Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Dwar in-Networks

L-Ingilterra u Wales
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Il-Punti ta’ Kuntatt

Hemm punt ta’ kuntatt wieħed għal kull waħda mill-erba’ ġuriżdizzjonijiet legali tar-Renju Unit. Billi kull ġuriżdizzjoni hija separata, ma hemm l-ebda trikkib bejn il-ħidma ta’ dawn il-punti ta’ kuntatt, li kull wieħed minnhom għandu responsabbiltà unika għan-Network fil-ġuriżdizzjoni tiegħu. Il-mistoqsijiet li jsiru permezz tan-NĠE għandhom jintbagħtu lill-punt ta’ kuntatt rilevanti għall-ġuriżdizzjoni kkonċernata.

Il-punt ta’ kuntatt għall-Ingilterra u Wales jaħdem fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice) f’Londra. Huwa assistit minn membru tal-persunal u jista’ jirrikorri għal għadd ta’ kollegi meta jittratta xogħol tan-Network. Ix-xogħol tan-network jiġi kkombinat ma’ kompiti oħrajn.

Il-funzjonament tan-NĠE fl-Ingilterra u Wales

Ma jeżisti l-ebda network nazzjonali formali fl-Ingilterra u Wales. Fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice), madankollu, ġie żviluppat network ta’ persuni li huma esperti f’oqsma ta’ politika partikolari li għalihom jista’ jirrikorri l-punt ta’ kuntatt għal tweġibiet għall-mistoqsijiet li jitqajmu.

Ġew żviluppati wkoll kuntatti f’Ministeri rilevanti oħrajn li għalihom jista’ jirrikorri l-punt ta’ kuntatt għal pariri jew għal tweġibiet għall-mistoqsijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ dak il-Ministeru. Il-punt ta’ kuntatt jaħdem ukoll mill-qrib ma’ oħrajn li huma l-membri estiżi tan-Network għall-Ingilterra u Wales, inkluż għadd ta’ mħallfin speċjalizzati f’oqsma speċifiċi tad-dritt jew b’responsabbiltà għal ħidma ta’ kollegament internazzjonali – b’mod partikolari l-Kap ġudizzjarju tad-Dritt Internazzjonali tal-Familja (Head of International Family Law) u l-Kap Anzjan (Senior Master) li huwa l-imħallef responsabbli għar-Regolamenti dwar in-Notifika u l-Kumpilazzjoni tax-Xhieda.

Il-membri estiżi kollha tan-Network u n-network informali ta’ bejn il-Ministeri jistgħu jiġu kkuntattjati permezz tal-posta elettronika. Dawk fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice) u s-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Maestà Tagħha (Her Majesty’s Courts and Tribunals Service) għandhom aċċess għal intranet li jista’ jintuża biex ixerrdu informazzjoni tan-Network u l-imħallfin jistgħu jkunu kkuntattjati bil-posta elettronika wkoll. Informazzjoni dwar in-Network ingħatat ukoll fuq l-Intranet Ġudizzjarju (Judicial Intranet) għall-Ingilterra u Wales.

Il-punt ta’ kuntatt jiżgura li l-esperti tal-politika, dawk amministrattivi jew ġudizzjarji rilevanti jiġu kkonsultati qabel il-laqgħat rilevanti tan-Network u li n-noti tal-laqgħat u l-punti ta’ azzjoni rilevanti jiġu mxerrdin kif xieraq.

Il-punt ta’ kuntatt jattendi l-Kumitat dwar id-Dritt Internazzjonali tal-Familja (International Family Law Committee) li huwa magħmul minn imħallfin anzjani tal-familja, avukati, akkademiċi u l-awtoritajiet ċentrali rilevanti għall-Ingilterra u Wales. Dan jiltaqa’ kull tliet xhur u, fost materji oħrajn, jaqsam informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni reċenti tal-UE u l-attivitajiet tan-Network. Huwa attenda wkoll xi laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv tal-Lord Chancellor (Lord Chancellor’s Advisory Committee) dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. Dan il-Kumitat huwa magħmul minn imħallfin anzjani u minn akkademiċi u jagħti pariri lill-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice) dwar il-proposti tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili.

Il-punt ta’ kuntatt għandu wkoll kuntatt regolari kemm mal-Kamra tal-Avukati (Bar Council) u mal-Għaqda tal-Liġi (Law Society) tal-Ingilterra u Wales, il-korpi li jirrappreżentaw rispettivament lill-avukati (barristers) u lill-konsulenti legali (solicitors), kif ukoll mar-rappreżentant tar-Renju Unit tan-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net) li huwa responsabbli għall-ġuriżdizzjonijiet kollha tar-Renju Unit. Saru laqgħat preċedenti wkoll mal-kuntatti ta’ UK SOLVIT.

L-għoti ta’ informazzjoni

Ma jeżisti ebda sit web nazzjonali għan-NĠE fl-Ingilterra u Wales. L-informazzjoni tingħata permezz ta’ siti eżistenti oħrajn, fosthom, kif imsemmi aktar ’il fuq, l-Intranet Ġudizzjarju (Judicial Intranet). Il-punt ta’ kuntatt ħadem ma’ oħrajn, madankollu, meta ta sorsi ta’ informazzjoni differenti, inkluż fis-sit tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Maestà Tagħha (Her Majesty’s Courts and Tribunals Service), gwida liċ-ċittadini dwar kif jagħmlu talbiet transfruntiera jew jirrispondu għalihom, b’mod partikolari b’rabta mar-Regolamenti dwar l-Ordni Ewropew ta’ Infurzar, l-Ordni ta’ Ħlas Ewropea u l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Ħadem ukoll mal-ECC-Net fir-Renju Unit li pproduċa gwida għar-Regolament dwar il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Jittieħdu opportunitajiet biex titqajjem kuxjenza dwar in-NĠE u l-paġni tal-Portal tal-e-Ġustizzja f’laqgħat u konferenzi xierqa u f’pubblikazzjonijiet rilevanti.

L-aħħar aġġornament: 25/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.