Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Divorzju u separazzjoni legali

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Il-liġi Awstrijaka tirrikonoxxi tliet tipi ta’ divorzju: Divorzju minħabba tort, divorzju wara separazzjoni għal perjodu ta’ mill-inqas tliet snin u divorzju b’kunsens reċiproku.

Konjuġi jista’ jagħmel talba għal divorzju jekk iż-żwieġ ikun inkiser b’mod irrimedjabbli minħabba tort konjugali gravi jew diżonorevoli jew imġiba immorali min-naħa tal-parti l-oħra li ma jistax ikun mistenni li terġa’ tiġi stabbilita relazzjoni li tkun essenzjalment ekwivalenti għaż-żwieġ.

Jekk il-koppja tkun qed tgħix separata għal tliet snin, kull wieħed mill-konjuġi jista’ jressaq talba għal divorzju minħabba bdil definittiv fir-rabta konjugali.

Jekk il-kopja tkun ilha separata għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur, it-tnejn li huma jammettu li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment u t-tnejn jaqblu b’mod reċiproku li jiddivorzjaw, il-konjuġi jistgħu jressqu talba għal divorzju b’mod konġunt.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Ir-raġuni essenzjali għad-divorzju hija t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ. Dan it-tkissir jista’ jkun ir-riżultat ta’ nuqqas gravi ta’ mġiba min-naħa ta’ wieħed mill-konjuġi, speċjalment jekk wieħed mill-konjuġi jkun naqas fil-fedeltà jew ikun għamel vjolenza fiżika jew sofferenza emozzjonali serja fuq il-parti l-oħra. Il-konjuġi l-ieħor jista’ jippreżenta talba għal divorzju anki jekk l-imġiba ma titqiesx bħala tort konjugali minħabba li tkun dovuta għal mard mentali jew disturb simili, iżda ż-żwieġ ikun madankollu mkisser sal-punt li ma tkunx tista’ terġa’ tiġi stabbilita relazzjoni li tkun essenzjalment ekwivalenti għaż-żwieġ, jew jekk wieħed mill-konjuġi jkun isofri minn mard infettiv jew mard kontaġjuż ħafna. F’dawn il-każijiet kollha, il-konjuġi li jkun qed jagħmel it-talba għal divorzju jrid juri l-preżenza tar-raġunijiet invokati. Madankollu, jekk il-komunità domiċiljari tal-koppja ma tkunx teżisti għall-aħħar tliet snin, ma hemm l-ebda obbligu li tiġi stabbilita jew li titressaq prova ta’ imġiba ħażina.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Fil-prinċipju, iż-żewġ konjuġi jżommu l-kunjom li kellhom meta kienu miżżewġin. Madankollu, jekk wieħed mill-konjuġi jkun adotta l-kunjom tal-ieħor meta jkun ġie kkuntrattat iż-żwieġ, huwa jista’ jmur lura għall-kunjom preċedenti tiegħu.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Fil-prinċipju, il-konjuġi huma perfettament liberi li jiddeċiedu dwar id-destin tal-proprjetà tagħhom. Dan jista’ jsir jew b’rinunzja reċiproka (li biha s-separazzjoni legali ta’ proprjetà waqt iż-żwieġ tinżamm ladarba ż-żwieġ ikun ġie xolt), bid-diviżjoni ta’ kwalunkwe proprjetà akkwistata b’kuntratt u miżmuma fi proprjetà komuni jew permezz ta’ trasferiment ta’ proprjetà minn wieħed mill-konjuġi għall-ieħor.

Jekk il-konjuġi ma jkunux laħqu ftehim f’dan ir-rigward, kwalunkwe wieħed minnhom jista’ jitlob lill-qorti taqsam ċerta proprjetà bi sjieda komuni. Dak li huwa magħruf bħala “proprjetà matrimonjali” u “tfaddil matrimonjali” se jkun soġġett għad-diviżjoni. L-assi matrimonjali tirreferi għall-proprjetà matrimonjali u l-unità domestika, u tinkludi kwalunkwe ħaġa li ntużat miż-żewġ konjuġi fis-segwitu tal-istil ta’ ħajja tagħhom meta kienu miżżewġin. It-tfaddil matrimonjali jinkludi kwalunkwe investimenti li akkumulaw il-konjuġi meta kienu qed jgħixu flimkien bħala koppja miżżewġa.

Kwalunkwe ħaġa li l-konjuġi jkunu ġabu fiż-żwieġ tagħhom jew li l-konjuġi jkunu akkwistaw permezz jew wara mewt ta’ parti terza huma esklużi mit-tqassim. L-istess japplika għal kwalunkwe ħaġa li waħda mill-konjuġi setgħet użat għall-użu personali tagħha jew bħala proprjetà professjonali, kif ukoll għall-impriżi u għall-ishma tal-kumpanija sa fejn tali oġġetti ma jkunux sempliċiment investimenti.

Il-qorti trid tiddistribwixxi l-proprjetà b’mod ekwu, b’konsiderazzjoni għaċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, u b’mod partikolari s-sinifikat u d-daqs tal-kontribut ta’ kull konjuġi lejn il-kisba tal-proprjetà matrimonjali u l-akkumulazzjoni ta’ tfaddil matrimonjali, kif ukoll il-benesseri tat-tfal. Kontribut ta’ konjuġi partikolari jista’ jinkludi ż-żamma u l-forniment ta’ post, il-kontribuzzjoni ta’ qligħ, it-tmexxija konġunta ta’ unità domestika, il-kura u t-trobbija tat-tfal li kellhom flimkien u kwalunkwe assistenza matrimonjali oħra.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Mindu daħal fis-seħħ l-Att tal-2001 li jemenda l-Liġi dwar id-drittijiet tat-Tfal (Kindschaftsrechts-Änderungsgesetz) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2001, il-ġenituri separati ingħataw possibbiltajiet estensivi biex jorganizzaw il-kustodja tagħhom. F’każ ta’ divorzju, tinżamm il-kustodja konġunta taż-żewġ ġenituri ta’ minorenni. Madankollu, jekk jixtiequ jżommu r-responsabbiltà tal-ġenituri konġunta u sħiħa bħal fiż-żwieġ, iridu jippreżentaw ftehim il-qorti dwar il-post ta’ residenza prinċipali tal-wild minuri f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Il-ġenituri jistgħu wkoll jidħlu fi ftehim quddiem il-qorti li permezz tiegħu ġenitur wieħed jingħata l-kustodja unika jew il-kustodja ta’ ġenitur wieħed tkun limitata għal ċerti kwistjonijiet.

Sa mill-Att tal-2013 li jemenda l-Liġi dwar id-drittijiet tat-Tfal u l-Ismijiet (Kindschafts- und Namensrechtsänderungsgesetz), il-qorti tista’ wkoll tikkondividi l-kustodja kontra r-rieda ta’ ġenitur, jew saħansitra kontra r-rieda taż-żewġ ġenituri, jekk tqis li jkun aktar fl-aħjar interess tat-tfal milli l-kustodja unika ta’ ġenitur. Il-ġenituri ikollhom jikkonkludu wkoll ftehim rigward l-unità domestika li fiha se jgħixu t-tfal. Jekk il-kustodja konġunta ma tissodisfax l-aħjar interessi tal-minuri, il-qorti għandha tiddeċiedi liema ġenitur fil-futur għandu jingħata jew għandha tingħata r-responsabbiltà unika ta’ ġenitur.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Il-konjuġi li għandu l-parti l-kbira tat-tort jew it-tort b’mod predominanti għandu jipprovdi lil konjuġi l-ieħor b’livell ta’ manteniment xieraq għall-istil ta’ ħajja tiegħu u li jista’ jkun mistenni minnu fiċ-ċirkostanzi jekk id-dħul ta’ dan tal-aħħar mill-qligħ mix-xogħol u l-assi tiegħu ma jkunx biżżejjed. Jekk iż-żewġ konjuġi huma responsabbli għad-divorzju, iżda l-ebda wieħed minnhom ma huwa responsabbli b’mod predominanti, konjuġi li ma jistax imantni lilu nnifsu jew lilha nnifisha jista’ jingħata kontribuzzjoni għall-manteniment tiegħu, jekk dan ikun ekwu fir-rigward tal-ħtiġijiet, l-assi u l-impjieg tal-konjuġi l-ieħor. L-obbligu tal-ħlas ta’ kontribuzzjoni bħal din jista’ jkun soġġett għal restrizzjoni ta’ żmien. Fil-każ ta’ divorzju permezz ta’ ftehim reċiproku, il-konjuġi għandhom il-libertà li jaqblu dwar jekk wieħed minnhom għandux iħallas il-manteniment lill-ieħor, jew jekk jirrinunzjax b’mod reċiproku għal kwalunkwe pretensjoni ta’ manteniment.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Din l-istituzzjoni legali mhijiex magħrufa mis-sistema legali Awstrijaka.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Ara r-Risposta għal 4.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Ara r-Risposta għal 4.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Il-liġi Awstrijaka taż-żwieġ tipprevedi n-“nullità taż-żwieġ” (Ehenichtigkeit). Żwieġ ikun null u bla effett jekk ma jkunx ġie kkuntrattat bil-mod preskritt, jekk wieħed mill-konjuġi kien legalment inkompetenti, inkonxju jew iddisturbat mentalment meta ġie kkuntrattat iż-żwieġ, jew jekk iż-żwieġ ġie kkuntrattat biss jew primarjament bl-iskop li wieħed mill-konjuġi jkun jista’ jieħu kunjom tal-ieħor jew biex jikseb iċ-ċittadinanza tiegħu jew tagħha mingħajr l-intenzjoni li joħloq bażi għal relazzjoni ta’ żwieġ. Żwieġ huwa wkoll null u bla effett jekk wieħed mill-konjuġi kien legalment miżżewweġ lil parti terza meta ġie kkuntrattat iż-żwieġ jew jekk iż-żwieġ ġie kkuntrattat b’mod illegali bejn persuni li jiġu minn xulxin.

Żwieġ jista’ jiġi annullat minn sentenza tal-qorti jekk, fiż-żmien li sar iż-żwieġ, il-kapaċità legali ta’ wieħed mill-konjuġi kienet limitata u r-rappreżentant legali tiegħu jew tagħha ma tax il-kunsens għaż-żwieġ, jew jekk, fiż-żmien taż-żwieġ, wieħed mill-konjuġi ma kienx jaf li kien dieħel għaż-żwieġ jew kien jaf, iżda ma xtaqx jiddikjara l-kunsens tiegħu għal dak iż-żwieġ, jew jekk fil-ħin taż-żwieġ, wieħed mill-konjuġi kien żbaljat fir-rigward tal-identità tal-konjuġi l-ieħor, jew żbaljat dwar kwalunkwe ċirkostanza li tappartjeni għall-konjuġi l-ieħor li setgħet tipprevjeni milli jsir iż-żwieġ li kieku dan kien jaf bis-sitwazzjoni tal-konjuġi l-ieħor u seta’ japprezza kif xieraq l-implikazzjoni taż-żwieġ, jew jekk ġie mġiegħel jidħol fiż-żwieġ b’ingann fir-rigward ta’ fatti essenzjali, jew kien imġiegħel jidħol fiż-żwieġ kontra l-liġi permezz ta’ theddid.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Ara r-Risposta għal 7.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Jekk żwieġ jiġi annullat, dan jiġi ttrattat daqslikieku qatt ma ġie kkuntrattat. Jekk wieħed mill-konjuġi biss ma kienx konxju min-nullità taż-żwieġ meta ġie kkuntrattat, iċ-ċirkostanzi tal-konjuġi fir-rigward tal-proprjetà tagħhom se jkunu soġġetti għar-regoli li japplikaw f’każ ta’ divorzju. It-tfal li jitwieldu fiż-żwieġ jitqiesu bħala leġittimi anke wara li ż-żwieġ ikun ġie annullat.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Divorzju, annullament jew annullament taż-żwieġ jista’ jsir biss mill-qorti. Madankollu, il-problemi li jinqalgħu b’rabta mad-divorzju jista’ wkoll jiġi solvut barra mill-qorti (eż. permezz ta’ medjazzjoni).

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Kwistjonijiet dwar divorzju jew annullament ta’ żwieġ, jew l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ żwieġ jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qrati Distrettwali (Bezirksgerichte). It-tilwimiet dwar id-divorzju jew l-annullament taż-żwieġ, jew id-determinazzjoni tal-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ żwieġ, jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-Qorti Distrettwali għaż-żona li fiha l-konjuġi jkunu jew kienu l-aħħar residenti abitwali. Jekk fil-mument li fih jinbdew il-proċeduri, l-ebda wieħed mill-konjuġi ma kien abitwalment residenti f’dik iż-żona, jew jekk ma kellhomx residenza abitwali konġunta fl-Awstrija, il-qorti tal-post fejn il-konvenut huwa abitwalment residenti, jew jekk il-konvenut ma għandux residenza abitwali bħal din, il-qorti fid-distrett li fih tirrisjedi l-persuna li tressaq il-petizzjoni, jew fin-nuqqas ta’ dan, il-Qorti Distrettwali tal-Belt Interna ta’ Vjenna (Bezirksgericht Innere Stadt Wien) jkollha l-ġuriżdizzjoni esklużiva. Tilwim bħal dan jaqa’ fil-ġuriżdizzjoni domestika tal-qrati tal-Awstrija jekk wieħed mill-konjuġi jkun ċittadin Awstrijak, jekk il-konvenut, jew fil-każ ta’petizzjoni għall-annullament miż-żewġ konjuġi, jekk mill-inqas wieħed minnhom ikun residenti abitwali fl-Awstrija, jew il-persuna li tressaq il-petizzjoni tkun residenti abitwali fl-Awstrija u jew iż-żewġ konjuġi kellhom l-aħħar residenza abitwali konġunta tagħhom fl-Awstrija jew il-persuna li qed tagħmel il-petizzjoni tkun persuna apolida jew kienet ċittadina Awstrija fiż-żmien li ġie kkuntrattat iż-żwieġ. Għalkemm din hija ġuriżdizzjoni esklużiva, jista’ jiġi miftiehem post differenti ta’ ġuriżdizzjoni.

Fil-każ ta’ petizzjoni għal divorzju, il-formalitajiet ġenerali għal petizzjoni għandhom jiġu rispettati; fil-każ ta’ talba għal divorzju kunsenswali - li dwarha tintlaħaq deċiżjoni fil-proċedimenti mhux kontenzjużi - hija meħtieġa petizzjoni ffirmata miż-żewġ konjuġi. Fi kwalunkwe każ ċertifikat taż-żwieġ għandu jkun dejjem mehmuż; huwa wkoll rakkomandabbli li tehmeż kwalunkwe dokument ieħor li jappoġġa l-petizzjoni.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Huwa possibbli wkoll li tinkiseb għajnuna legali fil-każ ta’ divorzju. Dan huwa rregolat mir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna legali (ara “Għajnuna legali — l-Awstrija”). Ir-rappreżentanza legali hija obbligatorja fi proċedimenti ta’ divorzju. Dan ifisser li parti li ma tixtieqx tidher quddiem il-qorti personalment tista’ tkun rappreżentata minn avukat biss.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Id-deċiżjonijiet minn qorti tal-ewwel istanza dwar id-divorzju jew l-annullament ta’ żwieġ jew dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ żwieġ huma soġġetti għal appell quddiem il-qorti superjuri rilevanti, jiġifieri il-Qorti Distrettwali (Landesgericht) li jaġixxi bħala l-qorti tat-tieni istanza għall-Qorti Distrettwali kompetenti.

Appell fuq punt ta’ liġi kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Appell huwa permissibbli biss jekk id-deċiżjoni tiddependi fuq ir-riżoluzzjoni ta’ kwistjoni ta’ liġi sostantiva jew liġi proċedurali li tkun ta’ sinifikat konsiderevoli għaż-żamma tal-entità legali, għaċ-ċertezza legali jew għall-evoluzzjoni tal-liġi, pereżempju minħabba li l-Qorti tal-Appell tadotta pożizzjoni li tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema, jew jekk din tal-aħħar tkun assenti jew inkonsistenti.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Tali deċiżjoni (ħlief fir-rigward tad-Danimarka) hija rikonoxxuta fl-Awstrija awtomatikament jiġifieri mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura ta’ rikonoxximent speċjali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 (minn hawn ’il quddiem: “ir-Regolament Brussell IIa”) awtomatikament, jiġifieri mingħajr proċedura speċifika ta’ rikonoxximent. B’mod ġenerali, Brussell IIa jirrikjedi li l-proċeduri ta’ divorzju, xoljiment jew annullament ikunu nbdew wara l-1 ta’ Marzu 2001 (ara l-Artikolu 64 Brussell IIa għall-eċċezzjonijiet għal dan). Każijiet antiki huma prinċipalment koperti mir-Regolament ta’ qabel ir-Regolament Brussell IIa. Id-deċiżjonijiet mid-Danimarka jkomplu jeħtieġu proċedura ta’ rikonoxximent speċjali.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Talba għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni li xxolji żwieġ li ġie kkuntrattat barra l-pajjiż għandha ssir lill-Qorti Distrettwali li fil-ġuriżdizzjoni tagħha l-partijiet għandhom jew kellhom l-aħħar residenza abitwali komuni tagħhom. Jekk l-ebda waħda mill-partijiet ma għandha r-residenza abitwali tagħha f’dan id-distrett jew jekk ma kellhiex residenza abitwali komuni fl-Awstrija, il-qorti distrettwali kompetenti hija l-qorti distrettwali tar-residenza abitwali tal-konvenut jew, fin-nuqqas ta’ residenza abitwali nazzjonali fl-Awstrija, il-Qorti Distrettwali fid-distrett li fih l-applikant għandu r-residenza abitwali tiegħu, inkella fin-nuqqas ta’ dan, il-Qorti Distrettwali tal-Belt Interna ta’ Vjenna (Bezirksgericht Innere Stadt Wien) (it-Taqsima 76 tal-Liġi tal-Awstrija dwar il-Ġuriżdizzjoni).

Il-proċedura hija rregolata mill-Att dwar il-Proċedimenti Ġudizzjarji f’materji mhux kontenzjużi (Außerstreitgesetz). Skont l-Artikolu 37 tar-Regolament Brussell IIa, l-applikant għandu jippreżenta kopja tad-deċiżjoni kif ukoll iċ-ċertifikat li għandu jinħareġ mill-qorti kompetenti jew mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini skont l-Artikolu 39 tar-Regolament Brussell IIa.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-liġi li għandha tiġi applikata fir-rigward tax-xoljiment taż-żwieġ f’kawżi b’konnessjoni mal-liġi ta’ Stat ieħor hija ddeterminata mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta l-kooperazzjoni mtejba fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali, ĠU L 343, tad-29 ta’ Diċembru 2010 (ir-Regolament “Ruma III”). L-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet fir-Regolament Ruma III hija universali li tfisser li r-regoli japplikaw anki jekk il-liġi applikabbli ma tkunx il-liġi ta’ Stat Membru li jkun qed jipparteċipa f’kooperazzjoni msaħħa.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 18/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.