Talbiet żgħar

il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Fir-Repubblika tal-Kroazja, it-talbiet żgħar huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 457-467 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 53/91, 91/92, 112/99, 129/00, 88/01, 117/03, 88/05, 2/07, 96/08, 84/08, 123/08, 57/11, 25/13 u 89/14; minn hawn ’il quddiem: ZPP), filwaqt li l-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (minn hawn ’il quddiem: ir-Regolament Nru. 861/2007) hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 507.o - 507.ž ZPP.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Proċeduri għal talbiet żgħar quddiem il-qrati lokali tfisser tilwima li fiha t-talba tkun għal ammont ta’ mhux aktar minn HRK 10 000.

Fil-proċeduri quddiem il-qrati kummerċjali, il-proċeduri għal talbiet żgħar huma tilwimiet li fihom it-talba tkun għal ammont ta’ mhux aktar minn HRK 50 000.

Il-proċeduri għal talbiet żgħar jinkludu wkoll dawk li fihom it-talba ma tikkonċernax flus, iżda fejn ir-rikorrent ikun qabel minflok li jirċievi somma ta’ mhux aktar minn HRK 10 000 (il-qrati lokali) jew HRK 50 000 (il-qrati kummerċjali) sabiex jissodisfa t-talba.

Il-proċeduri għal talbiet żgħar jinkludu wkoll dawk li fihom is-suġġett tat-talba mhuwiex flus, iżda l-konsenja ta’ proprjetà mobbli, li l-valur tagħha, skont ir-rikorrent, ma jaqbiżx is-somma ta’ HRK 10 000 (il-qrati lokali), jew HRK 50 000 (il-qrati kummerċjali).

Skont l-arranġamenti attwali għall-proċeduri Ewropej għal talbiet żgħar, ir-Regolament Nru 861/2007 jiġi applikat jekk il-valur tat-talba ma jkunx ta’ aktar minn EUR 2 000 fil-mument li tiġi riċevuta l-formola tat-talba mill-qorti jew mit-tribunal b’ġurisdizzjoni, minbarra l-imgħax, l-ispejjeż u t-tariffi kollha.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Il-proċeduri għal talbiet żgħar jitmexxew quddiem qorti lokali jew kummerċjali skont ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni ratione materiae previsti fl-Artikoli 34 u 34.b ZPP. Il-proċeduri għal talbiet żgħar jinbdew billi tiġi ppreżentata talba lill-qorti kompetenti, jiġifieri billi tiġi ppreżentata applikazzjoni għal eżekuzzjoni abbażi ta’ dokument awtentiku lil nutar pubbliku meta tkun ġiet ippreżentata oġġezzjoni ammissibbli għal mandat ta’ eżekuzzjoni fi żmien debitu.

1.3 Formoli

Il-formoli, talbiet oħrajn jew id-dikjarazzjonijiet jiġu ppreżentati bil-miktub, b’fax jew b’email u jintużaw biss għall-proċeduri Ewropej għal talbiet żgħar skont ir-Regolament Nru 861/2007

Ma hemm ebda formola oħra stabbilita sabiex tinbeda azzjoni fi proċeduri għal talbiet żgħar.

1.4 Assistenza

Iz-ZPP ma għandu ebda dispożizzjoni speċjali dwar l-għajnuna legali fil-proċeduri għal talbiet żgħar. Rikorrent jista’ jkun irrappreżentat minn avukat matul proċedura għal talbiet żgħar.

Jekk id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali Mingħajr Ħlas (Zakon o besplatnoj pravnoj pomoći) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), No 143/13 – https://narodne-novine.nn.hr/clanci/sluzbeni/2013_12_143_3064.html) ikunu ġew issodisfati, il-litiganti għandhom id-dritt għal għajnuna legali primarja u sekondarja.

Lista ta’ assoċjazzjonijiet u kliniċi legali awtorizzati għall-għoti ta’ għajnuna legali primarja tista’ tinstab billi tikklikkja fuq il-link li ġejja:
https://pravosudje.gov.hr/istaknute-teme/besplatna-pravna-pomoc/ovlastene-udruge-i-pravne-klinike-za-pruzanje-primarne-pravne-pomoci/6190

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Fi proċeduri għal talbiet żgħar, il-partijiet iridu jippreżentaw il-fatti kollha li fuqhom jibbażaw it-talba tagħhom sa mhux aktar tard minn meta jippreżentaw l-azzjoni jew id-dikjarazzjoni ta’ difiża, kif ukoll jippreżentaw kwalunkwe xhieda meħtieġa li ssostni l-fatti ppreżentati.

Il-partijiet jistgħu jippreżentaw fatti ġodda jew iressqu provi ġodda biss f’seduta ta’ smigħ preliminari, jekk huma, mingħajr ebda ħtija tagħhom stess, ma jkunux jistgħu jippreżentawhom jew iressquhom fl-azzjoni jew fid-dikjarazzjoni ta’ difiża.

Kuntrarju għad-dispożizzjoni msemmija hawn fuq, il-fatti u l-provi ġodda ppreżentati jew imressqa mill-partijiet fis-seduta ta’ smigħ preliminari jiġu injorati mill-qorti.

Id-dispożizzjonijiet ġenerali taz-ZPP japplikaw għall-kumpilazzjoni tax-xhieda. Għalhekk, il-provi fi proċeduri għal talbiet żgħar jistgħu jikkonsistu fi spezzjonijiet, dokumenti, dikjarazzjonijiet ta’ xhieda, rapporti ta’ esperti ordnati minn qorti u xhieda mogħtija mill-partijiet u hija l-Qorti li tiddeċiedi liema mill-provi ppreżentati għandhom jintużaw sabiex jiġu stabbiliti l-fatti tal-każ.

Aktar informazzjoni dwar il-kumpilazzjoni tax-xhieda hija stabbilita fil-pakkett ta’ informazzjoni intitolat “Il-kumpilazzjoni tax-xhieda – Ir-Repubblika tal-Kroazja” (Izvođenje dokaza – Republika Hrvatska).

1.6 Proċedura bil-miktub

Il-proċeduri għal talbiet żgħar isiru bil-miktub.

Fi proċeduri għal talbiet żgħar, it-talba dejjem tiġi nnotifikata lill-konvenut sabiex dik il-parti tkun tista’ tippreżenta osservazzjonijiet, u ċ-ċitazzjoni tal-qorti sabiex tiġi pprovduta dikjarazzjoni ta’ difiża tinforma lill-partijiet li rikorrent jitqies bħala li rtira l-azzjoni jekk huwa jonqos milli jattendi l-ewwel seduta tal-qorti; li f’din il-proċedura l-partijiet iridu jippreżentaw il-fatti kollha sa mhux aktar tard minn meta jressqu t-talba jew id-dikjarazzjoni ta’ difiża; li fis-seduta ta’ smigħ preliminari ma jistgħux jiġu ppreżentati fatti ġodda jew jitressqu provi, ħlief fil-każijiet stabbiliti fl-Artikolu 461a(a) taz-ZPP fejn il-partijiet kienu, mingħajr ebda ħtija tagħhom stess, imwaqqfa milli jippreżentaw kwalunkwe fatti jew iressqu provi qabel il-bidu tas-seduta ta’ smigħ preliminari; u li din id-deċiżjoni tista’ tiġi appellata biss fuq il-bażi ta’ ksur materjali tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ċivili msemmija fl-Artikolu 354(2), li huma:

• il-punt 1 - jekk imħallef li kellu jiġi rikużat skont il-liġi (il-punti 1-6 tal-Artikolu 71(1) taz-ZPP) jew li kien skwalifikat b’deċiżjoni tal-qorti, jew persuna li ma kellhiex l-istatus ta’ mħallef, ikunu ħadu sehem fl-għoti tas-sentenza,

• il-punt 2 - jekk tkun ittieħdet deċiżjoni dwar talba f’tilwima li ma tkunx taqa’ taħt il-kompetenza ġudizzjarja (l-Artikolu 16 taz-ZPP),

• il-punt 4 - jekk, kuntrarju għaz-ZPP, il-qorti tkun ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq dispożizzjonijiet inammissibbli mill-partijiet (l-Artikolu 3(3) taz-ZPP),

• il-punt 5 - jekk, kuntrarju għaz-ZPP, il-qorti tkun tat sentenza bbażata fuq l-ammissjoni tat-talba, sentenza bbażata fuq ir-rinunzja tal-pretensjoni, sentenza inadempjenti jew sentenza mingħajr proċess,

• il-punt 6 - jekk, minħabba azzjonijiet illegali u, speċifikament, minħabba nuqqas ta’ servizz (ta’ dokumenti tal-qorti), kwalunkwe waħda mill-partijiet ma tkunx ingħatat l-opportunità li tinstema’ mill-qorti;

• il-punt 8 - jekk persuna li ma tistax tkun parti għall-proċedura tkun ipparteċipat fiha bħala attur jew bħala konvenut, jew jekk il-persuna ġuridika ma kinitx irrappreżentata bħala parti mill-persuna awtorizzata, jew jekk parti inkapaċi ma kinitx irrappreżentata minn rappreżentant legali, jew jekk ir-rappreżentant legali jew l-avukat fil-fatt ma kellhomx l-awtorizzazzjoni meħtieġa sabiex jillitigaw jew jieħdu ċerti azzjonijiet proċedurali, fejn il-litigazzjoni jew ċerti azzjonijiet proċedurali ma jkunux awtorizzati sussegwentement;

• il-punt 9 - jekk tkun ittieħdet deċiżjoni dwar talba li l-litigazzjoni fir-rigward tagħha kienet diġà pendenti, jew li dwarha diġà ngħatat sentenza legalment effettiva, jew jekk diġà tkun instabet soluzzjoni bil-qorti jew soluzzjoni li, skont regolamenti separati, ikollha l-karatteristiċi ta’ soluzzjoni bil-qorti,

• il-punt 10 - jekk il-pubbliku kien eskluż mill-proċess, kuntrarju għal-liġi,

• il-punt 11 taz-ZPP - jekk is-sentenza jkollha difetti li minħabba fihom ma tkunx tista’ tiġi eżaminata u, b’mod partikolari, jekk il-parti operattiva tas-sentenza tkun inkomprensibbli, jekk il-parti operattiva tkun awtokontradittorja jew jekk tikkontradixxi r-raġunijiet għas-sentenza, jew jekk is-sentenza ma jkollha ebda raġuni jew jekk hija ma tispeċifikax ir-raġunijiet għall-fatti deċiżivi, jew jekk tali raġunijiet ma jkunux ċari jew ikunu kontradittorji, jew jekk ikun hemm kontradizzjoni rigward il-fatti deċiżivi bejn dak li huwa speċifikat fir-raġunijiet għas-sentenza dwar il-kontenut tad-dokumenti jew il-minuti relatati max-xhieda mogħtija matul il-proċedimenti u d-dokumenti u l-minuti attwali nfushom;

jew, fil-każ ta’ żball fil-liġi.

Jekk il-parti jkollha residenza permanenti jew temporanja barra mir-Repubblika tal-Kroazja u l-indirizz tagħha jkun magħruf, is-servizz tad-dokumenti tal-qorti għandu jseħħ f’konformità mar-regoli vinkolanti fuq ir-Repubblika tal-Kroazja u f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE, speċifikament fir-rigward tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 861/2007.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Sentenza fi proċedura għal talbiet żgħar tingħata immedjatament wara t-tmiem tas-seduta ta’ smigħ prinċipali. Malli jagħti s-sentenza, l-imħallef huwa obbligat li jagħti struzzjonijiet lill-partijiet preżenti dwar il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jappellaw.

Billi ma teżisti ebda dispożizzjoni speċjali dwar il-kontenut tas-sentenza fi proċeduri għal talbiet żgħar, japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali taz-ZPP, jiġifieri l-Artikolu 338 taz-ZPP, li jiddikjara li verżjoni bil-miktub tas-sentenza trid tinkludi introduzzjoni formali, parti operattiva u dikjarazzjoni tar-raġunijiet.

L-introduzzjoni ta’ sentenza għandha tinkludi: indikazzjoni li s-sentenza qed titħabbar f’isem ir-Repubblika tal-Kroazja; it-titolu tal-qorti; l-isem u l-kunjom tal-imħallef uniku jew li jippresjedi, tal-imħallef-rapporteur u tal-membri tal-bord, l-isem u l-kunjom jew it-titolu u r-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tal-partijiet u tar-rappreżentanti legali u l-aġenti tagħhom; indikazzjoni qasira tas-suġġett tat-tilwima; id-data li fiha ġie konkluż il-proċess; indikazzjoni tal-partijiet, ir-rappreżentanti legali u l-aġenti tagħhom li attendew dak il-proċess; u d-data meta ngħatat is-sentenza.

Il-parti operattiva tas-sentenza għandha tinkludi d-deċiżjoni tal-qorti dwar l-aċċettazzjoni jew iċ-ċaħda ta’ talbiet fuq il-merti u talbiet sekondarji, kif ukoll deċiżjoni dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza tat-talba mressqa għal soluzzjoni (l-Artikolu 333 taz-ZPP).

Fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet, il-qorti tiddeskrivi t-talba tal-partijiet, il-fatti li ppreżentaw u l-provi li fuqhom huma bbażati dawn it-talbiet, liema minn dawn il-fatti stabbilixxiet, għaliex u kif stabbilixxiet dawk il-fatti u jekk hija stabbilixxietx dawk il-fatti billi semgħet ix-xhieda, liema provi tressqu u għaliex u kif ġew ivvalutati. Il-qorti tiddikjara speċifikament liema dispożizzjonijiet tal-liġi sostantiva ġew applikati fid-deċiżjoni dwar it-talbiet tal-partijiet u tiddikjara l-pożizzjoni tagħha, jekk ikun meħtieġ, fuq il-fehmiet tal-partijiet dwar ir-raġunijiet legali għat-tilwima u dwar kwalunkwe mozzjoni jew oġġezzjoni li dwarha ma stabbilixxietx ir-raġunijiet fid-deċiżjonijiet li hija ħadet matul il-proċedimenti.

Id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet ta’ sentenza inadempjenti, sentenza bbażata fuq l-ammissjoni ta’ talba jew sentenza bbażata fuq rinunzja tal-pretensjoni għandha tindika biss ir-raġunijiet għall-għoti ta’ tali sentenzi.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Deċiżjoni dwar ir-rimborż tal-ispejjeż għal proċeduri għal talbiet żgħar tinħareġ fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ġenerali taz-ZPP, fejn il-parti li titlef kawża kompletament hija obbligata li tirrimborża l-ispejjeż tal-parti opposta u tal-intervenjent tagħha.

Jekk parti tikseb suċċess parzjali fl-azzjoni tagħha, il-qorti tista’, fid-dawl tas-suċċess miksub, tordna lil kull parti sabiex tħallas l-ispejjeż tagħha jew lil parti waħda sabiex tirrimborża lill-oħra u lill-intervenjent tagħha b’sehem proporzjonali tal-ispejjeż.

Il-qorti tista’ tiddeċiedi li parti waħda għandha tħallas l-ispejjeż kollha mġarrbin mill-parti opposta u mill-intervenjent tagħha, jekk il-parti opposta ma tkunx kisbet suċċess f’parti relattivament żgħira biss tat-talba tagħha u ma jkunux saru spejjeż separati għal dik il-parti.

Min-naħa l-oħra, parti hija obbligata, irrispettivament mill-eżitu tal-kawża, li tirrimborża kwalunkwe spejjeż tal-parti opposta li jirriżultaw mill-ħtija tagħha jew minn avvenimenti li tkun sofriet.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Fil-proċeduri għal talbiet żgħar, il-partijiet jistgħu jressqu appell kontra s-sentenza jew id-deċiżjoni tal-prim’istanza, fi żmien tmint ijiem.

L-iskadenza għall-appell tiġi kkalkolata mill-jum li fih tingħata s-sentenza jew id-deċiżjoni. Jekk is-sentenza jew id-deċiżjoni tkun ġiet innotifikata lil parti, l-iskadenza tiġi kkalkolata minn dakinhar li ġiet innotifikata.

Is-sentenza jew id-deċiżjoni li tittermina l-proċedura għal talbiet żgħar tista’ tiġi kkontestata għar-raġunijiet deskritti fid-dettall fil-punt 1.6, jiġifieri minħabba ksur materjali tar-regoli tal-proċedura ċivili msemmija fil-punti 1, 2, 4, 5, 6, 8, 9, 10 u 11 tal-Artikolu 354(2) taz-ZPP jew minħabba żball tal-liġi.

L-aħħar aġġornament: 23/08/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna