

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Irid jitressaq rikors miktub (petition) fil-qorti minn wieħed mill-miżżewġin. Rikorsi għal divorzju jiġu ttrattati mill-Qorti tal-Familja u l-miżżewġin iridu jressqu r-rikors tagħhom f'dik il-qorti biex jiksbu d-divorzju. Ir-rikorrent irid juri li ż-żwieġ tfarrak b'mod irrimedjabbli u jrid iġib provi ta' wieħed mill-ħames fatti elenkati hawn taħt.
L-ebda rikors għal divorzju ma jista' jsir qabel tal-inqas sena mid-data taż-żwieġ, għalkemm rikors għall-annullament jista' jsir fi kwalunkwe mument taż-żwieġ. Madankollu, jistgħu jinġabu provi f'perjodu ta' sena mid-data taż-żwieġ li juru li ż-żwieġ tfarrak b'mod irrimedjabbli.
Minn Marzu 2014 kopji tal-istess sess jistgħu jiżżewġu fl-Ingilterra u Wales. L-istess kundizzjonijiet japplikaw għad-divorzju kemm għall-koppji ta' sess differenti u kemm għall-koppji tal-istess sess.
Mill-2005 'il quddiem koppji tal-istess sess fir-Renju Unit kienu jistgħu jifformalizzaw legalment ir-relazzjoni tagħhom billi jidħlu fi sħubija ċivili. Il-partijiet fi sħubija ċivili jistgħu jxoljuha jew jitolbu ordni ta' separazzjoni meta r-relazzjoni tagħhom titfarrak. Il-proċess huwa analogu għad-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja u l-annullament taż-żwieġ kif deskritt hawn taħt. Għal iktar informazzjoni żur is-sit web tal-Gvern.
Fi żwieġ bejn persuni tal-istess sess il-koppja tkun raġel u raġel (husband and husband) jew mara u mara (wife and wife).
L-unika bażi għad-divorzju hija t-tifrik irrimedjabbli taż-żwieġ. Biex jintwera li ż-żwieġ ikun tfarrak b'mod irrimedjabbli jridu jiġu ppreżentati provi ta' "fatt" taż-żwieġ jew iktar.
Il-qorti hija obbligata tinvestiga kemm tista' l-fatti allegati mir-rikorrent (petitioner) u l-fatti allegati mill-intimat (respondent). Jekk il-qorti tkun sodisfatta bil-provi li ż-żwieġ tfarrak b'mod irrimedjabbli, jingħata digriet ta' divorzju mill-Imħallef tal-Qorti tal-Familja.
Jekk il-qorti tkun sodisfatta li ż-żwieġ tfarrak b'mod irrimedjabbli, l-ewwel toħroġ "decree nisi" (digriet interim ta' divorzju). Wara perjodu ta' sitt ġimgħat jista' jsir rikors mill-parti li tkun talbet lill-qorti għad-divorzju, biex tikseb id-"decree absolute" (id-digriet finali ta' divorzju). Ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ma hemm l-ebda terminu perentorju għal rikors biex digriet isir assolut (finali).
Madankollu, jekk ir-rikors għal decree absolute jitressaq iktar minn 12-il xahar wara d-decree nisi, ir-rikorrent ikollu jagħti spjegazzjoni bil-miktub miegħu fejn:
L-Imħallef tal-Qorti tal-Familja jista' jitlob li r-rikorrent jagħmel dikjarazzjoni ġuramentata fejn jivverifika l-ispjegazzjoni li jkun ta u jista' jagħti kwalunkwe ordni dwar ir-rikors li l-Imħallef tal-Qorti tal-Familja jaħseb li tkun xierqa.
Il-partijiet huma liberi li jerġgħu jiżżewġu (jew jidħlu fi sħubija ċivili) jekk ikunu jixtiequ. Huma jistgħu jagħżlu li jżommu kunjomhom ta' miżżewġin jew jaqilbu lura għall-kunjom ta' qabel iż-żwieġ jew sħubija, kif ikunu jixtiequ.
Il-qorti, fl-għotja ta' digriet ta' divorzju, nullità jew separazzjoni ġudizzjarja, jew wara, tista' tordna li proprjetà tiġi ttrasferita minn konjuġi għall-ieħor, jew lil wild tal-familja, jew lil persuna oħra għall-benefiċċju ta' wild tal-familja.
Il-Qrati għandhom ukoll is-setgħa li jordnaw il-ħlas ta' pagamenti perjodiċi, jordnaw il-bejgħ ta' proprjetà, jagħtu ordnijiet rigward il-pensjonijiet, jordnaw pagamenti ta' ammont f'daqqa ta' darba u ordnijiet oħrajn. Huma għandhom id-diskrezzjoni dwar x'ordnijiet jagħtu fi kwalunkwe każ partikolari, li jsolvu il-kwistjonijiet ta' dak il-każ skont iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu.
Meta jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom, il-qrati jridu jqisu l-aħjar interessi ta' kull wild tal-familja li jkun taħt l-età ta' 18-il sena flimkien mal-kwistjonijiet li ġejjin:
Wara d-divorzju, iż-żewġ ġenituri jibqa' jkollhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri għat-tfal miż-żwieġ. Kull ġenitur jibqa' jkollu r-responsabbiltà tal-ġenitur għall kull wild minn relazzjonijiet oħrajn li jkollu r-responsabbiltà tal-ġenitur għalih fil-mument tad-divorzju. Iż-żewġ ġenituri jkollhom dmir kontinwu li jmantnu lill-ulied minorenni li jkunu għexu bħala tfal tal-familja.
Id-dmir ta' manteniment tal-konjuġi l-ieħor fil-parti l-kbira tal-każijiet jintemm malli d-divorzju jiġi ffinalizzat (mal-għoti tad-decree absolute), ħlief f'każijiet fejn ikun hemm ordni għal manteniment konjugali bħala parti mill-proċedimenti tad-divorzju. Barra minn hekk, kwalunkwe dmir relatat ma' ordni ġudizzjarja eżistenti (pereżempju dwar il-manteniment konjugali) jibqa' attiv, u jista' jkun possibbli li ordni eżistenti tvarja f'data futura jekk ikun hemm bidliet sinifikanti għar-raġunijiet li l-ordni oriġinali tal-qorti tkun ibbażata fuqhom.
Fl-Ingilterra u Wales, is-"separazzjoni legali" hija magħrufa bħala "Separazzjoni Ġudizzjarja". Meta l-qorti tagħti din l-ordni ma jibqax ikun hemm aspettazzjonijiet li l-konjuġi li jkun talab l-ordni jkompli jgħix mar-raġel jew il-mara tiegħu. Madankollu, ma jkunx jista' jerġa' jiżżewweġ. Effettivament, is-separazzjoni ġudizzjarja hija għażla għal miżżewġin li ż-żwieġ tagħhom ikun tfarrak imma li ma jkunux jixtiequ jerġgħu jiżżewġu. Rikorrent f'każ ta' separazzjoni ġudizzjarja mhux mistenni juri li ż-żwieġ tiegħu tfarrak b'mod irrimedjabbli. Huwa possibbli li titlob ordni għal divorzju wara li jingħata ordni għal separazzjoni ġudizzjarja.
Sħab irreġistrati jistgħu jitolbu ordni ta' separazzjoni, li jkollha preċiżament l-istess effett.
Ir-rikorrent irid jipprovdi provi ta' fatt wieħed jew iktar meħtieġa biex juru t-tifrik taż-żwieġ, u, kuntrarjament għal dawk li jitolbu d-divorzju, ma għandux għalfejn jistenna sena mid-data taż-żwieġ biex jibda l-proċeduri.
Jekk parti f'separazzjoni ġudizzjarja tmut mingħajr ma tkun għamlet testment, il-proprjetà tagħha titqassam skont ir-regoli ab intestato u digriet ta' separazzjoni ġudizzjarja jkollu l-istess effett bħal divorzju. Għalhekk, l-ebda wieħed mill-konjuġi ma jista' jkollu l-ebda dritt fuq il-proprjetà tal-parti intestata. Jekk parti f'separazzjoni ġudizzjarja tmut b'testment, is-separazzjoni ġudizzjarja ma jkollha l-ebda effett fuq l-intitolament skont dak it-testment meta, pereżempju, il-parti separata superstiti tkun nominata bħala benefiċjarju fit-testment.
L-istess dispożizzjonijiet għall-qsim tal-proprjetà li japplikaw għad-divorzju japplikaw ukoll għas-separazzjoni ġudizzjarja.
Hemm żewġ forom ta' annullament taż-żwieġ. Iż-żwieġ jista' jew jiġi ddikjarat "null", li jfisser li ż-żwieġ qatt ma kien validu u qatt ma eżista. F'ċirkostanzi differenti, iż-żwieġ jista' jkun "annullabbli", li jfisser li wieħed mill-miżżewġin jista' jitlob li ż-żwieġ jiġi ddikjarat invalidu. Huwa possibbli li ż-żwieġ ikompli jekk il-miżżewġin ikunu kuntenti hekk.
Żwieġ ikun null u invalidu jekk:
Żwieġ huwa annullabbli fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
Jekk iż-żwieġ ikun null ikun kompletament invalidu u jiġi ttrattat daqslikieku qatt ma eżista. Dan ma jaffettwax l-istatus tat-tfal.
Jekk żwieġ ikun annullabbli jiġi ttrattat daqslikieku kien invalidu mid-data li fiha l-ordni ta' annullament taż-żwieġ issir assoluta. Iż-żwieġ jitqies li kien jeżisti sa dak il-mument.
Kemm f'każ ta' żwieġ null u kemm f'każ ta' żwieġ annullabbli, il-qorti tista' tagħmel arranġamenti għall-qsim tal-proprjetà bl-istess mod bħal fil-każ ta' divorzju.
Il-Gvern iħeġġeġ l-użu tal-medjazzjoni tal-familja biex isolvi tilwim f'każijiet xierqa. Il-medjazzjoni tista' tkun xierqa għal tilwim relatat mat-tfal u anke għal tilwim li jikkonċerna l-proprjetà u l-finanzi. F'xi oqsma l-uffiċjali tas-Servizz ta' Appoġġ u Konsulenza tal-Qorti tal-Familja u tat-Tfal CAFCASS (l-Ingilterra) jew CAFCASS Cymru (Wales) jipprovdu faċilitajiet għas-soluzzjoni għat-tilwim li jirrigwardaw lit-tfal fil-qorti. Il-qorti tista' taġġorna kawża biex isir tentattiv li t-tilwima tissolva b'dan il-mod.
Ir-rikors għat-talba jista' jsir fi kwalunkwe lok tal-Qorti tal-Familja u jridu juri jekk ir-rikors hux għal divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament. Id-dettalji għall-qrati u l-forom neċessarji jinsabu fis-sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja.
Normalment ikun irid isir ħlas mal-preżentata tar-rikors, imma hemm eżenzjonijiet għal dawk li jirċievu benefiċċju mill-istat jew li jkunu jistgħu juru li l-ħlas tat-tariffa jikkawżalhom diffikultajiet żejda. Iktar dettalji dwar dan jinsabu fis-sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja.
Parti għand tuża l-formola għal talba (D8) u tibagħtu fi:
L-għajnuna legali ma tkunx normalment disponibbli għad-divorzju jew għal tilwim relatat ma' tfal u tilwim relatat mal-proprjetà sakemm ma jkunx hemm vjolenza domestika. F'dak il-każ ikun hemm ukoll test tal-mezzi u tal-merti. Għal iktar informazzjoni żur is-sit tal-Gvern.
Meta jingħataw miżuri provviżorji, huwa possibbli li wieħed mill-miżżewġin jippreżenta rikors il-qorti biex iressaq provi għalfejn dawn ma għandhomx isiru finali. Il-qorti tista' jew twarrabha, tordna li ssir finali, tordna li jsiru inkjesti ulterjuri jew tittratta l-kawża b'mod ieħor li tħoss li jkun l-aħjar.
Wara ordni finali, ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jistax ikun hemm appelli ulterjuri.
Mhux possibbli li tappella minn ordni għal separazzjoni ġudizzjarja imma jista' jkun possibbli li tibdlu jekk iż-żewġ partijiet jaqblu.
Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li deċiżjoni li twassal għal divorzju, separazzjoni legali (separazzjoni ġudizzjarja) jew annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru tista' tkun rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor. Id-dokumenti meħtieġa jistgħu jinkisbu mill-qorti li tkun għamlet l-ordni u għandhom jiġu ppreżentati lill-Qorti Superjuri (High Court).
Dan ir-Regolament ma jaffettwax kwistjonijiet ta' ħtija, konsegwenzi taż-żwieġ fuq il-proprjetà, manteniment jew kwistjonijiet anċillari oħrajn. Irid ikun hemm rabta reali bejn il-parti kkonċernata u l-Istat Membru li jkun qed jeżerċita l-ġuriżdizzjoni.
Ir-rikonoxximent jista' jkun miċħud jekk id-deċiżjoni tmur kontra l-ordni pubbliku, jekk tingħata f'kontumaċja, jekk l-intimat ma jkunx ġie nnotifikat bid-dokumenti rilevanti fil-ħin, jew jekk tkun irrikonċiljabbli ma' sentenza fi proċedimenti bejn l-istess partijiet fl-Ingilterra u Wales, jew tkun irrikonċiljabbli ma' sentenza preċedenti f'pajjiżi ieħor, sakemm is-sentenza preċedenti tkun tista' tiġi rikonoxxuta fl-Ingilterra u Wales.
Kull parti interessata tista' titlob deċiżjoni biex is-sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta. Il-Qorti Superjuri (High Court) tista' twaqqaf il-proċedimenti jekk jiġi ppreżentat appell kontra s-sentenza li jkun qed jintalab ir-rikonoxximent tagħha.
Jekk id-deċiżjoni ma tkunx tista' tiġi rikonoxxuta skont dan ir-Regolament, l-arranġamenti għar-rikonoxximent tad-divorzji miksuba f'pajjiżi oħra jinsabu fl-Att tal-1986 dwar il-Liġi tal-Familja. L-Artikolu 46 tiegħu jistipula li:
Kull persuna tista' titlob lill-qorti għal dikjarazzjoni li divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja miksuba barra mill-Ingilterra u Wales għandha tkun rikonoxxuta fl-Ingilterrra u Wales. Il-qorti tista' tittratta t-talba sakemm ir-rikorrent
Kull persuna, suġġetta għall-kundizzjonijiet spjegati iktar 'il fuq, tista' titlob lill-Qorti tal-Familja għal dikjarazzjoni li divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja ma għandhiex tkun rikonoxxuta fl-Ingilterrra u Wales.
Talbiet għal rikonoxximent skont ir-Regolament KE jridu jsiru lill-Qorti Superjuri (High Court). Ir-rikorrent irid jinforma lill-intimat bir-rikors biex jagħtih il-possibilità li jopponi r-rikonoxximent tad-deċiżjoni billi jibgħat il-karti, sakemm il-qorti ma tiddeċidix li l-intimat ikun aċċetta s-sentenza b'mod inekwivoku.
Ir-Regolament jgħid li kull parti interessata tista' titlob deċiżjoni biex is-sentenza tkun jew ma tkunx rikonoxxuta. Il-Qorti Superjuri (High Court) tista' twaqqaf il-proċedimenti jekk jiġi ppreżentat appell mis-sentenza li jkun qed jintalab ir-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru fejn tkun saret is-sentenza.
Il-qrati fl-Ingilterra u Wales japplikaw dejjem il-liġi tal-Ingilterra u Wales fil-kawżi li jinstemgħu quddiemhom. Il-qrati għandhom il-ġuriżdizzjoni biex jittrattaw divorzju, anke jekk iż-żwieġ ikun seħħ f'pajjiż ieħor, jekk tal-inqas waħda mill-partijiet fiż-żwieġ:
Id-divorzju, is-separazzjoni u tifrik ta' relazzjoni
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.