Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Slovenja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Is-Slovenja tagħraf proċeduri għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas. Il-proċedura għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas hija rregolata mill-Artikoli minn 431 sa 441 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku, ZPP).

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Il-proċedura għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas hija proċedura speċjali, mgħaġġla għall-eżekuzzjoni ta' talba pekunjarja li hija dovuta, meta t-talba tkun sostnuta minn dokument li l-liġi tqis bħala ta' valur probatorju ikbar (dokument awtentiku). Ordni ta' ħlas jinħareġ kemm f'kawżi domestiċi u kemm f'kawżi transfruntieri.

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Talba li tkun il-bażi għal ordni ta' ħlas jista' jkun fiha biss ir-responsabbiltà pekunjarja (talba pekunjarja). Talbiet li huma responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kontrattwali u li kienu determinati nominalment biss jistgħu jkunu s-suġġett ta' talba. Waħda mill-eċċezzjonijiet hija l-avviż ta' tmiem il-kirja ta' stabbilimenti kummerċjali u l-iżvujtar konsegwenti tal-ħażniet, fejn japplikaw regoli skont proċedura speċjali għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas. Din l-eċċezzjoni hija stipulata fl-Artikolu 29 tal-Att dwar l-Istabbilimenti u l-Bini Kummerċjali (Zakon o poslovnih stavbah in poslovnih prostorih), li jgħid li, abbażi ta' avviż ta' tmiem il-kirja mogħti minn sid il-kera u talba għal żgumbrament ta' bini kummerċjali jew stabbiliment kummerċjali, il-qorti toħroġ ordni ta' żgumbrament tal-bini kummerċjali jew stabbiliment kumerċjali, jekk tiġi mill-avviż ta' tmiem il-kirja jew talba u mill-ftehim tal-kera jew l-evidenza msemmija fl-Artikolu preċedenti li sid il-kera għandu l-jedd li jtemm il-kirja jew jitlob li l-bini kummerċjali jew stabbiliment kummerċjali jiġi żgumbrat.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Ma hemmx limitu massimu għal talba.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili, qorti tista' wkoll tagħti deċiżjoni dwar il-ħruġ ta' ordni ta' ħlas ex officio meta rikorrent f'kawża ma jkunx inkludiha fir-rikors imma l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas ikunu ssodisfati, jiġifieri r-rikorrent jiftaħ kawża ordinarja u ma jitlobx li jinħareġ ordni ta' ħlas. Il-ħruġ ta' ordni ta' ħlas huwa għalhekk obbligatorju għall-imħallef u ma jiddependix fuq talba mir-rikorrent, jekk il-kundizzjonijiet preskritti legalment biex jinħareġ ikunu ssodisfati.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Iva.

1.2 Il-qorti kompetenti

Fis-Slovenja, il-ġuriżdizzjoni biex tiġi deċiża proposta għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas tiġi ddeterminata bl-istess mod bħal f'azzjonijiet oħra; dan ifisser li l-ġuriżdizzjoni ratione materiae għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas hija tal-qrati distrettwali (okrožna sodišča) kif ukoll tal-qrati lokali (okrajna sodišča). Ġuriżdizzjoni ratione materiae tiġi ddeterminata fir-rigward tal-valur tat-tilwima (jew fir-rigward tan-natura tal-kawża, pereż. f'kawżi kummerċjali). Il-qrati lokali għandhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu kawżi ta' tilwim fuq proprjetà meta l-valur tal-oġġett ikkonċernat ma jaqbiżx l-EUR 20 000. Il-qrati distrettwali għandhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu kawżi ta' tilwim fuq proprjetà meta l-valur tal-oġġett ikkonċernat jaqbeż l-EUR 20 000. Huma biss il-qrati distrettwali li għandhom ġuriżdizzjoni biex jisimgħu u jiddeċiedu kawżi relatati mad-dritt kummerċjali fl-ewwel istanza. Tilwim kummerċjali huwa meta parti f'kawża ċivili tkun persuna ġuridika (kumpanija, istituzzjoni, intrapriża għal investiment kollettiv). Tilwim kummerċjali jinkludi wkoll kawżi fejn waħda mill-partijiet tkun l-istat jew komunità lokali oħra awtogovernattiva, bħal muniċipalità.

Il-ġuriżdizzjoni territorjali tiddetermina liema qrati b'ġuriżdizzjoni ratione materiae għandhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu kawża speċifika. Ir-regola ġenerali rigward il-ġuriżdizzjoni territorjali tistipula li kawża miftuħa kontra persuna naturali jew ġuridika trid tinfetaħ fil-qorti li tkopri ż-żona fejn l-intimat għandu r-residenza permanenti tiegħi jew fejn il-persuna ġuridika għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha. Jekk il-kawża tkun kontra persuna fiżika jew ġuridika b'ċittadinanza barranija, il-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali tkun il-qorti li tkopri ż-żona fejn il-persuna fiżika jkollha r-residenza tagħha fis-Slovenja jew fejn il-persuna ġuridika jkollha l-uffiċċju tal-fergħa tagħha. Il-liġi Slovena għandha wkoll regola dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali, li hija ddeterminata b'relazzjoni għas-suġġett tat-tilwima u l-partijiet fiha.

Għal aktar dwar dan, ara t-tweġibiet taħt "Il-ftuħ ta' kawża fil-qorti".

1.3 Ir-rekwiżiti formali

Iż-żewġ kundizzjonijiet li japplikaw għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas huma: it-talba trid tkun tirreferi għal talba pekunjarja li issa hija dovuta u jrid ikun hemm dokument awtentiku minn fejn tkun ġejja t-talba. Kawża jew talba għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas irid ikun fiha l-elementi kollha li kull kawża jrid ikollha: referenza għall-qorti, l-ismijiet u r-residenza permanenti jew temporanja tal-partijiet, l-ismijiet tal-aġenti jew rappreżentanti legali, talba speċifika li tistabbilixxi s-suġġett ewlieni tal-kawża u t-talbiet sekondarji, il-fatti li jsostnu t-talba tar-rikorrent, evidenza li ssostni dawk il-fatti, il-valur tat-tilwima u firma. Barra minn hekk, id-dokument awtentiku (oriġinali jew kopja attestata) irid jinhemeż mar-rikors.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Ma hemm l-ebda rekwiżit fis-Slovenja biex tintbagħat talba għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas b'formola standardizzata; fil-fatt, ma hemm l-ebda formola ta' din ix-xorta. It-talba jrid ikun fiha l-elementi definit legalment imsemmija hawn fuq fil-punt 1.3 (elementi obbligatorji għal kawża).

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Ma hemm l-ebda rekwiżit għall-partijiet biex ikunu rrappreżentati minn avukat fil-proċedimenti biex joħroġ ordni ta' ħlas. Meta parti tkun rappreżentata quddiem qorti distrettwali, dan ir-rappreżentant irid ikun avukat jew persuna li għaddiet mill-eżami statali għall-avukati. Rappreżentanza minn avukat hija obbligatorja fi proċedimenti li jinvolvu rimedji ġuridiċi straordinarji.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Ir-rikors irid jiddikjara l-bażi u l-livell tad-dejn u jkun fih il-provi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-pretensjonijiet fit-talba huma minnhom; irid jindika wkoll l-ammont u l-munita, kif ukoll id-data meta t-talbiet pekunjarji saru dovuti. Jekk ikun qed jintalab l-imgħax, dak l-imgħax irid jiġi definit b'mod preċiż ukoll (rata tal-imgħax u l-perjodu ta' meta saret it-talba). Id-data ta' maturità tat-talba trid tkun ċara mid-dokument awtentiku.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Iva, l-oriġinal jew kopja attestata tad-dokument awtentiku trid tinhemeż mar-rikors jew mat-talba għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas. Ma hemm l-ebda rekwiżit biex jinhemeż l-oriġinal jew kopja attestata tad-dokument awtentiku għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas f'tilwima kummerċjali. Huwa biżżejjed li kopja ta' dan id-dokument tiġi attestata minn korp awtorizzat ta' persuna ġuridika.

Dokument awtentiku jkun dokument li ma jkollux il-kwalità ta' titolu eżekuttiv, imma juri grad għoli ta' probabilità li l-pretensjoni hija minnha. Dokument ikun awtentiku jekk ikun determinat li hu hekk mill-Att dwar il-Proċedura Ċivili jew att ieħor. Skont l-Att dwar il-Proċedura Ċivili, dokumenti awtentiċi huma: dokumenti pubbliċi, dokumenti privati fejn il-firma tad-debitur kienet awtentikata minn korp awtorizzat għall-awtentikazzjoni, kambjali u ċekkijiet, bil-fatturi ta' oġġezzjoni u ta' oġġetti ritornati, jekk dawn ikunu meħtieġa għall-oriġinazzjoni tat-talba, estratti minn kotba tal-kontijiet awtentikati, fatturi, u dokumenti li għandhom il-karattru ta' dokument pubbliku bi regoli speċjali. Dokument barrani li jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu fis-Slovenja jista' jikkostitwixxi wkoll dokument awtentiku.

Eċċezzjoni: mingħajr it-tressiq ta' dokument awtentiku, il-qorti toħroġ ordni ta' ħlas kontra intimat meta t-talba tkun relatata ma' talba pekunjarja li issa hija dovuta u li ma taqbiżx l-EUR 2 000 u l-azzjoni tindika l-bażi u l-livell tad-dejn, u l-prova li tippermetti li tiġi stabbilità l-verità dwar it-talbiet li saru. Madankollu, din l-eċċezzjoni ma tapplikax għal tilwimiet kummerċjali (l-Artikolu 494 taz-ZPP).

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Il-qorti tiċħad talba għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas jekk il-prekundizzjonijiet biex tinħareġ ma jkunux issodisfati, jiġifieri talba pekunjarja dovuta u l-eżistenza ta' dokument awtentiku minn fejn tkun ġejja t-talba.

Meta l-Qorti ma tiċħadx it-talba għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas, tkompli l-proċedura fuq il-bażi ta' kawża.

1.5 Appell

Mhu permess l-ebda appell kontra deċiżjoni li tiċħad rikors għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas, u lanqas ma jista' r-rikorrent jikkontesta din id-deċiżjoni permezz ta' appell kontra s-sentenza.

Ir-rimedju legali disponibbli għall-intimat kontra ordni ta' ħlas maħruġ huwa oġġezzjoni. Id-data ta' skadenza għal oġġezzjoni hija tmint ijiem min-notifika ta' ordni ta' ħlas lil intimat (tlett ijiem fil-każ ta' tilwim li jinvolvi kambjali u ċekkijiet). L-għan irid ikun sostanzjat, inkella jitqies li ma jkollux bażi. Jista' jitressaq appell kontra deċiżjoni fejn il-qorti tiddeċiedi dwar l-oġġezzjoni.

Meta intimat jikkontesta ordni ta' ħlas fir-rigward tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż biss, din id-deċiżjoni tista' tiġi kkontestata biss permezz ta' appell kontra d-deċiżjoni.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

L-intimat jista' jressaq oġġezzjoni kontra t-talba tar-rikorrent. Ir-raġunijiet għall-oġġezzjoni jridu jkunu fornuti. L-oġġezzjoni trid tiddikjara l-fatti li jsostnu l-oġġezzjoni u tippreżenta l-evidenza, inkella tiġi ddikjarata bla bażi (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 435 taz-ZPP). L-intimat irid għalhekk jiddikjara fl-oġġezzjoni l-fatti ġuridikament sinifikanti, jiġifieri l-fatti li jiffurmaw il-bażi biex it-talba tiġi miċħuda (jekk jiġi ppruvat li jkunu minnhom). Id-dikjarazzjonijiet ta' dawn il-fatti jridu jkunu konkreti u speċifiċi.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Meta qorti ma tiċħadx l-oġġezzjoni tal-intimat minħabba li tkun intbagħtet tard wisq jew li ma tkunx sħiħa u tkun illegali, jew ma tiċħadhiex, hija għandha tkompli l-proċedura skont l-azzjoni.

Il-partijiet jistgħu jiddikjaraw fatti ġodda u jressquhom bħala evidenza ġdida fl-ewwel seduta ewlenija, filwaqt li l-intimat jista' wkoll iressaq oġġezzjonijiet ġodda rigward il-parti kkontestata tal-ordni ta' ħlas.

Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-kwistjoni ewlenija, il-qorti tiddeċiedi jekk l-ordni ta' ħlas jibqax fis-seħħ kompletament jew parzjalment jew jekk jiġix annullat (l-Artikolu 436 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Sakemm il-kontroparti ma tressaqx oġġezzjoni jew appell, id-deċiżjoni jew l-ordni ta' ħlas isir finali u eżegwibbli.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Ir-rikorrent irid jitlob espliċitament lil qorti biex toħroġ ċertifikat ta' eżegwibilità. Deċiżjoni tal-qorti hija eżegwibbli ladarba ssir finali u jekk id-data ta' skadenza għal konformità volontarja mal-obbligi tkun għaddiet (l-ewwel paragrafu tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Iżgurar tat-Talbiet).

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Ordni ta' ħlas li ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni kontriha, jew fejn oġġezzjoni għaliha ġiet miċħuda, issir finali u ma tkunx tista' tiġi kkontestata aktar permezz ta' appell.

Ordni ta' ħlas finali jista' jkun ikkontestat permezz ta' rimedji legali straordinarji.

Ħoloq relatati

http://www.pisrs.si/Pis.web/

https://www.uradni-list.si/

http://www.dz-rs.si/wps/portal/Home/deloDZ/zakonodaja/preciscenaBesedilaZakonov

http://www.sodisce.si/

L-aħħar aġġornament: 03/11/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.