Insolvenza/falliment

il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Il-proċedimenti ta’ qabel il-falliment u ta’ falliment jistgħu jitressqu kontra persuni ġuridiċi kif ukoll kontra l-assi ta’ debitur individwali sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor bil-liġi. Debitur individwali għall-finijiet tal-Att dwar il-Fallimenti (Stečajni zakon) – "SZ") huwa persuna fiżika soġġetta għal taxxa fuq id-dħul minn attività ta’ persuna li taħdem għal rasha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (Zakon o porezu na dohodak) jew persuna fiżika soġġetta għat-taxxa korporattiva fuq id-dħul skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar it-Taxxa Korporattiva fuq id-Dħul (Zakon o porezu na dobit).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

a) Il-proċedimenti ta’ qabel il-falliment jistgħu jinfetħu jekk il-qorti tistabbilixxi l-eżistenza ta’ insolvenza imminenti, jiġifieri l-qorti tikkonkludi li d-debitur ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligazzjonijiet eżistenti fid-data li jkunu dovuti fiha.

L-insolvenza titqies li tkun imminenti jekk ikunu għadhom ma nqalgħux iċ-ċirkostanzi li minħabba fihom id-debitur ikun jitqies insolventi u jekk:

- fir-Reġistru tal-ordni ta’ prijorità tal-obbligazzjonijiet tal-ħlas miżmumu mill-Aġenzija Finanzjarja (Financijska agencija), id-debitur ikollu obligazzjoni waħda jew aktar mhux issodisfati rreġistrati li għalihom kien hemm bażi valida għall-ħlas u li kien jenħtieġ li jinġabru, mingħajr approvazzjoni oħra mid-debitur, minn kwalunkwe wieħed mill-kontijiet tiegħu, jew

- id-debitur ikun aktar minn 30 jum tard bil-ħlas ta’ salarji lill-impjegati skont kuntratt ta’ xogħol, regolamenti tax-xogħol, ftehim kollettiv jew regolamenti speċjali, jew dokument ieħor li jirregola l-obbligi ta’ min iħaddem lejn l-impjegati, jew

- id-debitur jonqos milli jħallas il-kontribuzzjonijiet u t-taxxi fi żmien 30 jum għas-salarji msemmija fis-subparagrafu preċedenti, li jibdew jgħoddu mid-data meta kien meħtieġ iħallas is-salarji lill-impjegati.

b) Il-proċedimenti ta’ falliment jistgħu jinbdew jekk il-qorti tistabbilixxi l-eżistenza ta’ raġunijiet għall-falliment, jiġifieri insolvenza jew dejn żejjed.

L-insolvenza tkun teżisti jekk b’mod kontinwu d-debitur ma jkunx kapaċi jissodisfa l-obbligazzjonijiet finanzjarji pendenti tiegħu. Il-fatt li d-debitur ikun issodisfa jew ikun jista’ jissodisfa b’mod sħiħ jew b’mod parzjali l-pretensjonijiet ta’ wħud mill-kredituri ma jikkwalifikax lid-debitur bħala solventi.

Id-debitur jitqies insolventi:

− jekk, fir-Reġistru tal-ordni ta’ prijorità tal-obbligazzjonijiet tal-ħlas miżmum mill-Aġenzija Finanzjarja, ikollu obbligazzjoni waħda jew aktar mhux issodisfati rreġistrati, dovuti għal aktar minn 60 jum, li għalihom ikun hemm bażi valida għall-ħlas u li kien jenħtieġ li jinġabru, mingħajr approvazzjoni oħra mid-debitur, minn kwalunkwe wieħed mill-kontijiet tiegħu

− jekk ma jkunx ħallas tliet salarji konsekuttivi lill-impjegati tiegħu taħt kuntratt ta’ xogħol, regolamenti tax-xogħol, ftehim kollettiv jew regolamenti speċjali jew dokument ieħor li jirregola l-obbligi ta’ min iħaddem lejn l-impjegati.

Id-dejn żejjed jitqies li jkun jeżisti jekk l-assi tad-debitur, bħala persuna ġuridika, ma jibqgħux ikopru l-obbligazzjonijiet eżistenti tiegħu.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Fil-proċedimenti tal-falliment, il-patrimonju tal-falliment jinkludi l-assi totali li huma proprjetà tad-debitur meta jkunu nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment u l-assi akkwistati mid-debitur matul il-proċedimenti ta’ falliment. Il-patrimonju tal-falliment jintuża biex jissodisfa l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ falliment u pretensjonijiet tal-kredituri tad-debitur u pretensjonijiet li s-saldu tagħhom ikun ġie garantit b’ċerti drittijiet fuq l-assi tad-debitur.

L-użu liberu tal-assi mill-patrimonju tal-falliment minn persuni li qabel kienu awtorizzati biex jirrappreżentaw lid-debitur skont il-liġi, jew mid-debitur individwali wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, ma għandu l-ebda effett legali, ħlief għall-użu li huwa rregolat mir-regoli ġenerali li jżommu l-prinċipju ta’ fiduċja fir-reġistri pubbliċi. Il-korrispettiv jiġi rritornat lill-kontroparti mill-patrimonju tal-falliment jekk ikun żied il-valur tal-patrimonju tal-falliment.

Jekk id-debitur individwali jkun akkwista wirt jew legat qabel il-ftuħ jew matul il-proċedimenti ta’ falliment, id-debitur biss huwa intitolat li jaċċetta jew jirrinunzja l-wirt jew il-legat.

Jekk debitur jifforma koproprjetà jew kwalunkwe relazzjoni legali oħra jew sħubija ma’ persuna terza, id-distribuzzjoni tal-assi ssir barra mill-proċedimenti ta’ falliment. Jista’ jintalab saldu separat mis-sehem tad-debitur għas-saldu ta’ obbligazzjonijiet li joħorġu minn dik ir-relazzjoni.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

a) Proċediment ta’ qabel il-falliment – ir-rekwiżiti għall-ħatra ta’ fidjuċjarju huma l-istess bħal dawk għall-ħatra ta’ likwidatur. Jekk tqis li jkun meħtieġ, il-qorti taħtar fiduċjarju bid-deċiżjoni tagħha dwar il-bidu tal-proċedimenti ta’ qabel il-falliment. Id-dmirijiet tal-fiduċjarju jieqfu fid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-konferma ta’ ftehim ta’ qabel il-falliment, fid-data tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment jew bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-kredituri.

Il-fiduċjarju fil-proċedimenti ta’ qabel il-falliment huwa meħtieġ li:

1. jeżamina l-operazzjonijiet tan-negozju tad-debitur

2. jeżamina l-lista tal-assi u obbligazzjonijiet tad-debitur

3. jeżamina l-kredibbiltà tal-pretensjonijiet irreġistrati

4. jikkontesta l-pretensjonijiet jekk, fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-kredituri jew xi raġunijiet oħra, ikollu dubji dwar il-veraċità tagħhom

5. jissorvelja l-operazzjonijiet tan-negozju tad-debitur, b’mod partikolari l-operazzjonijiet finanzjarji tagħhom, l-istabbiliment tal-obbligazzjonijiet lejn partijiet terzi, il-ħruġ ta’ strumenti ta’ assigurazzjoni tal-ħlas u l-attivitajiet tan-negozju fil-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, filwaqt li jiġi żgurat li ma ssirx ħsara lill-assi tad-debitur

6. iressaq ilment quddiem il-qorti jekk id-debitur jaġixxi bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 67 tal-SZ

7. joħroġ ordnijiet u ċertifikati skont l-Artikoli 69 u 71 tal-SZ

8. jiżgura li l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ qabel il-falliment jiġu ssodisfati kompletament u fil-ħin

9. imexxi attivitajiet oħra skont l-SZ.

Mid-data meta jinfetħu l-proċedimenti ta’ qabel il-falliment sal-konklużjoni tagħhom, id-debitur jista’ jagħmel ħlasijiet biss li huma meħtieġa għall-operazzjonijiet regolari tiegħu tan-negozju. F’dan il-perjodu, id-debitur ma jistax jissodisfa l-obbligazzjonijiet li kienu mġarrba u saru dovuti qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ qabel il-falliment ħlief obbligazzjonjiet ta’ ħlass gross lejn l-impjegati u l-eks impjegati tad-debitur li jirriżultaw mir-relazzjoni tax-xogħol fejn il-pretensjonijiet ikunu saru dovuti sad-data ta’ meta nfetħu l-proċedimenti ta’ qabel il-falliment, il-ħlas tat-terminazzjoni sal-ammont stipulat mil-liġi u l-ftehimiet kollettivi, il-pretensjonijiet ta’ ħsara minħabba korriment imġarrab fuq ix-xogħol jew mard relatat max-xogħol, u l-pretensjonijiet ibbażati fuq is-salarji tal-impjegati miżjuda bl-ammont ta’ kontribuzzjonijiet bażi u drittijiet sostantivi oħra tal-impjegati skont kuntratti ta’ xogħol u ftehimiet kollettiv li jkunu saru dovuti wara t-tressiq tal-proposta biex jinfetħu l-proċedimenti ta’ qabel il-falliment, kif ukoll ħlasijiet oħra meħtieġa għall-operazzjonijiet regolari tan-negozju kif stabbiliti b’liġi speċjali.

Mid-data meta titressaq il-proposta biex jinfetħu proċedimenti ta’ qabel il-falliment sakemm tinħareġ id-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ qabel il-falliment, id-debitur ma jistax ineħħi jew jaggrava l-assi tiegħu ħlief fuq il-bażi ta’ approvazzjoni minn qabel mill-fiduċjarju, jew il-qorti jekk ma jkunx inħatar fiduċjarju.

b) Proċedimenti ta’ falliment – il-likwidatur fil-proċedimenti ta’ falliment jintgħażel b’mod każwali mil-lista "A" tal-likwidaturi għat-territorju kopert mill-qorti kompetenti, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fl-SZ. Fuq il-bażi ta’ din l-għażla, il-qorti taħtar il-likwidatur fid-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment. Bħala eċċezzjoni, jekk ikun inħatar fiduċjarju fil-proċedimenti ta’ falliment qabel il-proċedimenti ta’ falliment jew jekk ikun inħatar likwidatur proviżorju fil-proċedimenti ta’ falliment, il-qorti taħtar il-fiduċjarju, jew il-likwidatur proviżorju, bħala l-likwidatur.

Il-likwidatur ikun involut fid-drittijiet u l-obbligi tal-korpi korporattivi tad-debitur, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-SZ Jekk id-debitur ikompli jmexxi l-operazzjonijiet tan-negozju matul il-proċedimenti ta’ falliment skont l-Artikolu 217(2) tal-SZ, il-likwidatur jimmaniġġja l-operazzjonijiet tan-negozju.

Il-likwidatur jirrappreżenta lid-debitur. Il-likwidatur jimmaniġġja biss dawk l-operazzjonijiet ta’ debitur individwali li jikkonċernaw il-patrimonju tal-falliment u jirrappreżenta lid-debitur bis-setgħat ta’ rappreżentant legali.

Il-likwidatur huwa obbligat li jaġixxi b’kuxjenza u b’mod ordnat, u b’mod partikolari

1. jorganizza r-rekords tal-kontabbilità sad-data tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment

2. jiġbor stima preliminari tal-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ falliment u li jwassalha lill-kumitat tal-kredituri għall-approvazzjoni

3. li jistabbilixxi kumitat għall-inventarju tal-assi

4. li jiġbor bilanċ inizjali tal-assi tad-debitur

5. li jimmaniġġja bid-diliġenza dovuta l-konklużjoni tal-operazzjonijiet mibdija iżda mhux mitmuma tad-debitur u l-operazzjonijiet meħtieġa għall-prevenzjoni tal-ħsara lill-assi tad-debitur

6. li jiżgura t-twettiq tal-pretensjonijiet tad-debitur

7. li jwettaq b’kuxjenza l-operazzjonijiet tan-negozju tad-debitur imsemmija fl-Artikolu 217(2) tal-SZ

8. li jwassal lill-Istitut Kroat għall-Assigurazzjoni tal-Pensjonijiet id-dokumenti relatati mal-istatus tal-liġi dwar ix-xogħol tal-benefiċjarji

9. li jwettaq jew jiġbor bid-diliġenza dovuta l-proprjetà u d-drittijiet tad-debitur li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-falliment

10. li jipprepara t-tqassim għall-kredituri u jesegwixxi t-tqassim wara l-approvazzjoni

11. li jagħti kont finali lill-kumitat tal-kredituri

12. li jagħmel distribuzzjonijiet sussegwenti lill-kredituri

13. li wara l-konklużjoni tal-proċedimenti ta’ falliment jirrappreżenta l-patrimonju tal-falliment skont l-SZ.

Il-likwidatur irid jippreżenta rapporti bil-miktub dwar il-kors tal-proċedimenti ta’ falliment u dwar il-bilanċ tal-patrimonju tal-falliment, fuq formola standard mill-inqas darba kull tliet xhur.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija?

Jekk, fil-mument tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, il-kreditur, skont il-liġi jew kuntratt, kien intitolat għal tpaċija, il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment ma jkollu l-ebda effett fuq dak id-dritt.

Jekk, fil-ħin tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, ikun hemm pretensjoni waħda jew aktar li jkollhom jiġu mpaċija taħt kundizzjoni sospensiva, jew ma jkunux dovuti jew ma jkunux maħsuba li jitwettqu bl-istess mod, it-tpaċija sseħħ meta jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet meħtieġa. Għat-tpaċija ma tapplikax ir-regola li tistipula li l-pretensjonijiet pendenti jsiru dovuti mal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, u li pretensjonijiet mhux finanzjarji jew pretensjonijiet għal ammont monetarju mhux speċifikat ikunu stabbiliti bil-valur monetarju li jkunu ġew stmati bih dak iż-żmien meta jkunu nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment. Jekk il-pretensjoni li jkollha tintuża għat-tpaċija ssir inkondizzjonata u dovuta qabel ma tkun possibbli t-tpaċija, it-tpaċija tiġi eskluża.

It-tpaċija mhijiex eskluża għal pretensjonijiet iddenominati f’muniti jew unitajiet tal-kontijiet differenti sakemm dawn il-muniti jew unitajiet tal-kontijiet jistgħu jiġu skambjati faċilment fil-post tas-saldu tal-pretensjoni użata għat-tpaċija. Il-konverżjoni titwettaq skont ir-rata tal-kambju valida fil-post tas-saldu fil-mument meta tasal id-dikjarazzjoni dwar it-tpaċija.

It-tpaċija tkun inammissibbli:

1. jekk l-obbligazzjoni tal-kreditur lejn il-patrimonju tal-falliment tkun seħħet biss wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment

2. jekk il-pretensjoni tkun ġiet ċeduta lill-kreditur minn kreditur ieħor biss wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment

3. jekk il-kreditur ikun akkwista l-pretensjoni tiegħu b’assenjazzjoni fl-aħħar sitt xhur qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, jew jekk il-proċedimenti ta’ qabel il-falliment ma jkunux infetħu fl-aħħar sitt xhur qabel il-jum tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment u l-kreditur kien jaf jew kellu jkun jaf li d-debitur kien sar insolventi, jew li kienet ġiet ippreżentata proposta biex jinfetħu l-proċedimenti ta’ qabel il-falliment jew proċedimenti ta’ falliment kontra d-debitur. B’deroga, it-tpaċija tkun permessa jekk il-pretensjoni tkun ġiet assenjata fir-rigward tas-sodisfar ta’ kuntratt li ma jkunx ġie ssodisfat jew jekk id-dritt li tiġi ssodisfata l-pretensjoni jkun reġa’ ġie akkwistat minn sfida ta’ suċċess kontra tranżazzjoni legali ta’ debitur.

4. jekk il-kreditur ikun akkwista d-dritt tat-tpaċija permezz ta’ att legali annullabbli.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Jekk, fil-ħin tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, id-debitur u l-kontroparti tiegħu għall-kuntratt ma jkunux wettqu jew ma jkunux wettqu b’mod sħiħ kuntratt bilateralment vinkolanti, il-likwidatur jista’ jwettaq il-kuntratt minflok id-debitur u jesiġi li l-parti l-oħra twettaq il-kuntratt. Jekk il-likwidatur jirrifjuta li jwettaq il-kuntratt, il-parti l-oħra tista’ twettaq il-pretensjoni tagħha minħabba inadempjenza bħala kreditur tal-falliment biss. Jekk il-parti l-oħra għall-kuntratt issejjaħ il-likwidatur biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar id-dritt tiegħu li jagħżel, il-likwidatur irid minnufih, u mhux aktar tard minn wara s-smigħ tar-rappurtar, jinnotifika lill-parti l-oħra permezz ta’ posta rreġistrata dwar jekk ikollux il-ħsieb jitlob it-twettiq tal-kuntratt. B’deroga, jekk il-parti l-oħra tkun sofriet ħsara sinifikanti mill-ħin tas-smigħ tar-rappurtar u tkun infurmat lil-likwidatur dwar dan, il-likwidatur huwa obbligat jinnotifika lill-parti l-oħra fi żmien tmint ijiem permezz ta’ posta rreġistrata jekk ikunx se jitlob li jitwettaq il-kuntratt. Jekk jonqos milli jagħmel dan, il-likwidatur ma jkunx awtorizzat jitlob it-twettiq tal-kuntratt.

Jekk il-prestazzjonijiet dovuti jkunu diviżibbli, u jekk il-parti l-oħra tkun issodisfat b’mod parzjali l-obbligi ta’ prestazzjoni tagħha fil-ħin tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, dik il-parti tkun intitolata teżerċita d-dritt tagħha għal korrispettiv li jikkorrispondi għat-twettiq parzjali bħala kreditur ta’ falliment anki jekk il-likwidatur ikun talab it-twettiq tal-parti li jkun fadal. Minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-dritt tagħha għal korrispettiv, il-parti l-oħra ma tkunx intitolata titlob ir-ritorn tal-valur miżjud lill-assi tad-debitur permezz tat-twettiq parzjali tagħha.

Jekk tkun iddaħlet riżerva f’reġistru tal-artijiet bil-għan li tiġi garantita l-pretensjoni għal akkwist jew revoka ta’ drittijiet fuq waħda mill-proprjetajiet tad-debitur, jew fuq wieħed mid-drittijiet imdaħħla favur debitur, jew biex tiġi garantita l-pretensjoni għal bidla fil-kontenut jew il-prijorità ta’ dak id-dritt, il-kreditur jista’ jissodisfa l-pretensjoni tiegħu bħala kreditur mill-patrimonju tal-falliment. Dan japplika wkoll jekk id-debitur ikun assuma l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha lejn il-kreditur fejn wara jkun naqas milli jissodisfahom b’mod sħiħ jew b’mod parzjali. Din id-dispożizzjoni tapplika b’analoġija għar-riżervi fir-reġistru tal-bastimenti, ir-reġistru tal-vapuri li jkunu qed jinbnew jew ir-reġistru tal-ajruplani.

Jekk, qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, id-debitur ikun biegħ il-proprjetà mobbli tiegħu biż-żamma tat-titolu u jkun ta l-proprjetà fil-pussess tax-xerrej, ix-xerrej jista’ jitlob it-twettiq tal-kuntratt tax-xiri u l-bejgħ. Dan japplika wkoll jekk id-debitur ikun assuma aktar obbligazzjonijiet favur ix-xerrej li ma jkunx għadu ssodisfa b’mod sħiħ jew li jkun issodisfa b’mod parzjali biss. Jekk, qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, id-debitur ikun xtara proprjetà immobbli biż-żamma tat-titolu u jkun rċeviha fil-pussess mill-bejjiegħ, il-likwidatur ikollu d-dritt tal-għażla skont l-Artikolu 181 tal-SZ.

Il-kiri ta’ proprjetà immobbli jew bini ma jiqafx bil-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment. Dan japplika wkoll għar-relazzjonijiet tal-kiri li d-debitur ikun ikkonkluda bħala kerrej relatati ma’ oġġetti li għal skopijiet ta’ assigurazzjoni jkunu ġew trasferiti lil persuna terza li tkun iffinanzjat l-akkwist jew il-produzzjoni tagħhom. Id-drittijiet li jirrelataw mal-ħin qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, kif ukoll għad-dannu mġarrab mit-terminazzjoni bikrija tal-kuntratt, jistgħu jiġu eżerċitati biss mill-parti l-oħra bħala kreditur tal-falliment.

Il-likwidatur jista’ jikkanċella l-kiri ta’ proprjetà immobbli jew bini li d-debitur ikun ikkuntratta bħala kerrej irrispettivament mit-terminu kuntrattat u soġġett għall-perjodu ta’ avviż legali. Jekk il-likwidatur jiddikjara l-kanċellazzjoni, il-parti l-oħra, bħala kreditur tal-falliment, tista’ titlob kumpens minħabba t-terminazzjoni bikrija tal-kuntratt. Jekk fil-mument tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment id-debitur ma jkunx ħa f’idejh il-proprjetà immobbli jew bini, il-likwidatur u l-parti l-oħra jistgħu jirtiraw mill-kuntratt. Jekk jirtira l-likwidatur, il-parti l-oħra tista’, bħala kreditur tal-falliment, titlob kumpens għad-danni minħabba t-terminazzjoni bikrija tal-kuntratt. Kull parti hija obbligata, fuq talba tal-parti l-oħra u fi żmien 15-il jum, li tinforma lill-parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tirtira mill-kuntratt. F’każ ta’ nuqqas ta’ dan, il-parti titlef id-dritt tagħha għall-irtirar.

Jekk id-debitur, bħala l-kerrej tal-proprjetà immobbli jew bini qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, kellu pretensjonijiet relatati ma’ relazzjonijiet tal-kiri għal perjodu ta’ żmien futur, dan ikollu effett legali safejn jirrigwarda l-kiri għax-xahar kalendarju attwali fil-ħin tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment. Jekk il-proċedimenti ta’ falliment jinfetħu wara l-ħmistax-il jum tax-xahar, iż-żamma tal-pretensjonijiet wkoll ikollha effett legali għax-xahar kalendarju li jmiss u tirrelata speċifikament mal-ħlas tal-kiri u tal-lokazzjoni. Il-pretensjonijiet miżmuma fuq il-bażi ta’ infurzar huma ekwivalenti għal pretensjonijiet kuntrattwali.

F’isem id-debitur bħala l-lokatur, il-likwidatur jista’ jikkanċella r-relazzjoni tal-kiri jew tal-lokazzjoni f’perjodu ta’ avviż legali irrispettivament mill-perjodu tal-avviż ikkuntrattat.

Il-parti terza li l-likwidatur ikun ttrasferixxa lilha l-proprjetà immobbli jew il-bini li kienu mikrija mid-debitur, u li għalhekk tidħol f’kuntratt tal-kiri minflok id-debitur, tista’ tikkanċella dak il-kuntratt f’perjodu ta’ avviż definit legalment.

Jekk id-debitur ikun il-kerrej, il-parti l-oħra fil-kuntratt ma tistax tikkanċella l-kuntratt tal-kiri wara li tkun ġiet ippreżentata l-proposta biex jinbdew proċedimenti ta’ falliment:

1. minħabba dewmien fil-ħlas tal-kiri mġarrab qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment

2. minħabba deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur.

Il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment ma jirriżultax fit-terminazzjoni ta’ kuntratti tax-xogħol jew kuntratti ta’ servizz mad-debitur. Il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment huwa raġuni speċjali ġustifikabbli għall-kanċellazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol. Wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, il-likwidatur, f’isem id-debitur (bħala min iħaddem), u l-impjegat jista’ jikkanċella l-kuntratt tax-xogħol, irrispettivament mit-terminu kuntrattat tal-kuntratt u irrispettivament minn dispożizzjonijiet legali jew kuntrattwali dwar il-protezzjoni tal-impjegati. Il-perjodu ta’ avviż huwa ta’ xahar sakemm il-liġi ma tipprovdix għal terminu iqsar. Jekk l-impjegati jqisu li l-kanċellazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol tagħhom ma tkunx skont il-liġi, jistgħu jitolbu protezzjoni tad-drittijiet tagħhom skont l-Att dwar ix-Xogħol (Zakon o radu).

Il-likwidatur jista’, abbażi tal-approvazzjoni tal-qorti, jikkonkludi kuntratti ġodda tax-xogħol ta’ żmien fiss mingħajr ir-restrizzjonijiet li huma stabbiliti fir-regoli ġenerali dwar ix xogħol għal kuntratti tax-xogħol ta’ żmien fiss sabiex jispiċċa l-operazzjonijiet tan-negozju li jkunu diġà bdew u biex tiġi evitata xi ħsara possibbli. Il-likwidatur jispeċifika s-salarji u benefiċċji oħra mill-impjieg, abbażi tal-approvazzjoni tal-qorti u skont il-liġi u l-ftehim kollettiv. Is-salarji u l-benefiċċji mill-impjieg li l-impjegati jkunu saru intitolati għalihom wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment jiġu ssodisfata bħala obbligazzjonijiet tal-patrimonju tal-falliment.

Id-dritt ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati jieqaf bil-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment. Il-ftehimiet mal-kunsill tal-ħaddiema mhumiex vinkolanti fuq il-likwidatur.

L-ordnijiet tad-debitur relatati mal-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-falliment ma jibqgħux validi mal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment. Jekk il-persuna li tirċievi ordni ma kinitx taf bil-proċedimenti ta’ falliment mingħajr ħtija u tkompli bl-attivitajiet tagħha, l-ordni titqies li tkun għadha fis-seħħ. Il-pretensjonijet ta’ persuna li tirċievi l-ordni fir-rigward ta’ attivitajiet kontinwi bħal dawn jiġu ssodisfati bħala pretensjonijiet tal-kreditur tal-falliment. Bl-iskop li tirrimedja l-ħsara, il-persuna li tirċievi l-ordni trid tkompli bl-attivitajiet tagħha wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment sakemm il-likwidatur jassumi l-attivitajiet. ll-pretensjonijiet tal-persuna li tirċievi l-ordni relatata ma’ dawn l-attivitajiet jiġu ssodisfati bħala pretensjonijiet tal-kredituri mill-patrimonju tal-falliment.

L-offerti magħmula lid-debitur jew offerti magħmula mid-debitur ma jibqgħux validi fil-jum tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment ħlief jekk ikunu ġew aċċettati qabel dak il-jum.

Fir-rigward tal-kuntratti tan-negozju li bihom xi ħadd ikun impenja ruħu li jwettaq ċerti servizzi f’isem id-debitur u fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tad-debitur fir-rigward tal-assi li jidħlu fil-patrimonju tal-falliment u fejn dik l-awtorizzazzjoni ma tibqax valida mal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, bl-iskop li tirrimedja l-ħsara, il-persuna li tirċievi l-ordni trid tkompli bit-twettiq tal-attivitajiet anki wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment sakemm il-likwidatur jassumi t-twettiq tal-attivitajiet. Il-pretensjonijiet tal-persuna li tirċievi l-ordni li jirriżultaw mill-attivitajiet kontinwi jiġu ssodisfati bħala t-talbiet tal-kredituri mill-proprjetà tal-falliment.

Id-dispożizzjonijiet kuntrattwali li minn qabel ikunu jeskludu jew jillimitaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-SZ ma għandhom l-ebda effett legali.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

a) Proċedimenti ta’ qabel il-falliment – l-ebda proċedimenti ta’ infurzar, amministrattivi jew ta’ sigurtà ma jistgħu jitressqu kontra d-debitur mill-jum tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ qabel il-falliment sal-għeluq tagħhom. Kwalunkwe proċedimenti bħal dawn li huma pendenti jiġu sospiżi fil-jum li fih jinfetħu l-proċedimenti ta’ qabel il-falliment. Il-proċedimenti sospiżi jkomplu mal-proposta tal-kredituri:

- wara l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ qabel il-falliment – fir-rigward ta’ pretensjonijiet jew parti minn pretensjonijiet li ġew ikkontestati fil-proċedimenti ta’ qabel il-falliment

- wara deċiżjoni finali li twaqqaf il-proċedimenti ta’ qabel il-falliment.

Dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-proċedimenti mhux affettwati mill-proċedimenti ta’ qabel il-falliment, jew għall-proċedimenti għas-saldu ta’ pretensjonijiet li jkunu saru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ qabel il-falliment.

Fil-proċedimenti ta’ quddiem qorti li fihom tkun ġiet ordnata s-sospensjoni tal-proċedimenti minħabba l-ftuħ tal-proċeduri ta’ qabel il-falliment u li, sussegwentement, tkun ingħatat deċiżjoni finali li tikkonferma l-ftehim ta’ qabel il-falliment li jkun kopra l-pretensjoni tal-kreditur, il-qorti tkompli l-proċedimenti u tiċħad l-azzjoni jew twaqqaf il-proċedimenti ta’ infurzar jew ta’ sigurtà, ħlief fir-rigward ta’ pretensjonijiet jew parti mill-pretensjonijiet li kienu ġew ikkontestati fil-proċedimenti ta’ qabel il-falliment.

b) proċedimenti ta’ falliment – wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, il-kredituri individwali ma jistgħux ifittxu infurzar jew sigurtà kontra d-debitur fir-rigward ta’ dawk il-partijiet tal-assi tagħhom li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-falliment, jew kontra assi oħra tad-debitur. Il-kredituri li ma jkunux kredituri tal-falliment mhumiex awtorizzati jitolbu infurzar jew sigurtà kontra pretensjonijiet futuri ta’ debituri individwali fuq il-bażi tar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom jew servizz ieħor, jew il-pretensjonijiet tagħhom fuq dik il-bażi fil-proċedimenti ta’ falliment, ħlief infurzar jew sigurtà għas-saldu tal-pretensjonijiet ta’ manteniment u pretensjonijiet oħra li jistgħu jiġu ssodisfati mill-parti tad-dħul tad-debitur mill-impjieg li minnu l-pretensjonijiet ta’ kredituri oħra ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati. Tali proċedimenti ta’ infurzar u ta’ sigurtà pendenti fil-mument tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment jiġu interrotti. Ladarba jitkomplew dawn il-proċedimenti, il-qorti tal-infurzar twaqqaf il-proċedimenti.

Wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, bl-iskop li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, il-kredituri intitolati li jfittxu li l-partijiet tal-assi tad-debitur ikunu eżentati mill-patrimonju tal-insolvenza (g id="194) jistgħu jibdew proċedimenti ta’ infurzar u ta’ sigurtà kontra d-debitur skont ir-regoli ġenerali tal-proċedimenti ta’ infurzar. Il-proċedimenti ta’ infurzar u ta’ sigurtà sospiżi li l-kredituri jkunu bdew qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment ikomplu u jiġu eżegwiti minn qorti tal-infurzar skont ir-regoli tal-proċedimenti ta’ infurzar.

Wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, il-kredituri bid-dritt li jfittxu sodisfazzjon separat (razlučni vjerovnici) ma jkunux awtorizzati jibdew proċedimenti ta’ infurzar jew sigurtà. Il-proċedimenti ta’ infurzar jew sigurtà pendenti fil-mument tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment jiġu sospiżi. Il-proċedimenti ta’ infurzar u ta’ sigurtà sospiżi jitkomplew mill-qorti li twettaq il-proċedimenti ta’ falliment bl-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-realizzazzjoni tal-punti li għalihom ikun hemm dritt għal sodisfazzjon separat fil-proċedimenti ta’ falliment.

Wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, id-dħul f’reġistri pubbliċi jkun permess jekk il-prerekwiżiti għad-dħul ikunu ntlaħqu qabel ma jkunu daħlu fis-seħħ il-konsegwenzi legali tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.

L-infurzar għas-saldu ta’ pretensjonijiet mill-patrimonju tal-falliment li mhumiex ibbażati fuq atti legali tal-likwidatur mhuwiex permess għal sitt xhur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.

Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal:

1. obbligazzjonijiet tal-patrimonju tal-falliment minn kuntratt bilateralment vinkolanti li l-likwidatur jkun ntrabat li jwettaq

2. obbligazzjonijiet minn relazzjoni kuntrattwali permanenti wara l-iskadenza tal-ewwel skadenza sa meta l-likwidatur seta’ jikkanċella l-kuntratt

3. obbligazzjonijiet minn relazzjoni kuntrattwali permanenti jekk il-likwidatur ikun irċieva korrispettiv favur il-patrimonju tal-falliment.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

a) Proċedimenti ta’ qabel il-falliment - mill-jum tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ qabel il-falliment sal-għeluq tagħhom, ma jistgħux jinbdew proċedimenti ċivili kontra d-debitur. Kwalunkwe proċedimenti bħal dawn li jkunu pendenti jiġu sospiżi fil-jum tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ qabel il-falliment. Il-proċedimenti sospiżi jitkomplew fuq proposta tal-kreditur:

- wara l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ qabel il-falliment – fir-rigward ta’ pretensjonijiet jew parti minn pretensjonijiet li ġew ikkontestati fil-proċedimenti ta’ qabel il-falliment

- wara deċiżjoni finali li twaqqaf il-proċedimenti ta’ qabel il-falliment.

Dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-proċedimenti mhux affettwati mill-proċedimenti ta’ qabel il-falliment, jew għall-proċedimenti għas-saldu ta’ pretensjonijiet li jkunu saru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ qabel il-falliment.

Fil-proċedimenti ta’ quddiem qorti li fihom tkun ġiet ordnata s-sospensjoni tal-proċedimenti minħabba l-ftuħ tal-proċeduri ta’ qabel il-falliment u li, sussegwentement, tkun ingħatat deċiżjoni finali li tikkonferma l-ftehim ta’ qabel il-falliment li jkun kopra l-pretensjoni tal-kreditur, il-qorti tkompli l-proċedimenti u tiċħad l-azzjoni jew twaqqaf il-proċedimenti ta’ infurzar jew ta’ sigurtà, ħlief fir-rigward ta’ pretensjonijiet jew parti mill-pretensjonijiet li kienu ġew ikkontestati fil proċedimenti ta’ qabel il-falliment.

b) Proċediment ta’ falliment - il-likwidatur jieħu f’idejh il-kawżi, inklużi proċedimenti ta’ arbitraġġ, dwar assi li jagħmlu parti mill-patrimonju tal-falliment li kienu għadhom għaddejjin fil-ħin tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, li jaġixxu f’isem u għad-debitur. Il-kawżi relatati ma’ pretensjonijiet li huma ppreżentati fil-proċedimenti ta’ falliment ma jistgħux jitkomplew qabel jiġu eżaminati fis-seduti ta’ smigħ tar-reviżjoni.

Il-kawżi pendenti fil-ħin tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment kontra d-debitur għandhom imorru f’idejn il-likwidatur f’ismu fejn ikollhom x’jaqsmu ma:

1. esklużjoni ta’ assi mill-patrimonju tal-falliment

2. saldu separat

3. obbligazzjonijiet tal-patrimonju tal-falliment.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

a) Proċedimenti ta’ qabel il-falliment - il-kredituri tad-debitur fil-proċedimenti ta’ qabel il-falliment huma l-persuni li, fil-ħin tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ qabel il-falliment, ikollhom pretensjonijiet pekunjarji kontra d-debitur. Ir-regoli tal-SZ li jistabbilixxu d-dritt tal-vot f’arranġamenti ta’ falliment jiġu applikati skont id-dritt tal-kredituri li jivvutaw fuq il-pjan ta’ ristrutturar.

Il-kredituri jesprimu l-vot tagħhom bil-miktub fuq il-formola tal-votazzjoni preskritta. Il-formola tal-votazzjoni trid tiġi ppreżentata lill-qorti mhux aktar tard mill-bidu tas-seduta ta’ smigħ tal-votazzjoni u għandha tkun iffirmata u ċċertifikata minn persuna awtorizzata. Jekk, sal-bidu tas-seduta ta’ smigħ il-kredituri ma jissottomettux il-formola tal-votazzjoni jew jissottomettu formola ta’ votazzjoni li minnha ma jkunx jista’ jiġi determinat mingħajr ambigwità kif ivvotaw, dawn jitqiesu li ma jkunux ivvutaw kontra l-pjan ta’ ristrutturar.

Il-kredituri preżenti waqt is-seduta ta’ smigħ jivvotaw bl-użu tal-formola tal-votazzjoni preskritta. Jekk il-kredituri intitolati li jivvutaw ma jivvutawx waqt din is-seduta ta’ smigħ, dawn jitqiesu li jkunu vvotaw kontra l-pjan ta’ ristrutturar.

Kull grupp ta’ kredituri huwa intitolat li jivvota separatament fuq il-pjan ta’ ristrutturar. Ir-regoli dwar il-klassifikazzjoni tal-parteċipanti fl-arranġamenti ta’ falliment jiġu applikati skont il-klassifikazzjoni tal-kredituri fi proċedimenti ta’ qabel il-falliment.

Il-kredituri jitqiesu li jkunu aċċettaw il-pjan ta’ ristrutturar jekk il-maġġoranza tal-kredituri kollha tkun ivvutat favur tiegħu u jekk, f’kull grupp, is-somma tal-pretensjonijiet kollha tal-kredituri li jkunu vvutaw favur il-pjan tkun mill-inqas id-doppju tas-somma tal-pretensjonijiet tal-kredituri li jkunu vvutaw kontra l-aċċettazzjoni tal-pjan.

Il-kredituri li jkollhom dritt konġunt jew li d-drittijiet tagħhom iffurmaw dritt uniku magħqud sakemm joħorġu r-raġunijiet għal qabel il-falliment jgħoddu bħala kreditur wieħed fil-votazzjoni. Id-detenturi ta’ drittijiet separati jew drittijiet ta’ użufrutt jiġu ttrattati kif xieraq.

b) Proċedimenti ta’ falliment - kumitat tal-kredituri – sabiex tipproteġi l-interessi tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ falliment qabel l-ewwel seduta ta’ smigħ tal-kredituri, il-qorti tista’ tistabbilixxi kumitat tal-kredituri u taħtar il-membri tiegħu.

Il-kredituri bil-pretensjonijiet fl-ogħla ammont u l-kredituri bi pretensjonijiet żgħar għandhom ikunu rrappreżentatati t-tnejn li huma fil-kumitat tal-kredituri. Barra minn hekk, fil-kumitat tal-kredituri għandu jkun irrappreżentat rappreżentant tal-impjegati preċedenti tad-debitur sakemm dawn bħala kreditur ma jkunux jipparteċipaw fil-proċedimenti bi pretensjonijiet insinifikanti.

Il-kredituri bid-dritt li jfittxu sodisfazzjon separat (razlučni vjerovnici) u persuni li ma jkunux kredituri, iżda li jistgħu jikkontribwixxu għax-xogħol tal-kumitat bl-għarfien espert tagħhom, jistgħu jinħatru membri tal-kumitat tal-kredituri.

Il-kumitat tal-kredituri għandu jkollu numru fard ta’ membri u l-aktar huwa dak ta’ disgħa. Jekk in-numru ta’ kredituri jkun inqas minn ħamsa, il-kredituri kollha jingħataw is-setgħat tal-kumitat tal-kredituri.

Jekk waqt is-seduta ta’ smigħ tar-reviżjoni l-pretensjonijiet rikonoxxuti tal-kredituri jkunu ġew determinati f’valur li jkun jaqbeż HRK 50 miljun, u d-debitur fil-jum tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment ikollu kuntratti tax-xogħol ma’ aktar minn 20 impjegat, il-qorti tkun responsabbli sabiex tippermetti lill-kredituri jieħdu deċiżjoni dwar it-twaqqif ta’ kumitat tal-kredituri.

Il-kumitat tal-kredituri irid jissorvelja l-likwidatur u jgħinu fit-twettiq tal-attivitajiet tan-negozju, kif ukoll jimmonitorja l-operazzjonijiet skont l-Artikolu 217 tal-SZ, jeżamina l-kotba u rekords oħra relatati man-negozju, u jordna verifika tal-fatturat u l-ammont tal-flus kontanti. Il-kumitat tal-kredituri jista’ jawtorizza membri individwali tal-kumitat biex iwettqu attivitajiet individwali fi ħdan l-isfera tar-responsabbiltajiet tiegħu.

Fl-isfera tar-responsabbiltajiet tiegħu, il-kumitat tal-kredituri b’mod partikolari għandu:

1. jeżamina r-rapporti mil-likwidatur waqt il-proċedimenti ta’ falliment u bil-kundizzjoni tal-patrimonju tal-falliment

2. jirrevedi l-kontijiet tan-negozju u d-dokumentazzjoni kollha li tkun ittieħdet mil-likwidatur

3. iressaq oġġezzjonijiet mal-qorti kontra l-atti tal-likwidatur

4. jagħti l-approvazzjoni tal-istimi tal-ispejjeż għall-proċedimenti ta’ falliment

5. jagħti lill-qorti opinjoni dwar il-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur, fuq talba tal-qorti

6. jagħti opinjoni lill-qorti dwar il-kontinwazzjoni tal-operazzjonijiet tan-negozju li jkunu għaddejjin jew dwar l-attivitajiet tad-debitur, fuq talba tal-qorti

7. jagħti opinjoni lill-qorti dwar ir-rikonoxximent ta’ telf ġustifikat li kien stabbilit fl-inventarju tal-assi, fuq talba tal-qorti

(3) Il-kumitat tal-kredituri għandu jinnotifika lill-kredituri matul il-proċedimenti u bil-kundizzjoni tal-patrimonju tal-falliment.

L-assemblea tal-kredituri

Il-qorti tlaqqa’ assemblea tal-kredituri. Id-dritt tal-parteċipazzjoni jingħata lill-kredituri kollha tal-falliment, il-kredituri kollha tal-falliment bid-dritt ta’ saldu separat, il-likwidatur u d-debitur individwali.

Waqt is-seduta ta’ smigħ ta’ rappurtar jew kwalunkwe seduta ta’ smigħ sussegwenti, l-assemblea tal-kredituri hija awtorizzata li:

1. twaqqaf kumitat tal-kredituri, jekk dan ma jkunx għadu twaqqaf, jew li tbiddel il-kompożizzjoni tiegħu jew li tiċħad il-kumitat

2. taħtar likwidatur ġdid

3. tiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni jew it-twaqqif tal-attivitajiet tad-debitur u dwar il-mod u t-termini għal-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur

4. tordna lil-likwidatur ifassal arranġament ta’ falliment

5. tadotta kull deċiżjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-kumitat tal-kredituri

6. tiddeċiedi dwar kwistjonijiet oħra rilevanti għall-implimentazzjoni u l-għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment skont l-SZ.

L-assemblea tal-kredituri jkollha d-dritt titlob lil-likwidatur jippreżenta notifiki u rapporti dwar is-sitwazzjoni u l-operazzjonijiet tan-negozju. Jekk ma jitwaqqaf l-ebda kumitat tal-kredituri l-assemblea tal-kredituri tista’ tordna verifika tal-fatturat u l-ammonti ta’ flus kontanti mmaniġġjati mil-likwidatur.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Mal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, id-drittijiet tad-debitur bħala persuna ġuridika jiskadu u jiġu ttrasferiti lil-likwidatur. Mal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, id-drittijiet ta’ debitur individwali li jamministra u jiddisponi minn assi li jagħmlu parti mill-patrimonju tal-falliment jiġu ttrasferiti lil-likwidatur.

Wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment, il-likwidatur irid jassumi immedjatament il-pussess u l-amministrazzjoni tal-assi kollha tal-patrimonju tal-falliment.

Abbażi ta’ infurzar tad-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, il-likwidatur jista’ jitlob lill-qorti tordna lid-debitur jgħaddi l-assi u jistabbilixxi miżuri ta’ infurzar għall-eżekuzzjoni ta’ trasferiment tal-ordni.

Ladarba d-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment issir finali, il-likwidatur jista’ jitlob lill-qorti tordna partijiet terzi li jkollhom pussess ta’ assi mill-patrimonju tal-falliment biex iċedu dawk l-assi. Flimkien mat-talba msemmija, il-likwidatur għandu jipproduċi dokument li juri s-sjieda tal-assi. Il-qorti tieħu deċiżjoni dwar il-proposta tal-likwidatur wara li tisma’ lill-persuni li jkollhom pussess ta’ assi mill-patrimonju tal-falliment.

Il-likwidatur jiġbor lista ta’ assi individwali mill-patrimonju tal-falliment. Id-debitur individwali u l-persuni li qabel kienu awtorizzati jirrappreżentaw lid-debitur bil-liġi għandhom jikkooperaw mal-likwidatur dwar din il-kwistjoni. L-istralċjarju għandu jiġbor l-informazzjoni meħtieġa mill-persuni msemmija sakemm dan ma jikkawżax id-dewmien bla bżonn tal-proċedimenti.

Il-likwidatur jiġbor lista tal-kredituri kollha tad-debitur li jkunu konxji mill-kontijiet tan-negozju u d-dokumentazzjoni tan-negozju tad-debitur, informazzjoni oħra mingħand id-debitur, preżentazzjoni ta’ pretensjonijiet jew mod ieħor.

Il-likwidatur jiġbor ħarsa sistematika fir-rigward tal-ħin tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment fejn jiddikjara u jqabbel l-assi mill-patrimonju tal-falliment u l-obbligazzjonijiet tad-debitur u l-valutazzjoni tagħhom.

L-inventarju tal-patrimonju tal-falliment, il-lista ta’ kredituri u l-ħarsa ġenerali tal-assi u l-obbligazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati fir-reġistru tal-qorti mhux aktar tard minn tmint ijiem qabel is-sedut ta’ smigħ tar-rappurtar.

Id-dmir tad-debitur taħt il-liġi kummerċjali u tat-taxxa biex iżomm u jforni l-kontijiet ma jinbidilx bil-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment. Il-likwidatur irid iwettaq dawk id-dmirijiet relatati mal-patrimonju tal-falliment.

Mhux aktar tard minn 15-il jum qabel is-seduta ta’ smigħ tar-rappurtar, il-likwidatur irid jagħti lill-qorti rapport dwar il-qagħda ekonomika tad-debitur u r-raġunijiet għal dik il-qagħda, li jiġi ppubblikat fuq il-bord tal-bullettin elettroniku tal-qorti (e-Oglasna ploča suda) mhux aktar tard minn tmint ijiem qabel is-seduta ta’ smigħ tar-rappurtar.

Wara s-seduta ta’ smigħ ta’ rappurtar, mingħajr dewmien, il-likwidatur irid jillikwida l-assi li jagħmlu parti mill-patrimonju tal-falliment, jekk dan ma jkunx kontra d-deċiżjoni tal-assemblea tal-kredituri.

Il-likwidatur irid jillikwida l-assi mill-proċedimenti ta’ falliment skont id-deċiżjonijiet tal-assemblea tal-kredituri u l-kumitat tal-kredituri.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Mal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, id-drittijiet tad-debitur bħala persuna ġuridika jiskadu u jiġu ttrasferiti lil-likwidatur. Mal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, id-drittijiet ta’ debitur individwali li jamministra u jiddisponi minn assi li jagħmlu parti mill-patrimonju tal-falliment jiġu ttrasferiti lil-likwidatur.

Wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment, il-likwidatur irid jassumi immedjatament il-pussess u l-amministrazzjoni tal-assi kollha tal-patrimonju tal-falliment.

Abbażi tal-bażi ta’ infurzar tad-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, il-likwidatur jista’ jitlob lill-qorti tordna lid-debitur jgħaddi l-assi u jistabbilixxi miżuri ta’ infurzar għall-eżekuzzjoni ta’ trasferiment tal-ordni.

Ladarba d-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment issir finali, il-likwidatur jista’ jitlob lill-qorti biex tordna lill-partijiet terzi li jkollhom pussess ta’ assi mill-patrimonju tal-falliment biex iċedu dawn l-assi. Flimkien mat-talba msemmija, il-likwidatur irid jipproduċi dokument li juri s-sjieda tal-assi. Il-qorti tieħu deċiżjoni dwar il-proposta tal-likwidatur wara li tisma’ lill-persuni li jkollhom pussess ta’ assi mill-patrimonju tal-falliment.

Il-likwidatur jiġbor lista ta’ assi individwali mill-patrimonju tal-falliment. Id-debitur individwali u l-persuni li qabel kienu awtorizzati jirrappreżentaw lid-debitur bil-liġi jridu jikkooperaw mal-likwidatur dwar din il-kwistjoni. Il-likwidatur irid jiġbor l-informazzjoni meħtieġa mill-persuni msemmija sakemm dan ma jikkawżax id-dewmien bla bżonn fil-proċedimenti.

Il-likwidatur jiġbor lista tal-kredituri kollha tad-debitur li jkunu konxji mill-kontijiet tan-negozju u d-dokumentazzjoni tan-negozju tad-debitur, informazzjoni oħra mingħand id-debitur, preżentazzjoni ta’ pretensjonijiet jew mod ieħor.

Il-likwidatur jikkompila sommarju sistematika fir-rigward tal-ħin tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment fejn jiddikjara u jqabbel l-assi mill-patrimonju tal-falliment u l-obbligazzjonijiet tad-debitur u l-valutazzjoni tagħhom.

L-inventarju tal-patrimonju tal-falliment, il-lista ta’ kredituri u l-ħarsa ġenerali tal-assi u l-obbligazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati fir-reġistru tal-qorti mhux aktar tard minn tmint ijiem qabel is-sedut ta’ smigħ tar-rappurtar.

Id-dmir tad-debitur taħt il-liġi kummerċjali u tat-taxxa biex iżomm u jforni l-kontijiet ma jinbidilx bil-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment. Il-likwidatur għandu jwettaq dawk id-dmirijiet relatati mal-patrimonju tal-falliment.

Mhux aktar tard minn 15-il jum qabel is-seduta ta’ smigħ tar-rappurtar, il-likwidatur għandu jagħti lill-qorti rapport dwar il-qagħda ekonomika tad-debitur u r-raġunijiet għal dik il-qagħda, li jiġi ppubblikat fuq il-bord tal-bullettin elettroniku tal-qorti (e-Oglasna ploča suda) sa mhux aktar tard minn tmint ijiem qabel is-seduta ta’ smigħ tar-rappurtar.

Wara s-seduta ta’ smigħ ta’ rappurtar, mingħajr dewmien, il-likwidatur irid jillikwida l-assi li jagħmlu parti mill-patrimonju tal-falliment, jekk dan ma jkunx kontra d-deċiżjoni tal-assemblea tal-kredituri.

Il-likwidatur irid jillikwida l-assi mill-proċedimenti ta’ falliment skont id-deċiżjonijiet tal-assemblea tal-kredituri u l-kumitat tal-kredituri.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

a) Proċedimenti ta’ qabel il-falliment – il-preżentazzjoni tal-pretensjonjiet issir lill-unità kompetenti tal-Aġenzija Finanzjarja fuq formola standard akkumpanjata minn kopji tad-dokumenti li tirriżulta minnhom il-pretensjoni jew li jagħtu prova tal-pretensjoni.

Il-Ministeru tal-Finanzi – l-Amministrazzjoni tat-Taxxa (Ministarstvo financija – Porezna uprava) jista’ jippreżenta pretensjonijiet li jirriżultaw minn taxxa, soprataxxa, kontribuzzjonijiet għal assigurazzjoni obbligatorja li bil-liġi iridu jittieħdu mill-qligħ u s-salarji, kif ukoll pretensjonijiet oħra li jkunu awtorizzati li jiġbru fuq il-bażi ta’ regolamenti speċjali, apparti minn pretensjonijiet li jirriżultaw minn taxxa u soprataxxa fuq dħul minn impjieg u kontribuzzjonijiet mill-ammont bażiku għal persuni assigurati taħt relazzjoni tax-xogħol.

Fil-proċedimenti ta’ qabel il-falliment, l-impjegati tad-debitur u l-impjegati preċedenti u l-Ministeru tal-Finanzi – l-Amministrazzjoni tat-Taxxa ma jistgħux jippreżentaw pretensjonijiet minn relazzjoni tax-xogħol, indennità ta’ ħlas sal-ammont stipulat mil-liġi jew ftehim kollettiv u pretensjonijiet fuq il-bażi ta’ kumpens għal ħsara minħabba korrimenti mġarrba fuq ix‑xogħol jew mard relatat max xogħol; dawn il-pretensjonijiet ma jistgħux ikunu s-suġġett tal-proċedimenti ta’ qabel il-falliment. Jekk l-applikant ikun naqas milli jiddikjara dawn il-pretensjonijiet fil-proposta għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ qabel il-falliment jew jekk ikun iddikjarahom bi żball, l-impjegati tad-debitur u l-impjegati preċedenti u l-Ministeru tal-Finanzi – l-Amministrazzjoni tat-Taxxa għandha d-dritt li tressaq oġġezzjoni.

Fil-preżentazzjoni tal-pretensjonijiet tagħhom, il-kredituri bid-dritt li jfittxu sodisfazzjon separat (razlučni vjerovnici) huma meħtieġa li jipprovdu informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom, il-bażi legali għal sodisfazzjon separat u l-parti tal-assi tad-debitur li għalihom japplika d-dritt tagħhom ta’ sodisfazzjon separat u li jagħmlu dikjarazzjoni dwar jekk jirrinunzjawx għad-dritt għal saldu separat jew le.

Fil-preżentazzjoni tal-pretensjonijiet tagħhom, il-kredituri intitolati li jfittxu li partijiet mill-assi tad-debitur ikunu eżentati mill-patrimonju tal-insolvenza (izlučni vjerovnici) huma meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom, il-bażi legali għad-dritt ta’ eżenzjoni u l-parti tal-assi tad-debitur li japplika għaliha d-dritt tagħhom ta’ eżenzjoni.

Fil-preżentazzjoni tal-pretensjonijiet tagħhom, dawn iż-żewġ tipi ta’ kredituri (razlučni vjerovnici u izlučni vjerovnici) iridu joħorġu dikjarazzjoni dwar il-kunsens tagħhom jew iċ-ċaħda ta’ kunsens għal sospensjoni ta’ saldu mill-assi li japplika għalihom id-dritt tagħhom għal sodisfazzjon separat, jew sospensjoni tas-segregazzjoni tal-assi li japplika għalihom id-dritt tagħhom ta’ eżenzjoni, għall-finijiet ta’ implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar.

Ftehim ta’ qabel il-falliment m’għandux jinterferixxi mad-dritt tal-kredituri għal saldu separat mill-assi li għalihom japplika d-dritt ta’ saldu separat, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dak il-ftehim. Jekk il-ftehim ta’ qabel il-falliment ma jistipulax espressament mod ieħor, dan għandu jispeċifika liema parti tad-drittijiet ta’ dawn il-kredituri għandha titnaqqas, għal kemm żmien ikun se jiġi ddifferit is-saldu u liema dispożizzjonijiet oħra tal-proċedimenti ta’ falliment ikunu japplikaw għal dawk id-drittijiet.

Jekk il-kreditur jonqos milli jippreżenta pretensjoni iżda l-pretensjoni tkun ġiet iddikjarata fil-proposta biex jinfetħu proċediment ta’ qabel ilfalliment, pretensjoni bħal din titqies bħala ppreżentata.

Jekk jinħatru, id-debitur u l-fiduċjarju jridu jiddikjaraw pożizzjoni fuq il-pretensjonijiet ippreżentati mill-kredituri. Din l-osservazzjoni tiġi ppreżentata lill-unità kompetenti tal-Aġenzija Finanzjarja fuq formola standard li għal kull pretensjoni jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

1. in-numru tal-pretensjoni mit-tabella tal-pretensjonijiet ippreżentati

2. informazzjoni għall-identifikazzjoni tal-kredituri

3. l-ammont tal-pretensjoni ppreżentata

4. id-dikjarazzjoni mid-debitur u mill-fiduċjarju, jekk jinħatar, li tirrikonoxxi jew tikkontesta l-pretensjoni

5. l-ammont ikkontestat tal-pretensjoni

6. il-fatti li jsostnu n-nuqqas ta’ eżistenza tal-pretensjoni kkontestata jew parti mill-pretensjoni.

Mal-iskadenza tal-limitu ta’ żmien biex jiddikjaraw il-pożizzjoni fuq il-pretensjonijiet ippreżentati, id-debitur u l-fiduċjarju, jekk jinħatar, ma jistgħux jopponu aktar għall-pretensjonijiet li jkunu rrikonoxxew.

Il-kreditur jista’ jikkontesta pretensjoni ppreżentata minn kreditur ieħor.

Il-kontestazzjoni tal-pretensjoni tiġi ppreżentata lill-unità kompetenti tal-Aġenzija Finanzjarja fuq il-formola standard u għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

1. informazzjoni għall-identifikazzjoni tal-kreditur li jkun qed jikkontesta l-pretensjoni

2. in-numru ta’ referenza tal-pretensjoni kkontestata mit-tabella tal-pretensjonijiet ippreżentati

3. informazzjoni għall-identifikazzjoni tal-kreditur li jkun ippreżenta l-pretensjoni kkontestata

4. l-ammont tal-pretensjoni ppreżentata li tkun qed tiġi kkontestata

5. dikjarazzjoni mill-kreditur li jkun qed jikkontesta l-pretensjoni

6. l-ammont ikkontestat tal-pretensjoni

7. il-fatti li jsostnu n-nuqqas ta’ eżistenza tal-pretensjoni kkontestata jew parti mill-pretensjoni.

L-Aġenzija Finanzjarja tiġbor tabella tal-pretensjonijiet ippreżentati u tabella tal-pretensjonijiet ikkontestati fuq formola standard.

b) Proċediment ta’ falliment – il-preżentazzjoni tal-pretensjonijiet issir lill-likwidatur fuq formola standard f’żewġ kopji akkumpanjata minn kopji tad-dokumenti li tirriżulta minnhom il-pretensjoni jew li jagħtu prova tal-pretensjoni.

Il-likwidatur jfassal lista tal-pretensjonijiet kollha tal-impjegati tad-debitur u l-eks impjegati sal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, li jridu jiġu rrappurtati f’ammonti grossi u netti; iridu jiġu ppreżentati żewġ kopji tal-preżentazzjoni tal-pretensjonijiet għall-firma.

Il-pretensjonijiet ta’ kredituri ta’ prijorità aktar baxxa jiġu ppreżentati biss fl-istedina speċjali tal-qorti. Il-preżentazzjoni ta’ pretensjonijiet bħal dawn jenħtieġ li tindika li huma ta’ prijorità baxxa u l-klassifikazzjoni li jkun intitolat għaliha l-kreditur.

Il-kredituri intitolati li jfittxu eżenzjoni (izlučni vjerovnici) iridu jinfurmaw lil-likwidatur bid-dritt tagħhom ta’ eżenzjoni u l-bażi ġuridika għal dan id-dritt, u jindikaw l-assi li għalihom japplika dan id-dritt, jew jindikaw fin-notifika tagħhom id-dritt tagħhom għal kumpens għad-dritt ta’ eżenzjoni.

Il-kredituri intitolati għal sodisfazzjon separat (razlučni vjerovnici) huma meħtieġa li jinfurmaw lil-likwidatur dwar id-dritt tagħhom għal sodisfazzjon separat u l-bażi ġuridika għal dak id-dritt, u li jindikaw l-assi li għalihom japplika dak id-dritt. Jekk dawk il-kredituri jippreżentaw ukoll pretensjoni bħala kredituri ta’ falliment, fil-preżentazzjoni tagħhom għandhom jindikaw il-parti tal-assi tad-debitur tal-falliment li għalih japplika d-dritt tagħhom għas-sodisfazzjon separat u l-ammont li bih il-pretensjoni tagħhom ma tkunx issodisfata b’mod prevedibbli minn dak id-dritt ta’ separazzjoni.

Il-kredituri intitolati għal sodisfazzjon separat li ma jinfurmawx b’mod xieraq lil-likwidatur dwar dak id-dritt ma jitilfux id-dritt għal saldu separat. Bħala eċċezzjoni, il-kredituri intitolati għal sodisfazzjon separat jitilfu d-dritt tagħhom għal saldu separat u ma jkunux intitolati li jfittxu kumpens għad-danni jew kwalunkwe kumpens ieħor minn debitur jew kreditur tal-falliment jekk l-oġġett tad-dritt għal sodisfazzjon separat ikun ġie realizzat fil-proċedimenti ta’ falliment mingħajrhom, u d-dritt ta’ separazzjoni ma jkunx iddaħħal f’reġistru pubbliku jew il-likwidatur ma kellu l-ebda għarfien jew ma setax ikun jaf b’dan.

Il-pretensjonijiet ippreżentati jiġu eżaminati fir-rigward tal-ammonti u l-ordni ta’ prijorità tagħhom waqt is-seduta ta’ smigħ ta’ reviżjoni.

Il-likwidatur irid iwieġeb speċifikament dwar jekk jirrikonoxxix jew jikkontestax kull pretensjoni ppreżentata.

Il-pretensjonijiet ikkontestati mil-likwidatur, id-debitur individwali jew wieħed mill-kredituri tal-falliment għandhom jiġu riveduti separatament. Id-drittijiet ta’ eżenzjoni u d-drittijiet għal sodisfazzjon separat mhumiex soġġetti għal eżami.

Pretensjoni titqies stabbilita jekk, fis-seduta ta’ smigħ ta’ reviżjoni tiġi rikonoxxuta mil-likwidatur u ma tkunx ikkontestata minn kreditur tal-falliment, jew jekk kontestazzjoni ddikjarata tiġi miċħuda. Jekk id-debitur individwali jikkontesta pretensjoni, dan ma jipprevjenix l-istabbiliment tal-pretensjoni.

Il-qorti tifformula tabella tal-pretensjonijiet li jkunu ġew eżaminati fejn, għal kull pretensjoni ppreżentata, hija ddaħħal l-ammont li fih tkun ġiet stabbilita l-pretensjoni, l-ordni ta’ prijorità tagħha u l-persuna li tkun kkontestat it-talba. Il-kontestazzjonijiet tal-pretensjonijiet minn debitur individwali jiġu indikati fit-tabella wkoll. L-istabbiliment tal-pretensjoni jiġi indikat mill-qorti fuq kambjali u dokumenti oħra dwar id-dejn ukoll.

Fuq il-bażi tat-tabella tal-pretensjonijiet eżaminati, il-qorti tieħu deċiżjoni li tiddetermina l-ammont u l-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet individwali stabbiliti jew ikkontestati. Bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, il-qorti tiddeċiedi wkoll dwar ir-riferiment għal azzjoni biex tistabbilixxi jew tikkontesta l-pretensjonijiet.

Jekk il-likwidatur ikun ikkontesta l-pretensjoni, il-qorti tirreferi lill-kreditur li jressaq kawża kontra d-debitur għall-istabbiliment tal-pretensjoni kkontestata.

Jekk wieħed mill-kredituri tal-falliment jkun ikkontesta pretensjoni li tkun ġiet rikonoxxuta mil-likwidatur, il-qorti tirreferi lil dak il-kreditur biex iressaq kawża biex tiġi stabbilita l-pretensjoni kkontestata. F’dik il-kawża, il-persuna li topponi l-pretensjoni taġixxi f’isem u għad-debitur.

Jekk il-pretensjonijiet tal-impjegati u tal-eks impjegati tad-debitur ikunu ġew ikkontestati, il-kawża biex jiġu stabbiliti l-pretensjonijiet ikkontestati titressaq skont id-dispożizzjonijiet ġenerali fil-proċedimenti quddiem il-qorti u dispożizzjonijiet speċjali għal proċedimenti f’tilwim dwar ix-xogħol.

Jekk ikun hemm ordni ta’ infurzar għall-pretensjoni kkontestata, il-qorti tirreferi lill-parti li tkun qed tikkontesta biex tressaq kawża biex tagħti prova tal-merti tal-kontestazzjoni tagħha.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Is-saldu tal-kredituri jsir fuq il-bażi tal-fluss ta’ flus. Il-kredituri subordinati ma jitqisux fid-distribuzzjoni parzjali. Id-distribuzzjoni titwettaq mil-likwidatur. Qabel kull distribuzzjoni, il-likwidatur irid jikseb il-kunsens tal-kumitat tal-kredituri jew ta’ qorti, jekk ma jkun twaqqaf l-ebda kumitat tal-kredituri.

Il-pretensjonijiet għolja tal-ogħla grad jinkludu pretensjonijiet mill-impjegati u l-eks impjegati tad-debitur imġarrba sal-jum tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment minn relazzjoni tax-xogħol, għall-ammont gross totali, indennità tal-ħlas fl-ammont stipulat mil-liġi jew ftehim kollettiv u pretensjonijiet li jirriżultaw minn kumpens ta’ danni minħabba korriment imġarrab fuq ix-xogħol jew mard relatat max-xogħol.

Il-pretensjonijiet għolja tat-tieni grad jinkludu l-pretensjonijiet l-oħra kollha kontra d-debitur minbarra l-pretensjonijiet ikklassifikati bħala subordinati.

Wara s-saldu tal-pretensjonijiet għolja, il-pretensjonijiet kklassifikati bħala subordinati jiġu ssodisfati fl-ordni li ġejja:

1. imgħax fuq pretensjonijiet ta’ kredituri tal-falliment mill-bidu tal-proċedimenti ta’ falliment

2. spejjeż ta’ kredituri individwali mġarrba bil-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedimenti

3. multi maħruġa għal reati kriminali jew ksur u spejjeż li jirriżultaw minn proċedimenti kriminali jew ta’ ksur

4. pretensjonjiet li jitolbu l-forniment liberu ta’ servizzi ta’ debitur

5. pretensjonijiet għal ħlas lura ta’ self biex jissostitwixxi kapital ta’ membru ta’ kumpanija jew pretensjoni korrispondenti.

Il-pretensjonijiet pendenti jsiru dovuti mal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.

Il-pretensjonijiet relatati ma’ kundizzjoni deċiżiva li tidħol fis-seħħ mal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment jiġu kkunsidrati bħala pretensjonijiet inkundizzjonati sakemm tidħol fis-seħħ dik il-kundizzjoni.

L-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ falliment u l-obbligi l-oħra tal-patrimonju tal-falliment jiġu ssodisfati l-ewwel mill-patrimonju tal-falliment. Il-likwidatur jissodisfa l-pretensjonijiet fl-ordni tal-maturità tagħhom.

Qabel id-distribuzzjoni, il-likwidatur ifassal lista tal-pretensjonijiet li jkunu se jiġu kkunsidrati għad-distribuzzjoni (lista tad-distribuzzjoni). Il-pretensjonijiet tal-impjegati tad-debitur u l-eks impjegati minn relazzjoni tax-xogħol imġarrba sal-jum tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment jitqiesu fl-ammont gross. Il-lista trid tinkludi s-somma tal-pretensjonijiet u l-ammont disponibbli mill-patrimonju tal-falliment li għandu jiġi distribwit fost il-kredituri.

Kreditur intitolat għal sodisfazzjon separat li d-debitur ukoll ikun personalment responsabbli għalih, jenħtieġ li fi żmien 15-il jum mit-tħabbir tal-lista tad-distribuzzjoni jippreżenta evidenza lil-likwidatur li jkun irrinunzja d-dritt għal saldu separat – u għal liema ammont – jew li ma kien hemm l-ebda saldu separat. Jekk jonqos milli jippreżenta l-evidenza fi żmien xieraq, il-pretensjoni tiegħu ma titiqiesx fid-distribuzzjoni parzjali.

Il-pretensjonijiet b’kundizzjoni sospensiva jitqiesu fl-ammont sħiħ tagħhom waqt distribuzzjoni parzjali. Il-porzjon relatat ma’ dawn il-pretensjonijiet jiġi riżervat matul id-distribuzzjoni.

Matul id-distribuzzjoni finali, il-pretensjonijiet b’kundizzjoni sospensiva ma jitqisux jekk il-possibbiltà ta’ sodisfazzjon tal-kundizzjoni tkun tant remota li fil-ħin tad-distribuzzjoni ma jkollhiex valur materjali. F’dan il-każ, l-ammonti riservati għas-sodisfazzjon ta’ din il-pretensjoni matul id-distribuzzjonijiet preċedenti jiġu inklużi fil-patrimonju li ssir minnu d-distribuzzjoni finali.

Il-kredituri esklużi mid-distribuzzjoni parzjali u li sussegwentement jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 275 u 276 tal-SZ jitħallsu ammont ugwali għal kredituri oħra mill-bilanċ tal-patrimonju tal-falliment matul id-distribuzzjoni li jkun imiss. Hemmhekk biss ikun possibbli li jitkompla s-saldu tal-pretensjonijiet ta’ kredituri oħra.

Id-distribuzzjoni finali tibda hekk kif jitlesta t-twettiq tal-patrimonj tal-falliment. Id-distribuzzjoni finali tista’ tinbeda biss bil-kunsens tal-qorti.

Jekk il-pretensjonijiet tal-kredituri kollha jkunu jistgħu jiġi ssodisdati fl-ammont sħiħ fid-distribuzzjoni finali, il-likwidatur jittrasferixxi kwalunkwe bilanċ favorevoli li jkun fadal lid-debitur individwali. Jekk id-debitur ikun persuna ġuridika, il-likwidatur jassenja lil kull persuna li jkollha interess fid-debitur il-parti tal-bilanċ favorevoli li din il-persuna jkollha d-dritt għalih fil-każ ta’ proċedimenti ta’ stralċ barra mill-proċedimenti ta’ falliment.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

a) Proċedimenti ta’ qabel il-falliment – jekk il-kredituri jaċċettaw il-pjan ta’ ristrutturar, il-qorti, permezz ta’ deċiżjoni, tirrikonoxxi l-approvazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar u tikkonferma arranġament ta’ qabel il-falliment, sakemm:

- b’ċertezza suffiċjenti, wieħed mill-kredituri jistabbilixxix li l-pjan ta’ ristrutturar ikun inaqqas id-drittijiet taħt dak li jkun raġonevolment mistenni li jiġi riċevut fin-nuqqas tar-ristrutturar

- ma jkunx jidher probabbli mill-pjan ta’ ristrutturar li l-implimentazzjoni tiegħu tkun se tippermetti lid-debitur li jsir solventi fil-perjodu sal-aħħar tas-sena kurrenti u fis-sentejn kalendarji sussegwenti

- il-pjan ta’ ristrutturar ma jkunx iddefinixxa s-saldu ta’ ammonti li l-kredituri jirċievu kieku l-pretensjoni tagħhom ma kinitx ġiet ikkontestata jew

- il-pjan ta’ ristrutturar ma jkunx ippropona kapitalizzazzjoni ta’ pretensjonijiet ta’ kreditur wieħed jew aktar u l-membri tad-debitur ma jkunux ħarġu deċiżjoni li tawtorizza tali attività skont l-Att dwar il-Kumpaniji (Zakon o trgovačkim društvima).

Jekk ma jkunux ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-konferma tal-arranġament ta’ qabel il-falliment, il-qorti, permezz ta’ deċiżjoni, tiddetermina li l-konferma tal-arranġament ta’ qabel il-falliment tinżamm u jiġu sospiżi l-proċedimenti.

Ftehim ikkonfermat ta’ qabel il-falliment għandu effett legali għall-kredituri li ma jkunux ipparteċipaw fil-proċedimenti u l-kredituri li jkunu pparteċipaw fil-proċedimenti, u l-pretensjonijiet ikkontestati tagħhom jiġu sussegwentement stabbiliti.

Debitur li jkun għamel profitt minn obbligazzjonijiet li jitħassru taħt ftehim ikkonfermat ta’ qabel il-falliment irid iżomm dak il-profitt akkwistat sal-iskadenza tat-terminu biex jissodisfa l-obbligazzjonijiet kollha li jirriżultaw minn ftehim ta’ qabel il-falliment.

Meta kreditur iħassar pretensjoni ta’ debitur skont ftehim ikkonfermat ta’ qabel il-falliment, l-ammont tal-pretensjoni mħassra jiġi rikonoxxut bħala nefqa li tista’ titnaqqas mit-taxxa tal-kreditur.

b) Proċedimenti ta’ falliment - immedjatament wara li tkun ġiet konkluża d-distribuzzjoni finali, il-qorti toħroġ deċiżjoni li tagħlaq il-proċedimenti ta’ falliment li tingħata lill-awtorità li timmaniġġja r-reġistru li jkun irreġistrat fih id-debitur. Malli jitneħħa mir-reġistru, debitur li jkun persuna ġuridika ma jibqax jeżisti u debitur li jkun persuna fiżika jiġi mċaħħad mill-istatus tiegħu bħala negozjant individwali, intraprenditur jew persuna li taħdem għal rasha.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment kontra debitur individwali, il-kredituri tal-fallimenti jistgħu jkomplu bl-insegwiment illimitat tal-pretensjonijiet li jifdal tagħhom.

Il-kredituri tal-falliment jistgħu jinfurzaw il-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur permezz ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi l-istabbiliment tal-pretensjonijiet tagħhom, sakemm ikunu ġew stabbiliti l-pretensjonijiet u ma jkunux ġew ikkontestati mid-debitur waqt is-seduta ta’ smigħ tar-reviżjoni. Pretensjoni li tkun ġiet ikkontestata bla suċċess hija ekwivalenti għal pretensjoni mhux ikkontestata.

Fuq proposta mil-likwidatur jew kwalunkwe wieħed mill-kredituri, jew li jaġixxi ex officio, il-qorti tordna t-tkomplija tal-proċedimenti għall-finijiet ta’ distribuzzjoni sussegwenti jekk, wara s-seduta ta’ smigħ finali:

1. il-prerekwiżiti jiġu ssodisfati għall-ammonti riżervati li għandhom jiġu distribwiti lill-kredituri

2. l-ammonti li jkunu tħallsu mill-patrimonju tal-falliment jerġgħu jiġu assorbiti fil-patrimonju tal-falliment

3. jinstabu assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-falliment

Il-qorti tordna t-tkomplija tal-proċedimenti għall-finijiet ta’ distribuzzjoni sussegwenti irrispettivament mill-fatt li l-proċedimenti jkunu ngħalqu.

Il-qorti tista’ toqgħod lura mid-distribuzzjoni sussegwenti u tittrasferixxi l-ammont disponibbli għad-distribuzzjoni lill-kredituri jew tittrasferixxi l-oġġett li jkun instab lid-debitur individwali jekk tqis li jkun xieraq minħabba l-ammont insinifikanti involut jew il-valur żgħir tal-oġġett u l-ispejjeż tat-tkomplija tal-proċedimenti għad-distribuzzjoni sussegwenti. Il-qorti tista’ tkompli l-proċedimenti għad-distribuzzjoni sussegwenti bil-kundizzjoni ta’ pagament bil-quddiem li jissodisfa l-ispejjeż ta’ dawk il-proċedimenti.

Wara l-implimentazzjoni tad-distribuzzjoni sussegwenti, il-qorti toħroġ deċiżjoni dwar l-għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment.

Wara li tkun ġiet ordnata d-distribuzzjoni sussegwenti, skont il-lista finali, il-likwidatur jiddistribwixxi l-ammont li jkun jista’ jiġi dispost b’mod ħieles jew l-ammont riċevut mit-twettiq tal-parti tal-patrimonju tal-falliment li tkun instabet sussegwentament. Il-likwidatur jagħti l-kont finali lill-qorti.

Il-kredituri mill-patrimonju tal-falliment li l-likwidatur ikun sar jaf bil-pretensjonijiet tagħhom:

1. matul id-distribuzzjoni parzjali, wara li tkun ġiet determinata l-parti għad-distribuzzjoni,

2. matul id-distribuzzjoni finali, wara li tkun ingħalqet is-seduta ta’ smigħ finali,

3. matul id-distribuzzjoni sussegwenti, wara li tkun ġiet ippubblikata l-lista għal dik id-distribuzzjoni,

jistgħu jitolbu saldu biss mill-bilanċ li jifdal tal-patrimonju tal-falliment wara li sseħħ id-distribuzzjoni.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Kull kreditur iġorr l-ispejjeż tiegħu tal-proċedimenti fi proċedimenti ta’ qabel il-falliment u f’dawk ta’ falliment, ħlief kif provdut mod ieħor fl-SZ.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

L-atti legali adottati qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment li jfixklu l-arranġament uniformi ta’ kredituri ta’ falliment (li jikkawżaw ħsara lill-kredituri) jew li jiffavorixxu ċerti kredituri fuq oħrajn (trattament preferenzjali tal-kredituri) jistgħu jiġu kkontestati mil-likwidatur f’isem id-debitur, u l-kredituri f’falliment, skont id-dispożizzjonijiet tal-SZ. L-omissjonijiet li jkunu wasslu biex id-debitur jitlef dritt, jew li fuq il-bażi tagħhom ikunu ġew stabbiliti, miżmuma jew garantiti l-pretensjonijiet pekunjarji kontra tiegħu, jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk l-atti legali.

Att legali li jipprovdi jew jippermetti garanzija jew sodisfazzjon lil kreditur b’mod u fi żmien li jkun kongruwenti mas-sustanza tad-drittijiet tiegħu (saldu kongruwenti), u li jkun ġie adottat fl-aħħar tliet xhur qabel il-preżentazzjoni ta’ proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, jista’ jiġi kkontestat jekk, fiż-żmien tal-att, id-debitur kien insolventi u l-kreditur kien jaf b’din l-insolvenza.

Att legali li jipprovdi jew jippermetti garanzija jew sodisfazzjon lil kreditur skont is-sustanza tad-drittijiet tiegħu jista’ jiġi kkontestat jekk ikun ġie adottat wara l-preżentazzjoni tal-proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment u jekk il-kreditur, fiż-żmien tal-att, kien jaf dwar l-insolvenza jew dwar il-proposta biex jinbdew il-proċedimenti ta’ falliment.

Il-kreditur jitqies li jaf dwar l-insolvenza jew dwar il-proposta biex jinbdew il-proċedimenti ta’ falliment jekk kien jaf jew kellu jkun jaf dwar ċirkostanzi li minnhom kien jidher li kien hemm insolvenza jew li tkun ġiet ippreżentata proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.

Persuni li kienu f’relazzjoni mill-qrib mad-debitur fiż-żmien tal-att jitqiesu li kienu jafu dwar l-insolvenza u dwar il-proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.

Att legali li jipprovdi jew jippermetti garanzija jew sodisfazzjon lil kreditur li ma kellux id-dritt li jagħmel pretensjoni, jew li ma kellu l-ebda dritt jagħmel pretensjoni b’dak il-mod jew f’dak iż-żmien, jista’ jiġi kkontestat:

1. jekk ikun ġie adottat fl-aħħar xahar qabel il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment jew wara li kienet ġiet ippreżentata l-proposta, jew

2. jekk ikun ġie adottat fit-tielet jew fit-tieni xahar qabel il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment u f’dak iż-żmien id-debitur kien insolventi, jew

3. jekk l-att ikun ġie adottat fit-tielet jew it-tieni xahar qabel il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment u fiż-żmien li jkun ġie adottat l-att il-kreditur kien jaf li kien se jikkawża ħsara lill-kredituri tal-falliment.

Il-kreditur jitqies li kien jaf li l-att kien se jikkawża ħsara lil kredituri oħra jekk dak il-kreditur kien jaf, jew kellu jkun jaf, dwar ċirkostanzi li minnhom kien jidher li l-kredituri kienu se jġarrbu xi ħsara. Persuni li kienu f’relazzjoni mill-qrib mad-debitur fiż-żmien tal-att jitqiesu li kienu jafu li kienet se ssir ħsara lill-kredituri tal-falliment.

Att legali tad-debitur li jirriżulta direttament fi ħsara għall-kredituri tal-falliment jista’ jiġi kkontestat:

1. jekk ikun ġie adottat fi żmien tliet xhur qabel il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, jekk id-debitur kien insolventi fiż-żmien tal-att u jekk il-parti l-oħra kienet taf dwar l-insolvenza jew

2. jekk ikun ġie adottat wara li l-preżentazzjoni tal-proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment u jekk il-persuna l-oħra kienet taf jew kellha tkun taf, fiż-żmien tal-att legali, dwar l-insolvenza jew dwar il-proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.

Kwalunkwe att legali tad-debitur li jirriżulta fit-telf ta’ xi wieħed mid-drittijiet tad-debitur, jew li jipprevjeni l-affermazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mid-drittijiet ta’ debitur, jew kwalunkwe att li fuq il-bażi tiegħu tkun tista’ tinżamm valida jew infurzata pretensjoni pekunarja kontra d-debitur, jiġi ttrattat l-istess bħal att li jirriżulta fi ħsara diretta li tkun ikkawżata lill-kredituri.

Att legali adottat mid-debitur matul l-aħħar għaxar snin qabel il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, jew wara, bl-intenzjoni li jikkawża ħsara lill-kredituri, jista’ jiġi kkontestat jekk il-parti l-oħra kienet taf bl-intenzjoni tad-debitur fiż-żmien tal-att. L-għarfien tal-intenzjoni jkun preżunt jekk il-parti l-oħra tkun taf li d-debitur kien mhedded b’insolvenza u li dan l-att kien se jikkawża ħsara lill-kredituri.

Il-kreditur jitiqies li kien jaf li d-debitur kien taħt theddida ta’ insolvenza u li dak l-att kien se jkun ta’ ħsara għall-kredituri jekk dak il-kreditur kien jaf jew kellu jkun jaf dwar ċirkostanzi li minnhom kellu jkun jidher li d-debitur kien insolventi u li att bħal dak seta’ jikkawża ħsara lill-kredituri.

Il-kuntratti għal interess pekunjarju li jidħol fihom id-debitur u persuni qrib id-debitur jistgħu jiġu kkontestati jekk jikkawżaw ħsara diretta lill-kredituri. Dak il-kuntratt ma jistax jiġi kkontestat jekk ikun ġie konkluż aktar minn sentejn qabel il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment jew jekk il-parti l-oħra tagħti prova li fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt ma kellhiex għarfien dwar l-intenzjonijiet tad-debitur li jikkawża ħsara lill-kredituri.

Att legali tad-debitur mingħajr kumpens jew b’kumpens insinifikanti jista’ jiġi kkontestat sakemm ma jkunx ġie adottat erba’ snin qabel il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ rigal okkażjonali ta’ valur insinifikanti, l-att ma jistax jiġi kkontestat.

Att legali li bih membru tal-kumpanija jagħmel pretensjoni għal ħlas lura ta’ self użat biex jissostitwixxi l-kapital, jew xi pretensjoni simili jsir null:

1. jekk ikun jipprovdi garanzija u jekk l-att ikun ġie adottat fl-aħħar ħames snin qabel il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment jew minn hemm ’il quddiem

2. jekk ikun jiggarantixxi s-saldu u jekk l-att ikun ġie adottat fl-aħħar sena qabel il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment jew minn hemm ’il quddiem.

Att legali li bih l-interess tas-sieħeb passiv tal-kumpanija jiġi rritornat lilu b’mod sħiħ jew b’mod parzjali, jew li bih is-sehem tiegħu tat-telf imġarrab jiġi rrinunzjat, b’mod sħiħ jew b’mod parzjali, jista’ jiġi kkontestat jekk il-kuntratt li jkun ibbażat fuqu dak l-att ikun ġie konkluż matul l-aħħar sena qabel il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment kontra l-kumpanija jew wara. L-istess japplika jekk is-sieħeb passiv jiġi stralċjat skont il-kuntratt.

Fil-każ ta’ saldu kongruwenti, il-ħlasijiet mid-debitur issodisfati permezz ta’ kambjala ma jistgħux jiġu rreklamati mingħand min jirċevihom jekk, skont il-liġi dwar l-istrumenti negozjabbli, ir-riċevitur, ladarba jirrifjuta li jaċċetta l-ħlas, jitlef pretensjoni lejn debituri oħra.

Att legali jitqies li jkun ġie adottat fiż-żmien meta jseħħu l-effetti legali tiegħu.

Jekk tkun meħtieġa entrata f’kont, reġistru jew fajl pubbliku għall-validità legali ta’ att legali, l-att legali jitqies li jkun ġie adottat hekk kif jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra għall-validità, l-intenzjoni tad-debitur li jagħmel tali entrata ssir vinkolanti, u l-parti l-oħra tressaq talba għad-dħul ta’ bidla legali. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għal talbiet għal dħul bil-quddiem biex jiġi żgurat id-dritt għal bidla legali.

Jekk att legali jkun soġġett għal kundizzjoni jew skadenza, jitqies iż-żmien meta jkun ġie adottat u mhux iż-żmien meta sseħħ il-kundizzjoni jew tinqabeż l-iskadenza.

Att legali li għalih tkun inkisbet ordni ta’ eżekuzzjoni u att legali li jkun ġie adottat waqt il-proċess ta’ infurzar jistgħu jiġu kkontestati.

Jekk id-debitur ikun aċċetta korrispettiv tal-istess valur għat-twettiq tiegħu li jkun sar direttament parti mill-assi tiegħu, l-att legali li jkun ibbażat fuqu t-twettiq jista’ jiġi kkontestat biss taħt il-kundizzjoni ta’ ħsara intenzjonali.

F’isem id-debitur, il-likwidatur jista’ jikkontesta l-atti legali tad-debitur fuq il-bażi tal-approvazzjoni tal-qorti. L-ilment jitressaq kontra l-persuna li għaliha jkun ġie adottat l-att ikkontestat.

Il-likwidatur jista’ jressaq ilment biex jikkontesta atti legali fi żmien sena u nofs mill-jum tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.

Kull kreditur tal-falliment jista’ jressaq azzjoni biex jikkontesta atti legali f’ismu stess u bl-ispejjeż għalih jekk:

- il-likwidatur ma jkunx ressaq azzjoni biex jikkontesta l-atti legali fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 212(3) SZ – fi żmien tliet xhur mill-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 212(3) SZ.

- il-likwidatur jirtira azzjoni biex jikkontesta l-atti legali – fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni finali li tikkonferma l-irtirar tal-azzjoni fuq il-bord tal-bullettin elettroniku tal-qorti (e-Oglasna ploča suda)

- qabel ikun talab dikjarazzjoni mil-likwidatur u l-likwidatur ikun iddikjara li ma jkunx se jressaq azzjoni biex jikkontesta l-atti legali - fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-likwidatur fuq il-bord tal-bullettin elettroniku tal-qorti

- qabel ikun talab dikjarazzjoni mil-likwidatur u l-likwidatur ma jkunx iddikjara fi żmien tliet xhur jekk dan hux se jressaq azzjoni biex jikkontesta l-atti legali - fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tas-sejħa biex issir dikjarazzjoni bħal din.

Jekk tkun ġiet issodisfata t-talba biex jiġi kkontestat atti legali, l-att legali kkontestat ma jkollu l-ebda effett legali kontra l-patrimonju tal-falliment, u l-parti l-oħra hija meħtieġa li tagħti lura lill-patrimonju tal-falliment il-benefiċċji materjali kollha miksuba permezz tat-tranżazzjoni kkontestata, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-SZ. Tista’ tiġi ppreżentata proposta ta’ infurzar ibbażata fuq id-deċiżjoni li taċċetta t-talba biex tikkontesta atti legali mil-likwidatur f’isem u għad-debitur jew tal-patrimonju tal-falliment, u minn kreditur tal-falliment f’ismu stess u favur id-debitur tal-falliment jew il-patrimonju tal-falliment.

Persuna li taċċetta twettiq mingħajr kumpens, jew b’kumpens insinifikanti, trid tirritorna dak li rċeviet biss jekk dan ikun stagħna minnu, sakemm ma kinitx taf jew kellha tkun taf li twettiq bħal dan kien se jikkawża ħsara lill-kredituri.

Deċiżjoni finali mogħtija f’azzjoni biex tikkontesta atti legali hija applikabbli għad-debitur tal-falliment, il-patrimonju tal-falliment u l-kredituri kollha tal-falliment, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-SZ.

Jekk il-qorti tkun aċċettat it-talba biex tikkontesta att legali, il-parti li tkun qed topponi hija meħtieġa li treġġa’ lura fil-patrimonju tal-falliment il-benefiċċji materjali kollha miksuba matul it-tranżazzjoni kkontestata. Ladarba dawn il-benefiċċji jkunu ġew irritornati lill-patrimonju tal-falliment, il-kredituri li huma atturi huma intitolati għal saldu preferenzjali minn dawk il-benefiċċji fi proporzjon għall-ammont tal-pretensjonijiet stabbiliti tagħhom.

L-atti legali tad-debitur jistgħu jiġu kkontestati billi titressaq oġġezzjoni f’kawża mingħajr ebda limitu ta’ żmien.

Att legali jista’ jiġi kkontestat anki kontra l-werriet jew suċċessur legali universali ieħor tal-parti li tkun qed topponi.

Tranżazzjoni legali tista’ tiġi kkontestata kontra suċċessuri legali oħra tal-parti li tkun qed topponi:

1. jekk is-suċċessur legali, fiż-żmien tal-akkwist, kien jaf bil-kundizzjonijiet li fuqhom hija bbażata n-nullità tal-akkwist tal-predeċessur legali tiegħu

2. jekk is-suċċessur legali, fiż-żmien tal-akkwist, kien persuna f’relazzjoni mill-qrib mad-debitur, sakemm ma jagħtix prova li f’dak iż-żmien ma kienx jaf dwar iċ-ċirkostanzi li hija bbażata fuqhom in-nullità tal-akkwist tal-predeċessur legali tiegħu

3. jekk dak li ġie akkwistat kien ġie ttrasferit lis-suċċessur legali mingħajr kumpens, jew b’kumpens indeterminat.

Att legali li jkun ġie adottat wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment, li jibqa’ validu skont ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-fiduċja fir-reġistri pubbliċi, jista’ jiġi kkontestat skont ir-regoli dwar il-kontestazzjoni tal-atti legali adottati qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.

L-aħħar aġġornament: 23/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna