Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Insolvenza/falliment

Lussemburgu
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu tmien tipi ta’ proċeduri ta’ insolvenza.

Tlieta japplikaw biss għall-kummerċjanti (persuni fiżiċi u ġuridiċi).

  1. Il-proċeduri ta’ falliment, li huma pprovduti bil-Kodiċi Kummerċjali (Code de Commerce), għandhom l-għan li jillikwidaw l-assi ta’ kummerċjant li jkun sar insolventi u jkun tilef is-sodezza kreditizja.
  2. Il-kompożizzjoni mal-kredituri għall-prevenzjoni tal-falliment, li hija pprovduta bil-Liġi tal-14 ta’ April 1886 dwar il-kompożizzjoni mal-kredituri għall-prevenzjoni tal-falliment (loi du 14 avril 1886 concernant le concordat préventif de la faillite), hija proċedura li hija miftuħa, taħt ċertu kundizzjonijiet, għad-debituri li jissodisfaw il-kriterji għall-falliment. Meta din il-kompożizzjoni tinvolvi r-rinunzja tal-assi, l-iskop tagħha, bħall-falliment, hija li jiġu likwidati l-assi tal-kummerċjant konċernat. Madankollu, din tvarja mill-falliment fis-sens li l-kummerċjant jevita l-effetti tal-proċeduri ta’ falliment.
  3. Il-proċeduri amministrattivi, li huma pprovduti bl-Ordni tal-Gran Dukat tal-24 ta’ Mejju 1935 li tistabbilixxi l-amministrazzjoni (arrêté grand-ducal du 24 mai 1935 instituant la gestion contrôlée), għandhom l-għan li jorganizzaw mill-ġdid l-affarijiet tal-kummerċjanti li jitolbu dan. Madankollu, dawn il-proċeduri jistgħu jintużaw ukoll meta l-kummerċjanti jridu li l-assi tagħhom jiġu realizzati fl-aħjar mod possibbli.

Minbarra dawn il-proċeduri, il-liġi tal-Lussemburgu (l-Artikolu 593 et seq. tal-Kodiċi Kummerċjali) tipprovdi għal proċedura fejn il-kummeċjanti jistgħu jiksbu s-sospensjoni tal-pagamenti taħt ċertu kundizzjonijiet.

  1. Hemm raba’ proċedura li hija miftuħa biss għal persuni fiżiċi li mhumiex kummerċjanti: din hija l-proċedura ta’ dejn eċċessiv, ipprovduta bil-Liġi tat-8 ta’ Jannar 2013 dwar id-dejn eċċessiv (loi du 8 janvier 2013 sur le surendettement), li għandha l-għan li tgħin lill-applikanti jtejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom permezz tal-istabbiliment ta’ pjan għall-ħlas lura tad-dejn.

Hemm ukoll proċeduri ta’ insolvenza speċifikament għan-nutari, l-istituzzjonijiet tal-kreditu, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-investiment kollettiv (billi dawn huma speċifiċi għal kategorija professjonali jew settur kummerċjali, mhux se jiġu deskritti f’din l-iskeda informattiva).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

1. Falliment

Il-proċeduri ta’ falliment jinfetħu mid-debitur li jippreżenta talba għal falliment, minn wieħed jew iktar kredituri li japplikaw għall-falliment tad-debitur jew minn qorti.

Il-kummerċjanti jridu jippreżentaw talba għal falliment mar-reġistru tal-qorti distrettwali (tribunal d’arrondissement) responsabbli għall-każijiet kummerċjali għad-domiċilju jew l-uffiċċju reġistrat tal-kummerċjant. Dan irid iseħħ fi żmien xahar mid-data li fiha jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ falliment.

Fejn wieħed jew iktar kredituri tad-debitur jiddeċiedu li japplikaw biex il-kummerċjant jiġi ddikjarat fallut, dawn għandhom jużaw uffiċjal tal-qorti li, permezz ta’ ċitazzjoni, tordna lill-kummerċjant biex jidher quddiem il-qorti distrettwali responsabbli għal każijiet kummerċjali fi żmien tmient ijiem (ċitazzjoni b’data fissa) sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-meriti tal-applikazzjoni għal falliment.

Il-proċeduri ta’ falliment jistgħu jinfetħu wkoll minn qorti fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha. F’dan il-każ, il-qorti għandha tħarrek il-fallut, permezz tar-reġistru tal-qorti, biex jispjega s-sitwazzjoni tiegħu lill-qorti f’seduta fl-awli tagħha.

Qabel ma tiddikjara l-kummerċjant bħala fallut, il-qorti distrettwali responsabbli għall-każijiet kummerċjali (minn hawn ’il quddiem “il-qorti kummerċjali” – tribunal de commerce) trid tikkontrolla jekk il-persuna jew il-kumpanija inkwistjoni tissodisfax it-tliet kundizzjonijiet li ġejjin:

  • status ta’ kummerċjant: persuna fiżika li twettaq, bħala l-professjoni normali (prinċipali jew supplimentari) tagħha, atti deskritti bil-liġi bħala kummerċjali (eż l-atti mniżżlin fl-Artikolu 2 tal-Kodiċi Kummerċjali), jew persuna ġuridika inkorporata f’waħda mill-forom ipprovduti bil-Liġi emendata tal-10 ta’ Awwissu 1915 dwar il-kumpaniji kummerċjali (loi modifiée du 10 août 1915 concernant les sociétés commerciales) (eż. société anonyme (kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitat), société à responsabilité limitée (kumpanija privata b’responsabbiltà limitata), kooperattiva, eċċ);
  • twaqqif tal-pagamenti: dan ifisser li d-djun indiskutibbli li jridu jitħallsu (eż pagi, sigurtà soċjali, eċċ) ma tħallsux, bid-djun b’terminu fiss jew kontinġenti u l-obbligi naturali li ma jkunux biżżejjed; u
  • telf ta’ affidabbiltà kreditizja: il-kummerċjant ma jistax ikompli jikseb kreditu mill-banek, fornituri jew kredituri.

Għalkemm ir-rifjut jew l-inabilità li jħallas anke dejn wieħed (irrispettivament mill-ammont) li huwa indiskutibbli u dovut għall-ħlas huwa suffiċjenti, fil-prinċipju, sabiex jiġi stabbilit l-istat ta’ waqfien tal-pagamenti, sempliċi problema ta’ fluss tal-flus ma timplikax l-istat ta’ falliment, sakemm il-kummerċjant jista’ jikseb il-kreditu meħtieġ biex ikompli bil-kummerċ u jonora l-impenji.

2. Kompożizzjoni mal-kredituri għall-prevenzjoni tal-falliment

Il-kompożizzjoni mal-kredituri għall-prevenzjoni tal-falliment hija riservata għal “debituri sfortunati li qed jaġixxu in bona fide”. Dawn il-kwalitajiet huma vvalutati mill-qorti fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi tal-każ.

Meta ssir l-applikazzjoni, il-qorti kummerċjali taħtar wieħed mill-imħallfin tagħha biex jeżamina s-sitwazzjoni tal-appikant u jħejji rapport.

Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport, il-qorti tista’, jew le, taqbel li tagħti perjodu ta’ grazzja biex tippermetti lill-kummerċjant jagħmel proposti ta’ kompożizzjoni lill-kredituri.

3. Amministrazzjoni

Id-debituri għandhom jissottomettu applikazzjoni raġunata lill-qorti kummerċjali għad-distrett fejn għandhom il-post ewlieni tan-negozju jew l-uffiċċju reġistrat tagħhom fil-każ ta’ kumpanija.

Il-kummerċjanti jistgħu jmorru fl-amministrazzjoni biss jekk ikunu tilfu l-affidabbiltà kreditizja jew ma jistgħux jissodisfaw l-impenji tagħhom kollha. Barra dan, l-applikazzjoni trid tfittex jew li torganizza mill-ġdid in-negozju tad-debitur jew li tirrealizza l-assi tiegħu fl-aħjar mod possibbli. Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza teħtieġ li d-debituri jaġixxu in bona fide. F’dan il-kuntest, il-qorti għandha d-diskrezzjoni li tivvaluta jekk huwiex il-każ jew le, skont il-fatti u ċ-ċirkostanzi tal-każ, li l-kummerċjant aġixxa in bona fide kif meħtieġ sabiex jibbenefika minn din il-proċedura.

4. Dejn eċċessiv

Id-dejn eċċessiv ta’ persuni fiżiċi huwa deskritt bħala s-sitwazzjoni fejn huwa ċar li d-debitur li huwa domiċiljat fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jistax jissodisfa d-djun kollha mhux professjonali tiegħu li huma dovuti u li waslu biex ikunu dovuti u jonora l-impenn li jkun għamel biex jiggarantixxi in solidum jew iħallas id-dejn ta’ kummerċjant waħdieni jew kumpanija, dment li dan ma kienx direttur, fil-fatt jew fil-liġi, ta’ dik il-kumpanija.

Il-proċedura ta’ saldu tad-dejn kollettiv tinvolvi tliet stadji kif ġej:

  • l-istadju ta’ saldu miftiehem, li jseħħ quddiem il-Kummissjoni tal-Medjazzjoni għad-Dejn Eċċessiv (Commission de médiation en matière de surendettement);
  • l-istadju ta’ riorganizzazzjoni sorveljata mill-qorti, li jseħħ quddiem il-qorti tal-maġistrat (juge de paix) għad-domiċilju tad-debitur b’dejn eċċessiv;
  • l-istadju ta’ rkupru personali, magħruf ukoll bħala “falliment personali” (faillite civile), li jseħħ quddiem il-qorti tal-maġistrat għad-domiċilju tad-debitur b’dejn eċċessiv.

Jenħtieġ li jkun innutat li l-istadju ta’ rkupru personali, li huwa sussidjarju għaż-żewġ stadji l-oħra fil-proċedura ta’ saldu tad-dejn kollettiv, jiskatta biss meta d-debitur b’dejn eċċessiv huwa f’sitwazzjoni irreparabbilment kompromessa, li hija deskritta bħala s-sitwazzjoni fejn id-debitur ma jistax jimplimenta:

  • il-miżuri tal-pjan ta’ saldu miftiehem, jew
  • il-miżuri proposti mill-Kummissjoni tal-Medjazzjoni bħala parti mis-saldu miftiehem, u
  • l-miżuri determinati fil-proċeduri ta’ riorganizzazzjoni sorveljati mill-qorti.

Jenħtieġ li jkun innutat li l-applikazzjonijiet għall-proċedura ta’ saldu miftiehem jridu jintbagħtu lill-president tal-Kummissjoni tal-Medjazzjoni.

Il-formola ta’ appikazzjoni għall-proċedura ta’ saldu miftiehem tista’ titniżżel fl-indirizz li ġej: https://justice.public.lu/fr/creances/surendettement.html.

Barra dan, il-kredituri ta’ debitur b’dejn eċċessiv għandhom jissottomettu t-talbiet tagħhom lis-Servizz ta’ Informazzjoni u Pariri dwar Dejn Eċċessiv (Service d’information et de conseil en matière de surendettement). Il-formola għat-tressiq tat-talbiet tista’ titniżżel mis-sit web http://www.justice.public.lu/fr/index.html fl-indirizz li ġej: https://justice.public.lu/fr/creances/surendettement.html.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

1. Falliment

Meta l-ordni ta’ falliment tkun saret, il-persuni li jkunu fallew jiġu żvestiti awtomatikament mid-dritt li jamministraw l-assi tagħhom, anke dawk li jistgħu jiġu devoluti fuq il-fallut wara l-ordni ta’ falliment.

Dan l-iżvestiment ikopri l-assi kollha mobbli u immobbli tal-fallut. Dan il-mekkaniżmu għandu l-għan li jipproteġi l-interessi tal-korp ta’ kredituri.

Ġeneralment, il-fiduċjarju jmur fil-post tal-fallut biex iħejji inventarju tal-assi li jinstabu hemmhekk. F’dan ir-rigward, il-fiduċjarju jrid jiddifferenzja bejn dawk l-assi li jappartjenu kompletament lill-fallut u dawk li partijiet terzi jista’ jkollhom diversi drittijiet proprjetarji fuqhom.

Meta jkun qed iħejji l-inventarju tal-assi mobbli u immobbli, il-fiduċjarju jiżgura li kwalunkwe assi tal-fallut jinbiegħu fl-aħjar interessi tal-korp ta’ kredituri. Sabiex ibiegħ dawk l-assi, il-fiduċjarju jeħtieġ l-awtorizzazzjoni mill-qorti. L-assi mobbli u immobbli jridu jinbiegħu kif stabbilit bil-Kodiċi Kummerċjali. Ir-rikavat irid jiġi depożitat fil-kont bankarju li jkun infetaħ fl-isem tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

2. Dejn eċċessiv

Il-qorti tagħmel arranġamenti biex is-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali tad-debitur tiġi vvalutata sabiex jiġu vverifikati t-talbiet u l-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet.

Wara li tiddeċiedi li tiftaħ proċeduri ta’ rkupru personali u wara li tiddetermina li hemm assi li jridu jiġu likwidati, il-qorti tipproċedi bil-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur.

Il-qorti tiddeċiedi fuq kwalunkwe talba kontestata u tordna l-likwidazzjoni tal-assi personali tad-debitur. Huwa biss it-tagħmir meħtieġ għall-ħajja ta’ kuljum u l-assi mhux professjonali essenzjali għat-twettiq ta’ attività professjonali li jiġu esklużi. L-assi tad-debitur b’dejn eċċessiv jiġu likwidati fil-proċeduri ta’ rkupru personali skont l-objettiv tal-liġi, li huwa li tiġi mtejba s-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur billi dan u l-unità domestika tiegħu jitħallew jgħixu ħajja skont id-dinjità umana.

Id-drittijiet u l-azzjonijiet tad-debitur fir-rigward tal-assi tiegħu jiġu eżerċitati matul il-likwidazzjoni minn likwidatur maħtur mill-qorti.

Il-likwidatur għandu sitt xhur biex ibiegħ l-assi tad-debitur fuq bażi amikevoli jew biex jorganizza bejgħ sfurzat.

L-effetti tal-proċeduri ta’ rkupru personali:

  1. Meta r-rikavat mil-likwidazzjoni tal-assi jkun biżżejjed biex jissodisfa l-kredituri, il-qorti tordna l-għeluq tal-proċeduri.
  2. Meta r-rikavat mil-likwidazzjoni tal-assi ma jkunx biżżejjed biex jissodisfa l-kredituri, il-qorti tordna l-għeluq minħabba insuffiċjenza ta’ assi.
  3. Meta d-debitur ma jkollu xejn ħlief it-tagħmir meħtieġ għall-ħajja ta’ kuljum u l-assi mhux professjonali essenzjali għat-twettiq ta’ attività professjonali, il-qorti tordna l-għeluq minħabba insuffiċjenza ta’ assi.
  4. Meta l-assi ma jkollhom l-ebda valur tas-suq jew jiġu jiswew wisq biex jinbiegħu relatati mal-valur tas-suq tagħhom, il-qorti tordna l-għeluq minħabba insuffiċjenza ta’ assi.

L-għeluq minħabba insuffiċjenza ta’ assi għandu l-effett li jikkanċella d-djun kollha mhux professjonali tad-debitur.

Madankollu, dawn li ġejjin huma esklużi mill-kanċellazzjoni tad-djun mhux professjonali tad-debitur:

  • id-djun li garanti jew ko-obbligant ikun ħallas minflok id-debitur;
  • id-djun imsemmija fl-Artikolu 46 tal-Liġi, jiġifieri l-pagamenti kurrenti ta’ manteniment dovut u l-ammonti monetarji mogħtija lill-vittmi ta’ atti intenzjonali ta’ vjolenza minħabba ħsara fuq il-persuna soffruta.

Madankollu, id-djun imsemmija fl-Artikolu 46 tal-Liġi jistgħu jiġu kanċellati meta l-kreditur ikkonċernat jaqbel mal-maħfra, l-iskedar mill-ġdid tal-pagamenti jew il-kanċellazzjoni tad-djun inkwistjoni.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

1. Falliment

Meta l-ordni ta’ falliment tkun saret, il-falluti jiġu żvestiti awtomatikament mid-dritt li jamministraw l-assi tagħhom, anke dawk li jistgħu jiġu devoluti fuq il-falluti.

Wara din l-ordni, l-amministrazzjoni tal-assi tad-debitur tiġi fdata lil fiduċjarju.

Meta l-fallut huwa persuna ġuridika, il-patrimonju tal-insolvenza jikkonsisti mill-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-kumpanija, minbarra d-drittijiet li s-sħab jista’ jkollhom f’dik il-kapaċità.

Il-fiduċjarji jintgħażlu minn fost dawk il-persuni li jistgħu joffru l-aħjar garanziji f’termini tal-intelligence u l-preċiżjoni tal-ġestjoni tagħhom.

Fil-prattika, l-imħallfin fil-qorti distrettwali li huma responsabbli għall-każijiet kummerċjali jagħżlu fiduċjarji mil-lista tal-avukati. Madankollu, f’każijiet fejn dan huwa meħtieġ fl-interessi tal-fallut, il-qorti tista’ taħtar ukoll nutari jew kontabilisti/awdituri.

Bħal fil-proċeduri kollha li jinvolvu l-kummerċjanti, il-qorti kummerċjali għandha ġurisdizzjoni f’termini ta’ insolvenza.

Għalhekk, hija l-qorti kummerċjali li tagħmel l-ordni ta’ falliment, tiddetermina d-data tal-waqfien tal-pagamenti, taħtar il-parteċipanti differenti (ir-riċevitur uffiċjali, il-fiduċjarju), tistabbilixxi d-data meta jridu jiġu sottomessi t-talbiet u d-data meta jrid jitlesta r-rapport ta’ verifikazzjoni tat-talba, u tordna l-għeluq tal-proċeduri ta’ falliment.

L-amministrazzjoni tal-assi tiġi fdata lil fiduċjarju maħtur mill-qorti li huwa responsabbli għar-realizzazzjoni tal-assi tad-debitur u d-distribuzzjoni tar-rikavat bejn il-kredituri differenti, skont ir-regoli dwar it-talbiet u l-imposti preferenzjali fuq il-proprjetà.

Ir-riċevitur uffiċjali huwa responsabbli għas-superviżjoni tal-operazzjonijiet, il-ġestjoni u l-likwidazzjoni tal-falliment. Matul seduta, dan jirrapporta dwar kwalunkwe tilwim li jista’ jqum u jordna kwalunkwe miżuri urġenti meħtieġa biex jiġi żgurat u preservat il-patrimonju tal-insolvenza. Dan jippresjedi wkoll kwalunkwe laqgħa tal-kredituri tal-fallut.

Meta jiġi ordnat falliment, il-kummerċjanti li fallew jiġu żvestiti mid-dritt li jamministraw l-assi tagħhom u ma jistgħux jibqgħu jagħmlu pagamenti jew iwettqu tranżazzjonijiet jew atti oħra relatati ma’ dawk l-assi.

2. Dejn eċċessiv

Fir-rigward tal-obbligi tad-debitur u l-effett fuq l-assi tad-debitur tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ saldu tad-dejn kollettiv, jenħtieġ li jkun innotat li d-debitur huwa soġġett għad-dover ta’ imġiba tajba.

Matul il-perjodu ta’ imġiba tajba, id-debitur għandu:

  • jikkopera mal-awtoritajiet u l-korpi involuti fil-proċedura billi jaqbel li jipprovdi b’mod spontanju kull informazzjoni dwar l-assi, id-dħul u d-djun tiegħu, u kull bidla li sseħħ fis-sitwazzjoni tiegħu;
  • iwettaq, sa fejn dan huwa possibbli, attività mħallsa b’konformità mal-abilitajiet tiegħu;
  • ma jaggravax l-insolvenza tiegħu u jaġixxi kif dovut biex inaqqas id-debiti tiegħu;
  • ma jiffavorixxix kreditur partikolari, ħlief għall-kredituri tal-manteniment għal pagamenti kurrenti, sidien tal-kera għal pagamenti kurrenti ta’ kera għall-akkomodazzjoni li tkopri l-bżonnijiet bażiċi tad-debitur, fornituri ta’ prodotti u servizzi essenzjali għal ħajja dinjituża, u kredituri għal pagamenti kurrenti relatati mal-infurzar tal-pagament mid-debitur tad-danni mogħtija wara atti intenzjonali ta’ vjolenza minħabba l-ħsara kkawżata fuq il-persuna;
  • jonora l-impenji li saru bħala parti mill-proċedura.

Żewġ tipi ta’ korpi huma involuti skont jekk il-proċedura hijiex fi stadju ta’ qbil jew tal-qorti.

L-istadju ta’ saldu miftiehem iseħħ quddiem il-Kummissjoni tal-Medjazzjoni. Il-membri tal-Kummissjoni tal-Medjazzjoni jiġu maħtura mill-Ministru. Din għandha president u segretarju, u tiltaqa’ tal-inqas darba kull tliet xhur. Sabiex ikunu eliġibbli għall-Kummissjoni tal-Medjazzjoni, l-applikanti jridu jissottomettu ċertifikat tal-kondotta, fost dokumenti oħra. Meta jiġu maħtura, il-membri huma taħt obbligu legali biex jinformaw lill-Ministru dwar kwalunkwe proċedimenti jew kundanni kriminali kontra tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiġu sostitwiti. Il-membri tal-Kummissjoni tal-Medjazzjoni jirċievu indennizz ta’ EUR 10 għal kull sessjoni u l-president jirċievi indennizz ta’ EUR 20 għal kull sessjoni.

Il-Kummissjoni tal-Medjazzjoni tiddeċiedi b’mod partikolari jekk taċċettax applikazzjonijiet għall-proċedura u jekk it-talbiet imressqa humiex ammissibbli. Din tapprova u temenda wkoll l-abbozzi tal-pjanijiet ta’ saldu miftiehem li jiġu sottomessi lilha wara investigazzjoni mis-Servizz ta’ Informazzjoni u Pariri dwar Dejn Eċċessiv (minn hawn ’il quddiem “is-Servizz”).

Jekk, fi żmien sitt xhur minn meta l-Kummissjoni taqbel mal-proċedura, il-pjan propost ma jkunx ġie aċċettat mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni tħejji rapport li jirreġistra l-falliment tal-proċedura ta’ saldu miftiehem. Fi żmien xahrejn mid-data li fiha dan ir-rapport jiġi ppubblikat fir-reġistru, id-debitur jista’ jibda proċeduri ta’ riorganizzazzjoni sorveljati mill-qorti quddiem il-qorti tal-maġistrat għad-domiċilju tiegħu. Jekk id-debitur ma jagħmilx din l-applikazzjoni fil-limitu ta’ żmien indikat, dan jista’ jibda proċedura ta’ saldu tad-dejn kollettiv ġdid biss wara li jkunu għaddew sentejn mid-data meta r-rapport ikun ġie ppubblikat fir-reġistru.

Jekk l-istadju ta’ riorganizzazzjoni sorveljata mill-qorti jinbeda, il-partijiet jiġu mħarrka quddiem il-qorti tal-maġistrat, li tista’ teħtieġ li dawn jipprovdu d-dokumenti jew l-informazzjoni kollha li jippermettu li jiġu stabbiliti l-assi u/jew l-obbligazzjonijiet tad-debitur.

Fuq il-bażi tal-informazzjoni sottomessa, il-qorti tħejji pjan ta’ riorganizzazzjoni, li se jinkludi miżuri li jippermettu lid-debitur jonora l-impenji tiegħu.

Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni mħejji mill-qorti japplika għal mhux iktar minn seba’ snin u jista’ jiskadi f’għadd limitat ta’ każijiet (b’mod partikolari jekk id-debitur ma jkunx issodisfa l-obbligi tiegħu taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni).

3. Amministrazzjoni

Fil-proċeduri ta’ amministrazzjoni, id-debituri jirrinunzjaw għas-setgħat deċiżjonarji tagħhom u jagħtuhom lill-amministraturi, li huma fdati bit-tħejjija ta’ inventarju u biex jipproduċu pjan ta’ riorganizzazzjoni jew inkella pjan ta’ realizzazzjoni u distribuzzjoni tal-assi. Id-debituri huma pprojbiti wkoll milli jaġixxu b’mod li jista’ jostakola l-ħidma tal-amministraturi maħtura f’dawn il-proċeduri.

4. Kompożizzjoni mal-kredituri

Matul il-proċedura ta’ kompożizzjoni mal-kredituri, id-debitur ma jistax ibigħ jew jagħti bħala garanzija fuq self kwalunkwe ħaġa jew jikkometti ruħu għal kwalunkwe ħaġa mingħajr l-awtorizzazzjoni mill-imħallef delegat. L-imħallef delegat iħejji l-inventarju u janalizza l-istat tan-negozju, u jista’, jekk meħtieġ, jikseb l-għajnuna ta’ esperti.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija ?

Il-proċeduri differenti msemmija hawn fuq ma jwasslux għall-ħlas tat-talbiet preferenzjali tal-kredituri, ħlief għall-proċedura ta’ kompożizzjoni mal-kredituri.

1. Kompożizzjoni mal-kredituri

Il-kredituri li jibbenefikaw minn imposti fuq il-proprjetà li jieħdu parti fil-vot jitilfu l-istatus tagħhom ta’ kredituri preferenzjali (l-Artikolu 10 tal-Liġi tal-14 ta’ April 1886).

2. Falliment

“F’termini ta’ falliment, hija ġurisprudenza stabbilita li, wara li tkun saret l-ordni ta’ falliment, l-ebda tpaċija legali, ordnata mill-qorti jew miftehma ma tkun għadha possibbli, anke bejn talbiet li kienu jeżistu qabel, jekk dawn ma kellhomx, sa dak il-punt, waħda mit-tliet kwalitajiet ta’ likwidità, pagabbiltà u funġibilità. Għalkemm l-ordni ta’ falliment tista’ tipprevjeni kwalunkwe tpaċija legali, jenħtieġ li ma jiġix konkluż li din hija assoluta jew retroattiva. L-ordni ta’ falliment ma taffettwax it-tpaċija legali fejn il-kundizzjonijiet għal din ikunu ġew sodisfatti qabel ma nfetħu l-proċeduri ta’ falliment. Il-Qorti tal-Appell (Cour d’appel) iddeċidiet li “il-perjodu suspettat ma jipprevjenix din it-tip ta’ tpaċija. It-tpaċija legali hija possibbli minkejja li jitwaqqfu l-pagamenti. Din mhix att tad-debitur, għaliex isseħħ mingħajr l-għarfien tiegħu; din mhix koperta mill-Artikolu 445 tal-Kodiċi Kummerċjali.

Fir-rigward tat-tpaċija ordnata mill-qorti, din ma tistax tiġi ordnata wara li jkunu nfetħu proċeduri kollettivi. Madankolu, din tista’ sseħħ matul il-perjodu suspettat, sakemm l-ordni rilevanti tkun saret finali (mhux miftuħa għal appell). F’dan il-każ, it-tpaċija tkun effettiva biss mid-data tal-ordni.

Fir-rigward tat-tpaċija miftiehma, din ovvjament ma tistax isseħħ wara li jkunu nfetħu proċeduri kollettivi. Barra dan, din ma tistax isseħħ matul il-perjodu suspettat, għaliex hija meqjusa mill-Artikolu 445 tal-Kodiċi Kummerċjali bħala metodu mhux normali ta’ pagament li huwa sanzjonat minn invalidità [1].’

Madankollu, jenħtieġ li jkun innutat li l-Liġi tal-5 ta’ Awwissu 2005 dwar garanziji finanzjarji (loi du 5 août 2005 sur les garanties financières) tipprovdi għal eċċezzjonijiet speċifiċi għar-regoli deskritti hawn fuq fir-rigward, pereżempju, ta’ ftehimiet ta’ tpaċija li jistgħu jiġu konklużi bejn il-partijiet fil-jum meta jinfetħu l-proċeduri ta’ insolvenza (jew anke wara dan – ara l-Artikolu 18 et seq. tal-Liġi tal-5 ta’ Awwissu 2005 dwar garanziji finanzjarji).

3. Amministrazzjoni

Fir-rigward tal-amministrazzjoni, il-kompożizzjoni mal-kredituri jew is-sospensjoni tal-pagamenti, it-tpaċija ma tistax titwettaq wara li d-debituri jkunu tilfu l-libertà li jiddisponu mid-drittijiet u l-assi tagħhom.


[1] ‘La compensation comme garantie d’une créance sur un débiteur en faillite’, Pierre HURT, J.T., 2010, p. 30.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Waħda mid-diffikultajiet ewlenin li tqum għall-fiduċjarji wara li jkunu nfetħu l-proċeduri ta’ falliment tikkonċerna l-kuntratti kurrenti konklużi qabel ma ġie ordnat il-falliment. Bl-esklużjoni ta’ kuntratti tal-impjieg li jintemmu awtomatikament fid-data meta jiġi ordnat il-falliment (l-Artikolu 12-1 tal-Kodiċi tax-Xogħol (Code du travail)), huwa tradizzjonalment aċċettat li l-kuntratti kurrenti jkomplu sakemm dawn jiġu mitmuma mill-fiduċjarju.

Il-fiduċjarju irid iqis l-interessi involuti meta jiddeċiedi jekk dawn il-kuntratti jenħtieġx li jkomplu temporanjament jew le. Jekk hemm klawżoli fil-kuntratt li jtemmuh jekk waħda mill-partijiet tiġi dikjarata falluta, jenħtieġ li jiġi deċiż jekk il-fiduċjaru għandux l-intenzjoni jew le li jikkontesta l-applikabilità ta’ dawn il-klawżoli (filwaqt li jitqies li l-validità ta’ dawn il-klawżoli hija diskutibbli; pereżempju, dawn il-klawżoli jitqiesu bħala invalidi fil-Belġju fil-kuntest tal-lokazzjonijiet kummerċjali).

Fi kwalunkwe każ, fil-prinċipju, il-fiduċjarju huwa l-uniku responsabbli biex jagħżel bejn it-twettiq jew it-terminazzjoni ta’ dawn il-kuntratti. Jekk ikkontestat mill-parti l-oħra kontraenti li tinvoka t-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratt minħabba l-falliment, il-fiduċjarju jesponi lilu nnifsu għal proċeduri legali b’eżitu mhux ċert, u għal ħolqien ta’ kostijiet ġodda għall-patrimonju tal-insolvenza [1].


[1] Sorsi: ‘Les procédures collectives au Luxembourg’, Yvette HAMILIUS u Brice HELLINCKX (awturi tal-Kapitolu 3), Editions Larcier, 2014, p. 86.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

1. Kompożizzjoni mal-kredituri, falliment, sospensjoni tal-pagamenti u proċeduri ta’ amministrazzjoni

Fil-proċeduri ta’ kompożizzjoni mal-kredituri, falliment, sospensjoni tal-pagamenti u amministrazzjoni, il-miżuri ta’ infurzar kontra l-kummerċjanti u l-assi tagħhom jiġu sospiżi. Madankollu, l-ebda test legali applikabbli fil-Gran Dukat ma jipprevjeni lill-kredituri milli jieħdu miżuri maħsuba biex jippreservaw l-integrità tal-assi tad-debitur tagħhom.

F’dawn il-proċeduri kollha, id-debituri ma jibqax ikollhom il-libertà li jiddisponu mill-assi tagħhom. “Mill-ordni ta’ falliment sal-għeluq tal-proċeduri, l-ebda azzjoni legali ma tista’ tittieħed validatament kontra l-fallut waħdu, fir-rigward tal-assi li jifformaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza” (Lux. 12 ta’ Jannar 1935, Pas. 14, p. 27). “Il-kredituri mhux garantiti u dawk b’talba preferenzjali ġenerali ma jistgħux, matul il-proċeduri ta’ falliment, ifittxu ordni kontra l-fallut jew anke l-fiduċjarju, iżda jistgħu biss jaġixxu billi jressqu t-talba tagħhom jew jiftħu kawża biex it-talba tagħhom tiġi rikonoxxuta” (Cass. 13 ta’ Novembru 1997, Pas. 3030, p. 265).

F’ċerti każijiet, madankollu, jistgħu jitwettqu atti ta’ disponiment bl-appoġġ tal-persuna delegata mill-qorti kummerċjali (fir-rigward tas-sospensjoni tal-pagamenti jew l-amministrazzjoni).

Barra dan, bl-ordni ta’ falliment id-djun mhux dovuti jsiru pagabbli u tinterrompi l-applikazzjoni tal-imgħax.

2. Dejn eċċessiv

F’termini ta’ saldu tad-dejn kollettiv, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Medjazzjoni li taċċetta l-applikazzjoni tad-debituri tissospendi b’mod awtomatiku l-miżuri ta’ eżekuzzjoni kontra l-assi tad-debitur, ħlief għall-miżuri relatati mal-obbligi ta’ manteniment, fejn tinterrompi l-applikazzjoni tal-imgħax u trendi d-djun mhux dovuti pagabbli.

Jekk l-istadju ta’ saldu miftiehem ifalli, il-qorti tal-maġistrat li quddiemha jkun instema’ l-istadju tal-qorti tista’ tissospendi kwalunkwe miżuri ta’ infurzar taħt l-istess kundizzjonijiet kif indikat hawn fuq.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Il-litigazzjoni li diġà tkun għaddejja meta l-proċeduri ta’ insolvenza jinfetħu, tista’ titkompla validatament mill-fiduċjarju li qed jaġixxi f’dik il-kapaċità. Madankollu, l-applikanti f’każijiet bħal dawn għandhom jirregolarizzaw il-proċeduri billi jinvolvu l-fiduċjarju li hu biss se jkollu s-setgħa li jirrappreżenta validatament lid-debitur fallut.

Meta l-każ imur kontra d-debitur, il-kredituri li jkunu bdew il-proċeduri qabel il-falliment jiksbu garanzija li jistgħu jużaw fil-likwidazzjoni. Madankollu, din il-garanzija ma tistax tiġi infurzata jekk l-ordni ta’ falliment tirriżulta fl-iżvestiment tad-debitur mid-dritt li jamministra l-assi.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

1. Falliment

Il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ falliment f’waħda jew iktar mill-gazzetti distribwiti fil-Lussemburgu tinforma lill-kredituri li d-debitur tagħhom falla. Dawn iridu jressqu t-talbiet tagħhom flimkien mal-garaniji tagħhom, lir-reġistru tal-qorti distrettwali responsabbli għall-każijiet kummerċjali, fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-ordni ta’ falliment. L-iskrivan tal-qorti jirreġistra t-talbiet u jipprovdi riċevuta.

Id-dikjarazzjonijiet ta’ talba jridu jiġu ffirmati u jridu jinkludu l-kunjom, l-isem, il-professjoni u l-indirizz tal-kredituri, kif ukoll l-ammont tat-talba tagħhom ir-raġunijiet għat-talba, u kwalunkwe garanziji assoċjati mat-talba. Id-diversi talbiet imressqa jiġu mbagħad verifikati fil-preżenza tal-fiduċjarju, id-debitur fallut u r-riċevitur uffiċjali.

Matul din il-proċedura, jekk hemm kwalunkwe tilwim, il-kredituri jistgħu jiġu mħarrka biex jispjegaw id-dettalji tat-talba tagħhom u l-meriti tagħha jew l-ammont eżatt matul kontroeżami.

Jekk il-fiduċjarju rnexxilu jidentifika l-assi li jistgħu jiġu distribwiti bejn il-kredituri, dan iħarrek lil dawn tal-aħħar għal laqgħa ta’ preżentazzjoni tal-kontijiet li matulha l-kredituri jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar il-pjan ta’ distribuzzjoni.

Jekk ma hemmx biżżejjed assi, jiġi ordnat l-għeluq tal-falliment.

Jekk il-fiduċjarju ma jissodisfax id-doveri tiegħu għas-sodisfazzjon tal-kredituri, dawn tal-aħħar jistgħu jibgħatu l-ilmenti tagħhom lir-riċevitur uffiċjali li, jekk meħtieġ, jista’ jissostitwixxi l-fiduċjarju.

2. Amministrazzjoni

Fil-proċeduri ta’ amministrazzjoni, l-amministraturi jridu jipprovdu lill-kredituri bid-dettalji tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ realizzazzjoni tal-assi.

F’dan il-każ, il-kredituri jistgħu jiġu mistiedna jagħtu l-kummenti tagħhom. Fi żmien 15-il ġurnata minn meta l-kredituri jiġu informati, dawn iridu jgħidu lir-reġistru jekk jaċċettawx jew jopponux il-pjan, li ma jistax jiġi implimentat sakemm iktar minn nofs il-kredituri li t-talbiet tagħhom jirrappreżentaw iktar minn nofs l-obbligazzjonijiet ikunu aċċettaw dan il-pjan.

3. Kompożizzjoni mal-kredituri

Fil-proċedura ta’ kompożizzjoni mal-kredituri, titwettaq laqgħa tal-kredituri biex dawn ikunu jistgħu jiddiskutu l-proposti ta’ kompożizzjoni li jagħmel l-imħallef iddelegat. Il-kredituri għalhekk għandhom jiddikjaraw it-talbiet tagħhom u jgħidu wkoll jekk jaċċettawx jew le il-proposti ta’ kompożizzjoni.

Il-kredituri mbagħad jistgħu jagħtu l-kummenti tagħhom matul is-seduta ta’ approvazzjoni tal-kompożizzjoni. Dawn jistgħu jressqu wkoll appell kontra l-ordni li tapprova l-kompożizzjoni jekk ma jiġux mistiedna għal-laqgħa tal-kredituri jew fejn ikunu vvutaw kontra l-proposti ta’ kompożizzjoni.

4. Dejn eċċessiv

Fl-ewwel istanza, matul l-istadju ta’ saldu miftiehem, il-kredituri jridu jressqu t-talbiet tagħhom lis-Servizz ta’ Informazzjoni u Pariri dwar Dejn Eċċessiv. Il-kredituri mbagħad jistgħu jieħdu parti attiva fl-adozzjoni ta’ pjan ta’ saldu miftiehem mit-tali Servizz.

Il-Kummissjoni tal-Medjazzjoni għad-Dejn Eċċessiv imbagħad tlaqqa’ l-kredituri u tippreżenta l-proposti magħmula fil-pjan ta’ saldu miftiehem. Mill-inqas 60 % tal-kredituri li t-talbiet tagħhom jirrappreżentaw 60 % tal-korp ta’ talbiet iridu jiddikjaraw li jaċċettaw il-pjan ta’ saldu miftiehem sabiex dan jitqies bħala aċċettat. L-ebda rispons mill-kredituri jitqies bħala qbil min-naħa tagħhom.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Il-fiduċjarji fi proċedura ta’ falliment jirrappreżentaw kemm il-persuna falluta kif ukoll il-korp tal-kredituri tagħha. F’din il-kapaċità doppja, dawn mhux biss huma responsabbli biex jamministraw l-assi tal-fallut, iżda huma awtorizzati wkoll biex jimmonitorjaw, bħala rikorrenti jew konvenuti, l-azzjonijiet kollha li jfittxu li jippreservaw l-assi li jridu jintużaw bħala garanzija għall-kredituri, kif ukoll li jirkupraw jew iżidu dawk l-assi fl-interessi komuni ta’ dawn tal-aħħar (il-Qorti tal-Appell, 2 ta’ Lulju 1880, Pas. 2, p. 49).

Il-fiduċjarju jista’ jieħu kwalunkwe azzjoni fir-rigward tal-garanzija komuni għall-kredituri, li tikkonsisti mill-assi tal-fallut, jiġifieri li jfittex li jirkupra, jipproteġi jew jillikwida dawk l-assi (il-Qorti tal-Appell, 25 ta’ Frar 2015, Pas. 37, p. 483).

Fir-rigward tal-kuntratti kurrenti wara l-ordni ta’ falliment, il-fiduċjarju jrid jiddeċiedi jekk dawn jenħtieġx li jiġu mitmuma jew jekk ikunx aħjar, fejn dawn jistgħu jirrilaxxaw l-assi, li jitkompla t-twettiq tagħhom bil-għan li sussegwentement jiġu sodisfatti l-obbligazzjonijiet tal-fallut.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Il-kredituri kollha jridu jiddikjaraw it-talbiet tagħhom irrispettivament min-natura tat-talba u jekk għandhomx talba preferenzjali jew le. Madankollu, l-eċċezzjoni għal din il-proċedura hija t-talbiet li jqumu mill-patrimonju, jiġifieri dawk it-talbiet li jqumu sussegwentement u fl-interessi tal-proċeduri ta’ falliment (pereż. il-kostijiet tal-fiduċjarju, il-kiri li jkun dovut wara l-ordni ta’ falliment, eċċ.).

Rigward it-talbiet li jqumu mill-patrimonju wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza u li jirriżultaw mill-amministrazzjoni tal-proċeduri ta’ falliment jew il-kontinwazzjoni ta’ ċerti attivitajiet tan-negozju fallut, dawn jiġu onorati l-ewwel qabel ma l-bqija tal-assi jiġu distribwiti fost il-korp tal-kredituri. It-talbiet li jqumu mill-patrimonju għalhekk huma onorati fil-każijiet kollha qabel dawk ta’ kredituri oħra.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

1. Falliment

Fil-proċeduri ta’ falliment, l-ordni ta’ falliment tiġi ppubblikata f’diversi modi (l-istampa, reġistrazzjoni mal-qorti kummerċjali), sabiex is-sitwazzjoni tinġab għall-attenzjoni tal-kredituri tad-debitur fallut, li mbagħad jistgħu jippreżentaw lilhom infushom (l-Artikolu 472 tal-Kodiċi Kummerċjali).

Il-kredituri għandhom jissottomettu t-talba tagħhom mar-reġistru tal-qorti kummerċjali u jissottomettu d-dokumenti ta’ sostenn tagħhom (l-Artikolu 496 tal-Kodiċi Kummerċjali).

Formola li tippermetti lill-kredituri jagħmlu d-dikjarazzjoni ta’ talba tagħhom hija disponibbli online fl-indirizz li ġej: https://justice.public.lu/fr/creances/declaration-creance.html.

Id-dikjarazzjonijiet huma vverifikati mill-fiduċjarju responsabbli għal-likwidazzjoni u jistgħu jiġu kontestati minn dan tal-aħħar (l-Artikolu 500 tal-Kodiċi Kummerċjali).

Kull talba mressqa li hija kontestata tiġi riferuta lill-qorti.

Madankollu, jekk hemm xi tilwim li, minħabba s-suġġett tagħhom, ma jaqgħux fil-ġurisdizzjoni tal-qorti distrettwali responsabbli għall-każijiet kummerċjali, dawn jiġu riferuti lill-qorti kompetenti biex tittieħed deċiżjoni fuq il-meriti tagħhom. Dawn jiġu riferuti wkoll lill-qorti distrettwali responsabbli għall-każijiet kummerċjali biex titħejja ordni dwarhom skont l-Artikolu 504, fuq l-ammonti li jistgħu jintalbu mill-kredituri kkonċernati fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar il-kompożizzjoni (l-Artikolu 502).

2. Kompożizzjoni mal-kredituri

Fil-proċedura tal-kompożizzjoni mal-kredituri, id-debitur li japplika għall-kompożizzjoni jrid jispeċifika, fl-applikazzjoni, l-identitajiet u l-indirizzi tal-kredituri u l-ammonti tat-talbiet tagħhom (l-Artikolu 3 tal-Liġi tal-14 ta’ April 1886).

Il-kredituri jiġu notifikati b’ittra reġistrata (l-Artikolu 8 tal-Liġi tal-14 ta’ April 1886) li tistedinhom jieħdu parti fil-laqgħa dwar il-kompożizzjoni.

L-istedina se tiġi ppubblikata wkoll fl-istampa.

Matul il-laqgħa dwar il-kompożizzjoni, il-kredituri jiddikjaraw l-ammonti tat-talbiet tagħhom.

Kif indikat hawn fuq, il-kredituri b’talbiet iggarantiti b’imposti fuq il-proprjetà li jieħdu parti fil-vot jitilfu l-istatus tagħhom ta’ kredituri preferenzjali (l-Artikolu 10 tal-Liġi tal-14 ta’ April 1886).

3. Sospensjoni tal-pagamenti

Fil-proċedura ta’ sospensjoni tal-pagamenti, id-debitur għandu jissottometti wkoll lista tal-kredituri, fejn jindika l-ismijiet, l-ammont tat-talbiet u l-indirizzi tagħhom.

Il-kredituri jiġu mistiedna għal laqgħa permezz ta’ ittra reġistrata (l-Artikolu 596 tal-Kodiċi Kummerċjali) u fl-istampa.

Matul il-laqgħa, dawn iridu jiddikjaraw l-ammonti tat-talbiet tagħhom (l-Artikolu 597 tal-Kodiċi Kummerċjali).

4. Amministrazzjoni

Fil-proċeduri ta’ amministrazzjoni, ma hemm l-ebda proċedura għat-tressiq u l-aċċettazzjoni tat-talbiet. Id-debituri jridu jinfurmaw lill-qorti dwar l-identitajiet tal-kredituri fl-applikazzjoni tagħhom.

Dawn il-kredituri jiġu infurmati sussegwentement mill-qorti dwar il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ realizzazzjoni tal-assi mħejji mill-amministraturi maħturin mill-qorti.

5. Il-proċedura ta’ dejn eċċessiv

Fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ saldu tad-dejn kollettiv fir-reġistru, il-kredituri tad-debitur b’dejn eċċessiv iridu jressqu t-talbiet tagħhom lis-Servizz ta’ Informazzjoni u Pariri dwar Dejn Eċċessiv.

Id-dikjarazzjoni tat-talba trid tikkonforma mal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament tal-Gran Dukat tas-17 ta’ Jannar 2014 li jimplimenta l-Liġi tat-8 ta’ Jannar 2013 dwar id-dejn eċċessiv (règlement grand-ducal du 17 janvier 2014 portant exécution de la loi du 8 janvier 2013 concernant le surendettement).

Hemm formola ta’ dikjarazzjoni disponibbli għall-użu mill-kredituri.

Il-Kummissjoni ta’ Medjazzjoni tanalizza jekk it-talbiet humiex ammissibbli.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Il-prinċipju bażiku fil-liġi dwar il-falliment huwa li kull kreditur għandu jirċievi sehem identiku proporzjonali għall-ammont tat-talba tiegħu.

Xi kredituri li għandhom garanzija jew talba preferenzjali jitħallsu l-ewwel.

Il-kredituri preferenzjali jiġu kklassifikati f’ordni ġuridiku li huwa l-ordni pubbliku (sidien tal-kera tal-proprjetà, l-ipotekarji, il-kredituri b’garanziji fuq il-kapital tan-negozju u, b’mod partikolari, it-teżor pubbliku fis-sens l-aktar wiesa’).

Ġeneralment, il-fiduċjarju jirreferi għall-Artikoli 2096 sa 2098, 2101 u 2102 tal-Kodiċi Ċivili (Code civil).

Il-fiduċjarju jrid jivverifika kull talba billi jirreferi għal-liġi u l-ġurisprudenza.

L-assi netti disponibbli għal kredituri li m’għandhomx garanzija jridu jiġu distribwiti fuq bażi pro rata skont l-Artikolu 561, l-ewwel paragrafu, tal-Kodiċi Kummerċjali.

Meta l-fiduċjarju jkun jaf l-ammont tat-tariffi stabbiliti mill-qorti, ikun ikklassifika l-kredituri preferenzjali u jkun jaf l-ammont li fadal biex jiġi distribwit bejn il-kredituri mingħajr garanziji, iħejji pjan ta’ distribuzzjoni tal-assi li jiġi sottomess fl-ewwel istanza lir-riċevitur uffiċjali. Skont l-Artikolu 533 tal-Kodiċi Kummerċjali, il-fiduċjarju jistieden lill-kredituri kollha għal-laqgħa ta’ preżentazzjoni tal-kontijiet permezz ta’ ittri reġistrata, li magħha jehmeż kopja tal-pjan ta’ distribuzzjoni tal-assi.

Il-fallut irid jingħata avviż tal-laqgħa minn uffiċjal tal-qorti, jew permezz tal-pubbliklazzjoni f’gazzetta tal-Lussemburgu.

Sakemm il-preżentazzjoni tal-kontijiet mill-fiduċjarju ma tiġix kontestata minn kreditur, il-fiduċjarju jissottometti l-minuti tal-laqgħa ta’ preżentazzjoni, fuq il-bażi tal-pjan ta’ distribuzzjoni tal-assi, lir-riċevituri uffiċjali u lill-iskrivan tal-qorti għall-firma.

Wara l-preżentazzjoni tal-kontijiet, il-fiduċjarju jħallas il-kredituri.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

1. Falliment

Fil-proċeduri ta’ falliment, meta l-pagamenti jkunu saru, il-fiduċjarju jista’ japplika biex jingħalqu l-proċeduri, li huwa segwit mill-ordni ta’ għeluq li, bħal ma isimha jissuġġerixxi, ittemm il-proċeduri ta’ falliment.

Skont l-Artikolu 536 tal-Kodiċi Kummerċjali, il-falluti li ma ġewx iddikjarati kriminalment falluti fuq bażi ta’ negliġenza jew frodi ma jistgħux jibqgħu jiġu persegwitati mill-kredituri tagħhom, sakemm il-fortuni tagħhom ma jitjiebux fi żmien seba’ snin mill-ordni li tagħlaq il-proċeduri minħabba insuffiċjenza ta’ assi.

Skont l-Artikolu 586 tal-Kodiċi Kummerċjali, il-falluti li jħallsu bis-sħiħ is-somom kollha dovuti f’termini ta’ kapital, imgħax u kostijiet jistgħu jiġu rilaxxati mid-dejn billi jissottomettu applikazzjoni f’dan ir-rigward lill-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (Cour supérieure de justice).

2. Kompożizzjoni mal-kredituri, sospensjoni tal-pagamenti, amministrazzjoni

Fil-proċeduri ta’ kompożizzjoni mal-kredituri, sospensjoni tal-pagamenti u amministrazzjoni, id-deċiżjoni tal-qorti li tapprova l-miżura rilevanti ttemm il-proċeduri.

Il-qorti tista’ timponi pieni ċivili jew kriminali fuq id-debitur fallut.

Jekk il-qorti ssib li l-falliment kien ikkawżat minn kondotta ħażina serja u evidenti fuq il-parti tal-fallut, din tista’ tipprojbixxi lil dan tal-aħħar milli jwettaq attività tan-negozju direttament jew permezz ta’ persuna oħra. Din il-projbizzjoni tapplika wkoll għaż-żamma ta’ pożizzjoni li tinvolvi setgħat deċiżjonarji f’kumpanija.

Pieni ċivili oħra jinkludu, għal fallimenti ta’ kumpaniji kummerċjali, il-possibbiltà li l-falliment jiġi estiż għad-diretturi tagħhom u l-possibbiltà li jittieħdu azzjonijiet fuq il-bażi tal-Artikoli 1382 u 1383 tal-Kodiċi Ċivili (obbligazzjoni legali ġenerali) u tal-Artikoli 59 u 192 tal-Liġi dwar il-Kumpaniji Kummerċjali (loi sur les sociétés commerciales).

Jistgħu jiġu imposti wkoll pieni kriminali (fallimenti kriminali) fuq il-fallut.

Fil-kompożizzjonijiet mal-kredituri, il-persuni li jibbenefikaw minn din il-proċedura jridu jirrimborżaw lill-kredituri tagħhom jekk il-fortuni tagħhom jitjiebu (l-Artikolu 25 tal-Liġi tal-14 ta’ April 1886 dwar il-kompożizzjoni mal-kredituri għall-prevenzjoni tal-falliment).

Il-kompożizzjoni mal-kredituri m’għandha l-ebda effett fuq id-djun li ġejjin:

  • taxxi u dazji oħra tal-gvern;
  • talbiet iggarantiti bi drittijiet preferenzjali, ipoteki jew kollateral;
  • talbiet għal manteniment.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Wara l-għeluq tal-proċeduri ta’ insolvenza, jekk jifdal xi assi, il-kredituri jirċievu l-ammonti sħaħ jew proporzjon tal-ammonti tat-talbiet tagħhom skont il-kundizzjonijiet ta’ distribuzzjoni aċċettati fl-ordni tal-għeluq.

Jekk il-falluti ma ġewx iddikjarati kriminalment falluti fuq bażi ta’ negliġenza jew frodi, dawn ma jistgħux jibqgħu jiġu persegwitati mill-kredituri tagħhom sakemm il-fortuni tagħhom ma jitjiebux fi żmien seba’ snin mill-ordni li tagħlaq il-proċeduri ta’ falliment.

Il-kredituri jistgħu jieħdu wkoll azzjoni fuq il-bażi tal-Artikoli 1382 u 1383 tal-Kodiċi Ċivili sabiex jinvokaw l-obbligazzjoni legali ġenerali tad-diretturi tal-fallut, jew azzjoni fuq il-bażi tal-Artikoli 59 u 192 tal-Liġi dwar il-Kumpaniji Kummerċjali (obbligazzjoni tal-amministraturi u l-maniġers fit-twettiq tal-mandat tagħhom).

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Il-kostijiet tal-applikazzjoni għal falliment huma inklużi fil-kostijiet tal-patrimonju tal-insolvenza.

Billi dawn huma kostijiet li jqumu fl-interessi tal-proċeduri ta’ falliment, dawn jitħallsu mill-assi tal-falliment qabel ma l-fiduċjarju jiddistribwixxi l-bqija tal-assi lill-kredituri differenti.

Il-Liġi tad-29 ta’ Marzu 1893 dwar għajnuna legali u proċeduri ta’ defiċit (loi du 29 mars 1893 concernant l’assistance judiciaire et la procédure en débet) tistabbilixxi, fl-Artikoli 1 u 2, il-kostijiet differenti li jistgħu jirriżultaw mill-formalitajiet meħtieġa mill-proċeduri ta’ insolvenza u tiddetermina l-ordni tal-pagament tagħhom fejn hemm insuffiċjenza ta’ assi.

Il-qorti distrettwali kompetenti tistabbilixxi t-tariffi tal-fiduċjarju fuq il-bażi tar-Regolament tal-Gran Dukat tat-18 ta’ Lulju 2003 (règlement grand-ducal du 18 juillet 2003).

Il-fiduċjarju jrid jissottometti, lill-qorti distrettwali responsabbli għall-każijiet kummerċjali, dikjarazzjoni tal-kostijiet u t-tariffi fuq il-bażi tal-assi rkuprati.

L-Artikolu 536-1 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li l-kostijiet u t-tariffi tal-fallimenti li jingħalqu minħabba insuffiċjenza ta’ assi se jitħallsu bil-quddiem mill-Uffiċċju tat-Taxxi Indiretti (Administration de l’Enregistrement) taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-Liġi tad-29 ta’ Marzu 1893 dwar għajnuna legali u l-proċeduri ta’ defiċit.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

1. Falliment

L-ordni ta’ falliment tista’ tistabbilixxi d-data tal-waqfien tal-pagamenti mill-fallut f’data li tippreċedi dik tal-ordni. Madankollu, din id-data ma tistax tippreċedi l-ordni b’iktar minn sitt xhur.

Sabiex jiġu protetti l-interessi tal-kredituri, il-perjodu bejn il-waqfien tal-pagamenti u l-ordni jitqies bħala l-“perjodu suspettat”.

Ċerti atti mwettqa matul dan il-perjodu, fejn dawn jistgħu jkunu detrimentali għad-drittijiet tal-kredituri, se jkunu nulli u bla effett. Dawn jinvolvu b’mod partikolari:

  • kwalunkwe atti relatati ma’ proprjetà mobbli jew immobbli li l-fallut ikun biegħ mingħajr ebda spiża jew għal pagament fejn il-prezz tal-bejgħ huwa evidentement iktar baxx mill-valur tal-proprjetà inkwistjoni;
  • il-pagamenti kollha li jkunu saru bi flus kontanti jew permezz ta’ trasferiment, bejgħ, tpaċija jew mod ieħor għad-djun li għadhom mhumiex dovuti;
  • il-pagamenti kollha li jkunu saru minbarra bi flus kontanti jew bl-użu ta’ strumenti kummerċjali għad-djun li huma dovuti;
  • kull ipoteka jew kwalunkwe drittijiet fuq proprjetà oħra mogħtija mid-debitur għad-djun ikkuntrattati qabel il-waqfien tal-pagamenti.

Għal atti oħra, madankollu, il-prinċipju ta’ nullità mhuwiex awtomatiku.

Bħala riżultat, ċerti pagamenti li jkunu saru mill-fallut għad-djun li huma dovuti u kull att ieħor imwettaq għal ħlas matul il-perjodu suspettuż jistgħu jkunu bla effett jekk jiġi ppruvat li l-partijiet terzi li rċevew il-pagamenti jew li nnegozjaw mal-fallut kienu jafu bil-waqfien tal-pagamenti.

Meta kreditur ikun jaf li debitur ma jistax jonora l-impenji tiegħu, dak il-kreditur ma għandux ifittex trattament preferenzjali għad-detriment tal-korp ġenerali ta’ kredituri.

Id-drittijiet ipotekarji u preferenzjali li jkunu nkisbu b’mod validu jistgħu jiġu rreġistrati sad-data tal-ordni ta’ falliment. Madankollu, id-drittijiet irreġistrati fl-10 ijiem li jippreċedu d-data ta’ waqfien tal-pagamenti jew wara jistgħu jiġu ddikjarati nulli u bla effett jekk ikunu għaddew iktar minn 15-il ġurnata bejn id-data tal-att ipotekarju u d-data ta’ reġistrazzjoni.

Fl-aħħar, kwalunkwe att mwettaq jew pagament li jkun sar permezz ta’ frodi kontra l-kredituri, jiġifieri li jkun sar mid-debitur b’għarfien sħiħ tad-detriment li dan kien se jikkawża lill-kreditur (jiġifieri permezz tat-tnaqqis tal-patrimonju tal-insolvenza, in-nuqqas ta’ rispett tal-klassifikazzjoni tat-talbiet, eċċ), jitqies null u bla effett, irrispettivament mid-data li jseħħ fiha.

Il-kunċett tal-perjodu suspettuż ma japplikax għal kuntratti ta’ garanzija finanzjarja jew f’każijiet ta’ talbiet futuri trasferiti lil korp ta’ titolizzazzjoni.

2. Kompożizzjoni mal-kredituri

Matul il-proċedura għall-ksib tal-kompożizzjoni mal-kredituri, id-debituri ma jistgħux jitrasferixxu, iselfu b’ipoteka jew jikkommettu kwalunkwe att mingħajr l-awtorizzazzjoni mill-imħallef delegat.

3. Amministrazzjoni

Mid-data tad-deċiżjoni li taħtar imħallef delegat biex jipproduċi l-inventarju tan-negozju, il-kummerċjant ma jistax, taħt ir-riskju ta’ nullità, jittrasferixxi, jistabbilixxi garanziji jew ipoteki fuq, jikkommetti jew jirċievi assi kapitali mobbli mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub mill-imħallef delegat.

Jenħtieġ li jkun innutat li l-liġi dwar l-amministrazzjoni tipprovdi għal pieni kriminali għall-kummerċjanti li jkunu ħbew parti mill-assi tagħhom, esaġeraw l-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħhom jew involvew kredituri li t-talbiet tagħhom ġew esaġerati.

4. Dejn eċċessiv

L-imħallef jista’, fejn applikabbli, jaħtar persuni responsabbli biex jipprovdu għajnuna soċjali, edukattiva jew ta’ ġestjoni finanzjarja biex jiżgura li l-parti tad-dħul tad-debitur li mhijiex allokata għall-ħlas lura tad-djun tintuża għall-iskopijiet li hija maħsuba għalihom.

Meta jwettqu l-ħidma tagħhom, dawn il-persuni huma awtorizzati jieħdu kwalunkwe miżura maħsuba biex tipprevjeni li dik il-parti tad-dħul tiġi żvijata mill-iskop naturali tagħha jew li ssir ħsara lill-interessi tal-unità domestika tad-debituri.

L-aħħar aġġornament: 29/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.