L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas hi prevista fl-Artikoli 1014-1025 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid li daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Frar 2013.

1.1 L-ambitu tal-proċedura

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas tapplika għal talbiet inkontestabbli, likwidati u pagabbli li jikkorrispondu għal obbligi ta’ ħlas ta’ ċerti ammonti ta’ flus skont ftehim ċivili, inklużi ftehimiet konklużi bejn professjonist u awtorità kontraenti, stipulati f’dokument jew stabbiliti permezz ta’ statut, ta’ regolament jew ta’ dokument ieħor, rikonoxxut mill-partijiet permezz ta’ firma jew b’xi mezz ieħor ammissibbli skont il-liġi. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-Taqsima ma jinkludix talbiet li jsiru minn korp ta’ kredituri fi proċedimenti ta’ insolvenza.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Le.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas hi fakultattiva u l-parti interessata tista’ tagħmel talba quddiem il-qorti skont dispożizzjonijiet ġenerali.

Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas hi proċedura speċjali, li hi ferm aktar sempliċi mill-proċedura prevista mid-dritt ġeneralment applikabbli u li tippermetti lill-kreditur jikseb titolu li jista’ jkun infurzat f’kundizzjonijiet li jvarjaw minn dawk stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

Barra minn hekk, meta l-kontrotalba tad-debitur għat-talba tal-ordni ta’ ħlas tkun iġġustifikata, il-qorti tista’ tiċħad it-talba tal-kreditur b’konklużjoni irrevokabbli.

Il-kreditur jista’ jippreżenta kawża skont id-dritt ġeneralment applikabbli jekk: il-qorti tiċħad it-talba tal-ordni ta’ ħlas; jekk il-qorti toħroġ ordni ta’ ħlas għal parti mit-talbiet u, f’dan il-każ, tista’ tiġi ppreżentata kawża skont id-dritt ġeneralment applikabbli biex id-debitur jintrabat li jħallas id-dejn li jifdal; l-ordni ta’ ħlas ġiet annullata.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Iva. Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili l-ġdid ma jagħmel ebda distinzjoni fir-rigward tar-residenza tal-konvenut, peress li l-proċedura tal-ordni ta’ ħlas tapplika irrispettivament minn jekk il-konvenut jgħixx fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz.

1.2 Il-qorti kompetenti

It-talba tal-ordni ta’ ħlas tista’ tiġi ppreżentata lill-qorti li hi kompetenti biex tiġġudika l-każ fuq il-merti fil-Prim’Istanza. Fil-każ tal-ordni ta’ ħlas, l-imħallef jivverifika l-kompetenza tal-qorti fuq inizjattiva tiegħu stess.

Din il-proċedura hi rregolata mir-regoli ġenerali dwar il-kompetenza tal-qrati (f’dan il-każ tista’ tiġi inkluża link għal din l-iskeda) jew hi soġġetta għal prinċipji differenti?

Il-kompetenza għas-saldu tat-talbiet tal-ordni ta’ ħlas hi stabbilita f’konformità mar-regoli ġenerali f’materji ta’ kompetenza tal-qrati.

Talbiet b’valur valutabbli fi flus sa RON 200 000 jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qrati distrettwali. Talbiet b’valur valutabbli fi flus ta’ tal-anqas RON 200 000 jaqgħu taħt il-kompetenza tat-tribunali.

Ir-regola tal-kompetenza fil-proċedura speċjali għall-ordnijiet ta’ ħlas hi ssupplimentata mir-regoli ġenerali tal-kompetenza skont il-valur.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Ma hemm ebda tip/formola standardizzata, madankollu l-kreditur – pretendent jeħtieġlu jikkonforma mar-regoli formali minimi għat-talba tiegħu, li trid tinkludi fiha ċertu numru ta’ dettalji, jiġifieri: l-isem u d-domiċilju tal-kreditur jew, fejn applikabbli, id-deżinjazzjoni u l-uffiċċju reġistrat tiegħu; l-isem u d-domiċilju tad-debitur bħala persuna fiżika u, fejn id-debitur ikun persuna ġuridika, id-deżinjazzjoni u l-uffiċċju reġistrat tiegħu, u, fejn applikabbli, in-numru taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mir-reġistru kummerċjali jew mir-reġistru tal-entitajiet ġuridiċi, il-kodiċi fiskali u l-kont tal-bank; l-ammonti dovuti; il-fatti u l-motivi legali għall-obbligazzjonijiet ta’ ħlas, il-perjodu referenzjarju tagħhom, id-data ta’ maturità għall-ħlas u kwalunkwe element ieħor li hu meħtieġ biex tiġi stabbilita t-talba.

Fl-istess ħin, il-kuntratt jew kwalunkwe dokument ieħor jiġi mehmuż mat-talba, filwaqt li juri l-ammonti dovuti, u l-prova tan-notifika tal-ordni ta’ ħlas lid-debitur. Fir-rigward tan-notifika tal-ordni, il-kreditur jeħtieġlu jinnotifika l-ordni lid-debitur, permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju jew f’ittra rreġistrata, b’kontenut iddikjarat u b’konferma tar-riċevuta, u wara r-riċevuta ta' dik in-notifika d-debitur ikun meħtieġ iħallas l-ammont dovut fi żmien 15-il jum. Din l-ordni ttemm il-perjodu ta’ limitazzjoni.

It-talba u d-dokumenti mehmuża magħha jiġu ppreżentati f’kopja fin-numru ta’ partijiet, u kopja żejda għall-qorti.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Le, ir-rappreżentazzjoni minn avukat mhix meħtieġa, iżda hi rakkomandata.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Il-kontenut minimu tat-talba ppreżentata hu stabbilit bil-liġi. Il-kreditur – pretendent jeħtieġlu jindika: l-ammont li qed jintalab; il-fatti u l-motivi legali tal-obbligazzjoni ta’ ħlas u l-perjodu referenzjarju tagħhom; id-data ta’ maturità għall-ħlas; kwalunkwe element ieħor meħtieġ biex tiġi stabbilita t-talba.

Jekk il-partijiet ma stabbilixxewx il-livell tar-rata tal-imgħax għall-ħlas tardiv, tiġi applikata r-rata tal-imgħax referenzjarja stabbilita mill-Bank Nazzjonali tar-Rumanija. Ir-rata tal-imgħax referenzjarja fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tas-semestru tkun applikabbli għas-semestru sħiħ. It-talba tiġġenera rati tal-imgħax, kif ġej:

  • għal kuntratti konklużi bejn professjonisti, mid-data li fiha t-talba ssir pagabbli;
  • għal kuntratti konklużi bejn professjonisti u awtorità kontraenti, mingħajr il-ħtieġa li d-debitur jiġi informat li l-ħlas għaddietlu d-data tal-għeluq: jekk data ta’ maturità ġiet stabbilita fil-kuntratt, mill-għada ta’ dik id-data ta’ maturità; jekk ma ġietx stabbilita data ta’ maturità fil-kuntratt: 30 jum wara li d-debitur ikun irċieva l-fattura jew, jekk din tkun kontestabbli, 30 jum wara l-aċċettazzjoni tal-oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi jew, jekk l-ordni ta’ ħlas tkun ġiet innotifikata qabel ir-riċevuta tal-oġġetti / tas-servizzi, malli jiskadi perjodu ta’ 30 jum wara r-riċevuta tal-oġġetti / il-provvista ta’ servizzi; jekk il-liġi jew il-kuntratt jipprovdu għal proċedura ta’ aċċettazzjoni jew ta’ kontroll, li tippermetti ċ-ċertifikazzjoni tal-konformità tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati, u d-debitur ikun irċieva l-fattura jew l-ordni ta’ ħlas fid-data tal-kontroll jew qabel dik id-data, malli jiskadi perjodu ta’ 30 jum minn din id-data;
  • f’każijiet oħra, mid-data li fiha l-ħlas tad-debitur ġie/jiġi ddikjarat bħala ħlas li skadietlu d-data tal-għeluq skont il-liġi.

Il-kreditur jista’ jitlob danni addizzjonali għall-ispejjeż imġarrba għall-irkupru tal-ammonti bħala riżultat tan-nuqqas min-naħa tad-debitur milli jissodisfa l-obbligi fil-ħin.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Iva, il-kuntratt jew kwalunkwe dokument ieħor użat bħala prova għall-ammonti dovuti jiġu mehmuża mat-talba (fattura, irċevuta tal-kaxxier, irċevuta miktuba bl-idejn eċċ.). Il-prova tan-notifika tal-ordni lid-debitur għandha tiġi mehmuża mat-talba, u jekk dan ma jsirx din se titqies inammissibbli.

Għas-saldu tat-talba, l-imħallef iħarrek lill-partijiet, f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar materji urġenti, biex dawn jipprovdu spjegazzjonijiet u kjarifiki u jinsisti fuq l-eżekuzzjoni mid-debitur tal-ħlas dovut jew fuq l-ilħuq ta’ ftehim bejn il-paritjiet dwar il-metodi ta’ ħlas. Iċ-ċitazzjoni trid tiġi nnotifikata lill-parti kkonċernata għaxart ijiem qabel id-data tas-smigħ. It-talba tal-kreditur u d-dokumenti ppreżentati magħha għandhom jiġu mehmuża maċ-ċitazzjoni lid-debitur f’kopja bħala prova tat-talba. Iċ-ċitazzjoni trid tindika li d-debitur hu marbut li jippreżenta kwalunkwe kontrotalba tal-anqas tlett ijiem qabel id-data tas-smigħ, filwaqt li tispeċifika li, f’każ li ma tiġix ippreżentata kontrotalba, il-qorti tista’ tikkunsidra, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ, li dan hu rikonoxximent tat-talbiet tal-kreditur. Il-pretendent ma jiġix informat bil-kontrotalba, iżda jsir jaf bil-kontenut ta’ din mill-fajl tal-każ.

Jekk il-kreditur jiddikjara li jkun irċieva l-pagament dovut, il-qorti tirrikonoxxi din iċ-ċirkustanza f’konklużjoni finali, filwaqt li tiddikjara l-każ bħala wieħed magħluq. Meta l-kreditur u d-debitur ikunu laħqu ftehim dwar il-ħlas, il-qorti tirrikonoxxi dan il-fatt u toħroġ deċiżjoni rapida. L-ordni rapida hi finali u titqies bħala titolu li jista’ jkun infurzat.

Meta l-qorti, wara li tkun ivverifikat it-talba kontra s-sottomissjonijiet, u d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet, tkun sabet li t-talbiet tal-kreditur huma ġġustifikati, din toħroġ ordni ta’ ħlas li tindika l-ammont u l-iskadenza għall-ħlas. Jekk il-qorti, wara li tkun irrieżaminat l-evidenza fil-każ, tkun sabet li parti biss mit-talbiet tal-kreditur hi ġġustifikata, din toħroġ l-ordni ta’ ħlas għal dik il-parti biss, filwaqt li tiddetermina l-iskadenza għall-ħlas ukoll. F’dan il-każ, il-kreditur jista’ jiftaħ kawża skont id-dritt ġeneralment applikabbli biex jorbot lid-debitur iħallas it-talba li jifdal. L-iskadenza għall-ħlas tkun ta’ tal-anqas għaxart ijiem u ma taqbiżx it-30 jum mid-data tan-notifika tal-ordni. L-imħallef ma jistabbilixxix skadenza oħra għall-ħlas, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu dwar din. L-ordni tingħadda lill-partijiet preżenti jew tiġi nnotifikata lil kull parti mill-aktar fis possibbli, f’konformità mal-liġi.

Meta d-debitur ma jikkontestax it-talba b’kontrotalba, l-ordni ta’ ħlas tinħareġ fi żmien mhux aktar minn 45 jum mid-data li fiha tiġi ppreżentata t-talba. Dan it-terminu perentorju ma jinkludix il-perjodu meħtieġ biex jiġu nnotifikati d-dokumenti proċedurali u d-dewmien ikkawżat mill-kreditur, inkluż bħala riżultat ta’ emenda jew ta’ tlestija tat-talba.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Jekk id-debitur jikkontesta t-talba, il-qorti tirrieżamina jekk it-talba hix iġġustifikata fuq il-bażi tad-dokumenti fil-fajl, u fuq il-bażi tal-ispjegazzjonijiet u tal-kjarifiki pprovduti mill-partijiet. Jekk id-difiża tad-debitur tkun iġġustifikata, il-qorti tiċħad it-talba tal-kreditur f’konklużjoni. Jekk l-argumenti tad-difiża mressqa mid-debitur dwar il-merti tal-każ jinvolvu l-immaniġġjar ta’ evidenza oħra apparti l-evidenza eżistenti, u l-evidenza inkwistjoni tkun legalment ammissibbli skont il-proċedura standard, il-qorti tiċħad it-talba tal-kreditur għal ordni ta’ ħlas f’konklużjoni. Imbagħad, il-kreditur ikun jista’ jiftaħ kawża skont id-dritt ġeneralment applikabbli.

1.5 Appell

Id-debitur jista’ jiftaħ kawża għal annullament tal-ordni ta’ ħlas fi żmien għaxart ijiem mid-data li fiha dik l-ordni ngħaddiet jew ġiet innotifikata lilu. Matul l-istess terminu perentorju, il-kreditur jista’ jiftaħ ukoll kawża għal annullament kontra konklużjonijiet li jiċħdu l-ordni u kontra ordni ta’ ħlas parzjali. It-talbiet tal-kawża għal annullament jistgħu jkunu biss dwar nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għall-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas u, fejn applikabbli, ir-raġunijiet li huma fil-bażi tat-terminazzjoni tal-obbligu wara l-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas. Il-kawża għal annullament għandha tiġi deċiża mill-qorti li tkun iġġudikat l-ordni ta’ ħlas, b’panil ta’ żewġt imħallfin. Il-kawża għal annullament ma tissospendix l-infurzar. Madankollu, is-sospensjoni tista’ tingħata fuq it-talba tad-debitur, iżda biss jekk titħallas garanzija, li l-ammont tagħha jiġi stabbilit mill-qorti. Jekk il-qorti kompetenti tilqa’ l-kawża għal annullament fis-sħuħija tagħha jew f’parti minnha, hija tħassar l-ordni fis-sħuħija tagħha jew f’parti minnha, fejn xieraq, filwaqt li taqta’ sentenza finali.

Meta l-kreditur ikun ippreżenta rikors għal annullament u l-qorti kompetenti tilqa’ dak ir-rikors, din taqta’ sentenza finali li biha tinħareġ l-ordni ta’ ħlas.

Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tar-rikors għal annullament hi finali.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

-

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

-

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

L-ordni ta’ ħlas hi eżegwibbli anki jekk tiġi kkontestata b’kawża għal annullament u b’mod proviżorju tkun għaddiet f’ġudikat b’mod provviżorju bħala “res judicata” sakemm tiġi deċiża l-kawża għal annullament. Ir-rikors għal annullament ma jissospendix l-infurzar. Madankollu, is-sospensjoni tista’ tingħata wara talba tad-debitur, iżda biss jekk titħallas garanzija, li l-ammont tagħha jiġi stabbilit mill-qorti. L-ordni ta’ ħlas issir finali jekk id-debitur ma jkunx ippreżenta rikors għal annullament jew jekk it-tali rikors jiġi miċħud. Jekk il-qorti kompetenti tilqa’ r-rikors għal annullament ippreżentat mill-kreditur, din taqta’ sentenza finali li biha tinħareġ l-ordni ta’ ħlas.

Il-parti interessata tista’ tikkontesta l-infurzar tal-ordni ta’ ħlas skont il-liġi komuni. L-oġġezzjoni tista’ tinvoka irregolaritajiet biss fir-rigward tal-proċedura ta’ infurzar u tal-kawżi li wasslu għat-terminazzjoni tal-obbligu li jirriżulta wara li l-ordni ta’ ħlas tkun saret finali.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 1.8.1.
L-aħħar aġġornament: 29/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.