Insolvenza/falliment

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Proċedimenti ta’ insolvenza fil-Finlandja

Insolvenza tfisser li debitur ma jistax iħallas id-djun tiegħu meta jsiru dovuti, u dan mhux b’mod temporanju. Hawnhekk, proċedimenti ta’ insolvenza jirreferu għal proċediment li japplika fl-istess ħin għad-djun kollha tad-debitur.

Hemm tliet tipi differenti ta’ proċedimenti ta’ insolvenza fil-Finlandja: il-falliment, ir-ristrutturar ta’ intrapriża, u l-aġġustament tad-djun ta’ individwu privat. Il-fallimenti huma rregolati mill-Att dwar il-Falliment (Konkurssilaki 120/2004), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2004. L-Att dwar ir-Ristrutturar tal-Intrapriżi (Laki yrityksen saneerauksesta 47/1993) u l-Att dwar l-Aġġustament tad-Djun ta’ Individwu Privat (Laki yksityishenkilön velkajärjestelystä 57/1993) daħlu fis-seħħ fit-8 ta’ Frar 1993.

Il-falliment huwa proċedura ta’ likwidazzjoni mmirata sabiex jinġabru l-assi ta’ debitur u jiġu distribwiti r-rikavati lill-kredituri. Ir-ristrutturar tal-intrapriżi u l-aġġustament tad-djun ta’ individwi privati huma miżuri ta’ riorganizzazzjoni li jippermettu lid-debituri jegħlbu d-diffikultajiet finanzjarji tagħhom.

Debitur jista’ jilħaq ftehim ukoll mal-kredituri tiegħu dwar il-ħlas tad-djun u arranġamenti oħrajn barra proċedimenti ta’ insolvenza uffiċjali. Madankollu, ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tirregola arranġamenti li jsiru fuq bażi volontarja u għalhekk arranġamenti bħal dawn mhumiex se jiġu diskussi aktar hawnhekk.

Hawn taħt hawn deskrizzjoni tal-karatteristiċi prinċipali tal-proċedimenti ta’ insolvenza msemmija hawn fuq.

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Falliment

L-ambitu tal-falliment huwa ġenerali, li jfisser li kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi jistgħu jiġu ddikjarati falluti. Persuna ġuridika tista’ tiġi ddikjarata falluta anki jekk tkun tneħħiet mir-reġistru rilevanti jew jekk tkun ġiet xolta. Il-patrimonju ta’ deċedut jew patrimonju tal-insolvenza jista’ jiġi ddikjarat fallut ukoll.

Ristrutturar

Kwalunkwe intrapriża involuta f’attività ekonomika tista’ tkun soġġetta għal proċedimenti ta’ ristrutturar, u hekk ukoll korporazzjoni, imprenditur privat jew persuna li taħdem għal rasha.

Madankollu, ċerti intrapriżi, bħal istituzzjonijiet tal-kreditu u tal-assigurazzjoni soġġetti għal regolamentazzjoni u għal kontroll speċjali, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedimenti ta’ ristrutturar.

Aġġustament tad-djun

L-aġġustament tad-djun jista’ jingħata lil persuna fiżika biss. Anki persuna fiżika li twettaq negozju privat jew li twettaq negozju fi sħubija illimitata jew bħala s-sieħeb ġenerali fi sħubija limitata tista’ tingħata l-benefiċċju tal-aġġustament tad-djun f’ċerti kundizzjonijiet.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Il-kundizzjoni ġenerali għall-ftuħ tat-tliet tipi ta’ proċedimenti ta’ insolvenza huwa li d-debitur irid ikun insolventi. Insolvenza tfisser li debitur ma jistax iħallas id-djun tiegħu meta jsiru dovuti, u dan mhux b’mod temporanju.

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar jistgħu jinfetħu wkoll meta d-debitur ikun f'riskju ta’ insolvenza.

Falliment

Id-debitur jew inkella kreditur jista’ jippreżenta talba għall-falliment. Il-kundizzjoni ġenerali għal dikjarazzjoni ta’ falliment hija l-insolvenza tad-debitur. L-Att dwar il-Falliment jipprovdi għal suppożizzjonijiet dwar l-insolvenza sabiex jagħmilha iktar faċli li jiġi stabbilit meta xi ħadd ikun insolventi; debitur li jissodisfa dawk is-suppożizzjonijiet jitqies li jkun insolventi, sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor.

Debitur jitqies insolventi jekk:

  1. id-debitur jiddikjara li huwa insolventi u li ma hemm ebda raġuni speċjali għaliex ma għandhiex tiġi aċċettata dik id-dikjarazzjoni;
  2. id-debitur waqqaf il-pagamenti;
  3. ġie ddeterminat fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni matul is-sitt xhur ta’ qabel il-preżentazzjoni tat-talba għall-falliment li d-debitur ma jistax iħallas il-pretensjoni lura bis-sħiħ; jew
  4. debitur, li huwa jew li kien taħt l-obbligu li jżomm il-kontijiet matul is-sena ta’ qabel il-preżentazzjoni tat-talba għall-falliment, ma ħallasx lura l-pretensjoni ċara u dovuta tal-kreditur fi żmien ġimgħa mir-riċevuta ta’ tfakkira.

Kreditur jista’ jippreżenta talba għall-falliment jekk il-pretensjoni tiegħu kontra d-debitur tkun ibbażata fuq sentenza jew fuq raġunijiet oħrajn għall-eżekuzzjoni, fuq impenn iffirmat mid-debitur, li mhuwiex ikkontestat mid-debitur b’ġustifikazzjoni ovvja, jew hija ċara b’xi mod ieħor. L-ammont mitlub ma għandux bżonn ikun skadut. Hemm restrizzjonijiet fuq talbiet għall-falliment li jsiru fuq il-bażi ta’ pretensjonijiet insinifikanti u f’każijiet li fihom il-kreditur ikollu garanzija għall-pretensjoni.

Il-falliment jibda meta l-qorti tiddikjara d-debitur fallut. Fl-istess ħin, il-qorti taħtar amministratur tal-patrimonju. Malli jibda l-falliment, id-debitur jitlef l-awtorità tiegħu fuq l-assi tal-patrimonju tal-insolvenza.

Huwa d-dmir tal-amministratur tal-patrimonju li jinforma lill-kredituri dwar il-bidu tal-proċedimenti ta’ falliment. Kwalunkwe kreditur barrani, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċedimenti ta’ insolvenza, irid jiġi infurmat kif meħtieġ fir-Regolament.

Avviż dwar il-bidu tal-proċedimenti ta’ falliment jiġi ppubblikat ukoll, pereżempju, fir-Reġistru dwar il-Fallimenti u r-Riorganizzazzjonijiet, fir-Reġistru Kummerċjali, fir-Reġistru tat-Titoli u tal-Ipoteki, fir-Reġistru tal-Vapuri, fir-Reġistru tal-Vapuri li qed Jinbnew, fir-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru, fir-Reġistru tal-Ipoteki tal-Intrapriżi, fir-Reġistru tad-Data dwar il-Vetturi u s-Sewwieqa u fir-Reġistru tal-Entrati fil-Kotba.

Deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali (käräjäoikeus) dwar ordni ta’ falliment jew ċaħda ta’ talba ta’ falliment tista’ tiġi appellata quddiem qorti tat-tieni istanza.

Ristrutturar

Talba għall-proċedimenti ta’ ristrutturar tista’ tiġi ppreżentata mid-debitur jew minn kreditur. Il-proċedimenti ta’ ristrutturar mibdija minn kreditur ma jeħtiġux il-kunsens tad-debitur. Il-parti l-kbira tat-talbiet jiġu ppreżentati mid-debitur.

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar jistgħu jinfetħu jekk id-debitur ikun insolventi u ma jkun hemm ebda ostaklu legali għall-bidu tal-proċedimenti. Ostaklu jeżisti, pereżempju, meta jkun probabbli li l-programm ta’ ristrutturar ma jkunx se jirrimedja l-insolvenza jew li l-assi tad-debitur mhumiex biżżejjed sabiex ikopru l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ ristrutturar. Il-proċedimenti ta’ ristrutturar jistgħu jinfetħu wkoll meta d-debitur ikun qiegħed jaffaċċja insolvenza imminenti. Il-proċedimenti ta’ ristrutturar ibbażati fuq insolvenza imminenti jistgħu jinfetħu bit-talba ta’ kreditur biss jekk il-pretensjoni tkun tikkonċerna interess finanzjarju konsiderevoli. Barra minn hekk, il-proċedimenti ta’ ristrutturar jistgħu jinfetħu minn tal-inqas żewġ kredituri li l-pretensjonijiet totali tagħhom jirrappreżentaw tal-inqas għoxrin fil-mija tad-djun magħrufin tad-debitur, u dawn jippreżentaw talba konġunta mad-debitur jew jiddikjaraw li jappoġġaw it-talba tad-debitur.

Il-konsegwenzi legali tal-bidu tal-proċedimenti ta’ ristrutturar jidħlu fis-seħħ b’mod awtomatiku mid-data tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedimenti. Wara l-preżentazzjoni tat-talba, il-qorti, fuq talba tal-petizzjonant jew tad-debitur, tista’ tordna sabiex jidħlu fis-seħħ interdizzjoni tal-ħlas lura tad-djun u l-forniment ta’ garanzija għad-djun, interdizzjoni tal-ġbir tad-djun, jew interdizzjoni ta’ sekwestru jew miżuri ta’ eżekuzzjoni oħrajn qabel il-ftuħ tal-proċedimenti.

Huwa d-dmir tal-prattikant fl-insolvenza li jinforma lill-kredituri dwar il-bidu tal-proċedimenti ta’ falliment. Il-bidu tal-proċedimenti ta’ ristrutturar irid jiġi nnotifikat lil ċerti awtoritajiet ukoll, u barra minn hekk, trid tiddaħħal entrata, pereżempju, fir-Reġistru dwar il-Fallimenti u r-Riorganizzazzjonijiet, fir-Reġistru Kummerċjali u fir-Reġistru tat-Titoli u tal-Ipoteki.

Deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali dwar il-bidu ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar jew ċaħda ta’ talba għal proċedimenti ta’ ristrutturar tista’ tiġi appellata quddiem qorti tat-tieni istanza.

Aġġustament tad-djun

Każ ta’ aġġustament tad-djun isir pendenti sakemm id-debitur jippreżenta talba. Il-bidu tal-proċedimenti ta’ aġġustament tad-djun jeħtieġ li d-debitur ikun insolventi u bl-ebda mod raġonevoli ma jista’ jtejjeb il-ħila tiegħu li jħallas sabiex ikun jista’ jifdi d-djun tiegħu. Ir-raġuni ewlenija għall-insolvenza trid tkun tnaqqis essenzjali fil-ħila tad-debitur li jħallas, minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi li mhijiex primarjament tort tad-debitur, bħal mard. L-aġġustament tad-djun jista’ jingħata wkoll jekk ikun hemm raġuni tajba oħra għall-aġġustament tad-djun fid-dawl tal-ammont tad-djun u ta’ obbligazzjonijiet oħrajn tad-debitur fir-rigward tal-ħila tiegħu li jħallashom. Meta tiġi vvalutata l-ħila tad-debitur li jħallas, jittieħdu f’kunsiderazzjoni, pereżempju, l-assi, l-introjtu u l-potenzjal ta’ qligħ tad-debitur.

Ma jistax ikun hemm impediment fil-liġi għall-proċedimenti ta’ aġġustament tad-djun (eż. dejn imġarrab minħabba reat jew tiġrib traskurat u irresponsabbli tad-dejn). Madankollu, l-aġġustament tad-djun jista’ jingħata minkejja impediment ġenerali jekk ikun hemm raġuni tajba sabiex isir hekk. F’dawn il-każijiet, trid tingħata attenzjoni partikolari għall-miżuri meħudin mid-debitur sabiex iħallas lura d-djun tiegħu, kemm ilhom skaduti l-ammonti mitlubin u ċirkustanzi oħrajn tad-debitur, kif ukoll is-sinifikat tal-aġġustament tad-djun kemm f’termini tad-debitur kif ukoll tal-kredituri.

L-aġġustament tad-djun ma jistax jingħata jekk id-debitur ma jkollux fondi disponibbli għal raġuni li titqies temporanja jew jekk id-debitur għal tali raġuni ma jkunx jista’ jkopri aktar minn parti insinifikanti tad-djun tiegħu bil-fondi disponibbli tiegħu.

L-effetti legali tal-bidu tal-aġġustament tad-djun jidħlu fis-seħħ b’mod awtomatiku mid-data tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedimenti. Wara l-preżentazzjoni tat-talba, il-qorti, fuq talba tad-debitur, tista’ tordna sabiex jidħlu fis-seħħ interdizzjoni tal-ħlas lura tad-djun u l-forniment ta’ garanzija għad-djun, jew il-ġbir tad-djun, jew sekwestru u miżuri ta’ eżekuzzjoni oħrajn qabel il-ftuħ tal-proċedimenti.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Falliment

L-assi li d-debitur ikollu fil-bidu tal-falliment u l-assi li d-debitur jikseb qabel il-konklużjoni tal-falliment ikunu parti mill-assi tal-patrimonju tal-insolvenza. Ir-rikavat tal-assi tal-patrimonju tal-insolvenza, kif ukoll l-assi li jistgħu jiġu rkuprati favur il-patrimonju skont l-Att dwar l-Irkupru tal-Assi għall-Patrimonji tal-Falliment (Laki takaisinsaannista konkurssipesään 758/1991) jew fuq xi bażi oħra huma wkoll assi tal-patrimonju tal-insolvenza.

Bħala regola ġenerali, assi mhux sekwestrabbli ma jkunux parti mill-patrimonju tal-insolvenza. Barra minn hekk, l-assi miksubin jew l-introjtu ggwadanjat minn persuna fiżika wara l-bidu tal-falliment mhumiex assi tal-patrimonju tal-insolvenza tagħha.

Ristrutturar

Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar, jitfassal programm ta’ ristrutturar għad-debitur. Il-programm irid jinkludi, pereżempju, rendikont tal-istat finanzjarju tad-debitur, jiġifieri l-assi, l-obbligazzjonijiet u l-impenji l-oħrajn tiegħu. Il-programm ta’ ristrutturar irid jiġi abbozzat fuq il-bażi tal-assi totali tad-debitur matul il-proċedimenti. L-irkupru huwa possibbli wkoll: tranżazzjoni li tista’ tiġi rkuprata favur patrimonju tal-insolvenza tista’ tkun meħtieġa titreġġa’ lura fil-proċedimenti ta’ ristrutturar għall-istess raġunijiet bħal fil-każ ta’ falliment.

Għad li f’ċirkustanzi eċċezzjonali huwa possibbli li l-programm ta’ ristrutturar jiġi emendat wara l-approvazzjoni tiegħu, l-ammonti ta’ pagamenti li jridu jsiru lil kull kreditur ma jistgħux jibqgħu jiżdiedu billi jiġi emendat il-programm. Madankollu, assi ttrasferiti lid-debitur wara l-approvazzjoni tal-programm ta’ ristrutturar jistgħu jipprovdu raġunijiet għall-kredituri sabiex jitolbu pagamenti supplimentari mingħand id-debitur. Id-debitur jista’ jiġi ordnat jagħmel ħlasijiet supplimentari speċifikati fil-programm jekk l-istat tal-finanzi tad-debitur jitqies li jkun aħjar minn kif kien meta tħejja l-programm. Tista’ tiġi ppreżentata talba għal pagamenti supplimentari jekk ikun hemm raġunijiet biex jintalbu pagamenti bħal dawn. It-talba trid tiġi ppreżentata l-qorti sa mhux aktar tard minn sena wara l-preżentazzjoni tar-rapport finali lill-qorti.

Aġġustament tad-djun

Fl-aġġustament tad-djun, tiġi kkonfermata għad-debitur skeda ta’ ħlasijiet korrispondenti għall-ħila tad-debitur li jħallas. Meta tiġi vvalutata l-ħila tad-debitur li jħallas, il-fatturi li jridu jingħataw kunsiderazzjoni jinkludu l-fondi mil-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur, l-introjtu u l-potenzjal ta’ qligħ tad-debitur, l-ispejjeż tal-għajxien neċessarji u l-obbligazzjoni ta’ manteniment. Fl-aġġustament tad-dejn, l-introjtu kollu tad-debitur li jaqbeż l-ispejjeż tal-għajxien meħtieġa u l-obbligazzjoni ta’ manteniment tiegħu jintuża biex ikopri d-djun, kif ukoll l-assi l-oħra tiegħu li ma jkunux fost il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom. L-assi kkunsidrati bħala ħtiġijiet bażiċi jinkludu d-dar okkupata mid-debitur bħala sidha, l-għamara tad-dar, sa kemm ikun raġonevoli, u l-effetti personali u l-għodod tax-xogħol tad-debitur, sa kemm ikunu raġonevolment meħtieġa. L-assi li huma kkunsidrati bħala n-neċessitajiet bażiċi tad-debitur jistgħu jiġu likwidati biss fil-każijiet stipulati mil-liġi.

Barra minn hekk, l-iskeda ta’ ħlasijiet tista’ tobbliga lid-debitur jagħmel pagamenti supplimentari minħabba introjtu jew assi addizzjonali rċevuti mid-debitur matul l-iskeda ta’ ħlasijiet. Id-debitur obbligat iħallas lill-kredituri ċertu porzjon minn kwalunkwe donazzjoni u pagament ta’ darba ieħor li jirċievi d-debitur matul l-iskeda ta’ ħlasijiet. Meta l-introjtu tad-debitur jaqbeż l-introjtu stabbilit għall-iskeda ta’ ħlasijiet, id-debitur jista’ jiġi ordnat iħallas ċertu sehem mill-introjtu addizzjonali lill-kredituri.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Falliment

Dikjarazzjoni ta’ falliment hija każ li jrid jiġi ddeterminat minn qorti. Il-qorti taħtar amministratur tal-patrimonju wkoll. Persuna tista’ tinħatar bħala amministratur tal-patrimonju, jekk tagħti l-kunsens tagħha għall-ħatra, ikollha l-kapaċità, il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa għall-kariga, u tkun xierqa wkoll minn aspetti oħra. L-amministratur tal-patrimonju ma jridx ikollu relazzjoni mad-debitur jew mal-kreditur li tixħet f’riskju l-indipendenza tal-amministratur tad-debitur jew l-imparzjalità lejn il-kredituri, jew il-ħila tiegħu li jwettaq il-kompitu kif xieraq. Persuna ġuridika ma tistax tinħatar bħala amministratur tal-patrimonju.

L-amministratur tal-patrimonju għandu rwol ċentrali fl-amministrazzjoni ta’ patrimonju f’falliment. Id-dmirijiet tal-amministratur tal-patrimonju jinkludu r-rappreżentanza tal-patrimonju tal-insolvenza, l-inkarigu tal-ġestjoni attwali tal-patrimonju, it-tfassil tal-inventarju tal-patrimonju u tad-deskrizzjoni tad-debitur, ir-riċeviment tal-preżentata tal-pretensjonijiet, u t-tfassil tal-abbozz tal-lista tal-iżborż u tal-lista tal-iżborż finali. L-amministratur tal-patrimonju huwa inkarigat ukoll mill-ġestjoni u mill-bejgħ tal-assi li jappartjenu għall-patrimonju u mill-iżborż tal-fondi.

Malli jibda l-falliment, id-debitur jitlef l-awtorità tiegħu fuq l-assi tal-patrimonju tal-insolvenza. Id-debitur għandu l-obbligu li jikkoopera sabiex il-proċedimenti ta’ falliment ikunu jistgħu jiġu konklużi. Id-debitur irid jiddivulga informazzjoni lill-amministratur tal-patrimonju skont kif ikun neċessarju għat-tħejjija tal-inventarju tal-patrimonju u għall-attestazzjoni tal-inventarju tal-patrimonju. Id-debitur għandu d-dritt li jirċievi informazzjoni dwar il-patrimonju, jattendi l-laqgħat tal-kredituri, u jesprimi opinjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mad-deċiżjoni.

Ristrutturar

Malli jinfetħu l-proċedimenti għar-ristrutturar ta’ intrapriża, il-qorti taħtar prattikant fl-insolvenza. Il-prattikant fl-insolvenza jrid ikun adult, magħruf li huwa onest, mhux fallut u jkollu kompetenza legali sħiħa. Din il-persuna jrid ikollha l-kapaċità, il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa għall-kariga. Il-prattikant fl-insolvenza ma jridx ikollu relazzjoni mad-debitur jew ma’ xi wieħed mill-kredituri li tista’ tikkomprometti l-indipendenza tiegħu mid-debitur jew l-imparzjalità tiegħu lejn il-kredituri. Persuna ġuridika ma tistax tinħatar bħala prattikant fl-insolvenza.

Il-prattikant fl-insolvenza huwa responsabbli għall-ilħuq tal-fini tal-proċedimenti ta’ ristrutturar u għall-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri. Il-prattikant fl-insolvenza jfassal rapport dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet tad-debituri u proposta għal programm ta’ ristrutturar (xi partijiet oħrajn, bħad-debitur, huma intitolati wkoll ifasslu l-proposta tagħhom għal programm ta’ ristrutturar). Il-prattikant fl-insolvenza jissorvelja wkoll l-attivitajiet tad-debitur.

Il-qorti tista’ taħtar kumitat ta’ kredituri sabiex jirrappreżenta lill-kredituri u jaġixxi bħala korp konsultattiv li jassisti lill-prattikant fl-insolvenza fit-twettiq ta’ dmirijietu. Kumitat ma jinħatarx jekk dan jitqies li mhuwiex neċessarju minħabba n-numru żgħir ta’ kredituri jew għal xi raġuni oħra.

Id-debitur jibqa’ jgawdi l-awtorità fuq l-assi u fuq l-attivitajiet tiegħu, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi. Madankollu, wara l-bidu tal-proċedimenti, id-debitur ma jkunx jista’, pereżempju, jidħol f’dejn ġdid mingħajr il-kunsens tal-prattikant fl-insolvenza, sakemm id-dejn ma jkunx marbut mal-attivitajiet regolari tad-debitur u l-ammont u l-patti tiegħu ma jkunux anormali. Fuq it-talba tal-prattikant fl-insolvenza jew ta’ kreditur, l-awtorità tad-debitur tista’ tiġi ristretta b’modi oħrajn ukoll, jekk ikun hemm riskju li d-debitur jaġixxi b’mod li jkun ta’ ħsara jew li jixħet f’riskju l-interessi tal-kreditur. Id-debitur huwa meħtieġ jikkoopera mal-qorti, mal-prattikant fl-insolvenza u mal-kumitat tal-kredituri u jipprovdilhom informazzjoni.

Id-debitur għandu jibqa’ intitolat li jeżerċita d-dritt ta’ azzjoni tiegħu fi proċeduri pendenti jew futuri tal-qorti, sakemm il-prattikant fl-insolvenza ma jiddeċidix li jimpenja ruħu li jeżerċita d-dritt ta’ azzjoni tad-debitur.

Aġġustament tad-djun

Il-qorti tista’ taħtar prattikant fl-insolvenza għall-aġġustament tad-djun, meta jitqies li jkun hemm bżonn għall-iċċarar tal-istatus finanzjarju tad-debitur, għal-likwidazzjoni tal-assi tiegħu jew għal xi raġuni oħra għat-twettiq tal-aġġustament tad-djun. Il-prattikant fl-insolvenza jrid ikun adult, magħruf li huwa onest, lest jagħti l-kunsens tiegħu għall-ħatra, mhux fallut u jkollu kompetenza legali sħiħa. Din il-persuna jrid ikollha l-kapaċità, il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa għall-kariga. Il-prattikant fl-insolvenza ma jridx ikollu relazzjoni mad-debitur jew ma’ xi wieħed mill-kredituri li tista’ tikkomprometti l-indipendenza tiegħu mid-debitur jew l-imparzjalità tiegħu lejn il-kredituri. Persuna ġuridika ma tistax tinħatar bħala prattikant fl-insolvenza.

Id-dmir tal-prattikant fl-insolvenza, jekk jinħatar wieħed, huwa li jfassal l-abbozz tal-iskeda ta’ ħlasijiet u jwettaq id-dmirijiet l-oħrajn imposti mill-qorti fuq il-prattikant fl-insolvenza. Meta jfassal l-abbozz tal-iskeda ta’ ħlasijiet, il-prattikant fl-insolvenza jrid jinnegozja mad-debitur u mal-kredituri u jipprovdilhom l-informazzjoni neċessarja dwar l-aġġustament tad-djun, kif ukoll jirriżervalhom opportunità li jippreżentaw dikjarazzjoni dwar it-talba u dwar l-abbozz tal-iskeda ta’ ħlasijiet. Il-prattikant fl-insolvenza jista’ jinħatar ukoll sabiex jamministra l-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur, kif ukoll sabiex jgħaddi l-fondi tal-likwidazzjoni lill-kredituri. Jekk ma jinħatar ebda prattikant fl-insolvenza, id-debitur ikun responsabbli sabiex ifassal abbozz tal-iskeda ta’ ħlasijiet. Il-bidu ta’ dikjarazzjoni ta’ aġġustament tad-djun hija każ li jrid jiġi ddeterminat minn qorti. Il-qorti hija responsabbli wkoll sabiex tikkonferma l-iskeda ta’ ħlasijiet.

Id-debitur iżomm it-titolu u d-dritt ta’ pussess għall-assi tiegħu. Madankollu, l-assi kollha tad-debitur li mhumiex ikkunsidrati bħala neċessitajiet bażiċi jintużaw biex ikopru d-djun. Id-debitur huwa meħtieġ jipprovdi lill-qorti, lill-kredituri u, jekk jinħatar, lill-prattikant fl-insolvenza, bl-informazzjoni neċessarja kollha dwar kwistjonijiet rilevanti għall-aġġustament tad-djun. Id-debitur għandu wkoll id-dmir li jikkoopera fl-implimentazzjoni tal-aġġustament tad-dejn b’mod xieraq.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija ?

Falliment

Soġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, il-kreditur għandu d-dritt li juża pretensjoni fi proċediment ta’ falliment għal tpaċija kontra dejn dovut lid-debitur fil-bidu tal-falliment, anki jekk id-dejn dovut lid-debitur jew il-pretensjoni ma jkunx għadu wasal żmienu. Id-dritt ta’ tpaċija ma japplikax għal pretensjoni li ma tintitolax lill-kreditur għal ħlas mill-patrimonju tal-insolvenza, u lanqas għal pretensjoni meqjusa inferjuri għal pretensjonijiet oħrajn. Il-kreditur għandu dmir li jforni l-informazzjoni dwar pretensjoni li tkun se tintuża għal tpaċija.

Ristrutturar

Minkejja interdizzjoni tal-ġbir tad-dejn, kreditur ikollu d-dritt li jpaċi pretensjoni kontra dejn dovut lid-debitur fil-bidu tal-proċedimenti bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk fil-proċedimenti ta’ falliment. L-avviż tat-tpaċija jrid jiġi nnotifikat lill-prattikant fl-insolvenza wkoll.

Id-dritt ta’ tpaċija ma japplikax għal tpaċija minn istituzzjoni tal-kreditu kontra fondi li d-debitur ikollu ddepożitati fl-istituzzjoni meta l-interdizzjoni tal-ġbir tidħol fis-seħħ jew wara, jew għal fondi li jkunu fl-istituzzjoni ta’ kreditu f’dak iż-żmien għal trasferiment fil-kont tad-debitur, meta l-kont ikun jista’ jintuża għal pagamenti.

Aġġustament tad-djun

Wara l-bidu tal-aġġustament tad-djun, ma tista’ tiġi ordnata l-ebda miżura li tobbliga lid-debitur jiġbor dejn soġġett għal sospensjoni fuq il-ħlasijiet jew jiggarantixxi l-ħlas tiegħu. Is-sospensjoni tal-ġbir tinkludi wkoll it-tpaċija bejn ir-riċevibbli tad-debitur u d-djun lill-kreditur. Madankollu, din is-sospensjoni ma tapplikax għat-tpaċija ta’ taxxi.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Bħala regola ġenerali, kuntratti li ma jinvolvux riċevibbli soġġetti għall-proċediment ta’ insolvenza jibqgħu validi u l-istess fit-tipi kollha ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

Falliment

Jekk, fil-bidu tal-falliment, id-debitur ma jkunx eżegwixxa kuntratt li jkun parti għalih, il-parti kontraenti l-oħra trid titlob dikjarazzjoni ta’ jekk il-patrimonju tal-insolvenza huwiex se jieħu impenn għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Jekk il-patrimonju jiddikjara li se jieħu impenn għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, u jiddepożita garanzija aċċettabbli għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-kuntratt ma jistax jiġi tterminat. Madankollu, il-parti kontraenti l-oħra tista’ tittermina l-kuntratt jekk il-kuntratt ikun ta’ xorta personali, jew jekk ikun hemm raġuni speċjali oħra għaliex ma jista’ jkun hemm ebda rekwiżit ieħor sabiex il-parti l-oħra tibqa’ taħt kuntratt mal-patrimonju tal-insolvenza.

Jekk min iħaddem jiġi ddikjarat fallut, il-kuntratt ta’ impjieg jista’ jitwaqqaf minn kwalunkwe parti irrispettivament mid-durata tagħha. Il-perjodu ta’ preavviż huwa ta’ 14-il jum irrispettivament minn dak li kien ikun normalment. Il-ħlas dovut għall-perjodu ta’ falliment jitħallas mill-patrimonju tal-insolvenza.

Il-proprjetà tal-insolvenza hija wkoll responsabbli għall-kera li tirriżulta minn ftehim ta’ kiri kummerċjali għal kwalunkwe perjodu li matulu tuża l-bini, anke jekk ma tkunx assumiet ir-responsabbiltà għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim tal-kera. Jekk il-patrimonju ma jkunx ħabbar, f’limitu ta’ żmien ta’ mhux inqas minn xahar stabbilit minn sid il-kera, li jkun se jassumi r-responsabbiltà għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim tal-kera wara l-bidu tal-falliment, sid il-kera jkollu d-dritt li jħassar il-kuntratt tal-kiri.

Jekk, skont kuntratt ta’ ċessjoni ta’ assi mobbli, terminu li jikkonċerna r-ritenzjoni ta’ titolu jew ir-ripussess jiskadi meta jitħallas il-prezz tax-xiri, il-patrimonju tal-insolvenza għandu d-dritt jikkonkludi l-kuntratt b’avviż lill-bejjiegħ u bil-ħlas tal-prezz tax-xiri, flimkien ma’ kull imgħax dovut, skont it-termini oriġinali. L-avviż irid jingħata u l-prezz jitħallas fi żmien raġonevoli wara li l-bejjiegħ ikun talab il-ħlas jew ir-ritorn tal-assi.

Tranżazzjoni individwali tista’ tiġi annullata fuq il-bażi ta’ raġuni għall-irkupru msemmija fl-Att dwar l-Irkupru tal-Assi għall-Patrimonju tal-Falliment.

Ristrutturar

Il-bidu tal-proċedimenti ta’ ristrutturar ma għandu ebda effett fuq l-impenji eżistenti tad-debitur, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi.

Ftehim ta’ lokazzjoni jew ta’ lokazzjoni ta’ kreditu li bih id-debitur ikun il-lokatarju jista’ jiġi tterminat mid-debitur sabiex jintemm xahrejn wara li tiġi nnotifikata t-terminazzjoni, minkejja kwalunkwe terminu fil-ftehim dwar id-durata tal-ftehim jew in-notifika.

Persuna li qabel il-bidu tal-proċedimenti tkun intrabtet bi prestazzjoni kuntrattwali favur id-debitur iżda ma li tkunx lestiet il-prestazzjoni qabel il-bidu tal-proċedimenti, tkun intitolata għal kumpens għall-prestazzjoni tagħha, jekk il-prestazzjoni tkun tista’ titqies bħala parti regolari mill-attivitajiet tad-debitur. Jekk il-kwistjoni tikkonċerna tip ieħor ta’ kuntratt konkluż qabel il-bidu tal-proċedimenti u jekk id-debitur fi żmien il-bidu tal-proċedimenti ma jkunx issodisfa l-obbligu ta’ ħlas tiegħu skont il-kuntratt, il-prattikant fl-insolvenza, fuq it-talba tal-parti l-oħra, jiddikjara jekk id-debitur ikunx se jirrispetta l-parti tiegħu tal-kuntratt. Jekk it-tweġiba hija negattiva jew jekk din ma tingħatax fi żmien raġonevoli, il-parti l-oħra jkollha d-dritt li tħassar il-ftehim.

Ftehim li bih id-debitur jagħmel pagament fuq il-bażi ta’ dejn ta’ ristrutturar jew b’rabta miegħu huwa null, sakemm l-obbligu li jagħmel il-pagament ma jkunx ibbażat fuq il-programm ta’ ristrutturar approvat.

Jekk impjegatur ikun soġġett għall-proċedura ta’ ristrutturar, l-impjegatur ikun intitolat itemm il-kuntratt ta’ impjieg indipendentement mid-durata tiegħu b’avviż minn xahrejn qabel b’ċerti kundizzjonijiet.

Tranżazzjoni li tista’ titreġġa’ lura jekk tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal falliment minflok applikazzjoni għal ristrutturar tista’ titreġġa’ lura wara talba mill-kreditur fil-proċedimenti ta’ ristrutturar għall-istess raġunijiet bħal dawk stipulati fl-Att dwar l-Irkupru tal-Assi għall-Patrimonji tal-Falliment.

Aġġustament tad-djun

Id-debitur huwa intitolat itemm kuntratt ta’ lokazzjoni jew ftehim ieħor meta d-debitur ikun il-lokatarju, jew kuntratt tal-konsumatur jew ftehim ta’ lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri, b’avviż minn xahrejn qabel.

Id-debitur irid iċedi l-assi miksuba fuq il-bażi ta’ pagament parzjali jew skema ta’ lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri li ma jkunux fost il-ħtiġijiet bażiċi tiegħu.

Ftehim li bih id-debitur ikun meħtieġ jagħmel pagament fuq il-bażi ta’ aġġustament tad-djun jew b’rabta ma’ aġġustament tad-djun huwa null, sakemm l-obbligu li jagħmel il-pagament ma jkunx ibbażat fuq l-iskeda ta’ pagament approvata jew fuq il-liġi.

Persuna li qabel il-bidu tal-proċedimenti tkun intrabtet bi prestazzjoni kuntrattwali favur id-debitur iżda ma li tkunx lestiet il-prestazzjoni qabel il-bidu tal-proċedimenti, tkun intitolata għal kumpens għall-prestazzjoni tagħha, jekk il-prestazzjoni tkun tista’ titqies bħala parti regolari mill-attivitajiet tad-debitur.

Tranżazzjoni li tista’ titreġġa’ lura jekk tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal falliment minflok applikazzjoni għal aġġustament tad-djun tista’ titreġġa’ lura fuq it-talba tal-kreditur fil-proċedimenti ta’ aġġustament tad-djun għall-istess raġunijiet bħal dawk stipulati fl-Att dwar l-Irkupru tal-Assi għall-Patrimonji tal-Falliment.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Falliment

Wara l-bidu tal-falliment, ma tistax tinfetaħ kawża kontra l-patrimonju tal-insolvenza għall-fini ta’ kisba ta’ raġuni għall-eżekuzzjoni li tikkonċerna pretensjoni f’falliment, u ma tista’ titwettaq l-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni fuq l-assi tal-patrimonju tal-insolvenza għall-ġbir ta’ pretensjoni f’falliment. Madankollu, kreditur protett b’kollateral jista’ jiftaħ kawża għall-ġbir fuq il-pretensjoni mill-kollateral.

Ristrutturar

Bħala regola, wara l-bidu ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar, id-debitur ikun suġġett għal interdizzjoni tar-ripagamenti u l-kredituri jkunu suġġetti għal interdizzjoni għall-ġbir tad-dejn. L-ebda miżura ma tista’ tkun indirizzata lid-debitur sabiex jiġbor dejn ta’ ristrutturar jew sabiex jiżgura l-ħlas tiegħu. F’ċerti każijiet, kreditur garantit jista’ jitlob lill-qorti tagħti lill-kreditur il-permess sabiex juża l-garanzija bl-għan li jikseb pagament. Dan jista’ jkun possibbli, pereżempju, jekk ikun ċar li, fid-dawl tal-arranġamenti ta’ ristrutturar, ma jkunx hemm bżonn li l-proprjetà miżmuma bħala garanzija tibqa’ fil-pussess tad-debitur.

Bħala regola ġenerali, wara li jinbdew il-proċedimenti, ma jistgħux jiġu ordnati miżuri ta’ prekawzjoni bbażati fuq deċiżjonijiet uffiċjali kontra d-debitur.

Aġġustament tad-djun

Bħal fil-proċedimenti ta’ ristrutturar, fil-proċedimenti ta’ aġġustament tad-djun, il-kreditur huwa soġġett għal sospensjoni fuq il-ġbir tad-dejn. Meta dejn ikun jaqa’ taħt l-ambitu tas-sospensjoni fuq il-ħlasijiet, ma tista’ tiġi ordnata l-ebda miżura li tobbliga lid-debitur jiġbor dejn suġġett għall-pagament jew jiggarantixxi l-ħlas tiegħu. Barra minn hekk, il-penali għall-ħlas tardiv ma japplikawx għad-debitur. Madankollu, f’ċerti każijiet, kreditur garantit jista’ jitlob sabiex il-qorti tagħti lill-kreditur il-permess sabiex juża l-garanzija bl-għan li jikseb pagament. Dan jista’ jkun possibbli, pereżempju, jekk l-assi li jservu bħala l-kollateral ma jitqisux li huma neċessitajiet bażiċi tad-debitur jew jekk id-debitur ma jkollux bżonn l-assi sabiex iwettaq in-negozju tiegħu.

Il-kreditur jista’ jiftaħ kawża jew iniedi proċedimenti oħrajn sabiex iżomm id-dritt tiegħu ta’ eżekuzzjoni jew ta’ kisba ta’ bażi għall-eżekuzzjoni. Bħala regola ġenerali, minkejja d-dispożizzjonijiet dwar l-interdizzjonijiet relatati mal-bidu tal-aġġustament tad-djun, il-kreditur jista’ jitlob ukoll ordni għal miżuri ta’ prekawzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ ordni bħal din.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Falliment

Malli jibda l-falliment, id-debitur jitlef l-awtorità tiegħu fuq l-assi tal-patrimonju tal-insolvenza favur l-amministratur tal-patrimonju. B’konsegwenza ta’ dan, il-patrimonju tal-insolvenza jkollu d-dritt li jassumi l-istatus ta’ parti fi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza: trid tiġi riżervata l-opportunità li l-patrimonju jkompli l-proċeduri pendenti tal-qorti bejn id-debitur u partijiet terzi li jikkonċernaw l-assi tal-patrimonju tal-insolvenza. Jekk il-patrimonju ma jużax din l-opportunità, id-debitur jista’ jkompli l-proċedimenti.

Trid tiġi riżervata l-opportunità li l-patrimonju tal-insolvenza jkompli l-proċeduri tal-qorti li jikkonċernaw pretensjoni pendenti f’falliment kontra d-debitur. Jekk il-patrimonju jonqos milli jwieġeb għall-azzjoni, u d-debitur ma jkunx lest li jkompli l-proċedimenti, ir-rikorrent jista’ jitlob li l-każ jiġi deċiż.

Ristrutturar

Id-debitur jista’ jibqa’ jeżerċita d-dritt ta’ azzjoni tiegħu fi proċeduri tal-qorti jew fi proċedimenti korrispondenti meta jkun parti, sakemm il-prattikant fl-insolvenza ma jiddeċidix li jieħu impenn li jeżerċita d-dritt ta’ azzjoni tad-debitur. Tapplika l-istess dispożizzjoni għal proċeduri tal-qorti jew għal proċedimenti oħrajn li jsiru pendenti wara l-bidu tal-proċedimenti ta’ ristrutturar.

Il-prattikant fl-insolvenza għandu d-dritt li jippreżenta pretensjonijiet u li jiftaħ proċedimenti l-qorti jew proċedimenti korrispondenti oħrajn f’isem id-debitur, kif ukoll li jeżerċita d-dritt ta’ azzjoni tad-debitur fil-proċedimenti. Barra minn hekk, il-prattikant fl-insolvenza jista’ jaċċetta n-notifika f’isem id-debitur.

Aġġustament tad-djun

Il-bidu tal-aġġustament tad-djun ma għandux effett fuq il-proċeduri pendenti tal-qorti, jew fuq id-dritt ta’ azzjoni tad-debitur fil-proċedimenti.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Falliment

Il-kreditur jista’ japplika għal dikjarazzjoni ta’ falliment.

Fil-proċedimenti ta’ falliment, il-kredituri jeżerċitaw awtorità suprema. L-awtorità fil-patrimonju tal-insolvenza tista’ tiġi eżerċitata mill-kredituri dment li l-liġi ma tistipulax li l-kwistjoni trid tiġi deċiża jew ittrattata mill-amministratur tal-patrimonju. Barra minn hekk, il-kredituri jistgħu jżommu l-awtorità fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-amministrazzjoni attwali tal-patrimonju, jew jiddelegaw l-awtorità tagħhom lill-amministratur tal-patrimonju. L-awtorità tal-kredituri f’falliment tibda meta jibda l-falliment u tintemm meta jintemm il-falliment.

Id-dritt ta’ eżerċitar tal-awtorità tal-kredituri jappartjeni għal dawk il-kredituri li għandhom pretensjoni fi proċedimenti ta’ falliment kontra d-debitur u li ppreżentaw il-pretensjoni tagħhom. Wara d-data ta’ preżentazzjoni, id-dritt jappartjeni biss lil dawk il-kredituri li jkunu ppreżentaw it-talba tagħhom jew li t-talba tagħhom tista’ b’xi mod ieħor titqies fil-lista ta’ żborż, kif ukoll lill-kredituri protetti minn kollateral li jkunu ppreżentaw kont tal-pretensjoni tagħhom.

L-iktar korp importanti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet huwa l-laqgħa tal-kredituri, iżda jistgħu jiġu applikati wkoll proċeduri oħrajn għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-kredituri jistgħu jistabbilixxu wkoll kumitat tal-kredituri biex jaġixxi bħala korp għan-negozjati u korp ta’ kollegament bejn l-amministratur tal-patrimonju u l-kredituri. Is-setgħat tal-vot tal-kredituri jiġu ddeterminati fuq il-bażi tal-pretensjoni attwali tagħhom fil-falliment. Id-deċiżjoni tal-laqgħa tal-kredituri tkun ikkostitwita mill-opinjoni li jkollha l-appoġġ ta’ dawk il-kredituri li s-setgħa tal-vot totali tagħhom tkun iktar minn nofs dik tal-kredituri kollha li jieħdu sehem fil-vot. Fi proċeduri alternattivi għat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-voti jingħaddu fuq il-bażi tas-setgħat tal-vot tal-kredituri li jesprimu pożizzjoni.

Ristrutturar

Il-kreditur jista’ japplika għal proċedimenti ta’ ristrutturar.

Jista’ jinħatar kumitat tal-kredituri bħala r-rappreżentant konġunt tal-kredituri. Il-kumitat jirrappreżenta lill-gruppi kollha tal-kredituri, u d-dmirijiet tiegħu huma li jassisti lill-prattikant fl-insolvenza fl-eżekuzzjoni ta’ dmirijietu u li jissorvelja l-attivitajiet tal-prattikant fl-insolvenza għan-nom tal-kredituri. Il-kumitat jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ maġġoranza sempliċi.

Meta jħejji l-abbozz tal-programm ta’ ristrutturar, il-prattikant fl-insolvenza jrid jinnegozja mal-kumitat tal-kredituri u, jekk ikun hemm bżonn, mal-kredituri individwali. Barra minn hekk, il-kredituri jew il-gruppi ta’ kredituri li t-talbiet tagħhom jaqbżu l-limitu stabbilit mil-liġi huma intitolati li jipproponu abbozz tal-programm ta’ ristrutturar. Ladarba jitfassal l-abbozz tal-programm ta’ ristrutturar, dan jingħadda lill-kredituri għall-approvazzjoni. F’każ li ma jkun hemm ebda ostaklu għall-approvazzjoni tal-programm, il-programm jista’ jiġi approvat bl-aċċettazzjoni tal-kredituri kollha, bl-aċċettazzjoni tal-maġġoranzi fil-gruppi ta’ kredituri u, f’ċerti ċirkustanzi, anki mingħajr l-aċċettazzjoni tal-maġġoranza fil-gruppi ta’ kredituri kollha.

Aġġustament tad-djun

Il-kreditur ma jistax japplika għal aġġustament tad-djun ta’ individwu privat. Madankollu, bħala regola ġenerali, qabel ma jippreżenta talba għall-aġġustament tad-djun, id-debitur irid jiddetermina jekk hemmx possibbiltà li jinnegozja soluzzjoni mal-kredituri. F’konformità mal-prattiki stabbiliti dwar l-ikkreditar u l-ġbir tad-dejn, il-kreditur irid jikkoopera sabiex tinstab soluzzjoni.

Il-kredituri jridu jiġu pprovduti l-opportunità li jippreżentaw dikjarazzjoni dwar it-talba ta’ aġġustament tad-djun u dwar l-abbozz tal-iskeda ta’ ħlasijiet. Meta jkun hemm bżonn, il-kredituri jridu jipprovdu dettalji dwar il-pretensjoni tagħhom bil-miktub. Skeda approvata ta’ ħlasijiet tista’ tiġi emendata fuq it-talba tal-kreditur, jew jista’ jiġi ordnat li din titħalla tiskadi fuq il-bażi ta’ ċerti raġunijiet.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Falliment

L-assi tal-patrimonju tal-insolvenza jridu jiġu ġestiti bl-attenzjoni dovuta u b’ħeffa u b’konformità mal-prattika amministrattiva xierqa.

Wieħed mid-dmirijiet tal-amministratur tal-patrimonju huwa li jara li jinbiegħu l-assi li jappartjenu għall-patrimonju. Il-patrimonju tal-insolvenza jrid jillikwida l-assi tal-patrimonju bl-iktar mod vantaġġjuż għall-patrimonju, sabiex ir-riżultat tal-bejgħ ikun l-aħjar wieħed possibbli. Kollateral li jappartjeni għall-patrimonju jista’ jinbiegħ biss jekk il-kreditur protett mill-kollateral jagħti l-kunsens tiegħu għall-bejgħ jew jekk il-qorti tagħti permess għal dan.

Assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza ma jistgħux jiġu ttrasferiti lill-amministratur tal-patrimonju, jew lil assistenti tal-amministratur tal-patrimonju jew lil persuni konnessi mal-amministratur tal-patrimonju jew ma’ assistent.

Ristrutturar u aġġustament tad-djun

Id-drittijiet tal-prattikant fl-insolvenza huma limitati għad-dritt li jaċċessa l-informazzjoni meħtieġa biex jissodisfa l-obbligi tal-prattikant fl-insolvenza. Id-debitur iżomm it-titolu u d-dritt tal-pussess għall-assi tiegħu u l-prattikant fl-insolvenza ma għandu ebda dritt li juża jew jittrasferixxi l-assi tad-debitur.

Madankollu, id-debitur jeħtieġ il-kunsens tal-amministratur għal għadd ta’ attivitajiet ta’ trasferiment ta’ assi.

Aġġustament tad-djun

Fi proċedimenti ta’ aġġustament tad-djun, il-prattikant fl-insolvenza jista’ jiġi ordnat jillikwida l-assi u jeżegwixxi miżuri u arranġamenti relatati, kif ukoll jgħaddi l-fondi li jirriżultaw lill-benefiċjarji.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Falliment

Pretensjoni fi proċedimenti ta’ falliment tfisser dejn dovut mid-debitur u bbażat fuq bażi ġuridika li tirriżulta qabel ma jkun beda l-falliment. Barra minn hekk, pretensjonijiet iggarantiti b’kollateral u pretensjonijiet li l-bażi jew l-ammont tagħhom ikun kundizzjonali, ikkontestat jew mhux ċar għal xi raġuni oħra lkoll jgħoddu bħala pretensjonijiet fil-proċedimenti ta’ falliment. F’relazzjoni kontinwa ta’ dejn, il-parti tad-dejn mill-perjodu ta’ qabel ma beda l-falliment titqies bħala pretensjoni fil-proċedimenti ta’ falliment.

Fil-Finlandja, il-patrimonji ta’ insolvenza għandhom id-dritt li jikkonkludu ftehimiet b’mod indipendenti u b’hekk ikollhom id-drittijiet u l-obbligi tagħhom stess. Pretensjonijiet li jirriżultaw wara l-bidu tal-falliment huma kkunsidrati bħala spejjeż amministrattivi, jiġifieri dejn tal-patrimonju tal-insolvenza li jitħallas bis-sħiħ billi jintużaw l-assi tal-patrimonju. Il-patrimonju tal-insolvenza huwa responsabbli għad-djun li jirriżultaw mill-proċedimenti ta’ falliment jew ibbażati fuq kuntratt jew impenn li daħal għalih il-patrimonju, kif ukoll għad-djun li l-patrimonju huwa responsabbli għalihom skont il-liġi. Tipikament dawn id-djun jinkludu l-ħlas tal-amministratur tal-proprjetà, il-pagi tal-impjegati u l-ispejjeż tal-kera li jirriżultaw minn ftehimiet ta’ lokazzjoni kummerċjali.

Ristrutturar

Id-dejn ta’ ristrutturar ifisser li d-djun kollha tad-debitur li jkunu qamu qabel il-preżentazzjoni tat-talba, inklużi d-djun u d-djun iggarantiti li l-bażi jew l-ammont tagħhom ikun kondizzjonali jew ikkontestat jew li b’xi mod ieħor ma jkunx ċar. Dawn id-djun jitħallsu lura kif speċifikat fl-iskeda tal-pagamenti ta’ programm ta’ ristrutturar approvat.

Id-djun li jirriżultaw wara l-preżentazzjoni tat-talba għandhom jitħallsu lura malli jsiru dovuti. L-istess japplika għal pagament, għal tariffi u għal spejjeż operazzjonali oħrajn fuq il-bażi ta’ relazzjoni kuntrattwali kontinwa jew ta’ kuntratt kontinwu fuq l-użu jew fuq il-pussess, sa fejn dawn ikunu relatati mal-perjodu ta’ wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.

Aġġustament tad-djun

L-aġġustament tad-djun ikopri d-djun kollha tad-debitur li kienu jeżistu qabel ma beda l-aġġustament tad-djun. Dan jinkludi obbligazzjonijiet ta’ titoli u djun li huma kundizzjonali, kontenzjużi jew indefiniti b’xi mod ieħor rigward l-ammont jew il-bażi tagħhom, kif ukoll l-imgħax fuq dawn id-djun li jkun dovut bejn il-bidu tal-aġġustament tad-djun u l-konferma tal-iskeda ta’ ħlasijiet, u l-ispejjeż tal-ġbir u tal-eżekuzzjoni fuq it-tali djun, meta jkunu ordnati pagabbli mid-debitur.

Djun barra mill-aġġustament tad-dejn għandhom jitħallsu lura malli jsiru dovuti.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Falliment

Sabiex ikun intitolat għal żborż, kreditur irid jippreżenta pretensjoni dwar il-falliment bil-miktub (ittra tal-preżentata), billi jibgħatha lill-amministratur tal-patrimonju mhux iktar tard mid-data tal-preżentata. L-ittra tal-preżentata trid tindika, pereżempju, l-ammont ta’ kapital tal-pretensjoni, l-imgħax dovut u l-bażi għall-pretensjoni u għall-imgħax. Il-preżentata tista’ tiġi riveduta jew issupplimentata wara d-data tal-preżentata wkoll. Pretensjoni tista’ tiġi ppreżentata b’mod retroattiv ukoll jekk il-kreditur iħallas lill-patrimonju tal-insolvenza pagament addizzjonali, sakemm ma jkunx hemm skuża valida għaliex ma ppreżentax il-pretensjoni sad-data tal-preżentata. L-amministratur tal-patrimonju jista’ jieħu pretensjoni fi proċedimenti ta’ falliment f’kunsiderazzjoni fl-abbozz tal-lista tal-iżborż mingħajr preżentata, jekk ma jkun hemm ebda kontestazzjoni dwar il-bażi u l-ammont tal-pretensjoni.

L-amministratur tal-patrimonju jridu jivverifikaw il-leġittimità tal-pretensjonijiet ippreżentati u l-ordni ta’ klassifikazzjoni ta’ preċedenza possibbli tagħhom. Il-pretensjonijiet li jagħtu dritt ta’ żborż iridu jkunu indikati fl-abbozz tal-lista tal-iżborż. L-amministratur tal-patrimonju, kreditur jew id-debitur jista’ jikkontesta pretensjoni fl-abbozz tal-lista tal-iżborż, u jipprovdi d-dettalji u r-raġunijiet. Meta l-pretensjoni ta’ kreditur tkun ġiet ikkontestata, l-amministratur tal-patrimonju jrid jirriżerva għall-kreditur opportunità li jinstema’ fuq il-kontestazzjoni u li jippreżenta evidenza li ssostni l-pretensjoni tiegħu. Pretensjoni li ma tiġix ikkontestata fil-ħin trid tiġi kkunsidrata daqslikieku ġiet aċċettata.

Wara dan, l-amministratur tal-patrimonju jrid iħejji lista tal-iżborż billi jieħu f’kunsiderazzjoni l-kontestazzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet u jippreżenta l-lista għaċ-ċertifikazzjoni mill-qorti. Il-qorti tiddeċiedi t-tilwim u kull nuqqas ta’ qbil ieħor jew immedjatament jew fi proċedura ċivili u finalment tiċċertifika l-lista ta’ żborż.

Ristrutturar

Id-debitur irid jehmeż dikjarazzjoni dwar il-kredituri, id-djun u l-kollateral tagħhom mal-applikazzjoni tiegħu għall-bidu ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar. Meta l-qorti toħroġ l-ordni dwar il-bidu tal-proċedimenti ta’ ristrutturar, hija tistabbilixxi data sa meta l-kredituri jridu jiddikjaraw il-pretensjonijiet tagħhom bil-miktub lill-amministratur jekk dawn il-pretensjonijiet ivarjaw minn dawk irrapportati mid-debitur.

Meta l-abbozz tal-programm ta’ ristrutturar jiġi kkonsenjat lill-qorti, il-qorti trid tagħti opportunità lill-partijiet fit-tilwima biex jiddikjaraw bil-miktub lill-prattikant fl-insolvenza l-oġġezzjonijiet tagħhom għall-pretensjonijiet imsemmijin fl-abbozz, kif ukoll opportunità li jippreżentaw dikjarazzjoni bil-miktub dwar l-abbozz fi ħdan perjodu stabbilit, jew tħarrek lit-tali partijiet sabiex jinstemgħu mill-qorti. Kemm il-prattikant fl-insolvenza kif ukoll id-debitur jistgħu jippreżentaw oġġezzjonijiet f’isem id-debitur. Insolvenza tfisser li debitur ma jistax iħallas id-djun tiegħu meta jsiru dovuti, u dan mhux b’mod temporanju. Ladarba l-qorti tkun ħadet deċiżjoni dwar ristrutturar tad-dejn mhux ċar, il-persuna li ħejjiet l-abbozz tista’ tingħata opportunità sabiex tirrettifika, tirrevedi jew tissupplimenta l-abbozz. Wara dan, il-kredituri jivvutaw dwar l-abbozz tal-programm ta’ ristrutturar.

Bħala regola ġenerali, dejn matul il-proċedimenti ta’ ristrutturar li ma jkunux ġew iddikjarati mid-debitur jew mill-kreditur, u li ma nġibditx l-attenzjoni tal-prattikant fl-insolvenza lejhom qabel l-approvazzjoni tal-programm ta’ ristrutturar, jiskadu mal-approvazzjoni tal-programm ta’ ristrutturar.

Aġġustament tad-djun

Meta ssir talba għal aġġustament tad-dejn, id-debitur irid jipprovdi rendikont tal-kredituri u d-djun tagħhom. Meta toħroġ l-ordni dwar il-bidu tal-aġġustament tad-djun, il-qorti trid tibgħat kopji tal-ordni tal-qorti, tat-talba u tal-abbozz tal-iskeda ta’ ħlasijiet tad-debitur lill-kredituri. Il-qorti trid tistabbilixxi wkoll skadenza għan-notifiki bil-miktub tal-kredituri dwar l-ammont tad-djun aġġustabbli, jekk dawn ikunu differenti minn dawk iddikjarati mid-debitur, kif ukoll skadenza għad-dikjarazzjonijiet bil-miktub tal-kredituri dwar it-talba u l-abbozz tal-iskeda ta’ ħlasijiet tad-debitur u għal kwalunkwe oġġezzjonijiet għad-djun inklużi fl-abbozz.

Il-qorti tittratta l-oġġezzjonijiet b’rabta mal-proċedura ta’ aġġustament tad-djun u ssolvihom fl-iskeda ta’ ħlasijiet jekk ikun possibbli mingħajr ma jiġi kkawżat dewmien sostanzjali fl-aġġustament tad-dejn. Inkella, il-qorti tiddikjara li l-każ irid jiġi deċiż f’kawża separata jew fi proċedimenti oħrajn. Wara dan, l-iskeda ta’ ħlasijiet tista’ tiġi kkonfermata, dment li jiġi approvat l-aġġustament tad-djun għad-debitur.

L-iskeda ta’ ħlasijiet tista’ tiġi emendata wara talba mid-debitur jew minn kreditur jekk, wara l-konferma tal-iskeda ta’ ħlasijiet isir magħruf li hemm dejn aġġustabbli li ma kienx magħruf fil-mument tal-konferma tal-iskeda ta’ ħlasijiet.

Jekk dejn aġġustabbli jirriżulta wara li tkun intemmet l-iskeda ta’ ħlasijiet, u kien ikun possibbli li l-iskeda ta’ ħlasijiet tiġi emendata minħabba d-dejn, id-debitur irid iħallas lura d-dejn sal-ammont li kien ikun ġie allokat lill-kreditur li kieku d-dejn kien inkluż fl-iskeda ta’ ħlasijiet.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Bħala regola ġenerali, fit-tipi kollha ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, il-pretensjonijiet huma kkunsidrati ugwali, jiġifieri kull kreditur għandu dritt ugwali li jirċievi ħlas mill-fondi żborżati b’mod proporzjonat għall-pretensjoni tiegħu. L-eċċezzjonijiet għal din ir-regola jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet dwar il-preċedenza u l-inqas prijorità tal-pretensjonijiet.

Falliment

L-iżborż lill-kredituri fil-falliment jitħallas skont il-lista tal-iżborż iċċertifikata. Id-dispożizzjonijiet dwar il-prijoritizzazzjoni tal-pretensjonijiet fi proċedimenti ta’ falliment f’sitwazzjonijiet li fihom l-assi tad-debitur ma jkunux biżżejjed sabiex ikopru l-pretensjonijiet kollha huma stipulati fl-Att dwar il-Prijorità tal-Pretensjonijiet (Laki velkojien maksunsaantijärjestyksestä 1578/1992).

Pretensjonijiet garantiti b’kollateral jew bi dritt ta’ żamma hija pretensjoni bi preċedenza, hekk kif inhuma wkoll pretensjonijiet li jirriżultaw b’rabta mar-ristrutturar ta’ intrapriża, mal-manteniment pagabbli għal minorenni u mal-ipoteki tan-negozju. Pretensjonijiet subordinati għal pretensjonijiet oħrajn, u l-klassifikazzjoni reċiproka tagħhom, huma speċifikati minn dispożizzjonijiet separati. Pretensjonijiet bħal dawn jinkludu l-imgħax u l-penali għall-ħlas tardiv relatati ma’ pretensjoni mingħajr preċedenza dovuta wara l-bidu tal-falliment, u pagamenti oħrajn ibbażati fuq id-dritt pubbliku li mhumiex multi u ħlasijiet ta’ penali.

Ristrutturar

Kredituri li, barra mill-proċedimenti ta’ ristrutturar, ikollhom dritt ugwali għall-ħlas tal-pretensjoni tagħhom ikollhom status ugwali fl-arranġamenti tad-dejn fi ħdan il-programm ta’ ristrutturar. Madankollu, jista’ jiġi pprovdut fil-programm ta’ ristrutturar li l-kredituri bi pretensjonijiet żgħar għandhom jirċievu ħlas sħiħ.

Għal djun garantiti jistgħu jiġu applikati biss miżuri ta’ arranġament tad-djun limitati, peress li l-kapital ta’ dejn garantit ma jistax jitnaqqas. L-arranġament tad-djun ma għandu l-ebda effett fuq l-eżistenza jew fuq il-kontenut ta’ dritt ta’ garanzija reali ta’ kreditur.

Fl-arranġament tad-dejn, l-imgħax u spejjeż oħrajn tal-kreditu dovuti matul il-proċedimenti ta’ ristrutturar għad-djun ta’ ristrutturar li mhumiex djun garantiti jitqiesu li huma d-djun bl-inqas prijorità.

Aġġustament tad-djun

Il-fondi disponibbli tad-debitur u l-fondi mil-likwidazzjoni tal-assi tiegħu jridu jinqasmu bejn id-djun ordinarji b’mod proporzjonat għall-ammont tagħhom. Il-miżuri ta’ aġġustament tad-djun kollha disponibbli jistgħu jiġu applikati għad-dejn ordinarju, iżda l-obbligu ta’ ħlas li jikkonċerna djun garantiti ma jistax jitneħħa.

L-arranġament tad-djun ma għandu l-ebda effett fuq l-eżistenza jew fuq il-kontenut ta’ dritt ta’ garanzija reali ta’ kreditur.

Irid jintuża l-inqas mekkaniżmu detrimentali għall-kreditur li jibqa’ suffiċjenti sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur. L-aħħar obbligazzjonijiet li għandhom jiġu allokati bħala ħlas mill-fondi disponibbli u mill-fondi tal-likwidazzjoni tad-debitur huma d-djun li jkunu subordinati li kieku d-debitur jiġi ddikjarat fallut u l-imgħax dovut bejn il-bidu tal-aġġustament tad-djun u l-konferma tal-iskeda ta’ ħlasijiet.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

Falliment

L-amministratur tal-patrimonju jfassal il-lista ta’ żborż kif deskritt fl-Artikolu 12. Bħala regola, il-proċedimenti ta’ falliment quddiem il-qorti jintemmu biċ-ċertifikazzjoni tal-lista tal-iżborż.

Il-proċedimenti tal-falliment kumplessivi jintemmu ladarba l-kredituri jkunu approvaw is-saldu finali tal-kontijiet. L-amministratur tal-patrimonju jħejji saldu finali tal-kontijiet ladarba jingħata kont lill-patrimonju tal-insolvenza u jiġu likwidati l-assi li jappartjenu għall-patrimonju. Is-saldu finali tal-kontijiet jista’ jitfassal anki jekk il-patrimonju ma jkunx ikkunsidrat f’parti minnu, għaliex il-kollateral, jew assi oħrajn b’valur baxx, ma jkunux inbiegħu jew għaliex pretensjoni fi proċedimenti ta’ falliment jew parti insinifikanti mill-pretensjonijiet ma tkunx ċara.

Rikonċiljazzjoni biex tikkonkludi l-proċedimenti ta’ falliment, tista’ tiġi stabbilita f’falliment jekk ir-rikonċiljazzjoni tkun appoġġjata mid-debitur u mill-maġġoranza tal-kredituri. Biċ-ċertifikazzjoni ta’ rikonċiljazzjoni, il-ħatra tal-amministratur tal-patrimonju u tal-awtorità tal-kredituri fil-falliment jintemmu.

Il-qorti tista’ toħroġ ordni dwar l-iskadenza tal-falliment jekk il-fondi tal-patrimonju tal-insolvenza ma jkunux biżżejjed għall-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ falliment jew il-kontinwazzjoni tal-falliment ma tkunx prattikabbli għal xi raġuni oħra. Madankollu, ma tista’ tinħareġ l-ebda ordni tal-qorti dwar l-iskadenza tal-falliment jekk il-falliment ikun se jkompli taħt riċevitura pubblika. Ir-raġunijiet għall-kontinwazzjoni tal-falliment taħt riċevitura pubblika jistgħu jinkludu, pereżempju, ħtieġa li d-debitur jiġi skrutinizzat. Ir-riċevitura pubblika tintemm bis-saldu finali tal-kontijiet.

Il-falliment jista’ jiġi ordnat li jitreġġa’ lura għal raġuni valida fi żmien tmint ijiem mill-ordni ta’ falliment. L-effetti legali ta’ falliment imbagħad jieqfu.

L-obbligazzjoni għad-djun tkompli anke wara l-falliment. Id-debitur ma jiġix rilaxxat mill-obbligazzjoni għal dawk id-djun f’falliment li ma jkunux tħallsu lura bis-sħiħ fil-falliment.

Ristrutturar

Il-proċedura tal-qorti fuq ir-ristrutturar tintemm bl-approvazzjoni tal-programm ta’ ristrutturar. L-approvazzjoni tal-programm tirritorna lid-debitur il-libertà tal-azzjoni tiegħu u ttemm l-effetti legali relatati mal-ftuħ tal-proċedimenti, bħall-projbizzjoni tal-ħlasijiet u tal-ġbir tad-dejn. Wara l-approvazzjoni tal-programm ta’ ristrutturar, il-patti tad-djun tar-ristrutturar ikunu rregolati mill-programm ta’ ristrutturar u, bħala regola ġenerali, kwalunkwe dejn tar-ristrutturar mhux magħruf jiskadi.

Il-qorti, fuq talba tas-superviżur jew ta’ kreditur, tista’ tordna sabiex il-programm ta’ ristrutturar jiskadi jekk id-debitur jikser il-programm u l-ksur ma jkunx wieħed minuri. Il-programm ta’ ristrutturar jiskadi wkoll jekk id-debitur jiġi ddikjarat fallut qabel ma jiġi konkluż il-programm. Il-qorti tista’ tordna wkoll li arranġament tad-dejn fil-programm ta’ ristrutturar li jappartjeni għal ċertu kreditur jiskadi, pereżempju, jekk id-debitur ikun ittraskura b’mod materjali l-obbligi tiegħu lill-kreditur skont il-programm. Wara l-iskadenza, il-kreditur ikollu l-istess drittijiet li kellu qabel l-approvazzjoni tal-programm ta’ ristrutturar.

Mal-konklużjoni tal-programm ta’ ristrutturar, is-superviżur jew, jekk ma jkunx hemm superviżur, id-debitur irid jippreżenta rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm.

Aġġustament tad-djun

Il-proċedura tal-qorti dwar l-aġġustament tad-djun tintemm ladarba l-qorti tikkonferma l-iskeda ta’ ħlasijiet. Wara l-konferma tal-iskeda ta’ ħlasijiet, il-patti tad-djun aġġustabbli jiġu rregolati mill-iskeda ta’ ħlasijiet. L-obbligi ta’ ħlas stabbiliti fl-iskeda ta’ ħlasijiet ikunu vinkolanti għad-debitur sakemm jiġu ssodisfati l-obbligi speċifikati kollha. Indipendentement minn tmiem l-iskeda ta’ ħlasijiet, l-obbligazzjonijiet tad-debitur speċifikati f’din jibqgħu fis-seħħ jekk ma jkunux ġew issodisfati. Id-debitur ma jiġix rilaxxat mill-ħlas lura tad-djun li jifdal sakemm jiġu ssodisfati l-obbligi kollha stipulati fl-iskeda ta’ ħlasijiet.

L-iskeda ta’ ħlasijiet tiskadi jekk id-debitur jiġi ddikjarat fallut qabel ma tiġi konkluża l-iskeda. Fuq it-talba tad-debitur jew ta’ kreditur, il-qorti tista’ tordna l-iskadenza tal-iskeda ta’ ħlasijiet jekk id-debitur ikun ittraskura l-obbligi tiegħu kif stipulati mil-liġi. Wara l-iskadenza, il-kreditur ikollu l-istess drittijiet li kellu qabel l-aġġustament tad-djun.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Falliment

It-tmiem ta’ falliment ma jeħlisx lid-debitur mir-responsabbiltà tiegħu għad-djun. Fi kliem ieħor, id-debitur jibqa’ obbligat għal dawk id-djun f’falliment li ma jitħallsux lura bis-sħiħ matul il-falliment.

Ristrutturar

Il-kredituri għandhom id-dritt li jirċievu ħlas għall-pretensjonijiet tagħhom elenkati fil-programm ta’ ristrutturar, u r-ristrutturar ma jintemmx sakemm jiġu ssodisfati l-obbligi tal-programm. Wara l-konklużjoni tal-programm, il-kredituri ma jibqax ikollhom dritt li jirċievu ħlasijiet.

Programm ta’ ristrutturar jista’ wkoll jiġi ordnat jiskadi kif deskritt fit-taqsima 14. Dan ifisser li ma jibqax fis-seħħ u l-kredituri jkollhom l-istess dritt għall-ħlas tad-djun ta’ ristrutturar bħalma kien ikollhom li kieku l-programm ta’ ristrutturar ma kienx ġie approvat. L-iskadenza tal-programm ma għandha l-ebda effett fuq il-validità ta’ tranżazzjonijiet li diġà saru abbażi tiegħu.

Aġġustament tad-djun

It-patti tad-djun aġġustabbli jiġu rregolati mill-iskeda ta’ ħlasijiet. Trid tiġi ddeterminata durata għall-iskeda ta’ ħlasijiet. Id-debitur jinħeles għalkollox minn kwalunkwe obbligazzjoni pendenti mhux inkluża fl-iskeda ta’ ħlasijiet.

Indipendentement minn tmiem l-iskeda ta’ ħlasijiet, l-obbligazzjonijiet tad-debitur stabbiliti fih jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu ssodisfati. Wara l-konklużjoni tal-iskeda ta’ ħlasijiet, il-kredituri ma jibqax ikollhom dritt li jirċievu ħlasijiet.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Falliment

L-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ falliment jikkonsistu fit-tariffi tal-qorti imposti fuq il-proċedura, fit-tariffi tal-amministratur tal-patrimonju u fl-ispejjeż l-oħrajn li jirriżultaw mill-iskrutinju u mill-amministrazzjoni tal-patrimonju.

L-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ falliment jiġu koperti mill-fondi tal-patrimonju tal-insolvenza. Jekk il-fondi tal-patrimonju tal-insolvenza ma jkunux biżżejjed għall-ispejjeż, kreditur jista’ jassumi responsabbiltà għall-ispejjeż sabiex jevita skadenza tal-falliment.

Il-qorti tista’ tiddeċiedi wkoll li l-falliment għandu jkompli taħt riċevitura pubblika, jekk din titqies iġġustifikata, pereżempju, minħabba l-mezzi insuffiċjenti tal-patrimonju tal-insolvenza. F’każ bħal dan, il-ħatra tal-amministratur tal-patrimonju u tal-awtorità tal-kredituri fil-falliment jintemmu. L-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ falliment li jirriżultaw mir-riċevitura pubblika jitħallsu mill-fondi tal-istat sa fejn il-fondi tal-patrimonju tal-insolvenza ma jkunux biżżejjed biex iħallsu dawn l-ispejjeż.

Ristrutturar

L-ispejjeż tal-proċedimenti, bħar-rimunerazzjoni tal-prattikant fl-insolvenza, iridu jitħallsu mill-assi tad-debitur. Parti oħra tista’ tassumi r-responsabbiltà għall-ispejjeż ukoll, peress li wieħed mill-ostakli biex jibdew il-proċedimenti ta’ ristrutturar huwa li probabbli l-assi tad-debitur ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż tal-proċedimenti. Madankollu, rari li terzi jassumu r-responsabbiltà għall-ispejjeż.

Il-kumpens tal-ispejjeż għall-kumitat tal-kredituri huwa r-responsabbiltà tal-kredituri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-programm ta’ ristrutturar.

Persuna li tkun tixtieq teżerċita d-dritt li tippreżenta abbozz ta’ programm ta’ ristrutturar trid tipprepara l-abbozz a spejjeż tagħha.

Aġġustament tad-djun

L-ispejjeż tal-proċedimenti jikkonsistu f’tariffa raġonevoli għas-servizzi tal-prattikant fl-insolvenza u f’kumpens għall-ispejjeż imġarrbin mill-prattikant fl-insolvenza. Bħala regola ġenerali, id-debitur irid ikopri t-tariffa u l-ispejjeż tal-prattikant fl-insolvenza sa ammont li ma jaqbiżx il-fondi disponibbli tad-debitur tul l-erba’ xhur wara l-konferma tal-iskeda ta’ ħlasijiet jew tal-iskeda ta’ ħlasijiet modifikata. Is-sehem mit-tariffa u mill-ispejjeż mhux kopert mid-debitur jitħallas mill-fondi tal-istat. Jekk it-talba għall-aġġustament tad-djun tiġi miċħuda, it-tariffa u l-ispejjeż sħaħ jitħallsu mill-fondi tal-istat.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Id-dispożizzjonijiet dwar l-irkupru huma applikati għat-tipi kollha ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

Assi ttrasferiti qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi jistgħu jitreġġgħu lura billi tinfetaħ kawża għall-irkupru jew kawża dwar titolu jew kawża għall-invalidità. Fit-tipi kollha ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Irkupru tal-Assi għal Patrimonji tal-Falliment japplikaw għall-irkupru. Iridu jkunu jeżistu raġunijiet għall-irkupru.

Il-prerekwiżiti għall-eżistenza ta’ raġuni għall-irkupru, u b'hekk għat-treġġigħ lura tat-tranżazzjoni, huma dawn li ġejjin:

  • It-tranżazzjoni ntużat biex tiffavorixxi b’mod skorrett lil kreditur wieħed a skapitu tal-kredituri l-oħrajn, biex jiġu ttrasferiti assi fejn ma jistgħux jilħquhom l-kredituri, jew biex jiżdied l-ammont totali tad-dejn għad-detriment tal-kredituri;
  • Id-debitur kien insolventi fi żmien it-tranżazzjoni, jew it-tranżazzjoni kkontribwiet sabiex id-debitur sar insolventi; jekk it-tranżazzjoni tikkonċerna donazzjoni, prerekwiżit ieħor huwa li d-debitur kien indebitat wisq jew sar indebitat wisq minħabba t-tranżazzjoni;
  • Il-parti l-oħra għat-tranżazzjoni kienet taf, jew missha kienet taf, li d-debitur kien insolventi/indebitat wisq jew dwar l-effetti tat-tranżazzjoni fuq l-istatus finanzjarju tad-debitur, kif ukoll dwar fatturi oħrajn li jagħmlu t-tranżazzjoni inadatta.

Jekk il-parti l-oħra għat-tranżazzjoni kienet qarib li jiġi mid-debitur mill-viċin, il-persuna inkwistjoni titqies li kienet taf bil-fatturi elenkati hawn fuq, sakemm din ma turix bil-provi li aġixxiet b’bona fide. Jekk tranżazzjoni ġiet konkluża iktar minn ħames snin qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, tista’ titreġġa’ lura biss jekk qarib li jiġi mid-debitur mill-viċin kien parti għat-tranżazzjoni.

Il-ħlasijiet lura tad-dejn li saru iktar minn tliet xhur qabel id-data tal-applikazzjoni għall-proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jitreġġgħu lura jekk il-ħlas lura sar billi ntużaw mezzi mhux tas-soltu ta’ ħlas jew jekk kien sar b’mod prematur jew jekk l-ammont imħallas lura jitqies sinifikanti meta jitqiesu l-fondi tal-patrimonju. Madankollu, il-ħlasijiet lura ma jistgħux jitreġġgħu lura jekk jitqiesu ordinarji, fid-dawl taċ-ċirkustanzi. Il-ħlasijiet miġburin permezz ta’ sekwestru jistgħu jitreġġgħu lura wkoll, dment li s-sekwestru jkun sar iktar minn tliet xhur qabel l-iskadenza. Il-limitu ta’ żmien applikat huwa itwal għall-qraba li jiġu mid-debitur mill-viċin. Il-ħlas għandu jitreġġa’ lura anki jekk il-kreditur ikun aġixxa b’bona fide.

Hemm dispożizzjonijiet separati wkoll li jirregolaw it-treġġigħ lura ta’, pereżempju, donazzjonijiet, ta’ qsim tal-proprjetà, ta’ tpaċijiet u ta’ kollateral.

L-aħħar aġġornament: 15/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.