Insolvenza/falliment

Greċja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Proċedimenti tal-insolvenza jistgħu jitressqu kontra kummerċjanti u kontra assoċjazzjonijiet ta’ persuni b’personalità ġuridika li jkollhom skop ekonomiku.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Sabiex jinfetħu l-proċedimenti, ir-rikors irid jiġi ppreżentat mid-debitur innifsu, minn kreditur li jkollu interess ġuridiku, jew mill-prosekutur pubbliku fil-qorti tal-prim’istanza (eisangeléas protodikón) jekk ikun hemm konsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku. Kundizzjonijiet għall-ftuħ tal-proċedimenti: (a) meta l-kreditur jagħmel ir-rikors, id-debitur irid ikun fi stat li waqqaf il-pagamenti; (b) meta d-debitur jagħmel ir-rikors ikun biżżejjed li jkun hemm probabbiltà li mhux se jkun jista’ jħallas id-djun tiegħu. Il-Qorti tiffissa d-data tal-waqfien tal-pagamenti, li ma tistax tkun aktar minn sentejn qabel id-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza. L-imħallef li jippresjedi l-qorti jista’, fuq talba minn kwalunkwe persuna li jkollha interess ġuridiku, tordna kwalunkwe miżura li titqies meħtieġa sabiex tiġi evitata kwalunkwe bidla fl-assi tad-debitur li tkun ta’ ħsara għall-kredituri. Awtomatikament malli tingħata sentenza li tiddikjara l-insolvenza dawn il-miżuri ma jibqgħux japplikaw.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Il-proprjetà tal-insolvenza (ptocheutikí periousía) tinkludi l-assi kollha li jkunu proprjetà tad-debitur, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu, fid-data tad-dikjarazzjoni tal-insolvenza. Dan ma jinkludix (a) kwalunkwe assi ta’ natura eżenti, jiġifieri affarijiet li huma assolutament meħtieġa għas-sussistenza bażika tad-debitur u tal-familja tiegħu, u l-affarijiet li d-debitur jeħtieġ sabiex ikun jista’ jaqla’ l-għejxien tiegħu, jew (b) kwalunkwe assi li huma esklużi minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi. Lanqas ma jinkludi assi akkwistati mid-debitur wara d-dikjarazzjoni tal-insolvenza.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

B’effett mid-data tad-dikjarazzjoni tal-insolvenza d-debitur jiġi awtomatikament imċaħħda mid-dritt li jiġġestixxi, jiġifieri li jamministra u jiddisponi mill-assi tiegħu. Kull att ta’ ġestjoni min-naħa tad-debitur mingħajr il-kunsens tal-amministratur (sýndikos) ma jkunx infurzabbli. L-assi jiġu ġestiti mill-amministratur. Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali, li huma speċifikati fil-liġi, li d-debitur jista’ jwettaq ġestjoni tal-assi tiegħu. L-amministratur appuntat irid ikun avukat li jkollu minn tal-inqas ħames snin esperjenza. Il-ħidma tal-amministratur tkun taħt is-superviżjoni tal-imħallef relatur tal-qorti (eisigitís dikastís). Xi atti tal-amministratur ikunu jeħtieġu permess mill-qorti li tkun qed tittratta l-insolvenza (il-“qorti tal-insolvenza”, ptocheutikó dikastírio). Il-qorti tal-insolvenza sservi bħala l-aħħar superviżur responsabbli biex jidderiġi l-proċedimenti tal-insolvenza.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija ?

Dikjarazzjoni ta’ insolvenza ma taffettwax id-dritt tal-kreditur li jinvoka tpaċija kontra kontrotalba tad-debitur, dment li l-kundizzjonijiet għat-tpaċija kienu ġew issodisfati qabel id-dikjarazzjoni tal-insolvenza. Kwalunkwe projbizzjoni ta’ tpaċija tapplika wkoll għall-insolvenza.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Kwalunkwe kuntratt bilaterali li jkun pendenti fid-data tad-dikjarazzjoni tal-insolvenza, u li d-debitur ikun parti fih, jibqa’ fis-seħħ sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor mill-Kodiċi tal-Insolvenza. Wara l-awtorizzazzjoni mill-imħallef relatur, l-amministratur ikollu d-dritt jeżegwixxi kwalunkwe kuntratt pendenti u li jeħtieġ lill-kontropartijiet biex iwettquhom. Kull kuntratt ta’ natura permanenti jibqa’ fis-seħħ, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor bil-liġi. Kwalunkwe kuntratt finanzjarju huwa eskluż. Id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-insolvenza ma jaffettwawx id-dritt li l-kuntratt jiġi tterminat skont il-liġi jew skont il-kuntratt. Id-dikjarazzjoni tal-insolvenza tipprovdi raġuni għat-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ natura personali li d-debitur ikun parti fihom. L-amministratur jista’ jittrasferixxi lil parti terza, relazzjoni kuntrattwali li fiha d-debitur ikun kontroparti. Relazzjoni ta’ impjieg tiġi tterminata mad-dikjarazzjoni tal-insolveza.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Malli ssir id-dikjarazzjoni tal-insolvenza, il-proċedimenti kollha miġjuba minn kredituri individwali kontra d-debitur biex jissodisfa l-pretensjonijiet fl-ambitu tal-insolvenza jiġu sospiżi b’mod awtomatiku, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-kredituri garantiti, li għalihom din is-sospensjoni ma tapplikax għal kollateral fil-proprejtà tal-insolvenza. Madankollu, għal dawn il-kredituri tista’ tapplika sospensjoni ta’ ftit xhur skont ċerti kundizzjonijiet. B’mod aktar speċifiku, mad-dikjarazzjoni tal-insolvenza, l-atti li ġejjin jiġu pprojbiti: li jitkompla infurzar, li jitressaq rikors għal prestazzjoni jew dikjarazzjoni, li tali kawżi jitkomplew, li jiġu ppreżentati jew jinstemgħu appelli, u li jinħarġu atti ta’ natura amministrattiva jew ta’ natura ta’ taxxa jew li jiġu infurzati fuq l-assi tal-proprjetà tal-insolvenza.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Kwalunkwe kawża li tkun pendenti fid-data tad-dikjarazzjoni tal-insolvenza titkompla mill-amministratur jekk id-debitur ikun il-kreditur f’din il-kawża. Jekk ikun id-debitur, il-kawżi jiġu sospiżi u tiġi segwita l-proċedura għall-preżentazzjoni u l-verifika.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Il-kredituri jridu jressqu l-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur quddiem ir-reġistratur tal-insolvenzi (grammatéas ton ptocheúseon). Il-kredituri kollha, irrispettivament mill-privileġġi jew il-garanzija, inklużi dawk li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu kundizzjonali, jifformaw il-laqgħa tal-kredituri (synéleusi ton pistotón). L-ewwel laqgħa tissejjaħ mis-sentenza li tiddikjara l-insolvenza. Il-laqgħa tista’ teleġġi tliet membri tal-kumitat tal-kredituri (epitropí pistotón), li min-naħa tagħhom, jistgħu jaħtru rappreżentant komuni għall-membri kollha. Il-kumitat tal-kredituri bi tliet membri jimmonitorja l-andament tal-proċedimenti tal-insolvenza.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Malli jitlesta l-inventarju tal-assi mobbli u immobbli tad-debitur, l-amministratur jista’ jikkonsulta mal-imħallef relatur u jitlob permess biex ibigħ il-prodotti jew l-oġġetti mobbli li jiffurmaw parti mill-proprjetà, iżda biex ikopri l-ħtiġijiet attwali biss. Huwa biss meta tkun lesta l-verifika tal-kredituri, u dment li ma jiġi aċċettat jew ratifikat l-ebda pjan ta’ riorganizzazzjoni tal-intrapriża, jew jekk tali aċċettazzjoni jew ratifika tiġi kkanċellata, li l-amministratur jista’ jillikwida l-assi tad-debitur u jqassam ir-rikavat lill-kredituri billi jiddisponi jew mill-intrapriża kollha kemm hi jew mill-assi individwali tagħha. L-assi immobbli tad-debitur jistgħu jiġu disposti minnhom biss bil-permess tal-qorti tal-insolvenza, mogħti bi tweġiba għal talba mill-amministratur u wara rapport mill-imħallef relatur.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Il-kredituri kollha tad-debitur, jistgħu jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom u jissottomettu d-dokumenti tagħhom fir-reġistru tal-insolvenzi irrispettivament minn jekk il-pretensjonijiet tagħhom humiex privileġġati jew le u irrispettivament minn jekk ikunux iggarantiti b’kollateral jew le. Il-kredituri inklużi fi proċedimenti ta’ insolvenza huma dawk li, fid-data tad-dikjarazzjoni tal-insolvenza, ikollhom pretensjoni kuntrattwali monetarja kontra d-debitur li diġà ġiet iġġenerata u tista’ titressaq quddiem il-qorti. Kwalunkwe pretensjoni ġġenerata wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza ma tistax tiġi ppreżentata. L-ispejjeż tal-amministratur tal-qorti mġarrba għall-ġestjoni tal-proprejtà tal-insolvenza, ir-rimunerazzjoni tal-amministratur u kwalunkwe pretensjoni fuq il-proprjetà nnifsha (omadiká pistómata) jitnaqqsu minn qabel, wara d-deċiżjoni li l-proprjetà tal-insolvenza tiġi likwidatà, u jiġu ssodisfati qabel il-klassifikazzjoni tal-kredituri tad-debitur.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Il-pretensjonijiet iridu jiġu ppreżentati bil-miktub quddiem ir-reġistratur tal-insolvenzi, u jispeċifikaw it-tip, il-kaġun, id-data tal-ġenerazzjoni, eċċ., fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza li tiddikjara l-insolvenza fil-Bulletin tal-Atti Ġudizzjarji tal-Fond tal-Avukati (Deltío Dikastikón Dimosieúseon tou Tameíou Nomikón). Jekk dan il-limitu taż-żmien għall-preżentazzjoni jiskadi, kreditur xorta waħda jkun jista’ jippreżenta notifika ta’ oppożizzjoni (anakopí) u jitlob li l-pretensjoni tiegħu tiġi vverifikata mill-qorti tal-insolvenza. Dawn li ġejjin japplikaw għall-verifika: (a) titwettaq mill-amministratur fil-preżenza tal-imħallef relatur tlett ijiem wara li jiskadi l-perjodu ta’ żmien stabbilit għat-tressiq tal-pretensjonijiet; (b) kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun qed tiġi vverifikata jista’ jattendi l-verifika personalment jew permezz ta’ parti terza awtorizzata kif xieraq; (c) il-verifika titwettaq billi jitqabblu d-dokumenti tal-kreditur ma dawk tal-kotba u d-dokumenti tad-debitur; (d) l-imħallef relatur iħejji rapport dwar il-verifika tal-kredituri; (e) f’każ ta’ dubju, l-imħallef relatur jiddeċiedi jekk jaċċettax il-pretensjoni, u jista’ jaċċettaha b’mod provviżorju; (f) waqt il-verifika d-debitur, l-amministratur u l-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu diġà ġew aċċettati, jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet. Ma hemmx websajt apposta minn fejn wieħed jista’ jsib il-formoli speċifiċi għall-proċedura msemmija hawn fuq. Madankollu, huma disponibbli formoli speċifiċi mingħand ir-reġistratur tal-insolvenzi fil-qorti tal-prim’ istanza (protodikeío).

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Ladarba tittieħed deċiżjoni biex proprjetà tal-insolvenza tiġi likwidata, l-amministratur, mingħajr dewmien bla bżonn, iħejji lista ta’ distribuzzjoni u jressaqha għand l-imħallef relatur. L-imħallef relatur jiddikjara l-lista infurzabbli u jordna li tiġi ddepożitata fl-uffiċċju tiegħu. Fid-distribuzzjoni jitqiesu l-privileġġi ġenerali li ġejjin: (i) pretensjonijiet li jirriżultaw minn kull tip ta’ finanzjament ipprovdut sabiex l-attività tad-debitur tkun tista’ tkompli; (ii) pretensjonijiet għal trattament mediku tad-debitur u għal ispejjeż ta’ funeral; (iii) pretensjonijiet għall-provvediment tal-ħtiġijiet tal-ikel; (iv) pretensjonijiet min-naħa ta’ impjegati fir-rigward tal-impjieg tagħhom, onorarji tal-avukat; (v) pretensjonijiet min-naħa ta’ bdiewa; (vi) pretensjonijiet min-naħa tal-Istat Elleniku u awtoritajiet lokali; (vii) pretensjonijiet min-naħa tal-fond ta’ garanzija (synengyitikó), u l-privileġġi speċifiċi tal-kredituri, jiġifieri pretensjonijiet privileġġati fuq assi mobbli jew immobbli speċifiċi tad-debitur jew fuq xi ammont ta’ flus. Fejn ikun hemm trikkib ta’ privileġġi fil-każ ta’ rikavati mid-disponiment ta’ assi jew ammont ta’ flus, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili japplikaw mutatis mutandis.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

Pjan ta’ riorganizzazzjoni jista’ jiġi ppreżentat mid-debitur lill-qorti tal-insolvenza u lill-amministratur. Dan irid jinkludi informazzjoni dwar il-qagħda finanzjarja tad-debitur u kif qed jiġi propost li jiġu ssodisfati l-kredituri, deskrizzjoni tal-miżuri li jridu jittieħdu, bħal tibdil organizzazzjonali u pjanijiet ta’ negozju, il-formazzjoni ta’ drittijiet u l-klassifikazzjoni kumplessiva ta’ kull kreditur, eċċ. Il-qorti tal-insolvenza awtomatikament twettaq eżaminazzjoni preliminari tal-pjan fi żmien 20 jum mis-sottomissjoni tiegħu u tista’ tirrifjutah għal raġunijiet speċifiċi stipulati fil-liġi. Jekk il-qorti ma tirrifjutax il-pjan, tistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ mhux inqas minn tliet xhur għall-kredituri biex jaċċettawh jew le, u data biex jiltaqgħu l-kredituri. Id-deliberazzjoni u l-vot dwar il-pjan isiru fil-preżenza tal-imħallef relatur. Maġġoranza speċjali hija meħtieġa biex il-pjan jiġi aċċettat. Mal-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni mill-kredituri, il-pjan jiġi sottomess lill-qorti għal ratifika. Wara li tingħata s-sentenza finali dwar l-approvazzjoni tal-pjan, il-pjan isir jorbot fuq il-kredituri kollha, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħhom u mill-fatt jekk ikunux ippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom jew le. Il-proċedimenti tal-insolvenza jintemmu. Il-kredituri jistgħu jressqu proċedimenti individwalment.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Mad-dikjarazzjoni tat-tmiem tal-insolvenza, l-iżvestiment tad-debitur jitneħħa, id-debitur jerġa’ jibda jġestixxi l-assi tiegħu, u l-kredituri jistgħu jinbdew proċedimenti individwalment. B’mod aktar speċifiku, il-proċedimenti tal-insolvenza jispiċċaw mal-likwidazzjoni tal-assi, u l-amministratur jippreżenta rapport fi żmien xahar.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Il-kostijiet u l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-insolvenza jiġu ddebitati lill-proprjetà tal-insolvenza.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Kwalunkwe att magħmul mid-debitur fil-perjodu minn meta jitwaqqfu l-pagamenti sad-dikjarazzjoni tal-insolvenza (“il-perjodu ta’ suspett”, ýpopti períodos) li jkun ta’ detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri jista’ jiġi revokat (atti suġġetti għal revoka potenzjali, práxeis dynitikís anáklisis) jew irid jiġi revokat (atti suġġetti għal revoka mandatorja, práxeis ypochreotikís anáklisis), soġġett għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi tal-insolvenza. Azzjoni għal revoka tista’ titressaq quddiem il-qorti tal-insolvenza mill-amministratur jew, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, minn kreditur. Kull persuna li tkun kisbet kwalunkwe assi tad-debitur fuq bażi ta’ att revokat trid tirritorna l-assi lill-proprjetà tal-insolvenza.

L-aħħar aġġornament: 13/02/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.