkunu ddeterminati l-konsegwenzi tad-divorzju, l-imħallef ma għandux biss iħeġġeġ imma wkoll jieħu inkunsiderazzjoni l-qbil tal-konjuġi (l-Artikolu 1778-A(6) tal-Kodiċi Ċivili).

Id-divorzju b’kunsens reċiproku mbagħad jiġi ddekretat u rreġistrat fir-reġistru korrispondenti (l-Artikolu 1778-A(5) tal-Kodiċi Ċivili).

Ir-rikorsi għal separazzjoni legali jew divorzju b’kunsens reċiproku jiġu ppreżentati quddiem il-qorti, sakemm il-partijiet ma jehmżu miegħu l-ebda wieħed mill-ftehimiet imsemmija iktar ’il fuq (l-Artikolu 1778-A(1) tal-Kodiċi Ċivili)..

F’dak il-każ, ir-rikors għad-divorzju jiġi ppreżentat quddiem il-qorti. Wara li jirċievi r-rikors, l-imħallef iqis il-ftehimiet li ppreżentaw il-konjuġi, u jistedinhom biex jemendawhom jekk ma jkunux iħarsu l-interessi ta’ wieħed minnhom jew ta’ wliedhom. L-imħallef jiddetermina l-konsegwenzi tad-divorzju fuq kwistjonijiet li l-konjuġi ma jkunux ftiehmu dwarhom, u jista’, għal din il-fini u b’kunsiderazzjoni tal-ftehimiet ippreżentati, jordna t-twettiq ta’ atti u l-produzzjoni tal-provi meħtieġa. Meta jkunu ddeterminati l-konsegwenzi tad-divorzju, l-imħallef ma għandux biss iħeġġeġ iżda wkoll jieħu inkusiderazzjoni l-qbil tal-konjuġi. Id-divorzju b’kunsens reċiproku mbagħad jiġi ddekretat u rreġistrat fir-reġistru korrispondenti (l-Artikolu 1778-A(2)(3)(4)(5) u (6) tal-Kodiċi Ċivili).

Separazzjoni jew divorzju kkontestat

Ir-rikorsi għas-separazzjoni jew għad-divorzju kkontestati jiġu sottomessi lill-Qorti tal-Familja u tal-Minuri (Juízo de Família e Menores) jew, jekk ma tkun teżisti l-ebda qorti bħal din, lill-qorti ċivili lokali (Juízo Local Cível) jew lill-qorti ġenerali (Juízo de Competência Genérica) b’ġuriżdizzjoni territorjali (l-Artikolu 122(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Ordinament Ġuridiku). Il-ġuriżdizzjoni territorjali hija definita skont id-domiċilju jew ir-residenza tar-rikorrenti (il-persuna li tippreżenta l-azzjoni) (l-Artikolu 72 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Id-dispożizzjonijiet dwar id-divorzju japplikaw, mutatis mutandis, għas-separazzjoni legali (l-Artikolu 1794 tal-Kodiċi Ċivili).

Is-separazzjoni legali tintemm bir-rikonċiljazzjoni tal-konjuġi jew bix-xoljiment taż-żwieġ. (L-Artikolu 1795-B tal-Kodiċi Ċivili).

Kull wieħed mill-konjuġi jista’ jitlob divorzju kkontestat fuq il-bażi ta’ separazzjoni de facto għal sena sħiħa, bidla fil-fakultajiet mentali tal-konjuġi l-ieħor li ilha iktar minn sena u li, minħabba s-serjetà tagħha, tikkomprometti l-possibbiltà ta’ ħajja konjugali, l-assenza, mingħajr ebda aħbar mill-persuna assenti, għal perjodu ta’ mhux inqas minn sena, u fatti oħrajn li, irrispettivament mill-ħtija tal-konjuġi, jippruvaw it-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ (l-Artikolu 1781 tal-Kodiċi Ċivili).

Il-konjuġi offiż għandu d-dritt li jitlob il-kumpens għad-danni kkawżati mill-konjuġi l-ieħor skont it-termini ġenerali tar-responsabbiltà ċivili u fil-qrati ordinarji (l-Artikolu 1792(1) tal-Kodiċi Ċivili).

Il-konjuġi li talab id-divorzju fuq il-bażi ta’ bidla fil-fakultajiet mentali tal-konjuġi l-ieħor irid jikkumpensah għad-dannu personali kkawżat mix-xoljiment taż-żwieġ; din it-talba trid issir matul il-proċedimenti tad-divorzju (l-Artikolu 1792(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Jekk ir-raġuni għad-divorzju tkun bidla fil-fakultajiet mentali tal-konjuġi l-ieħor li ilha iktar minn sena u li, minħabba s-serjetà tagħha, tikkomprometti l-possibbiltà ta’ ħajja konjugali, u l-assenza, mingħajr ebda aħbar mill-persuna assenti, għal perjodu ta’ mhux inqas minn sena, huwa biss il-konjuġi li jinvoka l-bidla fil-fakultajiet mentali jew l-assenza tal-konjuġi l-ieħor li jista’ jippreżenta rikors għad-divorzju (l-Artikolu 1785(1) tal-Kodiċi Ċivili).

Meta l-konjuġi li jkun jista’ jippreżenta rikors għad-divorzju jkun adult akkumpanjat, l-azzjoni tista’ titressaq minnu jew, meta jkollu setgħat ta’ rappreżentanza, mill-persuna li takkumpanjah, li tkun kisbet l-approvazzjoni tal-qorti; Meta l-persuna li takkumpanja tkun il-konjuġi l-ieħor, l-azzjoni tista’ tinbeda, f’isem il-persuna intitolata li tippreżenta rikors għad-divorzju, minn kwalunkwe wieħed mill-qraba jew qraba diretti tagħha sat-tielet grad tal-linja tal-kollateral jew mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (l-Artikolu 1785(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Id-dritt għad-divorzju ma jiġix ittrasferit mal-mewt. Madankollu, il-werrieta tar-rikorrent jistgħu jkomplu l-azzjoni għall-finijiet tal-patrimonju, jekk ir-rikorrent imut matul il-proċedimenti; azzjoni tista’ tkompli kontra l-werrieta tal-intimat għall-istess finijiet (l-Artikolu 1785(3) tal-Kodiċi Ċivili).

Ladarba t-talba tkun ġiet ippreżentata, u jekk l-azzjoni tkun tista’ tipproċedi, l-imħallef jiskeda data għal tentattiv ta’ rikonċiljazzjoni u kemm ir-rikorrent kif ukoll l-intimat jiġu mħarrka biex jattendu personalment (l-Artikolu 931(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Jekk ir-rikonċiljazzjoni ma tirnexxix, il-qorti tipprova tikseb il-qbil tal-konjuġi għal divorzju b’kunsens reċiproku. Meta jintlaħaq ftehim jew jekk il-konjuġi jagħżlu divorzju b’kunsens reċiproku fi kwalunkwe mument fil-proċedimenti, il-proċedura għal dak it-tip ta’ divorzju tiġi segwita, mutatis mutandis (l-Artikolu 1779(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Jekk l-imħallef ma jkunx jista’ jikseb il-qbil tal-konjuġi rigward divorzju jew separazzjoni b’kunsens reċiproku, huwa jipprova jikseb il-qbil tal-konjuġi dwar il-manteniment u r-regolamentazzjoni tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri. L-imħallef jipprova wkoll jikseb il-ftehim tal-konjuġi dwar l-użu tad-dar matrimonjali waqt li l-proċedura tkun pendenti, fejn applikabbli (l-Artikolu 931(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

F’tentattiv ta’ rikonċiljazzjoni jew fi kwalunkwe mument ieħor matul il-proċedimenti, il-partijiet jistgħu jaqblu li jiddivorzjaw jew jisseparaw b’kunsens reċiproku, sakemm ikunu ssodisfati l-prerekwiżiti neċessarji (l-Artikolu 931(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Fl-assenza ta’ parti waħda jew taż-żewġ partijiet, jew meta r-rikonċiljazzjoni tkun impossibbli, l-imħallef jordna notifika lill-intimat li jista’ jikkontesta r-rikors fi żmien 30 jum; fiż-żmien tan-notifika, li ssir immedjatament, tiġi kkonsenjata kopja tat-talba oriġinali lill-intimat (l-Artikolu 931(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Jekk il-post fejn jinsab l-intimat ma jkunx magħruf, ladarba jkunu saru l-isforzi kollha previsti fil-liġi proċedurali sabiex dan jiġi lokalizzat u jkunu wrew li ma rnexxewx, id-data skedata għat-tentattiv ta’ rikonċiljazzjoni tkun nulla u l-intimat jiġi mħarrek permezz ta’ avviż pubbliku sabiex jikkontesta r-rikors (l-Artikolu 931(6) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Wara li tkun għaddiet l-iskadenza għall-kontestazzjoni tar-rikors, tiġi segwita l-proċedura komuni. Matul dik il-proċedura, jiġi identifikat is-suġġett tat-tilwima u titħabbar il-bażi tal-provi. Is-seduta finali sseħħ waqt din il-proċedura, bil-produzzjoni tal-provi. Wara l-konklużjoni tal-aħħar seduta, il-kawża tingħalaq u tiġi rrinvjata lill-imħallef, li jagħti d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 30 jum (l-Artikolu 932 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Is-separazzjoni legali tista’ tintalab f’kontrotalba, anke jekk ir-rikorrent ikun talab id-divorzju; jekk ir-rikorrent ikun talab is-separazzjoni legali, l-intimat jista’ wkoll jitlob id-divorzju permezz ta’ kontrotalba. F’dawn il-każijiet, id-divorzju għandu jiġi ddekretat meta jintlaqgħu r-rikors u l-kontrotalba (l-Artikolu 1795 tal-Kodiċi Ċivili).

Annullament taż-żwieġ

L-annullament ta’ żwieġ ma jista’ jiġi invokat fl-ebda sens, la ġudizzjarju u lanqas extraġudizzjarju, sakemm jiġi rikonoxxut minn sentenza f’azzjoni mibdija speċifikament għal dan il-għan (l-Artikolu 1632 tal-Kodiċi Ċivili).

Tali azzjoni tinbeda fil-Qorti tal-Familja u tal-Minuri billi jiġi ppreżentat rikors promotur li, fil-forma ta’ sottomissjonijiet, jidentifika l-partijiet, jiddeskrivi l-fatti rilevanti u jikkonkludi b’talba (l-Artikolu 122(1)(d) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Ordinament Ġuridiku).

Id-dritt legali sabiex tinfetaħ tali azzjoni jiddependi mir-raġunijiet għat-talba (jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija 8.

Il-konjuġi jew kull persuna li tiġi minnhom fil-linja diretta jew sar-raba’ grad tal-linja kollaterali, il-werrieta u l-ġenituri adottivi tal-konjuġi u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandhom id-dritt legali li jibdew jew ikomplu azzjoni ta’ annullament ibbażata fuq impediment li jġib l-invalidità. Barra minn hekk, it-tutur jew fiduċjarju fil-każ ta’ minuri, projbizzjoni jew inkompetenza minħabba diżordni mentali u l-ewwel konjuġi tat-trażgressur fil-każ ta’ bigamija wkoll jistgħu jibdew jew ikomplu l-azzjoni (l-Artikolu 1639 tal-Kodiċi Ċivili).

Annullament minħabba dikjarazzjoni falza jista’ jintalab mill-konjuġi stess jew minn kwalunkwe persuna li ssofri preġudizzju minħabba ż-żwieġ. F’każijiet oħra li jinvolvu nuqqas ta’ kunsens, il-proċedimenti għal annullament jistgħu jinbdew biss mill-konjuġi li ma jkunx ta l-kunsens tiegħu. Madankollu, il-qraba tagħhom, il-qraba diretti biż-żwieġ, il-werrieta jew il-ġenituri adottivi jistgħu jkomplu l-azzjoni, jekk ir-rikorrent imut matul il-proċedimenti (l-Artikolu 1640 tal-Kodiċi Ċivili).

Proċedimenti ta’ annullament ibbażati fuq difetti fil-kunsens jistgħu jinbdew biss mill-konjuġi li kien il-vittma tal-iżball jew ta’ ġegħil. Madankollu, il-qraba tagħhom, il-qraba diretti biż-żwieġ, l-eredi jew il-ġenituri adottivi jistgħu jkomplu l-azzjoni, jekk ir-rikorrent imut matul il-proċedimenti (l-Artikolu 1641 tal-Kodiċi Ċivili).

Proċedimenti ta’ annullament ibbażati fuq in-nuqqas ta’ xhieda jistgħu jinbdew biss mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (l-Artikolu 1642 tal-Kodiċi Ċivili).

Proċedimenti ta’ annullament ibbażati fuq impediment li jġib in-nullità għandhom jinbdew:

  1. fil-każ ta’ minuri, persuni b’dimenzja magħrufa jew adulti legalment inkapaċitati akkumpanjati, meta jiġu ppreżentati minn dak l-individwu inkapaċitat, sa sitt xhur wara li tintlaħaq il-maġġoranza, wara li tkun intemmet l-inkapaċità naturali, jew wara li l-akkumpanjament ikun intemm jew ġie rivedut; meta tinbeda minn persuna oħra, fi żmien tliet snin miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, iżda qatt wara li tkun intlaħqet il-maġġoranza jew wara li tkun intemmet l-inkapaċità (l-Artikolu 1643(1)(a) tal-Kodiċi Ċivili);
  2. fil-każ ta’ kundanna għal omiċidju tal-konjuġi ta’ waħda mill-partijiet, fi żmien tliet snin miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ (l-Artikolu 1643(1)(b) tal-Kodiċi Ċivili);
  3. f’każijiet oħra, fi żmien sitt xhur mix-xoljiment taż-żwieġ (l-Artikolu 1643(1)(c) tal-Kodiċi Ċivili).

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jista’ jibda l-azzjoni biss qabel ma jiġi xolt iż-żwieġ (l-Artikolu 1643(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Ma jistgħux jinbdew jew jitkomplew proċedimenti ta’ annullament ibbażati fuq l-eżistenza ta’ żwieġ preċedenti mhux xolt meta jkun hemm proċedimenti pendenti sabiex tiġi ddikjarata n-nullità jew l-annullament tal-ewwel żwieġ ta’ bigamu (l-Artikolu 1643(3) tal-Kodiċi Ċivili).

Proċedimenti ta’ annullament ibbażati fuq nuqqas ta’ kunsens ta’ parti waħda jew taż-żewġ partijiet jistgħu jinndew biss fi żmien tliet snin miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ jew, jekk ir-rikorrent ma kienx jaf bih, fi żmien sitt xhur mill-mument li sar jaf bih (l-Artikolu 1644 tal-Kodiċi Ċivili).

Il-proċedimenti ta’ annullament ibbażati fuq difetti fil-kunsens jiġu preskritti jekk ma jinbdewx fi żmien sitt xhur minn meta ma baqax jeżisti d-difett (l-Artikolu 1645 tal-Kodiċi Ċivili).

Proċedimenti ta’ annullament ibbażati fuq nuqqas ta’ xhieda jistgħu jinbdew biss sa sena miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ (l-Artikolu 1646 tal-Kodiċi Ċivili).

Iċ-ċertifikat taż-żwieġ u possibbilment (jekk il-bażi tar-rikors tkun l-età) iċ-ċertifikat tat-twelid tal-parti kkonċernata jridu jakkumpanjaw ir-rikors promotur.

Wara li tkun għaddiet l-iskadenza għall-kontestazzjoni tar-rikors, tiġi segwita l-proċedura komuni, kif imsemmi hawn fuq.

L-annullament jitqies li jkun solvut u ż-żwieġ jitqies li jkun validu mill-mument taċ-ċelebrazzjoni tiegħu jekk iseħħ wieħed mill-avvenimenti li ġejjin qabel ma s-sentenza ta’ annullament issir res judicata:

  1. iż-żwieġ ta’ wild minuri jiġi kkonfermat minn tali wild qabel uffiċjal tar-reġistru ċivili u żewġ xhieda, wara li jkun laħaq l-età maġġuri (l-Artikolu 1633(1)(a) tal-Kodiċi Ċivili).
  2. iż-żwieġ ta’ persuna b’dimenzja magħrufa jew adult akkumpanjat jiġi kkonfermat minn dik il-persuna wara li jkun ġie vverifikat b’mod ġudizzjarju li l-kawżi tal-impediment ma jibqgħux jeżistu (l-Artikolu 1633(1)(b) tal-Kodiċi Ċivili);
  3. l-ewwel żwieġ ta’ bigamu jiġi ddikjarat null jew annullat (l-Artikolu 1633(1)(c) tal-Kodiċi Ċivili);
  4. in-nuqqas ta’ xhieda huwa dovut għal ċirkostanzi ġġustifikati, bħal dawk rikonoxxuti mir-reġistratur, sakemm ma jkunx hemm dubji dwar iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ (l-Artikolu 1633(1)(d) tal-Kodiċi Ċivili).

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva, l-iskema ta’ għajnuna legali tapplika fil-qrati kollha, tkun xi tkun il-forma tal-proċedimenti

(Il-Liġi Nru 34/2004 tad-29 ta’ Lulju 2004 - Aċċess għal-Liġi u l-Ġustizzja).

Għal aktar tagħrif ara l-iskeda informattiva dwar l-“Għajnuna legali”.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Iva. Dawn id-deċiżjonijiet dejjem jistgħu jiġu appellati (l-Artikolu 629 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Jekk id-deċiżjoni inkwistjoni tkun ingħatat fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea ħlief fid-Danimarka (il-premessa 31 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003), tkun rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra kollha b’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003.

Jekk id-deċiżjoni tkun ingħatat fid-Danimarka, tapplika l-proċedura speċjali għar-reviżjoni ta’ sentenza barranija (l-Artikolu 978 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni sabiex tistħarreġ u tikkonferma sentenzi barranin hija l-qorti tal-appell (tribunal da relação) fiż-żona tar-residenza tal-persuna li kontriha tkun intalbet is-sentenza (l-Artikolu 979 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

F’din il-proċedura, id-dokument li fih id-deċiżjoni li trid tiġi mistħarrġa jiġi ppreżentat mar-rikors u l-parti avversarja nnotifikata jkollha 15-il jum biex tibgħat risposta. Ir-rikorrent jista’ jwieġeb fi żmien għaxart’ijiem mill-avviż tas-sottomissjoni ta’ dak ir-rispons (l-Artikolu 981 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ladarba l-partijiet ikunu ppreżentaw in-noti tagħhom u jkunu ttieħdu l-passi meqjusa bħala essenzjali, il-proċess jiġi pprovdut lill-partijiet u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għall-eżami u l-osservazzjonijiet, kull wieħed għal 15-il jum (l-Artikolu 982(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Sabiex is-sentenza tkun ikkonfermata:

  1. ma jridx ikun hemm dubji dwar l-awtentiċità tad-dokument li fih is-sentenza jew dwar ir-raġonevolezza tad-deċiżjoni;
  2. is-sentenza trid tkun saret finali skont il-liġi tal-pajjiż fejn tkun ingħatat;
  3. is-sentenza trid tkun ġejja minn qorti barranija li l-ġuriżdizzjoni tagħha ma ġietx invokata bi ksur tal-liġi u ma tridx tkun tinvolvi materja li taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni esklussiva tal-qrati Portugiżi;
  4. ma għandux ikun possibbli li tiġi invokata d-difiża ta’ lis alibi pendens jew res judicata abbażi ta’ każ f’qorti Portugiża, ħlief fejn l-azzjoni tkun inbdiet għall-ewwel darba quddiem il-qorti barranija;
  5. l-intimat jeħtieġlu jkun debitament innotifikat bl-azzjoni, skont il-liġi tal-pajjiż tal-qorti tal-oriġini, u l-prinċipji tad-dritt tad-difiża u ta’ protezzjoni ugwali tal-partijiet iridu jkunu ġew osservati matul il-proċedura;
  6. ma tridx tkun tinvolvi deċiżjoni li r-rikonoxximent tagħha jwassal għal riżultat manifestament inkompatibbli mal-prinċipji tal-ordni pubbliku internazzjonali tal-Portugall.

(l-Artikolu 980 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Jekk il-parti kkonċernata tiddeċiedi li tapplika għar-rikonoxximent ta’ digriet ta’ divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ħlief għad-Danimarka, ir-rikors jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Familja u tal-Minuri (l-Artikolu 122 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Ordinament Ġuridiku). Il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni territorjali tiġi ddeterminata mil-liġi interna tal-Istat Membru fejn ikun sar ir-rikors għar-rikonoxximent.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Skont ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet, fid-divorzju u s-separazzjoni legali tapplika l-liġi nazzjonali komuni tal-konjuġi. Jekk ma jkunux tal-istess nazzjonalità, tapplika l-liġi tar-residenza abitwali konġunta. Fin-nuqqas ta’ dan, tkun applikabbli l-liġi tal-pajjiż li miegħu l-ħajja tal-familja tagħhom hija l-aktar assoċjata mill-qrib (l-Artikolu 52(1) u (2) tal-Kodiċi Ċivili).

Jekk madankollu, matul iż-żwieġ, ikun hemm bidla fil-liġi applikabbli, huwa biss fatt rilevanti fil-mument tal-okkorrenza tiegħu jista’ jipprovdi bażi għal separazzjoni jew divorzju (l-Artikolu 55(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Fejn issib il-leġiżlazzjoni applikabbli

Il-Kodiċi Ċivili Portugiż

Il-Kodiċi tar-Reġistrazzjoni Ċivili Portugiż

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż

Proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u tal-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili

Ordni Leġiżlattiva Nru 13/2018

Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Ordinament Ġuridiku

Aċċess għal-Liġi u l-Ġustizzja

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri

Nota Finali

L-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva hija ta’ natura ġenerali u ma hijiex eżawrjenti. Hija ma torbotx lill-punt ta’ kuntatt, lin-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali, lill-qrati jew lil persuni oħrajn. Hija ma hijiex intenzjonata li tissostitwixxi l-konsultazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fis-seħħ.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 20/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.