

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Fir-Repubblika tal-Kroazja, it-talbiet żgħar huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 457-467 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 53/91, 91/92, 112/99, 129/00, 88/01, 117/03, 88/05, 2/07, 96/08, 84/08, 123/08, 57/11, 25/13 u 89/14; minn hawn ’il quddiem: ZPP), filwaqt li l-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (minn hawn ’il quddiem: ir-Regolament Nru. 861/2007) hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 507.o - 507.ž ZPP.
Proċeduri għal talbiet żgħar quddiem il-qrati lokali tfisser tilwima li fiha t-talba tkun għal ammont ta’ mhux aktar minn HRK 10 000.
Fil-proċeduri quddiem il-qrati kummerċjali, il-proċeduri għal talbiet żgħar huma tilwimiet li fihom it-talba tkun għal ammont ta’ mhux aktar minn HRK 50 000.
Il-proċeduri għal talbiet żgħar jinkludu wkoll dawk li fihom it-talba ma tikkonċernax flus, iżda fejn ir-rikorrent ikun qabel minflok li jirċievi somma ta’ mhux aktar minn HRK 10 000 (il-qrati lokali) jew HRK 50 000 (il-qrati kummerċjali) sabiex jissodisfa t-talba.
Il-proċeduri għal talbiet żgħar jinkludu wkoll dawk li fihom is-suġġett tat-talba mhuwiex flus, iżda l-konsenja ta’ proprjetà mobbli, li l-valur tagħha, skont ir-rikorrent, ma jaqbiżx is-somma ta’ HRK 10 000 (il-qrati lokali), jew HRK 50 000 (il-qrati kummerċjali).
Skont l-arranġamenti attwali għall-proċeduri Ewropej għal talbiet żgħar, ir-Regolament Nru 861/2007 jiġi applikat jekk il-valur tat-talba ma jkunx ta’ aktar minn EUR 2 000 fil-mument li tiġi riċevuta l-formola tat-talba mill-qorti jew mit-tribunal b’ġurisdizzjoni, minbarra l-imgħax, l-ispejjeż u t-tariffi kollha.
Il-proċeduri għal talbiet żgħar jitmexxew quddiem qorti lokali jew kummerċjali skont ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni ratione materiae previsti fl-Artikoli 34 u 34.b ZPP. Il-proċeduri għal talbiet żgħar jinbdew billi tiġi ppreżentata talba lill-qorti kompetenti, jiġifieri billi tiġi ppreżentata applikazzjoni għal eżekuzzjoni abbażi ta’ dokument awtentiku lil nutar pubbliku meta tkun ġiet ippreżentata oġġezzjoni ammissibbli għal mandat ta’ eżekuzzjoni fi żmien debitu.
Il-formoli, talbiet oħrajn jew id-dikjarazzjonijiet jiġu ppreżentati bil-miktub, b’fax jew b’email u jintużaw biss għall-proċeduri Ewropej għal talbiet żgħar skont ir-Regolament Nru 861/2007
Ma hemm ebda formola oħra stabbilita sabiex tinbeda azzjoni fi proċeduri għal talbiet żgħar.
Iz-ZPP ma għandu ebda dispożizzjoni speċjali dwar l-għajnuna legali fil-proċeduri għal talbiet żgħar. Rikorrent jista’ jkun irrappreżentat minn avukat matul proċedura għal talbiet żgħar.
Jekk id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali Mingħajr Ħlas (Zakon o besplatnoj pravnoj pomoći) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), No 143/13 – https://narodne-novine.nn.hr/clanci/sluzbeni/2013_12_143_3064.html) ikunu ġew issodisfati, il-litiganti għandhom id-dritt għal għajnuna legali primarja u sekondarja.
Lista ta’ assoċjazzjonijiet u kliniċi legali awtorizzati għall-għoti ta’ għajnuna legali primarja tista’ tinstab billi tikklikkja fuq il-link li ġejja:
https://pravosudje.gov.hr/istaknute-teme/besplatna-pravna-pomoc/ovlastene-udruge-i-pravne-klinike-za-pruzanje-primarne-pravne-pomoci/6190
Fi proċeduri għal talbiet żgħar, il-partijiet iridu jippreżentaw il-fatti kollha li fuqhom jibbażaw it-talba tagħhom sa mhux aktar tard minn meta jippreżentaw l-azzjoni jew id-dikjarazzjoni ta’ difiża, kif ukoll jippreżentaw kwalunkwe xhieda meħtieġa li ssostni l-fatti ppreżentati.
Il-partijiet jistgħu jippreżentaw fatti ġodda jew iressqu provi ġodda biss f’seduta ta’ smigħ preliminari, jekk huma, mingħajr ebda ħtija tagħhom stess, ma jkunux jistgħu jippreżentawhom jew iressquhom fl-azzjoni jew fid-dikjarazzjoni ta’ difiża.
Kuntrarju għad-dispożizzjoni msemmija hawn fuq, il-fatti u l-provi ġodda ppreżentati jew imressqa mill-partijiet fis-seduta ta’ smigħ preliminari jiġu injorati mill-qorti.
Id-dispożizzjonijiet ġenerali taz-ZPP japplikaw għall-kumpilazzjoni tax-xhieda. Għalhekk, il-provi fi proċeduri għal talbiet żgħar jistgħu jikkonsistu fi spezzjonijiet, dokumenti, dikjarazzjonijiet ta’ xhieda, rapporti ta’ esperti ordnati minn qorti u xhieda mogħtija mill-partijiet u hija l-Qorti li tiddeċiedi liema mill-provi ppreżentati għandhom jintużaw sabiex jiġu stabbiliti l-fatti tal-każ.
Aktar informazzjoni dwar il-kumpilazzjoni tax-xhieda hija stabbilita fil-pakkett ta’ informazzjoni intitolat “Il-kumpilazzjoni tax-xhieda – Ir-Repubblika tal-Kroazja” (Izvođenje dokaza – Republika Hrvatska).
Il-proċeduri għal talbiet żgħar isiru bil-miktub.
Fi proċeduri għal talbiet żgħar, it-talba dejjem tiġi nnotifikata lill-konvenut sabiex dik il-parti tkun tista’ tippreżenta osservazzjonijiet, u ċ-ċitazzjoni tal-qorti sabiex tiġi pprovduta dikjarazzjoni ta’ difiża tinforma lill-partijiet li rikorrent jitqies bħala li rtira l-azzjoni jekk huwa jonqos milli jattendi l-ewwel seduta tal-qorti; li f’din il-proċedura l-partijiet iridu jippreżentaw il-fatti kollha sa mhux aktar tard minn meta jressqu t-talba jew id-dikjarazzjoni ta’ difiża; li fis-seduta ta’ smigħ preliminari ma jistgħux jiġu ppreżentati fatti ġodda jew jitressqu provi, ħlief fil-każijiet stabbiliti fl-Artikolu 461a(a) taz-ZPP fejn il-partijiet kienu, mingħajr ebda ħtija tagħhom stess, imwaqqfa milli jippreżentaw kwalunkwe fatti jew iressqu provi qabel il-bidu tas-seduta ta’ smigħ preliminari; u li din id-deċiżjoni tista’ tiġi appellata biss fuq il-bażi ta’ ksur materjali tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ċivili msemmija fl-Artikolu 354(2), li huma:
• il-punt 1 - jekk imħallef li kellu jiġi rikużat skont il-liġi (il-punti 1-6 tal-Artikolu 71(1) taz-ZPP) jew li kien skwalifikat b’deċiżjoni tal-qorti, jew persuna li ma kellhiex l-istatus ta’ mħallef, ikunu ħadu sehem fl-għoti tas-sentenza,
• il-punt 2 - jekk tkun ittieħdet deċiżjoni dwar talba f’tilwima li ma tkunx taqa’ taħt il-kompetenza ġudizzjarja (l-Artikolu 16 taz-ZPP),
• il-punt 4 - jekk, kuntrarju għaz-ZPP, il-qorti tkun ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq dispożizzjonijiet inammissibbli mill-partijiet (l-Artikolu 3(3) taz-ZPP),
• il-punt 5 - jekk, kuntrarju għaz-ZPP, il-qorti tkun tat sentenza bbażata fuq l-ammissjoni tat-talba, sentenza bbażata fuq ir-rinunzja tal-pretensjoni, sentenza inadempjenti jew sentenza mingħajr proċess,
• il-punt 6 - jekk, minħabba azzjonijiet illegali u, speċifikament, minħabba nuqqas ta’ servizz (ta’ dokumenti tal-qorti), kwalunkwe waħda mill-partijiet ma tkunx ingħatat l-opportunità li tinstema’ mill-qorti;
• il-punt 8 - jekk persuna li ma tistax tkun parti għall-proċedura tkun ipparteċipat fiha bħala attur jew bħala konvenut, jew jekk il-persuna ġuridika ma kinitx irrappreżentata bħala parti mill-persuna awtorizzata, jew jekk parti inkapaċi ma kinitx irrappreżentata minn rappreżentant legali, jew jekk ir-rappreżentant legali jew l-avukat fil-fatt ma kellhomx l-awtorizzazzjoni meħtieġa sabiex jillitigaw jew jieħdu ċerti azzjonijiet proċedurali, fejn il-litigazzjoni jew ċerti azzjonijiet proċedurali ma jkunux awtorizzati sussegwentement;
• il-punt 9 - jekk tkun ittieħdet deċiżjoni dwar talba li l-litigazzjoni fir-rigward tagħha kienet diġà pendenti, jew li dwarha diġà ngħatat sentenza legalment effettiva, jew jekk diġà tkun instabet soluzzjoni bil-qorti jew soluzzjoni li, skont regolamenti separati, ikollha l-karatteristiċi ta’ soluzzjoni bil-qorti,
• il-punt 10 - jekk il-pubbliku kien eskluż mill-proċess, kuntrarju għal-liġi,
• il-punt 11 taz-ZPP - jekk is-sentenza jkollha difetti li minħabba fihom ma tkunx tista’ tiġi eżaminata u, b’mod partikolari, jekk il-parti operattiva tas-sentenza tkun inkomprensibbli, jekk il-parti operattiva tkun awtokontradittorja jew jekk tikkontradixxi r-raġunijiet għas-sentenza, jew jekk is-sentenza ma jkollha ebda raġuni jew jekk hija ma tispeċifikax ir-raġunijiet għall-fatti deċiżivi, jew jekk tali raġunijiet ma jkunux ċari jew ikunu kontradittorji, jew jekk ikun hemm kontradizzjoni rigward il-fatti deċiżivi bejn dak li huwa speċifikat fir-raġunijiet għas-sentenza dwar il-kontenut tad-dokumenti jew il-minuti relatati max-xhieda mogħtija matul il-proċedimenti u d-dokumenti u l-minuti attwali nfushom;
jew, fil-każ ta’ żball fil-liġi.
Jekk il-parti jkollha residenza permanenti jew temporanja barra mir-Repubblika tal-Kroazja u l-indirizz tagħha jkun magħruf, is-servizz tad-dokumenti tal-qorti għandu jseħħ f’konformità mar-regoli vinkolanti fuq ir-Repubblika tal-Kroazja u f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, speċifikament fir-rigward tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 861/2007.
Sentenza fi proċedura għal talbiet żgħar tingħata immedjatament wara t-tmiem tas-seduta ta’ smigħ prinċipali. Malli jagħti s-sentenza, l-imħallef huwa obbligat li jagħti struzzjonijiet lill-partijiet preżenti dwar il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jappellaw.
Billi ma teżisti ebda dispożizzjoni speċjali dwar il-kontenut tas-sentenza fi proċeduri għal talbiet żgħar, japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali taz-ZPP, jiġifieri l-Artikolu 338 taz-ZPP, li jiddikjara li verżjoni bil-miktub tas-sentenza trid tinkludi introduzzjoni formali, parti operattiva u dikjarazzjoni tar-raġunijiet.
L-introduzzjoni ta’ sentenza għandha tinkludi: indikazzjoni li s-sentenza qed titħabbar f’isem ir-Repubblika tal-Kroazja; it-titolu tal-qorti; l-isem u l-kunjom tal-imħallef uniku jew li jippresjedi, tal-imħallef-rapporteur u tal-membri tal-bord, l-isem u l-kunjom jew it-titolu u r-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tal-partijiet u tar-rappreżentanti legali u l-aġenti tagħhom; indikazzjoni qasira tas-suġġett tat-tilwima; id-data li fiha ġie konkluż il-proċess; indikazzjoni tal-partijiet, ir-rappreżentanti legali u l-aġenti tagħhom li attendew dak il-proċess; u d-data meta ngħatat is-sentenza.
Il-parti operattiva tas-sentenza għandha tinkludi d-deċiżjoni tal-qorti dwar l-aċċettazzjoni jew iċ-ċaħda ta’ talbiet fuq il-merti u talbiet sekondarji, kif ukoll deċiżjoni dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza tat-talba mressqa għal soluzzjoni (l-Artikolu 333 taz-ZPP).
Fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet, il-qorti tiddeskrivi t-talba tal-partijiet, il-fatti li ppreżentaw u l-provi li fuqhom huma bbażati dawn it-talbiet, liema minn dawn il-fatti stabbilixxiet, għaliex u kif stabbilixxiet dawk il-fatti u jekk hija stabbilixxietx dawk il-fatti billi semgħet ix-xhieda, liema provi tressqu u għaliex u kif ġew ivvalutati. Il-qorti tiddikjara speċifikament liema dispożizzjonijiet tal-liġi sostantiva ġew applikati fid-deċiżjoni dwar it-talbiet tal-partijiet u tiddikjara l-pożizzjoni tagħha, jekk ikun meħtieġ, fuq il-fehmiet tal-partijiet dwar ir-raġunijiet legali għat-tilwima u dwar kwalunkwe mozzjoni jew oġġezzjoni li dwarha ma stabbilixxietx ir-raġunijiet fid-deċiżjonijiet li hija ħadet matul il-proċedimenti.
Id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet ta’ sentenza inadempjenti, sentenza bbażata fuq l-ammissjoni ta’ talba jew sentenza bbażata fuq rinunzja tal-pretensjoni għandha tindika biss ir-raġunijiet għall-għoti ta’ tali sentenzi.
Deċiżjoni dwar ir-rimborż tal-ispejjeż għal proċeduri għal talbiet żgħar tinħareġ fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ġenerali taz-ZPP, fejn il-parti li titlef kawża kompletament hija obbligata li tirrimborża l-ispejjeż tal-parti opposta u tal-intervenjent tagħha.
Jekk parti tikseb suċċess parzjali fl-azzjoni tagħha, il-qorti tista’, fid-dawl tas-suċċess miksub, tordna lil kull parti sabiex tħallas l-ispejjeż tagħha jew lil parti waħda sabiex tirrimborża lill-oħra u lill-intervenjent tagħha b’sehem proporzjonali tal-ispejjeż.
Il-qorti tista’ tiddeċiedi li parti waħda għandha tħallas l-ispejjeż kollha mġarrbin mill-parti opposta u mill-intervenjent tagħha, jekk il-parti opposta ma tkunx kisbet suċċess f’parti relattivament żgħira biss tat-talba tagħha u ma jkunux saru spejjeż separati għal dik il-parti.
Min-naħa l-oħra, parti hija obbligata, irrispettivament mill-eżitu tal-kawża, li tirrimborża kwalunkwe spejjeż tal-parti opposta li jirriżultaw mill-ħtija tagħha jew minn avvenimenti li tkun sofriet.
Fil-proċeduri għal talbiet żgħar, il-partijiet jistgħu jressqu appell kontra s-sentenza jew id-deċiżjoni tal-prim’istanza, fi żmien tmint ijiem.
L-iskadenza għall-appell tiġi kkalkolata mill-jum li fih tingħata s-sentenza jew id-deċiżjoni. Jekk is-sentenza jew id-deċiżjoni tkun ġiet innotifikata lil parti, l-iskadenza tiġi kkalkolata minn dakinhar li ġiet innotifikata.
Is-sentenza jew id-deċiżjoni li tittermina l-proċedura għal talbiet żgħar tista’ tiġi kkontestata għar-raġunijiet deskritti fid-dettall fil-punt 1.6, jiġifieri minħabba ksur materjali tar-regoli tal-proċedura ċivili msemmija fil-punti 1, 2, 4, 5, 6, 8, 9, 10 u 11 tal-Artikolu 354(2) taz-ZPP jew minħabba żball tal-liġi.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.