Divorzju u separazzjoni legali

Belġju
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Fil-Belġju hemm żewġ tipi ta’ divorzju: divorzju fuq il-bażi tal-falliment irriversibbli taż-żwieġ, u divorzju b’kunsens reċiproku.

Id-divorzju fuq il-bażi tal-falliment irriversibbli jista’ jinkiseb b’żewġ modi:

  • Billi tingħata prova tal-falliment irriversibbli taż-żwieġ, bi kwalunkwe mezz legali disponibbli (l-Artikolu 229(1) tal-Kodiċi Ċivili (Code civil/Burgerlijk Wetboek)). Il-falliment ikun irriversibbli meta jkun impossibbli li l-konjuġi jibqgħu jgħixu flimkien jew li jerġgħu jibdew jgħixu flimkien.
  • Abbażi ta’ separazzjoni de facto li tkun ilha għaddejja ftit żmien. Iż-żwieġ huwa meqjus li falla b’mod irriversibbli meta r-rikors għad-divorzju jkun sar b’mod konġunt miż-żewġ konjuġi wara iktar minn sitt xhur ta’ separazzjoni de facto. Jekk is-separazzjoni de facto tkun ilha għaddejja inqas minn sitt xhur u l-konjuġi jixtiequ jissottomettu rikors konġunt għal divorzju, iż-żwieġ jitqies li jkun falla b’mod irriversibbli meta l-konjuġi jidhru quddiem il-qorti għat-tieni darba, wara perjodu ta’ riflessjoni, u jtennu x-xewqa tagħhom li jiddivorzjaw (l-Artikolu 229(2) tal-Kodiċi Ċivili). Rikors unilaterali wara iktar minn sena ta’ separazzjoni de facto: iż-żwieġ jitqies li jkun falla b’mod irriversibbli meta r-rikors għad-divorzju jkun sar minn konjuġi wieħed biss wara iktar minn sena ta’ separazzjoni de facto. Jekk is-separazzjoni de facto ilha għaddejja inqas minn sena u wieħed mill-konjuġi jixtieq jissottometti rikors unilaterali għal divorzju, iż-żwieġ jitqies li jkun falla b’mod irriversibbli meta l-konjuġi li jkun issottometta r-rikors jidher quddiem il-qorti għat-tieni darba, wara perjodu ta’ riflessjoni, u jtenni x-xewqa għal divorzju (Artikolu 229(3) tal-Kodiċi Ċivili).

Id-divorzju b’kunsens reċiproku jista’ jingħata biss jekk il-konjuġi jissottomettu ftehim komprensiv minn qabel li jiddetermina l-effetti kollha tad-divorzju u ż-żewġ konjuġi jkomplu jesprimu x-xewqa tagħhom li jtemmu ż-żwieġ b’kunsens reċiproku sal-punt li fih jingħata d-divorzju. Il-ftehim komprensiv minn qabel jikkonsisti fi ftehim li jistabbilixxi termini li jkunu qablu dwarhom il-konjuġi rigward l-assi rispettivi tagħhom (l-Artikolu 1287 tal-Kodiċi Ġudizzjarju (Code judiciaire/Gerechtelijk Wetboek)) u ftehim ta’ divorzju relatat mal-post ta’ residenza ta’ kull konjuġi matul il-proċedimenti, l-awtorità tal-ġenituri, il-ġestjoni tal-assi tat-tfal tal-koppja u d-drittijiet tal-aċċess matul u wara d-divorzju, il-kontribuzzjonijiet ta’ manteniment ta’ kull wieħed mill-konjuġi għat-tfal tagħhom, u kwalunkwe ħlasijiet ta’ manteniment bejn il-konjuġi matul u wara d-divorzju (Artikolu 1288 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Fil-Belġju, hemm żewġ tipi ta’ divorzju: divorzju abbażi tal-falliment irriversibbli taż-żwieġ (l-Artikolu 229 tal-Kodiċi Ċivili) u divorzju bil-kunsens reċiproku (l-Artikolu 230 tal-Kodiċi Ċivili).

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Id-divorzju jikser ir-rabta taż-żwieġ għall-futur. L-ex konjuġi ma jibqgħux ikunu eredi legali ta’ xulxin. Huma jkunu liberi sabiex jerġgħu jiżżewġu. Fil-Belġju, iż-żwieġ ma jaffettwax il-kunjom tal-konjuġi. Madankollu, persuna miżżewġa hija intitolata tuża l-kunjom tal-konjuġi l-ieħor. Wara d-divorzju, persuna ma tistax tibqa’ tuża l-kunjom ta’ ex-konjuġi fil-ħajja ta’ kuljum u fil-ħajja professjonali, bl-eċċezzjoni ta’ isem kummerċjali f’ċerti ċirkostanzi biss.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Is-sjieda konġunta tal-proprjetà hija xolta. Fil-każ ta’ divorzju minħabba falliment irriversibbli, il-konjuġi jitilfu l-benefiċċji kollha li jkunu taw lil xulxin fi kwalunkwe ftehim li jkunu għamlu qabel iż-żwieġ u waqt iż-żwieġ, u l-benefiċċji ta’ kwalunkwe ħatriet kuntrattwali bħala werrieta, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor. Fil-każ ta’ divorzju b’kunsens reċiproku, il-konjuġi jiddeterminaw id-drittijiet rispettivi tagħhom minn qabel permezz tal-ftehim komprensiv minn qabel bejniethom (ara l-mistoqsija 1).

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Ix-xoljiment taż-żwieġ permezz tad-divorzju ma jaffettwax id-drittijiet tat-tfal imwielda fiż-żwieġ (l-Artikolu 304 tal-Kodiċi Ċivili). Ladarba ż-żwieġ ikun ġie xolt bid-divorzju, l-awtorità fuq it-tfal u l-ġestjoni tal-assi tat-tfal jiġu eżerċitati mill-konjuġi flimkien, jew minn wieħed mill-konjuġi li jkun responsabbli għat-tfal permezz ta’ ftehim approvat bejn il-partijiet, jew permezz ta’ ordni tal-imħallef li jippresjedi l-qorti magħmula fi proċedimenti interlokutorji (référé/kort geding) (l-Artikolu 302 tal-Kodiċi Ċivili). Il-konjuġi huma responsabbli, skont il-possibbiltajiet tagħhom, għall-akkomodazzjoni, il-manteniment, is-superviżjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ tat-tfal, sa meta t-tfal isiru maġġorenni jew ilestu l-edukazzjoni tagħhom (l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Ċivili), u għandhom jikkontribwixxu is-sehem tagħhom tal-ispejjeż ordinarji u straordinarji li jirriżultaw minn dak l-obbligu (l-Artikolu 203 bis tal-Kodiċi Ċivili). Tali kontribuzzjoni ġeneralment issir fil-forma ta’ pagament ta’ manteniment iddeterminat mill-qrati jew permezz ta’ ftehim.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Divorzju fuq il-bażi ta’ falliment irriversibbli: Il-konjuġi jistgħu jiftiehmu dwar ħlas ta’ manteniment wara d-divorzju, l-ammont tiegħu u t-termini li taħthom l-ammont miftiehem jista’ jiġi rivedut. Fin-nuqqas ta’ ftehim, fuq talba tal-konjuġi fil-bżonn, il-qorti tista’ tordna li jsir ħlas ta’ manteniment mill-konjuġi l-ieħor. Il-qorti tista’ tirrifjuta t-talba għal ħlas ta’ manteniment jekk il-konvenut juri li minħabba tort serju min-naħa tal-applikant kien impossibli li jkomplu jgħixu flimkien. Ħlas ta’ manteniment ma jista’ taħt l-ebda ċirkostanza jingħata lil konjuġi li jkun instab ħati ta’ atti ta’ vjolenza fiżika lejn il-konjuġi l-ieħor. Jekk il-konvenut jagħti prova li l-istat tal-bżonn tal-applikant huwa r-riżultat tad-deċiżjoni tiegħu u li ma kienx motivat mill-bżonnijiet tal-familja, il-qorti tista’ tiskuża lill-konvenut milli jħallas manteniment, jew tista’ tnaqqas l-ammont tal-pagament (l-Artikolu 301(1), (2) u (5) tal-Kodiċi Ċivili). L-ammont tal-ħlas ta’ manteniment għandu jissodisfa mill-inqas il-bżonnijiet tal-benefiċjarju, iżda ma jistax jaqbeż terz tad-dħul tal-konjuġi obbligat li jagħmel il-ħlas. Il-manteniment jitħallas għal perjodu li ma jkunx itwal mit-tul taż-żwieġ. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż f’ċirkostanzi eċċezzjonali (l-Artikolu 301(3), (4), (6), (8) u (9) tal-Kodiċi Ċivili).

Divorzju b’kunsens reċiproku: Il-konjuġi jiddeterminaw id-drittijiet rispettivi tagħhom bil-quddiem permezz tal-ftehim komprensiv minn qabel bejniethom (ara l-mistoqsija 1). Matul u wara l-proċedimenti tad-divorzju, huma jistgħu jaqblu dwar l-ammont ta’ kwalunkwe ħlas ta’ manteniment u t-termini li taħthom dan l-ammont għandu jiġi indiċjat u rivedut (l-Artikolu 1288, l-ewwel paragrafu, subparagrafu 4, tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Fil-każijiet kollha, il-ħlas tal-manteniment jista’ jiġi miżjud, imnaqqas jew itterminat mill-qorti jekk l-ammont ma jibqax xieraq bħala riżultat ta’ ċirkostanzi ġodda lil hinn mill-kontroll tal-partijiet. Fil-każ ta’ divorzju fuq il-bażi ta’ falliment irriversibbli biss, il-qorti tista’ wkoll taġġusta l-ammont tal-ħlas tal-manteniment jekk id-divorzju jirriżulta f’bidla fil-pożizzjoni finanzjarja tal-konjuġi.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni legali (séparation de corps/scheiding van tafel en bed) ma tkissirx ir-rabta taż-żwieġ, iżda tnaqqas id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-konjuġi: hija tneħħi l-obbligu li jgħixu flimkien, u taqsam il-proprjetà.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Il-kundizzjonijiet għas-separazzjoni legali huma l-istess bħal dawk għad-divorzju.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Is-separazzjoni legali ma tkissirx ir-rabta taż-żwieġ, iżda tnaqqas id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-konjuġi. Fir-rigward tal-konjuġi nfushom, is-separazzjoni legali tneħħi biss l-obbligu li jgħixu flimkien u l-obbligu li jgħinu lil xulxin (devoir d’assistance/bijstandsplicht). L-obbligu ta’ fedeltà u l-obbligu ta’ appoġġ materjali (devoir de secours/hulpplicht) jibqgħu fis-seħħ (l-Artikolu 308 tal-Kodiċi Ċivili). Is-separazzjoni legali tirriżulta fid-diviżjoni tal-proprjetà (l-Artikolu 311 tal-Kodiċi Ċivili). Fir-rigward tat-tfal, l-effetti tas-separazzjoni legali huma l-istess bħal dawk għad-divorzju. Il-konjuġi li jkunu sseparaw ma jikkwalifikawx għal ħlasijiet ta’ manteniment, iżda jistgħu jinvokaw l-obbligu ta’ appoġġ materjali (l-Artikolu 213 tal-Kodiċi Ċivili).

L-effetti tas-separazzjoni legali b’kunsens reċiproku huma l-istess bħal dawk għad-divorzju b’kunsens reċiproku u huma rregolati mill-ftehimiet li jkunu saru minn qabel bejn il-konjuġi, għalkemm ir-rabta taż-żwieġ ma tinkisirx. L-obbligi tal-fedeltà u tal-appoġġ materjali jibqgħu fis-seħħ ukoll.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

In-nullità taż-żwieġ hija penali ċivili applikata meta żwieġ ikun seħħ bi ksur tal-liġi, minkejja l-verifiki minn qabel imwettqa mir-reġistratur.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Hemm nullità “assoluta” taż-żwieġ fil-każijiet li ġejjin:

  • Wieħed mill-konjuġi jkun minorenni u ma ġiex meħlus mir-rekwiżit tal-età (l-Artikolu 144 tal-Kodiċi Ċivili): l-età minima biex tidħol fi żwieġ hija 18-il sena.
  • Ma jkunx hemm kunsens (Artikolu 146 tal-Kodiċi Ċivili).
  • Żwieġ falz (l-Artikolu 146 bis tal-Kodiċi Ċivili): ma jkunx hemm żwieġ meta diversi ċirkostanzi juru li l-intenzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-konjuġi kienet b’mod ċar li ma jiffurmax sħubija permanenti, imma sempliċement li jakkwista vantaġġ f’termini ta’ residenza mogħtija lill-istatus ta’ konjuġi.
  • Żwieġ sfurzat (l-Artikolu 146 ter tal-Kodiċi Ċivili): m’hemmx żwieġ meta ż-żwieġ allegat ikun sar mingħajr il-kunsens liberu taż-żewġ konjuġi u l-kunsens ta’ mill-inqas wieħed mill-konjuġi jkun ingħata bħala riżultat ta’ vjolenza jew theddida.
  • Bigamija (l-Artikolu 147 tal-Kodiċi Ċivili).
  • Ksur ta’ impediment għal żwieġ ibbażat fuq rabtiet tal-familja minn demm jew miż-żwieġ, jew fuq ordni tal-qorti li teħtieġ li missier bijoloġiku preżunt jagħmel pagamenti ta’ manteniment, jew fuq rabtiet tal-familja b’adozzjoni (l-Artikoli 161 sa 164, 341 u 356-1, l-ewwel u t-tieni paragrafi, u l-Artikolu 353-13 tal-Kodiċi Ċivili).
  • Nuqqas ta’ awtorità tal-uffiċjal pubbliku li ssolennizza ż-żwieġ (l-Artikolu 191 tal-Kodiċi Ċivili) (nullità assoluta fakultattiva).
  • Żwieġ klandestin (l-Artikolu 191 tal-Kodiċi Ċivili) (nullità assoluta fakultattiva).

Hemm nullità “relattiva” ta’ żwieġ fil-każ ta’ difett fil-kunsens ta ’wieħed mill-kojuġi jew it-tnejn li huma jew identità żbaljata (l-Artikoli 180 u 181 tal-Kodiċi Ċivili).

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

L-annullament, id-dikjarazzjoni ta’ nullità, għandu l-effett li jannulla ż-żwieġ fir-rigward kemm tal-passat kif ukoll tal-futur. Dan għandu effett retroattiv sad-data taż-żwieġ. L-effetti kollha taż-żwieġ jisparixxu. Iż-żwieġ jitqies li ma qatt ma seħħ.

Meta l-konjuġi żżewġu in bona fide, jiġifieri ma kinux jafu li kien hemm raġuni għal annullament, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ż-żwieġ jiġi annullat biss fir-rigward tal-futur, u l-effetti tal-passat tiegħu jinżammu. Meta konjuġi wieħed biss ikun iżżewweġ in bona fide, l-effetti taż-żwieġ jistgħu jibbenefikaw lil dak il-konjuġi biss.

Dawk l-effetti taż-żwieġ li jibbenefikaw lit-tfal jinżammu, anke jekk ebda wieħed mill-konjuġi ma jkun iżżewweġ in bona fide. Tfal imwielda fi żwieġ li ġie annullat jew sa 300 jum wara l-annullament jibqgħu jitqiesu bħala t-tfal tar-raġel fiż-żwieġ annullat.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Il-liġi tipprovdi żewġ forom ta’ medjazzjoni: medjazzjoni volontarja, fejn il-partijiet jeżerċitaw is-servizzi ta’ medjatur huma stess, mingħajr l-intervent tal-qorti, u medjazzjoni ġudizzjarja, proposta mill-partijiet jew mill-qorti matul il-proċeduri ġudizzjarji, li mbagħad jiġu sospiżi. Il-medjazzjoni tista’ tintuża f’tilwim relatat mal-obbligi taż-żwieġ (l-Artikoli 201 u 203 tal-Kodiċi Ċivili), id-drittijiet u l-obbligi tal-konjuġi (l-Artikoli 221 sa 224 tal-Kodiċi Ċivili), l-effetti tad-divorzju (l-Artikoli 295 sa 307 bis tal-Kodiċi Ċivili), l-awtorità tal-ġenituri (l-Artikoli 371 sa 387 bis tal-Kodiċi Ċivili), divorzju fuq il-bażi ta’ falliment irriversibbli (l-Artikolu 229 tal-Kodiċi Ċivili), divorzju b’kunsens reċiproku (l-Artikoli 1254 sa 1310 tal-Kodiċi Ġudizzjarju) u koabitazzjoni de facto. Kull parti hija libera li tipproponi rikors għall-proċess ta’ medjazzjoni volontarja (l-Artikoli 1730 et seq. tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Il-qorti li tisma’ l-każ tista’ wkoll tordna medjazzjoni ġudizzjarja fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti (l-Artikoli 1734 et seq. tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Fiż-żewġ każijiet, meta l-partijiet jilħqu ftehim bħala riżultat tal-medjazzjoni, il-ftehim jista’ jintbagħat lill-qorti għal approvazzjoni. L-approvazzjoni tista’ tiġi rrifjutata biss jekk il-ftehim imur kontra l-ordni pubbliku jew l-interessi tat-tfal minorenni.

L-għoti ta’ divorzju jibqa’ r-responsabbiltà tal-qrati.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Rikos għal divorzju jew separazzjoni legali fuq il-bażi ta’ falliment irriversibbli jew rikors biex separazzjoni legali tinbidel f’divorzju tinstema’ mill-qorti tal-prim’istanza (tribunal de première instance/vredegerecht) tal-post tal-aħħar residenza konjugali jew tal-post fejn il-konvenut għandu l-indirizz tiegħu (domicile/woonplats) (l-Artikolu 628, l-ewwel paragrafu, subparagrafu 1, tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Fil-każ ta’ divorzju b’kunsens reċiproku, il-konjuġi jagħżlu qorti tal-prim’istanza (l-Artikolu 1288bis, it-tieni paragrafu, tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Rikors għal annullament ta’ żwieġ jinstema’ mill-qorti tal-prim’istanza tal-post fejn il-konvenut ikollu l-indirizz tiegħu (l-Artikolu 624 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Fil-każ ta’ divorzju fuq il-bażi ta’ falliment irriversibbli, ir-rikors jiġi ppreżentat: 1. permezz ta’ avviż mogħti minn marixxall (huissier de justice/gerechtsdeurwaarder), skont l-Artikolu 229(1) tal-Kodiċi Ċivili; 2. b’mod konġunt, skont l-Artikolu 229(2) tal-Kodiċi Ċivili, permezz ta’ rikors konġunt, skont l-Artikoli 1026 et seq. tal-Kodiċi Ġudizzjarju, iffirmat minn kull wieħed mill-konjuġi jew mill-inqas minn avukat jew nutar (l-Artikolu 1254(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju); jew 3. unilateralment, skont l-Artikolu 229(3) tal-Kodiċi Ċivili, permezz ta’ rikors għal proċedimenti kontenzjużi ordinarji, skont l-Artikoli 1034 bis sa 1034 sexies tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Fil-każijiet kollha, id-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti, minbarra l-informazzjoni normalment meħtieġa, għandu jinkludi deskrizzjoni fid-dettall tal-fatti u dikjarazzjoni li tipprovdi dettalji dwar kwalunkwe tfal (l-Artikolu 1254(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Iċ-ċertifikat taż-żwieġ, iċ-ċertifikati tat-twelid tat-tfal, u l-prova tal-identità u n-nazzjonalità ta’ kull wieħed mill-konjuġi għandhom jiġu sottomessi wkoll, sakemm ma jidhrux fir-reġistru tal-popolazzjoni jew fir-reġistru taċ-ċittadini barranin (l-Artikolu 1254(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Divorzju b’kunsens reċiproku jintalab permezz ta’ rikors lill-qorti (requête/verzoekschrift). Minbarra d-dokumenti meħtieġa għal divorzju fuq il-bażi ta’ falliment irriversibbli, għandhom jiġu sottomessi wkoll il-ftehimiet preċedenti konklużi mill-partijiet u, fejn applikabbli, inventarju tal-propjetà tagħhom.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Japplikaw ir-regoli ordinarji. Ara l-iskeda informattiva dwar “Għajnuna legali”.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Kwalunkwe deċiżjoni li tagħti jew tiċħad rikors għal divorzju jew separazzjoni legali fuq il-bażi ta’ falliment irriversibbli jew rikors għal annullament ta’ żwieġ tista’ tiġi kkontestata fi żmien xahar mid-data tan-notifika tas-sentenza, kemm jekk hija sentenza mogħtija f’kontumaċja jew sentenza mogħtija wara li nstemgħu ż-żewġ partijiet (l-Artikolu 1048, l-ewwel paragrafu, u l-Artikolu 1051, l-ewwel paragrafu, tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Appell (appel/hoger beroep) kontra sentenza li tagħti divorzju jkun ammissibbli biss jekk ikun ibbażat fuq nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet legali għall-għoti tad-divorzju jew fuq ir-rikonċiljazzjoni tal-konjuġi. Appell bħal dan jista’ jiġi ppreżentat mill-prosekutur pubbliku fi żmien xahar mis-sentenza. F’dak il-każ, jiġi nnotifikat liż-żewġ partijiet. Jista’ jiġi ppreżentat ukoll minn konjuġi wieħed jew miż-żewġ konjuġi, separatament jew flimkien, fi żmien xahar mis-sentenza. F’dak il-każ dan jiġi nnotifikat lill-prosekutur pubbliku u, jekk jiġi ppreżentat minn konjuġi wieħed biss, lill-konjuġi l-ieħor. Appell ibbażat fuq ir-rikonċiljazzjoni għandu jiġi ppreżentat b’mod konġunt miż-żewġ konjuġi fi żmien xahar mis-sentenza fil-każijiet kollha. Appell bħal dan jiġi nnotifikat lill-prosekutur pubbliku (l-Artikolu 1299 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Appell kontra sentenza li tiċħad divorzju jew separazzjoni legali b’kunsens reċiproku jkun ammissibbli biss jekk jiġi ppreżentat miż-żewġ partijiet, separatament jew b’mod konġunt, fi żmien xahar mis-sentenza (l-Artikolu 1300 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri (ir-“Regolament Brussell IIa”) ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Marzu 2005. Ir-Regolament japplika fl-Unjoni Ewropea (bl-eċċezzjoni tad-Danimarka). Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tkun rikonoxxuta awtomatikament fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali (l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Brussell IIa). M’għandha tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali għall-aġġornament tal-atti uffiċjali tal-istat ċivili ta’ Stat Membru dwar il-bażi ta’ sentenza dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg mogħti fi Stat Membru ieħor u kontra liema m’hemm l-ebda appell ieħor taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. (Artikolu 21(2) tar-Regolament Brussell IIa). Sentenza dwar divorzju, separazzjoni legali jew annullament ta’ żwieġ ma tiġix rikonoxxuta jekk tali rikonoxximent ikun espliċitament kontra l-ordni pubbliku, jekk il-konvenut ma ġiex notifikat bid-dokument li stitwixxa l-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali mod li jippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu, jew jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija qabel fi proċedimenti bejn l-istess partijiet (l-Artikolu 22 tar-Regolament Brussell IIa). Matul ir-reviżjoni, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini ma tistax tiġi riveduta (l-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell IIa) u taħt l-ebda ċirkostanza m’għandha sentenza tiġi riveduta nkwantu għas-sustanza tagħha (l-Artikolu 26 tar-Regolament Brussell IIa). Barra minn hekk, ir-rikonoxximent ta’ sentenza ma jistax jiġi rrifjutat minħabba li l-liġi tal-Belġju ma tippermettix divorzju għall-istess fatti (l-Artikolu 25 tar-Regolament Brussell IIa). Id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati sabiex sentenza ta’ qorti barranija tkun tista’ tiġi rikonoxxuta huma elenkati fl-Artikolu 37 tar-Regolament Brussell IIa.

Meta r-Regolament ta’ Brussell IIa ma japplikax, sentenzi magħmulin wara l-1 ta’ Ottubru 2004 ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Belġjan tad-Dritt Internazzjonali Privat (Code de droit international privé/Wetboek van Internationaal Privaatrecht — l-Artikolu 126(2) tal-Kodiċi). Skont l-Artikolu 22 tal-Kodiċi, ir-rikonoxximent huwa awtomatiku mingħajr ma jkunu meħtieġa proċedimenti legali. Sentenza ta’ qorti barranija ma tiġix rikonoxxuta meta l-effett tar-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-ordni pubbliku, fejn ikunu nkisru d-drittijiet tad-difiża, fejn is-sentenza tirriżulta minn ksur tal-liġi, fejn is-sentenza tkun għadha miftuħa għall-appell, fejn is-sentenza tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza Belġjana jew ma’ sentenza mogħtija preċedentement barra l-pajjiż li tista’ tiġi rikonoxxuta fil-Belġju, fejn il-proċedimenti barranin ġew istitwiti wara li l-proċedimenti ġew istitwiti fil-Belġju bejn l-istess partijiet u relatati mal-istess suġġett u li għadhom pendenti, fejn il-qrati Belġjani biss kellhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu l-proċedimenti, fejn il-ġurisdizzjoni tal-qorti barranija kienet ibbażata biss fuq il-preżenza fil-pajjiż li kienet tappartjeni għalih dik il-qorti tal-konvenut jew ta’ proprjetà mhux direttament marbuta mat-tilwima, jew fejn ir-rikonoxximent huwa frustrat minn waħda mir-raġunijiet għal rifjut elenkati b’mod restrittiv fil-Kodiċi (fil-qasam tal-liġi personali u tal-familja, l-uniċi tali raġunijiet huma l-isem, l-adozzjoni u r-repudjazzjoni) (l-Artikolu 25(1) tal-Kodiċi). Matul ir-reviżjoni, taħt l-ebda ċirkostanza ma tista’ tiġi riveduta s-sentenza barranija nkwantu s-sustanza tagħha (l-Artikolu 25(2) tal-Kodiċi). Id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati sabiex sentenza ta’ qorti barranija tkun tista’ tiġi rikonoxxuta huma elenkati fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Il-prinċipju fundamentali kemm tar-Regolament Brussell IIa kif ukoll tal-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat huwa r-rikonoxximent awtomatiku mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali. Madankollu, fejn ir-rikonoxximent ikun ibbażat fuq ir-Regolament Brussell IIa, kull parti interessata tista’, skont il-proċeduri previsti fit-Taqsima 2, tapplika għal deċiżjoni li s-sentenza tkun rikonoxxuta jew le (l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Brussell IIa). Meta r-Regolament Brussell IIa ma japplikax, kwalunkwe persuna interessata, jew il-prosekutur pubbliku, jistgħu, skont il-proċedura fl-Artikolu 23 tal-Kodiċi, japplikaw għal dikjarazzjoni li s-sentenza għandha tiġi rikonoxxuta, kollha kemm hi jew parti minnha, jew ma jistgħux jiġu rikonoxxuti (l-Artikolu 22(2) tal-Kodiċi).

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

L-Artikolu 55(1) tal-Kodiċi fih ir-regola dwar l-għażla tal-liġi għal divorzji u separazzjonijiet legali b’dimensjoni internazzjonali. Id-divorzju u s-separazzjoni legali huma rregolati:

  1. bil-liġi tal-pajjiż li ż-żewġ konjuġi huma abitwalment residenti fit-territorju tiegħu meta ġie ppreżentat ir-rikors;
  2. jekk iż-żewġ konjuġi ma jkunux abitwalment residenti fl-istess pajjiż, bil-liġi tal-pajjiż li fit-territorju tiegħu l-konjuġi kellhom l-aħħar residenza abitwali komuni tagħhom, sakemm wieħed minnhom ikun abitwalment residenti f’dak il-pajjiż fiż-żmien meta r-rikors ikun ġie ippreżentat;
  3. jekk ebda wieħed mill-konjuġi ma jkun abitwalment residenti fil-pajjiż fejn kellhom l-aħħar residenza abitwali komuni tagħhom, bil-liġi tal-pajjiż li ż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini fih fiż-żmien meta r-rikors ikun ġie ppreżentat;
  4. f’każijiet oħra, bil-liġi Belġjana.

Il-kunċett ta’ “residenza abitwali” huwa definit fl-Artikolu 4(2) tal-Kodiċi. “Residenza abitwali komuni” mhux bilfors tfisser residenza fl-istess indirizz jew fl-istess muniċipalità, iżda pjuttost residenza fl-istess pajjiż. Il-liġi indikata fl-Artikolu 55(1) tal-Kodiċi ma tistax tiġi applikata jekk dik il-liġi ma tirrikonoxxix l-istituzzjoni tad-divorzju. F’dak il-każ, il-liġi li għandha tiġi applikata hija l-liġi indikata mill-kriterju alternattiv li jmiss fil-paragrafu 1 (l-Artikolu 55(3) tal-Kodiċi).

Il-konjuġi għandhom ukoll opportunità limitata li jagħżlu l-liġi applikabbli huma stess: jistgħu jagħżlu l-liġi tal-pajjiż li t-tnejn li huma jkunu ċittadini tiegħu fiż-żmien li fih jiġi ppreżentat ir-rikors, jew il-liġi Belġjana (l-Artikolu 55(2) tal-Kodiċi). Din l-għażla tista’ ssir mhux iktar tard mill-ewwel dehra quddiem il-qorti li tisma’ ir-rikors għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali.

Il-liġi applikabbli indikata fl-Artikolu 55 tal-Kodiċi tiddetermina r-regoli li jirregolaw: l-ammissibilità ta’ rikors għal separazzjoni legali; ir-raġunijiet u l-kundizzjonijiet tad-divorzju jew is-separazzjoni legali jew, fil-każ ta’ rikors konġunt, il-kundizzjonijiet tal-kunsens, inkluż il-mod kif dan jiġi espress; l-obbligu tal-konjuġi sabiex jaqblu dwar miżuri relatati mal-persuna, il-manteniment u l-proprjetà tal-konjuġi u t-tfal li huma responsabbli għalihom; u x-xoljiment tar-rabta taż-żwieġ jew, fil-każ ta’ separazzjoni, il-grad ta’ rilassament ta’ dik ir-rabta (l-Artikolu 56 tal-Kodiċi).

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 16/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.