Dwar in-Netwerks

il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Fir-Repubblika tal-Kroazja, żewġ punti ta’ kuntatt joperaw fil-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’Materji Ċivili u Kummerċjali.

Il-punti ta’ kuntatt huma impjegati fid-Direttorat għall-Affarijiet Ewropej, il-Kooperazzjoni Internazzjonali u Ġudizzjarja u fid-Dipartiment għall-Assistenza Legali Internazzjonali u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Ċivili tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Kroazja.

Fid-Dipartiment imsemmi l-aħħar, il-punti ta’ kuntatt għandhom diversi uffiċjali li jassistuhom sabiex il-ħidma fil-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji Ċivili u Kummerċjali (NĠE) titwettaq effettivament bis-saħħa tal-ħidma f’tim tal-uffiċjali fid-Dipartiment għall-Assistenza Legali Internazzjonali u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Ċivili, li dawn iwettqu flimkien ma’ ħidma oħra fl-ambitu tal-attivitajiet tad-Dipartiment.

Minkejja li ma hemm l-ebda netwerk nazzjonali formali fir-Repubblika tal-Kroazja, il-punti ta’ kuntatt jikkooperaw mal-imħallfin u ma’ esperti oħra fil-qafas tal-Ministeru tal-Ġustizzja u ma’ awtoritajiet kompetenti oħra, professuri tal-liġi, nutara u esperti oħra u ġuristi f’oqsma ġuridiċi differenti. Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u ż-Żgħażagħ huwa involut ukoll fit-tħaddim tan-netwerk u bħala awtorità ċentrali għal xi regolamenti, jipparteċipa b’mod attiv fil-laqgħat tan-netwerk organizzati mill-Kummissjoni Ewropea. In-netwerk huwa miftuħ għall-ġuristi kollha li jixtiequ u li jkunu interessati li jieħdu sehem fl-applikazzjoni tal-istrumenti ġuridiċi Ewropej fir-Repubblika tal-Kroazja.

Il-komunikazzjoni fir-Repubblika tal-Kroazja sseħħ permezz tal-posta elettronika u tat-telefown, u jsiru laqgħat skont il-bżonn.

Il-komunikazzjoni mal-punti ta’ kuntatt fi Stati Membri oħra sseħħ permezz tal-posta elettronika, u l-punti ta’ kuntatt u l-membri l-oħra tan-netwerk jipparteċipaw regolarment fil-laqgħat tan-NĠE organizzati mill-Kummissjoni Ewropea.

Billi l-Ministeru tal-Ġustizzja huwa l-awtorità ċentrali għar-regolamenti individwali, il-punti ta’ kuntatt jaqdu l-funzjonijiet tal-awtorità ċentrali, jittrażmettu u jwieġbu d-domandi tal-punti ta’ kuntatt minn Stati Membri oħra (f’kooperazzjoni mal-imħallfin u ġuristi u esperti oħra, f’każ ta’ bżonn), jikkomunikaw id-data mitluba lill-Kummissjoni u jwettqu l-ħidma meħtieġa għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni fil-portals rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea. Il-punti ta’ kuntatt iqassmu l-pubblikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea lill-qrati, liċ-ċittadini u lill-gruppi oħra fil-mira u jirsistu sabiex in-netwerk jingħata viżibbiltà akbar.

Kuntatti: EJNcontact@pravosudje.hr

L-aħħar aġġornament: 05/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna