Dwar in-Netwerks

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Punti ta’ kuntatt fil-Finlandja

Il-punti ta' kuntatt fil-Finlandja huma żewġ uffiċjali maħturin li jaħdmu fl-Unità għall-Assistenza Legali Internazzjonali fil-Ministeru tal-Ġustizzja. Il-punt ta' kuntatt huwa ta’ unità li taġixxi bħala l-awtorità ċentrali għal bosta regolamenti tal-UE u ftehimiet internazzjonali fil-qasam tad-dritt ċivili u kriminali. Minbarra n-networking, id-dmirijiet tal-punt ta' kuntatt jinkludu kompiti ta' awtorità ċentrali u kooperazzjoni oħra fid-dritt ċivili.

Il-punt ta' kuntatt għandu indirizz tal-posta elettronika separat għall-qrati u għall-awtoritajiet legali u amministrattivi l-oħrajn involuti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji tad-dritt ċivili u kummerċjali li jkunu jeħtieġu assistenza prattika bi problemi relatati ma' kawżi transfruntiera.

Il-punt ta' kuntatt jaħdem attivament mal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, mal-avukati u mal-professjonisti legali l-oħrajn. Il-kompiti tal-punt ta' kuntatt jinkludu t-tixrid tal-informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet legali tad-dritt ċivili u kummerċjali tal-UE u l-applikazzjoni prattika tagħhom kif ukoll jipprovdu taħriġ fi kwistjonijiet relatati. Il-punt ta' kuntatt jgħin ukoll lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali bi problemi relatati ma' talbiet transfruntieri għall-għajnuna u huwa involut attivament f'netwerks rilevanti u gruppi ta' ħidma.

Il-Kamra tal-Avukati Finlandiża nħatret membru tan-Netwerk skont l-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni tat-twaqqif.

Minbarra l-punt ta’ kuntatt u l-Kamra tal-Avukati Finlandiża, il-membri tan-netwerk tad-dritt ċivili Finlandiż jipparteċipa fil-ħidma tan-Netwerk (ara hawn taħt għal aktar dettalji).

In-netwerk nazzjonali Finlandiż f’kawżi ta’ dritt ċivili transfruntiera

Fl-2016, fil-Finlandja ġie stabbilit netwerk nazzjonali għall-kawżi ċivili transfruntiera.

Il-ħidma tan-netwerk nazzjonali tinkludi l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-iżgurar tal-fluss ta’ informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni tad-dritt ċivili tal-UE u s-sorsi assoċjati ta’ informazzjoni bejn in-netwerk tad-dritt ċivili Ewropew u kemm l-awtoritajiet ġudizzjarji Finlandiżi kif ukoll professjonisti legali oħrajn.

Ir-rappreżentanti tal-qrati lokali, il-qrati tal-appell, l-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni, l-Awtorità tal-Għajnuna Legali, il-Kamra tal-Avukati Finlandiża u l-Ministeru tal-Ġustizzja nħatru għan-netwerk nazzjonali. Il-punt ta’ kuntatt tan-Netwerk fil-Finlandja jikkoordina l-operazzjonijiet tan-netwerk.

In-netwerk nazzjonali jiltaqa’ darbtejn fis-sena. Ir-rappreżentanti tan-netwerk nazzjonali jieħdu sehem ukoll fil-laqgħat u fil-ħidma tan-netwerk Ewropew tad-dritt ċivili.

L-aħħar aġġornament: 14/05/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna