Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Divorzju u separazzjoni legali

L-Ingilterra u Wales
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Irid jitressaq rikors miktub (petition) fil-qorti minn wieħed mill-miżżewġin.  Rikorsi għal divorzju jiġu ttrattati mill-Qorti tal-Familja u l-miżżewġin iridu jressqu r-rikors tagħhom f'dik il-qorti biex jiksbu d-divorzju. Ir-rikorrent irid juri li ż-żwieġ tfarrak b'mod irrimedjabbli u jrid iġib provi ta' wieħed mill-ħames fatti elenkati hawn taħt.

L-ebda rikors għal divorzju ma jista' jsir qabel tal-inqas sena mid-data taż-żwieġ, għalkemm rikors għall-annullament jista' jsir fi kwalunkwe mument taż-żwieġ. Madankollu, jistgħu jinġabu provi f'perjodu ta' sena mid-data taż-żwieġ li juru li ż-żwieġ tfarrak b'mod irrimedjabbli.

Minn Marzu 2014 kopji tal-istess sess jistgħu jiżżewġu fl-Ingilterra u Wales. L-istess kundizzjonijiet japplikaw għad-divorzju kemm għall-koppji ta' sess differenti u kemm għall-koppji tal-istess sess.

Mill-2005 'il quddiem koppji tal-istess sess fir-Renju Unit kienu jistgħu jifformalizzaw legalment ir-relazzjoni tagħhom billi jidħlu fi sħubija ċivili.  Il-partijiet fi sħubija ċivili jistgħu jxoljuha jew jitolbu ordni ta' separazzjoni meta r-relazzjoni tagħhom titfarrak. Il-proċess huwa analogu għad-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja u l-annullament taż-żwieġ kif deskritt hawn taħt. Għal iktar informazzjoni żur is-sit web tal-Gvern.

Fi żwieġ bejn persuni tal-istess sess il-koppja tkun raġel u raġel (husband and husband) jew mara u mara (wife and wife).

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

L-unika bażi għad-divorzju hija t-tifrik irrimedjabbli taż-żwieġ. Biex jintwera li ż-żwieġ ikun tfarrak b'mod irrimedjabbli jridu jiġu ppreżentati provi ta' "fatt" taż-żwieġ jew iktar.

  • li l-konjuġi l-ieħor wettaq adulterju ma' persuna tas-sess oppost u li r-rikorrent ma jittollerax li jgħix miegħu;
  • imġiba irraġonevoli, jiġifieri li l-konjuġi l-ieħor ikun ġab ruħu b'tali mod li r-rikorrent ma jistax ikun raġonevolment mistenni jibqa' jgħix miegħu;
  • abbandun, jiġifieri li l-konjuġi l-ieħor ikun telaq lir-rikorrent għal perjodu ta' sentejn qabel iż-żmien tar-rikors għad-divorzju;
  • separazzjoni tal-partijiet għal perjodu ta' sentejn qabel ir-rikors għad-divorzju (bil-kunsens tal-konjuġi l-ieħor);
  • separazzjoni għal perjodu ta' ħames snin qabel ir-rikors għad-divorzju (mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor).

Il-qorti hija obbligata tinvestiga kemm tista' l-fatti allegati mir-rikorrent (petitioner) u l-fatti allegati mill-intimat (respondent). Jekk il-qorti tkun sodisfatta bil-provi li ż-żwieġ tfarrak b'mod irrimedjabbli,  jingħata digriet ta' divorzju mill-Imħallef tal-Qorti tal-Familja.

Jekk il-qorti tkun sodisfatta li ż-żwieġ tfarrak b'mod irrimedjabbli, l-ewwel toħroġ "decree nisi" (digriet interim ta' divorzju). Wara perjodu ta' sitt ġimgħat jista' jsir rikors mill-parti li tkun talbet lill-qorti għad-divorzju, biex tikseb id-"decree absolute" (id-digriet finali ta' divorzju). Ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ma hemm l-ebda terminu perentorju għal rikors biex digriet isir assolut (finali).

Madankollu, jekk ir-rikors għal decree absolute jitressaq iktar minn 12-il xahar wara d-decree nisi, ir-rikorrent ikollu jagħti spjegazzjoni bil-miktub miegħu fejn:

  • jispjega d-dewmien;
  • jiddikjara jekk hu u l-konjuġi tiegħu ikunux għexu flimkien wara d-decree nisi u, jekk ikunu għamlu hekk, f'liema dati; u
  • jiddikjara jekk il-mara, li għal koppji miżżewġa tal-istess sess jinkludu kwalunkwe konjuġi mara, tkunx, jew jaħsibx li kienet, welldet xi tarbija wara d-decree nisi u, jekk ikun il-każ, jekk ikunx allegat li t-tarbija hija tal-familja jew tista' tkun tal-familja.

L-Imħallef tal-Qorti tal-Familja jista' jitlob li r-rikorrent jagħmel dikjarazzjoni ġuramentata fejn jivverifika l-ispjegazzjoni li jkun ta u jista' jagħti kwalunkwe ordni dwar ir-rikors li l-Imħallef tal-Qorti tal-Familja jaħseb li tkun xierqa.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Il-partijiet huma liberi li jerġgħu jiżżewġu (jew jidħlu fi sħubija ċivili) jekk ikunu jixtiequ. Huma jistgħu jagħżlu li jżommu kunjomhom ta' miżżewġin jew jaqilbu lura għall-kunjom ta' qabel iż-żwieġ jew sħubija, kif ikunu jixtiequ.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Il-qorti, fl-għotja ta' digriet ta' divorzju, nullità jew separazzjoni ġudizzjarja, jew wara, tista' tordna li proprjetà tiġi ttrasferita minn konjuġi għall-ieħor, jew lil wild tal-familja, jew lil persuna oħra għall-benefiċċju ta' wild tal-familja.

Il-Qrati għandhom ukoll is-setgħa li jordnaw il-ħlas ta' pagamenti perjodiċi, jordnaw il-bejgħ ta' proprjetà, jagħtu ordnijiet rigward il-pensjonijiet, jordnaw pagamenti ta' ammont f'daqqa ta' darba u ordnijiet oħrajn. Huma għandhom id-diskrezzjoni dwar x'ordnijiet jagħtu fi kwalunkwe każ partikolari, li jsolvu il-kwistjonijiet ta' dak il-każ skont iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu.

Meta jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom, il-qrati jridu jqisu l-aħjar interessi ta' kull wild tal-familja li jkun taħt l-età ta' 18-il sena flimkien mal-kwistjonijiet li ġejjin:

  • id-dħul, il-kapaċità ta' qligħ, il-proprjetà u r-riżorsi finanzjarji l-oħrajn li jkollu kull wieħed mill-miżżewġin jew li x'aktarx ikollu fil-ġejjin prevedibbli;
  • il-kontribuzzjoni, kemm finanzjarja u kemm le, li ta kull konjuġi biex jieħu ħsieb id-dar u t-tfal titqies ukoll
  • il-bżonnijiet, l-obbligi u r-responsabilitajiet finanzjarji l-oħrajn li jkollu wieħed mill-miżżewġin jew li x'aktarx ikollu fil-ġejjin prevedibbli;
  • l-istandard tal-għajxien li gawdiet minnu il-familja qabel it-tifrik taż-żwieġ;
  • l-età ta' kull parti u d-durata taż-żwieġ;
  • kwalunkwe diżabilità fiżika jew mentali li tkun tbati minnha waħda mill-partijiet;
  • il-kontribuzzjonijiet li tat kull parti, jew li x'aktarx tagħti fil-ġejjieni għall-aħjar interessi tal-familja;
  • l-imġiba tal-miżżewġin, jekk tkun tali li jkun inġust li din tiġi injorata meta jiġu kkunsidrat kif se tinqasam il-proprjetà;
  • il-valur ta' kwalunkwe benefiċċju għal kull wieħed mill-miżżewġin  li l-parti tkun se titlef l-opportunità li tikseb minħabba d-divorzju jew l-annullament.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Wara d-divorzju, iż-żewġ ġenituri jibqa' jkollhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri għat-tfal miż-żwieġ. Kull ġenitur jibqa' jkollu r-responsabbiltà tal-ġenitur għall kull wild minn relazzjonijiet oħrajn li jkollu r-responsabbiltà tal-ġenitur għalih fil-mument tad-divorzju. Iż-żewġ ġenituri jkollhom dmir kontinwu li jmantnu lill-ulied minorenni li jkunu għexu bħala tfal tal-familja.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Id-dmir ta' manteniment tal-konjuġi l-ieħor fil-parti l-kbira tal-każijiet jintemm malli d-divorzju jiġi ffinalizzat (mal-għoti tad-decree absolute), ħlief f'każijiet fejn ikun hemm ordni għal manteniment konjugali bħala parti mill-proċedimenti tad-divorzju.  Barra minn hekk, kwalunkwe dmir relatat ma' ordni ġudizzjarja eżistenti (pereżempju dwar il-manteniment konjugali) jibqa' attiv, u jista' jkun possibbli li ordni eżistenti tvarja f'data futura jekk ikun hemm bidliet sinifikanti għar-raġunijiet li l-ordni oriġinali tal-qorti tkun ibbażata fuqhom.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Fl-Ingilterra u Wales, is-"separazzjoni legali" hija magħrufa bħala "Separazzjoni Ġudizzjarja". Meta l-qorti tagħti din l-ordni ma jibqax ikun hemm aspettazzjonijiet li l-konjuġi li jkun talab l-ordni jkompli jgħix mar-raġel jew il-mara tiegħu. Madankollu, ma jkunx jista' jerġa' jiżżewweġ. Effettivament, is-separazzjoni ġudizzjarja hija għażla għal miżżewġin li ż-żwieġ tagħhom ikun tfarrak imma li ma jkunux jixtiequ jerġgħu jiżżewġu. Rikorrent f'każ ta' separazzjoni ġudizzjarja mhux mistenni juri li ż-żwieġ tiegħu tfarrak b'mod irrimedjabbli. Huwa possibbli li titlob ordni għal divorzju wara li jingħata ordni għal separazzjoni ġudizzjarja.

Sħab irreġistrati jistgħu jitolbu ordni ta' separazzjoni, li jkollha preċiżament l-istess effett.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Ir-rikorrent irid jipprovdi provi ta' fatt wieħed jew iktar meħtieġa biex juru t-tifrik taż-żwieġ, u, kuntrarjament għal dawk li jitolbu d-divorzju, ma għandux għalfejn jistenna sena mid-data taż-żwieġ biex jibda l-proċeduri.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Jekk parti f'separazzjoni ġudizzjarja tmut mingħajr ma tkun għamlet testment, il-proprjetà tagħha titqassam skont ir-regoli ab intestato u digriet ta' separazzjoni ġudizzjarja jkollu l-istess effett bħal divorzju. Għalhekk, l-ebda wieħed mill-konjuġi ma jista' jkollu l-ebda dritt fuq il-proprjetà tal-parti intestata.  Jekk parti f'separazzjoni ġudizzjarja tmut b'testment, is-separazzjoni ġudizzjarja ma jkollha l-ebda effett fuq l-intitolament skont dak it-testment meta, pereżempju, il-parti separata superstiti tkun nominata bħala benefiċjarju fit-testment.

L-istess dispożizzjonijiet għall-qsim tal-proprjetà li japplikaw għad-divorzju japplikaw ukoll għas-separazzjoni ġudizzjarja.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Hemm żewġ forom ta' annullament taż-żwieġ. Iż-żwieġ jista' jew jiġi ddikjarat "null", li jfisser li ż-żwieġ qatt ma kien validu u qatt ma eżista. F'ċirkostanzi differenti, iż-żwieġ jista' jkun "annullabbli", li jfisser li wieħed mill-miżżewġin jista' jitlob li ż-żwieġ jiġi ddikjarat invalidu. Huwa possibbli li ż-żwieġ ikompli jekk il-miżżewġin ikunu kuntenti hekk.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Żwieġ ikun null u invalidu jekk:

  • ma jkunx jissodisfa t-termini tal-Atti tal-1949 u tal-1986 dwar iż-Żwieġ billi:
    • il-partijiet ikunu relatati mill-qrib wisq.
    • Kull waħda mill-partijiet tkun taħt l-età ta' sittax-il sena.
    • Il-formalitajiet neċessarji għaż-żwieġ ma ġewx issodisfati.
  • Fil-mument taż-żwieġ waħda mill-partijiet kienet diġà legalment miżżewġa jew kienet sieħba rreġistrata.
  • F'każ ta' żwieġ poligamu konkluż barra mill-Ingilterra u Wales, fejn wieħed mill-konjuġi jkun domiċiljat fl-Ingilterra u Wales fil-mument taż-żwieġ.

Żwieġ huwa annullabbli fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  • Li ż-żwieġ ma jkunx ġie kkonsmat minħabba l-inkapaċità ta' wieħed mill-miżżewġin li jikkunsmah. Dan japplika biss għal żwiġijiet bejn persuni ta' sess oppost.
  • Li ż-żwieġ ma jkunx ġie kkonsmat minħabba li l-intimat volontarjament jirrifjuta li jikkunsmah. Dan japplika biss għal żwiġijiet bejn persuni ta' sess oppost.
  • Li wieħed mill-miżżewġin ma jkunx ta l-kunsens għaż-żwieġ kif suppost, minħabba li kien taħt pressjoni u kien sfurzat jaqbel, kellu żball dwar l-effetti legali taż-żwieġ, jew ma kienx mentalment kapaċi japprezza l-effetti tad-deċiżjoni li jiżżewweġ.
  • Li fil-mument taż-żwieġ wieħed mill-miżżewġin kien ibati minn mard mentali tat-tip li jagħmluh inkapaċi li jiżżewweġ jew minn mard trażmess sesswalment f'forma li tittieħed u r-rikorrent ma kienx jaf b'dan il-fatt f'dak il-mument.
  • Li fil-mument taż-żwieġ l-intimata kienet tqila b'wild xi ħadd li mhux ir-rikorrent u r-rikorrent ma kienx jaf b'dan il-fatt f'dak il-mument.
  • Li wara l-mument taż-żwieġ ikun inħareġ Ċertifikat interim ta' Rikonoxximent tal-Ġeneru lil kull parti.
  • Li l-intimat ikun persuna li l-ġeneru tiegħu fil-mument taż-żwieġ ikun dak akkwiżit skont l-Att tal-2004 dwar ir-Rikonoxximent tal-Ġeneru u r-rikorrent ma kienx jaf b'dan il-fatt f'dak il-mument.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Jekk iż-żwieġ ikun null ikun kompletament invalidu u jiġi ttrattat daqslikieku qatt ma eżista. Dan ma jaffettwax l-istatus tat-tfal.

Jekk żwieġ ikun annullabbli jiġi ttrattat daqslikieku kien invalidu mid-data li fiha l-ordni ta' annullament taż-żwieġ issir assoluta. Iż-żwieġ jitqies li kien jeżisti sa dak il-mument.

Kemm f'każ ta' żwieġ null u kemm f'każ ta' żwieġ annullabbli, il-qorti tista' tagħmel arranġamenti għall-qsim tal-proprjetà bl-istess mod bħal fil-każ ta' divorzju.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Il-Gvern iħeġġeġ l-użu tal-medjazzjoni tal-familja biex isolvi tilwim f'każijiet xierqa. Il-medjazzjoni tista' tkun xierqa għal tilwim relatat mat-tfal u anke għal tilwim li jikkonċerna l-proprjetà u l-finanzi. F'xi oqsma l-uffiċjali tas-Servizz ta' Appoġġ u Konsulenza tal-Qorti tal-Familja u tat-Tfal CAFCASS (l-Ingilterra) jew CAFCASS Cymru (Wales) jipprovdu faċilitajiet għas-soluzzjoni għat-tilwim li jirrigwardaw lit-tfal fil-qorti. Il-qorti tista' taġġorna kawża biex isir tentattiv li t-tilwima tissolva b'dan il-mod.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ir-rikors għat-talba jista' jsir fi kwalunkwe lok tal-Qorti tal-Familja u jridu juri jekk ir-rikors hux għal divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament. Id-dettalji għall-qrati u l-forom neċessarji jinsabu fis-sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Normalment ikun irid isir ħlas mal-preżentata tar-rikors, imma hemm eżenzjonijiet għal dawk li jirċievu benefiċċju mill-istat jew li jkunu jistgħu juru li l-ħlas tat-tariffa jikkawżalhom diffikultajiet żejda. Iktar dettalji dwar dan jinsabu fis-sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Parti għand tuża l-formola għal talba (D8) u tibagħtu fi:

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

L-għajnuna legali ma tkunx normalment disponibbli għad-divorzju jew għal tilwim relatat ma' tfal u tilwim relatat mal-proprjetà sakemm ma jkunx hemm vjolenza domestika. F'dak il-każ ikun hemm ukoll test tal-mezzi u tal-merti.  Għal iktar informazzjoni żur is-sit tal-Gvern.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Meta jingħataw miżuri provviżorji, huwa possibbli li wieħed mill-miżżewġin jippreżenta rikors il-qorti biex iressaq provi għalfejn dawn ma għandhomx isiru finali. Il-qorti tista' jew twarrabha, tordna li ssir finali, tordna li jsiru inkjesti ulterjuri jew tittratta l-kawża b'mod ieħor li tħoss li jkun l-aħjar.

Wara ordni finali, ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jistax ikun hemm appelli ulterjuri.

Mhux possibbli li tappella minn ordni għal separazzjoni ġudizzjarja imma jista' jkun possibbli li tibdlu jekk iż-żewġ partijiet jaqblu.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li deċiżjoni li twassal għal divorzju, separazzjoni legali (separazzjoni ġudizzjarja) jew annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru tista' tkun rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor. Id-dokumenti meħtieġa jistgħu jinkisbu mill-qorti li tkun għamlet l-ordni u għandhom jiġu ppreżentati lill-Qorti Superjuri (High Court).

Dan ir-Regolament ma jaffettwax kwistjonijiet ta' ħtija, konsegwenzi taż-żwieġ fuq il-proprjetà, manteniment jew kwistjonijiet anċillari oħrajn. Irid ikun hemm rabta reali bejn il-parti kkonċernata u l-Istat Membru li jkun qed jeżerċita l-ġuriżdizzjoni.

Ir-rikonoxximent jista' jkun miċħud jekk id-deċiżjoni tmur kontra l-ordni pubbliku, jekk tingħata f'kontumaċja, jekk l-intimat ma jkunx ġie nnotifikat bid-dokumenti rilevanti fil-ħin, jew jekk tkun irrikonċiljabbli ma' sentenza fi proċedimenti bejn l-istess partijiet fl-Ingilterra u Wales, jew tkun irrikonċiljabbli ma' sentenza preċedenti f'pajjiżi ieħor, sakemm is-sentenza preċedenti tkun tista' tiġi rikonoxxuta fl-Ingilterra u Wales.

Kull parti interessata tista' titlob deċiżjoni biex is-sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta. Il-Qorti Superjuri (High Court) tista' twaqqaf il-proċedimenti jekk jiġi ppreżentat appell kontra s-sentenza li jkun qed jintalab ir-rikonoxximent tagħha.

Jekk id-deċiżjoni ma tkunx tista' tiġi rikonoxxuta skont dan ir-Regolament, l-arranġamenti għar-rikonoxximent tad-divorzji miksuba f'pajjiżi oħra jinsabu fl-Att tal-1986 dwar il-Liġi tal-Familja. L-Artikolu 46 tiegħu jistipula li:

  • Il-validità ta' divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja miksuba f'pajjiż ieħor permezz ta' proċedimenti tkun rikonoxxuta jekk:
    • id-divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja tkun effettiva skont il-liġi tal-pajjiż fejn inkisbet; u
    • fid-data rilevanti (jiġifieri fid-data meta bdew il-proċedimenti għall-ksib tad-divorzju) tal-inqas waħda mill-partijiet fiż-żwieġ
      • kienet residenti abitwali fil-pajjiż fejn inkiseb id-divorzju, l-annullament jew is-separazzjoni ġudizzjarja; jew
      • kienet domiċiljata f'dak il-pajjiż; jew
      • kienet ċittadina ta' dak il-pajjiż.
  • Il-validità ta' divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja miksuba f'pajjiż ieħor imma mhux permezz ta' proċedimenti tkun rikonoxxuta jekk -
    • id-divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja tkun effettiva skont il-liġi tal-pajjiż fejn inkisbet;
    • fid-data rilevanti (jiġifieri fid-data meta nkiseb id-divorzju) -
      • kull parti fiż-żwieġ kienet domiċiljata f'dak il-pajjiż; jew
      • kull parti fiż-żwieġ kienet domiċiljata f'dak il-pajjiż u l-parti l-oħra kienet domiċiljata f'pajjiż li skont il-liġi tiegħu d-divorzju, l-annullament jew is-separazzjoni ġudizzjarja tkun rikonoxxuta bħala valida; u
  • L-ebda parti fiż-żwieġ ma kienet residenti abitwali fir-Renju Unit tul il-perjodu ta' sena li tippreċedi minnufih dik id-data.

Kull persuna tista' titlob lill-qorti għal dikjarazzjoni li divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja miksuba barra mill-Ingilterra u Wales għandha tkun rikonoxxuta fl-Ingilterrra u Wales. Il-qorti tista' tittratta t-talba sakemm ir-rikorrent

  • ikun domiċiljat l-Ingilterra jew Wales fid-data ta' meta nfetħu l-proċedimenti; jew
  • kien residenti abitwali fl-Ingilterra jew Wales tul il-perjodu ta' sena li jintemm b'dik id-data.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Kull persuna, suġġetta għall-kundizzjonijiet spjegati iktar 'il fuq, tista' titlob lill-Qorti tal-Familja għal dikjarazzjoni li divorzju, annullament jew separazzjoni ġudizzjarja ma għandhiex tkun rikonoxxuta fl-Ingilterrra u Wales.

Talbiet għal rikonoxximent skont ir-Regolament KE jridu jsiru lill-Qorti Superjuri (High Court). Ir-rikorrent irid jinforma lill-intimat bir-rikors biex jagħtih il-possibilità li jopponi r-rikonoxximent tad-deċiżjoni billi jibgħat il-karti, sakemm il-qorti ma tiddeċidix li l-intimat ikun aċċetta s-sentenza b'mod inekwivoku.

Ir-Regolament jgħid li kull parti interessata tista' titlob deċiżjoni biex is-sentenza tkun jew ma tkunx rikonoxxuta. Il-Qorti Superjuri (High Court) tista' twaqqaf il-proċedimenti jekk jiġi ppreżentat appell mis-sentenza li jkun qed jintalab ir-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru fejn tkun saret is-sentenza.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-qrati fl-Ingilterra u Wales japplikaw dejjem il-liġi tal-Ingilterra u Wales fil-kawżi li jinstemgħu quddiemhom. Il-qrati għandhom il-ġuriżdizzjoni biex jittrattaw divorzju, anke jekk iż-żwieġ ikun seħħ f'pajjiż ieħor, jekk tal-inqas waħda mill-partijiet fiż-żwieġ:

  • tkun domiċiljata l-Ingilterra jew Wales fid-data ta' meta nfetħu l-proċedimenti; jew
  • kienet residenti abitwali fl-Ingilterra jew Wales tul il-perjodu ta' sena li jintemm b'dik id-data.

Ħoloq relatati

Id-divorzju, is-separazzjoni u tifrik ta' relazzjoni

Għajnuna Legali

L-aħħar aġġornament: 20/02/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.