Insolvenza/falliment

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Daħla

Il-liġi li tirregola l-insolvenza u l-proċedimenti ta’ insolvenza fil-Ġermanja hija regolata mill-Kodiċi tal-Insolvenza (Insolvenzordnung – InsO), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1999. Il-Kodiċi tal-Insolvenza jvarja minn regoli ta’ proċedura oħrajn peress li jinkludi mhux biss dispożizzjonijiet proċedurali, iżda wkoll dispożizzjonijiet sostantivi. Pereżempju, id-dispożizzjonijiet li jiddeterminaw l-effetti tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza huma dispożizzjonijiet sostantivi (l-Artikoli 80 sa 147 tal-InsO).

L-objettiv ewlieni tal-Kodiċi tal-Insolvenza huwa s-sodisfazzjon kollettiv tal-kredituri tad-debitur, jew permezz tar-realizzazzjoni tal-assi tad-debitur u d-distribuzzjoni tar-rikavat, jew billi jintlaħaq arranġament alternattiv stipulat fi pjan ta’ insolvenza, b’mod partikolari bil-ħsieb li l-intrapriża tibqa’ teżisti (l-Artikolu 1, l-ewwel sentenza tal-InsO). "Sodisfazzjoni kollettiva" (gemeinschaftliche Befriedigung) tfisser li l-kredituri fil-prinċipju ser jirċievu sodisfazzjon fi proporzjon mal-pretensjonijiet rispettivi tagħhom. Minbarra dan, l-għan tal-proċedimenti ta’ insolvenza huwa li d-debituri onesti jingħataw l-opportunità li jinħelsu mill-bqija tad-djun tagħhom (l-Artikolu 1, it-tieni sentenza, tal-InsO).

Prinċipju li jiddefinixxi l-proċedimenti ta’ insolvenza Ġermaniżi, apparti l-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-kredituri, huwa dak tal-awtonomija tal-kredituri (Gläubigerautonomie). Hemm bosta drittijiet disponibbli għall-kredituri biex jifformaw il-proċedimenti, speċjalment fir-rigward tal-mod ta’ kif jiġu realizzati l-assi tad-debitur. Il-kredituri jiddeċiedu wkoll dwar il-forma konkreta tal-proċedimenti ta’ insolvenza, minħabba li, apparti l-proċedura “standard”, il-Kodiċi jagħti l-possibbiltà lill-kredituri garantiti u ordinarji li jeżerċitaw l-awtonomija tagħhom billi jfasslu pjan ta’ insolvenza li jvarja mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Insolvenza biex tiġi stabbilita r-realizzazzjoni tal-patrimonju tal-insolvenza, id-distribuzzjoni lill-partijiet ikkonċernati, l-andament tal-proċedimenti ta’ insolvenza u r-responsabbiltà tad-debitur wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Il-pjan tal-insolvenza huwa partikolarment importanti fil-każ ta’ riorganizzazzjoni ta’ intrapriża, għalkemm jista’ jipprovdi wkoll qafas għall-istralċ tal-intrapriża.

Il-liġi Ġermaniża dwar il-proċedimenti tal-insolvenza hija kkaratterizzata wkoll mill-prinċipju tal-unità. Dan ifisser li l-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni u l-Istralċ (Gesetz für Sanierung und Liquidation) ma jipprevedi ebda tip separat ta’ proċediment. Kemm l-istralċ kif ukoll ir-riorganizzazzjoni jistgħu jitwettqu bil-proċedura standard jew bil-proċedura tal-pjan tal-insolvenza.

Għal riorganizzazzjoni tal-intrapriża, niġbdu l-attenzjoni wkoll għall-Att dwar l-Istabbilizzazzjoni u l-Qafas ta’ Ristrutturar għan-Negozji (Gesetz über den Stabilisierungs- und Restrukturierungsrahmen für Unternehmen, magħruf ukoll bħala l-Unternehmensstabilisierungs- und -restrukturierungsgesetz, jew l-iStaRUG), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021. L-iStaRUG jipprovdi firxa ta’ strumenti mfassla biex jippermetti negozju li jkun waqa’ f’diffikultà, iżda li jkun għadu mhuwiex insolventi jew imdejjen iżżejjed, li jiġi riorganizzat fuq il-bażi ta’ pjan ta’ ristrutturar aċċettat mill-maġġoranza tal-kredituri, mingħajr ma jkollu jgħaddi mill-proċedimenti ta’ insolvenza f’konformità mal-InsO. Sa mis-17 ta’ Lulju 2022, sar possibbli wkoll, b’rikors, li jitmexxew proċedimenti skont l-iStaRUG b’mod pubbliku, jiġifieri l-informazzjoni dwar il-proċedura, il-post u l-ħin tal-appuntamenti tal-qorti u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiġi ppubblikata fuq portal dwar ir-ristrutturar f’konformità mal-Artikoli 84 sa 86 tal-iStaRUG. Għalhekk, jissodisfaw ukoll il-kundizzjonijiet għal proċedimenti ta’ insolvenza skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza (“ir-Regolament tal-UE dwar l-Insolvenza”).

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Il-proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu fir-rigward tal-assi li jkunu proprjetà ta’ kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika, anki jekk dik il-persuna ma tkunx twettaq attività kummerċjali jew professjonali għal rasha. (Persuni fiżiċi li ma jwettqux attività bħal din jissejħu “konsumaturi”.) Il-proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu wkoll fir-rigward tal-assi ta’ sħubija mingħajr personalità ġuridika (eż. kumpanija kummerċjali ġenerali (offene Handelsgesellschaft) jew sħubija limitata (Kommanditgesellschaft)) jew għal fond separat, bħal pereżempju l-patrimonju ta’ persuna mejta. Għal persuni ġuridiċi rregolati bil-liġi pubblika, tapplika d-dispożizzjoni speċjali fl-Artikolu 12 tal-InsO, li tispeċifika li l-proċedimenti ta’ insolvenza ma jistgħux jinfetħu fir-rigward ta’ assi li jkunu proprjetà tal-Gvern Federali jew ta’ Land (l-Artikolu 12(1)(1) tal-InsO).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Il-proċedimenti tal-insolvenza jinfetħu biss permezz ta’ rikors, u mhux awtomatikament minn xi korp pubbliku. Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat minn debitur jew minn kreditur. Sabiex tipproteġi lill-qorti u lid-debitur kontra rikorsi prematuri jew purament bl-intenzjoni li jikkawżaw dannu, kreditur li jippreżenta rikors irid juri b’mod plawżibbli li jeżistu raġunijiet għal insolvenza u li l-kreditur effettivament għandu pretensjoni kontra d-debitur.

Meta kumpanija limitata tkun insolventi, il-korpi governattivi tagħha jridu jippreżentaw rikors jew jaffaċċjaw penali. Jekk dan ir-rekwiżit jinkiser, il-kredituri jistgħu jressqu talba għad-danni. Debituri fi kriżi li jaġixxu b’negliġenza jistgħu jagħmlu jissoġġettaw ruħhom għal prosekuzzjoni f’ċerti ċirkostanzi (l-Artikoli 283 et seq. tal-Kodiċi Kriminali (Strafgesetzbuch)).

Ir-raġuni għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza ġeneralment hija l-inabilità li wieħed iħallas. Debitur ma jkunx kapaċi jħallas jekk ma jkunx f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi ta’ pagamenti li jkunu saru dovuti. Bħala regola, tiġi preżunta insolvenza jekk id-debitur ikun waqqaf il-pagamenti (l-Artikolu 17(2) tal-InsO). Jekk id-debitur ikun persuna ġuridika jew kumpanija li l-ebda soċju fiha ma jkun persuna ġuridika b’responsabbiltà illimitata, il-proċedimenti jistgħu jinfetħu wkoll minħabba dejn eċċessiv. Debitur ikollu dejn eċċessiv jekk l-assi tiegħu ma jibqgħux ikopru l-obbligazzjonijiet eżistenti, sakemm ma jkunx ferm probabbli fiċ-ċirkostanzi li l-intrapriża tibqa’ teżisti għat-12-il xahar sussegwenti (l-Artikolu 19(2) tal-InsO). Jekk, filwaqt li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi, ikun ferm probabbli li l-intrapriża tkompli teżisti, dan irid jitqies bħala bażi meta jiġi vvalutat il-valur tal-assi tad-debitur. Rikors jista’ jiġi ppreżentat ukoll minn debitur jekk ikun qed jaffaċċja inabbiltà imminenti li jħallas (l-Artikolu 18(1) tal-InsO). Debitur jitqies li qed jaffaċċja inabbiltà imminenti li jħallas jekk ikun probabbli li ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi eżistenti tiegħu li jħallas fid-data meta jkunu dovuti (l-Artikolu 18(2) tal-InsO). Biex jiġi vvalutat jekk debitur ikunx qed jaffaċċja inabilità imminenti li jħallas, normalment jittieħed orizzont ta’ tbassir ta’ 24 xahar bħala bażi. Biex jinfetħu l-proċedimenti, huwa neċessarju wkoll li jiġi żgurat il-finanzjament tal-proċedimenti tal-insolvenza. Għalhekk it-talba biex jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza tiġi rrifjutata jekk l-assi tad-debitur probabbilment ma jkunux suffiċjenti biex ikopru l-kostijiet tal-proċedimenti (l-Artikolu 26(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO).

Jekk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, il-qorti inkarigata mill-insolvenza jew il-“qorti tal-insolvenza” (Insolvenzgericht) toħroġ deċiżjoni biex tagħti bidu għall-proċedimenti tal-insolvenza, li tiġi ppubblikata. L-avviż pubbliku jsir mill-qorti fuq l-Internet (http://www.insolvenzbekanntmachungen.de/). Fid-deċiżjoni sabiex jibdew il-proċedimenti, il-qorti titlob lill-kredituri ordinarji jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom lill-amministratur tal-insolvenza fi ħdan terminu speċifiku. Id-deċiżjoni tistabbilixxi data għal laqgħa fejn il-kredituri, abbażi tar-rapport tal-amministratur tal-insolvenza, jiddeċiedu fuq id-direzzjoni li għandhom jieħdu l-proċedimenti tal-insolvenza, u jistabbilixxu data għas-smigħ tal-verifika fejn il-pretensjonijiet ippreżentati jiġu vverifikati (l-Artikolu 29(1) tal-InsO).

