Insolvenza/falliment

Ċipru
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Falliment (ptóchevsi): Ordni ta’ falliment (diátagma ptóchevsis) issir biss kontra persuna fiżika li tkun insolventi.

Stralċ (ekkathárisi): Ordni ta’ stralċ (diátagma ekkathárisis) issir fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna ġuridika. Stralċ volontarju (ekoúsia ekkathárisi), barra mill-qorti jew soġġett għal superviżjoni mill-qorti, japplika wkoll għal persuna ġuridika.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Falliment: Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar il-falliment ta’ persuni fiżiċi jinsabu fil-Liġi dwar il-Falliment (perí Ptóchevsis Nómos, il-Kapitolu 5) li ġiet emendata sostanzjalment fl-aħħar sentejn sabiex tirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali li qed tinbidel.

Tista’ tiġi ppreżentata petizzjoni ta’ falliment jew minn kreditur jew mid-debitur innifsu, għal dejn ta’ aktar minn EUR 15 000, dment li jkun sar att ta’ falliment u li d-debitur kien f’Ċipru personalment jew kien residenti abitwali f’Ċipru jew mexxa negozju f’Ċipru jew kien membru ta’ ditta jew sħubija li kienet tmexxi negozju f’Ċipru.

Debitur jikkommetti att ta’ falliment (práxi ptóchevsis), fost oħrajn, meta:

(a) kreditur jiżgura sentenza finali kontra tiegħu, għal kwalunkwe ammont, u d-debitur jonqos milli jħallas;

(b) jissottometti dikjarazzjoni ta’ inabbiltà li jħallas id-djun tiegħu;

(c) jissottometti petizzjoni ta’ falliment;

(d) pjan ta’ ħlas lura personali li kien parti għalih jitqies li jkun falla jew li ġie tterminat skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Insolvenza ta’ Persuni Fiżiċi (perí Aferengyótitas Fysikón Prosópon Nómos).

Stralċ ta’ kumpaniji: Kumpanija tista’ tiġi stralċjata jew għax ma tkunx tista’ tħallas id-djun tagħha jew permezz ta’ riżoluzzjoni speċjali tal-kumpanija biex din tiġi xolta bil-likwidazzjoni tal-proprjetà tagħha u l-ħlas lura tad-dejn kollu jew parti minnu. Ordni ta’ stralċ tista’ ssir jekk kumpanija ma tkunx tista’ tħallas id-djun tagħha. L-ammont dovut għandu jaqbeż il-EUR 5 000. Petizzjoni għall-istralċ tiġi ppreżentata lill-qorti minn kreditur jew mill-azzjonisti.

Stralċ volontarju:

Hemm tliet tipi ta’ stralċ volontarju:

  • Stralċ volontarju tal-kredituri (ekoúsia ekkathárisi apó pistotés): Dan huwa stralċ barra mill-qorti li jseħħ jekk il-kumpanija tkun insolventi u l-bord tad-diretturi tagħha jiddeċiedi li jistralċjaha. L-istralċ volontarju tal-kredituri jibda bis-sejħa għal laqgħa tal-kredituri biex jikkunsidraw riżoluzzjoni speċjali għal stralċ volontarju li jkun għadda mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-kumpanija.
  • Stralċ volontarju tal-Membri (ekoúsia ekkathárisi apó méli): Dan ukoll huwa stralċ barra mill-qorti, li jinbeda b’riżoluzzjoni speċjali tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti meta l-kumpanija tkun solventi.
  • Stralċ volontarju soġġett għas-superviżjoni tal-qorti (ekoúsia ekkathárisi ypó tin epopteía tou Dikastiríou): Meta kumpanija tkun għaddiet minn riżoluzzjoni għal stralċ volontarju, il-qorti tista’ tordna li l-istralċ għandu jipproċedi taħt is-superviżjoni tal-qorti.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Falliment: Il-patrimonju tal-falliment jikkonsisti fil-proprjetà kollha li tappartjeni lil jew hija involuta fil-falliment fil-bidu tal-proċedimenti ta’ falliment jew li tkun akkwistata minn jew tgħaddi fuq il-fallut qabel il-kwittanza tiegħu, għajr il-proprjetà indispensabbli għas-sopravivenza tal-fallut u dik tal-familja tiegħu.

Il-proprjetà akkwistata wara l-bidu tal-proċedimenti ta’ falliment u qabel il-kwittanza minn falliment jew l-annullament tal-falliment tifforma parti mill-patrimonju tal-falliment.

Stralċ: Il-proprjetà fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-likwidazzjoni hija l-proprjetà li kienet tappartjeni lill-kumpanija qabel saret l-ordni tal-istralċ jew qabel id-data tar-riżoluzzjoni speċjali għall-istralċ volontarju.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Falliment: Meta ssir ordni ta’ falliment, ir-riċevitur uffiċjali (epísimos paralíptis) isir l-amministratur tal-proprjetà tal-fallut. Fi stadju aktar tard, kwalunkwe prattikant liċenzjat tal-insolvenza (adeiodotiménos sýmvoulos aferengyótitas) jista’ jinħatar amministratur (diacheiristís). Il-kompitu tal-amministratur huwa li jbigħ il-proprjetà tal-fallut u li jiddistribwixxi r-rikavat lill-kredituri. Meta r-riċevitur uffiċjali jew kwalunkwe prattikant tal-insolvenza jwettaq id-dmirijiet ta’ amministratur, il-fallut iżomm is-sjieda tal-proprjetà kollha involuta fih, li madankollu tiġi immaniġġjata biss mill-amministratur mid-data tal-bidu tal-proċedimenti ta’ falliment.

Stralċ: Meta ssir ordni ta’ stralċ, jekk ma jinħatar l-ebda likwidatur mill-kredituri, ir-riċevitur uffiċjali awtomatikament isir likwidatur (ekkatharistís), sakemm ma jinħatarx prattikant liċenzjat tal-insolvenza bħala likwidatur fuq l-applikazzjoni tar-riċevitur uffiċjali lill-qorti, jew wara deċiżjoni mil-laqgħat tal-kredituri u l-kontributuri tal-kumpanija. Il-kompitu tal-likwidatur huwa li jillikwida l-proprjetà tal-kumpanija li tkun qed tiġi xolta u li jiddistribwixxi r-rikavat lill-kredituri u l-kontributorji tagħha. Ladarba r-riċevitur uffiċjali jew il-prattikant tal-insolvenza jwettaq id-dmirijiet tal-likwidatur tal-proprjetà tal-entità ġuridika fil-likwidazzjoni, anke jekk il-kumpanija żżomm is-sjieda tal-proprjetà kollha involuta fiha, il-proprjetàt tiġi mmaniġġjata biss mil-likwidatur, bl-iskop li tiġi rrealizzata, mid-data tal-bidu tal-proċedimenti ta’ stralċ.

Stralċ volontarju: Fil-każ ta’ stralċ volontarju, mill-bidu tal-proċedimenti ta’ stralċ, il-kumpanija twaqqaf in-negozju tagħha, ħlief safejn ikun meħtieġ għall-istralċ ta’ benefiċċju tagħha. Il-kompitu tal-likwidatur huwa li jillikwida l-proprjetà tal-kumpanija likwidata u jiddistribwixxi r-rikavat lill-kredituri u l-kontributorji.

  • Stralċ volontarju tal-kredituri: Il-kredituri u l-kumpanija jinnominaw, fil-laqgħat separati tagħhom, il-prattikant tal-insolvenza li jixtiequ jaħtru bħala likwidatur tal-kumpanija, iżda f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn iż-żewġ laqgħat il-persuna maħtura bħala likwidatur tkun il-prattikant tal-insolvenza nominat mill-kredituri.
  • Stralċ volontarju tal-membri: Il-kumpanija taħtar bħala likwidatur, b’deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali, prattikant tal-liċenzjat tal-insolvenza, li jieħu r-responsabbiltà għar-riżoluzzjoni tal-affarijiet tal-kumpanija u jiddistribwixxi l-proprjetà tagħha. Mal-ħatra ta’ likwidatur is-setgħat tad-diretturi jieqfu, ħlief meta f’laqgħa ġenerali tal-kumpanija jew il-likwidatur japprova l-kontinwazzjoni tagħhom.
  • Stralċ volontarju soġġett għas-superviżjoni tal-qorti: Meta tagħmel ordni għall-istralċ soġġett għas-superviżjoni, b’din l-ordni jew b’ordni sussegwenti, il-qorti tista’ taħtar likwidatur addizzjonali. Likwidatur maħtur mill-qorti għandu l-istess setgħat, huwa soġġett għall-istess obbligi u jinsab fl-istess pożizzjoni bħal likwidatur maħtur b’riżoluzzjoni speċjali jew b’deċiżjoni tal-kredituri kif deskritt hawn fuq.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija ?

Falliment: Il-leġiżlazzjoni tipprevedi li tpaċija tista’ tiġi invokata fejn ikun hemm krediti reċiproċi jew djun reċiproċi jew negozjar reċiproku ieħor bejn il-fallut u kwalunkwe persuna oħra qabel issir l-ordni ta’ falliment, sakemm fil-mument li jingħata l-kreditu l-persuna l-oħra ma kinitx konxja mill-att ta’ falliment imwettaq mill-fallut.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Falliment: Il-kuntratti legali eżistenti li l-fallut ikun parti għalihom jibqgħu fis-seħħ u l-fallut jibqa’ personalment responsabbli li jikkonforma mat-termini tagħhom.

Stralċ: Il-kuntratti legali eżistenti li kumpanija f’likwidazzjoni tkun parti għalihom jibqgħu fis-seħħ. L-istess japplika għal kuntratti legali konklużi minn kumpaniji li qed jiġu stralċjati volontarjament.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Falliment: Meta titressaq azzjoni kontra fallut wara li ssir ordni ta’ falliment, għandu jinkiseb il-permess tal-qorti biex l-azzjoni titħalla tipproċedi.

Stralċ: Meta titressaq azzjoni kontra fallut wara li ssir ordni ta’ -, għandu jinkiseb il-permess tal-qorti biex l-azzjoni titħalla tipproċedi.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Falliment: Azzjonijiet diġà pendenti kontra l-fallut ikomplu b’mod normali mingħajr ma jkollhom bżonn il-permess tal-qorti biex jitħallew jipproċedu.

Stralċ: Azzjonijiet diġà pendenti kontra kumpanija f’likwidazzjoni jistgħu jipproċedu biss bil-permess tal-qorti. L-immaniġġjar ta’ dawn l-azzjonijiet isir b’mod sħiħ kwistjoni għar-riċevitur uffiċjali jew il-likwidatur tal-kumpanija.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Falliment: Biex jieħu sehem fi proċedimenti ta’ falliment kreditur irid ikun mela l-formoli għall-prova tad-dejn (epalíthevsi chréous) u pprovda l-evidenza kollha ta’ sostenn. Ir-riċevitur uffiċjali jew il-prattikant tal-insolvenza li jaġixxi bħala amministratur imbagħad jiddeċiedi li jaċċetta jew jirrifjuta l-provi. Sussegwentement, jitħallas dividend lill-kredituri skont l-ordni ta’ prijorità stabbilita fil-Liġi dwar il-Falliment. Ladarba l-provi tagħhom ikunu ddaħħlu, il-kredituri jistgħu jipparteċipaw f’laqgħat imsejħa mir-riċevitur uffiċjali jew mill-prattikant tal-insolvenza li jillikwida l-kumpanija.

Stralċ: Biex jieħu sehem fi proċediment ta’ stralċ kreditur irid ikun mela l-formoli għall-prova tad-dejn u pprovda l-evidenza kollha ta’ sostenn. L-istess proċeduri japplikaw bħal fil-każ ta’ falliment, ħlief li hawnhekk id-dividend jiġi distribwit skont id-Dritt tal-Kumpaniji (perí Etaireión Nómos, perj 113).

L-istess japplika għall-istralċ volontarju, u b’mod partikolari għall-istralċ volontarju tal-kredituri, fejn il-kredituri jipparteċipaw direttament mill-bidu tal-proċedimenti, meta jiġu msejħa biex jipproponu likwidatur tal-għażla tagħhom.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Falliment: L-amministratur għandu s-setgħa u l-awtorità li jbigħ proprjetà immobbli bi kwalunkwe mod li huwa jqis xieraq u fl-interess tal-proċedimenti. Sussegwentement, jitħallas dividend lill-kredituri skont l-ordni ta’ prijorità stabbilita fil-Liġi dwar il-Falliment. Fil-każ ta’ proprjetà ipotekata, trid tinkiseb ordni tal-qorti.

Stralċ: Il-likwidatur ta’ kumpanija f’likwidazzjoni jista’ jbigħ il-proprjetà immobbli tal-kumpanija bi kwalunkwe mod li huwa jqis li jkun fl-interess tal-proċedimenti. Sussegwentement, jitħallas dividend lill-kredituri skont l-ordni ta’ prijorità stabbilita fid-Dritt tal-Kumpaniji. Fil-każ ta’ proprjetà ipotekata, trid tinkiseb ordni tal-qorti. L-istess regoli japplikaw għall-istralċ volontarju.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Falliment: Meta ssir ordni ta’ falliment, il-kredituri jistgħu jibagħtu prova tad-djun li jkunu saru sad-data tal-ordni ta’ falliment jew ta’ stralċ u li jkollhom x’jaqsmu ma’ pretensjonijiet ta’ ammont fiss. Talbiet li jsiru wara li ssir l-ordni ta’ falliment jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedimenti ta’ falliment u l-kredituri għandhom jieħdu azzjoni kontra l-fallut innifsu.

Stralċ: Wara li ssir ordni ta’ stralċ jew li tgħaddi riżoluzzjoni speċjali għal stralċ volontarju, il-kredituri jistgħu jibagħtu prova tad-djun li jkunu saru sad-data tal-ordni ta’ stralċ jew riżoluzzjoni speċjali u li jkollhom x’jaqsmu ma’ pretensjonijiet ta’ ammont fiss. Talbiet li jsiru wara li ssir l-ordni ta’ stralċ jew riżoluzzjoni speċjali jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedimenti ta’ stralċ u l-kredituri iridu jieħdu azzjoni kontra l-uffiċjali tal-kumpanija f’likwidazzjoni.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Falliment: Meta ssir ordni ta’ falliment, fi żmien 35 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tal-ordni, kull kreditur għandu jibgħat prova tad-dejn lir-riċevitur jew l-amministratur uffiċjali bil-miktub. Il-prova trid tagħti dettalji tad-dejn, tiddikjara l-ismijiet tal-garanti kollha u tindika jekk il-kreditur għandux garanzija. Ir-riċevitur jew l-amministratur uffiċjali irid, fi żmien għaxart ijiem, jaċċetta jew jirrifjuta l-prova, bil-miktub, għall-finijiet tad-dividend. Kreditur jew garanti li ma jkunx kuntent bid-deċiżjoni tar-riċevitur jew l-amministratur uffiċjali jista’ jikkontestaha fil-qorti fi żmien 21 jum.

Stralċ: Meta ssir ordni ta’ stralċ, fi żmien 35 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tal-ordni, kull kreditur għandu jibgħat prova tad-dejn lir-riċevitur jew il-likwidatur uffiċjali bil-miktub. Il-prova trid tagħti dettalji tad-dejn, tiddikjara l-ismijiet tal-garanti kollha u tindika jekk il-kreditur għandux garanzija. Ir-riċevitur jew il-likwidatur uffiċjali għandu, fi żmien għaxart ijiem, jaċċetta jew jirrifjuta l-prova, bil-miktub, għall-finijiet tad-dividend. Kreditur jew garanti li ma jkunx kuntent bid-deċiżjoni tar-riċevitur jew il-likwidatur uffiċjali jista’ jikkontestaha fil-qorti fi żmien 21 jum. L-istess regoli japplikaw għall-istralċ volontarju.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Falliment: Meta jiġi mqassam il-patrimonju tal-falliment id-djun jiġu kklassifikati ugwalment u b’mod proporzjonali f’kull kategorija (ir-"regola pari passu"), sakemm il-patrimonju ma jkunx biżżejjed biex iħallas totalment lil kulħadd. Il-pretensjonijiet huma kklassifikati kif ġej:

  • Infiq u remunerazzjoni reali tal-amministratur
  • Tariffi dovuti lir-riċevitur uffiċjali
  • Spejjeż imġarrba minn kreditur li huwa petizzjonant
  • Djun preferuti
  • Djun mhux garantiti

Stralċ: Meta jiġi distribwit il-patrimonju tal-likwidazzjoni id-djun jiġu kklassifikati ugwalment u b’mod proporzjonali f’kull kategorija (ir-"regola pari passu"), sakemm il-patrimonju ma jkunx biżżejjed biex iħallas totalment lil kulħadd. Il-pretensjonijiet huma kklassifikati kif ġej:

  • Infiq u remunerazzjoni reali tal-likwidatur
  • Tariffi dovuti lir-riċevitur uffiċjali jew lil-likwidatur
  • Spejjeż imġarrba minn kreditur li huwa petizzjonant
  • Djun preferuti
  • Imposti flessibbli
  • Kredituri mhux garantiti

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

Falliment: Il-fallut jista’ jissottometti proposta bil-miktub għal proċedura li twassal għal stralċ (symvivasmós) mal-kredituri tiegħu lir-riċevitur jew l-amministratur uffiċjali. Issir laqgħa tal-kredituri li fiha l-iskema trid tkun approvata b’maġġoranza fin-numru u tliet kwarti fil-valur tal-kredituri kollha li jkunu taw prova tad-djun tagħhom. Jekk il-kredituri jaċċettaw il-proposta, il-fallut jew ir-riċevitur jew l-amministratur uffiċjali jitlob lill-qorti biex tapprovaha. L-approvazzjoni mill-qorti torbot lill-kredituri kollha li jkunu taw prova tad-djun tagħhom. Meta jiġu ssodisfati t-termini tal-proċedura li twassal għal stralċ, id-djun ippruvati jitqiesu li jkunu ġew issodisfati b’mod sħiħ.

L-għeluq sħiħ tal-proċedimenti ta’ falliment iseħħ meta l-ordni ta’ falliment tiġi annullata.

Stralċ: L-għeluq sħiħ tal-proċedimenti ta’ stralċ iseħħ meta jkun hemm ix-xoljiment finali jew meta l-ordni ta’ stralċ tiġi annullata.

Il-proċedimenti ta’ stralċ volontarju jingħalqu u l-kumpanija likwidata tiġi finalment xolta tliet xhur wara li r-riċevitur uffiċjali jaslulu l-kontijiet finali tal-kumpanija, li jitfasslu wara li tkun tlestiet kwalunkwe likwidazzjoni u distribuzzjoni tal-proprjetà tal-kumpanija.

Madankollu, jekk xi ħadd ikollu interess legali li jerġa’ jagħti l-ħajja lil kumpanija li tkun ġiet xolta wara stralċ volontarju jew b’ordni tal-qorti, jista’ jagħmel dan fi żmien sentejn wara x-xoljiment, billi jippreżenta applikazzjoni f’dan is-sens quddiem il-qorti.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Falliment: Fil-każ ta’ annullament tal-ordni ta’ falliment, fejn il-kredituri jkunu taw il-kunsens tagħhom mingħajr ma jkunu rċevew ħlas sħiħ, dawk il-kredituri għandhom id-dritt li jitolbu l-ammonti dovuti wara l-annullament tal-ordni.

Stralċ: Fil-każ ta’ annullament tal-ordni ta’ stralċ, fejn il-kredituri jkunu taw il-kunsens tagħhom mingħajr ma jkunu rċevew ħlas sħiħ, dawk il-kredituri għandhom id-dritt li jitolbu l-ammonti dovuti wara l-annullament tal-ordni.

Jekk xi ħadd ikollu interess legali li jerġa’ jagħti l-ħajja lil kumpanija li tkun ġiet xolta wara stralċ volontarju jew b’ordni tal-qorti, jista’ jagħmel dan fi żmien sentejn wara x-xoljiment, billi jippreżenta applikazzjoni f’dan is-sens quddiem il-qorti.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Falliment: L-ispiża biex issir l-ordni ta’ falliment titħallas mill-kreditur li jressaq petizzjoni għall-ordni. L-ispejjeż pagabbli lir-riċevitur uffiċjali jammontaw għal EUR 500. L-ispejjeż imġarrba matul il-proċedimenti ta’ falliment jitħallsu mill-patrimonju tal-falliment.

Stralċ: L-ispiża biex issir l-ordni ta’ stralċ titħallas mill-kreditur li jressaq petizzjoni għall-ordni. L-ispejjeż pagabbli lir-riċevitur uffiċjali jammontaw għal EUR 500. L-ispejjeż imġarrba matul il-proċedimenti għall-istralċ, il-likwidazzjoni u d-distribuzzjoni tal-proprjetà tal-kumpanija jitħallsu mill-patrimonju tal-likwidazzjoni.

L-ispiża tas-sottomissjoni u r-reġistrazzjoni ta’ dokumenti relatati ma’ proċedimenti ta’ stralċ volontarju mar-riċevitur uffiċjali tammonta għal total ta’ madwar EUR 440. L-ispejjeż imġarrba matul il-proċedimenti għall-istralċ, il-likwidazzjoni u d-distribuzzjoni tal-proprjetà tal-kumpanija jitħallsu mill-patrimonju tal-likwidazzjoni.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Falliment: Ċerti dispożizzjonijiet li japplikaw għall-proċedimenti ta’ falliment jippermettu lill-amministratur japplika quddiem il-qorti sabiex jitlob l-irkupru ta’ proprjetà għall-benefiċċju tal-kredituri. Id-dispożizzjonijiet ewlenin huma dawn li ġejjin:

Α. Trasferiment doluż (dólia metavívasi):

Jekk l-amministratur jew il-likwidatur ikollu evidenza li l-proprjetà ta’ kumpanija jew persuna fiżika tkun ġiet trasferita jew mingħajr korrispettiv jew sostanzjalment taħt il-valur reali tagħha, huwa jista’ japplika quddiem il-qorti għal ordni li twarrab it-trasferiment doluż jew att frodulenti.

Sabiex din id-dispożizzjoni tapplika, it-trasferiment irid ikun seħħ: (a) fi żmien tliet snin qabel id-data ta’ falliment, sakemm ma kienx in bona fide u kellu korrispettiv ta’ valur, jew (b) fi żmien għaxar snin qabel il-falliment, fejn fil-ħin tat-trasferiment il-persuna fiżika kkonċernata ma tkunx setgħet tħallas id-djun kollha tagħha mingħajr l-għajnuna tal-proprjetà trasferita. Fil-każ ta’ kumpanija f’likwidazzjoni, sabiex att ikun meqjus bħala frodulenti, dan irid ikun sar fi żmien sitt xhur qabel il-bidu tal-likwidazzjoni, li hija d-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-petizzjoni għall-istralċ.

Β. Preferenza frodulenti (dólia protímisi):

Jekk l-amministratur jew il-likwidatur ikollu evidenza li kreditur ikun irċieva trattament preferenzjali, huwa jista’ japplika quddiem il-qorti għal deċiżjoni li twarrab dak it-trattament.

Stralċ: Ċerti dispożizzjonijiet li japplikaw għall-proċedimenti ta’ stralċ jippermettu li l-likwidatur japplika quddiem il-qorti sabiex jitlob l-irkupru ta’ proprjetà għall-benefiċċju tal-kredituri. Id-dispożizzjonijiet ewlenin huma dawn li ġejjin:

Α. Trasferiment doluż:

Jekk l-amministratur jew il-likwidatur ikollu evidenza li l-proprjetà ta’ kumpanija jew persuna fiżika tkun ġiet trasferita jew mingħajr korrispettiv jew sostanzjalment taħt il-valur reali tagħha, huwa jista’ japplika quddiem il-qorti għal ordni li twarrab it-trasferiment doluż jew att frodulenti.

Sabiex din id-dispożizzjoni tapplika, it-trasferiment irid ikun seħħ: (a) fi żmien tliet snin qabel id-data ta’ falliment, sakemm ma kienx in bona fide u kellu korrispettiv ta’ valur, jew (b) fi żmien għaxar snin qabel id-falliment, fejn fil-ħin tat-trasferiment il-persuna fiżika kkonċernata ma tkunx setgħet tħallas id-djun kollha tagħha mingħajr l-għajnuna tal-proprjetà trasferita. Fil-każ ta’ kumpanija f’likwidazzjoni, sabiex att ikun meqjus bħala frodulenti, dan irid ikun sar fi żmien sitt xhur qabel it-tnedija tal-likwidazzjoni, li hija d-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-petizzjoni għall-istralċ.

Β. Preferenza frodulenti:

Jekk l-amministratur jew il-likwidatur ikollu evidenza li kreditur ikun irċieva trattament preferenzjali, huwa jista’ japplika quddiem il-qorti għal deċiżjoni li tannula dan it-trattament.

L-aħħar aġġornament: 07/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.