Insolvenza/falliment

Latvja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Il-Liġi dwar l-Insolvenza li tistabbilixxi proċedimenti ta’ insolvenza fil-Latvja hija applikabbli għall-persuni ġuridiċi u fiżiċi li jistgħu jkunu soġġetti għal proċedimenti ta’ insolvenza stabbiliti f’din il-Liġi.

Il-Liġi dwar l-Insolvenza tistabbilixxi tliet tipi ta’ proċedimenti ta’ insolvenza: proċedimenti ta’ protezzjoni legali (proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni), proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, u proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika.

Jekk jogħġbok innota li l-Liġi dwar l-Insolvenza ma tapplikax għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma rregolati mil-Liġi dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

Il-proċedimenti ta’ protezzjoni legali (inklużi proċedimenti ta’ protezzjoni legali barra mill-qorti (pre-pack)) huma proċedura ta’ ristrutturar tad-dejn li tista’ tiġi applikata biss għall-persuni ġuridiċi. Għandu jiġi nnotat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali ma jinkludix operaturi speċifiċi tas-suq finanzjarju u tal-kapital, bħall-assigurazzjoni, il-kumpaniji ta’ senserija tal-assigurazzjoni u ta’ senserija tal-investiment, il-fondi tal-pensjonijiet privati, eċċ.

Il-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika huma proċedura għal-likwidazzjoni ta’ debitur (persuna ġuridika) u hija applikabbli għall-persuni ġuridiċi, is-sħubijiet u l-kummerċjanti waħdenin. Is-sħubijiet ma għandhomx l-istatus ta’ persuna ġuridika, iżda jistgħu jiksbu drittijiet u jassumu obbligazzjonijiet. Persuna fiżika bl-istatus ta’ kummerċjant waħdieni tista’ tidħol fi tranżazzjonijiet kummerċjali (bl-użu tal-isem tal-kummerċjant waħdieni), u fi tranżazzjonijiet ekonomiċi oħra bħala persuna fiżika. Bħalissa, persuna bl-istatus ta’ kummerċjant waħdieni hija l-ewwel soġġetta għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, li warajha l-individwu jista’ jippreżenta rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika fir-rigward ta’ kwalunkwe obbligazzjoni li jifdal. Is-soluzzjoni għall-kummerċjanti waħdenin hija applikabbli wkoll għall-istabbilimenti tal-biedja u tas-sajd.

Il-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika huma applikabbli għall-persuni fiżiċi, inklużi l-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi, u huma maħsuba sabiex jgħinu fis-serħan tad-debituri mid-dejn tagħhom u sabiex tiġi restawrata s-solvenza. Kwalunkwe persuna fiżika li kienet kontribwent fil-Latvja għal dawn l-aħħar 6 xhur tista’ tkun soġġetta għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

Skont il-Liġi dwar l-Insolvenza, rikors għal proċedimenti ta’ protezzjoni legali tista’ tiġi ppreżentata biss mid-debitur meta jinqalgħu diffikultajiet finanzjarji jew ikunu mistennija li jinqalgħu. Il-Liġi dwar l-Insolvenza ma tiddefinixxi l-ebda indikatur speċifiku, li l-preżenza tiegħu tagħti d-dritt lid-debitur li japplika għal proċedimenti ta’ protezzjoni legali. Meta jinqalgħu diffikultajiet finanzjarji, id-debitur irid jivvaluta jekk il-grad tad-diffikultajiet finanzjarji jippermettix li jintlaħaq ftehim barra mill-qorti mal-kredituri, jew jekk għandhomx bżonn japplikaw għal proċedimenti ta’ protezzjoni legali sabiex jirristrutturaw l-obbligazzjonijiet tagħhom taħt protezzjoni ġudizzjarja.

Ir-rikors għal proċedimenti ta’ protezzjoni legali huwa soġġett għall-ħlas ta’ tariffa tal-Istat ta’ EUR 145.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

Fil-każijiet stabbiliti fil-Liġi dwar l-Insolvenza, kemm id-debitur kif ukoll il-kredituri tad-debitur (inklużi l-impjegati tad-debitur) jistgħu jitolbu l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika. Bl-istess mod, rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika jista’ jiġi ppreżentat mill-persuna msemmija fl-Artikolu 37(1)(a) tar-Regolament 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Il-Liġi dwar l-Insolvenza tistabbilixxi każijiet fejn id-debitur ikollu l-obbligu li jippreżenta immedjatament rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika. In-nuqqas li jiġi ppreżentat rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza jwassal għal responsabbiltà amministrattiva għad-debitur. Id-debitur għandu l-obbligu li jippreżenta rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika fil-każijiet li ġejjin:

  • id-debitur ikun naqas milli jħallas dejn li d-data ta’ maturità tiegħu tkun skadiet aktar minn xahrejn qabel, u jkun naqas milli jilħaq ftehim ta’ estensjoni tad-dejn mal-kredituri, jew ma tkun inbdiet l-ebda proċedura ta’ protezzjoni legali (huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-bidu ta’ proċedimenti ta’ protezzjoni legali ma huwiex prekundizzjoni għall-preżentazzjoni ta’ rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika; id-dispożizzjoni sserraħ lid-debitur biss mir-responsabbiltà amministrattiva jekk ikun ipprova jsolvi d-diffikultajiet finanzjarji tiegħu meta jkunu seħħu, iżda jkun sar insolventi);
  • skont ir-rapport finanzjarju inizjali taħt il-proċedura ta’ likwidazzjoni, id-debitur ma jkollux assi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-pretensjonijiet ġustifikati kollha tal-kredituri, jew din il-kundizzjoni tiġi skoperta matul il-proċedura ta’ likwidazzjoni;
  • id-debitur ma jkunx għadu jista’ jikkonforma mal-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali.

Kreditur huwa intitolat li jippreżenta rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza jekk:

  • deċiżjoni tal-qorti għall-irkupru tad-dejn mid-debitur ma setgħetx tiġi eżegwita b’miżuri ta’ eżekuzzjoni;
  • id-debitur (kumpanija b’responsabbiltà limitata jew kumpanija b’ishma konġunti) ma jkunx issalda dejn prinċipali li jammonta għal EUR 4 268, u l-kreditur ikun innotifikah bl-intenzjoni tiegħu li jippreżenta rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika;
  • id-debitur (persuna ġuridika għajr kumpanija b’responsabbiltà limitata jew kumpanija b’ishma konġunti) ma jkunx issalda dejn prinċipali li jammonta għal EUR 2 134, u l-kreditur ikun innotifika l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika;
  • id-debitur ikun naqas milli jħallas lil impjegat il-pagi sħaħ tiegħu, il-kumpens għad-danni b’rabta ma’ aċċident fuq il-post tax-xogħol jew ma’ marda okkupazzjonali, jew ikun naqas milli jħallas il-kontribuzzjonijiet obbligatorji tal-assigurazzjoni soċjali fi żmien xahrejn mill-jum stabbilit għall-ħlas (sakemm il-jum tal-ħlas ma jkunx stabbilit fil-kuntratt tal-impjieg, il-jum tal-ħlas għandu jitqies bħala l-ewwel jum tax-xogħol tax-xahar ta’ wara). Fil-każ ta’ dan, l-ammont tal-pagament pendenti ma huwiex rilevanti.

Il-qorti tiddikjara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika jekk fil-jum tal-eżami tar-rikors issib li jeżisti l-indikatur imsemmi fir-rikors.

Huwa importanti li jiġi nnotat li, meta jiġi ppreżentat rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza, kemm id-debitur kif ukoll il-kreditur iridu jħallsu tariffa tal-Istat, jiġifieri tariffa operazzjonali għall-eżami tar-rikors minn qorti. It-tariffa tammonta għal EUR 70 għad-debitur u EUR 355 għall-kreditur. Bl-istess mod, qabel ma jiġi ppreżentat rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, kemm id-debitur kif ukoll il-kreditur iridu jħallsu depożitu li jammonta għal żewġ pagi minimi fix-xahar fil-Latvja.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

Debitur li jkun persuna fiżika jista’ jkun soġġett għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jekk ikun hemm preżenti xi wieħed mill-indikaturi li ġejjin tal-insolvenza ta’ persuna fiżika:

  1. il-persuna ma tkunx tista’ tħallas id-djun tagħha li jkunu saru dovuti, u t-total tad-dejn ikun aktar minn EUR 5 000;
  2. minħabba ċirkostanzi dimostrabbli, il-persuna ma tkunx tista’ tissalda djun li jkunu dovuti fi żmien sena, u t-total tad-djun ikun aktar minn EUR 10 000;
  3. il-persuna ma tkunx tista’ tissalda djun, li tal-anqas wieħed minnhom ikun ibbażat fuq obbligazzjonijiet anċillari mhux saldati jew obbligazzjonijiet konġunti tad-debitur u tal-konjuġi jew tal-qarib tad-debitur, jew qarib b’affinità sat-tieni grad, jekk it-total tad-dejn ikun aktar minn EUR 5 000.

Rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jista’ jiġi ppreżentat biss mid-debitur; il-kredituri ma humiex intitolati li jippreżentawh.

Rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika huwa soġġett ukoll għall-ħlas ta’ tariffa tal-Istat ta’ EUR 70 u depożitu ta’ żewġ pagi minimi fix-xahar.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

Il-patrimonju tal-insolvenza taħt proċedimenti ta’ protezzjoni legali jinkludi l-assi kollha tad-debitur, u d-debitur iżomm id-drittijiet kollha biex jiddisponi minnu. Skont il-Liġi dwar l-Insolvenza, wieħed mill-metodi taħt proċedimenti ta’ protezzjoni legali jinvolvi ċ-ċessjoni ta’ proprjetà mobbli jew ta’ proprjetà immobbli jew l-aggravar tagħha bi drittijiet in rem sabiex tingħata estensjoni tal-iskadenza biex jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet tal-kredituri jew sabiex jiġu saldati l-pretensjonijiet tal-kredituri. Il-fattibbiltà u l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-metodu rilevanti jridu jiġu stabbiliti fil-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

Ladarba l-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika jkunu ġew imħabbra, id-debitur jitlef id-dritt li jiddisponi mill-assi tiegħu, kif ukoll l-assi li jkunu proprjetà ta’ partijiet terzi kkontrollati jew miżmuma minnhom, u dawn id-drittijiet jiġu ttrasferiti lill-amministratur.

Skont il-Liġi dwar l-Insolvenza, il-patrimonju tal-insolvenza huwa magħmul minn dawn li ġejjin:

  1. il-proprjetà immobbli u l-assi mobbli tad-debitur, inklużi l-flus;
  2. flus miksuba permezz tad-disponiment tal-assi tad-debitur;
  3. assi rkuprati matul il-proċedimenti ta’ insolvenza (eż. fondi rkuprati abbażi ta’ pretensjonijiet kontra partijiet terzi, kif ukoll fondi riċevuti minn membri tal-korpi maniġerjali tal-persuna ġuridika abbażi tar-responsabbiltà tagħhom għad-danni kkawżati);
  4. introjtu mill-assi tad-debitur riċevuti matul il-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika;
  5. assi oħra akkwistati legalment matul proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika.

Matul il-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, jinbiegħu l-assi kollha tad-debitur u r-rikavati jintużaw sabiex ikopru l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika u sabiex jiġu saldati l-pretensjonijiet tal-kredituri. L-amministratur tal-proċedimenti ta’ insolvenza (l-amministratur) huwa responsabbli għall-bejgħ tal-assi tad-debitur f’konformità mal-pjan għall-bejgħ tal-assi. L-amministratur irid jiżgura li l-assi tad-debitur jinbiegħu bl-ogħla prezz possibbli sabiex kemm jista’ jkun jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet tal-kredituri.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

Ladarba l-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jkunu ġew imħabbra, id-debitur jitlef id-dritt li jiddisponi mill-assi tiegħu, kif ukoll l-assi li jkunu proprjetà ta’ partijiet terzi kkontrollati jew miżmuma minnu (bl-eċċezzjoni ta’ assi li huma eżentati mill-eżekuzzjoni), u dawn id-drittijiet jiġu ttrasferiti lill-amministratur. Matul il-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika, jinbiegħu l-assi kollha tad-debitur u r-rikavat jintuża sabiex ikopri l-ispejjeż diretti tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika u sabiex jiġu saldati l-pretensjonijiet tal-kredituri.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

Id-debitur. Wara t-tħabbira tal-implimentazzjoni tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali, id-debitur iżomm il-kontroll tal-kumpanija tiegħu u jimmaniġġja l-assi tiegħu u l-assi kkontrollati jew miżmuma minnu, f’konformità mal-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali li jkun ġie miftiehem mill-kredituri u approvat mill-qorti. Fl-istess ħin, għadd ta’ obbligi u restrizzjonijiet japplikaw għad-debitur sabiex tiġi żgurata l-legalità tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali u l-kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ miżuri mis-superviżur tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali (is-superviżur) u l-kredituri.

L-obbligu ewlieni tad-debitur huwa li jikkonforma mal-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali. Id-debitur għandu wkoll l-obbligi li ġejjin:

  1. li jkopri l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali;
  2. li jipprovdi rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali lis-superviżur mill-inqas darba fix-xahar;
  3. fuq talba tas-superviżur, li jippreżenta bil-miktub u mingħajr dewmien l-informazzjoni kollha dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali u jagħtihom il-possibbiltà li jirrevedu l-attivitajiet ekonomiċi u d-dokumenti tad-debitur personalment;
  4. li jinnotifika lis-superviżur minnufih bi kwalunkwe ċirkostanza li tista’ tipprevjeni lid-debitur milli jimplimenta l-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali, eċċ..

Fir-rigward tar-restrizzjonijiet, jekk jogħġbok innota li matul il-proċedimenti ta’ protezzjoni legali d-debitur huwa pprojbit minn dawn li ġejjin:

  1. li jidħol fi kwalunkwe tranżazzjoni jew iwettaq attivitajiet li jistgħu jaggravaw is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu jew jagħmel ħsara lill-interessi tal-korp ġenerali tal-kredituri;
  2. li joħroġ self (krediti), ħlief meta l-ħruġ ta’ self (krediti) jikkostitwixxi l-attività prinċipali tad-debitur u dan ikun rifless fil-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali;
  3. li joħroġ garanziji, jagħti rigali jew donazzjonijiet, jagħti bonusijiet jew tipi oħra ta’ remunerazzjoni materjali addizzjonali lill-membri tal-bord jew tal-kunsill tad-debitur.

Is-superviżur. Ladarba d-debitur ikun ħejja l-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali, is-superviżur tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-pjan u valutazzjoni tal-konformità tiegħu mal-liġi. Dan irid jinkludi valutazzjoni dwar jekk il-pjan jistax jikseb l-għan tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali stabbiliti fil-liġi. L-opinjoni tas-superviżur tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali tiġi ppreżentata lill-qorti flimkien mal-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali. Ladarba l-implimentazzjoni tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali tkun tħabbret, is-superviżur tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali jsir responsabbli għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali, għall-għoti ta’ informazzjoni lill-kredituri u għall-monitoraġġ tal-konformità tad-debitur mar-restrizzjonijiet stabbiliti fil-Liġi dwar l-Insolvenza.

Matul il-proċedimenti ta’ protezzjoni legali, is-superviżur jeħtieġlu jimmaniġġja l-karti relatati mal-proċedimenti fis-Sistema Elettronika ta’ Kontabilità għall-Insolvenza (is-Sistema).

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

Id-debitur. Ladarba l-proċedimenti ta’ insolvenza jkunu ġew imħabbra, id-debitur jitlef id-drittijiet kollha tal-korpi maniġerjali definiti fir-regolamenti, l-istatut ta’ assoċjazzjoni jew ftehimiet tad-debitur, u dawn id-drittijiet jiġu ttrasferiti lill-amministratur. L-amministratur jaħtar rappreżentant tad-debitur li jeħtieġlu jipparteċipa fil-proċedimenti ta’ insolvenza. Bħala regola, membru wieħed (jew aktar) tal-korp eżekuttiv tad-debitur jinħatru bħala r-rappreżentant tad-debitur. Immedjatament wara l-jum tat-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, ir-rappreżentant tad-debitur jeħtieġlu jittrasferixxi lill-amministratur l-assi kollha tad-debitur, id-dokumenti relatati mal-organizzazzjoni, il-persunal u l-kontabbiltà permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ trasferiment u aċċettazzjoni. Ir-rappreżentant tad-debitur irid iħejji lista tal-assi u d-dokumenti tad-debitur li għandhom jiġu ttrasferiti, u, fiż-żmien tat-trasferiment, id-dokumenti jridu jiġu organizzati f’konformità mar-regolamenti taż-żamma tar-rekords. Matul il-proċedimenti ta’ insolvenza, ir-rappreżentant tad-debitur jeħtieġlu jipprovdi lill-amministratur bl-informazzjoni li jitlob u jipparteċipa fil-laqgħat tal-kredituri.

L-amministratur. L-amministratur jingħata d-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet kollha tal-korpi maniġerjali stabbiliti fir-regolamenti, l-istatut ta’ assoċjazzjoni jew ftehimiet tad-debitur.

L-amministratur jista’, fost l-oħrajn, jieħu deċiżjoni fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali tad-debitur parzjalment jew kompletament, jekk tali kontinwazzjoni tkun ekonomikament ġustifikata, ikun responsabbli għall-ħlas tat-taxxi kurrenti, u jista’ jillikwida s-sussidjarji tad-debitur.

L-amministratur iwettaq ukoll attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni tal-proċedimenti ta’ insolvenza: is-sinteżi, ir-rieżami u t-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-pretensjonijiet tal-kredituri; l-identifikazzjoni tal-assi tad-debitur u t-teħid ta’ passi fir-rigward tal-irkupru tal-assi tad-debitur (inkluża l-preżentazzjoni ta’ pretensjonijiet kontra membri tal-korpi maniġerjali ta’ persuna ġuridika u membri (azzjonisti) ta’ kumpanija bil-kapital għall-kumpens tad-danni kkawżati minnhom); il-bejgħ tal-assi tad-debitur u s-saldu tal-pretensjonijiet tal-kreditur f’konformità mal-Liġi dwar l-Insolvenza; il-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet li jkunu saru qabel il-proċedimenti ta’ insolvenza; attivitajiet oħra meħtieġa għall-finijiet tal-proċedimenti, bħas-sottomissjoni tad-dokumenti tad-debitur lill-arkivju tal-Istat.

Matul il-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, l-amministratur huwa responsabbli għaż-żamma tar-rekords tagħhom fis-Sistema.

Meta l-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika jkunu tlestew, l-amministratur iwettaq l-attivitajiet statutorji kollha sabiex ineħħi d-debitur mir-reġistru pubbliku sa fejn ikunu ġew irreġistrati, eż. it-tneħħija ta’ debitur (operatur kummerċjali) mir-reġistru kummerċjali.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

Id-debitur. Ladarba l-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jkunu ġew imħabbra, id-debitur jitlef id-dritt li jiddisponi mill-assi tiegħu, kif ukoll l-assi li jkunu proprjetà ta’ partijiet terzi kkontrollati jew miżmuma minnu (bl-eċċezzjoni ta’ assi li huma eżentati mill-eżekuzzjoni), u dawn id-drittijiet jiġu ttrasferiti lill-amministratur. Wara t-tħabbira tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika, id-debitur huwa pprojbit milli jwettaq attivitajiet li jistgħu jikkawżaw danni lill-kredituri. Id-debitur jeħtieġlu jipprovdi lill-amministratur bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-proċedimenti ta’ insolvenza.

L-assi kollha li huma proprjetà tad-debitur jinbiegħu matul il-proċedimenti ta’ falliment, u r-rikavat mill-bejgħ jintuża sabiex jissodisfa l-pretensjonijiet tal-kredituri f’konformità mal-Liġi dwar l-Insolvenza.

Matul il-proċedimenti għas-saldu tal-obbligazzjonijiet, id-debitur jeħtieġlu jikseb introjtu sal-ammont li kapaċi jikseb u jittrasferixxi parti mill-introjtu regolari tiegħu sabiex jissodisfa l-pretensjonijiet tal-kredituri skont il-pjan għas-saldu tal-obbligazzjonijiet.

L-amministratur.

Jekk id-debitur ikollu flus jew assi li jkunu mistennija jinbiegħu matul il-proċedimenti ta’ falliment, l-amministratur jiftaħ kont f’istituzzjoni ta’ kreditu f’ismu għall-finijiet tal-proċedimenti ta’ insolvenza inkwistjoni. B’mod simili għall-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, l-amministratur huwa responsabbli sabiex jieħu l-passi meħtieġa għall-finijiet tal-proċedimenti ta’ insolvenza: is-sinteżi, ir-rieżami u t-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-pretensjonijiet tal-kredituri; l-identifikazzjoni tal-assi tad-debitur u t-teħid ta’ passi fir-rigward tal-irkupru tal-assi tad-debitur (inkluża l-preżentazzjoni ta’ pretensjonijiet sabiex jiġu ddikjarati bħala invalidi t-tranżazzjonijiet li jkun daħal għalihom id-debitur meta jinstab li d-debitur kien aġixxa in mala fide); il-bejgħ tal-proprjetà tad-debitur u l-issodisfar tal-pretensjonijiet tal-kreditur f’konformità mal-Liġi dwar l-Insolvenza.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija ?

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

It-tpaċija hija permissibbli fi proċedimenti ta’ protezzjoni legali jekk il-pretensjoni tad-debitur kontra l-kreditur tkun irriżultat mill-inqas 3 xhur qabel id-deċiżjoni tal-qorti li tibda kawża ta’ protezzjoni legali.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

It-tpaċija hija permissibbli fi proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika jekk pretensjonijiet reċiproċi tad-debitur u l-kreditur ikunu nħolqu mill-inqas 6 xhur qabel it-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

Ma hemm l-ebda regola speċifika dwar it-tpaċija fi proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika, għalhekk, f’konformità mal-Liġi dwar l-Insolvenza, f’dan il-każ japplikaw dispożizzjonijiet għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, jiġifieri t-tpaċija hija permissibbli jekk pretensjonijiet reċiproċi tad-debitur u l-kreditur ikunu nħolqu mill-inqas 6 xhur qabel it-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

Minħabba li d-debitur iżomm il-kontroll tal-kumpanija tiegħu, jiġifieri jimmaniġġja l-assi u l-assi proprji tiegħu li huma miżmuma jew ikkontrollati minnhom, wara li jkunu nbdew il-proċedimenti ta’ protezzjoni legali, dawn jistgħu jkomplu l-kuntratti li jkunu saru qabel ma jkunu nbdew il-proċedimenti ta’ protezzjoni legali. Opinjoni dwar l-utilità li jitkomplew il-kuntratti tingħata mill-kredituri meta jkunu qed jirrevedu l-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali, mis-superviżur tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali meta jkunu qed iħejju r-rapport tagħhom, u mill-qorti meta tapprova l-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali. L-ispejjeż taħt tali kuntratti jridu jiġu approvati fil-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

Jekk kuntratt konkluż mid-debitur ma jkunx ġie implimentat jew ikun ġie implimentat parzjalment fil-jum tat-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, l-amministratur jista’ jitlob li l-parti kontraenti l-oħra timplimenta l-kuntratt jew tirtira unilateralment mill-kuntratt. L-amministratur jista’ jimplimenta kuntratt jekk l-assi tad-debitur ma jitnaqqsux b’riżultat ta’ dan.

Jekk l-amministratur jirtira unilateralment minn kuntratt, il-parti kontraenti l-oħra tista’ tippreżenta l-pretensjoni tagħha bħala kreditur.

L-implimentazzjoni kontinwa ta’ kuntratti li ma jkunux ġew itterminati f’każijiet stabbiliti fil-liġi, u l-implimentazzjoni ta’ kuntratti ma’ partijiet terzi ffirmati mill-amministratur f’isem id-debitur matul proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika huma ffinanzjati mill-fondi tad-debitur.

Jekk id-debitur ikun kumpanija tal-assigurazzjoni, l-amministratur, filwaqt li jqis l-interessi tad-detenturi tal-poloz, jivvaluta l-ħtieġa ta’ trasferiment, terminazzjoni jew kontinwazzjoni tal-kuntratti tal-assigurazzjoni eżistenti, u jieħu l-passi legali kollha meħtieġa sabiex jittrasferixxi, jittermina jew ikompli l-kuntratti tal-assigurazzjoni eżistenti.

Iċ-ċessjoni mid-debitur lil aġent awtorizzat (ukoll uffiċjal u aġent kummerċjali) fir-rigward tal-assi tad-debitur li huma soġġetti għall-pretensjonijiet tal-kredituri ssir invalida mill-jum tat-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika.

Wara t-tħabbira tal-proċedimenti ta’ insolvenza tad-debitur, l-amministratur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ impjieg ma’ impjegat tad-debitur.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

Il-Liġi dwar l-Insolvenza ma tistabbilixxi l-ebda dispożizzjoni speċifika għar-rieżami jew għat-terminazzjoni ta’ kuntratti ffirmati mid-debitur, u għalhekk, skont il-Liġi dwar l-Insolvenza, f’dan il-każ japplikaw dispożizzjonijiet għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, jiġifieri l-amministratur huwa intitolat li jirrevedi l-kuntratti ffirmati mid-debitur qabel it-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika u jirtira minnhom. Din il-prattika hija stabbilita wkoll fil-ġurisprudenza. Wara t-tħabbira tal-proċedimenti ta’ insolvenza, l-amministratur isir responsabbli sabiex jittratta l-assi tal-persuna sabiex isolvi kwistjonijiet fir-rigward tat-twettiq tal-obbligi u sabiex jissalda l-pretensjonijiet tal-kredituri. Dan ifisser ukoll li d-debitur insolventi jitlef id-dritt li jaġixxi bħala parti fil-qorti fi pretensjonijiet relatati mal-proprjetà, u dan id-dritt jiġi preżunt mill-amministratur bħala rappreżentant legali tad-debitur.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Irrispettivament mill-proċedura ta’ insolvenza, il-Liġi dwar l-Insolvenza tistabbilixxi l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-arbitrarjetà, jiġifieri l-attivitajiet individwali tal-kreditur u tad-debitur ma għandhomx jagħmlu ħsara lill-interessi tal-korp ġenerali tal-kredituri.

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

Uffiċjal ġudizzjarju awtorizzat għandu jissospendi l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza jekk jinbdew proċedimenti ta’ protezzjoni legali fir-rigward tad-debitur jew jekk tittieħed deċiżjoni sabiex jinbdew proċedimenti ta’ protezzjoni legali fil-każ ta’ proċedimenti ta’ protezzjoni legali barra mill-qorti. Jekk fil-ħin meta jinbdew il-proċedimenti l-fondi jkunu diġà ġew irkuprati bħala riżultat tal-attivitajiet ta’ eżekuzzjoni, l-uffiċċjal ġudizzjarju awtorizzat għandu jżomm l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni u jissodisfa l-pretensjoni tal-kollettur. Il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi jiġu sospiżi għat-tul kollu tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali sakemm jitlestew, ħlief meta l-assi mirhuna ma jkunux meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali u għalhekk ma jkunux inklużi fil-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali, jew il-qorti tippermetti lil kreditur garantit ibiegħ l-assi mirhuna.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

Jekk il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza jinbdew qabel it-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, dawn iridu jingħalqu f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili. Jiġifieri, l-uffiċjal ġudizzjarju awtorizzat itemm il-bejgħ kontinwu tal-assi jekk dan ikun diġà tħabbar jew jekk l-assi jkunu ġew ittrasferiti lil kumpanija kummerċjali għall-bejgħ. L-amministratur jista’ jitlob li s-subbasti mħabbra jiġu kkanċellati sabiex l-assi jkunu jistgħu jinbiegħu bħala parti minn ġabra ta’ oġġetti. L-uffiċċjal ġudizzjarju awtorizzat għandu jżomm l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni tas-sentenza mill-ammont riċevut u jittrasferixxi l-ammont li jifdal lill-amministratur sabiex jissalda l-pretensjonijiet tal-kredituri f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-Liġi dwar l-Insolvenza, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-kreditur garantit. L-uffiċċjal ġudizzjarju awtorizzat għandu jinnotifika lid-detentur tal-assi bl-obbligu li jittrasferixxi lill-amministratur l-assi li l-bejgħ tagħhom ma jkunx beda.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

Ladarba l-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jkunu ġew imħabbra, il-kreditur ikun ipprojbit milli jwettaq kwalunkwe attività individwali li tista’ tikkawża danni lill-kredituri l-oħra. Id-drittijiet ta’ proprjetà tal-kreditur jew ta’ parti terza li jirriżultaw minn tali attivitajiet għandhom jitqiesu invalidi.

L-uffiċċjal ġudizzjarju awtorizzat għandu jissospendi l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza jekk il-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jkunu ġew imħabbra fir-rigward tad-debitur. L-uffiċċjal ġudizzjarju awtorizzat jista’ jtemm il-bejgħ ta’ assi li jkun jinsab għaddej biss jekk ikun diġà tħabbar jew jekk il-proprjetà tkun ġiet ittrasferita lil kumpanija kummerċjali għall-bejgħ, ħlief fejn il-pjan għall-bejgħ ta’ proprjetà ta’ persuna fiżika jistipula li jiġi pospost il-bejgħ ta’ abitazzjoni skont l-Artikolu 148 tal-Liġi dwar l-Insolvenza. L-uffiċċjal ġudizzjarju awtorizzat għandu jżomm l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni tas-sentenza mill-ammont riċevut u jittrasferixxi l-ammont li jifdal lill-amministratur sabiex jissalda l-pretensjonijiet tal-kredituri skont il-proċedura stabbilita fil-Liġi dwar l-Insolvenza, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-kreditur garantit.

Fl-istess ħin, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni fir-rigward ta’ pretensjonijiet li s-saldu tagħhom ma jkunx relatat mal-ġbir tal-assi jew tal-flus tad-debitur ma jiġux sospiżi.

Jekk il-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jingħalqu mingħajr ma jiġu kkanċellati l-obbligazzjonijiet, jerġgħu jissoktaw il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni għall-ammont li jifdal.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

Skont il-Liġi dwar l-Insolvenza, il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ protezzjoni legali ma jaffettwax il-proċedimenti legali fejn id-debitur ikun waħda mill-partijiet.

Ta’ min jinnota li, b’kuntrast mal-proċedimenti ta’ insolvenza, il-proċedimenti ta’ protezzjoni legali ma jinvolvux proċeduri għall-ammissjoni ta’ pretensjonijiet. Madankollu, huwa rikonoxxut fil-ġurisprudenza li billi jiddeċiedi b’mod unilaterali dwar l-eliġibbiltà ta’ pretensjoni, id-debitur jista’ jeskludi b’mod mhux ġustifikat lill-kreditur mil-lista ta’ persuni li l-approvazzjoni tagħhom hija meħtieġa għall-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali. Fl-istess ħin, pretensjoni għal irkupru tad-dejn imressqa quddiem il-qorti mill-kreditur ma tagħtix raġunijiet legali sabiex jiġu injorati l-interessi tal-kreditur fi proċedimenti ta’ protezzjoni legali. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi wkoll li jekk l-obbligazzjonijiet tad-debitur ikunu riflessi fil-kontijiet tad-debitur u s-superviżur tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali ma jkunx sab li l-pretensjoni hija prima facie mhux ġenwina, il-pretensjoni għandha tiġi inkluża fil-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali bħala pretensjoni tal-kredituri, anke jekk id-debitur u l-kreditur ikunu involuti fi proċedimenti legali.

Għandu jiġi nnotat ukoll li jekk il-qorti ssib li l-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali jkun fih obbligazzjonijiet li huma soġġetti għal tilwima dwar id-drittijiet, u l-ammont tal-obbligazzjonijiet jaffettwa b’mod sinifikanti l-proċess tal-approvazzjoni tal-pjan ta’ miżuri, il-qorti ma għandha tieħu l-ebda azzjoni ulterjuri dwar ir-rikors għal proċedimenti ta’ protezzjoni legali.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

Sentenza tal-qorti li tħabbar proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika sservi bħala raġuni għas-sospensjoni ta’ proċedimenti legali relatati mal-proprjetà kontra d-debitur. Wara t-tħabbira tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, il-kredituri jistgħu jissottomettu l-pretensjonijiet tagħhom lill-amministratur skont il-proċedura stabbilita fil-Liġi dwar l-Insolvenza.

Bl-istess mod, is-sentenza tal-qorti li tħabbar il-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika sservi bħala raġuni għar-revoka tas-sigurtà għal pretensjonijiet f’konformità mal-proċedura stabbilita mil-Liġi dwar l-Insolvenza.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

Deċiżjoni tal-qorti li tħabbar proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika sservi bħala raġuni għas-sospensjoni tal-proċedimenti legali kontra d-debitur u r-revoka tas-sigurtà għal pretensjonijiet skont il-proċedura stabbilita fil-Liġi tal-Proċedura Ċivili. Wara t-tħabbira tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika, il-kredituri jistgħu jissottomettu l-pretensjonijiet tagħhom lill-amministratur skont il-proċedura stabbilita fil-Liġi dwar l-Insolvenza.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Għall-finijiet tal-ilħuq tal-għan tal-proċedimenti ta’ insolvenza, huwa importanti li l-kredituri jkunu involuti b’mod attiv fil-proċedimenti. Il-Liġi dwar l-Insolvenza tistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza tal-kredituri: il-kredituri għandu jkollhom opportunitajiet indaqs sabiex jipparteċipaw fil-proċedimenti u li l-pretensjonijiet tagħhom jiġu sodisfatti f’konformità mal-obbligazzjonijiet stabbiliti bejniethom u d-debitur qabel il-ftuħ tal-proċedimenti.

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

Id-debitur għandu jibgħat il-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali lill-kredituri kollha, filwaqt li jitlobhom biex jagħtu l-kunsens tagħhom għall-pjan u jistabbilixxi skadenza għall-approvazzjoni. Il-kreditur huwa intitolat jippreżenta lid-debitur oġġezzjonijiet bil-miktub għall-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali fi żmien 5 ijiem minn meta jirċievi l-pjan. Jekk id-debitur iqis li l-oġġezzjonijiet huma ġġustifikati, huwa jemenda l-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali kif xieraq. L-iskadenza għall-implimentazzjoni tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali tista’ tiġi estiża, soġġetta għall-kunsens mill-maġġoranza tal-kredituri. Il-kredituri huma intitolati li jitolbu u jirċievu mingħand is-superviżur informazzjoni dwar il-progress tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali u l-implimentazzjoni tal-pjan, u li jissottomettu lmenti. Bl-istess mod, il-kreditur jista’ jitlob lill-qorti tagħlaq il-proċedimenti ta’ protezzjoni legali jekk id-debitur ma jikkonformax mal-pjan approvat mill-qorti.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

Kreditur jista’ wkoll jibda proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika billi jippreżenta rikors quddiem il-qorti. Bl-istess mod, il-kredituri huma intitolati jissottomettu pretensjonijiet tal-kredituri skont il-proċedura stabbilita fil-Liġi dwar l-Insolvenza. L-amministratur għandu jivverifika jekk il-pretensjonijiet tal-kreditur humiex ġustifikati u jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti leġiżlattivi, u jieħu deċiżjoni li jilqa’, jiċħad jew jilqa’ parzjalment il-pretensjoni. Il-kreditur jista’ jippreżenta appell quddiem qorti kontra d-deċiżjoni tal-amministratur fi żmien xahar minn meta jirċievi d-deċiżjoni, jew jippreżenta rikors quddiem qorti għat-tilwima rigward id-drittijiet li għandhom jiġu eżaminati, fi żmien xahar minn meta jirċievi d-deċiżjoni tal-amministratur. Il-kreditur huwa intitolat li jara r-reġistru tal-pretensjonijiet tal-kredituri. Mit-tmien jum wara l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-pretensjonijiet tal-kredituri, kull kreditur huwa intitolat li jara l-pretensjonijiet ippreżentati mill-kredituri kollha u l-evidenza ta’ sostenn tagħhom. L-amministratur għandu jipprovdi informazzjoni lill-kredituri skont il-proċedura stabbilita mil-Liġi dwar l-Insolvenza. Jekk il-kredituri jkollhom oġġezzjonijiet fir-rigward tal-informazzjoni inkwistjoni, huma jridu jgħarrfuhom lill-amministratur. Jekk l-oġġezzjonijiet ma jiġux ikkunsidrati, l-amministratur irid jagħti risposta motivata lill-kreditur. Jekk il-kredituri ma jaqblux mad-deċiżjoni mħabbra tal-amministratur, huma jkunu intitolati li jikkontestaw l-azzjonijiet tal-amministratur, jippreżentaw rikors quddiem il-qorti għad-danni kkawżati mill-amministratur, jew jipproponu li tissejjaħ laqgħa tal-kredituri. Il-laqgħa tal-kredituri għandha tieħu deċiżjonijiet dwar ir-remunerazzjoni tal-amministratur, tipproponi t-tneħħija tal-amministratur, tapprova l-ispejjeż skont proċedimenti ta’ insolvenza kif iġġustifikat, il-metodu għall-bejgħ tal-proprjetà tad-debitur jew l-estensjoni tal-iskadenza tal-bejgħ, u azzjonijiet ulterjuri bil-proprjetà esklużi mill-pjan ta’ bejgħ tal-proprjetà. Bl-istess mod, il-kredituri li jirrappreżentaw mill-inqas 25 fil-mija tal-ammont ammess tal-pretensjonijiet prinċipali fil-grupp ta’ kredituri garantiti jew mhux garantiti jistgħu jitolbu awditu tax-xogħol tal-amministratur skont il-proċedimenti ta’ insolvenza rispettivi li għandu jitwettaq minn awditur estern iċċertifikat jew minn ditta ta’ awdituri ċċertifikati.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

Il-kredituri huma intitolati li jissottomettu pretensjonijiet skont il-proċedura stabbilita fil-Liġi dwar l-Insolvenza. Kwalunkwe kreditur jista’ jsejjaħ laqgħa tal-kredituri. Fi żmien xahrejn mid-data meta t-tħabbira tal-proċedimenti ta’ insolvenza fir-rigward tad-debitur tkun ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-insolvenza, il-kredituri jistgħu jissottomettu lill-amministratur mozzjoni għat-terminazzjoni tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jekk il-kredituri jkollhom aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-Liġi dwar l-Insolvenza, informazzjoni dwar restrizzjonijiet fuq l-applikazzjoni ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jew proċedimenti għas-saldu ta’ obbligazzjonijiet. Il-kredituri huma intitolati wkoll li jissottomettu l-oġġezzjonijiet u l-proposti tagħhom fir-rigward tal-pjan għas-saldu tal-obbligazzjonijiet imħejji mid-debitur.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

Id-debitur jibqa’ fil-kontroll tal-kumpanija tiegħu u jiddisponi mill-proprjetà huwa stess.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

Ladarba jkunu nfetħu proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, il-bord jitlef is-setgħat tiegħu, u l-amministratur maħtur jiġġestixxi u jiddisponi mill-assi u l-fondi tad-debitur fil-kontijiet bankarji tiegħu. L-amministratur jikseb id-drittijiet kemm li jagħmel diviżjoni tal-assi tad-debitur kif ukoll li jitlob lura l-assi mqiegħda taħt ġestjoni, inkluż fil-pjan għall-bejgħ tal-assi kif xieraq. Bl-istess mod, wara t-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, l-amministratur jieħu deċiżjoni fir-rigward tat-terminazzjoni jew tat-tkomplija tal-attivitajiet tan-negozju tad-debitur parzjalment jew kompletament.

Fi żmien xahrejn mit-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, l-amministratur irid ifassal pjan għall-bejgħ tal-assi tad-debitur jew rapport li jiċċertifika n-nuqqas ta’ assi. L-assi jistgħu jinbiegħu kemm b’subbasta kif ukoll bi prezz liberu deċiż mill-kredituri fuq proposta mill-amministratur. L-assi tad-debitur jinbiegħu bl-ogħla prezz possibbli sabiex jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet tal-kredituri. Ir-rikavat mill-bejgħ tal-assi jintuża sabiex jiġu saldati l-pretensjonijiet tal-kredituri.

Jekk l-assi tad-debitur ma jkunux jistgħu jinbiegħu jew il-kostijiet tal-bejgħ tagħhom jaqbżu r-rikavat mistenni, l-amministratur jeskludihom mill-pjan għall-bejgħ tal-assi u jinnotifika minnufih lill-kredituri kollha, filwaqt li jitlobhom biex iżommu l-assi bil-prezz inizjali.

Meta jfassal il-pjan għall-bejgħ tal-assi, l-amministratur għandu jqis il-possibbiltà li jbigħ il-kumpanija tad-debitur jew il-parti indipendenti tagħha. Il-qligħ tal-kredituri mill-bejgħ tal-kumpanija jew tal-parti indipendenti tagħha jrid ikun akbar milli kieku l-assi tad-debitur jinbiegħu separatament.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

L-amministratur tal-proċedimenti ta’ insolvenza huwa responsabbli għall-bejgħ tal-assi tad-debitur f’konformità mal-pjan għall-bejgħ tal-assi. L-amministratur għandu jibda l-bejgħ tal-assi mhux qabel xahrejn wara li jkunu tħabbru l-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika.

Id-debitur huwa intitolat li jżomm l-introjtu li huwa meħtieġ sabiex ikopri l-kostijiet indiretti tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika u assi li huma assolutament meħtieġa sabiex ikollu introjtu. Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili tipprevedi wkoll għall-assi, li l-irkupru tagħhom ma jistax jiġi eżegwit.

Skont il-Liġi dwar l-Insolvenza, id-debitur jista’ jżomm id-dar ipotekata lil kreditur garantit abbażi ta’ ftehim mal-kreditur garantit inkwistjoni.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

Wara t-tħabbira tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali, il-kredituri garantiti ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal proprjetà ipotekata tad-debitur inkluża fil-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali sakemm il-proċedimenti jkunu tlestew.

Il-kreditur garantit jista’ jitlob li l-proprjetà ipotekata tad-debitur tinbiegħ jekk ir-restrizzjoni li tipprevjeni lill-kreditur garantit milli jbiegħ il-proprjetà ipotekata tad-debitur tkun tagħmel ħsara sinifikanti lill-interessi tal-kreditur inkwistjoni (inklużi każijiet fejn ikun hemm riskju li l-proprjetà ipotekata tinqered jew tkun naqset b’mod sinifikanti fil-valur). Id-deċiżjoni li jiġi permess il-bejgħ ta’ proprjetà ipotekata tittieħed mill-qorti fejn ikunu infetħu l-proċedimenti ta’ protezzjoni legali rispettivi.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

Il-kreditur garantit jista’ jitlob li l-proprjetà tad-debitur użata bħala garanzija (proprjetà ipotekata) tinbiegħ xahrejn wara d-data tat-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika.

Assi li huma proprjetà ta’ partijiet terzi li huma kkontrollati jew miżmuma mid-debitur ma humiex inklużi fl-assi tad-debitur li jistgħu jkunu soġġetti għall-pretensjonijiet tal-kredituri. L-amministratur jaħżen assi li huma proprjetà ta’ partijiet terzi sakemm jingħaddew lilhom. Il-partijiet terzi jridu jkopru l-ispejjeż għall-ħżin tal-assi tagħhom jekk ma jieħdux pussess tal-assi tagħhom wara l-istedina tal-amministratur. Jekk l-assi li jkunu l-proprjetà ta’ partijiet terzi jkun sar disponiment minnhom matul il-proċedimenti ta’ insolvenza, il-valur ta’ dawn l-assi jrid jiġi kkumpensat lill-partijiet terzi mill-parti li tkun ikkawżat il-bejgħ tal-assi. Jekk ir-rikavati mill-bejgħ tal-proprjetà ipotekata tad-debitur ma jkoprux il-pretensjonijiet tal-kredituri garantiti, il-kredituri inkwistjoni jiksbu d-drittijiet tal-kredituri mhux garantiti għall-parti li jifdal tal-pretensjoni b’deċiżjoni mill-amministratur.

L-obbligazzjonijiet tad-debitur li jsiru dovuti wara d-data tat-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika jitqiesu li jkunu saru dovuti fid-data meta jkunu ġew imħabbra l-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika. Il-pretensjonijiet li ġeneralment jirriżultaw wara li jiġu mħabbra l-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika jitqiesu bħala spejjeż tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

L-obbligazzjonijiet tad-debitur li jsiru dovuti wara d-data tat-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jitqiesu li jkunu skadew fid-data meta jkunu ġew imħabbra l-proċedimenti ta’ insolvenza. Il-pretensjonijiet li jirriżultaw wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jitqiesu bħala spejjeż tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

Id-debitur huwa responsabbli sabiex jiddikjara l-pretensjonijiet kollha fil-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti tal-protezzjoni, soġġett għall-approvazzjoni tal-kredituri. Il-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti tal-protezzjoni jrid jinkludi l-kredituri kollha. Id-debitur ma jistax jagħżel li jinkludi kredituri speċifiċi fil-pjan, filwaqt li jħalli oħrajn barra.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

Il-pretensjonijiet tal-kredituri kontra d-debitur iridu jiġu ppreżentati lill-amministratur fi żmien xahar mid-data meta l-proċedimenti ta’ insolvenza fir-rigward tad-debitur ikunu ġew irreġistrati fir-reġistru tal-insolvenza. Jekk il-kreditur ikun qabeż l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-pretensjonijiet speċifikata fil-paragrafu wieħed ta’ dan l-Artikolu, il-kreditur jista’ jippreżenta l-pretensjoni tiegħu kontra d-debitur fi żmien 6 xhur mid-data meta t-tħabbira tal-proċedimenti ta’ insolvenza fir-rigward tad-debitur tkun ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-insolvenza, iżda mhux aktar tard mid-data meta l-pjan għas-saldu tal-pretensjonijiet tal-kredituri kien tfassal f’konformità mal-proċeduri stabbiliti f’din il-Liġi. Wara din l-iskadenza, il-perjodu ta’ preskrizzjoni jiskadi u l-kreditur jitlef l-istatus ta’ kreditur flimkien mad-dritt li jippreżenta pretensjonijiet kontra d-debitur.

L-amministratur għandu jivverifika jekk il-pretensjonijiet tal-kredituri humiex ġustifikati u jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti leġiżlattivi. Jekk il-pretensjoni tal-kreditur ma tissodisfax ir-rekwiżiti leġiżlattivi, l-amministratur għandu jitlob minnufih li l-kreditur jirrimedja l-irregolaritajiet identifikati fi żmien 10 ijiem minn meta jibgħat it-talba tal-amministratur. Jekk il-kreditur jirrimedja l-irregolaritajiet sal-iskadenza, il-pretensjoni tal-kreditur titqies li tressqet sal-iskadenza stabbilita. Jekk il-kreditur jonqos milli jirrimedja l-irregolaritajiet sal-iskadenza, l-amministratur għandu jadotta deċiżjoni li tiċħad il-pretensjoni tal-kreditur jew li taċċettaha parzjalment fi żmien 10 ijiem mill-iskadenza stabbilita sabiex jiġu indirizzati l-irregolaritajiet.

Wara verifika tal-pretensjonijiet tal-kredituri, l-amministratur għandu jieħu deċiżjoni motivata sabiex jaċċetta, jirrifjuta jew jaċċetta parzjalment il-pretensjoni tal-kreditur. Pretensjoni li tkun soġġetta għal tilwima bejn id-debitur u l-kreditur għandha tiġi miċħuda mill-amministratur parzjalment jew kompletament. L-amministratur jista’ jirrifjuta jew jaċċetta parzjalment pretensjoni ta’ kreditur stabbilita b’deċiżjoni tal-qorti biss jekk ikun hemm prova li d-debitur ikun issalda l-obbligazzjonijiet tiegħu parzjalment jew kompletament wara li d-deċiżjoni tal-qorti tkun daħlet fis-seħħ.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

Il-pretensjonijiet tal-kredituri kontra d-debitur għandhom jiġu ppreżentati, ivverifikati u ammessi f’konformità mal-proċedura taħt proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika. Jekk il-kreditur ikun qabeż l-iskadenza għall-preżentata tal-pretensjonijiet, il-kreditur jista’ jippreżenta l-pretensjoni tiegħu kontra d-debitur fi żmien 6 xhur mid-data meta t-tħabbira tal-proċedimenti ta’ insolvenza fir-rigward tad-debitur tkun ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-insolvenza, iżda mhux aktar tard mid-data meta l-lista finali tal-ispejjeż taħt proċedimenti ta’ falliment titfassal skont il-proċeduri stabbiliti f’din il-Liġi.

Jekk il-kreditur jonqos milli jippreżenta l-pretensjoni tiegħu sal-iskadenza speċifikata hawn fuq, il-perjodu ta’ preskrizzjoni jiskadi u l-kreditur jitlef l-istatus ta’ kreditur flimkien mad-dritt li jippreżenta pretensjonijiet kontra d-debitur kemm fil-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika kif ukoll aktar tard meta d-debitur jinħeles mill-obbligazzjonijiet tiegħu. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni ma japplikax għall-pagamenti ta’ manteniment, pretensjonijiet li jirriżultaw minn attivitajiet ipprojbiti u pretensjonijiet li jirriżultaw minn penali imposti skont proċedimenti amministrattivi ta’ ksur u penali stabbiliti fil-Liġi Kriminali, u kumpens għad-dannu kkawżat.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

Il-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali jista’ jinkludi vantaġġi għall-persuni li jallokaw fondi għall-implimentazzjoni tal-pjan, fi proporzjon mal-ammont ta’ fondi allokati.

Il-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali jista’ jipprevedi biss saldu jew tnaqqis proporzjonat tad-dejn prinċipali, penali jew imgħax fi ħdan grupp ta’ kredituri u għal kull tip ta’ pretensjoni ta’ kreditur (id-dejn prinċipali, il-penali jew l-imgħax). Il-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali jista’ jistipula b’mod sinifikanti kundizzjonijiet aktar sfavorevoli għal kreditur meta mqabbel ma’ kredituri oħrajn biss bil-kunsens tal-kreditur ikkonċernat.

Il-proċedimenti ta’ protezzjoni legali ma japplikawx għall-impjegati, sakemm ma jkunux taw il-kunsens espliċitu tagħhom.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

Ir-rikavati mill-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika jitqassmu primarjament abbażi tat-tip ta’ pretensjoni (eż. pretensjoni garantita jew mhux iggarantita). F’każijiet speċifiċi, l-istatus tal-kreditur jista’ jitqies (eż. l-awtorità tat-taxxa).

Ir-rikavati mill-bejgħ tal-assi tad-debitur użati bħala garanzija jintużaw sabiex jissodisfaw il-pretensjoni tal-kreditur garantit. L-ispejjeż tal-irkant, inklużi l-ispejjeż tal-valwazzjoni tal-assi mirhuna u t-tariffa tal-amministratur, jinżammu mir-rikavati tal-bejgħ tal-assi mirhuna bħala kwistjoni ta’ prijorità, bl-ammont li jifdal jintuża sabiex tiġi saldata l-pretensjoni tal-kreditur garantit. Jekk ikun fadal xi fondi wara li jkunu ġew koperti l-ispejjeż ta’ hawn fuq u l-pretensjoni tkun ġiet issodisfata, dawn jiġu inklużi fl-assi tad-debitur u jintużaw sabiex jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet ta’ kredituri oħrajn.

Il-fondi li jifdal tad-debitur jintużaw primarjament sabiex ikopru bis-sħiħ l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika.

Ladarba l-ispejjeż ikunu ġew koperti, il-pretensjoni tas-Servizz ta’ Kontroll tal-insolvenza tiġi saldata jekk il-fond ta’ garanzija tal-pretensjoni għall-impjegati jkun intuża sabiex jissodisfa l-pretensjonijiet tal-impjegati tad-debitur. Imbagħad jiġu saldati l-pretensjonijiet tal-impjegati u tal-awtorità tat-taxxa.

Ladarba l-pretensjonijiet tal-kredituri ta’ hawn fuq jiġu saldati bis-sħiħ, il-fondi li jifdal tad-debitur jinqasmu sabiex jitħallas l-ammont prinċipali tal-pretensjonijiet (eskluż l-imgħax) tal-kredituri l-oħra mhux garantiti. Il-parti mhux iggarantita tal-pretensjonijiet tal-kredituri garantiti u l-parti mhux imħallsa tal-pretensjonijiet tal-kredituri garantiti jiġu saldati wkoll f’dan l-istadju.

Jekk il-fondi tad-debitur ma jkunux biżżejjed sabiex ikopru l-ammont sħiħ tal-pretensjonijiet tal-kredituri msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, il-pretensjonijiet inkwistjoni jridu jiġu ssodisfati bi proporzjon mal-ammont dovut lil kull kreditur.

Il-fondi tad-debitur li jifdal wara s-saldu tal-ammont prinċipali tal-pretensjonijiet tal-kredituri mhux garantiti għandhom jintużaw sabiex jitħallsu l-pretensjonijiet konkurrenti tal-kredituri mhux garantiti (bi proporzjon mal-ammont dovut lil kull kreditur).

Il-fondi tad-debitur li jitħallew wara s-saldu tal-pretensjonijiet kollha msemmija hawn fuq jitqassmu fost il-parteċipanti (l-azzjonisti) jew il-membri tad-debitur fi proporzjon mal-ammont tal-investiment individwali tagħhom, id-debitur (persuna fiżika), il-werriet tagħhom (permezz ta’ wirt) jew persuni li għandhom pretensjoni għall-assi ta’ assoċjazzjoni jew ta’ fondazzjoni skont il-leġiżlazzjoni jew l-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-assoċjazzjoni jew tal-fondazzjoni kkonċernata.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

Matul il-proċedimenti ta’ falliment, id-debitur huwa intitolat li jżomm l-introjtu li huwa meħtieġ sabiex ikopri l-ispejjeż indiretti tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika u assi li huma assolutament meħtieġa sabiex jaqilgħu l-introjtu.

Il-pagamenti ta’ manteniment, inklużi l-kontribuzzjonijiet għall-Fond ta’ Garanzija għall-Manteniment, u l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika huma koperti mill-fondi tad-debitur bħala kwistjoni ta’ prijorità.

Ir-rikavati mill-bejgħ tal-assi tad-debitur użati bħala garanzija jintużaw sabiex jissodisfaw il-pretensjoni tal-kreditur garantit.

Il-pretensjonijiet tal-kredituri mhux garantiti jingħaqdu fi grupp wieħed mingħajr klassifikazzjoni. Il-fondi li jifdal jintużaw sabiex jiġu saldati l-pretensjonijiet tal-kredituri mhux garantiti bi proporzjon mal-ammont prinċipali dovut lil kull kreditur. Il-fondi tad-debitur li jifdal wara li jiġi saldat l-ammont prinċipali tal-pretensjonijiet tal-kredituri mhux garantiti jintużaw sabiex jiġu saldati pretensjonijiet konkurrenti tal-kredituri mhux garantiti (bi proporzjon mal-ammont dovut lil kull kreditur).

Matul il-proċedimenti għas-saldu tal-obbligazzjonijiet, id-debitur jista’ jżomm sa żewġ terzi tal-introjtu tiegħu sabiex ikopri l-ispejjeż tal-għajxien tiegħu u sabiex iżomm l-assi li huma kruċjali biex jaqla’ l-introjtu tiegħu.

B’hekk, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-pjan għas-saldu tal-obbligazzjonijiet, id-debitur għandu jittrasferixxi terz tal-introjtu tiegħu (iżda tal-anqas terz tal-paga minima grossa fix-xahar fil-Latvja) sabiex jiġu saldati l-pretensjonijiet tal-kredituri. Meta jkun qed iħejji pjan għas-saldu tal-obbligazzjonijiet, id-debitur għandu jinkludi l-ammonti prinċipali tal-pretensjonijiet tal-kredituri kollha u jipprovdi għas-saldu tagħhom fi proporzjon mal-pretensjoni ta’ kull kreditur.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

Il-proċedimenti ta’ protezzjoni legali jingħalqu mill-qorti jekk:

  1. il-maġġoranza tal-kredituri definiti fil-Liġi dwar l-Insolvenza ma jkunux appoġġaw il-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali f’konformità mal-proċedura u l-qafas ta’ żmien stabbiliti fil-Liġi dwar l-Insolvenza;
  2. il-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Insolvenza.

Il-qorti tagħlaq il-proċedimenti ta’ protezzjoni legali u tiftaħ proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika jekk:

  1. ikunu nbdew proċedimenti ta’ protezzjoni legali fir-rigward tad-debitur għat-tieni darba f’sena, iżda l-implimentazzjoni tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali ma tkunx tħabbret;
  2. wara li jasal ir-rikors ta’ kreditur, jekk id-debitur ma jimplimentax il-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali għal aktar minn 30 jum u ma jkun ippreżenta l-ebda emenda għall-pjan lill-qorti;
  3. wara li l-preżentata ta’ rikors imressaq minn rappreżentant tal-maġġoranza tal-kredituri definiti fil-Liġi dwar l-Insolvenza, jekk id-debitur ma jkunx wettaq l-azzjonijiet stabbiliti fil-Liġi dwar l-Insolvenza jew ikun ipprovda informazzjoni falza, jekk id-debitur ma jimplimentax il-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali għal aktar minn 30 jum u ma jkun ippreżenta l-ebda emenda għall-pjan lill-qorti, jew id-debitur ma jikkonformax mar-restrizzjonijiet fuq l-attività stabbiliti fil-Liġi dwar l-Insolvenza.

Jekk il-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali jkun ġie implimentat, id-debitur għandu jippreżenta lill-qorti rikors għall-għeluq tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali. B’kuntrast ma’ dan, jekk id-debitur ma jkunx jista’ jissalda l-obbligazzjonijiet definiti fil-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali, id-debitur għandu jippreżenta lill-qorti rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza flimkien ma’ talba sabiex jingħalqu l-proċedimenti ta’ protezzjoni legali.

L-għeluq tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali wara l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali jservi bħala raġuni għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-attività imposti fuq id-debitur skont il-proċedimenti ta’ protezzjoni legali u għat-tmiem tal-applikazzjoni tal-metodu użat għall-proċedimenti.

Jekk il-pjan ta’ miżuri tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali ma jkunx ġie approvat mill-maġġoranza tal-kredituri skont il-proċedura u l-iskeda ta’ żmien stabbiliti fil-Liġi dwar l-Insolvenza u l-proċedimenti ta’ protezzjoni legali jingħalqu, ir-restrizzjonijiet marbuta mat-tħabbira tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali jitneħħew u l-ammont ta’ penali, imgħax u imposti għal ħlas tard għal obbligazzjonijiet mhux saldati jiġi kkalkolat bis-sħiħ.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

Il-proċedimenti ta’ insolvenza għandhom jingħalqu b’deċiżjoni tal-qorti, ladarba l-amministratur ikun implimenta l-pjan għall-bejgħ tal-assi tad-debitur u l-pjan għas-saldu tal-pretensjonijiet tal-kredituri. Bl-istess mod, il-qorti għandha tagħlaq il-proċedimenti ta’ insolvenza jekk l-amministratur, fir-rapport tiegħu dwar in-nuqqas ta’ assi jkun ippropona li jingħalqu l-proċedimenti ta’ insolvenza, u l-kredituri jkunu approvaw il-proposta. F’każ bħal dan, id-debitur (persuna ġuridika) jitneħħa mir-reġistru pubbliku rilevanti.

Il-proċedimenti ta’ insolvenza jingħalqu b’deċiżjoni tal-qorti jekk il-pjan ta’ miżuri tal-protezzjoni legali jkun ġie approvat u l-qorti tkun iddeċidiet li tibdel il-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika għal proċedimenti ta’ protezzjoni legali. F’dan il-każ, id-debitur ikompli bl-operazzjonijiet tiegħu fl-istatus preċedenti tiegħu.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

Il-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jistgħu jingħalqu mingħajr il-ftuħ ta’ proċedimenti għas-saldu ta’ obbligi. Il-qorti għandha tagħlaq il-proċedimenti ta’ falliment flimkien ma’ proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jekk ikunu ġew identifikati restrizzjonijiet fir-rigward tar-rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika fir-rigward tad-debitur. F’dan il-każ, għandu jiġi ppreżentat rikors għall-għeluq ta’ proċedimenti ta’ falliment mill-amministratur fi żmien 3 xhur mit-tħabbir ta’ proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika. Bl-istess mod, il-qorti tista’ tagħlaq il-proċedimenti ta’ falliment flimkien ma’ proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jekk ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda pretensjoni mill-kredituri. F’dan il-każ, rikors għall-għeluq ta’ proċedimenti ta’ falliment għandu jiġi ppreżentat mid-debitur fi żmien xahar mill-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-pretensjonijiet tal-kredituri.

Jekk il-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jingħalqu flimkien mat-tlestija jew l-għeluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, is-setgħat u r-restrizzjonijiet tal-amministratur li jimpedixxu lid-debitur milli jiddisponi mill-proprjetà tiegħu għandhom jintemmu wkoll, il-kredituri għandhom jerġgħu jiksbu d-drittijiet tagħhom li jitolbu s-saldu tal-obbligazzjonijiet tad-debitur sal-punt li ma jkunux ġew meħlusa taħt proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika, u l-proċedimenti fir-rigward tal-eżekuzzjoni tad-dejn li jkun ingħata iżda li jkun għadu ma nġabarx u l-proċedimenti għat-twettiq tal-obbligazzjonijiet tad-debitur fil-qorti jissoktaw.

Jekk id-debitur ikun lesta b’suċċess il-passi stabbiliti fil-pjan għas-saldu tal-obbligazzjonijiet ta’ persuna fiżika, l-obbligazzjonijiet tad-debitur definiti fil-pjan li jibqgħu wara l-implimentazzjoni tal-pjan jiġu kkanċellati u jingħalqu l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tal-obbligazzjonijiet ikkanċellati.

Il-proċedimenti għas-saldu tal-obbligazzjonijiet ma għandhomx jiġu applikati jew għandhom jingħalqu fil-każijiet li ġejjin:

  • id-debitur, matul it-3 snin qabel it-tħabbir ta’ proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jew matul il-proċedimenti ta’ insolvenza, ikun daħal fi tranżazzjonijiet li rriżultaw fl-insolvenza jew id-danni tad-debitur lill-kredituri, meta kien konxju jew kellu jkun konxju li tali tranżazzjonijiet jistgħu jirriżultaw f’insolvenza jew f’danni lill-kredituri;
  • id-debitur ikun ipprovda b’mod konxju informazzjoni falza dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu u ma jkunx iddivulga l-introjtu veru tiegħu;
  • id-debitur ma jissodisfax l-obbligi tiegħu skont proċedimenti ta’ falliment jew proċedimenti għas-saldu tal-obbligazzjonijiet, u dan ifixkel b’mod sinifikanti l-progress tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

Jekk il-proċedimenti għas-saldu tal-obbligazzjonijiet jingħalqu mingħajr ma d-debitur jinħeles mill-obbligazzjonijiet tiegħu, il-pretensjonijiet tal-kredituri jissoktaw u jiġu kkalkolati bis-sħiħ, u jissoktaw ukoll l-proċedimenti legali sospiżi qabel u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

Dispożizzjonijiet normali fir-rigward tal-operazzjonijiet tad-debitur u d-drittijiet tal-kreditur japplikaw wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

L-amministratur jippreżenta applikazzjoni lir-Reġistru tal-intrapriżi għat-tneħħija tad-debitur mir-reġistru rilevanti fi żmien 5 ijiem minn meta jirċievi d-deċiżjoni tal-qorti sabiex jingħalqu l-proċedimenti. Wara t-tneħħija mir-reġistru, id-debitur jiġi stralċat, u l-kredituri jitilfu d-dritt tagħhom li jippreżentaw pretensjonijiet kontra d-debitur, minħabba li d-debitur ma jibqax jeżisti.

Għandu jingħad ukoll li kreditur jista’ jippreżenta pretensjoni kontra l-membri tal-bord tad-debitur sal-punt tal-ammont mhux saldat ta’ pretensjoni fi żmien sena mill-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza, jekk l-amministratur tal-proċedimenti ta’ insolvenza ma jkunx irċieva d-dokumenti kontabilistiċi tad-debitur jew kien f’kundizzjoni li ma ppermettiex li jikseb idea ċara dwar it-tranżazzjonijiet u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur fit-3 snin qabel it-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Qabel l-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza, pretensjoni bħal din tista’ tiġi ppreżentata mill-amministratur tal-proċedimenti ta’ insolvenza f’isem id-debitur, filwaqt li l-kreditur huwa intitolat li jissieħeb fil-proċedimenti bħala parti terza.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

Jekk il-proċedimenti ta’ insolvenza jingħalqu qabel ma titlesta l-proċedura għas-saldu tal-obbligazzjonijiet, id-drittijiet u r-restrizzjonijiet tal-amministratur li jimpedixxu lid-debitur milli jiddisponi mill-proprjetà tiegħu kif stabbilit fil-Liġi dwar l-Insolvenza jintemmu wkoll, il-kredituri jerġgħu jiksbu d-drittijiet tagħhom li jitolbu s-saldu tal-obbligazzjonijiet tad-debitur sal-punt li ma jkunux ġew meħlusa taħt proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika, u jissoktaw il-proċedimenti fir-rigward tal-eżekuzzjoni tad-dejn li jkun ingħata iżda li jkun għadu ma nġabarx u l-proċedimenti għat-twettiq tal-obbligazzjonijiet tad-debitur fil-qorti.

Jekk id-debitur ikun lesta b’suċċess il-passi stabbiliti fil-pjan għas-saldu tal-obbligazzjonijiet ta’ persuna fiżika, l-obbligazzjonijiet tad-debitur definiti fil-pjan li jibqgħu wara l-implimentazzjoni tal-pjan jiġu kkanċellati u jingħalqu l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tal-obbligazzjonijiet ikkanċellati.

Id-debitur ma jinħelisx mill-obbligazzjonijiet li jifdal stabbiliti fil-pjan għas-saldu tal-obbligazzjonijiet ta’ persuna fiżika jekk id-debitur ma jkunx ħa l-azzjonijiet definiti fil-pjan.

Il-pretensjonijiet li ġejjin ma jiġux eżawriti taħt proċedimenti għas-saldu tal-obbligazzjonijiet, anke jekk pjan għas-saldu tal-obbligazzjonijiet ikun ġie implimentat b’suċċess:

  • pretensjonijiet għal pagament ta’ manteniment;
  • pretensjonijiet li jirriżultaw minn attivitajiet projbiti;
  • pretensjoni garantita, jekk id-debitur ikun żamm id-dar użata bħala garanzija taħt il-pretensjoni inkwistjoni, ħlief jekk ftehim bejn id-debitur u l-kreditur garantit jipprevedi mod ieħor. Il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għas-saldu tal-obbligazzjonijiet ta’ hawn fuq jitkomplew sal-grad tal-ammont ta’ dejn mhux imħallas;
  • pretensjonijiet li jirriżultaw minn penali imposti taħt proċedimenti ta’ ksur amministrattiv u penali stabbiliti fil-Liġi Kriminali, kif ukoll kumpens għad-danni.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

L-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali jinkludu r-remunerazzjoni tas-superviżur tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali u l-ispejjeż imġarrba fit-twettiq tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali legalment u b’mod effiċjenti. L-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali huma koperti mill-fondi tad-debitur.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

L-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika (kemm ir-remunerazzjoni kif ukoll l-ispejjeż tal-amministratur tal-proċedimenti ta’ insolvenza) huma koperti mill-fondi tad-debitur.

Jekk l-ispejjeż imġarrba matul il-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika ma jkunux jistgħu jiġu koperti mill-fondi tad-debitur, il-fondi tal-kredituri jew ta’ persuna fiżika jew ġuridika oħra jistgħu jintużaw sabiex ikopru l-ispejjeż jekk ikun intlaħaq ftehim bħal dan f’konformità mal-liġi.

F’każijiet fejn l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika ma jistgħux jiġu koperti mis-sorsi ta’ hawn fuq u l-amministratur ifassal rapport li juri n-nuqqas ta’ assi tad-debitur, meta jkun qed jippjana l-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, l-ispejjeż tal-proċedimenti jkunu koperti mid-depożitu tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, li jiġi ttrasferit lill-amministratur sabiex ikopri l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika u r-remunerazzjoni.

Jekk rikors għal proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika jkun ġie ppreżentat minn impjegat tad-debitur li jkun eżentat mir-rekwiżit li jħallas depożitu parzjalment jew kompletament, l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika jkunu koperti mill-fond ta’ garanzija għall-pretensjonijiet tal-impjegati.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

L-ispejjeż diretti u indiretti huma distinti fi proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika.

L-ispejjeż diretti tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jinkludu l-ispejjeż relatati mal-iżgurar tal-proċedimenti:

  • l-ispejjeż tar-reklamar, tas-subbasti, tal-ftuħ, tat-tħaddim u tal-għeluq ta’ kont tal-ħlas;
  • l-ispejjeż tas-servizzi ta’ korrispondenza bil-posta;
  • l-ispejjeż relatati mal-valwazzjoni tal-assi ta’ persuna fiżika;
  • l-ispejjeż tas-servizzi notarili;
  • l-ispejjeż relatati mal-ħżin tal-assi ta’ persuna fiżika jekk ikunu ġew ittrasferiti lill-amministratur, il-verifika tat-tranżazzjonijiet, u l-assigurazzjoni tal-assi u t-tranżazzjonijiet.

Dawn l-ispejjeż huma koperti mir-rikavat tal-bejgħ tal-assi tal-persuna fiżika, iżda, fin-nuqqas ta’ assi jew minħabba li ma jkunux biżżejjed sabiex ikopru l-ispejjeż diretti, l-amministratur jista’ jitlob li d-debitur ikopri l-ispejjeż. Madankollu, għandu jiġi indikat li d-debitur jista’ jżomm żewġ terzi tal-introjtu tiegħu, u jista’ jkun meħtieġ li jittrasferixxi mhux aktar minn terz sabiex ikopri l-ispejjeż diretti.

L-ispejjeż indiretti tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika, bħal pagamenti kurrenti ta’ taxxa jew dazju, pagamenti kurrenti ta’ manteniment, pagamenti ta’ kera u ta’ servizzi essenzjali, huma koperti mill-introjtu tal-persuna fiżika (żewġ terzi tal-introjtu li d-debitur huwa awtorizzat li jżomm).

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Proċedimenti ta’ protezzjoni legali

Is-superviżur ma huwiex intitolat għal tranżazzjonijiet ta’ tilwim magħmula qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali. Wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ protezzjoni legali, l-azzjonijiet tad-debitur huma ristretti: ma jistgħux jidħlu f’xi tranżazzjoni jew isegwu attivitajiet li jistgħu jaggravaw is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom jew jagħmlu ħsara lill-interessi tal-korp ġenerali tal-kredituri.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika

L-amministratur jeħtieġlu jevalwa t-tranżazzjonijiet tad-debitur u jippreżenta talba fil-qorti li titlob li t-tranżazzjoni rilevanti tiġi ddikjarata invalida irrispettivament mit-tip tagħha, jekk it-tranżazzjoni tkun saret:

  1. wara d-data tat-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika jew 4 xhur qabel id-data tat-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, u tkun irriżultat f’danni għad-debitur, irrispettivament minn jekk il-persuna li magħha jew favur tagħha saret it-tranżazzjoni kinitx konxja mid-danni lill-kredituri;
  2. 3 snin qabel id-data tat-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika, u tkun irriżultat f’danni lid-debitur, u l-persuna li magħha jew favur tagħha saret it-tranżazzjoni kienet konxja jew kellha tkun taf bid-danni lill-kredituri.

Jekk tranżazzjoni li tkun ikkawżat danni lid-debitur tkun saret ma’ jew favur partijiet b’interess fid-debitur, dawn għandhom jitqiesu li kienu konxji mid-danni kkawżati sakemm ma jagħtux prova mod ieħor.

Kreditur garantit jista’ jitlob li tranżazzjoni magħmula mill-amministratur tiġi ddikjarata invalida jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni tikkonċerna assi mirhuna bħala garanzija skont il-pretensjoni u l-interessi tal-kreditur garantit jiġu mminati.

L-amministratur jeħtieġlu jevalwa u jippreżenta talba fil-qorti li titlob ir-ritorn tal-assi jew parti minnhom irregalati mid-debitur jekk it-tranżazzjoni tkun saret fit-3 snin qabel id-data tat-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza jew wara dik id-data fejn l-inugwaljanza tal-obbligazzjonijiet tal-partijiet tindika li fil-fatt sar rigal. Donazzjoni tista’ tiġi appellata u tintalab lura biss jekk tkun illegali jew ma tkunx intużat skont l-iskop maħsub.

Somom ta’ flus imħallsa mid-debitur sabiex ikopru d-djun fis-6 xhur qabel it-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika u wara d-data tat-tħabbira (ħlief l-ammonti mħallsa mill-amministratur matul il-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika) għandhom jitħallsu lura jekk ikun ġie identifikat wieħed mill-fatturi li ġejjin:

  1. il-pagament ikun sar qabel ma jkunu saru dovuti l-obbligazzjonijiet, jekk obbligazzjonijiet oħra fejn il-pagamenti kienu saru dovuti ma kinux irrispettati u d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet imsemmija fil-Paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jkunu jistgħu jiġġeddu;
  2. id-dejn tħallas lil persuni b’interess fid-debitur, filwaqt li obbligazzjonijiet oħra, li kienu dovuti qabel id-data dovuta tal-obbligazzjonijiet fir-rigward tal-persuni interessati, ma ġewx irrispettati. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għad-djun miġbura mill-uffiċjali tal-qorti, wara li jinżammu l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni.

Kreditur għandu jħallas lura l-ammont imħallas mid-debitur fit-3 xhur ta’ qabel id-data tat-tħabbir tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika sabiex jiġi evitat it-tħabbir ta’ proċedimenti għall-insolvenza tad-debitur abbażi ta’ rikors ippreżentat mill-kreditur li jirċievi l-ammont.

Jekk l-ammonti mħallsa sabiex ikopru d-dejn jitħallsu lura fil-każijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-obbligazzjonijiet tal-partijiet (inkluż it-tisħiħ tal-obbligazzjonijiet) u d-drittijiet rispettivi li kienu fis-seħħ qabel is-saldu tad-dejn għandhom jiġġeddu.

Barra minn hekk, l-amministratur huwa obbligat li jippreżenta talba fil-qorti li titlob li ftehim ta’ rahan jiġi ddikjarat invalidu meta d-dritt ta’ rahan ikun ġie stabbilit wara li t-tħabbira tal-proċedimenti ta’ insolvenza fir-rigward tad-debitur tkun ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-insolvenza.

Proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika

It-tranżazzjonijiet li jsiru mid-debitur jistgħu jiġu kkontestati f’konformità mal-proċedura taħt proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna ġuridika jekk jinstabu dawn li ġejjin matul il-proċedimenti ta’ insolvenza:

  • id-debitur, matul it-3 snin qabel it-tħabbir ta’ proċedimenti ta’ insolvenza ta’ persuna fiżika jew matul il-proċedimenti ta’ insolvenza, ikun daħal fi tranżazzjonijiet li rriżultaw fl-insolvenza jew id-danni tad-debitur lill-kredituri, meta kien konxju jew kellu jkun konxju li tali tranżazzjonijiet jistgħu jirriżultaw f’insolvenza jew f’danni lill-kredituri;
  • id-debitur ikun ipprovda b’mod konxju informazzjoni falza dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu u ma jkunx iddivulga l-introjtu veru tiegħu;
  • id-debitur ma jkunx qed jissodisfa l-obbligi tiegħu skont proċedimenti ta’ falliment jew proċedimenti għas-saldu tal-obbligazzjonijiet, u dan ifixkel b’mod sinifikanti l-progress tal-proċedimenti ta’ insolvenza.
L-aħħar aġġornament: 18/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.