Insolvenza/falliment

Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Il-leġiżlazzjoni Estonjana tistipula tliet proċedimenti differenti ta’ insolvenza: il-proċedimenti ta’ falliment, il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u l-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn. Il-proċedimenti ta’ falliment huma regolati mill-Att dwar il-Fallimenti, ir-regoli li jkopru r-riorganizzazzjoni huma stabbiliti fl-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni u r-regoli dwar ir-ristrutturar tad-dejn huma stabbiliti fl-Att dwar ir-Ristrutturar tad-Dejn u dwar il-Protezzjoni tad-Dejn. L-Atti huma disponibbli bl-Estonjan u bl-Ingliż mill-pubblikazzjoni elettronika uffiċjal tal-Estonja, Riigi Teataja (Il-Gazzetta tal-Istat).

L-għan ta’ proċediment ta’ falliment huwa li jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet tal-kredituri mill-assi tad-debitur permezz tat-trasferiment tal-assi tad-debitur jew tar-riabilitazzjoni tal-intrapriża tad-debitur. Id-debitur li jkun persuna fiżika jingħata l-opportunità li jiġi rilaxxat mill-obbligi tiegħu permezz ta’ proċediment ta’ falliment. Matul proċediment ta’ falliment, tiġi aċċertata l-kawża tal-insolvenza tad-debitur.

L-għan ta’ proċediment ta’ riorganizzazzjoni huwa li jitqiesu l-interessi u jiġu protetti d-drittijiet ta’ impriżi, ta’ kredituri u ta’ partijiet terzi matul ir-riorganizzazzjoni ta’ intrapriża. Ir-riorganizzazzjoni ta’ intrapriża tfisser l-applikazzjoni ta’ sett ta’ miżuri sabiex intrapriża tkun tista’ tegħleb id-diffikultajiet ekonomiċi, tiġi restawrata l-likwidità tagħha, titjieb il-profittabilità tagħha u tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tagħha.

L-għan ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn huwa li jiġi ffaċilitat ir-ristrutturar tad-djun ta’ persuna fiżika li jkollha problemi ta’ solvenza (debitur), sabiex jingħelbu l-problemi ta’ solvenza u jiġu evitati proċedimenti ta’ falliment. Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn jagħmluha possibbli għal debitur li jirristruttura l-obbligi finanzjarji tiegħu (djun personali) permezz tal-estensjoni tat-terminu perentorju għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu, tas-sodisfazzjon tal-obbligu permezz ta’ pagamenti akkont jew tat-tnaqqis tal-obbligu.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (riformulazzjoni) ikopri proċedimenti ta’ falliment u proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn.

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Skont il-liġi Estonjana, persuna fiżika hija bniedem, u fil-liġi tal-insolvenza ma ssir l-ebda distinzjoni bejn persuni fiżiċi f’termini ta’ jekk dawn jaġixxux jew le f’kapaċità kummerċjali jew professjonali (fi kliem ieħor m’hemmx distinzjoni bejn persuni li jaħdmu għal rashom u l-konsumaturi). Persuna ġuridika hija entità ġuridika stabbilita skont il-liġi. Persuna ġuridika hija persuna ġuridika fil-liġi privata jew persuna ġuridika fil-liġi pubblika. Persuna ġuridika hija jew persuna ġuridika fid-dritt privat jew persuna ġuridika fid-dritt pubbliku. "Persuna ġuridika fid-dritt privat" tfisser persuna ġuridika stabbilita f’interessi privati u skont Att li jittratta t-tip korrispondenti ta’ persuna ġuridika. Soċjetajiet f’isem kollettiv, soċjetajiet limitati, kumpaniji b’responsabbiltà limitata, kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, assoċjazzjonijiet kummerċjali, fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ huma persuni ġuridiċi fid-dritt privat. L-istat, l-awtoritajiet lokali u persuni ġuridiċi oħra stabbiliti fl-interess pubbliku u skont l-Att li jittratta dik il-persuna ġuridika huma persuni ġuridiċi fid-dritt pubbliku.

1. Il-proċedimenti ta’ falliment

Il-proċedimenti ta’ falliment isiru fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi insolventi. L-istat jew awtorità lokali ma tistax tkun falluta.

2. Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni jistgħu jitmexxu biss fil-konfront ta’ persuni ġuridiċi fid-dritt privat.

3. Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn jitwettqu fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li jkunu qed jesperjenzaw problemi ta’ solvenza.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

1. Il-proċedimenti ta’ falliment

Il-falliment ifisser insolvenza ta’ debitur kif iddikjarat minn sentenza tal-qorti. Għalhekk, l-ewwel prekundizzjoni ewlenija għall-ftuħ ta’ proċediment ta’ falliment huwa l-fatt li d-debitur huwa insolventi.

Id-debitur ikun insolventi jekk id-debitur ma jkunx jista’ jissodisfa l-pretensjonijiet tal-kredituri u, minħabba l-qagħda finanzjarja tad-debitur, dik l-inkapaċità ma tkunx temporanja. Id-debitur li jkun persuna ġuridika jkun insolventi wkoll jekk l-assi tad-debitur ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-obbligi tiegħu u, minħabba l-qagħda finanzjarja tad-debitur, dik l-insuffiċjenza ma tkunx temporanja. Jekk id-debitur jippreżenta rikors għal falliment, il-qorti tiddikjara falliment anke jekk ikun hemm il-probabbiltà ta’ insolvenza fil-futur. Jekk id-debitur jippreżenta rikors għal falliment, id-debitur huwa preżunt li huwa insolventi.

It-tieni prekundizzjoni ewlenija għall-ftuħ ta’ proċediment ta’ falliment hija l-preżentata ta’ rikors għal falliment, u tista’ tiġi ppreżentata mid-debitur jew minn kreditur. Barra minn hekk, fil-każ tal-mewt tad-debitur, rikors ta’ falliment fir-rigward tal-assi tad-debitur jista’ jitressaq ukoll minn suċċessur tad-debitur, l-eżekutur tal-testment tad-debitur jew l-amministratur tal-patrimonju tad-debitur. F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet dwar rikorsi ta’ falliment tad-debituri japplikaw għar-rikors ta’ falliment. Fil-każijiet previsti mil-liġi, persuni oħra jistgħu wkoll jippreżentaw rikorsi ta’ falliment, f’liema każ id-dispożizzjonijiet dwar il-kredituri japplikaw għall-persuni sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi.

Jekk id-debitur jippreżenta rikors għal falliment, id-debitur għandu jissostanzja l-insolvenza tiegħu fir-rikors għal falliment. Jekk rikors għal falliment jiġi ppreżentat minn kreditur, il-kreditur għandu jissostanzja l-insolvenza tad-debitur u jagħti evidenza tal-eżistenza tal-pretensjoni fir-rikors għal falliment.

Il-qorti tista’ teħtieġ lill-kreditur attur li jħallas l-ammont ta’ flus stabbilit mill-qorti bħala depożitu tal-qorti sabiex jiġu koperti r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tat-trustee interim jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li l-proprjetà tal-falliment ma tkunx biżżejjed biex tkoprihom. Jekk il-kreditur jonqos milli jħallas id-depożitu, il-proċediment jingħalaq. Meta l-kredituri li jressqu rikors ikunu impjegati ta’ impjegatur insolventi li ma jħallsux l-ammont stabbilit bħala depożitu sabiex ikomplu l-proċedimenti ta’ falliment, huma jkunu intitolati li jitolbu għal benefiċċju ta’ insolvenza mill-Istat (permezz ta’ Eesti Töötukassa [il-Fond Estonjan tal-Assigurazzjoni tal-Qgħad]).

Il-qorti tirrifjuta li taċċetta r-rikors għal falliment tal-kreditur jekk ir-rikors għal falliment ma jurix li r-rikorrent ikollu pretensjoni kontra d-debitur, jekk ir-rikors għal falliment ma jissostanzjax l-insolvenza tad-debitur jew jekk ir-rikors għal falliment ikun ibbażat fuq pretensjoni li fir-rigward tagħha jkun japplika pjan ta’ riorganizzazzjoni jew pjan ta’ ristrutturar tad-dejn. Il-qorti tirrifjuta wkoll li taċċetta rikors għal falliment jekk tkun teżisti xi raġuni oħra prevista fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

Qabel jiġi ddikjarat falliment u jinfetaħ proċediment ta’ falliment, ssir ‘l hekk imsejħa proċedura preliminari. Jekk il-qorti tiddeċiedi li taċċetta rikors għal falliment, taħtar trustee interim. Il-qorti tista’ wkoll, wara li tkun qieset il-qagħda finanzjarja tad-debitur, tirrifjuta li taħtar trustee interim u tiddikjara lid-debitur fallut. Jekk il-qorti ma taħtarx trustee interim, il-proċediment ma jitkomplix abbażi tar-rikors għal falliment u l-proċediment jingħalaq. It-trustee interim jiddetermina l-assi tad-debitur, inklużi l-obbligi tad-debitur u l-proċedura ta’ infurzar dwar l-assi tad-debitur, u jivverifika jekk l-assi tad-debitur humiex biżżejjed biex ikopru l-kostijiet u l-ispejjeż imġarrba fil-proċediment ta’ falliment. It-trustee interim jipprovdi valutazzjoni tal-qagħda finanzjarja u tas-solvenza tad-debitur u dwar il-prospetti sabiex ikomplu l-attivitajiet tal-intrapriża tad-debitur u, jekk id-debitur ikun persuna ġuridika, għar-riabilitazzjoni tad-debitur, jiżgura li l-assi tad-debitur jiġu ppreservati, eċċ. L-attivitajiet tat-trustee interim għandhom juru jekk ir-rikors għal falliment għandux jiġi milqugħ jew miċħud.

Il-qorti ttemm il-proċedimenti permezz ta’ sospensjoni mingħajr ma tiddikjara falliment, irrispettivament mill-insolvenza tad-debitur, jekk l-assi tad-debitur ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-kostijiet u l-ispejjeż imġarrba fil-proċediment ta’ falliment u jekk ma jkunx possibbli li jiġu rkuprati jew jintalbu lura l-assi jew tiġi ppreżentata pretensjoni kontra membru ta’ korp maniġerjali.

Il-qorti tiddikjara falliment permezz ta’ deċiżjoni (deċiżjoni dwar falliment). Deċiżjoni dwar falliment għandha tistabbilixxi l-ħin li fih ikun ġie ddikjarat falliment. Il-proċediment ta’ falliment jibda bid-dikjarazzjoni ta’ falliment.

Jekk il-qorti tkun iddikjarat falliment, tippubblika avviż dwar dan (l-avviż dwar falliment) mingħajr dewmien fil-pubblikazzjoni uffiċjali Ametlikud Teadaanded (Avviżi Uffiċjali).

Deċiżjoni dwar falliment hija soġġetta għal eżekuzzjoni immedjata. L-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar falliment ma tistax tiġi sospiża jew posposta, u l-mod jew il-proċedura prevista mil-liġi għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni dwar falliment ma tistax tinbidel. Jekk qorti superjuri tannulla deċiżjoni dwar falliment, dan ma jaffettwax il-validità tal-atti legali mwettqa mit-trustee jew fir-rigward tiegħu. Id-debitur u l-kreditur attur jistgħu jippreżentaw appell kontra d-deċiżjoni dwar falliment fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni tal-avviż dwar falliment. Id-debitur u l-attur fil-kawża tal-falliment jistgħu jippreżentaw appelli quddiem il-Qorti Suprema kontra d-deċiżjoni tal-qorti distrettwali dwar l-appell kontra d-deċiżjoni. It-trustee ma jistax jippreżenta appell f’isem id-debitur jew jirrappreżenta lid-debitur fis-smigħ ta’ appell.

Jekk fi proċediment ta’ falliment irid jiġi ppubblikat avviż jew att proċedurali, l-avviż jew l-att proċedurali jridu jiġu ppubblikati f’Ametlikud Teadaanded. Il-qorti tista’ tippubblika avviż dwar il-ħin u l-post tas-seduta ta’ rikors għal falliment f’Ametlikud Teadaanded. Il-qorti tippubblika avviż dwar deċiżjoni ta’ falliment li fiha debitur jiġi ddikjarat fallut (avviż ta’ falliment) mingħajr dewmien f’Ametlikud Teadaanded.

2. Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni

Sabiex jinfetħu proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni għal intrapriża, l-impriża tissottometti rikors korrispondenti.

Il-qorti tiftaħ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni jekk ir-rikors għal riorganizzazzjoni jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u fl-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni u jekk l-impriża tkun ipprovdiet argument ġustifikata li jindika li:

  1. hemm il-probabbiltà li ssir insolventi fil-futur;
  2. l-intrapriża teħtieġ riorganizzazzjoni;
  3. hemm il-probabbiltà ta’ ġestjoni sostenibbli tal-intrapriża wara r-riorganizzazzjoni.

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ma jinfetħux jekk:

  1. ikunu tressqu proċedimenti ta’ falliment kontra l-impriża;
  2. tkun inħarġet deċiżjoni tal-qorti dwar ix-xoljiment obbligatorju tal-impriża jew issir likwidazzjoni supplementari;
  3. ikunu għaddew inqas minn sentejn mill-għeluq tal-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni fir-rigward tal-impriża.

Jekk impriża titlob ir-riorganizzazzjoni ta’ intrapriża, il-qorti tista’ tirrifjuta wkoll li taċċetta r-rikors jekk l-intrapriża ma tkunx ipprovdiet argument ġustifikat li jindika li l-intrapriża teħtieġ riorganizzazzjoni u li hemm il-probabbiltà ta’ ġestjoni sostenibbli tal-intrapriża wara r-riorganizzazzjoni.

Il-qorti tiftaħ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni permezz ta’ deċiżjoni ta’ riorganizzazzjoni fi żmien sebat ijiem minn meta tirċievi rikors ta’ riorganizzazzjoni.

Fost affarijiet oħra, dawn li ġejjin huma stipulati f’deċiżjoni ta’ riorganizzazzjoni:

  1. id-dettalji tal-persuna maħtura bħala konsulent tar-riorganizzazzjoni;
  2. l-iskadenza għall-adozzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni;
  3. l-iskadenza sa meta l-pjan ta’ riorganizzazzjoni għandu jiġi ppreżentat lill-qorti għall-approvazzjoni (ma jistax ikun ta’ iktar minn 60 jum);
  4. l-ammont li għandu jitħallas mill-impriża fil-kont magħżul bħala depożitu biex ikopri r-remunerazzjoni u l-ispejjeż tal-konsulent ta’ riorganizzazzjoni, u l-iskadenza li fiha l-impriża trid tħallsu.

L-effetti tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni huma kif ġej:

  1. il-qorti tissospendi l-proċedura ta’ infurzar li tkun saret dwar l-assi tal-impriża sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew jingħalaq il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni, ħlief fil-każ ta’ proċedura ta’ infurzar li tkun saret biex tiġi sodisfatta pretensjoni li tkun qamet abbażi ta’ relazzjonijiet tax-xogħol jew talba għall-ħlas ta’ manteniment;
  2. il-kalkolu tal-imgħax ta’ inadempjenza jew ta’ penali kuntrattwali li jiżdiedu maż-żmien fuq pretensjoni kontra l-impriża jiġi sospiż sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni;
  3. il-qorti li tkun qiegħda tisma’ l-kwistjoni tista’, fuq il-bażi ta’ rikors minn impriża u bl-approvazzjoni tal-konsulent tar-riorganizzazzjoni, li hija mehmuża mar-rikors, tissospendi l-proċedura ġudizzjarja li tinvolvi pretensjoni finanzjarja kontra l-impriża sakemm tiġi approvata r-riorganizzazzjoni jew jingħalaq il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni, ħlief fil-każ ta’ pretensjoni ppreżentata abbażi ta’ relazzjonijiet tax-xogħol jew talba għall-ħlas ta’ manteniment li s-sentenza dwarhom ma tkunx għadha nqatgħet;
  4. abbażi ta’ rikors għal falliment ippreżentat minn kreditur, il-qorti tipposponi kwalunkwe deċiżjoni dwar il-ftuħ ta’ proċediment ta’ falliment sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew jingħalaq il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni.

Jekk il-qorti tkun iddeċidiet li tiftaħ proċediment ta’ riorganizzazzjoni u tkun ħarġet deċiżjoni dwar riorganizzazzjoni, mingħajr dewmien il-konsulent tar-riorganizzazzjoni jibgħat avviż dwar ir-riorganizzazzjoni lill-kredituri fejn jgħarrafhom bil-ftuħ ta’ proċediment ta’ riorganizzazzjoni u dwar id-daqs tal-pretensjonijiet li għandhom kontra l-impriża skont il-lista tad-djun.

3. Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn jagħmluha possibbli għal debitur sabiex jirristruttura l-obbligi finanzjarji tiegħu. Id-debitur jitqies li jkollu problemi ta’ solvenza jekk ma jkunx jista’ jew ikun hemm il-probabbiltà li ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu fil-ħin meta dawn isiru dovuti.

Sabiex jiftaħ proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn, debitur jippreżenta rikors korrispondenti quddiem qorti, u dan għandu jkun akkumpanjat, inter alia, minn pjan ta’ ristrutturar tad-dejn li jindika l-obbligi li għandhom jiġu ristrutturati u l-mod ta’ ristrutturar kif ukoll it-terminu perentorju għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar. Qabel ma jippreżenta rikors għal ristrutturar tad-dejn quddiem qorti, debitur għandu jieħu l-passi meħtieġa għar-ristrutturar ekstraġudizzjarju tad-dejn.

Il-qorti taċċetta rikors għal ristrutturar tad-dejn jekk dan jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u fl-Att dwar ir-Ristrutturar tad-Dejn Ristrutturar u dwar il-Protezzjoni tad-Dejn. Is-sentenza dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors tiġi trażmessa lid-debitur u lill-kredituri kollha li l-pretensjonijiet tagħhom id-debitur ikun qiegħed ifittex li jirristruttura. Id-deċiżjoni tiġi ppubblikata wkoll f’Ametlikud Teadaanded.

Il-qorti ma taċċettax rikors għal ristrutturar tad-dejn jekk:

  1. id-debitur ikun ġie ddikjarat fallut;
  2. fl-għaxar snin ta’ qabel il-preżentata tar-rikors, il-qorti tkun aċċettat rikors għal ristrutturar tad-dejn mid-debitur jew rikors mid-debitur għall-ħelsien mid-djun fi proċediment ta’ falliment;
  3. id-debitur ma jkollu l-ebda problema ta’ solvenza jew ikun ċar li tkun tista’ tingħeleb mingħajr ir-ristrutturar tad-djun, fost affarijiet oħra permezz tal-bejgħ tal-assi tad-debitur biex jiġu koperti d-djun tiegħu sal-punt li jista’ jkun raġonevolment mistenni mid-debitur;
  4. ir-rikors jew l-annessi tiegħu ma jissodisfawx ir-rekwiżiti legali.

Il-qorti tista’ tirrifjuta li taċċetta rikors għal ristrutturar tad-dejn jekk:

  1. huwa improbabbli li l-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn propost mid-debitur ser jiġi approvat jew onorat, filwaqt li titqies, fost affarijiet oħra, is-solvenza tad-debitur fit-tliet snin qabel il-preżentata tar-rikors għal ristrutturar tad-dejn u l-kapaċità tad-debitur li jwettaq attività raġonevolment bi qligħ matul il-perjodu ta’ validità tal-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn, meta wieħed iqis l-età, il-professjoni u l-edukazzjoni tad-debitur;
  2. qabel ma jippreżenta r-rikors għal ristrutturar tad-dejn quddiem il-qorti, id-debitur ma jkunx ħa l-passi meħtieġa għar-ristrutturar ekstraġudizzjarju tad-dejn;
  3. id-debitur ikun, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ippreżenta informazzjoni materjalment skorretta jew mhux sħiħa dwar l-assi, id-dħul, il-kredituri jew l-obbligi tiegħu;
  4. id-debitur jirrifjuta li jieħu ġurament fir-rigward tal-veraċità tal-informazzjoni ppreżentata jew li jippreżenta informazzjoni addizzjonali mitluba mill-qorti;
  5. id-debitur ikun instab ħati ta’ reat relatat ma’ proċediment ta’ falliment jew ma’ proċedura ta’ infurzar, ta’ reat fiskali jew ta’ reat partikolari relatat ma’ kumpaniji, u l-informazzjoni dwar il-kundanna ma tkunx ġiet imħassra mill-bażi tad-data tar-rekords kriminali;
  6. fit-tliet snin qabel il-preżentata tar-rikors jew wara l-preżentata tar-rikors, id-debitur ikun, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ippreżenta informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa dwar il-qagħda finanzjarja tiegħu sabiex jikseb għajnuna jew benefiċċji oħra mill-istat, mill-awtorità lokali jew minn fondazzjoni jew biex jevadi t-taxxa;
  7. ikun ovvju li d-debitur ikun intenzjonalment ikkonkluda tranżazzjonijiet li jagħmlu ħsara lill-kredituri.

Jekk meta tkun qed jiġi aġġudikat r-rikors tad-debitur, il-qorti tiddeċiedi li għandu jinfetaħ proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn, il-qorti tittrażmetti d-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors lid-debitur u lill-kredituri kollha li l-pretensjonijiet tagħhom id-debitur ikun qiegħed ifittex li jirristruttura. Id-deċiżjoni tiġi ppubblikata wkoll f’Ametlikud Teadaanded.

----Jekk jiġi aċċettat ir-rikors għal ristrutturar tad-dejn, il-kalkolu tal-imgħax ta’ inadempjenza jew ta’ penali kuntrattwali li jiżdiedu maż-żmien fuq pretensjoni kontra d-debitur jiġi sospiż sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ ristrutturar jew jingħalaq il-proċediment. Dan ma japplikax għal pretensjonijiet li d-debitur ma jkunx qiegħed ifittex li jirristruttura. Jekk rikors jiġi milqugħ, kreditur ma jistax, billi jinvoka ksur ta’ obbligu finanzjarju li jkun seħħ qabel il-preżentata tar-rikors għal ristrutturar tad-dejn, itemm kuntratt li jkun ġie konkluż mad-debitur u li jagħti lok għall-pretensjonijiet li d-debitur ikun qiegħed ifittex li jirristruttura, jew jirrifjuta li jwettaq l-obbligi tiegħu abbażi ta’ dawn ir-raġunijiet. Kull ftehim li skontu, kreditur jista’ jittermina kuntratt meta jiġi ppreżentat rikors għal ristrutturar tad-dejn jew jiġi approvat pjan ta’ ristrutturar tad-dejn huwa null u bla effett. Meta rikors jiġi milqugħ, il-qorti tissospendi l-proċedura ta’ infurzar (jew infurzar obbligatorju) għall-ġbir ta’ flus mwettqa fir-rigward tal-assi tad-debitur sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn jew jingħalaq il-proċediment. Il-qorti tista’ tissospendi wkoll proċedura ġudizzjarja li tinvolvi pretensjoni finanzjarja kontra d-debitur li dwarha ma tkunx għadha nqatgħet is-sentenza; tikkanċella miżuri biex tiġi żgurata azzjoni, inkluż is-sekwestru ta’ kont bankarju; u tipprojbixxi lill-kredituri milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-kollateral mogħti mid-debitur, inkluż mill-bejgħ jew mit-talba għall-bejgħ tal-oġġett mirhun.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Meta jiġi ddikjarat falliment, l-assi tad-debitur jsiru l-proprjetà tal-falliment u d-dritt tad-debitur li jamministra u li jiddisponi mill-proprjetà tal-falliment jiġi ttrasferit lir-riċevent f’falliment.

L-assi tad-debitur isiru l-proprjetà tal-falliment abbażi ta’ deċiżjoni dwar falliment u jintużaw bħala assi maħsuba biex jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet tal-kredituri u sabiex jitwettaq il-proċediment ta’ falliment. Il-proprjetà tal-falliment tfisser l-assi tad-debitur fil-mument li fih jiġi ddikjarat falliment, kif ukoll assi li jkunu ntalbu lura jew li ġew irkuprati u assi akkwistati mid-debitur matul il-proċediment ta’ falliment. L-assi tad-debitur li dwarhom, skont il-liġi, ma tista’ ssir ebda talba għall-ħlas ma jiġux inklużi fil-proprjetà tal-falliment.

Assi li dwarhom, skont il-liġi, ma tista’ ssir ebda talba għall-ħlas huma regolati mill-Kodiċi ta’ Proċedura ta’ Infurzar. Il-liġi tippreskrivi lista mhux eżawrjenti ta’ oġġetti li mhumiex soġġetti għal sekwestru. L-għan ewlieni tal-katalogu ta’ oġġetti li mhumiex soġġetti għal sekwestru huwa li tiġi żgurata protezzjoni soċjali minima għad-debitur. Il-projbizzjoni fuq il-bejgħ ta’ assi li mhumiex soġġetti għal sekwestru tirriżulta wkoll mill-ħtieġa li jiġu mħarsa drittijiet fundamentali oħra: id-dritt tal-għażla tal-qasam proprju ta’ attività, ta’ professjoni u ta’ kariga, id-dritt għal involviment f’attività intraprenditorjali, id-dritt għall-edukazzjoni, il-libertà tar-reliġjon, il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-familja, eċċ. Barra minn hekk, is-sekwestru ta’ ċerti oġġetti jmur kontra l-prinċipji aċċettati tal-moralità.

Skont il-leġiżlazzjoni Estonjana, restrizzjonijiet japplikaw ukoll għas-sekwestru ta’ dħul, u l-għan ewlieni huwa li jiġi żgurat li d-debitur ikollu l-mezzi minimi ta’ sussistenza meħtieġa għalih innifsu u għad-dipendenti tiegħu skont il-kundizzjonijiet tal-proċediment mwettaq fil-konfront tad-debitur.

Wara li jiġi ddikjarat il-falliment, kwalunkwe disponiment mid-debitur fir-rigward ta’ oġġetti li jagħmlu parti mill-proprjetà tal-falliment huwa null u bla effett. L-assi trasferiti mill-parti l-oħra abbażi ta’ disponiment jiġu rritornati lill-parti jekk l-assi jibqgħu fil-proprjetà tal-falliment, jew jingħata kumpens jekk il-proprjetà tal-falliment tkun żdiedet bħala riżultat tat-trasferiment. Jekk id-debitur ikun iddispona mill-pretensjonijiet futuri tiegħu qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, id-disponiment isir null u bla effett meta jiġi ddikjarat falliment fir-rigward tal-pretensjonijiet li jkunu nqalgħu wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment. Id-debitur li huwa persuna fiżika jista’ jiddisponi mill-proprjetà tal-falliment bil-kunsens tat-trustee. Kwalunkwe disponiment mingħajr il-kunsens tat-trustee huwa null u bla effett.

Wara li jiġi ddikjarat falliment, l-eżekuzzjoni ta’ obbligu li huwa inkluż fil-proprjetà tal-falliment u li jkun dovut lid-debitur tista’ tiġi aċċettata biss mit-trustee. Jekk l-obbligu kien ġie eżegwit għall-benefiċċju tad-debitur, l-obbligu jitqies li jkun ġie eżegwit biss jekk l-assi ttrasferiti għall-eżekuzzjoni tal-obbligu jinżammu fil-proprjetà tal-falliment jew il-proprjetà tal-falliment tkun żdiedet bħala riżultat tat-trasferiment. Jekk l-obbligu kien ġie eżegwit għall-benefiċċju tad-debitur qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ falliment, l-obbligu jitqies li jkun ġie eżegwit jekk il-persuna li tkun eżegwiet l-obbligu ma kinitx konxja u ma kellhiex bżonn li tkun konxja mid-dikjarazzjoni ta’ falliment fil-ħin tal-eżekuzzjoni tal-obbligu.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Meta jiġi ddikjarat falliment, debitur li jkun persuna fiżika jitlef id-dritt tiegħu li jikkonkludi tranżazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proprjetà tal-falliment, u debitur li jkun persuna ġuridika jitlef id-dritt tiegħu li jikkonkludi kwalunkwe tranżazzjoni.

Id-debitur jipprovdi lill-qorti, lit-trustee u lill-kumitat dwar il-falliment l-informazzjoni li jeħtieġu b’rabta mal-proċedimenti ta’ falliment, b’mod partikolari dwar l-assi tad-debitur, inklużi obbligi, u attivitajiet ta’ negozju jew professjonali. Id-debitur huwa meħtieġ li jagħti lit-trustee karta tal-bilanċi u inventarju tal-assi tad-debitur, inklużi l-obbligazzjonijiet, mid-data li fiha jkun ġie ddikjarat falliment.

Il-qorti tista’ teħtieġ li d-debitur jieħu ġurament fil-qorti li sa fejn jaf hu l-informazzjoni ppreżentata lill-qorti dwar l-assi, id-djun u l-attivitajiet tan-negozju jew professjonali tiegħu hija korretta.

Id-debitur għandu jipprovdi assistenza lit-trustee interim u lit-trustee fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

Wara li jkun ġie ddikjarat falliment u qabel id-debitur ma jkun ħa ġurament id-debitur ma jistax jitlaq mill-Estonja mingħajr il-permess tal-qorti.

Il-qorti tista’ timponi multa, attendenza obbligatorja jew arrest fuq id-debitur fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ inġunzjoni jew sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ obbligu previst mil-liġi.

Id-debitur għandu d-dritt li jeżamina l-fajl tat-trustee u l-fajl tal-qorti dwar il-kwistjoni ta’ falliment. It-trustee jista’, għal raġunijiet iġġustifikati, jiċħad it-talba tad-debitur sabiex jeżamina dokument inkluż fil-fajl tat-trustee jekk dan ikun ta’ detriment għall-iżvolġiment tal-proċediment ta’ falliment.

Ir-riċevent f’falliment

  • Ir-riċevent f’falliment jidħol fi tranżazzjonijiet relatati mal-proprjetà tal-falliment u jwettaq atti oħra. Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw bħala riżultat tal-azzjonijiet tat-trustee jappartjenu għad-debitur. It-trustee, b’mod konformi mad-dmirijiet tiegħu, jipparteċipa fil-qorti bħala parti għat-tilwim relatat mal-proprjetà tal-falliment minflok id-debitur.
  • Meta jiġi ddikjarat falliment, id-dritt tad-debitur li jamministra u li jiddisponi mill-proprjetà tal-falliment jiġi ttrasferit lir-riċevent f’falliment. Fil-proċediment ta’ falliment ta’ debitur li jkun persuna ġuridika, it-trustee jista’ jikkonkludi kwalunkwe tranżazzjoni u jwettaq kwalunkwe att legali bil-proprjetà tal-falliment. Fil-każ ta’ falliment ta’ debitur li jkun persuna fiżika, it-trustee jista’ jikkonkludi biss tali tranżazzjonijiet u jwettaq tali atti legali bil-proprjetà tal-falliment li huma meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan tal-proċediment ta’ falliment u biex jitwettqu d-dmirijiet tat-trustee.
  • - It-trustee jiddefendi d-drittijiet u l-interessi tal-kredituri kollha u tad-debitur u jiżgura li l-proċediment ta’ falliment huwa legali, immedjat u finanzjarjament raġonevoli. It-trustee għandu jwettaq l-obbligi tiegħu bl-attenzjoni mistennija minn trustee diliġenti u onest u għandu jqis l-interessi tal-kredituri kollha u tad-debitur.
  • - It-trustee jiddetermina l-pretensjonijiet tal-kredituri, jamministra l-proprjetà tal-falliment, jorganizza l-formazzjoni u l-bejgħ tagħha u jissodisfa l-pretensjonijiet tal-kredituri mill-proprjetà tal-falliment; jaċċerta l-kawżi tal-insolvenza tad-debitur u ż-żmien li fih inqalgħet l-insolvenza; jagħmel arranġamenti sabiex l-attivitajiet kummerċjali tad-debitur jkomplu, fejn meħtieġ; imexxi l-likwidazzjoni tad-debitur li jkun persuna ġuridika, fejn meħtieġ; jipprovdi informazzjoni lill-kredituri u lid-debitur fil-każijiet preskritti mil-liġi; jirrapporta dwar l-attivitajiet tagħhom u jipprovdi informazzjoni dwar il-proċediment ta’ falliment lill-qorti, lill-uffiċjal ta’ sorveljanza u lill-kumitat dwar il-falliment; iwettaq obbligi oħra previsti mil-liġi. Jekk l-insolvenza tad-debitur kienet ikkawżata minn żball gravi fil-ġestjoni, it-trustee huwa mitlub iressaq talba għad-danni kontra l-persuna responsabbli għall-iżball immedjatament wara li jsir evidenti li hemm raġunijiet suffiċjenti għall-preżentata ta’ pretensjoni. Minbarra d-drittijiet tat-trustee previsti mil-liġi, trustee għandu wkoll id-drittijiet ta’ trustee interim.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija ?

Fi proċedimenti ta’ falliment Estonjani, it-tpaċija hija permessa. It-tpaċija ta’ pretensjonijiet fi proċedimenti ta’ falliment hija soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

  1. il-pretensjonijiet li għandhom jiġu paċuti għandhom ikunu obbligi finanzjarji jew obbligi oħra tal-istess tip;
  2. irid ikun wasal iż-żmien li l-kreditur jeżerċita d-dritt tiegħu li jeżegwixxi l-obbligu u l-obbligu tad-debitur irid ikun dovut;
  3. il-kreditur għandu jagħmel dikjarazzjoni ta’ tpaċija lid-debitur qabel tiġi ppreżentata l-proposta finali għal distribuzzjoni lill-qorti, u d-dikjarazzjoni ma tridx tkun saret b’mod sospensiv jew tistabbilixxi terminu perentorju;
  4. id-dritt tal-kreditur li jpaċi l-pretensjoni tiegħu kontra l-pretensjoni tad-debitur irid ikun qam qabel ġie ddikjarat falliment.

Jekk il-pretensjoni tad-debitur kienet kontinġenti fuq kondizzjoni sospensiva jew ma kinitx għadha dovuta fiż-żmien li fih ġie ddikjarat il-falliment jew ma tkunx indirizzata lejn l-eżekuzzjoni ta’ obbligi tal-istess tip, il-pretensjoni tista’ tiġi paċuta biss meta tkun waslet il-kundizzjoni sospensiva, il-pretensjoni tad-debitur tkun saret dovuta jew l-obbligi jkunu saru obbligi tal-istess tip. L-ebda tpaċija ma hija permessa jekk tasal il-kondizzjoni sospensiva tal-pretensjoni tad-debitur jew il-pretensjoni tkun saret dovuta qabel il-kreditur seta’ jpaċi l-pretensjoni tiegħu.

Jekk pretensjoni ta’ kreditur tkun skadiet, xorta jista’ jpaċi l-pretensjoni jekk id-dritt għat-tpaċija jkun irriżulta qabel l-iskadenza tal-pretensjoni. Il-kreditur jista’ jpaċi wkoll pretensjoni li tirriżulta min-nuqqas tad-debitur li jonora kuntratt li jkun irriżulta mill-fatt li t-trustee jkun irrinunzja għall-obbligu tad-debitur wara li jkun ġie ddikjarat falliment. Jekk l-oġġett ta’ obbligu kuntrattwali huwa diviżibbli u l-kreditur ikun eżegwixxa l-obbligu tiegħu parzjalment saż-żmien li fih jiġi ddikjarat falliment, il-kreditur jista’ jagħmel tpaċija fir-rigward tal-obbligu finanzjarju tad-debitur li jikkorrispondi għal dik il-parti tal-obbligu tal-kreditur li tkun ġiet eżegwita. Jekk id-debitur ikun lokatarju residenzjali jew kummerċjali u l-inkwilin residenzjali jew kummerċjali jkun ħallas lid-debitur il-kera bil-quddiem għall-proprjetà jew għall-bini immobbli qabel ma jkun ġie ddikjarat falliment, dan jikkostitwixxi pretensjoni ta’ arrikkiment indebitu kontra d-debitur li l-inkwilin residenzjali jew kummerċjali jista’ jpaċi kontra l-pretensjoni tad-debitur kontra l-inkwilin residenzjali jew kummerċjali, u l-inkwilin residenzjali jew kummerċjali jista’ jpaċi wkoll pretensjoni għal danni li jkunu rriżultaw mit-terminazzjoni prematura tal-kuntratt jew mill-irtirar mill-kuntratt.

Il-pretensjoni li tkun ġiet akkwistata permezz ta’ ċessjoni tista’ tiġi paċuta fi proċediment ta’ falliment biss jekk il-pretensjoni tkun ġiet assenjata u d-debitur ikun ġie mgħarraf dwar dan bil-miktub mhux aktar tard minn tliet xhur qabel kien ġie ddikjarat il-falliment. Il-pretensjoni kontra d-debitur li tiġi akkwistata permezz ta’ ċessjoni ma tistax tiġi paċuta jekk il-pretensjoni kienet ġiet assenjata fit-tliet snin qabel il-ħatra ta’ trustee interim u dak iż-żmien id-debitur kien insolventi u l-persuna li tkun akkwistat il-pretensjoni kienet konxja jew kellha tkun konxja mill-insolvenza fil-ħin taċ-ċessjoni.

Il-pretensjonijiet li ma jistgħux jiġu paċuti jinkludu talbiet għal manteniment, talbiet għal kumpens li jirriżultaw minn ħsara għas-saħħa jew il-mewt ta’ persuna u pretensjonijiet li jirriżultaw minn aġir illegali u intenzjonat li jikkawża ħsara li l-parti l-oħra għandha kontra l-parti li qed titlob it-tpaċija; il-pretensjonijiet tal-parti l-oħra li dwarhom skont il-liġi ma tista’ ssir ebda talba għall-ħlas; talba sekwestrata kontra l-parti l-oħra jekk il-parti li tkun talbet tpaċija tkun akkwistat il-pretensjoni wara s-sekwestru jew jekk il-pretensjoni tagħha tkun saret dovuta wara s-sekwestru u aktar tard mill-pretensjoni sekwestrata; pretensjoni li kontriha l-parti l-oħra tista’ tqajjem oġġezzjonijiet jew il-pretensjoni tal-parti l-oħra li t-tpaċija tagħha ma tkunx permissibbli għal raġunijiet oħra li jirriżultaw mil-liġi.

Fil-każ ta’ proċediment ta’ riorganizzazzjoni u ta’ proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn it-tpaċiji ma jiġux regolati separatament, u għalhekk għalihom tapplika l-proċedura ġenerali skont l-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Il-proċedimenti ta’ falliment

It-trustee għandu d-dritt li jeżegwixxi obbligu li ma jkunx ġie eżegwit li jirriżulta minn kuntratt konkluż mid-debitur u jeżiġi li l-parti l-oħra teżegwixxi l-obbligi tagħha jew li jirrinunzja għall-obbligu tad-debitur li jirriżulta minn kuntratt, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi. It-trustee ma jistax jirrinunzja għall-obbligu tad-debitur li jirriżulta minn kuntratt jekk l-obbligu jkun iggarantit b’avviż minn qabel imdaħħal fir-reġistru tal-artijiet. Jekk it-trustee jkompli jwettaq l-obbligu tad-debitur jew javża li bi ħsiebu jwettaq l-obbligu, il-parti l-oħra għall-kuntratt tkompli twettaq l-obbligi tagħha. F’dan il-każ, it-trustee jitlef id-dritt tiegħu li jirrifjuta li jeżegwixxi l-obbligu tad-debitur. Jekk it-trustee jeżiġi li l-parti l-oħra għall-kuntratt tonora l-kuntratt, il-parti l-oħra tista’ teħtieġ lit-trustee li jiggarantixxi l-eżekuzzjoni tal-obbligu tad-debitur. Il-parti l-oħra tista’ tirrifjuta li teżegwixxi l-obbligu tagħha, tirtira mill-kuntratt jew tikkanċella l-kuntratt sakemm it-trustee jkun assigura l-eżekuzzjoni tal-obbligu tad-debitur. Il-pretensjoni tal-parti l-oħra kontra d-debitur li tkun irriżultat minn obbligu li jkun ġie eżegwit wara li t-trustee jkun talab lill-parti l-oħra teżegwixxi l-obbligu hija obbligu konsolidat. Jekk it-trustee jkun irrinunzja għall-obbligu tad-debitur wara li jkun ġie ddikjarat il-falliment, il-parti l-oħra għall-kuntratt tista’ tippreżenta pretensjoni li tirriżulta mill-fatt li jkun naqas milli jonora l-kuntratt bħala kreditur fil-proċediment ta’ falliment. Jekk l-oġġett ta’ obbligu kuntrattwali huwa diviżibbli u l-parti l-oħra tkun eżegwiet l-obbligu tagħha parzjalment saż-żmien li fih ikun ġie ddikjarat il-falliment, il-parti l-oħra tista’ titlob li l-obbligu finanzjarju tad-debitur jiġi eżegwit sa limitu li jikkorrispondi għas-sehem tal-obbligu tal-parti l-oħra li jkun ġie eżegwit biss bħala kreditur fil-proċediment ta’ falliment.

Il-liġi tistabbilixxi wkoll każijiet speċjali għal ċerti tipi ta’ kuntratti:

  1. jekk debitur ikun biegħ proprjetà mobbli bi dritt ta’ riżerva tal-propjetà qabel ikun ġie ddikjarat il-falliment u jkun ittrasferixxa l-pussess tal-proprjetà mobbli lix-xerrej, ix-xerrej għandu d-dritt li jitlob li jiġi onorat il-kuntratt tal-bejgħ. F’dan il-każ, it-trustee ma jistax jirrinunzja għall-obbligi tad-debitur li jirriżultaw mill-kuntratt tal-bejgħ;
  2. il-falliment ta’ lokatur residenzjali jew kummerċjali ma jservix bħala bażi għat-terminazzjoni tal-kuntratt lokatizju residenzjali jew kummerċjali, sakemm il-kuntratt ma jipprovdix mod ieħor. Jekk il-kuntratt lokatizju residenzjali jew kummerċjali jipprovdi għall-falliment bħala bażi għat-terminazzjoni tal-kuntratt, it-trustee jista’ jikkanċella l-kuntratt fi żmien perjodu ta’ terminazzjoni ta’ xahar, jew inqas jekk dan ikun preskritt fil-kuntratt. Il-falliment ta’ lokatur residenzjali ta’ abitazzjoni ma jservix bħala bażi għat-terminazzjoni tal-kuntratt lokatizju residenzjali tal-abitazzjoni. Jekk id-debitur ikun tħallas bil-quddiem il-kera għall-proprjetà jew għall-bini immobbli qabel ikun ġie ddikjarat il-falliment, l-inkwilin residenzjali jew kummerċjali jista’ jpaċi pretensjoni għal arrikkiment indebitu kontra l-pretensjoni tad-debitur kontra l-inkwilin residenzjali jew kummerċjali;
  3. fil-każ ta’ falliment ta’ inkwilin residenzjali jew kummerċjali, is-sid residenzjali jew kummerċjali jista’ jittermina l-kuntratt lokatizju residenzjali jew kummerċjali biss skont il-proċedura ġenerali, u l-kuntratt lokatizju residenzjali jew kummerċjali ma jistax jiġi kkanċellat minħabba dewmien fil-ħlas tal-kera jekk id-dewmien ikun minħabba ħlas ta’ kera dovut qabel il-preżentata tar-rikors għal falliment. It-trustee għandu d-dritt li jikkanċella l-kuntratt lokatizju residenzjali jew kummerċjali konkluż mad-debitur fi żmien perjodu ta’ terminazzjoni ta’ xahar, jew inqas jekk dan ikun preskritt fil-kuntratt. Jekk il-proprjetà jew il-bini immobbli ma jkunux ġew trasferiti fil-pussess tad-debitur saż-żmien li fih jiġi ddikjarat il-falliment, kemm it-trustee kif ukoll il-parti l-oħra jistgħu jirtiraw mill-kuntratt. Fil-każ ta’ rtirar mill-kuntratt jew il-kanċellazzjoni tal-kuntratt, il-parti l-oħra tista’ titlob kumpens għal telf li jirriżulta mit-terminazzjoni prematura tal-kuntratt bħala kreditur fil-proċediment ta’ falliment jew permezz ta’ tpaċija;
  4. il-proċedura għal kuntratt lokatizju residenzjali u kummerċjali tapplika wkoll għall-kuntratti lokatizji konklużi mid-debitur.

It-trustee għandu d-dritt li jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni jew it-terminazzjoni ta’ kuntratt, iżda jekk il-parti l-oħra tagħmel proposta lit-trustee sabiex teżerċita dik l-għażla, it-trustee għandu minnufih, iżda mhux aktar tard minn sebat ijiem, jagħti notifika dwar jekk huwiex ser jeżegwixxi jew jirrinunzja għall-obbligu tad-debitur. Fuq talba ta’ trustee, il-qorti tista’ wkoll testendi dak il-perjodu. Jekk it-trustee jonqos milli jagħti notifika fil-ħin dwar l-eżekuzzjoni jew dwar ir-rinunzja tal-obbligu, it-trustee ma jkollux id-dritt li jitlob lill-parti l-oħra sabiex tonora l-kuntratt qabel it-trustee jkun wettaq l-obbligu tad-debitur.

Huwa possibbli wkoll li jkun hemm irkupru ta’ xi kuntratti konklużi mid-debitur. Pereżempju, il-qorti tirrevoka kuntratti li kienu ġew konklużi matul il-perjodu mill-ħatra ta’ trustee interim sakemm jiġi ddikjarat il-falliment. Minbarra l-kundizzjoni dwar iż-żmien, prekundizzjoni għall-irkupru hija li l-kuntratt ikun għamel ħsara lill-interessi tal-kredituri. Jekk ma tkunx saret ħsara lill-interessi tal-kredituri u l-proprjetà tal-falliment ma tiżdiedx bħala riżultat ta’ rkupru, ma hemm l-ebda raġuni għall-eżekuzzjoni tal-irkupru.

Ġeneralment, debitur li jkun fallut jew it-trustee tiegħu ma jkollux id-dritt li jemenda kuntratti. Madankollu, kuntratti jistgħu jiġu emendati jekk il-kompożizzjoni tkun saret wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment. F’dan il-każ, huwa possibbli li jitnaqqsu d-djun jew jiġi estiż it-terminu perentorju għall-ħlas bħala riżultat ta’ ftehim bejn id-debitur u l-kredituri. L-istess riżultat jista’ jinkiseb ukoll permezz ta’ proċedura ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn. L-Att dwar il-Fallimenti, l-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni u l-Att dwar ir-Ristrutturar tad-Dejn ma jkoprux iċ-ċessjoni ta’ pretensjonijiet jew l-assunzjoni ta’ obbligi b’mod separat, u għalhekk tapplika l-proċedura ġenerali prevista fl-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi.

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u l-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni r-ristrutturar ta’ kuntratti huwa permess. Ftehim skont liema kreditur jista’ jittermina kuntratt meta jinfetaħ proċediment ta’ riorganizzazzjoni jew jiġi approvat pjan ta’ riorganizzazzjoni huwa null u bla effett. Pretensjoni li tirriżulta minn kuntratt ta’ impjieg jew minn tranżazzjoni b’derivattivi ma tistax tiġi ristrutturata fi pjan ta’ riorganizzazzjoni.

Jekk jiġi aċċettat rikors għal ristrutturar tad-dejn, kreditur ma jistax, billi jinvoka ksur ta’ obbligu finanzjarju li jkun seħħ qabel il-preżentata ta’ rikors għal ristrutturar tad-dejn, jittermina kuntratt li jkun ġie konkluż mad-debitur u li jagħti lok għall-pretensjonijiet li d-debitur ikun qiegħed ifittex li jirristruttura, jew jirrifjuta li jeżegwixxi l-obbligi tiegħu abbażi ta’ dawk ir-raġunijiet. Ftehim li fl-ambitu tiegħu kreditur jista’ jittermina kuntratt meta jiġi ppreżentat rikors għal ristrutturar tad-dejn jew jiġi approvat pjan ta’ ristrutturar tad-dejn huwa null u bla effett. Obbligi li jirriżultaw minn kuntratt li jkompli li jinħolqu jew li jiġu dovuti wara li jiġi ppreżentat rikors għal ristrutturar tad-dejn jistgħu jiġu ristrutturati fi proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn. Il-pjan ta’ ristrutturar jista’ jistabbilixxi li ftehim ta’ kreditu jew kuntratt ieħor li jkompli li jkun ġie konkluż minn debitur qabel jiġi ppreżentat rikors għal ristrutturar tad-dejn u li jimponi obbligi finanzjarji fuq id-debitur li jsiru dovuti wara l-preżentata tar-rikors għal ristrutturar tad-dejn jintemm meta jiġi approvat il-pjan ta’ ristrutturar. It-terminazzjoni ta’ kuntratt għandha l-istess konsegwenzi bħall-kanċellazzjoni straordinarja ta’ kuntratt minħabba ċirkostanzi li jirriżultaw mid-debitur. Taħt pjan ta’ ristrutturar l-obbligi tad-debitur li jirriżultaw mit-terminazzjoni ta’ kuntratt jistgħu jiġu ristrutturati minn qabel. Jekk l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt lokatizju jridu jiġu ristrutturati, il-lokatarju li huwa kreditur jista’ jikkanċella b’mod straordinarju l-kuntratt fi żmien ġimgħa mill-approvazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Wara li jiġi ddikjarat falliment, il-kredituri fil-proċediment ta’ falliment jistgħu jippreżentaw biss il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur fil-proċediment ta’ falliment. It-trustee għandu jiġi notifikat dwar il-pretensjonijiet tiegħu kollha kontra d-debitur li kienu rriżultaw qabel ġie ddikjarat il-falliment, irrispettivament mir-raġunijiet jew mid-dati ta’ maturità għas-sodisfar tal-pretensjonijiet. Il-proċedura ta’ infurzar li tkun infetħet fir-rigward ta’ debitur tingħalaq jekk jiġi ddikjarat falliment, u l-kreditur għandu jippreżenta pretensjoni lir-riċevent f’falliment.

Fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u fi proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn, ma jistgħux jitressqu proċedimenti ġodda matul it-terminu tal-validità tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni u tal-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn, rispettivament, sempliċiment minn dawk il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom jittratta l-pjan inkwistjoni. Fil-każ ta’ riorganizzazzjoni, il-proċedura ta’ infurzar tiġi sospiża, ħlief fil-każ ta’ proċedura ta’ infurzar li ssir biex tiġi sodisfatta pretensjoni li tkun qamet abbażi ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew talba għall-ħlas ta’ manteniment. Fi proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn, il-qorti tista’ tissospendi proċedura ta’ infurzar bħala miżura ta’ protezzjoni legali proviżorja anki qabel l-aġġudikazzjoni jew il-preżentata ta’ rikors. Meta rikors jiġi milqugħ, il-qorti tissospendi l-proċedura ta’ infurzar (jew infurzar obbligatorju) għall-ġbir ta’ flus mwettqa fir-rigward tal-assi tad-debitur sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn jew jingħalaq il-proċediment.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Il-proċedimenti ta’ falliment

F’tilwim dwar il-proprjetà tal-falliment jew l-assi li jistgħu jiġu inklużi fil-proprjetà tal-falliment, id-dritt li d-debitur ikun parti mill-proċediment tal-qorti jiġi ttrasferit lit-trustee. Jekk azzjoni jew xi rikors ieħor relatat mal-proprjetà tal-falliment ippreżentat mid-debitur kontra persuna oħra jkun qiegħed jinstema’ fi proċedimenti tal-qorti li jkunu bdew qabel ġie ddikjarat il-falliment jew jekk id-debitur jipparteċipa fi proċediment tal-qorti bħala parti terza, it-trustee jista’, skont id-dmirijiet tiegħu, jidħol fil-proċedimenti minflok id-debitur. Jekk it-trustee jkun konxju minn tali proċedimenti iżda ma jidħolx fihom, id-debitur jista’ jkompli bħala r-rikorrent, il-parti attriċi jew parti terza.

Jekk fi proċediment ġudizzjarju li jkun beda qabel ikun ġie ddikjarat il-falliment ikun hemm pretensjoni ta’ proprjetà kontra debitur, iżda ma tkun inqatgħet is-sentenza dwar il-pretensjoni, il-qorti ma tismax it-talba fil-proċedura dwar l-azzjoni. Il-qorti terġa’ tiftaħ il-proċedimenti abbażi ta’ rikors mir-rikorrent jekk qorti superjuri tkun annullat id-deċiżjoni dwar falliment u tkun daħlet fis-seħħ deċiżjoni li tiċħad ir-rikors għal falliment jew jekk il-proċedimenti ta’ falliment ikunu ntemmu permezz ta’ sospensjoni wara li jkun ġie ddikjarat il-falliment.

Jekk tkun ġiet ippreżentata talba għall-esklużjoni ta’ oġġett mill-proprjetà tal-falliment kontra d-debitur fi proċediment ġudizzjarju li jkun beda qabel ma jkun ġie ddikjarat falliment, il-qorti tisma’ t-talba. F’dan il-każ, ir-riċevent f’falliment jista’ jidħol fil-proċedimenti minflok id-debitur. Bħala l-konvenut it-trustee għandu d-drittijiet u l-obbligi tad-debitur. Jekk it-trustee ma jidħolx fil-proċedimenti, fuq talba tar-rikorrent il-proċedimenti jistgħu jitkomplew.

Jekk fi proċediment ġudizzjarju tkun teżisti pretensjoni ta’ proprjetà kontra debitur fejn is-sentenza li tkun saret dwar il-pretensjoni tkun soġġetta għal appell, it-trustee jista’ jippreżenta appell f’isem id-debitur wara li jiġi ddikjarat falliment. Id-debitur jista’ jippreżenta l-appell bil-kunsens tat-trustee.

Jekk strument amministrattiv kontra debitur ikun ġie kkontestat fil-qorti, it-terminu perentorju għall-kontestazzjoni ta’ dak l-istrument amministrattiv jiġi sospiż.

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u l-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Wara li jiġi ppreżentat rikors għal riorganizzazzjoni, il-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża tista’, abbażi ta’ rikors minn impriża u bl-approvazzjoni tal-konsulent tar-riorganizzazzjoni, li hija mehmuża mar-rikors, tissospendi l-proċediment ġudizzjarju li jinvolvi pretensjoni finanzjarja kontra l-impriża sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew jingħalqu l-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni, ħlief fil-każ ta’ talba ppreżentata abbażi ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew talba għall-ħlas ta’ manteniment li dwarha ma tkunx għadha nqatgħet is-sentenza. Meta taċċetta rikors għal ristrutturar tad-dejn, il-qorti tissospendi l-proċedimenti tal-qorti li jinvolvu pretensjoni finanzjarja kontra d-debitur li dwarha ma tkunx għadha nqatgħet is-sentenza sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew jingħalqu l-proċedimenti.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Il-parteċipazzjoni ta’ kredituri fi proċedimenti ta’ falliment

Il-kreditur jirrappreżenta l-pretensjoni tiegħu fil-proċediment ta’ falliment. Il-kredituri huma meħtieġa jinnotifikaw lit-trustee dwar il-pretensjonijiet kollha tagħhom kontra d-debitur li kienu rriżultaw qabel ġie ddikjarat il-falliment, irrispettivament mir-raġunijiet jew mid-dati ta’ maturità għas-sodisfar tal-pretensjonijiet, mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ falliment f’Ametlikud Teadaanded. It-trustee għandu jiġi nnotifikat dwar pretensjoni permezz ta’ rikors bil-miktub (prova ta’ pretensjoni). Il-kredituri għandhom jiddefendu l-pretensjonijiet tagħhom waqt laqgħa ġenerali tal-kredituri (laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet). Id-drittijiet ta’ garanzija jiġu difiżi flimkien mal-pretensjonijiet li jiżguraw. Pretensjoni, il-klassifikazzjoni tagħha u d-dritt ta’ garanzija li tassigura l-pretensjoni jitqiesu li jkunu ġew milqugħa jekk la t-trustee u lanqas xi wieħed mill-kredituri ma joġġezzjona għalihom waqt il-laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet. Pretensjoni jew il-klassifikazzjoni tagħha milqugħa f’laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet ma tistax tiġi kkontestata aktar ‘il quddiem.

Minbarra l-fatt li kull kreditur jirrappreżenta l-pretensjoni tiegħu u d-difiża tagħha, il-kredituri jipparteċipaw ukoll fit-tmexxija tal-proċediment ta’ falliment permezz tal-laqgħa ġenerali tal-kredituri. Laqgħa ġenerali tal-kredituri hija kompetenti sabiex fiha jiġi approvat it-trustee u jiġi elett kumitat dwar il-falliment, tittieħed deċiżjoni dwar il-kontinwazzjoni jew ix-xoljiment tal-intrapriża tad-debitur, tittieħed deċiżjoni dwar ix-xoljiment tad-debitur jekk id-debitur ikun persuna ġuridika, issir kompożizzjoni, tittieħed deċiżjoni dwar il-limitu previst mil-liġi dwar kwistjonijiet relatati mal-bejgħ tal-proprjetà tal-falliment, jiġu difiżi pretensjonijiet, jiġu riżolti lmenti li jkunu tressqu kontra l-attivitajiet tat-trustee, tittieħed deċiżjoni dwar ir-rimunerazzjoni tal-membri tal-kumitat dwar il-falliment u jiġu riżolti kwistjonijiet oħra li huma fil-kompetenza tal-laqgħa ġenerali tal-kredituri skont il-liġi. Jekk laqgħa ġenerali tal-kredituri tiddeċiedi li taħtar kumitat dwar il-falliment, huwa d-dmir ta’ dan tal-aħħar, fost affarijiet oħra, li jipproteġi l-interessi tal-kredituri kollha fil-proċediment ta’ falliment.

Il-parteċipazzjoni ta’ kredituri fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni

Il-konsulent tar-riorganizzazzjoni jinnotifika minnufih lill-kredituri dwar il-ftuħ ta’ proċediment ta’ riorganizzazzjoni u dwar id-daqs tal-pretensjonijiet li jkollhom kontra l-impriża skont il-lista tad-djun. Għal dan il-għan, il-konsulent jippreżenta avviż ta’ riorganizzazzjoni lill-kredituri. Jekk kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun intalbet li tiġi riorganizzata taħt pjan ta’ riorganizzazzjoni ma jaqbilx mal-informazzjoni fl-avviż ta’ riorganizzazzjoni, il-kreditur għandu, fit-terminu perentorju stabbilit fl-avviż ta’ riorganizzazzjoni, jippreżenta rikors bil-miktub lill-konsulent tar-riorganizzazzjoni li jistabbilixxi f’liema rigward ma jaqbilx mal-pretensjoni fl-avviż ta’ riorganizzazzjoni u jippreżenta evidenza bħala prova ta’ dawn iċ-ċirkostanzi. Jekk sad-data dovuta ma jiġi ppreżentat ebda rikors, il-kreditur jitqies li jkun qabel mad-daqs tal-pretensjoni. Jekk il-konsulent tar-riorganizzazzjoni ma jaqbilx ma’ allegazzjoni li tkun saret fir-rikors tal-kreditur, għandu fil-pront jippreżenta r-rikors flimkien ma’ evidenza lill-qorti u jissostanzja għaliex ma jaqbilx mal-informazzjoni fir-rikors. Il-konsulent tar-riorganizzazzjoni għandu jiġġustifika l-allegazzjonijiet tiegħu. Fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet u tal-provi mressqa, il-qorti tiddeċiedi dwar id-daqs tal-pretensjoni prinċipali u dwar il-pretensjoni ta’ kollaterali tal-kreditur u dwar l-eżistenza u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-garanzija.

Il-parteċipazzjoni ta’ kredituri fi proċedimenti ta’ ristrutturar

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn jikkonċernaw il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur ikunu saru dovuti saż-żmien li fih jiġi ppreżentat rikors għal ristrutturar tad-dejn. Id-deċiżjoni biex jiġi milqugħ rikors għal ristrutturar tittieħed mill-qorti, li tista’, fejn meħtieġ, tisma’ wkoll l-opinjoni tal-kreditur u titlob informazzjoni jew dokumenti addizzjonali. Id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors tiġi trażmessa lid-debitur u lill-kredituri kollha li l-pretensjonijiet tagħhom id-debitur ikun qiegħed ifittex li jirristruttura. Jekk rikors jiġi milqugħ, kreditur ma jistax, billi jinvoka ksur ta’ obbligu finanzjarju li jkun seħħ qabel ma tressaq ir-rikors għal ristrutturar tad-dejn, jittermina kuntratt li jkun ġie konkluż mad-debitur u li jagħti lok għall-pretensjonijiet li d-debitur ikun qiegħed ifittex li jirristruttura, jew jirrifjuta li jwettaq l-obbligi tiegħu abbażi ta’ dawk ir-raġunijiet. Meta tagħti pjan ta’ ristrutturar lill-kreditur, il-qorti tagħti lill-kreditur terminu perentorju ta’ mill-inqas ġimgħatejn, iżda ta’ mhux aktar minn erba’ ġimgħat, wara li jkun irċieva l-pjan ta’ ristrutturar biex jesprimi opinjoni lill-qorti jew lill-konsulent. Il-kreditur għandu jesprimi opinjoni dwar jekk il-kreditur jaqbilx mal-informazzjoni tad-debitur dwar il-pretensjoni u l-garanzija, il-kalkolu tad-dejn min-naħa tad-debitur u r-ristrutturar tad-dejn bil-mod mitlub mid-debitur. Jekk il-kreditur ma jaqbilx mar-ristrutturar tad-dejn bil-mod mitlub mid-debitur, il-kreditur għandu jindika jekk jaqbilx li d-dejn jiġi ristrutturat b’xi mod ieħor. Jekk il-kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun intalbet li tiġi riorganizzata ma jaqbilx mal-informazzjoni mogħtija mid-debitur fil-lista tad-djun, il-kreditur għandu jinnotifika lill-qorti jew, jekk jiġi stabbilit mill-qorti, lill-konsulent fit-terminu perentorju stabbilit mill-qorti f’liema rigward ma jaqbilx mal-pretensjoni u jippreżenta evidenza bħala prova ta’ dawn iċ-ċirkostanzi. Jekk ir-rikors ma jiġix ippreżentat sad-data dovuta, il-kreditur jitqies li jkun qabel mad-daqs tal-pretensjoni. Jekk id-debitur jew il-konsulent ma jaqbilx ma’ allegazzjoni li tkun saret fir-rikors tal-kreditur, għandu fil-pront jippreżenta rikors flimkien ma’ evidenza lill-qorti u jissostanzja għaliex ma jaqbilx mal-informazzjoni fir-rikors. Fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet u tal-provi mressqa, il-qorti tiddeċiedi dwar id-daqs tal-pretensjoni prinċipali u dwar il-pretensjoni ta’ kollateral tal-kreditur u dwar l-eżistenza tal-garanzija.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

L-assi tad-debitur isiru l-proprjetà tal-falliment abbażi ta’ deċiżjoni dwar falliment u jintużaw bħala assi maħsuba biex jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet tal-kredituri u sabiex jitwettaq il-proċediment ta’ falliment. Il-proprjetà tal-falliment tfisser l-assi tad-debitur fil-mument li fih jiġi ddikjarat falliment, kif ukoll assi li jkunu ntalbu lura jew li ġew irkuprati u assi akkwistati mid-debitur matul il-proċediment ta’ falliment. L-assi tad-debitur li dwarhom, skont il-liġi, ma tista’ ssir ebda talba għall-ħlas ma jiġux inklużi fil-proprjetà tal-falliment.

Meta jiġi ddikjarat falliment, id-dritt tad-debitur li jamministra u li jiddisponi mill-proprjetà tal-falliment jiġi ttrasferit lir-riċevent f’falliment. Wara li jiġi ddikjarat il-falliment, kwalunkwe disponiment mid-debitur fir-rigward ta’ oġġetti li jagħmlu parti mill-proprjetà tal-falliment huwa null u bla effett. Qabel jiġi ddikjarat falliment, il-qorti tista’ tipprojbixxi lil debitur milli jiddisponi minn assi jew minn sehem tal-assi mingħajr il-kunsens tat-trustee interim.

It-trustee għandu jieħu pussess tal-assi tad-debitur u jibda l-amministrazzjoni tal-proprjetà tal-falliment mingħajr dewmien wara li tinħareġ deċiżjoni dwar falliment. It-trustee għandu jitlob lura l-assi tad-debitur li jkunu fil-pussess ta’ parti terza għall-proprjetà tal-falliment, sakemm ma jiġix previst mod ieħor mil-liġi. L-amministrazzjoni ta’ proprjetà tal-falliment tinkludi l-eżekuzzjoni ta’ atti bil-proprjetà tal-falliment li huma meħtieġa għall-preservazzjoni tal-proprjetà tal-falliment u għall-eżekuzzjoni tal-proċediment ta’ falliment, kif ukoll il-ġestjoni tal-attivitajiet tad-debitur jekk id-debitur ikun persuna ġuridika jew l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tan-negozju tad-debitur jekk id-debitur ikun jaħdem għal rasu. Fil-proċediment ta’ falliment ta’ debitur li jkun persuna ġuridika, it-trustee għandu tali drittijiet u obbligi tal-bord maniġerjali jew tal-korp li jissostitwixxi l-bord maniġerjali tal-persuna ġuridika li ma jmorrux kontra l-għan tal-proċediment ta’ falliment. Ir-responsabbiltà tat-trustee hija ugwali għar-responsabbiltà ta’ membru ta’ korp maniġerjali.

It-trustee jista’ jikkonkludi tranżazzjoni bil-proprjetà tal-falliment fi flus unikament bil-permess tal-qorti. It-trustee ma jagħmel ebda pagament lill-kredituri fi flus abbażi tal-proporzjon tad-distribuzzjoni. It-trustee jista’ jikkonkludi tranżazzjonijiet ta’ rilevanza partikolari għall-proċediment ta’ falliment unikament bil-kunsens tal-kumitat dwar il-falliment. It-tranżazzjonijiet ta’ rilevanza partikolari huma, qabel kollox, self u, fil-każ ta’ intrapriża li tkun inkluża fil-proprjetà tal-falliment, it-tranżazzjonijiet kollha li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet regolari ta’ negozju tal-intrapriża. It-trustee ma jista’ jikkonkludi ebda tranżazzjoni miegħu nnifsu jew ma’ persuni relatati miegħu fir-rigward ta’ jew f’isem il-proprjetà tal-falliment jew jikkonkludi xi tranżazzjoni oħra ta’ natura simili jew li tinvolvi kunflitt ta’ interessi jew jitlob kumpens għall-ispejjeż imġarrba fi tranżazzjonijiet bħal dawn.

It-trustee jista’ jibda l-bejgħ tal-proprjetà tal-falliment wara l-ewwel laqgħa ġenerali tal-kredituri, ħlief jekk il-kredituri jkunu ddeċidew mod ieħor waqt il-laqgħa. Jekk id-debitur ikun appella kontra d-deċiżjoni dwar il-falliment, l-assi tad-debitur ma jistgħux jinbiegħu mingħajr il-kunsens tad-debitur qabel jinstema l-appell ippreżentat quddiem il-qorti distrettwali. Dawn ir-restrizzjonijiet ma japplikawx għall-bejgħ ta’ assi li jitħassru malajr ħafna, li jonqsu malajr fil-valur jew li l-ħżin jew il-preservazzjoni tagħhom hija eċċessivament għalja. Jekk l-attivitajiet tal-intrapriża tad-debitur ikomplu, l-assi ma jistgħux jinbiegħu jekk dan ifixkel it-tkomplija tal-attivitajiet tal-intrapriża. Jekk tiġi ppreżentata proposta għal kompożizzjoni, l-assi ma jistgħux jinbiegħu qabel issir il-kompożizzjoni, sakemm il-laqgħa ġenerali tal-kredituri ma tiddeċidix li jistgħu jinbiegħu, irrispettivament mill-proposta għal kompożizzjoni. Il-proprjetà tal-falliment tinbiegħ b’irkant skont il-proċedura prevista fil-Kodiċi ta’ Proċedura ta’ Infurzar.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Il-pretensjonijiet li għandhom jiġu ppreżentati kontra l-proprjetà tal-falliment tad-debitur

Il-pretensjonijiet kollha li rriżultaw kontra d-debitur qabel ikun ġie ddikjarat il-falliment għandhom jiġu ppreżentati kontra l-proprjetà tal-falliment tad-debitur, irrispettivament mir-raġunijiet jew mid-dati ta’ maturità għas-sodisfar tal-pretensjonijiet. Meta jiġi ddikjarat falliment, il-pretensjonijiet kollha tal-kredituri kontra d-debitur jitqiesu li jkunu ġew dovuti, sakemm ma jiġix previst mod ieħor mil-liġi. Jekk kreditur ikun ressaq pretensjoni korrispondenti mal-qorti iżda ma tkun għadha ttieħdet l-ebda deċiżjoni ġudizzjarja, il-qorti tissospendi l-proċedura dwar l-azzjoni u l-kreditur għandu jippreżenta l-pretensjoni lir-riċevent f’falliment. Jekk kreditur ikun ippreżenta pretensjoni quddiem il-qorti u l-qorti tkun ħarġet sentenza li tkun daħlet fis-seħħ, il-kreditur għandu jippreżenta wkoll il-pretensjoni tiegħu lir-riċevent f’falliment, iżda tali pretensjoni titqies li tkun ġiet difiża. Jekk id-debitur seta’ kkontestata d-deċiżjoni ġudizzjarja, ir-riċevent f’falliment jista’ jagħmel dan.

L-indirizzar ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment

Wara li jiġi ddikjarat falliment, il-kredituri fil-proċediment ta’ falliment jistgħu jippreżentaw biss il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur skont il-proċedura prevista fl-Att dwar il-Fallimenti. Il-pretensjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati biss lir-riċevent f’falliment u jistgħu jiġi ppreżentati biss dawk il-pretensjonijiet li kienu rriżultaw qabel ġie ddikjarat il-falliment. Il-pretensjonijiet li jirriżultaw wara li jkun ġie ddikjarat il-falliment ma jistgħux jiġu ppreżentati qabel jingħalaq il-proċediment ta’ falliment. Għandu jittieħed kont tal-fatt li, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, f’ħafna każijiet l-għeluq ta’ proċedimenti ta’ falliment jinvolvi l-likwidazzjoni tal-persuna ġuridika, u bħala riżultat ma jkun hemm l-ebda persuna li kontriha jistgħu jiġu ppreżentati l-pretensjonijiet wara l-proċediment ta’ falliment. Għalhekk, hemm bżonn li tingħata attenzjoni u li jitqies dak ir-riskju meta jiġu konklużi tranżazzjonijiet ma’ persuna ġuridika li tkun falluta. Il-pretensjonijiet kontra persuna fiżika li jirriżultaw matul proċediment ta’ falliment jistgħu jiġu ppreżentati wara l-proċediment ta’ falliment skont il-proċedura ġenerali. L-obbligi ta’ kumpens għal danni kkawżati matul proċediment ta’ falliment minħabba l-azzjoni illegali ta’ debitur li jkun persuna ġuridika huma obbligi konsolidati, u għalhekk id-debitur jista’ jkun meħtieġ jeżegwihom matul il-proċediment ta’ falliment skont il-proċedura ġenerali. Sabiex jiġu eżegwiti l-obbligi tista’ titwettaq ukoll proċedura ta’ infurzar fir-rigward tal-proprjetà tal-falliment.

Huwa possibbli wkoll li tinqala’ sitwazzjoni fejn wara li jiġi ddikjarat falliment, id-debitur jiddisponi minn oġġett li jkun jappartjeni għall-proprjetà tal-falliment. Tali disponiment ikun null u bla effett peress li, meta jkun ġie ddikjarat il-falliment, id-dritt ta’ amministrazzjoni u ta’ disponiment tal-assi jiġi ttrasferit lir-riċevent f’falliment. Jekk madanakollu jkun hemm disponiment mid-debitur, l-assi trasferiti mill-parti l-oħra abbażi tad-disponiment jiġu rritornati lill-parti jekk l-assi jkunu baqgħu fil-proprjetà tal-falliment, jew jingħata kumpens jekk il-proprjetà tal-falliment tkun żdiedet bħala riżultat tat-trasferiment. Jekk id-debitur ikun iddispona mill-oġġett fil-jum li fih ikun ġie ddikjarat il-falliment, huwa preżunt li d-disponiment ikun sar wara li jkun ġie ddikjarat il-falliment. Jekk id-debitur ikun iddispona mill-pretensjonijiet futuri tiegħu qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, id-disponiment isir null u bla effett fir-rigward tal-pretensjonijiet li jirriżultaw wara. Id-debitur li huwa persuna fiżika jista’ jiddisponi mill-proprjetà tal-falliment bil-kunsens tat-trustee. Kwalunkwe disponiment mingħajr il-kunsens tat-trustee huwa null u bla effett.

L-indirizzar ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Matul it-terminu ta’ validità ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni, ma jista’ jiġi ppreżentat ebda att promotur abbażi ta’ pretensjoni li għaliha japplika l-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Atti promoturi jistgħu jiġu ppreżentati dwar pretensjonijiet oħra. Matul it-terminu ta’ validità ta’ pjan ta’ ristrutturar, fi proċedimenti dwar rikors ma jista’ jiġi ppreżentat ebda att promotur jew rikors abbażi ta’ pretensjoni li għaliha japplika l-pjan ta’ ristrutturar. Atti promoturi jistgħu jiġu ppreżentati dwar pretensjonijiet oħra. L-approvazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar ma tillimitax id-dritt tal-kreditur sabiex fil-proċediment ġudizzjarju jikkontesta l-pretensjonijiet li ma jkunux ġew milqugħa fil-pjan ta’ ristrutturar. Fi proċediment ġudizzjarju kreditur jista’ jikkontesta wkoll id-daqs tal-pretensjoni sal-limitu tas-sehem li ma jkunx ġie aċċettat.

Il-preżentata ta’ rikors għal riorganizzazzjoni jew ta’ rikors għal ristrutturar tad-dejn minn debitur tissospendi l-perjodu ta’ limitazzjoni fir-rigward ta’ pretensjonijiet kontra d-debitur. Wara li jiġi ppreżentat rikors għal riorganizzazzjoni, il-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża tista’, abbażi ta’ rikors minn impriża u bl-approvazzjoni tal-konsulent tar-riorganizzazzjoni, li hija mehmuża mar-rikors, tissospendi l-proċediment ġudizzjarju li jinvolvi pretensjoni finanzjarja kontra l-impriża sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew jingħalqu l-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni, ħlief fil-każ ta’ talba ppreżentata abbażi ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew talba għall-ħlas ta’ manteniment li dwarha ma tkunx għadha nqatgħet is-sentenza. Meta taċċetta rikors għal ristrutturar tad-dejn, il-qorti tissospendi l-proċedimenti tal-qorti li jinvolvu pretensjoni finanzjarja kontra d-debitur li dwarha ma tkunx għadha nqatgħet is-sentenza sakemm jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew jingħalqu l-proċedimenti.

Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni ma jeħlisx lil persuna li tkun responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ impriża mill-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ dik il-persuna. Il-pjan ta’ ristrutturar ma jeħlisx lil persuna li tkun responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-obbligu tad-debitur mill-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ dik il-persuna.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Ir-regoli dwar il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni ta’ pretensjonijiet fi proċedimenti ta’ falliment

Il-kredituri huma meħtieġa jinnotifikaw lit-trustee dwar il-pretensjonijiet kollha tagħhom kontra d-debitur li kienu rriżultaw qabel ġie ddikjarat il-falliment, irrispettivament mir-raġunijiet jew mid-dati ta’ maturità għas-sodisfar tal-pretensjonijiet, mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ falliment f’Ametlikud Teadaanded. Meta jiġi ddikjarat falliment, il-pretensjonijiet kollha tal-kredituri kontra d-debitur jitqiesu li jkunu ġew dovuti. It-trustee għandu jiġi nnotifikat dwar pretensjoni permezz ta’ rikors bil-miktub (prova ta’ pretensjoni). Il-prova tal-pretensjoni tistabbilixxi l-kontenut, il-bażi u d-daqs tal-pretensjoni u dwar jekk il-pretensjoni tkunx assigurata permezz ta’ rahan. Id-dokumenti li jagħtu evidenza taċ-ċirkostanzi msemmija fil-prova tal-pretensjoni jiġu mehmuża magħha. It-trustee huwa meħtieġ jivverifika jekk il-pretensjonijiet ippreżentati humiex ġustifikati u jekk jeżistux id-drittijiet ta’ garanzija li jiggarantixxu l-pretensjonijiet. Il-kredituri u d-debitur jistgħu jippreżentaw oġġezzjonijiet bil-miktub dwar il-pretensjonijiet jew id-drittijiet ta’ garanzija li jiggarantixxu l-pretensjonijiet lit-trustee qabel il-laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet.

Il-pretensjonijiet jiġu difiżi waqt laqgħa ġenerali tal-kredituri (laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet). Id-drittijiet ta’ garanzija jiġu difiżi flimkien mal-pretensjonijiet li jiżguraw. Waqt laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet, il-pretensjonijiet jinstemgħu fl-ordni li fih ikunu ġew ippreżentati. Pretensjoni, il-klassifikazzjoni tagħha u d-dritt ta’ garanzija li jiggarantixxi l-pretensjoni jitqiesu li jkunu ġew milqugħa jekk la t-trustee u lanqas xi wieħed mill-kredituri ma joġġezzjona għalihom waqt il-laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet jew jekk it-trustee jew il-kreditur li jkun ippreżenta oġġezzjoni jirrinunzja għall-oġġezzjoni waqt il-laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet. It-trustee huwa meħtieġ joġġezzjona għal pretensjoni jew għal dritt ta’ garanzija waqt il-laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet jekk ikun hemm raġunijiet għal oġġezzjoni. Waqt il-laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet, pretensjonijiet issodisfati b’deċiżjoni tal-qorti jew ta’ arbitraġġ li tkun daħlet fis-seħħ, id-drittijiet ta’ garanzija milqugħa b’deċiżjoni tal-qorti jew ta’ arbitraġġ li tkun daħlet fis-seħħ u d-drittijiet ta’ garanzija mniżżla fir-reġistru tal-artijiet, fir-reġistru ta’ bastiment, f’reġistru ta’ rahan kummerċjali jew fir-Reġistru Ċentrali Estonjan tat-Titoli jitqiesu li jkunu ġew milqugħa mingħajr difiża. Titħejja lista ta’ pretensjonijiet milqugħa.

Il-minuti ta’ laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet jindikaw jekk kull pretensjoni separata jew id-dritt ta’ garanzija li jiggarantixxi l-pretensjoni jkunx ġie milqugħ jew le u min kien oġġezzjona għall-pretensjoni, għall-klassifikazzjoni tagħha jew għad-dritt ta’ garanzija li jiggarantixxi l-pretensjoni. Il-minuti jindikaw ukoll min irrinunzja għal oġġezzjoni li tkun ġiet ippreżentata. Jekk pretensjoni ta’ kreditur ma tkunx ġiet milqugħa u l-kreditur ma jkunx ippreżenta rikors għall-ammissjoni tal-pretensjoni jew il-qorti tkun ċaħdet ir-rikors, l-oġġezzjonijiet tal-kreditur għall-pretensjonijiet ta’ kreditur ieħor jiġu injorati. Jekk ma tkun ġiet ippreżentata ebda oġġezzjoni oħra għall-pretensjoni ta’ kreditur ieħor, il-pretensjoni titqies li ġiet milqugħa. Il-pretensjoni jew il-klassifikazzjoni tagħha milqugħa f’laqgħa għad-difiża tal-pretensjonijiet ma tistax tiġi kkontestata aktar ‘il quddiem.

Ir-regoli dwar il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni ta’ pretensjonijiet fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u fi proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Fi proċediment ta’ riorganizzazzjoni, id-debitur jippreżenta lista ta’ djun li fiha jistabbilixxi l-pretensjonijiet kollha kontrih kif ukoll il-kredituri korrispondenti. Għalhekk, il-kredituri nfushom ma jippreżentaw ebda pretensjoni. Il-kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun intalbet li tiġi riorganizzata taħt pjan ta’ riorganizzazzjoni u li ma jaqbilx mad-daqs tal-pretensjoni tiegħu fil-proċediment ta’ riorganizzazzjoni jista’ jippreżenta rikors bil-miktub lill-konsulent tar-riorganizzazzjoni li jistabbilixxi f’liema rigward ma jaqbilx mal-pretensjoni fl-avviż ta’ riorganizzazzjoni u jippreżenta evidenza bħala prova ta’ dawn iċ-ċirkostanzi. Jekk sad-data dovuta ma jiġi ppreżentat ebda rikors, il-kreditur jitqies li jkun qabel mad-daqs tal-pretensjoni. Id-debitur jista’ joġġezzjona għall-argumenti mressqa mill-kreditur, iżda d-debitur għandu jissostanzja l-pożizzjonijiet tiegħu. Fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet u tal-provi mressqa, il-qorti tiddeċiedi dwar id-daqs tal-pretensjoni prinċipali u dwar il-pretensjoni ta’ kollaterali tal-kreditur u dwar l-eżistenza u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-garanzija.

Fi proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn, id-debitur jippreżenta pjan ta’ ristrutturar tad-dejn li jindika l-obbligi li għandhom jiġu ristrutturati u l-mod ta’ ristrutturar mitlub mid-debitur. Bl-istess mod bħal fil-każ ta’ proċediment ta’ riorganizzazzjoni, il-kredituri nfushom ma jippreżentaw ebda pretensjoni. Jekk il-kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun intalbet li tiġi ristrutturata ma jaqbilx mal-informazzjoni mogħtija mid-debitur fil-lista tad-djun, il-kreditur għandu jinnotifika lill-qorti jew, jekk jiġi stabbilit mill-qorti, lill-konsulent fit-terminu perentorju stabbilit mill-qorti f’liema rigward ma jaqbilx mal-pretensjoni u jippreżenta evidenza bħala prova ta’ dawn iċ-ċirkostanzi. Jekk ir-rikors ma jiġix ippreżentat sad-data dovuta, il-kreditur jitqies li jkun qabel mad-daqs tal-pretensjoni. Jekk id-debitur jew il-konsulent ma jaqbilx ma’ allegazzjoni li tkun saret fir-rikors tal-kreditur, għandu fil-pront jippreżenta rikors flimkien ma’ evidenza lill-qorti u jissostanzja għaliex ma jaqbilx mal-informazzjoni fir-rikors. Fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet u tal-provi mressqa, il-qorti tiddeċiedi dwar id-daqs tal-pretensjoni prinċipali u dwar il-pretensjoni ta’ kollateral tal-kreditur u dwar l-eżistenza tal-garanzija.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Il-prinċipju applikabbli huwa li l-kredituri kollha jiġu trattati bl-istess mod. Madankollu, japplikaw ċerti eċċezzjonijiet li jipprovdu lil xi kredituri bi dritt preferenzjali.

Qabel jitħallsu flus abbażi ta’ proporzjonijiet ta’ distribuzzjoni, il-ħlasijiet relatati mal-proċediment ta’ falliment jsiru mill-proprjetà tal-falliment fl-ordni li ġejja:

  1. pretensjonijiet li jirriżultaw mill-konsegwenzi tal-esklużjoni jew tal-irkupru ta’ assi;
  2. manteniment pagabbli lid-debitur u lid-dipendenti tiegħu;
  3. obbligi konsolidati;
  4. il-kostijiet u l-ispejjeż imġarrba waqt il-proċediment ta’ falliment.

Wara li jkunu saru dawn il-pagamenti, il-pretensjonijiet tal-kredituri jiġu sodisfatti fl-ordni li ġejja:

  1. pretensjonijiet milqugħa garantiti b’rahan;
  2. pretensjonijiet oħra milqugħa li kienu ġew ippreżentati matul it-terminu perentorju stabbilit;
  3. pretensjonijiet oħra li ma kinux ippreżentati fit-terminu perentorju stabbilit; iżda li ġew milqugħa.

Ir-responsabbiltà ta’ parti terza għall-obbligi tad-debitur hija possibbli fil-każ ta’ debituri in solidum. F’dan il-każ, id-debitur in solidum huwa responsabbli għall-kreditur, irrispettivament mill-insolvenza tad-debitur. Jekk debitur in solidum iħallas is-sehem tad-dejn li l-kreditur ikun ippreżenta wkoll kontra d-debitur, dak is-sehem jiġi dedott mill-pretensjoni.

Huwa possibbli wkoll li l-obbligu tad-debitur jiġi ttrasferit lil parti terza abbażi tal-liġi. Jekk impjegatur ikun sar insolventi, jiġifieri l-impjegatur ikun ġie ddikjarat fallut jew il-proċediment ta’ falliment ikun intemm f’sospensjoni, l-impjegat jiġi kkumpensat għal kull rimunerazzjoni li ma tkunx ingħatat qabel l-impjegatur ikun ġie ddikjarat insolventi, kwalunkwe leave imħallas li ma jkunx ingħata qabel l-impjegatur ikun ġie ddikjarat insolventi u kwalunkwe benefiċċju li ma jkunx ingħata qabel ikun ġie kkanċellat il-kuntratt ta’ impjieg qabel jew wara l-impjegatur ikun ġie ddikjarat insolventi. Jekk impjegatur ikun insolventi, il-kreditur fi proċediment ta’ falliment fir-rigward tal-primjums tal-assigurazzjoni tal-qgħad li ma jkunux ingħataw sad-data dovuta huwa l-istat.

Fi proċediment ta’ riorganizzazzjoni u fi proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn, mhuwiex possibbli li tiġi diskussa l-proprjetà tal-falliment, u l-pretensjonijiet jiġu sodisfatti skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ ristrutturar tad-dejn. Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni ma jeħlisx lil persuna li tkun responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ impriża mill-eżekuzzjoni tal-obbligu tal-persuna. Jekk il-persuna li tkun responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ impriża tkun eżegwiet l-obbligu, il-persuna jkollha biss id-dritt ta’ rikors kontra l-impriża sal-punt li l-impriża hija responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligu skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni. L-approvazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar ma jeħlisx lil persuna li tkun responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-obbligu tad-debitur mill-eżekuzzjoni tal-obbligu tal-persuna. Jekk il-persuna li tkun responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-obbligu tad-debitur tkun eżegwiet l-obbligu, il-persuna jkollha biss id-dritt ta’ rikors kontra d-debitur sal-punt li d-debitur huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligu skont il-pjan ta’ ristrutturar.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

L-għeluq ta’ proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tal-għeluq

Il-proċedimenti ta’ falliment jintemmu biċ-ċaħda tar-rikors għal falliment, bis-sospensjoni tal-proċedimenti ta’ falliment, wara li r-raġunijiet għall-falliment ma jkunux għadhom jeżistu, bil-kunsens tal-kredituri, meta jiġi approvat ir-rapport finali, meta tiġi approvata kompożizzjoni jew għal raġunijiet oħra previsti mil-liġi.

Il-qorti ttemm il-proċedimenti b’sospensjoni permezz ta’ deċiżjoni mingħajr ma tiddikjara falliment, irrispettivament mill-insolvenza tad-debitur, jekk l-assi tad-debitur ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-kostijiet u l-ispejjeż imġarrba fil-proċediment ta’ falliment u jekk ma jkunx possibbli li jiġu rkuprati jew li jintalbu lura l-assi jew tiġi ppreżentata pretensjoni kontra membru ta’ korp maniġerjali. Il-qorti tista’ wkoll tagħlaq proċediment permezz ta’ sospensjoni mingħajr ma tiddikjara falliment, irrispettivament mill-insolvenza tad-debitur, jekk l-assi tad-debitur jikkonsistu primarjament fi pretensjonijiet għal irkupru jew pretensjonijiet kontra partijiet terzi u ma jkunx probabbli li dawn il-pretensjonijiet jiġu sodisfatti. Il-qorti ma tagħlaqx proċediment permezz ta’ sospensjoni jekk id-debitur, kreditur jew parti terza tittrasferixxi l-ammont stabbilit mill-qorti bħala depożitu sabiex jiġu koperti l-kostijiet u l-ispejjeż imġarrba fil-proċediment ta’ falliment fil-kont preskritt għal dan il-għan. Jekk il-proċediment ta’ falliment ta’ debitur li jkun persuna ġuridika tintemm f’sospensjoni, it-trustee interim jillikwida l-persuna ġuridika fi żmien xahrejn mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni dwar l-għeluq tal-proċediment mingħajr proċedura ta’ likwidazzjoni. Jekk, mas-sospensjoni tal-proċediment ta’ falliment, id-debitur ikollu xi assi, l-ewwel titħallas ir-rimunerazzjoni tat-trustee interim u jiġu koperti l-ispejjeż neċessarji.

Il-qorti tagħlaq il-proċedimenti ta’ falliment abbażi ta’ rikors mid-debitur jekk ir-raġunijiet għall-proċedimenti ta’ falliment ikunu waqfu milli jeżistu, sakemm id-debitur jagħti evidenza li mhuwiex insolventi jew li ma hemmx il-probabbiltà li jsir insolventi jekk jiġi ddikjarat falliment minħabba l-probabbiltà li d-debitur kien ser isir insolventi fil-futur. Jekk il-proċedimenti ta’ falliment jingħalqu minħabba li r-raġunijiet għall-proċedimenti ta’ falliment ma jkunux għadhom jeżistu, il-persuna ġuridika ma tiġix xolta.

Il-qorti tagħlaq il-proċedimenti ta’ falliment abbażi ta’ rikors mid-debitur jekk il-kredituri kollha li jkunu ppreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom fit-terminu perentorju stabbilit ikunu taw il-kunsens tagħhom għall-għeluq tal-proċedimenti. Jekk debitur li huwa persuna ġuridika jkun permanentement insolventi, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar il-likwidazzjoni tad-debitur li jkun persuna ġuridika permezz ta’ deċiżjoni dwar l-għeluq tal-proċedimenti.

Il-proċedimenti ta’ falliment jintemmu bl-approvazzjoni ta’ rapport finali, meta t-trustee jippreżenta r-rapport finali lill-kumitat dwar il-falliment u lill-qorti. Fir-rapport finali, it-trustee jipprovdi informazzjoni dwar il-proprjetà tal-falliment u l-flus riċevuti mill-bejgħ tagħha, pagamenti, pretensjonijiet milqugħa mill-kredituri, rikorsi ppreżentati u li għadhom ma ġewx ippreżentati, eċċ. il-kredituri jistgħu jippreżentaw oġġezzjonijiet għar-rapport finali quddiem il-qorti. Il-qorti tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tar-rapport finali u dwar l-għeluq tal-proċediment ta’ falliment. Il-qorti tirrifjuta li tapprova r-rapport finali u, permezz ta’ deċiżjoni, tirritornah lura lit-trustee sabiex jitkomplu l-proċedimenti ta’ falliment jekk ir-rapport finali juri li fil-proċedimenti ta’ falliment ikunu nkisru d-drittijiet tad-debitur jew tal-kredituri.

Il-proċediment ta’ falliment jista’ jintemm ukoll b’dikjarazzjoni ta’ kompożizzjoni. Il-kompożizzjoni huwa ftehim bejn debitur u l-kredituri dwar il-ħlas tad-djun u tinvolvi tnaqqis tad-djun jew estensjoni tat-terminu għall-ħlas. Fi proċediment ta’ falliment, kompożizzjoni ssir fuq proposta tad-debitur jew tat-trustee wara li jkun ġie ddikjarat falliment. Riżoluzzjoni ta’ kompożizzjoni tiġi adottata waqt il-laqgħa ġenerali tal-kredituri. Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tal-kompożizzjoni. Il-qorti tagħlaq il-proċediment ta’ falliment permezz ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kompożizzjoni.

Jekk il-proċediment ta’ falliment ma jkunx ingħalaq fi żmien sentejn mid-dikjarazzjoni ta’ falliment, it-trustee jippreżenta rapport lill-kumitat dwar il-falliment u lill-qorti darba kull sitt xhur sakemm jingħalaq il-proċediment ta’ falliment. F’dak ir-rapport it-trustee għandu jesponi r-raġunijiet għaliex ma jkunx intemm il-proċediment ta’ falliment u jipprovdi informazzjoni dwar il-proprjetà tal-falliment li tkun inbiegħet u li ma tkunx inbiegħet u dwar l-amministrazzjoni tal-proprjetà tal-falliment. Il-qorti tirrilaxxa lit-trustee meta jingħalaq il-proċediment ta’ falliment, sakemm ma jiġix previst mod ieħor mil-liġi. Il-qorti tista’ tirrifjuta li tirrilaxxa lit-trustee jekk, sakemm jingħalaq il-proċediment ta’ falliment, il-proprjetà tal-falliment ma tkunx inbiegħet kollha, ikun għad hemm flus li jridu jinġabru għall-proprjetà tal-falliment, ir-rikorsi ppreżentati mit-trustee ma jkunux instemgħu, jew it-trustee biħsiebu jew huwa meħtieġ jippreżenta rikors. F’dan il-każ, it-trustee jkompli jwettaq dmirijietu anke wara li jingħalaq il-proċediment ta’ falliment. Jekk, wara t-tmiem tal-proċediment ta’ falliment u r-rilaxx tat-trustee, jidħlu flus fil-proprjetà tal-falliment, jsiru disponibbli l-ammonti ta’ flus depożitati mad-distribuzzjoni jew isir evidenti li l-proprjetà tal-falliment tinkludi oġġetti li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni meta tħejjiet il-proposta dwar id-distribuzzjoni, il-qorti tiddeċiedi dwar id-distribuzzjoni sussegwenti fuq inizjattiva propja jew abbażi ta’ rikors mit-trustee jew minn kreditur.

L-għeluq ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u l-effetti tal-għeluq

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni jintemmu jekk jingħalqu qabel id-data dovuta, jiġi annullat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jiġi implimentat qabel id-data dovuta, jew jekk jiskadi t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni kif stabbilit fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Meta pjan ta’ riorganizzazzjoni jiġi implimentat qabel id-data dovuta, il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni jintemm jekk l-impriża tkun eżegwiet l-obbligi kollha li tkun assumiet taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni qabel jiskadi t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

Il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni jista’ jingħalaq qabel id-data dovuta biss qabel jiġi approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Il-qorti tagħlaq proċediment ta’ riorganizzazzjoni qabel id-data dovuta jekk l-impriża tikser l-obbligu tagħha li tikkoopera jew tonqos milli tħallas l-ammont stabbilit mill-qorti bħala depożitu biex jiġu koperti r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tal-konsulent tar-riorganizzazzjoni jew tal-espert, ma jiġix approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, l-impriża tippreżenta rikors għal dan il-għan, ir-raġunijiet għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ma jibqgħux jeżistu, l-assi tal-impriża jiġu mberbqa jew issir ħsara lill-interessi tal-kredituri, il-pjan ta’ riorganizzazzjoni ma jiġix ippreżentat sad-data dovuta, jew il-pretensjoni tkun ambigwa. Jekk il-qorti tagħlaq proċediment ta’ riorganizzazzjoni qabel id-data dovuta, kwalunkwe u kull konsegwenza tal-ftuħ tal-proċediment ta’ riorganizzazzjoni b’mod retroattiv ma tibqax teżisti.

Meta jiskadi t-terminu għall-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni, il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni jingħalaq.

Il-proċediment ta’ riorganizzazzjoni jista’ jintemm ukoll fl-annullament tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jiġi annullat jekk l-impriża tkun instabet ħatja ta’ reat marbut ma’ falliment jew ta’ reat kriminali relatat ma’ proċedura ta’ infurzar wara li jkun ġie approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, l-impriża tonqos milli teżegwixxi l-obbligi tagħha taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni sa limitu materjali, jekk ikun evidenti, meta jkun għadda mill-inqas nofs it-terminu ta’ validità tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni, li l-impriża ma tistax teżegwixxi l-obbligi li tkun assumiet taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, abbażi ta’ rikors mill-konsulent tar-riorganizzazzjoni jekk ma tkunx tħallset it-tariffa għas-superviżjoni jew jekk l-intrapriża tonqos milli tipprovdi assistenza lill-konsulent tar-riorganizzazzjoni waqt l-eżekuzzjoni tal-obbligu superviżorju jew ma tipprovdix informazzjoni lill-konsulent tar-riorganizzazzjoni li dan tal-aħħar jeħtieġ sabiex jeżerċita superviżjoni, jekk l-impriża tippreżenta rikors għall-annullament tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni, jew jekk l-impriża tiġi ddikjarata falluta. Jekk jiġi annullat pjan ta’ riorganizzazzjoni, il-konsegwenzi tal-ftuħ tal-proċediment ta’ riorganizzazzjoni b’mod retroattiv ma jibqgħux jeżistu.

L-għeluq ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn u l-effetti tal-għeluq

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn jintemmu meta jiġi miċħud jew rifjutat r-rikors għal ristrutturar tad-dejn, jiġi annullat il-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn, jingħalqu l-proċedimenti jew jiskadi t-terminu għall-implimentazzjoni kif stabbilit fil-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn. Meta pjan ta’ riorganizzazzjoni jiġi implimentat qabel id-data dovuta, il-proċediment jintemm jekk id-debitur ikun eżegwixxa l-obbligi kollha li jkun assuma taħt il-pjan ta’ ristrutturar qabel jiskadi t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar.

Il-qorti tannulla pjan ta’ ristrutturar abbażi ta’ rikors mid-debitur u jekk id-debitur jiġi ddikjarat fallut. Il-qorti tista’ tannulla pjan ta’ ristrutturar jekk id-debitur jonqos milli jeżegwixxi l-obbligi taħt il-pjan ta’ ristrutturar sa limitu materjali, jekk ikun evidenti, meta jkun għadda mill-inqas nofs it-terminu ta’ validità tal-pjan ta’ ristrutturar, li d-debitur ma jistax jeżegwixxi l-obbligi assunti taħtu, id-debitur ma jkollux problemi ta’ solvenza jew ikun għelibhom, id-debitur ikun, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ippreżenta informazzjoni materjalment skorretta jew mhux kompluta dwar l-assi, id-dħul, il-kredituri jew l-obbligi tiegħu, id-debitur ikun għamel pagamenti lil kredituri li mhumiex imsemmija fil-pjan ta’ ristrutturar, u b’hekk ikun għamel ħsara lill-interessi tal-kredituri l-oħra ta’ portata materjali, id-debitur jonqos milli jipprovdi assistenza lill-qorti jew lill-konsulent waqt l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ superviżjoni jew ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi eżerċitata superviżjoni, jew jekk id-debitur jonqos milli jħallas l-ammont stabbilit mill-qorti bħala depożitu biex jiġu koperti r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tal-konsulent u tal-espert. Jekk jiġi annullat pjan ta’ ristrutturar, il-konsegwenzi tal-ammissjoni tar-rikors għal ristrutturar tad-dejn b’mod retroattiv ma jibqgħux jeżistu.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Id-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta’ proċediment ta’ falliment

Wara l-għeluq ta’ proċediment ta’ falliment, pretensjonijiet li setgħu jiġi ppreżentati matul il-proċediment ta’ falliment iżda li ma jkunux ġew ippreżentati u pretensjonijiet li jkunu ġew ippreżentati, iżda ma kinux issodisfati, jew li kontrihom id-debitur ippreżenta oġġezzjoni jistgħu jiġu ppreżentati mill-kredituri kontra d-debitur skont il-ġenerali proċedura. F’dan il-każ, ma jiġux ikkalkulati l-imgħax u l-imgħax ta’ inadempjenza għall-perjodu tal-proċediment ta’ falliment.

Jekk debitur li huwa persuna fiżika jiġi rilaxxat mill-obbligi tiegħu li ma jkunux ġew eżegwiti matul il-proċediment ta’ falliment, il-pretensjonijiet tal-kredituri fil-proċediment ta’ falliment kontra d-debitur, inklużi l-pretensjonijiet tal-kredituri fil-proċediment ta’ falliment li ma jkunux ippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom waqt il-proċediment ta’ falliment, ħlief għal obbligi għal kumpens għad-danni kkawżati intenzjonalment permezz ta’ azzjoni illegali jew għall-ħlas ta’ manteniment għal wild jew ġenitur, jiġu eżawriti.

Wara l-għeluq ta’ proċediment ta’ falliment, il-kredituri jistgħu jippreżentaw ukoll pretensjonijiet li jirriżultaw minn obbligi konsolidati li ma jkunux ġew issodisfati fil-proċediment ta’ falliment kontra d-debitur. Il-pretensjonijiet li jirriżultaw matul il-proċediment ta’ falliment li ma setgħux jiġu ppreżentati fil-proċediment ta’ falliment jistgħu jiġu ppreżentati wkoll kontra d-debitur skont il-proċedura ġenerali. F’dan il-każ, il-perjodu ta’ limitazzjoni jibda jiddekorri mill-għeluq tal-proċediment ta’ falliment. Sal-punt li pretensjoni ta’ kreditur milqugħa fi proċediment ta’ falliment ma tkunx ġiet issodisfata fil-proċediment ta’ falliment, l-istrument ta’ infurzar huwa d-deċiżjoni sakemm id-debitur ma jkunx ippreżenta oġġezzjoni għall-pretensjoni jew il-qorti tkun ammettiet il-pretensjoni tal-kreditur.

Id-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni

Jekk il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni jingħalqu meta jkun skada t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni, kreditur jista’ jinforza pretensjoni ristrutturata taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni biss sal-punt maqbul fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni iżda li ma tkunx ġiet sodisfatta skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

Jekk pjan ta’ riorganizzazzjoni jiġi annullat jew jiġi tterminat b’mod prematur, il-konsegwenzi tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni b’mod retroattiv ma jibqgħux jeżistu. Id-dritt ta’ pretensjoni ta’ kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun ġiet ristrutturata taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jiġi restawrat kontra l-impriża fl-ammont inizjali. Għandu jitqies ukoll il-qligħ tal-kreditur matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni

Id-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Jekk rikors jiġi rifjutat jew miċħud jew jingħalqu l-proċedimenti, kwalunkwe u kull konsegwenza tal-ammissjoni tar-rikors b’mod retroattiv ma tibqax teżisti. Id-dritt ta’ pretensjoni ta’ kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun ġiet ristrutturata taħt il-pjan ta’ ristrutturar jiġi restawrat kontra d-debitur fl-ammont inizjali. Għandu jitqies ukoll il-qligħ tal-kreditur matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar

Wara li jkun skada t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar, kreditur jista’ jinforza pretensjoni ristrutturata taħt il-pjan ta’ ristrutturar biss sal-punt maqbul fil-pjan ta’ ristrutturar iżda li ma tkunx ġiet sodisfatta skont il-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Il-proċedimenti ta’ falliment

Jekk rikors għal falliment tiġi ssodisfata jew il-proċedimenti ta’ falliment jintemmu f’kompożizzjoni, il-kostijiet u l-ispejjeż imġarrbin matul il-proċedimenti ta’ falliment jitħallsu mill-proprjetà tal-falliment. Jekk il-qorti tiċħad jew tirrifjuta rikors ta’ kreditur dwar falliment jew jekk il-proċediment ikun ingħalaq minħabba li l-kreditur jirtira’ r-rikors għal falliment, il-kostijiet u l-ispejjeż imġarrbin matul il-proċedimenti ta’ falliment jiġu rimborżati mill-kreditur. Fil-każ ta’ sospensjoni ta’ proċediment ta’ falliment, il-qorti għandha tiddeċiedi dwar id-diviżjoni tal-kostijiet u tal-ispejjeż imġarrbin matul il-proċediment ta’ falliment skont iċ-ċirkostanzi.

Jekk proċediment li jkun infetaħ abbażi ta’ rikors tad-debitur jingħalaq permezz ta’ sospensjoni mingħajr ma jiġi ddikjarat falliment u l-assi tad-debitur ma jkunux biżżejjed biex isiru l-pagamenti meħtieġa, il-qorti tordna lid-debitur sabiex iħallas ir-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tat-trustee interim soġġetti għal rimborż, iżda tista’ tordna li dawn jitħallsu lura minn fondi tal-istat. Kwalunkwe rimborż tar-rimunerazzjoni u tal-ispejjeż tat-trustee interim minn fondi tal-istat ma għandux jaqbeż it-397 euro (inklużi t-taxxi preskritti mil-liġi, ħlief għat-taxxa fuq il-valur miżjud). Il-qorti ma tordnax li r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tat-trustee interim jiġu rimborżati minn fondi tal-istat jekk id-debitur, kreditur jew parti terza tkun ittrasferiet l-ammont stabbilit mill-qorti bħala depożitu biex jiġu koperti r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tat-trustee interim soġġetti għal rimborż fil-kont preskritt għal dan il-għan.

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni

Jekk jinfetħu proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni, il-qorti tistabbilixxi terminu li matulu l-impriża trid tittrasferixxi l-ammont determinat mill-qorti bħala depożitu biex tkopri r-remunerazzjoni inizjali u l-ispejjeż inizjali tal-konsulent ta’ riorganizzazzjoni preskritt għal dan il-għan. Jekk l-impriża tonqos milli tħallas dan l-ammont, il-qorti tagħlaq il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni. L-ammont tar-rimunerazzjoni u tal-ispejjeż tal-konsulent tar-riorganizzazzjoni li għandu jiġi rimborżat jiġi deċiż mill-qorti meta l-konsulent tar-riorganizzazzjoni jiġi rilaxxat jew il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jiġi approvat abbażi tar-rapport dwar l-attivitajiet u l-ispejjeż tal-konsulent tar-riorganizzazzjoni.

Jekk il-qorti tinvolvi esperti fi proċediment ta’ riorganizzazzjoni, l-esperti għandhom id-dritt li jiġu rimborżati għall-ispejjeż neċessarji u ġġustifikati imġarrbin waqt l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom u li jirċievu rimunerazzjoni għat-twettiq ta’ dmirijiethom. L-ammont tar-rimunerazzjoni u tal-ispejjeż ta’ espert li għandu jiġi rimborżat jiġi deċiż mill-qorti meta l-espert jiġi rilaxxat abbażi tar-rapport dwar l-attivitajiet u l-ispejjeż tal-espert li jkun ġie ppreżentat fit-terminu perentorju stabbilit mill-qorti. Meta tkun qed tistabbilixxi r-rimunerazzjoni tal-espert, il-qorti tista’ tisma wkoll lill-impriża.

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Id-debitur iħallas il-kostijiet u l-ispejjeż imġarrbin matul proċediment ta’ ristrutturar tad-dejn. L-ispejjeż proċedurali tal-kredituri jitħallsu mill-kredituri nfushom. Il-qorti tista’ tordna lid-debitur sabiex iħallas l-ispejjeż proċedurali tal-kredituri jekk id-debitur ikun konsapevolment ippreżenta rikors infondat għal ristrutturar tad-dejn jew ikun ikkawża spejjeż proċedurali għall-kredituri billi b’mod ieħor ikun konsapevolment ippreżenta informazzjoni falza jew konsapevolment ippreżenta rikors jew oġġezzjoni infondata. Id-debitur ma jingħata ebda għajnuna proċedurali mill-istat għall-ħlas tat-tariffa tal-istat. Jekk jiġi implimentat il-pjan ta’ ristrutturar tad-dejn, id-debitur ma jkollux iħallas lura l-ispejjeż tal-għajnuna proċedurali mogħtija mill-istat. Jekk jinħatar konsulent jew espert, il-qorti tiddetermina l-ammont li d-debitur għandu jittrasferixxi bħala depożitu biex jiġu koperti r-rimunerazzjoni u l-ispejjeż tal-konsulent jew tal-espert fil-kont preskritt għal dan il-għan.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Il-proċedimenti ta’ falliment

Meta jiġi ddikjarat falliment, id-dritt tad-debitur li jamministra u li jiddisponi mill-proprjetà tal-falliment jiġi ttrasferit lir-riċevent f’falliment. Wara li jiġi ddikjarat il-falliment, kwalunkwe disponiment mid-debitur fir-rigward ta’ oġġetti li jagħmlu parti mill-proprjetà tal-falliment huwa null u bla effett. Id-debitur li huwa persuna fiżika jista’ jiddisponi mill-proprjetà tal-falliment bil-kunsens tat-trustee. Kwalunkwe disponiment mingħajr il-kunsens tat-trustee huwa null u bla effett.

Permezz ta’ proċedura ta’ rkupru, il-qorti tirrevoka kull tranżazzjoni jew att ieħor mid-debitur li jkun ġie konkluż jew ġie eżegwit qabel ġie ddikjarat il-falliment u li jagħmel ħsara lill-interessi tal-kredituri. Jekk matul il-perjodu mill-ħatra ta’ trustee interim sad-dikjarazzjoni ta’ falliment tkun saret xi tranżazzjoni soġġetta għal irkupru jew xi att ieħor soġġett għal irkupru, it-tranżazzjoni jew l-att jitqies li jkun għamel ħsara lill-interessi tal-kredituri.

Id-debitur, kreditur jew it-trustee jista’ jitlob lill-qorti tirrevoka riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali tal-kredituri jekk ir-riżoluzzjoni tmur kontra l-liġi jew tkun saret bi ksur tal-proċedura prevista mil-liġi jew jekk id-dritt għall-kontestazzjoni tar-riżoluzzjoni jkun direttament preskritt mil-liġi. Revoka ta’ riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali tal-kredituri tista’ tintalab ukoll jekk ir-riżoluzzjoni tagħmel ħsara lill-interessi komuni tal-kredituri.

Jekk ikun infetaħ proċediment għar-rilaxx ta’ debitur li jkun persuna fiżika mill-obbligi tiegħu, il-qorti tista’, fuq talba tal-kreditur, tannulla d-deċiżjoni għar-rilaxx tad-debitur mill-obbligi tiegħu li ma jkunux ġew eżegwiti matul il-proċediment ta’ falliment fi żmien sena mill-ħruġ tad-deċiżjoni jekk isir evidenti li d-debitur ikun intenzjonalment kiser l-obbligi tiegħu matul il-proċedura għar-rilaxx tad-debitur mill-obbligi tiegħu u b’hekk ikun fixkel materjalment l-issodisfar tal-pretensjonijiet tal-kredituri.

Jekk wara li jiġi ddikjarat falliment id-debitur u l-kredituri jaqblu li jidħlu f’kompożizzjoni, il-qorti tista’ tannulla l-kompożizzjoni jekk id-debitur jonqos milli jeżegwixxi l-obbligi li jirriżultaw mill-kompożizzjoni, jinsab ħati ta’ reat marbut ma’ falliment jew ta’ reat kriminali relatat ma’ proċediment ta’ infurzar jew, meta jkun għadda mill-inqas nofs it-terminu ta’ validità tal-kompożizzjoni, ikun evidenti li d-debitur ma jistax jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-kompożizzjoni. L-annullament ta’ kompożizzjoni jaffettwa lill-kredituri kollha li jkunu pparteċipaw fil-kompożizzjoni u, għalhekk, jipproteġi l-korp ġenerali tal-kredituri.

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni

Il-qorti tannulla pjan ta’ riorganizzazzjoni jekk l-impriża tkun instabet ħatja ta’ reat marbut ma’ falliment jew ta’ reat kriminali relatat ma’ proċedura ta’ infurzar wara li jkun ġie approvat il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, l-impriża tonqos milli teżegwixxi l-obbligi tagħha taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni sa limitu materjali, jekk ikun evidenti, meta jkun għadda mill-inqas nofs it-terminu ta’ validità tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni, li l-impriża ma tistax teżegwixxi l-obbligi li tkun assumiet taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, abbażi ta’ rikors mill-konsulent tar-riorganizzazzjoni jekk ma tkunx tħallset it-tariffa għas-superviżjoni jew jekk l-intrapriża tonqos milli tipprovdi assistenza lill-konsulent tar-riorganizzazzjoni waqt l-eżekuzzjoni tal-obbligu superviżorju jew ma tipprovdix informazzjoni lill-konsulent tar-riorganizzazzjoni li dan tal-aħħar jeħtieġ sabiex jeżerċita superviżjoni, jew abbażi ta’ rikors mill-impriża, jew jekk l-impriża tiġi ddikjarata falluta. Id-dritt ta’ pretensjoni ta’ kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun ġiet ristrutturata taħt il-pjan ta’ riorganizzazzjoni jerġa’ jiġi restawrat kontra l-impriża fl-ammont inizjali, u għandu jitqies ukoll il-qligħ tal-kreditur matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni.

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar tad-dejn

Il-qorti tannulla pjan ta’ ristrutturar abbażi ta’ rikors tad-debitur jew jekk id-debitur jiġi ddikjarat fallut, jew jekk id-debitur jonqos milli jeżegwixxi l-obbligi tiegħu taħt il-pjan ta’ ristrutturar sa limitu materjali, jekk ikun evidenti, meta jkun għadda mill-inqas nofs it-terminu ta’ validità tal-pjan ta’ ristrutturar, li d-debitur ma jistax jeżegwixxi l-obbligi assunti taħtu, id-debitur ma jkollux problemi ta’ solvenza jew ikun għelibhom u r-ristrutturar tal-pretensjonijiet tal-kredituri ma jkunx għadu ġust għall-kredituri minħabba tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi, jekk id-debitur ikun, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, ippreżenta informazzjoni materjalment skorretta jew mhux kompluta dwar l-assi, id-dħul, il-kredituri jew l-obbligi tiegħu, id-debitur ikun għamel pagamenti lil kredituri li mhumiex imsemmija fil-pjan ta’ ristrutturar, u b’hekk ikun għamel ħsara lill-interessi tal-kredituri l-oħra ta’ portata materjali, id-debitur jonqos milli jipprovdi assistenza lill-qorti jew lill-konsulent waqt l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ superviżjoni jew ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi eżerċitata superviżjoni, jew jekk id-debitur jonqos milli jħallas l-ammont stabbilit mill-qorti bħala depożitu. Id-dritt ta’ pretensjoni ta’ kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun ġiet ristrutturata taħt il-pjan ta’ ristrutturar jiġi restawrat kontra d-debitur fl-ammont inizjali. Għandu jitqies ukoll il-qligħ tal-kreditur matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar.

L-aħħar aġġornament: 26/06/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna