Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Talbiet żgħar

Ġibiltà
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

F’Ġibiltà, il-Qorti Suprema (Supreme Court) għandha ġuriżdizzjoni għal talbiet żgħar, magħrufa wkoll bħala l-perkors għat-talbiet żgħar.  Hemm limitu monetarju ta’ £10000 li f’ammonti anqas minnu tkun disponibbli l-proċedura għal talbiet żgħar. Madankollu, is-somma inkwistjoni mhijiex l-uniku fattur meqjus. Kunsiderazzjonijiet oħra jinkludu t-tip ta’ talba u l-ammont u t-tip ta’ preparazzjoni meħtieġa sabiex il-kawża tiġi ttrattata kif xieraq. F’xi ċirkustanzi, kawżi sempliċi b’valur akbar minn £10000 jistgħu jinstemgħu skont il-proċedura għal talbiet żgħar sakemm kemm ir-rikorrent kif ukoll l-intimat jagħtu l-kunsens tagħhom għaliha.

Minbarra li jqis il-fehmiet tar-rikorrent u tal-intimat, l-imħallef iqis il-fatturi li ġejjin meta jiddeċiedi jallokax il-kawża għall-proċedura għal talbiet żgħar jew jekk, minflok, għandux jisma’ l-kawża skont il-proċedura tal-qorti ordinarja:

  • L-ammont tat-tilwima - li normalment jenħtieġ li ma jkunx ta’ aktar minn £10000.
  • It-tip ta’ talba - dawn normalment ikunu talbiet minn konsumaturi (eż. beni mibjugħa, beni difettużi jew xogħol tas-sengħa difettuż), talbiet dwar inċidenti, tilwim dwar is-sjieda tal-beni, u tilwim bejn is-sidien u l-inkwilini dwar tiswijiet, depożiti, arretrati tal-kera, u l-bqija, iżda mhux dwar il-pussess.

Meta jiddeċiedi jekk il-kawża jenħtieġx li tiġi allokata għall-perkors għal talbiet żgħar, l-imħallef jikkunsidra l-ammont u t-tip ta’ tħejjija meħtieġa sabiex il-kawża tkun tista’ tiġi ttrattata kif suppost. L-imħallef iżomm f’moħħu li din il-proċedura hija maħsuba sabiex tkun sempliċi biżżejjed sabiex in-nies imexxu l-kawżi tagħhom stess mingħajr l-għajnuna ta’ avukat, jekk jixtiequ hekk. Jenħtieġ li t-talba tkun teħtieġ biss tħejjija minima għas-seduta finali, pereżempju. Kawżi fil-perkors għal talbiet żgħar normalment ma jinvolvux ħafna xhieda jew punti ta’ dritt diffiċli.

Jekk it-talba tkun għal anqas minn £10000 iżda tinkludi talba għal korriment personali, jew għal ħsarat f’abitazzjonijiet residenzjali u għad-danni li jirriżultaw mill-ħsarat, il-kawża ma tiġix allokata għall-perkors għal talbiet żgħar sakemm l-ammonti mitluba fir-rigward tad-dannu personali, tal-ħsarat u tad-danni ma jkunux aktar minn £1000 kull waħda.

Meta kawżi għal aktar minn £10000 jinstemgħu fil-perkors għal talbiet żgħar, japplikaw regoli differenti dwar l-ispejjeż. F’kawżi bħal dawn, il-parti rebbieħa tkun tista’ titlob l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-avukat, mingħand il-parti telliefa. Madankollu, dawn l-ispejjeż ma jistgħux ikunu aktar milli kienu jingħataw li kieku l-kawża kienet ittrattata bil-perkors rapidu. Aktar ’il quddiem se tingħata aktar informazzjoni dwar l-ispejjeż.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-kawżi sa £10000 jinstemgħu permezz tal-perkors għal talbiet żgħar, dan mhuwiex awtomatiku. L-imħallef jikkunsidra l-fehmiet tal-partijiet litiganti meta jiddeċiedi dwar il-proċedura li l-kawża tinstema’ permezz tagħha. Anke jekk l-ammont tat-tilwima jkun ta’ anqas minn £10000, l-imħallef jista’ jagħżel li jisma’ l-kawża permezz tal-proċedura tal-qorti ordinarja minflok il-proċedura għal talbiet żgħar.

Meta talba tiġi kkontestata (jew difiża), ir-rikorrent tintbagħatlu kopja tad-difiża tal-intimat. Il-partijiet għandhom jippreżentaw ukoll Kwestjonarju dwar l-Allokazzjoni (“Allocation Questionnaire”). L-informazzjoni li l-partijiet jipprovdu fil-kwestjonarju tgħin lill-imħallef jiddeċiedi liema jkun l-aktar perkors xieraq għall-kawża. Jekk il-partijiet iqisu li l-kawża tkun waħda li jenħtieġ li tiġi ttrattata bħala talba żgħira fil-perkors għal talbiet żgħar, jenħtieġ li jindikaw hekk fil-kwestjonarju. Madankollu, għad li l-opinjonijiet tar-rikorrent u tal-intimat jiġu kkunsidrati, huwa l-imħallef li jiddeċiedi għal liema perkors se tiġi allokata l-kawża.

Kif deskritt aktar ’il fuq, l-imħallef jista’ jiddeċiedi li jisma’ kawża b’valur ta’ anqas minn £10000 skont il-proċedura ordinarja. Din id-deċiżjoni tittieħed fil-bidu tal-kawża.

L-imħallef għandu d-diskrezzjoni li jerġa’ jalloka l-kawża mill-perkors għal talbiet żgħar għall-proċedura ordinarja jekk jaħseb li dan ikun xieraq. Meta talba tiġi allokata għall-perkors ta’ talbiet żgħar u, wara, terġa’ tiġi allokata għal perkors ieħor, ir-regoli relatati mal-ispejjeż fil-perkors għal talbiet żgħar ma jibqgħux japplikaw wara li t-talba terġa’ tiġi allokata. Ir-regoli dwar l-ispejjeż f’perkors rapidu jew f’diversi perkorsi japplikaw mid-data tal-allokazzjoni mill-ġdid.

1.3 Formoli

Hemm formoli speċifiċi li għandhom jintużaw fil-proċedura għal talbiet żgħar u huwa obbligatorju li dawn jintużaw.

Sabiex jippreżenta talba, ir-rikorrent irid jimla l-Formola N1 li hija disponibbli b’noti dwar il-mili kemm għar-rikorrent kif ukoll għall-intimat. Ladarba r-rikorrent jimla l-formola, jenħtieġ li jagħmel kopja waħda għalih stess, waħda għall-qorti u waħda għal kull intimat. Il-qorti tibgħat kopja lil kull intimat. Aktar informazzjoni hija disponibbli fil-paġna dwar Kif Tiftaħ Kawża l-Qorti (“Bringing a Case to Court”).

Kif intqal aktar ’il fuq, jekk it-talba tiġi difiża, il-qorti tibgħat kopja tad-difiża lir-rikorrent u l-kwestjonarji dwar l-allokazzjoni liż-żewġ partijiet.

Jekk l-imħallef jiddeċiedi li jalloka l-każ għall-perkors għal talbiet żgħar, il-qorti tibgħat lill-partijiet il-formola N157 (avviż ta’ allokazzjoni għall-qorti għal talbiet żgħar) li tipprovdi informazzjoni dwar meta tkun ser issir is-seduta u x’passi għandhom jittieħdu bi tħejjija.

Meta s-somma tat-tilwima tkun akbar minn £10000 iżda ż-żewġ partijiet ikunu qablu li l-kawża tinstema’ permezz tal-proċedura għal talbiet żgħar, il-qorti tibgħat il-formola N160 (l-avviż ta’ allokazzjoni għall-perkors għal talbiet żgħar (bil-kunsens tal-partijiet)). Din tipprovdi wkoll informazzjoni dwar meta tkun ser issir is-seduta u x’passi għandhom jittieħdu bi tħejjija.

Meta mħallef jiddeċiedi li talba tista’ tinstema’ biss permezz ta’ xhieda bil-miktub u mingħajr il-ħtieġa ta’ seduta, il-qorti tibgħat lill-partijiet il-formola N159 (avviż ta’ allokazzjoni għall-perkors għal talbiet żgħar (l-ebda seduta). Din tiddikjara data sa meta r-rikorrent jew l-intimat għandu jgħarraf lill-qorti jekk joġġezzjonax għal deċiżjoni permezz ta’ xhieda bil-miktub biss. Jekk xi waħda mill-partijiet toġġezzjona, it-talba tiġi ttrattata f’seduta. L-imħallef jista’ jittratta nuqqas ta’ risposta bħala kunsens.

Meta parti titlef seduta iżda l-ebda parti ma tkun preżenti jew irrappreżentata f’dik is-seduta, tintuża l-formola N244 (notifika ta’ applikazzjoni) sabiex tiġi annullata s-sentenza.

1.4 Assistenza

Il-proċedura għal talbiet żgħar hija mfassla sabiex tkun sempliċi b’tali mod li l-persuni li jirrappreżentaw lilhom infushom (magħrufa bħala “litigants-in-person”) ikunu jistgħu jifhmu l-proċedimenti faċilment. Meta r-rikorrent jew l-intimat ikun jirrappreżenta lilu nnifsu, l-imħallef jikkunsidra dan il-fatt u jmexxi l-proċedimenti b’mod li jippermetti lill-persuna li tirrappreżenta lilha nnifisha tifhem dak li jkun għaddej u dak li jkun meħtieġ mill-partijiet mill-aspett ta’ proċedura.

Jekk ir-rikorrent jew l-intimat jagħżel li ma jqabbadx avukat, dan jista’ jkun akkumpanjat fis-seduta minn xi ħadd li jista’ jitkellem f’ismu. Din il-persuna tissejjaħ “rappreżentant mhux espert” (lay representative) u tista’ tkun kwalunkwe persuna li jagħżel il-litigant, bħal konjuġi, qarib, ħabib jew ħaddiem li jagħti l-pariri. Jekk ikun possibbli, jenħtieġ li r-rappreżentant mhux espert ma jkunx xhud. Ir-rappreżentant mhux espert ma jistax jattendi għas-seduti tal-qorti mingħajr il-persuna li huwa jirrappreżenta, sakemm il-litigant ma jkunx kiseb il-permess tal-qorti sabiex ir-rappreżentant mhux espert ikun jista’ jirrappreżenta lil-litigant fl-assenza tiegħu.

L-aġenziji ta’ konsulenza jistgħu jsibu diffikultajiet sabiex jirrilaxxaw persunal bl-għan li jaġixxi bħala rappreżentant mhux espert f’seduti u, għalhekk, huwa rakkomandat li parti tikkuntattjahom mill-aktar fis jekk tkun teħtieġ l-assistenza tagħhom. L-aġenziji ta’ konsulenza jinformaw lill-partijiet dwar jekk jistgħux jipprovdu l-assistenza. Xi rappreżentanti mhux esperti jaf ikunu jridu ħlas u l-litigant irid jara li jkun jaf eżattament kemm se jkollu jħallas. L-imħallef jista’ jkeċċi lil rappreżentant mhux espert mis-seduta jekk iġib ruħu ħażin.

Il-litigant ikun responsabbli sabiex iħallas it-tariffa tar-rappreżentant mhux espert li jaħtar, anke jekk jirbaħ il-kawża. Għalhekk, jenħtieġ li jikkunsidra jekk l-ammont tat-talba jiġġustifikax din l-ispiża. Barra minn hekk, rappreżentanti mhux esperti li jitolbu ħlas għall-għajnuna jaf ma jkunux parti minn organizzazzjoni professjonali, u jekk il-litigant ma jkunx sodisfatt bl-għajnuna tagħhom, ma jkun hemm l-ebda korp regolatorju jew organizzazzjoni ma’ min jilmenta.

Assistenza addizzjonali hija disponibbli għal-litiganti b’diżabilità. Jekk litigant ikollu diżabilità li tagħmilha diffiċli li jitla’ l-qorti jew li jikkomunika, jenħtieġ li jikkuntattja lill-qorti kkonċernata li jaf tkun tista’ tipprovdi assistenza ulterjuri.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Il-perkors għal talbiet żgħar huwa ħafna aktar informali u ma japplikawx regoli stretti tal-evidenza. Il-perkors għal talbiet żgħar jittratta kawżi aktar sempliċi għal ammonti iżgħar. Għaldaqstant, il-qorti tista’ tadotta kwalunkwe metodu ta’ proċediment f’seduta li tqis li jkun ġust. Il-qorti ma għandhiex l-obbligu li tieħu xhieda bil-ġurament u l-imħallef jista’ jagħżel li jillimita l-kontroeżami jekk jidhirlu li dan ikun xieraq. Madankollu, l-imħallef meħtieġ jagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu li jillimita l-kontroeżami. L-imħallef jista’ jagħżel li jagħmel mistoqsijiet lil kwalunkwe xhud jew lix-xhieda kollha qabel ma jħalli lil kwalunkwe persuna oħra tagħmel hekk hi.

1.6 Proċedura bil-miktub

Jekk l-imħallef iqis li t-talba tista’ tiġi ttrattata mingħajr seduta billi tintuża xhieda bil-miktub biss, il-qorti tinnotifika lil-litiganti permezz tal-formola N159 (ara aktar ’il fuq). In-notifika tiddikjara data sa meta r-rikorrent jew l-intimat irid jgħarraf lill-qorti jekk joġġezzjonax għal deċiżjoni dwar xhieda bil-miktub biss. Jekk xi waħda mill-partijiet toġġezzjona, it-talba tiġi ttrattata f’seduta. L-imħallef jista’ jittratta nuqqas ta’ risposta bħala kunsens. Jekk l-ebda parti ma toġġezzjona għad-deċiżjoni tal-imħallef li ma ssir l-ebda seduta, il-kawża tkun tista’ tiġi ttrattata bil-miktub biss.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

F’Ġibiltà, is-sentenzi tal-qorti ġeneralment jirreġistraw biss id-deċiżjoni tal-imħallef u kwalunkwe ordni maħruġa għall-partijiet. Madankollu, l-imħallef meħtieġ iniżżel nota tar-raġunijiet ewlenin għas-sentenza tiegħu sakemm din ma tingħatax oralment u ma tiġix irreġistrata fuq tejp mill-qorti. L-imħallef jista’ jagħti r-raġunijiet tiegħu bl-aktar mod konċiż u sempliċi li tippermetti n-natura tal-kawża. Normalment dan jagħmlu verbalment waqt is-seduta iżda jista’ jagħtihom aktar tard bil-miktub jew waqt seduta li tkun stabbilita sabiex jagħmel dan. Meta l-imħallef jiddeċiedi l-kawża mingħajr seduta, l-imħallef ikun meħtieġ iħejji nota dwar ir-raġunijiet tiegħu u l-qorti tibgħat kopja lil kull parti.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Hemm restrizzjonijiet fuq ir-rimborż tal-ispejjeż. Bħalissa l-parti rebbieħa jaf tkun tista’ titlob rimborż għall-ispejjeż li ġejjin:

  • Kwalunkwe tariffa tal-qorti li tkun ħallset;
  • Ammont ta’ mhux aktar minn £260 għal pariri legali jekk it-talba tkun tinkludi rikors għal rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni (ordni sabiex persuna titwaqqaf milli tagħmel xi ħaġa), jew ordni għal eżekuzzjoni speċifika (ordni sabiex xi ħadd ikun imġiegħel jagħmel xi ħaġa, pereżempju, sid sabiex jagħmel it-tiswijiet) u, minbarra dawn il-kategoriji, ma tista’ tiġi rkuprata l-ebda spiża legali;
  • Ammont ta’ mhux aktar minn £90 għal kull jum għall-parti rebbieħa, u kull xhud li jista’ jkollu għal telf ta’ qligħ minħabba l-attendenza għas-seduta tal-qorti;
  • Spejjeż raġonevoli sabiex ikunu koperti vjaġġi addizzjonali u soġġorni mal-lejl għall-parti jew għax-xhieda;
  • Jekk l-imħallef ikun ta permess għall-użu ta’ xhud espert u dik il-parti sussegwentement tirbaħ il-kawża tagħha, l-imħallef jista’ jgħid lill-parti telliefa tħallas xi ħaġa mill-ispiża. Madankollu, l-imħallef ma jistax jippermetti aktar minn £200 għal kull xhud espert. Dan ma jistax ikopri l-ammont sħiħ tat-tariffi tal-espert, speċjalment jekk l-espert jikteb perizja u jattendi s-seduta tal-qorti;
  • L-imħallef jista’ jordna l-ħlas ta’ spejjeż oħrajn minn parti li tkun ġabet ruħha b’mod mhux raġonevoli;
  • Meta l-valur finanzjarju tat-talba jaqbeż il-limitu għall-perkors għal talbiet żgħar, iżda t-talba tkun ġiet allokata għall-perkors għal talbiet żgħar mill-imħallef, l-ispejjeż jiġu vvalutati skont dan il-perkors, sakemm il-partijiet ma jaqblux li jenħtieġ li jkunu japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar l-ispejjeż tal-perkors rapidu.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Jekk il-parti li titlef tkun tixtieq tappella kontra d-deċiżjoni tal-imħallef, din ikollha bżonn permess biex tagħmel hekk. Jekk dik il-parti/litigant jattendi għas-seduta li fiha tittieħed id-deċiżjoni, fl-aħħar tas-seduta jistgħu jitolbu permess lill-imħallef.

Litigant li jixtieq jappella jrid jkollu motivazzjonijiet (jew raġunijiet) xierqa sabiex jappella. Ma jistax sempliċiment joġġezzjona għad-deċiżjoni ta’ mħallef għaliex huwa jaħseb li tkun ittieħdet deċiżjoni żbaljata.

Jekk litigant ikun irid jappella, irid jaġixxi malajr. Iż-żmien li fih il-litigant li jappella jrid jippreżenta l-appell tiegħu huwa limitat.

Jekk il-parti li titlef la kienet preżenti u lanqas rappreżentata fis-seduta, din tista’ tapplika sabiex tiġi annullata s-sentenza maqtugħa f’dik is-seduta u sabiex terġa’ tinstema’ t-talba.

Din il-parti trid tippreżenta rikors sa mhux aktar tard minn 14-il jum wara li tirċievi s-sentenza. Jenħtieġ li titlob mingħand il-qorti l-Formola N244 (notifika ta’ rikors) sabiex tippreżenta r-rikors.

Il-qorti tgħarraf lill-partijiet dwar meta jridu jitilgħu l-qorti għas-smigħ tar-rikors quddiem imħallef.

L-imħallef jilqa’ talba sabiex is-sentenza tiġi annullata biss jekk:

Il-litigant/il-parti jkollhom raġuni tajba għaliex

  • ma attendewx jew ma kinux rappreżentati fis-seduta; jew
  • ma avżawx bil-miktub lill-qorti;

u l-parti jkollha prospett raġonevoli li tirbaħ il-kawża f’seduta ġdida.

Jekk ir-rikors tal-parti jintlaqa’ u s-sentenza tiġi annullata, il-qorti tistabbilixxi seduta ġdida għat-talba. F’każ ta’ talba sempliċi, l-imħallef jista’ jiddeċiedi li jittratta l-kawża minnufih wara li jisma’ r-rikors.

L-aħħar aġġornament: 01/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.