Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Dwar in-Networks

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Bħala riżultat tal-istruttura federali tal-Ġermanja, hemm ċentri ta' kuntatt f'kull stat minbarra ċ-ċentru ta' kuntatt federali tan-NĠE (in-Network Ġudizzjarju Ewropew). Iċ-ċentru ta’ kuntatt federali jinsab fl-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja (Bundesamt für Justiz). Skont l-organizzazzjoni ta’ kull stat, il-punti ta’ kuntatt tal-istat jinsabu jew f’qorti (il-Bavarja [il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Munich], Bremen [il-Qorti Reġjonali ta’ Bremen], Hamburg [il-Qorti Lokali ta’ Hamburg], Hessen [il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main], is-Sassonja t’Isfel [il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Celle], in-Nordrhein-Westfalen [il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf] u s-Sassonja [il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Dresden]) jew il-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Istat. B'kollox hemm 17-il ċentru ta' kuntatt tan-NĠE fil-Ġermanja. Iċ-ċentru ta' kuntatt federali huwa responsabbli għall-koordinament tan-network nazzjonali u l-organizzazzjoni tal-avvenimenti, bħall-Jum Ewropew tal-Ġustizzja u l-laqgħat tal-membri Ġermaniżi tan-NĠE, filwaqt li jwieġeb ukoll it-talbiet li jkunu deħlin jew ħerġin.

Il-kompiti jitqassmu internament bejn iċ-ċentri ta' kuntatt tal-istat u ċ-ċentru ta' kuntatt federali. Iċ-ċentru ta' kuntatt federali jwieġeb il-mistoqsijiet marbuta mad-dritt ċivili jew kummerċjali Ġermaniż, u l-organizzazzjoni tal-qrati b’mod ġenerali. Mistoqsijiet dwar każ speċifiku min-naħa l-oħra jiġu ttrattati miċ-ċentru ta' kuntatt fl-istat fejn ikun pendenti l-każ. Madankollu, iċ-ċentri ta' kuntatt Ġermaniżi kollha għandhom status ugwali, li jfisser illi kull wieħed minn dawn is-17-il ċentru jista' jiġi kkuntattjat għal kull tip ta' mistoqsija u, f'xi każijiet, iċ-ċentru ta' kuntatt federali jista' jipprovdi assistenza għal każijiet speċifiċi. Dan it-tqassim intern tad-dmirijiet jiżgura illi l-mistoqsija tiġi ttrattata mill-aktar ċentru ta' kuntatt adattat.

Minbarra ċ-ċentri ta' kuntatt, hemm erba’ maġistrati disponibbli biex jgħinu lill-qrati Ġermaniżi fil-qasam kopert mir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (ir-Regolament Brussell IIA). Id-dmirijiet tagħhom jitqassmu wkoll internament skont l-istat. Il-mistoqsijiet esterni jistgħu jsiru lil kull wieħed mill-erba’ maġistrati ta' kollegament. Jekk ikun hemm bżonn, il-persuna li tkun qed tagħmel il-mistoqsija tiġi riferuta immedjatament lill-persuna jew persuni responsabbli skont it-tqassim intern tal-kompiti, kif ukoll skont il-ħiliet lingwistiċi, il-kompetenzi speċifiċi u l-għarfien espert marbut mal-każ speċifiku.

Barra minn hekk, uffiċjal ta’ kollegament Ġermaniż fil-Ministeru għall-Ġustizzja Franċiż huwa responsabbli għall-għajnuna legali reċiproka Ġermaniża/Franċiża. Jekk, f’każijiet individwali, ikun hemm diffikultajiet b’talbiet Franċiżi għal għajnuna legali reċiproka jew dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż jeħtieġ li jiġu determinati, minbarra l-kanali permezz tal-punti ta’ kuntatt, l-uffiċjal ta’ kollegament Ġermaniż jista’ jintalab jassisti.

Skont l-Artikolu 2(1)(e) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE tat-28 ta' Mejju 2001 li tistabbilixxi Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali, kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni Nru 568/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE tat-28 ta' Mejju 2001 li tistabbilixxi Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali, il-Ġermanja ħatret lill-Kamra tal-Avukati Federali (Bundesrechtsanwaltskammer), il-Kamra tan-Nutara Federali (Bundesnotarkammer), il-Kamra tal-Avukati tal-Privattivi (Patentanwaltskammer), il-Kamra tal-Avukati Ġermaniżi (Deutscher Anwaltverein), il-Federazzjoni tal-Uffiċjali Ġudizzjarji Ġermaniżi (Deutscher Gerichtsvollzieher Bund e.V.) u fl-2014, il-Federazzjoni tal-Uffiċjali Ġudizzjarji Ġermaniżi (Bund Deutscher Rechtspfleger), bħala membri tan-NĠE.

Membri oħra tan-NĠE fil-Ġermanja jinkludu l-korpi ċentrali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (Regolament dwar is-servizz ta’ dokumenti) u r-Regolament (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (Regolament dwar il-kumpilazzjoni tax-xhieda). Dawn il-korpi ċentrali u l-amministrazzjonijiet ġudizzjarji tal-istat jipprovdu lill-qrati b'informazzjoni aġġornata dwar l-għajnuna legali ċivili. Jintroduċu wkoll miżuri addizzjonali u jappoġġaw lill-qrati bin-notifika tad-dokumenti u l-kumpilazzjoni tax-xhieda f'każijiet b'element barrani. Barra minn hekk, l-Awtorità Ċentrali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri (ir-Regolament Brussell IIA) u l-Awtorità Ċentrali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ir-Regolament dwar il-Manteniment) hija membru tan-NĠE.

Aktar informazzjoni dwar in-NĠE fil-Ġermanja u lista ta' kuntatti tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja.

L-aħħar aġġornament: 20/09/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.