Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Estonjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Talbiet żgħar

Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Ir-regoli ta’ proċedura għas-smigħ ta’ kawżi ċivili fil-qrati Estonjani huma stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik (TsMS)). Jekk kawża ċivili tinstema’ skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, ir-regoli stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili fir-rigward tal-proċedura semplifikata japplikaw għall-partijiet mhux irregolati mir-Regolament. Il-kawżi jistgħu jinstemgħu skont ir-Regolament mill-Qorti tal-Kontea (maakohus) kompetenti skont il-ġuriżdizzjoni. Skont l-Artikolu 405 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jirregola l-proċedura semplifikata, il-qrati jisimgħu azzjonijiet ta’ proċedura semplifikata billi jsegwu regoli semplifikati skont id-diskrezzjoni raġonevoli tagħhom u biss wara li jqisu l-prinċipji proċedurali ġenerali previsti fil-Kodiċi.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Jekk kawża ċivili tinstema’ skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, ir-regoli stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili fir-rigward tal-proċedura semplifikata japplikaw għall-partijiet mhux irregolati minn dak ir-Regolament.

Ir-regoli tal-proċedura semplifikata japplikaw għal kawżi domestiċi li jikkonċernaw pretensjonijiet propjetarji u li l-valur tagħhom ma jkunx jaqbeż ammont li jikkorrispondi għal EUR 2 000 għall-pretensjoni ewlenija u għal EUR 4 000 flimkien mat-talbiet kollaterali.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Skont l-Artikolu 405(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, il-qrati jistgħu jisimgħu kawżi billi jsegwu regoli semplifikati mingħajr ma jkollhom jagħtu digriet separat dwar dan il-fatt. Hija fid-diskrezzjoni raġonevoli tal-qrati jisimgħux il-kawżi billi jsegwu regoli semplifikati filwaqt li jqisu biss il-prinċipji proċedurali ġenerali. Fil-proċedura simplifikata, il-qorti tiggarantixxi li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet proċedurali essenzjali tal-parteċipanti fil-proċedimenti jkunu osservati u li l-parteċipanti fil-proċedimenti jinstemgħu jekk jitolbu li jinstemgħu. Ma hemmx għalfejn li ssir sessjoni fil-qorti għalhekk. Il-parteċipanti fil-proċedimenti xorta jridu jiġu nnotifikati bid-dritt tagħhom li jinstemgħu mill-qorti. Il-qrati jistgħu jissimplifikaw il-proċedura, iżda mhumiex obbligati.

Meta tkun qed tisma’ kawża fil-proċedura semplifikata, qorti tista’:

-           iddaħħal fl-atti tal-kawża l-atti proċedurali biss li l-qorti tqis li jkunu meħtieġa, u tipprekludi d-dritt li jiddaħħlu oġġezzjonijiet għalihom;

-           tiffissa terminu differenti mit-terminu previst mil-liġi;

-           tirrikonoxxi persuni mhux speċifikati mil-liġi bħala rappreżentanti kuntrattwali tal-parteċipanti fil-proċedimenti;

-           tiddevja mid-dispożizzjonijiet tal-liġi li jikkonċernaw ir-rekwiżiti formali għall-preżentazzjoni u l-ġbir tal-provi u taċċetta wkoll provi mhux previsti mil-liġi, fosthom stqarrija minn parteċipant fil-proċedimenti li ma tingħatax b'mod ġuramentat;

-           tiddevja mid-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar ir-rekwiżiti formali għan-notifika ta’ atti proċedurali u għad-dokumenti li jridu jiġu ppreżentati lill-parteċipanti fil-proċedimenti, ħlief għan-notifika tal-kawża lill-konvenut;

-           tidderoga mill-proċedura preliminari bil-miktub jew mis-seduta tal-qorti;

-           tiġbor provi ex officio;

-           tagħti s-sentenza mingħajr il-parti deskrittiva u l-motivazzjoni;

-           tiddikjara d-deċiżjoni meħuda fil-kawża bħala eżekutorja immedjatament anki f’każijiet li ma jkunux dawk speċifikati mil-liġi jew mingħajr garanzija preskritta mil-liġi.

Talba għall-ftuħ tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tista’ tiġi ppreżentata ma’ qorti f’format elettroniku jew bil-posta. Talba f’format elettroniku tista’ tiġi ppreżentata permezz tas-sistema ta’ informazzjoni maħsuba għal dan il-għan (is-sistema E-toimik (sistema ta’ fajls elettroniċi), https://www.e-toimik.ee/). Biex wieħed jippreżenta talba permezz tas-sistema e-toimik, jista’ jidħol fis-sistema ta’ informazzjoni u jaħdem biha biss bil-karta tal-identità tal-Estonja. Talba elettronika tista’ tiġi ppreżentata wkoll ma’ qorti bil-posta elettronika. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-qrati Estonjani jinsabu fis-sit web tal-qrati fl-indirizz https://www.kohus.ee.

It-talba trid tkun iffirmata minn min ikun bagħatha. Talba ppreżentata elettronikament trid tiġi ffirmata b’mod diġitali minn min jibgħatha jew tiġi ppreżentata fi kwalunkwe mod ieħor daqstant sigur li jagħmilha possibbli li jiġi identifikat il-mittent. Talba elettronika tista’ tiġi ppreżentata wkoll bil-faks jew bi kwalunkwe format ieħor li jista’ jiġi riprodott bil-miktub, dment li d-dokument oriġinali bil-miktub jiġi ppreżentat lill-qorti mingħajr dewmien. Jekk tiġi appellata sentenza tal-qorti, l-appell oriġinali jrid jiġi ppreżentat fi żmien għaxart ijiem.

Il-qorti tista’ tqis li talba jew kwalunkwe dokument proċedurali ieħor mibgħut bl-email minn parteċipant fil-proċedimenti jkun biżżejjed anki jekk jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżit li jkun fih firma diġitali, dment li l-qorti ma jkollha l-ebda dubju dwar l-identità tal-mittent u dwar li d-dokument intbagħat, speċjalment jekk id-dokumenti bil-firma diġitali jkunu ntbagħtu qabel mill-istess indirizz elettroniku lill-qorti fi proċedimenti li jikkonċernaw l-istess kwistjoni mill-istess parteċipant fil-proċedimenti jew jekk il-qorti tkun qablet li t-talbiet jew dokumenti oħrajn jistgħu jiġu ppreżentati lill-qorti b’dan il-mod ukoll.

L-aċċettazzjoni speċifikata fl-Artikolu 13(1)(b)(ii) tar-Regolament li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tista’ tiġi kkomunikata elettronikament permezz tas-sistema ta’ informazzjoni elettronika e-toimik (https://www.e-toimik.ee/) jew permezz tal-posta elettronika jew bil-faks skont il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq. Din l-aċċettazzjoni tista’ tiġi ppreżentata wkoll lill-qorti flimkien mal-applikazzjoni għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

L-atti proċedurali jridu jiġu nnotifikati lill-avukati, lin-nutara pubbliċi, lil marixxalli tal-qorti, lir-riċeventi f'falliment u lill-aġenziji statali jew tal-gvern lokali b’mod elettroniku permezz tas-sistema ta’ informazzjoni maħsuba għal dan il-għan. In-notifika tagħhom fi kwalunkwe mod ieħor tkun permessa biss għal raġuni leġittima. Fil-proċedura semplifikata, ir-rekwiżiti formali rigward in-notifika ta’ atti proċedurali jistgħu jiġu skartati; madankollu, din il-possibilità għandha titqies b’kawtela. Ir-regoli dwar in-notifika tal-atti proċedurali ma jistgħux jiġu skartati meta jkunu qed jiġu nnotifikati dikjarazzjonijiet ta’ pretensjoni fuq il-konvenuti u deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar parteċipanti fil-proċedimenti.

Ir-rata tat-tariffa tal-istat tiġi ddeterminata abbażi tal-valur tal-kawża ċivili, li min-naħa tagħha tiġi kkalkulata billi jitqies l-ammont ta’ flus li ntalab li jitħallas. Meta jiġi kkalkulat il-valur ta’ kawża ċivili, l-ammont tat-talbiet kollaterali jridu jinżdiedu mal-ammont tat-talba prinċipali. Jekk fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tiġi mitluba penali għal ħlas tardiv iżda l-penali tkun għadha mhix dovuta fil-mument tal-preżentata tat-talba, l-ammont tal-penali li jikkorrispondi għall-ammont dovut għal sena jrid jinżdied mal-ammont tal-istess sena kkalkulata mid-data tal-preżentata tat-talba. Ir-rata tat-tariffa tal-istat tiġi ddeterminata abbażi tal-ammont finali ta’ flus ikkalkulat (il-valur tal-kawża ċivili) u skont it-tabella fl-Anness 1 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Istat (riigilõivuseadus) f’konformità mal-Artikolu 59(1) tiegħu.

Meta jitressaq appell, it-tariffa tal-istat tkun l-istess ammont bħal dak imħallas wara l-preżentata inizjali tat-talba għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar lill-qorti tal-kontea, filwaqt li jitqies kemm hi wiesgħa l-firxa tal-appell. Meta jiġi ppreżentat appell kontra sentenza tal-qorti fil-qorti distrettwali (ringkonnakohus), trid titħallas tariffa tal-istat ta’ EUR 50. Meta jiġi ppreżentat appell fil-kassazzjoni jew appell kontra sentenza tal-qorti mal-Qorti Suprema (Riigikohus), għandha titħallas garanzija fuq il-kassazzjoni. Il-garanzija fuq il-kassazzjoni li trid titħallas fuq appell ta’ kassazzjoni hija ta’ wieħed fil-mija tal-valur tal-kawża ċivili, filwaqt li titqies kemm qed jiġi appellat; madankollu, il-garanzija ma tkunx inqas minn EUR 100 jew iktar minn EUR 3 000. Il-garanzija fuq il-kassazzjoni li trid titħallas fuq appell kontra deċiżjoni tal-qorti hija ta’ EUR 50.

It-tariffi u l-garanziji tal-istat fuq il-kassazzjoni dovuti għal atti li jridu isiru fil-kawżi l-qorti jridu jitħallsu fil-kontijiet bankarji tal-Ministeru tal-Finanzi li ġejjin:

SEB Bank – a/c EE571010220229377229 (SWIFT: EEUHEE2X)

Swedbank – a/c EE062200221059223099 (SWIFT: HABAEE2X)

Luminor Bank – a/c EE221700017003510302 (SWIFT: NDEAEE2X)

Jekk sentenza li tingħata fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u li tkun daħlet fis-seħħ ma tkunx irrispettata b’mod volontarju, il-persuna li tkun tixtieq li s-sentenza tkun suġġetta għal eżekuzzjoni obbligatorja trid tmur għand marixxall tal-qorti sabiex jiftaħ il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni.

Skont l-Artikolu 21(2)(b) sentenza mogħtija f’kawżi skont ir-Regolament tkun eżekutorja biss fl-Estonja jekk issir bl-Estonjan jew bl-Ingliż jew jekk traduzzjoni bl-Estonjan jew bl-Ingliż tkun mehmuża maċ-ċertifikat. Jekk tiġi appellata sentenza mogħtija fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, il-qorti distrettwali fejn ikun sar l-appell tieħu l-miżuri speċifikati fl-Artikolu 23 tar-Regolament. Jekk sentenza tinqata’ f’kontumaċja u tiġi ppreżentata talba biex titħassar is-sentenza f’kontumaċja skont l-Artikolu 415 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, it-talba għall-miżuri trid tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża.

Jekk ma jkun għadu ġie ppreżentat l-ebda appell, il-miżuri speċifikati fl-Artikolu 23 tar-Regolament jittieħdu mill-qorti li tkun ħadet id-deċiżjoni. Il-miżura speċifikata fl-Artikolu 23(c) tar-Regolament tista’ tittieħed mill-qorti tal-kontea li l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni qed iseħħu jew għandhom iseħħu fil-ġuriżdizzjoni tagħha.

Fil-proċedimenti speċifikati fl-Artikolu 46 tal-Kodiċi tal-Proċedura ta’ Eżekuzzjoni (täitemenetluse seadustik), minbarra l-qorti, il-marixxall tal-qorti wkoll jista’ jwaqqaf il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni li jkun qed imexxi.

1.3 Formoli

Ma hemm l-ebda formola standard użata nazzjonalment għall-proċedimenti semplifikati.

1.4 Assistenza

Jekk persuna tipparteċipa fi proċedimenti ġudizzjarji permezz ta’ rappreżentant kuntrattwali, ir-rappreżentant għandu ġeneralment ikollu mill-inqas Grad ta’ Masters rikonoxxut mill-istat fil-qasam tal-liġi, kwalifika korrispondenti skont it-tifsira tal-Artikolu 28(22) tal-Att dwar l-Edukazzjoni tar-Repubblika tal-Estonja (Eesti Vabariigi haridusseadus) jew kwalifika barranija korrispondenti. Madankollu, fil-proċedura semplifikata, qorti tista’ tippermetti lil persuna li ma tikkonformax ma’ dawk ir-rekwiżiti edukattivi li iżda, fl-opinjoni tal-qorti, tkun għadha kompetenti biex tirrappreżenta persuna oħra fil-qorti, taġixxi bħala rappreżentant. Ir-regoli speċjali li għandhom x’jaqsmu mal-proċedura semplifikata huma applikabbli biss għall-kawżi fl-ewwel istanza fil-qrati tal-kontej. Rappreżentant kuntrattwali aċċettat minn qorti tal-kontea iżda li ma jikkonformax mar-rekwiżiti edukattivi ma jista’ jwettaq l-ebda att proċedurali f’qorti distrettwali jew fil-Qorti Suprema.

Il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentant f’każ ma tillimitax parteċipant fi proċedimenti b’kapaċità legali attiva fi proċedimenti ċivili milli jipparteċipa personalment fil-kawża. L-imġiba u l-għarfien ta’ rappreżentant jitqiesu bħala ekwivalenti għall-imġiba u l-għarfien ta’ parteċipant fil-proċedimenti.

Jekk il-qorti ssib li persuna fiżika li hija parteċipant fil-proċedimenti ma tkunx tista’ tipproteġi d-drittijiet tagħha waħedha jew li l-interessi essenzjali tagħha jistgħu ma jkunux protetti biżżejjed mingħajr l-għajnuna ta’ avukat, il-qorti tispjega lil dik il-persuna l-possibbiltà li tirċievi għajnuna legali mill-istat.

L-għajnuna legali tingħata skont ir-regoli dwar l-assistenza proċedurali stabbilita fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (l-Artikolu 180 ff.) u skont il-proċedura speċifikata fl-Att dwar l-Għajnuna Legali tal-Istat (riigi õigusabi seadus). L-għajnuna legali mogħtija mill-istat tingħata fuq il-bażi tat-talba tal-persuna.

L-għajnuna legali mill-istat tingħata lil persuna fiżika li, fil-mument li tippreżenta t-talba għall-għajnuna legali, tkun residenti fir-Repubblika tal-Estonja jew fi Stat Membru ieħor tal-UE jew li tkun ċittadina tar-Repubblika tal-Estonja jew ta’ Stat Membru ieħor tal-UE. Residenza tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Persuni fiżiċi oħrajn jingħataw għajnuna legali biss jekk dan jirriżulta minn obbligu internazzjonali li jorbot lill-Estonja.

Talba għall-għajnuna legali mill-istat fi proċedimenti ġudizzjarji bħala parti f’kawża ċivili trid tiġi ppreżentata lill-qorti li tisma’ l-kawża jew lill-qorti li tkun kompetenti biex tisma’ l-kawża.

Persuna fiżika tista' tirċievi għajnuna legali mill-istat jekk il-persuna ma tkunx tista’ tħallas għal servizzi legali kompetenti minħabba l-qagħda finanzjarja fil-mument li tiġi bżonn l-għajnuna legali jew jekk tkun tista’ tħallas biss għal parti mis-servizzi legali jew tkun tista’ tħallas bin-nifs jew jekk il-qagħda finanzjarja tagħha ma tippermettilhiex li tlaħħaq mal-bżonnijiet ta’ sussistenza bażika tagħha wara li tħallas għas-servizzi legali.

Persuna fiżika ma tingħatax l-għajnuna legali jekk:

(1) l-ispejjeż proċedurali ma jiġux preżunti li jaqbżu d-doppju tad-dħul medju fix-xahar tal-persuna li tkun qed titlob l-għajnuna legali kkalkulat fuq il-bażi tad-dħul medju fix-xahar tal-aħħar erba’ xhur qabel il-preżentata tat-talba mingħajr it-taxxi kollha u kull ħlas ta’ assigurazzjoni obbligatorja, l-ammonti preskritti biex jiġi ssodisfat l-obbligu tal-manteniment li jirriżulta mil-liġi u l-ispejjeż raġonevoli fuq l-akkomodazzjoni u t-trasport;

(2) il-persuna li titlob l-għajnuna legali tkun tista’ tkopri l-ispejjeż proċedurali permezz tal-assi eżistenti li jistgħu jinbiegħu mingħajr ebda diffikultà maġġuri u li tista’ ssir talba għall-ħlas fuqhom skont il-liġi;

(3) il-proċedimenti jkunu jirrigwardaw l-attività ekonomika jew professjonali tal-persuna li tkun qed titlob assistenza proċedurali u ma jkunux jikkonċernaw id-drittijiet tagħha mhux konnessi mal-attività ekonomika jew professjonali tagħha. Dan ma japplikax sal-punt li jeskludi l-għoti ta’ assistenza proċedurali lil persuni fiżiċi għar-rilaxx, parzjalment jew kompletament, mill-ħlas tat-tariffa tal-istat talli rrikorrew għall-qorti jew għal appell jekk il-proċedimenti jkunu jikkonċernaw l-attività ekonomika jew professjonali tal-persuna li titlob assistenza proċedurali u ma jkunux relatati mad-drittijiet tagħha mhux konnessi mal-attività ekonomika jew professjonali tagħha.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Fil-proċedura semplifikata, qorti tista’ tiddevja mid-dispożizzjonijiet tal-liġi li jikkonċernaw ir-rekwiżiti formali għall-preżentazzjoni u l-ġbir tal-provi kif ukoll taċċetta provi mhux previsti mil-liġi (eż. stqarrija minn parteċipant fil-proċedimenti li ma tingħatax b'mod ġuramentat). Kuntrarju għall-proċedimenti ordinarji ta’ kawża, f’każ ta’ proċedura semplifikata qorti tista’ wkoll tiġbor il-provi ex officio. Madankollu, irid jiġi żgurat li l-azzjonijiet tal-qorti ma jkunux ta’ dannu għall-ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qorti. Il-fatti li l-qorti tieħu l-provi dwarhom iridu jkunu magħrufa mill-qorti minn qabel.

Ir-regoli li jikkonċernaw il-ġbir tal-provi huma stipulati fil-Kapitolu 25 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili. Fl-azzjonijiet, kull parti trid tipprova l-fatti li t-talbiet u l-oġġezzjonijiet tagħha ikunu bbażati fuqhom, sakemm ma jkunx stipulat xorta oħra mil-liġi. Il-partijiet jistgħu jaqblu li jaqsmu l-oneru tal-provi b’mod differenti minn kif stipulat fil-liġi u jaqblu dwar in-natura tal-provi fejn ċertu fatt jista’ jiġi ppruvat, sakemm ma jkunx preskritt mod ieħor mil-liġi. Il-provi jiġu ppreżentati mill-parteċipanti fil-proċedimenti. Il-qorti tista' tipproponi lill-parteċipanti fil-proċedimenti li jippreżentaw provi addizzjonali. Jekk parteċipant fil-proċedimenti jkun jixtieq jipprovdi provi imma ma jkunx jista', huwa jkun jista' jitlob li l-provi tiġborhom il-qorti. Parteċipant fil-proċedimenti li jipprovdi provi jew talbiet li jinġabru provi jrid jissostanzja x’fatti rilevanti għall-kawża jixtieq li juri billi jipprovdi l-provi jew jitlob li jinġabru l-provi. Talba għall-ġbir tal-provi trid tistabbilixxi wkoll kull informazzjoni li tippermetti l-ġbir tal-provi. Tul il-proċedimenti preliminari, il-qorti tistabbilixxi terminu biex il-parteċipanti fil-proċedimenti jressqu l-provi u jitolbu li jinġabru l-provi. Jekk it-talba ta' parteċipant fil-proċedimenti biex jinġabru l-provi tiġi miċħuda minħabba n-nuqqas tal-parteċipant li jħallas l-ispejjeż relatati mal-ġbir tal-provi bil-quddiem minkejja t-talba tal-qorti, il-parteċipant ma jkollux id-dritt li jitlob li l-ġbir tal-provi iktar tard jekk l-aċċettazzjoni tat-talba mbagħad tirriżulta f’differiment tas-seduta tal-kawża.

Jekk il-provi jridu jinġabru barra mill-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża, hija tkun tista’ tordna t-twettiq tal-att proċedurali mill-qorti li l-provi jridu jinġabru fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha permezz ta’ ittri rogatorja. Il-konformità mal-ittra rogatorja ssir skont ir-regoli stabbiliti għall-prestazzjoni tal-att proċedurali mitlub fl-ittra rogatorja. Il-parteċipanti fil-proċedimenti jkunu nnotifikati bil-ħin u l-post tal-att proċedurali; madankollu, in-nuqqas ta’ parteċipant fil-proċedimenti ma jipprevjenix il-konformità mal-ittra rogatorja. Il-minuti tal-atti proċedurali u l-provi miġbura b'konformità mal-ittra rogatorja jintbagħtu lill-qorti li tkun qed tisma' l-kawża mingħajr dewmien. Jekk, matul il-ġbir tal-provi mill-qorti li qed tmexxi l-proċedimenti fuq il-bażi ta’ ittra rogatorja, jinqala’ tilwim li ma jistax jiġi solvut minn dik il-qorti iżda l-kontinwazzjoni tal-ġbir tal-provi tkun tiddependi mir-riżoluzzjoni tat-tilwima, il-qorti li qed tisma’ l-kawża ewlenija ssolvi t-tilwima hi. Jekk il-qorti li tkun qed timxi mal-ittra rogatorja ssib li, biex taġġudika aħjar il-kawża, ikun raġonevoli li tittrasferixxi d-dmir tal-ġbir tal-provi lil qorti oħra, hija tressaq talba għal dan lill-qorti l-oħra u tinforma lill-parteċipanti fil-proċediment b'dan.

Provi miġbura fi stat barrani skont il-leġiżlazzjoni ta' dak l-istat jistgħu jintużaw fil-qrati ċivili fl-Estonja sakemm l-atti proċedurali li wasslu għall-ksib tal-evidenza ma jkunux imorru kontra l-prinċipji tal-proċedura ċivili Estonjana. L-imħallfin tal-qorti li talbet il-ġbir tal-provi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali jew l-imħallef li jaġixxi fuq il-bażi ta’ ordni, b'konformità ma' dak ir-Regolament, jistgħu jkunu preżenti u jieħdu sehem fil-ġbir tal-provi minn qorti barranija. Il-parteċipanti fil-proċedimenti, ir-rappreżentanti tagħhom u l-esperti jistgħu jipparteċipaw f’dak il-ġbir tal-provi bl-istess mod bħal fil-ġbir tal-provi fl-Estonja. L-imħallfin li jkunu qed jisimgħu l-kawża, l-imħallef li jaġixxi fuq il-bażi ta' ordni jew espert maħtur mill-qorti jistgħu jipparteċipaw f'dan il-ġbir dirett tal-provi minn qorti Estonjana fi Stat Membru ieħor tal-UE, f’konformità mal-Artikolu 17(3) tar-Regolament.

Jekk il-provi jridu jinġabru xi mkien li mhux fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-qorti titlob li l-ġbir tal-provi jsir permezz ta' awtorità kompetenti skont il-Konvenzjoni dwar il-Ksib ta' Provi Barra mill-Pajjiż f'Materji Ċivili jew Kummerċjali. Il-qorti tista' tiġbor il-provi wkoll fi stat barrani b'intermedjazzjoni tal-ambaxxatur li jirrappreżenta lir-Repubblika tal-Estonja f'dak l-istat jew permezz ta’ uffiċjal konsulari kompetenti, sakemm dan ma jkunx ipprojbit mil-liġi ta' dak l-istat barrani.

Il-parti li tkun ipprovdiet il-provi jew li tkun qed talbitha tista' tiċħad jew tirtira l-provi biss bil-kunsens tal-parti avversarja, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-liġi.

1.6 Proċedura bil-miktub

Kawża bi proċedura semplifikata tista’ tiġi eżaminata bi proċedura bil-miktub. Il-qorti mbagħad tiggarantixxi li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet proċedurali essenzjali tal-parteċipanti fil-proċedimenti jkunu osservati u li l-parteċipanti fil-proċedimenti jinstemgħu jekk jitolbu li jinstemgħu. Ma hemmx għalfejn li ssir sessjoni fil-qorti għalhekk. Il-qorti tista' tirrinunzja għall-proċedura preliminari bil-miktub jew għas-seduta fil-qorti.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Sentenza tikkonsisti f'introduzzjoni, konklużjoni, parti deskrittiva u l-motivazzjoni.

L-introduzzjoni ta’ sentenza tistabbilixxi:

  • l-isem tal-qorti li tkun tat is-sentenza;
  • l-isem tal-imħallef li ta s-sentenza;
  • il-ħin u l-post biex is-sentenza ssir pubblika;
  • in-numru tal-kawża ċivili;
  • l-oġġett tal-kawża;
  • il-valur tal-kawża ċivili;
  • l-ismijiet u l-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni personali jew il-kodiċijiet tar-reġistru tal-parteċipanti fil-proċedimenti;
  • l-indirizzi tal-parteċipanti fil-proċedimenti jekk dan ikun meħtieġ b’mod ċar għall-eżekuzzjoni jew għar-rikonoxximent tas-sentenza;
  • l-ismijiet tar-rappreżentanti tal-parteċipanti fil-proċedimenti u jekk ir-rappreżentanti ġew sostitwiti, l-ismijiet tal-aħħar rappreżentanti;
  • il-ħin tal-aħħar seduta tal-qorti jew referenza għall-kawża li tkun qed tiġi eżaminata fil-proċedura bil-miktub.

Il-parti deskrittiva ta’ sentenza tindika, b’mod konċiż u f’ordni loġiku, il-kontenut rilevanti tat-talbiet ippreżentati u l-allegazzjonijiet magħmula, il-kontrotalbiet ippreżentati u l-provi fornuti fir-rigward ta’ dawk it-talbiet.

Il-motivazzjoni ta’ sentenza tistabbilixxi l-fatti stabbiliti mill-qorti, il-konklużjonijiet milħuqa abbażi tagħhom, il-provi li l-konklużjonijiet tal-qorti huma bbażati fuqhom u l-Atti li ġew applikati mill-qorti. F’sentenza, il-qorti trid tissostanzja r-raġunijiet tagħha għaliex ma qablitx mad-dikjarazzjonijiet ta’ fatt li jkunu saru mill-attur jew mill-konvenut. Il-qorti trid tanalizza l-provi kollha fis-sentenza. Jekk il-qorti ma tqisx ċerti provi, dan ikollha tiġġustifikah fis-sentenza. Jekk tintlaqa’ waħda mit-talbiet alternattivi, ma hemmx għalfejn tiġi ssostanzjata ċ-ċaħda ta’ talba alternattiva oħra.

Fil-proċedura semplifikata qorti tista’ tagħti sentenza billi tħalli barra l-parti deskrittiva u l-motivazzjoni jew fil-motivazzjoni tindika biss ir-raġunament ġuridiku u l-provi li fuqhom l-konklużjonijiet tal-qorti huma bbażati fuqhom.

Fil-konklużjoni ta’ sentenza, il-qorti taġġudika t-talbiet tal-partijiet b’mod ċar u mingħajr ambigwità u t-talbiet kollha tal-partijiet li jkunu għadhom ma ġewx solvuti, kif ukoll il-kwistjonijiet kollha relatati mal-miżuri applikati biex tiġi ggarantita t-talba. Il-konklużjoni trid tkun eżekutorja u tista’ tinftiehem b’mod ċar anke mingħajr it-test tal-bqija tas-sentenza.

Il-konklużjoni tistabbilixxi wkoll il-proċedura u t-terminu għal appell tas-sentenza u, fost affarijiet oħrajn, tispeċifika l-qorti li l-appell għandu jiġi ppreżentat għandha, u tagħmel referenza għall-fatt li sakemm fl-appell ma jkunx mitlub li l-eżami tal-kawża jsir f’seduta tal-qorti, l-appell ikun jista’ jiġi eżaminat bil-proċedura bil-miktub. Sentenza mogħtija b’kontumaċja tistabbilixxi d-dritt li titressaq talba sabiex tiġi annullata s-sentenza mogħtija b’kontumaċja. Il-konklużjoni tispjega wkoll li jekk appellant ikun jixtieq jitlob assistenza proċedurali għall-preżentazzjoni ta’ appell (pereżempju rilaxx mill-ħlas tat-tariffa tal-istat fl-appell), l-att proċedurali rilevanti jrid jitwettaq, jiġifieri l-appell irid jiġi ppreżentat, fit-terminu tal-appell sabiex ikun konformi mal-limiti ta’ żmien tal-proċedura.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Prinċipji ġenerali:

  • L-ispejjeż ta' kawża jiġu koperti mill-parti telliefa.
  • Il-parti telliefa tkun meħtieġa tikkumpensa lill-parti l-oħra kemm għall-ispejjeż tal-qorti kif ukoll għal kwalunkwe spejjeż ekstraġudizzjarji li jirriżultaw mill-proċedimenti quddiem il-qorti.
  • L-ispejjeż tal-qorti jinkludu t-tariffa tal-istat, il-garanzija u l-ispejjeż essenzjali għall-proċedimenti. L-ispejjeż essenzjali għall-proċedimenti huma: (a) l-ispejjeż relatati max-xhieda, l-esperti, l-interpreti u t-tradutturi kif ukoll l-ispejjeż ta’ persuni li ma jkunux qed jipparteċipaw fil-proċedimenti mġarrba b’konnessjoni mal-eżamijiet li jridu jiġu kkumpensati skont l-Att dwar l-Eżaminazzjoni Forensika (kohtuekspertiisiseadus); (b) l-ispejjeż relatati mal-kisba ta’ provi dokumentati u provi fiżiċi; (c) l-ispejjeż relatati mal-ispezzjonijiet, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar meħtieġa mġarrbin mill-qorti; (d) l-ispejjeż tan-notifika u t-trażmissjoni ta’ dokumenti proċedurali permezz ta’ marixxall tal-qorti jew fi stat barrani jew lil ċittadini tar-Repubblika tal-Estonja li jgħixu barra; (e) l-ispejjeż tal-ħruġ ta’ dokumenti proċedurali; (f) l-ispejjeż relatati mad-determinazzjoni tal-valur tal-kawża ċivili. L-ispejjeż ekstraġudizzjarji huma fost l-oħrajn: (a) l-ispejjeż relatati mar-rappreżentanti tal-parteċipanti fil-proċedimenti; (b) l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-posta, tal-komunikazzjonijiet, tal-akkomodazzjoni u spejjeż oħra ta’ dan it-tip tal-parteċipanti fil-proċedimenti li jiġġarrbu b’rabta mal-proċedimenti; (c) il-pagi jew is-salarji mitlufa jew introjtu permanenti ieħor mitluf mill-parteċipanti fil-proċedimenti; (d) l-ispejjeż tal-proċedimenti preliminari previsti mil-liġi sakemm il-kawża ma tkunx ġiet ippreżentata aktar tard minn sitt xhur wara tmiem il-proċedimenti preliminari; (e) it-tariffa tal-marixxall tal-qorti għall-mandati kawtelatorji u l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni tas-sentenza b’mandat eżekuttiv; (f) it-tariffa tal-marixxall tal-qorti għan-notifika tad-dokumenti proċedurali; (g) it-tariffa tal-marixxall għall-eżekuzzjoni ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea magħmula fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni Ewropea kif ukoll l-emolumenti dovuti lill-Kamra tal-Marixxalli u l-Amministraturi Ġudizzjarji f’Falliment (Kohtutäiturite ja Pankrotihaldurite Koda) għall-eżami tat-talba biex tinkiseb informazzjoni ppreżentata fuq il-bażi tal-istess ordni; (h) l-ispejjeż relatati mal-ipproċessar ta’ talba għal assistenza proċedurali għall-ħlas tal-ispejjeż proċedurali; (i) l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni f’konċiljazzjoni jekk il-qorti tkun imponiet obbligu fuq il-partijiet biex jipparteċipaw fi proċedimenti bħal dawn.
  • L-ispejjeż proċedurali ta’ rappreżentant legali ta’ parti jiġu rimborżati skont l-istess regoli li japplikaw għar-rimborż tal-ispejjeż proċedurali tal-parti.
  • F'każ li talba tintlaqa’ parzjalment, il-partijiet ikopru l-ispejjeż proċedurali f'partijiet b’mod ugwali sakemm il-qorti ma taqsamx l-ispejjeż proċedurali b’mod proporzjonat għal kemm mit-talba intlaqgħet jew tiddeċiedi li l-ispejjeż proċedurali jridu jkunu koperti, parzjalment jew kompletament, mill-partijiet infushom.

Id-diviżjoni tal-ispejjeż proċedurali tiġi indikata fid-deċiżjoni finali. L-ammonti tal-ispejjeż jiġu ddeterminati skont ir-regoli li jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-ispejjeż proċedurali jew fid-deċiżjoni finali li tittieħed fuq il-merti tal-kawża jew f’deċiżjoni separata li trid tittieħed wara li tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni finali dwar il-merti tal-kawża.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Fis-sentenza mogħtija f’kawża bi proċedura semplifikata, qorti tal-kontea tista' tistabbilixxi li tagħti permess għal appell kontra s-sentenza. Il-qorti tal-kontea tagħti l-permess jekk, fl-opinjoni tagħha, id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell tkun meħtieġa biex tinkiseb il-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar dwar dispożizzjoni legali. L-għoti tal-permess għal appell ma hemmx għalfejn ikun iġġustifikat fis-sentenza.

Fil-konklużjoni ta' sentenza li ssir fi proċedimenti semplifikati, il-qorti tistabbilixxi wkoll il-proċedura u t-terminu għal appell kontra s-sentenza. Il-qorti distrettwali tista’ tisma’ appell imressaq f’kawża bi proċedura semplifikata irrispettivament mil-permess tal-qorti tal-kontea għall-appell u appell jista’ jiġi ppreżentat irrispettivament mill-permess tal-qorti tal-kontea. Jekk il-qorti tal-kontea ma tkunx tat permess għal appell, il-qorti distrettwali tkun tista’ tisma’ l-appell jekk is-sentenza tal-qorti tal-kontea tkun setgħet ġiet influwenzata minn żball ovvju fl-applikazzjoni tal-liġi jew fl-istabbiliment tal-fatti. Madankollu, il-qorti distrettwali tista’ tirrifjuta li tisma’ appell ta’ valur baxx, iżda biss f’każ li r-riżoluzzjoni tal-qorti tal-kontea tkun probabbilment ġusta u s-smigħ ulterjuri tal-kawża fl-appell twassal sempliċement għal spejjeż bla bżonn f’termini kemm ta’ ħin kif ukoll ta’ flus. Il-qorti distrettwali ma tistax tirrifjuta li tisma’ appell għall-unika raġun li tkun kawża bi proċedura semplifikata. Parti jew parti terza b’talba indipendenti tista’ tappella kontra sentenza mogħtija minn qorti tal-ewwel istanza fil-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar quddiem il-qorti distrettwali tal-ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-kontea li tkun qatgħet is-sentenza appellata. Parti terza mingħajr talba indipendenti tista’ tippreżenta appell jekk ma jkunx jikkontradixxi l-appell tal-attur jew tal-konvenut li l-parti terza tkun qed tipparteċipa fil-proċedimenti biex tappoġġah. Għat-terzi japplika l-istess terminu għall-preżentazzjoni ta’ appell jew biex isiru atti proċedurali bħalma japplika għall-attur jew għall-konvenut li l-parti terza tkun qed tipparteċipa fil-proċedimenti biex tappoġġah.

Appell ma jistax jitressaq jekk iż-żewġ partijiet ikunu rrinunzjaw mid-dritt tagħhom li jressqu appell b’talba lill-qorti.

Appell jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 30 jum min-notifika tas-sentenza lill-appellant, iżda mhux aktar tard minn ħames xhur minn dakinhar li s-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza tkun saret pubblika.

Jekk, matul it-terminu għall-appell, tingħata sentenza supplimentari fl-istess kawża, it-terminu tal-appell tas-sentenza inizjali jerġa’ jibda jiddekorri wkoll mid-data tan-notifika tas-sentenza supplimentari. Jekk is-sentenza li tkun saret mingħajr il-parti deskrittiva jew mingħajr il-motivazzjoni tiġi ssupplimentata mill-parti omessa, it-terminu għall-appell jerġa’ jibda jiddekorri min-notifika tas-sentenza sħiħa.

It-terminu għall-appell jista’ jitnaqqas, jew jiżdied b’sa ħames xhur minn meta s-sentenza ssir pubblika jekk il-partijiet jilħqu ftehim korrispondenti u jinformaw lill-qorti b’dan.

Appell jista’ jiddikjara biss li s-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza tkun ibbażata fuq ksur ta’ dispożizzjoni legali jew jindika li, skont iċ-ċirkustanzi u l-provi li jridu jiġu kkunsidrati fil-proċedura tal-appell, għandha tingħata sentenza differenti minn dik mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza.

Fost affarijiet oħra, appell ikun fih dan li ġej: (1) isem il-qorti li tkun tat is-sentenza appellata, id-data tas-sentenza u n-numru tal-kawża ċivili; (2) it-talba espressa b’mod ċar mill-appellant li tispeċifika sa fejn l-appellant qed jikkontesta s-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza u li tistabbilixxi d-deċiżjoni tal-qorti distrettwali li jkun qed jitlob l-appellanti; (3) il-motiv tal-appell; (4) il-mument tan-notifika tas-sentenza appellata.

Il-motiv tal-appell irid jispeċifika: (1) id-dispożizzjoni legali li l-qorti tal-ewwel istanza tkun kisret fis-sentenza jew waqt li kienet qed taqta’ s-sentenza, jew il-fatt li l-qorti tal-ewwel istanza tkun ikkonstatat inkorrettament jew b’mod insuffiċjenti; (2) ir-raġuni għall-ksur tad-dispożizzjoni legali jew il-konstatazzjoni inkorretta jew insuffiċjenti tal-fatt; (3) referenza għall-provi li l-appellant jixtieq jippreżenta bħala prova ta’ kull dikjarazzjoni ta’ fatt.

Provi dokumentati li ma jkunux ġew ippreżentati lill-qorti tal-ewwel istanza u li l-appellant jitlob li l-qorti taċċetta jiġu annessi mal-appell. Jekk r-raġuni speċifikata għall-preżentazzjoni ta’ appell tkun fatti u provi ġodda, l-appell irid jistabbilixxi r-raġuni għaliex dawn il-fatti u l-provi ġodda ma ġewx ippreżentati lill-qorti tal-ewwel istanza.

Jekk l-appellant ikun jixtieq li l-qorti tisma’ xhud jew tikseb id-dikjarazzjoni ta’ parteċipant fi proċedimenti taħt ġurament, jew li torganizza valutazzjoni jew spezzjoni esperta, dan irid jiġi indikat fl-appell flimkien mar-raġuni għalih. F’tali każ, l-ismijiet u l-indirizzi tax-xhieda jew tal-esperti, u n-numri ta’ kuntatt tagħhom, jekk ikunu magħrufa, iridu jiġu inklużi fl-appell.

Jekk l-appellant ikun jixtieq li l-kawża tinstema’ f’seduta tal-qorti, l-appellant irid jindikah fl-appell. Inkella, l-appellant jitqies li jaqbel mal-aġġudikazzjoni tal-kawża bi proċedura bil-miktub.

Jekk qorti tkun tat sentenza mingħajr il-parti deskrittiva jew mingħajr il-motivazzjonijiet, il-qorti tal-kontea, fi żmien għaxart ijiem min-notifika tas-sentenza, trid tiġi nnotifikata bl-intenzjoni li tiġi appellata s-sentenza. Il-qorti mbagħad iżżid il-partijiet omessi mas-sentenza fi proċedura bil-miktub. Jekk mas-sentenza jinżdiedu l-partijiet omessi, it-terminu għall-preżentazzjoni ta’ appell jerġa’ jibda jiddekorri min-notifika tas-sentenza supplimentari. Parteċipant fi proċedimenti ta' appell jista' jressaq appell kontra sentenza tal-qorti distrettwali mal-Qorti Suprema jekk il-qorti distrettwali tkun kisret materjalment dispożizzjoni tal-liġi proċedurali jew tkun applikat inkorrettament dispożizzjoni tal-liġi sostantiva. Parti terza mingħajr pretensjoni indipendenti tista' tressaq appell fil-kassazzjoni bil-kundizzjonijiet previsti fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

Appell fil-kassazzjoni ma jistax jitressaq jekk iż-żewġ partijiet ikunu rrinunzjaw mid-dritt tagħhom li jressqu appell b’talba lill-qorti.

Appell fil-kassazzjoni jista' jitressaq fi żmien 30 jum minn dakinhar meta s-sentenza tiġi nnotifikata lill-appellant imma mhux iktar minn ħames xhur wara dakinhar meta s-sentenza tal-qorti distrettwali ssir pubblika.

Sabiex jintalab ir-rieżami ta’ sentenza skont l-Artikolu 18, trid tiġi ppreżentata talba għall-annullament ta’ sentenza fil-kontumaċja għand il-qorti tal-kontea li tkun semgħet it-talba. Talba għal annullament ta’ sentenza b’kontumaċja trid tiġi ppreżentata lill-qorti tal-kontea li tkun tat is-sentenza f’kontumaċja fi żmien 30 jum minn meta tkun ġiet innotifikata s-sentenza b’kontumaċja. Jekk sentenza f’kontumaċja tiġi notifikata b’avviż pubbliku, talba biex tiġi annullata s-sentenza mogħtija b’kontumaċja tista’ tiġi ppreżentata fi żmien 30 jum minn dakinhar li l-konvenut ikun sar konxju bis-sentenza f’kontumaċja jew tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni mibdija biex tiġi eżegwita s-sentenza f’kontumaċja.

L-aħħar aġġornament: 16/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.