Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Grieg ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Divorzju u separazzjoni legali

Ċipru
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

F’każ ta’ żwieġ bil-knisja, il-proċedimenti ta’ divorzju jistgħu jinbdew biss wara li ssir notifika lill-isqof tad-distrett fejn jgħix ir-rikorrent. Rikors għal divorzju jista' jiġi ppreżentat tliet xhur wara li tkun intbagħtet in-notifika lill-isqof kompetenti.  Ma hemmx għalfejn tintbagħat notifika fejn ir-raġuni għad-divorzju hija l-għajbien jew il-mard mentali.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

  • l-adulterju
  • Imġieba immorali, diżonorevoli jew imġieba oħra ripetuta li ma tistax tinħafer li twassal għal deterjorazzjoni serja fir-relazzjoni matrimonjali, fejn ir-rikorrent ma jkunx jista' jittollera jgħix mal-konjuġi tiegħu.
  • Attentat kontra l-ħajja, pereż. abbuż fiżiku.
  • Mard mentali għal tliet snin, li jwassal għal koabitazzjoni intollerabbli.
  • Sentenza finali għal piena ta' priġunerija għal aktar minn seba' snin
  • L-għajbien
  • Inkapaċità sesswali meta ġie ċċelebrat iż-żwieġ u li kompliet għal sitt xhur sa u inkluż iż-żmien li fih infetħet il-kawża.
  • Abbandun mhux skużabbli għal sentejn. Perjodi twal ta' assenza, li jaqbżu s-sentejn fit-total. Trid tkun intbagħtet stedina għar-ritorn.
  • Bidla fir-reliġjon jew denominazzjoni, jew l-użu ta' forza morali jew attentat ta' konverżjoni tal-konjuġi lejn setta.
  • Ir-rifjut persistenti għat-tfal minkejja x-xewqa tal-konjuġi l-ieħor għat-tfal.
  • It-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ.
  • Is-separazzjoni għal ħames snin.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Id-divorzju jħoll iż-żwieġ, iżda ma jġibx miegħu bidla awtomatika fil-kunjom. Hija l-parti konċernata li trid tagħmel dikjarazzjoni ġuramentata biex tbiddel kunjomha.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Id-divorzju ma għandux konsegwenzi fuq it-tilwim dwar propjetà. Kull tilwim dwar propjetà jrid jiġi indirizzat permezz ta’ rikors separat, għaliex il-proċeduri huma differenti.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Ma hemmx, peress li l-proċedimenti ta’ divorzju huma separati minn u indipendenti mill-proċedimenti ta’ kustodja, sakemm id-divorzju ma ngħatax minħabba attentat fuq ħajjet it-tfal jew abbuż fiżiku fuqhom.

Id-divorzju ma għandux konsegwenzi fuq il-kwistjonijiet relatati mat-tfal minuri (pereż. l-manteniment, ir-responsabbiltà tal-ġenituri, il-komunikazzjoni). Għandhom isiru rikorsi separati għal dawn il-kwistjonijiet.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Id-divorzju ma jġibx miegħu l-obbligu awtomatiku tal-ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor. Mas-separazzjoni għandu jiġi ppreżentat rikors separat.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

It-terminu “separazzjoni legali” ma teżistix fil-liġi tal-familha Ċiprijotta.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Mhux applikabbli.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Mhux applikabbli.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Dak ifisser li, dakinhar tas-sentenza ta' annullament, iż-żwieġ jiġi ddikjarat null u bla effett.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Skont l-Artikolu 17 tal-Att dwar iż-Żwieġ, il-Liġi Nru 104(I)/2003, kif emendata mil-Liġi Nru 66(I)/2009, iż-żwieġ mhux validu jekk ikun seħħ:

(a) qabel il-ħall jew annullament finali ta’ xi żwieġ preċedenti ta’ xi ħadd mill-partijiet, inkluż żwieġ reliġjuż jew ċivili;

(b) bejn qraba f’relazzjoni ta’ konsanguinità ta' axxendenza jew kollaterali sal-ħames grad;

(c) bejn qraba li jiġu minn xulxin biż-żwieġ fil-linja axxendenti jew kollaterali sat-tielet grad;

(d) bejn min jadotta u l-persuna adottata jew id-dixxendenti tagħhom;

(e) bejn wild li twieled barra ż-żwieġ u l-missier li rrikonoxxieh jew il-qraba tiegħu.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Jekk iż-żwieġ huwa null jew jiġi ddikjarat null minn sentenza tal-qorti li għaddiet in ġudikat, iż-żwieġ isir null għal kollox minn dakinhar tas-sentenza.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Attwalment ma hemmx mezzi alternattivi. Bħalissa qed jiġi ppreparat abbozz ta' liġi dwar il-medjazzjoni fi kwistjonijiet tal-familja mill-Kummissarju għall-Ġustizzja.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ir-rikors għall-ħall/annullament taż-żwieġ għandu jiġi ppreżentat fil-qorti tal-familja (oikogeneiakó dikastírio) tad-distrett (eparchía) fejn jgħixu l-partijiet jew wieħed minnhom. Ir-rikors irid isir b’konformità mal-Mudell 1 tar-Regolamenti Proċedurali tal-Qorti Suprema tal-1990 (Týpo 1 ton Diadikastikón Kanonismón tou Anótatou Dikastiríou tou 1990).  Għandhom jiġu mehmuża mar-rikors bħala provi l-prova tal-posta mħallsa għan-notifika mibgħuta lill-isqof jew prova tal-irċevuta ta' ittra reġistrata dwar in-notifika mill-isqof kompetenti, kif ukoll iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-partijiet.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iva. Għandu jsir rikors quddiem il-qorti tal-familja kompetenti.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Iva, jista' jsir appell kontra deċiżjoni dwar divorzju jew annullament taż-żwieġ quddiem il-qorti tal-familja tat-tieni istanza (devterováthmio oikogeneiakó dikastírio).

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-familja kompetenti tar-Repubblika ta' Ċipru skont ir-Regolament 44/2001.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Jista' jsir appell quddiem il-qorti tal-familja li quddiemha tressaq ir-rikors għar-rikonoxximent u r-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni tal-Istat Membru l-ieħor.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-qrati tal-familja tar-Repubblika ta' Ċipru jakkwistaw il-ġuriżdizzjoni biex jisimgħu każ relatat mal-ħall jew l-annullament ta' żwieġ f'dawn il-każijiet biss meta l-partijiet fil-kawża jkunu għexu f'Ċipru għal mill-inqas tliet xhur. Il-qorti tapplika l-liġi Ċiprijotta.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 10/02/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.