Insolvenza/falliment

Repubblika Ċeka
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Qafas legali

Il-proċedimenti tal-insolvenza fir-Repubblika Ċeka huma primarjament regolati mill-Att Nru 182/2006 dwar l-insolvenza u l-proċedimenti tal-insolvenza (Zákon č. 182/2006 Sb., o úpadku a způsobech jeho řešení) (l-Att dwar l-Insolvenza), flimkien mal-Att Nru 99/1963, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zákon č. 99/1963 Sb., občanský soudní řád).

Strument importanti ieħor huwa l-Att Nru 312/2006 dwar l-amministraturi tal-insolvenza (Zákon č. 312/2006 Sb., o insolvenčních správcích), li (flimkien mal-Att dwar l-Insolvenza) jistabbilixxi l-qafas legali għall-professjoni ta’ prattikant tal-insolvenza.

Il-verżjonijiet attwali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu fil-Portal tal-Amministrazzjoni Pubblika (Portál veřejné správy): https://portal.gov.cz/app/zakony/.

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Proċedimenti tal-insolvenza jistgħu jinbdew kontra persuni fiżiċi u ġuridiċi, irrispettivament minn jekk dawn humiex entitajiet kummerċjali.

It-tipi individwali ta’ proċedimenti tal-insolvenza (falliment, riorganizzazzjoni, ħelsien mid-dejn) huma differenti minn xulxin f’termini tal-entitajiet li huma maħsubin għalihom. Filwaqt li tista’ tiġi ppreżentata petizzjoni ta’ falliment kontra l-entitajiet kollha, ir-rioganizzazzjoni hija mmirata esklussivament lejn in-negozji u l-ħelsien mid-dejn huwa mmirat primarjament lejn entitajiet li mhumiex kummerċjali (kif spjegat hawn taħt).

Proċedimenti tal-insolvenza ma jistgħux jinġiebu kontra l-istat, awtoritajiet lokali awtonomi, partiti u movimenti politiċi waqt l-elezzjonijiet u entitajiet magħżulin oħrajn ta’ natura predominantement pubblika. Japplikaw regoli speċjali għall-istituzzjonijiet finanzjarji u għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Insolvenza jew insolvenza imminenti

Il-proċedimenti tal-insolvenza huma proċedimenti ġudizzjarji li jindirizzaw l-insolvenza jew l-insolvenza imminenti ta’ debitur u kif din għandha tiġi indirizzata. Għalhekk, il-premessa bażika hija l-eżistenza ta’ stat ta' insolvenza jew ta' insolvenza imminenti.

Debitur ikun insolventi jekk (dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi):

  • id-debitur ikollu aktar minn kreditur wieħed;
  • id-debitur ikollu obbligazzjonijiet pekunarji li ilhom li skadew aktar minn 30 jum;
  • id-debitur ma jkunx jista' jonora dawk l-obbligazzjonijiet.

Id-debituri jiġu kkunsidrati li huma insolventi b’mod partikolari jekk ikunu waqfu jħallsu porzjon sostanzjali mid-djun tagħhom jew jekk jonqsu milli jsaldaw dawn l-obbligazzjonijiet għal aktar minn tliet xhur wara d-data li fiha jkunu dovuti, jew jekk xi waħda mill-pretensjonijiet monetarji kontra d-debitur ma tkunx tista' tiġi ssodisfata permezz ta’ infurzar jew permezz ta’ sekwestru.

Debitur li huwa entità kummerċjali (kemm bħala persuna fiżika jew bħala persuna ġuridika) ikun insolventi wkoll jekk ikun midjun iżżejjed. Debituri jkunu midjunin iżżejjed jekk ikollhom aktar minn kreditur wieħed u jekk it-total tal-obbligazzjonijiet tagħhom jaqbeż il-valur tal-assi tagħhom.

Insolvenza imminenti tfisser sitwazzjoni fejn, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, wieħed jista’ raġonevolment jassumi li d-debituri mhux se jkunu jistgħu jħallsu parti sostanzjali mill-obbligazzjonijiet pekunarji tagħhom b'mod adegwat u fil-waqt.

Tipi ta’ proċedimenti tal-insolvenza

Il-liġi Ċeka tagħmel distinzjoni bejn tliet modi bażiċi biex tittratta l-insolvenza jew l-insolvenza imminenti ta’ debitur fi proċedimenti tal-insolvenza:

  • il-falliment (konkurs);
  • ir-riorganizzazzjoni (reorganizace);
  • il-ħelsien mid-dejn (oddlužení).

L-Att dwar l-Insolvenza ma jiddettax liema mill-metodi differenti tal-insolvenza għandu jintuża minn debitur partikolari, iżda jħalli l-għażla miftuħa. Barra l-proċedura ta’ likwidazzjoni (falliment), hemm ukoll element ta’ riabilitazzjoni (riorganizzazzjoni u ħelsien mid-dejn). Jenħtieġ li l-għażla tal-metodu adattat li jindirizza l-insolvenza ta’ debitur tkun iggwidata minn motivazzjoni li jinkiseb l-aħjar riżultat possibbli għall-kredituri.

Il-falliment huwa mod ġenerali kif tiġi indirizzata l-insolvenza fejn, abbażi ta’ ordni ta’ falliment, il-maġġuranza tal-pretensjonijiet stabbiliti tal-kredituri titħallas mir-rikavat tal-likwidazzjoni tal-assi. Pretensjonijiet, jew partijiet minn pretensjonijiet, li mhumiex onorati ma jintilfux ħlief jekk il-liġi tistipula mod ieħor. Dan il-metodu tal-insolvenza dejjem jintuża meta jkun impossibbli li jintużaw ir-riorganizzazzjoni jew il-ħelsien mid-dejn bħala proċeduri aktar moderati kontra d-debitur, jew jekk isir ċar fil-kuntest tal-proċedimenti li dawn il-metodi ma jistgħux ikomplu.

Ir-riorganizzazzjoni tista’ tintuża biex tittratta l-insolvenza jew l-insolvenza imminenti ta’ debituri li jkunu entitajiet kummerċjali. Din tinvolvi r-riorganizzazzjoni tan-negozju. Normalment ikun mistenni li l-pretensjonijiet tal-kredituri jiġu ssodisfati b'mod konsistenti waqt li n-negozju tad-debitur jibqa’ jopera skont miżuri maħsubin biex jagħtu ħajja ġdida lill-amministrazzjoni tiegħu skont pjan ta’ riorganizzazzjoni approvat mill-qorti tal-insolvenza. Il-kredituri jimmonitorjaw il-progress tal-pjan.

Il-ħelsien mid-dejn huwa mod li jindirizza l-insolvenza jew l-insolvenza imminenti għal debituri li essenzjalment ma għandhom l-ebda dejn kummerċjali u, jekk ikunu persuni ġuridiċi, ma jistgħux ikunu entitajiet kummerċjali. Dan il-metodu tal-insolvenza jagħti kunsiderazzjoni akbar lill-aspetti soċjali minn dawk ekonomiċi. Il-mira hija li d-debituri jkollhom bidu ġdid u li jkunu mmotivati sabiex jieħdu sehem b’mod attiv fit-tifdija tad-dejn tagħhom, tal-inqas sa livell proġettat ta’ 30 % f'dawk il-każijiet li fihom il-kredituri jkunu ordinarji. Huwa preżunt li l-pretensjonijiet tal-kredituri garantiti jiġu ssodisfati mill-kollateral. Dan jinvolvi għan parallel li jitnaqqas l-infiq tal-baġit pubbliku fuq ir-riabilitazzjoni ta’ dawk li jsibu rwieħhom fi kriżi soċjali. Il-ħelsien mid-dejn jista’ jsir bil-monetizzazzjoni tal-proprjetà tal-insolvenza, permezz tal-iskedar tar-ripagament, jew b’taħlita tat-tnejn.

Min jista’ jiftaħ proċedimenti tal-insolvenza?

Il-proċedimenti tal-insolvenza jistgħu jinbdew biss ladarba tiġi ppreżentata petizzjoni. Huma jinfetħu fid-data li fiha l-petizzjoni tal-insolvenza tasal f’qorti b’ġurisdizzjoni xierqa fil-każ. Il-petizzjonijiet tal-insolvenza jistgħu jiġu ppreżentati mid-debituri jew mill-kredituri bl-istess mod, ħlief f’każijiet ta' insolvenza imminenti, f’liema każ ikunu jistgħu jiġu ppreżentati biss mid-debitur.

Id-debituri li huma entitajiet kummerċjali (persuna fiżika jew persuna ġuridika) huma mitlubin jippreżentaw petizzjoni tal-insolvenza mingħajr dewmien żejjed wara li jsiru jafu, jew meta, b’attenzjoni xierqa, kellhom isiru jafu, bl-insolvenza tagħhom.

Bidu tal-proċedura ta’ falliment

Il-Qorti tal-insolvenza toħroġ ordni ta’ falliment bħala deċiżjoni separata. F’każijiet eċċezzjonali, din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkombinata mad-deċiżjoni dwar l-insolvenza (jekk id-debitur ikun persuna li ma tistax tirrikorri għal riorganizzazzjoni jew għal ħelsien mid-dejn). Dikjarazzjoni ta’ falliment tidħol fis-seħħ meta l-ordni tal-falliment jiġi ppubblikat fir-reġistru tal-insolvenza.

Bidu tar-riorganizzazzjoni

Ir-riorganizzazzjoni tibda bil-permess tal-qorti tal-insolvenza, li joħroġ wara rikors mid-debitur jew minn kreditur reġistrat.

Il-permess għar-riorganizzazzjoni jista’ jingħata jekk (dawn mhumiex kundizzjonijiet kumulattivi):

  • il-fatturat annwali totali nett tad-debitur fl-aħħar perjodu kontabilistiku qabel il-petizzjoni tal-insolvenza kien ta’ mill-inqas CZK 50 000 000; jew
  • id-debitur għandu mill-inqas 50 impjegat; jew
  • flimkien mal-petizzjoni tal-insolvenza, jew mhux aktar tard mid-data meta tittieħed id-deċiżjoni dwar l-insolvenza, id-debitur jippreżenta lill-qorti tal-insolvenza pjan ta’ riorganizzazzjoni approvat tal-inqas minn nofs il-kredituri garantiti kollha (ikkalkolat skont l-ammont aggregat tal-pretensjonijiet) u tal-inqas minn nofs il-kredituri ordinarji kollha (ukoll ikkalkolat abbażi tal-ammont tal-pretensjonijiet).

Ir-riorganizzazzjoni ma tkunx ammissibbli jekk id-debitur ikun persuna ġuridika f’likwidazzjoni, jew negozjant ta’ titoli, jew entità awtorizzata biex tinnegozja f’suq tal-materja prima skont leġiżlazzjoni speċifika.

Il-qorti tal-insolvenza tippermetti r-riorganizzazzjoni jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet legali korrispondenti. Ma hemmx dritt ta’ appell.

Il-qorti tal-insolvenza tiċħad rikors għal permess ta’ riorganizzazzjoni jekk: (a) fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha, jista’ raġonevolment jiġi preżunt li teżisti intenzjoni diżonesta; (b) ir-rikors reġa' ppreżentat minn persuna li diġà kellha rikors preċedenti għal permess ta’ riorganizzazzjoni li ġie kkunsidrat mill-qorti; jew (c) ir-rikors ġie ppreżentat minn kreditur iżda ma ġiex approvat mil-laqgħa tal-kredituri. L-appelli kontra dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jitressqu biss minn dawk li ppreżentaw ir-rikors.

Bidu tal-ħelsien mid-dejn

Rikors għal ħelsien mid-dejn jiġi ppreżentat mid-debitur permezz ta’ forma prestabbilita u, fejn xieraq, jiġi ppreżentat flimkien ma’ petizzjoni tal-insolvenza (jekk il-proċedimenti tal-insolvenza ma jkunux inbdew minn kreditur).

Rikors għal ħelsien mid-dejn u l-annessi tiegħu jrid ikun fihom, b’mod partikolari, dejta dwar l-introjtu passat u dak mistenni fil-futur tad-debitur, lista tal-assi u lista tal-obbligazzjonijiet. Jekk xi ħadd ikun lest li jagħti donazzjoni lid-debitur biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mid-dejn, jew jekk xi ħadd ikun lest li jagħmel ħlasijiet regolari lid-debitur matul il-perjodu tal-ħelsien mid-dejn, id-debitur jehmeż l-att tad-donazzjoni jew il-ftehim dwar id-dħul korrispondenti mar-rikors għall-ħelsien mid-dejn.

Il-qorti tal-insolvenza tagħti permess għall-ħelsien mid-dejn jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet. Tirrifjuta rikors għall-ħelsien mid-dejn jekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha, jista’ raġonevolment jiġi preżunt li teżisti intenzjoni diżonesta, jew jekk, bħala riżultat tal-ħelsien mid-dejn, kredituri ordinarji jirċievu inqas minn 30 % tal-pretensjonijiet tagħhom (sakemm huma ma jaqblux ma’ dan). Il-qorti tal-insolvenza tiċħad ukoll rikors għall-ħelsien mid-dejn jekk ir-riżultati tal-proċedimenti sa dakinhar juru li d-debitur kien imprudenti jew negliġenti fl-issodisfar tal-obbligi fil-proċedimenti tal-insolvenza. Id-debitur biss għandu d-dritt ta’ appell kontra ċ-ċaħda ta’ rikors.

Meta jkollu effett il-bidu tal-proċedimenti tal-insolvenza

Il-bidu tal-proċedimenti tal-insolvenza jkollu effett mal-pubblikazzjoni ta’ avviż li jħabbar il-bidu tal-proċedimenti tal-insolvenza fir-reġistru tal-insolvenza (ara hawn taħt). L-effetti tal-bidu jdumu sa tmiem il-proċedimenti tal-insolvenza, sakemm il-liġi ma tistipulax mod ieħor għal xi wieħed mill-metodi tal-insolvenza.

Miżuri interim sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-insolvenza

Il-qorti tal-insolvenza tista’ tordna miżuri provviżorji ex officio sakemm tieħu deċiżjoni dwar petizzjoni tal-insolvenza, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fil-liġi. Kull min jitlob miżura interim li l-qorti tal-insolvenza tista’ b’xi mod ieħor tordna minn jeddha mhuwiex obbligat jiddepożita garanzija. Meta japplika għal miżura interim, id-debitur mhuwiex meħtieġ jiddepożita garanzija.

Permezz ta’ miżuri interim bħal dawn, il-qorti tal-insolvenza tista’, fost affarijiet oħrajn:

  • taħtar fiduċjarju interim;
  • tillimita uħud mill-effetti assoċjati mal-bidu tal-proċedimenti tal-insolvenza;
  • tordna lil kwalunkwe mill-petizzjonanti tal-insolvenza biex jiddepożita garanzija li tkopri kumpens għad-dannu jew telf ieħor imġarrab mid-debitur.

Reġistru tal-insolvenza

Il-proċedimenti tal-insolvenza jiġu ppubblikati fir-reġistru tal-insolvenza ġestit mill-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministerstvo spravedlnosti). Din hija sistema elettronika ta’ informazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika li hija aċċessibbli fuq https://isir.justice.cz/.

Ir-reġistru tal-insolvenza jeżisti primarjament biex ikun hemm pubbliċità massima għall-proċedimenti tal-insolvenza u biex il-progress tagħhom ikun jista’ jiġi mmonitorjat. Ir-reġistru jintuża biex jiġu ppubblikati d-deċiżjonijiet tal-qorti tal-insolvenza meħudin fi proċedimenti tal-insolvenza u f’tilwim inċidentali, sottomissjonijiet tal-fajl tal-każ, u informazzjoni oħra, fejn dan ikun previst mill-Att dwar l-Insolvenza jew ikun ġie deċiż mill-qorti tal-insolvenza.

Ir-reġistru tal-insolvenza huwa aċċessibbli għall-pubbliku (ħlief għal ċerti dettalji), u kulħadd għandu dritt jarah, jagħmel kopji tiegħu, jew jieħu siltiet minnu.

Barra li jservi bħala sors ta’ informazzjoni, ir-reġistru tal-insolvenza huwa kruċjali għan-notifika tad-dokumenti – huwa veikolu li bih jitwasslu l-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet tal-qorti u dokumenti oħrajn. Il-proċedimenti tal-insolvenza huma ġeneralment innotifikati fir-reġistru tal-insolvenza fi żmien sagħtejn mill-preżentazzjoni ta’ petizzjoni (waqt is-sigħat tax-xogħol tal-qorti). Imbagħad, id-deċizjonijiet kollha tal-qorti u dokumenti oħrajn jiġu ppubblikati fir-reġistru tal-insolvenza. Dan jagħti lil kulħadd għarfien dwar il-proċedimenti tal-insolvenza li jsiru fir-Repubblika Ċeka.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Proprjetà tal-insolvenza

Jekk petizzjoni tal-insolvenza tiġi ppreżentata mid-debitur, il-proprjetà tal-insolvenza tkun tinkludi assi li jappertjenu għad-debitur meta jidħlu fis-seħħ l-effetti assoċjati mal-bidu ta' insolvenza, flimkien mal-assi akkwiżiti mid-debitur matul il-proċedimenti tal-insolvenza.

Jekk petizzjoni ta' insolvenza tiġi ppreżentata minn kreditur, il-proprjetà tal-insolvenza tkun tinkludi assi li jappertjenu għad-debitur meta tidħol fis-seħħ ir-restrizzjoni (totali jew parzjali) tal-miżura interim tal-qorti tal-insolvenza fuq id-dritt tad-debitur għad-disponiment tal-assi, l-assi tad-debitur meta jidħlu fis-seħħ id-deċiżjonijiet dwar l-insolvenza tad-debitur, u l-assi akkwiżiti mid-debitur matul il-proċedimenti tal-insolvenza wara li jkunu daħlu fis-seħħ dawk id-deċiżjonijiet.

Meta l-assi jkunu ta’ koproprjetà tad-debitur, sehem id-debitur ta’ din il-proprjetà jiġi inkluż fil-proprjetà tal-insolvenza. Dawn l-assi jagħmlu parti mill-proprjetà saħansitra jekk ikunu parti mill-assi matrimonjali konġunti tad-debitur.

L-assi ta’ persuni oħra barra d-debitur jiffurmaw parti mill-proprjetà jekk ikun previst hekk mil-liġi, speċjalment fejn ikunu korrispettiv minn atti legali mhux effettivi. Għall-finijiet tar-realizzazzjoni tal-assi, din il-proprjetà tqis bħala parti mill-assi tad-debitur.

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi, il-proprjetà tal-insolvenza tikkonsisti prinċipalment fi flus, f’beni mobbli u immobbli, f’impjanti u tagħmir, f’libretti, f’ċertifikati ta’ depożitu u f’forom oħra ta’ depożiti, ta’ ishma, ta’ kambjali, ta’ ċekkijiet jew ta’ titoli oħrajn, ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji, ta’ pretensjonijiet monetarji u mhux monetarji tad-debitur, inklużi pretensjonijiet kontinġenti u pretensjonijiet li għadhom mhumiex dovuti, il-pagi, is-salarju, il-bonusis tax-xogħol u l-introjtu tad-debitur in lieu tar-rimunerazzjoni relatata max-xogħol, drittijiet oħrajn, u assi oħrajn tad-debitur b’valur li jista’ jiġi espress f’termini monetarji. Il-proprjetà tal-insolvenza tinkludi wkoll oġġetti bħal imgħax, qligħ, gwadanji u benefiċċji li jappartjenu għall-assi ta’ hawn fuq.

Sakemm mhux previst mod ieħor mil-liġi, l-assi li mhumiex sekwestrabbli fl-infurzar jew fi proċedimenti ta’ sekwestru mhumiex parti mill-proprjetà. Din il-kwistjoni hija rregolata mill-Att Nru 99/1963, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Mill-assi li huma l-proprjetà tad-debituri, l-infurzar ma jistax japplika għal dawk l-assi li d-debituri jkollhom bżonn b’mod urġenti biex jissodisfaw il-bżonnijiet materjali tagħhom u tal-familja tagħhom jew biex iwettqu kompiti marbutin max-xogħol tagħhom, kif ukoll oġġetti oħrajn li l-bejgħ tagħhom ikun contra bonos mores (speċjalment ħwejjeġ ta’ kuljum, oġġetti komuni tad-dar, ċrieket taż-żwieġ jew oġġetti simili oħrajn, provvisti mediċi u oġġetti oħrajn meħtieġa mid-debituri minħabba mard jew diżabbiltà fiżika, flus f’ammont ekwivalenti għad-doppju tar-rata ta’ sussistenza għal individwi, u annimali domestiċi). Madankollu, oġġetti użati għall-operazzjonijiet kummerċjali tad-debitur mhumiex esklużi mill-proprjetà. Sakemm mhux previst mod ieħor mil-liġi, il-proprjetà ma tinkludix assi li, skont leġiżlazzjoni speċifika, jistgħu jkunu ddisponuti biss b’mod speċifikament intenzjonat (pereż. għotjiet immirati u għajnuna ripagabbli minn baġits tal-gvern ċentrali jew lokali jew minn fond statali).

It-trattament tal-assi akkwiżiti mid-debitur jew li jmissu lid-debitur wara l-bidu tal-proċedimenti tal-insolvenza

B’mod ġenerali, assi akkwiżiti mid-debitur jew li jmissu lid-debitur wara l-bidu tal-proċedimenti tal-insolvenza huma inklużi fil-proprjetà tal-insolvenza; dan jista’ jinbidel, skont il-metodu tal-insolvenza applikat. Id-debituri jistgħu jiddisponu mill-assi tal-proprjetà biss jekk, meta jagħmlu dan, jirrispettaw il-limitazzjonijiet ta’ dak l-istadju partikolari tal-proċedimenti tal-insolvenza u tal-metodu tal-insolvenza.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Missjoni u status tal-prattikant tal-insolvenza

Il-missjoni ewlenija tal-prattikant tal-insolvenza hija li jamministra l-proprjetà tal-insolvenza tad-debitur u li jittratta tilwim inċidentali u tilwimiet oħrajn. Il-prattikant tal-insolvenza għandu l-għan li jikseb l-ogħla sodisfazzjon proporzjonat, rapidu, ekonomiku possibbli għall-kredituri.

Prattikanti tal-insolvenza huma marbutin bl-obbligu li jaġixxu b’kuxjenza u bid-diliġenza dovuta. Huma mitlubin jagħmlu kull sforz li jista’ jkun raġonevolment mistenni minnhom biex jissodisfaw lill-kredituri kemm jista’ jkun. Iridu jagħtu prijorità lill-interess komuni tal-kredituri fuq l-interessi tagħhom stess u fuq dawk ta’ oħrajn.

Fil-proċedimenti ta’ falliment, il-prattikant tal-insolvenza jassumi awtorizzazzjoni biex jiddisponi mill-proprjetà, jeżerċita d-drittijiet u jirrilaxxa obbligi li jappartjenu għad-debitur fi kwistjonijiet relatati mal-proprjetà. B’mod partikolari, il-prattikant tal-insolvenza jeżerċita d-drittijiet ta’ azzjonist konnessi mal-ishma fil-proprjetà tal-insolvenza, jaġixxi fil-kapaċità ta’ impjegatur f’relazzjoni mal-impjegati tad-debitur, u huwa responsabbli għall-operazzjoni tan-negozju, għall-kontabbiltà u għall-konformità fiskali tad-debitur. Il-prattikanti tal-insolvenza huma inkarigati wkoll mill-monetizzazzjoni tal-proprjetà.

Fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni, il-prattikanti tal-insolvenza primarjament iwettqu superviżjoni tal-attivitajiet ta’ debitur fil-pussess, ikomplu jidentifikaw il-proprjetà u jfasslu inventarju tagħha, jindirizzaw tilwim inċidentali, jikkompilaw u jżidu mal-lista tal-kredituri, u jirrapportaw lill-kumitat tal-kredituri. Il-prattikanti tal-insolvenza jaġixxu wkoll fil-kapaċità tal-laqgħa ġenerali tad-debitur jew tal-laqgħa tal-membri.

Fi proċedimenti ta’ ħelsien mid-dejn, il-prattikanti tal-insolvenza jaħdmu flimkien mal-qorti tal-insolvenza u mal-kredituri biex jissorveljaw lid-debitur u lill-operazzjonijiet tad-debitur, jirrealizzaw l-assi tad-debitur, u jallokaw ħlasijiet mensili skont l-iskeda tar-ripagament fost il-kredituri.

L-istatus tad-debitur

Fi proċedimenti ta’ falliment, id-debituri jitilfu l-awtorità li jiddisponu l-proprjetà tagħhom, li jeżerċitaw drittijiet oħrajn u li jirrilaxxaw obbligi li għandhom x'jaqsmu mal-proprjetà. Din l-awtorità tingħadda lill-prattikant tal-insolvenza. Bil-liġi, l-atti legali eżegwiti mid-debituri f’dawn il-kwistjonijiet wara li l-awtorità ta’ disponiment tal-proprjetà tkun għaddiet għand il-prattikant tal-insolvenza mhumiex effettivi f’konnessjoni mal-kredituri.

Fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni, id-debitur jibqa’ fil-pussess tal-proprjetà, soġġett għal restrizzjonijiet. Atti legali ta’ rilevanza fundamentali għad-disponiment u l-ġestjoni tal-proprjetà tal-insolvenza huma eżegwiti minn debitur fil-pussess biss, bil-kunsens tal-kumitat tal-kredituri. Debitur li jikser dan l-obbligu huwa responsabbli għal dannu jew għal kwalunkwe telf ieħor ikkawżat minn dan lill-kredituri jew lil partijiet terzi; il-membri tal-korp governattiv tad-debitur jinżammu responsabbli għal tali dannu jew għal telf ieħor b’mod konġunt u in solidum. “Atti ġudizzjarji ta’ rilevanza fundamentali” huma meqjusa li jfissru azzjonijiet li jbiddlu b’mod sinifikanti l-valur tal-proprjetà, il-locus standi tal-kredituri, jew il-livell ta’ sodisfazzjon tal-kredituri. Il-prattikanti tal-insolvenza jaġixxu fil-kapaċità tal-laqgħa ġenerali tad-debitur jew tal-laqgħa tal-membri.

Fi proċedimenti ta’ ħelsien mid-dejn, id-debitur jibqa’ wkoll fil-pussess tal-proprjetà, soġġett għal restrizzjonijiet. Id-debitur ikun taħt is-superviżjoni tal-qorti tal-insolvenza, tal-prattikant tal-insolvenza u tal-kredituri.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija ?

F’termini ġenerali, it-tpaċija hija rregolata mill-Kodiċi Ċivili. Bħala regola ġenerali, jekk il-partijiet ikollhom l-istess tipi ta’ pretensjonijiet kontra xulxin, kwalunkwe parti tista’ tinnotifika lill-parti l-oħra li tkun qed tpaċi l-pretensjoni tagħha b’dik tal-kontroparti. It-tpaċija tista’ tiġi invokata malli parti jkollha d-dritt kemm li titlob li tiġi ssodisfata pretensjoni kif ukoll li tħallas id-dejn tagħha stess. Tpaċija tikkanċella ż-żewġ pretensjonijiet sal-punt li dawn jikkoinċidu ma’ xulxin; jekk dawn ma jkoprux lil xulxin kompletament, it-tpaċija tal-pretensjoni ssir b’mod li jixbah il-każ ta’ twettiq tal-impenji. Dawn l-effetti jinħolqu meta żewġ pretensjonijiet isiru eliġibbli għal tpaċija.

Fi proċedimenti tal-insolvenza, il-pretensjonijiet reċiproċi tad-debitur u tal-kreditur jistgħu jiġu paċuti wara d-deċiżjoni dwar l-insolvenza jekk il-kundizzjonijiet statutorji tat-tpaċija (skont il-Kodiċi Ċivili) jiġu ssodisfati qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar il-metodu tal-insolvenza, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Att dwar l-Insolvenza.

It-tpaċija fi proċedimenti tal-insolvenza mhijiex ammissibbli, b’mod partikolari jekk il-kreditur tad-debitur:

  • ma jkunx sar kreditur reġistrat fir-rigward tal-pretensjoni kreditabbli; jew
  • ikun kiseb pretensjoni kreditabbli bħala riżultat ta’ att legali mhux effettiv; jew
  • kien jaf bl-insolvenza tad-debitur fil-mument li ġiet akkwistata l-pretensjoni kreditabbli; jew
  • għad irid iħallas il-pretensjoni dovuta tad-debitur sal-punt sa fejn din taqbeż il-pretensjoni kreditabbli tal-kreditur; jew
  • f’każijiet stipulati mill-qorti tal-insolvenza u miżura interim tal-qorti tal-insolvenza.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Kuntratti ta’ eżekuzzjoni reċiproka

Jekk id-debitur, fiż-żmien meta jiġi ddikjarat il-falliment jew meta jingħata permess għar-riorganizzazzjoni jew għall-ħelsien mid-dejn, ikun parti għal kuntratt ta’ eżekuzzjoni reċiproka, inkluż prekuntratt, li għad irid jiġi implimentat b’mod sħiħ mid-debitur jew mill-kontroparti fiż-żmien meta jiġi ddikjarat il-falliment, jew meta jingħata permess għar-riorganizzazzjoni jew għall-ħelsien mid-dejn, japplika dan li ġej:

-          fil-proċedimenti ta’ falliment jew ta’ ħelsien mid-dejn, il-prattikanti tal-insolvenza jistgħu jeżegwixxu kuntratt minflok id-debitur u jfittxu t-twettiq tal-impenji mill-parti l-oħra għall-kuntratt, jew jistgħu jirrifjutaw l-eżekuzzjoni;

-          fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni, debitur fil-pussess jeżerċita l-istess awtorità, soġġett għall-kunsens tal-kumitat tal-kredituri.

Fi proċedimenti ta’ falliment jew ta’ ħelsien mid-dejn, prattikant tal-insolvenza li ma jiddikjarax li kuntratt se jiġi implimentat fi żmien 30 jum mill-ordni ta’ falliment jew mill-permess għall-ħelsien mid-dejn jitqies li rrifjuta l-eżekuzzjoni; sa dak iż-żmien, il-kontroparti ma tistax tirtira mill-kuntratt, sakemm id-dispożizzjonijiet kuntrattwali ma jippermettux mod ieħor. Fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni, debituri fil-pussess li ma jiddikjarawx li huma jirrifjutaw l-eżekuzzjoni fi żmien 30 jum mill-approvazzjoni tar-riorganizzazzjoni jridu jimplimentaw kuntratt ta’ eżekuzzjoni reċiproka.

Kontroparti li tkun meħtieġa li tkun l-ewwel li teżegwixxi tista’ ma twettaqx it-tali eżekuzzjoni sakemm tiġi pprovduta jew garantita eżekuzzjoni reċiproka, ħlief meta l-kuntratt ikun konkluż mill-kontroparti wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-insolvenza.

Jekk il-prattikant tal-insolvenza jew id-debitur fil-pussess jirrifjuta l-eżekuzzjoni, il-kontroparti tista’ titlob kumpens għad-danni li jirriżultaw billi tippreżenta pretensjoni fi żmien 30 jum mir-rifjut ta’ eżekuzzjoni. Il-pretensjonijiet tal-kontroparti li jirriżultaw mill-kontinwazzjoni tal-kuntratt wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment ikun pretensjonijiet kontra l-proprjetà tal-insolvenza.

Il-kontroparti ma tistax titlob ir-rimborż ta’ eżekuzzjoni parzjali pprovduta qabel id-deċiżjoni dwar l-insolvenza minħabba li l-prestazzjoni ma kinitx reċiprokata mid-debitur.

Kuntratti fissi

Jekk ikun miftiehem li konsenjabbli bi prezz tas-suq irid jiġi fornut fi żmien preċiż jew f'limitu ta’ żmien fiss, u jekk iż-żmien tal-eżekuzzjoni jseħħ jew il-limitu ta' żmien jiskadi biss wara dikjarazzjoni ta’ falliment, ma jistax jintalab it-twettiq tal-impenn; jista’ jintalab biss kumpens għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ twettiq tal-impenn min-naħa tad-debitur. “Dannu” tfisser id-differenza bejn il-prezz miftiehem u l-prezz tas-suq imħallas fid-data effettiva tad-dikjarazzjoni ta’ falliment fil-post indikat mill-kuntratt bħala l-post tal-eżekuzzjoni. Il-kontroparti tista’ titlob id-danni bħala kreditur billi tippreżenta pretensjoni fi żmien 30 jum mid-dikjarazzjoni ta’ falliment.

Ftehim ta’ self

Jekk id-debitur ikun daħal fi ftehim ta’ self, wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment il-prattikant tal-insolvenza jista’ jitlob ir-ritorn tas-self qabel ma jiskadi l-perjodu kuntrattwali tas-self.

Lokazzjoni, sullokazzjoni

Hemm dispożizzjonijiet dettaljati dwar kuntratti ta’ lokazzjoni u ta’ sullokazzjoni. Fost affarijiet oħrajn, wara d-dikjarazzjoni tal-falliment il-prattikant tal-insolvenza huwa intitolat li jtemm kuntratti ta’ lokazzjoni jew ta’ sullokazzjoni konklużi mid-debitur fi żmien stipulat mil-liġi jew mill-kuntratt, anki jekk jiġu konklużi għal perjodu fiss; il-perjodu ta’ notifika ma jistax ikun itwal minn tliet xhur. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili dwar meta u taħt liema kundizzjonijiet il-lokatur jista’ jtemm il-lokazzjoni.

Abbozzi ta’ kuntratti tad-debitur li jkunu għadhom iridu jiġu aċċettati mill-kontroparti meta jiġi ddikjarat falliment

Meta jiġi ddikjarat falliment, rikorsi mid-debitur biex jiġu konklużi kuntratti li għad iridu jiġu aċċettati u kwalunkwe abbozz ta’ kuntratt li kien ġie aċċettat mid-debitur, iżda għad irid jiġi konkluż, jiġi nulli, fejn dawn jinvolvu l-proprjetà insolventi. Abbozzi ta’ kuntratti li għadhom ma ġewx aċċettati mid-debitur meta jiġi ddikjarat il-falliment jistgħu jiġu aċċettati biss mill-prattikant tal-insolvenza.

Riżerva ta’ titolu

Jekk id-debitur ikun biegħ oġġett b’riżerva ta’ titolu u jkun fornieh lix-xerrej qabel ma jiġi ddikjarat il-falliment, ix-xerrej jista’ jirritorna l-oġġett jew inkella jinsisti li jipproċedi bil-kuntratt. Jekk, qabel ma jiġi ddikjarat il-falliment, id-debitur jixtri u jirċievi oġġett b’riżerva ta’ titolu, il-bejjiegħ ma jistax ifittex ir-ritorn tal-oġġett dment li l-prattikant tal-insolvenza jissodisfa l-obbligi skont il-kuntratt mingħajr dewmien żejjed wara li jkun mistieden jagħmel dan mill-bejjiegħ.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment għandu l-effetti li ġejjin:

  • pretensjonijiet u drittijiet oħrajn relatati mal-proprjetà ma jistgħux jiġu invokati b’rikors jekk jistgħu jiġu invokati b'reġistrazzjoni;
  • id-dritt għal sodisfazzjon minn kollateral relatat ma’ assi fil-pussess tad-debitur jew ma’ assi li jappartjenu għall-proprjetà insolventi jista’ jiġi eżerċitat u akkwistat biss fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att dwar l-Insolvenza. Dan japplika wkoll għall-istabbiliment ta’ rahan ġudizzjarju jew ta’ sekwestru fuq il-proprjetà immobbli propost wara l-bidu tal-proċedimenti tal-insolvenza;
  • infurzar jew sekwestru li jaffettwa assi li huma proprjetà tad-debitur, kif ukoll assi oħra li jappartjenu għall-proprjetà, jista’ jiġi ordnat jew jinbeda, iżda ma jistax jiġi implimentat. Madankollu, għal pretensjonijiet kontra l-proprjetà u għal pretensjonijiet ta’ status ekwivalenti, l-infurzar jew is-sekwestru li jaffettwa l-assi li jappartjenu għall-proprjetà tad-debitur jistgħu jiġu implimentati fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-qorti tal-insolvenza, soġġett għar-restrizzjonijiet stabbiliti minn dik id-deċiżjoni;
  • mhuwiex possibbli li jiġi eżerċitat dritt, stabbilit bi ftehim bejn il-kreditur u d-debitur, dwar sekwestru fir-rigward ta’ pagi jew ta’ introjtu ieħor ittrattat bħala pagi jew introjtu fl-infurzar ta’ sentenza.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Deċiżjonijiet dwar l-insolvenza joħolqu moratorju fil-proċedimenti ġudizzjarji u ta’ arbitraġġ li jikkonċernaw pretensjonijiet u drittijiet oħra relatati mal-proprjetà li għandhom jiġu invokati bir-reġistrazzjoni fi proċedimenti tal-insolvenza, jew li huma meqjusa bħala reġistrati fi proċedimenti tal-insolvenza, jew li jikkonċernaw pretensjonijiet mhux issodisfati fi proċedimenti tal-insolvenza. Sakemm mhux previst mod ieħor, huwa impossibbli li dawn il-proċedimenti jitkomplew waqt li tkun għadha fis-seħħ deċiżjoni dwar l-insolvenza.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Prinċipji assoċjati mal-parteċipazzjoni tal-kredituri

Il-proċedimenti tal-insolvenza huma bbażati, fost affarijiet oħrajn, fuq il-prinċipji li ġejjin li jaffettwaw il-parteċipazzjoni tal-kredituri:

  • il-proċedimenti tal-insolvenza jridu jitwettqu b’tali mod li l-ebda parti ma ġġarrab danni inġustament jew tikseb vantaġġ irregolari, u li jinkiseb l-ogħla sodisfazzjon rapidu u ekonomiku possibbli għall-kredituri;
  • kredituri li, skont il-liġi, għandhom essenzjalment l-istess status jew status simili għandhom opportunitajiet indaqs fil-proċedimenti tal-insolvenza;
  • sakemm mhux previst mod ieħor mil-liġi, id-drittijiet ta’ kreditur li jkunu ġew akkwistati bona fide qabel il-bidu tal-proċedimenti tal-insolvenza ma jistgħux jiġu ristretti minn sentenza tal-qorti tal-insolvenza jew bħala riżultat tal-proċedura segwita mill-prattikant tal-insolvenza;
  • il-kredituri huma obbligati li jżommu lura minn atti mmirati biex jissodisfaw il-pretensjonijiet tagħhom barra mill-proċedimenti tal-insolvenza, sakemm dan ma jkunx permess mil-liġi.

Il-korpi tal-kredituri

Il-korpi tal-kredituri huma:

  • il-laqgħa tal-kredituri;
  • il-kumitat tal-kredituri (jew ir-rappreżentant tal-kredituri).

Il-laqgħa tal-kredituri hija responsabbli għall-elezzjoni u għat-tneħħija tal-membri u ta’ membri alternattivi tal-kumitat tal-kredituri (jew rappreżentant tal-kredituri). Il-laqgħa tal-kredituri tista’ tirriżerva għall-kompetenza tagħha kwalunkwe ħaġa li taqa’ taħt il-kompetenza tal-korpi ta’ kredituri. Jekk ma jinħatar l-ebda kumitat tal-kredituri jew rappreżentant tal-kredituri, il-laqgħa tal-kredituri taġixxi f’dik il-kapaċità minflokhom, sakemm mhux previst mod ieħor mil-liġi.

Jekk ikunu rreġistrati aktar minn 50 kreditur, il-laqgħa tal-kredituri trid tistabbilixxi kumitat tal-kredituri. Inkella huwa biżżejjed li jiġi elett rappreżentant tal-kredituri.

Il-kumitat tal-kredituri jeżerċita l-poteri tal-korpi tal-kredituri, ħlief fi kwistjonijiet li huma fi ħdan il-mandat tal-laqgħa tal-kredituri jew li ġew irriżervati mil-laqgħa tal-kredituri għall-kompetenza tagħha stess. B’mod partikolari, il-kumitat tal-kredituri jissorvelja l-attivitajiet tal-prattikant tal-insolvenza u huwa intitolat li jippreżenta proposta lill-qorti tal-insolvenza rigward il-proċedimenti tal-insolvenza. Il-kumitat tal-kredituri jħares l-interess komuni tal-kredituri u, f’kooperazzjoni mal-prattikant tal-insolvenza, jgħin biex jintlaħaq l-għan tal-proċedimenti tal-insolvenza. Id-dispożizzjonijiet dwar il-kumitati tal-kredituri japplikaw mutatis mutandis għar-rappreżentanti tal-kredituri.

Kategoriji ta’ kredituri

Il-liġi tagħmel distinzjoni bejn kredituri garantiti u ordinarji.

Kreditur garantit huwa kreditur bi pretensjoni li hija garantita minn assi li jappartjenu għall-proprjetà fil-forma ta’ rahan, ta’ dritt ta’ ritenzjoni, ta’ restrizzjoni tat-trasferiment tal-proprjetà, ta’ trasferiment fiduċjarju ta’ dritt, ta’ assenjazzjoni ta’ pretensjoni għall-kollateral, jew ta’ dritt simili skont liġi barranija.

Il-kredituri garantiti huma f’pożizzjoni ta’ influwenza sinifikanti matul il-proċedimenti tal-insolvenza. Fejn id-debitur ikun entità kummerċjali li tista’ tiġi riorganizzata skont l-Att dwar l-Insolvenza, l-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni dwar il-metodu tal-insolvenza (falliment jew riorganizzazzjoni) tirrekjedi l-voti ta’ mill-inqas nofs il-kredituri garantiti kollha (u bl-istess mod dawk ordinarji) preżenti fil-laqgħa tal-kredituri, imkejlin skont l-ammonti tal-pretensjonijiet tagħhom, ħlief jekk mill-inqas 90 % tal-kredituri preżenti, ikkalkolati skont l-ammont tal-pretensjonijiet tagħhom, jivvotaw favur ir-riżoluzzjoni. Kreditur garantit jista’ wkoll jagħti struzzjonijiet lil persuna fil-pussess dwar kif għandha tamministra l-garanzija li torbot lil dik il-persuna, dment li dawn l-istruzzjonijiet huma mmirati lejn governanza tajba. Il-prattikant tal-insolvenza huwa marbut ukoll bi struzzjonijiet minn kredituri garantiti mmirati lejn il-monetizzazzjoni tal-garanzija. Il-prattikanti tal-insolvenza jistgħu jirrifjutaw dawn l-istruzzjonijiet jekk huma jemmnu li s-suġġett tal-garanzija jista’ jiġi monetizzat b'mod aktar favorevoli, f'liema każ huma jagħmlu petizzjoni quddiem il-qorti tal-insolvenza biex tirrevedi l-istruzzjonijiet fil-kuntest tal-attività superviżorja tagħha. Il-monetizzazzjoni ta’ oġġett, ta’ dritt, ta’ pretensjoni jew ta’ assi oħra fil-proċedimenti tal-insolvenza ttemm il-garanzija tal-pretensjoni tal-kreditur garantit, anki jekk dak il-kreditur ma rreġistrax il-pretensjoni.

Il-pretensjonijiet tal-kredituri garantiti jiġu ssodisfati mill-ammont sħiħ tar-rikavati mill-monetizzazzjoni, wara li jitnaqqsu t-tariffa tal-prattikant tal-insolvenza u l-ispejjeż tal-ġestjoni u tal-monetizzazzjoni, fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti, filwaqt li jitqies iż-żmien meta nbdiet il-garanzija.

Il-kredituri kollha l-oħrajn huma ordinarji. L-istatus tagħhom fil-proċedimenti tal-insolvenza huwa aktar dgħajjef u l-livell proġettat li fih jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet tagħhom, skont id-dejta statistika, normalment ikun ħafna aktar baxx.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Il-prattikanti tal-insolvenza jistgħu jużaw l-assi tal-proprjetà fil-proċedimenti ta’ falliment. Il-prattikant tal-insolvenza jassumi awtorizzazzjoni li jiddisponi mill-proprjetà, li jeżerċita drittijiet u li jirrilaxxa obbligi li jappartjenu lid-debitur fi kwistjonijiet relatati mal-proprjetà. B’mod partikolari, il-prattikant tal-insolvenza jeżerċita d-drittijiet tal-azzjonisti marbuta mal-ishma fil-proprjetà tal-insolvenza, jieħu deċiżjonijiet dwar sigrieti kummerċjali u oqsma oħra ta’ kunfidenzjalità, jaġixxi fil-kapaċità ta’ impjegatur fir-rigward tal-impjegati tad-debitur, u huwa responsabbli għall-operat tan-negozju, għall-kontabbiltà u għall-konformità fiskali tad-debitur. Il-prattikanti tal-insolvenza huma inkarigati wkoll mill-monetizzazzjoni tal-proprjetà.

Fil-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u ta’ ħelsien mid-dejn, id-debitur jibqa’ jżomm dawn id-drittijiet, soġġett għal restrizzjonijiet sinifikanti.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Pretensjonijiet kontra l-proprjetà u pretensjonijiet ekwivalenti jistgħu jitħallsu kollha fi kwalunkwe żmien wara li tkun tittieħed id-deċiżjoni dwar l-insolvenza.

Issir distinzjoni bejn dawn li ġejjin:

  • pretensjonijiet kontra l-proprjetà li joriġinaw wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza jew wara d-dikjarazzjoni ta’ moratorju (b’mod partikolari r-rimborż ta’ spejjeż ta’ flus u t-tariffa tal-fiduċjarju interim, il-likwidatur tad-debitur u l-membri tal-kumitat tal-kredituri, u l-pretensjonijiet tal-kredituri li jirriżultaw minn finanzjament ta' kreditu);
  • pretensjonijiet kontra l-proprjetà li joriġinaw wara d-deċiżjoni dwar l-insolvenza (b’mod partikolari l-ispejjeż fi flus u t-tariffa tal-prattikant tal-insolvenza, it-taxxi, l-imposti, id-dazju, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, il-kontribuzzjonijiet tal-politika dwar l-impjiegi tal-istat u l-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika);
  • pretensjonijiet ekwivalenti għall-pretensjonijiet kontra l-proprjetà (b’mod partikolari l-pretensjonijiet tal-liġi tax-xogħol tal-impjegati tad-debitur, u l-pretensjonijiet tal-kredituri għall-manteniment statutorju).

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Depożitar ta’ pretensjonijiet

Il-kredituri jiddepożitaw il-pretensjonijiet tagħhom quddiem il-qorti ta' insolvenza permezz ta’ formola prestabbilita, u jistgħu jagħmlu dan mill-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza sal-iskadenza stabbilita fid-deċiżjoni dwar l-insolvenza. Pretensjonijiet depożitati wara l-iskadenza jiġu injorati mill-qorti tal-insolvenza, u ma jiġux saldati fil-proċedimenti tal-insolvenza. Pretensjonijiet li jkunu diġà tqajmu fil-qorti, u pretensjonijiet eżegwibbli, inklużi dawk li qed jiġu rkuprati b’infurzar jew b’sekwestru, jiġu ddepożitati wkoll. Kreditur li jiddepożita pretensjonijiet jew li huwa kkunsidrat bħala kreditur reġistrat jista’ jirtira l-pretensjoni fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti tal-insolvenza.

Rikors biex tiġi ddepożitata pretensjoni trid tispjega kif oriġinat il-pretensjoni u kemm hu l-ammont. Pretensjoni dejjem trid tiġi kkwantifikata f’termini monetarji, anki jekk tkun assi mhux monetarju. Kull dokument li jirreferi għalih ir-rikors għall-pretensjoni jrid ikun mehmuż mar-rikors. L-infurzabbiltà ta’ pretensjoni trid tintwera bil-provi permezz ta’ strument awtentiku.

Għall-għanijiet tal-perjodu ta’ limitazzjoni jew il-limitu taż-żmien sal-iskadenza tad-drittijiet, rikors biex tiġi ddepożitata pretensjoni għandha l-istess effetti bħal rikors jew invokazzjoni oħra ta’ dritt quddiem qorti; dan il-perjodu jibda fid-data meta jiġi ppreżentat ir-rikors lill-qorti tal-insolvenza.

Il-kreditur huwa responsabbli għall-akkuratezza tal-informazzjoni f’rikors biex tiġi ddepożitata pretensjoni. Il-qorti tal-insolvenza, filwaqt li taġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-prattikant tal-insolvenza, tista’ timponi penali jekk l-ammont tal-pretensjoni jiġi eżaġerat (b’aktar minn 100%), billi tordna l-ħlas ta’ ammont lill-proprjetà li huwa stabbilit fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha relatati mad-depożitar tal-pretensjoni u evalwazzjoni tal-pretensjoni stess, sal-ammont li bih is-somma li għaliha ġiet iddepożitata l-pretensjoni qabżet il-valur attwali aċċertat.

Id-dritt ta’ kreditur li l-pretensjoni tiegħu tiġi ssodisfata mill-garanzija ma jiġix ikkunsidrat jekk din tiġi ddepożitata f’ordni differenti minn kif suppost, jew jekk, meta ssir evalwazzjoni tagħha, jinstab li l-livell li bih kienet assigurata ġie eżaġerat b’aktar minn 100 %. F’dan il-każ, il-kreditur jista’ jiġi ppenalizzat mill-qorti tal-insolvenza billi jiġi ordnat iħallas ammont (monetarju) favur il-kredituri garantiti li ddepożitaw pretensjonijiet b’garanzija li jappartjenu għall-istess assi. L-ammont ta’ dak il-ħlas jiġi stabbilit mill-qorti tal-insolvenza fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha li fihom ġie eżerċitat u rivedut id-dritt li l-pretensjoni tiġi ssodisfata mill-garanzija, sal-ammont li bih il-valur tal-garanzija indikat fir-rikors qabeż il-valur aċċertat tal-garanzija.

Verifika tal-pretensjonijiet reġistrati

Il-pretensjonijiet iddepożitati, l-ewwel jiġu evalwati mill-prattikant tal-insolvenza, li prinċipalment jikkontroverifikahom mad-dokumenti li jakkumpanjawhom u mal-kontijiet jew mar-rekords tad-debitur miżmumin skont leġiżlazzjoni speċifika. Imbagħad il-prattikant tal-insolvenza jistieden lid-debitur jikkummenta dwar il-pretensjonijiet. Fejn xieraq, il-prattikant tal-insolvenza jwettaq l-investigazzjoni meħtieġa dwar il-pretensjonijiet, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet, li huma obbligati li jipprovdu tali kooperazzjoni.

Jekk pretensjoni ddepożitata tkun difettuża jew inkompluta, il-prattikant tal-insolvenza jistieden lill-kreditur jikkoreġiha jew ilestiha kollha fi żmien 15-il ġurnata (jista’ jiġi stabbilit limitu ta’ żmien itwal), u jagħti parir dwar kif għandu jsir dan. Il-pretensjonijiet li jiġux issupplementati jew ikkoreġuti kif xieraq u saż-żmien dovut jiġu ppreżentati mill-prattikant tal-insolvenza lill-qorti tal-insolvenza għal deċiżjoni li tiddetermina jekk ir-rikors għandux jiġi kkunsidrat jew le. Il-kreditur irid jiġi informat dwar dan.

Il-prattikant tal-insolvenza jfassal lista tal-pretensjonijiet iddepożitati. Il-kredituri garantiti jkunu f’lista separata. Jekk il-pretensjonijiet jiġu rrifjutati mill-prattikant tal-insolvenza, dan irid jiġi ddikjarat b’mod espliċitu. Għall-kredituri kollha, għandha tiġi indikata l-informazzjoni neċessarja kollha biex ikunu identifikati l-kredituri u biex jiġi vvalutat kif oriġinat il-pretensjoni u l-ammont u l-gradazzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-kredituri garantiti għandhom jiddikjaraw ir-raġuni għall-garanzija u l-metodu tal-garanzija.

Il-lista tal-pretensjonijiet iddepożitati tiġi ppubblikata mill-qorti tal-insolvenza fir-reġistru tal-insolvenza qabel ma ssir is-seduta ta’ verifika. Il-qorti tal-insolvenza tippubblika minnufih ukoll kwalunkwe bidla fil-lista tal-pretensjonijiet iddepożitati fir-reġistru tal-insolvenza.

Il-pretensjonijiet iddepożitati mbagħad jiġu vverifikati waqt seduta ta’ verifika ordnata mill-qorti tal-insolvenza. Id-data u l-post tas-seduta jiġu stabbiliti mill-qorti tal-insolvenza fid-deċiżjoni dwar l-insolvenza tagħha. Il-kredituri għandhom sa tmiem is-seduta ta’ verifika biex ibiddlu l-ammont tal-pretensjoni li jkunu qed jippreżentaw, sakemm din ma tkunx garantita jew sakemm ma tkunx ġiet miċħuda minn deċiżjoni finali. Madankollu, ma jistgħux ibiddlu r-raġuni għaliex seħħet il-pretensjoni rreġistrata jew il-gradazzjoni tagħha.

Ċaħda ta’ pretensjonijiet

L-awtentiċità, l-ammont u l-gradazzjoni tal-pretensjonijiet kollha ddepożitati jistgħu jiġu miċħuda minn: (a) il-prattikant tal-insolvenza; (b) id-debitur; jew (c) kreditur irreġistrat.

Iċ-ċaħda ta’ pretensjoni ta’ kreditur minn kreditur reġistrat ieħor irid ikollha l-istess dettalji bħal rikors skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u trid tagħmilha ċara jekk hijiex l-awtentiċità, l-ammont jew il-gradazzjoni tal-pretensjoni li qed tiġi miċħuda. Ċaħda tiġi nnotifikata f'forma prestabbilita.

L-Att dwar l-Insolvenza jirrikonoxxi t-tipi ta’ ċaħda li ġejjin:

  • ċaħda tal-awtentiċità ta’ pretensjoni - huwa argumentat li l-pretensjoni qatt ma oriġinat jew li tkun intemmet kompletament jew ġiet kompletament preskritta;
  • ċaħda tal-ammont tal-pretensjoni - huwa argumentat li l-obbligazzjoni tad-debitur hija inqas mill-ammont reġistrat (il-persuna li tiċħad l-ammont tal-pretensjoni jenħtiġilha tiddikjara wkoll l-ammont attwali tal-pretensjoni);
  • ċaħda tal-gradazzjoni tal-pretensjoni - huwa argumentat li l-pretensjoni għandha gradazzjoni inqas favorevoli minn dik indikata fil-pretensjoni ppreżentata, jew li d-dritt li l-pretensjoni tiġi ssodisfata mill-garanzija huwa miċħud (il-persuna li tiċħad il-gradazzjoni tal-pretensjoni jeħtiġilha tispeċifika wkoll il-gradazzjoni li fiha jenħtieġ li tiġi ssodisfata l-pretensjoni).

Jekk kreditur reġistrat jiċħad il-pretensjoni ta’ kreditur reġistrat ieħor, dawn il-kredituri jsiru partijiet għal tilwima anċillari. Il-prattikanti tal-insolvenza li jixtiequ jassistu lil parti f’tilwima anċillari li ma jkunux qed jipparteċipaw fiha għandhom id-dritt li jintervjenu.

Id-deċiżjonijiet dwar l-awtentiċità, l-ammont u l-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet miċħuda jittieħdu mill-qorti tal-insolvenza.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Il-proprjetà tal-insolvenza tiġi mmonetizzata fi proċedimenti ta’ falliment. Dan ifisser li l-assi kollha li jappartjenu għall-proprjetà jiġu kkonvertiti fi flus għas-sodisfazzjon proporzjonali tal-kredituri. Il-proprjetà tiġi mmonetizzata mill-prattikant tal-insolvenza. Dan il-pass jista’ jittieħed biss wara li jiġi ffinalizzat l-ordni tal-falliment u wara li tkun saret l-ewwel laqgħa tal-kredituri. Assi f’riskju imminenti li jsiru irrekuperabbli jew li jitħassru huma eżenti; eżenzjoni għal raġunijiet oħrajn tista’ tiġi permessa wkoll mill-qorti tal-insolvenza. Il-monetizzazzjoni tal-proprjetà ttemm l-effetti kollha ta’ ordni ta’ infurzar jew ta’ sekwestru u difetti oħrajn marbutin mar-realizzazzjoni tal-assi, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi.

Il-proprjetà tal-insolvenza tista’ tiġi mmonetizzata permezz ta’:

  • irkant pubbliku;
  • il-bejgħ ta’ proprjetà mobbli u immobbli skont id-dispożizzjonijiet ta’ infurzar tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili;
  • il-bejgħ ta’ assi mhux b'irkant.

Jekk ir-rikavati mill-monetizzazzjoni tal-proprjetà ma jkunux biżżejjed biex jitħallsu l-pretensjonijiet kollha, l-ewwel jiġu saldati t-tariffa u l-ispejjeż fi flus tal-prattikant tal-insolvenza, segwiti mill-pretensjonijiet tal-kredituri li joriġinaw waqt il-moratorju, il-pretensjonijiet tal-kredituri minn finanzjament ta’ kreditu, l-ispejjeż assoċjati mal-manutenzjoni u l-amministrazzjoni tal-proprjetà, il-pretensjonijiet tal-liġi tax-xogħol tal-impjegati tad-debitur, u l-pretensjonijiet tal-kredituri għall-manteniment u l-kumpens għall-ħsara lis-saħħa. Pretensjonijiet oħrajn jiġu ssodisfati proporzjonalment.

Wara li d-deċiżjoni li tapprova l-aħħar rapport issir finali, il-prattikant tal-insolvenza jippreżenta abbozz ta’ ordni dwar id-distribuzzjoni tal-proprjetà lill-qorti tal-insolvenza, li fih jiddikjara kemm għandu jitħallas għal kull pretensjoni fil-lista riveduta tal-pretensjonijiet reġistrati. Fuq dik il-bażi, il-qorti tal-insolvenza toħroġ ordni dwar id-distribuzzjoni tal-proprjetà, li fih tiddetermina l-ammonti li għandhom jitħallsu lill-kredituri. Il-kredituri kollha inklużi fl-iskeda tad-distribuzzjoni jiġu ssodisfati b’mod proporzjonat għall-ammont aċċertat tal-pretensjoni tagħhom. Qabel id-distribuzzjoni, jiġu ssodisfati pretensjonijiet li jkunu għadhom mhumiex imħallsin u li jkunu jistgħu jitħallsu fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti ta’ falliment, b’mod speċifiku:

  • pretensjonijiet kontra l-proprjetà – l-ispejjeż fi flus u t-tariffa tal-prattikant tal-insolvenza, l-ispejjeż assoċjati mal-manteniment u l-amministrazzjoni tal-proprjetà tad-debitur, it-taxxi, l-imposti, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, il-kontribuzzjoni tal-politika tal-impjiegi tal-istat, il-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika, eċċ.;
  • pretensjonijiet ekwivalenti - il-pretensjonijiet tal-liġi tax-xogħol tal-impjegati tad-debitur, il-pretensjonijiet tal-kredituri għal kumpens għal ħsara lis-saħħa, il-pretensjonijiet tal-gvern, eċċ.;
  • pretensjonijiet garantiti.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

Għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment

Ladarba l-proprjetà tiġi mmonetizzata, il-prattikant tal-insolvenza jippreżenta rapport finali lill-qort tal-insolvenza. Ir-rapport finali jrid jiddeskrivi l-karatteristiċi globali tal-attivitajiet tal-prattikant tal-insolvenza, u jinkludi kwantifikazzjoni tar-riżultati finanzjarji tiegħu. Għandu jikkwantifika l-ammont li għandu jiġi ddistribwit fost il-kredituri u jiddeżinja lil dawk il-kredituri, filwaqt li jindika l-ammont tal-ishma tagħhom mill-ammont totali. Flimkien mar-rapport finali, il-prattikant tal-insolvenza jippreżenta dikjarazzjoni tat-tariffa u tal-ispejjeż lill-qorti tal-insolvenza.

Il-qorti tal-insolvenza tevalwa r-rapport finali u l-fattura tal-prattikant tal-insolvenza, u wara seduta mal-prattikant tal-insolvenza, tikkoreġi l-iżbalji jew l-omissjonijiet li jkun fih. Il-qorti tal-insolvenza tinnotifika lill-partijiet dwar ir-rapport finali rivedut tal-prattikant tal-insolvenza billi tippubblikah fil-forma ta’ avviż pubbliku. Wara li d-deċiżjoni li tapprova l-aħħar rapport issir finali, il-prattikant tal-insolvenza jippreżenta abbozz ta’ ordni dwar id-distribuzzjoni tal-proprjetà lill-qorti tal-insolvenza, li fih jiddikjara kemm għandu jitħallas għal kull pretensjoni fil-lista riveduta tal-pretensjonijiet reġistrati. Imbagħad il-qorti tal-insolvenza toħroġ ordni dwar id-distribuzzjoni tal-proprjetà, li fih tistabbilixxi l-ammonti li għandhom jitħallsu lill-kredituri. Il-kredituri kollha inklużi fl-iskeda tad-distribuzzjoni jiġu ssodisfati b’mod proporzjonat għall-ammont aċċertat tal-pretensjoni tagħhom. Fl-ordni tad-distribuzzjoni, il-qorti tal-insolvenza tistipula skadenza għall-eżekuzzjoni għall-prattikant tal-insolvenza, li ma tistax tkun itwal minn xahrejn mid-data li fiha l-ordni ta’ distribuzzjoni jingħata forza legali.

Il-proċedimenti ta’ falliment jintemmu meta jinħareġ ir-rapport tal-prattikant tal-insolvenza dwar l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ distribuzzjoni u tittieħed id-deċiżjoni tal-qorti tal-insolvenza li tagħlaq il-proċedimenti. Il-qorti tiddeċiedi wkoll li tagħlaq il-proċedimenti ta’ falliment f’ċerti sitwazzjonijiet oħrajn stipulati mil-liġi, pereż. jekk jinstab li huwa ċar li l-assi tad-debitur huma inadegwati biex jissodisfaw lill-kredituri. Meta d-deċiżjoni li jintemmu l-proċedimenti ta’ falliment issir finali, il-proċedimenti tal-insolvenza jingħalqu.

Għeluq tar-riorganizzazzjoni

Ir-riorganizzazzjoni tintemm mad-deċiżjoni tal-qorti tal-insolvenza li tirrikonoxxi l-eżekuzzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ partijiet sostanzjali minnu. M’hemm l-ebda dritt għal appell kontra dik id-deċiżjoni.

Ir-riorganizzazzjoni tista’ tintemm ukoll b’deċiżjoni tal-qorti tal-insolvenza li tikkonverti r-riorganizzazzjoni f’falliment, li jseħħ f’każijiet stipulati mil-liġi, b’mod partikolari meta jkun hemm problemi fl-approvazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni u biex tinżamm il-konformità miegħu. Il-qorti tal-insolvenza ma tistax tieħu deċiżjoni li tikkonverti riorganizzazzjoni f’falliment jekk ikunu twettqu l-aspetti importanti tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Appelli kontra deċiżjoni tal-qorti li tikkonverti r-riorganizzazzjoni f’falliment jistgħu jiġu ppreżentati mid-debitur, mill-applikant għar-riorganizzazzjoni, mill-prattikant tal-insolvenza jew mill-kumitat tal-kredituri. Meta l-qorti tal-insolvenza tiddeċiedi li tikkonverti r-riorganizzazzjoni f’falliment, l-effetti assoċjati ma’ dikjarazzjoni ta’ falliment jiġu stabbiliti sakemm il-qorti tal-insolvenza, fid-deċiżjoni tagħha, ma tistipulax kundizzjonijiet differenti għal din il-konverżjoni.

Għeluq tal-proċedimenti ta’ ħelsien mid-dejn

Il-ħelsien mid-dejn jintemm bid-deċiżjoni tal-qorti tal-insolvenza li tirrikonoxxi l-implimentazzjoni tal-ħelsien mid-dejn. M’hemm l-ebda dritt għal appell kontra dik id-deċiżjoni. Jekk id-debitur jikkonforma mal-obbligi kollha skont il-metodu approvat tal-ħelsien mid-dejn b’mod adegwat u f’waqtu, il-qorti tal-insolvenza - b’rakkomandazzjoni mid-debitur - toħroġ ordni li jeħles lid-debitur mill-ħlas tal-pretensjonijiet inklużi fil-proċediment ta’ ħelsien mid-dejn sal-punt li fih ikunu għadhom ma ġewx issodisfati.

Il-ħelsien mid-dejn jista’ jintemm ukoll jekk il-qorti twaqqaf dan il-proċediment u tiddeċiedi li tindirizza l-insolvenza tad-debitur permezz ta’ proċedimenti ta’ falliment, li jseħħu fil-każijiet stipulati mil-liġi, b’mod partikolari meta d-debitur jonqos milli jikkonforma mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mid-dejn.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Fi proċedimenti ta’ falliment li jikkonċernaw l-assi ta’ persuna fiżika (fi kwalunkwe ħin wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment) jew persuna ġuridika (sad-dissoluzzjoni tagħha meta titħassar minn reġistru pubbliku), wara li jingħalqu l-proċedimenti, jista’ jsir ordni ta’ sekwestru jew ta’ infurzar relatat ma’ pretensjoni li ġiet stabbilita u ma ġietx miċħuda mid-debitur, u li ma ġietx issodisfata matul il-proċedimenti ta’ falliment. Meta jiġi ppreżentat rikors għal infurzar, hemm bżonn li jiġu ppreżentati biss skeda ta’ validazzjoni u rapport dwar il-validazzjoni tal-pretensjoni inkwistjoni fil-proċedimenti ta’ falliment. Dan id-dritt isir preskritt għaxar snin wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment, bil-perjodu ta’ preskrizzjoni li jibda fid-data effettiva tal-ordni li jagħlaq il-proċedimenti.

F’każijiet ta’ riorganizzazzjoni, wara li jidħol fis-seħħ il-pjan ta’ riorganizzazzjoni, jistgħu jiġu ordnati jew implimentati kontra d-debitur infurzar jew sekwestru, biex tiġi rkuprata pretensjoni stipulata fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni. Madankollu, jekk il-pretensjoni tkun ġiet miċħuda, l-infurzar jew is-sekwestru huma possibbli biss jekk id-deċiżjoni tal-qorti tal-insolvenza li tistabbilixxi l-pretensjoni tkun saret finali; din id-deċiżjoni trid tiġi mehmuża mal-rikors.

F’każijiet ta’ ħelsien mid-dejn, fi tmiem il-ħelsien mid-dejn u l-ħelsien mill-ħlas tal-pretensjonijiet li jkun fadal, ma jibqax possibbli li wieħed ifittex sodisfazzjon għall-bqija tal-pretensjonijiet tal-kredituri permezz ta’ infurzar jew ta’ sekwestru. Huwa immaterjali jekk il-kredituri jkunux ġew issodisfati parzjalment fil-proċedimenti ta’ ħelsien mid-dejn jew jekk dawn kinux tabilħaqq tassew irreġistarw il-pretensjoni tagħhom fil-proċedimenti tal-insolvenza.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

L-ispejjeż – b’mod partikolari t-tariffa u l-ispejjeż fi flus tal-prattikant tal-insolvenza – għandhom jiġu koperti mill-proprjetà, jiġifieri għandhom jiġġarrbu mid-debitur.

Peress li l-proprjetà tal-insolvenza mhux dejjem tkun kbira biżżejjed biex tkopri l-ispejjeż, il-qorti tal-insolvenza tista’, qabel ma tiddeċiedi dwar petizzjoni tal-insolvenza, tordna lill-petizzjonant tal-insolvenza iħallas avvanz fuq l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-insolvenza sa skadenza stipulata, fejn dan ikun meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż tal-proċedimenti u r-riżorsi meħtieġa ma jistgħux jiġu ggarantiti permezz ta’ mezzi oħrajn. Dan japplika anki jekk ikun jidher ċar li d-debitur ma għandux assi. Il-liġi tistabbilixxi limitu massimu għall-ammont tat-tali avvanzi. Jekk ikun hemm diversi petizzjonanti tal-insolvenza, dawn huma meħtieġa li jħallsu avvanz b’mod konġunt u in solidum.

Jekk il-proprjetà ma tistax tkopri l-ispejjeż, il-bqija jiġi kopert mill-avvanz fuq l-ispejjeż tal-proċedimenti tal-insolvenza, jiġifieri jiġġarrbu mill-petizzjonant.

Jekk l-avvanz lanqas ma jkopri l-ispejjeż, il-kont jitħallas mill-istat. Leġiżlazzjoni speċifika tillimita l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jiġu koperti mill-istat.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Atti legali mid-debitur biex jitnaqqsu l-possibiltajiet li l-kredituri jiġu ssodisfati jew biex jiffavorixxi ċerti kredituri u mhux oħrajn mhumiex eżegwibbli. Kwalunkwe omissjoni mid-debitur f’dan ir-rigward hija wkoll ittrattata bħala att legali wkoll. Hemm tliet kategoriji ta’ atti mhux eżegwibbli bħal dawn: (a) atti legali mingħajr konsiderazzjoni adegwata; (b) atti legali preferenzjali li jirriżultaw f’sitwazzjoni li fiha kreditur wieħed, għad-detriment ta’ kredituri oħrajn, jirċievi sodisfazzjon akbar milli kieku kien jikseb fil-proċedimenti ta’ falliment; (ċ) atti legali li bihom id-debitur jillimita intenzjonalment is-sodisfazzjon ta’ kreditur, jekk din l-intenzjoni kienet magħrufa mill-kontroparti jew, fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha, din bilfors li kienet taf biha.

Li l-atti legali tad-debitur mhumiex infurzabbli jiġi stabbilit minn sentenza tal-qorti tal-insolvenza fuq rikors ippreżentat mill-prattikant tal-insolvenza biex jipprotesta l-atti legali tad-debitur (rikors biex tiġi revokata tranżazzjoni). Il-prattikant tal-insolvenza jista’ jiftaħ rikors biex jirrevoka tranżazzjoni fi żmien sena mid-data meta tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni dwar l-insolvenza. Jekk ma jsirx rikors sa dak il-limitu ta’ żmien, jiskadi t-titolu sabiex tiġi rrevokata t-tranżazzjoni. Il-konsiderazzjoni tad-debitur mill-atti legali mhux eżegwibbli jifforma parti mill-proprjetà ladarba s-sentenza li tikkonferma r-rikors għar-revoka ta’ tranżazzjoni ssir finali.

In-nuqqas ta’ eżegwibbiltà ta’ att legali ma jippreġudikax l-applikabbiltà tiegħu. Madankollu, fi proċedimenti tal-insolvenza, il-konsiderazzjoni tad-debitur minn atti legali mhux eżegwibbli tifforma parti mill-proprjetà. Jekk il-konsiderazzjoni oriġinali tad-debitur minn att legali mhux eżegwibbli ma tistax tiġi ċeduta lill-proprjetà, irid jiġi pprovdut kumpens ekwivalenti.

Il-qorti tal-insolvenza mhijiex marbuta bid-deċiżjoni ta’ qorti oħra jew ta’ kostatazzjoni ta’ awtorità oħra, matul il-proċedimenti tal-insolvenza, li att legali relatat mal-assi jew mal-obbligazzjonijiet tad-debitur huwa null u bla effett, jew b’kostatazzjoni bħal din li toriġina b’xi mod ieħor. Matul il-proċedimenti tal-insolvenza, il-qorti tal-insolvenza biss teżamina n-nullità ta’ att legali bħal dan, jew fil-forma ta’ referenza għal sentenza preliminari jew f’tilwima anċillari dwar dik il-kwistjoni. Rikors f’dik it-tilwima jista’ jinfetaħ minn partijiet fil-proċedimenti tal-insolvenza iżda mhux mid-debitur, sakemm dan ma jkunx debitur fil-pussess, u mill-prattikant tal-insolvenza jew mill-uffiċċju tal-prosekutur. Il-prattikant tal-insolvenza dejjem irid ikun il-kwerelant jew il-konvenut. Jekk is-sentenza finali mbagħad issib li att legali relatat mal-assi jew mal-obbligazzjonijiet tad-debitur huwa null u bla effett, il-benefiċċju ekonomiku miksub fil-forma tal-konsiderazzjoni jrid jitradd lura lill-proprjetà.

Jekk att legali relatat mal-assi jew mal-obbligazzjonijiet tad-debitur jinstab li huwa null u bla effett minn sentenza tal-qorti li ssir finali wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, l-att legali indirizzat mis-sentenza jiġi ttrattat hu wkoll bħala null u bla effett fil-proċedimenti tal-insolvenza.

Regoli speċifiċi dwar ċerti kategoriji ta’ pretensjonijiet

Regoli speċifiċi japplikaw għall-kategoriji ta’ pretensjonijiet li ġejjin:

  • pretensjonijiet kontra l-proprjetà li joriġinaw wara l-ftuħ ta’ proċedimenti tal-insolvenza jew wara d-dikjarazzjoni ta’ moratorju;
  • pretensjonijiet kontra l-proprjetà li joriġinaw wara d-deċiżjoni dwar l-insolvenza;
  • pretensjonijiet ekwivalenti għal pretensjonijiet kontra l-proprjetà;
  • pretensjonijiet subordinati;
  • il-pretensjonijiet tal-azzjonisti tad-debitur jew tal-membri, li joriġinaw mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-kumpanija jew fil-kooperattiva.
L-aħħar aġġornament: 21/08/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna