Talbiet żgħar

Ungerija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Minbarra l-proċedura speċifikata fir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (u t-Taqsimiet 598 sa 602 tal-Att CXXX tal-2016 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jittrattaw kwalunkwe kwistjoni mhux stabbilita minn dan ir-Regolament), il-liġi Ungeriża fis-seħħ ma kellhiex proċedura speċjali applikabbli għal pretensjonijiet żgħar mill-1 ta’ Jannar 2018. Pretensjonijiet żgħar kienu rregolati mill-Att III tal-1952 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili; madankollu, dan l-Att tħassar bl-Att CXXX tal-2016 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2018. Dan ifisser li mill-1 ta’ Jannar 2018 ma kien hemm l-ebda regoli speċifiċi applikabbli għal pretensjonijiet żgħar fil-proċedura ċivili Ungeriża. Konsegwentement, ir-regoli ġenerali japplikaw għall-infurzar ta’ pretensjonijiet żgħar. Madankollu, il-proċedimenti li jinbdew qabel l-1 ta’ Jannar 2018 jiġu ttrattati skont l-Att III tal-1952 ta’ qabel dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Għalhekk l-informazzjoni li ġejja hija rilevanti biss għall-kawżi li għadhom pendenti li nbdew qabel l-1 ta’ Jannar 2018.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Il-proċedura għal pretensjonijiet żgħar hija disponibbli fi proċedimenti għall-irkupru ta’ pretensjonijiet li ma jaqbżux il-HUF 1 miljun, li saru kontenzjużi wara oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas, jew li jsegwu proċedura ta’ ordni ta’ ħlas, jiġifieri meta

a) rikors għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas jiġi miċħud min-nutar pubbliku ex officio u sussegwentement ir-rikorrent iressaq kawża quddiem il-qorti sabiex din il-pretensjoni tiġi eżegwita;

b) il-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas tintemm min-nutar pubbliku permezz ta’ digriet u sussegwentement ir-rikorrent iressaq kawża quddiem il-qorti sabiex jeżegwixxi l-pretensjoni.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Il-proċedura hija applikata mill-qrati distrettwali.

1.3 Formoli

Ebda formola mhi pprovduta għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet li jniedu l-proċedimenti, iżda għall-proċeduri għal ordnijiet ta’ ħlas qabel tali applikazzjonijiet – li huma fil-kompetenza tan-nutara tal-liġi ċivili – hija disponibbli formola fis-sit web tal-Kamra Ungeriża tan-Nutara tad-Dritt Ċivili u fl-uffiċċji tan-nutara.

1.4 Assistenza

Hija disponibbli assistenza. Sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar tad-drittijiet tagħhom, persuni fiżiċi li d-dħul u l-pożizzjoni finanzjarja tagħhom ma jippermettulhomx li jħallsu l-ispejjeż tal-proċedimenti għandhom, fuq talba tagħhom, ikunu kompletament jew parzjalment eżentati mill-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż. Skont l-Att dwar il-Miżati, il-partijiet jistgħu wkoll ikunu intitolati għal konċessjonijiet fir-rigward ta’ xi tariffi tal-qorti (eżenzjoni mit-tariffi jew id-dritt li jiddifferuhom), u persuni fil-bżonn huma wkoll intitolati li jimpjegaw assistent ġuridiku jew avukat skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Għajnuna Ġuridika jekk ikun meħtieġ biex jinfurzaw b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Fi proċeduri li jkunu saru kontenzjużi wara oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas, il-qorti tinnotifika lill-konvenut bil-fatti u bil-provi ppreżentati mir-rikorrent mhux aktar tard miċ-ċitazzjoni għas-seduta. Il-parti tista’ tressaq provi sa mhux aktar tard mill-ewwel ġurnata tas-seduta. Bħala eċċezzjoni għal din ir-regola, il-parti tista’ tipprovdi evidenza waqt il-proċedimenti jekk il-parti opposta tagħti l-approvazzjoni tagħha jew jekk il-parti tinvoka fatti jew provi, deċiżjonijiet finali tal-qrati jew deċiżjonijiet amministrattivi oħra fil-preżentazzjoni tagħha ta’ evidenza li, għal raġunijiet li ma jkunux attribwibbli lill-parti, ikunu saru magħrufa lilha wara l-iskadenza standard stabbilita għall-forniment ta’ evidenza, jew li kienet informata dwarhom wara din id-data ta’ skadenza għal raġunijiet li ma jkunux attribwibbli lilha, u jekk il-parti tipprovdi provi suffiċjenti sabiex issostni din il-pretensjoni.

Jekk isiru bidliet fl-applikazzjoni jew titressaq kontropretensjoni, il-parti tista’ tipprovdi evidenza rilevanti meta jsiru l-bidliet (titressaq il-kontropretensjoni), filwaqt li fil-każ ta’ oppożizzjonijiet għal pretensjonijiet ta’ tpaċija, l-evidenza relatata mal-pretensjoni ta’ tpaċija tista’ tiġi pprovduta simultanjament mal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni. Il-qorti trid tinjora kull prova mressqa b’mod li jmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet. Ir-regoli ġenerali tal-evidenza japplikaw fl-aspetti l-oħra kollha.

1.6 Proċedura bil-miktub

Il-Qorti tagħmel ukoll seduta.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Il-kontenut tas-sentenzi huwa rregolat mir-regoli applikabbli b’mod ġenerali, bil-kundizzjoni li l-partijiet iridu jkunu pprovduti b’informazzjoni wara l-parti operattiva tas-sentenza dwar l-elementi li jridu jiġu inklużi fl-appell u l-konsegwenzi ġuridiċi jekk dawk l-elementi jitħallew barra.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Bħala regola ġenerali, japplika l-prinċipju ta’ “min jitlef iħallas”.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Il-possibbiltà ta’ appell hija limitata f’numru ta’ aspetti, u għalhekk huwa tal-akbar importanza li tista’ tiġi invokata biss referenza għal ksur tar-regoli tal-proċedura tal-ewwel istanza jew applikazzjoni ħażina tal-liġi li sservi bħala bażi għall-valutazzjoni tal-merti tal-kawża. Ir-regoli ġenerali japplikaw għall-preżentazzjoni ta’ appelli u għal-limitu ta’ żmien stabbilit għall-appelli, jiġifieri għandhom jitressqu fil-qorti li ġġib ir-riżoluzzjoni fl-ewwel istanza fi żmien 15-il jum min-notifika tas-sentenza u jiġu ġġudikati mill-qorti reġjonali kompetenti.

L-aħħar aġġornament: 16/03/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna