L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Iva, hemm Proċedura tal-Ordni ta’ Ħlas. L-iskop ewlieni tagħha hu li tipproteġi l-kreditu. Din topera billi toħloq strument eżegwibbli għal dawk id-djun li jossidisfaw sensiela ta’ rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni.

Il-konsulenti legali huma awtorizzati biex jittrattaw u jiddeċiedu dwar proċeduri tal-ordni ta’ ħlas f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni proċedurali.

1.1 L-ambitu tal-proċedura

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Dan japplika għal djun pekunarji li huma ċerti, dovuti u pagabbli għal somma speċifikata. Mill-31 ta’ Ottubru 2011 ’l hawn ma kien hemm ebda limitu fuq l-ammont involut. Id-dejn irid ikun evidenzjat b’wieħed mill-modi li ġejjin:

a) Permezz ta’ dokumenti, li jkunu ta’ kwalunkwe forma, tip jew fi kwalunkwe mezz fiżiku, iffirmati mid-debitur jew li fuqhom ikun hemm it-timbru, il-marka jew it-trademark tad-debitur jew kwalunkwe sinjal ieħor, fiżiku jew elettroniku.

b) Permezz ta’ fatturi, ta’ noti tal-konsenja, ta’ ċertifikati, ta’ telegrammi, ta’ faxes jew ta’ kwalunkwe dokument ieħor li, anki jekk jinħolqu b’mod unilaterali mill-kreditur, normalment jintużaw biex jiġu ddokumentati l-krediti u d-djun f’relazzjonijiet ta’ dan it-tip bħal dak eżistenti bejn il-kreditur u d-debitur.

c) Jekk, flimkien mad-dokument li jirreġistra d-dejn, jiġu pprovduti dokumenti kummerċjali li jagħtu prova tal-eżistenza ta’ relazzjoni preċedenti fit-tul.

d) F’każijiet li jikkonċernaw proprjetà taħt sjieda konġunta (propiedad horizontal), fejn l-evidenza tad-dejn tiġi pprovduta fil-forma ta’ ċertifikati ta’ nuqqas ta’ ħlas tas-somom dovuti fir-rigward ta’ spejjeż komuni pagabbli mis-sidien ta’ proprjetajiet fi blokok ta’ appartamenti urbani.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Le, qatt ma kien hemm limitu massimu mill-31 ta’ Ottubru 2011 ’l hawn.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Fakultattiv.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Le, ħlief għad-djun għan-nuqqas ta’ pagament ta’ spejjeż komuni pagabbli mis-sidien ta’ proprjetajiet fi blokok ta’ appartamenti urbani jew f’kondominji, peress li f’dan il-każ il-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà hi wkoll ikollha ġurisdizzjoni, fuq l-għażla tal-applikant.

1.2 Il-qorti kompetenti

Il-Qorti tal-Prim’Istanza fid-domiċilju jew fir-residenza tad-debitur, jew fil-post fejn tinsab il-proprjetà urbana li hi rregolata mir-regolamenti dwar il-proprjetajiet urbani fi sjieda konġunta.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

Il-pretendent jeħtieġlu jippreżenta talba bil-miktub li tidentifika lill-kreditur u lid-debitur, b’dettalji qosra dwar l-oriġini tad-dejn u tal-ammont.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Dan mhuwiex obbligatorju, iżda hemm formoli standard disponibbli mingħand l-Uffiċċju Klerikali tal-Qorti jew is-Servizzi Proċedurali Komuni. Il-formola tista’ titniżżel bi klikk fuq din il-link: formola.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni inizjali għall-proċedura tal-ordni ta’ ħlas, ma hemmx bżonn ta’ rappreżentazzjoni minn rappreżentant tal-qorti jew minn rappreżentant legali. Iżda jekk l-applikant jixtieq li jkun difiż minn avukat, il-parti l-oħra jeħtiġilha tkun informata b’tali mod li tkun tista’ tieħu kwalunkwe pass li tqis neċessarju fid-difiża tagħha.

F’każ ta’ oġġezzjoni mid-debitur jew ta’ proċeduri ta’ infurzar, ir-rappreżentanza legali minn avukat u minn rappreżentant tal-qorti hi obbligatorja jekk l-ammont tat-talba jkun ta’ aktar minn €2 000.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Trid tiġi pprovduta spjegazzjoni qasira ta’ kif irriżulta d-dejn.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Ara t-taqsima 1.1.1 aktar ’il fuq.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Nuqqas ta’ ssodisfar tar-rekwiżiti ta’ hawn fuq rigward il-ġurisdizzjoni territorjali u l-forniment ta’ evidenza prima facie, jew nuqqas milli jitranġa difett proċedurali jfisser li l-qorti tiċħad l-applikazzjoni. Deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni tista’ tiġi appellata quddiem il-Qorti Provinċjali (Audiencia Provincial).

F’każ ta’ kuntratti bejn negozjanti u konsumaturi, l-imħallef irid jevalwa, ex officio, jekk hemmx termini inġusti. Jekk wara li jkun semgħa lill-partijiet l-imħallef iqis li hemm termini inġusti, jiddetermina l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni, li tista’ tkun li l-pretensjoni mhux ammissibbli jew li l-proċedura trid tkompli mingħajr l-applikazzjoni tat-termini inġusti. Din id-deċiżjoni tista’ tiġi appellata wkoll quddiem il-Qorti Provinċjali (Audiencia Provincial).

1.5 Appell

Deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni tista’ tiġi appellata quddiem il-Qorti Provinċjali. L-appell irid jiġi ppreżentat fi żmien 20 jum quddiem il-qorti oriġinali.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Id-debitur għandu perjodu ta’ 20 jum mid-data tat-talba għal ħlas, u mbagħad sat-3 p.m. tal-għada li jiskadi dak il-perjodu, li fih irid iħallas jew jippreżenta oġġezzjoni. L-oġġezzjoni trid issir bil-miktub. Mhuwiex possibbli li ssir oralment fil-qorti. Jekk l-ammont tat-talba jkun ta’ aktar minn EUR 2 000, l-oġġezzjoni trid tkun iffirmata minn avukat u minn rappreżentant tal-qorti. Ma hemm ebda motivazzjoni speċifika għall-appell, u d-debitur jista’ jasserixxi kemm motivazzjonijiet sostantivi kif ukoll motivazzjonijiet purament formali jew proċedurali.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk l-ammont tat-talba ma jkunx jaqbeż € 6 000, il-konsulent legali jagħmel ordni li ttemm il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas u li tiddikjara li l-każ irid jipproċedi permezz tal-proċedura rapida. L-applikant jiġi nnotifikat bl-oġġezzjoni, u jkollu 10 ijiem biex jippreżenta kontestazzjoni bil-miktub. Fl-oġġezzjonijiet u fil-kontestazzjonijiet rispettivi tagħhom, il-partijiet jistgħu jitolbu li jsir smigħ.

Jekk l-ammont tat-talba jkun jaqbeż € 6 000 u l-applikant ma jippreżentax it-talba rilevanti fi żmien xahar mindu jiġi nnotifikat bl-oġġezzjoni, il-proċeduri jiġu annullati u l-applikant jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż.

Jekk l-applikant jippreżenta talba, il-konvenut jiġi nnotifikat biha u dan ikollu 20 jum biex jikkontestaha, u l-każ jipproċedi skont il-proċedura ordinarja.

Jekk l-ammont tat-talba jkun ta’ aktar minn €6 000, il-qorti tagħti lill-kreditur perjodu ta’ xahar biex jippreżenta talba skont il-proċedura ordinarja.

Jekk, fid-dawl tal-argumenti mressqa fl-oġġezzjoni, il-kreditur ma jkunx jixtieq ikompli bil-proċeduri ordinarji, dan jeħtieġlu jirtira t-talba b’mod espliċitu.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk id-debitur jonqos milli jwieġeb għad-domanda għal ħlas jew ma jidhirx, il-konsulent legali joħroġ ordni li ttemm il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas u jinnotifika lill-kreditur bl-ordni biex il-kreditur ikun jista’ jibda bl-azzjoni ta’ infurzar, li hu jkun jista’ jagħmel permezz ta’ applikazzjoni sempliċi.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Il-kreditur irid jippreżenta applikazzjoni għall-infurzar. Jekk l-ammont ikun ta’ aktar minn EUR 2 000, l-applikazzjoni trid tkun iffirmata minn avukat u minn rappreżentant tal-qorti.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Ma hemm ebda appell. L-unika alternattiva hi li tiġi ppreżentata oġġezzjoni kontra l-azzjoni ta’ infurzar fuq il-bażi ta’ motivazzjonijiet speċifiċi.

L-aħħar aġġornament: 28/09/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.