Dwar in-Netwerks

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Kif jaħdem in-NĠE (Netwerk Ġudizzjarju Ewropew) fi Spanja

Fi Spanja, skont l-Artikolu 33 tal-Liġi 16/2015 tas-7 ta’ Lulju 2015 dwar l-istatus tal-membru nazzjonali ta’ Spanja fil-Eurojust, il-kunflitti dwar ġuriżdizzjoni, networks ta’ kooperazzjoni internazzjonali ġudizzjarja u l-istaff tal-Ministeru għall-Ġustizzja li jaħdem barra l-pajjiż, il-ħatra u t-tneħħija tal-punti ta’ kuntatt Spanjoli għan-netwerks internazzjonali ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, skont it-termini tar-regoli li jwaqqfuhom, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Il-ħatra trid issir minn fost nies li għandhom esperjenza bil-provi fil-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali u ħakma tajba tal-Ingliż jew il-Franċiż, fejn meħtieġ, u trid tiżgura, tal-inqas, li tirrapreżenta l-ġudikatura, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Ministerio Fiscal) u l-Ministeru tal-Ġustizzja. Għal dan il-għan, hija r-responsabbiltà tal-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura (Consejo General del Poder Judicial) u l-Prosekutur Ġenerali (Fiscal General del Estado) sabiex jipproponu lill-Ministru tal-Ġustizzja l-ħatra u t-tneħħija tal-punti ta’ kuntatt għall-professjonijiet rilevanti. L-istatus tal-punt ta’ kuntatt jintemm hekk kif il-persuna kkonċernata tieqaf taħdem għall-istituzzjoni li pproponiet il-ħatra tagħha. Dan irid jiġi nnotifikat lill-Ministeru tal-Ġustizzja, li jrid javża lis-Segretarjat tan-Netwerk.

Il-punti ta’ kuntatt Spanjoli għall-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali huma intermedjarji attivi bil-kompitu li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati differenti. Huma disponibbli għall-awtoritajiet Spanjoli rilevanti, kif ukoll għall-punti ta’ kuntatt l-oħra, fejn jipprovdulhom informazzjoni legali u prattika meħtieġa għat-titjib tal-kooperazzjoni ġudizzjarja. Kull sena l-punti ta’ kuntatt Spanjoli jridu jippreżentaw id-data statistika tagħhom dwar ħidmiethom lill-istituzzjoni li jaqgħu taħtha.

Punti ta’ kuntatt

Fi Spanja, il-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk qiegħdin fil-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (Fiscalía General del Estado). Attwalment hemm tmien punti ta’ kuntatt, imqassma kif ġej:

  • Sitt punti ta’ kuntatt maħtura mill-Ministeru tal-Ġustizzja – tnejn fis-Subdirettorat-Ġenerali għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali (Subdirección General de Cooperación Jurídica Internacional) u erba reġistraturi tal-qorti (Letrados de la Administración de la Justicia);
  • punt ta’ kuntatt maħtur mill-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura;
  • punt ta’ kuntatt maħtur mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali.

Awtorità ċentrali

Fi Spanja d-Direttorat-Ġenerali għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali, Relazzjonijiet ma Gruppi Reliġjużi u Drittijiet Umani (Dirección General de Cooperación Jurídica Internacional, Relaciones con las Confesiones y Derechos Humanos) tal-Ministeru tal-Ġustizzja huwa l-awtorità ċentrali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’materji ċivili u kummerċjali.

Maġistrati ta’ kollegament

Spanja diġa għandha dispożizzjoni fil-liġi li teħtieġ li maġistrati ta’ kollegament ewlenin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jsiru punti ta’ kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u jservu ta’ punti ta’ kuntatt skont l-Artikolu 34 tal-Liġi 16/2015 tas-7 ta’ Lulju 2015. Dan l-istatus jintemm malli jintemm dak ta’ maġistrati ta’ kollegament. Spanja ħatret Maġistrat ta’ Kollegament fil-pajjiżi li ġejjin: Franza, l-Italja u r-Renju Unit.

Awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi oħra b’responsabbiltà għall-kooperazzjoni ġudizzjarja

Fi Spanja hemm fis-seħħ dawn il-mekkaniżmi interni b’responsabbiltà għall-kooperazzjoni ġudizzjarja legali:

  • In-Netwerk Ġudizzjarju Spanjol għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali (Red Española de Cooperación Judicial Internacional, REJUE), li jaqa’ taħt il-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura, għandu l-għan li jassisti lil korpi Ġudizzjarji Spanjoli li jitolbu l-għajnuna fit-talbiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja mogħtija jew li jaslulhom fil-prestazzjoni tal-attivitajiet ġudizzjarji tagħhom, u biex jgħin lil membri oħra tan-netwerks ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja. L-isħubija tal-membri tan-Netwerk Ġudizzjarju Spanjol għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali hija kumpatibbli mal-isħubija tal-istess membri fin-Netwerks Ewropew ta’ Kooperazzjoni Ġudizzjarja. Għalhekk, il-Maġistrati Spanjoli tan-Netwerk Ġudizzjarju Spanjol għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali (Taqsima Ċivili) huma membri tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali, fejn jiffaċilitaw il-kuntatti mal-isħab tagħhom f’pajjiżi oħra tan-netwerk fil-qadi ta’ dmirijiethom.
  • In-Netwerk tal-Prosekuturi għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali (Red de Fiscales de Cooperación Jurídica Internacional), imwaqqaf fl-2002 sabiex jipprovdi servizz li jispeċjalizza f’materji ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’kull uffiċċju ta’ Prosekutur Pubbliku.
  • Il-prosekuturi ta’ dan in-Netwerk li huma esperti fil-kooperazzjoni internazzjonali jgħinu biex jagħtu direzzjoni, jiggwidaw u jagħtu assistenza ġudizzjarja internazzjonali malajr u b’mod effettiv.
  • In-Netwerk ta’ reġistraturi tal-qorti (Red de Letrados de la Administración de Justicia, RECILAJ) huwa struttura ta’ koordinazzjoni fuq livell nazzjonali mwaqqaf mill-Ministeru tal-Ġustizzja fl- 2010. Huwa ffurmat minn reġistraturi tal-qorti li jispeċjalizzaw fil-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali u jgħinu lid-diversi Uffiċċji Ġudizzjarji (Oficinas Judiciales) biex isolvu problemi u jwieġbu mistoqsijiet marbuta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali.

Assoċjazzjonijiet professjonali

Fi Spanja hemm diversi assoċjazzjonijiet professjonali li jirrapreżentaw professjonisti legali li jikkontribwixxu b’mod dirett fl-applikazzjoni tal-atti tal-Unjoni u strumenti legali internazzjonali rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali, fosthom dawn li ġejjin:

  • il-Kunsill Ġenerali tan-Nutara (Consejo General del Notariado)
  • il-Kunsill Ġenerali tal-Avukati Spanjoli (Consejo General de la Abogacía Española)
  • l-Assoċjazzjoni ta’ Reġistraturi Kummerċjali u tal-Propjetà fi Spanja (Colegio de Registradores de la Propiedad y Mercantiles de España)
  • il-Kunsill Ġenerali ta’ Rappreżentanti Legali fi Spanja (Consejo General de Procuradores de España)

Informazzjoni dwar in-Netwerk

Il-Ministeru Spanjol għall-Ġustizzja - li jagħti informazzjoni dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali u l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali - jipprovdi ħolqa fuq is-sit elettroniku tiegħu għan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali, disponibbli minn: http://www.mjusticia.gob.es/cs/Satellite/Portal/es/area-internacional/cooperacion-juridica/auxilio-judicial-internacional

Il-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura fi Spanja jagħti informazzjoni fuq in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali fuq is-sit elettroniku tiegħuhttp://www.poderjudicial.es/cgpj/es/Temas/Redes-Judiciales/Otras-redes-judiciales/Red-Judicial-Europea-Civil-y-Mercantil/, fejn hemm ukoll ħolqiet għall-Atlas Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll għall-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jagħti informazzjoni dwar in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali fuq is-sit elettroniku tiegħu https://www.fiscal.es/fiscal/publico/ciudadano/fiscal_especialista/cooperacion_internacional/enlaces/!ut/p/a1/04_Sj9CPykssy0xPLMnMz0vMAfGjzOI9HT0cDT2DDbzcfSzcDBzdPYOdTD08jE28jYAKIoEKDHAARwN8-oNdYfpxKLAIMiHOfjwWENAfrh-FTwnYBWAF-LyIzwR_PzP9gtzQ0AiDTE8AQ426Eg!!/dl5/d5/L2dJQSEvUUt3QS80SmlFL1o2X0lBSEExSVMwSkdMOEYwQUdJU0I1SEgzSzky/

L-aħħar aġġornament: 19/12/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna