Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Estonjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Insolvenza/falliment

Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Il-leġiżlazzjoni Estonjana tistipula tliet proċedimenti differenti ta’ insolvenza: il-proċedimenti ta’ falliment, il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u l-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn. Il-proċedimenti ta’ falliment huma regolati mill-Att dwar il-Fallimenti, ir-regoli li jkopru r-riorganizzazzjoni huma stabbiliti fl-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni u r-regoli dwar ir-ristrutturar tad-dejn huma stabbiliti fl-Att dwar ir-Ristrutturar tad-Dejn u dwar il-Protezzjoni tad-Dejn. L-Atti huma disponibbli bl-Estonjan u bl-Ingliż mill-pubblikazzjoni elettronika uffiċjal tal-Estonja, Riigi Teataja (Il-Gazzetta tal-Istat).

L-għan ta’ proċediment ta’ falliment huwa li jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet tal-kredituri mill-assi tad-debitur permezz tat-trasferiment tal-assi tad-debitur jew tar-riabilitazzjoni tal-intrapriża tad-debitur. Id-debitur li jkun persuna fiżika jingħata l-opportunità li jiġi rilaxxat mill-obbligi tiegħu permezz ta’ proċediment ta’ falliment. Matul proċediment ta’ falliment, tiġi aċċertata l-kawża tal-insolvenza tad-debitur.

L-għan ta’ proċediment ta’ riorganizzazzjoni huwa li jitqiesu l-interessi u jiġu protetti d-drittijiet ta’ impriżi, ta’ kredituri u ta’ partijiet terzi matul ir-riorganizzazzjoni ta’ intrapriża. Ir-riorganizzazzjoni ta’ intrapriża tfisser l-applikazzjoni ta’ sett ta’ miżuri sabiex intrapriża tkun tista' tegħleb id-diffikultajiet ekonomiċi, tiġi restawrata l-likwidità tagħha, titjieb il-profittabilità tagħha u tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tagħha.

L-għan ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn huwa li jiġi ffaċilitat ir-ristrutturar tad-djun ta’ persuna fiżika li jkollha problemi ta’ solvenza (debitur), sabiex jingħelbu l-problemi ta’ solvenza u jiġu evitati proċedimenti ta’ falliment. Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn jagħmluha possibbli għal debitur li jirristruttura l-obbligi finanzjarji tiegħu (djun personali) permezz tal-estensjoni tat-terminu perentorju għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu, tas-sodisfazzjon tal-obbligu permezz ta’ pagamenti akkont jew tat-tnaqqis tal-obbligu.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment ikopri l-proċedimenti ta’ falliment. Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (riformulazzjoni) ikopri proċedimenti ta’ falliment u proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn.

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Skont il-liġi Estonjana, persuna fiżika hija persuna umana, filwaqt li persuna ġuridika hija entità ġuridika stabbilita skont il-liġi. Persuna ġuridika hija jew persuna ġuridika fid-dritt privat jew persuna ġuridika fid-dritt pubbliku. "Persuna ġuridika fid-dritt privat" tfisser persuna ġuridika stabbilita f’interessi privati u skont Att li jittratta t-tip korrispondenti ta’ persuna ġuridika. Soċjetajiet f’isem kollettiv, soċjetajiet limitati, kumpaniji b’responsabbiltà limitata, kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, assoċjazzjonijiet kummerċjali, fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ huma persuni ġuridiċi fid-dritt privat. L-istat, l-awtoritajiet lokali u persuni ġuridiċi oħra stabbiliti fl-interess pubbliku u skont l-Att li jittratta dik il-persuna ġuridika huma persuni ġuridiċi fid-dritt pubbliku.

1. Il-proċedimenti ta’ falliment

Il-proċedimenti ta’ falliment jistgħu jitressqu kemm kontra persuni ġuridiċi kif ukoll kontra dawk fiżiċi, irrispettivament minn jekk il-persuna fiżika tkunx impriża. L-istat jew awtorità lokali ma tistax tkun falluta.

2. Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni jistgħu jitressqu biss kontra persuni ġuridiċi fid-dritt privat.

3. Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn jistgħu jitressqu kontra persuni fiżiċi bi problemi ta’ solvenza, irrispettivament minn jekk humiex impriżi. Ir-ristrutturar tad-dejn jista’ jintalab minn debitur li l-post tar-residenza tiegħu jkun fl-Estonja u li jkun irrisjeda fl-Estonja għal perjodu ta’ mhux inqas minn sentejn qabel ma jippreżenta r-rikors għal ristrutturar tad-dejn.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

1. Il-proċedimenti ta’ falliment

Il-falliment ifisser insolvenza ta’ debitur kif iddikjarat minn sentenza tal-qorti. Għalhekk, l-ewwel prekundizzjoni ewlenija għall-ftuħ ta’ proċediment ta’ falliment huwa l-fatt li d-debitur huwa insolventi.

Id-debitur ikun insolventi jekk id-debitur ma jkunx jista’ jissodisfa l-pretensjonijiet tal-kredituri u, minħabba l-qagħda finanzjarja tad-debitur, dik l-inkapaċità ma tkunx temporanja. Id-debitur li jkun persuna ġuridika jkun insolventi wkoll jekk l-assi tad-debitur ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-obbligi tiegħu u, minħabba l-qagħda finanzjarja tad-debitur, dik l-insuffiċjenza ma tkunx temporanja. Jekk id-debitur jippreżenta rikors għal falliment, il-qorti tiddikjara falliment anke jekk ikun hemm il-probabbiltà ta’ insolvenza fil-futur. Jekk id-debitur jippreżenta rikors għal falliment, id-debitur huwa preżunt li huwa insolventi.

It-tieni prekundizzjoni ewlenija għall-ftuħ ta’ proċediment ta’ falliment hija l-preżentata ta’ rikors għal falliment, u tista’ tiġi ppreżentata mid-debitur jew minn kreditur.

Jekk id-debitur jippreżenta rikors għal falliment, id-debitur għandu jissostanzja l-insolvenza tiegħu fir-rikors għal falliment. Jekk rikors għal falliment jiġi ppreżentat minn kreditur, il-kreditur għandu jissostanzja l-insolvenza tad-debitur u jagħti evidenza tal-eżistenza tal-pretensjoni fir-rikors għal falliment.

Il-qorti tista’ teħtieġ lill-kreditur petizzjonant li jħallas l-ammont ta’ flus stabbilit mill-qorti bħala depożitu tal-qorti sabiex jiġu koperti r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tat-trustee interim jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li l-proprjetà tal-falliment ma tkunx biżżejjed biex tkoprihom. Jekk il-kreditur jonqos milli jħallas id-depożitu, il-proċediment jingħalaq.

Il-qorti tirrifjuta li taċċetta r-rikors għal falliment tal-kreditur jekk ir-rikors għal falliment ma jurix li r-rikorrent ikollu pretensjoni kontra d-debitur, jekk ir-rikors għal falliment ma jissostanzjax l-insolvenza tad-debitur jew jekk ir-rikors għal falliment ikun ibbażat fuq pretensjoni li fir-rigward tagħha jkun japplika pjan ta’ riorganizzazzjoni jew pjan ta’ ristrutturar tad-dejn. Il-qorti tirrifjuta wkoll li taċċetta rikors għal falliment jekk tkun teżisti xi raġuni oħra prevista fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

Il-qorti ttemm il-proċedimenti permezz ta’ sospensjoni mingħajr ma tiddikjara falliment, irrispettivament mill-insolvenza tad-debitur, jekk l-assi tad-debitur ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-kostijiet u l-ispejjeż imġarrba fil-proċediment ta’ falliment u jekk ma jkunx possibbli li jiġu rkuprati jew jintalbu lura l-assi jew tiġi ppreżentata pretensjoni kontra membru ta’ korp maniġerjali.

Il-qorti tiddikjara falliment permezz ta’ deċiżjoni (deċiżjoni dwar falliment). Deċiżjoni dwar falliment għandha tistabbilixxi l-ħin li fih ikun ġie ddikjarat falliment. Il-proċediment ta’ falliment jibda bid-dikjarazzjoni ta’ falliment.

Jekk il-qorti tkun iddikjarat falliment, tippubblika avviż dwar dan (l-avviż dwar falliment) mingħajr dewmien fil-pubblikazzjoni uffiċjali Ametlikud Teadaanded (Avviżi Uffiċjali).

Deċiżjoni dwar falliment hija soġġetta għal eżekuzzjoni immedjata. L-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar falliment ma tistax tiġi sospiża jew posposta, u l-mod jew il-proċedura prevista mil-liġi għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni dwar falliment ma tistax tinbidel. Jekk qorti superjuri tannulla deċiżjoni dwar falliment, dan ma jaffettwax il-validità tal-atti legali mwettqa mit-trustee jew fir-rigward tiegħu. Id-debitur u l-kreditur petizzjonant jistgħu jippreżentaw appell kontra d-deċiżjoni dwar falliment fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni tal-avviż dwar falliment. Id-debitur u l-petizzjonant tal-falliment jistgħu jippreżentaw appelli quddiem il-Qorti Suprema kontra d-deċiżjoni tal-qorti distrettwali dwar l-appell kontra d-deċiżjoni. It-trustee ma jistax jippreżenta appell f’isem id-debitur jew jirrappreżenta lid-debitur fis-smigħ ta’ appell.

Il-proċedimenti ta’ falliment fl-Estonja jieħdu pjuttost fit-tul. Il-proċedimenti li jintemmu permezz ta’ sospensjoni mingħajr ma jiġi ddikjarat falliment idumu għaddejjin medja ta’ 94 jum fil-każ ta’ persuni ġuridiċi u ta’ 85 jum fil-każ ta’ persuni fiżiċi. Fil-każ ta’ persuni ġuridiċi t-tul medju ta’ żmien biex intlaħqet proposta ta’ distribuzzjoni li abbażi tagħha kien possibbli li jsiru ħlasijiet lill-kredituri kien ta’ 462 jum, u ta’ 455 jum fil-każ ta’ persuni fiżiċi. Il-proċedimenti li jispiċċaw f’kompożizzjoni jdumu għaddejja medja ta’ 340 jum fil-każ ta’ persuni ġuridiċi u ta’ 352 jum fil-każ ta’ persuni fiżiċi. L-itwal proċedimenti ta’ falliment f’termini ta’ żmien huma dawk li jintemmu permezz ta’ sospensjoni wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, u bħala medja jdumu għaddejjin 745 jum fil-każ ta’ persuni ġuridiċi u 709 jum fil-każ ta’ persuni fiżiċi. It-tul tal-proċediment sħiħa, jiġifieri mill-preżentata tar-rikors għal falliment sal-għeluq tal-proċediment ta’ falliment, huwa, bħala medja, 270-280 jum.[1]

Jekk fi proċediment ta’ falliment irid jiġi ppubblikat avviż jew att proċedurali, l-avviż jew l-att proċedurali jridu jiġu ppubblikati f’Ametlikud Teadaanded. Il-qorti tista’ tippubblika avviż dwar il-ħin u l-post tas-seduta ta’ rikors għal falliment f’Ametlikud Teadaanded. Il-qorti tippubblika avviż dwar deċiżjoni ta’ falliment li fiha debitur jiġi ddikjarat fallut (avviż ta’ falliment) mingħajr dewmien f’Ametlikud Teadaanded.

Qabel jiġi ddikjarat falliment u jinfetaħ proċediment ta’ falliment, ssir ’l hekk imsejħa proċedura preliminari. Jekk il-qorti tiddeċiedi li taċċetta rikors għal falliment, taħtar trustee interim. Il-qorti tista' wkoll, wara li tkun qieset il-qagħda finanzjarja tad-debitur, tirrifjuta li taħtar trustee interim u tiddikjara lid-debitur fallut. Jekk il-qorti ma taħtarx trustee interim, il-proċediment ma jitkomplix abbażi tar-rikors għal falliment u l-proċediment jingħalaq. It-trustee interim jiddetermina l-assi tad-debitur, inklużi l-obbligi tad-debitur u l-proċedura ta’ infurzar dwar l-assi tad-debitur, u jivverifika jekk l-assi tad-debitur humiex biżżejjed biex ikopru l-kostijiet u l-ispejjeż imġarrba fil-proċediment ta’ falliment. It-trustee interim jipprovdi valutazzjoni tal-qagħda finanzjarja u tas-solvenza tad-debitur u dwar il-prospetti sabiex ikomplu l-attivitajiet tal-intrapriża tad-debitur u, jekk id-debitur ikun persuna ġuridika, għar-riabilitazzjoni tad-debitur, jiżgura li l-assi tad-debitur jiġu ppreservati, eċċ. L-attivitajiet tat-trustee interim għandhom juru jekk ir-rikors għal falliment għandux jiġi milqugħ jew miċħud.

2. Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni

Sabiex jinfetħu proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni għal intrapriża, l-impriża tissottometti rikors korrispondenti.

Il-qorti tiftaħ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni jekk ir-rikors għal riorganizzazzjoni jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u fl-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni u jekk l-impriża tkun ipprovdiet argument ġustifikata li jindika li:

  1. hemm il-probabbiltà li ssir insolventi fil-futur;
  2. l-intrapriża teħtieġ riorganizzazzjoni;
  3. hemm il-probabbiltà ta’ ġestjoni sostenibbli tal-intrapriża wara r-riorganizzazzjoni.

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ma jinfetħux jekk:

  1. ikunu tressqu proċedimenti ta’ falliment kontra l-impriża;
  2. tkun inħarġet deċiżjoni tal-qorti dwar ix-xoljiment obbligatorju tal-impriża jew issir likwidazzjoni supplementari;
  3. ikunu għaddew inqas minn sentejn mill-għeluq tal-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni fir-rigward tal-impriża.

Jekk impriża titlob ir-riorganizzazzjoni ta’ intrapriża, il-qorti tista’ tirrifjuta wkoll li taċċetta r-rikors jekk l-intrapriża ma tkunx ipprovdiet argument ġustifikat li jindika li l-intrapriża teħtieġ riorganizzazzjoni u li hemm il-probabbiltà ta’ ġestjoni sostenibbli tal-intrapriża wara r-riorganizzazzjoni.

L-effiċjenza tal-proċediment ta’ riorganizzazzjoni tista’ tiġi vvalutata abbażi tal-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni, li bħala medja ddum għaddejja sitt xhur mill-preżentata tar-rikors għal riorganizzazzjoni. [2] Tiġi estiża wkoll bil-ħin meħud għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni u għall-kisba ta’ riżultati reali, li huwa differenti għal diversi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni.

Jekk il-qorti tkun iddeċidiet li tiftaħ proċediment ta’ riorganizzazzjoni u tkun ħarġet deċiżjoni dwar riorganizzazzjoni, mingħajr dewmien il-konsulent tar-riorganizzazzjoni jibgħat avviż dwar ir-riorganizzazzjoni lill-kredituri fejn jgħarrafhom bil-ftuħ ta’ proċediment ta’ riorganizzazzjoni u dwar id-daqs tal-pretensjonijiet li għandhom kontra l-impriża skont il-lista tad-djun.

Fi proċediment ta’ riorganizzazzjoni, il-proċedura preliminari hija l-proċedura mill-preżentata tar-rikors għal riorganizzazzjoni sal-approvazzjoni ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni jew l-għeluq tal-proċediment ta’ riorganizzazzjoni. Matul dak il-perjodu, il-qorti tissospendi l-proċedura ta’ infurzar li tkun saret dwar l-assi tal-impriża sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew jingħalaq il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni, ħlief fil-każ ta’ proċedura ta’ infurzar li tkun saret biex tiġi sodisfatta pretensjoni li tkun qamet abbażi ta’ relazzjonijiet tax-xogħol jew talba għall-ħlas ta’ manteniment; il-kalkolu tal-imgħax ta’ inadempjenza jew ta’ penali kuntrattwali li jiżdiedu maż-żmien fuq pretensjoni kontra l-impriża jiġi sospiż sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni; il-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kwistjoni tista’, fuq il-bażi ta’ rikors minn impriża u bl-approvazzjoni tal-konsulent tar-riorganizzazzjoni, li hija mehmuża mar-rikors, tissospendi l-proċedura ġudizzjarja li tinvolvi pretensjoni finanzjarja kontra l-impriża sakemm tiġi approvata r-riorganizzazzjoni jew jingħalaq il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni, ħlief fil-każ ta’ pretensjoni ppreżentata abbażi ta’ relazzjonijiet tax-xogħol jew talba għall-ħlas ta’ manteniment li s-sentenza dwarhom ma tkunx għadha nqatgħet; abbażi ta’ rikors għal falliment ippreżentat minn kreditur, il-qorti tipposponi kwalunkwe deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ proċediment ta’ falliment sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew jingħalaq il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni. Il-qorti taħtar konsulent tar-riorganizzazzjoni sakemm jingħalaq il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni.

3. Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn jagħmluha possibbli għal debitur sabiex jirristruttura l-obbligi finanzjarji tiegħu. Id-debitur jitqies li jkollu problemi ta’ solvenza jekk ma jkunx jista' jew ikun hemm il-probabbiltà li ma jkunx jista' jissodisfa l-obbligi tiegħu fil-ħin meta dawn isiru dovuti.

Sabiex jiftaħ proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn, debitur jippreżenta rikors korrispondenti quddiem qorti, u dan għandu jkun akkumpanjat, inter alia, minn pjan ta’ ristrutturar tad-dejn li jindika l-obbligi li għandhom jiġu ristrutturati u l-mod ta’ ristrutturar kif ukoll it-terminu perentorju għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar. Qabel ma jippreżenta rikors għal ristrutturar tad-dejn quddiem qorti, debitur għandu jieħu l-passi meħtieġa għar-ristrutturar ekstraġudizzjarju tad-dejn.

Il-qorti taċċetta rikors għal ristrutturar tad-dejn jekk dan jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u fl-Att dwar ir-Ristrutturar tad-Dejn Ristrutturar u dwar il-Protezzjoni tad-Dejn. Is-sentenza dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors tiġi trażmessa lid-debitur u lill-kredituri kollha li l-pretensjonijiet tagħhom id-debitur ikun qiegħed ifittex li jirristruttura. Id-deċiżjoni tiġi ppubblikata wkoll f’Ametlikud Teadaanded.

Il-qorti ma taċċettax rikors għal ristrutturar tad-dejn jekk:

  1. id-debitur ikun ġie ddikjarat fallut;
  2. fl-għaxar snin ta’ qabel il-preżentata tar-rikors, il-qorti tkun aċċettat rikors għal ristrutturar tad-dejn mid-debitur jew rikors mid-debitur għall-ħelsien mid-djun fi proċediment ta’ falliment;
  3. id-debitur ma jkollu l-ebda problema ta’ solvenza jew ikun ċar li tkun tista' tingħeleb mingħajr ir-ristrutturar tad-djun, fost affarijiet oħra permezz tal-bejgħ tal-assi tad-debitur biex jiġu koperti d-djun tiegħu sal-punt li jista’ jkun raġonevolment mistenni mid-debitur;
  4. ir-rikors jew l-annessi tiegħu ma jissodisfawx ir-rekwiżiti legali.

Il-qorti tista' tirrifjuta li taċċetta rikors għal ristrutturar tad-dejn jekk:

  1. huwa improbabbli li l-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn propost mid-debitur ser jiġi approvat jew onorat, filwaqt li titqies, fost affarijiet oħra, is-solvenza tad-debitur fit-tliet snin qabel il-preżentata tar-rikors għal ristrutturar tad-dejn u l-kapaċità tad-debitur li jwettaq attività raġonevolment profitabbli matul il-perjodu ta’ validità tal-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn, meta wieħed iqis l-età, il-professjoni u l-edukazzjoni tad-debitur;
  2. qabel ma jippreżenta r-rikors għal ristrutturar tad-dejn quddiem il-qorti, id-debitur ma jkunx ħa l-passi meħtieġa għar-ristrutturar ekstraġudizzjarju tad-dejn;
  3. id-debitur ikun, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ippreżenta informazzjoni materjalment skorretta jew mhux sħiħa dwar l-assi, id-dħul, il-kredituri jew l-obbligi tiegħu;
  4. id-debitur jirrifjuta li jieħu ġurament fir-rigward tal-veraċità tal-informazzjoni ppreżentata jew li jippreżenta informazzjoni addizzjonali mitluba mill-qorti;
  5. id-debitur ikun instab ħati ta’ reat relatat ma’ proċediment ta’ falliment jew ma’ proċedura ta’ infurzar, ta’ reat fiskali jew ta’ reat partikolari relatat ma’ kumpaniji, u l-informazzjoni dwar il-kundanna ma tkunx ġiet imħassra mill-bażi tad-data tar-rekords kriminali;
  6. fit-tliet snin qabel il-preżentata tar-rikors jew wara l-preżentata tar-rikors, id-debitur ikun, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ippreżenta informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa dwar il-qagħda finanzjarja tiegħu sabiex jikseb għajnuna jew benefiċċji oħra mill-istat, mill-awtorità lokali jew minn fondazzjoni jew biex jevadi t-taxxa;
  7. ikun ovvju li d-debitur ikun intenzjonalment ikkonkluda tranżazzjonijiet li jagħmlu ħsara lill-kredituri.

Jekk meta tkun qed jiġi aġġudikat r-rikors tad-debitur, il-qorti tiddeċiedi li għandu jinfetaħ proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn, il-qorti tittrażmetti d-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors lid-debitur u lill-kredituri kollha li l-pretensjonijiet tagħhom id-debitur ikun qiegħed ifittex li jirristruttura. Id-deċiżjoni tiġi ppubblikata wkoll f’Ametlikud Teadaanded.

Fi proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn, ’l hekk imsejħa proċedura preliminari hija l-perjodu mill-preżentata tar-rikors għal ristrutturar tad-dejn sal-approvazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar tad-dejn. Jekk jiġi aċċettat ir-rikors għal ristrutturar tad-dejn, il-kalkolu tal-imgħax ta’ inadempjenza jew ta’ penali kuntrattwali li jiżdiedu maż-żmien fuq pretensjoni kontra d-debitur jiġi sospiż sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ ristrutturar jew jingħalaq il-proċediment. Dan ma japplikax għal pretensjonijiet li d-debitur ma jkunx qiegħed ifittex li jirristruttura. Jekk rikors jiġi milqugħ, kreditur ma jistax, billi jinvoka ksur ta’ obbligu finanzjarju li jkun seħħ qabel il-preżentata tar-rikors għal ristrutturar tad-dejn, itemm kuntratt li jkun ġie konkluż mad-debitur u li jagħti lok għall-pretensjonijiet li d-debitur ikun qiegħed ifittex li jirristruttura, jew jirrifjuta li jwettaq l-obbligi tiegħu abbażi ta’ dawn ir-raġunijiet. Kull ftehim li skontu, kreditur jista’ jittermina kuntratt meta jiġi ppreżentat rikors għal ristrutturar tad-dejn jew jiġi approvat pjan ta’ ristrutturar tad-dejn huwa null u bla effett. Meta rikors jiġi milqugħ, il-qorti tissospendi l-proċedura ta’ infurzar (jew infurzar obbligatorju) għall-ġbir ta’ flus mwettqa fir-rigward tal-assi tad-debitur sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn jew jingħalaq il-proċediment. Il-qorti tista’ tissospendi wkoll proċedura ġudizzjarja li tinvolvi pretensjoni finanzjarja kontra d-debitur li dwarha ma tkunx għadha nqatgħet is-sentenza; tikkanċella miżuri biex tiġi żgurata azzjoni, inkluż is-sekwestru ta’ kont bankarju; u tipprojbixxi lill-kredituri milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-kollateral mogħti mid-debitur, inkluż mill-bejgħ jew mit-talba għall-bejgħ tal-oġġett mirhun;


[1] Sħarriġ dwar l-effiċjenza ta’ proċedimenti ta’ insolvenza (19 ta’ Marzu 2013), li sar minn Konsulenti ta’ AS Pricewaterhouse Coopers, ikkummissjonat mill-Uffiċċju tal-Gvern Estonjan, Fond ta’ Deċiżjonijiet Għaqlin, sieħeb: Ministeru tal-Ġustizzja, p. 7.

[2] Ibid, p. 8.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Meta jiġi ddikjarat falliment, l-assi tad-debitur jsiru l-proprjetà tal-falliment u d-dritt tad-debitur li jamministra u li jiddisponi mill-proprjetà tal-falliment jiġi ttrasferit lir-riċevent f’falliment.

L-assi tad-debitur isiru l-proprjetà tal-falliment abbażi ta’ deċiżjoni dwar falliment u jintużaw bħala assi maħsuba biex jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet tal-kredituri u sabiex jitwettaq il-proċediment ta’ falliment. Il-proprjetà tal-falliment tfisser l-assi tad-debitur fil-mument li fih jiġi ddikjarat falliment, kif ukoll assi li jkunu ntalbu lura jew li ġew irkuprati u assi akkwistati mid-debitur matul il-proċediment ta’ falliment. L-assi tad-debitur li dwarhom, skont il-liġi, ma tista' ssir ebda talba għall-ħlas ma jiġux inklużi fil-proprjetà tal-falliment.

Assi li dwarhom, skont il-liġi, ma tista' ssir ebda talba għall-ħlas huma regolati mill-Kodiċi ta’ Proċedura ta’ Infurzar. Il-liġi tippreskrivi lista mhux eżawrjenti ta’ oġġetti li mhumiex soġġetti għal sekwestru. L-għan ewlieni tal-katalogu ta’ oġġetti li mhumiex soġġetti għal sekwestru huwa li tiġi żgurata protezzjoni soċjali minima għad-debitur. Il-projbizzjoni fuq il-bejgħ ta’ affarijiet li mhumiex soġġetti għal sekwestru tirriżulta wkoll mill-ħtieġa li jiġu mħarsa drittijiet fundamentali oħra: id-dritt tal-għażla tal-qasam proprju ta’ attività, ta’ professjoni u ta’ kariga, id-dritt għal involviment f’attività intraprenditorjali, id-dritt għall-edukazzjoni, il-libertà tar-reliġjon, il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-familja, eċċ. Barra minn hekk, is-sekwestru ta’ ċerti oġġetti jmur kontra l-prinċipji aċċettati tal-moralità.

Skont il-leġiżlazzjoni Estonjana, restrizzjonijiet japplikaw ukoll għas-sekwestru ta’ dħul, u l-għan ewlieni huwa li jiġi żgurat li d-debitur ikollu l-mezzi minimi ta’ sussistenza meħtieġa għalih innifsu u għad-dipendenti tiegħu skont il-kundizzjonijiet tal-proċediment mwettaq fil-konfront tad-debitur. Hemm żewġ tipi ta’ restrizzjonijiet: il-parti li mhijiex soġġetta għal sekwestru li għandha tibqa’ għall-użu tad-debitur, u ’l hekk imsejħa benefiċċji soċjali, li l-ewwel waħda tiżgura li d-debitur iżomm mezzi minimi ta’ sussistenza u t-tieni waħda telenka l-ammonti ad hoc pagabbli għall-protezzjoni ta’ dritt partikolari li ma għandhomx jintużaw biex ikopru xi obbligu ieħor. Madankollu, f’ċerti kundizzjonijiet anke l-benefiċċji soċjali jistgħu jiġu parzjalment sekwestrati.

Wara li jiġi ddikjarat il-falliment, kwalunkwe disponiment mid-debitur fir-rigward ta’ oġġetti li jagħmlu parti mill-proprjetà tal-falliment huwa null u bla effett. L-assi trasferiti mill-parti l-oħra abbażi ta’ disponiment jiġu rritornati lill-parti jekk l-assi jibqgħu fil-proprjetà tal-falliment, jew jingħata kumpens jekk il-proprjetà tal-falliment tkun żdiedet bħala riżultat tat-trasferiment. Jekk id-debitur ikun iddispona mill-pretensjonijiet futuri tiegħu qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, id-disponiment isir null u bla effett meta jiġi ddikjarat falliment fir-rigward tal-pretensjonijiet li jkunu nqalgħu wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment. Id-debitur li huwa persuna fiżika jista’ jiddisponi mill-proprjetà tal-falliment bil-kunsens tat-trustee. Kwalunkwe disponiment mingħajr il-kunsens tat-trustee huwa null u bla effett.

Wara li jiġi ddikjarat falliment, l-eżekuzzjoni ta’ obbligu li huwa inkluż fil-proprjetà tal-falliment u li jkun dovut lid-debitur tista’ tiġi aċċettata biss mit-trustee. Jekk l-obbligu kien ġie eżegwit għall-benefiċċju tad-debitur, l-obbligu jitqies li jkun ġie eżegwit biss jekk l-assi ttrasferiti għall-eżekuzzjoni tal-obbligu jinżammu fil-proprjetà tal-falliment jew il-proprjetà tal-falliment tkun żdiedet bħala riżultat tat-trasferiment. Jekk l-obbligu kien ġie eżegwit għall-benefiċċju tad-debitur qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ falliment, l-obbligu jitqies li jkun ġie eżegwit jekk il-persuna li tkun eżegwiet l-obbligu ma kinitx konxja u ma kellhiex bżonn li tkun konxja mid-dikjarazzjoni ta’ falliment fil-ħin tal-eżekuzzjoni tal-obbligu.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Meta jiġi ddikjarat falliment, debitur li jkun persuna fiżika jitlef id-dritt tiegħu li jikkonkludi tranżazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proprjetà tal-falliment, u debitur li jkun persuna ġuridika jitlef id-dritt tiegħu li jikkonkludi kwalunkwe tranżazzjoni.

Id-debitur jipprovdi lill-qorti, lit-trustee u lill-kumitat dwar il-falliment l-informazzjoni li jeħtieġu b’rabta mal-proċedimenti ta’ falliment, b’mod partikolari dwar l-assi tad-debitur, inklużi obbligi, u attivitajiet ta’ negozju jew professjonali. Id-debitur huwa meħtieġ li jagħti lit-trustee karta tal-bilanċi u inventarju tal-assi tad-debitur, inklużi l-obbligazzjonijiet, mid-data li fiha jkun ġie ddikjarat falliment.

Il-qorti tista’ teħtieġ li d-debitur jieħu ġurament fil-qorti li sa fejn jaf hu l-informazzjoni ppreżentata lill-qorti dwar l-assi, id-djun u l-attivitajiet tan-negozju jew professjonali tiegħu hija korretta.

Id-debitur għandu jipprovdi assistenza lit-trustee interim u lit-trustee fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

Wara li jkun ġie ddikjarat falliment u qabel id-debitur ma jkun ħa ġurament id-debitur ma jistax jitlaq mill-Estonja mingħajr il-permess tal-qorti.

Il-qorti tista’ timponi multa, attendenza obbligatorja jew arrest fuq id-debitur fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ inġunzjoni jew sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ obbligu previst mil-liġi.

Id-debitur għandu d-dritt li jeżamina l-fajl tat-trustee u l-fajl tal-qorti dwar il-kwistjoni ta’ falliment. It-trustee jista', għal raġunijiet iġġustifikati, jiċħad it-talba tad-debitur sabiex jeżamina dokument inkluż fil-fajl tat-trustee jekk dan ikun ta’ detriment għall-iżvolġiment tal-proċediment ta’ falliment.

Ir-riċevent f’falliment

  • Ir-riċevent f’falliment jidħol fi tranżazzjonijiet relatati mal-proprjetà tal-falliment u jwettaq atti oħra. Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw bħala riżultat tal-azzjonijiet tat-trustee jappartjenu għad-debitur. It-trustee, b’mod konformi mad-dmirijiet tiegħu, jipparteċipa fil-qorti bħala parti għat-tilwim relatat mal-proprjetà tal-falliment minflok id-debitur.
  • Meta jiġi ddikjarat falliment, id-dritt tad-debitur li jamministra u li jiddisponi mill-proprjetà tal-falliment jiġi ttrasferit lir-riċevent f’falliment. Fil-proċediment ta’ falliment ta’ debitur li jkun persuna ġuridika, it-trustee jista’ jikkonkludi kwalunkwe tranżazzjoni u jwettaq kwalunkwe att legali bil-proprjetà tal-falliment. Fil-każ ta’ falliment ta’ debitur li jkun persuna fiżika, it-trustee jista’ jikkonkludi biss tali tranżazzjonijiet u jwettaq tali atti legali bil-proprjetà tal-falliment li huma meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan tal-proċediment ta’ falliment u biex jitwettqu d-dmirijiet tat-trustee.
  • It-trustee jiddefendi d-drittijiet u l-interessi tal-kredituri kollha u tad-debitur u jiżgura li l-proċediment ta’ falliment huwa legali, immedjat u finanzjarjament raġjonevoli. It-trustee għandu jwettaq l-obbligi tiegħu bl-attenzjoni mistennija minn trustee diliġenti u onest u għandu jqis l-interessi tal-kredituri kollha u tad-debitur.
  • It-trustee jiddetermina l-pretensjonijiet tal-kredituri, jamministra l-proprjetà tal-falliment, jorganizza l-formazzjoni u l-bejgħ tagħha u s-sodisfar tal-pretensjonijiet tal-kredituri mill-proprjetà tal-falliment; jaċċerta l-kawżi tal-insolvenza tad-debitur u ż-żmien li fih inqalgħet l-insolvenza; jagħmel arranġamenti sabiex l-attivitajiet kummerċjali tad-debitur jkomplu, fejn meħtieġ; imexxi l-likwidazzjoni tad-debitur li jkun persuna ġuridika, fejn meħtieġ; jipprovdi informazzjoni lill-kredituri u lid-debitur fil-każijiet preskritti mil-liġi; jirrapporta dwar l-attivitajiet tagħhom u jipprovdi informazzjoni dwar il-proċediment ta’ falliment lill-qorti, lill-uffiċjal ta’ sorveljanza u lill-kumitat dwar il-falliment; iwettaq obbligi oħra previsti mil-liġi. Jekk l-insolvenza tad-debitur kienet ikkawżata minn żball gravi fil-ġestjoni, it-trustee huwa mitlub iressaq talba għad-danni kontra l-persuna responsabbli għall-iżball immedjatament wara li jsir evidenti li hemm raġunijiet suffiċjenti għall-preżentata ta’ pretensjoni. Minbarra d-drittijiet tat-trustee previsti mil-liġi, trustee għandu wkoll id-drittijiet ta’ trustee interim.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija ?

Fi proċedimenti ta’ falliment Estonjani, it-tpaċija hija permessa. It-tpaċija ta’ pretensjonijiet fi proċedimenti ta’ falliment hija soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)    il-pretensjonijiet li għandhom jiġu paċuti għandhom ikunu obbligi finanzjarji jew obbligi oħra tal-istess tip;

2)    irid ikun wasal iż-żmien li l-kreditur jeżerċita d-dritt tiegħu li jeżegwixxi l-obbligu u l-obbligu tad-debitur irid ikun dovut;

3)    il-kreditur għandu jagħmel dikjarazzjoni ta’ tpaċija lid-debitur qabel tiġi ppreżentata l-proposta finali għal distribuzzjoni lill-qorti, u d-dikjarazzjoni ma għandhiex tkun saret kundizzjonalment jew tkun stabbiliet terminu perentorju;

4)    id-dritt tal-kreditur li jpaċi l-pretensjoni tiegħu kontra l-pretensjoni tad-debitur irid ikun qam qabel ġie ddikjarat falliment.

Jekk il-pretensjoni tad-debitur kienet kontinġenti fuq kondizzjoni sospensiva jew ma kinitx għadha dovuta fiż-żmien li fih ġie ddikjarat il-falliment jew ma tkunx indirizzata lejn l-eżekuzzjoni ta’ obbligi tal-istess tip, il-pretensjoni tista’ tiġi paċuta biss meta tkun waslet il-kundizzjoni sospensiva, il-pretensjoni tad-debitur tkun saret dovuta jew l-obbligi jkunu saru obbligi tal-istess tip. L-ebda tpaċija ma hija permessa jekk tasal il-kondizzjoni sospensiva tal-pretensjoni tad-debitur jew il-pretensjoni tkun saret dovuta qabel il-kreditur seta’ jpaċi l-pretensjoni tiegħu.

Jekk pretensjoni ta’ kreditur tkun skadiet, xorta jista' jpaċi l-pretensjoni jekk id-dritt għat-tpaċija jkun irriżulta qabel l-iskadenza tal-pretensjoni. Il-kreditur jista’ jpaċi wkoll pretensjoni li tirriżulta min-nuqqas tad-debitur li jonora kuntratt li jkun irriżulta mill-fatt li t-trustee jkun irrinunzja għall-obbligu tad-debitur wara li jkun ġie ddikjarat falliment. Jekk l-oġġett ta’ obbligu kuntrattwali huwa diviżibbli u l-kreditur ikun eżegwixxa l-obbligu tiegħu parzjalment saż-żmien li fih jiġi ddikjarat falliment, il-kreditur jista’ jagħmel tpaċija fir-rigward tal-obbligu finanzjarju tad-debitur li jikkorrispondi għal dik il-parti tal-obbligu tal-kreditur li tkun ġiet eżegwita. Jekk id-debitur ikun lokatur residenzjali jew kummerċjali u l-lokatarju residenzjali jew kummerċjali jkun ħallas lid-debitur il-kera bil-quddiem għall-proprjetà jew għall-bini immobbli qabel ma jkun ġie ddikjarat falliment, dan jikkostitwixxi pretensjoni ta’ arrikkiment indebitu kontra d-debitur li l-lokatarju residenzjali jew kummerċjali jista' jpaċi kontra l-pretensjoni tad-debitur kontra l-lokatur residenzjali jew kummerċjali, u l-lokatarju residenzjali jew kummerċjali jista’ jpaċi wkoll pretensjoni għal danni li jkunu rriżultaw mit-terminazzjoni prematura tal-kuntratt jew mill-irtirar mill-kuntratt.

Il-pretensjoni li tkun ġiet akkwistata permezz ta’ ċessjoni tista’ tiġi paċuta fi proċediment ta’ falliment biss jekk il-pretensjoni tkun ġiet assenjata u d-debitur ikun ġie mgħarraf dwar dan bil-miktub mhux aktar tard minn tliet xhur qabel kien ġie ddikjarat il-falliment. Il-pretensjoni kontra d-debitur li tiġi akkwistata permezz ta’ ċessjoni ma tistax tiġi paċuta jekk il-pretensjoni kienet ġiet assenjata fit-tliet snin qabel il-ħatra ta’ trustee interim u dak iż-żmien id-debitur kien insolventi u l-persuna li tkun akkwistat il-pretensjoni kienet konxja jew kellha tkun konxja mill-insolvenza fil-ħin taċ-ċessjoni.

Il-pretensjonijiet li ma jistgħux jiġu paċuti jinkludu talbiet għal manteniment, talbiet għal kumpens li jirriżultaw minn ħsara għas-saħħa jew il-mewt ta’ persuna u pretensjonijiet li jirriżultaw minn aġir illegali u intenzjonat li jikkawża ħsara li l-parti l-oħra għandha kontra l-parti li qed titlob it-tpaċija; il-pretensjonijiet tal-parti l-oħra li dwarhom skont il-liġi ma tista' ssir ebda talba għall-ħlas; talba sekwestrata kontra l-parti l-oħra jekk il-parti li tkun talbet tpaċija tkun akkwistat il-pretensjoni wara s-sekwestru jew jekk il-pretensjoni tagħha tkun saret dovuta wara s-sekwestru u aktar tard mill-pretensjoni sekwestrata; pretensjoni li kontriha l-parti l-oħra tista' tqajjem oġġezzjonijiet jew il-pretensjoni tal-parti l-oħra li t-tpaċija tagħha ma tkunx permissibbli għal raġunijiet oħra li jirriżultaw mil-liġi.

Fil-każ ta’ proċediment ta’ riorganizzazzjoni u ta’ proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn it-tpaċiji ma jiġux regolati separatament, u għalhekk għalihom tapplika l-proċedura ġenerali skont l-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Il-proċedimenti ta’ falliment

It-trustee għandu d-dritt li jeżegwixxi obbligu li ma jkunx ġie eżegwit li jirriżulta minn kuntratt konkluż mid-debitur u jeżiġi li l-parti l-oħra teżegwixxi l-obbligi tagħha jew li jirrinunzja għall-obbligu tad-debitur li jirriżulta minn kuntratt, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi. It-trustee ma jistax jirrinunzja għall-obbligu tad-debitur li jirriżulta minn kuntratt jekk l-obbligu jkun garantit minn avviż bil-quddiem li jkun iddaħħal fir-reġistru tal-artijiet Jekk it-trustee jkompli jeżegwixxi l-obbligu tad-debitur jew javża li biħsiebu jeżegwixxi l-obbligu, il-parti l-oħra għall-kuntratt tkompli teżegwixxi l-obbligi tagħha. F’dan il-każ, it-trustee jitlef id-dritt tiegħu li jirrifjuta li jeżegwixxi l-obbligu tad-debitur. Jekk it-trustee jeżiġi li l-parti l-oħra għall-kuntratt tonora l-kuntratt, il-parti l-oħra tista’ teħtieġ lit-trustee li jiggarantixxi l-eżekuzzjoni tal-obbligu tad-debitur. Il-parti l-oħra tista’ tirrifjuta li teżegwixxi l-obbligu tagħha, tirtira mill-kuntratt jew tikkanċella l-kuntratt sakemm it-trustee jkun assigura l-eżekuzzjoni tal-obbligu tad-debitur. Il-pretensjoni tal-parti l-oħra kontra d-debitur li tkun irriżultat minn obbligu li jkun ġie eżegwit wara li t-trustee jkun talab lill-parti l-oħra teżegwixxi l-obbligu hija obbligu konsolidat. Jekk it-trustee jkun irrinunzja għall-obbligu tad-debitur wara li jkun ġie ddikjarat il-falliment, il-parti l-oħra għall-kuntratt tista’ tippreżenta pretensjoni li tirriżulta mill-fatt li jkun naqas milli jonora l-kuntratt bħala kreditur fil-proċediment ta’ falliment. Jekk l-oġġett ta’ obbligu kuntrattwali huwa diviżibbli u l-parti l-oħra tkun eżegwiet l-obbligu tagħha parzjalment saż-żmien li fih ikun ġie ddikjarat il-falliment, il-parti l-oħra tista’ titlob li l-obbligu finanzjarju tad-debitur jiġi eżegwit sa limitu li jikkorrispondi għas-sehem tal-obbligu tal-parti l-oħra li jkun ġie eżegwit biss bħala kreditur fil-proċediment ta’ falliment.

Il-liġi tistabbilixxi wkoll każijiet speċjali għal ċerti tipi ta’ kuntratti:

1)    jekk debitur ikun biegħ proprjetà mobbli bi dritt ta’ riżerva tal-propjetà qabel ikun ġie ddikjarat il-falliment u jkun ittrasferixxa l-pussess tal-proprjetà mobbli lix-xerrej, ix-xerrej għandu d-dritt li jitlob li jiġi onorat il-kuntratt tal-bejgħ. F’dan il-każ, it-trustee ma jistax jirrinunzja għall-obbligi tad-debitur li jirriżultaw mill-kuntratt tal-bejgħ;

2)    il-falliment ta’ lokatur residenzjali jew kummerċjali ma jservix bħala bażi għat-terminazzjoni tal-kuntratt lokatizju residenzjali jew kummerċjali, sakemm il-kuntratt ma jipprovdix mod ieħor. Jekk il-kuntratt lokatizju residenzjali jew kummerċjali jipprovdi għall-falliment bħala bażi għat-terminazzjoni tal-kuntratt, it-trustee jista’ jikkanċella l-kuntratt fi żmien perjodu ta’ terminazzjoni ta’ xahar, jew inqas jekk dan ikun preskritt fil-kuntratt. Il-falliment ta’ lokatur residenzjali ta’ abitazzjoni ma jservix bħala bażi għat-terminazzjoni tal-kuntratt lokatizju residenzjali tal-abitazzjoni. Jekk id-debitur ikun tħallas bil-quddiem il-kera għall-proprjetà jew għall-bini immobbli qabel ikun ġie ddikjarat il-falliment, il-lokatarju residenzjali jew kummerċjali jista' jpaċi pretensjoni għal arrikkiment indebitu kontra l-pretensjoni tad-debitur kontra l-lokatarju residenzjali jew kummerċjali;

3)    fil-każ ta’ falliment ta’ lokatarju residenzjali jew kummerċjali, il-lokatur residenzjali jew kummerċjali jista’ jittermina l-kuntratt lokatizju residenzjali jew kummerċjali biss skont il-proċedura ġenerali, u l-kuntratt lokatizju residenzjali jew kummerċjali ma jistax jiġi kkanċellat minħabba dewmien fil-ħlas tal-kera jekk id-dewmien ikun minħabba ħlas ta’ kera dovut qabel il-preżentata tar-rikors għal falliment. It-trustee għandu d-dritt li jikkanċella l-kuntratt lokatizju residenzjali jew kummerċjali konkluż mad-debitur fi żmien perjodu ta’ terminazzjoni ta’ xahar, jew inqas jekk dan ikun preskritt fil-kuntratt. Jekk il-proprjetà jew il-bini immobbli ma jkunux ġew trasferiti fil-pussess tad-debitur saż-żmien li fih jiġi ddikjarat il-falliment, kemm it-trustee kif ukoll il-parti l-oħra jistgħu jirtiraw mill-kuntratt. Fil-każ ta’ rtirar mill-kuntratt jew il-kanċellazzjoni tal-kuntratt, il-parti l-oħra tista’ titlob kumpens għal telf li jirriżulta mit-terminazzjoni prematura tal-kuntratt bħala kreditur fil-proċediment ta’ falliment jew permezz ta’ tpaċija;

4)    il-proċedura għal kuntratt lokatizju residenzjali u kummerċjali tapplika wkoll għall-kuntratti lokatizji konklużi mid-debitur.

It-trustee għandu d-dritt li jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni jew it-terminazzjoni ta’ kuntratt, iżda jekk il-parti l-oħra tagħmel proposta lit-trustee sabiex teżerċita dik l-għażla, it-trustee għandu minnufih, iżda mhux aktar tard minn sebat ijiem, jagħti notifika dwar jekk huwiex ser jeżegwixxi jew jirrinunzja għall-obbligu tad-debitur. Fuq talba ta’ trustee, il-qorti tista’ wkoll testendi dak il-perjodu. Jekk it-trustee jonqos milli jagħti notifika fil-ħin dwar l-eżekuzzjoni jew dwar ir-rinunzja tal-obbligu, it-trustee ma jkollux id-dritt li jitlob lill-parti l-oħra sabiex tonora l-kuntratt qabel it-trustee jkun wettaq l-obbligu tad-debitur.

Huwa possibbli wkoll li xi kuntratti konklużi mid-debitur huma rekuperabbli. Pereżempju, il-qorti tirrevoka kuntratti li kienu ġew konklużi matul il-perjodu mill-ħatra ta’ trustee interim sakemm jiġi ddikjarat il-falliment. Minbarra l-kundizzjoni dwar iż-żmien, prekundizzjoni għall-irkupru hija li l-kuntratt ikun għamel ħsara lill-interessi tal-kredituri. Jekk ma tkunx saret ħsara lill-interessi tal-kredituri u l-proprjetà tal-falliment ma tiżdiedx bħala riżultat ta’ rkupru, ma hemm l-ebda raġuni għall-eżekuzzjoni tal-irkupru.

Ġeneralment, debitur li jkun fallut jew it-trustee tiegħu ma jkollux id-dritt li jemenda kuntratti. Madankollu, kuntratti jistgħu jiġu emendati jekk il-kompożizzjoni tkun saret wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment. F’dan il-każ, huwa possibbli li jitnaqqsu d-djun jew jiġi estiż it-terminu perentorju għall-ħlas bħala riżultat ta’ ftehim bejn id-debitur u l-kredituri. L-istess riżultat jista’ jinkiseb ukoll permezz ta’ proċedura ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn. L-Att dwar il-Fallimenti, l-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni u l-Att dwar ir-Ristrutturar tad-Dejn ma jkoprux iċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet jew l-assunzjoni ta’ obbligi b’mod separat, u għalhekk tapplika l-proċedura ġenerali prevista fl-Att dwar il-Liġi tal Obbligi.

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u l-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni r-ristrutturar ta’ kuntratti huwa permess. Ftehim skont liema kreditur jista’ jittermina kuntratt meta jinfetaħ proċediment ta’ riorganizzazzjoni jew jiġi approvat pjan ta’ riorganizzazzjoni huwa null u bla effett. Pretensjoni li tirriżulta minn kuntratt ta' impjieg jew minn tranżazzjoni b’derivattivi ma tistax tiġi ristrutturata fi pjan ta’ riorganizzazzjoni.

Jekk jiġi aċċettat rikors għal ristrutturar tad-dejn, kreditur ma jistax, billi jinvoka ksur ta’ obbligu finanzjarju li jkun seħħ qabel il-preżentata ta’ rikors għal ristrutturar tad-dejn, jittermina kuntratt li jkun ġie konkluż mad-debitur u li jagħti lok għall-pretensjonijiet li d-debitur ikun qiegħed ifittex li jirristruttura, jew jirrifjuta li jeżegwixxi l-obbligi tiegħu abbażi ta’ dawk ir-raġunijiet. Ftehim li skontu kreditur jista’ jittermina kuntratt meta jiġi ppreżentat rikors għal ristrutturar tad-dejn jew jiġi approvat pjan ta’ ristrutturar tad-dejn huwa null u bla effett. Obbligi li jirriżultaw minn kuntratt li jkompli li jinħolqu jew li jiġu dovuti wara li jiġi ppreżentat rikors għal ristrutturar tad-dejn jistgħu jiġu ristrutturati fi proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn. Il-pjan ta’ ristrutturar jista’ jistabbilixxi li ftehim ta’ kreditu jew kuntratt ieħor li jkompli li jkun ġie konkluż minn debitur qabel jiġi ppreżentat rikors għal ristrutturar tad-dejn u li jimponi obbligi finanzjarji fuq id-debitur li jsiru dovuti wara l-preżentata tar-rikors għal ristrutturar tad-dejn jintemm meta jiġi approvat il-pjan ta’ ristrutturar. It-terminazzjoni ta’ kuntratt għandha l-istess konsegwenzi bħall-kanċellazzjoni straordinarja ta’ kuntratt minħabba ċirkostanzi li jirriżultaw mid-debitur. Taħt pjan ta’ ristrutturar l-obbligi tad-debitur li jirriżultaw mit-terminazzjoni ta’ kuntratt jistgħu jiġu ristrutturati minn qabel. Jekk l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt lokatizju jridu jiġu ristrutturati, il-lokatur li huwa kreditur jista' jikkanċella b’mod straordinarju l-kuntratt fi żmien ġimgħa mill-approvazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Wara li jiġi ddikjarat falliment, il-kredituri fil-proċediment ta’ falliment jistgħu jippreżentaw biss il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur fil-proċediment ta’ falliment. It-trustee għandu jiġi notifikat dwar il-pretensjonijiet tiegħu kollha kontra d-debitur li kienu rriżultaw qabel ġie ddikjarat il-falliment, irrispettivament mir-raġunijiet jew mid-dati ta’ maturità għas-sodisfar tal-pretensjonijiet. Il-proċedura ta’ infurzar li tkun infetħet fir-rigward ta’ debitur tingħalaq jekk jiġi ddikjarat falliment, u l-kreditur għandu jippreżenta pretensjoni lir-riċevent f’falliment.

Fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u fi proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn, ma jistgħux jitressqu proċedimenti ġodda matul it-terminu tal-validità tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni u tal-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn, rispettivament, sempliċiment minn dawk il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom jittratta l-pjan inkwistjoni. Fil-każ ta’ riorganizzazzjoni, il-proċedura ta’ infurzar tiġi sospiża, ħlief fil-każ ta’ proċedura ta’ infurzar li ssir biex tiġi sodisfatta pretensjoni li tkun qamet abbażi ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew talba għall-ħlas ta’ manteniment. Fi proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn, il-qorti tista’ tissospendi proċedura ta’ infurzar bħala miżura ta’ protezzjoni legali provviżorja anki qabel l-aġġudikazzjoni jew il-preżentata ta’ rikors. Meta rikors jiġi milqugħ, il-qorti tissospendi l-proċedura ta’ infurzar (jew infurzar obbligatorju) għall-ġbir ta’ flus mwettqa fir-rigward tal-assi tad-debitur sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn jew jingħalaq il-proċediment.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Il-proċedimenti ta’ falliment

F’tilwim dwar il-proprjetà tal-falliment jew l-assi li jistgħu jiġu inklużi fil-proprjetà tal-falliment, id-dritt li d-debitur ikun parti mill-proċediment tal-qorti jiġi ttrasferit lit-trustee. Jekk azzjoni jew xi rikors ieħor relatat mal-proprjetà tal-falliment ippreżentat mid-debitur kontra persuna oħra jkun qiegħed jinstema' fi proċedimenti tal-qorti li jkunu bdew qabel ġie ddikjarat il-falliment jew jekk id-debitur jipparteċipa fi proċediment tal-qorti bħala parti terza, it-trustee jista', skont id-dmirijiet tiegħu, jidħol fil-proċedimenti minflok id-debitur. Jekk it-trustee jkun konxju minn tali proċedimenti iżda ma jidħolx fihom, id-debitur jista’ jkompli bħala r-rikorrent, il-petizzjonant jew parti terza.

Jekk fi proċediment ġudizzjarju li jkun beda qabel ikun ġie ddikjarat il-falliment ikun hemm pretensjoni ta’ proprjetà kontra debitur, iżda ma tkun inqatgħet is-sentenza dwar il-pretensjoni, il-qorti ma tismax it-talba fil-proċedura dwar l-azzjoni. Il-qorti terġa’ tiftaħ il-proċedimenti abbażi ta’ rikors mir-rikorrent jekk qorti superjuri tkun annullat id-deċiżjoni dwar falliment u tkun daħlet fis-seħħ deċiżjoni li tiċħad ir-rikors għal falliment jew jekk il-proċedimenti ta’ falliment ikunu ntemmu permezz ta’ sospensjoni wara li jkun ġie ddikjarat il-falliment.

Jekk tkun ġiet ippreżentata talba għall-esklużjoni ta’ oġġett mill-proprjetà tal-falliment kontra d-debitur fi proċediment ġudizzjarju li jkun beda qabel ma jkun ġie ddikjarat falliment, il-qorti tisma’ t-talba. F’dan il-każ, ir-riċevent f’falliment jista' jidħol fil-proċedimenti minflok id-debitur. Bħala l-konvenut it-trustee għandu d-drittijiet u l-obbligi tad-debitur. Jekk it-trustee ma jidħolx fil-proċedimenti, fuq talba tar-rikorrent il-proċedimenti jistgħu jitkomplew.

Jekk fi proċediment ġudizzjarju tkun teżisti pretensjoni ta’ proprjetà kontra debitur fejn is-sentenza li tkun saret dwar il-pretensjoni tkun soġġetta għal appell, it-trustee jista' jippreżenta appell f’isem id-debitur wara li jiġi ddikjarat falliment. Id-debitur jista’ jippreżenta l-appell bil-kunsens tat-trustee.

Jekk strument amministrattiv kontra debitur ikun ġie kkontestat fil-qorti, it-terminu perentorju għall-kontestazzjoni ta’ dak l-istrument amministrattiv jiġi sospiż.

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u l-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Wara li jiġi ppreżentat rikors għal riorganizzazzjoni, il-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża tista', abbażi ta’ rikors minn impriża u bl-approvazzjoni tal-konsulent tar-riorganizzazzjoni, li hija mehmuża mar-rikors, tissospendi l-proċediment ġudizzjarju li jinvolvi pretensjoni finanzjarja kontra l-impriża sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew jingħalqu l-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni, ħlief fil-każ ta’ talba ppreżentata abbażi ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew talba għall-ħlas ta’ manteniment li dwarha ma tkunx għadha nqatgħet is-sentenza. Meta taċċetta rikors għal ristrutturar tad-dejn, il-qorti tissospendi l-proċedimenti tal-qorti li jinvolvu pretensjoni finanzjarja kontra d-debitur li dwarha ma tkunx għadha nqatgħet is-sentenza sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew jingħalqu l-proċedimenti.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Il-parteċipazzjoni ta’ kredituri fi proċedimenti ta’ falliment

Il-kreditur jirrappreżenta l-pretensjoni tiegħu fil-proċediment ta’ falliment. Il-kredituri huma meħtieġa jinnotifikaw lit-trustee dwar il-pretensjonijiet kollha tagħhom kontra d-debitur li kienu rriżultaw qabel ġie ddikjarat il-falliment, irrispettivament mir-raġunijiet jew mid-dati ta’ maturità għas-sodisfazzjon tal-pretensjonijiet, mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ falliment f’Ametlikud Teadaanded. It-trustee għandu jiġi nnotifikat dwar pretensjoni permezz ta’ rikors bil-miktub (prova ta’ pretensjoni). Il-kredituri għandhom jiddefendu l-pretensjonijiet tagħhom waqt laqgħa ġenerali tal-kredituri (laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet). Id-drittijiet ta’ garanzija jiġu difiżi flimkien mal-pretensjonijiet li jiżguraw. Pretensjoni, il-klassifikazzjoni tagħha u d-dritt ta’ garanzija li tassigura l-pretensjoni jitqiesu li jkunu ġew milqugħa jekk la t-trustee u lanqas xi wieħed mill-kredituri ma joġġezzjona għalihom waqt il-laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet. Pretensjoni jew il-klassifikazzjoni tagħha milqugħa f’laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet ma tistax tiġi kkontestata aktar ’il quddiem.

Minbarra l-fatt li kull kreditur jirrappreżenta l-pretensjoni tiegħu u d-difiża tagħha, il-kredituri jipparteċipaw ukoll fit-tmexxija tal-proċediment ta’ falliment permezz tal-laqgħa ġenerali tal-kredituri. Laqgħa ġenerali tal-kredituri hija kompetenti sabiex fiha jiġi approvat it-trustee u jiġi elett kumitat dwar il-falliment, tittieħed deċiżjoni dwar il-kontinwazzjoni jew ix-xoljiment tal-intrapriża tad-debitur, tittieħed deċiżjoni dwar ix-xoljiment tad-debitur jekk id-debitur ikun persuna ġuridika, issir kompożizzjoni, tittieħed deċiżjoni dwar il-limitu previst mil-liġi dwar kwistjonijiet relatati mal-bejgħ tal-proprjetà tal-falliment, jiġu difiżi pretensjonijiet, jiġu riżolti lmenti li jkunu tressqu kontra l-attivitajiet tat-trustee, tittieħed deċiżjoni dwar ir-rimunerazzjoni tal-membri tal-kumitat dwar il-falliment u jiġu riżolti kwistjonijiet oħra li huma fil-kompetenza tal-laqgħa ġenerali tal-kredituri skont il-liġi. Jekk laqgħa ġenerali tal-kredituri tiddeċiedi li taħtar kumitat dwar il-falliment, huwa d-dmir ta’ dan tal-aħħar, fost affarijiet oħra, li jipproteġi l-interessi tal-kredituri kollha fil-proċediment ta’ falliment.

Il-parteċipazzjoni ta’ kredituri fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni

Il-konsulent tar-riorganizzazzjoni jinnotifika minnufih lill-kredituri dwar il-ftuħ ta’ proċediment ta’ riorganizzazzjoni u dwar id-daqs tal-pretensjonijiet li jkollhom kontra l-impriża skont il-lista tad-djun. Għal dan il-għan, il-konsulent jippreżenta avviż ta’ riorganizzazzjoni lill-kredituri. Jekk kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun intalbet li tiġi riorganizzata taħt pjan ta’ riorganizzazzjoni ma jaqbilx mal-informazzjoni fl-avviż ta’ riorganizzazzjoni, il-kreditur għandu, fit-terminu perentorju stabbilit fl-avviż ta’ riorganizzazzjoni, jippreżenta rikors bil-miktub lill-konsulent tar-riorganizzazzjoni li jistabbilixxi f’liema rigward ma jaqbilx mal-pretensjoni fl-avviż ta’ riorganizzazzjoni u jippreżenta evidenza bħala prova ta’ dawn iċ-ċirkostanzi. Jekk sad-data dovuta ma jiġi ppreżentat ebda rikors, il-kreditur jitqies li jkun qabel mad-daqs tal-pretensjoni. Jekk il-konsulent tar-riorganizzazzjoni ma jaqbilx ma’ allegazzjoni li tkun saret fir-rikors tal-kreditur, għandu fil-pront jippreżenta r-rikors flimkien ma’ evidenza lill-qorti u jissostanzja għaliex ma jaqbilx mal-informazzjoni fir-rikors. Il-konsulent tar-riorganizzazzjoni għandu jiġġustifika l-allegazzjonijiet tiegħu. Fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet u tal-provi mressqa, il-qorti tiddeċiedi dwar id-daqs tal-pretensjoni prinċipali u dwar il-pretensjoni ta’ kollaterali tal-kreditur u dwar l-eżistenza u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-garanzija.

Il-parteċipazzjoni ta’ kredituri fi proċedimenti ta’ ristrutturar

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn jikkonċernaw il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur ikunu saru dovuti saż-żmien li fih jiġi ppreżentat rikors għal ristrutturar tad-dejn. Id-deċiżjoni biex jiġi milqugħ rikors għal ristrutturar tittieħed mill-qorti, li tista’, fejn meħtieġ, tisma’ wkoll l-opinjoni tal-kreditur u titlob informazzjoni jew dokumenti addizzjonali. Id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors tiġi trażmessa lid-debitur u lill-kredituri kollha li l-pretensjonijiet tagħhom id-debitur ikun qiegħed ifittex li jirristruttura. Jekk rikors jiġi milqugħ, kreditur ma jistax, billi jinvoka ksur ta’ obbligu finanzjarju li jkun seħħ qabel ma tressaq ir-rikors għal ristrutturar tad-dejn, jittermina kuntratt li jkun ġie konkluż mad-debitur u li jagħti lok għall-pretensjonijiet li d-debitur ikun qiegħed ifittex li jirristruttura, jew jirrifjuta li jwettaq l-obbligi tiegħu abbażi ta’ dawk ir-raġunijiet. Meta tagħti pjan ta’ ristrutturar lill-kreditur, il-qorti tagħti lill-kreditur terminu perentorju ta’ mill-inqas ġimgħatejn, iżda ta’ mhux aktar minn erba' ġimgħat, wara li jkun irċieva l-pjan ta’ ristrutturar biex jesprimi opinjoni lill-qorti jew lill-konsulent. Il-kreditur għandu jesprimi opinjoni dwar jekk il-kreditur jaqbilx mal-informazzjoni tad-debitur dwar il-pretensjoni u l-garanzija, il-kalkolu tad-dejn min-naħa tad-debitur u r-ristrutturar tad-dejn bil-mod mitlub mid-debitur. Jekk il-kreditur ma jaqbilx mar-ristrutturar tad-dejn bil-mod mitlub mid-debitur, il-kreditur għandu jindika jekk jaqbilx li d-dejn jiġi ristrutturat b’xi mod ieħor. Jekk il-kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun intalbet li tiġi riorganizzata ma jaqbilx mal-informazzjoni mogħtija mid-debitur fil-lista tad-djun, il-kreditur għandu jinnotifika lill-qorti jew, jekk jiġi stabbilit mill-qorti, lill-konsulent fit-terminu perentorju stabbilit mill-qorti f’liema rigward ma jaqbilx mal-pretensjoni u jippreżenta evidenza bħala prova ta’ dawn iċ-ċirkostanzi. Jekk ir-rikors ma jiġix ippreżentat sad-data dovuta, il-kreditur jitqies li jkun qabel mad-daqs tal-pretensjoni. Jekk id-debitur jew il-konsulent ma jaqbilx ma’ allegazzjoni li tkun saret fir-rikors tal-kreditur, għandu fil-pront jippreżenta rikors flimkien ma’ evidenza lill-qorti u jissostanzja għaliex ma jaqbilx mal-informazzjoni fir-rikors. Fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet u tal-provi mressqa, il-qorti tiddeċiedi dwar id-daqs tal-pretensjoni prinċipali u dwar il-pretensjoni ta’ kollateral tal-kreditur u dwar l-eżistenza tal-garanzija.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

L-assi tad-debitur isiru l-proprjetà tal-falliment abbażi ta’ deċiżjoni dwar falliment u jintużaw bħala assi maħsuba biex jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet tal-kredituri u sabiex jitwettaq il-proċediment ta’ falliment. Il-proprjetà tal-falliment tfisser l-assi tad-debitur fil-mument li fih jiġi ddikjarat falliment, kif ukoll assi li jkunu ntalbu lura jew li ġew irkuprati u assi akkwistati mid-debitur matul il-proċediment ta’ falliment. L-assi tad-debitur li dwarhom, skont il-liġi, ma tista' ssir ebda talba għall-ħlas ma jiġux inklużi fil-proprjetà tal-falliment.

Meta jiġi ddikjarat falliment, id-dritt tad-debitur li jamministra u li jiddisponi mill-proprjetà tal-falliment jiġi ttrasferit lir-riċevent f’falliment. Wara li jiġi ddikjarat il-falliment, kwalunkwe disponiment mid-debitur fir-rigward ta’ oġġetti li jagħmlu parti mill-proprjetà tal-falliment huwa null u bla effett. Qabel jiġi ddikjarat falliment, il-qorti tista’ tipprojbixxi lil debitur milli jiddisponi minn assi jew minn sehem tal-assi mingħajr il-kunsens tat-trustee interim.

It-trustee għandu jieħu pussess tal-assi tad-debitur u jibda l-amministrazzjoni tal-proprjetà tal-falliment mingħajr dewmien wara li tinħareġ deċiżjoni dwar falliment. It-trustee għandu jitlob lura l-assi tad-debitur li jkunu fil-pussess ta’ parti terza għall-proprjetà tal-falliment, sakemm ma jiġix previst mod ieħor mil-liġi. L-amministrazzjoni ta’ proprjetà tal-falliment tinkludi l-eżekuzzjoni ta’ atti bil-proprjetà tal-falliment li huma meħtieġa għall-preservazzjoni tal-proprjetà tal-falliment u għall-eżekuzzjoni tal-proċediment ta’ falliment, kif ukoll il-ġestjoni tal-attivitajiet tad-debitur jekk id-debitur ikun persuna ġuridika jew l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tan-negozju tad-debitur jekk id-debitur ikun jaħdem għal rasu. Fil-proċediment ta’ falliment ta’ debitur li jkun persuna ġuridika, it-trustee għandu tali drittijiet u obbligi tal-bord maniġerjali jew tal-korp li jissostitwixxi l-bord maniġerjali tal-persuna ġuridika li ma jmorrux kontra l-għan tal-proċediment ta’ falliment. Ir-responsabbiltà tat-trustee hija ugwali għar-responsabbiltà ta’ membru ta’ korp maniġerjali.

It-trustee jista’ jikkonkludi tranżazzjoni bil-proprjetà tal-falliment fi flus unikament bil-permess tal-qorti. It-trustee ma jagħmel ebda pagament lill-kredituri fi flus abbażi tal-proporzjon tad-distribuzzjoni. It-trustee jista’ jikkonkludi tranżazzjonijiet ta’ rilevanza partikolari għall-proċediment ta’ falliment unikament bil-kunsens tal-kumitat dwar il-falliment. It-tranżazzjonijiet ta’ rilevanza partikolari huma, qabel kollox, self u, fil-każ ta’ intrapriża li tkun inkluża fil-proprjetà tal-falliment, it-tranżazzjonijiet kollha li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet regolari ta’ negozju tal-intrapriża. It-trustee ma jista’ jikkonkludi ebda tranżazzjoni miegħu nnifsu jew ma’ persuni relatati miegħu fir-rigward ta’ jew f’isem il-proprjetà tal-falliment jew jikkonkludi xi tranżazzjoni oħra ta’ natura simili jew li tinvolvi kunflitt ta’ interessi jew jitlob kumpens għall-ispejjeż imġarrba fi tranżazzjonijiet bħal dawn.

It-trustee jista’ jibda l-bejgħ tal-proprjetà tal-falliment wara l-ewwel laqgħa ġenerali tal-kredituri, ħlief jekk il-kredituri jkunu ddeċidew mod ieħor waqt il-laqgħa. Jekk id-debitur ikun appella kontra d-deċiżjoni dwar il-falliment, l-assi tad-debitur ma jistgħux jinbiegħu mingħajr il-kunsens tad-debitur qabel jinstema l-appell ippreżentat quddiem il-qorti distrettwali. Dawn ir-restrizzjonijiet ma japplikawx għall-bejgħ ta’ assi li jitħassru malajr ħafna, li jonqsu malajr fil-valur jew li l-ħżin jew il-preservazzjoni tagħhom hija eċċessivament għalja. Jekk l-attivitajiet tal-intrapriża tad-debitur ikomplu, l-assi ma jistgħux jinbiegħu jekk dan ifixkel it-tkomplija tal-attivitajiet tal-intrapriża. Jekk tiġi ppreżentata proposta għal kompożizzjoni, l-assi ma jistgħux jinbiegħu qabel issir il-kompożizzjoni, sakemm il-laqgħa ġenerali tal-kredituri ma tiddeċidix li jistgħu jinbiegħu, irrispettivament mill-proposta għal kompożizzjoni. Il-proprjetà tal-falliment tinbiegħ b’irkant skont il-proċedura prevista fil-Kodiċi ta’ Proċedura ta’ Infurzar.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Il-pretensjonijiet li għandhom jiġu ppreżentati kontra l-proprjetà tal-falliment tad-debitur

Il-pretensjonijiet kollha li rriżultaw kontra d-debitur qabel ikun ġie ddikjarat il-falliment għandhom jiġu ppreżentati kontra l-proprjetà tal-falliment tad-debitur, irrispettivament mir-raġunijiet jew mid-dati ta’ maturità għas-sodisfar tal-pretensjonijiet. Meta jiġi ddikjarat falliment, il-pretensjonijiet kollha tal-kredituri kontra d-debitur jitqiesu li jkunu ġew dovuti, sakemm ma jiġix previst mod ieħor mil-liġi. Jekk kreditur ikun ressaq pretensjoni korrispondenti mal-qorti iżda ma tkun għadha ttieħdet l-ebda deċiżjoni ġudizzjarja, il-qorti tissospendi l-proċedura dwar l-azzjoni u l-kreditur għandu jippreżenta l-pretensjoni lir-riċevent f’falliment. Jekk kreditur ikun ippreżenta pretensjoni quddiem il-qorti u l-qorti tkun ħarġet sentenza li tkun daħlet fis-seħħ, il-kreditur għandu jippreżenta wkoll il-pretensjoni tiegħu lir-riċevent f’falliment, iżda tali pretensjoni titqies li tkun ġiet difiża. Jekk id-debitur seta’ kkontestata d-deċiżjoni ġudizzjarja, ir-riċevent f’falliment jista' jagħmel dan.

L-indirizzar ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment

Wara li jiġi ddikjarat falliment, il-kredituri fil-proċediment ta’ falliment jistgħu jippreżentaw biss il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur skont il-proċedura prevista fl-Att dwar il-Fallimenti. Il-pretensjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati biss lir-riċevent f’falliment u jistgħu jiġi ppreżentati biss dawk il-pretensjonijiet li kienu rriżultaw qabel ġie ddikjarat il-falliment. Il-pretensjonijiet li jirriżultaw wara li jkun ġie ddikjarat il-falliment ma jistgħux jiġu ppreżentati qabel jingħalaq il-proċediment ta’ falliment. Għandu jittieħed kont tal-fatt li, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, f’ħafna każijiet l-għeluq ta’ proċedimenti ta’ falliment jinvolvi l-likwidazzjoni tal-persuna ġuridika, u bħala riżultat ma jkun hemm l-ebda persuna li kontriha jistgħu jiġu ppreżentati l-pretensjonijiet wara l-proċediment ta’ falliment. Għalhekk, hemm bżonn li tingħata attenzjoni u li jitqies dak ir-riskju meta jiġu konklużi tranżazzjonijiet ma’ persuna ġuridika li tkun falluta. Il-pretensjonijiet kontra persuna fiżika li jirriżultaw matul proċediment ta’ falliment jistgħu jiġu ppreżentati wara l-proċediment ta’ falliment skont il-proċedura ġenerali. L-obbligi ta’ kumpens għal danni kkawżati matul proċediment ta’ falliment minħabba l-azzjoni illegali ta’ debitur li jkun persuna ġuridika huma obbligi konsolidati, u għalhekk id-debitur jista’ jkun meħtieġ jeżegwihom matul il-proċediment ta’ falliment skont il-proċedura ġenerali. Sabiex jiġu eżegwiti l-obbligi tista' titwettaq ukoll proċedura ta’ infurzar fir-rigward tal-proprjetà tal-falliment.

Huwa possibbli wkoll li tinqala' sitwazzjoni fejn wara li jiġi ddikjarat falliment, id-debitur jiddisponi minn oġġett li jkun jappartjeni għall-proprjetà tal-falliment. Tali disponiment ikun null u bla effett peress li, meta jkun ġie ddikjarat il-falliment, id-dritt ta’ amministrazzjoni u ta’ disponiment tal-assi jiġi ttrasferit lir-riċevent f’falliment. Jekk madanakollu jkun hemm disponiment mid-debitur, l-assi trasferiti mill-parti l-oħra abbażi tad-disponiment jiġu rritornati lill-parti jekk l-assi jkunu baqgħu fil-proprjetà tal-falliment, jew jingħata kumpens jekk il-proprjetà tal-falliment tkun żdiedet bħala riżultat tat-trasferiment. Jekk id-debitur ikun iddispona mill-oġġett fil-jum li fih ikun ġie ddikjarat il-falliment, huwa preżunt li d-disponiment ikun sar wara li jkun ġie ddikjarat il-falliment. Jekk id-debitur ikun iddispona mill-pretensjonijiet futuri tiegħu qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, id-disponiment isir null u bla effett fir-rigward tal-pretensjonijiet li jirriżultaw wara. Id-debitur li huwa persuna fiżika jista’ jiddisponi mill-proprjetà tal-falliment bil-kunsens tat-trustee. Kwalunkwe disponiment mingħajr il-kunsens tat-trustee huwa null u bla effett.

L-indirizzar ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Matul it-terminu ta’ validità ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni, ma jista’ jiġi ppreżentat ebda att promotur abbażi ta’ pretensjoni li għaliha japplika l-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Atti promoturi jistgħu jiġu ppreżentati dwar pretensjonijiet oħra. Matul it-terminu ta’ validità ta’ pjan ta’ ristrutturar, fi proċedimenti dwar rikors ma jista’ jiġi ppreżentat ebda att promotur jew rikors abbażi ta’ pretensjoni li għaliha japplika l-pjan ta’ ristrutturar. Atti promoturi jistgħu jiġu ppreżentati dwar pretensjonijiet oħra. L-approvazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar ma tillimitax id-dritt tal-kreditur sabiex fil-proċediment ġudizzjarju jikkontesta l-pretensjonijiet li ma jkunux ġew milqugħa fil-pjan ta’ ristrutturar. Fi proċediment ġudizzjarju kreditur jista’ jikkontesta wkoll id-daqs tal-pretensjoni sal-limitu tas-sehem li ma jkunx ġie aċċettat.

Il-preżentata ta’ rikors għal riorganizzazzjoni jew ta’ rikors għal ristrutturar tad-dejn minn debitur tissospendi l-perjodu ta’ limitazzjoni fir-rigward ta’ pretensjonijiet kontra d-debitur. Wara li jiġi ppreżentat rikors għal riorganizzazzjoni, il-qorti li tkun qed tisma’ l-kwistjoni tista', abbażi ta’ rikors minn impriża u bl-approvazzjoni tal-konsulent tar-riorganizzazzjoni, li hija mehmuża mar-rikors, tissospendi l-proċedimenti tal-qorti li jinvolvu pretensjoni finanzjarja kontra l-impriża sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew jingħalqu l-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni, ħlief fil-każ ta’ talba ppreżentata abbażi ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew talba għall-ħlas ta’ manteniment li dwarha ma tkunx għadha nqatgħet is-sentenza. Meta taċċetta rikors għal ristrutturar tad-dejn, il-qorti tissospendi l-proċedimenti tal-qorti li jinvolvu pretensjoni finanzjarja kontra d-debitur li dwarha ma tkunx għadha nqatgħet is-sentenza sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew jingħalqu l-proċedimenti.

Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni ma jeħlisx lil persuna li tkun responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ impriża mill-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ dik il-persuna. Il-pjan ta’ ristrutturar ma jeħlisx lil persuna li tkun responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-obbligu tad-debitur mill-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ dik il-persuna.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Ir-regoli dwar il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni ta’ pretensjonijiet fi proċedimenti ta’ falliment

Il-kredituri huma meħtieġa jinnotifikaw lit-trustee dwar il-pretensjonijiet kollha tagħhom kontra d-debitur li kienu rriżultaw qabel ġie ddikjarat il-falliment, irrispettivament mir-raġunijiet jew mid-dati ta’ maturità għas-sodisfar tal-pretensjonijiet, mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ falliment f’Ametlikud Teadaanded. Meta jiġi ddikjarat falliment, il-pretensjonijiet kollha tal-kredituri kontra d-debitur jitqiesu li jkunu ġew dovuti. It-trustee għandu jiġi nnotifikat dwar pretensjoni permezz ta’ rikors bil-miktub (prova ta’ pretensjoni). Il-prova tal-pretensjoni tistabbilixxi l-kontenut, il-bażi u d-daqs tal-pretensjoni u dwar jekk il-pretensjoni tkunx assigurata permezz ta’ rahan. Id-dokumenti li jagħtu evidenza taċ-ċirkostanzi msemmija fil-prova tal-pretensjoni jiġu mehmuża magħha. It-trustee huwa meħtieġ jivverifika jekk il-pretensjonijiet ippreżentati humiex ġustifikati u jekk jeżistux id-drittijiet ta’ garanzija li jiggarantixxu l-pretensjonijiet. Il-kredituri u d-debitur jistgħu jippreżentaw oġġezzjonijiet bil-miktub dwar il-pretensjonijiet jew id-drittijiet ta’ garanzija li jiggarantixxu l-pretensjonijiet lit-trustee qabel il-laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet.

Il-pretensjonijiet jiġu difiżi waqt laqgħa ġenerali tal-kredituri (laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet). Id-drittijiet ta’ garanzija jiġu difiżi flimkien mal-pretensjonijiet li jiżguraw. Waqt laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet, il-pretensjonijiet jinstemgħu fl-ordni li fih ikunu ġew ippreżentati. Pretensjoni, il-klassifikazzjoni tagħha u d-dritt ta’ garanzija li jiggarantixxi l-pretensjoni jitqiesu li jkunu ġew milqugħa jekk la t-trustee u lanqas xi wieħed mill-kredituri ma joġġezzjona għalihom waqt il-laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet jew jekk it-trustee jew il-kreditur li jkun ippreżenta oġġezzjoni jirrinunzja għall-oġġezzjoni waqt il-laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet. It-trustee huwa meħtieġ joġġezzjona għal pretensjoni jew għal dritt ta’ garanzija waqt il-laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet jekk ikun hemm raġunijiet għal oġġezzjoni. Waqt il-laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet, pretensjonijiet issodisfati b’deċiżjoni tal-qorti jew ta’ arbitraġġ li tkun daħlet fis-seħħ, id-drittijiet ta’ garanzija milqugħa b’deċiżjoni tal-qorti jew ta’ arbitraġġ li tkun daħlet fis-seħħ u d-drittijiet ta’ garanzija mniżżla fir-reġistru tal-artijiet, fir-reġistru ta’ bastiment, f’reġistru ta’ rahan kummerċjali jew fir-Reġistru Ċentrali Estonjan tat-Titoli jitqiesu li jkunu ġew milqugħa mingħajr difiża. Titħejja lista ta’ pretensjonijiet milqugħa.

Il-minuti ta’ laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet jindikaw jekk kull pretensjoni separata jew id-dritt ta’ garanzija li jiggarantixxi l-pretensjoni jkunx ġie milqugħ jew le u min kien oġġezzjona għall-pretensjoni, għall-klassifikazzjoni tagħha jew għad-dritt ta’ garanzija li jiggarantixxi l-pretensjoni. Il-minuti jindikaw ukoll min irrinunzja għal oġġezzjoni li tkun ġiet ippreżentata. Jekk pretensjoni ta’ kreditur ma tkunx ġiet milqugħa u l-kreditur ma jkunx ippreżenta rikors għall-ammissjoni tal-pretensjoni jew il-qorti tkun ċaħdet ir-rikors, l-oġġezzjonijiet tal-kreditur għall-pretensjonijiet ta’ kreditur ieħor jiġu injorati. Jekk ma tkun ġiet ippreżentata ebda oġġezzjoni oħra għall-pretensjoni ta’ kreditur ieħor, il-pretensjoni titqies li ġiet milqugħa. Il-pretensjoni jew il-klassifikazzjoni tagħha milqugħa f’laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet ma tistax tiġi kkontestata aktar ’il quddiem.

Ir-regoli dwar il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni ta’ pretensjonijiet fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u fi proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Fi proċediment ta’ riorganizzazzjoni, id-debitur jippreżenta lista ta’ djun li fiha jistabbilixxi l-pretensjonijiet kollha kontrih kif ukoll il-kredituri korrispondenti. Għalhekk, il-kredituri nfushom ma jippreżentaw ebda pretensjoni. Il-kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun intalbet li tiġi riorganizzata taħt pjan ta’ riorganizzazzjoni u li ma jaqbilx mad-daqs tal-pretensjoni tiegħu fil-proċediment ta’ riorganizzazzjoni jista' jippreżenta rikors bil-miktub lill-konsulent tar-riorganizzazzjoni li jistabbilixxi f’liema rigward ma jaqbilx mal-pretensjoni fl-avviż ta’ riorganizzazzjoni u jippreżenta evidenza bħala prova ta’ dawn iċ-ċirkostanzi. Jekk sad-data dovuta ma jiġi ppreżentat ebda rikors, il-kreditur jitqies li jkun qabel mad-daqs tal-pretensjoni. Id-debitur jista’ joġġezzjona għall-argumenti mressqa mill-kreditur, iżda d-debitur għandu jissostanzja l-pożizzjonijiet tiegħu. Fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet u tal-provi mressqa, il-qorti tiddeċiedi dwar id-daqs tal-pretensjoni prinċipali u dwar il-pretensjoni ta’ kollaterali tal-kreditur u dwar l-eżistenza u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-garanzija.

Fi proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn, id-debitur jippreżenta pjan ta’ ristrutturar tad-dejn li jindika l-obbligi li għandhom jiġu ristrutturati u l-mod ta’ ristrutturar mitlub mid-debitur. Bl-istess mod bħal fil-każ ta’ proċediment ta’ riorganizzazzjoni, il-kredituri nfushom ma jippreżentaw ebda pretensjoni. Jekk il-kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun intalbet li tiġi ristrutturata ma jaqbilx mal-informazzjoni mogħtija mid-debitur fil-lista tad-djun, il-kreditur għandu jinnotifika lill-qorti jew, jekk jiġi stabbilit mill-qorti, lill-konsulent fit-terminu perentorju stabbilit mill-qorti f’liema rigward ma jaqbilx mal-pretensjoni u jippreżenta evidenza bħala prova ta’ dawn iċ-ċirkostanzi. Jekk ir-rikors ma jiġix ippreżentat sad-data dovuta, il-kreditur jitqies li jkun qabel mad-daqs tal-pretensjoni. Jekk id-debitur jew il-konsulent ma jaqbilx ma’ allegazzjoni li tkun saret fir-rikors tal-kreditur, għandu fil-pront jippreżenta r-rikors flimkien ma’ evidenza lill-qorti u jissostanzja għaliex ma jaqbilx mal-informazzjoni fir-rikors. Fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet u tal-provi mressqa, il-qorti tiddeċiedi dwar id-daqs tal-pretensjoni prinċipali u dwar il-pretensjoni ta’ kollateral tal-kreditur u dwar l-eżistenza tal-garanzija.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Il-prinċipju applikabbli huwa li l-kredituri kollha jiġu trattati bl-istess mod. Madankollu, japplikaw ċerti eċċezzjonijiet li jipprovdu lil xi kredituri bi dritt preferenzjali.

Qabel jitħallsu flus abbażi ta’ proporzjonijiet ta’ distribuzzjoni, il-ħlasijiet relatati mal-proċediment ta’ falliment jsiru mill-proprjetà tal-falliment fl-ordni li ġejja:

1) pretensjonijiet li jirriżultaw mill-konsegwenzi tal-esklużjoni jew tal-irkupru ta’ assi;

2) manteniment pagabbli lid-debitur u lid-dipendenti tiegħu;

3) obbligi konsolidati;

4) il-kostijiet u l-ispejjeż imġarrba waqt il-proċediment ta’ falliment.

Wara li jkunu saru dawn il-pagamenti, il-pretensjonijiet tal-kredituri jiġu sodisfatti fl-ordni li ġejja:

1) pretensjonijiet milqugħa garantiti b’rahan;

2) pretensjonijiet oħra milqugħa li kienu ġew ippreżentati matul it-terminu perentorju stabbilit;

3) pretensjonijiet oħra li ma kinux ippreżentati fit-terminu perentorju stabbilit; iżda li ġew milqugħa.

Ir-responsabbiltà ta’ parti terza għall-obbligi tad-debitur hija possibbli fil-każ ta’ debituri in solidum. F’dan il-każ, id-debitur in solidum huwa responsabbli għall-kreditur, irrispettivament mill-insolvenza tad-debitur. Jekk debitur in solidum iħallas is-sehem tad-dejn li l-kreditur ikun ippreżenta wkoll kontra d-debitur, dak is-sehem jiġi dedott mill-pretensjoni.

Huwa possibbli wkoll li l-obbligu tad-debitur jiġi ttrasferit lil parti terza abbażi tal-liġi. Jekk impjegatur ikun sar insolventi, jiġifieri l-impjegatur ikun ġie ddikjarat fallut jew il-proċediment ta’ falliment ikun intemm f’sospensjoni, l-impjegat jiġi kkumpensat għal kull rimunerazzjoni li ma tkunx ingħatat qabel l-impjegatur ikun ġie ddikjarat insolventi, kwalunkwe leave imħallas li ma jkunx ingħata qabel l-impjegatur ikun ġie ddikjarat insolventi u kwalunkwe benefiċċju li ma jkunx ingħata qabel ikun ġie kkanċellat il-kuntratt ta’ impjieg qabel jew wara l-impjegatur ikun ġie ddikjarat insolventi. Jekk impjegatur ikun insolventi, il-kreditur fi proċediment ta’ falliment fir-rigward tal-primjums tal-assigurazzjoni tal-qgħad li ma jkunux ingħataw sad-data dovuta huwa l-istat.

Fi proċediment ta’ riorganizzazzjoni u fi proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn, mhuwiex possibbli li tiġi diskussa l-proprjetà tal-falliment, u l-pretensjonijiet jiġu sodisfatti skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ ristrutturar tad-dejn. Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni ma jeħlisx lil persuna li tkun responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ impriża mill-eżekuzzjoni tal-obbligu tal-persuna. Jekk il-persuna li tkun responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ impriża tkun eżegwiet l-obbligu, il-persuna jkollha biss id-dritt ta’ rikors kontra l-impriża sal-punt li l-impriża hija responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligu skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni. L-approvazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar ma jeħlisx lil persuna li tkun responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-obbligu tad-debitur mill-eżekuzzjoni tal-obbligu tal-persuna. Jekk il-persuna li tkun responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-obbligu tad-debitur tkun eżegwiet l-obbligu, il-persuna jkollha biss id-dritt ta’ rikors kontra d-debitur sal-punt li d-debitur huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligu skont il-pjan ta’ ristrutturar.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

L-għeluq ta’ proċedimenti ta' falliment u l-effetti tal-għeluq

Il-proċedimenti ta’ falliment jintemmu biċ-ċaħda tar-rikors għal falliment, bis-sospensjoni tal-proċedimenti ta’ falliment, wara li r-raġunijiet għall-falliment ma jkunux għadhom jeżistu, bil-kunsens tal-kredituri, meta jiġi approvat ir-rapport finali, meta tiġi approvata kompożizzjoni jew għal raġunijiet oħra previsti mil-liġi.

Il-qorti ttemm il-proċedimenti b’sospensjoni permezz ta’ deċiżjoni mingħajr ma tiddikjara falliment, irrispettivament mill-insolvenza tad-debitur, jekk l-assi tad-debitur ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-kostijiet u l-ispejjeż imġarrba fil-proċediment ta’ falliment u jekk ma jkunx possibbli li jiġu rkuprati jew li jintalbu lura l-assi jew tiġi ppreżentata pretensjoni kontra membru ta’ korp maniġerjali. Il-qorti tista' wkoll tagħlaq proċediment permezz ta’ sospensjoni mingħajr ma tiddikjara falliment, irrispettivament mill-insolvenza tad-debitur, jekk l-assi tad-debitur jikkonsistu primarjament fi pretensjonijiet għal irkupru jew pretensjonijiet kontra partijiet terzi u ma jkunx probabbli li dawn il-pretensjonijiet jiġu sodisfatti. Il-qorti ma tagħlaqx proċediment permezz ta’ sospensjoni jekk id-debitur, kreditur jew parti terza tittrasferixxi l-ammont stabbilit mill-qorti bħala depożitu sabiex jiġu koperti l-kostijiet u l-ispejjeż imġarrba fil-proċediment ta’ falliment fil-kont preskritt għal dan il-għan. Jekk il-proċediment ta’ falliment ta’ debitur li jkun persuna ġuridika tintemm f’sospensjoni, it-trustee interim jillikwida l-persuna ġuridika fi żmien xahrejn mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni dwar l-għeluq tal-proċediment mingħajr proċedura ta’ likwidazzjoni. Jekk, mas-sospensjoni tal-proċediment ta’ falliment, id-debitur ikollu xi assi, l-ewwel titħallas ir-rimunerazzjoni tat-trustee interim u jiġu koperti l-ispejjeż neċessarji.

Il-qorti tagħlaq il-proċedimenti ta’ falliment abbażi ta’ rikors mid-debitur jekk ir-raġunijiet għall-proċedimenti ta’ falliment ikunu waqfu milli jeżistu, sakemm id-debitur jagħti evidenza li mhuwiex insolventi jew li ma hemmx il-probabbiltà li jsir insolventi jekk jiġi ddikjarat falliment minħabba l-probabbiltà li d-debitur kien ser isir insolventi fil-futur. Jekk il-proċedimenti ta’ falliment jingħalqu minħabba li r-raġunijiet għall-proċedimenti ta’ falliment ma jkunux għadhom jeżistu, il-persuna ġuridika ma tiġix xolta.

Il-qorti tagħlaq il-proċedimenti ta’ falliment abbażi ta’ rikors mid-debitur jekk il-kredituri kollha li jkunu ppreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom fit-terminu perentorju stabbilit ikunu taw il-kunsens tagħhom għall-għeluq tal-proċedimenti. Jekk debitur li huwa persuna ġuridika jkun permanentement insolventi, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar il-likwidazzjoni tad-debitur li jkun persuna ġuridika permezz ta’ deċiżjoni dwar l-għeluq tal-proċedimenti.

Il-proċedimenti ta’ falliment jintemmu bl-approvazzjoni ta’ rapport finali, meta t-trustee jippreżenta r-rapport finali lill-kumitat dwar il-falliment u lill-qorti. Fir-rapport finali, it-trustee jipprovdi informazzjoni dwar il-proprjetà tal-falliment u l-flus riċevuti mill-bejgħ tagħha, pagamenti, pretensjonijiet milqugħa mill-kredituri, rikorsi ppreżentati u li għadhom ma ġewx ippreżentati, eċċ. il-kredituri jistgħu jippreżentaw oġġezzjonijiet għar-rapport finali quddiem il-qorti. Il-qorti tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tar-rapport finali u dwar l-għeluq tal-proċediment ta’ falliment. Il-qorti tirrifjuta li tapprova r-rapport finali u, permezz ta’ deċiżjoni, tirritornah lura lit-trustee sabiex jitkomplu l-proċedimenti ta’ falliment jekk ir-rapport finali juri li fil-proċedimenti ta’ falliment ikunu nkisru d-drittijiet tad-debitur jew tal-kredituri.

Il-proċediment ta’ falliment jista' jintemm ukoll b’dikjarazzjoni ta’ kompożizzjoni. Il-kompożizzjoni huwa ftehim bejn debitur u l-kredituri dwar il-ħlas tad-djun u tinvolvi tnaqqis tad-djun jew estensjoni tat-terminu għall-ħlas. Fi proċediment ta’ falliment, kompożizzjoni ssir fuq proposta tad-debitur jew tat-trustee wara li jkun ġie ddikjarat falliment. Riżoluzzjoni ta’ kompożizzjoni tiġi adottata waqt il-laqgħa ġenerali tal-kredituri. Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tal-kompożizzjoni. Il-qorti tagħlaq il-proċediment ta’ falliment permezz ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kompożizzjoni.

Jekk il-proċediment ta’ falliment ma jkunx ingħalaq fi żmien sentejn mid-dikjarazzjoni ta’ falliment, it-trustee jippreżenta rapport lill-kumitat dwar il-falliment u lill-qorti darba kull sitt xhur sakemm jingħalaq il-proċediment ta’ falliment. F’dak ir-rapport it-trustee għandu jesponi r-raġunijiet għaliex ma jkunx intemm il-proċediment ta’ falliment u jipprovdi informazzjoni dwar il-proprjetà tal-falliment li tkun inbiegħet u li ma tkunx inbiegħet u dwar l-amministrazzjoni tal-proprjetà tal-falliment. Il-qorti tirrilaxxa lit-trustee meta jingħalaq il-proċediment ta’ falliment, sakemm ma jiġix previst mod ieħor mil-liġi. Il-qorti tista' tirrifjuta li tirrilaxxa lit-trustee jekk, sakemm jingħalaq il-proċediment ta’ falliment, il-proprjetà tal-falliment ma tkunx inbiegħet kollha, ikun għad hemm flus li jridu jinġabru għall-proprjetà tal-falliment, ir-rikorsi ppreżentati mit-trustee ma jkunux instemgħu, jew it-trustee biħsiebu jew huwa meħtieġ jippreżenta rikors. F’dan il-każ, it-trustee jkompli jwettaq dmirijietu anke wara li jingħalaq il-proċediment ta’ falliment. Jekk, wara t-tmiem tal-proċediment ta’ falliment u r-rilaxx tat-trustee, jidħlu flus fil-proprjetà tal-falliment, jsiru disponibbli l-ammonti ta’ flus depożitati mad-distribuzzjoni jew isir evidenti li l-proprjetà tal-falliment tinkludi oġġetti li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni meta tħejjiet il-proposta dwar id-distribuzzjoni, il-qorti tiddeċiedi dwar id-distribuzzjoni sussegwenti fuq inizjattiva propja jew abbażi ta’ rikors mit-trustee jew minn kreditur.

L-għeluq ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u l-effetti tal-għeluq

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni jintemmu jekk jingħalqu qabel id-data dovuta, jiġi annullat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jiġi implimentat qabel id-data dovuta, jew jekk jiskadi t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni kif stabbilit fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Meta pjan ta’ riorganizzazzjoni jiġi implimentat qabel id-data dovuta, il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni jintemm jekk l-impriża tkun eżegwiet l-obbligi kollha li tkun assumiet taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni qabel jiskadi t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

Il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni jista' jingħalaq qabel id-data dovuta biss qabel jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Il-qorti tagħlaq proċediment ta’ riorganizzazzjoni qabel id-data dovuta jekk l-impriża tikser l-obbligu tagħha li tikkoopera jew tonqos milli tħallas l-ammont stabbilit mill-qorti bħala depożitu biex jiġu koperti r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tal-konsulent tar-riorganizzazzjoni jew tal-espert, ma jiġix approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, l-impriża tippreżenta rikors għal dan il-għan, ir-raġunijiet għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ma jibqgħux jeżistu, l-assi tal-impriża jiġu mberbqa jew issir ħsara lill-interessi tal-kredituri, il-pjan ta’ riorganizzazzjoni ma jiġix ippreżentat sad-data dovuta, jew il-pretensjoni tkun ambigwa. Jekk il-qorti tagħlaq proċediment ta’ riorganizzazzjoni qabel id-data dovuta, kwalunkwe u kull konsegwenza tal-ftuħ tal-proċediment ta’ riorganizzazzjoni b’mod retroattiv ma tibqax teżisti.

Meta jiskadi t-terminu għall-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni, il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni jingħalaq.

Il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni jista' jintemm ukoll fl-annullament tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jiġi annullat jekk l-impriża tkun instabet ħatja ta’ reat marbut ma’ falliment jew ta’ reat kriminali relatat ma’ proċedura ta’ infurzar wara li jkun ġie approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, l-impriża tonqos milli teżegwixxi l-obbligi tagħha taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni sa limitu materjali, jekk ikun evidenti, meta jkun għadda mill-inqas nofs it-terminu ta’ validità tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni, li l-impriża ma tistax teżegwixxi l-obbligi li tkun assumiet taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, abbażi ta’ rikors mill-konsulent tar-riorganizzazzjoni jekk ma tkunx tħallset it-tariffa għas-superviżjoni jew jekk l-intrapriża tonqos milli tipprovdi assistenza lill-konsulent tar-riorganizzazzjoni waqt l-eżekuzzjoni tal-obbligu superviżorju jew ma tipprovdix informazzjoni lill-konsulent tar-riorganizzazzjoni li dan tal-aħħar jeħtieġ sabiex jeżerċita superviżjoni, jekk l-impriża tippreżenta rikors għall-annullament tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni, jew jekk l-impriża tiġi ddikjarata falluta. Jekk jiġi annullat pjan ta’ riorganizzazzjoni, il-konsegwenzi tal-ftuħ tal-proċediment ta’ riorganizzazzjoni b’mod retroattiv ma jibqgħux jeżistu.

L-għeluq ta’ proċedimenti ta' ristrutturar tad-dejn u l-effetti tal-għeluq

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn jintemmu meta jiġi miċħud jew rifjutat r-rikors għal ristrutturar tad-dejn, jiġi annullat il-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn, jingħalqu l-proċedimenti jew jiskadi t-terminu għall-implimentazzjoni kif stabbilit fil-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn. Meta pjan ta’ riorganizzazzjoni jiġi implimentat qabel id-data dovuta, il-proċediment jintemm jekk id-debitur ikun eżegwixxa l-obbligi kollha li jkun assuma taħt il-pjan ta’ ristrutturar qabel jiskadi t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar.

Il-qorti tannulla pjan ta’ ristrutturar abbażi ta’ rikors mid-debitur u jekk id-debitur jiġi ddikjarat fallut. Il-qorti tista’ tannulla pjan ta’ ristrutturar jekk id-debitur jonqos milli jeżegwixxi l-obbligi taħt il-pjan ta’ ristrutturar sa limitu materjali, jekk ikun evidenti, meta jkun għadda mill-inqas nofs it-terminu ta’ validità tal-pjan ta’ ristrutturar, li d-debitur ma jistax jeżegwixxi l-obbligi assunti taħtu, id-debitur ma jkollux problemi ta’ solvenza jew ikun għelibhom, id-debitur ikun, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ippreżenta informazzjoni materjalment skorretta jew mhux kompluta dwar l-assi, id-dħul, il-kredituri jew l-obbligi tiegħu, id-debitur ikun għamel pagamenti lil kredituri li mhumiex imsemmija fil-pjan ta’ ristrutturar, u b’hekk ikun għamel ħsara lill-interessi tal-kredituri l-oħra ta’ portata materjali, id-debitur jonqos milli jipprovdi assistenza lill-qorti jew lill-konsulent waqt l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ superviżjoni jew ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi eżerċitata superviżjoni, jew jekk id-debitur jonqos milli jħallas l-ammont stabbilit mill-qorti bħala depożitu biex jiġu koperti r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tal-konsulent u tal-espert. Jekk jiġi annullat pjan ta’ ristrutturar, il-konsegwenzi tal-ammissjoni tar-rikors għal ristrutturar tad-dejn b’mod retroattiv ma jibqgħux jeżistu.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Id-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta’ proċediment ta’ falliment

Wara l-għeluq ta’ proċediment ta’ falliment, pretensjonijiet li setgħu jiġi ppreżentati matul il-proċediment ta’ falliment iżda li ma jkunux ġew ippreżentati u pretensjonijiet li jkunu ġew ippreżentati, iżda ma kinux issodisfati, jew li kontrihom id-debitur ippreżenta oġġezzjoni jistgħu jiġu ppreżentati mill-kredituri kontra d-debitur skont il-ġenerali proċedura. F’dan il-każ, ma jiġux ikkalkulati l-imgħax u l-imgħax ta’ inadempjenza għall-perjodu tal-proċediment ta’ falliment.

Jekk debitur li huwa persuna fiżika jiġi rilaxxat mill-obbligi tiegħu li ma jkunux ġew eżegwiti matul il-proċediment ta’ falliment, il-pretensjonijiet tal-kredituri fil-proċediment ta’ falliment kontra d-debitur, inklużi l-pretensjonijiet tal-kredituri fil-proċediment ta’ falliment li ma jkunux ippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom waqt il-proċediment ta’ falliment, ħlief għal obbligi għal kumpens għad-danni kkawżati intenzjonalment permezz ta’ azzjoni illegali jew għall-ħlas ta’ manteniment għal wild jew ġenitur, jiġu eżawriti.

Wara l-għeluq ta’ proċediment ta’ falliment, il-kredituri jistgħu jippreżentaw ukoll pretensjonijiet li jirriżultaw minn obbligi konsolidati li ma jkunux ġew issodisfati fil-proċediment ta’ falliment kontra d-debitur. Il-pretensjonijiet li jirriżultaw matul il-proċediment ta’ falliment li ma setgħux jiġu ppreżentati fil-proċediment ta’ falliment jistgħu jiġu ppreżentati wkoll kontra d-debitur skont il-proċedura ġenerali. F’dan il-każ, il-perjodu ta’ limitazzjoni jibda jiddekorri mill-għeluq tal-proċediment ta’ falliment. Sal-punt li pretensjoni ta’ kreditur milqugħa fi proċediment ta’ falliment ma tkunx ġiet issodisfata fil-proċediment ta’ falliment, l-istrument ta’ infurzar huwa d-deċiżjoni sakemm id-debitur ma jkunx ippreżenta oġġezzjoni għall-pretensjoni jew il-qorti tkun ammettiet il-pretensjoni tal-kreditur.

Id-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni

Jekk il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni jingħalqu meta jkun skada t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni, kreditur jista’ jinforza pretensjoni ristrutturata taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni biss sal-punt maqbul fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni iżda li ma tkunx ġiet sodisfatta skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

Jekk pjan ta’ riorganizzazzjoni jiġi annullat jew jiġi tterminat b’mod prematur, il-konsegwenzi tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni b’mod retroattiv ma jibqgħux jeżistu. Id-dritt ta’ pretensjoni ta’ kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun ġiet ristrutturata taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jiġi restawrat kontra l-impriża fl-ammont inizjali. Għandu jitqies ukoll il-qligħ tal-kreditur matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni

Id-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Jekk rikors jiġi rifjutat jew miċħud jew jingħalqu l-proċedimenti, kwalunkwe u kull konsegwenza tal-ammissjoni tar-rikors b’mod retroattiv ma tibqax teżisti. Id-dritt ta’ pretensjoni ta’ kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun ġiet ristrutturata taħt il-pjan ta’ ristrutturar jiġi restawrat kontra d-debitur fl-ammont inizjali. Għandu jitqies ukoll il-qligħ tal-kreditur matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar

Wara li jkun skada t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar, kreditur jista’ jinforza pretensjoni ristrutturata taħt il-pjan ta’ ristrutturar biss sal-punt maqbul fil-pjan ta’ ristrutturar iżda li ma tkunx ġiet sodisfatta skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Il-proċedimenti ta’ falliment

Jekk rikors għal falliment tiġi ssodisfata jew il-proċedimenti ta’ falliment jintemmu f’kompożizzjoni, il-kostijiet u l-ispejjeż imġarrbin matul il-proċedimenti ta’ falliment jitħallsu mill-proprjetà tal-falliment. Jekk il-qorti tiċħad jew tirrifjuta rikors ta’ kreditur dwar falliment jew jekk il-proċediment ikun ingħalaq minħabba li l-kreditur jirtira’ r-rikors għal falliment, il-kostijiet u l-ispejjeż imġarrbin matul il-proċedimenti ta’ falliment jiġu rimborżati mill-kreditur. Fil-każ ta’ sospensjoni ta’ proċediment ta’ falliment, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar id-diviżjoni tal-kostijiet u tal-ispejjeż imġarrbin matul il-proċediment ta’ falliment skont iċ-ċirkostanzi.

Jekk proċediment li jkun infetaħ abbażi ta’ rikors tad-debitur jingħalaq permezz ta’ sospensjoni mingħajr ma jiġi ddikjarat falliment u l-assi tad-debitur ma jkunux biżżejjed biex isiru l-pagamenti meħtieġa, il-qorti tordna lid-debitur sabiex iħallas ir-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tat-trustee interim soġġetti għal rimborż, iżda tista’ tordna li dawn jitħallsu lura minn fondi tal-istat. Kwalunkwe rimborż tar-rimunerazzjoni u tal-ispejjeż tat-trustee interim minn fondi tal-istat ma għandux jaqbeż it-397 euro (inklużi t-taxxi preskritti mil-liġi, ħlief għat-taxxa fuq il-valur miżjud). Il-qorti ma tordnax li r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tat-trustee interim jiġu rimborżati minn fondi tal-istat jekk id-debitur, kreditur jew parti terza tkun ittrasferiet l-ammont stabbilit mill-qorti bħala depożitu biex jiġu koperti r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tat-trustee interim soġġetti għal rimborż fil-kont preskritt għal dan il-għan.

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni

Jekk jinfetħu proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni, il-qorti tistabbilixxi terminu li matulu l-impriża għandha tittrasferixxi l-ammont stabbilit mill-qorti bħala depożitu biex jiġu koperti r-rimunerazzjoni inizjali u l-ispejjeż inizjali tal-konsulent tar-riorganizzazzjoni fil-kont preskritt għal dan il-għan. Jekk l-impriża ma tħallasx dan l-ammont, il-qorti tagħlaq il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni. L-ammont tar-rimunerazzjoni u tal-ispejjeż tal-konsulent tar-riorganizzazzjoni li għandu jiġi rimborżat jiġi deċiż mill-qorti meta l-konsulent tar-riorganizzazzjoni jiġi rilaxxat jew il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jiġi approvat abbażi tar-rapport dwar l-attivitajiet u l-ispejjeż tal-konsulent tar-riorganizzazzjoni.

Jekk il-qorti tinvolvi esperti fi proċediment ta’ riorganizzazzjoni, l-esperti għandhom id-dritt li jiġu rimborżati għall-ispejjeż neċessarji u ġġustifikati imġarrbin waqt l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom u li jirċievu rimunerazzjoni għat-twettiq ta’ dmirijiethom. L-ammont tar-rimunerazzjoni u tal-ispejjeż ta’ espert li għandu jiġi rimborżat jiġi deċiż mill-qorti meta l-espert jiġi rilaxxat abbażi tar-rapport dwar l-attivitajiet u l-ispejjeż tal-espert li jkun ġie ppreżentat fit-terminu perentorju stabbilit mill-qorti. Meta tkun qed tistabbilixxi r-rimunerazzjoni tal-espert, il-qorti tista' tisma wkoll lill-impriża.

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Id-debitur iħallas il-kostijiet u l-ispejjeż imġarrbin matul proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn. L-ispejjeż proċedurali tal-kredituri jitħallsu mill-kredituri nfushom. Il-qorti tista’ tordna lid-debitur sabiex iħallas l-ispejjeż proċedurali tal-kredituri jekk id-debitur ikun konsapevolment ippreżenta rikors infondat għal ristrutturar tad-dejn jew ikun ikkawża spejjeż proċedurali għall-kredituri billi b’mod ieħor ikun konsapevolment ippreżenta informazzjoni falza jew konsapevolment ippreżenta rikors jew oġġezzjoni infondata. Id-debitur ma jingħata ebda għajnuna proċedurali mill-istat għall-ħlas tat-tariffa tal-istat. Jekk jiġi implimentat il-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn, id-debitur ma jkollux iħallas lura l-ispejjeż tal-għajnuna proċedurali mogħtija mill-istat. Jekk jinħatar konsulent jew espert, il-qorti tiddetermina l-ammont li d-debitur għandu jittrasferixxi bħala depożitu biex jiġu koperti r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tal-konsulent jew tal-espert fil-kont preskritt għal dan il-għan.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Il-proċedimenti ta’ falliment

Meta jiġi ddikjarat falliment, id-dritt tad-debitur li jamministra u li jiddisponi mill-proprjetà tal-falliment jiġi ttrasferit lir-riċevent f’falliment. Wara li jiġi ddikjarat il-falliment, kwalunkwe disponiment mid-debitur fir-rigward ta’ oġġetti li jagħmlu parti mill-proprjetà tal-falliment huwa null u bla effett. Id-debitur li huwa persuna fiżika jista’ jiddisponi mill-proprjetà tal-falliment bil-kunsens tat-trustee. Kwalunkwe disponiment mingħajr il-kunsens tat-trustee huwa null u bla effett.

Permezz ta’ proċedura ta’ rkupru, il-qorti tirrevoka kull tranżazzjoni jew att ieħor mid-debitur li jkun ġie konkluż jew ġie eżegwit qabel ġie ddikjarat il-falliment u li jagħmel ħsara lill-interessi tal-kredituri. Jekk matul il-perjodu mill-ħatra ta’ trustee interim sad-dikjarazzjoni ta’ falliment tkun saret xi tranżazzjoni soġġetta għal irkupru jew xi att ieħor soġġett għal irkupru, it-tranżazzjoni jew l-att jitqies li jkun għamel ħsara lill-interessi tal-kredituri.

Id-debitur, kreditur jew it-trustee jista’ jitlob lill-qorti tirrevoka riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali tal-kredituri jekk ir-riżoluzzjoni tmur kontra l-liġi jew tkun saret bi ksur tal-proċedura prevista mil-liġi jew jekk id-dritt għall-kontestazzjoni tar-riżoluzzjoni jkun direttament preskritt mil-liġi. Revoka ta’ riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali tal-kredituri tista' tintalab ukoll jekk ir-riżoluzzjoni tagħmel ħsara lill-interessi komuni tal-kredituri.

Jekk ikun infetaħ proċediment għar-rilaxx ta’ debitur li jkun persuna fiżika mill-obbligi tiegħu, il-qorti tista’, fuq talba tal-kreditur, tannulla d-deċiżjoni għar-rilaxx tad-debitur mill-obbligi tiegħu li ma jkunux ġew eżegwiti matul il-proċediment ta’ falliment fi żmien sena mill-ħruġ tad-deċiżjoni jekk isir evidenti li d-debitur ikun intenzjonalment kiser l-obbligi tiegħu matul il-proċedura għar-rilaxx tad-debitur mill-obbligi tiegħu u b’hekk ikun fixkel materjalment l-issodisfar tal-pretensjonijiet tal-kredituri.

Jekk wara li jiġi ddikjarat falliment id-debitur u l-kredituri jaqblu li jidħlu f’kompożizzjoni, il-qorti tista' tannulla l-kompożizzjoni jekk id-debitur jonqos milli jeżegwixxi l-obbligi li jirriżultaw mill-kompożizzjoni, jinsab ħati ta’ reat marbut ma’ falliment jew ta’ reat kriminali relatat ma’ proċediment ta’ infurzar jew, meta jkun għadda mill-inqas nofs it-terminu ta’ validità tal-kompożizzjoni, ikun evidenti li d-debitur ma jistax jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-kompożizzjoni. L-annullament ta’ kompożizzjoni jaffettwa lill-kredituri kollha li jkunu pparteċipaw fil-kompożizzjoni u, għalhekk, jipproteġi l-korp ġenerali tal-kredituri.

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni

Il-qorti tannulla pjan ta’ riorganizzazzjoni jekk l-impriża tkun instabet ħatja ta’ reat marbut ma’ falliment jew ta’ reat kriminali relatat ma’ proċedura ta’ infurzar wara li jkun ġie approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, l-impriża tonqos milli teżegwixxi l-obbligi tagħha taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni sa limitu materjali, jekk ikun evidenti, meta jkun għadda mill-inqas nofs it-terminu ta’ validità tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni, li l-impriża ma tistax teżegwixxi l-obbligi li tkun assumiet taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, abbażi ta’ rikors mill-konsulent tar-riorganizzazzjoni jekk ma tkunx tħallset it-tariffa għas-superviżjoni jew jekk l-intrapriża tonqos milli tipprovdi assistenza lill-konsulent tar-riorganizzazzjoni waqt l-eżekuzzjoni tal-obbligu superviżorju jew ma tipprovdix informazzjoni lill-konsulent tar-riorganizzazzjoni li dan tal-aħħar jeħtieġ sabiex jeżerċita superviżjoni, jew abbażi ta’ rikors mill-impriża, jew jekk l-impriża tiġi ddikjarata falluta. Id-dritt ta’ pretensjoni ta’ kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun ġiet ristrutturata taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jerġa’ jiġi restawrat kontra l-impriża fl-ammont inizjali, u għandu jitqies ukoll il-qligħ tal-kreditur matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Il-qorti tannulla pjan ta’ ristrutturar abbażi ta’ rikors tad-debitur jew jekk id-debitur jiġi ddikjarat fallut, jew jekk id-debitur jonqos milli jeżegwixxi l-obbligi tiegħu taħt il-pjan ta’ ristrutturar sa limitu materjali, jekk ikun evidenti, meta jkun għadda mill-inqas nofs it-terminu ta’ validità tal-pjan ta’ ristrutturar, li d-debitur ma jistax jeżegwixxi l-obbligi assunti taħtu, id-debitur ma jkollux problemi ta’ solvenza jew ikun għelibhom u r-ristrutturar tal-pretensjonijiet tal-kredituri ma jkunx għadu ġust għall-kredituri minħabba tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi, jekk id-debitur ikun, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ippreżenta informazzjoni materjalment skorretta jew mhux kompluta dwar l-assi, id-dħul, il-kredituri jew l-obbligi tiegħu, id-debitur ikun għamel pagamenti lil kredituri li mhumiex imsemmija fil-pjan ta’ ristrutturar, u b’hekk ikun għamel ħsara lill-interessi tal-kredituri l-oħra ta’ portata materjali, id-debitur jonqos milli jipprovdi assistenza lill-qorti jew lill-konsulent waqt l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ superviżjoni jew ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi eżerċitata superviżjoni, jew jekk id-debitur jonqos milli jħallas l-ammont stabbilit mill-qorti bħala depożitu. Id-dritt ta’ pretensjoni ta’ kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun ġiet ristrutturata taħt il-pjan ta’ ristrutturar jiġi restawrat kontra d-debitur fl-ammont inizjali. Għandu jitqies ukoll il-qligħ tal-kreditur matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar.

L-aħħar aġġornament: 06/02/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna