Insolvenza/falliment

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Introduzzjoni

Il-liġi li tirregola l-insolvenza u l-proċedimenti tal-insolvenza fil-Ġermanja hija rregolata mill-Kodiċi tal-Insolvenza (Insolvenzordnung –‘ InsO’), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1999. Il-partikolarità tal-Kodiċi tal-Insolvenza hija dik li jinkludi mhux biss dispożizzjonijiet proċedurali biss, iżda wkoll distpożizzjonijiet sostantivi. Pereżempju, id-dispożizzjonijiet li jiddeterminaw l-effetti tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta' insolvenza huma dispożizzjonijiet sostantivi (Taqsimiet 80 sa147 tal-InsO).

L-objettiv ewlieni tal-Kodiċi tal-Insolvenza huwa s-sodisfazzjon kollettiv tal-kredituri tad-debitur, jew permezz tar-realizzazzjoni tal-assi tad-debitur u d-distribuzzjoni tar-rikavati, jew billi jintlaħaq arranġament alternattiv stipulat fi pjan ta’ insolvenza, b’mod partikolari bil-ħsieb li l-intrapriża tibqa’ teżisti (Taqsima 1, l-ewwel sentenza InsO). “Sodisfazzjon kollettiv” (gemeinschaftliche Befriedigung) tfisser li l-kredituri fil-prinċipju se jirċievu sodisfazzjon fi proporzjon mal-pretensjonijiet rispettivi tagħhom. Apparti dan, l-għan tal-proċedimenti tal-insolvenza huwa li d-debituri onesti jingħataw l-opportunità li jinħelsu mill-bqija tad-djun (Taqsima 1, it-tieni sentenza, tal-InsO).

Prinċipju li jiddefinixxi l-proċedimenti tal-insolvenza Ġermaniżi, apparti l-prinċipju tat-trattament ugwali fir-rigward tal-kredituri, huwa dak tal-awtonomija tal-kredituri (Gläubigerautonomie). Hemm bosta drittijiet disponibbli għall-kredituri biex jifformaw il-proċedimenti, speċjalment fir-rigward tal-mod ta’ kif jiġu realizzati l-assi tad-debitur. Il-kredituri jiddeċiedu wkoll dwar il-forma konkreta tal-proċedimenti tal-insolvenza, minħabba li, apparti l-proċedura standardizzata, il-Kodiċi jagħti l-possibbiltà lill-kredituri garantiti u ordinarji li jeżerċitaw l-awtonomija tagħhom billi jfasslu pjan ta’ insolvenza li jitlaq mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Insolvenza biex tiġi stabbilita r-realizzazzjoni tal-proprjetà tal-insolvenza, id-distribuzzjoni lill-partijiet ikkonċernati, l-andament tal-proċedimenti tal-insolvenza u r-responsabbiltà sussegwenti tad-debitur għat-terminazzjoni tal-proċedimenti tal-insolvenza. Il-pjan tal-insolvenza huwa partikolarment importanti fil-każ ta’ riorganizzazzjoni ta’ intrapriża, għalkemm jista' jipprovdi wkoll qafas għall-istralċ tal-intrapriża.

Il-liġi Ġermaniża dwar il-proċedimenti tal-insolvenza hija kkaratterizata wkoll mill-prinċipju tal-unità. Dan ifisser li l-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni u l-Istralċ (Gesetz für Sanierung und Liquidation) ma jipprovdi għall-ebda tip separat ta’ proċediment. Kemm l-istralċ kif ukoll ir-riorganizzazzjoni jistgħu jitwettqu bil-proċedura standard jew bil-proċedura tal-pjan tal-insolvenza.

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Proċedimenti tal-insolvenza jistgħu jinfetħu fir-rigward tal-assi li jappartjenu lil kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika, inkluż jekk din il-persuna ma tkunx involuta f’attività professjonali kummerċjali jew għal rasha (persuna fiżika li mhijiex involuta f’attivitajiet bħal dawn issir referenza għaliha bħala "konsumatur"). Proċedimenti tal-insolvenza jistgħu jinfetħu wkoll fir-rigward ta’ assi ta’ soċjetajiet mingħajr personalità ġuridika (pereż. kumpanija kummerċjali ġenerali (offene Handelsgesellschaft) jew soċjetà limitata (Kommanditgesellschaft) jew għal fond separat, bħal proprjetà ta’ persuna mejta. Għal persuni ġuridiċi rregolati b’liġi pubblika, tapplika d-dispożizzjoni speċjali fit-Taqsima 12 tal-Kodiċi, li tispeċifika li proċedimenti ta’ insolvenza ma jistgħux jinfetħu fir-rigward tal-assi li huma proprjetà tal-Gvern Federali jew ta’ Land (Taqsima 12(1), subparagrafu 1 tal-InsO).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Il-proċedimenti tal-insolvenza jinfetħu biss permezz ta’ rikors, u mhux awtomatikament minn xi korp pubbliku. Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat minn debitur jew minn kreditur. Sabiex tipproteġi lill-qorti u lid-debitur kontra rikorsi primaturi jew purament bl-intenzjoni li jikkawżaw dannu, kreditur li jippreżenta rikors irid juri b’mod plawsibbli li jeżistu raġunijiet għal insolvenza u li l-kreditur effettivament għandu pretensjoni.

Meta kumpanija limitata tkun insolventi, il-korpi governattivi tagħha jridu jippreżentaw rikors jew jaffaċċjaw penali. Jekk dan ir-rekwiżit jinkiser, il-kredituri jistgħu jressqu pretensjoni għad-danni. Jekk debitur fi kriżi jaġixxi b’mod żleali, jista’ jagħmel lilu nnifsu soġġett għall-prosekuzzjoni f’ċerti ċirkostanzi (Taqsimiet 283 et seq. tal-Kodiċi Kriminali (Strafgesetzbuch)).

Ir-raġuni ġenerali għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza hija l-inabilità li wieħed iħallas. Ikun hemm inabiltà li wieħed iħallas jekk debitur ma jkunx f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligazzjonijiet ta’ pagament li jkun sar dovut; bħala regola jitqies li hemm insolvenza jekk id-debitur ikun waqqaf il-pagamenti (Taqsima 17(2) tal-InsO). Jekk id-debitur ikun persuna ġuridika jew kumpanija li l-ebda soċju fiha ma jkun persuna ġuridika b’responsabbiltà illimitata, il-proċedimenti jistgħu jinfetħu wkoll minħabba djun eċċessivi. Ikun hemm djun eċċessivi jekk l-assi tad-debitur ma jibqgħux ikopru l-obbligazzjonijiet eżistenti, sakemm ma jkunx ferm probabbli fiċ-ċirkostanzi li l-intrapriża tibqa’ teżisti (Taqsima 19(2) tal-InsO). Jekk, filwaqt li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi, ikun ferm probabbli li l-intrapriża tista’ tkompli teżisti, dan irid jitqies bħala bażi meta jiġi vvalutat il-valur tal-assi tad-debitur. Rikors jista’ jiġi ppreżentat ukoll minn debitur jekk ikun qed jaffaċċja inabiltà imminenti li jħallas (Taqsima 18(1) tal-InsO). Id-debitur jitqies li qed jaffaċċja inabiltà imminenti li jħallas jekk ikun probabbli li ma jkunx jista' jissodisfa l-obbligi eżistenti tiegħu li jħallas fid-data meta jkun dovut (Taqsima 18(2) tal-InsO).

Huwa neċessarju wkoll li jiġi żgurat il-finanzjament tal-proċedimenti tal-insolvenza. Għalhekk it-talba biex jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza tiġi rrifjutata jekk l-assi tad-debitur probabbilment ma jkunux suffiċjenti biex ikopru l-ispejjeż tal-proċedimenti (Taqsima 26(1), l-ewwel sentenza, InsO).

Jekk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, il-qorti inkarigata mill-insolvenza jew il-"qorti tal-insolvenza" (Insolvenzgericht) toħroġ deċiżjoni biex tagħti bidu għall-proċedimenti tal-insolvenza u din id-deċiżjoni tiġi ppubblikata. L-avviż pubbliku jsir mill-qorti fuq l-Internet (http://www.insolvenzbekanntmachungen.de/) Fid-deċiżjoni biex jibdew il-proċedimenti, il-qorti titlob lill-kredituri ordinarji jiddepożitaw il-pretensjonijiet tagħhom fi ħdan limitu ta' żmien speċifiku mal-amministratur tal-insolvenza. Id-deċiżjoni tistabbilixxi data għal laqgħa fejn il-kredituri, abbażi tar-rapport tal-amministratur tal-insolvenza, jiddeċiedu fuq id-direzzjoni li għandhom jieħdu l-proċedimenti tal-insolvenza, u jistabbilixxu data għas-smigħ tal-verifika fejn il-pretensjonijiet ddepożitati jiġu vverifikati.

Kif diġà ntqal fl-introduzzjoni, il-Kodiċi tal-Insolvenza ma jipprevedix għal tipi differenti ta’ proċedimenti għar-riorganizzazzjoni u għall-istralċ. Minbarra l-proċedura standard, il-Kodiċi jiftaħ il-possibbiltà ta’ pjan tal-insolvenza bħala mezz ta’ stralċ jew bħala mezz ta’ riorganizzazzjoni.

Il-qorti tal-insolvenza trid tivverifika li l-kundizzjonijet għall-ftuħ tal-proċedimenti jkunu ssodisfati, ħaġa li tista' tieħu l-ħin, u matul il-ftuħ tal-proċedimenti l-qorti tieħu kull miżura interim li titqies neċessarja biex tiġi evitata kwalunkwe bidla fl-istatus finanzjarju tad-debitur li tista’ tkun detrimentali għall-kredituri li jkunu qed jistennew id-deċiżjoni dwar ir-rikors (Taqsima 21(1), l-ewwel sentenza, InsO). Fil-prattika, il-qorti taħtar amministratur tal-insolvenza provviżorju (vorläufiger Insolvenzverwalter), li jista’ jkun "dgħajjef" jew "b'saħħtu". Jekk jinħatar amministratur tal-insolvenza provviżorju "dgħajjef", id-debitur iżomm is-setgħa li jiddisponi u d-dmirijiet speċifiċi tal-amministratur ikunu ddeterminati mill-qorti, minkejja li dawn ma jistgħux imorru lil hinn mid-dmirijiet tal-amministratur tal-insolvenza provviżorju b’saħħtu (Taqsima 22(2), it-tieni sentenza, tal-InsO). Il-qorti tista’, pereżempju, tordna li d-disponiment mid-debitur ikun validu biss bl-approvazzjoni tal-amministratur. Il-ħatra ta’ amministratur tal-insolvanza provviżorju dgħajjef ma tirriżultax fl-interruzzjoni ta’ tilwim ġuridiku pendenti (BGH NZG 1999, 939, 940). L-amministratur tal-insolvenza provviżorju jkun "b'saħħtu" jekk il-qorti timponi projbizzjoni ġenerali li timpedixxi lid-debitur milli jiddisponi bi kwalunkwe mod, biex b’hekk id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-proprjetà tad-debitur tiġi vestita fl-amministratur (Taqsima 22(1), l-ewwel sentenza InsO).

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Il-proprjetà tal-insolvenza (Insolvenzmasse) tinkludi l-assi li jappartjenu lid-debitur fid-data meta jinfetħu l-proċedimenti u dawk li jkunu għadhom kif inksibu minnu matul il-proċedimenti (jiġifieri, sakemm il-proċedimenti jintemmu jew jitwaqqfu). Il-proprjetà ma tinkludix drittijiet strettament personali tad-debitur u oġġetti li ma jkunux soġġetti għal ordni ta' sekwestru, minħabba li dawn lanqas ma jkunu soġġetti għal proċedimenti ta’ infurzar individwali. Introjtu ggwadanjat, pereżempju, huwa parti mill-proprjetà tal-insolvenza biss sakemm jaqbeż il-livell minimu ta’ sussistenza tad-debitur. L-amministratur tal-insolvenza jista’ wkoll jirrilaxxa assi, li mbagħad ikunu jappartjenu għall-assi personali tad-debitur u ma jkunux sekwestrabbli.

Skont il-liġi Ġermaniża, id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-assi li jappartjenu lill-proprjetà tal-insolvenza jiġi fil-prinċipju trasferit lill-amministratur tal-insolvenza fil-ftuħ tal-proċedimenti (eċċezzjoni: il-ġestjoni tad-debitur fil-pussess) (Eigenverwaltung), Taqsimiet 270 et seq. tal-InsO), u għalhekk il-provvediment‑ tal-kollateral favur il-mutwanti li jagħtu finanzjament lid-debitur fil-pussess, pereżempju, jaqa’ fuq l-amministratur tal-insolvenza. Għat-tranżazzjonijiet ta’ importanza partikolari, bħal pereżempju d-dħul f’kuntratt ta’ self b’piżijiet konsiderevoli fuq il-proprjetà tal-insolvenza, l-amministratur tal-insolvenza jeħtieġ l-approvazzjoni tal-laqgħa tal-kredituri jew ta’ kumitat tal-kredituri maħtur (Taqsimiet 160(2), subparagrafu 2, tal-InsO). L-impenji ta’ self jew obbligazzjonijiet oħrajn li jidħol għalihom l-amministratur tal-insolvenza huma obbligi li jaqgħu fuq il-proprjetà li jiġu ssodisfati mill-proprjetà bħala prijorità, jiġifieri qabel il-kredituri ordinarji. B’dan il-mod, jiġi żgurat li, wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, il-kontraenti jkunu lesti jinnegozjaw mad-debitur insolventi.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Minħabba li mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, l-amministratur tal-insolvenza bħala regola jassumi rwol importanti (eċċezzjoni: il-ġestjoni tad-debitur fil-pussess), f’dan l-istadju tal-proċedimenti l-qorti tal-insolvenza essenzjalment għandha s-setgħa ta’ superviżjoni u li tidderieġi (ara Taqsima 58, 76 tal-InsO) (apparti minn setgħat speċjali, pereżempju fil-proċedura tal-pjan tal-insolvenza jew fil-kuntest tal-ġestjoni tad-debitur fil-pussess). Ladarba jkunu nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza, id-deċiżjonijiet ewlenin (ir-realizzazzjoni, l-istralċ, ir-riorganizzazzjoni u l-pjan tal-insolvenza) jitħallew f’idejn il-kredituri. Iżda, il-qorti għandha setgħat u kompiti speċjali f’dan l-istadju tal-ftuħ tal-proċedimenti. Hawnhekk il-qorti tieħu d-deċiżjonijiet dwar il-ftuħ tal-proċedimenti, dwar miżuri interim ta’ protezzjoni, u dwar il-ħatra ta’ amministratur tal-insolvenza. Il-qorti hija responsabbli wkoll mis-superviżjoni tal-amministratur tal-insolvenza. Hija twettaq superviżjoni tal-legalità tal-atti tiegħu, iżda mhux dwar ir-rakkommandabbiltà tagħhom u ma tistax tagħti struzzjonijiet. Sabiex jitħaffu l-proċedimenti tal-insolvenza, id-deċiżjonijiet tal-qorti tal-insolvenza huma miftuħin għal appell biss fil-każijiet fejn il-Kodiċi jipprovdi għal appell immedjat (sofortige Beschwerde) (ara Taqsima 6(1) tal-InsO). Appell immedjat jista’ jiġi ddepożitat mal-qorti tal-insolvenza stess jew ma' qorti reġjonali (Landgericht) ogħla mill-qorti tal-insolvenza, bil-miktub jew oralment fl-uffiċċju tal-qorti (Geschäftstelle). Appell ma għandux effett sospensiv; il-qorti li tkun qed tisma’ l-appell jew il-qorti tal-insolvenza madankolu tista’ tordna sospensjoni temporanja tal-eżekuzzjoni.

L-amministratur tal-insolvenza huwa l-attur ewlieni fil-proċedimenti tal-insolvenza. Persuni fiżiċi biss, u mhux ġuridiċi, jistgħu jinħatru bħala amministraturi tal-insolvenza (Taqsima 56(1), l-ewwel sentenza, InsO). B’mod partikolari avukati, negozjanti, kontabilisti, jew konsulenti tat-taxxa jisgħu jiġu kkunsidrati għal din il-ħatra. Mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-proprjetà tad-debitur jingħata lill-amministratur tal-insolvenza. Il-kompitu prinċipali tiegħu huwa dak jifred l-assi li jsib mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza minn kwalunkwe oġġett li ma jkunx proprjetà tad-debitur. Irid ukoll jittrasferixxi fl-assi tad-debitur oġġetti li jappartjenu lill-assi tad-debitur skont il-liġi tal-obbligazzjonijiet, iżda li kienu għadhom ma ġewx imdaħħla mal-assi tad-debitur meta nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza. L-assi tad-debitur iddeterminati b’dan il-mod jikkonstitwixxu l-proprjetà tal-insolvenza (Insolvenzmasse, Taqsima 35 tal-InsO) li tkun se tiġi rrealizata mill-amministratur tal-insolvenza u li minnha jiġu ssodisfati l-kredituri. Dmirijiet oħrajn tal-amministratur tal-insolvenza jinkludu:

  • il-pagament tas-salarji lill-impjegati tad-debitur tal-insolvenza,
  • jiddeċiedi jekk ikomplix u jtemmx it-tilwim ġuridiku pendenti (Taqsimiet 85 et seq. tal-InsO) u x’se jagħmel bil-kuntratti li jkunu għadhom ma twettqux (kompletament) (Taqsimiet§ 103 et seq. tal-InsO),
  • iħejji rapport tal-assi u l-obbligazzjonijiet (Taqsima 153(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO),
  • jikkontesta tranżazzjonijiet li jkunu saru qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza li x’aktarx ipoġġu lill-kredituri ordinarji fi żvantaġġ (Taqsimiet 129 tal-InsO).

L-amministratur tal-insolvenza huwa soġġett għas-superviżjoni tal-qorti tal-insolvenza (Taqsima 58(1) tal-InsO). Jekk jinħatar kumitat tal-kredituri, dan jimmonitorja lill-amministratur tal-insolvenza fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tiegħu (Taqsima 69, l-ewwel sentenza, tal-InsO).

Wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, meta d-dritt tad-disponiment tal-proprjetà tad-debitur jingħata lill-amministratur tal-insolvenza, l-amministratur jista’ fil-prinċipju jiddisponi liberament mill-assi kollha li jappartjenu lill-proprjetà tal-insolvenza. Hemm limiti fuq tranżazzjonijiet ta’ importanza partikolari, pereżempju l-bejgħ tal-intrapriża jew tal-istokk kollu. Dawn it-tranżazzjonijiet ta’ importanza partikolari jirrikjedu l-approvazzjoni tal-laqgħa tal-kredituri jew tal-kumitat tal-kredituri. Madankollu, il-fatt li r-rekwiżit tal-approvazzjoni jkun inkiser, ma għandux effett fuq partijiet barranin, iżda jirriżulta biss fir-responsabbiltà tal-amministratur. L-amministratur għandu jkun ukoll konformi mad-deċiżjonijiet tal-laqgħa tal-kredituri għall-istralċ tal-intrapriża jew biex din tkompli topera (Taqsimiet 157, 159 tal-InsO).

Jekk l-amministratur tal-insolvenza jikser b’mod abbużiv l-obbligi tiegħu skont il-Kodiċi tal-Insolvenza, huwa jkun responsabbli għad-danni għall-partijiet kollha fil-proċedimenti (Taqsima 60(1) tal-InsO). Taqsima 60(1) tal-Kodiċi tipprevedi: "L-amministratur tal-insolvenza għandu jkun responsabbli għall-kumpens tad-danni mġarrba minn kull parti fil-proċediment jekk huwa jikser b’mod abbużiv id-dmirijiet tiegħu skont dan il-Kodiċi. Huwa għandu jaġixxi bl-attenzjoni mistennija mingħand amministratur tal-insolvenza xieraq u diliġenti."

L-amminstratur tal-insolvenza huwa intitolat għal remunerazzjoni b’korrispettiv tal-eżerċitar tal-mandat tiegħu u għar-rimborż tal-ispejjeż adegwati (Taqsima 63(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Ir-remunerazzjoni hija rregolata mir-Regolament dwar ir-Remunerazzjoni fil-Liġi tal-Insolvenza (Insolvenzrechtsvergütungsverordnung – ‘InsVV’) u hija ddeterminata skont il-valur tal-proprjetà tal-insolvenza fiż-żmien meta jintemmu l-proċedimenti tal-insolvenza. Ir-Regolament jipprovdi rati standard fi gradazzjoni, li madankollu jistgħu jiżdiedu skont l-iskala u d-diffikultà tad-dmirijiet tiegħu.

Anke wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza, id-debitur li kontrih jitressqu l-pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji jibqa’ l-proprjetarju tal-assi li jkunu se jiġu rrealizzati (Taqsimiet 38, 39 tal-InsO). Fil-prinċipju, huwa responsabbli sal-limitu tal-assi tiegħu kollha. Madankollu, id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-assi li jaqgħu fl-ambitu tal-proċedimenti tal-insolvenza huwa vestit f’idejn l-amministratur tal-insolvenza. F’każijiet eċċezzjonali, fuq talba tad-debitur, id-deċiżjoni tal-qorti li tagħti bidu għall-proċedimenti tista’ wkoll tordna l-ġestjoni tad-debitur fil-pussess skont Taqsima 270 et seq.tal-Kodiċi, dment li ma tkun magħrufa l-ebda ċirkostanza li twassal biex wieħed jaħseb li l-ordni se tpoġġi lill-kredituri fi żvantaġġ. Fil-prinċipju, il-dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi tal-insolvenza japplikaw hawnhekk ukoll (Taqsima 270(1), it-tieni sentenza, InsO). Madankollu, f'ġestjoni tad-debitur fil-pussess, id-debitur iżomm id-dritt tiegħu li jiġġestixxi u jiddisponi mill-assi tiegħu, u dan jeżerċitah taħt is-superviżjoni ta’ moniter (Sachverwalter) maħtur mill-qorti (Taqsima 270(1), l-ewwel sentenza, InsO). Fil-każ ta’ ġestjoni ta’ debitur fil-pussess, is-setgħat li normalment jingħataw lill-amministatur tal-insolvenza jinqassmu bejn id-debitur u l-moniter.

Il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza jwassal għal għadd kbir ta’ obbligi fuq id-debitur biex jipprovdi informazzjoni u biex jikkoopera. Fl-istess ħin, madankollu, id-debitur huwa intitolat ukoll li jieħu sehem fil-proċedimenti.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija?

Taqsimiet 94 et seq. tal-Kodiċi jittratta mal-kwistjoni dwar jekk kreditur ordinarju jistax jagħmel tpaċija ta’ pretensjoni fuq debitur insolventi. Il-Kodiċi jagħmel distinzjoni fundamentali skont jekk il-possibbiltà ta’ tpaċija kinitx teżisti diġà meta nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza jew jekk il-possibbiltà nħolqotx biss wara dan. Fl-ewwel każ, it-tpaċija hija ammissibbli fil-prinċipju, u dan ifisser li l-kreditur ordinarju ma għandux bżonn jirreġistra pretensjoni għal inklużjoni fl-iskeda tad-djun (Tabelle), iżda jista’ jikseb sodisfazzjon billi jiddikjara t-tpaċija mal-amministratur tal-insolvenza. Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ tpaċija tkun invalida jekk il-kreditur ikun kiseb l-opportunità li jagħmel tpaċija ta' pretensjoni bħala riżultat ta’ tranżazzjoni annullabli (Taqsima 96(1), subparagrafu 3, InsO).

Fit-tieni każ, fejn il-possibiltà ta’ tpaċija tkun inħolqot wara, trid issir distinzjoni bejn:

Jekk fiż-żmien tal-ftuħ tal-proċedimenti, il-pretensjoni għat-tpaċija kienet teżisti diġà, iżda kienet għadha mhux dovuta, kienet għadha ma tipprevedix għal din il-konsiderazzjoni, jew kienet għadha kondizzjonali, it-tpaċija tkun ammissibbli wara l-ftuħ tal-proċedimenti hekk kif jitneħħa l-impediment għat-tpaċija.

Jekk fiż-żmien meta nfetħu l-proċedimenti, il-pretensjoni kienet għadha ma ġietx stabbilita, jew jekk il-kreditur kiseb il-pretensjoni kontra d-debitur biss wara li l-proċedimenti kienu nfetħu, it-tpaċija hija pprojbita (Taqsima 96(1), subparagrafi 1 u 2, InsO), bil-konsegwenza li d-debitur jista’ jitlob lill-kreditur jeżerċita l-parti tiegħu tal-kuntratt għall-benefiċċju tal-proprjetà tal-insolvenza, iżda l-kreditur jista’ biss jirreġistra l-pretensjoni tiegħu biex tiġi inkluża fl-iskeda tad-debiti, u jiġi ssodisfat biss bir-rata ta’ dividend.

Iżda jekk il-kreditur ma jkunx kiseb il-pretensjoni mingħand kreditur ieħor wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, u jkun kisibha f'ismu stess wara l-ftuħ tal-proċedimenti, pereżempju billi kkonkluda kuntratt mal-amministratur tal-insolvenza, huwa jkun intitolat jagħmel tpaċija bħala kreditur tal-proprjetà tal-insolvenza nnfisha.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

L-effetti tal-proċedimenti tal-insolvenza fuq kuntratti attwali huma regolati mil-liġi Ġermaniża fit-Taqsimiet 103 et seq. tal-Kodiċi. Fil-prinċipju, mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, relazzjonijiet kuntrattwali eżistenti jistgħu ma jibqgħux jeżistu jew jistgħu jkomplu, jew l-amministratur tal-insolvenza jingħata l-għażla bejn l-eżekuzzjoni u t-terminazzjoni.

Għal xi tranżazzjonijiet, l-effetti tal-proċedimenti tal-insolvenza huma regolati b’mod espliċitu mil-liġi (Taqsimiet 103 sa 118 tal-InsO). Pereżempju, ordnijiet, kuntratti għal xogħol jew servizzi jew awtorizzazzjonijiet għal azzjoni fir-rigward ta’ assi li jiffurmaw parti mill-proprjetà tal-insolvenza jiskadu mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, filwaqt li kuntratti konklużi mid-debitur għal-lokazzjoni ta’ proprjetà u kuntratti ta’ impjieg jibqgħu jeżistu u jorbtu fuq il-proprjetà tal-insolvenza.

Għall-kuntratti mhux eżegwiti jew mhux eżegwiti kompletament mid-debitur u mill-parti l-oħra, Taqsimiet 103(1) tal-Kodiċi jagħti lill-amministratur tal-insolvenza għażla bejn eżekuzzjoni jew le tal-kuntratt. Jekk l-amministratur tal-insolvenza jiddeċiedi favur l-eżekuzzjoni f’isem il-proprjetà tal-insolvenza, il-kontropretensjoni tal-kreditur trid tiġi ssodisfata bħala prijorità, minħabba li din tirrappreżenta dejn fuq il-proprjetà f’konformità ma’ Taqsimiet 55(1), is-subparagrafu 2, tal-Kodiċi. Jekk l-amministratur tal-insolvenza jiddeċiedi kontra l-eżekuzzjoni, l-amministratur ma jista’ jitlob xejn iktar taħt il-kuntratt. Il-kreditur jista’ jasserixxi l-pretensjoni tiegħu għall-kumpens għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni biss bħala kreditur ordinarju, billi jirreġistra l-pretensjoni tiegħu biex tiġi inkluża fl-iskeda tad-djun (Taqsima 103(2), l-ewwel sentenza, InsO). Jekk l-amministratur tal-insolvenza ma jagħmel l-ebda għażla, il-parti kontraenti tista' teħtieġu jagħżel. F’dan il-każ, l-amministratur irid jiddikjara mingħajr telf ta' żmien jekk għandux l-intenzjoni li jeħtieġ eżekuzzjoni jew le. Jekk jonqos milli jagħmel dan, ma jistax ikompli jinsisiti fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Għal servizzi finanzjarji u tranżazzjonijiet b’data fissa, il-Kodiċi jipperkludi d-dritt tal-għażla tal-amministratur (Taqsima 104 InsO).

Jekk id-destin tar-relazzjoni kuntrattwali ma jkunx regolat speċifikament fit-Taqsimiet 103 sa 118 tal-Kodiċi, il-kuntratt jibqa’ fis-seħħ anke wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza.

L-affidabilità tal-klawżoli ta' kanċellazzjoni fil-kuntratti hija kontroversjali. Il-punt tat-tluq huwa d-dispożizzjoni fit-Taqsima 119 tal-Kodiċi, li tistipula li l-ftehimiet li jeskludu jew jillimitaw l-applikazzjoni ta’ Taqsimiet 103 et seq. minn qabel huma invalidi. Skont din id-dispożizzjoni, il-klawżoli ta' kanċellazzjoni indipendenti mill-insolvenza, li mhumiex marbuta mal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza jew mal-preżentata ta’ rikors, iżda pereżempju man-nuqqas tad-debitur li jħallas, huma permissibbli. Iżda l-klawżoli ta' kanċellazzjoni li jiddependu fuq l-insolvenza huma problematiċi - b'mod speċjali fl-isfond tas-sentenza tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja (Bundesgerichtshof) tal-15 ta’ Novembru 2012 (BGHZ 195, 348). F'dik is-sentenza, il-Qorti Federali tal-Ġustizzja sabet li klawżola ta' kanċellazzjoni f’kuntratt dwar il-provvista tal-enerġija li kienet dipendenti fuq l-insolvenza inkwisjoni kienet invalida. Iżda l-Qorti qalet li klawżoli ta' kanċellazzjoni dipendenti fuq insolvenza ma kinux invalidi per se: il-klawżoli ta' kanċellazzjoni li jikkorrispondu mal-possibbiltà ta’ kanċellazzjoni prevista mil-liġi kienu permissibbli. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-klawżoli ta' kanċellazzjoni dipendenti fuq l-insolvenza għadha ma ġietx solvuta b’mod konklużiv. Għal klawżoli ta’ soluzzjoni kuntrattwali f’servizzi finanzjarji u tranżazzjonijiet b’data fissa, it-Taqsima 104(3) u (4) tal-Kodiċi fiha regoli speċjali.

Jekk ikun hemm qbil bejn id-debitur u l-kreditur rigward il-projbizzjoni ta’ ċessjoni b’konformità mar-regoli tal-liġi ordinarja, dan ikun vinkolanti wkoll fuq l-amministratur tal-insolvenza. Madankollu, fi tranżazzjonijiet kummerċjali, projbizzjoni ta’ ċessjoni bħal din ħafna drabi hija ineffettiva, minħabba l-fatt li anke jekk il-projbizzjoni ta’ ċessjoni tkun maqbula b'mod kuntrattwali, iċ-ċessjoni ta’ pretensjoni monetarja hija madankollu effettiva jekk id-debitur u l-kreditur ikunu negozjanti (Taqsima 354a(1) tal-Kodiċi Kumemrċjali (Handelsgesetzbuch)).

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Minħabba li l-proċedimenti ta’ insolvenza jimmiraw li jilħqu s-sodisfazzjon ugwali tal-kredituri kollha, Taqsima 87 tal-Kodiċi jagħmilha ċara li l-kredituri ordinarji jistgħu jinfurzaw il-pretensjonijiet tagħhom taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedimenti tal-insolvenza biss. Għaldaqstant, il-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza jġib miegħu projbizzjoni ta' infurzar, u b’hekk jimpedixxi lill-kredituri ordinarji milli jinfurzaw il-pretensjonijiet tagħhom kontra l-proprjetà tal-insolvenza jew kontra proprjetà oħra tad-debitur matul il-proċedimenti tal-insolvenza (Taqsima 89(1) tal-InsO). Il-projbizzjoni tal-infurzar għandha tiġi mħarsa permezz tal-operat tal-liġi, ħalli b’hekk l-infurzar diġà mibdi jiġi sospiż b’mod awtomatiku, irrispettivament mill-fatt jekk il-kreditur kienx konxju mill-ftuħ tal-proċedimenti u jekk id-debitur applikax għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni.

Taqsima 88 tal-Kodiċi jipprevedi li l-ftuħ tal-proċedimenti għandu effett retroattiv (Rückschlagsperre), fuq miżuri ta' infurzar preċedenti, u jispeċifika li l-interessi fuq il-garanzija miksuba permezz tal-infurzar matul l-aħħar xahar ta' qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza jew wara li jkun sar dan ir-rikors, isiru ġuridikament ineffettivi meta jinfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza. Anki hawnhekk huwa irrelevanti jekk il-kreditur kienx jaf dwar l-intenzjoni li jsir rikors biex jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza.

Jekk il-garanzija nkisbet permezz ta’ miżura ta’ infurzar qabel ma sar ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, il-garanzija ma tkunx ineffettiva skont Taqsima 88, l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi, iżda tista’ tiġi kkontestata taħt ċerti kundizzjonijiet (BGH NJW 2004, 1444).

Mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, id-debitur jitlef il-kapaċità tiegħu li jkun parti minn azzjonijiet legali f'isem il-proprjetà. Dan id-dritt huwa mogħti lill-amministratur tal-insolvenza, li huwa intitolat jaġixxi bħala parti għall-proċedimenti legali permezz tal-kariga tiegħu. Għaldaqstant, l-amministratur tal-insolvenza jista’ jasserixxi pretensjonijiet li jappartjenu lill-proprjetà tal-insolvenza f’ismu stess.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Minħabba li d-debitur tal-insolvenza jitlef il-kapaċità li jieħu azzjoni legali fil-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, kawża pendenti, jekk tikkonċerna l-proprjetà tal-insolvenza, tiġi inizjalment interrota (Taqsima 240, l-ewwel sentenza, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung – ZPO)).

Jekk id-debitur huwa r-rikorrent (pereżempju, f’kawża pendenti fejn d-debitur huwa rikorrent jew fejn joġġezzjona għal pretensjoni li diġà hija infurzabbli), l-amministratur tal-insolvenza jista’ jkompli bil-proċedimenti jew jirrifjuta li jagħmel dan (Taqsima 85(1), l-ewwel sentenza, InsO). Jekk jaċċetta, il-proċedimenti jkomplu. Jekk jirrifjuta, l-assi jiġi rilaxxat mill-proprjetà tal-insolvenza, u l-azzjoni tista’ titkompla mid-debitur jew mill-konvenut (Taqsima 85(2) tal-InsO).

Jekk id-debitur ikun il-konvenut, għandha ssir distinzjoni: jekk fiż-żmien li fih jinfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza jkun hemm kawża pendenti rigward pretensjoni li taqa’ fl-ambitu tal-insolvenza, il-pretensjoni trid tiġi rreġistrata biex tiġi inkluża fl-iskeda tad-djun (ara Taqsima 87 InsO). Jekk l-amministratur tal-insolvenza jew kreditur ordinarju joġġezzjona, il-pretensjoni għandha tiġi ddeterminata billi titkompla l-kawża interrotta (Taqsima 180(2) InsO).

Min-naħa l-oħra, jekk il-pretensjoni ma taqax fl-ambitu tal-insolvenza, iżda pereżempju hija pretensjoni għal eżenzjoni jew għal dejn li jaqa’ fuq il-proprjetà tal-insolvenza stess, il-kawża tista’ titkompla mill-amministratur tal-insolvenza jew mir-rikorrent (Taqsima 86 tal-InsO).

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Kif diġà ġie spjegat fl-introduzzjoni, il-Kodiċi tal-Insolvenza jagħti influwenza konsiderevoli fuq il-proċedimenti tal-insolvenza lill-kredituri. Il-kredituri jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz tal-laqgħa tal-kredituri (Gläubigerversammlung, Taqsimiet 74 et seq. tal-InsO) jew permezz tal-kumitat tal-kredituri (Gläubigerausschuss) li jista’ jinħatar b'mod fakultattiv waqt il-laqgħa tal-kredituri (Taqsimiet 67 et seq. tal-InsO). Filwaqt li l-laqgħa tal-kredituri hija l-korp ewlieni li permezz tiegħu l-kredituri jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom, il-kumitat tal-kredituri huwa korp li permezz tiegħu jeżerċitaw is-superviżjoni. Il-laqgħa tal-kredituri tiġi msejħa (Taqsima 74(1), l-ewwel sentenza tal-InsO) u preseduta mill-qorti tal-insolvenza(Taqsima 76(1) tal-InsO). Il-kredituri ppreferuti kollha, il-kredituri ordinarji kollha, l-amministratur tal-insolvenza, il-membri tal-kumitat tal-kredituri u d-debitur huma intitolati jattendu għal-laqgħa tal-kredituri (Taqsima 74(1), it-tieni sentenza, tal-InsO). Id-deċiżjonijiet li joħorġu mil-laqgħa tal-kredituri huma fil-prinċipju adottati minn maġġoranza sempliċi, bil-maġġoranza tiġi deċiża mhux mill-ammont ta’ voti, iżda mit-total ta’ pretensjonijiet miżmuma mill-voti tal-kredituri (Taqsima 76(2) tal-InsO). Jekk intrapriża taqbeż ċerti kriterji tad-daqs, il-qorti tal-insolvenza trid taħtar kumitat tal-kredituri provviżorju anke qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza (Taqsima 22a tal-InsO). Dan il-kumitat huwa involut fil-ħatra tal-amministratur tal-insolvenza u għandu rwol f’kull deċiżjoni fuq l-ordnar tal-ġestjoni tad-debitur fil-pussess (Taqsimiet 56a, 270(3) tal-InsO).

L-importanza tal-laqgħa tal-kredituri hija riflessa fil-fatt li hija hi li tiddeċiedi fuq il-perkors li għandhom jieħdu l-proċedimenti, u b’mod speċjali l-mod li bih l-assi tad-debitur jiġu realizzati. Dmirijiet oħrajn tal-laqgħa tal-kredituri jinkludu:

  • l-elezzjoni ta’ amministratur tal-insolvenza differenti (Taqsima 57, l-ewwel sentenza, InsO),
  • is-superviżjoni tal-amministratur tal-insolvenza (Taqsimiet 66, 79, 197(1), subparagrafu 1, tal-InsO),
  • id-deċiżjoni dwar jekk l-intrapriża tagħlaqx jew tkompliex (Taqsima 157 tal-InsO),
  • l-approvazzjoni ta’ ċerti tranżazzjonijiet ta’ importanza partikolari li jkun daħal għalihom l-amministratur tal-insolvenza (Taqsima 160(1) tal-InsO),
  • kooperazzjoni fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-pjan tal-insolvenza.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Għal informazzjoni dwar il-poteri tal-amministratur tal-insolvenza rigward l-assi tal-proprjetà tal-insolvenza, ara fuq taħt il-mistoqsija "X’poteri għandhom id-debitur u l-prattikant fl-insolvenza, rispettivament?"

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

  1. Kredituri intitolati għal eżenzjoni

Il-kredituri intitolati għal eżenzjoni (aussonderungsberechtigte Gläubige, "kredituri li għandhom id-dritt għal separazzjoni") huma dawk il-kredituri li huma intitolati għal pretensjoni għal eżenzjoni ta’ xi assi mill-proprjetà tal-insolvenza taħt id-dritt in rem jew in personam (Taqsima 47, l-ewwel sentenza, InsO). Il-kredituri li huma intitolati għal eżenzjoni mhumiex kredituri ordinarji u għaldaqstant m'għandhomx bżonn jirreġistraw il-pretensjonijiet tagħhom għall-inklużjoni fl-iskeda tad-djun, iżda jistgħu jinfurzawhom permezz ta' azzjoni b'konformità mar-regoli ordinarji tal-liġi (Taqsima 47, it-tieni sentenza, InsO). Madankollu, huma ma iressqux din l-azzjoni kontra d-debitur, iżda kontra l-amministratur tal-insolvenza, li jaġixxi bħala parti bis-saħħa tal-kariga tiegħu. L-intitolament għall-eżenzjoni jista' jirriżulta mis-sjieda tal-assi (dment li mhuwiex pussess trasferit permezz ta' garanzija, minħabba li dan jagħmel lis-sid biss kreditur garantit (Taqsima 51, subparagrafu 1, InsO)) jew mis-sempliċi riżerva tat-titlu, iżda wkoll minn pretensjoni għal restituzzjoni skont il-liġi tal-obbligi (pereż. sid tal-kera kontra kerrej).

  1. Kredituri garantiti

Il-kredituri garantiti (absonderungsberechtigte Gläubiger, "kredituri li għandhom id-dritt għal sodisfazzjon separat") huma dawk il-kredituri li għandhom dritt għal sodisfazzjon ta’ prijorità mir-realizzazzjoni ta’ assi li jappartjeni lill-proprjetà tal-insolvenza. Ma jiħdux sehem fil-proċedura għall-verifika tal-pretensjonijiet, iżda jirċievu trattament preferenzjali, minħabba li huma intitolati għal sodisfazzjon qabel dawk il-kredituri ordinarji kklassifikati f’livell iktar baxx jew mhux garantiti mir-rikavat tal-assi inkwistjoni. Kwalunkwe rikavat żejjed mir-realizzazzjoni jiġi dovut lill-proprjetà tal-insolvenza, u dak ir-rikavat żejjed biss ikun disponibbli għas-sodisfazzjon tal-kredituri l-oħra. Dritt ta' garanzija ta' dan it-tip jista’ jinkiseb inter alia minn rahan, pleġġijiet fuq assi mobbli jew pussess permezz ta' garanzija (Taqsimiet 50, 51 tal-InsO).

Jekk ir-rikavati miksuba jkunu insuffiċjenti għas-sodisfazzjon u l-kreditur garantit għandu pretensjoni in personam kontra d-debitur apparti d-dritt in rem, jista’ jitlob ukoll sodisfazzjon proporzjonali mill-proprjetà tal-insolvenza billi jirreġistra l-intitolament personali tiegħu, dment li dan ikun għadu ma ġiex issodisfat, biex jiġi inkluż fl-iskeda tad-djun (Taqsima 52, it-tieni sentenza InsO).

  1. Kredituri bi pretensjonijiet kontra l-proprjetà stess

Il-kredituri li jressqu pretensjonijiet kontra l-proprjetà stess (Massegläubiger) ma għandhomx bżonn jirreġistraw il-pretensjonijiet tagħhom, li jiġu saldati minn qabel. Skont it-Taqsim 53 tal-Kodiċi, id-djun li jaqgħu fuq il-proprjetà jinkludu l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-insolvenza u l-obbligazzjonijiet l-oħrajn maħluqa mill-amministratur wara l-ftuħ tal-proċedimenti relatati mal-ġestjoni tal-insolvenza (pereż. pretensjonijiet dwar is-salarju mill-ħaddiema li jkunu għadhom impjegati fl-intrapriża jew pretensjonijiet ta' avukat imqabbad mill-amministratur tal-insolvenza biex isegwi l-pretensjonijiet quddiem il-qrati). Ir-raġuni għas-sodisfazzjoni preferenzjali ta’ dawn il-pretensjonijiet hija li l-amministratur tal-insolvenza jista’ jwettaq il-proċedura sew biss jekk ikun jista’ jidħol għal impenji ġodda li l-eżekuzzjoni totali tagħhom tkun żgurata.

  1. Kredituri ordinarji

Il-kredituri ordinarji biss (Insolvenzgläubiger, "kredituri tal-insolvenza") jieħdu sehem fil-proċedura għall-verifika tal-pretensjonijiet (Taqsima 174(1), l-ewwel sentenza, InsO). Il-kredituri ordinarji, skont it-Taqsima 38 tal-InsO, jikkonsistu mill-kredituri personali kollha li jkollhom pretensjonijiet b'bażi soda kontra d-debitur fid-data meta jinfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza. Hemm kredituri ordinarji subordinati (nachrangige Insolvenzgläubiger), elenkati fil-lista § 39(1) tal-Kodiċi, li jeħtieġu jiddepożitaw il-pretensjonijiet tagħhom biss jekk ikunu speċifikament mitluba biex jagħmlu dan mill-qorti tal-insolvenza (Taqsima 174(3), l-ewwel sentenza InsO). Pretensjonijiet ta’ insolvenza subordinati jiġu saldati wara l-pretensjonijiet l-oħrajn tal-kredituri ordinarji. Huma jinkludu multi, pereżempju, u l-interessi u penali minħabba ħlas tardiv dovut fuq pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji mill-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Il-pretensjonijiet għandhom jiġi depożitati bil-miktub mal-amministratur tal-insolvenza fiż-żmien stipulat mill-qorti tal-insolvenza fid-deċiżjoni tal-ftuħ u għandhom jindikaw il-kawża u l-ammont mitlub u għandhom jiġu akkumpanjati‑ minn kopji tad-dokumenti li jservu ta' evidenza tal-pretensjoni (Taqsima 174 (1), it-tieni sentenza, u (2) InsO). Madankollu, fil-każ ta' depożitar tard, il-pretensjonijiet xorta waħda jiġu kkunsidrati (Taqsima 177 tal-InsO). Il-pretensjonijiet tal-insolvenza kollha għandhom jiġu ddepożitati, irrespettivament minn jekk ir-relazzjoni legali sottostanti hijiex regolata mil-liġi ċivili ordinarja jew mil-liġi pubblika (bħal, pereżempju, obbligazzjonijiet tat-taxxa)

Il-partikularitajiet li ġejjin japplikaw għall-kredituri barranin: L-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ir-Regolament tal-UE dwar l-Insolvenza) fil-futur ser jippermetti lill-kredituri barranin jippreżentaw pretensjonijiet billi jużaw formola standard tal-pretensjonijiet. Il-pretensjonijiet jistgħu jiġu ddepożitati f’kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, il-kreditur jista' jintalab jipprovdi traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedimenti jew fi kwalunkwe lingwa oħra li dak l-istat ikun indika li jista' jaċċetta. Fil-prinċipju, il-pretensjonijiet iridu jiġi depożitati fil-perjodu ta' żmien stipulat mil-liġi tal-istat tal-ftuħ tal-proċedimenti. Fil-każ ta' kreditur barrani, dan il-perjodu mhuwiex ta’ inqas minn 30 ġurnata mill-pubblikazzjoni tal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza fir-reġistru tal-insolvenza tal-istat tal-ftuħ tal-proċedimenti.

L-amministratur tal-insolvenzi jrid idaħħal kull pretensjoni ddepożitata b'mod xieraq fi skeda ta' djun (Tabelle). Il-kontenut tal-pretensjoni ma jiġix ivverifikat f'dan l-istadju. Il-pretensjonijiet jiġu vverifikati u l-ammont u l-klassifikazzjoni tagħhom jiġu stabbiliti biss waqt is-smigħ tal-verifika fil-qorti tal-insolvenza (Taqsima 176, l-ewwel sentenza, InsO). Jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għall-pretensjoni matul is-smigħ tal-verifika kemm min-naħa tal-amministratur tal-insolvenza kif ukoll minn kreditur ordinarju, jew jekk tingħeleb kwalunkwe oġġezzjoni li tiġi ppreżentata, il-pretensjoni tiġi kkunsidrata bħala aċċettata u l-kreditur jirċievi d-dividend tiegħu mir-rikavat. Oġġezzjoni min-naħa tad-debitur ma taffettwax id-determinazzjoni tal-pretensjoni (Taqsima178(1), it-tieni sentenza, InsO), iżda wara t-tmiem tal-proċedimenti tal-insolvenza, kreditur ordinarju ma jkunx jista' jinforza l-bqija tal-pretensjoni tiegħu abbażi ta' reġistrazzjoni fl-iskeda, u għaldaqstant ikollu jressaq azzjoni separata kontra d-debitur (Taqsima 201(2), l-ewwel sentenza, InsO).

Jekk, min-naħa l-oħra, matul is-smigħ tal-verifika jkun hemm oġġezzjoni mill-amministratur tal-insolvenza jew minn kreditur ordinarju ieħor, il-kreditur jista' jressaq azzjoni għall-ammissibiltà kontra l-parti li tkun qed tikkontesta (Taqsima 179(1) tal-InsO). Huwa jieħu sehem mir-rikavat biss jekk l-azzjoni għall-ammissibiltà tistabbilixxi li l-pretensjoni tiegħu hija tabilħaqq valida (Taqsimiet 180 et seq. tal-InsO). Fi żmien perjodu ta’ ġimagħtejn mill-pubblikazzjoni tal-lista ta' distribuzzjoni, huwa jrid jagħti prova li ressaq azzjoni għall-ammissibiltà tal-pretensjoni (Taqsima 189(1) tal-InsO). Jekk jonqos milli jagħmel dan, il-pretensjoni ma tiġix ikkunsidrata fid-distribuzzjoni tar-rikavati, inkluż jekk finalment tkun ġiet ammessa sadanittant (Taqsima 189(3) tal-InsO). Madankollu, jekk juri li jkun ressaq l-azzjoni fil-ħin, is-sehem allokat għall-pretensjoni jiġi miżmum mid-distribuzzjoni sakemm l-azzjoni tibqa' pendenti (Taqsima 189(2) tal-InsO). Jekk l-azzjoni għall-ammissibbiltà tal-pretensjoni tiġi finalment miċħuda, is-sehem miżmum jiġi distribwit lill-kredituri ordinarji l-oħrajn. Jekk titolu infurzabbli jeżisti diġà għall-pretensjoni kkontestata, trid titressaq azzjoni mhux mill-kreditur iżda mill-oġġezzjonatur (Taqsima 179(2) tal-InsO). Is-sentenza li tiddetermina pretensjoni jew li ssostni oġġezzjoni mhijiex effettiva biss inter partes iżda huwa vinkolanti wkoll fuq l-amministratur tal-insolvenza u fuq il-kredituri ordinarji kollha (Taqsima 183(1) tal-InsO).

Jekk kreditur ordinarju ma jkunx irreġistra l-pretensjoni tiegħu biex tiġi inkluża fl-iskeda, ma jistax jieħu sehem mir-rikavat tar-realizzazzjoni u b'ebda mod ieħor ma jista' jinforza l-pretensjoni tiegħu (Taqsima 87 tal-InsO). Pretensjonijiet għall-pagament kontra l-amministratur tal-insolvenza għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fi pjan ta' insolvenza, l-amministratur tal-insolvenza jirrealizza l-assi li jappartjenu lill-proprjetà tal-insolvenza biex jikkonverti l-proprjetà fi flus u biex iqassam dawn il-flus lill-kredituri. L-amministratur jiddeċiedi kif iwettaq ir-realizzazzjoni fid-diskrezzjoni proprja tiegħu, bl-għan li jimmassimizza r-rikavati. Il-possibiltajiet jinkludu l-bejgħ tal-intrapriża tad-debitur jew tal-impjanti individwali bħala unità sħiħa, jew il-qsim tal-intrapriża u l-bejgħ tal-assi individwali separatament.

Qabel ma r-rikavat mir-realizzazzjoni jkun jista' jitqassam lill-kredituri ordinarji, huwa l-ewwel neċessarju li l-pretensjonijiet tal-kredituri garantiti u ta' kredituri bi pretensjonijiet dwar il-proprjetà stess jiġu ssodisfati. Id-distribuzzjoni tar-rikavat hija bbażata fuq lista ta' distribuzzjoni (Verteilungsverzeichnis) li għandha titfassal mill-amministratur tal-insolvenza abbażi tal-iskeda tad-djun (Taqsima 175 tal-InsO). Il-lista għandha tinkludi l-pretensjonijiet tal-insolvenza kollha li jridu jitqiesu matul id-distribuzzjoni Imbagħad, ir-rikavat jiġi distribwit bejn il-kredituri b’mod proporzjonali mal-ammont tal-pretensjonijiet tagħhom. Fil-klassifikazzjoni wara l-kredituri ordinarji, u għalhekk fl-aħħar livell, hemm il-kredituri ordinarji subordinati elenkati fit-Taqsima 39(1) tal-Kodiċi. Dawn jiġu ssodisfati biss jekk il-kredituri ordinarji l-oħrajn kollha kienu ssodisfati b'mod sħiħ.

Bħala regola, id-distribuzzjoni ma tistennix li r-realizzazzjoni tal-proprjetà tal-insolvenza titlesta kollha. Minflok, hekk kif ikun hemm flus suffiċjenti disponibbli fil-proprjetà tal-insolvenza, isiru pagamenti fil-kontijiet (Taqsima 187(2), l-ewwel sentenza, InsO). Meta titlesta r-realizzazzjoni, titwettaq id-distribuzzjoni finali (Taqsima 196(1) tal-InsO). Dan jirrikjedi l-approvazzjoni mill-qorti tal-insolvenza (Taqsima 196(2) tal-InsO). Jekk il-pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji kollha jistgħu jiġu ssodisfati b'mod sħiħ (li fil-prattika rari jseħħ), l-amministratur jittrasferixxi kwalunkwe surplus li jibqa' lid-debitur (Taqsima 199, l-ewwel sentenza, InsO).

Jekk kreditur ikollu dritt in rem fuq wieħed mill-assi li jappartjeni lill-proprjetà tal-insolvenza u r-rikavati miksuba ma jkunux biżżejjed biex jissodisfaw il-pretensjoni tiegħu b'mod sħiħ, il-kreditur jista’ jirreġistra pretensjoni in personam għall-inklużjoni fl-iskeda, iżda biss jekk il-pretensjoni garantita tiegħu tkun falliet (inkella, jista' jirrinunzja għall-pretensjoni garantita tiegħu u minflok jirreġistra pretensjoni in personam kontra d-debitur għall-inklużjoni fl-iskeda għall-ammont totali) (Taqsima 52, it-tieni sentenza InsO).

Għadu ma ġiex stabbilit b'mod konklużiv jekk dan japplikax ukoll jekk il-pretensjoni tal-kreditur tiġi parzjalment irrifjutata permezz ta’ tpaċija. L-opinjoni f'xi duttrina ġuridika (eż.Brandes/Lohmann f’MüKo InsO, Taqsima 94 paragrafu 55) hija li l-kreditur ordinarju jista' jirreġistra l-pretensjoni tiegħu biex tiġi inkluża fl-iskeda tad-djun inizjalment b'mod sħiħ, u wara li jkun rċieva d-dividend korrespondenti tiegħu, ikun jista' jagħmel tpaċija għall-ammont tal-kontropretensjoni. Il-Qorti Federali tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni b'mod espliċitu, iżda ssuġġeriet li se timxi ma’ din il-fehma (BGH, sentenza tad-9 ta’ Mejju 1960 - II ZR 95/58). Kittieba oħrajn, min-naħa l-oħra, japplikaw Taqsima 52, it-tieni sentenza, tal-Kodiċi b'analoġija, f'liema każ il-kreditur jista' jirreġistra biss l-ammont żejjed biex jiġi inkluż fl-iskeda, u d-dividend jitnaqqas skont dan (pereżempju, Uhlenbruck/Sinz, InsO, Taqsima 94 paragrafu 61).

Jekk parti terza tissodisfa l-pretensjoni ta' kreditur li jkollu garanazija in rem kontra d-debitur, il-parti terza ma tiħux il-post ta' kreditur garantit b'mod awtomatiku. Madankollu, f'ċerti każijiet, surroga hija prevista fil-liġi u jista' wkoll jintlaħaq ftehim dwarha permezz ta' kuntratt. Din mhijiex karatteristika speċjali tal-proċedimenti tal-insolvenza, iżda tirriżulta mir-regoli tal-liġi ordinarja. Jekk il-kreditur pereżempju għandu garanzija in rem u jirċievi sodisfazzjon mhux mingħand id-debitur iżda minn parti terza li tidħol bħala garanti għall-pretensjoni fuq id-debitur insolventi, il-pretensjoni tal-kreditur kontra d-debitur tiġi ttrasferita lill-garanti skont surroga statutorja (Taqsima 774, l-ewwel sentenza, Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch – BGB)). Għal drittijiet ta' garanzija sekondarji, bħal pereżempju ipoteka jew rahan, il-Kodiċi Ċivili jipprovdi espressament li dawn jiġu ttrasferiti lill-garanti (Taqsimiet 412, 401 tal-BGB). Drittijiet ta' garanzija mhux sekondarji, bħal pereżempju imposta fuq l-artijiet maħluqa bħala garanzija għal pretensjoni, ma jiġux ittrasferiti lill-garanti permezz ta’ operazzjoni tal-liġi. Madankollu, kreditur li għandu pretensjoni kuntrattwali huwa meħtieġ li, b'analoġija, b'konformità ma’ Taqsimiet 412 u 401 tal-Kodiċi Ċivili, jittrasferixxi l-garanziji mhux sekondarji lill-garanti, dment li ma jkunx hemm ftehim mod ieħor bejn il-partijiet. Il-garanti mbagħad jieħu l-post tal-kreditur b'garanzija in rem.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

  1. Proċedura Standardizzata

Wara li titwettaq id-distribuzzjoni finali, il-proċedimenti tal-insolvenza jridu jintemmu (Taqsima 200(1) tal-InsO). Id-deċiżjoni ta' terminazzjoni tiġi ppubblikata. Mat-tmiem tal-proċedimenti tal-insolvenza, id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-assi li jinqabdu mill-insolvenza jerġgħu jingħataw lid-debitur.

Wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti tal-insolvenza, il-kredituri ordinarji jistgħu fil-prinċipju jinfurzaw il-pretensjonijiet residwi tagħhom kontra d-debitur mingħajr restrizzjoni, minħabba li l-pretensjoni hija estinta biss sal-ammont tad-dividend imħallas. Għall-infurzar tas-sehem tal-pretensjoni mhux issodisfat, Taqsima 201(2) tal-Kodiċi tal-Insolvenza jipprovdi li l-kredituri ordinarji jistgħu jinfurzaw il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur fuq il-bażi ġuridika tad-dħul tagħhom fl-iskeda, daqslikieku taħt ġudizzju infurzabbli, dment li l-pretensjonijiet ikunu ġew iddeterminati u ma ġewx ikkontestati mid-debitur matul is-smigħ tal-verifika. Fl-istess ħin, jista' jiġi konkluż mill-istess Taqsima 201(2) tal-Kodiċi li f'każijiet oħrajn il-kreditur irid li jinforza l-pretensjoni tiegħu kontra d-debitur billi jressaq azzjoni legali.

Eċċezzjoni tapplika għal persuni fiżiċi. Dawn għandhom il-possibbilità japplikaw għal kwittanza mid-dejn residwu (Restschuldbefreiung, Taqsimiet 201(3), 286 et seq. tal-Kodiċi). Kwittanza minn dejn residwu tista' tingħata wara perjodu ta' sitt snin ta' kondotta tajba, li fih id-debitur irid jassenja l-introjtu kollu li huwa disponibbli għas-sekwestru lil fiduċjarju (Treuhänder); il-kwittanza għandha effett vinkolanti fuq il-kredituri ordinarji kollha, inklużi dawk il-kredituri li ma ddepożitawx il-pretensjonijiet tagħhom (Taqsima 301(1) tal-InsO). Dan ifisser li l-kredituri ordinarji jiġu definittivament impeduti milli jinfurzaw il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur (eċċezzjoni: il-pretensjonijiet imsemmija fit-Taqsima 302 tal-InsO).

Persuna ġuridika li ġiet soġġetta għall-proċedimenti ta' insolvenza u li ma għadha fil-pussess tal-ebda assi titħassar b'mod awtomatiku mir-reġistru kummerċjali u ma tibqax teżisti.

  1. Il-proċedura ta' pjan ta' insolvenza

Il-proċedura tal-pjan ta' insolvenza tħalli lill-kredituri garantiti u lill-kredituri ordinarji jiddeċiedu huma stess dwar ir-realizzazzjoni tal-proprjetà tal-insolvenza, id-distribuzzjoni tagħha fost il-kredituri, il-ġestjoni tal-proċedimenti u r-responsabbiltà tad-debitur wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti tal-insolvenza; huma jagħmlu dan fi pjan ta' insolvenza, permezz ta' deroga mill-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Insolvenza (Taqsima 217(1), l-ewwel sentenza, InsO). Riorganizzazzjoni u pjan ta' insolvenza huma xi ħaġa differenti. Pjan ta' insolvenza jkollu rwol ewlieni fir-riorganizzazzjoni ta' intrapriża, iżda pjan ta' insolvenza jista' jservi wkoll ta' bażi għall-istralċ tal-intrapriża, u jista' pereżempju jipprevedi għar-realizzazzjoni tal-proprjetà tal-insolvenza u għad-distribuzzjoni tagħha bejn il-partijiet involuti permezz ta' deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi.

Minbarra l-possibbiltà ta’ rilaxx ta’ dejn residwu, il-pjan tal-insolvenza joffri mezz importanti lid-debitur biex jegħleb lil kredituri ostruttivi. It-Taqsima 245 tal-Kodiċi tal-Insolvenza tipprevedi li taħt ċerti kundizzjonijiet l-aċċettazzjoni ta’ grupp ta’ votazzjoni tista’ titqies li tkun ingħatat anki jekk il-maġġoranzi meħtieġa ma jkunux intlaħqu. Madankollu, fil-prattika, l-użu tal-proċedura tal-pjan tal-insolvenza s’issa kellu tendenza li jkun prudenti.

Pjan tal-insolvenza jista' jiġi ppreżentat jew mill-amministratur tal-insolvenza jew mid-debitur. Il-pjan tal-insolvenza jikkonsisti minn parti ta' dikjarazzjoni (darstellender Teil) u minn parti organizzazzjonali (gestaltender Teil). Il-parti tad-dikjarazzjoni tiddeskrivi liema miżuri diġà ttieħdu wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza u liema miżuri għadhom iridu jittieħdu. Il-parti organizzazzjonali tiddetermina kif inbidlet il-pożizzjoni legali tal-partijiet involuti. Minħabba emenda li daħlet fis-seħħ fl-2012, Taqisma 225a(2) tal-Kodiċi jipprovdi espressament li l-azzjonisti jew il-membri jistgħu jiġu inklużi fil-pjan tal-insolvenza wkoll, u jippermetti swaps ta’ dejn f’ekwità biex il-pretensjonijiet tal-kredituri jiġu konvertiti f'ishma‑ ‑fl-ekwità tad-debitur irregolata mil-liġi tal-kumpaniji. Il-mekkaniżmu tal-votazzjoni previst fit-Taqsimiet 243 et seq. tal-kodiċi huwa ta' interess partikolari. Il-parti organizzazzjonali tal-pjan tal-insolvenza tiddefinixxi diversi gruppi tal-votazzjoni. Il-pjan tal-insolvenza jiġi aċċettat biss jekk ikun approvat minn maġġoranza tal-kredituri votanti f'kull grupp (maġġoranza tal-kredituri) u t-total tal-pretensjonijiet tal-kredituri votanti favur jammonta għal iktar min-nofs tal-pretensjonijiet totali tal-kredituri votanti (maġġoranza tal-pretensjonijiet totali). Madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-Kodiċi jqis li l-grupp votanti jkun ta l-kunsens tiegħu anki jekk il-maġġoranzi meħtieġa ma jkunux intlaħqu (Taqsima 245 InsO). Din il-"projbizzjoni ta’ ostruzzjoni" (Obstruktionsverbot) hija mfassla sabiex timpedixxi lil kredituri jew azzjonijisti individwali milli jikkawżaw il-falliment tal-pjan. Skont Taqsima 247 tal-Kodiċi, id-debitur ukoll irid jagħti l-kunsens għall-pjan. Iżda l-oppożizzjoni min-naħa tiegħu hija irrelevanti jekk il-pjan ma jħallihx f'qagħda aktar ħażina milli kieku jkun mingħajru, u jekk l-ebda kreditur ma jirċievi valur ekonomiku li jaqbeż l-ammont totali tal-pretensjoni tiegħu.

Wara li l-pjan tal-insolvenza jiġi aċċettat mill-partijiet involuti, u wara li jingħata l-kunsens mid-debitur, il-pjan tal-insolvenza jrid jiġi kkonfermat mill-qorti tal-insolvenza. Il-qorti tikkonferma l-pjan tal-insolvenza jekk ir-rekwiżiti proċedurali neċessarji kollha jkunu ġew issodisfati u l-ebda rikors ma jiġi ppreżentat minn kreditur jew azzjonist li jafferma li x'aktarx se jitħalla f'qagħda iktar ħażina bil-pjan milli kieku mingħajru (Taqsima 251 tal-InsO). Sabiex jiġi impedut il-falliment tal-pjan b'riżultat ta’ oppożizzjoni bħal din, il-parti organizzazzjonali tal-pjan tista' tipprovdi biex ikun hemm fondi disponibbli f'każ li parti turi li se titħalla f'qagħda iktar ħażina (Taqsima 251(3) tal-InsO).

Id-deċiżjoni li tikkonferma l-pjan tista' tiġi kkontestata sa punt limitat biss (Taqsima 253 tal-InsO).

Meta l-konferma tal-pjan tal-insolvenza ma tkunx tista’ tibqa' tiġi kkontestata, il-qorti tal-insolvenza ttemm il-proċedimenti tal-insolvenza (Taqsima 258(1) tal-InsO). Id-dritt tad-disponiment tal-proprjetà tad-debitur jerġa’ jingħata lura lid-debitur. L-effetti previsti mill-parti organizzazzjonali tal-pjan isiru vinkolanti għall-partijiet kollha involuti u kontriehom, irrispettivament minn jekk irreġistrawx il-pretensjonijiet tagħhom jew jekk oġġezzjonawx għall-pjan tal-insolvenza bħala partijiet b'interess (Taqsima 254b tal-InsO). Dan ifisser li rinunzja, sospensjoni jew ix-xorta, li huma previsti fil-pjan tal-insolvenza jsiru effettivi ipso jure, mingħajr il-bżonn ta' dikjarazzjoni ta' intenzjoni separata (Taqsima 254a(1) tal-InsO). Il-pjan tal-insolvenza ma jaffettwax id-drittijiet ta' kredituri ordinarji kontra partijiet terzi.

Sabiex jiġi żgurat li d-debitur jikkonforma mal-obbligi imposti fuqu mill-pjan tal-insolvenza, il-pjan jista' jipprevedi li d-debitur jiġi mmonitorjat mill-amministratur tal-insolvenza. Matul il-perjodu ta' monitoraġġ, l-amministratur tal-insolvenza kull sena jrid jirrapporta għand il-qorti u għand il-kumitat tal-kredutri, jekk dan il-kumitat ikun inħatar, dwar is-sitwazzjoni attwali u dwar il-prospetti futuri tat-twettiq tal-pjan tal-insolvenza.

Irrispettivament minn jekk dan il-monitoraġġ kienx ordnat jew le, "il-klawżola tal-irkupru" (Wiederauflebensklausel) ipprovduta fit-Taqsima 255 tal-Kodiċi topera sabiex tiżgura l-konformità mal-pjan mid-debitur. Jekk il-pretensjonijiet imressqa minn kreditur ordinarju jkunu ġew iddifferiti jew rinunzjati parzjalment abbażi tal-parti organizzazzjonali tal-pjan ta' insolvenza, huwa previst li dan id-differiment jew din ir-rinunzja ma jibqgħux jorbtu lill-kreditur jekk id-debitur jaqa' lura b'mod sostanzjali fl-implementazzjoni tal-pjan fir-rispett tal-kreditur. L-istess japplika fir-rigward tal-kredituri ordinarji kollha jekk, matul il-fażi tal-implementazzjoni tal-pjan, jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza ġodda fil-konfront tal-assi tad-debitur (Taqsima 255(2) tal-InsO). Il-kredituri ordinarji bi pretensjonijiet aċċettati li ma ġewx ikkontestati mid-debitur waqt is-smigħ tal-verifika, u li l-kredituri għandhom skont pjan ta' insolvenza kkonfermat u finali flimkien mal-inklużjoni fl-iskeda, jistgħu jinforzaw dawk il-pretensjonijiet kontra d-debitur bl-istess mod bħalma kieku jagħmlu skont sentenza ta' infurzar.

Jekk il-pjan tal-insolvenza jkun il-bażi ta' riorganizzazzjoni tal-intrapriża, ħafna drabi jkun hemm bżonn ta' self għall-operat. Biex jiġu protetti l-mutwanti, il-parti organizzazzjonali tal-pjan ta’ insolvenza tista’ tipprevedi limitu fuq is-self (Taqsima 264 tal-InsO). Dment li l-pretensjoni tal-mutwant il-ġdid tibqa’ taħt il-limitu, l-effett hu dak li f’kull proċediment ta’ insolvenza ġdid, il-kredituri ordinarji jikklassifikaw wara l-mutwant il-ġdid.

Dment li l-pretensjoni tal-mutwant il-ġdid jibqgħu taħt il-limitu massimu, l-effett hu dak li f’kull proċediment ta' insolvenza ġdid, il-kredituri ordinarji jikklassifikaw wara l-mutwant il-ġdid. Il-proċedura tal-pjan tal-insolvenza tippermetti lid-debitur jikseb kwittanza mid-dejn residwu irrispettivament mill-proċedura tal-kwittanza mid-dejn residwu deskritta aktar ‘l fuq. Il-Kodiċi jiddikjara li sakemm il-pjan tal-insolvenza ma jipprovdix mod ieħor, id-debitur jista’ jingħata kwittanza mid-djun residwi tiegħu li huma dovuti lill-kredituri tiegħu jekk jissodisfa lill-kredituri tiegħu bil-mod previst fil-pjan tal-insolvenza (Taqsima 227(1) tal-InsO).

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Għal dettalji dwar id-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq tal-proċedimenti tal-insolvenza, jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija "X’inhuma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq tal-proċedimenti tal-insolvenza (b’mod partikolari permezz tal-kompożizzjoni)?"

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Skont il-liġi Ġermaniża, l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-insolvenza għandhom jitħallsu minn qabel mill-proprjetà tal-insolvenza u jieħdu preċedenza fuq il-pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji (Taqsima 53 tal-InsO). L-ispejjeż tal-proċedimenti tal-insolvenza jinkludu l-miżati tal-qorti fir-rigward tal-proċedimenti tal-insolvenza u r-remunerazzjoni ggwadanjata u l-ispejjeż imġarrba mill-amministratur tal-insolvenza provviżorju, mill-amministratur tal-insolvenza, u mill-membri tal-kumitat tal-kredituri (Taqsima 54 tal-InsO).

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Sabiex jiġu evitati azzjonijiet detrimentali għall-kredituri, kull akkwist ta’ ass li jappartjeni lill-proprjetà tal-insolvenza wara l-ftuħ tal-proċedimenti huwa fil-prinċipju null, filwaqt li l-akkwist li jsir qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-assi li kieku kienu jkunu jappartjenu lill-proprjetà tal-insolvenza wara l-ftuħ tal-proċedimenti huwa fil-prinċipju validu, iżda jista’ jiġi kkontestat taħt ċerti ċirkostanzi.

Minħabba li mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, id-dritt tad-debitur li jiddisponi mill-proprjetà tiegħu jgħaddi f’idejn l-amminsitratur tal-insolvenza, kull disponiment ta’ assi mid-debitur li jappartjeni lill-proprjetà tal-insolvenza wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza huwa fil-prinċipju invalidu b’mod assolut (ħlief meta jkun hemm akkwist in bona fede tal-art, minkejja li dan jista’ jiġi kkontestat) (Taqsima 81(1), l-ewwel sentenza, InsO). Lanqas ma jinkisbu xi drittijiet għal assi li jappartjeni lill-proprjetà tal-insolvenza jekk id-debitur ikun iddispona minn assi li jappartjeni lill-proprjetà tal-insolvenza qabel ma jinfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza iżda r-riżultat ta’ dan iseħħ biss wara li l-proċedimenti jkunu jinfetħu (Taqsima 91(1) tal-InsO) (bl-eċċezzjoni ta’ akkwist ta’ art, Taqsima 91(2) tal-InsO). Drittijiet ta’ garanzija miksuba bħala riżultat tal-infurzar tal-proċedimenti matul l-aħħar xahar ta’ qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, jew wara dan ir-rikors, bl-istess mod isiru legalment ineffettivi ladarba l-proċedimenti tal-insolvenza jinfetħu (Taqsima 88(1) tal-InsO).

Akkwist mill-proprjetà tal-insolvenza qabel ma jinfetħu l-proċedimenti, b’differenza minn akkwist wara l-ftuħ tal-proċedimenti, huwa fil-prinċipju validu, iżda jista’ jiġi kkontestat taħt ċerti ċirkostanzi (Taqsimiet 129 tal-InsO). Dan id-dritt għall-kontestazzjoni ta’ tranżazzjonijiet tad-debitur insolventi huwa ta’ importanza deċiżiva għall-funzjonament tal-liġi tal-insolvenza, minħabba li jippermetti lill-amministratur tal-insolvenza jkollu aċċess għal ħruġ mill-assi tad-debitur li jkun seħħ qabel ma nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza. Jista’ jgħin ħafna biex tiżdied il-proprjetà tal-insolvenza, u għalhekk sabiex jiġi żgurat li l-liġi tal-insolvenza tibni fuq il-pretensjoni tagħha li tipprovdi sodisfazzjon ugwali għall-kredituri b’mod ordnat u biex jiġi evitat trattament preferenzjali lill-kredituri individwali. Jekk l-amministratur tal-insolvenza jirnexxielu jeżerċita b'suċċess dritt li jikkontesta, il-parti li kienet ibbenefikat b’riżultat tat-tranżazzjoni kkontestata trid tirritorna dak kollu li nġibed mill-assi tad-debitur tal-insolvenza mit-tranżazzjoni. Jekk ma tistax tagħmel dan in natura, ikollha tħallas kumpens. L-amministratur tal-insolvenza jista’ jippreżenta azzjoni biex jinforza d-dritt għar-restituzzjoni, u jista’ jibbaża fuq id-dritt tar-restituzzjoni kontra kull pretensjoni ta' oppożizzjoni miġjuba minn kreditur. Jekk ir-riċevitur ta’ benefiċċju minn tranżazzjoni li tista’ tiġi kkontestata jrodd lura l-proprjetà li jkun irċieva, kull kontrapretensjoni li jista’ jkollu terġa' titqajjem (Taqsima 144 tal-InsO).

Biex tkun tista’ tiġi kkontestata, tranżazzjoni li wieħed ikun daħal għaliha qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza trid tpoġġi lill-kredituri ordinarji fi żvantaġġ (Taqsima 129 tal-InsO), u jrid ikun hemm waħda mir-raġunijiet ipprovduti fit-Taqsimiet 130 sa 136 tal-Kodiċi. Kull att legali, jiġifieri kull kondotta (inkluża ommissjoni, Taqsima 129(2) tal-InsO) li toħloq effett legali, jista’ jiġi kkontestat (Qorti Federali tal-Ġustizzja, sentenza tat-12 ta’ Frar 2004 - IX ZR 98/03 - paragrafu 12). Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-Kodiċi, huwa immaterjali jekk l-att legali jitwettaqx mid-debitur. Minbarra dan, jekk ikunx hemm effett kuntrattwali jew legali involut mhuwiex fattur deċiżiv (il-Qorti tal-Ġustizzja Federali, sentenza tas-7 ta’ Mejju 2013 - IX ZR 191/12 - paragrafu 6).

Raġuni għall-kontestazzjoni ta’ tranżazzjoni hija pprovduta b’mod partikolari minn

  • benefiċċju mingħajr gratifika mogħti mid-debitur, sakemm ma ngħatax aktar minn erba' snin qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza (Taqsima 134 tal-InsO);
  • - att legali mwettaq mid-debitur matul l-aħħar għaxar snin qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza bl-għan li jpoġġi fi żvantaġġ lill-kredituri tiegħu, jekk il-parti l-oħra kienet konxja tal-intenzjoni tad-debitur (Taqsima 133 tal-InsO); il-perjodu huwa biss ta’ erba’ snin jekk l-att għamilha possibbli għall-parti l-oħra li tipprovdi garanzija jew ħlas.
  • att legali mwettaq intenzjonalment mid-debitur fl-aħħar tliet xhur ta’ qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza li direttament tpoġġi lill-kredituri ordinarji fi żvantaġġ, jekk id-debitur kien diġà insolventi, u jekk il-parti l-oħra kienet konxja ta’ din l-insolvenza (Taqsima 132(1), subparagrafu 1, InsO);
  • att legali li jagħti intenzjonalment lil kreditur ordinarju garanzija jew sodisfazzjon li għaliha mhuwiex intitolat, jekk dan l-att ikun twettaq fl-aħħar xahar ta’ qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza (Taqsima 131(1), subparagrafu 1, InsO).

F’dawn il-każijiet kollha, kemm id-debitur kif ukoll il-kreditur li jkunu qed jirċievu l-benefiċċju jistgħu wkoll iġarrabu responsabbiltà kriminali (Taqsimiet 283 sa 283 tal-Kodiċi Kriminali).

Proċedimenti ta’ insolvenza tal-konsumatur

Il-proċedimenti ta’ insolvenza tal-konsumatur (Verbraucherinsolvenzverfahren) jittrattaw każijiet ta’ persuni fiżiċi li ma jwettqu jew li ma wettqu ebda attività ta’ negozju indipendenti, jew persuni fiżiċi li wettqu attività ta’ negozju indipendenti iżda li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom mhijiex sempliċi u kontrihom ma hemm l-ebda pretensjoni li tirriżulta minn relazzjonijiet ta’ impjieg (Taqsima 304(1), l-ewwel sentenza, InsO). B’kuntrast għall-proċedura tal-insolvenza standard, il-fokus mhuwiex fuq ir-realizzazzjoni tal-assi, iżda fuq l-kwittanza tal-konsumatur mid-dejn.

Il-proċedura hija differenti minn dik standardizzata prinċipalment meta r-rikors jiġi ppreżentat mid-debitur waħdu jew ma’ oħrajn. F’dan il-każ, id-deċiżjoni biex jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza hija ppreċeduta minn stajdu barra l-qorti bl-għan li jintlaħaq arranġament mal-kredituri, abbażi ta' pjan (Taqsima 305(1), subparagrafu 1, InsO). Jekk tentattiv biex jintlaħaq ftehim barra l-qorti ma jirnexxiex, id-debitur jista’ jippreżenta rikors biex jinfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza.

Isegwi stadju li fih, il-proċedimenti tal-ftuħ jiġu sospiżi u l-qorti tal-insolvenza tagħti lill-kredituri opportunità jilħqu ftehim mad-debitur fuq pjan ta' saldu tad-dejn (Schuldenbereinigungsplan). Jekk il-pjan tas-saldu tad-dejn jimmaterjalizza, il-pretensjonijiet tal-kredituri jiġu mbagħad regolati biss mill-pjan tas-saldu tad-dejn, li huwa infurzabbli bl-istess mod bħal meta jintlaħaq saldu fi proċedimenti tal-qorti (Prozessvergleich) (Taqsima 308(1), it-tieni sentenza, InsO). Rikorsi għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza u għall-għoti ta' kwittanza ta’ dejn residwu jitqiesu li ġew irtirati (Taqsima 308(2) tal-InsO). Jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar pjan ta’ saldu tad-dejn, jibdew proċedimenti tal-insolvenza ssimplifikati.

L-aħħar aġġornament: 27/05/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.