Talbiet żgħar

Slovenja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Il-leġiżlazzjoni Slovena għandha proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar, li hija rregolata mill-Kapitolu 30 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku, ZPP).

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Skont id-dispożizzjonijiet taz-ZPP, tilwima dwar talbiet żgħar hija tilwima fejn l-ammont mitlub ma jaqbiżx l-EUR 2 000. F'tilwim kummerċjali, tilwima dwar talbiet żgħar hija tilwima fejn l-ammont mitlub ma jaqbiżx l-EUR 4 000. It-talbiet iż-żgħar ikopru wkoll tilwim fejn it-talba ma tkunx pekunjarja, bir-rikorrent jiddikjara fl-azzjoni li lest jaċċetta somma li ma taqbiżx l-EUR 2 000 (EUR 4 000 f'tilwim kummerċjali) minflok ma t-talba tiġi sodisfatta, u tilwim fejn is-suġġett tat-talba tkun il-konsenja ta' proprjetà mobbli, fejn l-ammont iddikjarat mir-rikorrent fl-azzjoni ma jkunx jaqbeż l-EUR 2 000 (l-EUR 4 000 f'tilwim kummerċjali). Talbiet żgħar ma jinkludux tilwim dwar proprjetà, tilwim dwar id-drittijiet tal-awtur, tilwim dwar il-ħarsien jew l-użu ta' invenzjonijiet u marki kummerċjali jew id-dritt tal-użu ta' isem kummerċjali, tilwim dwar protezzjoni mill-kompetizzjoni, jew tilwim dwar dħul fi proprjetà bla jedd.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

L-applikazzjoni tal-proċedura hija stabbilita fil-punt 1.1. Proċedura għal talbiet żgħar tinstema' quddiem qorti lokali (okrajno sodišče), ħlief fil-każ ta' tilwim kummerċjali, li jinstema' quddiem qorti distrettwali (okrožno sodišče).

1.3 Formoli

Hemm formoli biss għal proċedura għal talbiet żgħar mibdija minn parti abbażi ta' dokument awtentiku. Formola mimlija tista' tintbagħat b'mezzi elettroniċi fl-indirizz li ġej: https://evlozisce.sodisce.si/esodstvo/index.html. Dan jinvolvi proċedimenti ta' eżekuzzjoni bbażati fuq dokument awtentiku li, wara t-tressiq ta' rikors sostanzjat sew, ikompli bħala oġġezzjoni għal ordni ta' ħlas. Barra minn hekk, ma tħejjew l-ebda formoli bil-quddiem għal proċeduri għal talbiet żgħar sabiex jgħinu lill-partijiet jiftħu kawża.

Għal iktar informazzjoni dettaljata dwar il-possibilitajiet għal tressiq ta' rikorsi b'mezzi elettroniċi, ara t-taqsima "Ipproċessar awtomatiku".

1.4 Assistenza

Il-partijiet jistgħu jitolbu l-għajnuna legali, li tingħatalhom jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Att dwar l-Għajnuna Legali B'Xejn (Zakon o brezplačni pravni pomoči, ZBPP).

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Fi proċeduri għal talbiet żgħar, ir-rikorrent huwa obbligat jiddikjara l-fatti kollha u jippreżenta l-evidenza kollha fl-azzjoni, filwaqt li l-intimat huwa obbligat li jagħmel dan fl-eċċezzjonijiet għad-difiża tiegħu. Kull parti tista' mbagħad tressaq eċċezzjoni preparatorja waħda. Fatti u provi ppreżentati f'eċċezzjonijiet bil-miktub iktar tard jiġu injorati. Il-partijiet għandhom tmint ijiem għall-preżentazzjoni ta' eċċezzjoni għad-difiża u eċċezzjonijiet preparatorji.

1.6 Proċedura bil-miktub

Proċeduri għal talbiet żgħar jinstemgħu fuq bażi ta' rikorsi ġuridiċi magħmula bil-miktub. Il-qorti tista' tillimita ż-żmien u l-ambitu tal-proċedura tal-kumpilazzjoni tal-evidenza u tmexxi dik il-proċedura fid-diskrezzjoni tagħha biex toħloq bilanċ bejn l-għoti ta' protezzjoni adegwata għad-drittijiet tal-partijiet u l-għan li tħaffef il-proċedimenti u żżomm l-ispejjeż baxxi.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Sentenza fi proċedura għal talbiet żgħar titħabbar minnufih wara tmiem is-seduta ewlenija. Sentenza bil-miktub trid tinkludi parti introduttorja, parti operattiva, il-motivazzjoni u l-istruzzjonijiet ġuridiċi. L-imħallef jista’ jipproduċi sentenza bil-miktub bil-parti tal-motivazzjonijiet twila jew imqassra.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

L-ispejjeż tal-proċedimenti jkunu deċiżi b'konformità mas-suċċess fil-kawża ta' parti jew oħra – jiġifieri l-parti li titlef il-kawża tkun obbligata tirrimborża l-ispejjeż tal-parti l-oħra.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Il-partijiet jistgħu jappellaw minn sentenza tal-ewwel istanza jew deċiżjoni li ttemm tilwima dwar talbiet żgħar fi żmien tmint ijiem. Sentenza u deċiżjoni jistgħu jkunu kkontestati biss fuq il-bażi ta' ksur serju tad-dispożizzjonijiet ta' proċedura ċivili msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 339 taz-ZPP u ksur tal-liġi sostantiva. Fi proċeduri ta' talbiet żgħar kummerċjali, hija biss il-parti li tkun ħabbret li beħsiebha tappella li tista' tappella s-sentenza. Ma hemm l-ebda proċess ta' reviżjoni f'tilwim ta' talbiet żgħar, u r-raġunijiet biex ikun hemm ordni biex proċedura tiġi ripetuta huma limitati.

Ħoloq relatati

http://www.dz-rs.si/wps/portal/Home/deloDZ/zakonodaja/preciscenaBesedilaZakonov

http://www.sodisce.si/

https://www.uradni-list.si/glasilo-uradni-list-rs

http://www.pisrs.si/Pis.web/

L-aħħar aġġornament: 08/01/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.