Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Finlandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Divorzju u separazzjoni legali

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

It-talbiet għad-divorzju jiġu ttrattati mill-Qrati Distrettwali (käräjäoikeus). Id-divorzju jista' jintalab minn wieħed mill-konjuġi jew inkella miż-żewġ konjuġi flimkien.

Il-konjuġi jkunu jistgħu jingħataw id-divorzju wara li jgħaddi perjodu ta’ riflessjoni ta' sitt xhur. Mhux meħtieġ perjodu ta’ riflessjoni għall-konjuġi li jkunu ilhom jgħixu separatament għal minn tal-inqas sentejn qabel ma jkunu talbu d-divorzju.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Fit-talba, ma hemmx għalfejn jiġu elenkati r-raġunijiet għad-divorzju. Il-Qrati Distrettwali ma jeżaminawx ir-rabtiet personali li jkollhom il-konjuġi u lanqas ma jaraw ir-raġunijiet għalfejn ikunu qed jitolbu d-divorzju. Ara l-mistoqsija nru 1.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Hekk kif jingħataw id-divorzju, il-konjuġi jibqgħu jżommu l-kunjom li kellhom fiż-żwieġ. Jekk il-kunjom ta' wieħed mill-konjuġi jkun inbidel biż-żwieġ, huwa jista' japplika biex jibdlu wara li jingħata d-divorzju.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

L-għoti ta' divorzju u l-qsim tal-beni f'komunjoni jitqiesu bħala kwistjonijiet separati. Max-xoljiment taż-żwieġ, il-konjuġi jistgħu jiftiehmu dwar il-qsim tal-beni f'komunjoni bejniethom, jew inkella jitolbu l-qorti taħtrilhom eżekutur. Ir-regola ġenerali hija li l-assi kollha tal-konjuġi jinqasmu b'mod indaqs. Huwa possibbli li wieħed jidderoga minn din ir-regola skont il-ftehim li jkun sar qabel iż-żwieġ. Il-qsim jista' jiġi aġġustat ukoll jekk dan jirriskja li jwassal għal riżultat finali inadegwat. Il-beni f'komunjoni jistgħu jinqasmu hekk kif jibda l-perjodu ta’ riflessjoni.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Kwistjonijiet fir-rigward ta' tfal minorenni li l-konjuġi jkollhom flimkien, bħall-kustodja u l-arranġamenti ta' għajxien u d-drittijiet għall-manteniment u għaż-żjarat, jistgħu jiġu miftiehma flimkien mat-talba għad-divorzju. Ara "Il-Kustodja tat-Tfal – Il-Finlandja" u "Talbiet għall-Manteniment – Il-Finlandja".

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Meta l-qorti tippronunzja d-divorzju, hija tista', fuq talba ta' wieħed mill-konjuġi, tobbliga lill-ieħor iħallaslu l-manteniment, jekk hija tqis li tali miżura tkun raġonevoli. (Ara "Talbiet għall-Manteniment – Il-Finlandja".) Madankollu, dan jiġri rarament.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-sistema legali Finlandiża ma tirrikonoxxix is-separazzjoni ġudizzjarja. Fil-prattika, is-separazzjoni tfisser li l-konjuġi jkunu jgħixu separatament, f'indirizzi differenti.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Ara l-mistoqsija nru 4.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Ara l-mistoqsija nru 4.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Fil-leġiżlazzjoni Finlandiża ma hemm l-ebda dispożizzjoni fir-rigward tal-annullament taż-żwieġ. Madankollu, il-prosekutur pubbliku huwa mistenni li jiftaħ kawża biex jiġi ppronunzjat id-divorzju ta' konjuġi immedjatament, jekk jirriżulta li l-konjuġi jkunu qraba mill-qrib jew li wieħed mill-konjuġi jkun diġà miżżewweġ legalment fil-mument li jidħol għaż-żwieġ.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Ara l-mistoqsija nru 7.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Ara l-mistoqsija nru 7.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

It-talbiet għad-divorzju dejjem iridu jsiru ma' Qorti Distrettwali. Madankollu, il-liġi tistipula li, fejn ikun possibbli, kwalunkwe tilwim fi ħdan il-familja irid, qabel xejn, jiġi solvut mill-konjuġi billi jinnegozjaw bejniethom u billi jaslu għal rikonċiljazzjoni. Sabiex jagħmlu dan, il-konjuġi jistgħu jitolbu l-assistenza ta' medjaturi tal-familja li jiffurmaw parti mill-bord tas-servizzi soċjali fil-komun tagħhom (sosiaalilautakunta). Il-Qrati Distrettwali huma wkoll fid-dmir li jinformaw lill-konjuġi bil-possibbiltà li jagħmlu użu mis-servizz ta' medjazzjoni għall-familji. Il-medjaturi jippruvaw jgħinu lill-konjuġi jilħqu fehim reċiproku dwar kif tista' tinstab soluzzjoni għat-tilwim tal-familja b'tali mod li jiġu rispettati l-interessi tal-membri kollha tal-familja. Huma jistgħu jassistu wkoll lill-konjuġi biex ifasslu ftehimiet u biex jagħtu bidu għal proċeduri oħrajn maħsuba biex isolvu t-tilwim. Il-medjaturi għandhom partikolarment id-dmir li jħarsu l-interessi tat-tfal minorenni li jista' jkun hemm fil-familja kkonċernata. Il-medjazzjoni hija dejjem volontarja.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Id-divorzju jista' jintalab miż-żewġ konjuġi flimkien, jew inkella individwalment minn wieħed mill-konjuġi. It-talba għad-divorzju, li trid tkun bil-miktub, trid tiġi ppreżentata lill-Qorti Distrettwali tal-lokalità fejn wieħed mill-konjuġi jkollu l-post tar-residenza tiegħu. It-talbiet għad-divorzju jistgħu jiġu ppreżentati personalment jew inkella minn rappreżentant awtorizzat. Dawn it-talbiet jistgħu jintbagħtu wkoll lill-Qorti Distrettwali bil-posta, bil-faks jew bil-posta elettronika.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Tista' tintalab għajnuna legali għall-kawżi ta' divorzju. (Ara "L-għajnuna legali – Il-Finlandja".)

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Sentenza ta' divorzju tista' tiġi appellata quddiem il-Qorti tal-Appell (hovioikeus).

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Bħala regola ġenerali, ir-rikonoxximent ta' sentenza ta' divorzju mogħtija fi Stat Membru ieħor, huwa bbażat fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003. Ara "Id-Divorzju – Id-Dritt Komunitarju".

Skont dan ir-Regolament, sentenza li tingħata fi Stat Membru partikolari tiġi awtomatikament rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' xi proċedura speċjali. Madankollu, kwalunkwe parti interessata, tista' titlob li tingħatalha konferma dwar ir-rikonoxximent jew le tas-sentenza.

It-talbiet għall-konferma tar-rikonoxximent tas-sentenzi jiġu ttrattati mill-Qrati Distrettwali.

Madankollu, fir-rigward ta' talbiet għad-divorzju ppreżentati f'pajjiżi Nordiċi, tapplika l-Konvenzjoni Nordika tal-1931 dwar iż-Żwiġijiet. Fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-partijiet għal din il-Konvenzjoni jinkludu l-Finlandja, l-Isvezja u d-Danimarka. Sentenza ta' divorzju mogħtija f'konformità mal-Konvenzjoni Nordika dwar iż-Żwiġijiet titqies valida fil-pajjiżi Nordiċi kollha mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' konferma supplimentari.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Il-proċedura hija l-istess bħal dik imsemmija fil-mistoqsija nru 14.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-liġi Finlandiża tapplika għall-kawżi kollha ta' divorzju li jitressqu fil-Finlandja.

L-aħħar aġġornament: 02/03/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.