L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

1.1 L-ambitu tal-proċedura

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Il-qorti toħroġ ordni ta’ ħlas jekk il-pretendent jagħmel talba fi flus jew jitlob eżekuzzjoni ta' sostituzzjoni oħra.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Ordni ta’ ħlas tista’ tinħareġ irrispettivament mill-ammont tat-talba.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Il-proċedura hi fakultattiva. Il-qorti toħroġ ordni ta’ ħlas fuq it-talba bil-miktub tal-pretendent imqajma fl-atti tat-talba.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Proċedura tal-ordni ta’ ħlas ma tistax tinfetaħ jekk l-ordni ta’ ħlas ma tkunx tista’ tiġi nnotifikata lill-konvenut fil-Polonja.

1.2 Il-qorti kompetenti

Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas hi soġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-qrati distrettwali (rejonowy) u reġjonali (okręgowy).

1.3 Ir-rekwiżiti formali

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Ma hemm ebda formola standardizzata.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Mhuwiex mandatorju li wieħed ikun rappreżentat minn avukat (przymus adwokacki) fi proċedura tal-ordni ta’ ħlas.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Jenħtieġ li l-atti tat-talba jispeċifikaw it-talba b’mod preċiż u jistabbilixxu ċ-ċirkustanzi fattwali li jiġġustifikaw it-talba.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw it-talba jridu jkunu murija bil-provi billi jiġu mehmuża d-dokumenti li ġejjin mal-atti tat-talba:

a)     dokument uffiċjali;

b)     kont aċċettat mid-debitur;

c)     talba ta’ ħlas indirizzata lid-debitur u d-dikjarazzjoni miktuba ta’ konferma tad-dejn mid-debitur;

d)     talba ta’ ħlas aċċettata mid-debitur, irritornata mill-bank u mhux imħallsa minħabba n-nuqqas ta’ fondi fil-kont tal-bank.

Il-qorti toħroġ ukoll ordni ta’ ħlas kontra l-obbligant permezz ta’ ċedola, ċekk, garanzija jew IOU mimlija kif xieraq, li l-awtentiċità u l-kontenut tagħhom ikunu ċerti.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Il-qorti tiċħad l-atti tat-talba:

  1. jekk proċedura ġudizzjarja ma tkunx permissibbli;
  2. jekk diġà jkun hemm kawża pendenti għall-istess talba bejn l-istess partijiet jew inkella jekk din diġà tkun ġiet deċiża;
  3. jekk waħda mill-partijiet ma jkollhiex kapaċità biex tkun parti għal proċedimenti legali jew jekk il-pretendent ma jkollux kapaċità biex iwettaq atti proċedurali u ma jkunx irrappreżentat minn rappreżentant statutorju, jew jekk il-kompożizzjoni tal-korpi governattivi tal-unità organizzazzjonali tal-pretendent ikun fiha nuqqasijiet tali li ma jippermettulhiex taġixxi.

1.5 Appell

Ara l-paragrafu 1.6.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Dikjarazzjoni miktuba ta’ oppożizzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qorti li tkun ħarġet l-ordni ta’ ħlas. Fid-dikjarazzjoni, jenħtieġ li l-konvenut jispeċifika jekk hux qed jopponi l-ordni fis-sħuħija tagħha jew f’parti minnha u jippreżenta l-eċċezzjonijiet, li jridu jiġu ppreżentati qabel ma tibda t-tilwima li tikkonċerna s-sustanza tal-każ, u jekk ma jagħmilx hekk hu jitlef id-dritt li jqajjem dawn l-eċċezzjonijiet, kif ukoll iċ-ċirkustanzi fattwali u l-evidenza. Il-qorti tinjora dikjarazzjonijiet u evidenza ppreżentati tard, ħlief jekk il-parti turi li ma kienx it-tort tagħha li naqset milli tippreżentahom bħala parti mid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni jew li l-awtorizzazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ evidenza ppreżentati tard ma tkunx se tittardja s-smigħ tal-każ jew li japplikaw ċirkustanzi eċċezzjonali oħra.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tkun ġiet ippreżentata kif suppost, l-imħallef jistabbilixxi d-data għas-smigħ u jordna li l-pretendent jiġi nnotifikat bid-dikjarazzjoni.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Ladarba tinħareġ, ordni ta’ ħlas tikkostitwixxi ordni ta’ preservazzjoni (tytuł zabezpieczenia) u tista’ tiġi eżegwita mingħajr ma jkollha bżonn tiġi ddikjarata eżegwibbli.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Wara li jiskadi t-terminu perentorju għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, l-ordni ta’ ħlas issir eżegwibbli mingħajr formalitajiet ulterjuri.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Ordni ta’ ħlas maħruġa skont il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas ma tistax tiġi appellata.

L-aħħar aġġornament: 20/05/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.