Insolvenza/falliment

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Il-liġi tal-Awstrija dwar l-insolvenza mhijiex limitata għall-intraprendituri. Il-kapaċità għal insolvenza hija fil-fatt definita bħala parti mill-kapaċità legali skont il-liġi privata: kwalunkwe persuna li jista’ jkollha drittijiet u obbligi għandha kapaċità għal insolvenza wkoll. Min-naħa l-oħra, din mhijiex kwistjoni ta’ kapaċità ta’ twettiq ta’ tranżazzjoni. Dan ifisser li kwalunkwe persuna fiżika (anki tfal) tista’ tkun debitur f’insolvenza, u hekk ukoll persuni ġuridiċi (privati jew pubbliċi), sħubijiet reġistrati skont il-Kodiċi Kummerċjali (Unternehmensgesetzbuch) (sħubijiet ġenerali (offene Gesellschaften), sħubijiet limitati (Kommanditgesellschaften)) u l-patrimonji tad-deċeduti. Min-naħa l-oħra, sħubijiet silenzjużi (stille Gesellschaften) u kumpaniji kkostitwiti skont il-liġi ċivili (Gesellschaften bürgerlichen Rechts) ma għandhomx kapaċità għal insolvenza.

Wara x-xoljiment ta’ persuna ġuridika jew ta’ sħubija reġistrata, il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza huwa permess dment li l-assi ma jkunux ġew iddistribwiti (§ 68 tal-Kodiċi dwar l-Insolvenza (Insolvenzordnung - IO)).

Jistgħu jinfetħu proċedimenti ta’ falliment (Konkursverfahren), iżda mhux proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni (Sanierungsverfahren), kontra l-assi ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu, ta’ ditti tat-titoli, ta’ ditti tas-servizzi ta’ investiment u ta’ impriżi tal-assigurazzjoni (§ 82(1) tal-Att Bankarju (Bankwesengesetz – BWG), § 79 tal-Att tal-2018 dwar is-Superviżjoni tal-Garanziji (Wertpapieraufsichtsgesetz - WAG 2018) u § 309(1) tal-Att tal-2016 dwar is-Superviżjoni tal-Assigurazzjoni (Versicherungsaufsichtsgesetz - VAG 2016)).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Minn meta daħal fis-seħħ l-Att Emendatorju tal-2010 dwar il-Liġi tal-Insolvenza (Insolvenzrechtsänderungsgesetz 2010), sar hemm tip wieħed biss ta’ proċedimenti ta’ insolvenza standard skont il-liġi Awstrijaka. Madankollu, fl-istess ħin, jingħataw deżinjazzjonijiet differenti skont il-perkors attwali tal-proċedimenti:

Il-proċedimenti ta’ insolvenza huma magħrufin bħala proċedimenti ta’ falliment (Konkursverfahren) jekk ma jkun għad hemm ebda pjan ta’ ristrutturar disponibbli meta jinfetħu l-proċedimenti. Fil-prinċipju, kemm il-likwidazzjoni kif ukoll ir-ristrutturar huma possibbli skont il-proċedimenti ta’ falliment.

Il-proċedimenti ta’ insolvenza huma magħrufin bħala proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni jekk diġà jkun jeżisti pjan ta’ ristrutturar meta jinfetħu l-proċedimenti. Il-proċedimenti jiffokaw fuq ir-riorganizzazzjoni tad-debitur. Huma disponibbli għal persuni fiżiċi li jmexxu negozju, għal persuni ġuridiċi, għal sħubijiet u għal patrimonji tad-deċeduti (§ 166 tal-IO).

Il-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni huma possibbli b’debitur jew mingħajr debitur fil-pussess (Eigenverwaltung). Id-debitur jibqa’ fil-pussess (taħt is-superviżjoni ta’ amministratur tar-riorganizzazzjoni (Sanierungsverwalter)) jekk joffri dividend ta’ mill-inqas 30 % lill-kredituri tal-insolvenza fil-pjan ta’ ristrutturar u jkun hemm dokumenti oħrajn disponibbli wkoll. Pereżempju, hemm bżonn ta’ pjan finanzjarju, li juri li l-finanzjament huwa ggarantit għal 90 jum.

Il-proċedimenti ta’ saldu tad-djun (Schuldenregulierungsverfahren), li huma disponibbli għal persuni fiżiċi li ma jmexxux negozju, huma varjant ieħor tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

Talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza trid issir mid-debitur jew minn kreditur. Fil-każ ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni, dejjem trid issir talba mid-debitur u jrid ikun jeżisti pjan ta’ ristrutturar.

Prerekwiżit għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza huwa li, fil-prinċipju, id-debitur irid ikun insolventi (§ 66 tal-IO). Il-proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu wkoll fil-forma ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni fil-każ ta’ insolvenza imminenti (§ 167(2) tal-IO). Il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza fir-rigward ta’ sħubijiet reġistrati li fihom ebda sieħeb b’responsabbiltà illimitata ma jkun persuna fiżika, jew fir-rigward tal-assi ta’ persuni ġuridiċi u fir-rigward tal-patrimonji tad-deċeduti jseħħ ukoll fil-każ ta’ dejn eċċessiv (§ 67 tal-IO).

Kundizzjoni oħra għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza hija d-disponibilità ta’ assi sabiex ikopru l-ispejjeż. Tal-inqas iridu jiġu koperti l-ispejjeż inizjali tal-proċedimenti ta’ insolvenza (eċċezzjoni: il-proċedimenti ta’ saldu tad-djun f’ċerti każijiet).

Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza huwa ppubblikat f’editt fuq l-Internet (www.edikte.gv.at). Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jipproduċi effetti legali fil-bidu tal-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tal-editt. Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza huwa rreġistrat f’reġistri pubbliċi wkoll (ir-Reġistru tal-Artijiet (Grundbuch), ir-Reġistru Kummerċjali (Firmenbuch) eċċ.).

Jekk il-proċedimenti ta’ insolvenza ma jkunux jistgħu jinfetħu minnufih, il-qorti tal-insolvenza (Insolvenzgericht) trid tordna miżuri interim sabiex tissalvagwardja l-patrimonju u, b’mod partikolari, sabiex tipprevjeni atti legali annullabbli u tiżgura l-kontinwazzjoni ta’ negozju, bil-patt li t-talba sabiex jinfetħu l-proċedimenti ma tkunx kjarament infondata (§ 73 tal-IO). Il-qorti tista’ tipprojbixxi lid-debitur milli jwettaq ċerti atti legali (eż. il-bejgħ jew l-aggravar ta’ proprjetà) jew milli jagħmel tali atti soġġetti għal approvazzjoni mill-qorti. Hu possibbli li jinħatar amministratur temporanju wkoll.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza għandu l-effett ta’ tiċħid lid-debitur mid-dritt ta’ disponiment liberu fuq l-assi kollha soġġetti għal infurzar, li jappartjenu lid-debitur f’dan iż-żmien jew li d-debitur jakkwista matul il-proċedimenti ta’ insolvenza (§ 2(2) tal-IO). Dawn isiru dovuti għall-proprjetà tal-insolvenza (Insolvenzmasse).

Għalhekk, il-proprjetà tal-insolvenza tikkonsisti fl-assi mobbli u immobbli kollha tad-debitur, bħal ishma fi proprjetà immobbli, ishma ta’ sjieda konġunta, pretensjonijiet, drittijiet ta’ lokazzjoni, wirt, eċċ. Il-proprjetà tal-insolvenza ma tinkludix il-pretensjonijiet tad-debitur għall-manteniment, dak li jiggwadanja d-debitur bl-isforzi tiegħu stess, jew is-sehem mis-salarji (sussistenza minima) eżenti. Bl-istess mod, il-patrimonju ma jinkludix beni mobbli eżenti (eż. oġġetti għall-użu personali) u drittijiet strettament personali (eż. drittijiet tal-proprjetà industrijali).

Jekk id-debitur jgħix f’dar li tappartjeni għall-proprjetà tal-insolvenza (jew appartament okkupat mis-sid), hu u familtu għall-ewwel ma jitkeċċewx mill-bini residenzjali essenzjali (§ 5(3) tal-IO). Madankollu, dan ma jipprevjenix ir-realizzazzjoni tad-dar (appartament okkupat mis-sid) fi proċedimenti ta’ insolvenza. Il-qorti tal-insolvenza tħalli wkoll id-drittijiet ta’ kiri (jew drittijiet oħrajn ta’ użu) rigward il-bini residenzjali li huma indispensabbli għad-debitur u għall-familja tiegħu għad-dispożizzjoni libera tad-debitur (§ 5(4) tal-IO). It-tħallija ta’ dawn id-drittijiet għad-dispożizzjoni libera tad-debitur twassal għas-segregazzjoni ta’ dawn mill-proprjetà tal-insolvenza.

Il-kumitat tal-kredituri (Gläubigerausschuss) jista’ jiddeċiedi wkoll, bl-approvazzjoni tal-qorti tal-insolvenza, li jissegrega l-pretensjonijiet li aktarx li mhumiex se jirnexxu b’mod adegwat jew oġġetti ta’ valur minuri mill-proprjetà tal-insolvenza (§ 119(5) tal-IO). Ir-raġuni għal segregazzjoni bħal din hija li din tevita l-ispejjeż ta’ realizzazzjoni ta’ kull oġġett li jappartjeni għall-patrimonju li ma jġib ebda benefiċċju għall-patrimonju.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Il-proċedura tal-insolvenza

  • Id-debitur
    • huwa intitolat li japplika għal falliment u li jappella kontra l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment;
    • jitlef is-setgħa ta’ disponiment b’rabta mal-assi li jappartjenu għall-patrimonju meta jinfetħu l-proċedimenti ta’ falliment;
    • huwa intitolat li jattendi l-laqgħa tal-kredituri (Gläubigerversammlung) u tal-kumitat tal-kredituri;
    • huwa intitolat li jagħmel applikazzjoni għall-konklużjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar.
  • It-trustee f’falliment (Masseverwalter)
    • huwa responsabbli għall-kondotta prattika tal-proċedimenti ta’ insolvenza;
    • janalizza l-pożizzjoni finanzjarja tad-debitur;
    • ikompli jmexxi n-negozju jekk ma jkunx għadu ngħalaq fil-ftuħ tal-proċedimenti u ma jirriżulta ebda żvantaġġ mill-kontinwazzjoni għall-kredituri;
    • jeżamina l-pretensjonijiet ippreżentati;
    • jeżamina jekk pjan ta’ ristrutturar huwiex fl-interessi tal-kredituri u jekk huwiex probabbli li jkun eżegwibbli;
    • jistabbilixxi u jiddisponi l-assi;
    • jamministra u jirrappreżenta lill-proprjetà tal-insolvenza;
    • jeżerċita d-dritt ta’ kontestazzjoni għall-proprjetà tal-insolvenza;
    • jiddistribwixxi r-rikavati mill-patrimonju.

Meta l-proċedimenti ta’ falliment jikkonċernaw persuni fiżiċi li ma jmexxux negozju (proċedimenti ta’ saldu tad-djun), il-ħatra ta’ trustee f’falliment hija l-eċċezzjoni. Jekk il-qorti tal-insolvenza ma taħtarx trustee f’falliment, hi stess trid tittratta l-kwistjonijiet fdati lit-trustee f’falliment skont il-Kodiċi dwar l-Insolvenza.

Proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni mingħajr debitur fil-pussess

  • Id-debitur
    • japplika għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni u għall-konklużjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar;
    • jitlef is-setgħa ta’ disponiment b’rabta mal-assi li jappartjenu għall-patrimonju meta jinfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza;
    • huwa intitolat li jattendi laqgħat tal-kredituri u tal-kumitat tal-kredituri.
  • It-trustee f’falliment
    • huwa responsabbli għall-kondotta prattika tal-proċedimenti ta’ insolvenza;
    • janalizza l-pożizzjoni finanzjarja tad-debitur;
    • ikompli jmexxi n-negozju jekk ma jkunx għadu ngħalaq fil-ftuħ tal-proċedimenti u ma jirriżulta ebda żvantaġġ mill-kontinwazzjoni għall-kredituri;
    • jeżamina l-pretensjonijiet ippreżentati;
    • jeżamina jekk pjan ta’ ristrutturar huwiex fl-interessi tal-kredituri u jekk huwiex probabbli li jkun eżegwibbli;
    • jamministra u jirrappreżenta lill-proprjetà tal-insolvenza;
    • jeżerċita d-dritt ta’ kontestazzjoni għall-proprjetà tal-insolvenza.

Proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni bid-debitur fil-pussess

  • Id-debitur
    • japplika għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni bid-debitur fil-pussess u għall-konklużjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar u mal-applikazzjoni jippreżenta wkoll id-dokumenti neċessarji għad-debitur fil-pussess;
    • iżomm setgħa (limitata) ta’ disponiment u, fil-prinċipju, ikompli jamministra l-assi hu stess;
    • huwa taħt is-superviżjoni tal-amministratur tar-riorganizzazzjoni u tal-qorti tal-insolvenza.
  • L-amministratur tar-riorganizzazzjoni
    • jissorvelja lid-debitur u l-ġestjoni tan-negozju tad-debitur;
    • jagħti jew jirrifjuta l-awtorizzazzjoni għal atti legali li ma jitwettqux fil-perkors normali tan-negozju;
    • jirrappreżenta lid-debitur f’kull kwistjoni li fiha d-debitur ma għandux is-setgħa ta’ disponiment;
    • jaċċerta l-pożizzjoni finanzjarja tad-debitur;
    • jeżamina jekk il-pjan ta’ ristrutturar huwiex eżegwibbli u jekk jeżistux raġunijiet għall-irtirar tal-pussess;
    • jeżamina l-pretensjonijiet ippreżentati;
    • jeżerċita d-dritt ta’ kontestazzjoni għall-proprjetà tal-insolvenza.

Il-qorti tal-insolvenza trid tissorvelja l-attivitajiet tal-amministratur tal-insolvenza (Insolvenzverwalter). Din tista’ toħroġ struzzjonijiet bil-miktub jew orali lill-amministratur tal-insolvenza, tikseb rapporti u spjegazzjonijiet, tispezzjona kontijiet u dokumenti oħrajn u twettaq l-inkjesti neċessarji. Il-qorti tista’ tordna wkoll lill-amministratur tal-insolvenza sabiex jikseb struzzjonijiet mingħand il-kumitat tal-kredituri dwar kwistjonijiet individwali. L-amministratur tal-insolvenza jrid jinnotifika lill-qorti dwar ċerti tranżazzjonijiet qabel ma jikkonkludihom (§ 116 tal-IO); tranżazzjonijiet oħrajn jeħtieġu l-approvazzjoni tal-kumitat tal-kredituri u tal-qorti tal-insolvenza (§ 117 tal-IO);

Il-ħatra u r-remunerazzjoni tal-amministratur tal-insolvenza

L-amministratur tal-insolvenza jrid jinħatar mill-qorti tal-insolvenza fuq mozzjoni tagħha stess dwar il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza. L-amministratur irid ikun responsabbli, affidabbli u esperjenzat fin-negozju u jkollu għarfien dwar is-sistema ta’ insolvenza (§ 80(2) tal-IO). Fi proċedimenti ta’ insolvenza li jikkonċernaw in-negozju, hemm bżonn ta’ għarfien suffiċjenti tal-liġi kummerċjali jew tal-amministrazzjoni tan-negozju (§ 80(3) tal-IO). Persuni interessati fl-amministrazzjoni tal-insolvenza jistgħu jirreġistraw f’lista ta’ amministraturi tal-insolvenza. Il-lista hija disponibbli fuq l-Internet fuq www.iv.justiz.gv.at u tintuża mill-qrati tal-insolvenza sabiex jiffaċilitaw l-għażla ta’ amministratur tal-insolvenza xieraq.

L-amministratur tal-insolvenza ma jistax ikun qarib viċin (§ 32 tal-IO), iżda lanqas kompetitur tad-debitur u jrid ikun indipendenti kemm mid-debitur kif ukoll mill-kredituri (§ 80b(1) tal-IO).

Anki persuni ġuridiċi jistgħu jinħatru bħala amministraturi tal-insolvenza. Jeħtiġilhom jinformaw lill-qorti dwar l-isem tal-persuna fiżika li qed tirrappreżentahom fit-twettiq tal-amministrazzjoni tal-insolvenza (§ 80(5) tal-IO).

L-amministratur tal-insolvenza huwa intitolat li jingħata rimborż tal-ispejjeż tiegħu ta’ flus kontanti u għal remunerazzjoni għall-isforzi tiegħu, flimkien mat-taxxa fuq il-valur miżjud (§ 82, l-ewwel sentenza, tal-IO). L-ammont tal-miżata tal-amministratur huwa regolat mil-liġi (§ 82 tal-IO) u jiddependi mir-rikavati gross li l-amministratur tal-insolvenza jkun kiseb mir-realizzazzjoni tal-assi. Madankollu, dan jinkludi biss ir-rikavati li l-amministratur tal-insolvenza kien responsabbli mill-ġbir tagħhom. Ir-remunerazzjoni minima għall-amministratur tal-insolvenza hija ta’ EUR 3 000. Hemm remunerazzjoni addizzjonali fuq l-adozzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar jew ta’ ħlas ((§ 82a tal-IO) u għar-realizzazzjoni ta’ subpatrimonju (§ 82d tal-IO). Titħallas remunerazjoni separata għall-kontinwazzjoni ta’ negozju wkoll (§ 82(3) tal-IO).

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija?

Fil-prinċipju, il-possibbiltà ta’ tpaċija kontra pretensjoni tad-debitur tinżamm matul il-proċedimenti ta’ insolvenza.

Madankollu, huwa prerekwiżit li l-pretensjonijiet kienu eliġibbli għat-tpaċija meta nfetħu l-proċedimenti. It-tpaċija mhijiex permessa jekk kreditur tal-insolvenza jkun sar debitur tal-proprjetà tal-insolvenza biss wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza jew jekk il-pretensjoni kontra d-debitur tkun inkisbet biss wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza (§ 20(1), l-ewwel sentenza, tal-IO). Barra minn hekk, it-tpaċija hija prekluża jekk il-parti terza tkun kisbet il-kontrotalba kontra d-debitur fl-aħħar sitt xhur qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza u fi żmien l-akkwiżizzjoni kienet taf jew missha kienet taf bl-insolvenza (§ 20(1) u (2) tal-IO). F’dawn il-każijiet, anki negliġenza minuri hija ta’ detriment għall-parti terza.

Fil-proċedimenti ta’ insolvenza, it-tpaċija kontra pretensjoni kundizzjonali hija possibbli, indipendentement minn jekk il-pretensjoni kundizzjonali issirx mill-kreditur tal-insolvenza jew mid-debitur. Jekk il-kreditur tal-insolvenza jkollu pretensjoni kundizzjonali, il-qorti tal-insolvenza tista’ tagħmel it-tpaċija dipendenti fuq il-forniment ta’ garanzija (§ 19(2) tal-IO). It-tpaċija fil-proċedimenti ta’ insolvenza lanqas ma hija prekluża mill-fatt li l-pretensjoni tal-kreditur tal-insolvenza mhijiex monetarja (§ 19(2) tal-IO). Din ma twassalx għal diffikultajiet għaliex dawn l-intitolamenti huma kkonvertiti f’pretensjonijiet monetarji meta jinfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza (§ 14(1) tal-IO).

Il-kredituri tal-insolvenza bi pretensjonijiet eliġibbli għat-tpaċija ma għandhomx bżonn li jippreżentawhom fil-proċedimenti ta’ insolvenza, dment li jkunu koperti mill-kontrotalba (§ 19(1) tal-IO). Madankollu, il-Qorti Suprema (Oberster Gerichtshof – OGH) iddeċidiet li jekk kreditur tal-insolvenza ma jużax il-possibbiltà statutorja ta’ tpaċija matul il-proċedimenti ta’ insolvenza skont § 19(1) tal-IO, ladarba l-pjan ta’ ristrutturar ikun ġie finalment ikkonfermat u l-proċedimenti ta’ insolvenza jkunu ngħalqu, bħala regola, dawn ikunu jistgħu jiġu paċuti biss bir-rata tal-pjan ta’ ristrutturar tad-dividend. (RIS-Justiz RS0051601 [T4]).

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Kuntratti bilaterali

Jekk kuntratt bilaterali ma jkunx ġie eżegwit jew ma jkunx ġie eżegwit bis-sħiħ mid-debitur u mill-parti l-oħra fi żmien il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, l-amministratur tal-insolvenza jista’ jeżegwixxi l-kuntratt (kollu kemm hu) għan-nom tad-debitur u jitlob l-eżekuzzjoni mill-parti l-oħra jew inkella jħassar il-kuntratt (§ 21(1) tal-IO). Fil-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni bid-debitur fil-pussess, id-debitur jintalab jagħmel dikjarazzjoni skont § 21 tal-IO. Jekk id-debitur jixtieq iħassar il-kuntratt, ikun hemm bżonn l-approvazzjoni tal-amministratur tar-riorganizzazzjoni (§ 171(1) tal-IO). Jekk il-parti l-oħra tkun taħt l-obbligu li teżegwixxi l-kuntratt minn qabel, din tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ dan sakemm tiġi pprovduta garanzija, sakemm fi żmien konklużjoni tal-kuntratt ma kinitx taf biċ-ċirkustanzi finanzjarji avversi tad-debitur (§ 21(3) tal-IO).

Lokazzjonijiet

F’każ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza relatati mal-kerrej, l-amministratur tal-insolvenza huwa intitolat li jtemm il-lokazzjoni soġġetta għall-konformità mal-perjodu ta’ notifika statutorju jew perjodu ta’ notifika iqsar miftiehem (§ 23 tal-IO).

Kuntratti ta’ impjieg:

Jekk id-debitur ikun impjegatur u jekk ir-relazzjoni tax-xogħol diġà tkun daħlet fis-seħħ, fil-prinċipju din tista’ tiġi tterminata mill-impjegat permezz ta’ riżenja bikrija, jew mill-amministratur tal-insolvenza, soġġett għar-rispett tat-terminu ta’ notifika statutorju, għat-terminu miftiehem b’mod kollettiv ta’ notifika jew għat-terminu ta’ notifika iqsar miftiehem b’mod ammissibbli, b’kunsiderazzjoni tar-restrizzjonijiet statutorji relatati mat-terminazzjoni, fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tordna, tapprova jew tistabbilixxi l-għeluq tal-intrapriża jew ta’ diviżjoni tal-intrapriża. Japplikaw dispożizzjonijiet speċjali għall-proċedimenti ta’ insolvenza bid-debitur fil-pussess.

Projbizzjoni fuq it-terminazzjoni tal-kuntratti

Jekk it-terminazzjoni ta’ kuntratt tista’ xxekkel il-kontinwazzjoni tan-negozju tad-debitur, il-parti l-oħra tista’ tittermina kuntratt li daħlet fih mad-debitur, għal perjodu ta’ sitt xhur li jibda mill-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, għal raġuni valida biss. Id-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tad-debitur u l-inadempjenza tad-debitur fl-issodisfar tal-pretensjonijiet li jkunu saru dovuti qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza mhumiex meqjusin bħala raġuni valida (§ 25a(1) tal-IO). Ir-restrizzjonijiet ma japplikawx jekk it-terminazzjoni tal-kuntratt tkun essenzjali sabiex tiġi evitata diffikultà personali jew ekonomika serja għall-parti kontraenti, fil-każ ta’ intitolament għall-iżborż ta’ self u fil-każ ta’ kuntratti tax-xogħol (§ 25a(2) tal-IO).

Ftehimiet invalidi

Skont § 25b(2) tal-IO, mhuwiex permess li tiddaħħal dispożizzjoni kuntrattwali li tħassar jew tittermina kuntratt fil-każ tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza. Fil-prinċipju, dan japplika għall-kuntratti kollha (ftit eċċezzjonijiet jikkonċernaw kuntratti skont l-Att Bankarju jew l-Att dwar il-Borża ( Börsegesetz)).

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Mill-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, il-kredituri tal-insolvenza ma jistgħux jibqgħu jfittxu l-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur bi proċess ġudizzjarju, la b’mod individwali u lanqas barra mill-insolvenza (projbizzjoni tal-proċedimenti, § 6(1) tal-IO). Lanqas ma jistgħu jinħarġu inibizzjonijiet favur il-pretensjonijiet ta’ insolvenza. Fil-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni bid-debitur fil-pussess biss id-debitur jibqa’ intitolat li jieħu passi legali u jiftaħ proċedimenti oħrajn f’dak li għandu x’jaqsam mal-pussess (§ 173 tal-IO). Jekk għall-kuntrarju ta’ § 6(1) IO titressaq kawża mid-debitur jew kontra d-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, din trid tiġi miċħuda.

Barra minn hekk, wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, ma jista’ jinkiseb ebda rahan jew dritt ta’ sodisfazzjon sabiex jiġi infurzat il-ħlas ta’ pretensjoni ta’ insolvenza (projbizzjoni għall-infurzar, § 10(1) tal-IO). Rigward l-intitolament għas-segragazzjoni u għal saldu separat diġà stabbiliti qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, ma hemm ebda projbizzjoni ġenerali għall-infurzar; għaldaqstant, l-infurzar jista’ jitfittex fi proċedimenti ta’ insolvenza wkoll.

Il-projbizzjonijiet għall-proċedimenti u għall-infurzar iridu jiġu osservati ex officio mill-qorti, u jestendu għall-kredituri tal-insolvenza kollha.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Kawżi pendenti relatati mal-patrimonju jiġu sospiżi ex lege mal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza (§ 7(1) tal-IO). Is-sospensjoni tal-proċedimenti tiġi eżerċitata ex officio.

Proċedimenti li jikkonċernaw il-pretensjonijiet ta’ insolvenza bl-ebda mod ma jistgħu jkomplu qabel ma ssir il-laqgħa ta’ verifika (§ 7(3) tal-IO). Jekk il-pretenzjoni tiġi kkontestata matul il-laqgħa ta’ verifika mill-amministratur tal-insolvenza jew minn wieħed mill-kredituri intitolati biex jagħmlu dan, il-proċedimenti sospiżi jistgħu jitkomplew bħala proċess ta’ verifika (§ 113 tal-IO).

Il-proċedimenti li jikkonċernaw pretensjonijiet li ma jiġux ippreżentati fil-proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jitkomplew minnufih.

Fil-prinċipju, il-proċedimenti ta’ infurzar li jinbdew qabel il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza ma jiġux sospiżi. Madankollu, rhuna u drittijiet ta’ sodisfazzjon miksubin għall-infurzar ta’ ħlas fis-60 jum qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza jiskadu ex lege, sakemm ma kinux dwar pretensjonijiet skont il-liġi pubblika (§ 12(1) tal-IO). Fil-każ ta’ skadenza, il-proċedimenti ta’ infurzar għar-realizzazzjoni għandhom jiġu sospiżi fuq it-talba tal-qorti tal-insolvenza jew tal-amministratur tal-insolvenza (§ 12(2) tal-IO).

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

L-ewwel laqgħa tal-kredituri

Il-laqgħa tal-kredituri hija l-korp ġenerali ta’ kredituri tal-insolvenza u sservi sabiex tippermetti lill-kredituri tal-insolvenza jieħdu sehem fil-proċedimenti. Il-qorti tal-insolvenza hija responsabbli għat-tlaqqigħ u għall-ippresidjar tal-laqgħa tal-kredituri (§ 91(1) tal-IO). L-ewwel laqgħa tal-kredituri titlaqqa’ mal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza u hija obbligata mil-liġi. Il-qorti tal-insolvenza tista’ tlaqqa’ iktar laqgħat bid-diskrezzjoni tagħha. Laqgħa tal-kredituri titlaqqa’ b’mod partikolari jekk japplikaw għaliha l-amministratur tal-insolvenza, il-kumitat tal-kredituri jew tal-inqas żewġ kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom jirrappreżentaw madwar kwart mill-pretensjonijiet tal-insolvenza, filwaqt li jispeċifikaw il-punti fl-aġenda.

Il-laqgħa tal-kredituri għandha ċerti drittijiet ta’ petizzjoni (eż. għall-ħatra ta’ kumitat tal-kredituri jew għat-tkeċċija tal-amministratur tal-insolvenza). Hija responsabbli wkoll għall-votazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar.

Deċiżjonijiet u applikazzjonijiet mil-laqgħa tal-kredituri ġeneralment jeħtieġu maġġoranza assoluta ta’ voti, li trid tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-ammont tal-pretensjonijiet (§ 92(1) tal-IO).

Kumitat tal-kredituri

Kumitat tal-kredituri mhux bilfors li jinħatar dejjem fil-proċedimenti ta’ insolvenza, iżda biss meta dan ikun rakkomandabbli fid-dawl tan-natura jew tal-iskala partikolari tan-negozju. Jekk il-bejgħ jew il-lokazzjoni tan-negozju jew ta’ parti min-negozju jkunu pendenti (§ 117(1), numru 1, tal-IO), dejjem irid jinħatar kumitat tal-kredituri. Dan iservi sabiex jissorvelja u jassisti lill-amministratur tal-insolvenza (§ 89(1) tal-IO). L-amministratur jeħtieġlu jikkonsulta mal-kumitat tal-kredituri fir-rigward ta’ arranġamenti importanti (§ 114(1) tal-IO). Għal ċerti tranżazzjonijiet importanti (eż. il-bejgħ tan-negozju), il-kunsens tal-kumitat tal-kredituri huwa prekundizzjoni għall-validità.

Kumitat tal-kredituri jikkonsisti fi tliet sa seba’ membri. Il-ħatra ssir mill-qorti fuq mozzjoni tagħha stess jew wara li tiġi ppreżentata applikazzjoni. Mhux biss il-kredituri, iżda anki persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn jistgħu jinħatru bħala membri.

Assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-kredituri

Fil-prattika l-interessi tal-kredituri tal-insolvenza huma f’ħafna mill-każijiet irrappreżentati minn assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-kredituri (Gläubigerschutzverbände). Dawn l-assoċjazzjonijiet jippreżentaw il-pretensjonijiet, jattendu laqgħat u jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tal-kredituri tal-insolvenza li jirrappreżentaw fil-każ ta’ pjan ta’ ristrutturar. L-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-kredituri jissorveljaw ukoll l-iżborżi mill-amministratur tal-insolvenza.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Fil-prinċipju, it-trustee f'falliment huwa meħtieġ jiddisponi l-oġġetti li jappartjenu għall-proprjetà tal-insolvenza barra mill-qorti, b’mod partikolari bil-bejgħ fis-suq miftuħ. Is-subbasta mill-qorti skont il-Kodiċi dwar l-Infurzar (Exekutionsordnung) isseħħ biss f’każijiet eċċezzjonali, fejn dan ikun deċiż mill-qorti tal-insolvenza bħala tweġiba għal applikazzjoni mit-trustee f’falliment.

Bl-approvazzjoni tal-qorti tal-insolvenza, il-kumitat tal-kredituri jista’ jiddeċiedi li l-pretensjonijiet li l-infurzar tagħhom ma jkunx probabbli li jirnexxi b’mod adegwat, u oġġetti ta’ valur minuri, għandhom jiġu ċeduti lid-debitur għad-dispożizzjoni libera tad-debitur.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Pretensjonijiet ta’ insolvenza

Il-pretensjonijiet ta’ insolvenza (Insolvenzforderungen) huma l-pretensjonijiet ta’ kredituri li jkollhom pretensjonijiet pekunarji kontra d-debitur meta jinfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza (§ 51 tal-IO). Madankollu, l-imgħax fuq il-pretensjonijiet ta’ insolvenza mill-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni fil-proċedimenti ta’ insolvenza, il-multi għal reati ta’ kull xorta, kif ukoll pretensjonijiet relatati ma’ rigali u, fil-każ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, fuq il-patrimonju ta’ deċedut, kif ukoll pretensjonijiet li jirriżultaw minn legati, mhumiex pretensjonijiet ta’ insolvenza (§ 58 tal-IO).

Il-prinċipju ta’ trattament indaqs japplika fil-prinċipju għall-pretensjonijiet ta’ insolvenza. La l-awtoritajiet pubbliċi u lanqas l-impjegati ma jingħataw preferenza fil-proċedimenti ta’ insolvenza.

Madankollu, pretensjonijiet ta’ azzjonist għall-ħlas lura ta’ self minn azzjonist li jieħu post l-ekwità huma pretensjonijiet subordinati.

Jekk kreditur jixtieq li jinfeda mill-proprjetà tal-insolvenza, irid jippreżenta l-pretensjoni ta’ insolvenza tiegħu fil-proċedimenti ta’ insolvenza, anki jekk ikun hemm kawża pendenti jew jekk diġà tkun inqatgħet sentenza f’dan ir-rigward.

Pretensjonijiet fuq djun imġarrba mill-patrimonju

Pretensjonijiet fuq djun imġarrba mill-patrimonju tal-insolvenza (Massenforderungen) huma talbiet espressament elenkati fil-Kodiċi li jirriżultaw biss wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza. Il-pretensjonijiet fuq id-djun imġarrba mill-patrimonju jridu jiġu ssodisfati mill-patrimonju fuq bażi preferenzjali, jiġifieri qabel ma jiġu ssodisfati l-kredituri ta’ insolvenza (§ 47 (1) IO). It-tali l-aktar pretensjonijiet importanti huma (§ 46(1) tal-IO):

  • l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ insolvenza;
  • l-iżborż assoċjat mal-preservazzjoni, mal-amministrazzjoni u mal-ġestjoni tal-proprjetà tal-insolvenza;
  • il-miżati pubbliċi kollha relatati mal-patrimonju, jekk u sa fejn iċ-ċirkustanzi li jiskattaw il-miżata jimmaterjalizzaw wara li jinfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza;
  • pretensjonijiet minn impjegati għar-remunerazzjoni regolari għal perjodi wara li jinfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza;
  • pretensjonijiet għat-twettiq ta’ kuntratti bilaterali li daħal fihom l-amministratur tal-insolvenza;
  • pretensjonijiet li jirriżultaw minn atti legali mill-amministratur tal-insolvenza;
  • pretensjonijiet li jirriżultaw mill-arrikkiment tal-proprjetà tal-insolvenza mingħajr raġuni valida;
  • pretensjonijiet li jirriżultaw mit-terminazzjoni ta’ relazzjoni tax-xogħol, jekk din tkun daħlet fis-seħħ matul il-proċedimenti ta’ insolvenza.

Il-pretensjonijiet għal djun imġarrba mill-patrimonju ma għandhomx għalfejn jiġu ppreżentati fil-proċedimenti ta’ insolvenza. Jekk l-amministratur tal-insolvenza jirrifjuta li jissodisfa tali pretensjoni meta din tkun dovuta, f’dak il-każ il-kreditur inkwistjoni jista’ jinvoka l-pretensjoni permezz tal-qrati.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Il-pretensjonijiet ta’ insolvenza jridu jiġu ppreżentati bil-miktub quddiem il-qorti tal-insolvenza. Dawn iridu jiġu ppreżentati fil-munita nazzjonali (euro);

kull konverżjoni tal-munita sseħħ fid-data tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Meta tiġi ppreżentata pretensjoni, ikun hemm bżonn li jiġu stipulati l-ammont tagħha u l-fatti li hija bbażata fuqhom, kif ukoll l-evidenza li tista’ tiġi pprovduta sabiex jingħataw provi għall-pretensjoni allegata. Il-kreditur irid ukoll jiddikjara jekk hemmx xi riżerva ta’ titolu għat-talba u liema assi jaqgħu taħt tali riżerva, u jekk hux qed tintalab tpaċija u, jekk iva, l-ammonti tal-pretensjonijiet reċiproċi eżistenti fid-data meta nfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza. Il-kreditur irid jipprovdi l-indirizz tal-posta elettronika u d-dettalji tal-kont bankarju tiegħu.

Il-pretensjonijiet jenħtieġ li jitressqu permezz tal-formolarju pprovdut fuq www.justiz.gv.at. Jekk il-kreditur iressaq pretensjoni mingħajr ma juża dan il-formolarju, il-pretensjoni trid xorta waħda tinkludi l-informazzjoni elenkata fil-formolarju.

Dan ir-Regolament tal-UE dwar l-Insolvenza japplika għal pretensjonijiet imressqa minn kredituri barranin. Hemm ipprovdut formolarju standard fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni; jekk il-kreditur ma jużax dak il-formolarju, il-pretensjoni trid xorta waħda tinkludi l-informazzjoni elenkata fir-Regolament dwar l-Insolvenza.

Il-pretensjonijiet ta’ insolvenza jridu jiġu ppreżentati fil-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ pretensjonijiet, li huwa indikat fid-digriet tal-insolvenza. Jekk kreditur jippreżenta pretensjoni tard, il-kreditur jista’ ikollu jħallas l-ispejjeż assoċjati ta’ laqgħa għal verifika speċjali. Pretensjonijiet ippreżentati iktar tard minn 14-il jum qabel il-laqgħa għall-verifika tal-kontijiet finali mhumiex se jiġu kkunsidrati (§ 107(1), l-aħħar sentenza, tal-IO).

Jekk pretensjoni ppreżentata tiġi rikonoxxuta mill-amministratur tal-insolvenza u ma tiġix ikkontestata minn xi kreditur tal-insolvenza ieħor, din tiġi kkunsidrata bħala ammessa. Dan ifisser b’mod partikolari li l-kreditur tal-insolvenza jiġi kkunsidrat fid-distribuzzjoni.

Jekk pretensjoni ppreżentata tiġi kkontestata mill-amministratur tal-insolvenza jew minn kreditur tal-insolvenza, il-pretensjoni tista’ tiġi vverifikata fi proċedimenti ċivili biss tal-qorti. Jekk il-pretensjoni hijiex ikkunsidrata bħala ammessa fil-proċedimenti ta’ insolvenza jiddependi mill-eżitu ta’ dawn il-proċedimenti ċivili.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Id-distribuzzjoni tar-rikavati hija regolata fi §§ 128-138 tal-IO.

Il-pretensjonijiet għad-djun imġarrba mill-patrimonju tal-insolvenza għandhom jiġu ssodisfati permezz ta’ prijorità, segwiti mill-pretensjonijiet ta’ insolvenza.

Il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom huma għal djun imġarrba mill-patrimonju jridu jiġu ssodisfati malli jiġu stabbiliti u jsiru dovuti l-pretensjonijiet tagħhom, mingħajr kunsiderazzjoni tal-istatus tal-proċedimenti. Jekk il-fondi disponibbli ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-pretensjonijiet fuq djun imġarrba mill-patrimonju kollu, dawn iridu jiġu ssodisfati skont il-klassifikazzjoni li ġejja: (§ 47 tal-IO):

  • l-ispejjeż fi flus maħruġin bil-quddiem mill-amministratur tal-insolvenza;
  • l-ispejjeż l-oħrajn tal-proċedimenti;
  • l-ispejjeż maħruġin bil-quddiem minn parti terza sa fejn kien neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż tal-proċedimenti;
  • il-pretensjonijiet tal-impjegati, sa fejn ma jkunux iggarantiti mill-Att dwar il-Garanzija tar-Remunerazzjoni tal-Insolvenza (Insolvenz-Entgeltsicherungsgesetz);
  • il-pretensjonijiet tal-impjegati li jirriżultaw mit-terminazzjoni ta’ relazzjoni tax-xogħol, sa fejn ma jkunux iggarantiti mill-Att dwar il-Garanzija tar-Remunerazzjoni tal-Insolvenza;
  • pretensjonijiet fuq djun imġarrba mill-patrimonju.

L-ammont li jifdal wara li jiġu ssodisfati bis-sħiħ dawk il-pretensjonijiet jrid jiġi distribwit bħala dividend lill-kredituri tal-insolvenza. Is-sodisfazzjon tal-kredituri tal-insolvenza ma jistax jinbeda qabel ma ssir il-laqgħa ta’ verifika ġenerali. Fil-prinċipju, l-amministratur tal-insolvenza jeħtieġlu jiddistribwixxi wara li jikkonsulta lill-kumitat tal-kredituri u fuq il-bażi tal-approvazzjoni tal-pjan ta’ distribuzzjoni mill-qorti tal-insolvenza.

Il-kredituri garantiti jieħdu preċedenza fuq il-kredituri tal-insolvenza u l-kredituri bi pretensjonijiet fuq djun imġarrba mill-patrimonju sakemm il-pretensjonijiet tagħhom ikunu koperti mill-proprjetà li sservi bħala garanzija (eż. kollateral). Kwalunkwe eċċess mir-rikavati mid-disponiment jiġi ttrasferit lill-proprjetà tal-insolvenza komuni (§ 48(1) u (2) tal-IO).

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

Pjan ta’ ristrutturar

Pjan ta’ ristrutturar (Sanierungsplan) huwa ftehim konkluż skont il-proċedimenti ta’ insolvenza bejn id-debitur u l-kredituri tal-insolvenza dwar it-tnaqqis u s-sospensjoni tal-ħlas tal-pretensjonijiet ta’ insolvenza u jintuża għas-saldu tad-djun. Jeħtieġ l-approvazzjoni tal-maġġoranza tal-kredituri u konferma mill-qorti tal-insolvenza. Jekk, fil-proċedimenti ta’ insolvenza, il-pjan ta’ ristrutturar propost mid-debitur jiġi approvat mill-maġġoranza tal-kredituri u l-pjan ta’ ristrutturar jiġi kkonfermat mill-qorti tal-insolvenza, id-debitur jiġi rilaxxat minn djun li jaqbżu d-dividend tal-pjan ta’ ristrutturar.

Fil-prinċipju, id-debitur jista’ jikkonkludi pjan ta’ ristrutturar fi kull forma ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, jiġifieri mhux biss fir-riorganizzazzjoni, iżda anki fi proċedimenti ta’ falliment (il-proċedimenti ta’ falliment mhumiex immirati primarjament lejn ir-realizzazzjoni tal-assi u l-qsim; minflok, fi proċedimenti ta’ falliment ukoll, jenħtieġ li l-ewwel jiġi eżaminat jekk huwiex possibbli pjan ta’ ristrutturar).

Fi pjan ta’ ristrutturar, id-debitur irid jagħmel offerta lill-kredituri tal-insolvenza sabiex fi żmien sentejn iħallas mill-inqas 20 % tal-pretensjonijiet ta’ insolvenza. Fil-każ ta’ persuni fiżiċi li ma jmexxux negozju, il-perjodu ta’ ħlas jista’ jitla’ sa ħames snin. L-intitolamenti tas-segregazzjoni jew tal-kredituri ta’ saldu separat ma jistgħux ikunu affettwati mill-pjan ta’ ristrutturar. Il-kredituri bi pretensjonijiet fuq djun imġarrba mill-patrimonju tal-insolvenza għandhom jiġu ssodisfati b’mod sħiħ, u l-kredituri ta’ insolvenza jridu bħala regola jirċievu trattament ugwali.

Il-proċedimenti ta’ insolvenza huma magħrufin bħala proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni jekk diġà jkun jeżisti pjan ta’ ristrutturar meta jinfetħu l-proċedimenti.

Proċedimenti ta’ saldu tad-djun

Pjan ta’ ristrutturar mhuwiex disponibbli biss għal negozji u għal persuni ġuridiċi, iżda anki għal persuni fiżiċi li ma jmexxux negozju. Jekk ma jinkiseb ebda pjan ta’ ristrutturar matul il-proċedimenti ta’ saldu tad-djun, l-assi tad-debitur jiġu realizzati. L-għażliet ulterjuri ta’ solliev ta’ dejn huma l-pjan ta’ ħlas (Zahlungsplan) u, fin-nuqqas ta’ dan, il-proċedura ta’ imposta (Abschöpfungsverfahren). Pjan ta’ ħlas huwa forma speċjali ta’ pjan ta’ ristrutturar. Id-differenza ewlenija tirrigwarda n-nuqqas ta’ dividend minimu speċifiku.

Jekk il-kredituri ma japprovawx pjan ta’ pagament, il-qorti trid tiddeċiedi dwar rikors mid-debitur għal proċedura ta’ imposta bir-rilaxx mid-djun residwi. L-approvazzjoni tal-kredituri mhijiex neċessarja f’dan il-każ. Is-sehem tal-introjtu mhux eżenti jiġi prelevat l-ewwel. Id-debitur irid jassenja pretensjonijiet (tas-salarju) korrispondenti għal seba’ snin lil trustee tal-kredituri. Mal-iskadenza tal-kuntratt ta’ ċessjoni, il-qorti trid tagħlaq proċedura ta’ imposta li tkun għadha miftuħa u, fl-istess ħin, tiddikjara li d-debitur jiġi rilaxxat minn kull dejn mhux imħallas li jkun baqa’ mal-kredituri tal-insolvenza (rilaxx minn djun residwi, Restschuldbefreiung).

Għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza

Jekk il-qorti tal-insolvenza tikkonferma pjan ta’ ristrutturar (jew pjan ta’ ħlas), il-proċedimenti ta’ insolvenza jingħalqu meta d-deċiżjoni li tikkonferma l-pjan ssir finali. Imbagħad isegwi wkoll għeluq awtomatiku tal-proċedimenti ta’ insolvenza ladarba finalment tiġi istitwita proċedura ta’ imposta.

Jekk ma jinkiseb ebda pjan ta’ ristrutturar jew ta’ ħlas, il-proċedimenti ta’ insolvenza jingħalqu mill-qorti tal-insolvenza permezz ta’ deċiżjoni, ladarba tiġi pprovduta evidenza tat-tlestija tad-distribuzzjoni finali.

Il-proċedimenti ta’ insolvenza jridu jingħalqu wkoll jekk il-kredituri kollha - kredituri tal-insolvenza u kredituri bi pretensjonijiet fuq djun imġarrba mill-patrimonju - jaqblu bejniethom, jew jekk jinstab matul il-kors tal-proċedimenti ta’ insolvenza li l-assi mhumiex biżżejjed sabiex ikopru l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

Deċiżjonijiet dwar l-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza huma ppubbblikati fil-bażi ta’ data tal-proċedimenti ta’ insolvenza (Insolvenzdatei).

Bħala riżultat tal-għeluq finali tal-proċedimenti ta’ insolvenza, id-debitur jerġa’ jikseb is-setgħa sħiħa ta’ disponiment fir-rigward tal-assi tiegħu (ħlief jekk tiġi istitwita proċedura ta’ imposta); is-setgħat tal-amministratur tal-insolvenza jintemmu. Barra minn hekk, id-debitur għal darb’oħra jikseb kapaċità mingħajr restrizzjoni li jieħu passi legali u li jittieħdu passi legali kontrih. Isseħħ bidla statutorja tal-parti, f’kawżi pendenti, mill-patrimonju għad-debitur. F’ċerti setturi, id-debitur jista’ jopera negozju mill-ġdid biss soġġett għal restrizzjonijiet amministrattivi (eż. skont ir-regolamenti dwar il-kummerċ (Gewerbeordnung)) jew għal restrizzjonijiet professjonali (eż. skont l-Ordni dwar l-Avukati (Rechtsanwaltsordnung)). Preġudizzju intenzjonali għall-kredituri jġorr b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ pieni kriminali.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Sa fejn il-proċedimenti ta’ insolvenza ma jintemmux bir-rilaxx mid-dejn (bħala riżultat ta’ pjan ta’ ristrutturar, ta’ pjan ta’ ħlas jew ta’ rilaxx mid-dejn residwu wara proċedura ta’ imposta), il-kredituri tal-insolvenza huma liberi li jagħmlu pretensjoni addizzjonali wara l-għeluq finali tal-proċedimenti ta’ insolvenza, jiġifieri issa jistgħu jerġgħu jasserixxu pretensjoni residwa mhux issodisfata fil-proċedimenti ta’ insolvenza permezz ta’ azzjoni legali jew permezz ta’ infurzar kontra l-eks debitur tal-insolvenza.

Il-varjanti ta’ proċedimenti ta’ insolvenza li fihom ikun hemm rilaxx minn djun residwi, min-naħa l-oħra, għandhom l-effett li l-pretensjoni residwa li taqbeż id-dividend hija biss obbligu imperfett ( Naturalobligation), jiġifieri dejn mingħajr obbligazzjoni, li jista’ jitħallas iżda li ma jistax jiġi infurzat.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

L-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ insolvenza jridu jiġġarrbu mill-proprjetà tal-insolvenza.

Jekk ma jkunx hemm biżżejjed assi biex ikopru l-ispejjeż, il-proċedimenti ta’ insolvenza xorta waħda jridu jinfetħu jekk il-kreditur li jippreżenta l-applikazzjoni jħallas ammont sabiex ikopri l-ispejjeż permezz ta’ avvanz. Il-pretensjoni ta’ rimborż mill-kreditur tieħu preċedenza fuq il-pretensjonijiet oħrajn fuq djun imġarrba mill-patrimonju. (§ 46, numru 1, tal-IO).

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Atti legali mid-debitur qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza

Ċerti atti legali li jkunu twettqu qabel ma nfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza u li huma ta’ ħsara għall-kredituri, huma annullabbli (§§ 27 et seq. tal-IO). Kemm aspetti legali pożittivi kif ukoll ommissjonijiet li jikkonċernaw l-assi tad-debitur jistgħu jiġu kkontestati. Il-prerekwiżit għal kontestazzjoni b’suċċess huwa li l-effett tat-tranżazzjoni legali li se tiġi kkontestata kien ta’ ħsara għall-kredituri tal-insolvenza. Dan huwa l-każ jekk l-att legali kkaġuna telf ta’ sodisfazzjon għall-kredituri l-oħrajn, pereżempju billi tnaqqsu l-assi jew żdiedu l-obbligazzjonijiet. Kundizzjoni oħra għal kontestazzjoni b’suċċess hija li, bħala riżultat tal-kontestazzjoni, il-prospetti għas-sodisfazzjon tal-kredituri jitjiebu. Minbarra dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, iridu jiġu ssodisfati l-karatteristiċi ta’ waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin għall-kontestazzjoni ta’ att legali:

  • L-annullabbiltà minħabba intenzjoni ta’ ħolqien ta’ żvantaġġ għall-kredituri (§ 28, numri 1-3, tal-IO)

Jekk id-debitur ikun aġixxa bl-intenzjoni li joħloq żvantaġġ għall-kredituri u l-parti terza kienet taf b’dan, l-annullabbiltà tkopri perjod ta’ għaxar snin qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza (§ 28, numru 1, tal-IO). Jekk in-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-intenzjoni li l-kredituri jiġu żvantaġġati kien biss negliġenti, il-kontestazzjoni hija limitata għal perjodu ta’ sentejn qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

  • Annullabbiltà minħabba tberbiq tal-assi (§ 28, numru 4, tal-IO)

Kuntratti ta’ xiri, ta’ skambju u ta’ provvista konklużi fl-aħħar sena qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza huma annullabbli jekk ikunu kkawżaw tberbiq tal-assi li jagħmel ħsara lill-kredituri, u l-parti l-oħra kienet jew missha kienet taf b’dan.

  • Annullabbiltà minħabba disponimenti mingħajr ħlas (§ 29 tal-IO)

Id-disponimenti mingħajr ħlas mid-debitur imwettqin fis-sentejn ta’ qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza huma annullabbli.

  • Annullabbiltà minħabba trattament preferenzjali (§ 30 tal-IO)

Iċ-ċirkustanza tippermetti l-annullabbiltà ta’ ċerti atti legali li bihom kreditur jingħata trattament preferenzjali fuq l-oħrajn. Kundizzjoni għall-annullabbiltà hija t-twettiq tal-att fi żmien l-aħħar sena qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Fl-istess ħin, hija kundizzjoni li l-insolvenza jew id-dejn eċċessiv iridu tkun diġà seħħet, jew inkella rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza jkun diġà tressaq, jew inkella l-att irid ikun seħħ fl-aħħar 60 jum qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Jekk il-kreditur ma kienx intitolat li jitlob sodisfazzjon jew sigurtà skont it-termini tar-relazzjoni legali rilevanti, jew mhux f’dik il-forma jew f’dak il-ħin (inkongruente Deckung), ma hemmx aktar kondizzjonijiet relatati ma’ intenzjoni jew għarfien. Jekk il-parti l-oħra kienet tabilħaqq intitolata li titlob is-sodisfazzjon jew is-sigurtà f’dik il-forma jew f’dak il-ħin (kongruente Deckung ), l-att jista’ jkun ukoll annullabbli taħt § 30 IO. F’dak il-każ, l-annullabbiltà tirrikjedi li d-debitur ikun ħa ħsieb it-trattament preferenzjali u li l-parti l-oħra kienet taf jew missha kienet taf bl-intenzjoni.

  • Annullabbiltà minħabba l-għarfien dwar l-insolvenza (§ 31 tal-IO)

Din iċ-ċirkustanza tkopri ċerti atti legali li twettqu fis-sitt xhur ta’ qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza u wara li sseħħ l-insolvenza (dejn eċċessiv), dment li l-parti l-oħra kienet taf jew mill-inqas missha kienet taf bl-insolvenza, bid-dejn eċċessiv jew bit-talba għall-ftuħ tal-proċedimenti. Prerekwiżit ieħor huwa li l-att legali jagħti garanzija jew sodisfazzjon lill-kreditur, jew li t-tranazzjoni legali tkun direttament detrimentali.

L-amministratur tal-insolvenza biss huwa intitolat li jikkontesta. Qabel dan, l-amministratur irid jikkonsulta l-kumitat tal-kredituri (§ 114 (1) IO). Il-kontestazzjoni trid issir permezz ta’ rikors għall-annullament (Klage), oġġezzjoni ((Einrede, § 43(1) tal-IO), oppożizzjoni (Widerspruch) fil-proċedimenti ta’ infurzar għat-twettiq, jew bi preżentazzjoni fil-proċedimenti ta’ insolvenza tal-oġġezzjoni għall-kontestazzjoni. Il-kontestazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien sena mill-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, inkella l-pretensjoni tiskadi. Din l-iskadenza tista’ tiġi estiża jekk l-amministratur tal-insolvenza u l-isfidant għall-kontestazzjoni jaqblu, iżda darba biss u biss għal tliet xhur jew anqas (§ 43 (2) IO.

Atti legali mid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza

Sakemm id-debitur ma jkunx intitolat li jibqa’ fil-pussess, l-atti legali mid-debitur imwettqa wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, u li jaffettwaw il-patrimonju tal-insolvenza, fil-prinċipju ma jibqgħux validi fir-rigward tal-kredituri tal-insolvenza (§ 3 (1) IO). Din hija kwistjoni ta’ nuqqas ta’ infurzabbiltà. Id-debitur jista’ jidħol f’obbligi kuntrattwali anki wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, iżda pretensjonijiet li jirriżultaw minn dawn l-obbligi ma jistgħux jiġu asseriti għad-detriment tal-kredituri tal-insolvenza qabel l-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Madankollu, l-amministratur tal-insolvenza jista’ idaħħal fis-seħħ tali tranżazzjonijiet billi japprovahom b’mod retrospettiv.

L-aħħar aġġornament: 03/06/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.