Dwar in-Networks

Irlanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Il-Punti ta’ Kuntatt

Hemm żewġ punti ta’ kuntatt għall-Irlanda. Hemm punt ta’ kuntatt wieħed għall-Qrati Distrettwali u taċ-Ċirkwit u punt ta’ kuntatt wieħed għall-Qrati Superjuri, jiġifieri l-Qorti Superjuri, il-Qorti tal-Appell u l-Qorti Suprema. Il-punti ta’ kuntatt jikkooperaw mill-qrib u jaħdmu flimkien fuq materji relatati man-Network. Il-punti ta’ kuntatt għall-Irlanda huma bbażati fis-Servizz tal-Qrati f’Dublin. Minkejja li kull ġuriżdizzjoni hija separata, hemm koinċidenza fix-xogħol ta’ dawn il-punti ta’ kuntatt, li kull wieħed minnhom għandu responsabbiltà unika għan-Network fid-Direttorati tagħhom. Il-mistoqsijiet li jsiru permezz tan-NĠE għandhom jintbagħtu lill-punt ta’ kuntatt rilevanti għall-ġuriżdizzjoni kkonċernata. Il-punti ta’ kuntatt jaħdmu f’uffiċċji separati, iżda fi ħdan id-Direttorati tas-Servizz tal-Qrati tal-Irlanda f’Dublin. Ix-xogħol tan-Network jiġi kkombinat ma’ kompiti oħrajn. Madankollu, il-punt ta’ kuntatt jista’ jitlob l-għajnuna u l-assistenza ta’ kollegi oħrajn meta jittratta l-operat tan-Network. Il-punti ta’ kuntatt iżommu kuntatt regolari permezz tal-posta elettronika, bit-telefon u b’laqgħat wiċċ imb wiċċ ma’ membri tan-network tan-NĠE fl-Irlanda, inklużi l-Awtoritajiet Ċentrali; id-Direttur tal-Operazzjonijiet tal-Qorti Suprema u Superjuri u d-Direttur tar-Riforma u l-Iżvilupp fis-Servizz tal-Qrati [membri tal-Artikolu 2(1)(d)]; u l-uffiċjali fid-Dipartiment tal-Ġustizzja u r-Riforma tal-Liġi [membri tal-Artikolu 2(1)(d)]. Il-punti ta’ kuntatt huma wkoll f’komunikazzjoni regolari ma’ membru nnominat tal-ġudikatura b’rabta mal-iżviluppi fin-NĠE.

Il-funzjonament tan-NĠE fl-Irlanda

Ma jeżisti ebda network nazzjonali formali fl-Irlanda. Hemm network ta’ persuni li huma esperti f’oqsma ta’ politika partikolari li għalihom jista’ jirrikorri l-punt ta’ kuntatt għal tweġibiet għall-mistoqsijiet li jitqajmu.

Il-punt ta’ kuntatt jaħdem mill-qrib ma’ oħrajn li huma membri estiżi tan-Network għall-Irlanda, inklużi għadd ta’ mħallfin b’ħiliet speċjalizzati f’oqsma speċifiċi tal-liġi jew b’responsabbiltà għal xogħol ta’ kollegament internazzjonali. Il-Punti ta’ Kuntatt jistgħu jiġu kkuntattjati permezz tal-posta elettronika. Il-punt ta’ kuntatt jiżgura li l-esperti tal-politika, amministrattivi jew ġudizzjarji rilevanti jiġu kkonsultati qabel il-laqgħat rilevanti tan-Network u li n-noti tal-laqgħat u l-punti ta’ azzjoni rilevanti jiġu mxerrdin kif xieraq.

Il-punt ta’ kuntatt għandu wkoll kuntatt regolari mad-Dipartiment tal-Ġustizzja dwar kwistjonijiet ta’ politika u mal-Awtorità Ċentrali dwar il-Manteniment tal-Familja u kwistjonijiet Transkonfinali

L-għoti ta’ informazzjoni

Ma jeżisti ebda sit web nazzjonali għan-NĠE fl-Irlanda. L-informazzjoni tiġi pprovduta permezz tas-sit web tas-Servizz tal-Qrati u permezz ta’ siti eżistenti oħrajn għal Dipartimenti differenti fl-Irlanda. Il-punt ta’ kuntatt jaħdem kemm ma’ punti ta’ kuntatt oħrajn kif ukoll ma’ Dipartimenti oħrajn meta jiġu pprovduti sorsi differenti ta’ informazzjoni għall-Istati Membri tan-NĠE u għan-NĠE nnifsu.

L-aħħar aġġornament: 12/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.