Divorzju u separazzjoni legali

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Sabiex jinkiseb divorzju trid tiġi ppreżentata talba għal divorzju fil-qorti reġjonali li jkollha ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar residenza matrimonjali tal-konjuġi. Il-qorti tagħti sentenza wara seduta ta’smigħ. Deċiżjoni dwar separazzjoni mhijiex kundizzjoni għal divorzju. Irid jinstab li ż-żwieġ sfaxxa kompletament u b'mod irrimedjabbli.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Ir-raġunijiet għal divorzju huma li ż-żwieġ ikun sfaxxa kompletament u b'mod irrimedjabbli. Iridu jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet (l-Artikolu 56(1) tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela).

Madankollu, anki jekk iż-żwieġ ikun sfaxxa kompletament u b'mod irrimedjabbli, id-divorzju ma jistax jiġi ddikjrat jekk dan ikun għad-dannu tal-interess ta’ ulied minorenni li jkunu twieldu fiż-żwieġ, jew jekk ikun inkompatibbli mar-regoli tal-koeżistenza soċjali għal raġunijiet oħra. Id-divorzju lanqas ma hu ammissibbli meta l-petizzjoni tiġi ppreżentata mill-konjuġi li jkun unikament responsabbli għall-falliment taż-żwieġ, sakemm il-konjuġi l-ieħor ma jkunx jaqbel mad-divorzju jew ir-rifjut li jagħti l-kunsens tiegħu għad-divorzju jkun, fiċ-ċirkostanzi, inkompatibbli mar-regoli soċjali tal-ko‑eżistenza.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Konjuġi ddivorzjat li jkun biddel kunjomu meta żżewweġ, jista' jmur lura għall-kunjom li kellu qabel iż-żwieġ sa tliet xhur wara li jidħol fis-seħħ id-digriet tad-divorzju. Biex jagħmel dan irid jippreżenta dikjarazzjoni ta' volontà lill-kap tar-reġistru pubbliku jew lil konslu. Barra minn hekk, konjuġi li jkun divorzjat jista' jerġa' jiżżewweġ.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Maż-żwieġ il-liġi tistabbilixxi l-proprjetà komuni tal-konjuġi (sjieda konġunta statutorja), li tkopri l-proprjetà li tkun inkisbet minn konjuġi wieħed jew mit-tnejn flimkien matul is-sjieda konġunta statutorja (il-proprjetà komuni). Il-proprjetà li ma tifformax parti mis-sjieda konġunta statutorja tikkostitwixxi l-proprjetà personali ta’ kull wieħed mill-konjuġi. Fuq talba ta’ wieħed mill-konjuġi, il-qorti tista’ taqsam il-proprjetà komuni fid-digriet tad-divorzju sakemm id-diviżjoni tal-proprjetà ma tikkawżax dewmien eċċessiv fil-proċedimenti. Iż-żewġ konjuġi għandhom sehem indaqs mill-proprjetà komuni. Għal raġunijiet importanti, madankollu, kull wieħed mill-konjuġi jista' jitlob li l-qorti taqsam il-proprjetà komuni skont kemm il-konjuġi jkun ikkontribwixxa biex tinkiseb dik il-proprjetà.

Jekk il-konjuġi jikkondividu akkomodazzjoni, fid-digriet tad-divorzju l-qorti tiddetermina kif għandha tintuża l-akkomodazzjoni filwaqt li l-konjuġi ddivorzjati jkomplu jikkondividuha. F’ċirkostanzi straordinarji fejn wieħed mill-konjuġi jagħmel il-koabitazzjoni impossibbli minħabba mġieba manifestament reprensibbli, il-qorti tista’ tordna li dan jew din titkeċċa jekk jitlob dan il-konjuġi l-ieħor. Jekk jintalab miż-żewġ konjuġi, il-qorti tista' tiddeċiedi wkoll fid-digriet tad-divorzju li taqsam l-akkomodazzjoni kondiviża jew li tassenja l-akkomodazzjoni lil wieħed mill-konjuġi jekk il-konjuġi l-ieħor jaqbel li jitlaq minnha mingħajr ma jingħata akkomodazzjoni alternattiva u faċilitajiet sostituttivi, sakemm ikun possibbli li l-akkomodazzjoni tinqasam jew tiġi assenjata b’dan il-mod. Meta tkun qed tiddeċiedi dwar l-akkomodazzjoni kondiviża, il-qorti tqis, l-ewwel u qabel kollox, il-bżonnijiet tal-ulied minorenni u dawk tal-konjuġi li lilu tiġi fdata r-responsabbiltà ta’ ġenitur.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

F'digriet ta' divorzju l-qorti tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied kollha minorenni taż-żewġ konjuġi u dwar il-kuntatt bejn il-ġenituri u t-tfal. Il-qorti tiddetermina wkoll l-ammont li jrid jitħallas minn kull konjuġi biex ikopri l-manteniment u t-trobbija tat-tfal. Il-qorti tqis ukoll ftehim bil-miktub bejn il-konjuġi dwar il-mod li bih tkun se titħaddem ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-arranġamenti ta’ kuntatt mal-ulied minorenni wara d-divorzju, sakemm il-ftehim ikun fl-aħjar interess tal-ulied. L-aħwa għandhom jitrabbew flimkien sakemm ma jkunx meħtieġ mod ieħor fl-aħjar interess tagħhom.

Fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-konjuġi, il-qorti, filwaqt li tqis id-dritt tal-ulied minorenni li jitrabbew miż-żewġ ġenituri, tiddeċiedi dwar il-mod li bih ir-responsabbiltà tal-ġenituri għandha titħaddem kif ukoll dwar l-arranġamenti ta’ kuntatt wara d-divorzju. Il-qorti tista' tafda t-tħaddim tar-responsabbiltà tal-ġenituri lil ġenitur wieħed, u tillimita r-responsabbiltà tal-ġenitur l-ieħor għal obbligi u drittijiet speċifiċi fir-rigward l-ulied minorenni, jekk dan ikun fl-aħjar interess tal-ulied.

Il-qorti tista’ ma tiddeċidix dwar l-arranġamenti ta’ kuntatt, jekk iż-żewġ konjuġi jitolbu dan.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Konjuġi ddivorzjat li jinstab li ma kienx unikament responsabbli għall-falliment taż-żwieġ u li jkun jinsab f'diffikultajiet finanzjarji jista' jitlob mingħand il-konjuġi l-ieħor manteniment li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet raġonevoli tiegħu jew tagħha u għall-kapaċitajiet finanzjarji tal-konjuġi l-ieħor.

Jekk wieħed mill-konjuġi jinstab li kien unikament responsabbli għall-falliment taż-żwieġ u d-divorzju jirrikjedi deterjorament sostanzjali fil-qagħda finanzjarja ta' konjuġi l-ieħor, il-qorti tista’ tordna, wara talba tal-konjuġi mhux responsabbli, li l-konjuġi li jinstab unikament responsabbli għall-falliment taż-żwieġ ikun meħtieġ jikkontribwixxi għall-bżonnijiet raġonevoli tal-konjuġi mhux responsabbli, anki jekk dan tal-aħħar ma jkollux diffikultajiet finanzjarji.

L-obbligu ta’ manteniment lejn konjuġi jiskadi meta l-konjuġi jerġa jiżżewweġ. Madankollu, meta konjuġi ddivorzjat li ma jkunx instab responsabbli għall-falliment taż-żwieġ ikun obbligat iħallas il-manteniment, l-obbligu tal-manteniment jiskadi wkoll ħames snin mid-digriet tad-divorzju, sakemm il-qorti ma testendix dan il-perjodu ta’ ħames snin, fuq talba tal-persuna intitolata għall-manteniment, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Din hija separazzjoni formali, jiġifieri hija deċiża mill-qorti skont l-Artikoli 611 sa 616 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-kundizzjoni għal separazzjoni hija jekk jinstab li żwieġ ikun falla kompletament. Anki jekk iż-żwieġ ikun sfaxxa kompletament, is-separazzjoni ma tistax tingħata jekk dan ikun għad-dannu tal-interess ta’ ulied minorenni li jkunu twieldu fiż-żwieġ, jew jekk is-separazzjoni tkun inkompatibbli mar-regoli tal-koeżistenza soċjali għal raġunijiet oħra. Jekk il-konjuġi ma jkollhomx ulied minorenni bejniethom, il-qorti tista’ toħroġ ordni ta’ separazzjoni jekk jitolbuha ż-żewġ partijiet.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Il-konsegwenzi legali ta' separazzjoni huma, bħala regola, l-istess bħal dawk ta' divorzju. Madankollu, konjuġi sseparat ma jistax jerġa' jiżżewweġ.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

“Annullament taż-żwieġ” tfisser il-kanċellazzjoni ta' kull effett ta' żwieġ b'effett retroattiv. Iż-żwieġ jiġi ttrattat daqs li kieku qatt ma eżista. L-unika eċċezzjoni hija li l-ulied minn żwieġ annullat iżommu l-istatus ta' tfal imwielda fi żwieġ.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Ir-raġunijiet biex jiġi annullat żwieġ huma elenkati fil-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela: Dawn jinkludu:

  • il-konjuġi jkun taħt l-età taż-żwieġ (l-Artikolu 10 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela),
  • il-konjuġi jkun kompletament ġuridikament inabilitat (l-Artikolu 11 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela),
  • konjuġi jkollu mard mentali jew diżabiltà intellettwali (l-Artikolu 12 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela),
  • konjuġi jkun diġà miżżewweġ ma' persuna oħra (l-Artikolu 13 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela),
  • il-konjuġi jkunu jiġu minn xulxin b'parentela ta' axxendenza, parentela kollaterali (aħwa, inkluż aħwa fardsieq, u aħwa mwielda barra miż-żwieġ) jew affinità axxendenti (l-Artikolu 14 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela), Madankollu, għal raġunijiet importanti l-qorti tista’ tippermetti li ż-żwieġ isir minkejja li jkun hemm affinità axxendenti,
  • il-konjuġi jkunu jiġu minn xulxin b'adozzjoni (l-Artikolu 15 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela),
  • tkun ġiet ippreżentata dikjarazzjoni li, fil-mument taż-żwieġ, konjuġi kien, għal kwalunkwe raġuni, inkapaċi li liberament jesprimi r-rieda tiegħu, żbaljat dwar l-identità tal-parti l-oħra jew taħt theddida illegali (l-Artikolu 151 tal-Kodiċi dwar il-Familja u t-Tutela),
  • jekk żwieġ ikun sar bi prokura, il-parti awtorizzanti tista’ titlob li ż-żwieġ jiġi annullat jekk ma jkunx hemm deċiżjoni tal-qorti li tippermetti li ż-żwieġ jiġi ċelebrat permezz ta’prokura, jew jekk il-prokura kienet invalida jew effettivament revokata. Huwa impossibbli madankollu li wieħed jinvoka din ir-raġuni għal annullament, jekk il-konjuġi jkunu jgħixu flimkien.

Kull waħda ,mill-kawżi msemmijin hawn fuq trid tkun eżistiet meta jkun sar iż-żwieġ. Barra minn hekk, jekk ir-raġunijiet għall-annullament ma jibqgħux japplikaw, żwieġ li jkun sar ma jistax jiġi annullat irrispettivament minn jekk tali raġunijiet ikunux eżistew qabel.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Sentenza li tannulla iż-żwieġ hija kostituttiva u għandha konsegwenzi għal partijiet terzi (erga omnes). Hemm żewġ tipi ta' konsegwenzi:

  • ex tunc, jiġifieri konsegwenzi li jmorru lura għad-data meta jkun sar iż-żwieġ, pereżempju, il-konjuġi jmorru lura għall-istat ċivili li kellhom qabel iżżewġu u jaqilbu għall-kunjom li kellhom qabel, il-konjuġi u l-familja tal-konjuġi l-ieħor ma jibqgħux jiġu minn xulxin b'affinità u mhix possibbli s-suċċessjoni testamentarja;
  • ex nunc, jiġifieri konsegwenzi li jirriżultaw biss wara li s-sentenza li tannulla ż-żwieġ issir finali, pereżempju, rigward ir-relazzjonijiet ta' proprjetà.

Il-konsegwenzi ta' annullament ta' żwieġ għar-relazzjoni bejn il-konjuġi u t-tfal miż-żwieġ ta' bejniethom u għar-relazzjonijiet ta' proprjetà bejn il-konjuġi huma skont ir-regoli rilevanti dwar id-divorzju. Fuq kollox, il-konjuġi li jidħol fiż-żwieġ b'mala fede huwa kkunsidrat bħala l-konjuġi responsabbli għall-falliment taż-żwieġ.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Il-konjuġi fil-Polonja jistgħu jirrikorru għall-medjazzjoni tal-familja. L-għanijiet ewlenin huma li l-kunflitti bejn il-konjuġi jiġu riżolti b'mod li jiġu evitati d-divorzju jew is-separazzjoni. Jekk, madankollu, dan ma jkunx possibbli, il-medjazzjoni hija mfassla biex jinħadmu t-termini tad-divorzju (kwistjonijiet ta' proprjetà, il-kura tat-tfal) Is-servizzi ta' medjazzjoni jipprovduhom l-aktar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-fondazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet. Il-konjuġi jistgħu jibbenefikaw minn diversi forom ta' terapija għall-familja, għajnuna ta' psikologi, psikoterapisti, gruppi ta' sostenn, eċċ. Il-medjazzjoni hija wkoll possibbli meta l-proċedimenti tal-qorti jkunu pendenti.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

L-applikazzjonijiet għad-divorzju, is-separazzjoni jew l-annullament taż-żwieġ iridu jiġu ppreżentati fil-qorti reġjonali (sąd okręgowy) li jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar post ta' residenza komuni tal-konjuġi. Fin-nuqqas ta' tali qorti, l-applikazzjonijiet iridu jiġu ppreżentati fil-qorti reġjonali li jkollha ġuriżdizzjoni fuq l-aħħar post ta' residenza tal-applikant.

Applikazzjonijiet bħal dawn huma soġġetti għal tariffa tal-qorti.

Id-dokumenti li ġejjin iridu jkunu mehmuża mal-applikazzjoni: kopji tal-istat ċivili (iċ-ċertifikat taż-żwieġ, iċ-ċertifikati tat-twelid tat-tfal), dokument li jawtorizza avukat biex jirrappreżenta lil parti (jekk dik il-parti tkun iddeċidiet li tagħżel l-avukat tiegħu jew tagħha) u kwalunkwe ċertifikat ieħor li jista' jkun rilevanti għall-każ (ċertifikati mediċi), ċertifikati maħruġa minn korpi pubbliċi, deċiżjonijiet amministrattivi, eċċ.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva. Parti li l-qagħda finanzjarja tagħha ma tippermettilhiex li tħallas it-tariffa meħtieġa tista' titlob lill-qorti biex tiġi eżentata milli tħallas l-ispejjeż tal-qorti kollha jew parti minnhom, u tista' wkoll titlob lill-qorti biex taħtar avukat ex officio għaliha.

Persuna li tapplika għal eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-ispejjeż tal-qorti jew għall-ħatra ex officio ta’ rappreżentant trid tehmeż mal-applikazzjoni dikjarazzjoni tal-qagħda finanzjarja tagħha (fuq formola apposta, li tinġieb mill-qorti), provi tal-qliegħ (dħul) u informazzjoni oħra dwar iċ-ċirkostanzi patrimonjali u familjari.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Iva, f'dawn il-każi kollha huwa possibbli li jsir appell fil-qorti tat-tieni istanza. Il-konjuġi jistgħu jikkontestaw fil-qrati tal-appell id-deċiżjonijiet tal-qrati reġjonali.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

B'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "Ir-Regolament Brussell IIa"), tali deċiżjonijiet huma awtomatikament rikonoxxuti fil-Polonja mingħajr il-ħtieġa ta' xi proċedura ta' rikonoxximent speċjali. (l-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell IIa).

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Kull parti interessata tista' tapplika għal deċiżjoni li sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta (l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Brussell IIa). Fil-Polonja, applikazzjonijiet bħal dawn jiġu ppreżentati fil-qrati reġjonali. Il-ġuriżdizzjoni lokali tiġi deċiża b'referenza għall-post ta' residenza abitwali tal-persuna kontra min qed tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal deċiżjoni li sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta. Jekk ebda wieħed mill-postijiet li hemm referenza għalihom hawn fuq ma jinsab fil-Polonja, il-ġuriżdizzjoni lokali tiġi ddeterminata b'referenza għall-post tal-infurzar (L-Artikolu 29(2) tar-Regolament Brussell IIa).

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-Polonja hija parti għal ħafna ftehimiet internazzjonali li jirregolaw il-kwistjoni ta' hawn fuq. Dawn ir-regoli jieħdu preċedenza fuq il-liġi internazzjonali privata Pollakka. Għaldaqstant, regoli differenti jistgħu jkunu applikabbli kull meta l-konjuġi jkunu ta' nazzjonalitajiet differenti. Fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali, japplika l-Att dwar il-Liġi Internazzjonali Privata tal-14 ta' Frar 2011. B'konformità mal-Artikolu 54 ta' dan l-Att, żwieġ jista' jinħall taħt il-liġi nattiva komuni (Lex Patriae Communis) tal-konjuġi applikabbli fiż-żmien meta tiġi ppreżentata talba biex jinħall iż-żwieġ. Fin-nuqqas ta' liġi nattiva komuni tal-konjuġi, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-pajjiż fejn ikunu jirrisejdu ż-żewġ konjuġi meta tiġi ppreżentata t-talba biex jinħall iż-żwieġ. Jekk il-konjuġi ma jkollhomx post ta' residenza komuni fiż-żmien meta tiġi ppreżentata din it-talba, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-aħħar pajjiż fejn il-konjuġi kellhom residenza komuni, bil-kundizzjoni li wieħed mill-konjuġi jkun għad għandu l-post ta' residenza abitwali tiegħu jew tagħha hemmhekk. F'każi oħra, iż-żwiġijiet jinħallu skont il-liġi Pollakka.

L-aħħar aġġornament: 08/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.