Dwar in-Netwerks

Litwanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Il-persuna ta’ kuntatt għan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali huwa l-avukat fil-Grupp tad-Dritt Internazzjonali tal-Ministeru tal-Ġustizzja, li jwettaq ukoll il-funzjonijiet tal-awtorità ċentrali jew kompetenti prevista fl-istrumenti tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili. Minbarra dawn il-funzjonijiet, il-persuna ta’ kuntatt twettaq ukoll funzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, kif stabbilit kemm fl-istrumenti tal-UE kif ukoll fit-trattati multilaterali u bilaterali, u tieħu sehem ukoll fl-attivitajiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-gruppi ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea li jittrattaw kwistjonijiet ċivili.

L-ebda struttura ġudizzjarja nazzjonali formali li tgħaqqad flimkien il-membri tan-Netwerk Nazzjonali ma ġiet stabbilita fil-Litwanja. Il-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet marbuta man-Netwerk normalment isiru fuq bażi ad hoc permezz tal-posta elettronika.

L-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-laqgħat tan-Netwerk u kwistjonijiet oħra relatati mal-attivitajiet tan-Netwerk tiġi rċevuta mill-persuna ta’ kuntatt tan-Netwerk maħtura fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja, li mbagħad jgħaddi din l-informazzjoni lill-awtoritajiet jew lill-qrati nazzjonali kompetenti (permezz tal-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali) skont il-kwistjoni jew is-suġġett tal-laqgħa. Dan jiżgura li l-informazzjoni u l-mistoqsijiet dwar in-Netwerk jaslu għand il-korp xieraq.

Meta meħtieġ, il-persuna ta’ kuntatt u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet u l-qrati kompetenti nazzjonali jibqgħu f’kuntatt ma’ xulxin u jittrattaw il-problemi mhux biss bil-posta elettronika iżda wkoll bit-telefon. Il-persuna ta’ kuntatt għandha twieġeb personalment għall-mistoqsijiet ippreżentati minn persuni ta’ kuntatt f’pajjiżi oħra jew minnufih tibgħathom lill-awtorità kompetenti sabiex tkun tista’ tibgħat tweġiba; il-persuna ta’ kuntatt tikkoordina wkoll it-trażmissjoni ta’ tweġiba lill-kollega li tkun għamlet il-mistoqsija. Il-persuna ta’ kuntatt tgħin ukoll lill-qrati biex iwieġbu għal mistoqsijiet prattiċi dwar il-kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra li jirriżultaw fil-kors tal-attivitajiet tagħhom u tidderieġi r-rappreżentanti tal-qorti jew ir-rikorrenti lejn it-taqsima rilevanti tal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika biex ifittxu informazzjoni rilevanti.

Fil-Litwanja, il-membri tan-Netwerk u/jew l-awtoritajiet ċentrali responsabbli għat-twettiq tal-funzjonijiet stabbiliti fir-Regolament huma l-Ministeru tal-Ġustizzja (u d-dipartimenti interni rispettivi tiegħu), il-maġistrati ta’ kollegament, l-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Qrati, is-Servizz tal-Għajnuna Legali garantit mill-Istat, is-Servizz Statali għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Minuri u għall-Adozzjoni, il-Kamra tal-Marixxalli Litwana, il-Kamra tan-Nutara Litwana, u l-fergħa Mažeikiai tal-Bord Statali tal-Fond tal-Assigurazzjoni Soċjali.

L-aħħar aġġornament: 10/04/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna