Insolvenza/falliment

Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

DAĦLA

Fl-Iżvezja, ir-Regolament dwar l-Insolvenza (insolvensforördning) jipprovdi għall-falliment, għar-riorganizzazzjoni tan-negozju u għar-ristrutturar tad-dejn. Ċerti aspetti tar-regoli tal-Iżvezja li jirregolaw dawn il-proċeduri skont l-Artikolu 86(1) tar-Regolament rivedut dwar l-Insolvenza huma spjegati fil-qosor hawn taħt. Id-deskrizzjoni ma għandhiex l-iskop li tkopri kollox.

FALLIMENT

Ġenerali

Il-falliment (konkurs) huwa forma ta’ infurzar ġenerali tal-pretensjonijiet li biha l-kredituri kollha ta’ debitur jieħdu b’mod konġunt l-assi totali tad-debitur, fuq bażi obbligatorja, sabiex minnhom iħallsu l-pretensjonijiet rispettivi tagħhom. Matul il-falliment, l-assi jifformaw patrimonju tal-falliment (konkursbo) li huwa amministrat għall-benefiċċju tal-kredituri. Il-patrimonju huwa ġestit minn amministratur wieħed jew iktar tal-falliment (konkursförvaltare). L-uniku kompitu tal-amministratur huwa li jamministra l-patrimonju. Ir-rikors għal falliment jiġi valutat, id-deċiżjoni dwar il-falliment tittieħed, u l-falliment innifsu jiġi pproċessat fil-proċedimenti ta’ falliment quddiem il-qorti distrettwali (tingsrätt). Matul il-proċedimenti ta’ falliment, il-qorti tiddeċiedi fuq numru ta’ kwistjonijiet: tiddetermina kif tiddistribwixxi l-patrimonju, pereżempju, jew jekk id-djun iridux jintwerew bil-provi. Hemm passi oħrajn li jittieħdu fil-qorti, bħall-amministrazzjoni ta’ ġurament li biha d-debitur jaħlef fuq l-inventarju tal-assi. L-amministratur jiġi ssorveljat mill-Awtorità ta’ Infurzar (Kronofogdemyndigheten).

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Ġenerali

Negozjant li qed jesperjenza diffikultajiet fil-ħlasijiet jista’ jingħata permess permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti sabiex jgħaddi minn proċedura speċjali bl-għan li jerġa’ jorganizza n-negozju tiegħu (företagsrekonstruktion). Il-qorti taħtar uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju (rekonstruktör) sabiex jinvestiga jekk uħud mill-operazzjonijiet tad-djun tad-debitur jew kollha kemm huma, jistgħux ikomplu u, jekk iva, kif, u jekk hemmx il-kundizzjonijiet it-tajbin sabiex id-debitur jasal għal saldu finanzjarju (uppgörelse) jew kostituzzjoni ta’ debitu (ackord) mal-kredituri. Fit-twettiq ta’ dmirijietu, l-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jrid jaġixxi b’tali mod li jiżgura li l-interessi tal-kredituri ma jiġux injorati. Deċiżjoni ta’ riorganizzazzjoni ta’ negozju ma tirrestrinġix b’mod formali l-kontroll tad-debitur fuq il-proprjetà tiegħu.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Ġenerali

Ir-ristrutturar tad-dejn (skuldsanering) jeħles lil debitur mill-obbligazzjoni kollha jew minn parti mill-obbligazzjoni tiegħu li jħallas id-djun li jaqgħu taħt l-ambitu tal-operazzjoni ta’ ristrutturar. Minn Novembru tal-2016, kien hemm żewġ tipi ta’ ristrutturar tad-dejn fl-Iżvezja: ir-ristrutturar tad-dejn (skuldsanering) skont l-Att dwar ir-Ristrutturar tad-Dejn (skuldsaneringslagen); u r-ristrutturar tad-dejn tan-negozju (F-skuldsanering) skont l-Att dwar ir-Ristrutturar tad-Dejn tan-Negozju (skuldsaneringslagen för företagare). Iż-żewġ tipi huma spjegati hawn taħt.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

FALLIMENT

Il-proċedimenti ta’ falliment jistgħu jinfetħu fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi kif ukoll fiżiċi (inklużi persuni fiżiċi li mhumiex involuti f’attività kummerċjali).

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jistgħu jinfetħu fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi kif ukoll fiżiċi, dment li l-persuna inkwistjoni tkun negozjant. Ċerti persuni ġuridiċi huma esklużi mill-Att, bħal banek, ditti tas-suq tal-kreditu, kumpaniji tal-assigurazzjoni, u kumpaniji ta’ negozjar tat-titoli.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Ir-ristrutturar tad-dejn jista’ jingħata lil persuni fiżiċi (inklużi persuni fiżiċi involuti f'attività kummerċjali privata (enskild näringsverksamhet)).

Ir-rikorsi għar-ristrutturar tad-dejn huma ttrattati mill-Awtorità ta’ Infurzar fl-ewwel istanza.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

Ir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju jista’ jingħata lil persuna fiżika li hija:

1. negozjant involut f’attività kummerċjali, jekk il-piż tad-dejn tiegħu jirriżulta fil-parti l-kbira tiegħu minn dik l-attività;

2. negozjant li huwa involut f’attività kummerċjali, jekk id-djun li jirriżultaw minn dik l-attività jistgħu jinfdew kif xieraq, jew jekk in-nuqqas ta’ ħila li jħallas dawk id-djun huwa temporanju biss; jew

3. membru tal-familja ta’ intraprenditur, jekk il-piż tad-dejn tal-membru tal-familja jirriżulta fil-parti l-kbira tiegħu mill-attività kummerċjali tal-intraprenditur.

“Membru tal-familja” (närstående) tfisser konjuġi, konkubin, ġenitur, ħu/oħt jew wild, jew it-tfal tal-konjuġi jew tal-konkubin.

Ir-rikorsi għar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju huma ttrattati mill-Awtorità ta’ Infurzar fl-ewwel istanza.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

FALLIMENT

Sabiex jinfetħu l-proċedimenti ta’ falliment, id-debitur jeħtieġlu jkun inadempjenti. “Inadempjenza” (obestånd, insolvens) tfisser li d-debitur ma jistax iħallas b’mod dovut id-djun tiegħu u n-nuqqas ta’ ħila li jħallas mhuwiex sempliċiment temporanju. Dikjarazzjoni minn debitur dwar dan li tgħid li huwa insolventi tiġi aċċettata jekk ma jkun hemm ebda raġuni partikolari għaliex ma għandux isir hekk. Hemm ċerti presuppożizzjonijiet rigward il-provi ta’ inadempjenza. Pereżempju, id-debitur jeħtieġlu jitqies bħala insolventi, sakemm ma jintweriex bil-kontra, jekk ikunu nfetħu l-proċedimenti ta’ infurzar skont il-Kapitolu 4 tal-Kodiċi dwar l-Infurzar (utsökningsbalken) u jkunu rriżultaw f’sejba, fi żmien is-sitt xhur ta’ qabel ir-rikors għal falliment, li d-debitur ma kellux biżżejjed assi sabiex jagħmel il-ħlas sħiħ tal-pretensjoni li tkun qed tiġi infurzata. L-istess japplika jekk id-debitur iddikjara li hu ssospenda l-ħlasijiet.

Rikors għal falliment jista’ jiġi ppreżentat mid-debitur jew minn kreditur.

Jekk ikun hemm raġunijiet probabbli għall-approvazzjoni tar-rikors għal falliment, u jkun hemm raġuni għaliex wieħed jemmen li d-debitur jista’ jneħħi xi proprjetà, il-qorti tista’ tordna sekwestru (kvarstad) tal-proprjetà tad-debitur sakemm jiġi vvalutat ir-rikors. Il-qorti għandha s-setgħa li timponi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar.

Il-qorti distrettwali trid tippubblika d-deċiżjoni li tiddikjara falliment minnufih. Id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ minnufih, u d-debitur jitlef il-kontroll tal-proprjetà tiegħu malli titħabbar id-deċiżjoni, iżda hemm xi protezzjoni għall-aspettattivi leġittimi ta’ partijiet terzi. Jekk jogħġbok ara wkoll l-informazzjoni pprovduta taħt l-intestatura “X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant fl-insolvenza, rispettivament?”

Deċiżjoni mill-qorti distrettwali li tiddikjara falliment jew li tiċħad rikors għal falliment tista’ tiġi appellata quddiem qorti superjuri.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Ir-rikors għar-riorganizzazzjoni ta’ negozju jista’ jiġi ppreżentat mid-debitur jew mill-kreditur. Deċiżjoni li tawtorizza r-riorganizzazzjoni ta’ negozju tista’ tittieħed biss jekk ikun jista’ jiġi aċċettat li d-debitur ma jistax iħallas id-djun li saru dovuti jew li daqt mhux se jkun jiflaħ iħallashom. Deċiżjoni li tawtorizza r-riorganizzazzjoni ta’ negozju ma tistax tittieħed jekk ma jkunx hemm motivi raġonevoli sabiex jiġu supponut li jista’ jintlaħaq l-objettiv tar-riorganizzazzjoni tan-negozju. Ir-rikors ppreżentat minn kreditur jista’ jiġi approvat biss bil-kunsens tad-debitur.

Jekk ir-rikors minn debitur jitqies bħala ammissibbli, il-qorti trid tivvalutah minnufih, sakemm ir-rikors tad-debitur ma ġiex ippreżentat wara r-rikors mill-kreditur u l-qorti tkun iddeċidiet li jrid isir smigħ sabiex dan jiġi vvalutat. Jekk ir-rikors mill-kreditur jitqies bħala ammissibbli, il-qorti trid tistabbilixxi data għal smigħ sabiex teżaminah. Is-smigħ irid isir fi żmien ġimgħatejn minn meta jsir ir-rikors quddiem il-qorti. Jista’ jsir iktar tard jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għal dan, iżda qatt iktar tard minn sitt ġimgħat.

Jekk ir-rikors jiġi milqugħ, fl-istess ħin il-qorti trid taħtar uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju. Jistgħu jinħatru iktar minn uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju wieħed jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għal dan. Fi żmien ġimgħa mid-deċiżjoni li tawtorizza r-riorganizzazzjoni, l-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jeħtieġlu jinnotifika lill-kredituri magħrufin kollha dwar id-deċiżjoni. Deċiżjoni ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju tapplika minnufih sakemm il-qorti ma tiddeterminax mod ieħor.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Ir-rikors għal ristrutturar tad-dejn jista’ jiġi ppreżentat minn debitur. Jekk ir-rikors ma jiġix miċħud bħala inammissibbli jew infondat, trid tittieħed deċiżjoni li tniedi r-ristrutturar tad-dejn mill-iktar fiss possibbli. Ir-rikors jista’ jiġi miċħud bħala infondat, pereżempju, jekk mir-rikors jew minn rapport disponibbli ieħor jirriżulta li l-kundizzjonijiet għar-ristrutturar tad-dejn ma ġewx issodisfatti.

Ristrutturar tad-dejn jista’ jiġi awtorizzat jekk:

1. id-debitur huwa persuna fiżika li l-interessi ewlenin tagħha huma fl-Iżvezja;

2. id-debitur ma jistax iħallas kif xieraq id-djun tiegħu u jista’ jiġi aċċettat, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, li dan in-nuqqas ta’ ħila li jħallas se jkompli fil-futur prevedibbli (id-debitur jeħtieġlu jkun ikkunsidrat insolventi); u

3. huwa raġonevoli li jsir hekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi personali u finanzjarji tad-debitur.

Japplikaw ir-restrizzjonijiet li ġejjin:

1. ristrutturar tad-dejn ma jistax jiġi awtorizzat jekk id-debitur ikun soġġett għal ordni li tiskwalifikah milli jopera negozju (näringsförbud);

2. jekk id-debitur huwa negozjant, ristrutturar tad-dejn jista’ jiġi awtorizzat biss jekk iċ-ċirkustanzi finanzjarji tan-negozju jistgħu jiġu investigati faċilment; u

3. jekk id-debitur fl-imgħoddi kien ġie awtorizzat jagħmel ristrutturar tad-dejn, ristrutturar tad-dejn ġdid jista’ jiġi awtorizzat biss jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għaliex isir hekk.

Jekk tittieħed deċiżjoni sabiex jitnieda l-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn, avviż dwar dan irid jiġi ppubblikat minnufih fil-gazzetta uffiċjali, Post- och Inrikes Tidningar. Anki l-kredituri magħrufin iridu jiġu nnotifikati fi żmien ġimgħa mill-pubblikazzjoni. Dawn in-notifiki jridu jistiednu lill-kredituri sabiex fost l-oħrajn jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur, normalment bil-miktub fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni, billi jagħtu d-dettalji tal-pretensjonijiet tagħhom u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-valutazzjoni tal-każ, u dettalji tal-kont li fih irid isir kwalunkwe ħlas matul il-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn.

Deċiżjoni li tniedi l-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn tista’ tiġi appellata fi żmien tliet ġimgħat mid-data tad-deċiżjoni.

Wara d-deċiżjoni ta’ tnedija, ma huwa possibbli li jsir ebda sekwestru ta’ proprjetà (utmätning) sabiex jiġu infurzati l-pretensjonijiet li rriżultaw qabel dik id-deċiżjoni, qabel ma l-kwistjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tiġi ddeterminata b’deċiżjoni li jkollha effett finali. Madankollu, dan ma japplikax għal pretensjonijiet li mhumiex koperti mir-ristrutturar. Lanqas ma japplika jekk, wara appell, qorti tiddeċiedi fuq it-talba ta’ kreditur li jenħtieġ li jiġi awtorizzat is-sekwestru.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

Ir-rikors għal ristrutturar tad-dejn tan-negozju jista’ jiġi ppreżentat minn debitur. Jekk ir-rikors ma jiġix miċħud bħala inammissibbli jew infondat, trid tittieħed deċiżjoni li tniedi r-ristrutturar tad-dejn tan-negozju mill-iktar fiss possibbli. Ir-rikors jista’ jiġi miċħud bħala infondat, pereżempju, jekk mir-rikors jew minn rapport disponibbli ieħor jirriżulta li l-kundizzjonijiet għar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju ma ġewx issodisfatti.

Ir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju jista’ jiġi awtorizzat jekk:

1. l-interessi ewlenin tad-debitur huma fl-Iżvezja;

2. id-debitur ma jistax iħallas kif xieraq id-djun tiegħu u jista’ jiġi aċċettat, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, li dan in-nuqqas ta’ ħila li jħallas se jkompli fil-futur prevedibbli (id-debitur jeħtieġlu jkun ikkunsidrat insolventi); u

3. huwa raġonevoli li jsir hekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi personali u finanzjarji tad-debitur.

Japplikaw ir-restrizzjonijiet li ġejjin:

1. ristrutturar tad-dejn tan-negozju ma jistax jiġi awtorizzat jekk id-debitur ikun soġġett għal ordni li tiskwalifikah milli jopera negozju;

2. ristrutturar tad-dejn tan-negozju ma jistax jiġi awtorizzat jekk id-debitur ikun negozjant li qed jopera jew li opera n-negozju tiegħu b’mod irresponsabbli;

3. ristrutturar tad-dejn tan-negozju ma jistax jiġi awtorizzat jekk id-debitur ikollu marġni trimestrali għall-ħlas ta’ inqas minn wieħed minn sebgħa tal-ammont bażi tal-prezz (prisbasbeloppet) stabbilit fit-Taqsimiet 6 u 7 tal-Kapitolu 2 tal-Kodiċi dwar l-Assigurazzjoni Soċjali (socialförsäkringsbalken) (madwar SEK 6 300 fl-2016); u

4. jekk id-debitur preċedentement kien ġie awtorizzat jagħmel ristrutturar tad-dejn, ristrutturar tad-dejn ġdid jista’ jiġi awtorizzat biss jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għaliex isir hekk.

Jekk tittieħed deċiżjoni sabiex jitnieda l-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju, avviż dwar dan irid jiġi ppubblikat minnufih fil-gazzetta uffiċjali, Post- och Inrikes Tidningar. Anki l-kredituri magħrufin iridu jiġu nnotifikati fi żmien ġimgħa mill-pubblikazzjoni. Dawn l-avviżi jridu jistiednu lill-kredituri sabiex fost l-oħrajn jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur, normalment bil-miktub fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni, billi jagħtu d-dettalji tal-pretensjonijiet tagħhom u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-valutazzjoni tal-każ, u dettalji tal-kont li fih irid isir kwalunkwe ħlas matul il-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju.

Deċiżjoni li tniedi l-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju tista’ tiġi appellata fi żmien tliet ġimgħat mid-data tad-deċiżjoni.

Wara d-deċiżjoni ta’ tnedija, mhuwiex possibbli li jsir sekwestru ta’ proprjetà għal pretensjonijiet li rriżultaw qabel dik id-deċiżjoni, qabel ma l-kwistjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju tiġi ddeterminata b’deċiżjoni li jkollha effett finali. Madankollu, dan ma japplikax għal pretensjonijiet li mhumiex koperti mir-ristrutturar. Lanqas ma japplika jekk, wara appell, qorti tiddeċiedi fuq it-talba ta’ kreditur li jenħtieġ li jiġi awtorizzat is-sekwestru.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

FALLIMENT

Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fir-regoli ta’ eżenzjoni speċjali għal atti legali mwettqin mid-debitur jew minn kwalunkwe parti oħra eżatt wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-falliment, il-patrimonju tal-falliment jinkludi l-proprjetà kollha li kienet tappartjeni għad-debitur meta ġiet ippubblikata d-deċiżjoni tal-falliment, jew li tkun dovuta għad-debitur matul il-proċess ta’ falliment, u li kapaċi sservi għall-infurzar tal-pretensjonijiet. Kwalunkwe proprjetà li tista’ tiżdied mal-patrimonju tal-falliment permezz ta’ rkupru tal-pretensjonijiet hija inkluża wkoll. Għal persuni fiżiċi, hemm regoli speċjali li japplikaw għal pagi u għal proprjetà oħra li d-debitur jeħtieġ għas-sussistenza tiegħu. Id-debitur jista’ jżomm parti mill-proprjetà tiegħu.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

L-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jeħtieġlu jinnotifika lill-kredituri magħrufin kollha dwar id-deċiżjoni ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju fi żmien ġimgħa mid-data tad-deċiżjoni. Fost affarijiet oħrajn, inventarju preliminari tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tad-debitur irid ikun mehmuż man-notifika. Minn dan isegwi li l-assi kollha huma koperti mill-proċess. Madankollu, jenħtieġ li jiġi enfasizzat li riorganizzazzjoni tan-negozju tista’ tikkonkludi b’kostituzzjoni pubblika ta’ debitu mal-kredituri, iżda dan mhuwiex obbligatorju.

Kwalunkwe pretensjoni bbażata fuq ftehim konkluż mid-debitur matul proċess ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju bil-kunsens tal-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju tgawdi minn preferenza ġenerali (allmän förmånsrätt). Eżempju ta’ ftehim bħal dan jista’ jkun ftehim li jikkonċerna l-finanzjament tan-negozju li huwa konkluż bil-kunsens tal-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju matul il-proċess ta’ riorganizzazzjoni.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Deċiżjoni li tapprova ristrutturar tad-dejn trid tistabbilixxi pjan ta’ ħlas. Il-pjan ta’ ħlas idum ħames snin sakemm ma jkunx hemm raġunijiet sostanzjali sabiex tiġi stabbilita durata iqsar. Il-pjan ta’ ħlas jibda mid-data tad-deċiżjoni li tapprova r-ristrutturar. Iżda d-debitur jibda jagħmel il-ħlasijiet mid-data tad-deċiżjoni li tniedi l-proċess, u l-perjodu li għalih applikat id-deċiżjoni ta’ tnedija normalment irid jitnaqqas mid-durata tal-pjan ta’ ħlas.

L-ammont li d-debitur irid iħallas huwa ddeterminat b’tali mod li r-ristrutturar tad-dejn japplika għall-assi u għar-rikavati kollha tad-debitur wara t-tnaqqis ta’ dak li jrid jinżamm għas-sussistenza tad-debitur u tal-familja tad-debitur. Tista’ ssir ukoll riżerva għall-ħlas ta’ pretensjoni mhux koperta mir-ristrutturar tad-dejn.

Jekk iċ-ċirkustanzi finanzjarji tad-debitur jitjiebu b’mod konsiderevoli wara d-deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn, u dan ikun dovut għal ċirkustanzi imprevisti, il-kredituri u d-debitur jistgħu japplikaw sabiex id-deċiżjoni tiġi vvalutata mill-ġdid.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

F’każ ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju jrid ikun stabbilit pjan ta’ ħlas. Il-pjan ta’ ħlas idum tliet snin. Il-pjan ta’ ħlas jibda mid-data tad-deċiżjoni li tapprova r-ristrutturar. Iżda d-debitur jibda jagħmel il-ħlasijiet mid-data tad-deċiżjoni li tniedi l-proċess, u l-perjodu li għalih applikat id-deċiżjoni ta’ tnedija normalment irid jitnaqqas mid-durata tal-pjan ta’ ħlas.

L-ammont li d-debitur irid iħallas huwa ddeterminat b’tali mod li r-ristrutturar tad-dejn tan-negozju japplika għat-total u għar-rikavati kollha tad-debitur wara t-tnaqqis ta’ dak li jrid jinżamm għas-sussistenza tad-debitur u tal-familja tad-debitur. Tista’ ssir ukoll riżerva għall-ħlas ta’ pretensjoni mhux koperta mir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju.

Jekk iċ-ċirkustanzi finanzjarji tad-debitur jitjiebu b’mod konsiderevoli wara d-deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju, il-kredituri u d-debitur jistgħu japplikaw sabiex id-deċiżjoni tiġi vvalutata mill-ġdid.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

FALLIMENT

Ladarba titħabbar deċiżjoni ta’ falliment, id-debitur jitlef il-kontroll fuq kwalunkwe proprjetà li tappartjeni għall-patrimonju tal-falliment. Id-debitur ma jistax jidħol f’xi obbligu li jista’ jiġi invokat matul il-falliment. Hemm xi eċċezzjonijiet. Matul il-proċess ta’ falliment, il-patrimonju tal-falliment huwa rrappreżentat mill-amministratur. L-amministratur jinħatar mill-qorti distrettwali, u jeħtieġlu jkollu l-għarfien u l-esperjenza speċjali meħtieġa għall-kompitu, u jkun xieraq għall-kompitu f’aspetti oħrajn. Persuna impjegata minn qorti ma tistax tinħatar bħala amministratur. Persuna ma tistax tinħatar bħala amministratur jekk ikollha kunflitt ta’ interess.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jeħtieġlu jkollu l-għarfien u l-esperjenza speċjali meħtieġa għall-kompitu, jeħtieġlu jkollu l-fiduċja tal-kredituri, u jeħtieġlu jkun xieraq għall-kompitu f’aspetti oħrajn.

L-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jinvestiga l-kapaċità finanzjarja tad-debitur u, f’konsultazzjoni mad-debitur, ifassal pjan li jistabbilixxi kif għandhom jintlaħqu l-għanijiet tar-riorganizzazzjoni. Il-pjan irid jiġi fornit lill-qorti u lill-kredituri. L-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jista’ jqabbad għajnuna esperta.

Id-debitur huwa meħtieġ jipprovdi lill-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju bl-informazzjoni kollha dwar iċ-ċirkustanzi finanzjarji tiegħu li hija rilevanti għar-ristrutturar tan-negozju. Id-debitur jeħtieġlu jsegwu l-istruzzjonijiet tal-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju dwar il-mod li bih għandu jitmexxa n-negozju. Hemm xi atti legali li d-debitur ma jistax iwettaq mingħajr il-kunsens tal-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju. Dawn jinkludu l-ħlas ta’ djun li rriżultaw qabel id-deċiżjoni, it-teħid ta’ obbligi ġodda, u t-trasferiment jew ir-rahan ta’ proprjetà ta’ importanza sostanzjali għan-negozju tad-debitur. Madankollu, jekk id-debitur jonqos milli jissodisfa dawn l-obbligi, l-att legali inkwistjoni jibqa’ validu.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Ma jinħatar ebda amministratur. Matul il-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn, id-debitur iżomm il-kontroll fuq il-proprjetà tiegħu.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

Ma jinħatar ebda amministratur. Matul il-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn, id-debitur iżomm il-kontroll fuq il-proprjetà tiegħu.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija ?

FALLIMENT

Kreditur li għandu pretensjoni fuq id-debitur li tista’ tiġi asserita matul il-falliment jista’ jpaċi l-pretensjoni kontra pretensjoni li d-debitur kellu fuq il-kreditur fiż-żmien meta tħabbret id-deċiżjoni ta’ falliment. Dan ma japplikax jekk it-tpaċija kienet ġiet eskluża mill-falliment minħabba n-natura tal-pretensjonijiet inkwistjoni. Hemm regoli speċjali li japplikaw għal pretensjonijiet kundizzjonali. Hemm ukoll eżenzjonijiet fost affarijiet oħrajn għal pretensjonijiet miksubin riċentement (li fil-parti l-kbira jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet dwar l-irkupru għall-patrimonju).

Fir-rigward tas-swieq finanzjarji, hemm dispożizzjonijiet speċjali li jistipulaw li ftehimiet ta’ netting u arranġamenti simili relatati ma’, fost l-oħrajn, strumenti finanzjarji, japplikaw fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment u fir-rigward tal-kredituri.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Kull min kellu pretensjoni fuq id-debitur meta ġie ippreżentat ir-rikors għal riorganizzazzjoni tan-negozju jista’ jpaċi dik il-pretensjoni kontra pretensjoni li d-debitur kellu fuq il-kreditur dak iż-żmien, anki jekk il-pretensjoni għadha mhijiex dovuta sabiex titħallas. Dan ma japplikax jekk it-tpaċija tkun eskluża minħabba n-natura tal-pretensjonijiet inkwistjoni jew jekk tkun eskluża b’xi mod ieħor minn dispożizzjonijiet tal-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni tan-Negozju. Hemm ukoll eżenzjonijiet fost affarijiet oħrajn għal pretensjonijiet miksubin riċentement (li fil-parti l-kbira jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet dwar l-irkupru għall-patrimonju).

Fir-rigward tas-swieq finanzjarji, hemm dispożizzjonijiet speċjali li jistipulaw li ftehimiet ta’ netting u arranġamenti simili relatati ma’, fost l-oħrajn, strumenti finanzjarji, japplikaw fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment u fir-rigward ta’ dawk il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom huma koperti minn kostituzzjoni pubblika ta’ debitu mal-kredituri.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Ma hemm ebda regola speċjali dwar it-tpaċija.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

Ma hemm ebda regola speċjali dwar it-tpaċija.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

FALLIMENT

L-Att dwar il-Falliment ma fih ebda regola ġenerali dwar jekk il-patrimonju tal-falliment huwiex marbut bi ftehimiet li jidħol fihom id-debitur. Fil-prinċipju, il-patrimonju huwa persuna ġuridika indipendenti, u ma għandu ebda responsabbiltà għal xi obbligu li jista’ jirriżulta minn ftehim bħal dan. Patrimonju tal-falliment jista’ jagħżel li jeżegwixxi ftehimiet li jidħol fihom id-debitur jekk din l-eżekuzzjoni twassal għall-istralċ tal-patrimonju. Normalment dan ser ikun kundizzjonali fuq il-kunsens tal-kontroparti.

Hemm dispożizzjonijiet speċjali f’leġiżlazzjoni oħra, bħall-Att dwar il-Bejgħ (köplagen) u l-Att dwar il-Kummerċ fi Strumenti Finanzjarji (lagen om handel med finansiella instrument). Skont l-Att dwar il-Bejgħ, il-patrimonju tal-falliment jista’ jagħżel li jeżegwixxi ftehim jekk waħda mill-partijiet tkun iddaħħlet fi proċedimenti ta’ falliment. Il-kontroparti tista’ titlob lill-patrimonju sabiex jinnotifikaha b’mod puntwali jekk jixtieq jeżegwixxi l-ftehim.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Jekk, qabel id-deċiżjoni dwar ir-riorganizzazzjoni tan-negozju, il-kontroparti tad-debitur kellha d-dritt li tħassar ftehim minħabba l-okkorrenza jew il-prospett ta’ tilwima relatata ma’ ħlasijiet jew mal-eżekuzzjoni f’xi aspett ieħor, il-kontroparti ma titħallhiex tħassar il-ftehim minħabba dik it-tilwima ladarba tkun ittieħdet id-deċiżjoni, jekk id-debitur jitlob l-eżekuzzjoni tal-ftehim inkwistjoni fil-ħin u bil-kunsens tal-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju. Fuq it-talba tal-kontroparti, id-debitur jeħtieġlu jinnotifika lill-kontroparti fil-ħin jekk il-ftehim huwiex se jiġi eżegwit jew le. Jekk ftehim ikun se jiġi eżegwit, hemm regoli speċjali li jirregolaw il-mod tal-eżekuzzjoni. Hemm ukoll dispożizzjonijiet speċjali fl-Att dwar il-Bejgħ, u regoli speċjali li jirregolaw kwistjonijiet bħal kuntratti tax-xogħol u strumenti finanzjarji.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Ma hemm ebda regola speċjali dwar l-effett ta’ ristrutturar tad-dejn fuq kuntratt attwali.

Jekk jogħġbok ara wkoll “X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza u l-effetti ta’ dan?”

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

Ma hemm ebda regola speċjali dwar l-effett ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju fuq kuntratt attwali.

Jekk jogħġbok ara wkoll “X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza u l-effetti ta’ dan?”

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

FALLIMENT

Ladarba tkun tħabbret id-deċiżjoni ta’ falliment, ġeneralment ma tkunx tista’ tiġi sekwestrata proprjetà li tappartjeni għall-patrimonju tal-falliment (utmäta) sabiex tiġi infurzata xi pretensjoni kontra d-debitur. Dan japplika b’mod awtomatiku malli jinfetħu l-proċedimenti ta’ falliment. Hemm xi eċċezzjonijiet li japplikaw għal pretensjonijiet li għandhom ċertu livell ta’ preferenza. Kwalunkwe sekwestru (utmätning) li jseħħ b’tali mod li jmur kontra din il-projbizzjoni huwa null u bla effett. Proprjetà tista’ tiġi sekwestrata indipendentement mill-falliment jekk ikun hemm dritt ta’ rahan (panträtt) fuq il-proprjetà inkwistjoni għas-sodisfazzjoni tal-pretensjoni.

Bħala regola ġenerali, jekk ikun seħħ sekwestru qabel ma titħabbar id-deċiżjoni ta’ falliment, l-infurzar jista’ jkompli indipendentement mill-proċess ta’ falliment. Hemm xi eċċezzjonijiet.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Filwaqt li tkun għaddejja r-riorganizzazzjoni tan-negozju, ma jista’ jsir ebda sekwestru jew infurzar ieħor skont il-Kodiċi dwar l-Infurzar kontra d-debitur. Hemm eċċezzjonijiet, pereżempju fejn il-kreditur ikollu dritt ta’ rahan jew dritt ta’ żamma (retentionsrätt) għas-sodisfazzjoni tal-pretensjoni. Ma tista’ tingħata ebda assistenza skont l-Att dwar il-Ftehimiet ta’ Lokazzjoni b’Opzjoni ta’ Xiri bejn in-Negozjanti (lagen (1978:599) om avbetalningsköp mellan näringsidkare m.fl.). Matul il-proċess ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, ma tista’ tittieħed ebda deċiżjoni li timponi sekwestru (kvarstad) jew rahan (betalningsäkring).

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Wara d-deċiżjoni ta’ tnedija, ma huwa possibbli li jsir ebda sekwestru ta’ proprjetà sabiex jiġu infurzati l-pretensjonijiet li rriżultaw qabel dik id-deċiżjoni, qabel ma l-kwistjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tiġi ddeterminata b’deċiżjoni li jkollha effett finali. Madankollu, dan ma japplikax għal pretensjonijiet li mhumiex koperti mir-ristrutturar. Lanqas ma japplika jekk, wara appell, qorti tiddeċiedi fuq it-talba ta’ kreditur li jenħtieġ li jiġi awtorizzat is-sekwestru.

Jekk id-debitur jiġi ddikjarat fallut, ir-rikors għar-ristrutturar tad-dejn jiskadi.

Jekk ir-rikors għan-negozjar tal-kostituzzjoni pubblika ta’ debitu mal-kredituri jiġi milqugħ għal kunsiderazzjoni wara li d-debitur ikun għamel rikors għal ristrutturar tad-dejn, il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn iridu jiġu sospiżi. Jekk il-kostituzzjoni tiġi kkonfermata, ir-rikors għar-ristrutturar tad-dejn jiskadi.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

Wara d-deċiżjoni ta’ tnedija, ma huwa possibbli li jsir ebda sekwestru ta’ proprjetà sabiex jiġu infurzati l-pretensjonijiet li rriżultaw qabel dik id-deċiżjoni, qabel ma l-kwistjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju tiġi ddeterminata b’deċiżjoni li jkollha effett finali. Madankollu, dan ma japplikax għal pretensjonijiet li mhumiex koperti mir-ristrutturar. Lanqas ma japplika jekk, wara appell, qorti tiddeċiedi fuq it-talba ta’ kreditur li jenħtieġ li jiġi awtorizzat is-sekwestru.

Jekk id-debitur jiġi ddikjarat fallut, ir-rikors għar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju jiskadi.

Jekk rikors għan-negozjar tal-kostituzzjoni pubblika ta’ debitu mal-kredituri jiġi milqugħ għal kunsiderazzjoni wara li d-debitur ikun għamel rikors għal ristrutturar tad-dejn tan-negozju, il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn iridu jiġu sospiżi. Jekk il-kostituzzjoni ta’ debitu tiġi kkonfermata, ir-rikors għar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju jiskadi.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

FALLIMENT

Jekk ikun hemm kawża għaddejja bejn id-debitur u parti oħra dwar proprjetà li tappartjeni għall-patrimonju tal-falliment, il-patrimonju jista’ jkun parti għall-proċedimenti minflok id-debitur. Jekk il-patrimonju ma jiħux post id-debitur, il-proprjetà titqies li taqa’ barra mill-patrimonju. Jekk jinfetħu proċedimenti kontra d-debitur sabiex tiġi ssodisfata pretensjoni li tista’ tiġi asserita fil-proċedimenti ta’ falliment, il-patrimonju tal-falliment jista’ jissieħeb fil-kawża fuq in-naħa tad-debitur. Hemm dispożizzjonijiet oħrajn dwar din il-proċedura.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Fil-prinċipju, l-infurzar tal-pretensjonijiet huwa pprojbit matul il-proċess ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, iżda dan ma jipprevjenix kawża kontinwa bejn id-debitur u parti oħra milli tkompli u, tabilħaqq, milli tiġi konkluża.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Jekk jogħġbok ara taħt “X’effett għandu l-proċediment ta’ insolvenza fuq il-proċedimenti miftuħin minn kredituri individwali?”

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

Jekk jogħġbok ara taħt “X’effett għandu l-proċediment ta’ insolvenza fuq il-proċedimenti miftuħin minn kredituri individwali?”

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

FALLIMENT

Il-kredituri ma għandhom ebda rwol formali fil-proċedura ta’ falliment. L-amministratur jeħtieġlu jikkonsulta lill-kredituri li huma partikolarment affettwati jekk ma jkun hemm xejn x’jipprevjeni dan. Il-kredituri huma intitolati li jirċievu wkoll informazzjoni mingħand l-amministratur, u li jattendu għall-ġurament, pereżempju. Kreditur jista’ jitlob li jinħatar superviżur (granskningsman) sabiex jissorvelja l-amministrazzjoni tal-patrimonju tal-falliment għan-nom tal-kreditur.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Meta qorti tiddeċiedi favur riorganizzazzjoni tan-negozju, din trid tistabbilixxi data għal laqgħa tal-kredituri, li sseħħ fil-qorti. Il-laqgħa trid issir fi żmien tliet ġimgħat mid-data tad-deċiżjoni ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, jew fi ħdan perjodu itwal jekk dan ikun inevitabbli.

Fil-laqgħa tal-kredituri, il-kredituri għandhom l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar jekk jenħtieġx li tkompli r-riorganizzazzjoni tan-negozju. Jekk kreditur jitlob hekk, il-qorti taħtar kumitat tal-kredituri minn fost il-kredituri. Il-kumitat ma jikkonsistix f’iktar minn tliet membri. F’xi każijiet, l-impjegati se jkollhom ukoll id-dritt li jaħtru rappreżentant bħala membru addizzjonali tal-kumitat. Il-qorti tista’ taħtar membri oħrajn jekk ikun hemm raġunijiet partikolari għal dan. L-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jeħtieġlu jikkonsulta lill-kumitat tal-kredituri fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ importanza jekk ma jkun hemm xejn li jipprevjeni milli jsir hekk.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Jekk jogħġbok ara taħt “X’inhuma r-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tal-pretensjonijiet?”

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

FALLIMENT

Matul il-falliment, l-assi jifformaw patrimonju tal-falliment li huwa amministrat għall-benefiċċju tal-kredituri (ara iktar ’il fuq). Il-patrimonju huwa ġestit minn amministratur wieħed jew iktar tal-falliment. Bħala regola ġenerali, proprjetà mill-patrimonju trid tinbiegħ mill-iktar fis raġonevolment possibbli. Jekk id-debitur kien qed jopera negozju, l-amministratur jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, iżomm in-negozju għaddej għan-nom tal-patrimonju tal-falliment.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Matul ir-riorganizzazzjoni tan-negozju, id-debitur ma jitlifx il-kontroll fuq l-assi tiegħu.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Ma jinħatar ebda amministratur.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

Ma jinħatar ebda amministratur.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

FALLIMENT

Il-fallimenti fl-Iżvezja jistgħu jinqasmu f’żewġ kategoriji, fallimenti mingħajr provi tad-djun (bevakning) u fallimenti bi prova tad-djun. Ma hemm ebda prova tad-djun sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor. Dan għaliex il-kredituri mingħajr pretensjoni ppreferuta normalment ma jirċievu xejn fil-każ ta’ falliment. Fuq talba tal-amministratur, il-qorti distrettwali tista’ tiddeċiedi li jridu jingħataw provi tad-djun. Dan isir jekk jista’ jiġi supponut li l-pretensjonijiet mingħajr preferenza se jirċievu xi ħlas malli ssir id-distribuzzjoni matul il-proċedura ta’ falliment. Meta jiġi deċiż li jenħtieġ li sseħħ il-proċedura ta’ prova tad-djun, il-pretensjonijiet li jistgħu jiġu asseriti matul il-proċedimenti ta’ falliment ġeneralment iridu jintwerew bil-provi sabiex il-kreditur jirċievi xi ħaġa mid-distribuzzjoni. Kwalunkwe intitolament għal preferenza jrid jintwera bil-provi wkoll. Madankollu, meta kreditur ikollu d-dritt ta’ rahan jew ta’ żamma fuq il-proprjetà, ma jkun hemm ebda bżonn li tingħata prova tad-dejn sabiex il-kreditur ikun intitolat għal ħlas mill-proprjetà inkwistjoni.

Il-fatt li d-debitur jitlef il-kontroll fuq il-proprjetà tiegħu jfisser li d-debitur ma jkunx jista’ jidħol f’xi obbligu li jista’ jiġi asserit matul il-proċedimenti ta’ falliment. Jekk id-debitur jeżegwixxi jew iġarrab xi obbligu wara li jinbdew il-proċedimenti ta’ falliment, dawk l-obbligi ġeneralment ma jkunux jistgħu jintwerew bil-provi matul il-falliment. Il-ġurisprudenza stabbilita hija li, f’xi każijiet, id-debitur jista’ jżomm il-kontroll fuq ċertu assi jekk l-amministratur ma jitolbux b’mod espliċitu.

Il-patrimonju tal-falliment, irrappreżentat mill-amministratur, jista’ jassumi d-drittijiet u r-responsabbiltajiet, pereżempju billi jidħol fi ftehim. Dawn iwasslu għal pretensjonijiet kontra l-patrimonju nnifsu (massafordringar). Fil-prinċipju, pretensjonijiet fuq il-patrimonju stess għandhom preferenza fuq il-pretensjonijiet ordinarji ta’ falliment (konkursfordringar). Madankollu, ir-remunerazzjoni tal-amministratur u djun simili oħrajn (magħrufin bħala spejjeż tal-falliment, konkurskostnader) iridu jitħallsu mill-patrimonju tal-falliment qabel kwalunkwe dejn ieħor li jkun ġarrab il-patrimonju. Jekk l-ispejjeż tal-patrimonju ma jistgħux jitħallsu mill-patrimonju tal-falliment, dawn ġeneralment iridu jitħallsu mill-Istat. Fil-prinċipju, il-pretensjonijiet ta’ falliment huma ssodisfatti biss wara li jkunu tħallsu l-ispejjeż tal-falliment u l-pretensjonijiet fuq il-patrimonju.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Ma hemm ebda regola ġenerali għan-notifika tal-pretensjonijiet fil-każ ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju. Madankollu, fuq it-talba tad-debitur, f’każ ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, il-qorti tista’ tiddeċiedi li tawtorizza negozjati għal kostituzzjoni pubblika ta’ debitu mal-kredituri (offentligt ackord). Il-kreditur jista’ jkollu bżonn jippreżenta l-pretensjonijiet tiegħu fi ħdan il-qafas tan-negozjati tal-kostituzzjoni ta’ debitu (jekk jogħġbok ara iktar ’il quddiem). Huma biss dawk il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom seħħew qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors għal riorganizzazzjoni tan-negozju li jieħdu sehem fin-negozjati tal-kostituzzjoni ta’ debitu. Minkejja dan, mhux il-kredituri kollha jieħdu sehem f’dawn in-negozjati: pereżempju, kreditur li l-pretensjoni tiegħu tista’ tiġi ssodisfata bi tpaċija jew li għandu pretensjoni ppreferuta ma jiħux sehem. L-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jħejji inventarju tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tal-patrimonju. Jekk persuna jkollha petensjoni li ma ġietx elenkata fl-inventarju tal-patrimonju jew li ssir magħrufa sadanittant, u tixtieq tieħu sehem fin-negozjati tal-kostituzzjoni ta’ debitu, jenħtieġ li din tippreżenta l-pretensjoni bil-miktub lill-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju sa mhux iktar tard minn ġimgħa qabel il-laqgħa tal-kredituri.

Pretensjonijiet ibbażati fuq ftehimiet li jidħol għalihom id-debitur bil-kunsens tal-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju matul ir-riorganizzazzjoni tan-negozju jgawdu minn preferenza ġenerali.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Ristrutturar tad-dejn essenzjalment ikopri l-pretensjonijiet kollha fi flus kontra d-debitur li seħħew qabel id-data li fiha tħabbret id-deċiżjoni ta’ tnedija. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-kredituri jippreżentaw kwalunwke pretensjoni li seħħet qabel id-deċiżjoni ta’ tnedija u li hija koperta mir-ristrutturar tad-dejn, għaliex inkella jkun hemm riskju li d-debitur jinħeles mill-obbligazzjoni tiegħu li jħallas id-djun inkwistjoni (jekk jogħġbok ara taħt “X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza u l-effetti ta’ dan?”).

Madankollu, ristrutturar tad-dejn ma jkoprix dawn li ġejjin:

1. pretensjoni għall-manteniment tal-familja, dment li l-Aġenzija għas-Sigurtà Soċjali (Försäkringskassan) jew korp pubbliku barrani ma jkunux ħadu kontroll tad-dritt tal-parti eliġibbli sabiex tirċievi manteniment;

2. pretensjoni li fir-rigward tagħha l-kreditur ikollu dritt ta’ rahan jew dritt ieħor ta’ preferenza skont it-Taqsima 6 jew 7 tal-Att dwar il-Preferenza (förmånsrattslagen (1970:979)), jew dritt ta’ żamma, dment li l-garanzija tkun biżżejjed sabiex tiġi ssodisfata l-pretensjoni;

3. pretensjoni li fir-rigward tagħha l-kreditur kiseb dritt ta’ preferenza skont it-Taqsima 8 tal-Att dwar il-Preferenza qabel ma tħabbret id-deċiżjoni ta’ tnedija fir-rigward ta’ proprjetà li fuqha kellha tiġi infurzata l-pretensjoni;

4. pretensjoni li għadu mhuwiex dovut il-ħlas tagħha u li hija kundizzjonali għall-għoti ta’ kumpens mill-kreditur; jew

5. Pretensjoni li hija kkontestata.

Jekk pretensjoni hija kundizzjonali, ma għandhiex ammont definit, jew li għadu mhuwiex dovut il-ħlas tagħha, jista’ jiġi deċiż li din taqa’ barra mir-ristrutturar tad-dejn.Jekk jista’ jiġi aċċettat li pretensjoni ma għandhiex motivazzjoni valida, irid jiġi deċiż li mhijiex se tiġi koperta mir-ristrutturar tad-dejn.

Pretensjonijiet li jseħħu wara d-deċiżjoni ta’ tnedija mhumiex koperti mir-ristrutturar tad-dejn.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

Ristrutturar tad-dejn tan-negozju essenzjalment ikopri l-pretensjonijiet kollha fi flus kontra d-debitur li seħħew qabel id-data li fiha tħabbret id-deċiżjoni ta’ tnedija. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-kredituri jirrapportaw kwalunwke pretensjoni li seħħet qabel id-deċiżjoni ta’ tnedija u li hija koperta mir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju, għaliex inkella jkun hemm riskju li d-debitur jinħeles mill-obbligazzjoni tiegħu li jħallas id-djun inkwistjoni (jekk jogħġbok ara “X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza u l-effetti ta’ dan?”).

Madankollu, ristrutturar tad-dejn tan-negozju ma jkoprix dawn li ġejjin:

1. pretensjoni għall-manteniment tal-familja, dment li l-Aġenzija għas-Sigurtà Soċjali jew korp pubbliku barrani ma jkunux ħadu kontroll tad-dritt tal-parti eliġibbli sabiex tirċievi manteniment;

2. pretensjoni li fir-rigward tagħha l-kreditur ikollu dritt ta’ preferenza skont it-Taqsima 5 tal-Att dwar il-Preferenza (1970:979), dment li l-garanzija tkun biżżejjed sabiex tiġi ssodisfata l-pretensjoni;

3. pretensjoni li fir-rigward tagħha l-kreditur ikollu dritt ta’ rahan jew dritt ieħor ta’ preferenza skont it-Taqsima 6 jew 7 tal-Att dwar il-Preferenza, jew dritt ta’ żamma, dment li l-garanzija tkun biżżejjed sabiex tiġi ssodisfata l-pretensjoni;

4. pretensjoni li fir-rigward tagħha l-kreditur kiseb dritt ta’ preferenza skont it-Taqsima 8 tal-Att dwar il-Preferenza qabel ma tħabbret id-deċiżjoni ta’ tnedija fir-rigward ta’ proprjetà li fuqha kellha tiġi infurzata l-pretensjoni;

5. pretensjoni li għadu mhuwiex dovut il-ħlas tagħha u li hija kundizzjonali għall-għoti ta’ kumpens mill-kreditur; jew

6. pretensjoni li hija kkontestata.

Jekk pretensjoni hija kundizzjonali, ma għandhiex ammont definit, jew li għadu mhuwiex dovut il-ħlas tagħha, jista’ jiġi deċiż li l-pretensjoni taqa’ barra mir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju. Jekk jista’ jiġi aċċettat li pretensjoni ma għandhiex motivazzjoni valida, irid jiġi deċiż li mhijiex se tiġi koperta mir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju.

Pretensjonijiet li jseħħu wara d-deċiżjoni ta’ tnedija mhumiex koperti mir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

FALLIMENT

B’mod ġenerali, huma biss dawk il-pretensjonijiet li jseħħu qabel ma tħabbret id-deċiżjoni ta’ falliment li jistgħu jiġu asseriti matul il-falliment. Pretensjoni tista’ tiġi asserita matul il-falliment anki jekk tkun kundizzjonali jew jekk ma jkunx għadu dovut il-ħlas tagħha.

Għal dawk il-każijiet li fihom ma sseħħ ebda prova tad-djun, ma hemm ebda regoli li jeħtieġu li l-kreditur jippreżenta l-pretensjoni tiegħu b’xi mod partikolari. F’każ ta’ falliment mingħajr prova tad-djun, l-amministratur irid jiżgura minn jeddu li kwalunkwe pretensjoni ppreferuta tirċievi s-sehem xieraq tagħha fid-distribuzzjoni. Fil-prinċipju ma hemm xejn li jipprevjeni lil kreditur milli jasserixxi l-pretensjoni tiegħu f’termini vagi sal-limitu ta’ żmien għall-oġġezzjonar tad-distribuzzjoni proposta.

Jekk jista’ jiġi supponut li l-assi huma biżżejjed għall-ħlas lill-kredituri li ma jgawdux preferenza, irid ikun hemm prova tad-djun (jekk jogħġbok ara iktar ’il fuq rigward il-prova tad-djun). Meta l-qorti distrettwali tiddeċiedi li trid tingħata prova tad-djun, din tistabbilixxi perjodu ta’ bejn erba’ u għaxar ġimgħat għall-preżentazzjoni tal-provi. Id-deċiżjoni ta’ sejħa għall-prova tad-djun tiġi ppubblikata. Il-kredituri jeħtiġilhom jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom bil-miktub fi ħdan il-perjodu stabbilit. Jekk kreditur ikollu dritt ta’ rahan jew dritt ta’ żamma fuq proprjetà, ma għandux bżonn jippreżenta prova tad-dejn bħala parti mill-proċedura tiegħu sabiex jikseb ħlas mingħand il-proprjetà. Jekk tingħata prova tad-djun, u kreditur jixtieq jippreżenta pretensjoni jew jeżerċita dritt ta’ rahan wara l-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-prova, dan jista’ jippreżenta prova ex post (efterbevakning). Dan irid isir mhux iktar tard mid-data li fiha l-amministratur jistabbilixxi d-distribuzzjoni proposta, fi kliem ieħor qabel ma l-proposta tiġi ppreżentata lill-qorti u tiġi ppubblikata. Jekk kreditur ma jippreżentax prova tal-pretensjoni tiegħu, il-kreditur jitlef l-opportunità li jirċievi ħlas mill-assi koperti mid-deċiżjoni ta’ distribuzzjoni. Fil-prinċipju, imbagħad il-kreditur jista’ jirċievi ħlas fir-rigward tal-pretensjoni tiegħu biss jekk isiru disponibbli riżorsi ġodda (distribuzzjoni ex post, efterutdelning).

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Kif intqal iktar ’il fuq, ma hemm ebda obbligu ġenerali li l-kredituri jippreżentaw pretensjonijiet fil-każ ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, iżda l-kreditur jista’ jkollu bżonn jippreżenta l-pretensjonijiet tiegħu bħala parti minn kwalunkwe negozjar tal-kostituzzjoni ta’ debitu li jseħħ. L-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jeħtieġlu jipproduċi pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju. Normalment, il-pjan juri kif is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija debitur tista’ tiġi solvuta u kif se jitjieb l-introjtu operatorju tagħha. Madankollu, il-kontenut tal-pjan jista’ jiġi adattat għaċ-ċirkustanzi f’każijiet individwali.

F’ċerti ċirkustanzi, jista’ jkun hemm kostituzzjoni pubblika ta’ debitu mal-kredituri fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju. Talba għal negozjati tal-kostituzzjoni ta’ debitu tiġi ppreżentata mid-debitur.

Talba għal negozjati tal-kostituzzjoni ta’ debitu jrid ikun fiha proposta għall-kostituzzjoni ta’ debitu li tiddikjara kemm id-debitur qed joffri bħala ħlas u meta ser isir il-ħlas, u jekk ġietx iddepożitata xi garanzija fir-rigward tal-kostituzzjoni ta’ debitu u, jekk iva, x’tinvolvi. Trid tkun mehmuża lista li fiha inventarju tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tal-patrimonju.

Jekk it-talba għal negozjati tal-kostituzzjoni ta’ debitu titqies ammissibbli, il-qorti trid tagħti d-deċiżjoni tagħha li tawtorizza n-negozjati tal-kostituzzjoni ta’ debitu minnufih. Fl-istess ħin, il-qorti trid tistabbilixxi data għal laqgħa mal-kredituri, li trid issir fil-qorti, toħroġ ċitazzjoni għal dik il-laqgħa, u tippubblika d-deċiżjoni.

Id-debitur, l-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju u l-kredituri għandhom l-opportunità li joġġezzjonaw għal pretensjoni li trid tiġi koperta mill-kostituzzjoni ta’ debitu. Hemm regoli speċjali li jirregolaw l-opportunità ta’ parteċipazzjoni fin-negozjati tal-kostituzzjoni ta’ debitu fuq il-bażi ta’ pretensjoni mhux inkluża fl-inventarju tal-patrimonju.

Huma biss il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom seħħew qabel ma ġie ppreżentata r-rikors għal riorganizzazzjoni tan-negozju li jistgħu jieħdu sehem fin-negozjati tal-kostituzzjoni ta’ debitu. Il-kredituri li l-pretensjoni tagħhom tista’ tiġi ssodisfata bi tpaċija jew li l-pretensjoni tagħhom tgawdi minn preferenza ma jiħdux sehem fin-negozjati. Lanqas kredituri li, fil-każ ta’ falliment, kienu jkunu intitolati għal ħlas biss wara kredituri oħrajn ma jieħdu sehem, sakemm il-kredituri l-oħra li jieħdu sehem fin-negozjati ma jippermettux dan.

Fuq it-talba ta’ kwalunkwe kreditur, id-debitur irid jieħu ġurament dwar l-inventarju tal-patrimonju fil-laqgħa tal-kredituri.

Il-kredituri jivvotaw dwar il-kostituzzjoni ta’ debitu proposta fil-laqgħa tal-kredituri. Proposta għall-kostituzzjoni ta’ debitu li tissodisfa tal-inqas 50 % mis-somma tal-pretensjonijiet titqies li ġiet approvata mill-kredituri jekk sittin fil-mija ta’ dawk li jivvutaw ikunu favur u l-pretensjonijiet tagħhom jammontaw għal sittin fil-mija tas-somma totali tal-pretensjonijiet li għandhom drittijiet tal-vot. Jekk il-perċentwal ikun inferjuri, il-proposta dwar il-kostituzzjoni ta’ debitu tiġi approvata jekk tliet kwarti minn dawk li jivvotaw ikunu favur u l-pretensjonijiet tagħhom jammontaw għal tliet kwarti mis-somma totali tal-pretensjonijiet li għandhom drittijiet tal-vot.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Jekk tittieħed deċiżjoni sabiex jitnieda l-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn, avviż dwar dan irid jiġi ppubblikat minnufih fil-gazzetta uffiċjali, Post- och Inrikes Tidningar. Anki l-kredituri magħrufin iridu jiġu nnotifikati fi żmien ġimgħa mill-pubblikazzjoni. Dawn in-notifiki jridu jistiednu lill-kredituri sabiex fost l-oħrajn jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur, normalment bil-miktub fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni, billi jagħtu d-dettalji tal-pretensjonijiet tagħhom u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-valutazzjoni tal-każ, u dettalji tal-kont li fih irid isir kwalunkwe ħlas matul il-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn.

Wara d-deċiżjoni ta’ tnedija, ladarba tinġabar biżżejjed informazzjoni, titfassal proposta għar-ristrutturar tad-dejn. Din tintbagħat lill-kredituri magħrufin kollha li l-pretensjonijiet tagħhom huma koperti mill-proposta, bi stedina lilhom sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom fi ħdan ċertu perjodu. Nuqqas minn kreditur milli jippreżenta kummenti ma jipprevjenix deċiżjoni li tapprova ristrutturar tad-dejn.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

Jekk tittieħed deċiżjoni sabiex jitnieda l-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju, avviż dwar dan irid jiġi ppubblikat minnufih fil-gazzetta uffiċjali, Post- och Inrikes Tidningar. Anki l-kredituri magħrufin iridu jiġu nnotifikati fi żmien ġimgħa mill-pubblikazzjoni. Dawn in-notifiki jridu jistiednu lill-kredituri sabiex fost l-oħrajn jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur, normalment bil-miktub fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni, billi jagħtu d-dettalji tal-pretensjonijiet tagħhom u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-valutazzjoni tal-każ, u dettalji tal-kont li fih irid isir kwalunkwe ħlas matul il-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn.

Wara d-deċiżjoni ta’ tnedija, ladarba tinġabar biżżejjed informazzjoni, titfassal proposta għar-ristrutturar tad-dejn tan-negozju. Din tintbagħat lill-kredituri magħrufin kollha li l-pretensjonijiet tagħhom huma koperti mill-proposta, bi stedina lilhom sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom fi ħdan ċertu perjodu. Nuqqas minn kreditur milli jippreżenta kummenti ma jipprevjenix deċiżjoni li tapprova ristrutturar tad-dejn tan-negozju.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

FALLIMENT

Jekk l-assi tal-patrimonju tal-falliment ma jkunux biżżejjed sabiex jitħallsu l-ispejjeż tal-falliment u d-djun tal-istat innifsu, il-falliment irid jitħassar (jekk jogħġbok ara iktar ’il fuq dwar l-ispejjeż tal-falliment u d-djun tal-patrimonju). Jekk il-falliment jitħassar (avskrivas), fil-prinċipju ma ssir ebda distribuzzjoni lill-kredituri.

Jekk il-falliment ma jitħassarx, il-flus fil-patrimonju tal-falliment li ma jintużawx sabiex iħallsu għall-ispejjeż tal-falliment u għad-djun tal-patrimonju jitqassmu lill-kredituri. Fil-prinċipju, din id-distribuzzjoni trid tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Preferenza.

L-Att dwar il-Preferenza jirregola l-intitolamenti reċiproċi tal-kredituri sabiex jirċievu ħlas fil-każ ta’ falliment. Tista’ tiġi pprovduta l-informazzjoni miġbura fil-qosor li ġejja rigward l-Att dwar il-Preferenza.

Preferenza relatata ma’ ħlas hija speċjali jew ġenerali. Preferenza speċjali hija relatata ma’ ċerta proprjetà (bħala eżempji hemm dritt ta’ rahan, dritt ta’ żamma, jew ipoteka (inteckning) fuq proprjetà immobbli). Preferenza ġenerali hija relatata mal-proprjetà kollha inkluża fil-patrimonju tal-falliment tad-debitur (bħall-ispejjeż imġarrbin mill-kredituri sabiex iqiegħdu lid-debitur f’falliment, u r-remunerazzjoni ta’ uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jekk il-falliment inkwistjoni jkun ġie ppreċedut minn riorganizzazzjoni tan-negozju). Preferenza speċjali tieħu preċedenza fuq preferenza ġenerali. Il-pretensjonijiet kollha li ma jgawdux minn preferenza għandhom l-istess drittijiet bejniethom. Seta’ ġie pprovdut ukoll fi ftehim li kreditur huwa intitolat għal ħlas biss wara li jkunu ġew issodisfatti l-kredituri kollha l-oħrajn (pretensjoni subordinata, efterställd fordran).

Preferenza tibqa’ anki jekk il-pretensjoni tiġi ttrasferita jew tithemeż jew tingħadda b’xi mod ieħor lil parti oħra.

Jekk pretensjoni tgawdi minn preferenza speċjali fir-rigward ta’ ċerta proprjetà, iżda l-proprjetà inkwistjoni ma tkunx biżżejjed sabiex tissodisfa l-pretensjoni, il-bqija tiġi ttrattata bħala pretensjoni mingħajr preferenza.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Ma jkun hemm ebda distribuzzjoni fil-każ ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, sakemm ma jkunx hemm kostituzzjoni pubblika ta’ debitu mal-kredituri.

Kostituzzjoni pubblika ta’ debitu tista’ tipprovdi li l-pretensjonijiet jitnaqqsu u jitħallsu b’mod speċifiku. Il-kostituzzjoni ta’ debitu trid tagħti drittijiet indaqs lill-kredituri kollha, u tal-inqas 25 % tas-somma tal-pretensjonijiet, sakemm ma jkunx approvat perċentwal inqas mill-kredituri magħrufin kollha li jkunu koperti mill-kostituzzjoni ta’ debitu, jew jekk ikun hemm raġunijiet partikolari għaliex għandu jiġi aċċettat perċentwal inqas. Id-distribuzzjoni minima stipulata trid titħallas fi żmien sena wara l-approvazzjoni tal-kostituzzjoni ta’ debitu, sakemm il-kredituri magħrufin kollha ma jaċċettawx perjodu ta’ ħlas itwal. Kostituzzjoni ta’ debitu tista’ tipprovdi wkoll li d-debitur jingħata biss iktar żmien għall-ħlasijiet jew remissjoni speċjali oħra.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Il-pretensjonijie kollha koperti minn ristrutturar tad-dejn għandhom drittijiet indaqs. Madankollu, pretensjoni tista’ tingħata drittijiet inqas favorevoli bil-kunsens tal-kreditur inkwistjoni, jew tista’ titħallas qabel pretensjonijiet oħrajn jekk is-somma disponibbli għad-distribuzzjoni tkun żgħira u jkun raġonevoli li jsir hekk fir-rigward tal-iskala tad-djun u ta’ ċirkustanzi oħrajn.

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-pretensjonijiet huma stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tar-ristrutturar tad-dejn.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

Il-pretensjonijiet kollha koperti minn ristrutturar tad-dejn tan-negozju għandhom drittijiet indaqs. Madankollu, pretensjoni tista’ tingħata drittijiet inqas favorevoli bil-kunsens tal-kreditur inkwistjoni, jew tista’ titħallas qabel pretensjonijiet oħrajn jekk is-somma disponibbli għad-distribuzzjoni tkun żgħira u jkun raġonevoli li jsir hekk fir-rigward tal-iskala tad-djun u ta’ ċirkustanzi oħrajn.

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-pretensjonijiet huma stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tar-ristrutturar tad-dejn.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

FALLIMENT

Jekk id-debitur jaqbel li jħallas id-djun tiegħu, jew ikun laħaq ftehim ieħor mal-kredituri (ftehim volontarju, frivillig uppgörelse), il-qorti distrettwali trid tiddeċiedi li twaqqaf il-falliment. F’każijiet ta’ falliment bi prova tad-djun, falliment jista’ jiġi konkluż ukoll b’deċiżjoni li tapprova kostituzzjoni ta’ debitu (ackord i konkurs). F’każijiet oħrajn, il-falliment jiġi konkluż bi tħassir (avskrivning, jekk l-assi ma jkunux biżżejjed sabiex iħallsu għall-ispejjeż tal-falliment u għall-pretensjoni fuq il-patrimonju nnifsu) jew b’distribuzzjoni lill-kredituri.

Falliment ma jeħlisx lil persuna fiżika minn obbligazzjoni li tħallas id-djun tagħha (ir-regoli dwar ir-ristrutturar tad-dejn huma differenti). Għalhekk, id-djun li ma jkunux tħallsu se jibqgħu wara l-falliment (iżda mhux jekk ikunu koperti minn ftehim volontarju jew minn kostituzzjoni ta’ debitu mal-kredituri).

Persuna ġuridika tiġi xolta wara falliment (id-dispożizzjonijiet li jirregolaw dan jistgħu jinstabu fil-leġiżlazzjoni dwar id-dritt li jiġu fformati assoċjazzjonijiet). Dan ifisser li, fil-prinċipju, il-kredituri ma jistgħux jasserixxu xi pretensjonijiet pendenti kontra persuna ġuridika wara l-falliment.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Jekk kostituzzjoni pubblika ta’ debitu tiġi konkluża, din tkun vinkolanti fuq il-kredituri kollha, kemm dawk magħrufin kif ukoll dawk mhux magħrufin, li kienu intitolati jieħdu sehem fin-negozjati tal-kostituzzjoni ta’ debitu. Kreditur li, f’każ ta’ falliment, kien ikun intitolat għal ħlas wara l-kredituri l-oħrajn, jitlef l-intitolament tiegħu għal ħlas mingħand id-debitur, sakemm il-kredituri kollha li kienu intitolati jieħdu sehem fin-negozjati tal-kostituzzjoni ta’ debitu ma ġewx issodisfatti bis-sħiħ mill-kostituzzjoni ta’ debitu. Kreditur bi preferenza fir-rigward ta’ ċerta proprjetà huwa marbut bil-kostituzzjoni ta’ debitu fir-rigward tal-ammonti li ma jistgħux jittieħdu minn dik il-proprjetà.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn teħles lid-debitur minn obbligazzjoni li jħallas id-djun koperti mir-ristrutturar tad-dejn dment li dawn jitnaqqsu. Ir-ristrutturar tad-dejn jeħles lid-debitur ukoll mill-obbligazzjoni li jħallas djun mhux magħrufin fil-każ, sakemm dawn ma jkunux djun li ma jistgħux jiġu koperti mir-ristrutturar tad-dejn.

Ristrutturar tad-dejn tfisser li l-intitolament għal imgħax jew għal pieni fuq l-arretrati fir-rigward ta’ pretensjoni koperta mir-ristrutturar jiskadi fir-rigward tal-perjodu ta’ wara d-data li fiha titħabbar id-deċiżjoni.

Ristrutturar tad-dejn ma għandu ebda impatt fuq id-drittijiet ta’ kreditur b’rabta ma’ garanti jew ma’ xi ħadd ieħor li huwa responsabbli għad-dejn inkwistjoni minbarra d-debitur.

Deċiżjoni li tapprova ristrutturar tad-dejn trid tistabbilixxi pjan ta’ ħlas. Il-pjan ta’ ħlas idum ħames snin sakemm ma jkunx hemm raġunijiet sostanzjali sabiex tiġi stabbilita durata iqsar. Il-pjan ta’ ħlas jibda mid-data tad-deċiżjoni li tapprova r-ristrutturar. Meta tkun qed tiġi stabbilita d-data ta’ skadenza tal-pjan ta’ ħlas, il-perjodu li għalih applikat id-deċiżjoni li tniedi l-proċess normalment irid jitnaqqas mid-durata tal-pjan, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet għat-tnaqqis ta’ perjodu iqsar fid-dawl tal-azzjonijiet tad-debitur wara d-deċiżjoni ta’ tnedija.

Deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tista’ tiġi emendata jew titħassar f’ċerti ċirkustanzi. Fuq it-talba ta’ kreditur li l-pretensjoni tiegħu hija koperta mir-ristrutturar tad-dejn, id-deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tista’ titħassar jew, fil-każijiet imsemmijin fil-punti 6 u 7, tiġi emendata, jekk:

1. id-debitur kien diżonest mal-kreditur;

2. id-debitur xekkel apposta l-proċedura ta’ falliment jew miżura tal-infurzar;

3. id-debitur iffavorixxa b’mod sigriet lil ċertu kreditur sabiex jinfluwenza d-deċiżjoni relatata mar-ristrutturar tad-dejn;

4. id-debitur ippreżenta informazzjoni żbaljata apposta fir-rikors għar-ristrutturar tad-dejn tiegħu jew f’xi waqt ieħor fl-ipproċessar tal-każ, għad-detriment tal-kreditur;

5. id-debitur ippreżenta informazzjoni żbaljata li rriżultat f’deċiżjoni minn awtorità pubblika relatata mat-taxxi jew mad-dmirijiet koperti mir-ristrutturar tad-dejn, jew ma ppreżentax informazzjoni minkejja li kien meħtieġ jagħmel dan u dan wassal sabiex tittieħed deċiżjoni żbaljata jew ma tittieħed ebda deċiżjoni affattu;

6. id-debitur ma jirrispettax il-pjan ta’ ħlas u t-tbegħid minn dan huwa sostanzjali; jew

7. iċ-ċirkustanzi finanzjarji tad-debitur tjiebu b’mod konsiderevoli wara d-deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn, u dan huwa dovut għal ċirkustanzi li ma setgħux jiġu previsti meta ttieħdet id-deċiżjoni.

Fil-każijiet imsemmijin fil-punt 7, ir-rikors irid jiġi ppreżentat fi żmien ħames snin mid-data tad-deċiżjoni ta’ tnedija jew, jekk pjan ta’ ħlas jiskadi iktar tard, sa mhux iktar tard mid-data ta’ skadenza tal-pjan. F’każ li deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tiġi emendata, id-durata tal-pjan ta’ ħlas tista’ tiġi stabbilita għal massimu ta’ seba’ snin.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

Deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju teħles lid-debitur minn obbligazzjoni li jħallas id-djun koperti mir-ristrutturar tad-dejn dment li dawn jitnaqqsu. Ir-ristrutturar jeħles lid-debitur ukoll mill-obbligazzjoni li jħallas djun mhux magħrufin fil-każ, sakemm dawn ma jkunux djun li ma jistgħux jiġu koperti mir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju.

Ristrutturar tad-dejn tan-negozju tfisser li l-intitolament għal imgħax jew għal pieni fuq l-arretrati fir-rigward ta’ pretensjoni koperta mir-ristrutturar jiskadi fir-rigward tal-perjodu ta’ wara d-data li fiha titħabbar id-deċiżjoni.

Ristrutturar tad-dejn ma għandu ebda impatt fuq id-drittijiet ta’ kreditur b’rabta ma’ garanti jew ma’ xi ħadd ieħor li huwa responsabbli għad-dejn inkwistjoni minbarra d-debitur.

Deċiżjoni li tapprova ristrutturar tad-dejn tan-negozju trid tistabbilixxi pjan ta’ ħlas. Il-pjan ta’ ħlas idum tliet snin. Dan jibda mid-data tad-deċiżjoni li tapprova r-ristrutturar.

Deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tista’ tiġi emendata jew titħassar f’ċerti ċirkustanzi. Fuq it-talba ta’ kreditur li l-pretensjoni tiegħu hija koperta mir-ristrutturar tad-dejn, id-deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tista’ titħassar jew, fil-każijiet imsemmijin fil-punti 6 u 7, tiġi emendata, jekk

1. id-debitur kien diżonest mal-kreditur;

2. id-debitur xekkel apposta l-proċedura ta’ falliment jew miżura tal-infurzar;

3. id-debitur iffavorixxa b’mod sigriet lil ċertu kreditur sabiex jinfluwenza d-deċiżjoni relatata mar-ristrutturar tad-dejn;

4. id-debitur ippreżenta informazzjoni żbaljata apposta fir-rikors għar-ristrutturar tad-dejn tiegħu jew f’xi waqt ieħor fl-ipproċessar tal-każ, għad-detriment tal-kreditur;

5. id-debitur ippreżenta informazzjoni żbaljata li rriżultat f’deċiżjoni minn awtorità pubblika relatata mat-taxxi jew mad-dmirijiet koperti mir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju, jew ma ppreżentax informazzjoni minkejja li kien meħtieġ jagħmel dan u dan wassal sabiex tittieħed deċiżjoni żbaljata jew ma tittieħed ebda deċiżjoni affattu;

6. id-debitur ma jirrispettax il-pjan ta’ ħlas u t-tbegħid minn dan huwa sostanzjali; jew

7. iċ-ċirkustanzi finanzjarji tad-debitur tjiebu b’mod konsiderevoli wara d-deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn.

Fil-każijiet imsemmijin fil-punt 7, ir-rikors irid jiġi ppreżentat fi żmien tliet snin mid-data tad-deċiżjoni ta’ tnedija jew, jekk pjan ta’ ħlas jiskadi iktar tard, sa mhux iktar tard mid-data ta’ skadenza tal-pjan. F’każ li deċiżjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju tiġi emendata, id-durata tal-pjan ta’ ħlas tista’ tiġi stabbilita għal massimu ta’ ħames snin.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

FALLIMENT

Kif intqal iktar ’il fuq, il-falliment ma jeħlisx lil persuna fiżika minn obbligazzjoni sabiex iħallas id-djun tiegħu, filwaqt li l-persuni ġuridiċi jiġu xolti wara l-falliment.

Jekk wara l-falliment isiru disponibbli riżorsi ġodda għad-distribuzzjoni, hemm dispożizzjoni għal distribuzzjoni ex post.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Għall-effett ta’ kostituzzjoni pubblika ta’ debitu mal-kredituri, jekk jogħġbok ara iktar ’il fuq. Jekk ma tkunx intlaħqet kostituzzjoni pubblika ta’ debitu u d-debitur ma jkunx laħaq ftehim volontarju jew arranġament ieħor mal-kredituri, il-pretensjonijiet jibqgħu pendenti sakemm titlesta r-riorganizzazzjoni tan-negozju.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

F’ċerti ċirkustanzi, kreditur jista’ jitlob ir-rivalutazzjoni ta’ ristrutturar tad-dejn wara li d-debitur ilesti l-pjan ta’ ħlas. Jekk jogħġbok ara taħt “X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza u l-effetti ta’ dan?”.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

F’ċerti ċirkustanzi, kreditur jista’ jitlob ir-rivalutazzjoni ta’ ristrutturar tad-dejn tan-negozju ladarba d-debitur ilesti l-pjan ta’ ħlas. Jekk jogħġbok ara taħt “X’inhuma l-kundizzjonijiet għall-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza u l-effetti ta’ dan?”.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

FALLIMENT

Ir-remunerazzjoni tal-amministratur u ta’ djun simili oħrajn (l-ispejjeż tal-falliment), u djun oħrajn imġarrbin mill-patrimonju tal-falliment innifsu, iridu jitħallsu mill-patrimonju tal-falliment qabel ma tiġi distribwita xi ħaġa lill-kredituri. Min-naħa tagħhom, l-ispejjeż tal-falliment jieħdu preċedenza fuq il-pretensjonijiet l-oħrajn fuq il-patrimonju nnifsu. Jekk dawn ma jistgħux jitħallsu mill-patrimonju, l-ispejjeż tal-falliment ġeneralment jitħallsu mill-Istat.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

L-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju (u s-superviżur, jekk ikun hemm wieħed) huwa intitolat għal kumpens għal xogħlu u għan-nefqa meħtieġa għall-kompitu. Ir-remunerazzjoni tiegħu ma tistax tkun ogħla minn dak li jista’ jitqies bħala kumpens raġonevoli għall-kompitu. Fuq it-talba tal-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jew tad-debitur, il-qorti se tivvaluta l-intitolament tal-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju għal kumpens. Kreditur li l-pretensjoni tiegħu hija koperta minn kostituzzjoni ta’ debitu jista’ jitlob ukoll valutazzjoni bħal din sakemm tiġi implimentata l-kostituzzjoni ta’ debitu. L-ispejjeż tal-qorti u l-kumpens għall-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju u għas-superviżur iridu jitħallsu mid-debitur.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Matul il-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn, id-debitur normalment jagħmel ħlasijiet lill-Awtorità ta’ Infurzar, li mbagħad tgħaddi l-flus lill-kredituri. L-Awtorità ta’ Infurzar timponi tariffa annwali fuq id-debitur għall-ġestjoni minnha tal-pagamenti tiegħu.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

Matul il-proċess ta’ ristrutturar tad-dejn, id-debitur normalment jagħmel ħlasijiet lill-Awtorità ta’ Infurzar, li mbagħad tgħaddi l-flus lill-kredituri. L-Awtorità ta’ Infurzar timponi tariffa annwali fuq id-debitur għall-ġestjoni minnha tal-pagamenti tiegħu.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

FALLIMENT

Ir-regoli dwar l-irkupru għall-patrimonju tal-falliment (återvinning till konkursbo) huma stabbiliti fl-Att dwar il-Falliment. Id-data ta’ referenza għall-kalkolu tal-perjodi stabbiliti fir-regoli dwar l-irkupru normalment tkun il-ġurnata qabel il-ġurnata tar-rikors għal falliment.

Att jista’ jitreġġa’ lura (går åter) jekk ikun iffavorixxa b’mod inadatt lil ċertu kreditur fuq oħrajn, jew jekk il-kredituri jkunu ġew imċaħħdin mill-proprjetà tad-debitur, jew jekk id-djun tad-debitur żdiedu, u jekk id-debitur kien insolventi jew sar insolventi minħabba l-proċediment waħdu jew bħala riżultat tal-proċediment flimkien ma’ fatturi oħrajn, u l-parti l-oħra kienet taf jew missha kienet taf li d-debitur kien insolventi u x’kienu ċ-ċirkustanzi li rrendew l-att legali inadatt. Il-membri tal-familja tad-debitur huma meqjusin li kellhom l-għarfien imsemmi fl-ewwel sentenza, sakemm ma jkunx hemm evidenza konvinċenti li turi li ma kellhomx u ma setax ikollhom dan l-għarfien. Jekk l-att twettaq iktar minn ħames snin qabel id-data ta’ referenza, dan jista’ jitreġġa’ lura biss jekk kien relatat ma’ wieħed mill-membri tal-familja tad-debitur.

Il-ħlas ta’ dejn iktar tard minn tliet xhur qabel id-data ta’ referenza b’metodu ieħor li ma jkunx metodu ta’ ħlas tas-soltu, jew bil-quddiem, jew ta’ ammont li għarraq b’mod sinifikanti l-istatus finanzjarju tad-debitur, jista’ jitreġġa’ lura sakemm ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat bħala ordinarju fiċ-ċirkustanzi. Jekk il-ħlas sar lil wieħed mill-membri tal-familja tad-debitur qabel dik id-data iżda iktar tard minn sentejn qabel id-data ta’ referenza, dan jista’ jitreġġa’ lura sakemm ma jintweriex li d-debitur ma kienx insolventi u ma sarx insolventi minħabba l-att inkwistjoni.

Hemm regoli speċjali li jirregolaw affarijiet bħal rigali, qsim tad-dar u pagi. Ċerti pagamenti lill-Istat huma eżentati mir-regoli dwar l-irkupru, bħal ħlasijiet tat-taxxa.

L-amministratur jista’ jfittex l-irkupru billi jiftaħ kawża quddiem il-qrati ordinarji jew billi joġġezzjona għad-djun li jintwerew bil-provi matul il-proċedura ta’ falliment. Jekk l-amministratur jagħżel li ma jfittixx l-irkupru, u ma tintlaħaq ebda soluzzjoni amikevoli, kreditur jista’ jfittex l-irkupru billi jiftaħ kawża quddiem il-qrati ordinarji.

Fil-każ ta’ rkupru, il-proprjetà li d-debitur iddispona tingħadda lill-patrimonju tal-falliment.

RIORGANIZZAZZJONI TAN-NEGOZJU

Ladarba titħabbar deċiżjoni dwar ir-riorganizzazzjoni tan-negozju, id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Falliment li jikkonċernaw l-irkupru fil-kuntest ta’ falliment se japplikaw jekk tiġi konkluża kostituzzjoni pubblika ta’ debitu mal-kredituri (jekk jogħġbok ara t-taqsima dwar il-falliment).

F’każ li jitfittex rkupru ta’ dritt ta’ preferenza jew ta’ ħlas miksub permezz ta’ sekwestru, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma tkomplix bil-proċedimenti ta’ infurzar sakemm jiġi nnotifikat mod ieħor.

Tinfetaħ kawża għall-irkupru mill-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jew minn kreditur li l-pretensjoni tiegħu kienet tkun koperta minn kostituzzjoni pubblika ta’ debitu. Il-kawża trid tinfetaħ qabel ma sseħħ il-laqgħa tal-kredituri, u ma tista’ tittieħed ebda deċiżjoni finali dwarha qabel ma tiġi deċiża l-kwistjoni tal-kostituzzjoni pubblika ta’ debitu. Kreditur li jixtieq jiftaħ kawża jeħtieġlu jinnotifika lill-uffiċjal ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju. Jekk dan ma sarx, il-kawża tal-kreditur mhijiex se tinstema’.

F’każ li l-proċess ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju jintemm mingħajr ma tkun għadha ġiet konkluża kostituzzjoni pubblika ta’ debitu, u d-debitur ma jitpoġġix f’falliment wara li jkun sar rikors fi żmien tliet ġimgħat mid-data li fiha ntemmet il-proċedura ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju, ir-rikors għall-irkupru li tkun ġiet ippreżentata jrid jiġi miċħud.

Ladarba jiġu rimborżati l-ispejjeż tal-attur, ir-rikavati tal-irkupru jsiru dovuti lill-kredituri koperti mill-kostituzzjoni pubblika ta’ debitu. Konvenut li bħala riżultat tal-azzjoni tal-attur jista’ jkollu pretensjoni kontra d-debitur jista’ jieħu sehem fin-negozjati tal-kostituzzjoni ta’ debitu fuq il-bażi ta’ dik il-pretensjoni, u għandu d-dritt li jnaqqas l-ammont dovut lilu fid-distribuzzjoni mill-ammont li, kieku, ikollu jħallas.

Fuq it-talba ta’ kreditur kopert minn kostituzzjoni pubblika ta’ debitu jew fuq it-talba tad-debitur, il-qorti li tisma’ l-proċedimenti ta’ rkupru tista’ tordna li l-assi dovuti lill-kreditur skont is-sentenza preċedenti jitpoġġew taħt amministrazzjoni speċjali (särskild förväntning). Kwalunkwe proprjetà mqiegħda taħt amministrazzjoni speċjali bħal din tista’ tiġi sekwestrata biss jekk tkun skadiet il-kostituzzjoni ta’ debitu.

RISTRUTTURAR TAD-DEJN

Ma hemm ebda dispożizzjoni speċjali dwar l-irkupru.

IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU SKONT L-ATT DWAR IR-RISTRUTTURAR TAD-DEJN TAN-NEGOZJU

Ma hemm ebda dispożizzjoni speċjali dwar l-irkupru.

L-aħħar aġġornament: 19/02/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.