Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Dwar in-Networks

Franza
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Fi Franza, in-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali huwa kkostitwit minn imħallfin, avukati (avocats), nutara u uffiċjali ġudizzjarji (commissaires de justice). Madankollu, in-network huwa miftuħ għall-professjonijiet legali kollha li jkollhom interess fih, b’mod partikolari meta dawn jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE fir-rigward ta’ materji ċivili u kummerċjali (reġistraturi (greffiers), diretturi tad-dipartimenti tar-reġistru (directeurs des services des greffes), imħallfin u reġistraturi tal-qrati kummerċjali).

Sa mill-ħolqien tan-network, il-punt ta’ kuntatt Franċiż dejjem kien imħallef li jopera fid-Direttorat tal-Kwistjonijiet Ċivili fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja (Direction des affaires civiles et du Sceau du Ministère de la justice). B’mod speċjali, dan l-imħallef jopera fid-Dipartiment għall-assistenza reċiproka, id-dritt internazzjonali privat u d-dritt tal-UE (Département de l’entraide, du droit international privé et européen – DEDIPE), li ġie nnominat bħala l-awtorità ċentrali għall-applikazzjoni ta’ diversi strumenti ta’ kooperazzjoni internazzjonali f’materji ċivili u kummerċjali. Il-punt ta’ kuntatt jista’ jipprovdi lill-prattikanti Franċiżi u lill-membri tan-network minn pajjiżi oħra tal-UE b’tagħrif espert prattiku fil-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali u assistenza fis-soluzzjoni għal ostakli f’każijiet transfruntieri.

In-network Franċiż huwa organizzat fil-livell nazzjonali u lokali. Għaldaqstant, jiġi maħtur “imħallef relatur” f’kull Qorti tal-Appell Franċiża u fil-Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation). Ir-rwol tiegħu huwa li jiffaċilita l-kooperazzjoni fil-livell lokali u jinforma lill-ġudikatura dwar l-implimentazzjoni tal-għodod tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili u, b’mod partikolari, dwar id-dritt tal-UE. L-imħallfin relaturi fil-Qrati tal-Appell u fil-Qorti tal-Kassazzjoni jistgħu wkoll jinformaw lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali dwar id-diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea. Il-punt ta’ kuntatt nazzjonali jgħaddi l-informazzjoni dwar dawn id-diffikultajiet lis-segretarjat tan-network fil-Kummissjoni Ewropea.

Il-professjonijiet l-oħra huma membri u jipparteċipaw fl-attivitajiet tan-network permezz tal-korp tar-rappreżentanza nazzjonali:

-           L-uffiċjali ġudizzjarji (commissaires de justice, li qabel kienu jissejħu huissiers de justice) huma rappreżentati mill-Kamra Nazzjonali tal-Uffiċjali Ġudizzjarji (Chambre nationale des commissaires de justice – CNCJ).

-           L-avukati huma rappreżentati mill- Kunsill Nazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Avukati (Conseil national des barreaux – CNB) u mid- Délégation des barreaux de France (DBF), id-delegazzjoni tas-CNB fi Brussell. It-tabella tan-Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili fuq is-sit web tad-DBF tipprovdi informazzjoni sħiħa dwar l-involviment tan-network tal-avukati fi Franza.

-           In-Nutara huma rappreżentati mill- Kunsill Superjuri tan-Nutara (Conseil supérieur du notariat – CSN).

L-Imħallfin ta’ kollegament Franċiżi li joperaw fil-pajjiż tal-UE ukoll jifformaw parti min-network, kif inhuma wkoll l-awtoritajiet ċentrali nominati għall-applikazzjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni ċivili u kummerċjali (pereżempju, l-Uffiċċju għall-irkupru tal-manteniment tal-Ministeru tal-Ewropa u tal-Affarijiet Barranin).

Taħt il-proġett CLUE “Connaître la législation de l’Union européenne” (Għarfien tal-leġiżlazzjoni tal-UE), issussidjat mill-Programm tal-Ġustizzja tal-Kummissjoni Ewropea, twettqu diversi azzjonijiet sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar in-Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili fi Franza.

Fis-snin riċenti, il-Proġett CLUE I ippermetta: iż-żieda fil-viżibbiltà tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-għodod tad-dritt tal-UE (permezz tat-tixrid ta’ bullettin mensili, video dwar in-network, u sit web iddedikat fuq l-intranet tal-ministeru); u, addizzjonalment, il-promozzjoni tal-iskambju ta’ prattiċi tajba bejn il-prattikanti (permezz ta’ seminars ta’ taħriġ dwar id-dritt internazzjonali privat marbut mad-dritt tal-familja u gwida prattika għall-imħallfin relaturi tal-Qorti tal-Appell). Il-proġett il-ġdid CLUE II, li tnieda fi Frar 2021, ikompli fuq l-istess linji, b’ambizzjonijiet addizzjonali (iktar seminars, iktar suġġetti, iktar għodod għat-tixrid tad-dritt tal-UE) u x-xewqa li jiġu kondiviżi l-aqwa prattiċi ma’ networks nazzjonali oħra.

Darba fis-sena, il-membri kollha tan-network Franċiż jiltaqgħu f’Pariġi sabiex jirrevedu l-attivitajiet tan-network u biex jiddiskutu l-iżviluppi fid-dritt tal-UE f’materji ċivili u kummerċjali.

Informazzjoni ulterjuri dwar in-network Franċiż tinsab fis-sit web justice.gouv.fr.

L-aħħar aġġornament: 16/01/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.