Kif diġà ntqal fl-introduzzjoni, il-Kodiċi tal-Insolvenza ma jipprevedix tipi differenti ta’ proċedimenti għar-riorganizzazzjoni u għall-istralċ. Minbarra l-proċedura “standard”, il-Kodiċi jiftaħ il-possibbiltà ta’ pjan tal-insolvenza bħala mezz ta’ stralċ jew riorganizzazzjoni.

Peress li jaf ikun hemm bżonn ta’ ċertu żmien sabiex il-qorti tal-insolvenza tivverifika li l-kundizzjonijiet għall-ftuħ tal-proċedimenti huma ssodisfati, għall-ewwel il-qorti tieħu miżuri interim li jidhru neċessarji sabiex tipprevjeni kwalunkwe bidla fl-istatus finanzjarju tad-debitur li tkun ta’ ħsara għall-kredituri sakemm tittieħed id-deċiżjoni dwar ir-rikors (l-Artikolu 21(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Fil-prattika, il-qorti taħtar amministratur tal-insolvenza provviżorju (vorläufiger Insolvenzverwalter), li jista’ jiġi kklassifikat bħala “dgħajjef” jew “b’saħħtu”. Jekk jinħatar amministratur tal-insolvenza provviżorju “dgħajjef”, id-debitur iżomm is-setgħa li jiddisponi u d-dmirijiet individwali tal-amministratur ikunu ddeterminati mill-qorti, minkejja li dawn ma jistgħux imorru lil hinn mid-dmirijiet tal-amministratur tal-insolvenza provviżorju b’saħħtu (l-Artikolu 22(2), it-tieni sentenza, tal-InsO). Il-qorti tista’, pereżempju, tordna li d-disponiment min-naħa tad-debitur ikun validu biss bl-approvazzjoni tal-amministratur. B’differenza mill-ħatra ta’ amministratur tal-insolvenza provviżorju b’saħħtu, il-ħatra ta’ amministratur tal-insolvenza provviżorju dgħajjef ma tirriżultax fl-interruzzjoni ta’ tilwim ġuridiku pendenti (Il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1999 – II ZR 70/98 – il-paragrafu 4). L-amministratur tal-insolvenza provviżorju jkun “b’saħħtu” jekk il-qorti timponi projbizzjoni ġenerali li timpedixxi lid-debitur milli jiddisponi bi kwalunkwe mod, biex b’hekk id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-proprjetà tad-debitur tiġi vestita fl-amministratur (l-Artikolu 22(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO).

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Il-patrimonju tal-insolvenza (Insolvenzmasse) jinkludi l-assi li jappartjenu lid-debitur fiż-żmien meta jinfetħu l-proċedimenti u dawk li jkunu għadhom kif inkisbu minnu matul il-proċedimenti (jiġifieri, sakemm il-proċedimenti jintemmu jew jitwaqqfu). Il-patrimonju ma jinkludix drittijiet strettament personali tad-debitur jew oġġetti li ma jkunux soġġetti għall-qbid, minħabba li dawn lanqas ma jkunu soġġetti għal proċedimenti ta’ eżekuzzjoni individwali. Introjtu gwadanjat, pereżempju, ikun parti mill-patrimonju tal-insolvenza biss sakemm jaqbeż il-livell minimu ta’ sussistenza tad-debitur. L-assi rrilaxxati mill-amministratur tal-insolvenza wkoll jappartjenu għall-assi tad-debitur li ma jistgħux jinqabdu.

Skont il-liġi Ġermaniża, id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza jiġi fil-prinċipju trasferit lill-amministratur tal-insolvenza mal-ftuħ tal-proċedimenti (eċċezzjoni: il-ġestjoni tad-debitur fil-pussess (Eigenverwaltung), l-Artikoli 270 et seq. tal-InsO), u għalhekk il-provvediment tal-kollateral favur is-selliefa li jagħtu finanzjament lid-debitur fil-pussess, pereżempju, jaqa’ fuq l-amministratur tal-insolvenza. Għat-tranżazzjonijiet ta’ importanza partikolari, bħal kuntratt ta’ self li jimponi piżijiet konsiderevoli fuq il-patrimonju tal-insolvenza, l-amministratur tal-insolvenza jeħtieġ l-approvazzjoni tal-laqgħa tal-kredituri jew ta’ kumitat tal-kredituri maħtur (l-Artikolu 160 tal-InsO). L-impenji ta’ self jew obbligazzjonijiet oħrajn li jidħol għalihom l-amministratur tal-insolvenza huma obbligi li jaqgħu fuq il-patrimonju li jiġu ssodisfati mill-patrimonju bħala prijorità, jiġifieri qabel il-kredituri ordinarji. B’dan il-mod, jiġi żgurat li, wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, is-sħab kontraenti jkunu lesti jinnegozjaw mad-debitur insolventi.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Peress li, bil-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, l-amministratur tal-insolvenza bħala regola jassumi rwol importanti (eċċezzjoni: il-ġestjoni tad-debitur fil-pussess), f’dan l-istadju tal-proċedimenti l-qorti tal-insolvenza essenzjalment għandha setgħat ta’ superviżjoni u ta’ direzzjoni (ara l-Artikoli 58 u 76 tal-InsO) (minnbarra setgħat speċjali, pereżempju fil-proċedura tal-pjan tal-insolvenza jew fil-kuntest tal-ġestjoni tad-debitur fil-pussess). Ladarba jkunu nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza, id-deċiżjonijiet ewlenin (ir-realizzazzjoni, l-istralċ, ir-riorganizzazzjoni u l-pjan tal-insolvenza) jitħallew f’idejn il-kredituri. Iżda, il-qorti għandha setgħat u kompiti speċjali f’dan l-istadju tal-ftuħ tal-proċedimenti. Hawnhekk il-qorti tieħu d-deċiżjonijiet dwar il-ftuħ, dwar miżuri provviżorji ta’ protezzjoni u dwar il-ħatra ta’ amministratur tal-insolvenza. Il-qorti hija responsabbli wkoll mis-superviżjoni tal-amministratur tal-insolvenza. Hija twettaq superviżjoni fuq il-legalità tal-atti tal-amministratur tal-insolvenza, iżda mhux fuq ir-rakkomandabbiltà tagħhom, u ma tistax tagħti struzzjonijiet. Sabiex jitħaffu l-proċedimenti tal-insolvenza, id-deċiżjonijiet tal-qorti tal-insolvenza huma miftuħin għal appell biss fil-każijiet fejn il-Kodiċi jipprevedi appell immedjat (sofortige Beschwerde) (ara l-Artikolu 6(1) tal-InsO). Appell immedjat jista’ jiġi jitressaq quddiem il-qorti tal-insolvenza stess jew quddiem qorti reġjonali (Landgericht) ogħla mill-qorti tal-insolvenza, bil-miktub jew oralment fl-uffiċċju tal-qorti (Geschäftstelle). L-appelli immedjati ma għandhomx effett sospensiv. Il-qorti li tkun qed tisma’ l-appell jew il-qorti tal-insolvenza tista’, madankollu, tordna sospensjoni temporanja tal-eżekuzzjoni.

L-amministratur tal-insolvenza huwa l-attur ewlieni fil-proċedimenti tal-insolvenza. Persuni fiżiċi biss, u mhux persuni ġuridiċi, jistgħu jinħatru bħala amministraturi tal-insolvenza (l-Artikolu 56(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). L-avukati, il-kontabilisti jew il-konsulenti tat-taxxa, b’mod partikolari, huma eliġibbli biex jinħatru. Mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-proprjetà tad-debitur jingħata lill-amministratur tal-insolvenza (l-Artikolu 80(1) tal-InsO). L-amministratur tal-insolvenza huwa meħtieġ jifred l-assi li jsib mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza minn kwalunkwe oġġett li ma jkunx proprjetà tad-debitur. Irid ukoll jittrasferixxi fl-assi tad-debitur oġġetti li jappartjenu lill-assi tad-debitur skont il-liġi tal-obbligazzjonijiet, iżda li kienu għadhom ma ġewx imdaħħla mal-assi tad-debitur meta nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza. L-assi tad-debitur iddeterminati b’dan il-mod jikkostitwixxu l-patrimonju tal-insolvenza (Insolvenzmasse, l-Artikolu 35 tal-InsO) li tkun se tiġi rrealizzata mill-amministratur tal-insolvenza u li minnha jiġu ssodisfati l-kredituri. Dmirijiet oħrajn tal-amministratur tal-insolvenza jinkludu:

  • il-ħlas tal-pagi lill-impjegati tad-debitur tal-insolvenza;
  • jiddeċiedi jekk ikomplix jew itemmx it-tilwim ġuridiku pendenti (l-Artikoli 85 et seq. tal-InsO) u x’se jagħmel bil-kuntratti li jkunu għadhom ma twettqux kompletament (l-Artikoli 103 et seq. tal-InsO);
  • iħejji rapport tal-assi u l-obbligazzjonijiet (l-Artikolu 153(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO);
  • jikkontesta tranżazzjonijiet li jkunu saru qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza li x’aktarx ipoġġu lill-kredituri ordinarji fi żvantaġġ (l-Artikoli 129 et seq. tal-InsO).

L-amministratur tal-insolvenza huwa soġġett għas-superviżjoni tal-qorti tal-insolvenza (l-Artikolu 58(1) tal-InsO). Jekk jinħatar kumitat tal-kredituri, dan jappoġġa u jimmonitorja lill-amministratur tal-insolvenza fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu (l-Artikolu 69, l-ewwel sentenza, tal-InsO).

Wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, meta d-dritt tad-disponiment tal-proprjetà tad-debitur ikun ingħata lill-amministratur tal-insolvenza, l-amministratur jista’ fil-prinċipju jiddisponi liberament mill-assi li jappartjenu lill-patrimonju tal-insolvenza. Hemm limiti fuq tranżazzjonijiet ta’ importanza partikolari, pereżempju l-bejgħ tal-intrapriża jew tal-istokk kollu. Dawn it-tranżazzjonijiet ta’ importanza partikolari jirrikjedu l-approvazzjoni tal-laqgħa tal-kredituri jew tal-kumitat tal-kredituri. Madankollu, ksur tar-rekwiżit tal-approvazzjoni ma għandux effett fuq partijiet barranin, iżda jirriżulta biss fir-responsabbiltà tal-amministratur. L-amministratur għandu jkun ukoll konformi mad-deċiżjonijiet tal-laqgħa tal-kredituri li l-intrapriża tiġi stralċata jew biex din tkompli topera (l-Artikoli 157 u 159 tal-InsO).

Jekk l-amministratur tal-insolvenza jikser b’mod abbużiv l-obbligi tiegħu skont il-Kodiċi tal-Insolvenza, huwa jkun responsabbli għad-danni lill-partijiet kollha fil-proċedimenti (l-Artikolu 60(1) tal-InsO). L-Artikolu 60(1) tal-Kodiċi jipprevedi: “L-amministratur tal-insolvenza għandu jkun responsabbli għall-kumpens tad-danni mġarrba minn kull parti fil-proċedimenti jekk huwa jikser b’mod abbużiv id-dmirijiet tiegħu skont dan il-Kodiċi. Huwa għandu jaġixxi bl-attenzjoni mistennija mingħand amministratur tal-insolvenza xieraq u diliġenti.”

L-amministratur tal-insolvenza huwa intitolat għal remunerazzjoni b’korrispettiv tal-eżerċitar tal-mandat tiegħu u għar-rimborż tal-ispejjeż adegwati (l-Artikolu 63(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Ir-remunerazzjoni hija rregolata bir-Regolament dwar ir-Remunerazzjoni fil-Liġi tal-Insolvenza (Insolvenzrechtsvergütungsverordnung – InsVV) u hija ddeterminata skont il-valur tal-patrimonju tal-insolvenza fiż-żmien meta jintemmu l-proċedimenti ta’ insolvenza. Ir-Regolament jipprevedi rati standard gradwati, li madankollu jistgħu jiżdiedu skont l-iskala u d-diffikultà tad-dmirijiet tal-amministratur tal-insolvenza.

Anke wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza, id-debitur li kontrih jitressqu l-pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji jibqa’ l-proprjetarju tal-assi li jkunu se jiġu rrealizzati (l-Artikoli 38 u 39 tal-InsO). Fil-prinċipju, huwa responsabbli sal-limitu tal-assi kollha tiegħu. Madankollu, id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-assi li jaqgħu fl-ambitu tal-proċedimenti tal-insolvenza jkun vestit f’idejn l-amministratur tal-insolvenza. Fuq talba tad-debitur, id-deċiżjoni tal-qorti li tiftaħ il-proċedimenti tista’ tordna wkoll il-ġestjoni tad-debitur fil-pussess f’konformità mal-Artikolu 270 et seq. tal-InsO. Id-debitur jeħtieġlu jehmeż pjan ta’ ġestjoni tad-debitur fil-pussess mat-talba tiegħu, li d-dettalji tiegħu huma stabbiliti fl-Artikolu 270a tal-InsO. L-ordni tingħata jekk il-pjan ta’ ġestjoni tad-debitur fil-pussess ikun koerenti u komplut u ma tkun magħrufa ebda ċirkostanza li tindika li l-pjan ta’ ġestjoni tad-debitur fil-pussess huwa bbażat f’aspetti essenzjali fuq fatti żbaljati (l-Artikoli 270b(1) u 270f(1) tal-InsO). Barra minn hekk, ma tista’ tapplika ebda waħda mir-raġunijiet għat-terminazzjoni tal-arranġament provviżorju ta’ ġestjoni tad-debitur fil-pussess stabbiliti fl-Artikolu 270e (l-Artikolu 270b(1) tal-InsO). Fil-prinċipju, il-dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi tal-insolvenza japplikaw hawnhekk ukoll (l-Artikolu 270(1), it-tieni sentenza, tal-InsO). Madankollu, f’ġestjoni tad-debitur fil-pussess, id-debitur iżomm id-dritt tiegħu li jiġġestixxi l-assi tiegħu u li jiddisponi minnhom, u dan jeżerċitah taħt is-superviżjoni ta’ monitor (Sachverwalter) maħtur mill-qorti (l-Artikolu 270(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Fil-każ ta’ ġestjoni ta’ debitur fil-pussess, is-setgħat li normalment jingħataw lill-amministratur tal-insolvenza jinqasmu bejn id-debitur u l-monitor.

Il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza jwassal għal għadd kbir ta’ obbligi fuq id-debitur biex jipprovdi informazzjoni u biex jikkoopera. Fl-istess ħin, madankollu, id-debitur ikun intitolat ukoll li jieħu sehem fil-proċedimenti.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija?

L-Artikoli 94 et seq. tal-InsO jittrattaw il-kwistjoni dwar jekk kreditur ordinarju jistax jagħmel tpaċija ta’ pretensjoni kontra debitur insolventi. Il-Kodiċi jagħmel distinzjoni fundamentali skont jekk il-possibbiltà ta’ tpaċija kinitx teżisti diġà meta nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza jew jekk il-possibbiltà nħolqitx biss wara dan. Fl-ewwel każ, it-tpaċija hija ammissibbli fil-prinċipju, u dan ifisser li l-kredituri ordinarji ma jkollhomx bżonn jirreġistraw pretensjoni biex tiġi inkluża fl-iskeda tad-djun (Tabelle), iżda jistgħu jiksbu sodisfazzjon billi jiddikjaraw it-tpaċija lill-amministratur tal-insolvenza. Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ tpaċija tkun invalida jekk il-kreditur ikun kiseb l-opportunità li jagħmel tpaċija ta’ pretensjoni bħala riżultat ta’ tranżazzjoni annullabbli (l-Artikolu 96(1)(3) tal-InsO).

Fit-tieni każ, fejn il-possibbiltà ta’ tpaċija tkun inħolqot wara, trid issir distinzjoni bejn:

Jekk fiż-żmien tal-ftuħ tal-proċedimenti, il-pretensjoni għat-tpaċija kienet teżisti diġà, iżda kienet għadha mhix dovuta, kienet għadha ma tipprevedix din il-konsiderazzjoni, jew kienet għadha kondizzjonali, it-tpaċija tkun ammissibbli wara l-ftuħ tal-proċedimenti hekk kif jitneħħa l-impediment tat-tpaċija.

Jekk fiż-żmien meta nfetħu l-proċedimenti, il-pretensjoni kienet għadha ma ġietx stabbilita, jew jekk il-kreditur kiseb il-pretensjoni kontra d-debitur biss wara li l-proċedimenti kienu nfetħu, it-tpaċija hija pprojbita skont l-Artikolu 96(1)(1) u (2) tal-InsO, bil-konsegwenza li d-debitur jista’ jitlob lill-kreditur jeżerċita l-parti tiegħu tal-kuntratt għall-benefiċċju tal-patrimonju tal-insolvenza, iżda l-kreditur jista’ biss jirreġistra l-pretensjoni tiegħu biex tiġi inkluża fl-iskeda tad-debiti, u jiġi ssodisfat biss bir-rata ta’ dividend.

Min-naħa l-oħra, jekk il-kreditur ma jkunx kiseb il-pretensjoni mingħand kreditur ieħor wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, iżda jkun kisibha f’ismu stess wara l-ftuħ tal-proċedimenti, pereżempju billi kkonkluda kuntratt mal-amministratur tal-insolvenza, huwa jkun intitolat għat-tpaċija bħala kreditur tal-patrimonju tal-insolvenza.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

L-effetti tal-proċedimenti ta’ insolvenza fuq kuntratti attwali huma rregolati bil-liġi Ġermaniża fl-Artikoli 103 et seq. tal-InsO. Fil-prinċipju, mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, ir-relazzjonijiet kuntrattwali eżistenti jistgħu ma jibqgħux jeżistu jew jistgħu jkomplu, jew l-amministratur tal-insolvenza jingħata l-għażla bejn l-eżekuzzjoni u t-terminazzjoni.

Għal xi tranżazzjonijiet, l-effetti tal-proċedimenti tal-insolvenza huma regolati b’mod espliċitu mil-liġi (l-Artikoli 103 sa 118 tal-InsO). L-ordnijiet, il-kuntratti għal xogħol jew servizzi jew l-awtorizzazzjonijiet għal azzjoni fir-rigward ta’ assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza jiskadu mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, filwaqt li l-kuntratti konklużi mid-debituri għall-kiri ta’ proprjetà u kuntratti ta’ impjieg jibqgħu jeżistu u jorbtu lill-patrimonju tal-insolvenza.

Għall-kuntratti mhux eżegwiti jew mhux eżegwiti kompletament mid-debitur u mill-parti l-oħra, l-Artikolu 103(1) tal-InsO tagħti lill-amministratur tal-insolvenza l-għażla bejn eżekuzzjoni jew le tal-kuntratt. Jekk l-amministratur tal-insolvenza jiddeċiedi favur l-eżekuzzjoni f’isem il-patrimonju tal-insolvenza, il-kontrotalba tal-kreditur trid tiġi ssodisfata bħala prijorità, minħabba li din tirrappreżenta dejn fuq il-patrimonju skont l-Artikolu 55(1)(2) tal-InsO. Jekk l-amministratur tal-insolvenza jiddeċiedi kontra l-eżekuzzjoni, huwa ma jista’ jitlob xejn iktar taħt il-kuntratt. Il-kreditur jista’ jasserixxi l-pretensjoni tiegħu għall-kumpens għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni biss bħala kreditur ordinarju, billi jirreġistra l-pretensjoni tiegħu biex tiġi inkluża fl-iskeda tad-djun (l-Artikolu 103(2), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Jekk l-amministratur tal-insolvenza ma jagħmel l-ebda għażla, is-sieħeb kontraenti jista’ jeħtieġu jagħżel. F’dak il-każ, l-amministratur ikollu jiddikjara mingħajr telf ta’ żmien jekk ikollux l-intenzjoni li jesiġi eżekuzzjoni jew le. Jekk jonqos milli jagħmel dan, ma jistax ikompli jinsisti fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Għal servizzi finanzjarji u tranżazzjonijiet b’data fissa, il-Kodiċi jipprekludi d-dritt tal-għażla tal-amministratur (l-Artikolu 104 tal-InsO).

Jekk id-destin tar-relazzjoni kuntrattwali ma jkunx regolat speċifikament fl-Artikoli 103 sa 118 tal-InsO, il-kuntratt jibqa’ fis-seħħ anke wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza.

L-affidabilità tal-klawżoli ta’ kanċellazzjoni fil-kuntratti hija kontroversjali. Il-punt tat-tluq huwa d-dispożizzjoni fl-Artikolu 119 tal-InsO, li tistipula li l-ftehimiet li jeskludu jew jillimitaw l-applikazzjoni tal-Artikoli 103 et seq. minn qabel huma invalidi. Skont din id-dispożizzjoni, il-klawżoli ta’ kanċellazzjoni indipendenti mill-insolvenza, li ma humiex marbuta mal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza jew mal-preżentata tar-rikors, iżda pereżempju man-nuqqas tad-debitur li jħallas, huma permissibbli. Iżda l-klawżoli ta’ kanċellazzjoni li jiddependu fuq l-insolvenza huma problematiċi – b’mod speċjali fl-isfond tas-sentenza tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja (Bundesgerichtshof) tal-15 ta’ Novembru 2012 (IX ZR 169, 11, BGHZ 195, 348). F’dik is-sentenza, il-qorti kkonstatat li klawżola ta’ kanċellazzjoni f’kuntratt dwar il-provvista tal-enerġija li kienet dipendenti fuq l-insolvenza inkwistjoni kienet invalida. Iżda l-Qorti qalet li klawżoli ta’ kanċellazzjoni dipendenti fuq insolvenza ma kinux invalidi per se: il-klawżoli ta’ kanċellazzjoni li jikkorrispondu għall-possibbiltà ta’ kanċellazzjoni prevista mil-liġi kienu permissibbli. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-klawżoli ta’ kanċellazzjoni dipendenti fuq l-insolvenza għadha ma ġietx solvuta b’mod konklużiv. Għal klawżoli ta’ soluzzjoni kuntrattwali f’servizzi finanzjarji u tranżazzjonijiet b’data fissa, l-Artikolu 104(3) u (4) tal-InsO fiha regoli speċjali.

Jekk ikun hemm qbil bejn id-debitur u l-kreditur rigward il-projbizzjoni ta’ ċessjoni f’konformità mar-regoli tal-liġi ordinarja, dan ikun vinkolanti wkoll fuq l-amministratur tal-insolvenza. Madankollu, fi tranżazzjonijiet kummerċjali, projbizzjoni ta’ ċessjoni bħal din ħafna drabi tkun ineffettiva, minħabba l-fatt li anke jekk ikun hemm projbizzjoni ta’ ċessjoni maqbula b’mod kuntrattwali, iċ-ċessjoni ta’ pretensjoni monetarja xorta waħda tkun effettiva jekk id-debitur u l-kreditur ikunu negozjanti (l-Artikolu 354a(1) tal-Kodiċi Kummerċjali (Handelsgesetzbuch)).

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Minħabba li l-proċedimenti ta’ insolvenza jimmiraw li jilħqu s-sodisfazzjon ugwali tal-kredituri kollha, l-Artikolu 87 tal-InsO tagħmilha ċara li l-kredituri ordinarji jistgħu jinfurzaw il-pretensjonijiet tagħhom biss taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedimenti tal-insolvenza. Għaldaqstant, il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza jġib miegħu projbizzjoni ta’ eżekuzzjoni, u b’hekk jimpedixxi lill-kredituri ordinarji milli jeżegwixxu l-pretensjonijiet tagħhom kontra l-patrimonju tal-insolvenza jew kontra proprjetà oħra tad-debitur matul il-proċedimenti ta’ insolvenza (l-Artikolu 89(1) tal-InsO). Il-projbizzjoni tal-eżekuzzjoni għandha tiġi mħarsa permezz tal-operat tal-liġi, ħalli b’hekk l-eżekuzzjoni diġà mibdija tiġi sospiża b’mod awtomatiku, irrispettivament minn jekk il-kreditur kienx konxju mill-ftuħ tal-proċedimenti u jekk id-debitur talabx sospensjoni tal-eżekuzzjoni.

L-Artikolu 88 tal-InsO jipprevedi li l-ftuħ tal-proċedimenti għandu effett retroattiv (Rückschlagsperre) fuq miżuri ta’ eżekuzzjoni preċedenti, u jispeċifika li l-interessi ta’ garanzija miksuba permezz tal-eżekuzzjoni matul l-aħħar xahar ta’ qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza jew wara li jkun sar dan ir-rikors, isiru legalment ineffettivi meta jinfetħu l-proċedimenti. Anki hawnhekk huwa irrelevanti jekk il-kreditur kienx jaf dwar l-intenzjoni li jsir rikors biex jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza.

Jekk il-garanzija tkun inkisbet permezz ta’ miżura ta’ eżekuzzjoni qabel ma sar ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, il-garanzija ma tkunx ineffettiva skont l-Artikolu 88(1) tal-InsO, iżda tista’ tiġi kkontestata taħt ċerti kundizzjonijiet (Il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2004 – IX ZR 39/03).

Mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, id-debitur jitlef il-kapaċità tiegħu li jkun parti għal azzjonijiet legali f’isem il-patrimonju. Dan id-dritt jingħata lill-amministratur tal-insolvenza, li jkun intitolat jaġixxi bħala parti għall-proċedimenti legali minħabba l-kariga tiegħu. Għaldaqstant, l-amministratur tal-insolvenza jista’ jasserixxi pretensjonijiet li jappartjenu lill-patrimonju tal-insolvenza f’ismu stess.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Minħabba li d-debitur tal-insolvenza jitlef il-kapaċità li jieħu azzjoni legali fuq il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, kawża pendenti, jekk tikkonċerna l-patrimonju tal-insolvenza, tiġi inizjalment interrotta (l-Artikolu 240, l-ewwel sentenza tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung – ZPO)).

Jekk id-debitur ikun l-attur (pereżempju, f’kawża pendenti li fiha d-debitur ikun rikorrent jew li fiha joġġezzjona għal pretensjoni li diġà tkun eżegwibbli), l-amministratur tal-insolvenza jista’ jkompli bil-proċedimenti jew jirrifjuta li jagħmel dan (l-Artikolu 85(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Jekk jaċċetta, il-proċedimenti jkomplu. Jekk jirrifjuta, l-assi jiġi rilaxxat mill-patrimonju tal-insolvenza, u l-azzjoni tista’ titkompla mid-debitur jew mill-konvenut (l-Artikolu 85(2) tal-InsO).

Jekk id-debitur ikun il-konvenut, trid issir distinzjoni: jekk fiż-żmien li fih jinfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza jkun hemm kawża pendenti rigward pretensjoni li taqa’ fl-ambitu tal-insolvenza, il-pretensjoni trid tiġi rreġistrata biex tiġi inkluża fl-iskeda tad-djun (ara l-Artikolu 87 tal-InsO). Jekk l-amministratur tal-insolvenza jew kreditur ordinarju joġġezzjona, il-pretensjoni għandha tiġi ddeterminata billi titkompla l-kawża interrotta (l-Artikolu 180(2) tal-InsO).

Min-naħa l-oħra, jekk il-pretensjoni ma taqax fl-ambitu tal-insolvenza, iżda pereżempju tkun pretensjoni għal eżenzjoni jew għal dejn li jaqa’ fuq il-patrimonju tal-insolvenza stess, il-kawża tista’ titkompla mill-amministratur tal-insolvenza jew mill-attur (l-Artikolu 86 tal-InsO).

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Kif diġà ġie spjegat fl-introduzzjoni, il-Kodiċi tal-Insolvenza jagħti influwenza konsiderevoli fuq il-proċedimenti ta’ insolvenza lill-kredituri. Il-kredituri jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz tal-laqgħa tal-kredituri (Gläubigerversammlung, l-Artikoli 74 et seq. tal-InsO) jew permezz ta’ kumitat tal-kredituri (Gläubigerausschuss) li jista’ jinħatar b’mod fakultattiv mil-laqgħa tal-kredituri (l-Artikoli 68 et seq. tal-InsO). Filwaqt li l-laqgħa tal-kredituri hija l-korp ewlieni li permezz tiegħu l-kredituri jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom, il-kumitat tal-kredituri huwa korp li permezz tiegħu jeżerċitaw is-superviżjoni. Il-laqgħa tal-kredituri tiġi msejħa mill-qorti tal-insolvenza (l-Artikolu 74(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO), li tippresediha wkoll (l-Artikolu 76(1) tal-InsO). Il-kredituri ppreferuti kollha, il-kredituri ordinarji kollha, l-amministratur tal-insolvenza, il-membri tal-kumitat tal-kredituri u d-debitur huma intitolati jattendu għal-laqgħa tal-kredituri (l-Artikolu 74(1), it-tieni sentenza, tal-InsO). Id-deċiżjonijiet li joħorġu mil-laqgħa tal-kredituri dejjem jiġu adottati b’maġġoranza sempliċi, bil-maġġoranza tiġi deċiża mhux mill-ammont ta’ voti, iżda mit-total ta’ pretensjonijiet miżmuma mill-kredituri li jivvutaw (l-Artikolu 76(2) tal-InsO). Jekk intrapriża taqbeż ċerti kriterji tad-daqs, il-qorti tal-insolvenza jeħtiġilha taħtar kumitat tal-kredituri provviżorju anke qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza (l-Artikolu 22a tal-InsO). Dan il-kumitat ikun involut fil-ħatra tal-amministratur tal-insolvenza u jkollu rwol f’kull deċiżjoni fuq l-ordnar tal-ġestjoni tad-debitur fil-pussess (l-Artikoli 56a u 270b(3) tal-InsO).

L-importanza tal-laqgħa tal-kredituri hija riflessa fil-fatt li hija hi li tiddeċiedi fuq il-perkors li għandhom jieħdu l-proċedimenti, u b’mod speċjali l-mod li bih l-assi tad-debitur jiġu realizzati. Dmirijiet oħrajn tal-laqgħa tal-kredituri jinkludu:

  • l-elezzjoni ta’ amministratur tal-insolvenza differenti (l-Artikolu 57, l-ewwel sentenza, tal-InsO);
  • is-superviżjoni tal-amministratur tal-insolvenza (l-Artikoli 66, 79, 197(1)(1) InsO),
  • id-deċiżjoni dwar jekk l-intrapriża tagħlaqx jew tkomplix (l-Artikolu 157 tal-InsO);
  • l-approvazzjoni ta’ ċerti tranżazzjonijiet ta’ importanza partikolari li jkun daħal għalihom l-amministratur tal-insolvenza (l-Artikolu 160(1) tal-InsO).

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Għal informazzjoni dwar il-poteri tal-amministratur tal-insolvenza rigward l-assi tal-patrimonju tal-insolvenza, ara fuq taħt il-mistoqsija “X’poteri għandhom id-debitur u l-prattikant fl-insolvenza, rispettivament?”

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

  1. Kredituri intitolati għal eżenzjoni

Il-kredituri intitolati għal eżenzjoni (aussonderungsberechtigte Gläubiger, “kredituri bi dritt għal separazzjoni”) huma dawk il-kredituri li huma intitolati jitolbu l-eżenzjoni ta’ xi assi mill-patrimonju tal-insolvenza taħt dritt in rem jew in personam (l-Artikolu 47, l-ewwel sentenza, tal-InsO). Il-kredituri li huma intitolati għal eżenzjoni ma jkunux kredituri ordinarji u għaldaqstant ma jkollhomx bżonn jirreġistraw il-pretensjonijiet tagħhom għall-inklużjoni fl-iskeda tad-djun, iżda jistgħu jeżegwuhom permezz ta’ azzjoni f’konformità mar-regoli ordinarji tal-liġi (l-Artikolu 47, it-tieni sentenza, tal-InsO). Madankollu, huma ma jressqux din l-azzjoni kontra d-debitur, iżda kontra l-amministratur tal-insolvenza, li jaġixxi bħala parti bis-saħħa tal-kariga tiegħu. L-intitolament għall-eżenzjoni jista’ jirriżulta mis-sjieda tal-assi (dment li ma tkunx sjieda trasferita permezz ta’ garanzija, minħabba li dan jagħmel lis-sid kreditur garantit biss (l-Artikolu 51(1) tal-InsO)) jew mis-sempliċi riżerva tat-titlu, iżda wkoll minn talba għal restituzzjoni skont il-liġi tal-obbligi (eż. sid tal-kera kontra kerrej).

  1. Kredituri garantiti

Il-kredituri garantiti (absonderungsberechtigte Gläubiger, “kredituri bi dritt għal sodisfazzjon separat”) huma dawk il-kredituri li għandhom dritt għal sodisfazzjon ta’ prijorità mir-realizzazzjoni ta’ assi li jappartjeni għall-patrimonju tal-insolvenza. Ma jieħdux sehem fil-proċedura għall-verifika tal-pretensjonijiet, iżda jirċievu trattament preferenzjali, minħabba li huma intitolati għal sodisfazzjon mir-rikavati tal-assi inkwistjoni qabel il-kredituri ordinarji kklassifikati f’livell iktar baxx jew mhux garantiti. Kwalunkwe rikavat żejjed mir-realizzazzjoni jiġi dovut lill-patrimonju tal-insolvenza, u dak ir-rikavat żejjed biss ikun disponibbli għas-sodisfazzjon tal-kredituri l-oħra. Dritt ta’ garanzija ta’ dan it-tip jista’ jinkiseb inter alia minn rahan, pleġġijiet fuq assi mobbli jew pussess permezz ta’ garanzija (l-Artikoli 49, 50 u 51 tal-InsO).

Jekk ir-rikavati miksuba jkunu insuffiċjenti għas-sodisfazzjon u l-kreditur ikollu pretensjoni in personam kontra d-debitur apparti d-dritt in rem, jista’ jitlob ukoll sodisfazzjon proporzjonali mill-patrimonju tal-insolvenza billi jirreġistra l-intitolament personali tiegħu, dment li dan ikun għadu ma ġiex issodisfat, biex jiġi inkluż fl-iskeda tad-djun (l-Artikolu 52, it-tieni sentenza, tal-InsO).

  1. Kredituri bi pretensjonijiet kontra l-patrimonju stess

Il-kredituri li jressqu pretensjonijiet kontra l-patrimonju stess (Massegläubiger) ma għandhomx bżonn jirreġistraw il-pretensjonijiet tagħhom, li jiġu saldati minn qabel. B’mod konformi mal-Artikolu 53 tal-InsO, id-djun li jaqgħu fuq il-patrimonju jinkludu l-kostijiet tal-proċedimenti ta’ insolvenza u l-obbligazzjonijiet l-oħrajn maħluqa mill-amministratur wara l-ftuħ tal-proċedimenti relatati mal-ġestjoni tal-insolvenza (eż. pretensjonijiet dwar is-salarju mill-ħaddiema li jkunu għadhom impjegati fl-intrapriża jew pretensjonijiet ta’ avukat imqabbad mill-amministratur tal-insolvenza biex jindirizza l-pretensjonijiet quddiem il-qrati). Ir-raġuni għas-sodisfazzjon preferenzjali ta’ dawn il-pretensjonijiet hija li l-amministratur tal-insolvenza jista’ jwettaq il-proċedura sew biss jekk ikun jista’ jidħol għal impenji ġodda li l-eżekuzzjoni totali tagħhom tkun garantita. Barra minn hekk, obbligazzjonijiet minn arrikkiment indebitu tal-patrimonju tal-insolvenza, kif ukoll ċerti obbligazzjonijiet mill-proċedimenti provviżorji tal-insolvenza, huma obbligi li jaqgħu fuq il-patrimonju.

  1. Kredituri ordinarji

Il-kredituri ordinarji biss (Insolvenzgläubiger, “kredituri tal-insolvenza”) jieħdu sehem fil-proċedura għall-verifika tal-pretensjonijiet (l-Artikolu 174(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). F’konformità mal-Artikolu 38 tal-InsO, il-kredituri ordinarji jikkonsistu mill-kredituri personali kollha li jkollhom pretensjonijiet b’bażi soda kontra d-debitur fid-data meta jinfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza. Il-pretensjonijiet ta’ kredituri ordinarji subordinati (nachrangige Insolvenzgläubiger) elenkati fl-Artikolu 39(1) tal-InsO jeħtieġ li jiġu ppreżentati biss jekk ikunu mitluba speċifikament mill-qorti tal-insolvenza (l-Artikolu 174(3), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Pretensjonijiet ta’ insolvenza subordinati jiġu paċuti wara l-pretensjonijiet l-oħrajn tal-kredituri ordinarji. L-eżempji jinkludu multi u l-imgħax u penali minħabba ħlas tard dovut fuq pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji mill-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Il-pretensjonijiet għandhom jitressqu bil-miktub mal-amministratur tal-insolvenza fit-terminu stipulat mill-qorti tal-insolvenza fid-deċiżjoni tal-ftuħ, jindikaw il-kawża u l-ammont tal-pretensjoni u jkunu akkumpanjati minn kopji tad-dokumenti li jagħtu prova tal-pretensjoni (l-Artikolu 174(1), l-ewwel u t-tieni sentenzi, u (2) tal-InsO). Madankollu, fil-każ ta’ preżentata tardiva, il-pretensjonijiet xorta waħda jiġu kkunsidrati (l-Artikolu 177 tal-InsO). Il-pretensjonijiet tal-insolvenza kollha għandhom jiġu ppreżentati, irrispettivament minn jekk ir-relazzjoni legali sottostanti tkunx regolata mil-liġi ċivili ordinarja jew mil-liġi pubblika (bħal, pereżempju, obbligazzjonijiet tat-taxxa).

Il-partikularitajiet li ġejjin japplikaw għall-kredituri barranin: L-Artikolu 55 tar-Regolament tal-UE dwar l-Insolvenza fil-futur jippermetti lil kredituri barranin jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom billi jużaw formola standardizzata għall-pretensjonijiet. Il-pretensjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati f’kull lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-UE. Madankollu, il-kreditur jista’ jintalab jipprovdi traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li jkun qed jiftaħ il-proċedimenti jew fi kwalunkwe lingwa oħra li dak l-istat ikun indika li jista’ jaċċetta. Fil-prinċipju, il-pretensjonijiet għandhom jiġu ppreżentati fil-perjodu ta' żmien stipulat mil-liġi tal-istat li qed jiftaħ il-proċedimenti. Fil-każ ta’ kredituri barranin, dak il-perjodu ma għandux ikun inqas minn 30 jum wara l-pubblikazzjoni tal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza fir-reġistru tal-insolvenza tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti.

L-amministratur tal-insolvenza għandu jdaħħal kull pretensjoni ppreżentata b’mod xieraq fi skeda ta’ djun (Tabelle). Il-kontenut tal-pretensjoni ma jiġix ivverifikat f’dan l-istadju. Il-pretensjonijiet jiġu vverifikati u l-ammont u l-klassifikazzjoni tagħhom jiġu stabbiliti biss waqt is-seduta tal-verifika fil-qorti tal-insolvenza (l-Artikolu 176, l-ewwel sentenza, tal-InsO). Jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għall-pretensjoni matul is-seduta tal-verifika kemm min-naħa tal-amministratur tal-insolvenza kif ukoll minn kreditur ordinarju, jew jekk tingħeleb kwalunkwe oġġezzjoni li tiġi ppreżentata, il-pretensjoni tiġi kkunsidrata bħala aċċettata u l-kreditur jirċievi d-dividend tiegħu mir-rikavat tar-realizzazzjoni tal-patrimonju tal-insolvenza. Oġġezzjoni min-naħa tad-debitur ma taffettwax id-determinazzjoni tal-pretensjoni (l-Artikolu 178(1), it-tieni sentenza, tal-InsO), iżda wara t-tmiem tal-proċedimenti ta’ insolvenza l-kreditur ordinarji ma jkunux jistgħu jeżegwixxu l-bqija tal-pretensjoni tagħhom abbażi ta’ reġistrazzjoni fl-iskeda, u jkollhom iressqu azzjoni separata kontra d-debitur (l-Artikolu 201(2), l-ewwel sentenza, tal-InsO).

Jekk, min-naħa l-oħra, waqt is-seduta tal-verifika titqajjem oġġezzjoni mill-amministratur tal-insolvenza jew minn kreditur ordinarju ieħor fis-smigħ tal-verifika, il-kreditur jista’ jippreżenta rikors għall-ammissjoni kontra l-parti li tikkontesta (l-Artikolu 179(1) tal-InsO). Il-kreditur jista’ jieħu sehem mir-rikavat, iżda biss jekk ir-rikors għall-ammissjoni jistabbilixxi li l-pretensjoni tiegħu tkun tabilħaqq valida (l-Artikoli 180 et seq. tal-InsO). Qabel ma jqassam ir-rikavat, l-amministratur tal-insolvenza jeħtieġlu jfassal lista ta’ distribuzzjoni (Verteilungsverzeichnis) (l-Artikolu 188 tal-InsO). Fi ħdan perjodu ta’ ġimagħtejn mill-pubblikazzjoni tal-lista ta’ distribuzzjoni, trid tiġi pprovduta evidenza li ġie ppreżentat rikors għall-ammissjoni tal-pretensjoni (l-Artikolu 189(1) tal-InsO). Jekk le, il-pretensjoni ma tiġix ikkunsidrata fid-distribuzzjoni tar-rikavati, lanqas jekk finalment tkun ġiet ammessa sadanittant (l-Artikolu 189(3) tal-InsO). Madankollu, jekk l-evidenza tiġi pprovduta fil-ħin, is-sehem allokat għall-pretensjoni jinżamm mid-distribuzzjoni filwaqt li r-rikors ikun għadu pendenti (l-Artikolu 189(2) tal-InsO). Jekk l-azzjoni għall-ammissjoni tal-pretensjoni tiġi finalment miċħuda, is-sehem miżmum jiġi distribwit lill-kredituri ordinarji l-oħrajn. Jekk ikun jeżisti diġà titolu eżegwibbli għall-pretensjoni kkontestata, trid titressaq azzjoni mhux mill-kreditur, iżda mill-oġġezzjonant (l-Artikolu 179(2) tal-InsO). Is-sentenza li tiddetermina pretensjoni jew li ssostni oġġezzjoni ma tkunx effettiva biss inter partes, iżda tkun vinkolanti wkoll fuq l-amministratur tal-insolvenza u fuq il-kredituri ordinarji kollha (l-Artikolu 183(1) tal-InsO).

Il-kredituri ordinarji li ma jkunux irreġistraw il-pretensjoni tagħhom sabiex tiġi inkluża fl-iskeda ma jistgħux jieħdu sehem mir-rikavat tar-realizzazzjoni u b’ebda mod ieħor ma jkunu jistgħu jeżegwixxu l-pretensjoni tagħhom (l-Artikolu 87 tal-InsO). Pretensjonijiet għall-ħlas kontra l-amministratur tal-insolvenza għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fi pjan ta’ insolvenza, l-amministratur tal-insolvenza jirrealizza l-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza sabiex jikkonverti l-patrimonju fi flus li jitqassmu lill-kredituri. L-amministratur jeżerċita d-diskrezzjoni dovuta meta jiddeċiedi kif iwettaq ir-realizzazzjoni, bl-għan li jimmassimizza r-rikavat. Il-possibiltajiet jinkludu l-bejgħ tal-intrapriża tad-debitur jew tal-impjanti individwali bħala unità sħiħa, jew il-qsim tal-intrapriża u l-bejgħ tal-assi individwali separatament.

Qabel ma r-rikavat mir-realizzazzjoni jkun jista’ jitqassam lill-kredituri ordinarji, l-ewwel ikun meħtieġ li jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet tal-kredituri garantiti u ta' kredituri bi pretensjonijiet fuq il-patrimonju stess. Id-distribuzzjoni tar-rikavat hija bbażata fuq lista ta’ distribuzzjoni (l-Artikolu 188 tal-InsO) li għandha titfassal mill-amministratur tal-insolvenza abbażi tal-iskeda tad-djun (l-Artikolu 175 tal-InsO). Il-lista għandha tinkludi l-pretensjonijiet ta’ insolvenza kollha li jridu jitqiesu matul id-distribuzzjoni. Imbagħad, ir-rikavat jiġi distribwit bejn il-kredituri b’mod proporzjonali mal-ammont tal-pretensjonijiet tagħhom. Il-kredituri ordinarji subordinati jikklassifikaw wara l-kredituri ordinarji. Dawn jiġu ssodisfati biss jekk il-kredituri ordinarji l-oħrajn kollha jkunu ġew issodisfati b’mod sħiħ. Minħabba li l-possibbiltà li dawn jiġu ssodisfati hija żgħira, huma jeħtiġilhom jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom jekk jintalbu jagħmlu dan biss mill-qorti tal-insolvenza (l-Artikolu 174(3) tal-InsO).

Bħala regola, id-distribuzzjoni ma tistenniex sakemm tkun tlestiet ir-realizzazzjoni tal-patrimonju tal-insolvenza. Minflok, hekk kif ikun hemm flus suffiċjenti disponibbli fil-patrimonju tal-insolvenza, isiru pagamenti fil-kontijiet (l-Artikolu 187(2), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Meta titlesta r-realizzazzjoni, issir id-distribuzzjoni finali (l-Artikolu 196(1) tal-InsO). Dan jirrikjedi l-approvazzjoni mill-qorti tal-insolvenza (l-Artikolu 196(2) tal-InsO). Jekk il-pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji kollha (inklużi l-kredituri subordinati) jistgħu jiġu ssodisfati bis-sħiħ (li fil-prattika rari jseħħ), l-amministratur jittrasferixxi kwalunkwe rikavat żejjed li jibqa’ lid-debitur (l-Artikolu 199, l-ewwel sentenza, tal-InsO).

Jekk kreditur ikollu dritt għal pretensjoni garantita fuq assi li jappartjeni għall-patrimonju tal-insolvenza u r-rikavat miksub ma jkunx suffiċjenti sabiex jissodisfa l-pretensjoni tiegħu bis-sħiħ, il-kreditur jista’ jirreġistra pretensjoni addizzjonali in personam sabiex tiġi inkluża fl-iskeda, iżda biss sa fejn il-pretensjoni garantita tiegħu ma tkunx irnexxiet. (Inkella, jista’ jirrinunzja għall-pretensjoni garantita tiegħu u, minflok, jirreġistra pretensjoni in personam kontra d-debitur sabiex tiġi inkluża fl-iskeda għall-ammont sħiħ) (l-Artikolu 52, it-tieni sentenza, tal-InsO).

Jekk parti terza tissodisfa l-pretensjoni ta’ kreditur li jkollu garanzija in rem kontra d-debitur, il-parti terza ma tiħux awtomatikament il-post tal-kreditur garantit. Madankollu, f’ċerti każijiet, is-surroga hija prevista fil-liġi u jista’ wkoll jintlaħaq ftehim dwarha permezz ta’ kuntratt. Din mhijiex karatteristika speċjali tal-proċedimenti tal-insolvenza, iżda tirriżulta mir-regoli tal-liġi ordinarja. Jekk il-kreditur pereżempju jkollu garanzija in rem u jirċievi sodisfazzjon mhux mingħand id-debitur iżda minn parti terza li tidħol bħala garanti għall-pretensjoni fuq id-debitur insolventi, il-pretensjoni tal-kreditur kontra d-debitur tiġi ttrasferita lill-garanti skont surroga statutorja (l-Artikolu 774(1), l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch – BGB)). Għal drittijiet ta’ garanzija sekondarji, bħal pereżempju ipoteka jew rahan, il-Kodiċi Ċivili jipprovdi espressament li dawn jiġu ttrasferiti lill-garanti (l-Artikoli 412, 401 tal-BGB). Drittijiet ta’ garanzija mhux sekondarji, bħal pereżempju imposta fuq l-artijiet maħluqa bħala garanzija għal pretensjoni, ma jiġux ittrasferiti lill-garanti permezz ta’ operazzjoni tal-liġi. Madankollu, kreditur li jkollu pretensjoni kuntrattwali jkun meħtieġ li, f’analoġija, b’konformità mal-Artikoli 412 u 401 tal-Kodiċi Ċivili, jittrasferixxi l-garanziji mhux sekondarji lill-garanti, dment li ma jkunx hemm ftehim mod ieħor bejn il-partijiet. Il-garanti imbagħad jieħu l-post tal-kreditur b’garanzija in rem.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

  1. Proċedura standard

Wara li ssir id-distribuzzjoni finali, il-proċedimenti tal-insolvenza jridu jintemmu (l-Artikolu 200(1) tal-InsO). Id-deċiżjoni ta’ terminazzjoni tiġi ppubblikata. Mat-tmiem tal-proċedimenti tal-insolvenza, id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-assi li jinqabdu mill-insolvenza jerġgħu jingħataw lid-debitur.

Wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti tal-insolvenza, il-kredituri ordinarji jistgħu fil-prinċipju jeżegwixxu l-pretensjonijiet residwi tagħhom kontra d-debitur mingħajr restrizzjoni, minħabba li l-pretensjoni tkun estinta biss sal-ammont tad-dividend imħallas. Għall-eżekuzzjoni tas-sehem tal-pretensjoni mhux issodisfat, l-Artikolu 201(2) tal-InsO tipprovdi li l-kredituri ordinarji jistgħu jeżegwixxu l-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur fuq il-bażi legali tad-dħul tagħhom fl-iskeda, bħal taħt titolu eżekuttiv, diment li l-pretensjonijiet ikunu ġew iddeterminati u ma ġewx ikkontestati mid-debitur waqt is-seduta tal-verifika. Bil-maqlub, jista’ jiġi inferit mill-istess Artikolu 201(2) tal-InsO li, f’każijiet oħrajn, il-kredituri jeħtiġilhom jeżegwixxu l-pretensjoni tagħhom kontra d-debitur billi jippreżentaw azzjoni legali.

Eċċezzjoni tapplika għal persuni fiżiċi. Dawn għandhom il-possibilità japplikaw għal ħelsien mid-dejn residwu (Restschuldbefreiung, l-Artikoli 201(3), 286 et seq. tal-InsO). Il-ħelsien minn dejn residwu jista’ jingħata wara perjodu ta’ kondotta tajba, ġeneralment tliet snin, li fih id-debitur jeħtieġlu jassenja l-introjtu kollu li jkun disponibbli għall-qbid lil fiduċjarju (Treuhänder). Il-ħelsien għandu effett vinkolanti fuq il-kredituri ordinarji kollha, inklużi dawk il-kredituri li ma jkunux ippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom (l-Artikolu 301(1) tal-InsO). Dan ifisser li l-kredituri ordinarji jiġu definittivament impeduti milli jeżegwixxu l-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur (eċċezzjoni: il-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 302 tal-InsO li huma esklużi mill-għoti ta’ ħelsien mid-dejn residwu).

Persuna ġuridika li tkun ġiet soġġetta għall-proċedimenti ta’ insolvenza u li ma jibqgħalha fil-pussess tagħha ebda assi titħassar b’mod awtomatiku mir-reġistru kummerċjali u ma tibqax teżisti.

  1. Proċedura ta’ pjan ta’ insolvenza

Il-proċedura tal-pjan ta’ insolvenza tħalli lill-kredituri garantiti u lill-kredituri ordinarji jiddeċiedu huma stess dwar ir-realizzazzjoni tal-patrimonju tal-insolvenza, id-distribuzzjoni tagħha fost il-kredituri, il-ġestjoni tal-proċedimenti u r-responsabbiltà tad-debitur wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Dan isir fi pjan ta’ insolvenza, permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Insolvenza (l-Artikolu 217(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Riorganizzazzjoni u pjan ta’ insolvenza ma humiex l-istess ħaġa. Pjan ta’ insolvenza għandu rwol ewlieni fir-riorganizzazzjoni ta’ intrapriża, iżda jista’ jkun ukoll il-bażi għall-istralċ tal-intrapriża, u jista’, pereżempju, jipprevedi r-realizzazzjoni tal-patrimonju tal-insolvenza u d-distribuzzjoni tiegħu bejn il-partijiet involuti permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Insolvenza.

Minbarra l-possibbiltà ta’ ħelsien minn dejn residwu, il-pjan tal-insolvenza joffri mezz importanti lid-debitur biex jegħleb lil kredituri ostruttivi. L-Artikolu 245 tal-InsO jipprevedi li taħt ċerti kundizzjonijiet l-aċċettazzjoni ta’ grupp ta’ votazzjoni tista’ titqies li tkun ingħatat anki jekk il-maġġoranzi meħtieġa ma jkunux intlaħqu.

Pjan ta’ insolvenza jista’ jiġi ppreżentat jew mill-amministratur tal-insolvenza jew mid-debitur (l-Artikolu 218(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Il-pjan tal-insolvenza jikkonsisti minn parti dikjaratorja (darstellender Teil) u minn parti organizzattiva (gestaltender Teil) (l-Artikolu 219, l-ewwel sentenza, tal-InsO). Il-parti dikjaratorja tiddeskrivi liema miżuri diġà ttieħdu wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza u liema miżuri għadhom iridu jittieħdu sabiex tiġi stabbilita l-bażi għall-arranġament maħsub tad-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati (l-Artikolu 220(1) tal-InsO). Il-parti organizzattiva tiddetermina kif għandha tinbidel il-pożizzjoni legali tal-partijiet involuti (l-Artikolu 221, l-ewwel sentenza, tal-InsO). Taħt l-Artikolu 217, it-tieni sentenza, tal-InsO, jekk id-debitur ma jkunx persuna fiżika, id-drittijiet ta’ sħubija u ishma fl-ekwità tad-debitur jistgħu jkunu inklużi wkoll fil-pjan ta’ insolvenza. L-Artikolu 225a(2) tal-InsO jippermetti konverżjoni ta’ dejn f’ekwità biex il-pretensjonijiet tal-kredituri jiġu kkonvertiti f’ishma fl-ekwità tad-debitur irregolata mid-dritt tal-kumpaniji. Il-mekkaniżmu tal-votazzjoni previst fl-Artikoli 243 et seq. tal-InsO huwa ta’ interess partikolari. Il-parti organizzattiva tal-pjan ta’ insolvenza tiddefinixxi diversi gruppi tal-votazzjoni. Il-pjan ta’ insolvenza jiġi aċċettat biss jekk ikun approvat minn maġġoranza ta’ kredituri li jivvotaw f’kull grupp (maġġoranza tal-kredituri) u t-total tal-pretensjonijiet tal-kredituri li jivvotaw favur ikun jammonta għal iktar min-nofs tal-pretensjonijiet totali tal-kredituri li jivvotaw (maġġoranza tal-pretensjonijiet totali). Madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-Kodiċi jqis li l-grupp tal-votazzjoni jkun ta l-kunsens tiegħu anki jekk il-maġġoranzi meħtieġa ma jkunux intlaħqu (l-Artikolu 245 tal-InsO). Din il-“projbizzjoni ta’ ostruzzjoni” (Obstruktionsverbot) hija mfassla sabiex timpedixxi lill-kredituri individwali jew lill-azzjonisti milli jikkawżaw il-falliment tal-pjan. F’konformità mal-Artikolu 247 tal-InsO, id-debitur ukoll jeħtieġlu jagħti l-kunsens għall-pjan. Madankollu, l-oppożizzjoni min-naħa tad-debitur tkun irrilevanti jekk il-pjan aktarx li ma jħallihx f’qagħda agħar milli kieku jkun mingħajru, u jekk l-ebda kreditur ma jirċievi valur ekonomiku li jaqbeż l-ammont sħiħ tal-pretensjoni tiegħu.

Wara li l-pjan ta’ insolvenza jiġi aċċettat mill-partijiet involuti, u wara li jingħata l-kunsens mid-debitur, il-pjan jiġi kkonfermat mill-qorti tal-insolvenza. Il-qorti tikkonferma l-pjan jekk ir-rekwiżiti proċedurali meħtieġa kollha jkunu ġew issodisfati u l-ebda rikors ma jiġi ppreżentat minn kreditur jew azzjonist li jafferma li x’aktarx se jispiċċa f’qagħda agħar bil-pjan milli kieku mingħajru (l-Artikolu 251 tal-InsO). Sabiex jiġi evitat li l-pjan ifalli b’riżultat ta’ oppożizzjoni bħal din, il-parti organizzattiva tal-pjan tista’ tipprovdi li jkun hemm fondi disponibbli f’każ li parti turi li ser tispiċċa f’qagħda agħar (l-Artikolu 251(3) tal-InsO).

Id-deċiżjoni li tikkonferma l-pjan tista’ tiġi kkontestata sa punt limitat biss (l-Artikolu 253 tal-InsO).

Ladarba l-konferma tal-pjan ta’ insolvenza ma tibqax miftuħa għall-kontestazzjoni, u l-pjan ma jipprovdix mod ieħor, il-qorti tal-insolvenza ttemm il-proċedimenti tal-insolvenza (l-Artikolu 258(1) tal-InsO). Id-dritt tad-disponiment tal-proprjetà tad-debitur jgħaddi lura għand id-debitur. L-effetti previsti mill-parti organizzattiva tal-pjan isiru vinkolanti għall-partijiet kollha involuti u kontrihom, irrispettivament minn jekk ikunux irreġistraw il-pretensjonijiet tagħhom jew jekk ikunux oġġezzjonaw għall-pjan ta’ insolvenza bħala partijiet b’interess (l-Artikolu 254b tal-InsO). Dan ifisser li rinunzja, sospensjoni jew simili, li huma previsti fil-pjan ta’ insolvenza jsiru effettivi ipso jure, mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ intenzjoni separata (l-Artikolu 254a(1) tal-InsO). Fil-prinċipju l-pjan ta’ insolvenza ma jaffettwax id-drittijiet ta’ kredituri ordinarji kontra partijiet terzi. Jekk il-pjan jipprevedi dan, tapplika eċċezzjoni għall-kollateral ta’ parti terza intragrupp (gruppeninterne Drittsicherheiten) li jkun ġie pprovdut lill-kreditur minn intrapriża affiljata mad-debitur fit-tifsira tal-Artikolu 15 tad-Dritt dwar il-kumpaniji b’ishma (Aktiengesetz – AktG) (eż. sussidjarja) (l-Artikoli 217(2) u 223a tal-InsO).

Sabiex jiġi żgurat li d-debitur jikkonforma mal-obbligi imposti fuqu mill-pjan ta’ insolvenza, il-pjan jista’ jipprevedi li d-debitur jiġi mmonitorjat mill-amministratur tal-insolvenza. Matul il-perjodu ta’ monitoraġġ, l-amministratur tal-insolvenza jeħtieġlu jirrapporta kull sena lill-qorti u lill-kumitat tal-kredituri, jekk dan il-kumitat ikun inħatar, dwar is-sitwazzjoni attwali u dwar il-prospetti futuri tat-twettiq tal-pjan ta’ insolvenza (l-Artikolu 261(2), l-ewwel sentenza, tal-InsO).

Irrispettivament minn jekk dan il-monitoraġġ jiġix ordnat jew le, “l-klawżola tal-irkupru” (Wiederauflebensklausel) prevista fl-Artikolu 255 tal-InsO topera sabiex tiżgura l-konformità tad-debitur mal-pjan. Jekk il-pretensjonijiet miżmuma minn kreditur ordinarju jkunu ġew iddifferiti jew irrinunzjati parzjalment fuq il-bażi tal-parti organizzazzjonali tal-pjan ta’ insolvenza, skont dik id-dispożizzjoni, it-tali differiment jew rinunzja ma tibqax torbot lill-kreditur jekk id-debitur jaqa’ lura b’mod sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-pjan fir-rigward ta’ dak il-kreditur (l-Artikolu 255(1) tal-InsO). L-istess japplika fir-rigward tal-kredituri ordinarji kollha jekk, matul il-fażi tal-implimentazzjoni tal-pjan, jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza ġodda fir-rigward tal-assi tad-debitur (l-Artikolu 255(2) tal-InsO). Il-kredituri ordinarji bi pretensjonijiet ammessi li ma ġewx ikkontestati mid-debitur waqt is-seduta tal-verifika, u li l-kredituri jkollhom skont pjan ta’ insolvenza kkonfermat u finali flimkien mal-inklużjoni fl-iskeda, jistgħu jeżegwixxu dawk il-pretensjonijiet kontra d-debitur bl-istess mod daqslikieku taħt titolu eżekuttiv (l-Artikolu 257(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO).

Jekk il-pjan ta’ insolvenza jkun il-bażi ta’ riorganizzazzjoni tal-intrapriża, ħafna drabi jkun hemm bżonn ta’ self għall-operat. Biex jiġu protetti s-selliefa, il-parti organizzattiva tal-pjan ta’ insolvenza tista’ tipprevedi limitu fuq is-self (l-Artikolu 264 tal-InsO). Dment li l-pretensjoni tas-sellief il-ġdid tibqa’ taħt il-limitu, l-effett tal-qbil dwar limitu bħal dan ikun li l-kredituri ordinarji jikklassifikaw wara s-sellief il-ġdid fi kwalunkwe proċedimenti ġodda tal-insolvenza.

Il-proċedura tal-pjan ta’ insolvenza tippermetti lid-debitur jikseb ħelsien mid-dejn residwu, irrispettivament mill-proċedura għal tali ħelsien deskritta aktar ’il fuq. Il-Kodiċi jiddikjara li, sakemm il-pjan ta’ insolvenza ma jipprevedix mod ieħor, id-debituri jingħataw ħelsien mid-djun residwi tagħhom li huma dovuti lill-kredituri tagħhom jekk jissodisfaw lill-kredituri bil-mod previst fil-pjan ta’ insolvenza (l-Artikolu 227(1) tal-InsO).

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Għal dettalji dwar id-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq tal-proċedimenti tal-insolvenza, ara t-tweġiba għall-mistoqsija “X’inhuma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq tal-proċedimenti tal-insolvenza (b’mod partikolari permezz tal-kompożizzjoni)?”

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Skont il-liġi Ġermaniża, il-kostijiet tal-proċedimenti ta’ insolvenza għandhom jitħallsu minn qabel mill-patrimonju tal-insolvenza u jieħdu preċedenza fuq il-pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji bħala obbligi li jaqgħu fuq il-patrimonju (l-Artikolu 53 tal-InsO). F’konformità mal-Artikolu 54 tal-InsO, il-kostijiet tal-proċedimenti ta’ insolvenza jinkludu t-tariffi tal-qorti fir-rigward tal-proċedimenti u r-remunerazzjoni gwadanjata u l-ispejjeż imġarrba mill-amministratur tal-insolvenza provviżorju, mill-amministratur tal-insolvenza u mill-membri tal-kumitat tal-kredituri.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Sabiex jiġu evitati azzjonijiet detrimentali għall-kredituri, l-akkwist ta’ assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza wara l-ftuħ tal-proċedimenti fil-prinċipju jkun bla effett, filwaqt li l-akkwist li jsir qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-assi li kieku jkunu jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza wara l-ftuħ tal-proċedimenti jkun fil-prinċipju validu, iżda jista’ jiġi kkontestat f’ċerti ċirkostanzi.

Minħabba li mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, id-dritt tad-debitur li jiddisponi mill-proprjetà tiegħu jgħaddi f’idejn l-amministratur tal-insolvenza, kull disponiment mid-debitur ta’ assi li jappartjeni għall-patrimonju tal-insolvenza wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti huwa fil-prinċipju invalidu b’mod assolut (l-eċċezzjoni ewlenija tkun meta jkun hemm akkwist in bona fede ta’ art, għalkemm dan jista’ jiġi kkontestat) (l-Artikolu 81(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Barra minn hekk, fil-prinċipju ma huwiex possibbli li jinkisbu d-drittijiet għal assi li jappartjeni għall-patrimonju tal-insolvenza jekk id-debitur ikun iddispona minn assi li jappartjeni għall-patrimonju qabel ma jinfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza iżda r-riżultat iseħħ biss wara (l-Artikolu 91(1) tal-InsO) (l-eċċezzjoni ewlenija tkun l-akkwist ta’ art, l-Artikolu 91(2) tal-InsO). Drittijiet ta’ garanzija miksuba bħala riżultat ta’ proċedimenti ta’ eżekuzzjoni matul l-aħħar xahar ta’ qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, jew wara dan ir-rikors, bl-istess mod isiru legalment ineffettivi ladarba l-proċedimenti tal-insolvenza jinfetħu (l-Artikolu 88(1) tal-InsO).

Mill-Artikoli 129 et seq. tal-InsO jsegwi li akkwist mill-patrimonju tal-insolvenza qabel ma jinfetħu l-proċedimenti, b’differenza minn akkwist wara l-ftuħ tal-proċedimenti, huwa fil-prinċipju validu, iżda jista’ jiġi kkontestat taħt ċerti kundizzjonijiet. Dan id-dritt għall-kontestazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ debitur insolventi huwa ta’ importanza deċiżiva għall-funzjonament tal-liġi tal-insolvenza, minħabba li jippermetti lill-amministratur tal-insolvenza jkollu aċċess għall-flussi ta’ ħruġ mill-assi tad-debitur li jkunu seħħew qabel ma nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza. Jista’ jgħin ħafna biex jiżdied il-patrimonju tal-insolvenza, u għalhekk sabiex jiġi żgurat li l-liġi tal-insolvenza tibni fuq il-pretensjoni tagħha li tipprovdi sodisfazzjon ugwali għall-kredituri b’mod ordnat u li tevita t-trattament preferenzjali ta’ kredituri individwali. Jekk l-amministratur tal-insolvenza jirnexxielu jeżerċita dritt li jikkontesta, il-parti li kienet ibbenefikat b’riżultat tat-tranżazzjoni kkontestata trid tirritorna dak kollu li nġibed mill-assi tad-debitur tal-insolvenza permezz tat-tranżazzjoni. Jekk ma jkunx possibbli in natura, l-amministratur jeħtieġlu jħallas kumpens. L-amministratur tal-insolvenza jista’ jippreżenta azzjoni biex jeżegwixxi d-dritt għar-restituzzjoni, u jista’ jibbaża fuq id-dritt tar-restituzzjoni kontra kull pretensjoni opposta miġjuba minn kreditur. Jekk ir-riċevitur ta’ benefiċċju minn tranżazzjoni li tista’ tiġi kkontestata jirrestitwixxi l-proprjetà li jkun irċieva, kull kontrotalba li jista’ jkollu terġa’ titqajjem (l-Artikolu 144 tal-InsO).

Biex tkun tista’ tiġi kkontestata, tranżazzjoni li wieħed ikun daħal għaliha qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza trid tpoġġi lill-kredituri ordinarji fi żvantaġġ (l-Artikolu 129 tal-InsO), u jrid ikun hemm waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikoli 130 sa 136 tal-InsO. Kull att legali, jiġifieri kull kondotta (inkluża ommissjoni, l-Artikolu 129(2) tal-InsO) li toħloq effett legali, jista’ jiġi kkontestat (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, sentenza tat-12 ta’ Frar 2004 – IX ZR 98/03 – il-paragrafu 12). Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-Kodiċi, huwa immaterjali jekk l-att legali jitwettaqx mid-debitur. Minbarra dan, jekk ikunx hemm effett kuntrattwali jew legali involut mhuwiex fattur deċiżiv (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, sentenza tas-7 ta’ Mejju 2013 – IX ZR 191/12 – il-paragrafu 6).

Raġuni għall-kontestazzjoni ta’ tranżazzjoni hija pprovduta b’mod partikolari minn:

  • benefiċċju gratwit mogħti mid-debitur, sakemm ma jkunx ingħata aktar minn erba’ snin qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza (l-Artikolu 134 tal-InsO);
  • atti legali mwettqa mid-debitur matul l-aħħar għaxar snin qabel l-applikazzjoni għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza bl-għan li jpoġġi fi żvantaġġ lill-kredituri tiegħu, jekk il-parti l-oħra kienet konxja tal-intenzjoni tad-debitur (l-Artikolu 133 tal-InsO). Il-perjodu jkun ta’ erba’ snin biss jekk l-att ikun għamilha possibbli għall-parti l-oħra li tipprovdi garanzija jew sodisfazzjon;
  • atti legali mwettqa mid-debitur fl-aħħar tliet xhur ta’ qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza li direttament tpoġġi lill-kredituri fi żvantaġġ, jekk id-debitur kien diġà insolventi, u l-parti l-oħra kienet konxja ta’ dan (l-Artikolu 132(1)(1) tal-InsO);
  • atti legali li jagħtu lil kreditur ordinarju garanzija jew sodisfazzjon li ma jkunx intitolat għalih, jekk l-att ikun twettaq fl-aħħar xahar ta’ qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza (l-Artikolu 131(1)(1) tal-InsO);
  • atti legali li jagħtu lil kreditur ordinarju garanzija jew sodisfazzjon li ma jkunx intitolat għalih, jekk l-att ikun twettaq fl-aħħar tliet xhur qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza u d-debitur kien insolventi fiż-żmien tal-att u l-parti l-oħra kienet konxja ta’ dan (l-Artikolu 130(1)(1) tal-InsO).

F’dawn il-każijiet kollha, kemm id-debitur kif ukoll il-kreditur li jkunu qed jirċievu l-benefiċċju jistgħu wkoll iġarrbu responsabbiltà kriminali (l-Artikoli 283 sa 283d tal-Kodiċi Kriminali).

Proċedimenti ta’ insolvenza tal-konsumatur

Il-proċedimenti ta’ insolvenza tal-konsumatur (Verbraucherinsolvenzverfahren) japplikaw għal persuni fiżiċi li ma jwettqux u li qatt ma wettqu xi attività ta’ negozju għal rashom u għal dawk li wettqu attività ta’ negozju għal rashom iżda li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tkun sempliċi u li kontrihom ma jkun hemm l-ebda pretensjoni li tirriżulta minn relazzjonijiet ta’ impjieg (l-Artikolu 304(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). B’kuntrast għall-proċedura tal-insolvenza standard, l-enfasi mhijiex fuq ir-realizzazzjoni tal-assi, iżda fuq il-ħelsien tal-konsumatur mid-dejn.

Il-proċedura hija differenti minn dik standard prinċipalment meta r-rikors jiġi ppreżentat mid-debitur waħdu jew ma’ oħrajn. F’dan il-każ, id-deċiżjoni biex jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza tkun ippreseduta minn stadju barra l-qorti bl-għan li jintlaħaq arranġament mal-kredituri biex jiġi saldat id-dejn, abbażi ta’ pjan (l-Artikolu 305(1)(1) InsO). Jekk it-tentattiv biex jintlaħaq ftehim barra l-qorti ma jkunx irnexxa, id-debitur jista’ jippreżenta rikors biex jinfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza.

Isegwi stadju li fih il-proċedimenti tal-ftuħ jiġu sospiżi u l-qorti tal-insolvenza tagħti lill-kredituri opportunità jilħqu ftehim mad-debitur fuq pjan ta’ saldu tad-dejn (Schuldenbereinigungsplan). Jekk il-pjan tas-saldu tad-dejn jimmaterjalizza, il-pretensjonijiet tal-kredituri jiġu mbagħad irregolati biss mill-pjan tas-saldu tad-dejn, li jkun eżegwibbli bħal saldu miftiehem fi proċedimenti tal-qorti (Prozessvergleich) (l-Artikolu 308(1), it-tieni sentenza, tal-InsO). Rikorsi għall-ftuħ ta’ proċedimenti tal-insolvenza u għall-għoti ta’ ħelsien minn dejn residwu jitqiesu li ġew irtirati (l-Artikolu 308(2) tal-InsO). Jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar pjan ta’ saldu tad-dejn, jissoktaw il-proċedimenti tal-ftuħ.

L-aħħar aġġornament: 08/09/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.