Talbiet żgħar

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Ma hemmx proċedura speċjali għal talbiet żgħar fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung, ZPO). Madankollu, it-Taqsima 495a tal-Kodiċi għandha dispożizzjoni dwar proċedura simplifikata. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-qorti tiddeċiedi kif tmexxi f’każijiet, fid-diskrezzjoni raġonevoli tagħha, fejn il-valur inkwistjoni huwa ta’ EUR 600 jew inqas. Il-Kodiċi ma jillimitax din il-possibbiltà b’kull mod ieħor: pereżempju, ma jillimitahiex għal xi tip ta’ tilwima partikolari.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

F’dawn il-każijiet, għalhekk, il-qorti tista’ tiddeċiedi kif tmexxi fid-diskrezzjoni raġonevoli tagħha u, b’mod partikolari, tista’ tuża ċerti metodi partikolari biex tissimplifika l-proċedura. Il-qorti mhix obbligata tagħmel hekk. Anki fejn il-valur inkwistjoni huwa ta’ inqas minn EUR 600 il-qorti tista’ tmexxi wkoll skont ir-regoli tas-soltu.

Jekk il-qorti tiddeċiedi l-proċedura li se tadotta fid-diskrezzjoni tagħha, il-partijiet ma jistgħux jopponu. Jistgħu jitolbu biss għal seduta ta’ smigħ.

1.3 Formoli

Ma hemmx formoli standard obbligatorji.

1.4 Assistenza

Japplikaw ir-regoli tas-soltu. Dan għaliex il-proċedimenti huwa simplifikati biss skont il-proċedura li ntgħażlet. Il-partijiet li ma għandhomx rappreżentanza legali huma megħjuna bl-istess mod bħal dawk li għandhom rappreżentanza legali. Pereżempju, f’kawżi quddiem il-qrati lokali (Amtsgerichte) it-talba tista’ tiġi preżentata oralment fir-reġistru tal-qorti. Anki persuna li għandha rappreżentanza legali tista’ tippreżenta t-talba tagħha oralment flok tippreżentaha permezz tal-avukat tagħha.

Bl-istess mod, il-kwistjoni dwar jekk parti għandhiex rappreżentanza legali jew le ma taffettwax in-natura u l-iskop tad-dmir tal-qorti li tinforma u tagħti parir (Aufklärungs- und Hinweispflichten). Il-qorti għandu obbligu legali li tispjega l-proċedimenti minn lenti legali u fattwali u tiċċara l-kwistjonijiet.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Ma hemmx restrizzjoni fuq il-qorti li tiġbor il-provi bil-metodi tas-soltu. Għall-kuntrarju tal-prinċipju ta’ provi diretti (Unmittelbarkeit) li kieku japplika u jfisser li x-xhieda, l-esperti jew il-partijiet infushom iridu jinstemgħu qabel ma jibda l-proċess fil-preżenza tal-partijiet, fi proċedimenti simplifikati l-Qorti tista’ pereżempju tordna li x-xhieda, l-esperti jew il-partijiet isirulhom il-mistoqsijiet bit-telefown jew bil-miktub.

1.6 Proċedura bil-miktub

Tista’ tintuża proċedura esklużivament bil-miktub. Madankollu, irid ikun hemm proċedimenti orali jekk issir talba minn waħda mill-partijiet.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

L-istruttura tas-sentenza hija aktar sempliċi minn dik fi proċedimenti ordinarji. Dan għaliex għas-sentenzi fejn il-valur inkwistjoni huwa inqas minn EUR 600 ġeneralment ma hemmx appell.

Pereżempju, id-deskrizzjoni tal-fatti ma ssirx. Jistgħu jitħallew barra wkoll ir-raġunijiet għad-deċiżjoni jekk il-partijiet ikunu lesti jaċċettawha, jew jekk il-kontenut essenzjali tar-raġunijiet diġà jinstab fil-fajl tal-qorti. Madankollu, minħabba r-rekwiżiti tar-relazzjonijiet legali internazzjonali, ir-raġunijiet għas-sentenza jridu jingħataw jekk is-sentenza hija mistennija tiġi eżegwita barra l-pajjiż (it-Taqsima 313a(4) Nru 5 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Jekk, b’mod eċċezzjonali, il-qorti tippermetti li jsir appell, l-istruttura tas-sentenza ssir skont ir-regoli tas-soltu.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Ma hemmx restrizzjonijiet dwar ir-rimborż tal-ispejjeż; japplikaw ir-regoli tas-soltu.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Bħala regola ġenerali għas-sentenzi fejn il-valur inkwistjoni huwa inqas minn EUR 600 ma hemmx appell. Madankollu, b’eċċezzjoni, appell jista’ jsir jekk fis-sentenza l-ewwel qorti tippermetti appell.   Dan jista’ jkun għaliex il-każ huwa ta’ importanza fundamentali, jew għaliex hija meħtieġa deċiżjoni mill-qorti tal-appell sabiex tiżviluppa l-liġi jew tiġi żgurata ġurisprudenza konsistenti.

Jekk l-appell ma jitħalliex isir, l-ewwel qorti trid terġa’ tisma’ l-każ jekk il-parti li topponi s-sentenza ssostni li l-qorti naqqset milli tisma’ l-argumenti tagħha b’mod xieraq u b’mod li huwa materjalment importanti għad-deċiżjoni. Jekk l-oġġezzjoni ma tiġix rimedjata mill-qorti tal-proċess, l-uniku mezz għall-parti huwa li tippreżenta rikors kostituzzjonali quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Federali.

L-aħħar aġġornament: 02/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.