Dwar in-Networks

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

L-Awstrija stabbiliet fil-Ministeru Federali għall-Ġustizzja (id-Dipartiment I 9), punt ta’ kuntatt ċentrali li jindirizza mistoqsijiet legali minn punti ta’ kuntatt barranin li jsiru permezz tan-network, iwettaq diversi kompiti relatati mal-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni u jorganizza u jeditja l-entrati Awstrijaċi tal-iskedi informattivi tan-network li jiġu ppubblikati fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja.

Barra minn hekk, ġew innominati żewġ imħallfin bħala punti ta’ kuntatt għal kull waħda mill-erba’ ġuriżdizzjonijiet (tlieta għall-ġuriżdizzjonijiet ta’ Vjenna u Linz) tal-Qorti Reġjonali Superjuri (Oberlandesgericht). Dawn jipprovdu assistenza u appoġġ lill-punti ta’ kuntatt barranin u lill-qrati Awstrijaċi f’kawżi individwali li jinvolvu kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera (bħal meta jkun hemm diffikultajiet fil-kumpilazzjoni tax-xhieda jew fin-notifika tad-dokumenti transfruntiera). Għalhekk, f’każijiet bħal dawn, il-punti ta’ kuntatt barranin għandhom jikkuntattjaw lill-punt ta’ kuntatt ġudizzjarju lokali rilevanti u mhux lill-punt ta’ kuntatt ċentrali fil-Ministeru Federali għall-Ġustizzja. Il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna tinkludi l-provinċji ta’ Vjenna, l-Awstrija t’Isfel u Burgenland; il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Linz tinkludi l-provinċji tal-Awstrija ta’ Fuq u Salzburg, dik tal-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Innsbruck tinkludi l-provinċji ta’ Tirol u Vorarlberg u l-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Graz hija responsabbli għall-provinċji ta’ Steiermark u Kärnten.

L-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-punti ta’ kuntatt Awstrijaċi (u barranin) tan-NĠE jistgħu jiġu aċċessati permezz tal-link li ġejja: https://e-justice.europa.eu/contactPoint.do.

Individwi privati/partijiet fil-proċedimenti jew ir-rappreżentanti legali tagħhom ma jistgħux jikkuntattjaw lill-punti ta’ kuntatt tan-netwerk direttament. Madankollu, huma jistgħu jitolbu lill-imħallef li jmexxi l-proċedimenti sabiex jirreferihom għal punt ta’ kuntatt.

Il-Kamra tal-Avukati Awstrijaka (Österreichischer Rechtsanwaltskammertag) u l-Kamra tan-Nutara Awstrijaka (Österreichische Notariatskammer) ilhom jagħmlu parti min-Network Ġudizzjarju Ewropew mill-1 ta’ Jannar 2011; madankollu, skont id-Deċiżjoni tan-NĠE-ċivili tat-28 ta’ Mejju 2001 (2001/470/KE), kif emendata bid-Deċiżjoni 568/2009/KE tat-18 ta’ Ġunju 2009, dawn ma għandhomx il-kompetenza biex jittrattaw kawżi individwali.

Il-Kamra tal-Avukati Awstrijaka
1010 Vienna, Wollzeile 1–3
Tel.: +43/1/535-1275, Fax: +43/1/535-1275-13
Email: rechtsanwaelte@oerak.at
Lingwi: Il-Ġermaniż u l-Ingliż

Il-Kamra tan-Nutara Awstrijaka
1010 Vienna, Landesgerichtsstraße 20
Tel.: +43/1/402 45 09 0, Faks: +43/1/406 34 75
Email: kammer@notar.or.at
Lingwi: Il-Ġermaniż, il-Franċiż u l-Ingliż

L-aħħar aġġornament: 26/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.