Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Insolvenza/falliment

L-Irlanda ta’ fuq
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

  • Proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jitressqu kontra individwi, soċjetajiet u kumpaniji (inkorporati jew mhux inkorporati).
  • Jistgħu jitressqu proċedimenti kontra kwalunkwe individwu li jkollu dejn ta’ mill-inqas £5,000 u li jew jgħix l-Irlanda ta’ Fuq, jew li fl-aħħar tliet snin għex jew wettaq negozju fl-Irlanda ta’ Fuq, jew ikun jinsab l-Irlanda ta’ Fuq fil-jum li tiġi ppreżentata petizzjoni dwar falliment. M’hemmx età minima.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

  • L-insolvenza korporattiva fl-Irlanda ta’ Fuq tista’ tkun jew likwidazzjoni (volontarja jew permezz ta’ ordni tal-Qorti Superjuri (High Court)) jew riorganizzazzjoni (arranġament volontarju tal-kumpanija jew amministrazzjoni). L-amministrazzjoni tista’ tintuża bħala prekursur għall-proċedura ta’ stralċ.
  • Kwalunkwe kreditur (privat jew tal-gvern) jista’ jagħmel rikors quddiem il-Qorti sabiex kumpanija tiġi stralċata (likwidazzjoni obbligatorja) jew titqiegħed taħt amministrazzjoni.
  • Il-kumpanija debitriċi nnifisha tista’ tirrisolvi ruħha sabiex tiġi stralċata (likwidazzjoni volontarja, li tista’ tkun solventi jew insolventi, bis-solvenza li tiġi ġġudikata fuq il-kapaċità li tħallas id-djun kollha fi żmien 12-il xahar). Il-kumpanija debitriċi tista’ wkoll tippreżenta petizzjoni quddiem il-Qorti sabiex tiġi stralċata.
  • Id-Dipartiment għall-Ekonomija (Department for the Economy) jista’ jitlob lill-Qorti li kumpanija tiġi stralċata jekk ikun fl-interess pubbliku li tagħmel dan. Kumpaniji bħal dawn ma għandhomx għalfejn ikunu insolventi.
  • Fi kwalunkwe waqt wara li petizzjoni (minn kwalunkwe parti) tkun ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti għal-likwidazzjoni obbligatorja, il-Qorti tista’ taħtar likwidatur proviżorju. Dawn il-ħatriet ġeneralment isiru sabiex jipproteġu l-assi tal-kumpanija qabel is-seduta ta’ stralċ. Is-setgħat tal-likwidatur proviżorju jkunu skont l-ordni tal-Qorti li taħtru.
  • Il-kumpanija jew id-diretturi tagħha, kif ukoll detentur ta’ garanzija varjabbli (floating chargeholder), jistgħu jaħtru amministratur (dawn il-ħatriet isiru barra mill-Qorti).
  • Sabiex kumpanija tidħol taħt amministrazzjoni, trid tkun insolventi jew ikollha probabbiltà li ssir hekk. Il-ġurisprudenza sabet li “probabbiltà” f’dan is-sens tfisser aktar iva milli le.
  • F’arranġament volontarju ta’ kumpanija, kumpanija m’għandhiex bżonn tkun insolventi.
  • Il-likwidazzjoni obbligatorja tista’ tkun fuq il-bażi li ma tistax tħallas id-djun tagħha (insolvenza), b’dik l-inkapaċità pprovata permezz ta’ talba statutorja mhux sodisfatta għall-ħlas jew sentenza mhux rispettata. Il-Qorti tista’ tqiegħed kumpanija f’likwidazzjoni minħabba li jkun ġust u ekwitabbli li tagħmel hekk.
  • Hekk kif jibdew il-proċedimenti (jew ir-riżoluzzjoni tal-kumpanija għall-istralċ; l-ordni tal-Qorti għall-amministrazzjoni jew għal-likwidazzjoni jew il-preżentazzjoni ta’ avviż ta’ ħatra ta’ amministratur għall-Qorti (għal dawk il-ħatriet li ma jsirux permezz ta’ ordni tal-qorti), id-detentur ta’ kariga jista’ jieħu azzjoni.
  • Il-kumpanija tista’ tipproponi arranġament volontarju tal-kumpanija. Ma hemmx għalfejn tkun insolventi sabiex tagħmel hekk. Arranġament volontarju tal-kumpanija (CVA - “Company Voluntary Arrangement”) jista’ jiġi propost ukoll mid-detentur ta’ kariga f’likwidazzjoni jew taħt amministrazzjoni (jekk xi waħda minn dawk il-proċeduri tkun diġà bdiet).
  • Proċedimenti individwali ta’ insolvenza disponibbli huma arranġamenti volontarji individwali (IVA - “Individual Voluntary Arrangements”), ordnijiet ta’ serħan mid-dejn (DROs - “Debt Relief Orders”), u ordnijiet ta’ falliment (kemm jekk magħmula wara l-petizzjoni ta’ kreditur jew tal-individwu).
  • L-IVAs huma proposti mid-debitur u maqbula mill-kredituri permezz ta’ vot għall-approvazzjoni minn 75% ta’ dawk li jivvotaw, b’mod proporzjonat għall-valur tad-dejn dovut. Ma japplika l-ebda livell minimu ta’ dejn u ma hemm l-ebda test ta’ insolvenza. Il-proposta trid issir permezz ta’ persuna nominata, li ssir superviżur jekk il-proposta tiġi approvata mill-kredituri. Il-persuna nominata tista’ taġixxi meta l-proposta tiġi ppreżentata lilhom mid-debitur. IVA jista’ jiġi propost fi żmien meta d-debitur ikun soġġett għal proċedimenti ta’ falliment, u l-falliment jista’ jiġi annullat jekk il-proposta tiġi aċċettata mill-kredituri. L-IVAs aċċettati mill-kredituri bil-votazzjoni jkunu vinkolanti għall-kredituri kollha.
  • Ir-rikorsi għal DRO jsiru elettronikament lir-riċevitur uffiċjali mid-debitur permezz ta’ intermedjarju awtorizzat. Ma hemm l-ebda involviment tal-qorti fil-bidu tal-proċedimenti. Id-debitur irid ikollu djun ta’ mhux aktar minn £20,000, assi ta’ anqas minn £1,000 (minbarra vettura bil-mutur raġonevoli), u introjtu żejjed ta’ £50 fix-xahar jew anqas. Id-debitur ma jridx ikun soġġett għal xi proċedimenti oħra ta’ insolvenza u ma jridx ikun daħal f’xi tranżazzjoni ma’ kredituri żvantaġġati fis-sentejn ta’ qabel. Ir-riċevitur uffiċjali għandu d-dmir li jiddetermina r-rikors meta jasal, u għalhekk jista’ jibda jieħu azzjoni minn dak iż-żmien.
  • Jistgħu jsiru ordnijiet ta’ falliment wara l-petizzjoni ta’ kreditur jew tad-debitur innifsu. Ir-riċevitur uffiċjali jsir riċevitur u maniġer malli ssir l-ordni. Wara dan jista’ jinħatar fiduċjarju u dan jista’ jaġixxi minnufih malli jinħatar.
  • Fil-każ ta’ petizzjoni ta’ kreditur, il-petizzjoni tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti u tkun soġġetta għal dejn minimu ta’ £5,000 għalkemm tista’ tiġi ppreżentata petizzjoni konġunta minn żewġ kredituri jew aktar f’liema każ id-djun dovuti lil kull wieħed minnhom jiġu aggregati. Id-dejn ma jridx ikun garantit. Il-petizzjoni trid turi li d-debitur ma jkunx jista’ jħallas id-dejn, li jrid jintwera permezz ta’ talba statutorja mhux sodisfatta għall-ħlas, jew permezz ta’ sentenza mhux irrispettata.
  • Il-petizzjonijiet tad-debitur jiġu ppreżentati quddiem il-Qorti wkoll. L-ebda livell minimu ta’ dejn ma japplika iżda d-debitur irid ma jkunx jista’ jħallas id-djun tiegħu.
  • Meta tkun ġiet ippreżentata petizzjoni dwar falliment, qabel is-smigħ ta’ dik il-petizzjoni l-Qorti tista’ taħtar riċevitur interim sabiex jipproteġi l-assi tad-debitur li jkunu ġew identifikati bħala potenzjalment f’riskju. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-qorti tagħti struzzjonijiet speċifiċi dwar il-mandat ta’ riċevitur interim, iżda tista’ tagħti wkoll setgħa aktar ġenerali sabiex jieħu pussess immedjat tal-proprjetà tad-debitur. Ir-riċevitur uffiċjali biss jista’ jinħatar bħala riċevitur interim.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

  • F’insolvenza korporattiva, il-proprjetà kollha tal-kumpanija, tkun fejn tkun fid-dinja, tkun soġġetta għall-proċedura ta’ insolvenza. “Proprjetà” hija ddefinita b’mod wiesa’ ħafna fil-liġi.
  • Fl-IVAs, il-proposta tad-debitur tistabbilixxi kif għandhom jiġu ttrattati l-assi, u l-kredituri jkollhom l-opportunità li jikkunsidraw dan qabel ma jivvotaw dwar jekk jaċċettawx il-proposta.
  • Fid-DROs, il-valur tal-assi jkun ta’ £1,000 jew anqas (eskluża vettura raġonevoli) u dawn jibqgħu vestiti fid-debitur.
  • F’falliment, il-proprjetà kollha tal-individwu fallut, tkun fejn tkun fid-dinja, tiġi vestita fil-fiduċjarju, b’xi eċċezzjonijiet. Kwalunkwe proprjetà li tkun meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet domestiċi tal-individwu jew sabiex tippermettilu jwettaq l-impjieg jew in-negozju tagħhom, ma tkunx tifforma parti mill-patrimonju tal-falliment. Dan jista’ jinkludi vettura bil-mutur. Jekk proprjetà bħal din titqies mill-fiduċjarju bħala li tiswa aktar mill-ispiża ta’ sostituzzjoni raġonevoli, allura l-fiduċjarju jista’ jirrealizza l-proprjetà u jipprovdi tali sostituzzjoni. Barra minn hekk, kwalunkwe proprjetà li l-individwu fallut iżomm f'fond fiduċjarju għal xi ħadd ieħor ma tkunx inkluża fil-proprjetà tal-falliment.
  • L-introjtu ta’ individwu fallut ma jifformax parti mill-patrimonju, iżda l-fiduċjarju jista’ jasal għal ftehim mal-individwu li proporzjon ta’ kwalunkwe introjtu żejjed li jkollu wara li jitqiesu r-rekwiżiti domestiċi raġonevoli tiegħu jiddaħħal fil-patrimonju ta’ falliment għall-benefiċċju tal-kredituri. Il-fiduċjarju jista’ jagħmel rikors quddiem il-Qorti għal ordni sabiex dan iseħħ jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim mal-individwu.
  • Kwalunkwe proprjetà li tiġi fil-pussess tal-individwu waqt li ma jkunx rilaxxat mill-proċedimenti ta’ falliment tista’ tintalab mill-fiduċjarju għall-proprjetà ta’ falliment.
  • Huwa reat kriminali li individwu fallut jissellef il-flus jew b’xi mod ieħor jikseb kreditu ta’ aktar minn £500 mingħajr ma jiżvela l-proċedimenti ta’ falliment lis-sellief.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

  • Minbarra l-każ tar-riċevitur uffiċjali, id-detenturi ta’ kariga jridu jkunu professjonisti liċenzjati tal-insolvenza. Il-liċenzji jistgħu jinħarġu biss minn korp professjonali awtorizzat mid-Dipartiment sabiex jagħmel hekk. Xi ħadd li jaġixxi bħala prattikant tal-insolvenza meta ma jkunx liċenzjat biex jagħmel hekk iwettaq reat kriminali u jista’ jiġi soġġett għal multa jew għal priġunerija.
  • Sabiex jikseb liċenzja, l-applikant irid jgħaddi minn xi eżamijiet u jrid ikollu ċertu numru ta’ sigħat ta’ esperjenza prattika fl-insolvenza.
  • Prattikant tal-insolvenza jrid ikun persuna fiżika.
  • Ir-rimunerazzjoni ta’ prattikant tal-insolvenza li jaġixxi bħala detentur ta’ kariga hija stabbilita mill-kredituri. Il-prattikant tal-insolvenza (IP - “Insolvency Practitioner”) jista’ jippreżenta talba quddiem il-Qorti jekk jaħseb li l-bażi tar-rimunerazzjoni stabbilita mill-kredituri ma tkunx biżżejjed. Il-kredituri jistgħu jippreżentaw talba quddiem il-Qorti jekk iqisu li r-rimunerazzjoni tkun eċċessiva.
  • Il-kawżi kollha ta’ insolvenza huma taħt il-kontroll ġenerali tal-Qorti u l-partijiet affettwati (inkluż id-detentur ta’ kariga tal-insolvenza) jistgħu jippreżentaw talba quddiem il-Qorti għal struzzjonijiet.
  • F’IVA, debitur ikun liberu li jittratta l-assi tiegħu, sakemm dan ma jwassalx sabiex jikser it-termini tal-ftehim tiegħu mal-kredituri.
  • F’DRO, l-assi ma jkunux vestiti f’detentur ta’ kariga.
  • L-assi f’falliment ikunu vestiti fil-fiduċjarju u ma jistgħux jiġu trattati mill-individwu fallut. Dan ma japplikax għal assi li jkunu esklużi mill-patrimonju ta’ falliment jew għal assi li jiġu fil-pussess tal-individwu wara l-bidu tal-proċedimenti, sakemm dawk l-assi ma jiġux fil-pussess tal-individwu qabel ir-rilaxx tagħhom mill-proċedimenti ta’ falliment u jintalbu mill-fiduċjarju. Minbarra l-kapaċità tal-fiduċjarju li jitlob assi akkwistati, din is-sitwazzjoni ma tkunx affettwata mir-rilaxx tal-individwu mill-proċedimenti ta’ falliment.
  • Riċevitur uffiċjali huwa detentur ta’ kariga statutorju maħtur mid-Dipartiment. Dan jista’ jaġixxi bħala detentur ta’ kariga f’likwidazzjoni obbligatorja jew f’falliment. Ir-rimunerazzjoni ta’ riċevitur uffiċjali (OR - “Official Receiver”) ma tiġix stabbilita mill-kredituri; din tiġi ffinanzjata permezz ta’ formula statutorja bħala perċentwal tal-assi realizzati/distribwiti

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija?

  • Il-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq tipprovdi li t-tpaċija sseħħ f’likwidazzjoni, taħt amministrazzjoni u f’falliment.
  • Il-kont ta’ tpaċija jinkludi negozjar reċiproku fid-data tal-insolvenza.
  • L-ammont nett huwa assi (dejn skont il-kotba) tal-insolvenza, jew obbligazzjoni.
  • Il-partijiet ma jistgħux jidħlu f’kuntratti ta’ esklużjoni tar-rikors ta’ tpaċija.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

  • Likwidatur jew fiduċjarju jista’ jirrinunzja talba għal kuntratt mhux profittabbli, u jtemm l-interess/ir-responsabbiltà tal-insolventi fih (il-kontroparti tista’ titlob l-insolvenza għal telf/danni b’riżultat tal-insolvenza)
  • F’insolvenza korporattiva, detentur ta’ kariga tal-insolvenza ma jkollu l-ebda obbligu li jeżegwixxi kuntratti li jkun daħal fihom l-insolventi.
  • F’insolvenza korporattiva u f’falliment, il-provvista ssoktata ta’ ċerti provvisti (utilitajiet u komunikazzjoni meqjusa “essenzjali”) tista’ titkompla fl-insolvenza mingħajr il-ħtieġa li jitħallas kwalunkwe arretrat pendenti mad-dħul f’insolvenza.
  • Minbarra l-provvisti essenzjali (ara aktar ’il fuq), il-fornituri jistgħu jtemmu l-kuntratti malli tibda l-insolvenza (jekk il-kuntratt tagħhom jippermetti li jsir hekk). Kwalunkwe oġġett/servizz mhux imħallas ikun pretensjoni fl-insolvenza.
  • Kuntratti kurrenti ma jkunux affettwati direttament mill-proċedimenti ta’ IVA jew ta’ DRO, għalkemm ikollhom jitqiesu bħala parti minn proposta għal IVA u jistgħu jfissru li individwu ma jkunx għadu jissodisfa l-kriterji għal DRO.
  • F’falliment, kuntratti li ma jrendux profitt jistgħu jiġu rinunzjati mill-fiduċjarju. Inkella, meta l-kuntratt ma jintemmx malli tibda l-insolvenza, il-qorti tista’ tagħmel ordni li tirrilaxxa l-obbligi tal-kuntratt.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

  • Il-likwidazzjoni u l-amministrazzjoni jaġixxu sabiex joħolqu moratorju. Ma tistax tittieħed azzjoni legali kontra l-kumpanija wara l-bidu mingħajr il-kunsens tad-detentur ta’ kariga jew il-permess tal-Qorti.
  • F’arranġament volontarju ta’ kumpanija, kwalunkwe kreditur marbut bil-ftehim ma jistax jieħu azzjoni legali sabiex jitlob il-ħlas tad-dejn (peress li jkun marbut bil-ftehim aċċettat). Kreditur ta’ wara l-approvazzjoni jista’ jieħu azzjoni bħal din jekk ma jitħallasx.
  • Jekk tkun ġiet ippreżentata petizzjoni dwar falliment, il-Qorti tista’ tissospendi kull proċediment legali li jkun għaddej kontra l-persuna jew il-proprjetà tad-debitur jew tħallih ikompli skont termini li l-qorti tqis xierqa. L-ebda kreditur tal-individwu fallut ma jista’ jiftaħ xi azzjoni kontra l-persuna jew il-proprjetà tagħha mingħajr il-permess tal-Qorti filwaqt li l-individwu jkun għadu soġġett għall-proċedimenti ta’ falliment.
  • Meta debitur ikollu l-intenzjoni li jagħmel proposta lill-kredituri tiegħu għal IVA, huwa (jew jekk ikun soġġetti għal proċeduri ta’ falliment, il-fiduċjarju jew ir-riċevitur uffiċjali) jista’ jippreżenta talba quddiem il-Qorti għal ordni interim. Din għandha l-effett li tippermetti lill-qorti tissospendi kwalunkwe proċediment kontra l-persuna jew il-proprjetà tad-debitur u tipprevjeni li jinbdew proċedimenti bħal dawn. L-ordni interim tipprevjeni wkoll il-preżentazzjoni ta’ ordni ta’ falliment kontra debitur. Il-proposta ta’ IVA tkun tinkludi kif għandhom jitwaqqfu l-proċedimenti kurrenti, u, jekk tiġi aċċettata, il-kredituri kollha jkunu marbuta biha.
  • Il-ħruġ ta’ DRO jipprevjeni lill-kredituri milli jieħdu azzjoni kontra d-debitur fir-rigward tad-dejn tagħhom.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

  • Il-likwidazzjoni u l-amministrazzjoni joħolqu moratorju. L-azzjonijiet pendenti fid-data tal-insolvenza ma jistgħux jitkomplew mingħajr il-kunsens tad-detentur ta’ kariga jew il-permess tal-Qorti.
  • Kreditur f’azzjoni pendenti bl-approvazzjoni ta’ CVA jew ta’ IVA ma jistax ikompli tali azzjoni, peress li jkun marbut bit-termini tas-CVA jew tal-IVA (kemm jekk ikun ivvota sabiex japprovah kif ukoll jekk le).
  • Il-kredituri jipparteċipaw fi proċedimenti ta’ insolvenza permezz ta’ laqgħat tal-kredituri u proċessi oħra ta’ deċiżjoni. Huma jistgħu jifformaw kumitat u jeleġġu l-membri tiegħu wkoll. Id-detenturi ta’ kariga minbarra r-riċevitur uffiċjali jridu jaġġornaw lill-kredituri regolarment (kull 6 xhur jew 12-il xahar, skont il-proċedura) dwar il-progress ta’ każ.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

  • Il-kredituri jipparteċipaw fi proċedimenti ta’ insolvenza permezz ta’ laqgħat tal-kredituri u proċessi oħra ta’ deċiżjoni. Huma jistgħu jifformaw kumitat u jeleġġu l-membri tiegħu wkoll. Id-detenturi ta’ kariga minbarra r-riċevitur uffiċjali jridu jaġġornaw lill-kredituri regolarment (kull 6 xhur jew 12-il xahar, skont il-proċedura) dwar il-progress ta’ każ, u f’falliment u f’likwidazzjoni jridu jorganizzaw laqgħa finali tal-kredituri sabiex jirrapportaw dwar l-amministrazzjoni tal-proċedimenti ta’ insolvenza.
  • Id-deċiżjonijiet jistgħu jinkludu l-ħatra jew it-tneħħija tad-detentur ta’ kariga, ftehim dwar ir-rimunerazzjoni tad-detentur ta’ kariga, il-formazzjoni ta’ kumitat, il-kunsiderazzjoni ta’ proposta ta’ arranġament volontarju, jew kwalunkwe deċiżjoni oħra li d-detentur ta’ uffiċċju jiddetermina li għandha teħtieġ il-kontribut mill-kredituri.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

  • Il-proposta ta’ IVA tista’ tipprovdi li s-superviżur jittratta l-assi tad-debitur.
  • F’DRO, l-assi jkunu esklużi mill-proċedimenti, iżda r-riċevitur uffiċjali jkollu s-setgħa li jagħmel domandi dwar il-kondotta u l-proprjetà tad-debitur.
  • F’falliment, il-proprjetà tkun vestita fil-fiduċjarju malli jinħatar mingħajr ebda ħtieġa ta’ trasferiment ta’ titlu, ta’ ċessjoni jew ta’ trasferiment. Huwa d-dmir tal-fiduċjarju li jidħol, jirrealizza, u jqassam il-proprjetà tal-falliment lill-kredituri.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

  • F’insolvenza korporattiva, id-djun/l-obbligazzjonijiet/id-delitti kollha dovuti mill-kumpanija qabel il-bidu tal-insolvenza jistgħu jiġu ppreżentati fl-insolvenza. Id-djun pagabbli fil-futur jistgħu jintalbu wkoll iżda jiġu skontati skont il-valuri preżenti.
  • L-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn ċerti azzjonijiet kriminali (bħat-traffikar tad-droga) mhumiex provabbli taħt amministrazzjoni jew f’likwidazzjoni.
  • L-obbligazzjonijiet imġarrba wara l-bidu tal-proċedimenti huma meqjusa “spejjeż”. Dawn huma soġġetti għall-ġerarkija ta’ ħlas tagħhom stess iżda kollha jridu jitħallsu qabel ma l-flus ikunu jistgħu jitqassmu lill-kredituri.
  • Proposta ta’ IVA trid tiddivulga l-obbligazzjonijiet kollha tad-debitur u tistabbilixxi kif għandhom jitħallsu l-kredituri. Id-djun imġarrba mid-debitur wara l-ftehim tal-proposta ma jistgħux jintalbu f’insolvenza sakemm ma tkunx saret dispożizzjoni speċifika għal dan.
  • Ċerti djun mhumiex inklużi fil-proċedimenti ta’ DRO u jridu jitħallsu mid-debitur. Dawn jinkludu multi, miżati tal-liċenzja tat-televiżjoni mhux imħallsa, self tal-istudenti, u djun garantiti. Ma ssir l-ebda talba tal-kreditur f’DRO minħabba li ma hemm l-ebda distribuzzjoni tal-assi.
  • Id-djun dovuti fid-data tal-ordni ta’ falliment jew li jsiru dovuti fil-futur b'riżultat ta’ obbligazzjoni li tkun seħħet qabel il-falliment jistgħu jintalbu fi proċedimenti ta’ falliment. Multi, djun ta’ self tal-istudenti, arretrati ta’ dejn dovut fi proċedimenti tal-familja, u djun dovuti fir-rigward ta’ ordnijiet ta’ konfiska ma jistgħux jintalbu fi proċedimenti ta’ falliment.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

  • Il-kredituri jistgħu jippreżentaw talba (prova tad-dejn) fi kwalunkwe mument fil-proċedimenti. Talba trid tiġi sottomessa sabiex wieħed ikun jista’ jivvota fi kwalunkwe laqgħa (jew proċedura oħra ta’ deċiżjoni) jew sabiex jirċievi distribuzzjoni.
  • Taħt amministrazzjoni, f’likwidazzjoni jew f’falliment fejn ikun hemm pjan ta’ distribuzzjoni, id-detentur ta’ kariga jikteb lil dawk il-kredituri kollha li jkunu għadhom ma pprovawx il-pretensjonijiet tagħhom u jiddikjara li se ssir distribuzzjoni, filwaqt li jistedinhom jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom u jistabbilixxi l-aħħar data biex dan jagħmluh sabiex jiġu inklużi f’dik id-distribuzzjoni). Detentur ta’ kariga jista’ jittratta talbiet ippreżentati wara din id-data iżda mhuwiex obbligat li jagħmel hekk.
  • Fi stralċ mill-qorti u f’falliment, hemm formola standard li trid tiġi ppreżentata bħala prova. L-ebda proċedura oħra ma għandha formola standard iżda l-qafas legali għal proċeduri oħra jiddikjara xi jrid jiġi inkluż fi prova għal skopijiet ta’ distribuzzjoni.
  • Jekk kreditur ma jagħmilx talba fil-ħin, ma jistax ifixkel id-distribuzzjoni.
  • F’arranġamenti volontarji, ir-rekwiżit li tiġi ppreżentata prova lid-detentur ta’ kariga huwa ssodisfat bin-notifika tat-talba bil-miktub.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

  • Xi talbiet li jirriżultaw mill-impjieg jiġu ttrattati bħala preferenzjali, u jkunu pagabbli wara li jitħallsu l-ispejjeż tal-proċedura iżda qabel it-talbiet ta’ detenturi ta’ imposti flessibbli u ta’ kredituri mhux garantiti.
  • L-ebda talba ma tkun subordinata mil-liġi ħlief fi proċedimenti ta’ falliment fejn dejn dovut lil persuna li kienet il-konjuġi jew is-sieħeb ċivili tal-individwu fallut fid-data tal-falliment jikklassifika wara d-djun dovuti lil kredituri oħra flimkien mal-imgħax fuq dawk id-djun.
  • Jekk parti terza taqta’ dejn tad-debitur, dik il-parti terza jkollha talba surrogata fl-insolvenza.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

  • Il-kredituri jaqblu dwar proposti magħmula mid-debitur (f’arranġament volontarju ta’ kumpanija – approvazzjoni ta’ >75%, skont il-valur) jew minn debitur ta’ kariga tal-insolvenza (amministrazzjoni, maġġoranza sempliċi, jew approvazzjoni tal-kredituri kollha garantiti u tal-kredituri ta’ maġġoranza preferenzjali f’każijiet fejn ikun maħsub li jkun improbabbli r-ritorn għal kredituri mhux garantiti).
  • F’CVA, ladarba jiġu approvati, il-kredituri mhux garantiti kollha fil-waqt tal-proposti jkunu marbuta bl-arranġament.
  • L-approvazzjoni tal-Qorti mhijiex meħtieġa għal pjanijiet ta’ riorganizzazzjoni, iżda parti offiża tista’ tippreżenta talba quddiem il-qorti jekk tħoss li l-interessi tagħha ġarrbu dannu bla bżonn.
  • Hemm regoli proċedurali dettaljati dwar il-ħruġ/l-għeluq tal-proċedimenti kollha ta’ insolvenza korporattiva, kemm il-likwidazzjoni kif ukoll ir-riorganizzazzjoni.
  • Ladarba l-kredituri jaqblu dwar proposta ta’ IVA, din tiġi implimentata bi prattikant tal-insolvenza bħala superviżur. Din ma teħtieġx l-approvazzjoni tal-qorti, għalkemm is-superviżur irid jirrapporta r-riżultat tal-laqgħa li saret sabiex japprova l-proposta lill-qorti. Parti tista’ tippreżenta talba quddiem il-qorti għal stħarriġ tad-deċiżjoni tal-kredituri dwar jekk jaċċettawx il-proposta fuq il-bażi ta’ irregolarità materjali.
  • Jekk wara l-approvazzjoni d-debitur ma jissodisfax it-termini tal-IVA, is-superviżur jista’ jippreżenta petizzjoni għall-falliment tiegħu.
  • F’DRO, id-djun jispiċċaw 12-il xahar wara li ssir l-ordni. Il-qorti ma tkunx involuta f’dan il-proċess.
  • F’falliment, il-fiduċjarju jrid jibgħat rapport finali lill-kredituri qabel ma jikseb ir-rilaxx tiegħu. Jekk il-fiduċjarju ma jkunx ir-riċevitur uffiċjali, dan irid isejjaħ laqgħa finali tal-kredituri, fejn il-kredituri jistgħu joġġezzjonaw għar-rilaxx. Jekk dan iseħħ, il-fiduċjarju jrid japplika għar-rilaxx tiegħu mad-Dipartiment, inkella l-fiduċjarju jikseb ir-rilaxx tiegħu meta jinnotifika lir-reġistratur tal-kumpaniji li l-laqgħa finali tkun saret.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

  • Il-kredituri jistgħu jitolbu fondi distribwiti lilhom (iżda mhux miżmuma minnhom) wara l-għeluq tal-proċedimenti (b’dawn il-fondi li jinżammu mid-Dipartiment).
  • Il-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq tipprovdi li l-proċedimenti jagħlqu meta d-detentur ta’ kariga jiġi rilaxxat.
  • Fl-IVAs, il-proposta toffri lill-kredituri ċertu ammont ta’ ripagament għal kull £ dejn. Il-kredituri huma marbuta li jaċċettaw dan bħala ħlas sħiħ jekk il-proposta tiġi aċċettata, u għalhekk ma jkollhom l-ebda rikors għal xi parti minn dak id-dejn wara li l-proċeduri jkunu ġew konklużi.
  • Fil-proċedimenti ta’ falliment u ta’ DRO, id-djun jispiċċaw meta jingħalqu l-proċedimenti, għajr dawk id-djun li ma jifformawx parti mill-proċedimenti.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

  • Il-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq tipprovdi ġerarkija ċara ta’ ħlas minn fondi realizzati minn assi. Il-kostijiet u l-ispejjeż iridu jitħallsu (mir-realizzazzjonijiet) qabel ma l-fondi jiġu rritornati lill-kredituri.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

  • Jekk l-insolventi jkun ipprefera kreditur partikolari fl-approċċ għall-insolvenza formali (jiġifieri tah preferenza għall-ħlas meta mqabbel ma’ kredituri oħra), jew ikun daħal fi tranżazzjoni b’valur anqas (jiġifieri biegħ xi ħaġa għal anqas mill-valur tagħha jew għal anqas minn kemm tiswa), detentur ta’ kariga jista’ jfittex lir-riċevitur.
  • Wara rikors tad-detentur ta’ kariga f’falliment, f’likwidazzjoni jew taħt amministrazzjoni, qorti tista’ treġġa’ lura kull tip ta’ tranżazzjoni u tordna li r-riċevitur ireġġa’ lura l-pożizzjoni għal dik li kienet tkun li kieku t-tranżazzjoni ma seħħitx.
  • Talbiet għat-treġġigħ lura ta’ pagamenti ta’ preferenza jridu jkunu relatati ma’ tranżazzjonijiet li seħħew fis-sitt xhur qabel il-ħatra tal-amministratur, il-bidu tal-istralċ, jew il-preżentazzjoni tal-petizzjoni ta’ falliment, jew sentejn fil-każ ta’ pagament ta’ preferenza magħmul lil persuna assoċjata.
  • Talbiet għat-treġġigħ lura ta’ tranżazzjonijiet b’valur anqas iridu jkunu relatati ma’ tranżazzjonijiet magħmula fis-sentejn ta’ qabel dawk l-avvenimenti, jew fi proċeduri ta’ falliment fil-perjodu ta’ ħames snin, dment li l-individwu kien insolventi fil-mument, jew ikun sar insolventi b’riżultat tat-tranżazzjoni.
  • Detentur ta’ kariga fi proċedimenti ta’ amministrazzjoni, ta’ likwidazzjoni, ta’ falliment, jew ta’ arranġament volontarju jista’ jippreżenta talba quddiem il-qorti sabiex tordna t-treġġigħ lura ta’ tranżazzjoni li ffrodat lill-kredituri. Tali rikors jista’ jsir ukoll minn vittma tat-tranżazzjoni, bil-permess tal-Qorti.
  • Fil-proċedimenti ta’ amministrazzjoni u ta’ likwidazzjoni, id-detentur ta’ kariga jista’ wkoll jieħu azzjoni ta’ rimedju kontra kwalunkwe direttur tal-kumpanija involut f’negozjar waqt li kien jaf bl-insolvenza li kkawża aktar telf lill-kredituri, kummerċ frodulenti, jew trażgressjoni.
  • F’każ fejn tiġi ppreżentata petizzjoni għal stralċ jew għal falliment quddiem il-qorti, kwalunkwe trasferiment ta’ proprjetà li jsir wara l-preżentazzjoni tal-petizzjoni jkun null sakemm il-Qorti ma tordnax mod ieħor.
L-aħħar aġġornament: 21/06/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.