Insolvenza/falliment

Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

L-informazzjoni mogħtija hawn ma tkoprix proċedimenti ta’ insolvenza għal persuni fiżiċi li huma konsumaturi aktar milli n-nies tan-negozju. Il-Liġi Nru 151/2015 dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza fir-rigward ta’ persuni fiżiċi (Legea nr. 151/2015 privind procedura insolvenţei persoanelor fizice) għadha ma ġietx applikata — id-dħul fis-seħħ tagħha ġie pospost sal-31 ta Diċembru 2016 — u l-proċeduri ma ġewx notifikati lill-Kummissjoni biex jiġu elenkati fl-annessi għar-Regolament (UE) 2015/848.

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Il-proċeduri li huma stabbiliti fil-Liġi Nru 85/2014 dwar il-proċeduri ta’ prevenzjoni ta’ insolvenza u l-proċedimenti ta’ insolvenza (Legea nr. 85/2014 privind procedurile de prevenire a insolvenţei şi de insolvenţă) japplikaw għall-intraprendituri (profesionişti) kif definit fl-Artikolu 3(2) tal-Kodiċi Ċivili, ħlief għal dawk li jipprattikaw professjoni liberali u dawk li l-insolvenza tagħhom hija rregolata minn regoli speċjali (l-Artikolu 3).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Jekk il-proċedimenti jinfetħu fuq talba ta’ debitur, għandu jkun hemm stat ta’ insolvenza li fih il-fondi disponibbli ma jkunux biżżejjed biex iħallsu djun li jkunu ċerti, likwidi u dovuti, u li jistgħu jammontaw għal inqas minn RON 40 000; jekk il-proċedimenti jinfetħu fuq talba ta’ kreditur, irid ikun hemm stat ta’ insolvenza li fih il-fondi disponibbli ma jkunux biżżejjed biex jissodisfaw pretensjoni li tkun ċerta, likwida u dovuta u li għandha tammonta għal aktar minn RON 40 000 (in-nuqqas li jitħallas id-dejn wara li jkunu għaddew 60 jum mid-data ta’ skadenza).

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Il-ġid tad-debitur jikkonsisti fl-assi u d-drittijiet tal-proprjetà kollha, inklużi dawk akkwistati matul il-proċedimenti ta’ insolvenza, li jistgħu jkunu soġġetti għal irkupru infurzat (executare silită) taħt il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (l-Artikolu 5(5) tal-Liġi Nru 85/2014).

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza, jinħatru amministratur speċjali (administrator special) u prattikant tal-insolvenza (practician în insolvenţă); skont it-tip ta’ proċedimenti, il-prattikant tal-insolvenza jkun jew amministratur maħtur mill-qorti (administrator judiciar) f’riorganizzazzjoni taħt is-superviżjoni tal-qorti, jew likwidatur maħtur mill-qorti (lichidator judiciar) fi stralċ (faliment).

L-amministratur speċjali (administrator special) huwa persuna fiżika jew ġuridika maħtura mill-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti, l-imsieħba jew il-membri tad-debitur, li għandu s-setgħa li jirrappreżenta l-interessi tagħhom fil-proċedimenti u, jekk id-debitur jitħalla jimmaniġġja l-affarijiet tiegħu stess, iwettaq atti amministrattivi meħtieġa minflok id-debitur u f’ismu (l-Artikolu 5(4) tal-Liġi Nru 85/2014).

L-amministratur speċjali għandu d-dmirijiet li ġejjin:

a) jieħu sehem, bħala r-rappreżentant tad-debitur, fil-proċess ta’ azzjonijiet tat-tip imsemmi fl-Artikoli 117-122 jew ta’ azzjonijiet li jirriżultaw minn nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 84;

b) jippreżenta oġġezzjonijiet taħt il-proċedura regolata mil-Liġi;

c) jipproponi pjan ta’ riorganizzazzjoni;

d) wara li jkun ġie kkonfermat pjan, u sakemm id-debitur ma jkunx ġie mċaħħad mid-dritt tiegħu li jimmaniġġja l-affarijiet tiegħu, iwettaq l-affarijiet tad-debitur taħt is-superviżjoni tal-amministratur maħtur mill-qorti;

e) wara li jkunu bdew il-proċedimenti ta’ stralċ, jipparteċipa fit-teħid tal-inventarju u jiffirma r-rekord, jirċievi r-rapport finali u d-dikjarazzjoni finanzjarja, u jieħu sehem fil-laqgħa msejħa għar-riżoluzzjoni ta’ oġġezzjonijiet u l-approvazzjoni tar-rapport;

f) jirċievi notifika dwar l-għeluq tal-proċedimenti.

Jekk id-debitur ikun mċaħħad mid-dritt tiegħu li jimmaniġġja l-affarijiet tiegħu, jiġi rrappreżentat mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti, li jwettaq ukoll in-negozju tiegħu; il-kompitu tal-amministratur speċjali mbagħad ikun limitat biss għar-rappreżentazzjoni tal-interessi tal-azzjonisti, is-sħab tal-membri (l-Artikolu 56 tal-Liġi Nru 85/2014).

Amministratur maħtur mill-Qorti (administrator judiciar)

Amministratur maħtur mill-qorti jista’ jkun persuna fiżika jew persuna ġuridika (inkluż ir-rappreżentant tal-persuna ġuridika), u jrid ikun prattikant tal-insolvenza skont il-liġi. Id-dmirijiet ewlenin tal-amministratur maħtur mill-qorti huma:

a) li jirrevedi s-sitwazzjoni ekonomika tad-debitur u d-dokumenti sottomessi, li jħejji rapport li jipproponi jew il-bidu ta’ proċedimenti ssimplifikati jew il-kontinwazzjoni tal-perjodu ta’ monitoraġġ bħala parti mill-proċedimenti ordinarji, u li jissottometti dak ir-rapport għall-approvazzjoni mill-imħallef delegat (judecător-sindic) fi skadenza stabbilita mill-imħallef, li ma tistax taqbeż l-20 jum mill-ħatra tal-amministratur;

b) li jirrevedi n-negozju tad-debitur u jħejji rapport bir-reqqa li jistabbilixxi l-kawżi u ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-istat ta’ insolvenza, filwaqt li jispeċifika kwalunkwe evidenza jew indikazzjonijiet preliminari potenzjali rigward il-persuni li għalihom dak l-istat jista’ jkun imputabbli u l-preżenza ta’ raġunijiet li għalihom dawn jkunu responsabbli, u jesplora kwalunkwe possibbiltà reali għar-riorganizzazzjoni tan-negozju tad-debitur jew jispjega r-raġunijiet għalfejn ir-riorganizzazzjoni ma tkunx possibbli, u li jdaħħal ir-rapport fil-fajl tal-każ fi skadenza stabbilita mill-imħallef delegat, li ma tistax taqbeż l-40 jum mill-ħatra tal-amministratur;

c) jekk id-debitur ikun naqas milli jissodisfa l-obbligu tiegħu li jipprovdi r-rekords tal-kontabbiltà tiegħu fil-limiti taż-żmien legali, li jħejji dawk ir-rekords, u jekk id-debitur ikun ipprovda r-rekords tal-kontabbiltà, li jiċċekkjahom, jikkoreġihom u jlestihom;

d) li jħejji pjan għar-riorganizzazzjoni tan-negozju tad-debitur, skont il-kontenut tar-rapport imsemmi fil-punt (a);

e) li jissorvelja l-operazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-assi tad-debitur;

f) li jwettaq in-negozju tad-debitur, kollu kemm hu jew parti minnu, fl-aħħar każ li josserva l-ispeċifikazzjonijiet espressi tal-imħallef delegat dwar id-dmirijiet tal-amministratur u dwar il-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ ħlas mill-kont tal-assi tad-debitur;

g) li jlaqqa’, jippresjedi u jipprovdi servizzi segretarjali għal-laqgħat tal-kredituri jew tal-azzjonisti, is-sħab jew il-membri ta’ debitur li jkun persuna ġuridika;

h) li jippreżenta rikorsi għall-annullament ta’ atti jew tranżazzjonijiet frodulenti min-naħa tad-debitur li jitwettqu għad-detriment tad-drittijiet tal-kredituri, u ta’ ċerti trasferimenti ta’ assi, tranżazzjonijiet kummerċjali konklużi mid-debitur u garanziji kuntrattati mid-debitur li x’aktarx jagħmlu ħsara lid-drittijiet tal-kredituri;

i) li jinnotifika lill-imħallef delegat, bħala kwistjoni ta’ urġenza, jekk l-amministratur isib li d-debitur ma jkollu l-ebda assi jew jekk mhumiex biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż legali;

j) li jtemm ċerti kuntratti konklużi mid-debitur;

k) li jivverifika l-pretensjonijiet u, fejn applikabbli, li jagħmel oġġezzjoni għalihom, li jinnotifika lill-kredituri fejn il-pretensjonijiet ma jkunux ġew ammessi jew ġew ammessi b’mod parzjali biss, u li jħejji l-listi ta’ pretensjonijiet;

l) li jirkupra l-pretensjonijiet, li jfittex l-irkupru tal-pretensjonijiet fir-rigward tal-assi tad-debitur jew somom ta’ flus trasferiti mid-debitur qabel ma jkunu bdew il-proċedimenti, u li jippreżenta u jipprosegwixxi l-azzjonijiet li jfittxu l-irkupru ta’ pretensjonijiet miżmuma mid-debitur, li għal dan il-għan jista’ jinvolvi s-servizzi ta’ avukati;

m) li jikkonkludi kompromessi, li jirrilaxxa d-djun, li jirrilaxxa l-garanti, u li jirrinunzja għall-kollateral, soġġett għall-konferma mill-imħallef delegat;

n) li jinforma lill-imħallef delegat bi kwalunkwe kwistjoni li tkun teħtieġ li tiġi ddeterminata minn dan tal-aħħar;

o) li jfassal inventarju tal-assi tad-debitur;

p) li jordna l-evalwazzjoni tal-assi tad-debitur, li għandha timtela sad-data stabbilita għas-sottomissjoni tal-lista finali tal-pretensjonijiet;

q) li jibgħat avviż għall-pubblikazzjoni fil-Bullettin tal-Proċedimenti ta’ Insolvenza (BPI) fir-rigward tad-dħul tar-rapport ta’ evalwazzjoni fil-fajl tal-każ, fi żmien jumejn mid-dħul.

L-imħallef delegat jista’ b’deċiżjoni (încheiere) jagħti lill-amministratur maħtur mill-qorti dmirijiet oħra, minbarra dawk elenkati taħt il-paragrafu 1, ħlief għal dawk li huma bil-liġi fi ħdan il-ġurisdizzjoni esklussiva tal-imħallef.

L-amministratur maħtur mill-qorti għandu jissottometti rapport ta’ kull xahar li jiddeskrivi kif huwa jwettaq id-dmirijiet tiegħu, fejn jiġġustifika n-nefqa mġarrba fl-amministrazzjoni tal-proċedura u kwalunkwe spiża oħra mħallsa mill-assi tad-debitur u, fejn applikabbli, jagħti dettall tal-progress bl-inventarju.

Sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu, l-amministratur maħtur mill-qorti jista’ jinvolvi s-servizzi ta’ professjonisti bħal avukati, kontabilisti, valutaturi jew speċjalisti oħra. L-amministratur maħtur mill-qorti, u kwalunkwe wieħed mill-kredituri, jistgħu jressqu oġġezzjonijiet kontra r-rapporti ta’ valutazzjoni mħejjija fil-każ.

Likwidatur maħtur mill-qorti (lichidator judiciar)

Jekk l-imħallef delegat joħroġ ordni ta’ stralċ, huwa jaħtar likwidatur biex japplikaha. Id-dmirijiet ta’ amministratur maħtur mill-qorti jieqfu fid-data meta l-imħallef delegat jistabbilixxi d-dmirijiet tal-likwidatur. Id-dmirijiet ewlenin tal-likwidatur maħtur mill-qorti huma:

a) li jirrevedi n-negozju tad-debitur li fir-rigward tiegħu tkun infetħet il-proċedura simplifikata, b’referenza għas-sitwazzjoni fattwali, u li jħejji rapport bir-reqqa dwar il-kawżi u ċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għall-insolvenza, filwaqt li jispeċifika għal min jista’ jkun imputabbli l-istat ta’ insolvenza u l-preżenza ta’ raġunijiet li għalihom dawn ikunu responsabbli;

b) li jwettaq in-negozju tad-debitur;

c) li jippreżenta rikorsi għall-annullament ta’ atti u tranżazzjonijiet frodulenti mwettqa mid-debitur għad-detriment tad-drittijiet tal-kredituri, u ta’ ċerti trasferimenti ta’ assi, tranżazzjonijiet kummerċjali konklużi mid-debitur u raġunijiet ta’ preferenza stabbiliti mid-debitur li x’aktarx jagħmlu ħsara lid-drittijiet tal-kredituri;

d) li japplika s-siġilli, li jfassal inventarju tal-assi u li jieħu l-azzjoni xierqa għall-preservazzjoni tagħhom;

e) li jtemm ċerti kuntratti konklużi mid-debitur;

f) li jivverifika l-pretensjonijiet u, fejn applikabbli, li jagħmel oġġezzjoni għalihom, li jinnotifika lill-kredituri fejn il-pretensjonijiet ma jkunux ġew ammessi jew ġew ammessi b’mod parzjali biss, u li jħejji l-listi ta’ pretensjonijiet;

g) li jfittex l-irkupru tal-pretensjonijiet fir-rigward tal-assi tad-debitur li jirriżultaw mit-trasferiment tal-assi jew somom ta’ flus mid-debitur qabel ma jkunu bdew il-proċedimenti, li jirkupra l-pretensjonijiet, u li jippreżenta u jipprosegwi b’azzjonijiet li jfittxu l-irkupru ta’ pretensjonijiet miżmuma mid-debitur, li għal dan il-għan huwa jista’ jinvolvi s-servizzi ta’ avukati;

h) li jirċievi ħlas f’isem id-debitur u li jdaħħlu fil-kont tal-assi tad-debitur;

i) li jbigħ l-assi miżmuma mid-debitur skont din il-liġi;

j) soġġett għall-konferma mill-imħallef delegat, li jikkonkludi kompromessi, li jirrilaxxa d-djun, li jirrilaxxa l-garanti, u li jirrinunzja għall-kollateral;

k) li jinforma lill-imħallef delegat bi kwalunkwe kwistjoni li tkun teħtieġ li tiġi ddeterminata minn dan tal-aħħar;

l) li jwettaq dmirijiet oħra imposti fuqu b’deċiżjoni tal-imħallef delegat.

Fil-proċedura għal arranġament mal-kredituri (concordat preventiv), id-debitur jieħu sehem fil-proċedura permezz tar-rappreżentanti legali jew mifthiema tiegħu.

Id-dmirijiet tal-amministratur ta’ arranġament mal-kredituri (administrator concordatar) huma:

a) li jħejji l-lista tal-kredituri, inklużi l-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ġew ikkontestati jew ikunu għadhom pendenti, u l-lista tal-kredituri li jkunu ffirmaw l-arranġament; fejn kreditur ikollu pretensjoni kontra d-debituri responsabbli b’mod konġunt u separatament taħt il-proċedura għall-arranġament mal-kredituri, dak il-kreditur għandu jiddaħħal fil-lista tal-kredituri bil-valur nominali tal-pretensjoni miżmuma sakemm tkun ġiet kompletament koperta;

b) li jħejji, flimkien mad-debitur, l-arranġament propost u l-komponenti tiegħu jew l-abbozz tal-pjan ta’ arranġament u rkupru;

c) li jieħu azzjoni sabiex isolvi amikevolment kwalunkwe tilwima bejn id-debitur u l-kredituri jew bejn il-kredituri;

d) li japplika quddiem l-imħallef delegat għall-approvazzjoni tal-arranġament;

e) li jissorvelja t-twettiq tal-obbligi assunti mid-debitur fl-arranġament;

f) li jinforma, bħala kwistjoni ta’ urġenza, lill-laqgħa tal-kredituri li huma parti għall-arranġament dwar kwalunkwe nuqqas min-naħa tad-debitur li jissodisfa jew b’mod xieraq biex jissodisfa l-obbligi tiegħu;

g) li jħejji u li jibgħat rapporti ta’ kull xahar jew ta’ kull tliet xhur lil-laqgħa tal-kredituri li huma parti għall-arranġament fuq ix-xogħol tal-amministratur tal-arranġament u n-negozju tad-debitur; ir-rapport mill-amministratur tal-arranġament jenħtieġ li jinkludi wkoll l-opinjoni tal-amministratur dwar il-preżenza jew in-nuqqas ta’ raġunijiet għat-terminazzjoni bikrija tal-arranġament;

h) li jsejjaħ il-laqgħa tal-kredituri li huma parti għall-arranġament;

i) li japplika quddiem il-qorti għall-għeluq tal-proċedura għal arranġament mal-kredituri;

j) li jwettaq kwalunkwe dmir ieħor msemmi f’dan il-kapitolu stipulat fl-arranġament mal-kredituri jew impost mill-imħallef delegat (l-Artikolu 19 tal-Liġi Nru 85/2014).

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija ?

Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza ma jaffettwa l-ebda dritt tal-kreditur li jinvoka tpaċija għal pretensjoni miżmuma mid-debitur fil-konfront ta’ dak il-kreditur jekk ir-rekwiżiti stabbiliti bil-liġi għat-tpaċija legali jiġu ssodisfati dakinhar tal-ftuħ tal-proċedimenti. It-tpaċija tista’ tiġi rreġistrata wkoll mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Il-kuntratti li jkunu għadhom għaddejjin jibqgħu fis-seħħ meta jinfetħu l-proċedimenti. Kwalunkwe klawsola f’kuntratt li tipprevedi t-terminazzjoni, iċ-ċaħda tal-benefiċċju tat-terminu naturali tal-kuntratt, jew il-pagabilità bikrija, fuq il-bażi tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, tkun nulla u bla effett. Ir-regola li l-kuntratti li jkunu għadhom għaddejjin jibqgħu fis-seħħ, u li l-klawsoli għat-terminazzjoni jew it-tressiq tal-obbligi jkunu nulli u bla effett, mhijiex applikabbli għal kuntratti finanzjarji kwalifikati jew għal tranżazzjonijiet ta’ nettjar bilaterali taħt kuntratt finanzjarju kwalifikat jew għal ftehim ta’ nettjar bilaterali.

Sabiex jiġi mmassimizzat il-valur tal-assi tad-debitur f’perjodu ta’ limitazzjoni ta’ tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti, l-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti jista’ jtemm kwalunkwe kuntratt, kirjiet li jkunu għadhom ma skadewx, u kwalunkwe kuntratt ieħor fit-tul sakemm dawn il-kuntratti ma jkunux twettqu bis-sħiħ jew sa ċertu punt mill-partijiet kollha involuti. Meta kuntratt jiġi mitmum hekk, il-parti l-oħra tista’ tippreżenta pretensjoni għal kumpens kontra d-debitur.

Meta fi żmien l-ewwel tliet xhur wara l-ftuħ tal-proċedimenti, kuntrattur jibgħat notifika fejn titlob lill-amministratur jew lil-likwidatur maħtur mill-qorti biex itemm il-kuntratt, li l-amministratur jew likwidatur għandu jirrispondi fi żmien 30 jum minn meta jirċiviha, u fin-nuqqas ta’ dan, il-kuntratt jitqies mitmum u l-amministratur jew il-likwidatur ma jkunx jista’ jibqa’ jirrikjedi l-eżekuzzjoni.

Il-liġi tirregola wkoll l-istatus ta’ ċerti kuntratti partikolari, bħal dawk dwar il-provvista ta’ utilitajiet, lokazzjonijiet jew li jirregolaw ftehimiet ta’ nettjar.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni biex jiġi approvat l-arranġament mal-kredituri, l-azzjonijiet individwali ppreżentati minn kredituri firmatarji kontra d-debituri, u l-perjodu ta’ limitazzjoni għad-dritt li japplikaw għall-infurzar tal-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur, jiġu awtomatikament sospiżi.

Ma jkun hemm l-ebda sospensjoni ta’ rati ta’ imgħax, pieni u kwalunkwe spejjeż oħra magħmula fir-rigward ta’ kredituri firmatarji, ħlief meta jkunu esprimew il-kunsens tagħhom bil-miktub għall-kuntrarju, fejn dan il-kunsens ikun indikat fl-abbozz tal-arranġament mal-kredituri.

Fl-ordni li tapprova l-arranġament mal-kredituri, l-imħallef delegat jissospendi l-proċedimenti kollha ta’ rkupru sfurzat.

Fuq talba tal-amministratur tal-arranġament, sakemm id-debitur ikun ta garanziji lill-kredituri, l-imħallef delegat jista’ jimponi fuq kredituri li mhumiex firmatarji għall-arranġament, perjodu ta’ differiment tal-iskadenza tal-pretensjoni tagħhom ta’ mhux aktar minn 18-il xahar. F’dan il-perjodu, ma jiġġarrbu l-ebda rati ta’ imgħax, pieni jew spejjeż oħra li jappartjenu għall-pretensjoni. Ir-regola dwar id-differiment tal-iskadenza tal-pretensjoni mhijiex applikabbli għal kuntratti finanzjarji kwalifikati u tranżazzjonijiet ta’ nettjar bilaterali taħt kuntratt finanzjarju kwalifikat jew ftehim ta’ nettjar bilaterali.

L-arranġament mal-kredituri jkun effettiva fil-konfront ta’ kredituri tal-baġit pubbliku (creditori bugetari) soġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet legali dwar l-għajnuna mill-Istat fil-liġi domestika u Ewropea.

Matul arranġament approvat mal-kredituri, ma jistgħux jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza kontra d-debitur.

Kull kreditur li jikseb titolu infurzabbli kontra d-debitur matul il-proċediment, jista’ japplika biex jingħaqad fl-arranġament, jew jista’ jirkupra l-pretensjoni tiegħu b’kull mezz ieħor stipulat mil-liġi.

L-azzjonijiet kollha tal-qorti u barra mill-qorti, u kwalunkwe miżura għall-irkupru sfurzat ta’ pretensjonijiet kontra l-assi tad-debitur, jiġu awtomatikament sospiżi mill-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza. Id-drittijiet tagħhom jistgħu jiġu eżerċitati biss fi ħdan il-proċedimenti ta’ insolvenza, billi japplikaw għall-ammissjoni tal-pretensjoni tagħhom. Il-ftuħ tal-proċedura jissospendi kwalunkwe perjodu ta’ limitazzjoni biex jiġu ppreżentati l-azzjonijiet.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

L-azzjonijiet kollha tal-qorti u barra mill-qorti, u kwalunkwe miżura għall-irkupru sfurzat ta’ pretensjonijiet kontra l-assi tad-debitur, jiġu awtomatikament sospiżi mill-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

Dawn li ġejjin mhumiex soġġetti għal sospensjoni:

a) appelli ppreżentati mid-debitur kontra azzjonijiet mibdija minn kreditur jew kredituri qabel il-ftuħ tal-proċedimenti, u kawżi ċivili magħquda ma’ prosekuzzjonijiet kriminali (acţiunile civile din procesele penale) kontra d-debitur;

b) azzjonijiet tal-qorti ppreżentati kontra l-kodebituri u / jew garanti minn partijiet terzi;

c) proċedimenti barra mill-qorti pendenti quddiem kummissjonijiet sportivi fi ħdan federazzjonijiet sportivi li joperaw taħt il-Liġi Nru 69/2000 dwar l-edukazzjoni fiżika u l-isport (Legea educaţiei fizice şi sportului nr. 69/2000), kif sussegwentement emendata u supplimentata, dwar l-irtirar unilaterali ta’ plejers minn kuntratti ta’ impjieg individwali jew ftehim ċivili u pieni sportivi applikabbli għal sitwazzjonijiet bħal dawn, u kwalunkwe tilwimiet oħra dwar id-dritt tal-plejers li jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet.

Għandu jiġi nnutat li din is-sospensjoni tal-azzjonijiet tapplika biss għal kawżi li jinvolvu pretensjonijiet kontra l-assi tad-debitur, u mhux għal dawk li jirrigwardaw drittijiet u obbligi mhux patrimonjali, li jkomplu fil-qorti invokata.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Issir laqgħa tal-kredituri kollha tad-debitur insolventi.

Il-laqgħa tal-kredituri (adunarea creditorilor) tissejjaħ u tiġi ppreseduta mill-amministratur jew il-likwidatur maħtur mill-qorti. Il-kredituri magħrufa jissejħu mill-amministratur jew likwidatur fil-każijiet espressament stipulati mil-liġi kull meta jkun meħtieġ.

Il-kredituri jitlaqqgħu b’avviż ippubblikat fil-Bullettin tal-Proċedimenti ta’ Insolvenza mill-inqas ħamest ijiem qabel il-laqgħa li għandu jkun fih l-aġenda tal-laqgħa. Il-kredituri jistgħu jkunu rappreżentati fil-laqgħa minn aġenti li jkollhom prokura speċifika u awtentika jew, għal kredituri tal-baġit pubbliku u persuni ġuridiċi oħra, att delegat iffirmat mill-kap ta’ unità. Ħlief meta espressament ipprojbit bil-liġi, il-kredituri jistgħu wkoll jivvutaw permezz ta’ korrispondenza.

Ħlief meta l-liġi tkun tirrekjedi maġġoranza speċjali, il-laqgħa tal-kredituri tista’ taġixxi b’mod validu sakemm għaliha jattendu d-detenturi ta’ pretensjonijiet li jammontaw għal mill-inqas 30 % tal-valur totali tal-pretensjonijiet bid-dritt tal-vot fir-rigward tal-assi tad-debitur, u d-deċiżjonijiet tal-laqgħa jiġu adottati b’vot favorevoli espressament mitfugħ mill-maġġoranza, skont il-valur tal-pretensjoni, tad-detenturi tal-pretensjoni preżenti bid-dritt tal-vot. Vot soġġett għal kundizzjonijiet jitqies bħala vot negattiv. Il-kredituri li jitfgħu l-voti validi permezz ta’ korrispondenza wkoll jitqiesu li jkunu preżenti.

Wara li titlaqqa’ l-ewwel laqgħa, l-imħallef delegat u mbagħad il-kredituri jistgħu jaħtru kumitat li jkun magħmul, skont in-numru ta’ kredituri, minn tlieta jew ħames kredituri minn fost dawk bid-dritt li jivvutaw, bi pretensjonijiet ta’ preferenza, pretensjonijiet baġitarji u pretensjonijiet mhux garantiti skont l-ordni tal-valur. Il-kumitat tal-kredituri (comitetul creditorilor) ikollu t-termini ta’ referenza li ġejjin:

a) li jirrevedi s-sitwazzjoni tad-debitur u li joħroġ rakkomandazzjonijiet għal-laqgħa tal-kredituri fir-rigward tal-kontinwazzjoni tan-negozju tad-debitur u l-pjanijiet ta’ riorganizzazzjoni proposti;

b) li jinnegozja t-termini tal-ħatra mal-amministratur jew likwidatur li l-kredituri jkunu jixtiequ jaraw maħtura mill-qorti;

c) li jieħu nota tar-rapporti mħejjija mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti, li jirrevedihom u, fejn applikabbli, li jippreżenta oġġezzjonijiet dwarhom;

d) li jħejji rapporti li għandhom jiġu ppreżentati fil-laqgħa tal-kredituri fir-rigward tal-miżuri meħuda mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti u l-effetti tagħhom, u li jipproponu miżuri oħra, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għal dan;

e) li jitlob it-tneħħija tad-dritt tad-debitur li jimmaniġġja l-affarijiet tiegħu;

f) li jippreżenta rikorsi legali għall-annullament ta’ ċerti atti jew tranżazzjonijiet frodulenti mwettqa mid-debitur għad-detriment tal-kredituri meta dawn ir-rikorsi legali ma jkunux ġew imressqa mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Skont is-sitwazzjoni speċifika tad-debitur u jekk id-debitur ikunx imċaħħad mid-dritt tiegħu li jimmaniġġja l-affarijiet tiegħu jew le, il-prattikant tal-insolvenza jkollu d-dmirijiet li ġejjin.

Amministratur maħtur mill-qorti jissorvelja l-operazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-assi tad-debitur. Huwa jmexxi n-negozju tad-debitur, kollu jew parti minnu, f’dan l-aħħar każ billi josserva l-ispeċifikazzjonijiet espressi tal-imħallef delegat dwar id-dmirijiet tal-amministratur u dwar il-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ ħlas mill-kont tal-assi tad-debitur.

Huwa jirkupra l-pretensjonijiet, jikkonkludi l-kompromessi, ifassal l-inventarju, u jbigħ l-assi li jappartjenu lid-debitur.

Id-debitur jista’ juża l-assi biss fejn ikun żamm id-dritt tiegħu li jimmaniġġja l-affarijiet tiegħu u fil-limiti tan-negozju attwali tiegħu; dan jiġi ssorveljat u kkontrollat mill-amministratur maħtur mill-qorti.

Wara li jkunu bdew proċedimenti ta’ stralċ, likwidatur maħtur mill-qorti jimmaniġġja n-negozju tad-debitur, itemm il-kuntratti, jirkupra l-pretensjonijiet, ibigħ l-assi, jikkonkludi l-kompromessi, jirċievi ħlasijiet f’isem id-debitur eċċ. Fl-istralċ, il-likwidatur maħtur mill-qorti biss jista’ jiddisponi mill-assi tad-debitur.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Il-kredituri kollha li l-pretensjonijiet tagħhom jkunu datati qabel il-ftuħ tal-proċedimenti, bl-eċċezzjoni ta’ impjegati, li l-pretensjonijiet tagħhom jkunu rreġistrati mill-amministratur maħtur mill-qorti fuq il-bażi tar-rekords tal-kontabbiltà, għandhom jissottomettu applikazzjoni għall-ammissjoni tal-pretensjonijiet tagħhom fi skadenza stabbilita fl-ordni li tiftaħ il-proċedimenti, u li jinkludu d-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa. Il-pretensjonijiet kollha sottomessi għall-ammissjoni u r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-qorti jiġu preżunti bħala validi u eżatti jekk ma jiġux ikkontestati mid-debitur, mill-amministratur maħtur mill-qorti jew mill-kredituri. Il-pretensjonijiet inklużi fil-lista ta’ pretensjonijiet jitħallsu bħala parti mill-proċedimenti ta’ insolvenza fl-ordni ta’ distribuzzjoni stabbilita bil-liġi.

Il-pretensjonijiet li jiġu ppreżentati wara l-ftuħ tal-proċedimenti, fil-perjodu ta’ osservazzjoni jew fil-kors ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarji, jitħallsu skont id-dokumenti li jissostanzjawhom u m’għandhomx għalfejn jiġu inklużi fil-patrimonju tal-insolvenza. Din ir-regola tapplika wkoll għal pretensjonijiet li joħorġu wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Ħlief għall-impjegati, li l-pretensjonijiet tagħhom jkunu rreġistrati mill-amministratur maħtur mill-qorti fuq il-bażi tar-rekords tal-kontabbiltà, il-kredituri kollha li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu datati qabel il-ftuħ tal-proċedimenti għandhom jippreżentaw applikazzjoni għall-ammissjoni tal-pretensjonijiet tagħhom fi skadenza stabbilita fl-ordni li tiftaħ il-proċedimenti. L-applikazzjoni trid tinkludi l-isem tal-kreditur u l-indirizz tad-dar jew l-uffiċċju rreġistrat, l-ammont dovut, ir-raġunijiet tal-pretensjoni u dettalji ta’ kwalunkwe raġuni potenzjali għal klassifikazzjoni preferenzjali. Id-dokumenti li jappoġġaw il-pretensjoni u kwalunkwe raġuni għal klassifikazzjoni preferenzjali għandhom jiġu mehmuża mal-applikazzjoni mhux aktar tard mill-iskadenza stabbilita għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni nnifisha.

L-applikazzjoni għall-ammissjoni ta’ pretensjoni trid tiġi ppreżentata anki jekk il-pretensjoni ma tintweriex minn titolu infurzabbli. Il-pretensjonijiet li fid-data tal-ftuħ tal-proċedimenti jkunu għadhom mhumiex dovuti jew li jkunu soġġetti għall-kundizzjonijiet jiġu ammessi għall-inklużjoni fil-proprjetà tal-insolvenza.

Fejn issir applikazzjoni għall-ammissjoni ta’ pretensjoni li tkun qed titressaq minn parti leża f’kawża ċivili magħquda ma’ prosekuzzjoni kriminali, il-pretensjoni tiġi rreġistrata, soġġetta għal sospensjoni sakemm ikun hemm riżoluzzjoni finali tar-rikors favur il-parti leża.

Il-pretensjonijiet li jikkwalifikaw għal trattament preferenzjali jiġu inklużi fil-lista finali sal-valur tas-suq tal-garanzija, li tiġi stabbilita permezz ta’ valutazzjoni ordnata mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti u mwettqa minn stimatur (evaluator).

Il-pretensjonijiet kollha se jkunu suġġetti għall-proċedura ta’ verifika, ħlief għal pretensjonijiet aċċertati f’sentenzi infurzabbli u għotjiet ta’ arbitraġġ infurzabbli; il-proċedura ma tkopri lanqas pretensjonijiet tal-baġit pubbliku li jirriżultaw minn titolu infurzabbli li ma jkunx ġie kkontestat fl-iskadenzi stabbiliti mil-liġijiet speċifiċi.

L-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti jħejji lista preliminari ta’ pretensjonijiet, li tista’ tiġi kkontestata quddiem l-imħallef delegat minn kwalunkwe parti interessata, debitur jew kreditur. Ħlief meta l-ftuħ tal-proċedimenti jkun ġie nnotifikat bi ksur tar-regoli tat-taħrik u l-avviż tal-atti proċedurali, id-detentur ta’ pretensjoni li tiġi ppreżentata qabel il-ftuħ tal-proċedimenti li jonqos milli jissottometti applikazzjoni għall-ammissjoni tal-pretensjoni sal-limitu ta’ żmien stabbilit (il-limitu ta’ żmien jiġi indikat fl-avviż u mhux aktar minn 45 jum mill-ftuħ tal-proċedimenti) jitlef id-dritt li jiġi inklużi fil-lista tal-kredituri u ma jakkwistax il-pożizzjoni ta’ kreditur intitolat li jieħu sehem fil- proċedimenti fir-rigward ta’ dik il-pretensjoni. Il-kreditur ma jkunx intitolat li jinforza l-pretensjoni kontra d-debitur, jew kontra kwalunkwe membru jew sieħeb f’entità legali li jkollha responsabbiltà illimitata, wara li l-proċedimenti jkunu ngħalqu, ħlief jekk id-debitur ikun ħati ta’ falliment kriminali (bancrută simplă) jew falliment frodulenti (bancrută frauduloasă) jew ikun miżmum responsabbli għal ħlas jew trasferimenti frodulenti. It-telf tal-intitolament ikun aċċertat mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti, li ma jdaħħalx il-kreditur fil-lista tal-kredituri.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Il-fondi miksuba mill-bejgħ tal-assi u d-drittijiet mid-dejn tad-debitur li jkunu garantiti favur il-kreditur fuq bażi preferenzjali jiġu distribwiti fl-ordni li ġejja:

  1. tariffi, taxxi tal-boll u kwalunkwe nefqa oħra li tirriżulta mill-bejgħ tal-assi kkonċernati, inklużi spejjeż meħtieġa għall-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ dawk l-assi, spejjeż imġarrba mill-kreditur taħt il-proċedura ta’ rkupru sfurzat, pretensjonijiet ta’ fornituri ta’ utilitajiet li jiġu ppreżentati wara l-ftuħ tal-proċedura, u remunerazzjoni dovuta lil persuni impjegati fl-interess komuni tal-kredituri kollha fid-data tad-distribuzzjoni, li jitħallsu fuq bażi pro rata fi proporzjon mal-valur tal-assi kollha tad-debitur;
  2. pretensjonijiet ta’ kredituri li jgawdu preferenza li jiġu ppreżentati matul il-proċedimenti ta’ insolvenza; dawn il-pretensjonijiet jinkludu kapital, imgħax u anċillari oħra, fejn applikabbli;
  3. pretensjonijiet ta’ kredituri li jgawdu preferenza, inkluż il-kapital kollu, imgħax, u żidiet u pieni ta’ kull tip.

Jekk is-somom imwettqa mill-bejgħ ta’ dawn l-assi ma jkunux biżżejjed għall-ħlas sħiħ tal-pretensjonijiet ikkonċernati, il-kredituri jkollhom pretensjoni tal-baġit mhux garantita jew pubblika, skont il-każ, għad-differenza, li tiġi kklassifikata mal-pretensjonijiet l-oħra fil-kategorija xierqa. Jekk, wara l-ħlas tas-somom imsemmija qabel, jibqa’ bilanċ favorevoli, dan jiġi ddepożitat minn likwidatur maħtur mill-qorti fil-kont tal-patrimonju tad-debitur: Il-pretensjonijiet fi stralċ jitħallsu fl-ordni li ġejja:

1. tariffi, taxxi tal-boll u kwalunkwe nefqa oħra li tirriżulta minn proċedimenti taħt l-istess titolu tal-Liġi, inklużi spejjeż meħtieġa għall-konservazzjoni u l-amministrazzjoni tal-assi tad-debitur, għat-tkomplija tan-negozju, u għall-ħlas tar-remunerazzjoni tal-persuni impjegati għall-finijiet tal-proċedimenti;

2. pretensjonijiet li jirriżultaw minn finanzjament mogħti matul il-proċedimenti;

3. pretensjonijiet li jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ impjieg;

4. pretensjonijiet li jirriżultaw mill-kontinwazzjoni tan-negozju tad-debitur wara l-ftuħ ta’ proċedimenti, pretensjonijiet dovuti lil kokuntratturi u lil akkwirenti terzi bona fide jew sottoakkwirenti li jirritornaw l-assi tagħhom jew il-valur tagħhom lill-patrimonju tad-debitur;

5. pretensjonijiet tal-baġit pubbliku;

6. pretensjonijiet għal somom dovuti minn debitur lil partijiet terzi fuq il-bażi ta’ obbligi ta’ manteniment, benefiċċji għal tfal minuri jew il-ħlas ta’ somom regolari bħala mezz ta’ sussistenza;

7. pretensjonijiet għal somom determinati mill-imħallef delegat biex isostnu lid-debitur u lill-familja tiegħu, jekk id-debitur ikun persuna fiżika;

8. pretensjonijiet li jirriżultaw minn self bankarju, bl-ispejjeż u l-imgħax relatati, pretensjonijiet li jirriżultaw minn provvisti ta’ oġġetti, provvista ta’ servizzi jew xogħol ieħor, pretensjonijiet minn kirjiet, u pretensjonijiet relatati ma’ lokazzjonijiet, inklużi bonds;

9. pretensjonijiet oħra mhux garantiti;

10. pretensjonijiet subordinati, fl-ordni ta’ preferenza li ġejja:

a) pretensjonijiet li jirriżultaw mill-assi ta’ partijiet terzi li jkunu akkwistaw oġġetti mid-debitur b’mala fede, pretensjonijiet ta’ sottoakkwirenti b’mala fede wara l-ammissjoni ta’ rikorsi għall-annullament, u self mogħti lil debitur li jkun persuna ġuridika minn soċju jew azzjonist li jkollu mill-inqas 10 % tal-kapital azzjonarju jew tad-drittijiet tal-vot fil-laqgħa ġenerali jew, fejn applikabbli , minn membru ta’ grupp ta’ interess ekonomiku (grupu de interes economic);

b) pretensjonijiet li jirriżultaw minn atti gratwiti.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

Jekk il-proċedura għal arranġament mal-kredituri tkun tlestiet b’suċċess fi jew sal-limitu ta’ żmien stabbilit fil-kuntratt, l-imħallef delegat jieħu deċiżjoni li jirreġistra l-kisba tal-oġġetti tal-arranġament. Il-bidliet fil-pretensjonijiet stabbiliti fl-arranġament mal-kredituri mbagħad isiru finali (l-Artikolu 36 tal-Liġi Nru 85/2014).

Il-proċedimenti għar-riorganizzazzjoni bil-kontinwazzjoni tan-negozju jew għal-likwidazzjoni ippjanata (lichidare pe bază de plan) jingħalqu b’sentenza mogħtija fuq il-bażi ta’ rapport imfassal mill-amministratur maħtur mill-qorti li jsib illi jkunu ġew issodisfati l-obbligi tal-ħlas kollha mwettqa fil-pjan ikkonfermat u li jkunu tħallsu l-pretensjonijiet kollha li għadhom dovuti. Jekk il-proċedimenti miftuħa bil-ħsieb ta’ riorganizzazzjoni mbagħad jinbidlu fi proċedimenti ta’ stralċ, dawn jingħalqu skont ir-regoli dwar il-proċedimenti ta’ stralċ. Mid-data tal-konferma tal-pjan għar-riorganizzazzjoni taħt is-superviżjoni tal-qorti, u għat-tul tar-riorganizzazzjoni, id-debitur jiġi rilaxxat mid-differenza bejn il-valur tal-obbligazzjonijiet li kellu qabel il-konferma tal-pjan u l-valur indikat fil-pjan.

Il-proċedimenti ta’ stralċ jingħalqu meta l-imħallef delegat ikun approva r-rapport finali, meta l-fondi u l-assi kollha mill-patrimonju tad-debitur ikunu ġew distribwiti u meta l-fondi mhux mitluba jkunu ġew depożitati mal-bank. Wara l-għeluq tal-proċedimenti, issir ordni biex jitneħħa d-debitur mir-reġistri fejn ikun imniżżel.

Bis-saħħa tal-għeluq tal-proċedimenti, l-imħallef delegat, l-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti u l-persuni kollha li jkunu għenuhom jiġu rilaxxati minn kwalunkwe dmirijiet jew obbligazzjonijiet relatati mal-proċedimenti, id-debitur u l-patrimonju tad-debitur, kredituri, detenturi ta’ drittijiet ta’ preferenza, azzjonisti jew sħab.

Bis-saħħa tal-għeluq tal-proċedimenti ta’ stralċ, debitur li jkun persuna fiżika (li jinvolvi ruħu f’attivitajiet ekonomiċi) jiġi rilaxxat mill-obbligazzjonijiet tiegħu qabel l-istralċ, sakemm ma jkunx ġie kkundannat għal falliment frodulenti jew li jkun għamel ħlas jew trasferimenti frodulenti; f’tali sitwazzjonijiet, huwa jiġi rilaxxat mill-obbligazzjonjiet jekk ikunu ġew issodisfati bħala parti mill-proċedimenti biss.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ kwalunkwe tip, il-kredituri ma jistgħux ifittxu lid-debitur għal pretensjonijiet li jkunu ġew ippreżentati qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

Il-kredituri xorta jistgħu jipproċedu għall-valur kollu tal-pretensjonijiet kontra l-kodebituri u l-garanti tad-debitur.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

L-ispejjeż kollha li jirriżultaw minn proċedimenti stabbiliti legalment, inklużi dawk relatati ma’ avviż, stediniet u komunikazzjoni ta’ dokumenti proċedurali mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti, għandhom jitħallsu mill-patrimonju tad-debitur (l-Artikolu 39 tal-Liġi Nru 85/2014). Jekk ir-riżorsi finanzjarji tad-debitur ma jkunux biżżejjed, issir sejħa fuq il-fond ta’ likwidazzjoni (fondul de lichidare).

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

L-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti jista’ jippreżenta rikorsi għall-annullament ta’ atti u tranżazzjonijiet frodulenti mwettqa mid-debitur għad-detriment tad-drittijiet tal-kredituri fis-sentejn qabel il-ftuħ tal-proċedimenti.

L-atti jew trażsazzjonijiet li ġejjin imwettqa mid-debitur jistgħu jiġu annullati sabiex jiġu rritornati l-assi ttrasferiti jew il-valur ta’ benefiċċji oħra pprovduti:

a) atti ta’ trasferiment mingħajr korrispettiv imwettqa fis-sentejn qabel il-ftuħ tal-proċedimenti; l-isponsorizzazzjonijiet għal skopijiet umanitarji huma eżenti minn hawn;

b) tranżazzjonijiet fejn dak li jingħata mid-debitur ikun b’mod ċar akbar minn dak li jkun wasal, imwettqa fis-sitt xhur qabel il-ftuħ tal-proċedimenti;

c) atti mwettqa fis-sentejn qabel il-ftuħ tal-proċedimenti bl-intenzjoni min-naħat kollha li jipprevjenu li l-assi jiġu segwiti mill-kredituri, jew li jagħmlu ħsara għad-drittijiet tagħhom b’xi mod ieħor;

d) atti ta’ trasferiment ta’ sjieda lil kreditur għal jew lejn is-sodisfazzjon ta’ dejn minn qabel, imwettqa fis-sitt xhur qabel il-ftuħ tal-proċedimenti, jekk l-ammont li l-kreditur ikun jista’ jikseb fil-każ ta’ stralċ tad-debitur ikun taħt il-valur tal-att ta’ trasferiment tas-sjieda;

e) l-istabbiliment ta’ dritt ta’ preferenza fir-rigward ta’ pretensjoni mhux garantita fis-sitt xhur qabel il-ftuħ tal-proċedimenti;

f) ħlas bil-quddiem ta’ djun li jkunu saru fis-sitt xhur qabel il-ftuħ tal-proċedimenti, jekk l-iskadenza kellha tkun data wara l-ftuħ tal-proċedimenti;

g) atti ta’ trasferiment jew assunzjoni ta’ obbligi mwettqa mid-debitur fis-sentejn qabel il-ftuħ tal-proċedimenti bl-intenzjoni li jaħbi jew li jdewwem l-istat ta’ insolvenza jew li jiffroda lill-kreditur.

L-atti jew it-transazzjonijiet li ġejjin jistgħu jiġu annullati wkoll, u l-benefiċċji rkuprati, jekk ikunu ġew konklużi fis-sentejn ta’ qabel il-ftuħ tal-proċedimenti mal-persuni f’relazzjonijiet legali mad-debitur:

a) dawk konklużi ma’ sieħeb limitat (asociat comanditat) jew ma’ sieħeb li jkollu mill-inqas 20 % tal-kapital tas-sħubija jew tad-drittijiet tal-vot fil-laqgħa ġenerali tas-sħab, jekk id-debitur ikun dik is-sħubija limitata (societate în comandită) jew kumpanija agrikola (societate agricolă) f’forma ta’ sħubija (în nume colectiv) jew b’responsabbiltà limitata (cu răspundere limitată).

b) dawk konklużi ma’ membru jew direttur, jekk id-debitur ikun grupp ta’ interess ekonomiku;

c) dawk konklużi ma’ azzjonist li jkollu mill-inqas 20 % tal-ishma fid-debitur jew tad-drittijiet tal-vot fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti fejn id-debitur ikun kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata;

d) dawk konklużi ma’ direttur, maniġer jew membru tal-korpi superviżorji tad-debitur, fejn id-debitur ikun kooperattiva, kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata jew kumpanija agrikola;

e) dawk konklużi ma’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha pożizzjoni ta’ kontroll fuq id-debitur jew in-negozju tiegħu;

f) dawk konklużi ma’ koproprjetarju jew ma’ parti li jkollha sjieda komuni ta’ assi komuni;

g) dawk konklużi mal-konjuġi, qraba mid-demm jew qraba bi żwieġ, sa u inkluż ir-raba’ grad ta’ parentela, tal-persuni fiżiċi mniżżla taħt il-punti (a)-(f).

Rikors għall-annullament ta’ atti frodulenti mwettqa mid-debitur għad-detriment tal-kredituri jista’ jiġi ppreżentat mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti fi żmien sena mill-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit għat-tħejjija tal-ewwel rapport mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti, iżda mhux aktar tard minn 16-il xahar mill-ftuħ tal-proċedimenti. Jekk ir-rikors ikun ammess, il-partijiet tiegħu jerġgħu jiksbu l-pożizzjoni preċedenti tagħhom u l-obbligazzjonijiet eżistenti fid-data tat-trasferiment jiġu rreġistrati mill-ġdid.

Il-kumitat tal-kredituri jew kreditur li jkollu aktar minn 50 % tal-valur tal-pretensjonijiet imdaħħla fil-patrimonju tal-insolvenza jista’ jippreżenta tali rikos quddiem l-imħallef delegat jekk l-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti jonqos milli jagħmel dan.

L-ebda rikors għall-annullament ma jista’ jitressaq kontra att kostituttiv (act de constituire) taħt il-liġi tal-proprjetà jew att ta’ trasferiment ta’ sjieda taħt il-liġi tal-proprjetà jekk ikun konkluż minn debitur fil-kors normali tan-negozju tiegħu ta’ kuljum. Applikazzjoni għall-annullament ta’ att kostituttiv jew ta’ att ta’ trasferiment ta’ sjieda tiddaħħal awtomatikament fir-reġistri pubbliċi xierqa.

Fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ atti u tranżazzjonijiet imsemmija hawn fuq jkun hemm il-preżunzjoni konfutabbli ta’ frodi għad-detriment tal-kredituri.

Wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment, l-atti, it-tranżazzjonijiet u l-ħlasijiet kollha li jsiru mid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti jsiru awtomatikament nulli u bla effett; bl-eċċezzjoni tal-passi meħtieġa għat-tmexxija tan-negozju li jkun għadu għaddej, tal-passi awtorizzati mill-imħallef delegat, u tal-passi approvati mill-amministratur maħtur mill-qorti

L-aħħar aġġornament: 18/12/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.