L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Lussemburgu
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Minbarra l-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tat-12 ta' Diċembru 2006, skont il-liġi Lussemburġiża huwa possibbli wkoll li d-dejn jinġabar malajr permezz ta' rikors quddiem Qorti Distrettwali għal ordni ta' ħlas provviżorju, (għal talbiet ta' aktar minn EUR 10 000: il-proċeduri tat-talbiet iż-żgħar quddiem Kummissarju tal-Ġustizzja jintużaw għal talbiet sa massimu ta' EUR 10 000, ara "Talbiet Żgħar - il-Lussemburgu").

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Il-persuna konċernata tista' jew tressaq rikors għal kawża sommarja għal miżura provviżorja (action en référé) jew titlob ordni ta' ħlas provviżorju (ordonnance sur requête, provision sur requête).

Il-proċeduri sommarji għal miżura provviżorja jridu jiġu segwiti minn proċeduri bis-sħiħ dwar il-mertu tat-talba, bir-riżultat illi, b'mod ġenerali, il-proċeduri li jridu jsiru għandhom tendenza jqumu l-flus.

L-ordni ta' ħlas provviżorju huwa l-aktar mod metodu mgħaġġel u bi ffrankar ta' flus għall-irkupru tad-dejn.

Il-proċedura tvarja skont l-ammont tat-talba li trid tiġi rkuprata.

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Ordni ta' ħlas provviżorju jista' jsir għal talbiet finanzjarji fejn is-somma prinċipali hija aktar minn EUR 10 000 (minbarra l-ispejjeż u l-interessi).

Ordni ta' ħlas provviżorju jista' jsir biss kontra debitur li għandu d-domiċilju tiegħu fil-Lussemburgu.

Il-proċedura tal-ordni ta' ħlas provviżorju tista' tintuża biss għal talbiet finanzjarji b'dokumenti mehmuża. Il-proċedura ma tistax tintuża, pereżempju, sabiex jingħata ordni ta' malajr għad-danni.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Le.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Mhux obbligatorja.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Il-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea.

1.2 Il-qorti kompetenti

Kreditur li jixtieq jikseb ordni provviżorju għal ammont ta' aktar minn EUR 10 000 għandu jressaq it-talba tiegħu quddiem il-President tal-Qorti Distrettwali (tribunal d’arrondissement) b'ġuriżdizzjoni fil-post fejn għandu d-domiċilju d-debitur, sakemm il-kreditur jista' jistrieħ ukoll fuq klawżola valida tal-għażla tal-ġuriżdizzjoni. Hemm żewġ Qrati Distrettwali fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, waħda fil-Lussemburgu u l-oħra f'Diekirch.

Japplikaw ir-regoli ġenerali dwar il-ġuriżdizzjoni.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

Ir-rikors għal ordni ta' ħlas provviżorju għandu jiġi ppreżentat quddiem ir-reġistru tal-Qorti Distrettwali. Biex ikun validu, irid ikun fih il-kunjomijiet, l-ismijiet, id-dettalji dwar l-impjieg, id-domiċilju jew ir-residenza tar-rikorrent u l-konvenut, il-kwistjoni li dwarha qed isir ir-rikors, dikjarazzjoni tar-raġunijiet u d-dokumenti ta' sostenn.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Ma hemmx formola obbligatorja.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Il-kreditur ma għandux għalfejn jidher għalih avukat biex jippreżenta r-rikors għal ordni ta' ħlas.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Il-kreditur għandu jindika l-kwistjoni li għaliha qed jirreferi r-rikors (jiġifieri l-ammont li qed jintalab) u jipprovdi dikjarazzjoni tar-raġunijiet (jiġifieri r-raġunijiet għalfejn huma dovuti l-flus). Filwaqt li din id-dikjarazzjoni tista' ssir fil-qosor, għandha tindika r-raġunijiet rilevanti. Il-firxa tar-raġunijiet li għandhom jingħataw ivarjaw fil-prattika skont il-kumplessità tal-każ: jekk id-dokumenti jkunu ċari minnhom infushom, ikun hemm bżonn biss ta' spjegazzjoni qasira.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Il-kredituri iridu jipprovdu dokumenti ta' sostenn mar-rikors tagħhom. L-imħallef jiddeċiedi dwar l-ammissibiltà tar-rikors essenzjalment fuq il-bażi ta' dawn id-dokumenti.

Jistgħu jiġu ppreżentati biss "dokumenti"; il-kreditur ma jistax - f'dan l-istadju tal-proċedimenti - jipproponi li juru li t-talba tiegħu jew tagħha hija fondata b'mezzi oħra, pereżempju billi jtella' x-xhieda.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

L-imħallef jiċħad it-talba jekk hu jqis li r-raġunijiet mogħtija mhumiex prova biżżejjed li t-talba hija ġġustifikata.

Bħal kull deċiżjoni ġudizzjarja oħra, l-ordni ta' ċaħda jrid jinkludi r-raġunijiet.

1.5 Appell

Ma jistax isir appell minn ordni ta' ċaħda. Madankollu l-kreditur jista' jibda proċedimenti ġenerali l-Qorti dwar il-mertu tal-kawża, jew proċedimenti sommarji għal miżura provviżorja.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Debitur li jiġi nnotifikat b'ordni provviżorju għal ħlas għandu 15-il ġurnata biex jappella l-ordni.

L-appell isir permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub ippreżentata fir-reġistru mill-appellant jew mir-rappreżentant tiegħu jew tagħha. Id-dikjarazzjoni trid tispjega fil-qasir ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata, u jkollha mehmuż magħha kull dokument li jista' jgħin biex jiġġustifika l-appell.

Ir-reġistratur iniżżel id-dikjarazzjoni tal-appell fir-reġistru tal-qorti, joħroġ irċevuta, u jinnotifika l-appell lill-konvenut.

Għalkemm il-preskrizzjoni biex jitressaq appell hija ta' 15-il ġurnata, fil-prattika appell jista' jitressaq kull meta l-kreditur jkun għadu ma applikax għal ordni eżekuttiv. Peress li l-kredituri rari jitolbu li jinħareġ immedjatament ordni eżekuttiv wara l-perjodu ta' 15-il ġurnata, id-debituri ta' spiss ikollhom aktar ħin minn dak provdut mil-liġi, iżda ma jgawdux mill-istess ċertezza li jkollhom fl-ewwel 15-il ġurnata.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

L-appell tad-debitur iwaqqaf il-proċedura, li jfisser li ma jistax jinħareġ mal-ewwel ordni eżekuttiv. Jibqgħu, madankollu, xi effetti tan-notifika; l-interessi jkomplu jiżdiedu, pereżempju, mid-data li fiha tkun saret in-notifika lid-debitur.

L-imħallef jeżamina l-appell. Jekk l-imħallef ikun tal-fehma li l-appell jista' jiġi milqugħ, il-fehma tiegħu/tagħha titniżżel f'ordni li jagħti r-raġunijiet u jiddeċiedi/tiddeċiedi li l-ordni maħruġ qabel huwa null u bla effett. Jekk l-appell huwa ġġustifikat parzjalment, l-imħallef jordna l-ħlas tal-parti tat-talba li huwa jkun laqgħa. Jekk l-appell jiġi miċħud, l-imħallef joħroġ ordni kontra d-debitur.

Skont din il-proċedura, l-imħallef jista' jagħti sentenza mingħajr ma jisma' lill-partijiet. L-imħallef jista' jsejjaħ lill-partijiet biex jidhru waqt seduta, iżda ma hemmx obbligu biex it-talbiet jinstemgħu f'seduta miftuħa.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk id-debitur ma jressaqx appell fi żmien 15-il ġurnata min-notifika, il-kreditur jista' jitlob lill-qorti biex toħroġ ordni eżekuttiv.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Il-kreditur jew ir-rappreżentant tiegħu jew tagħha jippreżentaw rikors fir-reġistru tal-qorti li jiddaħħal fir-reġistru tal-qorti.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Jekk l-ordni provviżorju kien ġie nnotifikat personalment lid-debitur, l-ordni eżekuttiv għandu l-effett ta' ordni li jingħata fi proċedimenti fejn jinstemgħu iż-żewġ naħat, u jista' jiġi kontestat biss permezz ta' appell fi żmien 15-il ġurnata wara li jiġi nnotifikat. Jekk l-ordni provviżorju ma kienx ġie nnotifikat personalment lid-debitur, l-ordni eżekuttiv għandu l-effett ta' ordni mogħti b'kontumaċja, u rikors għat-tħassir tiegħu jibqa' possibbli fi żmien tmint'ijiem mid-data li fih ġie nnotifikat, terminu li jibda miexi fl-istess ħin mat-terminu għall-appell.

Ħoloq relatati

http://www.legilux.lu/; https://justice.public.lu/fr.html

L-aħħar aġġornament: 08/05/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna